SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta' Settembru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ċittadini ta' l-Unjoni jew taż-ŻEE – Ċittadini ta' pajjiżi terżi marbutin mal-Komunità permezz ta' ftehim – Eliġibbiltà għall-elezzjoni għall-kmamar tal-ħaddiema u tal-kunsilli tax-xogħol – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol"

Fil-kawża C-465/01,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu mressaq taħt l-Artikolu 226 KE,

ippreżentat fl-4 ta' Diċembru 2001,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Sack, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn H. Dossi, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, P. Kuris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt

a)      l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, aktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 1612/68"), kif ukoll taħt l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3 u p. 572, aktar 'il quddiem il-"Ftehim ŻEE"), billi ċaħħdet lill-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewoprea (aktar 'il quddiem iż-"ŻEE") mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kmamar tal-ħaddiema;

b)      id-dispożizzjonijiet ta' ftehim konklużi mill-Kummissjoni ma' ċerti pajjiżi terzi li jistabbilixxu l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol favur ħaddiema ġejjin minn dawn il-pajjiżi u li jeżerċitaw professjoni taħt kundizzjonijiet regolari fi Stat Membru, billi ċaħħdet lil dawn il-ħaddiema mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kunsill tax-xogħol u ta' l-assemblea plenarja tal-kmamar tal-ħaddiema.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju

2       Skond l-Artikolu 39 KE:

"1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

[…]

4. Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impieg fl-amministrazzjoni pubblika."

3       L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1612/68 hija miktuba kif ġej:

"[b]illi l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema għand[ha] [t]kun assigurat[a] fil-Komunità sat-tmiem tal-perijodu tran[ż]izzjonali; filwaqt li l-ksib ta' dan l-oġġetti[v] jeħtieġ l-abolizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza bejn ħaddiema ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwardja [i]mpjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta' xogħol, kif ukoll id-dritt ta' ħaddiema tali li jitħarrku [b'mod ħieles] fil-Komunità sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni [i]mpjegati suġġetti għal kwalunkwe limitazzjonijiet ġustifikati fuq sisien ta' xejra politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika".

4       L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1612/68 jinstabu fl-ewwel parti tiegħu li tikkonċerna l-"Impjieg u l-familji tal-ħaddiema", taħt it-Titolu II, intitolat "Impjieg u ugwaljanza fit-trattament".

5       L-imsemmi Artikolu 7 jipprovdi:

"1. Ħaddiem ċittadin ta' xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta' dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe kondizzjoni ta' l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta' rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta' taxxa bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

[...]

4. Kwalunkwe klawsola ta' ftehim kollettiv jew individwali jew ta' kwalunkwe regolament kollettiv ieħor li jikkonċerna l-eliġibilità għall-impjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta' xogħol jew tkeċċija għandh[a] [tkun] null[a] u vojta [safejn tistabbilixxi] jew tawtorizza kondizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta' ħaddiema ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra.

6       Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1612/68:

"Ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru u li hu [i]mpjegat fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jgawdi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta' sħubija ta' għaqdiet ta' ħaddiema u t-tħaddim ta' drittijiet marbutin magħhom, inkluż id-dritt għall-vot [u l-aċċess għall-postijiet fl-amministrazzjoni u fit-tmexxija ta' għaqdiet ta' ħaddiema]; hu jista' jkun eskluż milli jieħu sehem fit-tmexxija ta' korpi ggvernati mil-liġi pubblika u milli jieħu [i]mpjieg iggvernat mil-liġi pubblika. Barra minn dan huwa għandu jkollu d-dritt ta' eliġibilità għal korpi rappre[ż]entattivi tal-ħaddiema fl-intrapriża.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jaffetwaw liġijiet jew regolamenti f'ċerti Stati Membri li jagħtu drittijiet aktar estensivi lil ħaddiema ġejjin minn Stati Membri oħra [...]."

7       L-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li:

"1. Moviment liberu ta' ħaddiema jkun assigurat fost l-[I]stati Membri tal-KE u [l-Is]tati tal-EFTA.

2. Din il-libertà ta' moviment tikkonsisti fl-abolizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn ħaddiema [ta' l-]Istati Membri tal-KE u [l-Is]tati [ta' l-]-EFTA għal dak li jirrigwarda l-impjieg, remunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra tax-xogħol u impjieg.

[…]

4. Id-dispo[ż]izzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għall-impjieg fis-servizz pubbliku.

[…]"

8       Il-Komunità kkonkludiet numru ta' ftehim ma' pajjiżi terzi – fosthom, b'mod partikolari, il-Ftehim dwar il-ħolqien ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, il-Ftehim Ewropej li jistabbilixxu Assoċjazzjoni mal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jew ukoll il-Ftehim ta' kooperazzjoni, imbagħad ta' assoċjazzjoni, konklużi mal-pajjiżi tal-Magħreb –, li, bis-saħħa tagħhom, il-ħaddiema ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati u li huma impjegati legalment fit-territorju ta' Stat Membru jgawdu mill-prinċipju li jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-rimunerazzjoni.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Fl-Awstrija, l-Arbeiterkammergesetz (Liġi dwar il-Kmamar tal-Ħaddiema, BGB1. 1991/626, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. I, 1998/166, aktar 'il quddiem l-"AKG"), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-kmamar tal-ħaddiema u ta' l-impjegati kif ukoll il-Kamra Federali tal-Ħaddiema u ta' l-Impjegati (aktar 'il quddiem il-"kmamar tal-ħaddiema") għandhom l-għan li jirrappreżentaw u li jippromwovu l-interessi soċjali, ekonomiċi u kulturali tal-ħaddiema taż-żewġ sessi.

10     Dawn il-kmamar, li huma korpi stabbiliti mid-dritt pubbliku u li, fil-prinċipju, l-ħaddiema kollha huma membri tagħhom permezz tal-ħlas ta' miżata, jeżerċitaw ukoll funzjoni konsultattiva fil-qasam leġiżlattiv.

11     Fost il-korpi tal-kmamar tal-ħaddiema hemm, b'mod partikolari, l-Assemblea Plenarja (Artikolu 46 ta' l-AKG). Din hija eletta – għal perijodu ta' ħames snin (Artikolu 18(1) ta' l-AKG) – mill-ħaddiema li għandhom id-dritt li jivvotaw abbażi ta' votazzjoni ugwali, diretta u sigrieta, skond il-prinċipji tar-rappreżentanza proporzjonali (Artikolu 19 ta' l-AKG). Skond l-Artikolu 20(1) ta' l-AKG, il-ħaddiema kollha li, fid-data stabbilita għall-elezzjonijiet, ikunu membri tal-kamra tal-ħaddiema kkonċernata, għandhom id-dritt li jivvotaw.

12     Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għall-elezzjoni, l-Artikolu 21 ta' l-AKG jipprovdi li:

"Kull ħaddiem membru li, fil-jum stabbilit għall-elezzjonijiet,

1.      ikun għalaq id-19-il sena u

2.      kien, matul ta' l-anqas sentejn sħaħ fil-ħames snin ta' qabel, impjegat fl-Awstrija taħt kuntratt ta' xogħol jew ta' impjieg li jiġġustifika s-sħubija tiegħu fl-imsemmija kamra u

3.      irrispettivament mir-rekwiżit dwar l-età meħtieġa sabiex ikun elett, ma kienx ġie ddikjarat ineliġibbli sabiex jiġi elett fil-Kunsill Nazzjonali

huwa eliġibbli sabiex jiġi elett għall-kamra tal-ħaddiema"

13     Skond l-Artikolu 26(4) tal-Bundesverfassungsgesetz (Liġi Kostituzzjonali Federali):

"L-irġiel u n-nisa li, fid-data rilevanti, ikollhom nazzjonalità Awstrijaka u li jkunu għalqu 19-il sena qabel l-1 ta' Jannar tas-sena ta' l-elezzjoni huma kollha eliġibbli sabiex jiġu eletti."

14     Il-kumitati tax-xogħol, li t-twaqqif tagħhom huwa obbligatorju fl-impriżi Awstrijaki ta' ċertu daqs, huma responsabbli mid-difiża ta' l-interessi tal-ħaddiema ta' l-impriża kkonċernata u, b'mod partikolari, sabiex jassiguraw li d-dispożizzjonijiet legali adotatti favur dawn il-ħaddiema jkunu rispettati.

15     L-Artikolu 53(1) ta' l-Arbeitsverfassungsgesetz (Liġi dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol, BGB1. 1974/22, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. 1993/460), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet ta' kunsill tax-xogħol, huwa miktub kif ġej:

"Kull impjegat li

1.      a) għandu nazzjonalità Awstrijaka, jew

         b) huwa ċittadin ta' Stat firmatarju tal-Ftehim ŻEE, u

2.      jkun għalaq 19-il sena fid-data ta' meta tiġi mħabbra l-elezzjoni, u

3.      jkun ilu mill-inqas sitt xhur jaħdem fl-istabbiliment jew fl-impriża li minnha jagħmel parti l-istabbiliment, u

4.      irrispettivament mill-kundizzjoni ta' nazzjonalità Awstrijaka, ma jkunx ġie eskluż milli jieħu sehem fl-elezzjoni tal-Kunsill Nazzjonali [...]

huwa eliġibbli sabiex jiġi elett."

 Il-proċedura prekontenzjuża

16     Minħabba li dehrilha li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju f'dak li, minn naħa, tawtorizza l-elezzjoni għall-kmamar tal-ħaddiema ta' ċittadini Awstrijaki biss u, min-naħa l-oħra, teskludi mill-elezzjoni għall-kmamar tal-ħaddiema u għall-kunsill tax-xogħol dawk il-ħaddiema li huma impjegati b'mod regolari fi Stat Membru u li l-pajjiż ta' oriġini tagħhom ikkonkluda ftehim mal-Komunità li taħtu jgawdu minn ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 1999, intimat lill-Awstrija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f'terminu ta' xahrejn.

17     Fis-6 ta' Settembru 1999, il-Gvern Awstrijak irrikonoxxa li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma kinitx konformi ma' l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju fir-rigward tal-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-Unjoni jew taż-ŻEE, filwaqt li osserva li l-leġiżlazzjoni interna in kwistjoni ma kellhiex effett minħabba l-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Madankollu, kienu qegħdin isiru l-emendi meħtieġa sabiex dawn il-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, jkunu jkunu eliġibbli għall-elezzjoni fil-kmamar tal-ħaddiema. Mill-banda l-oħra, dan il-gvern ikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħaddiema li, taħt ftehim konkluż mal-pajjiż terz li minnu jkunu ġejjin, igawdu minn ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta' kundizzjonijiet tax-xogħol sakemm ikunu impjegati b'mod legali fi Stat Membru.

18     Minħabba li ma saret l-ebda emenda fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, il-Kummissjoni indirizzat, fid-29 ta' Diċembru 2000, opinjoni motivata lir-Repubblika ta' l-Awstrija fejn stednitha tadotta, f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha, il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 39 KE, mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1612/68 u mill-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali, imsemmija aktar 'il fuq, konklużi mill-Komunità.

19     Minħabba li t-tweġiba tal-Gvern Awstrijak għal din l-opinjoni motivata, li tinsab f'żewġ ittri tas-27 ta' Frar u tat-12 ta' April 2001, ma kien fiha l-ebda informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

20     In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħrajn ta' l-Unjoni jew taż-ŻEE kienu mċaħħda mid-dritt li jkunu eliġibbli għall-elezzjonijiet tal-kmamar tal-ħaddiema. It-tieni ilment jikkonċerna l-fatt li ħaddiema, li ġejjin minn pajjiżi terzi, huma impjegati b'mod regolari fl-Awstrija u li jgawdu mill-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbilit fi ftehim konkluż bejn il-Komunità u l-pajjiż tagħhom, huma esklużi milli jkunu eliġibbli għall-elezzjonijiet ta' l-Assemblea Plenarja tal-kmamar tal-ħaddiema u tal-kunsill tax-xogħol.

21     Il-fondatezza ta' dawn iż-żewġ ilmenti għandha tiġi eżaminata b'mod separatament.

 Fuq l-ewwel ilment

L-argumenti tal-partijiet

22     Skond il-Kummissjoni, il-kundizzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tissuġġetta l-eliġibbiltà ta' persuna li toħroġ għall-elezzjoni tal-kmamar tal-ħaddiema għall-pussess tan-nazzjonalità Awstrijaka hija manifestament inkompatibbli ma' l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll ma' l-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE li jinkludi dispożizzjonijiet simili.

23     Fil-fatt, mis-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 1991, ASTI (C-213/90, Ġabra p. I-3507, aktar 'il quddiem is-"sentenza ASTI I"), u tat-18 ta' Mejju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-118/92, Ġabra p. I-1891, aktar 'il quddiem is-"sentenza ASTI II") jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lill-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra mid-dritt li jkunu eliġibbli għall-elezzjonijiet ta' korpi, bħalma huma l-kmamar professjonali li tagħhom il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati li jkunu membri u jħallsu miżata u li huma responsabbli mid-difiża kif ukoll mir-rappreżentanza ta' l-interessi tal-ħaddiema kif ukoll li jeżerċitaw funzjoni konsultattiva fil-qasam leġiżlattiv, hija kuntrarja għall-prinċipju fundamentali ta' non-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 39 KE u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1612/68. L-istess konklużjoni għandha tgħodd għall-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE li d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu huma identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 39 KE.

24     Il-Gvern Awstrijak jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud filwaqt li jsostni li l-kmamar tal-ħaddiema huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jipparteċipaw b'mod sinifikanti fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, liema raġuni tiġġustifika li l-ħaddiema barranin kollha jkunu mċaħħda mid-dritt li jkunu eletti f'korpi bħal dawn.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25     Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta' dan l-ilment, għandu jiġu mfakkar, qabel kollox, li, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 39(2) KE li huwa biss espressjoni speċifika tar-regola fundamentali ta' non-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità li tinstab fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE, jistabbilixxi l-projbizzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' l-impjieg, ir-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

26     Dan il-prinċipju huwa mfakkar f'diversi dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament Nru 1612/68, fosthom, b'mod partikolari, l-Artikoli 7 u 8.

27     B'mod aktar speċifiku, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li l-ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru impjegat fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jgawdi minn ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta' sħubija f'sindakati ta' ħaddiema u ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet sindakali, kif ukoll mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema fl-impriża.

28     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenzi ASTI I u ASTI II, li din id-dispożizzjoni tapplika għad-dritt ta' vot u d-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet organizzati fi ħdan korpi bħalma huma l-kmamar professjonali li tagħhom il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati li jkunu membri u li jħallsu miżata u li huma responsabbli mid-difiża kif ukoll mir-rappreżentanza ta' l-interessi ta' dawn il-ħaddiema.

29     Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 28(2) tal-Ftehim ŻEE huwa miktub bi kliem kważi identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 39(2) KE.

30     F'dan il-kuntest, mill-Artikolu 39(2) KE, mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1612/68 u mill-Artikolu 28(2) tal-Ftehim ŻEE, jirriżulta li l-ħaddiema, ċittadini ta' Stat Membru jew ta' Stat ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (aktar 'il quddiem l-"EFTA") u li huma impjegati fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u, b'mod aktar speċifiku, tad-drittijiet sindakali, inkluż id-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet ta' korpi, bħalma huma l-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija, li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema.

31     Hemm qbil li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors tissuġġetta l-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet ta' l-imsemmija kmamar tal-ħaddiema għall-pussess tan-nazzjonalità Awstrijaka, sitwazzjoni li mhix ikkontestata mill-gvern ta' dan l-Istat Membru.

32     Kundizzjoni bħal din, li hija sodisfatta biss mill-ħaddiema Awstrijaki, għaldaqstant tammonta għal diskriminazzjoni diretta kontra l-ħaddiema barranin.

33     Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, li ċċaħħad lill-ħaddiema ċittadini ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat ta' l-EFTA mid-dritt għall-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kmamar tal-ħaddiema minħabba r-raġuni waħdanija li l-ħaddiema kkonċernati m'għandhomx in-nazzjonalità Awstrijaka, tmur kontra l-prinċipju fundamentali tal-projbizzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju msemmija aktar 'il fuq.

34     L-argument tal-Gvern Awstrijak li l-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija huma korpi pubbliċi li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ma joħloq l-ebda dubju dwar din il-konklużjoni.

35     Fil-fatt, mis-sentenzi ASTI I u ASTI II jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, li ċċaħħad lill-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra mid-dritt li jivvotaw u/jew mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet organizzati fi ħdan korpi bħalma huma l-kmamar professjonali li tagħhom il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati li jkunu membri u li jħallsu miżata u li huma responsabbli mid-difiża kif ukoll mir-rappreżentanza ta' l-interessi ta' dawn il-ħaddiema, tmur kontra l-prinċipju fundamentali ta' non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità irrispettivament mill-fatt li l-imsemmija kmamar huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku taħt id-dritt nazzjonali u jeżerċitaw funzjoni konsultattiva fil-qasam leġiżlattiv.

36     Il-Gvern Awstrijak ma jressaq l-ebda prova li tista' twassal għall-konklużjoni li l-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija għandhom karatteristiċi differenti minn dawk inerenti għall-kmamar professjonali tal-Lussemburgu li kienu kkonċernati fil-kawżi li rriżultaw fl-imsemmija sentenzi.

37     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, speċifikament fir-rigward tal-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija, li l-kundizzjoni ta' nazzjonalità, li għaliha l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tissuġġetta d-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet għall-imsemmija kmamar, mhijiex kompatibbli mal-prinċipju – stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-29 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Nru 1/80"), adottata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta' Settembru 1963 f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, aktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija") – li m'għandu jkun hemm l-ebda forma ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C-171/01, Ġabra p. I-4301).

38     L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa miktub bi kliem li huma kważi identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 39(2) KE u ta' l-Artikolu 28(2) tal-Ftehim ŻEE.

39     Għandu jingħad ukoll li, f'kull każ, skond ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta' applikazzjoni tar-regoli previsti fl-Artikolu 39 KE fir-rigward ta' l-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tammonta għal eċċezzjoni għal libertà fundamentali li għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b'tali mod li l-portata tagħha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu. Minn dan jirriżulta li din l-eċċezzjoni ma tistax tiġġustifika li Stat Membru jissuġġetta, b'mod ġenerali, kull parteċipazzjoni f'korp irregolat mid-dritt pubbliku, bħalma huma l-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija, għal kundizzjoni ta' nazzjonalità. Din l-eċċezzjoni tippermetti biss li, jekk ikun il-każ, jiġu esklużi l-ħaddiema barranin minn ċerti attivitajiet speċifiċi tal-korp in kwistjoni li, minnhom infushom, effettivament jinvolvu parteċipazzjoni diretta fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ASTI I, punt 19, u s-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, punt 92).

40     Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 93 tas-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, fejn irreferiet għall-punt 20 tas-sentenza ASTI I, li, fir-rigward tal-ħaddiema barranin li jgawdu minn ugwaljanza fit-trattament, f'dak li jirrigwarda r-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, l-esklużjoni tad-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet ta' korp li jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi tal-ħaddiema bħalma huma l-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija, la tista' tiġi ġġustifikata permezz tan-natura ġuridika tal-korp in kwistjoni kif definita mid-dritt nazzjonali u lanqas mill-fatt li ċerti funzjonijiet ta' dan il-korp jistgħu jinvolvu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

41     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tieni ilment

L-argumenti tal-partijiet

42     Fir-rigward tal-fatt li ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-Komunità kkonkludiet ftehim magħhom li jiggarantixxi lil dawn il-ħaddiema l-benefiċċju ta' ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mċaħħda mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kunsilli tax-xogħol u tal-kmamar tal-ħaddiema, il-Kummissjoni jidhrilha li ma teżisti l-ebda raġuni għaliex il-kunċett ta' "kundizzjonijiet tax-xogħol" għandu jiġi interpretat b'mod aktar restrittiv milli fil-kuntest tat-Trattat KE. Għalhekk, minkejja li l-ħaddiema tal-pajjiżi terzi kkonċernati ma jgawdux mil-libertà ta' moviment kif iggarantita mit-Trattat, dawk fosthom li huma impjegati b'mod regolari fi Stat Membru m'għandhomx isibu rwieħhom f'sitwazzjoni ġuridika anqas favorevoli minn dik ta' ħaddiema oħta li huma ċittadini Komunitarji. Fil-fatt, dan huwa preċiżament l-għan tal-klawżola ta' non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li hija inkluża fil-ftehim imsemmija f'dan ir-rikors.

43     Il-Gvern Awstrijak iwieġeb li l-kunċett ta' "kundizzjonijiet tax-xogħol" fis-sens tal-ftehim imsemmija mill-Kummissjoni ma jinkludix id-dritt tal-ħaddiema li ġejjin mill-pajjiżi terzi kkonċernati li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet ta' korpi legali ta' rappreżentanza ta' l-interessi ta' l-impjegati bħalma huma l-kmamar tal-ħaddiema u l-kunsilli tax-xogħol. Fil-fatt, dan il-kunċett għandu portata inqas wiesgħa mill-istess kunċett meta użat fl-Artikolu 39 KE minħabba li, minn naħa, din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar ġiet iċċarata mir-Regolament Nru 1612/68, li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tiegħu jsemmi espressament id-drittijiet sindakali u d-drittijiet relatati, filwaqt li spjegazzjoni bħal din hija preċiżament nieqsa fil-kuntest tal-ftehim internazzjonali in kwistjoni, u minħabba li, min-naħa l-oħra, dawn il-ftehim għandhom għanijiet inqas ambizzjużi mit-Trattat fis-sens li huma ma jistabbilixxux il-moviment liberu tal-ħaddiema. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni ilment tal-Kummissjoni m'għandux jitqies bħala fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44     F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà jirriżulta li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 37(1) tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Nru 93/743/Euratom/KEFA/KE, tat-13 ta' Diċembru 1993 (ĠU L 348, p.1), jistabbilixxi, favur ħaddiema ta' nazzjonalità Pollakka, meta dawn ikunu impjegati b'mod legali fit-territorju ta' Stat Membru, dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandu l-istess portata bħad-dritt rikonoxxut f'termini simili fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji taħt l-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 39(2) KE) (sentenza tad-29 ta' Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 41).

45     Bl-istess mod, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Turkija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-kliem tagħha huwa kważi identiku għal dawk ta' l-Artikolu 39(2) KE, jimponi fuq kull Stat Membru, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Torok li jagħmlu parti mis-suq regolari ta' l-impjieg ta' dan l-Istat, obbligi analogi għal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri l-oħra (sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, punt 77).

46     Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat fil-punt 37 ta' din is-sentenza, is-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, kienet ukoll tikkonċerna preċiżament il-kundizzjoni ta' nazzjonalità li għaliha l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tissuġġetta l-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet għall-kmamar tal-ħaddiema fl-Awstrija.

47     Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, ma teżisti l-ebda raġuni għaliex għandha tingħata interpretazzjoni differenti minn dik stabbilita fil-kuntest tat-Trattat – u li, barra minn hekk, diġà ġiet applikata, b'analoġija, fil-kuntest tal-Ftehim konklużi mal-Polonja u t-Turkija (ara l-punti 44 sa 46 ta' din is-sentenza) – tal-prinċipju, stabbilit fi klawżoli ta' ftehim oħra konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, li jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

48     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm ġie kkonstatat fil-kuntest ta' l-ewwel ilment, fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea u ż-ŻEE u għall-istess motivi, għandu jitqies, għaldaqstant, li l-imsemmi prinċipju jipprekludi l-applikazzjoni, fir-rigward ta' ċittadini koperti minn ftehim li jinkludi klawżola ta' l-istess tip u li jeżerċitaw professjoni taħt kundizzjonijiet regolari fi Stat Membru, ta' leġiżlazzjoni bħal dik fis-seħħ fl-Awstrija li ċċaħħadhom mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet għall-korpi li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema, bħal ma huma l-kmamar tal-ħaddiema u l-kunsilli tax-xogħol, minħabba r-raġuni waħdanija li l-persuni kkonċernati jkollhom nazzjonalità barranija.

49     Fil-fatt, il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fil-ftehim in kwistjoni jimplika li l-ħaddiema kollha, kemm jekk għandhom nazzjonalità jew ċittadinanza ta' wieħed mill-pajjiżi terzi kkonċernati, għandhom igawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol identiċi u, b'mod partikolari, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw, b'mod ugwali, fl-elezzjonijiet organizzati fi ħdan il-korpi li jiddefendu u jirrappreżentaw l-interessi ta' l-impjegati. Differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità hija kuntrarja għal dan il-prinċipju fundamentali.

50     L-argumenti invokati mill-Gvern Awstrijak kontra din il-konklużjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

51     Minn naħa, minħabba r-raġunijiet żviluppati fid-dettal fil-punti 81 sa 86 tas-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, il-fatt li l-kunċett ta' "kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol", użat fl-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 39(2) KE), ġie ċċarat fir-Regolament Nru 1612/68, b'mod partikolari, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tiegħu, li jikkonċerna speċifikament id-drittijiet sindakali u drittijiet relatati, filwaqt li spjegazzjoni bħal din hija nieqsa fil-kuntest tal-ftehim bilaterali in kwistjoni, assolutament ma jfissirx li l-imsemmi kunċett għandu portata anqas wiesgħa minn dik stabbilita taħt l-Artikolu 39(2) KE u, għaldaqstant, ma jinkludix id-dritt tal-ħaddiema ġejjin mill-pajjiżi terzi kkonċernati li jipparteċipaw, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali, fl-elezzjonijiet ta' korpi li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi ta' l-impjegati.

52     Min-naħa l-oħra, kemm mill-kliem tar-regola ta' non-diskriminazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluża f'diversi ftehim konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi u miktuba bi kliem sostanzjalment identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 39(2) KE, u kemm mill-paragun bejn il-kuntest u l-għanijiet ta' dawn il-ftehim ma' dawk tat-Trattat, jirriżulta li ma teżisti l-ebda raġuni għaliex din ir-regola għandha tingħata portata differenti minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 39(2) KE) fis-sentenzi ASTI I u ASTI II (ara, b'analoġija, is-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata aktar 'il fuq, punti 88 u 89).

53     Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li hija konformi ma' l-għan u l-istruttura tal-ftehim ikkonċernati, minħabba li l-fatt li l-ħaddiema, ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma partijiet fi ftehim bħal dawn, impjegati b'mod regolari fit-territorju ta' Stat Membru, igawdu mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema ċittadini ta' l-Istati Membri, huwa element importanti intiż sabiex joħloq kuntest xieraq għall-integrazzjoni gradwali ta' dawn il-ħaddiema immigrati fl-Istat Membru ospitanti (ara, b'analoġija, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Pokrzeptowicz-Meyer, punt 42, u Wählergruppe Gemeinsam, punt 79).

54     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ ukoll.

55     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat kollu kemm hu.

56     Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li

–       billi ċaħħdet lill-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kmamar tal-ħaddiema, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ukoll taħt l-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE;

–       billi ċaħħdet lill-ħaddiema, ċittadini ta' pajjiż terz li miegħu l-Komunità kkonkludiet ftehim li jistabbilixxi l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol favur l-imsemmija ħaddiema li jeżerċitaw professjoni taħt kundizzjonijiet regolari fi Stat Membru, mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kunsill tax-xogħol u ta' l-assemblea plenarja tal-kmamar tal-ħaddiema u ta' l-impjegati, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehim.

 Fuq l-ispejjeż

57     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      a)     Billi ċaħħdet lill-ħaddiema ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kmamar tal-ħaddiema, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta' Lulju 1992, kif ukoll taħt l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

b)      Billi ċaħħdet lill-ħaddiema ċittadini ta' pajjiż terz li miegħu l-Komunità kkonkludiet ftehim li jistabbilixxi l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol favur l-imsemmija ħaddiema li jeżerċitaw professjoni taħt kundizzjonijiet regolari fi Stat Membru mid-dritt ta' eliġibbiltà għall-elezzjonijiet tal-kunsill tax-xogħol u ta' l-assemblea plenarja tal-kmamar tal-ħaddiema u ta' l-impjegati, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehim.

2)      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.