SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta' Settembru 2004 (*)

"Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza ta' l-Unjoni Ewropea – Dritt ta' residenza – Direttiva 90/364/KEE – Limitazzjonijiet u kundizzjonijiet – Persuna li taħdem f'ħostel bi tpattija għal vantaġġi in natura – Dritt għall-benefiċċji ta' l-assistenza soċjali"

Fil-kawża C-456/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mit-Tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2002, li waslet fit-18 ta' Diċembru 2002, fil-proċedura:

Michel Trojani

vs

Centre public d'aide sociale de Bruxelles (CPAS),

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Presidenti ta' Awli, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Jannar 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal M. Trojani, minn P. Leclerc, avocat,

–       għas-centre public d'aide sociale de Bruxelles (CPAS), minn M. Legein, avocat,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn C. Doutrelepont, avocat,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u N. Bel, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 18 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE, ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p.1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament 1612/68"), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1990, dwar id-dritt ta' residenza (ĠU L 180, p.26).

2       Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Marcel Trojani u s-Centre public d’aide sociale de Bruxelles (aktar 'il quddiem is-"CPAS") dwar iċ-ċaħda ta' dan ta' l-aħħar li jagħtih il-benefiċċju minimu għall-għajxien (aktar 'il quddiem il-"minimex").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 18 KE:

"1.       Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.

[...]"

4       L-Artikolu 39(1) KE jipprovdi kif ġej:

"Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità."

5       Skond l-Artikolu 39(3) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema "jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika:

[...]

ċ)      li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

[...]"

6       Fl-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 90/364 tipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza liċ-ċittadini ta' Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b'assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 1 tal-Liġi tas-7 ta' Awwissu 1974, li tistabbilixxi d-dritt għal benefiċċju minimu għall-għajxien (Moniteur belge tat-18 ta' Awwissu 1974, p. 11363), jipprovdi li:

"1.      Kull persuna Belġjana li tkun laħqet l-età maġġuri, jkollha r-residenza attwali tagħha fil-Belġju u ma jkollhiex biżżejjed riżorsi u ma tkunx f'pożizzjoni li tiksibhom jew permezz ta' sforzi personali jew permezz ta' mezzi oħra, għandha d-dritt għal benefiċċju minimu għall-għajxien.

[...]"

8       Skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Marzu 1987 (Moniteur belge tas-7 ta' April 1987, p. 5086), li estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi tas-7 ta' Awwissu 1974 li tistabbilixxi d-dritt għal benefiċċju minimu għall-għajxien, sabiex tkopri persuni li m'għandhomx in-nazzjonalità Belġjana:

"Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi tas-7 ta' Awwissu 1974 li tistabbilixxi d-dritt għal benefiċċju minimu għall-għajxien huwa estiż għall-persuni segwenti:

1º      dawk illi jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-moviment liberu għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità;

[...]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Marcel Trojani huwa ċittadin Franċiż li, wara residenza qasira fil-Belġju fl-1972, li matulha eżerċita attività bħala ħaddiem għal rasu fis-settur tal-bejgħ, reġà mar lura fil-Belġju fl-2000. Mingħajr ma kien irreġistrat, huwa rrisjeda l-ewwel ġo kampeġġ fi Blankenberge u, minn Diċembru 2001, fi Brussell. Wara soġġorn f'Jacques Brel, ħostel għaż-żgħażagħ, huwa ingħata, mit-8 ta' Jannar 2002, akkomodazzjoni f'ħostel tas-Salvation Army fejn, biex ipatti għall-akkomodazzjoni tiegħu u għal ftit flus fil-but, huwa kien iwettaq diversi servizzi għal madwar 30 siegħa fil-ġimgħa fil-kuntest ta' programm individwali għall-inseriment soċjo-professjonali.

10     Mingħajr riżorsi, huwa indirizza ruħu lis-CPAS sabiex jikseb il-minimex minħabba li għandu jħallas EUR 400 fix-xahar lill-ħostel u li għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li jitlaq mill-ħostel u jgħix b'mod awtonomu.

11     Id-deċiżjoni ta' ċaħda tas-CPAS, immotivata mill-fatt li, minn naħa, Marcel Trojani ma kellux in-nazzjonalità Belġjana u li, min-naħa l-oħra, huwa ma setax jibbenefika mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, kienet is-suġġett ta' rikors quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles.

12     Il-qorti tar-rinviju rrikonoxxiet id-dritt ta' Marcel Trojani li jirċievi għajnuna finanzjarja provviżorja ta' EUR 300 mingħand is-CPAS. Hija ddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Ċittadin ta' l-Unjoni li jinstab fis-sitwazzjoni fattwali deskritta f'din is-sentenza

–       li huwa resident legali b'mod provviżorju,

–       li m'għandux riżorsi biżżejjed,

–       li jwettaq servizzi għall-benefiċċju tal-ħostel għal madwar 30 siegħa fil-ġimgħa bħala parti minn programm individwali ta' inseriment,

–       li jirċievi, bħala korrispettiv, vantaġġi in natura li jkopru l-bżonnijiet tiegħu għall-għajxien fil-ħostel stess,

jista' jippretendi dritt ta' residenza

–       bħala ħaddiem fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE jew ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68, jew

–       bħala ħaddiem li jeżerċita attività għal rasu fis-sens ta' l-Artikolu 43 KE, jew

–       bħala prestatarju ta' servizz, fid-dawl tal-biċċiet tax-xogħol li jwettaq fil-ħostel jew bħala destinatarju, benefiċjarju ta' servizzi, fid-dawl tal-vantaġġi in natura mogħtija lilu minn dan il-ħostel, fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE, jew

–       sempliċement minħabba li huwa qed jieħu sehem fi programm intiż għall-inseriment soċjo-professjonali tiegħu?

2)      F'każ ta' risposta negattiva, huwa jista', sempliċement bħala ċittadin Ewropew, jinvoka direttament l-Artikolu 18 KE li jiggarantixxi d-dritt ta' moviment u ta' residenza libera fit-territorju ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni?

X'jiġri mbagħad mill-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 90/364 […] u/jew 'il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet' previsti fit-Trattat KE u b'mod partikolari mill-kundizzjoni dwar minimu ta' riżorsi li, li kieku kellha tiġi applikata mad-dħul fil-pajjiż ospitanti, kienet iċċaħdu mis-sustanza stess tad-dritt ta' residenza?

Jekk, għall-kuntrarju, id-dritt ta' residenza jinkiseb awtomatikament abbażi taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni, jista' l-Istat ospitanti sussegwentament jiċħad talba għal minimex jew għal għajnuna soċjali (benefiċċji li ma tikkontribwixxix għalihom) billi jillimita d-dritt ta' residenza tiegħu minħabba li m'għandux riżorsi suffiċjenti filwaqt li dawn il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti taħt kundizzjonijiet li japplikaw ukoll għall-Belġjani (prova tad-disponibbiltà tagħhom għax-xogħol – prova li jinstabu fi stat ta' bżonn)?

Il-pajjiż ospitanti għandu jirrispetta regoli oħra sabiex ma jneħħix is-sustanza stess tad-dritt ta' residenza, per eżempju li jevalwa s-sitwazzjoni fid-dawl tal-fatt li t-talba għal minimex jew għal għajnuna soċjali hija temporanja, per eżempju li jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju tal-proporzjonalità (il-piż fuq dan l-Istat ikun wieħed mhux raġonevoli)?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

13     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk persuna li tinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tistax tippretendi dritt ta' residenza bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu jew bħala prestatarju jew destinatarju ta' servizzi, fis-sens ta' l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE rispettivament.

14     Fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 39(3)(ċ) KE jagħti liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri d-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru sabiex jeżerċitaw impjieg hemmhekk.

15     Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta' "ħaddiem" fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE għandu tifsira Komunitarja speċifika u m'għandux jiġi interpretat b'mod restrittiv. Kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta' attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari għandha titqies bħala "ħaddiem". Il-karatteristika tar-relazzjoni ta' impjieg hija, skond din il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, u tat-23 ta' Marzu 2004, Collins, C-138/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).

16     Barra minn hekk, la n-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta' impjieg fid-dritt nazzjonali u lanqas il-livell ta' produttività ftit jew wisq għoli tal-persuna kkonċernata, jew l-oriġini tar-riżorsi li minnhom titħallas ir-rimunerazzjoni jew ukoll il-livell limitat ta' din ir-rimunerazzjoni ma jista' jkollhom xi konsegwenza fuq il-karatteristika ta' ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tat-23 ta' Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 16; tal-31 ta' Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punti 15 u 16, kif ukoll tad-19 ta' Novembru 2002, Kurz, C-188/00, Ġabra p. I-10691, punt 32).

17     B'mod aktar partikolari, fir-rigward tal-verifika ta' jekk il-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju ta' attivitajiet salarjati reali u effettivi hijiex sodisfatta, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi u għandha tevalwa globalment iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li jikkonċernaw kemm in-natura ta' l-attivitajiet ikkonċernata u kemm ir-relazzjoni ta' impjieg in kwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Ninni-Orasche, C-413/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

18     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawk l-attivitajiet li jservu biss bħala mezz ta' edukazzjoni mill-ġdid jew ta' inseriment mill-ġdid tal-persuni li jeżerċitawhom ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi reali u effettivi (sentenza Bettray, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).

19     Madankollu, din il-konklużjoni tista' tiġi spjegata biss fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ in eżami li kien jikkonċerna s-sitwazzjoni ta' persuna li, minħabba l-vizzju tad-droga tagħha, kienet ġiet impjegata abbażi ta' leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tipprovdi xogħol lil persuni li, għal perijodu indefinit, ma jkunux f'pożizzjoni, minħabba ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni tagħhom, li jaħdmu taħt kundizzjonijiet normali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta' Novembru 1998, Birden, C-1/97, Ġabra p. I-7747, punti 30 u 31).

20     F'dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Marcel Trojani jwettaq, fil-kuntest ta' programm individwali ta' inseriment, diversi servizzi għal madwar 30 siegħa fil-ġimgħa favur is-Salvation Army u taħt id-direzzjoni tagħha li, bħala korrispettiv għalihom, huwa jirċievi vantaġġi in natura u xi flus fil-but.

21     Skond id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Digriet tal-Commission communautaire française, tas-27 ta' Mejju 1999, dwar l-għoti ta' l-awtorizzazzjoni u ta' sussidji lill-ħostels (Moniteur belge tat-18 ta' Ġunju 1999, p. 23101), is-Salvation Army għandha l-missjoni li tilqa' u tipprovdi akkomodazzjoni u għajnuna psikosoċjali adegwata għall-benefiċjarji sabiex tippromwovi l-awtonomija tagħhom, il-benesseri fiżiku tagħhom u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà. Għal dan il-għan, hija għandha tilħaq ftehim ma' kull benefiċjarju dwar programm ta' inseriment ippersonalizzat li jiddeskrivi l-għanijiet li għandhom jinkisbu minn din il-persuna u l-mezzi li ħa jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

22     Peress li stabbiliet li l-vantaġġi in natura u fi flus mogħtija mis-Salvation Army lil Marcel Trojani jammontaw għall-korrispettiv għas-servizzi mwettqa minnu favur u taħt id-direzzjoni ta' dan il-ħostel, il-qorti tar-rinviju kkonstatat l-eżistenza ta' l-elementi kostitwenti ta' kull relazzjoni ta' impjieg salarjat, jiġifieri r-relazzjoni ta' subordinazzjoni u tal-ħlas ta' rimunerezzjoni.

23     Madankollu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista' jikseb il-karatteristika ta' ħaddiem biss jekk il-qorti tar-rinviju, fl-evalwazzjoni tal-fatti li hija biss hija kompetenti li twettaq, tikkonstata l-karattru reali u effettiv ta' l-attività salarjata in kwistjoni.

24     B'mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk is-servizzi attwalment imwettqa minn Marcel Trojani jistgħux jitqiesu bħala servizzi li normalment jagħmlu parti mis-suq tax-xogħol. Għal dan il-għan, l-istatut u l-prassi tal-ħostel, il-kontenut tal-programm ta' inseriment soċjali u n-natura u l-metodi ta' eżekuzzjoni tas-servizzi jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni.

25     Fir-rigward ta' l-applikabbiltà ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma tista' tiġi invokata bħala l-bażi ġuridika ta' dritt ta' residenza.

26     Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 20 ta' din is-sentenza, Marcel Trojani jwettaq, b'mod kontinwu, favur is-Salvation Army u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li, bħala korrispettiv, għalihom huwa jirċievi rimunerazzjoni.

27     Issa, minn naħa, id-dritt ta' stabbiliment, previst fl-Artikoli 43 KE sa 48 KE, jinkludi biss l-aċċess għat-tipi kollha ta' attivitajiet mhux salarjati u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-formazzjoni u t-tmexxija ta' impriżi, l-istabbiliment ta' aġenziji, ta' fergħat jew ta' sussidjarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Mejju 1999, Pfeiffer, C-255/97, Ġabra p. I-2835, punt 18, u tas-17 ta' Ottubru 2002, Payroll et, C-79/01, Ġabra p. I-8923, punt 24). Għaldaqstant, l-attivitajiet salarjati ma jaqgħux taħt dan id-dritt.

28     Min-naħa l-oħra, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività eżerċitata b'mod permanenti jew, f'kull każ, mingħajr limitu prevedibbli fir-rigward tad-dewmien tagħha, ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-prestazzjoni ta' servizzi (ara s-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1988, Steymann, 196/87, Ġabra p. 6159, punt 16, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Schnitzer, C-215/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 27 sa 29).

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li persuna li tinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, mhijiex koperta mill-Artikoli 43 KE u 49 KE u, min-naħa l-oħra, tista' biss tippretendi dritt ta' residenza bħala ħaddiem, fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE, jekk l-attività salarjata li hija teżerċita jkollha karattru reali u effettiv biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki fattwali meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li għandha quddiemha.

 Fuq it-tieni domanda

30     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, persuna li tinstab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tistax, sempliċement bħala ċittadina ta' l-Unjoni Ewropea, tibbenefika fl-Istat Membru ospitanti minn dritt ta' residenza permezz ta' l-applikazzjoni diretta ta' l-Artikolu 18 KE.

31     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 18(1) KE jirrikonoxxi direttament id-dritt ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri għal kull ċittadin ta' l-Unjoni (ara s-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 84). Għaldaqstant, Marcel Trojani għandu d-dritt li jibbenefika minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat sempliċement bħala ċittadin ta' l-Unjoni.

32     Madankollu, dan mhux dritt mingħajr kundizzjonijiet. Huwa rikonoxxut biss bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-miżuri adottati sabiex jagħtuh effett.

33     Fost dawn il-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/364 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li ċ-ċittadini ta' Stat Membru li jridu jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza fit-territorju tagħhom għandu jkollhom, għalihom nfushom u għall-membri tal-familji tagħhom, assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li, matul il-perijodu ta' residenza tagħhom, isiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' dan l-Istat.

34     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-applikazzjoni ta' l-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għandha ssir in konformità mal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u mal-prinċipji ġenerali ta' dan id-dritt, b'mod partikolari, mal-prinċipju ta' proporzjonalità (sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar 'il fuq, punt 91).

35     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li l-insuffiċjenza ta' riżorsi kienet preċiżament ir-raġuni għaliex Marcel Trojani talab li jirċievi benefiċċju bħal ma huwa l-minimex.

36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ċittadin ta' l-Unjoni li jinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jgawdix, taħt l-Artikolu 18 KE, mid-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru, li tiegħu huwa mhux ċittadin, minħabba n-nuqqas ta' riżorsi biżżejjed fis-sens tad-Direttiva 90/364. Fil-fatt, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza Baumbast u R., iċċitata aktar 'il fuq (punt 92), l-ebda indikazzjoni ma tissuġġerixxi li, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, nuqqas ta' rikonoxximent ta' dan id-dritt imur oltre dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' din id-direttiva.

37     Madankollu, għandu jiġi osservat li, skond il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Marcel Trojani huwa residenti b'mod legali fil-Belġju kif iċċertifikat mill-permess ta' residenza li, sadanittant, inħariġlu mill-amministrazzjoni tal-Komun ta' Brussell.

38     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi l-qorti nazzjonali bl-elementi ta' interpretazzjoni dwar id-dritt Komunitarju kollha li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (ara, b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8; tat-2 ta' Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala "Clinique", C-315/92, Ġabra p. I-317, punt 7, u ta' l-4 ta' Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 16).

39     Fil-kuntest ta' din il-kawża, għandu jiġi eżaminat, b'mod aktar partikolari, jekk, minkejja dak li ġie kkonstatat fil-punt 36 ta' din is-sentenza, ċittadin ta' l-Unjoni li jinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jinvoka l-Artikolu 12 KE li jipprovdi li, fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattat u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali stabbiliti fih, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza hija pprojbita.

40     F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jissottomettu r-residenza ta' ċittadin ta' l-Unjoni li mhuwiex ekonomikament attiv għall-kundizzjoni li jkollu riżorsi biżżejjed, dan ma jfissirx li persuna bħal din ma tistax tibbenefika, matul ir-residenza legali tagħha fl-Istat Membru ospitanti, mill-prinċipju fundamentali dwar it-trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 12 KE.

41     F'dan il-kuntest, għandhom isiru t-tliet konstatazzjonijiet li ġejjin.

42     Fl-ewwel lok, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċju ta' assistenza soċjali bħalma huwa l-minimex jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat (ara s-sentenza ta' l-20 ta' Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, b'mod partikolari punt 46).

43     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' benefiċċji bħal dawn, ċittadin ta' l-Unjoni li mhuwiex ekonomikament attiv jista' jinvoka l-Artikolu 12 KE meta jkun irrisjeda b'mod legali fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu jew meta jkollu permess ta' residenza.

44     Fit-tielet lok, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn ma tagħtix il-benefiċċju ta' assistenza soċjali liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' l-Istat Membru meta jirrisjedu fih b'mod legali, anki meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba fir-rigward taċ-ċittadini ta' dan l-Istat, tammonta għal diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, li hija pprojbita mill-Artikolu 12 KE.

45     Għandu jingħad ukoll li l-Istat Membru ospitanti xorta jista' jikkonstata li ċittadin ta' Stat Membru ieħor li rrikorra għall-assistenza soċjali ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-permess ta' residenza tiegħu. F'każ bħal dan, l-Istat Membru ospitanti jista', in konformità mal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, jieħu miżura ta' tkeċċija. Madankollu, ir-rikors għas-sistema ta' l-assistenza soċjali minn ċittadin ta' l-Unjoni ma jistax iwassal awtomatikament għal miżura bħal din (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Grzelczyk, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42 u 43).

46     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li ċittadin ta' l-Unjoni li, fl-Istat Membru ospitanti, ma jgawdix minn dritt ta' residenza taħt l-Artikoli 39 KE, 43 KE jew 49 KE jista', sempliċement bħala ċittadin ta' l-Unjoni, jibbenefika f'dak l-Istat minn dritt ta' residenza permezz ta' l-applikazzjoni diretta ta' l-Artikolu 18(1) KE. L-eżerċizzju ta' dan id-dritt huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni iżda l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, mal-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, malli jiġi vverifikat li persuna li tinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha permess ta' residenza, din il-persuna tista' tinvoka l-Artikolu 12 KE sabiex tingħata benefiċċju ta' assistenza soċjali bħalma huwa l-minimex.

 Fuq l-ispejjeż

47     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Persuna li tinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, mhijiex koperta mill-Artikoli 43 KE u 49 KE u, min-naħa l-oħra, tista' biss tippretendi dritt ta' residenza bħala ħaddiem, fis-sens ta' l-Artikolu 39 KE, jekk l-attività salarjata li hija teżerċita jkollha karattru reali u effettiv biss. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki fattwali meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li għandha quddiemha.

2)      Ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li, fl-Istat Membru ospitanti, ma jgawdix minn dritt ta' residenza taħt l-Artikoli 39 KE, 43 KE jew 49 KE jista', sempliċement bħala ċittadin ta' l-Unjoni, jibbenefika f'dak l-Istat minn dritt ta' residenza permezz ta' l-applikazzjoni diretta ta' l-Artikolu 18(1) KE. L-eżerċizzju ta' dan id-dritt huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni iżda l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, mal-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, malli jiġi vverifikat li persuna li tinstab f'sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha permess ta' residenza, din il-persuna tista' tinvoka l-Artikolu 12 KE sabiex tingħata benefiċċju ta' assistenza soċjali bħalma huwa l-minimex.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.