SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta' Diċembru 2006(*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar tal-fondi – Rikors għal annullament – Drittijiet tad-difiża – Motivazzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rikors għal kumpens għal danni”

Fil-kawża T-228/02,

Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran, stabbilita f’Auvers-sur-Oise (Franza), irrappreżentata minn J.-P. Spitzer, Avukat, D. Vaughan, QC, u É. de Boissieu, Avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn J. E. Collins, wara minn R. Caudwell u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn S. Moore, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett inizjali, minn naħa, talba għal annullament tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK [PBSK] tat-2 ta’ Mejju 2002 dwar l-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK [PBSK] dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 116, p. 75), tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/462/PESK [PBSK] tas-17 ta’ Ġunju 2002 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/340 (ĠU L 160, p. 32), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/460/KE tas-17 ta’ Ġunju 2002 li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/334/KE (ĠU L 160, p. 26), safejn ir-rikorrenti tinsab fuq il-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, u min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għal danni.

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood et. S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, l-Organisation des Modjahedins du peuple d’Iran (Mujahedin-e Khalq bil-Persjan), twaqqfet fl-1965 u stabbilit bħala l-għan tagħha s-sostituzzjoni tar-reġim tax-Xaħ ta’ l-Iran, imbagħad dak tal-mullah, b'reġim demokratiku. Fl-1981 hija pparteċipat fit-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza ta’ l-Iran (KNRI), korp li jiddefinixxi ruħu bħala il-“Parlament f’eżilju tar-reżistenza” Iranjana. Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, hija kienet komposta minn ħames organizzazzjonijiet separati kif ukoll minn sezzjoni indipendenti, li kienet tikkostitwixxi sezzjoni armata li topera ġewwa l-Iran. Skond dak li tgħid, madankollu, ir-rikorrenti u l-aderenti kollha tagħha rrinunzjaw espliċitament għal kull attività militari mix-xahar ta’ Ġunju 2001 u attwalment ma fadlilhiex struttura armata.

2       B’digriet tat-28 ta’ Marzu 2001, is-Secretary of State for the Home Department (Ministru ta’ l-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”) inkluda r-rikorrenti fil-lista ta’ l-organizzazzjonijiet proskritti skond it-Terrorism Act (Liġi ta’ l-2000 dwar it-terroriżmu). Ir-rikorrenti ressqet żewġ rikors paralleli kontra dan id-digriet, waħda f’appell (appeal) quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (Kummissjoni ta’ Appell rigward l-Organizzazzjonijiet Proskritti, POAC), l-oħra għal reviżjoni (judicial review) quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [Qorti tat-Tieni Istanza (Ingilterra u Wales) (Qorti Amministrattiva), iktar ’il quddiem il-“High Court”].

3       Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1 (ċ) ta’ din ir-Riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra kontra persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, ta’ l-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma immexxija minn dawn il-persuni u entitajiet.

4       Fis-27 ta’ Diċembru 2001, filwaqt li kkunsidra li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex timplementa r-Rizoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Kunsill adotta, skond l-Artikoli 15 UE u 34 UE, il-Pożizzjoni Komuni 2001/930/PESK [PBSK] dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 90) u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK [PBSK] dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 93).

5       Skond l-Artikolu 1(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, din tapplika “għall-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”. L-isem tar-rikorrenti ma jidhirx fl-imsemmija lista.

6       L-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiddefinixxi, rispettivament, x'għandu jinftiehem b' “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” u b' “atti terroristiċi”.

7       Skond l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-lista li tinsab f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni li ttieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni għall-att terrorisitiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. “Awtorità kompetenti” għandha tfisser awtorità ġudizzjarja jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-materja, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam.

8       Skond l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.

9       Skond l-Artikoli 2 u 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Komunità Ewropea, li taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat KE, tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitajiet imniżżla fl-Anness u tassigura li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament lilhom.

10     Fis-27 ta’ Diċembru 2001, filwaqt li kkunsidra li Regolament kien neċessarju sabiex jimplementa fuq il-livell Komunitarju l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).  Minn dan ir-Regolament jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għad-derogi li huwa jawtorizza, il-fondi kollha miżmuma minn persuna fiżika jew ġuridika, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tiegħu għandhom jiġu ffriżati. Bl-istess mod, huwa pprojbit li fondi jew servizzi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet. Il-Kunsill, b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

11     Il-lista inizjali tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament Nru 2580/2001 ġiet stabbilita mid-Deciżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2001, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83). L-isem tar-rikorrenti ma jidhirx fiha.

12     Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ April 2002, il-High Court ċaħdet ir-rikors għal reviżjoni mressaq mir-rikorrenti kontra d-digriet tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 (ara punt 2 iktar ’il fuq), billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-POAC kien il-forum xieraq sabiex jinstemgħu l-argumenti tar-rikorrenti, fosthom dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt ta' smigħ xieraq.

13     Fit-2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta, bis-saħħa ta' l-Artikoli 15 UE u 34 UE, il-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK [PBSK], li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 116, p. 75). L-Anness tagħha jaġġorna l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-punt 2 ta’ dan l-Anness, intitolat “Gruppi u Entitajiet”, b’mod partikolari jinkludi l-isem tar-rikorrenti, identifikata kif ġej:

“Mujahedin-e Organisation (MEK jew MKO) [minbarra l-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza ta’ l-Iran (NCRI) [Armata Nazzjonali tal-Liberazzjoni ta’ l-Iran (NLA, in-naħa militanti tal-MEK], il-Mujahidin tal-Poplu ta’ l-Iran, il-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza, is-Soċjetà ta’ l-Istudenti Musulmani Iranjani].

14     Bid-Deċiżjoni 2002/334/KE, tat-2 ta’ Mejju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927 (ĠU L 116, p. 33), il-Kunsill adotta lista aġġornata tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-imsemmi Regolament. L-isem tar-rikorrenti huwa inkluż f’din il-lista, bl-istess kliem bħal dawk użati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2002/340.

15     Fis-17 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2002/462/PESK [PBSK] li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/340 (ĠU L 160, p. 32), u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2002/460/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/334 (ĠU L 160, p. 26). L-isem tar-rikorrenti nżamm fil-listi pprovduti rispettivament mill-Pożizzjoni Komuni Nru 2001/931 u mir-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi kkontestati” u, għal dan ta’ l-aħħar, il-“lista kkontestata”).

16     B’sentenza tal-15 ta’ Novembru 2002, il-POAC ċaħdet ir-rikors għal appell imressaq mir-rikorrenti kontra d-digriet tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li xejn ma kien jeżiġi li hija tisma’ r-rikorrenti minn qabel, peress li tali smigħ, wara kollox, mhuwiex prattiku jew mixtieq fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni diretta kontra organizzazzjonijiet terroristiċi. Skond din l-istess deċiżjoni, l-iskema legali tat-Terrorism Act 2000 tipprovdi possibbiltà ġenwina sabiex l-opinjoni tar-rikorrenti tinstema' quddiem il-POAC.

17     Minn dak iż-żmien, il-Kunsill adotta diversi Pożizzjonijiet Komuni u Deċiżjonijiet li jaġġornaw il-listi kkontestati. Dawk fis-seħħ fid-data ta’ l-għeluq tal-proċedura orali kienu, rispettivament, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/936/PESK [PBSK], tal-21 ta’ Diċembru 2005, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2005/847/PESK [PBSK] (ĠU L 340, p. 80) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/930/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/848/KE (ĠU L 340, p. 64). L-isem tar-rikorrenti dejjem inżamm fil-listi kkontestati permezz ta’ l-atti hekk adottati.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijet

18     Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors, li fih talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tannulla l-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340 u 2002/462 kif ukoll id-Deċiżjoni 2002/460, safejn dawn l-atti jikkonċernawha;

–       konsegwentement, tiddikjara dawn il-Pożizzjonijiet Komuni u din id-Deċiżjoni bħala inapplikabbli fir-rigward tagħha;

–       tordna lill-Kunsill iħallas EUR 1 bħala kumpens għad-dannu subit;

–       tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

19     Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

20     B’digriet tat-12 ta’ Frar 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li sema’ l-partijiet, laqa’ t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. L-intervenjent ippreżenta n-nota tiegħu u talab li r-rikors jiġi miċħud, filwaqt li r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan fit-termini stabbiliti.

21     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet, b'ittra tar-Reġistratur ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom isiru, għall-bqija ta’ dan ir-rikors, mill-elementi ġodda li jikkostitwixxu t-tħassir u s-sostituzzjoni diversi drabi, wara l-preżentazzjoni tar-rikors, ta’ l-atti kkontestati permezz ta’ l-imsemmi rikors, jiġifieri l-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340 u 2002/462 kif ukoll id-Deċiżjoni 2002/460, b'atti li dejjem żammew lir-rikorrenti fuq il-listi kkontestati.

22     Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill sostna li ma kienx meħtieġ li tingħata opinjoni rigward il-Pożizzjonijiet Komuni, ladarba r-rikors huwa, fl-opinjoni tiegħu, f’kull każ inammissibbli f’dan ir-rigward. Rigward id-Deċiżjonijiet Komunitarji li jimplementaw ir-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill huwa ta’ l-opinjoni li “għandu jitqies li r-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 2005/848/KE" tad-29 ta’ Novembru 2005, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/722/KE (ĠU L 314, p. 46), "jew kull deċiżjoni oħra li għandha l-istess suġġett li tkun fis-seħħ fid-data meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti s-sentenza tagħha, safejn din id-Deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti”.

23     Fl-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati fir-Reġistru fit-2 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti hija ta’ l-opinjoni li “għandu jitqies li dan ir-rikors huwa dirett kontra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/847/PESK [PBSK], tad-29 ta’ Novembru 2005", li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2005/725/PESK [PBSK] (ĠU L 314, p. 41) u d-"Deċiżjoni 2005/848”. Barra minn hekk, bħala anness għal dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti hemżet numru ta’ dokumenti ġodda, li ddaħħlu fil-proċess. B'ittra tar-Reġistratur tad-19 ta’ Jannar 2006, l-imsemmija osservazzjonijiet u dokumenti ġew innotifikati lill-Kunsill, li kkonferma li rċeviehom fis-27 ta’ Jannar 2006.

24     B’ittra ppreżentata fir-Reġistru fil-25 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rapport tas-seduta, li fihom sostniet, b’mod partikolari, li r-rikors issa kellu jitqies bħala dirett ukoll kontra l-Pożizzjoni Komuni 2005/936 u d-Deċiżjoni 2005/930. Fl-anness għal din l-ittra, hija hemżet serje addizzjonali ta’ dokumenti ġodda. Il-partijiet ġew innotifikati li deċiżjoni dwar id-dħul ta’ l-imsemmiija annessi fil-proċess kienet se tittieħed waqt is-seduta.

25     Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-7 ta' Frar 2006. Waqt din is-seduta, il-Kunsill invoka l-irregolarità tal-produzzjoni tad-dokumenti ġodda ppreżentati fir-Reġistru mir-rikorrenti fit-18 u l-25 ta’ Jannar 2006 (ara l-punti 23 u 24 iktar ’il fuq). Il-Kunsill żied li huwa ma kienx fil-pożizzjoni li jieħu pożizzjoni kif xieraq fuq dawn id-dokumenti, minħabba d-dewmien fil-komunikazzjoni tagħhom. Għaldaqstant il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza ma tammettix id-dokumenti in kwistjoni fil-proċess, jew inkella tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub sabiex ikun jista’ jsosnti l-opinjoni tiegħu bil-miktub. Il-Qorti tal-Prim’Istanza irriservat id-deċiżjoni tagħha fuq din it-talba, kif ukoll fuq id-dħul fil-proċess tad-dokumenti msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

26     B'risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ddikkjarat li, bħalma l-Kunsill kien irrikonoxxa fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru fit-23 ta’ Diċembru 2005 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), dan ir-rikors għandu jitqies bħala dirett kontra l-Pożizzjoni Komuni 2005/936 u d-Deċiżjoni 2005/930 kif ukoll, jekk ikun xieraq, kontra l-atti l-oħra kollha fis-seħħ fid-data meta tingħata s-sentenza, li għandhom l-istess suġġett ta' l-imsemmija Pożizzjoni Komuni u Deċiżjoni u li jipproduċu l-istess effett fir-rigward tagħha, safejn dawn l-atti jikkonċernawha.

 Fuq il-konsegwenzi proċedurali tat-tħassir u s-sostituzzjoni ta’ l-atti inizjalment ikkontestati

27     Kif jirriżulta mill-punt 17 iktar ’il fuq, l-atti inizjalment ikkontestati permezz ta’ dan ir-rikors, jiġifieri l-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340 u 2002/462 kif ukoll id-Deċiżjoni 2002/460 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni inizjalment ikkontestata”), kienu ġew imħassra u sostitwiti diversi drabi, wara l-preżentazzjoni tar-rikors, b'atti li dejjem żammew ir-rikorrenti fuq il-listi kkontestati. Fid-data ta’ l-għeluq tal-proċedura orali, dawn kienu l-Pożizzjoni Komuni 2005/936 u d-Deċiżjoni 2005/930.

28     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta deċiżjoni hija, waqt il-proċedimenti, sostitwita b'deċiżjoni li għandha l-istess suġġett, din għandha titqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa li jitqassru l-proċeduri. Barra minn hekk ikun inġust li l-istituzzjoni in kwistjoni tkun tista', sabiex taffronta l-kritika li tinstab fir-rikors ippreżentat lill-qorti komunitarja kontra deċiżjoni, tadatta d-deċiżjoni kkontestata jew tissostitwixxijha u li matul il-kawża tużufruwixxi minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex tiċħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għad-deċiżjoni sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplementari kontra din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8; tad-29 ta’ Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 351/85 u 360/85, Ġabra p. 3639, punt 11, u ta’ l-14 ta’ Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il-Kummissjoni, 103/85, Ġabra p. 4131, punti 11 u 12; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2000, CCRE vs Il-Kummissjoni, T-46/98 u T-151/98, Ġabra p. II-167, punt 33).

29     Fis-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-306/01, Ġabra 2005, p. II 3533, taħt appell, iktar ’il quddiem is-“sentenza Yusuf”, punt 73), u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01, Ġabra 2005, p. II 3649, taħt appell, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”, punt 54), il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat din il-ġurisprudenza għall-każ fejn regolament li jirrigwarda direttament u individwalment persuna jiġi ssostitwit, fil-kors tal-proċedura, b'regolament li għandu l-istess suġġett.

30     Għaldaqstant, skond din il-ġurisprudenza, f'dan il-każ għandha tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti, sabiex ir-rikors tagħha jitqies li huwa intiż, fid-data ta’ għeluq tal-proċedura orali, għall-annullament tal-Pożizzjoni Komuni 2005/936 u tad-Deċiżjoni 2005/930, safejn dawn l-atti jikkonċernawha, u sabiex il-partijiet jitħallew jifformulaw mill-ġdid it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta’ dawn l-elementi l-ġodda, li jimplika, fir-rigward tagħhom, id-dritt li jippreżentaw talbiet, motivi u argumenti addizzjonali.

31     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, minn naħa, li jiġi awtorizzat id-dħul fil-proċess tad-dokumenti mehmuża ma’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq ir-rapport tas-seduta, ippreżentati fir-Reġistru fil-25 ta’ Jannar 2006 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li tiċħad it-talba tal-Kunsill sabiex la d-dokumenti in kwistjoni, u lanqas dawk mehmuża ma’ l-osservazzjoni tar-rikorrenti bħala risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentati fir-Reġistru fit-18 ta’ Jannar 2006 (ara l-punti 23 u 25 iktar ’il fuq), ma jiġu ammessi fil-proċess. Fil-fatt, il-produzzjoni ta’ atti u dokumenti ġodda u l-preżentazzjoni ta’ offerti ġodda ta’ prova għandhom jiġu kkunsidrati bħala inerenti għad-dritt li l-partijiet għandhom li jirriformulaw it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom, fid-dawl ta’ l-elementi ġodda msemmija fil-punti preċedenti. Rigward il-kwistjoni jekk id-dewmien tad-dħul tad-dokumenti in kwistjoni fil-proċess jiġġustifikax, f’dan il-każ, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub għan-nom tad-drittijiet tad-difiża tal-Kunsill (ara punt 25 iktar ’il fuq), issir referenza għall-punt 182 iktar ’il quddiem.

32     Għall-bqija, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li quddiemha tista’ titressaq biss talba għall-annullament ta’ att eżistenti u li joħloq preġudizzju. Għaldaqstant jekk ir-rikorrenti tista’ tiġi awtorizzata, kif ġie deċiż fil-punt 30 iktar ’il fuq, tifformula mill-ġdid it-talbiet tagħha b’mod li jkunu intiżi għall-annullament ta’ l-atti li, matul il-proċedimenti, ssostitwew l-atti inizjalment ikkontestati, din is-soluzzjoni ma tistax tawtorizza l-eżaminazzjoni spekulattiva tal-legalità ta’ atti ipotetiċi li għadhom mhumiex adottati (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Langdon vs Il-Kummissjoni, T-22/96, Ġabra p. II-1009, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata)

33     Minn dan isegwi li m'hemmx lok li r-rikorrenti tiġi awtorizzata tifformula mill-ġdid it-talbiet tagħha b’tali mod li dawn isiru mhux biss kontra l-Pożizzjoni Komuni 2005/936 u d-Deċiżjoni 2005/930, iżda wkoll, fejn xieraq, kontra l-atti l-oħra kollha fis-seħħ fid-data li fiha għandha tingħata s-sentenza, li għandhom l-istess suġġett bħall-imsemmija atti u li jipproduċu l-istess effett fir-rigward tagħha, safejn dawn l-atti jikkonċernawha (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

34     Għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirrigwarda biss l-atti diġà adottati, li għadhom fis-seħħ, u kkontestati fid-data ta’ l-għeluq tal-proċedura orali, jiġifieri l-Pożizzjoni Komuni 2005/936 (iktar ’il quddiem il-“Pożizzjoni Komuni kkontestata”) u d-Deċiżjoni 2005/930 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), u dan anki fil-każ fejn l-imsemmija atti min-naħa tagħhom ikunu tħassru u ġew issostitwiti minn oħrajn fid-data li fiha tingħata din is-sentenza.

35     Fil-fatt, f'dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti jibqagħlha interess li tikseb l-annullament ta’ l-atti kkontestati, inkwantu t-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni mhuwiex rikonoxximent ta’ l-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, b'mod differenti mis-sentenza għal annullament li bis-saħħa tagħha l-att annullat huwa eliminat retroattivament mis-sistema legali u jiġi meqjus li qatt ma eżista. Min-naħa l-oħra, kif il-Kunsill irrikonoxxa fis-seduta, f’każ ta’ annullament ta’ l-atti kkontestati, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza, skond l-Artikolu 233 KE, li jista’ jimplika li hija temenda jew tirtira, skond il-każ, l-eventwali atti li kienu ħassru u ssostitwew l-atti kkontestati wara l-għeluq tal-proċedura orali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T-484/93, Ġabra p. II-2941, punti 46 sa 48).

 Fuq it-tieni kap ta' talbiet

36     Permezz tat-tieni kap ta' talbiet tagħha, kif ifformulat mill-ġdid fis-seduta, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara l-atti kkontestati bħala inapplikabbli fir-rigward tagħha, bħala konsegwenza ta' l-annullament parzjali tagħhom mitlub fl-ewwel kap tat-talbiet.

37     Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni kap ta' talbiet, kif ifformulat, m’għandu ebda portata awtonoma meta mqabbel ma' l-ewwel wieħed. Fid-dawl ta’ dan, huwa għandu jitqies li huwa mingħajr suġġett.

 Fuq it-taba għal annullament tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

38     Ir-rikorrenti ssosnti li dan ir-rikors huwa ammissibbli, peress illi kemm il-Pożizzjoni Komuni kkontestata kif ukoll id-Deċiżjoni kkontestata jikkonċernawha direttament u individwalment u li huma ta’ ħsara għaliha. Partikolarment hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti, li fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm ġustizzja, sabiex tistħarreġ ġuridikament il-Pożizzjoni Komuni in kwistjoni.

39     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-prinċipji tar-regola tad-dritt, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(2) UE, huma imposti fuq l-atti kollha ta’ l-Unjoni, fosthom dawk adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) jew tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (komunement imsejħa "ġustizzja u affarijiet interni") (ĠAI). Peress li d-dritt għal aċċess għal korp ġurisdizzjonali huwa wieħed mill-elementi kostituttivi ta’ din ir-regola ta’ dritt, kif jirriżulta wkoll mill-Artikoli 35 UE u 46 UE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños, Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punti 38 u 39), ebda wieħed minn dawn l-atti m’għandu jiġi eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Skond ir-rikorrenti, jekk jiġi deċiż b’mod differenti tinħoloq żona mingħajr liġi.

40     F’kull każ, hemm lok li l-proċess leġiżlattiv, f’dan il-każ segwit mill-Kunsill, jitqies bħala illegali, l-istess bħall-bażi tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-PBSK. Fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija tad-dritt Komunitarju li l-Artikolu 47 UE jistabbilixxi, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tippenalizza tali illegalità li tivvizzja att adottat fuq il-bażi tal-PBSK jew tal-ĠAI. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-170/96, Ġabra p. I-2763).

41     L-imsemmi proċess huwa fil-fatt ikkaratterizzat mir-rieda kostanti tal-Kunsill, fuq il-bażi ta' l-invokazzjoni ta’ regola internazzjonali, li jevita l-eżiġenzi tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-kontroll demokratiku, leġiżlattiv jew ġuridiku, ta’ l-atti tiegħu, mingħajr kunsiderazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Mandankollu, il-persuni inkarigati bl-eżekuzzjoni materjali ta’ dawn l-atti ta’ l-Unjoni jibqgħu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad-drittijiet fundamentali.

42     Barra minn hekk, din il-volontà ġiet ikkritikata mill-Parlament Ewropew meta ġie kkonsultat fuq l-abbozz tar-Regolament Nru 2580/2001. B’mod partikolari, din kienet tidher mill-fatt li l-Kunsill kien ħa f’idejh il-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, permezz ta’ deċiżjonijiet, li wara kollox jidher li mhumiex motivati.

43     Mingħajr ma jikkontestaw li r-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-atti kkontestati, il-Kunsill u r-Renju Unit jallegaw li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu huwa dirett kontra l-Pożizzjoni Komuni kkontestata.

44     Konsegwentement, il-Kunsill u r-Renju Unit iqisu li din l-istanza għandha tiġi limitata għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li trendi l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 2580/2001 applikabbli għar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45     Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza (id-digrieti tas-7 ta’ Ġunju 2004, Segi et vs Il-Kunsill, T-338/02, Ġabra p. II-1647, taħt appell, punti 40 et seq, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill, T-333/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, taħt appell, punti 40 u segwenti, u tat-18 ta’ Novembru 2005, Selmani vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-299/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 52 sa 59), ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament mhux fondat safejn huwa intiż għall-annullament tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata.

46     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li din il-Pożizzjoni Komuni mhijiex att tal-Kunsill adottat taħt it-Trattat KE u suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 230 KE, iżda att tal-Kunsill, kompost minn rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15 UE, li jaqa’ taħt it-titolu V tat-Trattat UE dwar il-PBSK u l-Artikolu 34 UE, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE relatat mal-ĠAI.

47     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda rikors għal annullament ta’ Pożizzjoni Komuni quddiem il-qorti Komunitarja ma huwa previst fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat UE dwar il-PBSK, u lanqas fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE dwar il-ĠAI.

48     Fil-fatt, fil-kuntest tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma elenkati b'mod eżawrjenti mill-Artikolu 46 UE.

49     Minn naħa, dan ma jipprovdi għal ebda kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE.

50     Minn naħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE rilevanti għal dan il-każ, dan l-Artikolu jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, li għandhom x'jaqsmu mal-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-eżerċizzju ta' dawk il-poteri għandhom japplikaw biss għall-provvedimenti li ġejjin ta' dan it-Trattat:

[...]

b) id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI, skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35 [UE];

[...]

d) l-Artikolu 6(2) [UE] f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet, sakemm il-Qorti jkollha l-ġurisdizzjoni skond it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u skond dan it-Trattat;

[...]”

51     Skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 35 UE:

“1.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitjiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ qafas u deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti taħt dan it-Titolu u dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-miżuri li jimplementawhom.

[...]

6.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrevedi l-validità ta’ deċiżjonijiet [...] qafas u deċiżjonijiet f’azzjonijiet li jkunu tqajmu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ inkompetenza, ksur tal-forma sostanzjali, ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi regola tal-liġi li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni tiegħu, jew ta’ użu ħażin tal-poteri. Il-proċeduri previsti f’dan il-paragrafu għandhom ikunu istitwiti f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ din il-miżura.

[...]”

52     Jirriżulta mill-Artikoli 35 UE u 46 UE li, fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE, l-uniċi rimedji għal evalwazzjoni ta' validità jew ta’ annullament disponibbli huma kontra d-deċiżjonijiet [ta’] qafas, deċiżjonijiet u miżuri ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet previsti, rispettivament, mill-Artikolu 34(2)(b), (ċ) u (d) UE, bl-esklużjoni tal-Pożizzjonijiet Komuni previsti fl-Artikolu 34(2)(a) UE.

53     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali prevista mill-Artikolu 6(2) UE mhijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 46(d) UE ma joffri ebda titolu ta’ kompetenza addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja (id-digriet Segi et vs Il-Kunsill, punt 45 iktar ’il fuq, punt 37).

54     Fir-rigward tan-nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju invokat mir-rikorrenti, dan, minnu nnifsu ma jistax jagħti kompetenza Komunitarja proprja – fis-sistema legali Komunitarja bbażata fuq il-prinċipju tal-kompetenzi ta’ attribuzzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 KE – fir-rigward ta’ att adottat f’sistema legali relatata iżda distinta, jiġifieri dik li toħroġ mit-Titoli V u VI tat-Trattat UE (ara d-digriet Segi et vs Il-Kunsill, punt 45 iktar ’il fuq, punt 38). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka s-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq. F’din is-sentenza (punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li t-Trattat KE stabbilixxa sistema kompleta ta’ mezzi ta’ rikorsi u ta’ proċeduri intiża sabiex tassigura l-istħarriġ tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet. Madankollu, kif intwera iktar ’il fuq, għal dak li jikkonċerna l-atti adottati fuq il-bażi tat-Titoli V u VI tiegħu, it-Trattat UE stabbilixxa stħarriġ ġudizzjarju limitat, peress li ċerti oqsma ma kienux jaqgħu taħt l-imsemmi stħarriġ u ċerti rimedji ta’ dritt ma kinux disponibbli.

55     Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, mingħajr ma hemm lok li titqies il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-validità ta’ Pożizzjoni Komuni quddiem il-qrati ta’ l-Istati Membri, il-Pożizzjoni Komuni kkontestata teżiġi l-adozzjoni ta’ atti ta’ eżekuzzjoni Komunitarji u/jew nazzjonali sabiex tkun effettiva. Madankollu, ma ġiex allegat li dawn l-atti ta’ eżekuzzjoni ma setgħux huma stess ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti Komunitarja jew quddiem il-qorti nazzjonali. B'hekk, mhuwiex stabbilit li r-rikorrenti m'għandhiex rimedju ġudizzjarju effettiv disponibbli, għalkemm indirett kontra l-atti, adottati skond il-Pożizzjoni Komuni kkontestata, li huma direttament ta’ preġudizzju għaliha. Barra minn hekk, f’dan il-każ ir-rikorrenti effettivament użat dan id-dritt ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni kkontestata.

56     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tqis rikors għal annullament magħmul kontra Pożizzjoni Komuni adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 15 UE u 34 UE ħlief strettament fil-każ biss meta r-rikorrenti tinvoka, in sostenn ta’ tali rikors, ksur tal-kompetenzi tal-Komunità (id-digriet Selmani vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 56). Fil-fatt, il-qrati Komunitarji huma kompetenti sabiex jeżaminaw il-kontenut ta’ att adottat fil-kuntest tat-Trattat UE sabiex jivverifikaw jekk dan l-att jaffettwax il-kompetenzi tal-Komunità u sabiex jannullawh jekk jinstab li huwa kellu jiġi bbażat fuq dispożizzjoni tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, punti 16 u 17, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-176/03, Ġabra p. I-7879, punt 39; digrieti Segi et vs Il-Kunsill u Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill, punt 45 iktar ’il fuq, punt 41; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C-124/95, Ġabra p. I-81, punt 25).

57     F’dan il-każ, safejn ir-rikorrenti tinvoka abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kunsill meta jaġixxi fil-qasam ta’ l-Unjoni Ewropea mingħajr rispett tal-kompetenzi tal-Komunità, bil-għan li jċaħħadha minn kull protezzjoni ġudizzjarja, dan ir-rikors għaldaqstant jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati Komunitarji.

58     Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, fir-rigward tal-kuntest ta’ l-Unjoni, mhux talli ma kisirx il-kompetenzi tal-Komunità, iżda bil-kontra bbaża ruħu fuqhom sabiex jassigura l-eżekuzzjoni tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata. Fil-fatt, peress li, minn naħa, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-kompetenzi Komunitarji rilevanti, b’mod partikolari dawk imniżżla fl-Artikoli 60 KE u 301 KE, huwa ma jistax jiġi akkużat li injorahom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti baqgħet ma ċċitat ebda bażi legali rilevanti minbarra d-dispożizzjonijiet effettivament użati f’dan il-każ li setgħet ġiet injorata bi ksur ta' l-Artikolu 47 UE. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet infushom jipprovdu għall-adozzjoni minn qabel ta’ Pożizzjoni Komuni jew ta’ azzjoni komuni sabiex ikunu applikabbli. Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni minn qabel ta’ Pożizzjoni Komuni qabel l-implementazzjoni tal-kompetenzi Komunitarji applikati f’dan il-każ juru r-rispett ta’ dawn il-kompetenzi u mhux il-ksur tagħhom. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikors għal Pożizzjoni Komuni skond it-Trattat UE jfisser li l-persuni affettwati huma mċaħħda minn rimedju ġudizzjarju dirett quddiem il-qorti Komunitarja, jiġifieri l-possibbiltà li jikkontestaw direttament il-legalità tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata, tali riżultat ma jikkostitwixxix, bħala tali, ksur tal-kompetenzi tal-Komunità. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Frar 2002, li fiha dan ikkritika l-għażla ta’ bażi ġuridika li taqa’ taħt it-Trattat UE għall-kostituzzjoni tal-lista tal-persuni, gruppi jew entitajiet involuti f’att terroristiku, għandu jiġi kkonstatat li din il-kritika tirrigwarda għażla politika u ma tqiegħedx in kwistjoni, bħala tali, il-legalità tal-bażi ġuridika magħżula jew il-ksur tal-kompetenzi tal-Komunità (id-digriet Segi et vs Il-Kunsill, punt 45 iktar’ il fuq, punt 46).

59     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta tiddeċiedi fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ta’ legalità limitat li jirriżulta mill-kompetenza tagħha skond it-Trattat KE, tista’ tikkonstata biss li l-Pożizzjoni Komuni kkontestata ma tiksirx il-kompetenzi tal-Komunità.

60     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li fil-każ limitat fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tqis dan ir-rikors inkwantu dirett kontra l-Pożizzjoni Komuni kkontestata, dan għandu jiġi miċħud bħala manifestament mhux fondat.

 Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

61     In sostenn tat-talbiet tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa maqsum f’ħames partijiet, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-ksur tad-dritt għal preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-ribelljoni kontra t-tirannija u l-oppressjoni. It-tielet huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni.

62     Qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

63     Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma tikkontesta, per se, la l-legalità u lanqas il-leġittimità ta’ miżuri bħall-iffriżar tal-fondi previst mill-atti kkontestati kontra persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

64     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti tal-motiv, li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet fundamentali tagħha u, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża tagħha, kif huma garantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(2) UE u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), peress li dan l-att jippenalizzaha u jikkawżalha ħsara kunsiderevoli, mingħajr ma hija tkun instemgħet qabel l-adozzjoni tagħha, u saħansitra mingħajr ma hija setgħet tagħti l-opinjoni tagħha b’mod effettiv sussegwentement. Hija tqis li, peress li għandha uffiċċji u mexxejja magħrufa, ir-rappreżentanti tagħha kellhom jiġu msejħa u jinstemgħu qabel l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti insistiet fuq il-fatt li lanqas ma kienet taf l-identità ta’ l-awtorità nazzjonali awtriċi tad-deċiżjoni allegatament meħuda fir-rigward tagħha fuq il-bażi ta' l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll l-elementi ta’ prova u ta’ informazzjoni li fuq il-bażi tagħhom ittieħdet tali deċiżjoni. Skond ir-rikorrenti, l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata saret “apparentement unikament fuq dokumenti ppreżentati mir-reġim ta’ Tehran”.

65     Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni fit-tieni u tielet parti tal-motiv, li l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata, mingħajr smigħ minn qabel u mingħajr l-inqas indikazzjoni tal-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li legalment jiġġustifikawha, tikser ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 253 KE kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 1968, Mandelli vs Il-Kummissjoni, 3/67, Ġabra p. 35, u Johnston, punt 39 iktar ’il fuq).

66     Ir-rikorrenti ssostni wkoll, fir-raba’ parti tal-motiv li, din l-inklużjoni barra minn hekk tippreġudika l-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantita mill-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tikkwota wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-10 ta’ Frar 1995, Allenet de Ribemont (Serje A Nru 308).

67     Fl-aħħar nett ir-rikorrenti ssostni, fil-ħames parti tal-motiv, li l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata hija r-riżultat ta' żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt hija tqis, li hija bl-ebda mod ma tista’ tiġi akkużata li tikkostitwixxi organizzazzjoni terroristika.

68     Il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx id-drittijiet fundamentali li qed jiġi allegat li nkisru.

69     B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-dritt ta’ smigħ, il-Kunsill josserva li r-rikorrenti nfisha sostniet li hija kienet kitbet lill-President in kariga tal-Kunsill, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjalment ikkontestata, sabiex targumenta l-każ tagħha. Il-Kunsill isosnti li għaldaqstant huwa kien semagħha qabel ma ffriża l-fondi tagħha. Huwa jinvoka, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Awwissu 2000, “Invest” Import und Export u Invest commerce vs Il-Kummissjoni (T-189/00 R, Ġabra p. II-2993, punt 41), fejn jirriżulta indirettament li kuntatti bikrija ma’ l-awtoritajiet, il-preżentazzjoni ta’ l-opinjoni tagħha b’mod dettaljat u l-għarfien ta' l-inklużjoni ppjanata tagħha fil-lista s-sewda huma kollha elementi li jissodisfaw id-dritt ta' smigħ.

70     Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma reġgħet għamlet kuntatt mal-Kunsill, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjalment ikkontestata, sabiex tikseb l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħha bil-għan ta’ l-eventwali tneħħija tagħha mill-lista kkontestata.

71     F’kull każ, ma jirriżultax mill-KEDB, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, strument li wara kollox mhuwiex vinkolanti, jew mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika dritt inkundizzjonat ta' smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ sanzjoni ċivili jew amministrattiva, bħal dik ikkontestata f’dan il-każ.

72     Għaldaqstant, il-Kunsill u r-Renju Unit josservaw li eċċezzjonijiet għad-dritt ġenerali ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jidhru possibbli, almenu f’ċerti Stati membru, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, ta' ordni pubbliku jew taż-żamma tar-relazzjonijiet internazzjonali, jew ukoll meta l-għan tad-deċiżjoni li għandha tittieħed huwa jew jista’ jiġi mfixkel jekk id-dritt in kwistjoni jingħata. Bħala eżempji, il-Kunsill isemmi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, Franċiża, Taljana, Ingliża, Daniża, Żvediża, Irlandiża u Belġjana.

73     Min-naħa tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit jiddeskrivi l-proċedura speċjali applikabbli quddiem il-POAC, fil-kuntest ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni tal-Home Secretary li jipprojbixxi organizzazzjoni meta jaħseb li hija involuta fit-terroriżmu, skond it-Terrorism Act 2000. B’mod partikolari, din il-proċedura hija kkaratterizzata mill-ħatra ta’ avukat speċjali sabiex jirrappreżenta r-rikorrenti quddiem il-POAC li tisma’ l-kawża in camera, kif ukoll mill-possibbiltà għall-POAC li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova li ma ġewx rivelati lil din il-parti jew lir-rappreżentant legali tagħha, skond il-liġi jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku. F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ tali deċiżjoni ta’ projbizzjoni (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), li kontriha hija ressqet żewġ rikorsi paralleli, wieħed għal appell quddiem il-POAC, l-ieħor għal reviżjoni quddiem il-High Court. Bis-sentenza tas-17 ta’ April 2002, il-High Court kienet ċaħdet ir-rikors għal reviżjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) u, bis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2002, il-POAC kienet ċaħdet ir-rikors għal appell (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

74     Bl-istess mod, skond il-Kunsill u r-Renju Unit, id-dritt Komunitarju ma jagħti ebda dritt ta' smigħ lir-rikorrenti qabel l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata.

75     Skond ir-Renju Unit, din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni (C-135/92, Ġarba p. I-2885), invokata mir-rikorrenti, inkwantu l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista kkontestata ma tikkostitwixxix l-implementazzjoni ta’ proċedura fir-rigward tagħha, dwar dritt diġà eżistenti, iżda l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva jew amministrattiva mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Persuna milquta minn tali miżura mhijiex konvenuta fi proċedura u, konsegwentement, il-kwistjoni tad-drittjiet tad-difiża sempliċement ma tqumx. Id-drittijiet tagħha huma ggarantiti mill-possibbiltà li tibda proċedimenti, f’dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li skond l-Artikolu 230 KE, għandha kompetenza sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ġietx adottata legalment u/jew jekk ir-rikorrenti effettivament taqa’ taħt din il-leġiżlazzjoni.

76     Fl-istess sens, il-Kunsill jinvoka wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni (5/85, Ġabra p. 2585, punti 20 u 24), u ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 20). Barra minn hekk, il-Kunsill jiddubita jekk il-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti fil-kawżi ta’ kompetizzjoni jew ta' protezzjoni tal-kummerċ jistgħux jiġu applikati mingħajr riserva f’din il-kawża. Fl-opinjoni tiegħu, il-ġurisprudenza l-iktar rilevanti f’dan il-każ hija dik li ammettiet li, fil-każ ta’ persuna milquta minn sanzjoni Komunitarja adottata fuq proposta ta’ awtorità nazzjonali, id-dritt ta' smigħ għandu jiġi effettivament iggarantit qabel kollox fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-interessat u l-amministrazzjoni nazzjonali (digriet “Invest” Import und Export u Invest commerce vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 40).

77     Rigward l-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Kunsill jenfasizza li xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jindika li l-garanziji previsti minn din id-dispożizzjoni kellhom jiġu applikati waqt il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-iffriżar ta’ l-assi tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix sanzjoni penali u ma jistax jiġi assimilat ma’ tali sanzjoni skond kriterji ta’ gravità applikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti Ewropea D.B., is-sentenzi Engel et tat-8 ta’ Ġunju 1976, Serje A Nru 22, Campbell u Fell tat-28 ta’ Ġunju 1984, Serje A Nru 80, u Öztürk tat-23 ta’ Ottubru 1984, Serje A Nru 85). Din l-istess Qorti ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB huwa inapplikabbli għall-fażijiet amministrattivi ta’ investigazzjoni quddiem l-awtoritajiet amministrattivi. Huwa biss il-mod kif l-informazzjoni miġbura matul l-istruttorja amministrattiva hija wżata waqt il-proċedimenti ġudizzjarji li huwa suġġett għad-dritt ta' smigħ xieraq (Qorti Europea D.B., is-sentenza Fayed tal-21 ta’ Settembru 1994, Serje A Nru 294-B).

78     Ir-Renju Unit jikkontesta wkoll il-fatt li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolamentari. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għal kontestazzjonijiet li jirrigwardaw drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili u l-garanziji li hija tipprovdi mhumiex applikabbli ħlief fil-każ fejn teżisti kawża li teżiġi deċiżjoni. Għaldaqstant hija ma tagħtix lill-individwi d-dritt ta' smigħ qabel l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li jinterferixxi mad-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà. F’każ bħal dan, l-individwi għandhom biss id-dritt li jikkontestaw a posteriori l-legalità ta’ din il-leġiżlazzjoni jew l-applikazzjoni tagħha għall-każ in kwistjoni (Qorti Europea D.B., is-sentenzi Lithgow et tat-8 ta’ Lulju 1986, Serje A Nru 102, u James et tal-21 ta’ Frar 1986, Serje A Nru 98).

79     F’dan il-każ, la l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista kkontestata u lanqas, għaldaqstant, l-iffriżar ta’ l-assi tagħha, ma jaqgħu, skond ir-Renju Unit, taħt l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Konsegwentment, ir-rikorrenti ma kellha ebda dritt li ssostni l-argumenti tagħha qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, fil-kuntest ta’ din l-istess dispożizzjoni, ir-rikorrenti għandha dritt tibda proċeduri legali sabiex tikkontesta l-legalità tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Fil-fatt, hija eżerċitat dan id-dritt billi ressqet dan ir-rikors.

80     F’kull każ, il-miżuri in kwistjoni f’dan il-każ, stabbiliti minħabba l-urġenza, mhumiex sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-għan li għandu jintlaħaq u huma ma stabbilixewx żbilanċ inġust bejn l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-interess ġenerali u dawk marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, peress illi huwa mifhum li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu eżerċitati ladarba dawn il-miżuri jkunu ttieħdu.

81     F’dan ir-rigward, il-Kunsill u r-Renju Unit jenfasizzaw li informazzjoni jew smigħ tar-rikorrenti qabel l-iffriżar ta’ l-assi tagħha kienu jqiegħdu f'periklu r-realizzazzjoni ta’ l-għan importanti ta’ interess pubbliku mfittex mir-Regolament Nru 2580/2001, li huwa li jevita li l-fondi jkunu jistgħu jservu għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. Skond dawn il-partijiet, fil-fatt, ir-rikorrenti setgħet tuża’ għall-vantaġġ tagħha t-terminu ta’ żmien li kien mogħti lilha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, sabiex titrasferixxi l-fond tagħha barra mill-Unjoni.

82     Ir-Renju Unit iżid jgħid li probabbilment jeżistu raġunijiet imperattivi ta' sigurtà nazzjonali sabiex ma tiġix rilevata lill-interessat l-informazzjoni u l-provi li fuq il-bażi tagħhom awtorità komeptenti tista’ tadotta deċiżjoni li tikkonstata li entità hija involuta fit-terroriżmu.

83     Rigward il-ksur allegat ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata, għalkemm mhux speċifikatament motivata, tillimita ruħha li taġġorna l-lista prevista mir-Regolament Nru 2580/2001, li l-Artikolu 2(3) tagħha jelenka l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom il-persuni, gruppi u entitajiet huma inklużi fil-lista kkontestata. L-imsemmi Regolament, il-Pożizzjoni Komuni kkontestata u d-Deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrati flimkien f’kuntest magħruf sew tar-rikorrenti, jissodisfaw b'hekk l-obbligu ta’ motivazzjoni kif definit mill-ġurisprudenza, peress li huwa mifhum li l-kundizzjonijiet materjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mhumiex l-istess bħal dawk eżistenti f’oqsma oħra, bħal dak tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395; punt 15, ara fil-fatt, fil-kuntest ta’ l-iffriżar tal-fondi, id-digriet “Invest” Import und Export u Invest commerce vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 43).

84     Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li d-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma tippreġudika d-dritt tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

85     Rigward l-allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit iqisu li r-rikorrenti mhijiex iġġustifikata ssostni li hija mhijiex organizzazzjoni terroristika u li għaldaqstant hija ma taqax taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

86     Il-Kunsill u r-Renju Unit ifakkru li, skond l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-lista kkontestata għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fil-proċess li turi li deċiżjoni ġiet adottata minn awtorità nazzjonali kompetenti, li tidentifika persuna, grupp jew entità bħala involuti f’attivitajiet terroristiċi. Madankollu, ir-rikorrenti ma ssostnix, u xejn ma jissuġġerixxi, li hija ma kinitx ġiet inkluża fil-lista kkontestata fuq il-bażi ta’ tali deċiżjoni.

87     Il-Kunsill jammetti li, skond it-termini ta’ din l-istess dispożizzjoni, huwa għandu jivverifika r-rispett mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kriterji stabbiliti mill-Unjoni. Madankollu, din il-verifika ma tikkonċernax fatti bħal dawk allegati mir-rikorrenti, u lanqas informazzjoni xi drabi bbażata fuq sorsi protetti jew fuq l-azzjoni tas-servizzi speċjalizzati ta’ l-Istati Membri. Minħabba r-rwol essenjali li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċedura, il-Kunsill u r-Renju Unit iqisu li kontestazzjoni ta' l-istess fatti li b’kunsiderazzjoni tagħhom l-awtoritajiet pproponew l-inklużjoni ta’ persuna fil-lista kkontestata jew talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni tagħhom ma tistax issir b’mod effettiv ħlief fuq livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit josserva li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2580/2001 jawtorizza lill-Kummissjoni temenda l-anness ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

88     Madnakollu, il-Home Secretary li huwa l-awtorità kompetenti fil-materja fir-Renju Unit, ċaħad it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb it-tneħħija tagħha mill-lista ta’ l-organizzazzjonijiet projbiti skond it-Terrorism Act 2000. Filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, minn naħa, li hija kienet involuta fi ġlieda leġittima kontra reġim repressiv u, min-naħa l-oħra, li l-atti ta’ reżistenza armata tagħha ġew ikkonċentrati kontra miri militari fl-Iran, il-Home Secretary ddikjara li ma setax jaċċetta “ebda dritt ta' rikors għal atti terroristiċi, tkun xi tkun il-motivazzjoni”. Ir-rimedji ġudizzjarji eżerċitati mir-rikorrenti kontra din id-deċiżjoni ġew miċħuda (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

89     Hemm lok li jiġu eżaminati, flimkien, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huma strettament marbuta. Minn naħa, fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tikkontribwixxi sabiex tassigura l-eżerċizzju korrett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Min-naħa l-oħra, teżisti relazzjoni fil-qrib bejn id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u l-obbligu ta’ motivazzjoni. Bħalma ma tenfasizzah ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji, skond l-Artikolu 253 KE, li jimmotivaw l-atti tagħhom, ma jissodisfax biss kunsiderazzjonijiet formali, iżda huwa intiż sabiex jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha u lil dawk ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk l-att huwiex fondat korrettament (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 1963, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 24/62, Ġabra p. 131, 143, u ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I-3657, punt 22; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T-346/02 u T-347/02, Ġabra P. II-4251, punt 225). B'hekk, dawk ikkonċernati ma jistgħux jeżerċitaw ir-rimedju ġudizzjarju tagħhom ħlief jekk huma għandhom għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi ta’ l-att in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-309/95, Ġabra p. I-655, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-89/96, Ġabra p. II-2089, punt 33).

90     Fid-dawl ta’ l-argumenti żviluppati prinċipalment mill-Kunsill u mir-Renju Unit, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett se tivverifika jekk id-drittijiet u garanziji li r-rikorrenti sostniet li ġew miksura jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu applikati fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ l-iffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001. Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi l-għan u tippreċiża l-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet u garanziji f’tali kuntest. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni fuq l-allegat ksur tad-drittijiet u garanziji in kwistjoni, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

 Applikabbiltà tal-garanziji relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ l-iffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001.

–       Id-drittijiet tad-difiża

91     Skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-dritt għal difiża, f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwa lil tali persuna, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta' dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit, anki fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura in kwistjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li kull persuna li fir-rigward tagħha tista' tiġi imposta sanzjoni tingħata l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha fi-rigward ta' l-elementi mressqa kontriha sabiex tiġi fondata s-sanzjoni. (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Fiskano vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92     F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet imposta miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja (l-iffiżar tal-fondi) taffettwaha b'mod negattiv (ara wkoll l-punt 98 iktar ’il fuq). B’hekk din il-ġurisprudenza hija rilevanti għal dan il-każ.

93     Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, minbarra eċċezzjonijiet (ara l-punti 127 et seq iktar ’il fuq), il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tinkludi, bħala regola ġenerali, żewġ partijiet prinċipali. Minn naħa, il-parti kkonċernata għandha tiġi informata bl-elementi mressqa kontriha sabiex tiġi ġġustifikata s-sanzjoni amministrattiva prevista (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni ta’ l-elementi ppreżentati”). Min-naħa l-oħra, għandha tingħata l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha rigward dawn l-elementi (iktar ’il quddiem is-“smigħ”).

94     Interpretata b’dan il-mod, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva infisha għandha tiġi distinta minn dik li tirriżulta mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-att li jikkawża ħsara eventwalment adottat skond din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T-372/00, RecFP p. I-A-49 u II-223, punt 36). Għaldaqstant l-argumenti tal-Kunsill u tar-Renju Unit relatati ma’ l-Artikolu 6 tal-KEDB (ara l-punti 77 sa 79 iktar ’il fuq) mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

95     Barra minn hekk, il-garanzija relatata mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża hekk imsejħa, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ l-iffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001 ma tistax tiġi miċħuda lill-partijiet ikkonċernati sempliċement għar-raġuni invokata mill-Kunsill u mir-Renju Unit (ara l-punti 78 u 79 iktar ’il fuq), li la l-KEDB u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jagħtu lill-individwi dritt ta' smigħ qabel ma jiġi adottat att ta' natura leġiżlattiva (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punt 322).

96     Huwa minnu li l-ġurisprudenza dwar id-dritt ta' smigħ ma tistax tiġi estiża għall-kuntest ta' proċedura leġiżlattiva Komunitarja li twassal għall-adozzjoni ta' miżuri regolatorji li jinvolvu għażla ta' politika ekonomika u li japplikaw fir-rigward tal-ġeneralità ta' l-operturi kkonċernati (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 1996, Atlanta et. vs il-KE, T521/93, Ġabra. p. II-1707, punt 70, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punti 31 sa 38).

97     Huwa wkoll minnu li d-deċiżjoni kkontestata, li żżomm ir-rikorrenti fil-lista kkontestata, wara li din kienet ġiet inkluża fiha permezz tad-Deċiżjoni inizjalment ikkontestata, għandha l-istess portata ġenerali bħar-Regolament Nru 2580/2001 u hija, bħal dan, direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Għaldaqstant hija għandha, minkejja t-titolu tagħha, in-natura leġiżlattiva ta’ dan l-att fis-sens ta' l-Artikolu 249 KE (ara, b’analoġija, d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 2003, DOW AgroSciences vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-45/02, Ġabra p. II-1973, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punti 184 sa 188).

98     Madankollu, din id-deċiżjoni mhijiex ta’ natura esklużivament leġiżlattiva. Filwaqt li tapplika l-effetti tagħha erga omnes, hija tikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrenti, li hija tindika li għandha tiġi inkluża fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skond ir-Regolament Nru 2580/2001. Fir-rigward ta’ att li jimponi miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq mhijiex għaldaqstant rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punt 324).

99     Barra minn hekk, għandhom jiġu osservati l-elementi li jiddistingwu din il-kawża mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi Yusuf u Kadi, punt 29 iktar ’il fuq, li fihom kien ġie deċiż li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kellhomx obbligu li jisimgħu l-partijiet ikkonċernati fil-kuntest ta’ l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżura analoga ta’ ffriżar tal-fondi ta’ persuni u entitajiet marbuta ma’ Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban.

100   Din is-soluzzjoni ġiet iġġustifikata, fl-imsemmija kawżi, bil-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu llimitaw ruħhom li jittrasponu fis-sistema legali Komunitarja, bħal ma huma kellhom obbligu li jagħmlu, riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet li kienu jimponu l-iffriżar tal-fondi tal-partijiet ikkonċernati, indikati b’isimhom, mingħajr ma bl-ebda mod jawtorizzaw lil dawn l-istituzzjonijiet, fl-istadju ta' l-implementazzjoni konkreta tagħhom li jipprovdu għal kwalunkwe mekkaniżmu Komunitarju ta' eżami jew ta' eżami mill-ġdid tas-sitwazzjonijiet individwali. Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li l-prinċipju ta' dritt Komunitarju dwar id-dritt ta' smigħ ma jistax jiġi applikat f'tali ċirkustanzi, fejn smigħ tal-partijiet ikkonċernati fl-ebda każ ma jista' jwassal lill-istituzzjoni li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha (is-sentenzi Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punt 328, u Kadi, punt 29 iktar ’il fuq, punt 258).

101   Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, minkejja li huwa minnu li r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tipprovdi b’mod partikolari fil-paragrafu 1(ċ) tagħha li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni li jikkommettu jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, ta’ entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u persuni u entitajiet li jaġixxu f’isem jew li huma mmexxija minn dawn il-persuni u entitajiet, hija ma tistabbilixxiex individwalment il-persuni, gruppi u entitajiet li għandhom ikunu s-suġġett ta’ dawn il-miżuri. Il-Kunsill tas-Sigurtà lanqas ma stabbilixxa regoli legali preċiżi rigward il-proċedura ta’ ffriżar tal-fondi, jew rigward il-garanziji jew rimedji ġudizzjarji li jassiguraw lill-persuni u entitajiet ikkonċernati minn tali proċedura possibbiltà effettiva li jikkontestaw il-miżuri adottati fir-rigward tagħhom mill-Istati.

102   B'hekk, fil-kuntest tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001), huma l-Istati Membri ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) -, u f’dan il-każ, il-Komunità, li permezz tagħha l-Istati Membri tagħha ddeċiedew li jaġixxu – li għandhom jidentifikaw konkretament liema huma l-persuni, gruppi u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skond din ir-Riżoluzzjoni, billi jikkonformaw ruħhom mar-regoli tas-sistema legali rispettiva tagħhom.

103   F’dan ir-rigward, il-Kunsill sostna, waqt is-seduta, li, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-miżuri li huwa adotta bis-saħħa ta' kompetenza relatata u li, għalhekk, jibbenefikaw mill-effett ta’ “supremazija” li jirriżulta mill-Artikoli 25 u 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, huma essenzjalment dawk previsti mid-dispożizzjonijiet materjali tar-Regolament Nru 2580/2001, li jistabbilixxu l-kontenut tal-miżuri restrittivi li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1(ċ) ta’ l-imsemmija Riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, b'mod differenti mill-atti in kwistjoni fil-kawżi li kienu taw lok għas-sentenzi Yusuf u Kadi, punt 29 iktar ’il fuq, l-atti li japplikaw konkretament dawn il-miżuri restrittivi għal kwalunkwe persuna jew entità, bħad-deċiżjoni kkontestata, ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza relatata u b’hekk ma jibbenefikawx mill-effett ta’ “supremazija” in kwistjoni. Il-Kunsill iqis li l-adozzjoni ta’ dawn l-atti taqa’ pjuttost taħt l-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li huwa għandu fil-qasam PBSK.

104   Essenzjalment, dawn il-kunsiderazzjonjiet jistgħu jiġu approvati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, suġġetti għal diffikultajiet eventwali ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 (ċ) tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas, fil-preżent, ta’ definizzjoni universalment aċċettata tal-kunċetti ta’ “terroriżmu” u ta’ “att terroristiku” fid-dritt internazzjonali [ara, f’dan ir-rigward, id-dokument finali (A/60/L1) adottat mill-Assemblea Ġenerali ta’ l-ONU fil-15 ta’ Settembru 2005, fl-okkażjoni tas-summit dinji għaċ-ċelebrazzjoni tas-sittin anniversarju ta’ din l-organizzazzjoni].

105   Fl-aħħar nett, il-Kunsill sostna, waqt is-seduta, li, inkwantu istituzzjoni Komunitarja awtriċi tar-Regolament Nru 2580/2001 u tad-deċiżjonijiet li jqiegħduh fis-seħħ, huwa ma jqisx lilu nnifsu marbut mill-Pożizzjonijiet Komuni adottati fil-qasam tal-PBSK mill-Kunsill inkwantu istituzzjoni komposta minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, minkejja li qies normali li jassigura l-koerenza ta’ l-azzjonijiet tiegħu skond il-PBSK u t-Trattat KE.

106   B'hekk il-Kunsill jenfasizza, ġustament, li l-Komunità ma taġixxix fuq il-bażi ta' kompetenza marbuta mal-volontà ta’ l-Unjoni jew ma' dik ta’ l-Istati Membri tagħha meta l-Kunsill, bħal f’dan il-każ, jieħu miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Minbarra dan, din l-opinjoni hija l-unika waħda kompatibbli mal-kliem innifsu ta’ l-Artikolu 301 KE, li jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi fil-materja “b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni”, u ma' dak ta’ l-Artikolu 60(1) KE li jipprovdi li l-Kunsill “jista’ [...] jieħu” skond l-istess proċedura, miżuri urġenti meqjusa neċessarji minn att li jaqa’ taħt il-PBSK.

107   Peress illi l-identifikazzjoni tal-persuni, gruppi u entitajiet imsemmija mir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, u l-adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar tal-fondi li ssegwi minnha, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa propja, li timplika evalwazzjoni diskrezzjonali tal-Komunità, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati bħala regola ġenerali timponi ruħha fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati, f’dan il-każ il-Kunsill, meta dawn jaġixxu bil-għan li jikkonformaw ruħhom ma’ l-imsemmija Riżoluzzjoni.

108   Minn dan isegwi li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża hija, bħala regola ġenerali, kompletament applikabbli fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001.

–       L-obbligu ta’ motivazzjoni

109   Bħala regola ġenerali, il-garanzija relatata ma’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE hija wkoll kompletament applikabbli fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001, punt li ma ġie kkontestat minn ebda waħda mill-partijiet.

–       Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

110   Rigward il-garanzija relatata mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-drittijiet li huma għandhom taħt is-sistema legali Komunitarja, peress li d-dritt għal tali protezzjoni huwa parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li joħorġu mit-tradizzjonijiet Kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 421, u l-ġurisprudenza ċċitata).

111   Dan japplika wkoll b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi tal-persuni jew organizzazzjonijiet issuspettati li kkommettew attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, il-punt XIV tal-linji gwida fuq id-drittjiet tal-bniedem l-ġlieda kontra t-terroriżmu, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tal-11 ta’ Lulju 2002).

112   Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-unika riserva espressa mill-Kunsill, rigward l-applikabbiltà ta’ prinċipju ta’ din il-garanzija, hija li skond din l-istituzzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti li tikkontrolla l-legalità interna tad-dispożizzjonijiet materjali tar-Regolament Nru 2580/2001, safejn dawn ġew adottati bis-saħħa ta' kompetenza marbuta mar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, u konsegwentement jibbenefikaw mill-effett ta’ “supremazija” imsemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq.

113   Madankollu mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni fuq il-mertu ta’ din ir-riserva, peress li din il-kawża tista’ tiġi solvuta, hekk kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, sempliċement fuq il-bażi ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Għan u limitazzjonijiet tal-garanziji relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001

–       Id-drittjiet tad-difiża

114   Fl-ewwel lok, għandu jiġi definit l-għan tal-garanzija tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi meħuda skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, billi ssir distinzjoni skond jekk din hijiex deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi) jew xi waħda mid-deċiżjonijiet sussegwenti ta' żamma ta’ l-iffriżar tal-fondi, wara reviżjoni perjodika, imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ din l-istess Pożizzjoni Komuni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi”).

115   F’dan il-kuntest, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet tad-difiża ma jistgħux jiġu eżerċitati ħlief fir-rigward ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni lill-parti kkonċernati għal kundizzjonijiet, skond il-leġiżlazzjoni rilevanti.

116   F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija prevista mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li skond it-termini tiegħu l-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, ta' gruppi u ta' entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għaldaqstant il-lista in kwistjoni għandha tinbena, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-rilevanza li turi li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax il-bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, jew li tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. B’“awtorità kompetenti” wieħed għandu jfisser awtorità ġudizzjarja jew, f’każ ta’ awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dak il-qasam. Barra minn hekk, għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, almenu darba kull sitt xhur sabiex jiġi assigurat li ż-żamma tagħhom fuq il-lista tibqa' ġġustifikata, skond l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

117   Kif osservaw ġustament il-Kunsill u r-Renju Unit, il-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi skond il-leġiżlazzjoni rilevanti għaldaqstant tiżvolġi ruħha fuq żewġ livelli, wieħed nazzjonali, l-ieħor Komunitarju. Fl-ewwel fażi, awtorità nazzjonali kompetenti, bħala regola ġenerali ġudizzjarja, għandha tieħu, fir-rigward tal-parti kkonċernata, deċiżjoni konformi mad-definizzjoni ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Jekk din hija bidu ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni, din għandha tiġi bbażata fuq provi jew indikazzjonijiet serji u kredibbli. Fit-tieni fażi, il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, għandu jiddeċiedi li jinkludi lill-parti kkonċernata fil-lista kkontestata, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-proċess li juru li tali deċiżjoni ttieħdet. Sussegwentement, il-Kunsill għandu jassigura ruħu f’intervalli regolari, almenu darba kull sitt xhur li ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista kkontestata tibqa' ġġustifikata. F’dan ir-rigward, il-verifika ta’ l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali konformi ma' l-imsemmija definizzjoni tidher bħala kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, filwaqt li l-verifika tal-konsegwenzi ta' din id-deċiżjoni fuq il-livell nazzjonali tidher indispensabbli fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi.

118   Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi tista’ tqum ukoll f’dawn iż-żewġ livelli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet “Invest” Import und Export u Invest commerce vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 40).

119   Id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata għandhom, qabel kollox, jiġu effettivament iggarantiti fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali li wasslet għall-adozzjoni, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Huwa essenzjalment f’dan il-kuntest nazzjonali li l-parti kkonċernata għandha titqiegħed fil-pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha rigward l-elementi mressqa li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni in kwistjoni, bla ħsara għal eventwali restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża legalment iġġustifikati fid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika jew taż-żamma tar-relazzjonijiet internazzjonali (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea D.B., is-sentenza Tinnelly & Sons et u McElduff et vs Ir-Renju Unit ta’ l-10 ta’ Lulju 1998, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 1998-IV, § 78).

120   Imbagħad, id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu ggarantiti effettivament fil-kuntest tal-proċedura Komunitarja li għandha twassal għall-adozzjoni, mill-Kunsill, tad-deċiżjoni ta' l-inklużjoni jew taż-żamma fil-lista kkontestata, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Bħala regola ġenerali, f’dan il-kuntest, il-parti kkonċernata għandha biss titqiegħed fil-pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fuq il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tal-miżura Komunitarja in kwistjoni, jiġifieri, jekk din hijiex deċiżjoni inizjali ta’ iffriżar tal-fondi, l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-proċess li juru li deċiżjoni konformi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ttieħdet fir-rigward tagħha minn awtorità nazzjonali kompetenti u, jekk din hijiex deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, il-ġustifikazzjonijiet taż-żamma tal-parti kkonċernata fuq il-lista kkontestata.

121   Min-naħa l-oħra, sakemm id-deċiżjoni in kwistjoni tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fuq il-livell Komunitarju normalment ma jirrikjedix iktar, f’dak l-istadju, li l-parti kkonċernata titqiegħed mill-ġdid fil-pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex xierqa u ġġustifikata, peress li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu diskussi biss fuq il-livell nazzjonali, quddiem l-awtorità in kwistjoni jew, fuq rikors tal-parti kkonċernata, quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Bl-istess mod, bħala regola ġenerali, il-Kunsill mhuwiex kompetenti li jiddeċiedi dwar ir-regolarità tal-proċedura miftuħa kontra l-parti kkonċernata u li wasslet għall-imsemmija deċiżjoni, prevista mid-dritt ta' l-Istat Membru rilevanti, jew fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, din is-setgħa hija esklużivament f'idejn il-qrati nazzjonali kompetenti jew, fejn xieraq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlament, T-353/00, Ġabra p. II-1729, punt 91, ikkonfermata b’appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I-6051).

122   Fil-każ fejn il-miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi hija adottata fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali ta’ Stat Membru mogħtija fil-qasam ta’ investigazzjonijiet jew ta' proċeduri (pjuttost milli fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ kundanna), ir-rispett tad-dritijiet tad-difiża lanqas ma jitlob, bħala regola ġenerali, li l-parti kkonċernata titqiegħed fil-pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq il-kwistjoni jekk din id-deċiżjoni hijiex “bbażat[a] fuq xhieda serja u kredibbli”, bħal ma jistabbilixxi l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, għalkemm dan l-element jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet legali għal applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma jkunx xieraq, fir-rigward tal-pinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 10 KE, li jiġu suġġett għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fuq il-livell Komunitarju.

123   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 10 KE, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma regolati minn dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-339/00, Ġabra p. I-11757, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u jimponi ruħu, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ĠAI rregolat mit-Titolu VI tat-Trattat UE, li barra minn hekk huwa kompletament ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 42).

124   F’każ ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri, fil-kuntest tal-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan il-prinċipju jfisser, għall-Kunsill, l-obbligu li safejn possibbli jirreferi għall-evalwazzjoni ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti, speċjalment jekk din hija awtorità ġudizzjarja, kemm rigward l-eżistenza tax-“xhieda serja u kredibbli” li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tagħha kif ukoll għal dak li jikkonċerna r-rikonoxximent ta’ l-eventwali restrizzjonijiet ta’ aċċess għal dawn il-provi jew indikazzjonijiet, legalment iġġustifikati fid-dritt nazzjonali b'motivi imperattivi ta’ ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika jew taż-żamma tar-relazzjonijiet internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

125   Madankollu għandu jingħad ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi biss sakemm il-provi jew indikazzjonijiet in kwistjoni ġew fil-fatt suġġetti għall-evalwazzjoni ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti msemmija fil-punt preċedenti. Min-naħa l-oħra jekk, matul il-proċedura quddiemha, il-Kunsill jibbaża d-deċiżjoni inizjali tiegħu jew deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi fuq elementi ta’ informazzjoni jew ta’ prova li huma kkomunikati lilu mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri mingħajr ma kienu suġġetti għall-evalwazzjoni ta’ l-imsemmija awtorità nazzjonali kompetenti, dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi ġodda mressqa kontrih li għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni jew ta’ smigħ fuq il-livell Komunitarju, jekk dan ma sarx fuq il-livell nazzjonali.

126   Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu għan relattivament ristrett, fir-rigward tal-proċedura ta’ ffriżar ta’ fondi. Fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, bħala regola ġenerali huwa jeżiġi, minn naħa li l-parti kkonċernata tiġi kkomunikata mill-Kunsill l-informazzjoni preċiża jew l-elementi fil-proċess li juru li deċiżjoni hija konformi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/93 ittieħdet fir-rigward tiegħu minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kif ukoll, fejn xieraq, l-elementi ġodda msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li jitqiegħed fil-pożizzjoni li jesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu rigward din l-informazzjoni jew elementi fil-proċess. Fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġu wkoll, minn naħa, li l-parti kkonċernata tiġi kkomunikata l-informazzjoni jew elementi fil-proċess li, skond il-Kunsill, jiġġustifikaw iż-żamma tiegħu fuq il-listi kkontestati, kif ukoll, fejn xieraq, l-elementi ġodda msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq, u min-naħa l-oħra, li titqiegħed fil-pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha dwar dan is-suġġett.

127   Fl-istess waqt, madankollu għandu jiġi ammess li ċerti limitazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża, kif definiti inkwantu għall-għan tagħhom, jistgħu leġittimament jiġu previsti u imposti fuq il-partijiet ikkonċernati, f'ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn huma in kwistjoni miżuri restrittivi speċifiċi li jikkonsistu f'iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji ta’ persuni, gruppi u entitajiet identifikati mill-Kunsill bħala involuti f’atti terroristiċi.

128   B'hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, kif kien ġie deċiż fis-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, u bħal ma jsostnu f’dan il-każ il-Kunsill u r-Renju Unit, li komunikazzjoni ta’ l-elementi mressqa u smigħ tal-partijiet ikkonċernati, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, huma tali li jikkompromettu l-effettività tas-sanzjonijiet u li jirriżultaw b'hekk inkompatibbli ma’ l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-Komunità, b'mod konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001). Miżura inizjali ta' ffriżar ta' fondi għandha, min-natura tagħha nfisha, tkun tista' tibbenifika minn effett ta' sorpriża u tapplika b'effett immedjat. Tali miżura ma tistax għaldaqstant, tiġi nnotifikata qabel ma tiġi implementata (is-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punt 308; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Warner fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, 2061, 2068, 2069).

129   Madankollu, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ eventwali rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-elementi mressqa għandhom jiġu kkomunikati lilhom, b’kull mezz possibbli, simultanjament, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi (ara wkoll punt 139 iktar ’il fuq).

130   F’dan il-kuntest, il-partijiet ikkonċernati għandu wkoll ikollhom il-possibbilità li jitolbu r-reviżjoni immedjata tal-miżura inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom (ara, f’dan is-sens, fil-kawża tas-Servizz Pubbliku Komunitarju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, F vs Il-Kummissjoni, T-211/98, Ġabra SP p. I-A-107 u II-471, punt 34; tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs BCE, T-333/99, Ġabra p. II-3021, punt 183, u Campolargo vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ‘il fuq, punt 21). Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi li tali smigħ a posteriori mhuwiex impost ex officio fil-kuntest ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, fid-dawl tal-possibbiltà li għandhom ukoll il-partijiet ikkonċernati li jressqu immedjatament rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, possibbiltà li tiggarantixxi hija wkoll li jinżamm bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni inklużi fil-lista kkontestata u n-neċessità li jittieħdu miżuri preventivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Warner fis-sentenza National Panasonic vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, Ġabra p. 2069).

131   Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti mhumiex rilevanti fil-każ ta’ deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tar-reviżjoni regolari, almenu darba kull sitt xhur, tal-ġustifikazzjoni taż-żamma tal-partijiet ikkonċernati fuq il-lista kkontestata, prevista mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, f’dan l-istadju, il-fondi huma diġà ffriżati u għaldaqstant mhuwiex iktar neċessarju li jiġi ggarantit effett ta’ sorpriża sabiex l-effettività tas-sanzjonijiet tiġi assigurata. Għaldaqstant kull deċiżjoni sussegwenti ta' ffriżar tal-fondi għandha tiġi ppreċeduta minn possibbiltà ġdida ta’ smigħ u, skond il-każ, minn komunikazzjoni ta’ l-elementi l-ġodda ppreżentati.

132   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa’ l-argument sostnut mill-Kunsill u mir-Renju Unit fis-seduta, li l-Kunsill għandu jisma’ l-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi, biss meta huma jitolbu dan minn qabel u espliċitament. Fil-fatt, skond l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista' jadotta tali deċiżjoni biss wara li jkun assigura ruħu li l-żamma tal-persuni kkonċernati fuq il-lista kkontestata tibqa’ ġġustifikata, li jimplika li qabel huwa jqiegħdhom fil-pożizzjoni li jesprimu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq din il-kwistjoni.

133   Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi li, f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni, fejn hemm in kwistjoni miżura kawtelatorja li tillimita d-disponibbiltà tal-beni ta’ ċerti persuni, gruppi u entitatjiet, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kunsiderazzjonijiet imperattivi rigward is-sigurtà tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi mressqa kontra l-partijiet ikkonċernati u, għaldaqstant, is-smigħ tagħhom fuq dawn l-istess elementi, matul il-proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq, punt 320).

134   Tali limitazzjonijiet huma konformi mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri, kif isostnu l-Kunsill u r-Renju Unit, wara li osservaw li eċċezzjonijiet għad-dritt ġenerali ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva huma ammessi, f’bosta Stati Membri, minħabba motivi ta’ interess pubbliku, ta' ordni pubbliku jew taż-żamma ta’ relazzjonijiet internazzjonali, jew inkella meta l-għan tad-deċiżjoni li għandha tittieħed huwa jew jista jiġi mfixkel jekk jingħata d-dritt in kwistjoni (ara l-eżempji ċċitati fil-punt 72 iktar ’il fuq).

135   Barra minn hekk, dawn huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li, anki fil-kuntest l-aktar strett ta’ proċedimenti kriminali kontradittorji suġġetti għall-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 6 tal-KEDB, tammetti li, f'kawżi li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali u b'mod iktar partikolari fil-materja ta’ terroriżmu, ċerti restrizzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu previsti, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-iżvelar ta’ l-elementi mressqa jew il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-proċess (ara, per eżempju, is-sentenzi Chahal vs Ir-Renju Unit tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra 1996-V, § 131, u Jasper vs Ir-Renju Unit tas-16 ta’ Frar 2000, Nru 27052/95, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, §§ 51 sa 53, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punt IX.3 tal-linji gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa ċċtata fil-punt 111 iktar ’il fuq).

136   Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, qabel kollox, għax-“xhieda serja u kredibbli” li fuqha tibbaża ruħha d-deċiżjoni nazzjonali ta’ bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri, bħal dawk li seta' ġie mgħarraf bihom il-Kunsill, iżda huwa konċepibbli li r-restrizzjonijiet ta’ aċċess jistgħu jikkonċernaw ukoll il-kontenut preċiż jew il-motivazzjoni partikolari ta’ l-imsemmija deċiżjoni, u saħansitra l-identità ta’ l-awtorità li tkun ħadet l-imsemmija deċiżjoni. Jista’ jkun ukoll li, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi ħafna, l-identifikazzjoni ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li fih awtorità kompetenti ħadet deċiżjoni fir-rigward ta’ persuna tista’ tkun ta’ ħsara għas-sigurtà pubblika, billi tipprovdi lill-parti kkonċernata b'informazzjoni sensittiva li hija tista’ tagħmel użu ħażin minnha.

137   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta' rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, almenu li kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali ma jipprekludux, li l-elementi mressqa, kif identifikati fil-punt 126 iktar ’il fuq, jiġu kkomunikati lill-parti kkonċernata, b’kull mezz possibbli, simultanjament, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi. Taħt l-istess kundizzjonijiet, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta b'komunikazzjoni ta’ l-elementi ġodda mressqa u minn smigħ. Min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jeżiġux li l-elementi mressqa jiġu kkomunikati lill-parti kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ miżura inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, u lanqas li dawn jinstemgħu a posteriori, ex officio, f’tali kuntest.

–       L-obbligu ta’ motivazzjoni

138   Skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li att li jaffettwa ħażin lill-parti kkonċernata jiġi mmotivat għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b'informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk huwiex ivvizzjat b'difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din ta’ l-aħħar li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 145, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 462). L-obbligu ta’ motivazzjoni hekk stabbilit jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitajru li tista' ssir deroga minnu biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T-218/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139   Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess waqt ta' l-att li jaffettwaha ħażin. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi ta’ l-att waqt il-proċediment quddiem il-qorti Komunitarja (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punt 463). Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni wara li jitressaq rikors jippreġudika d-drittijiet tad-difiża, minħabba li r-rikorrent ikollu r-replika sabiex jippreżenta l-motivi tagħha kontra l-motivazzjoni li huwa jiġi mgħarraf biha biss wara li jitressaq ir-rikors. B'hekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti Komunitarja jiġi affettwat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punt 62).

140   Fejn il-parti kkonċernata ma tingħatax dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, hemm lok li jingħad ukoll li r-rispett ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv tal-mezzi ta’ rikors fid-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, T-237/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 95; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/04, Ġabra p. II-2405, punt 64).

141   Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u tal-kuntest li fih kienet ġiet adottata. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, skond il-kontenut ta’ l-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. B’mod partikolari, att li jaffettwa ħażin [lill-parti kkonċernata] huwa suffiċjentement motivat meta jsir f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 13; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, C-42/01, Ġabra p. I-6079, punt 66; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punti 278 sa 280). Minbarra dan, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tkun proporzjonata mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew iż-żmien li fih hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza Delacre et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

142   Fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001, il-motivazzjoni tagħha għandha tiġi evalwata qabel kollox fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal każ in eżami, kif huma msemmija fl-Artikolu 2(3) tiegħu u, b'referenza, għall-Artikolu 1(4) jew għall-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, skond jekk din hija deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi.

143   F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tammetti li, bħal ma jsostni l-Kunsill, il-motivazzjoni tista’ tikkonsisti biss f'formulazzjoni ġenerali u stereotipata, ibbażata fuq il-kliem ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u ta’ l-Artikolu 1(4) jew (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skond il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu l-obbligu li jsemmi l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant il-motivazzjoni ta’ tali miżura għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-parti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T-117/01, Ġabra P I-A-27 u II-121, punt 131, u Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punt 74).

144   Bħala regola ġenerali, dan jimplika li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi għandha almenu tirreferi għal kull wieħed mill-elementi msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq kif ukoll, fejn xieraq, għall-elementi msemmija fil-punti 125 u 126 iktar ’il fuq, filwaqt li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, wara reviżjoni, li l-iffriżar tal-fondi tal-parti kkonċernata jibqa’ ġġustifikat.

145   Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni, b’unanimità, ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill ma jaġixxix bis-saħħa ta' kompetenza ristretta. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ma jistax jinqara fis-sens li l-Kunsill huwa obbligat li jinkludi fil-lista kkontestata kull persuna li tidher li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, fis-sens ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Din l-interpretazzjoni, sostnuta mir-Renju Unit waqt is-seduta, hija kkonfermata mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalih jirreferi wkoll l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2001/931, u li skond it-termini tiegħu l-Kunsill għandu jagħmel “reviżjoni” regolari, almenu darba kull sitt xhur, sabiex "jiġi assigurat" li ż-żamma ta’ l-interessati fil-lista tibqa' assigurata.

146   Minn dan isegwi li, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nur 2580/2001 għandha tirreferi mhux biss għall-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, iżda wkoll għar-raġunijiet li għalihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura.

147   Madankollu l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 143 u 146 iktar ’il fuq għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001, filwaqt li timponi miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja, għandha wkoll in-natura leġiżlattiva ta’ dan l-att, kif ġie espost ukoll fil-punti 97 u 98 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, pubblikazzjoni dettaljata ta’ l-ilmenti mressqa kontra l-partijiet ikkonċernati tista’ mhux biss tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li ser jiġu kkunsidrati fil-punt 148 iktar 'il quddiem, iżda wkoll tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni u ta’ l-entitajiet in kwistjoni, safejn hija tista’ tikkawża dannu gravi għar-reputazzjoni tagħhom. Għaldaqstant għandu jiġi ammess eċċezzjonalment li huma biss id-dispożittiv, kif ukoll motivazzjoni ġenerali tat-tip evokat fil-punt 143 iktar ’il fuq, li għandhom jidhru fil-verżjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, peress illi huwa mifhum li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi fformalizzata u mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati b'kull mezz ieħor li huwa xieraq.

148   Barra minn hekk, f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni, għandu jiġi rrikonoxxut li kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha, jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, jistgħu jipprekludu l-iżvelar lill-partijiet ikkonċernati l-motivi preċiżi u kompluti tad-deċiżjoni inizjali jew sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom, bħal ma jistgħu wkoll jipprekludu li l-elementi mressqa jiġu kkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrativa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet diġà espressi, b’mod partikolari, fil-punti 133 sa 137 iktar ’il fuq, għal dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet fuq il-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittjiet tad-difiża ammissibbli f’tali kuntest. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi, mutatis mutandis, għal dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet ammissibbli għall-obbligu ta’ motivazzjoni.

149   F’dan ir-rigward, u għalkemm mhuwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha tieħu ispirazzjoni mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/965/KEE (ĠU L 158, p. 77, rettifika ĠU L 229, p. 35, rettifika tar-rettifika ĠU 2005, L 197, p. 34). Din tipprovdi, fl-Artikolu 30(2) tagħha li “[i]l-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni [li tillimita l-libertà ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu] fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali”.

150   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, u tat-22 ta’ Mejju 1980, Santillo, 131/79, Ġabra p. 1585), dwar id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 56, p. 850), abrogata bid-Direttiva 2004/38 u li l-Artikolu 6 tagħha kien identiku, essenzjalment, għall-Artikolu 30(2) ta' din ta' l-aħħar, kull persuna protetta mid-dispożizzjonijiet iċċitati għandha tgawdi minn garanzija doppja, li tikkonsisti fil-komunikazzjoni tal-motivi restrittivi kollha, meħuda fir-rigward tagħha, sakemm motivi li jikkonċernaw is-sigurtà ta’ l-Istat ma jipprekludux dan, u fil-possibbiltà ta' rimedju ġuridiku. Taħt l-istess riserva, din l-eżiġenza timplika b’mod partikolari, min-naħa ta’ l-Istat ikkonċernat, komunikazzjoni lill-parti kkonċernata, fil-mument stess li l-miżura restrittiva meħuda fir-rigward tagħha tiġi nnotifkata lilha, motivi preċiżi u kompleti tad-deċiżjoni, sabiex hija titqiegħed fil-pożizzjoni li tassigura b’mod effettiv id-difiża tagħha.

151   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux dan, u wkoll bla ħsara għal li ntqal fil-punt 147 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi għandha almenu tirreferi, b’mod speċifiku u konkret, għal kull wieħed mill-elementi msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq kif ukoll, fejn xieraq, għall-elementi msemmija fil-punti 125 u 126 iktar ’il fuq, u tindika r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura. Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandha, taħt l-istess kundizzjonijiet, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, wara reviżjoni, li l-iffriżar tal-fondi tal-parti kkonċernata jibqa’ ġġustifikat.

–       Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

152   Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-garanzija relatata mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, din hija effettivament assigurata mid-dritt li għandhom l-partijiet ikkonċernati li jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom, skond ir-raba paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE (ara, f’dan il-sens, Qorti Ewropea D.B., sentenza Bosphorus vs L-Irlanda tat-30 ta’ Ġunju 2005, Nru 45036/98, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, § 165, u deċiżjoni Segi et u Gestoras pro Amnistía vs Il-15 l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewroepa tat-23 ta’ Mejju 2002, Numri 6422/02 u 9916/02, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 2002-V).

153   F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi meħuda taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 huwa dak previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE li jipprovdi li l-qorti Komunitarja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi bbażati fuq inkompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew kull liġi li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew l-użu ħażin ta’ poter.

154   Bħala parti minn dan l-istħarriġ, u fid-dawl tal-motivi għal annullament imressqa mill-parti kkonċernata jew imqajma ex officio, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika b’mod partikolari li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001 għal każ speċifiku, kif jinsabu fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament, u b’referenza, għall-Artikolu 1(4) jew għall-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, skond jekk din hija deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi. Dan jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni in kwistjoni japplika għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawha, l-istess bħall-verifika ta’ l-elementi ta’ prova u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni, hekk kif il-Kunsill irrikonoxxa espliċitament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Yusuf, punt 29 iktar ’il fuq (punt 225). Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tassigura ruħha li d-drittijiet tad-difiża u ta’ l-eżiġenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward jiġu rrispettati kif ukoll, fejn xieraq, il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex ma jirrispettax dawn id-drittijiet.

155   F’dan il-każ, dan l-istħarriġ jirriżulta iktar indispensabbli peress li huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija proċedurali li tippermetti li li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn l-eżiġenzi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Peress li l-limitazzjonijiet imposti mill-Kunsill fuq id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu kontrobilanċjati bi stħarriġ ġudizzjarju strett li huwa indipendenti u imparzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood, C-341/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66), il-qorti Komunitarju għandha tkun tista’ tisħarreġ dwar il-legalità u l-fondatezza tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, mingħajr ma jkun possibbli li jsirulha oġġezzjonijiet ta' segretezza jew ta' kunfidenzjalità ta’ l-elementi ta’ prova u ta’ informazzjoni użati mill-Kunsill.

156   F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi li l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali tista’ tirriżulta indispensabbli meta s-sigurtà nazzjonali hija fil-periklu, dan ma jfissirx, fl-opinjoni tagħha, li l-awtoritajiet nazzjonali jevitaw kull stħarriġ tal-qrati nazzjonali billi jaffermaw li l-kawża tikkonċerna s-sigurtà nazzjonali u t-terroriżmu (ara Qorti Ewropea D.B., is-sentenzi Chahal vs Ir-Renju Unit, punt 135 iktar ’il fuq, § 131, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Öcalan vs It-Turkija tat-12 ta’ Marzu 2003, Nru 46221/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, § 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, hawnhekk ukoll, hija għandha tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq, din id-Direttiva tipprovdi fl-Artikolu 31(1) tagħha, li l-persuni kkonċernati għandhom aċċess għall-mezzi ta’ rimedji ġudizzjarji u, fejn xieraq, amministrattivi, fl-Istat Membru ospitanti sabiex jikkontestaw deċiżjoni meħuda kontra tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 31(3) ta’ din id-Direttiva, il-proċeduri ta’ rikors jippermettu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kif ukoll tal-fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-miżura proposta.

158   Il-kwistjoni jekk ir-rikorrent u/jew l-avukati tiegħu jistgħux jirċievu komunikazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova u ta’ informazzjoni li huma allegatament kunfidenzjali, jew jekk il-komunikazzjoni tagħhom għandhiex tiġi riservata biss għall-Qorti tal-Prim’Istanza, skond proċedura partikolari li għadha trid tiġi ddefinita b’mod li tħares l-interessi pubbliċi in kwistjoni filwaqt li tagħti lill-parti kkonċernata livell suffiċjenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja, hija kwistjoni distinta, li fuqha mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu pożizzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara madankollu Qorti Ewropea D.B., is-sentenzi Chahal vs Ir-Renju Unit, punt 135 iktar ’il fuq, §§ 131 u 144; Tinnelly & Sons et u McElduff et vs Ir-Renju Unit, punt 119 iktar ’il fuq, §§ 49, 51, 52 u 78; Jasper vs Ir-Renju Unit, punt 135 iktar ’il fuq, §§ 51 sa 53, u Al-Nashif vs Il-Bulgarija ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Nru 50963/99, li għadha ma ġietx ippubbblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, §§ 95 sa 97, kif ukoll il-punt IX.4 tal-linji gwida tal-Kumitat tal-Ministru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa ċċitati fil-punt 111 iktar ’il fuq).

159   Fl-aħħar nett, għandu jiġi ammess li l-Kunsill għandu setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta' l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-dawl ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, skond Pożizzjoni Komuni adottata skond il-PBSK. Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-provi, fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri minflok dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi għandu jiġi llimitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati (ara punt 146 iktar ’il fuq u, f’dan is-sens, Qorti Ewropea D.B., is-sentenzi Leander vs L-Isvezja tas-26 ta’ Marzu 1987, Serje A Nru 116, § 59, u Al-Nashif C. Bulgarija, punt 158 iktar ’il fuq, §§ 123 u 124),

 Applikazzjoni għall-każ in eżami

160   Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-leġiżlazzjoni rilevanti, jiġifieri r-Regolament Nru 2580/2001 u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li hija rreferiet għaliha, ma tipprovdi espliċitatament għal ebda proċedura ta’ komunikazzjoni ta’ l-elementi mressqa u ta’ smigħ tal-partijiet ikkonċernati, la qabel u lanqas fl-istess waqt ta' l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom jew, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet sussegwenti, sabiex tikseb it-tneħħija tagħhom mill-lista kkontestata. L-iktar li jista' jingħad huwa li fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jiġi indikat li “[g]ħandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista”, u fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li “[I]l-Kunsill [...] jirrevedi u jemenda il-lista [...] skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, paragrafu [...] 6 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931”.

161   Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, f’ebda mument qabel ma tressaq dan ir-rikors, ma ġew ikkomunikati lir-rikorrenti l-elementi mressqa. Hija tenfasizza, ġustament, li kemm id-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tagħha kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti, sa, u bl-inklużjoni, tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas biss isemmu l-“informazzjoni preċiża” jew l-"elementi fil-proċess” li juru li deċiżjoni li tiġġustifka l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata kienet ittieħdet fir-rigward tagħha minn awtorità nazzjonali kompetenti.

162   B'hekk, minkejja li r-rikorrenti kienet taf bl-imminenza ta’ l-inklużjoni tagħha fil-lista kkontestata, u minkejja li hija ħadet l-inizjattiva li tikkuntattja l-Kunsill sabiex tipprova timpedixxi l-adozzjoni ta’ tali miżura (ara punt 69 iktar ’il fuq), hija ma kinitx taf bl-elementi speċifikatament imressqa kontriha sabiex jiġġustifikaw is-sanzjoni prevista u b’hekk hija ma kinitix fil-pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kunsill li huwa kien sema’ lir-rikorrenti qabel ma ffriża l-fondi tiegħu ma jistax jiġi milqugħ.

163   Dawn il-kunsiderazzjonijiet, rigward il-verifika tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, huma wkoll applikabbli, mutatis mutandis, għall-verifika tar-rispett ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

164   F’dan il-każ, la d-deċiżjoni kkontestata, u lanqas id-Deċiżjoni 2002/334 li hija taġġorna, ma jissodisfaw l-eżiġenza ta’ motivazzjoni kif definita iktar ’il fuq, peress li huma jillimitaw ruħhom li jesponu, fit-tieni premessa tagħhom, li huwa “mixtieq” li tiġi adottata lista aġġornata tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament Nru 2580/2001.

165   Mhux biss ir-rikorrenti ma setgħetx issostni b’mod effettiv l-opinjoni tagħha quddiem il-Kunsill, iżda, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-motivi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikawha, lanqas tqiegħdet fil-pożizjoni li teżerċita r-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tar-rapporti, diġà osservati, li jeżistu bejn il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża, dik li toħroġ mill-obbligu ta’ motivazzjoni u dik tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju efffettiv. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-possibbiltà li tirregola nuqqas totali ta’ motivazzjoni wara li jitressaq rikors hija attwalment ikkunsidrata mill-ġurisprudenza bħala waħda li tippreġudika d-drittijiet tad-difiża (ara punt 139 iktar ’il fuq).

166   Minbarra dan, la s-sottomissjonijiet bil-miktub tad-diversi partijiet fil-kawża, u lanqas l-elementi tal-proċess imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jippermettulha li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, għaliex lanqas hija fil-pożizzjoni li tistabbilixxi b’ċertezza wara għeluq tal-proċedura orali, liema hija d-deċiżjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li fuqha tibbaża ruħha d-deċiżjoni kkontestata.

167   Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni li hija kienet ġiet inkluża fil-lista kkontestata “milli jidher unikament fuq il-bażi ta' dokumenti ppreżentati mir-reġim ta’ Tehran”. Fir-replika tagħha, hija żiedet, b’mod partikolari li, "xejn ma ppermett[ielha] [...] li ssir taf ir-raġunijiet fattwali għat-tniżżil tagħha” fil-lista kkontestata, li hija “[kienet] ġiet ukoll imċaħħda minn kull possibbiltà ta’ aċċess għall-proċess tagħha” u li “ir-raġunijiet ta’ tniżżil [kienu] probabbilment diplomatiċi”.

168   Fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill naqas milli jieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni.

169   Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju Unit osserva li “r-rikorrenti ma sostn[ietx] u xejn ma [kien] jissuġġerixxi li hija ma [kinitx] ġiet inkluża fl-anness fuq il-bażi ta’ [deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti li tidentifika lir-rikorrenti bħala waħda involuta f’attivitajiet terroristiċi]”. Barra minn hekk, jidher li jirriżulta minn din l-istess nota li, skond ir-Renju Unit, id-deċiżjoni in kwistjoni hija dik tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001, ikkonfermata b'deċiżjoni ta’ l-imsemmi Home Secretary tal-31 ta’ Awwissu 2001, imbagħad fuq rikors għal reviżjoni, mis-sentenza tal-High Court tas-17 ta’ April 2002 u fl-aħħar nett, fuq rikors għal appell, b'deċiżjoni tal-POAK tal-15 ta’ Novembru 2002.

170   Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti ma rrifjutatx speċifikament u lanqas ma kkummentat dwar dawn l-osservazzjoijiet tar-Renju Unit. Fid-dawl tal-motivi u argumenti ta’ natura ġenerali tar-rikorrenti u, iktar partikolarment, fid-dawl ta' l-allegazzjonijiet tagħha mfakkra fil-punt 167 iktar ’il fuq, madankollu mhuwiex possibbli li wieħed jaqbel purament u sempliċement ma’ l-argument tar-Renju Unit. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrepettiet li hija ma kinitx taf liema kienet l-awtorità kompetenti li kienet adottat id-deċiżjoni nazzjonali li tikkonċernaha, u lanqas fuq il-bażi ta’ liema elementi u informazzjoni preċiżi din id-deċiżjoni kienet ittieħdet.

171   Minbarra dan, waqt is-seduta, bħala risposta għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill u r-Renju Unit lanqas ma kienu kapaċi jagħtu risposta koerenti għall-kwistjoni dwar liema hija d-deċiżjoni nazzjonali li fuq il-bażi tagħha d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata. Skond il-Kunsill, din hija unikament id-deċiżjoni tal-Home Secretary, kif ikkonfermata mill-POAK (ara punt 169 iktar ’il fuq). Skond ir-Renju Unit, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux biss fuq l-imsemmija deċiżjoni, iżda wkoll fuq deċiżjonijiet nazzjonali oħra, li mhumiex speċifikati b’mod ieħor, adottati minn awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra.

172   Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li anki mat-tmiem tal-proċedura orali, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

173   Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata u li hija kienet ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx irrispettati. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex fil-pożizzjoni, lanqas f’dan l-istadju tal-proċedura, li teffettwa l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

174   Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jwasslu biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, safejn hija tikkonċerna r-rikorrenti, mingħajr ma għaldaqstant ikun meħtieġ li hija tiddeċiedi, fil-kuntest tat-talba għal annullament, fuq l-aħħar żewġ partijiet ta’ l-ewwel motiv la fuq il-motivi u argumenti l-oħra tar-rikors.

 Fuq it-talba għal danni

 L-argumenti tal-partijiet

175   Ir-rikorrenti ma tressaq ebda element ta’ fatt jew ta’ dritt in sostenn tal-kap ta' konklużjonijiet intiż sabiex il-Kunsill jiġi ordnat iħallasha EUR 1 bħala kumpens tad-dannu allegatament subit. La l-Kunsill, u lanqas l-intervenjenti ma ħadu pożizzjoni fuq din it-talba fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

176   Skond l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr is-sostenn ta' ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġusizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sew, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T-19/01, Ġabra p. II-315, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177   Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir allegat mir-rikorrent fil-konfront ta' l-istituzzjoni, ir-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn il-komportament u d-dannu allegatament subit kif ukoll in-natura u l-portata ta' dan id-dannu (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-38/96, Ġabra p. II-1223, punti 42 u 43, u Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, talba għal kumpens ġeneriku huwa nieqes mill-preċiżjoni neċessarja u għandu, konsegwentement, jitqies bħala inammissibbli (is-sentenza Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 66).

178   B'mod iktar speċifiku, talba għal kumpens għal dannu morali, bħala kumpens simboliku jew kumpens ġenwin, ghandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fir-rigward ta’ l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni konvenuta u, għandha tikkwantifika d-dannu kollu, imqar b’mod approssimattiv (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Qorti ta’ l-Awdituri, T-277/97, Ġabra p. II-1825, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179   F’dan il-każ, it-talba għal kumpens li tinsab fir-rikors għandha probabbilment tinftiehem bħala waħda intiża għall-kumpens ta’ dannu morali, peress li dan huwa evalwat għas-somma simbolika ta’ EUR 1. Xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma ppreċiżatx in-natura u t-tip ta’ dan id-dannu morali, u fuq kollox lanqas ma identifikat l-aġir allegatament illegali tal-Kunsill li huwa allegat li huma l-kawża ta’ dan id-dannu. Madankollu, mhuwiex obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u li tidentifika, fost id-diversi ilmenti magħmula in sostenn tat-talba għal annullament, dak jew dawk li r-rikorrenti biħsiebha tqis bħala l-bażi tat-talba għal kumpens. Lanqas ma huwa obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa u li tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali rabta kawżali bejn l-aġir li sar referenza għalih f'dan l-ilment jew l-ilmenti u d-dannu morali allegat.

180   F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal kumpens li tinsab fir-rikors hija nieqsa mill-preċiżjoni l-iktar elementari u għaldaqstant għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, iktar u iktar peress li r-rikorrenti lanqas ma ppruvat tirrimedja dan in-nuqqas fir-replika tagħha.

181   Minn dan isegwi wkoll li mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni, fil-kuntest tat-talba għal kumpens, fuq il-motivi u argumenti invokati mir-rikorrenti in sostenn tat-talba tagħha għal annullament, iżda li għadhom ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara punt 174 iktar ’il fuq).

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub

182   Il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata, safejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti, bl-ebda mod ma huma bbażati fuq id-dokumenti l-ġodda ppreżentati minnha lir-Reġistruatur fit-18 u l-25 ta’ Jannar 2006 (ara punti 23 u 24 iktar ’il fuq). Minkejja li l-imsemmija dokumenti kienu ddaħħlu fil-proċess (ara punt 31 iktar ’il fuq), huma għandhom jitqiesu bħala irrilevanti għall-għanijiet ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kunsill għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub (ara punt 25 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

183   Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq waħda jew diversi kapi. Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, il-Kunsill għandu jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, tmenin fil-mija [4/5] ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

184   Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċeduri, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat safejn huwa intiż għall-annullament tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/936/PESK [PBSK] tal-21 ta’ Diċembru 2005 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK [PBSK] u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2005/847/PESK [PBSK].

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/930/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/334/KE, hija annullata safejn hija tikkonċerna r-rikorrenti.

3)      It-talba għal kumpens għad-danni hija miċħuda bħala inammissibbli.

4)      Minbarra l-ispejjeż tiegħu, il-Kunsill għandu jbati tmenin fil-mija [4/5] ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

5)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta' Diċembru, 2006

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijet

Fuq il-konsegwenzi proċedurali tat-tħassir u s-sostituzzjoni ta’ l-atti inizjalment ikkontestati

Fuq it-tieni kap ta' talbiet

Fuq it-taba għal annullament tal-Pożizzjoni Komuni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Applikabbiltà tal-garanziji relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ l-iffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001.

– Id-drittijiet tad-difiża

– L-obbligu ta’ motivazzjoni

– Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Għan u limitazzjonijiet tal-garanziji relatati mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skond ir-Regolament Nru 2580/2001

– Id-drittjiet tad-difiża

– L-obbligu ta’ motivazzjoni

– Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Applikazzjoni għall-każ in eżami

Fuq it-talba għal danni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub

Fuq l-ispejjeż






* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.