SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

6 ta’ Ġunju 2002 (*)

“Kompetizzjoni ─ Regolament (KEE) Nru 4064/89 ─ Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni ─ Rikors għal annullament ─ Suq rilevanti ─ Kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ─ Prova”

Fil-Kawża T-342/99,

Airtours plc, irrappreżentata minn J. Swift, QC, u R. Anderson, barrister, M. Nicholson, J. Holland u A. Gomes da Silva, solicitors, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (1999) 3022 finali tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 1999 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1524 – Airtours/First Choice), ippubblikata bin-numru 2000/276/KE (ĠU 2000, L 93, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President ta’ l-Awla, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, M. Vilaras, N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti u proċedura

1        Fid-29 ta’ April 1999, Airtours plc, kumpannija Britannika, li topera prinċipalment bħala operatriċi tat-turs u fornitriċi ta’ vaganzi kollox inkluż, ħabbret l-intenzjoni tagħha li takkwista l-kapital kollu ta’ waħda mill-kompetituri tagħha, l-aġenzija tal-vjaġġi Britannika First Choice plc.

2        Fl-istess jum, Airtours innotifikat lill-Kummissjoni dan l-abbozz ta’ konċentrazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, rettifika fil-ĠU 1990, L 257, p. 13), emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 4064/89”).

3        B’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89.

4        Fid-9 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 4064/89, fejn hija tat ir-raġunijiet għalfejn fil-fehma tagħha, prima facie, l-operazzjoni prevista kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib. Ir-rikorrenti rrispondiet għal din id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fil-25 ta’ Lulju 1999.

5        Saret seduta quddiem l-Uffiċjal tas-Smiegħ tal-Kummissjoni fit-28 u d-29 ta’ Lulju 1999, b’mod konformi ma’ l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98 ta’ l-1 Marzu 1998 dwar in-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 61, p. 1).

6        Fis-7 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti pproponiet serje ta’ impenji, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, biex tirrimedja għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

7        Il-kumitat konsultattiv dwar konċentrazzjonijiet bejn impriżi ltaqa’ fid-9 ta’ Settembru 1999 u ta l-opinjoni tiegħu dwar l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u l-impenji proposti mir-rikorrenti.

8        Fil-15 ta’ Settembru 1999 saret laqgħa fil-preżenza ta’ rappreżentanti tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni, u sussegwentement ir-rikorrenti ssottomettiet proposta definittiva ta’ impenji riveduti.

9        B’deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 1999 (Każ IV/M.1524 – Airtours/First Choice) (Deċiżjoni C (1999) 3022 finali, ippubblikata bin-numru 2000/276/KE (ĠU 2000, L 93, p. 1, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni ddikjarat l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament taż-Żona Ekonomika Ewropea, abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, peress li din kienet toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib, li għandu jkollha l-effett li tostakola l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni. Fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni ppreċiżat li l-impenji proposti minn Airtours fis-7 ta’ Settembru 1999 ma kinux suffiċjenti biex jevitaw il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva u li l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 ingħataw tard wisq biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan l-istadju tal-proċedura.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Fit-2 ta’ Diċembru 1999, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

11      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jippreżentaw diversi dokumenti u jirrispondu bil-miktub għal serje ta’ domandi.

12      B’ittri tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2001 u tat-3 ta’ Awwissu 2001, u b’ittra tar-rikorrenti tal-31 ta’ Awwissu 2001, il-partijiet ikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

13      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2001.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

16      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali inkwantu l-Kummissjoni eżaminat dan il-każ billi applikat kunċett ġdid u żbaljat ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, kif ukoll ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 inkwantu l-Kummissjoni kkonstatat li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata kellha toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva, kif ukoll ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 u ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma aċċettatx l-impenji proposti minnha.

 Fuq l-ewwel motiv, li huwa bbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti in kwistjoni u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE


A –  Deċiżjoni

17      Fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni fl-attività ta’ organizzazzjoni ta’ vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin għall-konsumaturi Britanniċi, li hija l-unika waħda kkontestata mir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tiddistingwi bejn żewġ swieq distinti, dak tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet imbiegħda (iktar ’il quddiem, il-“vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda”) u dak tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib (iktar ’il quddiem, il-“vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib”). F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat fid-Deċiżjoni li s-settur ta’ l-ivvjaġġar jikkunsidra bħala destinazzjonijiet imbiegħda d-destinazzjonijiet kollha fejn il-ħin tat-titjira bi tluq mir-Renju Unit jaqbeż nettament it-tliet sigħat, ħlief għat-titjiriet lejn il-gżejjer tal-lvant tal-Mediterran jew lejn il-Gżejjer Kanarji, li jistgħu jdumu sa madwar erba’ sigħat. Għaldaqstant, id-destinazzjonijiet kollha ta’ vaganzi fl-Ewropa (fuq il-kontinent u fil-gżejjer) u fl-Afrika ta’ Fuq jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “destinazzjonijiet fil-qrib”, għall-kuntrarju tad-destinazzjonijiet li jinsabu, pereżempju, fil-Karibew, fl-Amerka jew fix-Xlokk ta’ l-Ażja, li titjiriet lejhom huma ferm itwal (id-doppju jew iktar b’mod ġenerali) (premessi 10 sa 13 tad-Deċiżjoni).

18      Fil-premessi 16 sa 28, id-Deċiżjoni tesponi r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li d-differenzi bejn il-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u dawk lejn destinazzjonijiet fil-qrib huma iktar notevoli, mill-aspett ta’ kompetizzjoni, mis-similaritajiet tagħhom, b’mod li huwa ġġustifikat li jitqiesu bħala swieq distinti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Ir-raġunijiet tagħha huma dawn:

a)      minn naħa, is-sostitwibbiltà limitata bejn it-titjiriet fit-tul u dawk fil-qrib għal-linji ta’ l-ajru (u b’hekk għall-operaturi tat-turs integrati vertikalment), fid-dawl tal-possibbiltà baxxa li jintużaw l-istess ajruplani għad-destinazzjonijiet fil-qrib u għad-destinazzjonijiet imbiegħda, ta’ l-ispejjeż operattivi ta’ l-ajruplani l-kbar meta mqabbla ma’ dawk ta’ l-ajruplani iżgħar, u tad-diffikultajiet li l-linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani (charter airlines) (inklużi dawk tal-partijiet) iridu jegħlbu jekk huma jipprovaw “jorganizzaw mill-ġdid b’mod sostanzjali l-flotta [tagħhom] bejn kapaċitajiet ta’ titjiriet fit-tul u fil-qrib”, jiġifieri: in-neċessità li jagħmlu investimenti kapitali, iż-żmien meħtieġ biex ikun jista’ jsir dan u d-diffikultà li jinkrew ajruplani għal żmien qasir inkwantu l-kumpanniji li jikru l-ajruplani (inklużi dawk tal-partijiet) huma s-sidien tal-biċċa l-kbira ta’ l-ajruplani tagħhom jew jikruhom għal żmien relattivament twil (kirja ta’ ħames snin hija n-norma) sabiex inaqqsu l-ispejjeż, iżommu l-kwalità u jkomplu jiżguraw il-kontinwità tal-provvista (premessi 16 sa 18 tad-Deċiżjoni);

b)      min-naħa l-oħra, il-fatt li, f’għajnejn il-konsumatur finali, jeżistu numru ta’ differenzi sinjifikattivi bejn il-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib u dawk lejn destinazzjonijiet imbiegħda:

–        fl-ewwel lok, f’termini ta’ immaġni jew ta’ kunċett tal-vaganzi: il-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda jidhru iktar eżotiċi u b’hekk jappellaw għal persuni mhux miżżewġa u koppji mingħajr tfal; il-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib, bħad-destinazzjonijiet Mediterranji, iktar jinteressaw lill-familji (premessa 20 tad-Deċiżjoni);

–        fit-tieni lok, fir-rigward taż-żmien tas-sena magħżul għall-vaganzi: il-vaganzi f’destinazzjonijiet imbiegħda huma inqas adattati għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi Britanniċi li jivjaġġaw mal-familja, li fil-biċċa l-kbira jieħdu vaganzi kollox inkluż f’pajjiż barrani matul l-istaġun tas-sajf (bejn wieħed u ieħor, minn nofs Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu), billi dan iż-żmien jaħbat mal-vaganzji ta’ l-iskola (u, f’ċerti reġjuni, mad-dati tal-għeluq ta’ l-impriżi) (premessa 20 tad-Deċiżjoni);

–        fit-tielet lok, fir-rigward tat-tul tal-ħin tal-vjaġġ: meta l-ħin tat-titjira jkun twil ħafna, dan jista’ jiskoraġġixxi lil ċerti konsumaturi milli jagħżlu vaganzi f’destinazzjoni mbiegħda, anki jekk ikunu paragunabbli, minn aspetti oħrajn, u minflok jagħżlu vaganzi lejn destinazzjoni fil-qrib, pereżempju mill-perspettiva ta’ temp, sitwazzjoni, prezz, viża, ħtiġijiet mediċi, eċċ. (premessa 21 tad-Deċiżjoni);

–        fir-raba’ lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ sostitwibbiltà fuq il-livell ta’ prezzijiet bejn destinazzjonijiet fil-qrib u destinazzjonijiet imbiegħda: il-prezzijiet huma sostanzjalment ogħla għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u hemm biss konverġenza limitata bejn il-prezzijiet ta’ dawn il-vaganzi u dawk tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib ta’ tip paragunabbli. Għalkemm il-prezzijiet taż-żewġ tipi ta’ vaganzi, b’mod partikolari f’ċerti żminijiet tas-sena (pereżempju, meta t-temp ikun ħażin), jistgħu xi kultant ikunu identiċi jew qrib xulxin, din il-koinċidenza ferm limitata mhijiex biżżejjed biex tirrestrinġi l-prezzijiet fis-suq kollu tad-destinazzjonijiet fil-qrib, peress li l-vaganzi lejn id-destinazzjonijiet imbiegħda kkonċernati jitqiesu bħala sostituti effettivi biss minn proporzjon ferm żgħir ta’ klijenti (premessi 22 sa 26 tad-Deċiżjoni).

B –  Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni

19      Fuq bażi preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, kif previst f’din il-kawża, id-definizzjoni adegwata tas-suq in kwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-evalwazzjoni ta’ l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni ta’ impriżi nnotifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Kali & Salz”, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 143).

20      Is-suq tal-prodotti kkonċernati mill-operazzjoni b’hekk għandu jiġi ddefinit waqt li jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku kollu, b’mod li tkun tista’ tiġi evalwata l-qawwa ekonomika effettiva ta’ l-impriża jew ta’ l-impriżi in kwistjoni, u għal dan il-għan, għandhom jiġu ddefiniti minn qabel il-prodotti li, mingħajr mhuma sostitwibbli għal prodotti oħrajn, huma suffiċjentement interskambjabbli mal-prodotti li huma joffru, mhux biss skond il-karatteristiċi tagħhom stess, iżda wkoll skond il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ta’ l-istruttura tad-domanda u l-provvista fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C-333/94 P, Ġabra p. I-5951, punti 10 u 13, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 63).

21      Ir-rikorrenti tikkontesta d-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni adottata fid-Deċiżjoni. Minflok ma llimitat is-suq rilevanti għal dak tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib, il-Kummissjoni kien imissha ddefinietu bħala dak iffurmat mill-vaganzi kollha kollox inkluż lejn pajjiżi barranin, inklużi l-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet imbiegħda. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni warrbet il-prassi preċedenti dwar id-definizzjoni tas-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin u ssostni li hija ma evalwatx korrettament s-sostitwibbiltà tad-domanda u s-sostitwibbiltà tal-provvista. Hija tgħid li dan ir-raġunament difettuż għandu l-konsegwenza li d-Deċiżjoni hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li minnhom jirriżulta żball ta’ liġi.

22      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li mhemmx sostitwibbiltà fid-domanda bejn il-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u dawk lejn destinazzjonijiet fil-qrib, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw, minn naħa, il-karatteristiċi differenti tal-prodott u, min-naħa l-oħra, id-differenzi fil-prezzijiet medji tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u lejn destinazzjonijiet fil-qrib, huma żbaljati.

23      Hija tirreferi, fl-ewwel lok, għall-karatteristiċi tal-prodott u tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li l-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda huma iktar eżotiċi, inqas konvenjenti għall-familji u jinvolvu titjiriet itwal. B’hekk, destinazzjonijiet fil-qrib bħat-Turkija jew l-Afrika ta’ Fuq huma iktar “eżotiċi” minn destinazzjonijiet imbiegħda, bħal Florida u r-Repubblika Dominikana, li huma iktar destinazzjonijiet għall-“familja”. Fir-rigward tat-tul tal-vjaġġ sal-post ta’ akkomodazzjoni, dan jista’ jkun ta’ l-istess tul kemm għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib kif ukoll għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda, inkwantu l-fattur importanti huwa l-ħin tal-vjaġġ totali, li jinkludi ċ-check in u t-trasferimenti u mhux il-ħin tat-titjira stricto sensu. Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-varjetà ta’ tipi ta’ vaganzi offruti mill-operaturi tat-turs sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-istili ta’ ħajja differenti (pereżempju, familja jew le) u d-diversità fil-preferenzi (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tip ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ attivitajiet u interessi, eċċ.) teżisti kemm fi ħdan is-settur tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda kif ukoll f’dak tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib.

24      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-differenzi bejn il-prezzijiet tal-vaganzi, ir-rikorrenti ssostni li mhuwiex rilevanti li jiġi rrilevat li l-prezzijiet medji tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda jaqbżu dawk tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib meta, bħal f’din il-kawża, il-prodotti huma ferm differenzjati. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-eżistenza ta’ konverġenza fil-prezzijiet bejn iż-żewġ tipi ta’ vaganzi, għaliex ċerti titjiriet lejn destinazzjonijiet fil-qrib jinsabu fl-istess medda ta’ prezzijiet bħal ċerti titjiriet lejn destinazzjonijiet imbiegħda.

25      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat il-preferenzi tal-konsumaturi, it-tul medju tat-titjiriet, il-livelli tal-prezzijiet medji u l-fatt li l-possibbiltà li jkun hemm bdil bejn il-flotot ta’ l-ajru użati għal kull tip ta’ destinazzjoni kienet limitata, meta kkonkludiet li l-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib jappartjenu għal suq distint minn dak li għalih jappartjenu l-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda. Madankollu, il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni mingħajr ma kkontestat li l-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin imbiegħda huma dejjem iktar imfittxija mill-konsumaturi, u mingħajr ma kkontestat li l-istudji tas-suq invokati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara British National Travel Survey, 1998, volum 4, u The 1998 Holiday Market, u Mintel, “Holidays: The booking procedure, 1997”) li juru t-tendenza tal-Britanniċi li jwessgħu l-orizzont ġeografiku tal-vaganzi tagħhom, b’mod partikolari lejn in-naħa l-oħra ta’ l-Atlantiku. Hija lanqas ma kkontestat il-fatt, minn naħa, li parti sostanzjali (36 %) tal-vjaġġaturi li marru fuq vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib matul l-aħħar ħames snin ħadu wkoll vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda matul l-istess perijodu u, min-naħa l-oħra, li għal numru ferm ikbar ta’ persuni li jmorru fuq vaganza (62 %) huwa probabbli “ħafna” jew “pjuttost” probabbli li jagħmlu dan fil-ħames snin li ġejjin, kif semmiet ir-rikorrenti fit-tabella 2.4 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

26      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-imsemmija elementi jiġġustifikaw definizzjoni restrittiva tas-suq tal-prodott in kwistjoni, li teskludi l-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda, li hija kkunsidrat li l-possibbiltà ta’ bdil bejn dawn u l-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib, ma kinitx suffiċjenti.

27      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ħin medju tat-titjiriet, il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, id-differenza sostanzjali bejn it-tul medju tat-titjiriet lejn id-destinazzjonijiet imbiegħda, li huwa ta’ iktar minn tmien sigħat, u dak tat-titjiriet lejn destinazzjonijiet fil-qrib, li huwa ta’ inqas minn tliet sigħat (mir-Renju Unit, it-titjiriet lejn il-gżejjer tal-Lvant tal-Mediterran u lejn il-gżejjer Kanarji jistgħu jdumu sa madwar erba’ sigħat). Ir-rikorrenti targumenta li l-fattur li huwa effettivament importanti, f’għajnejn il-konsumaturi, mhuwiex it-tul tat-titjira, iżda t-tul totali tat-trasferiment mill-belt ta’ oriġini sal-lukanda tad-destinazzjoni. Madankollu, hija ma tistax tuża dan l-argument biex tirrelativizza d-differenza inkontestabbli li teżisti bejn it-tul medju tat-titjiriet, jiġifieri tliet sigħat bħala medja għat-titjiriet lejn destinazzjonijiet fil-qrib u tmien sigħat bħala medja għat-titjiriet lejn destinazzjonijiet imbiegħda, peress li fil-verità anki l-ħin tat-trasferiment mill-ajruport sal-lukanda jista’ jvarja, u dan irrispettivament mid-destinazzjoni.

28      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-importanza li għandha tingħata lill-prezzijiet li bihom jinbiegħu ż-żewġ tipi ta’ vaganzi u l-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li d-differenzi bejn il-prezz medju tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u dak għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib huma tali li jiġġustifikaw id-definizzjoni ta’ swieq distinti. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tammetti li hemm ċertu grad ta’ konverġenza bejn il-prezzijiet ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ vaganzi. Madankollu, hija ssostni li din il-konverġenza mhijiex biżżejjed biex dawn iż-żewġ prodotti jkunu jistgħu jitqiesu bħala sostitwibbli jew biex il-prezz ta’ wieħed ikollu effett fuq il-prezz ta’ l-ieħor.

29      Fil-premessa 23 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni ssemmi r-raġunijiet għalfejn hija qieset li ma teżistix sostitwibbiltà fuq il-livell tal-prezzijiet bejn iż-żewġ tipi ta’ vaganzi. Hija tikkunsidra li l-prezzijiet proposti lill-konsumatur huma sostanzjalment ogħla għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda skond l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fl-Anness 1 a) tar-risposta tad-29 ta’ Ġunju 1999 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

30      B’hekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat li teżisti differenza ta’ iktar minn 100 % bejn il-“prezz tal-katalgu” medju tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda għas-sajf tal-1998 u dak tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib. Hija kkunsidrat ukoll il-kwistjoni billi qabblet vaganzi kollox inkluż simili (erbatax-il lejl, tliet stilel, ikel mhux inkluż) fi Florida u fi Spanja, u kkonstatat li dawn tal-aħħar bħala medja jiswew kważi n-nofs ta’ l-ewwel. Paragun analogu bejn Florida u l-Greċja jew il-Gżejjer Kanarji ta riżultati bejn wieħed u ieħor simili (jiġifieri differenza ta’ madwar 30 sa 40 % għal akkomodazzjoni bl-ikel). Id-Deċiżjoni tagħti eżempji dettaljati ta’ paraguni tal-prezz fir-rigward ta’ ċerti destinazzjonijiet turistiċi fil-qrib u fil-bogħod proposti fil-brochures ta’ Airtours, li juru differenzi sostanzjali fil-prezzijiet bejn iż-żewġ tipi ta’ destinazzjonijiet.

31      Ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-prezzijiet medji bħala elementi ta’ paragun ta’ l-effetti tal-prezz fuq id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti li jistgħu jiġu ddifferenzjati b’mod ċar. Hija ssostni li l-fattur sinjifikattiv biex jiġi ddeterminat is-suq tal-prodott in kwistjoni huwa l-aġir tal-“klijenti marġinali” u l-fatt jekk dawn ikunux disposti li jissotitwixxu vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda għal vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib li kieku l-prezz ta’ dawn ta’ l-aħħar kellu jogħla. Il-Kummissjoni tammetti li l-prezzijiet medji ma jirriflettux neċessarjament il-prezzijiet marġinali, iżda hija tqis li, meta d-differenzi jkunu, bħal f’din il-kawża, daqstant sostanzjali, mhuwiex wisq probabbli li teżisti medda suffiċjenti ta’ vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda li hija realment paragunabbli, bi prezzijiet suffiċjentement qrib xulxin, biex il-prezzijiet tagħhom ikunu jistgħu jaffettwaw dawk tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib, inkwantu l-vaganzi lejn id-destinazzjonijiet imbiegħda kkonċernati ma jistgħux jitqiesu bħala sostituti effettivi ħlief għal proporzjon ferm żgħir ta’ klijenti.

32      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkommettietx żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-importanza tal-marġni, jiġifieri dwar in-numru ta’ klijenti li huma lesti li jirreaġixxu f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib billi jixtru vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda, meta mqabbla mat-totalità tal-klijenti ta’ l-operaturi tat-turs li normalment dejjem jixtru vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib.

33      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu li l-konsumaturi Britanniċi tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin huma ġeneralment ferm sensittivi għall-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti.

34      L-argument tal-Kummissjoni jinsab fil-premessa 24 tad-Deċiżjoni, fejn hija ammettiet li “il-prezzijiet tal-vaganzi lejn ċerti destinazzjonijiet imbiegħda, b’mod partikolari f’ċerti żminijiet tas-sena (pereżempju, meta t-temp ikun ġeneralment ħażin), jistgħu kultant ikunu identiċi jew qrib dawk tal-vaganzi ta’ kwalità għolja lejn destinazzjonijiet fil-qrib (l-aqwa żmien tas-sajf, akkomodazzjoni ta’ kwalità aħjar)”. Sussegwentement, hija madankollu qalet li “wieħed ma jistax jistenna li din il-koinċidenza ferm limitata tkun suffiċjenti biex taffetwa l-prezzijiet tas-suq kollu tad-destinazzjonijiet fil-qrib, inkwantu l-vaganzi lejn id-destinazzjonijiet imbiegħda kkonċernati ma jitqisux bħala sostituti effettivi kemm mill-perspettiva ta’ prezz kif ukoll għal raġunijiet oħrajn ħlief minn proporzjon ferm żgħir ta’ klijenti”.

35      Insostenn ta’ din l-evalwazjzoni, il-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 25 tad-Deċiżjoni li ebda waħda mid-destinazzjonijiet imbiegħda ċċitati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (tabella 2.6) biex tikkorrobora l-opinjoni tagħha dwar il-konverġenza tal-prezzijiet ma tinsab fl-istess medda ta’ prezzijiet bħal dik li hija kienet ipprovdiet qabel.

36      Fil-fatt, mill-eżami ta’ l-annessi 1 (a) u 2 ta’ l-ittra tar-rikorrenti tad-29 ta’ Ġunju 1999 li tirrispondi t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 u tal-21 ta’ Ġunju 1999 (dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ara l-anness 6 b/7 b ta’ l-ewwel preżentata ta’ dokumenti mill-Kummissjoni), jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament affermat li d-differenzi bejn il-prezzijiet medji huma sinjifikattivi, speċjalment jekk jitqabblu fi ħdan l-istess staġun (is-sajf jew ix-xitwa). L-anness 1 a) effettivament juri li għall-istaġuni tas-sajf 1996, 1997 u 1998, il-prezzijiet medji f’lira sterlina (GBP) fil-ġimgħa għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib kienu, rispettivament, ta’ GBP 354, 378 u 369, filwaqt li ċ-ċifri li jikkorrispondu għall-prezzijiet tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda kienu, rispettivament, ta’ GBP 676, 757 u 781.

37      Barra minn hekk, l-eżami ta’ dawn id-dokumenti jikkonferma l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 25 tad-Deċiżjoni. Effettivament, mill-anness 2 ta’ l-ittra tar-rikorrenti tad-29 ta’ Ġunju 1999 jirriżulta li, għad-destinazzjonijiet fil-qrib, ir-rikorrenti kienet indikat li vaganzi tipiċi, pereżempju, ġimgħa f’lukandi bi tliet stilel, half-board, f’Majorka, f’Lulju jew f’Awwissu 2000, kienu jiswew GBP 485. Madankollu, dawn iċ-ċifri huma notevolment inqas miċ-ċifri li jinsabu fit-tabella 2.6, tal-paġna 21 tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tissemma fid-Deċiżjoni fil-premessa 25. Huma biss il-prezzijiet tal-vaganzi proposti għax-xahar ta’ Diċembru 1999 lejn il-Ġamajka (GBP 699), il-Messiku (GBP 649) u Sri Lanka (GBP 699) li joqorbu lejn iċ-ċifri medji tad-destinazzjonijiet fil-qrib validi għall-perijodu tas-sajf 2000.

38      Bl-istess mod, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti jimmilitaw favur l-argument tal-Kummissjoni. Effettivament, kif huwa miktub fil-premessa 26 tad-Deċiżjoni, jirriżulta li fl-avviż pubbliċitarju tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet imbiegħda offruti minn BA Holidays, li ġie ppreżentat mir-rikorrenti matul is-seduta (ara l-premessa 26 tad-Deċiżjoni, nota ta’ qiegħ il-paġna nru 23), erba’ destinazzjonijiet huma offruti bi prezzijiet ferm kompetittivi: Barbados (GBP 399), Tobago (GBP 499), Grenada (GBP 529) u Santa Luċija (GBP 799). Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-prezz ta’ Santa Luċija biss jinkludi l-ikel, waqt li l-prezzijiet l-oħrajn jinkludu biss l-akkomodazzjoni u t-titjira. Barra minn hekk, dawn huma prezzijiet ta’ l-istaġun meta d-domanda tkun baxxa (low season), validi għax-xhur ta’ Settembru u Ottubru 1999.

39      Għandu jingħad ukoll li, fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ġunju 1999 għad-domandi tal-Kummissjoni tal-15 u tal-21 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti tat bħala eżempju ta’ prodott tipiku li hija toffri vaganzi fis-sajf, f’Majorka, f’lukanda bi tliet stilel, bi spiża approssimattiva ta’ GBP 485, minbarra s-suppliment tat-titjira.

40      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettiet matul is-seduta li hija tippubblika katalgu għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib distint minn dak li hija tippubblika għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li parti żgħira biss tal-klijenti ta’ l-operaturi tat-turs ewlenin Britanniċi jikkunsidraw li l-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda huma sostitwibbli f’termini ta’ valur għall-flus għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib ma jistax jitqies li huwa manifestament żbaljat.

42      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti l-oħrajn invokati mir-rikorrenti.

43      Din targumenta li studji li saru fi ħdan is-settur konċernat jikkunsidraw il-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda bħala parti mill-kurrent ewlieni. Hija tiċċita, b’mod partikolari, il-pubblikazzjoni “Holidays: The Booking procedure” ta’ Mintel, fejn jingħad hekk: “Il-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda daħlu fis-suq tal-vaganzi prinċipali. Inkwantu dan huwa bbażat fuq xewqa li wieħed jivjaġġa iktar il-bogħod u biex jara d-dinja l-barra mill-Ewropa, il-fattur tal-prezz bilfors sar element prinċipali fl-għażla tal-konsumatur.” Barra minn hekk, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni x-xhieda ta’ operaturi tat-turs terzi miksuba matul l-investigazzjoni tagħha, li wkoll tenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-sostituzzjoni bejn vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda u dawk lejn destinazzjonijiet fil-qrib.

44      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq, il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx importanza deċiżiva la lill-iżviluppi fil-gosti tal-konsumaturi, la lill-importanza dejjem akbar tas-sostituzzjoni tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda, bħal Florida u r-Repubblika Dominikana, għall-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib, u lanqas, finalment, lit-tkabbir tas-suq tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet imbiegħda matul dawn l-aħħar snin, mhuwiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta kkonkludiet li l-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib ma jaqgħux taħt l-istess suq ta’ prodotti bħall-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet imbiegħda.

45      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista u l-possibbiltà ta’ bdil bejn l-ajruplani użati għat-titjiriet qosra u fit-tul, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-konstatazzjoni li tgħid li ċerti ajruplani b’iktar minn użu wieħed, bħall-Boeing 757, jistgħu sa ċertu grad jintużaw kemm għad-destinazzjonijiet imbiegħda kif ukoll għad-destinazzjonijiet fil-qrib mhijiex suffiċjentement determinanti, meta jitqiesu elementi oħrajn ikkonstatati dwar is-sostitwibbiltà tal-prodott mill-perspettiva tad-domanda, biex tkun tista’ tasal għal definizzjoni iktar wiesgħa tas-suq. F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza, kif għamlet ir-rikorrenti stess, għall-punt 13 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5), li jgħid:

“Minn perspettiva ekonomika, għal definizzjoni tas-suq in kwistjoni s-sostituzzjoni min-naħa tad-domanda hija l-fattur ta’ dixxiplina l-iktar immedjat u effikaċi fil-konfront tal-fornituri ta’ prodott partikolari, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-iffissar tal-prezzijiet.”

46      Finalment, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni.

47      Il-Kummissjoni ddedikat parti importanti tad-Deċiżjoni (premessi 5 sa 28) biex tispjega r-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li s-suq in kwistjoni huwa llimitat għal dak tal-vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib. Id-Deċiżjoni b’hekk turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni, b’tali mod li l-Qorti Komunitarja tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha filwaqt li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 15).

48      B’hekk isegwi li l-ewwel motiv għandu jinċaħad bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE inkwantu l-Kummissjoni allegatament eżaminat din il-kawża b’referenza għal kunċett żbaljat ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva

49      Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li applikat, għall-finijiet tad-Deċiżjoni, kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti kollettiva” ġdid u żbaljat, espost b’mod ġenerali fil-premessi 51 sa 56 tad-Deċiżjoni, u b’hekk warrbet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-ġurisprudenza Komunitarja u l-prinċipji ekonomiċi li jagħmlu sens, waqt li kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni b’hekk kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-Artikolu 253 KE inkwantu d-Deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

50      Il-Kummissjoni tiċħad li ħadet approċċ ġdid u ssostni li hija applikat il-kriterju ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li hija kienet diġà użat f’kawżi preċedenti u li kien ġie approvat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, Ġabra p. II-753).

51      Għandu jiġi enfasizzat li l-premessi hawn fuq imsemmija tad-Deċiżjoni (51 sa 56) jinsabu fil-parti VA tad-Deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni ssemmi, unikament fuq bażi introduttorja u fil-qosor, ir-raġunijiet għalfejn hija kkonkludiet li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti u fejn hija tagħti risposta ġenerali għal osservazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva dwar ċerti elementi karatteristiċi ta’ sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

52      F’dan il-kapitolu introduttorju ta’ l-analiżi ġuridika tal-konċentrazzjoni nnotifikata, il-Kummissjoni sempliċement tindika l-punti ewlenin ta’ l-evalwazzjonijiet tagħha dwar l-effetti ta’ l-operazzjoni, li jiġu spjegati u elaborati fid-dettall sussegwentement fil-premessi 57 sa 180 tad-Deċiżjoni.

53      Peress li d-Deċiżjoni tikkostitwixxi att ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni, għandha tillimita ruħha għall-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-operazzjoni nnotifikata, jiġifieri għandha teżamina l-mod kif id-dritt ġie applikat għall-fatti u tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq il-kompetizzjoni. F’din il-kawża, l-evalwazzjonijiet partikolari dwar l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni li wasslu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi li l-konċentrazzjoni kellha tiġi pprojbita huma esposti u elaborati fil-premessi 57 sa 180 tad-Deċiżjoni u huma kkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha.

54      Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok il-fondatezza ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv u, b’dan il-mod, li jiġu kkunsidrati l-argumenti tagħha dwar l-evalwazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 51 sa 56 tad-Deċiżjoni.

 Fuq it-tielet motiv, li huwa bbażat fuq, minn naħa, ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 inkwantu l-Kummissjoni kkonstatat li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata kellha toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva u, min-naħa l-oħra, ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

55      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti trid turi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-operazzjoni prevista kellha tiġi pprojbita. Hija ssostni li d-Deċiżjoni ma turix, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, li r-riżultat ta’ l-operazzjoni kien ser ikun il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tista’ tostakola l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv fis-suq in kwistjoni. Hija ssostni li billi pprojbixxiet l-operazzjoni, il-Kummissjoni b’hekk kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89.

A –  Kunsiderazzjonijiet ġenerali

56      Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha l-effett li tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

57      Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li jkollha l-effett li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

58      Meta, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni teżamina jekk teżistix pożizzjoni dominanti kollettiva, hija għandha tiddetermina jekk il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ tali pożizzjoni, li tkun ta’ natura tali li tostakola b’mod sinjifikattiv u permanenti l-kompetizzjoni effettiva li teżisti fis-suq, humiex il-konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94). Fin-nuqqas ta’ bidla sostanzjali fil-kompetizzjoni attwali, l-operazzjoni għandha tkun awtorizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-2/93, Ġabra p. II-323, punti 78 u 79, u Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 170, 180 u 193).

59      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, “[f]il-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni hija [...] obbligata li tivverifika, abbażi ta’ analiżi prospettiva tas-suq rilevanti, jekk l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni hijiex ser twassal għal sitwazzjoni fejn kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti ser tkun ostakolata b’mod sinjifikattiv mill-impriżi involuti fil-konċentrazzjoni u fejn impriża jew impriżi terzi jkollhom, flimkien, b’mod partikolari minħabba fatturi li jagħtu lok għall-konnessjoni bejniethom, is-setgħa li jadottaw politika komuni fis-suq u jaġixxu kunsiderevolment b’mod indipendenti mill-kompetituri l-oħra, mill-klijenti tagħhom u, finalment, mill-konsumaturi” (sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 221, u Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163).

60      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “mhemm l-ebda raġuni f’termini legali jew ekonomiċi sabiex mill-kunċett ta’ rabta ekonomika tiġi eskluża r-relazzjoni ta’ interdependenza li teżisti bejn il-membri ta’ oligopolija stretta li fi ħdana, f’suq li għandu karatteristiċi xierqa, b’mod partikolari f’termini ta’ konċentrazzjoni ta’ suq, ta’ trasparenza u ta’ omoġeneità tal-prodott, huma jkunu f’pożizzjoni li jantiċipaw l-imġiba ta’ xulxin u għaldaqstant iħossu l-ħtieġa li jallinijaw l-imġiba tagħhom fis-suq, b’mod partikolari b’tali mod li jkabbru kemm jista’ jkun il-profitti konġunti tagħhom billi jirrestrinġu l-produzzjoni bl-iskop li jgħollu l-prezzijiet. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, kull operatur jaf li azzjoni kompettittiva ħafna min-naħa tiegħu bl-iskop li jkabbar is-sehem tas-suq tiegħu (per eżempju tnaqqis fil-prezzijiet) ser tipprovoka azzjoni identika min-naħa ta’ l-oħrajn, b’tali mod li ma jakkwista l-ebda beneffiċċju mill-inizjattiva tiegħu. Għaldaqstant, l-operaturi kollha jkunu affettwati minn tnaqqis fil-livelli tal-prezzijiet.” (Sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 276.)

61      Sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu b’hekk tista’ sseħħ wara konċentrazzjoni meta, fid-dawl tal-karatteristiċi nfushom tas-suq in kwistjoni u tal-bidla fl-istruttura tiegħu li għandu jġib miegħu t-twettiq ta’ l-operazzjoni, dan ikollu r-riżultat li, filwaqt li jsir konxju tal-interessi komuni, kull membru ta’ l-oligopolija dominanti jikkunsidra li huwa possibbli, ekonomikament razzjonali u b’hekk preferibbli li tiġi adottata, fuq tul ta’ żmien, azzjoni komuni fis-suq bil-għan li jbiegħ bi prezzijiet ogħla minn dawk kompetittivi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jikkonkludi ftehim jew li jirrikorri għal prattika miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 277), u dan mingħajr ma l-kompetituri attwali jew potenzjali, jew inkella l-klijenti u l-konsumaturi, ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv.

62      Kif targumenta r-rikorrenti u kif ammettiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, tliet kundizzjonijiet huma meħtieġa sabiex tkun tista’ tinħoloq sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva hekk iddefinita:

–        fl-ewwel lok, kull membru ta’ l-oligopolija dominanti għandu jkun jista’ jsir jaf bl-aġir tal-membri l-oħrajn, sabiex jivverifika jekk huma jadottawx l-istess linja ta’ azzjoni jew le. Kif tammetti espressament il-Kummissjoni, mhuwiex suffiċjenti li kull membru ta’ l-oligopolija dominanti jkun konxju li kulħadd jista’ jibbenefika minn aġir interdipendenti fis-suq, iżda għandu jkollu wkoll mezz biex ikun jaf jekk l-operaturi l-oħrajn jadottawx l-istess strateġija u jekk iżommuhiex. It-trasparenza fis-suq għandha, għaldaqstant, tkun suffiċjenti biex tippermetti lil kull membru ta’ l-oligopolija dominanti jkun jaf, b’mod suffiċjentement preċiż u immedjat, l-iżvilupp ta’ l-aġir fis-suq ta’ kull wieħed mill-membri l-oħrajn;

–        fit-tieni lok, huwa neċessarju li s-sitwazzjoni ta’ koordinazzjoni taċita tkun tista’ tinżamm fit-tul, jiġifieri jrid ikun hemm inċentiv biex wieħed ma jiddevjax mil-linja ta’ komportament komuni fis-suq. Kif tosserva l-Kummissjoni, huwa biss jekk il-membri kollha ta’ l-oligopolija dominanti jżommu komportament parallel li huma jistgħu jibbenefikaw. Din il-kundizzjoni b’hekk tħaddan il-kunċett ta’ ritaljazzjoni fil-każ li l-komportament jiddevja mil-linja ta’ azzjoni komuni. Il-partijiet jaqblu f’dan ir-rigward li biex sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tkun vijabbli, jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed fatturi dissważivi biex jiġi żgurat għal-żmien twil l-inċentiv sabiex ma jkunx hemm devjazzjoni mil-linja ta’ komportament komuni, li jfisser li jeħtieġ li kull membru ta’ l-oligopolija dominanti jkun jaf li azzjoni kompetittiva ħafna min-naħa tiegħu intiża biex iżżid is-sehem tiegħu fis-suq ser tipprovoka azzjoni identika min-naħa ta’ l-oħrajn, b’mod li huwa ma jikseb ebda vantaġġ mill-inizjattiva tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 276);

–        fit-tielet lok, biex tintwera, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll li r-reazzjoni prevedibbli tal-kompetituri attwali u potenzjali kif ukoll tal-konsumaturi ma tpoġġix f’dubju r-riżultati mistennija mil-linja ta’ azzjoni komuni.

63      L-analiżi prospettiva li l-Kummissjoni hija msejħa biex tagħmel fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet, fir-rigward ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, teħtieġ eżami bir-reqqa b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi li, skond kull każ, jirriżultaw li huma rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq ta’ referenza (sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 222). Effettivament, kif enfasizzat il-Kummissjoni stess fil-punt 104 tad-Deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 1998, Price Waterhouse/Coopers & Lybrand (Każ IV/M.1016) (ĠU 1999, L 50, p. 27), mis-sentenza Kali & Salz jirriżulta wkoll li, meta l-Kummissjoni jidhrilha li operazzjoni għandha tiġi pprojbita peress li tkun ser toħloq sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, hija għandha tipproduċi provi sodi. Dawn il-provi għandhom jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-elementi li għandhom rwol importanti fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, bħan-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi allegatament membri ta’ l-oligopolija dominanti u d-dgħjufija tal-pressjoni kompetittiva li tista’ eventwalment tiġi eżerċitata mill-operaturi l-oħrajn.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-regoli bażiċi tar-Regolament Nru 4064/89, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ l-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li fuqhom huma msejsa r-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 164 u 165).

65      Huwa b’hekk fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-ilmenti invokati mir-rikorrenti bil-għan li jiġi pprovat li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-kundizzjonijiet jew l-elementi karatteristiċi ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva jkunu sodisfatti jekk l-operazzjoni nnotifikata tkun awtorizzata.

B –  Deċiżjoni

66      Id-Deċiżjoni tiddistingwi (ara l-premessi 72 u 75) bejn żewġ tipi ta’ atturi fis-suq in kwistjoni, l-operaturi l-kbar tat-turs, minn naħa, u l-operaturi sekondarji jew operaturi żgħar tat-turs, min-naħa l-oħra:

–        l-operaturi l-kbar tat-turs huma kkaratterizzati mid-daqs relattivament sostanzjali tagħhom, sehem tas-suq ta’ iktar minn 10 % (skond l-informazzjoni tal-Kummissjoni, Thomson għandha 27 % tal-bejgħ, Airtours 21 %, Thomas Cook 20 % u First Choice 11 %, jiġifieri flimkien 79 %; skond l-informazzjoni ta’ Airtours, Thomson għandha 30.7 % tal-bejgħ, Thomas Cook 20.4 %, Airtours 19.4 % u First Choice 15 %, jew total ta’ 85.5 %), u mill-fatt li huma kollha integrati kemm upstream (operat ta’ linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani) u downstream (aġenziji tal-vjaġġi);

–        l-operaturi sekondarji huma ta’ daqs iżgħar, ebda wieħed minnhom m’għandu iktar minn 5 % tas-suq, u ġeneralment ma jkollhomx kumpanniji li jikru l-ajruplani tagħhom jew aġenziji tal-vjaġġi tagħhom. Minbarra Cosmos (li hija eċċezzjoni għan-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali tal-operaturi sekondarji, inkwantu hija konnessa ma’ Monarch, waħda mill-kumpanniji ewlenin li jikru l-ajruplani fir-Renju Unit), Manos u Kosmar, li huma l-ħames, is-sitt u s-seba’ operaturi tat-turs u li għandhom rispettivament 2.9 %, 1.7 % u 1.7 % tal-bejgħ, jeżistu mijiet ta’ operaturi żgħar tat-turs kompetituri, li ħadd minnhom m’għandu iktar minn 1 % tal-bejgħ.

67      Mid-Deċiżjoni (ara s-sinteżi ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 168 sa 172 tad-Deċiżjoni) jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista kienet ser toħloq pożizzjoni dominanti fis-suq Brittaniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib, li kien ser ikollha l-konsegwenza li tostakola l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 għal dawn ir-raġunijiet:

–        It-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista għandu jelimina l-kompetizzjoni bejn it-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal wara l-konċentrazzjoni (l-amalgamazzjoni Airtours/First Choice, Thomson u Thomas Cook); dawn ma jibqgħalhomx inċentiv biex jikkompetu minħabba l-karatteristiċi strutturali u l-mod kif jaħdem is-suq, li jiddependi mid-deċiżjonijiet meħuda dwar il-kapaċità, u minħabba l-grad għoli ta’ konċentrazzjoni (80 % għat-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal jekk isseħħ l-operazzjoni) (Deċiżjoni, premessa 169);

–        l-operazzjoni għandha ssaħħaħ il-grad ta’ trasparenza u ta’ interdipendenza li diġà teżisti, b’tali mod li t-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal ikollhom kull interess li jadottaw aġir parallel fir-rigward tad-determinazzjoni tan-numru ta’ vaganzi kollox inkluż mqiegħda fis-suq, billi jnaqqsu l-kapaċità ’l isfel minn dak li jkun jeħtieġ l-iżvilupp tas-suq (Deċiżjoni, premessa 170);

–        l-eżami tal-kompetizzjoni mgħoddija jsaħħaħ din il-konklużjoni, inkwantu juri li s-suq in kwistjoni diġà kien jippreżenta ċerta tendenza ta’ dominanza kollettiva (Deċiżjoni, premessi 128 sa 138);

–        jeżistu fatturi ta’ dissważjoni jew possibbiltajiet ta’ ritaljazzjoni marbuta mal-fatt li jekk wieħed mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal jiddeċiedi li ma jirrestrinġix il-kapaċità tiegħu, jeżisti r-riskju li t-tnejn l-oħrajn jagħmlu l-istess, li jwassal għal “sitwazzjoni ta’ provvista eċċessiva” b’konsegwenzi finanzjarji serji għal kull operatur (Deċiżjoni, premessa 170);

–        l-operaturi ż-żgħar tat-turs jew dawk li jkunu għadhom ġodda fis-suq, jiġifieri l-kompetituri attwali u potenzjali, jiġu emarġinati saħansitra iktar mit-twettiq ta’ l-operazzjoni, peress li jitilfu lil First Choice kemm bħala fornitriċi ta’ postijiet fuq l-ajruplani kif ukoll bħala kanal ta’ distribuzzjoni potenzjali; fi kwalunkwe każ, dawn l-operaturi ma jkollhomx il-possibbiltà li jikkumpensaw għal restrizzjonijiet eventwali li t-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal jistgħu jimplementaw fuq il-kapaċità (Deċiżjoni, premessa 171).

68      Għal dak li jirrigwarda l-effetti ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni effettiva, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-fatt li tiġi llimitata l-kapaċità globali mqiegħda fis-suq għandu jkollu l-effett li dan ta’ l-aħħar jingħalaq waqt li jkun hemm żieda fil-prezzijiet u fil-profitti tal-membri ta’ l-oligopolija dominanti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 56 u 168 in fine tad-Deċiżjoni).

C –  Fuq l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni

69      Ir-rikorrenti targumenta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-elementi adottati fid-Deċiżjoni minn din ta’ l-aħħar biex tikkaratterizza s-sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ma kinux jeżistu fil-mument tan-notifika u li m’għandhomx iseħħu jekk l-operazzjoni titwettaq.

70      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma wrietx, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni, it-twettiq ta’ l-operazzjoni jinċentiva lit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal biex ma jikkompetux iktar bejniethom.

71      Fit-tieni lok, hija targumenta li anki jekk wieħed jassumi li tali inċentiv jista’ jeżisti, in-nuqqas ta’ fatturi ta’ dissważjoni jew ta’ possibbiltajiet ta’ ritaljazzjoni adegwati jostakola l-ħolqien ta’ l-allegata oligopolija dominanti.

72      Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, l-operaturi ż-żgħar tat-turs u l-operaturi l-ġodda fis-suq, jiġifieri l-kompetituri attwali u potenzjali, kieku jikkontestaw l-eventwali restrizzjonijiet tal-kapaċità implementati u l-konsumaturi jirreaġixxu konsegwentement, b’mod li t-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal ma jkollhomx, b’effett tal-konċentrazzjoni, is-setgħa li jaġixxu flimkien sa grad notevoli indipendentement mill-kompetituri l-oħrajn u mill-konsumaturi.

73      Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fil-mod kif evalwat l-impatt ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq in kwistjoni.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

74      Ir-rikorrenti ssostni, fuq bażi preliminari, li t-tendenza naturali ta’ l-operaturi tas-suq in kwistjoni li jiddeterminaw b’mod prudenti l-kapaċità tagħhom ma waqqfithomx fil-passat milli jikkompetu u li mhemmx raġunijiet biex wieħed jemmen li t-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista ser twassal għall-eliminazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tat-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal.

75      Id-Deċiżjoni hija partikolarment ambigwa f’dak li jirrigwarda l-kwalifikazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti fil-mument tan-notifika. Huwa madankollu paċifiku li l-Kummissjoni kkonkludiet li t-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista għandu joħloq, u mhux isaħħaħ, pożizzjoni dominanti fis-suq (Deċiżjoni, premessa 194). Il-Kummissjoni kkonfermat fir-risposta tagħha li hija mhux qed tallega li fil-mument tan-notifika kienet teżisti sitwazzjoni ta’ oligopolija dominanti u li l-kwistjoni hija dwar il-ħolqien, u mhux it-tisħiħ, ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Hija ma tikkontestax li l-operaturi ewlenin tat-turs ġġudikaw li ma kienx possibbli jew profittabbli, qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista, li jillimitaw il-kapaċità tagħhom bil-għan li jżidu l-prezzijiet u d-dħul tagħhom.

76      Minn dan jirriżulta li l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu, f’din il-kawża, jieħu bħala punt ta’ tluq sitwazzjoni fejn, skond il-Kummissjoni stess, l-erba’ operaturi l-kbar tat-turs m’għandhomx is-setgħa li jadottaw l-istess linja ta’ azzjoni fis-suq u b’hekk ma jippreżentawx ruħhom bħala entità waħda fil-konfront tal-kompetituri tagħhom, tas-sħab kummerċjali tagħhom u tal-konsumaturi, u fejn għaldaqstant m’għandhomx is-setgħat inerenti f’pożizzjoni dominanti kollettiva.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq ta’ l-organizzazzjoni ta’ vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib għall-Britanniċi u fid-dawl tal-operazzjoni nnotifikata, l-awtorizzazzjoni tagħha kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, peress li Airtours/First Choice, Thomson u Thomas Cook kienu ser ikollhom is-setgħa, li qabel ma kellhomx, li jadottaw l-istess linja ta’ azzjoni fis-suq billi jiffissaw il-kapaċità tagħhom taħt il-livell li normalment ikun il-każ f’suq kompetittiv, li huwa diġà kkaratterizzat minn ċerta prudenza fir-rigward tal-kapaċità.

78      Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’din il-kawża.

2.     Fuq il-konklużjoni li tgħid li t-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jinċentiva lit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal biex ma jikkompetux bejniethom

79      Ir-rikorrenti targumenta li l-konklużjoni li tgħid li t-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jinċentiva lit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal biex ma jkomplux jikkompetu bejniethom hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni, minn naħa, ma qisitx, kif hija kellha tagħmel, il-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ewlenin tat-turs fil-mument tan-notifika u, min-naħa l-oħra, ikkommettiet żbalji fl-evalwazzjoni tagħha tal-karatteristiċi tas-suq li ntużaw bħala indizji biex jiġi stabbilit li kellha tinħoloq pożizzjoni dominanti kollettiva, dawn l-indizji kienu, b’mod partikolari, l-iżviluppi li seħħew u li huma prevedibbli fid-domanda, il-volatilità tagħha u l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq.

a)     Fuq l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li teżisti bejn l-aġenziji ewlenin tal-vjaġġi

80      Ir-rikorrenti targumenta li l-analiżi tal-kompetizzjoni li kienet teżisti qabel in-notifika (imsejħa “kompetizzjoni mgħoddija”) għandha rwol fundamentali f’din il-kawża, inkwantu l-inċentivi ewlenin invokati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ allegati riġiditajiet fir-rigward tal-kapaċità, huma inerenti għall-funzjonament normali tas-suq, li jikkonċernaw il-professjoni kollha u mhumiex influwenzati mit-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista. Hija ssostni li s-suq in kwistjoni ffunzjona, matul dawn l-aħħar snin, b’mod kompetittiv u tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan diġà kellu tendenza ta’ dominanza kollettiva. B’mod partikolari, hija tikkritika l-mod ta’ kif il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-allegata eżistenza ta’ tendenza għad-dominanza kollettiva saħansitra qabel ma ġew eżaminati t-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista u l-volatilità ta’ l-ishma tas-suq storiċi.

81      Il-Kummissjoni targumenta li l-mod kif kien jiffunzjona s-suq qabel u l-eżistenza, fl-imgħoddi, ta’ kompetizzjoni mhumiex elementi importanti, inkwantu d-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-operazzjoni prevista għandha toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva, jiġifieri tbiddel il-kundizzjonijiet tas-suq b’tali mod li l-inċentivi u l-aġir eżaminati fl-imgħoddi ma jibqgħux jikkostitwixxu punti ta’ referenza rilevanti biex tiġi ddeterminata r-reazzjoni ta’ l-operaturi fis-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq. Għaldaqstant, hija targumenta li l-kwistjoni essenzjali hija jekk l-operazzjoni prevista għandhiex timmodifika l-kundizzjonijiet attwali tas-suq b’tali mod li l-operatauri ewlenin ma jibqgħux jaġixxu bħal ma kienu jaġixxu fl-imgħoddi. B’hekk, ma jsegwix li għaliex is-suq kien kompetittiv b’erba’ operaturi kbar tat-turs, dan ser ikompli jkun hekk jekk dawn ma jkunux iktar minn tlieta. Il-Kummissjoni madankollu tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex juru li kien hemm u ser ikompli jkun hemm kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-operaturi ewlenin.

82      Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu tirrileva li, fir-rigward ta’ allegata pożizzjoni dominanti kollettiva, waħda mill-kwistjonijiet li l-Kummissjoni hija obbligata li teżamina hija jekk l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li tkun ġiet innotifikata lilha tikkostitwixxix ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni (sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 221, u Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163). Fin-nuqqas ta’ bidla importanti fil-livell ta’ kompetizzjoni li kien jeżisti qabel, l-operazzjoni għandha tiġi awtorizzata, għaliex m’għandhiex effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-grad ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq in kwistjoni fil-mument tan-notifika ta’ l-operazzjoni huwa ċirkustanza determinanti sabiex tikkaratterizza l-eventwali ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89.

83      Kif argumentat ir-rikorrenti, l-analiżi, f’din il-kawża, tal-kompetizzjoni eżistenti qabel in-notifika hija partikolarment importanti, peress li l-iskop tal-koordinazzjoni taċita li, skond il-Kummissjoni, aktarx li sseħħ wara l-konċentrazzjoni, hija restrizzjoni tal-kapaċità, mqiegħda fis-suq mit-tliet operaturi tat-turs integrati li jifdal, li tmur lil hinn mill-prudenza naturali fl-ippjanar tal-kapaċità tagħhom, li l-Kummissjoni stess tikkunsidra li hija inerenti fil-funzjonament normali tas-suq.

 i) Fuq l-allegata eżistenza ta’ tendenza ta’ dominanza kollettiva qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista

84      Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li għalkemm il-Kummissjoni ddedikat parti tad-Deċiżjoni għall-eżami tal-“[is]truttura tal-kompetizzjoni fl-imgħoddi” (premessi 128 sa 138), minn analiżi dettaljata tal-punti ta’ din il-parti jirriżulta li, fir-realtà, il-Kummissjoni ma tiddeċidix dwar id-daqs tal-kompetizzjoni eżistenti f’dan is-suq. Hija tillimita ruħha li tesponi (premessi 128 sa 138) serje ta’ ċirkustanzi jew elementi li seħħew f’dan is-suq matul is-snin ta’ qabel in-notifika biex tikkonkludi (Deċiżjoni, premessa 138) li “diversi elementi jindikaw li f’dan is-settur diġà teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-iffissar tal-kapaċitajiet”. Iżda mkien f’din is-silta tad-Deċiżjoni ma jissemma l-eventwali tnaqqis fil-grad ta’ kompetizzjoni qabel in-notifika.

–       Fuq il-fatt li l-operaturi l-kbar tat-turs jadottaw approċċ prudenti fir-rigward ta’ l-ippjanar tal-kapaċità u jikkunsidraw b’mod partikolari l-estimi tal-kompetituri ewlenin

85      Fil-premessi 135 u 136 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li l-operaturi l-kbar tat-turs jadottaw approċċ prudenti fir-rigward ta’ l-ippjanar tal-kapaċitajiet u b’mod partikolari jikkunsidraw l-estimi tal-kompetituri ewlenin (id-Deċiżjoni tiċċita, fil-premessa 136, ċerti dikjarazzjonijiet li saru mid-diriġenti ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs Britanniċi integrati li juru din il-prudenza fl-ippjanar). Fil-premessa preċedenti (135), id-Deċiżjoni tirrakkonta episodju, li seħħ matul is-sajf tal-1995, li skond il-Kummissjoni juri l-konsegwenza ta’ provvista eċċessiva fis-suq: matul il-perijodu ta’ l-ippjanar tal-1994, l-operaturi tal-vjaġġi ssopravalutaw id-domanda għall-istaġun tas-sajf tal-1995 u sabu ruħhom b’kapaċitajiet mhux mibjugħa li huma kellhom ineħħu permezz ta’ skontijiet sostanzjali, li wassalhom għal telf kunsiderevoli.

86      Ir-rikorrenti ssostni li l-operaturi l-kbar tat-turs ma jistgħux jiġu kkritikati talli adottaw approċċ prudenti fl-ippjanar tal-kapaċità, billi b’mod partikolari jagħtu każ ta’ l-estimi tal-pjanijiet ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs l-oħrajn, għaliex il-qorti Komunitarja rrikonoxxiet li l-kundizzjoni ta’ indipendenza ma ċċaħħadx lill-operaturi ekonomiċi mid-dritt li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-komportament eżistenti u previst tal-kompetituri tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 173 u 174). Hija tikkunsidra li din il-prudenza mhijiex inkompatibbli ma aggressività kompetittiva kbira biex iżżomm jew iżżid l-ishma tagħha tas-suq għad-detriment tal-kompetituri ewlenin tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċċita d-dikjarazzjonijiet ta’ l-operaturi tat-turs ewlenin li jiddeskrivu l-ambizzjonijiet tagħhom ta’ tkabbir.

87      Il-Kummissjoni targumenta li l-intenzjonijiet attribwiti lill-operaturi ewlenin tat-turs mir-rikorrenti jirriflettu s-sitwazzjoni qabel l-operazzjoni prevista u b’hekk jirreferu għal ċirkustanzi differenti. Hija ma tallegax li preċedentement kienet teżisti sitwazzjoni ta’ oligopolija dominanti. Barra minn hekk, it-“tkabbir aggressiv” li għalih jirreferu ċerti dikjarazzjonijiet kien imwettaq, fl-imgħoddi, u għandu jinkiseb fil-futur, permezz ta’ akkwisti. Finalment, Thomas Cook indikat lill-Kummissjoni li l-preokkupazzjoni ewlenija tagħha ma kinitx id-daqs, iżda l-profittabbiltà (Deċiżjoni, premessa 131).

88      Għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni tirrikonoxxi f’diversi postijiet li din it-tendenza naturali għall-prudenza fl-ippjanar tal-kapaċità tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi partikolari tas-suq in kwistjoni fl-istat attwali tiegħu, fejn mhemmx pożizzjoni dominanti kollettiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, u li din taffettwa lill-operaturi kollha u mhux biss lill-operaturi l-kbar tat-turs, anki jekk dawn ta’ l-aħħar huma iktar partikolarment ikkonċernati (ara l-premessi 60 sa 66, 97 u 136 tad-Deċiżjoni). B’hekk, fil-premessa 97 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tafferma li “[i]l-volatilità tad-domanda teżiġi b’mod partikolari li tiġi llimitata l-kapaċità ppjanata u li din sussegwentement tiżdied jekk jirriżulta li d-domanda tkun partikolarment b’saħħitha [u li l-]fornituri b’hekk ikunu qed jipproteġu ruħhom kontra tnaqqis f’daqqa fid-domanda” u, fil-premessa 136, li “[l-]operaturi l-kbar jadottaw approċċ prudenti fir-rigward ta’ l-ippjanar tal-kapaċitajiet u b’mod partikolari jikkunsidraw l-estimi tal-kompetituri ewlenin tagħhom”.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx in-natura kompetittiva tas-suq in kwistjoni qabel in-notifika, b’mod partikolari matul il-kriżi tal-1995, l-episodju li seħħ f’dik is-sena, li jingħata importanza kbira fid-Deċiżjoni, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, indizju li f’dan is-settur diġà kienet teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva. Il-fatt li, matul il-perijodu ta’ l-ippjanar tal-1994, l-operaturi ħadu żball fil-kalkoli tagħhom u rreġistraw telf sostanzjali wara li ssopravalutaw id-domanda għall-istaġun tas-sajf tal-1995 jista’ jitqies biss bħala eżempju tar-riskji inerenti f’dan is-suq, li l-funzjonament ferm partikolari tiegħu huwa spjegat fil-premessi 59 sa 66 tad-Deċiżjoni.

90      Għalkemm huwa minnu li mid-dikjarazzjonijiet iċċitati fil-premessa 136 tad-Deċiżjoni jirriżulta li d-diriġenti ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs huma konxji mir-riskji inerenti fl-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ espansjoni fis-suq in kwistjoni, b’mod partikolari grazzi għal-lezzjonijiet li tgħallmu mill-episodju tal-1995 u mill-fatt li ċ-ċavetta tal-profittabbiltà tinsab fl-adattament tal-kapaċità għad-domanda (ara l-premessa 60 tad-Deċiżjoni), dawn id-dikjarazzjonijiet ma jinkludu lanqas ħjiel ta’ indizju ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi ewlenin tat-turs.

91      Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni (ara l-premessi 137 u 138 tad-Deċiżjoni), il-fatt li, sa ċertu punt (30 sa 40 % tal-kapital), l-istess investituri istituzzjonali jinsabu f’Airtours, First Choice u Thomson, ma jistax jitqies bħala element li jindika li f’dan is-settur diġà kienet teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha (punt 73), fid-Deċiżjoni mhuwiex allegat li l-grupp ta’ azzjonisti istituzzjonali jirrappreżenta unità waħda omoġenja li tippermetti li jiġu kkontrollati dawn il-kumpanniji kkwotati fil-borża jew li tipprovdi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn it-tliet impriżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni li dawn l-azzjonisti jirrappreżentaw element addizzjonali favorevoli għal ġestjoni prudenti tal-kapaċitajiet, mingħajr ma tkun eżaminat sa liema punt dawn l-azzjonisti jintervjenu fil-ġestjoni tal-kumpanniji in kwistjoni. Finalment, anki jekk wieħed jippreżumi li ġiet stabbilita kapaċità ta’ influwenza fuq il-ġestjoni ta’ l-impriżi, peress li t-tħassib ta’ l-azzjonisti istituzzjonali komuni fir-rigward tat-tkabbir u, b’hekk, tal-kapaċità, sempliċement jirriflettu karatteristika inerenti tas-suq in kwistjoni, il-Kummissjoni xorta waħda jkun għad fadlilha tistabbilixxi li l-preżenza ta’ tali investituri istituzzjonali fil-kapital ta’ tlieta mill-erba’ operaturi ewlenin tat-turs tikkostitwixxi element li jindika li diġà teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva.

92      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, peress li ma kkontestatx in-natura kompetittiva ta’ dan is-suq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra l-prudenza fl-ippjanar tal-kapaċitajiet li tikkaratterizza s-suq f’kundizzjonijiet normali bħala indikazzjoni tal-fondatezza ta’ l-argument tagħha li jgħid li f’dan is-settur diġà kienet teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva.

–       Fuq l-evalwazzjoni tal-movimenti ta’ integrazzjoni orizzontali u vertikali li jikkaratterizzaw is-suq wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Monopolies and Mergers Commission

93      Ir-rikorrenti targumenta li l-Monopolies and Mergers Commission tar-Renju Unit, waħda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem, l-“MMC”), eżaminat il-kompetizzjoni li kienet teżisti fl-1997 fis-suq inkwistjoni u intavolat rapport imsejjaħ ‛Foreign package holidays: a report on the supply in the UK of tour operators’ services and travel agents’ services in relation to foreign package holidays’ (iktar ’il quddiem, ir-“rapport tal-MMC”). Hija targumenta li l-MMC ikkonkludiet f’dan ir-rapport li s-sitwazzjoni f’dan is-suq kienet suffiċjentement kompetittiva.

94      Il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tas-suq inbidlet b’mod kunsiderevoli wara l-adozzjoni tar-rapport tal-MMC fl-1997, mhux biss minħabba ż-żieda fl-integrazzjoni vertikali ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs, kif tallega r-rikorrenti, iżda wkoll minħabba l-konċentrazzjoni orizzontali sinjifikattiva li seħħet.

95      Fil-premessi 128 sa 134 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tiċċita, bħala indizju ta’ tendenza ta’ dominanza kollettiva, il-movimenti ta’ integrazzjoni orizzontali u vertikali li kkaratterizzaw is-settur Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin f’dawn l-aħħar snin u li ġew aċċellerati wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MMC f’Diċembru 1997, b’mod partikolari minħabba l-fatt li għadd ta’ operaturi ta’ daqs medju ġew akkwistati mill-erba’ operaturi l-kbar tat-turs.

96      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, madankollu, li minn eżami bir-reqqa ta’ dawn il-movimenti jirriżulta li l-akkwisti ta’ l-operaturi tat-turs, ta’ linji ta’ l-ajru u ta’ aġenziji tal-vjaġġi mill-operaturi tat-turs ewlenin, li jissemmew fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni, ma wasslux għal bidliet maġġuri fis-suq, b’tali mod li jinvalidaw, fl-1999, il-konklużjonijiet li għalihom waslet l-MMC fit-tmiem tal-1997 dwar il-kompetizzjoni f’dan is-suq, u li, għaldaqstant, dawn l-akkwisti ma jistgħux jitqiesu bħala indizju ta’ l-eżistenza ta’ tendenza ta’ dominanza kollettiva.

97      Effettivament, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat ir-rikorrenti, l-MMC kienet tal-fehma fir-rapport tagħha ppubblikat fl-1997 li s-settur tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin kien settur dinamiku, fejn il-kompetizzjoni kienet akkanita u fejn l-ostakli għad-dħul ma kinux sinjifikattivi. Hija waslet għal din il-konklużjoni wara li għamlet studju partikolarment dettaljat (iktar minn 300 paġna) tas-sitwazzjoni u tal-funzjonament tas-settur tal-vjaġġi, li sar matul investigazzjoni ta’ tnax-il xahar abbażi ta’ għadd kbir ta’ informazzjoni u opinjonijiet mill-partijiet kollha preżenti fis-settur tal-vaganzi f’pajjiżi barranin mibjugħa fir-Renju Unit. Sabiex tħejji r-rapport tagħha, l-MMC ikkummissjonat erba’ studji tas-suq minn konsulenti esterni u r-rapport ġie ffinalizzat f’Novembru 1997, jiġifieri sena u nofs biss qabel ma l-Kummissjoni eżaminat dan is-suq fil-kuntest ta’ l-operazzjoni nnotifikata.

98      B’mod iktar speċifiku, fil-punt 1.6 tar-rapport tagħha, l-MMC qalet dan li ġej:

“Is-settur tal-vjaġġi kien altru milli statiku f’dawn l-aħħar għaxar snin u l-istampa tkompli tinbidel, b’tendenza lejn iktar integrazzjoni vertikali. Mill-parteċipanti ewlenin kollha deskritti fl-inkjesta tagħna tal-1986 dwar il-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin, Thomson biss żammet pożizzjoni prominenti. Ġbarna numru kbir ta’ provi li juru li l-kompetizzjoni fis-settur hija b’saħħitha u ġeneralment aħna naqblu ma’ dan l-argument. Għalkemm il-konċentrazzjoni żdiedet matul dawn l-aħħar ħames snin, din ma tinsabx f’livell partikolarment għoli. Il-profitti kkunsidrati fuq bażi annwali mhumiex eċċessivi. L-atturi jmorru u jiġu. M’hemmx ostakli sinjifikattivi għad-dħul fis-suq ta’ l-operaturi tal-vjaġġi jew ta’ l-operaturi tat-turs.”

99      Il-Kummissjoni ma kkontestatx din l-analiżi fid-Deċiżjoni, minkejja li hija kemm-il darba ċċitat evalwazzjonijiet li saru mill-MMC f’dan ir-rapport fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħrajn (premessi 9, 11, 47, 70, 76, 81, 114, 115, 123, 128, 129, 131, 133 u 134 tad-Deċiżjoni). Minn dan isegwi li hija mhux qed tikkontesta l-konklużjonijiet tal-MMC dwar id-deskrizzjoni ta’ dan is-suq, fl-1997, bħala suq b’kompetizzjoni b’saħħitha.

100    Il-Kummissjoni madankollu targumenta (Deċiżjoni, premessa 123) li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan is-suq inbidlu b’mod sostanzjali wara l-1997, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni u l-integrazzjoni vertikali li seħħew fih, kif ġie espost fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-eliminazzjoni ta’ l-operaturi ta’ daqs medju tirrappreżenta bidla essenzjali fl-istruttura tal-kompetizzjoni u żżid il-possibbiltajiet ta’ komportament parallel mill-operaturi ewlenin tat-turs.

101    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-movimenti ta’ integrazzjoni orizzontali u vertikali li seħħew fis-settur Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MMC huma inqas importanti milli tallega l-Kummissjoni.

102    Effettivament, għal dak li jirrigwarda l-integrazzjoni orizzontali, mill-atti tal-proċess (paġna 33a tan-notifika ta’ l-operazzjoni lill-Kummissjoni, fl-anness 5 tar-rikors, punt 4.18 tar-rapport tal-1997 tal-MMC u l-premessa 72 tad-Deċiżjoni) jirriżulta li l-iżvilupp, bejn l-1996 u l-1999, fl-ishma tas-suq ta’ Thomson, ta’ Airtours u ta’ First Choice ma jippermettix li jiġi identifikat tisħiħ sostanzjali ta’ l-ishma tagħhom fis-suq tad-distanzi qosra. Skond il-grafika li tiddeskrivi l-iżviluppi fl-ishma tas-suq ta’ l-operaturi tat-turs, id-destinazzjonijiet kollha inklużi, il-bejgħ tal-vaganzi kollox inkluż f’pajjiżi barranin ta’ Thomson, li kienu jirrappreżentaw 25 % tal-bejgħ ta’ vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin fl-1996 ma kinux jirrappreżentaw iktar minn 22 % fl-1998, waqt li dawk ta’ Airtours kienu jirrappreżentaw 16 % kemm fl-1996 u kif ukoll fl-1998 u dawk ta’ First Choice naqsu minn 10 % fl-1996 għal 9 % fl-1998. L-ewwel tliet operaturi tat-turs attivi fl-1997 b’hekk jirrappreżentaw 51 % tal-bejgħ ta’ vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin fl-1996 u 47 % fl-1998. Din l-evalwazzjoni hija kkoroborata mill-eżami tad-dejta dwar id-destinazzjonijiet fil-qrib biss. Effettivament, mill-punt 4.18 tar-rapport tal-MMC jirriżulta li, fl-1997, l-MMC kienet eżaminat ukoll l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi tat-turs integrati skond id-definizzjoni stretta tas-suq tal-prodott adottata fid-Deċiżjoni, għaliex l-interess li s-suq jiġi eżaminat ukoll skond tali definizzjoni kien ġie argumentat dak iż-żmien minn Thomas Cook. Minn eżami komparattiv taċ-ċifri ta’ l-ishma tas-suq fl-1996 (li jinsabu fil-punt 4.18 tar-rapport tal-MMC) u fl-1998 (li jinsabu fil-premessa 72 tad-Deċiżjoni) jirriżulta li Thomson għaddiet minn 33 għal 30 jew 27 %, skond is-sorsi, li Airtours għaddiet minn 20 għal 19 jew 21 %, skond is-sorsi, u li First Choice għaddiet minn 12 għal 15 jew 11 %, skond is-sorsi. Thomas Cook biss kellha żieda sostanzjali fl-ishma tas-suq, billi żdiedet minn 6 għal 20 %.

103    Minn dan jirriżulta li l-element essenzjali tal-konċentrazzjoni li seħħet fis-settur tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin wara l-1997 huwa l-fatt li Thomas Cook, li fi ftit snin żviluppa minn operatur żgħir għal operatur tat-turs kbir wara diversi operazzjonijiet ta’ tkabbir estern (akkwist f’Ġunju 1996 ta’ Sunworld, akkwisti fl-1998 ta’ Flying Colors, li kienet tirrappreżenta 3 % tas-settur tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin, u ta’ Carlson/Inspirations, li kienet tirrappreżenta bejn 1 sa 3 % tas-settur) (rapport tal-MMC, tabella 4.1, p. 76; Deċiżjoni, premessi 131 u 134). Permezz ta’ dan it-tkabbir, Thomas Cook deher, fl-1998, bħala r-raba’ l-akbar operatur tat-turs, integrat vertikalment u, b’hekk, f’pożizzjoni aħjar biex jikkompeti kontra l-operaturi tat-turs l-oħrajn integrati. Din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi interpretata bħala fattur li juri nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq.

104    Bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ Thomas Cook, l-akkwisti ta’ l-operaturi tat-turs li għalihom tirreferi d-Deċiżjoni fil-premessa 134 jikkonċernaw essenzjalment ix-xiri ta’ operaturi ta’ daqs żgħir li ma żidux b’mod sinjifikattiv is-sehem tas-suq ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs fis-settur tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin. Għaldaqstant, l-eliminazzjoni ta’ l-operaturi ta’ daqs medju li, skond il-Kummissjoni, kienet tirrappreżenta bidla essenzjali fl-istruttura tal-kompetizzjoni li żiedet il-possibiltajiet ta’ komportament parallel ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs, tista’ tiġi spjegata mill-fatt li feġġ operatur tal-vjaġġi kbir ġdid, Thomas Cook, b’ishma tas-suq li żdiedu minn 6 għal 20 %.

105    Għal dak li jirrigwarda t-tisħiħ tal-grad ta’ integrazzjoni vertikali ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs, li allegatament seħħ ukoll wara l-1997, u li kien jikkostitwixxi wkoll, skond il-Kummissjoni, indizju tat-tendenza ta’ dominanza kollettiva fis-settur (Deċiżjoni, premessa 138), għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni mhijiex koerenti f’dan ir-rigward, għaliex hija msejsa, fl-istess ħin, fuq l-idea li l-politika ta’ integrazzjoni vertikali hija neċessarja biex wieħed jikkompeti ma’ l-operaturi l-kbar tat-turs. B’hekk, fil-premessa 132 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li First Choice, fl-1998, adottat politika ta’ integrazzjoni vertikali fid-distribuzzjoni bil-għan li tipproteġi ruħha kontra l-prattiki kummerċjali tal-operaturi l-kbar tat-turs oħrajn, biex ma jkollhiex iktar għalfejn tħallashom kummissjonijiet u biex tikseb informazzjoni aħjar dwar it-tendenzi tas-suq. Fir-realtà, din il-ħtieġa ta’ integrazzjoni vertikali tikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tal-konklużjoni tal-Kummissjoni, li kienet tal-fehma li kellha tirriżulta pożizzjoni dominanti kollettiva f’dan il-każ, b’mod partikolari peress li l-konċentrazzjoni kellha telimina lil First Choice bħala kompetitriċi fit-tliet livelli li jikkostitwixxu l-katina tad-distribuzzjoni (premessa 168 tad-Deċiżjoni).

106    Isegwi li fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni stess tammetti li t-tisħiħ tal-grad ta’ integrazzjoni vertikali jikkostitwixxi element favur il-kompetizzjoni, inkwantu jżid l-effikaċja rispettiva u jillimita l-interdipendenza ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs, li jagħtu prijorità lill-mezzi ta’ distribuzzjoni tagħhom fuq dawk ta’ l-operaturi ewlenin l-oħrajn. Il-konstatazzjoni ta’ dan il-fenomenu ta’ integrazzjoni vertikali wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MMC fl-1997 b’hekk ma jistax jikkostitwixxi, fl-istess ħin, indizju tat-tendenza ta’ dominanza kollettiva. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fir-rapport tagħha l-MMC analizzat ukoll it-tendenza dejjem akbar ta’ integrazzjoni vertikali u stmat li din tikkostitwixxi fenomenu li jista’ jistimula l-kompetizzjoni daqs kemm jista’ jrażżanha (ara l-punt 2.193 tar-rapport tal-MMC). B’mod partikolari, l-MMC ikkonkludiet li l-effetti antikompetittivi ta’ l-integrazzjoni vertikali kienu dgħajfa, fl-1997, meta jitqies il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-settur.

107    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-movimenti ta’ integrazzjoni orizzontali u vertikali li seħħew wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MMC fl-1997 kienu jeżiġu li jitwarrbu l-evalwazzjonijiet li din ta’ l-aħħar għamlet dwar il-grad ta’ kompetizzjoni li jikkaratterizza s-suq in kwistjoni.

108    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 138 tad-Deċiżjoni kkonkludiet li l-elementi esposti fil-premessi 128 sa 137 tagħha “jindikaw li f’dan is-settur kienet diġà teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva, b’mod speċjali fir-rigward ta’ l-iffissar tal-kapaċitajiet”.

 ii) Fuq l-evalwazzjoni tal-volatilità ta’ l-ishma storiċi tas-suq

109    Ir-rikorrenti sussegwentement tinvoka, bħala prova ta’ l-eżistenza ta’ suq kompetittiv, il-fatt li fl-imgħoddi l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs kienu volatili, dinamiċi u varjabbli.

110    Skond il-Kummissjoni, ebda volatilità ta’ dan it-tip ma ġiet osservata reċentement fis-suq in kwistjoni. Hija tenfasizza li l-bidliet fl-ishma tas-suq ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs msemmija mir-rikorrenti jirriżultaw mill-akkwisti li huma għamlu u li għalhekk mhumiex il-konsegwenza tal-prestazzjoni tagħhom fis-suq. Jekk dawn l-akkwisti ma jiġux ikkunsidrati, l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi ewlenin ftit li xejn varjaw matul dawn l-aħħar snin, u dan jindika li t-tkabbir intern huwa diffiċli (Deċiżjoni, premessa 128 u nota ta’ qiegħ il-paġna 86).

111    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, l-istabbiltà tal-ishma tas-suq storiċi tikkostitwixxi element favorevoli għall-iżvilupp ta’ kollużjoni taċita, inkwantu din tiffaċilità d-diviżjoni tas-suq minflok kompetizzjoni qalila, fejn kull operatur jirreferi għall-parti tas-suq li huwa kellu storikament biex jiffissa l-produzzjoni tiegħu bi proporzjon magħha.

112    F’din il-kawża, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-iżvilupp fl-ishma tas-suq ta’ Thomson, ta’ Airtours, ta’ Thomas Cook u ta’ First Choice baqa’ stabbli matul dawn l-aħħar ħames snin hija bbażata fuq il-premessa li t-tkabbir estern m’għandux jittieħed in kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, meta l-bidliet fit-tqassim ta’ l-ishma tas-suq jirriżultaw prinċipalment mill-akkwist ta’ kompetituri, il-“kwoti” li għandhom jiġu attribwiti jistgħu jiġu ddeterminati billi jingħaddu flimkien l-ishma tas-suq tax-xerrej u dawk tal-kumpannija akkwistata u li, għaldaqstant, ma tqumx il-problema ta’ operaturi li jfittxu li jallinjaw is-sehem tagħhom tas-suq mal-massimi miksuba fil-passat.

113    Madankollu, l-esklużjoni tat-tkabbir estern fid-determinazzjoni tal-volatilità tal-ishma tas-suq mhijiex iġġustifikata fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, inkwantu, fis-suq in kwistjoni, id-daqs u l-grad ta’ integrazzjoni vertikali ta’ l-impriżi jikkostitwixxu fatturi ta’ kompetizzjoni importanti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 73, 75, 77, 78, 99, 100, 114 u 115 tad-Deċiżjoni). Effettivament, f’tali ċirkustanzi, l-għadd kbir ta’ akkwisti li l-operaturi l-kbar tat-turs wettqu fl-imgħoddi, kemm qabel kif ukoll wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MMC, jista’ jiġi interpretat bħala sinjal ta’ kompetizzjoni importanti bejn dawn l-operaturi, li jimmultiplikaw l-akkwisti tagħhom biex jevitaw li jitħallew l-art mill-kompetituri ewlenin tagħhom f’oqsma essenzjali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ekonomiji ta’ l-iskala.

114    Barra minn hekk, il-premessa li t-tkabbir estern ma jittiħidx in kunsiderazzjoni hija kkonfutata f’din il-kawża minn diversi rimarki li l-Kummissjoni stess għamlet fid-Deċiżjoni, li jissuġġerixxu, għall-kuntrarju ta’ dak li hija ssostni fir-risposta tagħha, li operazzjoni ta’ akkwist imwettqa minn wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs ma ssarrafx, f’għajnejn l-operaturi l-kbar tat-turs l-oħrajn, f’addizzjoni aritmetika ta’ l-ishma tas-suq ta’ l-akkwirent u dawk tal-kumpannija akkwistata, iżda twassal għal reazzjoni kompetittiva min-naħa tagħhom.

115    Id-Deċiżjoni b’hekk tirrileva, fil-premessa 137, li “[m]eta sar ċar li Airtours kienet qed tipprova tieħu l-kontroll ta’ First Choice f’April ta’ dik is-sena, kien biżżejjed li Thomson tħabbar l-intenzjoni tagħha li tiddefendi s-sehem tagħha tas-suq biex l-ishma tagħha naqsu b’9 % dakinhar stess, minħabba ‛biża’ li l-kumpannija kienet ser tibda gwerra tal-prezzijiet’, u dan ġiegħel lid-diretturi ta’ Thomson biex jagħmlu sforzi kunsiderevoli biex jikkonvinċu lill-investituri istituzzjonali li dik it-tħabbira kienet ġiet interpretata b’mod ħażin u li hija ma kellha ebda intenzjoni li żżid kapaċitajiet ġodda fis-suq, iżda biss li takkwista l-pożizzjonijiet abbandunati minn Airtours/First Choice wara l-amalgamazzjoni tagħhom.”

116    Bl-istess mod, fil-premessa 145 id-Deċiżjoni tindika li “jidher li hemm qbil komuni fis-settur li kull konċentrazzjoni ssarraf fi tnaqqis temporanju fis-sehem tas-suq tal-protagonisti, billi ċerti klijenti u fornituri jitilqu lil dawn ta’ l-aħħar minħabba t-tneħħija tad-duplikazzjoni fil-programmi tagħhom”. Dawn l-antiċipazzjonijiet huma kkonfermati mill-eżami tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti dwar l-iżvilupp ta’ l-ishma tas-suq storiċi (anness 6 tar-replika, paġna 2, ara wkoll it-tabella dwar l-iżviluppi tas-sehem tas-suq ta’ l-operaturi tat-turs, paġna 8 tar-rikors). B’hekk, wara l-akkwist fl-1989 ta’ Horizon minn Thomson, is-sehem fis-suq ta’ l-amalgamazzjoni l-ġdida kellu jkun ta’ 32 % (25 % għal Thomson u 7 % għal Horizon), filwaqt li niżel malajr għal madwar 25 %.

117    Għandu jiġi kkonstatat li mill-analiżi ta’ l-informazzjoni li tinsab fil-proċess jirriżulta li, hekk kif argumentat ir-rikorrenti mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs għal dak li jirrigwarda l-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin, inkluż it-tkabbir estern, ivarjaw b’mod kunsiderevoli. It-tabella ta’ l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi tat-turs ippreżentata fil-formola tan-notifika (riprodotta f’paġna 8 tar-rikors) mir-rikorrenti tippermetti li dan jiġi kkonstatat. B’hekk, fl-1990, is-sehem tas-suq ta’ Thomson kien ta’ 21.81 %, dak ta’ First Choice kien ta’ 5.82 %, dak ta’ Airtours kien ta’ 4.27 % u dak ta’ Thomas Cook kien ta’ 2.13 %. Fl-1994, is-sehem tas-suq ta’ Thomson kien ta’ 23.13 %, dak ta’ Airtours kien ta’ 15.52 %, dak ta’ First Choice kien ta’ 5.88 % u dak ta’ Thomas Cook kien ta’ 2.41 %. Sussegwentement, fl-1998, is-sehem tas-suq ta’ Thomson kien ta’ 19.28 %, dak ta’ Airtours kien ta’ 14.26 %, dak ta’ First Choice kien ta’ 7.47 % u dak ta’ Thomas Cook kien ta’ 11.38 %.

118    B’hekk isegwi li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-ishma tas-suq li jirriżultaw mill-akkwisti ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni u meta hija, sussegwentement, stmat li l-iżvilupp ta’ l-ishma tas-suq tal-operaturi ewlenin tat-turs kien baqa’ stabbli matul l-aħħar snin.

119    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq in kwistjoni għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti allegat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li l-prestazzjonijiet ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs jistgħu jkunu differenti fl-istess staġun (b’telliefa u rebbieħa) u jistgħu, barra minn hekk, ivarjaw minn staġun għall-ieħor. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi interpretata bħala indizju li s-suq huwa kompetittiv u timmilita, għaldaqstant, kontra l-eżistenza ta’ eventwali pożizzjoni dominanti kollettiva.

 iii) Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ewlenin tat-turs

120    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni li kienet teżisti fis-suq in kwistjoni qabel in-notifika. Minn naħa, hija ma pprovatx, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-evalwazzjoni tagħha li fis-settur diġà kienet teżisti tendenza ta’ dominanza kollettiva u, b’hekk, ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-kapaċitajiet. Min-naħa l-oħra, hija ma kkunsidratx, kif hija kellha tagħmel, il-fatt li fl-imgħoddi l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs kienu volatili u li dik il-volatilità hija indizju ta’ l-eżistenza ta’ suq kompetittiv.

b)     Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi li seħħew u li huma prevedibbli fid-domanda, il-volatilità tagħha u l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq,

121    F’parti intitolata “Karatteristiċi tas-suq (oligopolija dominanti)” (premessi 87 sa 127) id-Deċiżjoni tesponi serje ta’ karatteristiċi li, skond il-Kummissjoni, jagħmlu s-suq in kwistjoni favorevoli għall-ħolqien ta’ oligopolija dominanti. Dawn jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-omoġeneità tal-prodott, fit-tkabbir dgħajjef tad-domanda, fis-sensittività baxxa tad-domanda għall-prezz, fl-istrutturi ta’ spejjeż simili fi ħdan il-fornituri ewlenin, fil-livell għoli ta’ trasparenza, fl-interdipendenza u fir-rabtiet kummerċjali li jeżistu bejn il-fornituri ewlenin, fl-ostakli sostanzjali għall-aċċess għas-suq u fis-saħħa ta’ xiri dgħajfa tal-konsumaturi. Skond id-Deċiżjoni (punt 87), dawn il-karatteristiċi diġà jeżistu u ser ikomplu jeżistu jekk l-operazzjoni prevista titwettaq.

122    Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li dawn il-karatteristiċi kienu diġà jeżistu fis-suq in kwistjoni u li dawn kienu jagħmluh favorevoli għall-ħolqien ta’ oligopolija dominanti f’każ li titwettaq l-operazzjoni prevista. Hija targumenta b’mod partikolari li r-rata ta’ tkabbir tad-domanda u l-grad tagħha ta’ volatilità fis-suq in kwistjoni, kif ukoll il-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq, jikkostitwixxu, f’din il-kawża, elementi li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, jagħmlu iktar diffiċli l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

 i) Fuq l-evalwazzjonijiet dwar it-tkabbir dgħajjef tad-domanda

123    Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni meta stmat li t-tkabbir tad-domanda huwa globalment dgħajjef, filwaqt li l-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u l-fatt li t-tkabbir tad-domanda huwa iktar rapidu minn dak tal-prodott gross domestiku juru l-kuntrarju.

124    Fil-premessi 92 u 93 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-livell ta’ tkabbir tad-domanda fis-suq in kwistjoni.

125    Fil-premessa 92, il-Kummissjoni tafferma li “[s]tudju li sar dan l-aħħar għal aġenzija tal-vjaġġi, li jissemma f’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, [...] juri [...] li r-rata ta’ tkabbir annwali medja hija globalment dgħajfa (3 sa 4 % għad-deċennju)”. Jingħad ukoll li “t-tkabbir tad-domanda matul is-sentejn li ġejjin għandu jkun qrib iż-żero skond diversi estimi tas-settur, iżda sussegwentement huwa mistenni ċertu rkupru”.

126    Sussegwentement, fil-premessa 93, il-Kummissjoni tiddikjara, “[f]uq il-bażi ta’ l-investigazzjoni tagħha f’din il-kawża”, li hija waslet għall-konklużjoni li “t-tkabbir globali tad-domanda fis-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib ser jibqa’ moderat, kif kien fis-snin 90”. Finalment, bħala konklużjoni, il-Kummissjoni “tqis li t-tkabbir tas-suq aktarx li mhux ser jistimula l-kompetizzjoni fil-futur prevedibbli”.

127    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni madankollu huma bbażati fuq evalwazzjoni inkompleta u żbaljata ta’ l-informazzjoni li ntbagħtitilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

128    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza talbitha tippreżenta l-istudju li għalih hija tirreferi fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija qatt ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha dan l-istudju kollu matul il-proċedura amministrattiva u li hija tista’ tikkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza biss silta minnu, li kienet ġiet annessa minn operatur tat-turs f’risposta għal talba għal informazzjoni. Din is-silta tikkonsisti f’paġna waħda biss ta’ dokument bit-titolu “Forecasting Holiday Demand” imħejji minn Ogilvy & Mather f’data mhux magħrufa.

129    Skond din is-silta: “[I]s-suq Brittaniku tal-vaganzi lejn pajjiżi barranin żdied bil-kbir matul dawn l-aħħar 20 sena. Skond il-British National Travel Survey, il-Brittaniċi ħadu madwar 30 miljun vaganza f’pajjiżi barranin (ta’ iktar minn 4 iljieli), jiġifieri iktar mit-triplu taċ-ċifri tal-1978. Fl-aħħar għaxar snin, is-suq żdied b’medja ta’ 3.7 % fis-sena.” Is-silta tippreċiża wkoll, fir-rigward tal-volatilità tad-domanda, li “[g]ħalkemm it-tkabbir sottostanti tas-suq kien persistenti, ir-rata ta’ tkabbir annwali kienet ftit li xejn kostanti. Rati ta’ tkabbir annwali ta’ 10 % jew iktar ġew segwiti rapidament bi tnaqqis sostanzali”; li “[i]d-domanda għall-vaganzi mhux biss talli hija iktar volatili mill-prodott gross domestiku u mil-livelli ta’ l-ispejjeż fit-tul tal-konsumaturi, iżda talli effettivament lanqas ma tikkoinċidi maċ-ċiklu ekonomiku (pereżempju, is-suq żdied b’iktar minn 10 % matul ir-riċessjoni tal-1980 u l-1981)”; kif ukoll li “l-volatilità tad-domanda tagħmel il-previżjoni tad-domanda ferm problematika.”

130    Minn sempliċi analiżi ta’ dan id-dokument jirriżulta li l-Kummissjoni interpretatu b’mod żbaljat. Fil-fatt, fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni, hija tindika li “[l]-istudju jinnota wkoll [it also noted] li r-rata ta’ tkabbir annwali medja hija globalment dgħajfa”, filwaqt li ebda indikazzjoni f’dan is-sens ma tinsab fis-silta kkomunikata lill-Qorti tal-Prim’Istanza. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni injorat l-enfasi li l-awtur tas-silta għamel dwar iż-żieda kbira fil-bejgħ ta’ vaganzi f’pajjiżi barranin matul dawn l-aħħar 20 sena. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni interpretat dan id-dokument mingħajr ma rrispettat il-kontenut litterali u l-portata teleoloġika tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin iddeċidiet li tużah bħala dokument essenzjali fl-evalwazzjoni tagħha fejn qalet li r-rata ta’ tkabbir ta’ dan is-suq kienet moderata fis-snin 90 u li ser tibqa’ hekk (Deċiżjoni, premessa 93).

131    Fit-tieni lok, minn dawn is-siltiet tad-Deċiżjoni (premessi 92 u 93) jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-rati ta’ tkabbir tad-domanda matul is-sentejn ta’ qabel in-notifika, l-1997 u l-1998, li rriżulta, għaldaqstant, li huma punti ta’ referenza importanti inkwantu l-effetti ta’ l-episodju tal-1995 kienu diġà ġew assimilati mis-suq. Mill-informazzjoni li tinsab fil-volum 4 tar-rapport tal-1998 tal-British National Travel Survey (datat Frar 1999), li ġie kkomunikat fl-anness 9 tal-formola ta’ notifika tar-rikorrenti, jirriżulta li s-settur tal-vaganzi f’pajjiżi barranin kiber b’rata qawwija matul id-deċennju kollu u, b’hekk, ukoll matul l-aħħar snin. Fil-fatt, mill-kontenut tal-paġna 113 (u tat-tabella li tinsab fil-paġna 112) jirriżulta li n-numru ta’ tluq għal vaganzi f’pajjiżi barranin żdied minn 21 miljun fl-1989 għal 29.25 miljun fl-1998 (jew żieda ta’ iktar minn 39.2 % għall-aħħar deċennju). Wara l-kriżi tal-1995, li minħabba fiha n-numru ta’ żjariet f’pajjiżi barranin naqas minn 26 miljun fl-1995 għal 23.25 miljun fl-1996 (jew tnaqqis ta’ kważi 10.5 %), in-numru ta’ żjariet f’pajjiżi barranin żdied minn 23.25 għal 27.25 miljun fl-1997 (jew żieda ta’ iktar minn 17.2 %) u minn 27.25 għal 29.25 miljun fl-1998 (jew żieda ta’ iktar minn 7.3 %). Fir-rigward ta’ din l-aħħar sena, jintqal espressament li din tikkonsisti f’żieda reali u mhux f’differenza dovuta għall-prattika abitwali li ċ-ċifri jittieħdu sal-eqreb numru sħiħ meta l-bidliet bejn sena u oħra jkunu minimi. Iċ-ċirkustanza li din l-informazzjoni tirrigwarda wkoll il-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet imbiegħda ma tikkonfutax il-valur probatorju tagħha fir-rigward tat-tendenza ta’ żieda sostnuta, inkwantu dan it-tip ta’ vaganzi rrappreżenta biss wieħed minn ħamsa mit-total f’dawn l-aħħar snin (ara p. 116 tar- rapport tal-British National Travel Survey).

132    Il-Kummissjoni injorat din l-informazzjoni fl-estimi tagħha tal-livell ta’ tkabbir tas-suq in kwistjoni; min-naħa l-oħra, hija rreferiet għat-tendenza għas-sentejn li ġejjin, hekk kif enfasizzat fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni li “[i]t-tkabbir tad-domanda matul is-sentejn li ġejjin għandu jkun qrib iż-żero skond diversi estimi tas-settur, iżda sussegwentement huwa mistenni ċertu rkupru”. Meta, matul is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistoqsija dwar dan il-punt hija wieġbet li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq studju ekonometriku li ġie ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva b’risposta għal talba għal informazzjoni. Għandu jiġi osservat li la l-awturi ta’ dan l-istudju ekonometriku, la n-natura tiegħu, u lanqas il-kuntest li fih sar ma ssemmew fid-Deċiżjoni. Għandu jingħad ukoll, finalment, li din l-istima ta’ rata ta’ tkabbir qrib iż-żero hija kkontradetta fil-punt segwenti tad-Deċiżjoni (premessa 93) fejn il-Kummissjoni stess “tammetti li s-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib għandu jkompli jiżviluppa” u li “[j]ista’ jkun li dan saħansitra jikber b’rata ftit iktar mgħaġġla mill-PGD ġenerali wara żieda fil-ħin liberu u żieda fil-livell ta’ ġid ġenerali”.

133    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat din l-informazzjoni dwar it-tkabbir tad-domanda li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, billi hija injorat il-fatt li dan is-suq kien ikkaratterizzat minn tendenza netta ta’ tkabbir kunsiderevoli matul l-aħħar deċennju b’mod ġenerali, minkejja n-natura volatili tad-domanda minn sena għall-oħra, u li d-domanda żdiedet b’ritmu iktar mgħaġġel matul dawn l-aħħar snin b’mod partikolari. F’dan il-kuntest ta’ tkabbir, u billi ma ppreżentatx provi iktar preċiżi biex tistabbilixxi li t-tendenza ta’ tkabbir kellha tinqaleb fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-iżviluppi tas-suq kienu kkaratterizzati minn tkabbir dgħajjef, li jikkostitwixxi, f’din il-kawża, element ta’ tali natura li jista’ jiffaċilita l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal.

 ii) Fuq l-evalwazzjonijiet dwar il-volatilità tad-domanda

134    Ir-rikorrenti ssostni li l-volatilità tad-domanda tagħmel iktar diffiċli l-prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva inkwantu din iżżid ma’ l-“istorbju” fis-suq billi tagħmel iktar diffiċli d-distinzjoni bejn varjazzjonijiet tad-domanda kkawżati mill-volatilità tas-suq u żidiet fil-kapaċità kkawżati minn devjazzjonijiet mil-linja ta’ azzjoni komuni. Din l-impossibbiltà li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ avvenimenti timplika b’mod ċar li kwalunkwe tentattiv ta’ kollużjoni jkun instabbli.

135    Fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni tammetti li ċerta volatilità fid-domanda teżisti f’dan is-suq (Deċiżjoni, premessi 92 u 95). Madankollu, hija targumenta (Deċiżjoni, premessa 97) li f’din il-kawża, l-imsemmija volatilità ma tipprekludix il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, iżda li għall-kuntrarju, “[din] tagħmel is-suq iktar favorevoli għal dan, għaliex dan il-fenomenu, assoċjat mal-fatt li huwa eħfef li tiżdied il-kapaċità milli li titnaqqas, jfisser, għall-operaturi l-kbar tat-turs, li huwa loġiku li tiġi adottata attitudni prudenti fir-rigward tal-kapaċità”. Hija tgħid ukoll li “[i]l-volatilità tad-domanda teżiġi b’mod partikolari li tiġi llimitata l-kapaċità ppjanata u li din sussegwentement tiżdied jekk jirriżulta li d-domanda tkun partikolarment b’saħħitha” u li “[i]l-fornituri b’hekk ikunu qed jipproteġu ruħhom kontra tnaqqis f’daqqa fid-domanda”.

136    Fi kwalunkwe każ, fil-premessi 94 sa 96 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti li r-rikorrenti ressqet matul il-proċedura amministrattiva dwar il-volatilità tad-domanda u l-kawżi tagħha, li huma marbuta mal-prodott gross domestiku, l-iżvilupp fil-gosti tal-klijenti u l-varjabbiltà ta’ l-ispejjeż (l-effett tal-linji ta’ l-ajru low-cost). Il-Kummissjoni ssostni wkoll (premessa 95) li “l-operaturi tat-turs kollha huma esposti għar-riskji taċ-ċiklu ekonomiku u jridu jintegraw l-iżvilupp makro-ekonomiku fil-previżjonijiet tagħhom”. B’hekk huwa probabbli li l-operaturi tat-turs kollha jagħmlu l-istess analiżi ta’ l-iżviluppi tas-suq.

137    Il-Kummissjoni tammetti (Deċiżjoni, premessa 96 u noti ta’ qiegħ il-paġna 73 u 74) li ċerti xokkijiet eżoġeni, bħall-attakki terroristiċi kontra turisti fl-Eġittu u fit-Turkija, jistgħu jfixklu l-ippjanar ta’ l-operaturi tat-turs, iżda hija tirrifjuta, madankollu, li teħodhom in kunsiderazzjoni bħala element li jista’ jagħmel iktar diffiċli l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, minħabba li tali avvenimenti, li huma ta’ natura eċċezzjonali, mhumiex partikolari għas-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib, iżda jistgħu jseħħu fi kwalunkwe suq.

138    Finalment, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rimarki tar-rikorrenti dwar id-diffikultà li din il-volatilità timplika għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva jikkorrispondu mat-teorija ekonomika, iżda tiddikjara li dawn mhumiex rilevanti f’din il-kawża. Skond il-Kummissjoni, peress li huwa iktar faċli li tiżdied il-kapaċità milli li tiġi ristretta, l-operaturi għandhom tendenza li jkunu prudenti sabiex jipproteġu ruħhom kontra kwalunkwe volatilità eventwali. Barra minn hekk, huwa faċli li ssir distinzjoni bejn tnaqqis fid-domanda u żieda fil-kapaċità ta’ operatur ieħor, għaliex l-aġir ta’ dan ta’ l-aħħar jista’ jiġi osservat direttament.

139    Għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, it-teorija ekonomika tikkunsidra li l-volatilità tad-domanda tagħmel iktar diffiċli l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Għall-kuntrarju, domanda stabbli u li b’hekk tippreżenta volatilità baxxa tikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, inkwantu din tiffaċilita l-iskoperta ta’ devjazzjonijiet minn linja ta’ azzjoni komuni (jiġifieri inganni) billi tippermetti li ssir distinzjoni bejn adattazzjonijiet fil-kapaċità intiżi bħala risposta għal żieda jew tnaqqis f’suq volatili.

140    F’din il-kawża, il-Kummissjoni tammetti li s-suq in kwistjoni huwa kkaratterizzat minn ċertu grad ta’ volatilità fid-domanda (Deċiżjoni, premessi 92, 95 u 97). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li diversi elementi tal-proċess jindikaw li l-grad ta’ volatilità ta’ dan is-suq huwa kunsiderevoli. B’hekk, is-silta mill-istudju ċċitata fil-punt 92 tad-Deċiżjoni tipprovdi li “[i]d-domanda għall-vaganzi mhux biss talli hija iktar volatili mill-prodott gross domestiku u mil-livelli ta’ l-ispejjeż fit-tul tal-konsumaturi, iżda talli effettivament lanqas ma tikkoinċidi maċ-ċiklu ekonomiku (pereżempju, is-suq żdied b’iktar minn 10 % matul ir-riċessjoni tal-1980 u l-1981)” kif ukoll li “l-volatilità tad-domanda tagħmel il-previżjoni tad-domanda ferm problematika”. Bl-istess mod, il-volatilità sostanzjali tas-suq hija kkonfermata mill-informazzjoni meħuda mir-rapport tal-1998 tal-British National Travel Survey. B’hekk, wara l-kriżi tal-1995, li minħabba fiha n-numru ta’ żjariet f’pajjiżi barranin naqas minn 26 miljun fl-1995 għal 23.25 miljun fl-1996 (jew tnaqqis ta’ madwar 10.5 %), in-numru ta’ żjariet f’pajjiżi barranin tela’ minn 23.25 għal 27.25 miljun fl-1997 (jew żieda ta’ iktar minn 17.2 %) u minn 27.25 għal 29.25 miljun fl-1998 (jew żieda ta’ iktar minn 7.3 %).

141    Il-Kummissjoni madankollu tallega li din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti għal din il-kawża peress li l-operaturi għandhom tendenza li jkunu prudenti biex jipproteġu ruħhom kontra kwalunkwe volatilità li jista’ jkun hemm.

142    Il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-fatt li, sabiex jipproteġu ruħhom minn tnaqqis f’daqqa fid-domanda, l-operaturi tat-turs jippjanaw il-kapaċità b’mod prudenti, billi jippreferu li jżiduha iktar tard jekk jirriżulta li d-domanda tkun partikolarment għolja (Deċiżjoni, premessa 97), sabiex tinnega r-rilevanza f’din il-kawża ta’ fattur importanti biex tiġi kkaratterizzata sitwazzjoni ta’ oligopolija dominanti, bħall-grad ta’ stabbiltà u prevedibbiltà tas-suq in kwistjoni. Għalkemm huwa effettivament minnu li l-prudenza inerenti fil-funzjonament normali tas-suq neċessarjament twassal biex tittieħed in kunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu antiċipati bl-aħjar mod l-iżviluppi fid-domanda, il-proċess ta’ ppjanar jibqa’ diffiċli, għaliex kull operatur irid jantiċipa (xi 18-il xahar minn qabel, minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-suq) l-iżvilupp ġejjieni tad-domanda, li hija kkaratterizzata mill-volatilità sostanzjali tagħha u li b’hekk timplika mħatra dwar il-futur. Barra minn hekk, il-prudenza ta’ l-operaturi u l-volatilità tad-domanda ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jostakolaw in-natura kompetittiva tas-suq qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni. Il-prudenza b’hekk ma tistax tiġi interpretata, bħala tali, bħala element li x’aktarx tikkaratterizza pożizzjoni dominanti kollettiva iktar milli bħala element karatteristiku ta’ suq kompetittiv tat-tip li kien jeżisti meta saret in-notifika.

143    Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti esposti mill-Kummissjoni (Deċiżjoni, premessi 94 sa 96), dwar il-kritika tar-rikorrenti, ma jistgħux jiġu aċċettati.

144    Fir-rigward tal-volatilità marbuta maċ-ċiklu ekonomiku, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha għall-konklużjoni, kif għamlet fil-punt 95 tad-Deċiżjoni, li huwa “probabbli li l-operaturi tat-turs kollha għandhom jagħmlu l-istess analiżi ta’ l-iżvilupp tas-suq”, mingħajr ma tagħti ebda prova in sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, filwaqt li l-kapaċità hija ffissata inizjalment madwar 18-il xahar qabel il-bidu ta’ l-istaġun (ara l-premessa 63 tad-Deċiżjoni). F’dan il-mument, l-iżvilupp tal-varjabbli makro-ekonomiċi ewlenin, bħat-tkabbir tal-prodott gross domestiku, ir-rati tal-kambju jew il-konfidenza tal-konsumatur, ma jistax jiġi previst bi preċiżjoni.

145    Fir-rigward tal-volatilità marbuta ma’ xokkijiet eżoġeni, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jgħid li l-operaturi tat-turs jintegraw l-informazzjoni dwar il-volatilità tas-suq fil-kalkolu tal-kapaċità (Deċiżjoni, premessa 96 u noti ta’ qiegħ il-paġna 73 u 74), ikun jammonta għat-twettiq ta’ aġir li hija tikkritika, jiġifieri li dawn ix-xokkijiet eżoġeni jiġu ttrasformati f’varjabbli endoġeni minħabba l-integrazzjoni tagħhom fil-previżjoni tad-domanda. Iżda ma jidhirx li l-operaturi jaġixxu b’dan il-mod. Dan jirriżulta mid-diffikultajiet li ltaqgħat magħhom Thomson f’Mejju 1999, li ġarrbet telf sostanzjali minħabba l-impatt li l-gwerra fil-Kosovo u t-theddidiet terroristiċi fit-Turkija kellhom fuq il-bejgħ tal-vaganzi kollox inkluż fil-lvant tal-Mediterran filwaqt li Airtours, min-naħa tagħha, ma ġietx milquta, kif sostniet ir-rikorrenti mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

146    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fi kwalunkwe każ, huwa faċli li ssir distinzjoni bejn tnaqqis fid-domanda u żieda fil-kapaċità ta’ operatur ieħor, minħabba li l-aġir ta’ dan ta’ l-aħħar jista’ jiġi osservat direttament, dan għandu jinċaħad peress li, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem fl-eżami tat-trasparenza tas-suq, ikun diffiċli għal operatur tat-turs integrat li jinterpreta b’mod korrett id-deċiżjonijiet meħuda mill-operaturi tat-turs l-oħrajn fir-rigward tal-kapaċità.

147    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li t-teorija ekonomika mhijiex applikabbli f’din il-kawża u li hija kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-volatilità tad-domanda tiffaċilita l-ħolqien ta’ oligopolija dominanti mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal.

 iii) Fuq l-evalwazzjoni tal-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq inkwistjoni

148    Fil-premessa 102 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid li, f’dak li jirrigwarda t-trasparenza, “għandha ssir distinzjoni bejn il-perijodu ta’ l-ippjanar u l-istaġun tal-bejgħ, li jibda bit-tqassim ta’ katalgi”, u li, “[m]adankollu, is-suq huwa ferm trasparenti għal kull wieħed mill-erba’ operaturi l-kbar integrati, matul dawn iż-żewġ perijodi”.

149    Fil-premessi 103, 104 u 105, hija tafferma li “[i]d-deċiżjonijiet kapitali fir-rigward tal-kapaċità għall-istaġun segwenti jittieħdu matul il-perijodu ta’ l-ippjanar” u li, “[f]il-każ ta’ l-erba’ operaturi l-kbar tat-turs, dawn id-deċiżjonijiet ikunu trasparenti, għar-raġunijiet li ġejjin”:

–        l-ebda wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs ma joffri programm kompletament ġdid bejn staġun u ieħor. L-ippjanar ta’ staġun futur jiddependi, għall-kuntrarju, fuq il-bejgħ ta’ l-istaġun preċedenti, b’korrezzjoni ’l fuq jew ’il isfel skond previżjoni tad-domanda għall-istaġun li jmiss. Il-bidliet b’hekk huma progressivi u l-programm ta’ operatur tat-turs jinsab f’evoluzzjoni kostanti. B’hekk l-operaturi tat-turs ikunu, fil-parti l-kbira, jafu sa minn qabel l-ippjanar ta’ staġun, minħabba l-esperjenza tagħhom, liema ser ikunu l-offerti ta’ l-erba’ fornituri l-oħrajn integrati għall-istaġun il-ġdid (Deċiżjoni, premessa 104);

–        kull wieħed mill-erba’ operaturi l-kbar tat-turs integrati għandu ċertu għarfien dwar il-bidliet ippjanati mit-tlieta l-oħrajn matul dan il-perijodu, fid-dawl tal-fatt li huma jużaw l-istess lukandi u li huma jirrikorru għand il-linji ta’ l-ajru ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs l-oħrajn biex jiksbu jew jipprovdu kapaċitajiet jew biex jinnegozjaw skambji ta’ postijiet jew ta’ slotts (Deċiżjoni, premessa 105);

–        id-deċiżjonijiet ta’ żieda kunsiderevoli fil-kapaċità ma jistgħux jinżammu sigrieti, minħabba li l-akkwist jew il-kiri għal żmien twil ta’ ajruplani addizzjonali neċessarjament jiġu mgħarrfa lill-pubbliku (Deċiżjoni, premessa 105).

150    Fil-premessa 105 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid li, “għal dawn ir-raġunijiet kollha, kull wieħed mill-erba’ l-operaturi l-kbar tat-turs ikun jaf, pereżempju, li wieħed fosthom ikun qed jippjana li jittrasporta iktar vjaġġaturi u, b’hekk, li joffri iktar vaganzi. Kull operatur integrat b’hekk ikun jista’ jissorvelja n-numru totali ta’ vaganzi offruti minn kull wieħed mit-tliet operaturi l-oħrajn”.

151    Fil-premessa 113 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li, minħabba r-riġiditajiet marbuta mad-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità, il-grad għoli ta’ trasparenza jkompli jżid “il-probabbiltà, jekk il-konċentrazzjoni sseħħ, li l-fornituri ewlenin jżommu provvista insuffiċjenti, b’tali mod li d-domanda mhux sodisfatta tkun ikbar milli kieku din tkun f’sitwazzjoni inqas trasparenti fejn temporanjament ikun hemm provvista eċċessiva li tkun teħtieġ tnaqqis fil-prezzijiet biex jinbiegħu l-prodotti, u dan għalhekk jippermettilhom li jressqu l-prezzijiet medji ’l fuq mil-livell kompetittiv”.

152    Ir-rikorrenti ssostni li s-suq in kwistjoni mhuwiex trasparenti matul il-perijodu ta’ l-ippjanar. Hija targumenta, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità globali fil-fatt jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ deċiżjonijiet individwali dwar kull destinazzjoni u kull titjira ppjanati u li l-modifiki li jsiru għall-kapaċità ppjanata meta mqabbla mal-kapaċitajiet tal-imgħoddi huma sinjifikattivi u diffiċli ħafna biex jiġu identifikati.

153    Hija tal-fehma li s-suq in kwistjoni lanqas mhuwa trasparenti matul il-perijodu tal-bejgħ. Hija ssostni, essenzjalment, li t-trasparenza tal-kapaċità ma tistax tiġi prevista mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni t-trasparenza tal-prezzijiet u li l-Kummissjoni ma fehmitx in-natura ta’ l-informazzjoni disponibbli dwar is-sistemi diġitali ta’ riżervazzjoni tal-vaganzi.

154    Għalkemm il-Kummissjoni tammetti li, matul il-perijodu ta’ l-ippjanar, id-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità mhumiex għal kollox trasparenti, madankollu hija tfakkar il-possibbiltajiet differenti biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni (premessi 104 u 105) għal dak li jirrigwarda l-erba’ operaturi l-kbar tat-turs.

155    Fir-rigward tat-trasparenza tal-prezzijiet matul l-istaġun tal-bejgħ, il-Kummissjoni ssostni li din mhija ta’ ebda importanza, peress li l-fattur ta’ kompetizzjoni determinanti fis-suq in kwistjoni mhuwiex il-prezz iżda l-kapaċità. Hija tgħid ukoll, madankollu, li matul dak l-istaġun it-trasparenza fir-rigward tal-kapaċità globali hija prattikament totali, peress li kull operatur jista’ jikkalkula l-kapaċitajiet tal-kompetituri tiegħu fuq il-bażi ta’ l-offerti li huma jippreżentaw fil-katalgi tagħhom kif ukoll fil-programmi preċedenti tagħhom.

156    Fuq bażi preliminari, għandu jitfakkar li l-fatt li suq ikun suffiċjentement trasparenti tant li jippermetti lil kull membru ta’ l-oligopolija li jkun jaf l-aġir ta’ l-oħrajn jiffaċilita l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

157    Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li f’din il-kawża l-argument tal-Kummissjoni jsostni li s-suġġett tal-koordinazzjoni taċita li tikkaratterizza l-pożizzjoni dominanti kollettiva mhuwiex il-prezzijiet iżda l-kapaċitajiet offruti fis-suq u li, kif hija tirrileva fil-premessa 103 tad-Deċiżjoni, id-deċiżjonijiet kapitali fir-rigward tal-kapaċità għall-istaġun segwenti jittieħdu matul il-perijodu ta’ l-ippjanar. Fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li, “ladarba jkun beda l-istaġun tar-riżervazzjonijiet (jiġifieri, pereżempju fis-sajf 1999 għat-tluq fis-sajf 2000), il-possibiltajiet ta’ bidliet ikunu limitati sew, minħabba r-riġidità ta’ ċerti impenji mal-fornituri u l-problemi marbuta mal-bidliet fir-rigward ta’ dati, titjiriet, lukandi, eċċ. għal klijenti li diġà jkunu għamlu riżervazzjoni”. Hija ssemmi (premessa 62 tad-Deċiżjoni) li Airtours tammetti l-possibbiltà ta’ żieda fil-kapaċità matul dak il-perijodu li tista’ tilħaq massimu ta’ 10 %.

158    Dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet meta rrispondiet (premessa 108 tad-Deċiżjoni) għall-argument tar-rikorrenti, li jgħid li peress li kull wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs integrati jrid jiġġestixxi eluf ta’ prezzijiet differenti minħabba l-għadd kbir ta’ formoli proposti, ftehim taċitu dwar dawn il-prezzijiet kollha huwa impossibbli, billi qalet li ma tikkunsidrax li f’din il-kawża huwa meħtieġ ftehim fuq il-livell tal-prezzijiet sabiex tinħoloq pożizzjoni dominanti kollettiva. Hija tgħid ukoll:

“[M]atul l-istaġun tal-bejgħ, ebda wieħed mill-operaturi tat-turs integrati ma jkollu inċentiv reali biex inaqqas il-prezzijiet sabiex iżid is-sehem tiegħu tas-suq, li huwa ddeterminat skond il-kapaċità offruta. L-operaturi b’hekk mhumiex imġiegħla li jiftiehmu dwar l-eluf ta’ prezzijiet. Dan ġie kkonfermat mill-esperti ekonomiċi ta’ Airtours: ‛l-aġir ta’ l-impriżi fir-rigward tal-prezzijiet wara l-iffissar tal-kapaċitajiet mhuwiex marbut direttament mal-pożizzjoni dominanti kollettiva, jiġifieri l-eżerċitar kollettiv tal-qawwa tas-suq’.”

159    B’hekk isegwi li f’din il-kawża għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk, meta jieħu d-deċiżjonijiet kapitali tiegħu dwar il-kapaċità matul il-perijodu ta’ l-ippjanar, kull wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs jistax ikun jaf jew le, bi grad ta’ ċertezza suffiċjenti, id-deċiżjonijiet tal-kompetituri ewlenin tiegħu. Huwa biss jekk it-trasparenza tkun suffiċjenti li huwa jkun jista’ jistma l-kapaċità totali deċiża mill-membri l-oħrajn ta’ l-allegata oligopolija u li jkun, b’hekk, f’pożizzjoni li jkun jaf li billi jippjana l-kapaċità tiegħu b’mod partikolari huwa jkun qed jadotta l-istess linja ta’ azzjoni bħalhom, u li għalhekk huwa jkollu inċentiv biex jagħmel hekk. Il-grad ta’ trasparenza huwa wkoll importanti biex kull membru ta’ l-oligopolija jkun jista’, sussegwentement, jinduna bil-varjazzjonijiet imwettqa mill-oħrajn fir-rigward tal-kapaċità, jiddistingwi d-devjazzjonijiet mil-linja ta’ azzjoni komuni mis-sempliċi adattazzjonijiet loġistiċi għall-iżvilupp volatili fid-domanda u, finalment, li jiddetermina jekk hemmx lok li jirreaġixxi bħala konsegwenza billi jirritalja kontra tali devjazzjonijiet.

160    Mir-risposti tar-rikorrenti (punt B.1 u annessi 5 sa 8) għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li d-determinazzjoni tal-kapaċità għal kull staġun mhijiex eżerċizzju awtomatiku li jikkonsisti sempliċement fit-tiġdid tal-kapaċità minn sena għall-oħra, li huwa faċilment prevedibbli għall-operaturi tat-turs l-oħrajn, iżda għall-kuntrarju, din id-determinazzjoni tinvolvi għal kull operatur kbir tat-turs biċċa xogħol ferm kumplessa li tieħu in kunsiderazzjoni, biss sa ċertu grad, informazzjoni storika u li ssir prinċipalment abbażi ta’ ġudizzju suġġettiv minn kull operatur abbażi ta’ għadd kbir ta’ varjabbli u fatturi.

161    B’mod partikolari, l-eżami ta’ din l-informazzjoni juri li ċ-ċiklu ta’ l-ippjanar ma jsegwix sempliċement minn sena għall-oħra. Bħala eżempju, għall-istaġun tas-sajf 1999 (“sena N”), li jkopri minn Mejju sa Ottubru 1999, l-ippjanar tal-kapaċità jibda madwar 18-il xahar minn qabel, minn Ottubru jew Novembru 1997 (“sena N-2”). Matul il-fażi prinċipali ta’ l-ippjanar, li tintemm bl-ewwel pubblikazzjoni tal-katalgu f’April jew f’Mejju 1998 (“sena N-1”), l-operaturi tat-turs b’hekk ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ l-istaġun tas-sajf 1997 (“sena N-2”) u ċerta informazzjoni dwar l-istaġun li jmiss tas-sena 1998 (“sena N-1”). F’dan il-kuntest kronoloġiku, l-ippjanar tal-kapaċità globali jiddependi fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali u speċifiċi rfinati matul iż-żmien. Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali (“top-down considerations”) jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi prinċipali li jinfluwenzaw id-domanda għall-vaganzi, bħall-attività ekonomika, ir-rati tal-kambju u l-kunfidenza tal-konsumaturi. Il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi (“bottom-up considerations”) huma bbażati fuq l-analiżi ddettaljata ta’ l-offerti ta’ prodotti eżistenti li jibdew minn, pereżempju, l-eżami tal-marġni grossi u netti għal kull titjira jew unità ta’ akkomodazzjoni għal kull destinazzjoni partikolari. F’dan ir-rigward, jiġu eżaminati kull titjira (skond l-ajruporti ta’ tluq u ta’ destinazzjoni u l-islotts ta’ ħin), id-destinazzjoni u l-prodott disponibbli, id-domanda tal-konsumaturi għal tipi partikolari ta’ vaganzi, bil-għan li tiġi ppreparata l-offerta globali ta’ vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib. Din l-offerta hija miżjuda wkoll bl-offerti ta’ prodotti ġodda maħluqa mir-rikorrenti.

162    Ir-rikorrenti ppreċiżat li, meta jitqies li l-prodotti in kwistjoni huma ta’ natura li jintilfu, hija għandha tendenza li tiffavorixxi, matul l-ippjanar, l-analiżi tal-fatturi makro-ekonomiċi jew ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi dwar l-ispejjeż u l-marġni iktar milli l-eżami tal-livell tad-domanda tal-imgħoddi, għaliex dawn l-elementi għandhom probabbiltà ogħla li jaffettwaw, fil-ġejjieni, id-dħul disponibbli u d-domanda milli għandhom il-prestazzjonijiet preċedenti (bejgħ magħmul u previst fis-snin N-2 u N-1), li madankollu xorta waħda jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-ippjanar għall-istaġun tas-sajf tas-sena N, inkwantu dawn jindikaw il-punti b’saħħithom u dgħajfin ta’ l-offerta eżistenti kif ukoll l-aspetti li fuqhom din l-offerta tista’ tiġi mtejba.

163    F’termini statistiċi, it-tabella kkomunikata mir-rikorrenti (anness 7 tar-risposta), dwar il-paragun bejn il-previżjonijiet tal-bejgħ u l-bejgħ reali tas-sussidjarja ewlenija tagħha fir-Renju Unit, Airtours Holidays Ltd, matul il-perijodu 1996-2000, tippermetti li jiġu kkonstatati d-differenzi bejn il-kapaċità prevista għas-sena li qed tiġi ppjanata (sena N), il-kapaċità stmata għas-sena N-1 (li l-istaġun tal-bejgħ tagħha diġà beda) u l-kapaċità mibjugħa matul is-sena N-2 (peress li l-istaġun diġà ntemm). Din it-tabella turi li l-kapaċità ppjanata għas-sena N minn Airtours Holidays Ltd tippreżenta differenzi importanti meta mqabbla mal-kapaċità stmata għas-sena N-1 (ta’ + 7.5 % sa + 11.2 % skond is-sena N prevista) jew mal-kapaċità mibjugħa matul is-sena N-2 (ta’ + 7.5 % sa + 18.6 % skond is-sena N prevista). Bħala paragun, dawn jirrappreżentaw żieda fil-kapaċità li hija bejn darbtejn u tliet darbiet ogħla mit-tkabbir annwali medju tad-domanda totali fis-suq (bejn 3 u 4 %) identifikat mill-Kummissjoni fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni.

164    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-punt essenzjali tal-proċess ta’ l-ippjanar ma jikkonsistix sempliċement f’tiġdid tal-kapaċità stmata jew mibjugħa fl-imgħoddi, iżda jikkonsisti f’tentattiv li jiġi antiċipat kif ser tiżviluppa d-domanda kemm fuq il-livell makro-ekonomiku kif ukoll fuq dak mikro-ekonomiku.

165    Minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, għandhom jissemmew ukoll id-diffikultajiet prattiċi, enfasizzati mir-rikorrenti, li jagħmluha ferm ikkumplikata li tiġi identifikata l-kapaċità prevista minn kull wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs l-oħrajn matul il-perijodu ta’ l-ippjanar, inkwantu d-deċiżjonijiet tagħhom li jikkonċernaw il-kapaċità totali għal staġun partikolari jirriżultaw minn firxa sħiħa ta’ deċiżjonijiet individwali meħuda għal kull destinazzjoni jew kull titjira u li jvarjaw minn staġun għall-ieħor.

166    Effettivament, ir-rikorrenti argumentat mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni li hija sservi madwar 50 destinazzjoni bi tluq minn 21 ajruport fir-Renju Unit, li jirrappreżenta iktar minn elf kombinazzjoni u li hija timmodifikahom b’mod sinjifikattiv minn staġun għall-ieħor. Għas-sajf tal-1999, Airtours b’hekk żiedet il-kapaċità tagħha b’19 % għal Fuerteventura, filwaqt li naqqset il-kapaċità tagħha għal dik id-destinazzjoni bi 13 % fir-rigward tat-tluq minn Manchester, filwaqt li l-kapaċità bi tluq minn Cardiff żdiedet bi 42 %. Bl-istess mod, il-kapaċità ta’ Airtours għal Minorka tnaqqset b’9 %, bi tnaqqis, għal din id-destinazzjoni, ta’ 33 % fil-kapaċità bi tluq minn Manchester u b’żieda ta’ 25 % fil-kapaċità bi tluq minn ajruporti Skoċċiżi. Bħala eżempju, il-kategorija “tliet stilel/ikel mhux inkluż”, li skond id-Deċiżjoni (premessa 90) tirrappreżenta l-maġġoranza vasta tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib, tinkludi differenzi skond l-ajruport u d-data tat-tluq, it-tul ta’ żmien tal-vaganzi jew il-post tad-destinazzjoni. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-argument li jgħid li l-vjaġġ bl-ajruplan jirrappreżenta fattur kostanti fejn jeżistu ftit differenzi (Deċiżjoni, premessa 90) ma jikkonfutax il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità tal-linji ta’ l-ajru tittieħed għal kull ajruport individwali u għal kull titjira partikolari.

167    B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità ma jikkonsistux sempliċement fiż-żieda jew fit-tnaqqis ta’ l-offerta globali tal-kapaċità mingħajr ma jitqiesu d-differenzi bejn id-diversi kategoriji ta’ vaganzi kollox inkluż, li jiddistingwu ruħhom skond il-post tad-destinazzjoni, id-data tat-tluq, l-ajruport tat-tluq, it-tip ta’ ajruplan, it-tip u l-kwalità ta’ l-akkomodazzjoni, it-tul taż-żjara u, finalment, il-prezz. Biex ikunu jistgħu jiżviluppaw dawn il-vaganzi kollox inkluż, l-operaturi tat-turs iridu jieħdu in kunsiderazzjoni għadd sħiħ ta’ varjabbli bħad-disponibbiltajiet ta’ akkomodazzjoni fid-diversi destinazzjonijiet u d-disponibbiltajiet ta’ postijiet fuq l-ajruplan, fid-diversi dati u staġuni tas-sena. Kif issostni r-rikorrenti, id-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità b’hekk neċessarjament iridu jittieħdu fuq livell “mikro”.

168    L-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni (premessi 88 sa 91 tad-Deċiżjoni), li jgħid li l-fattur importanti huwa n-numru totali ta’ vaganzi kollox inkluż proposti minn kull operatur, b’hekk jiltaqa’ ma’ diffikultajiet importanti fuq il-livell prattiku, għaliex, biex issir magħrufa l-kapaċità totali, inkwantu din tirrappreżenta firxa sħiħa eteroġenja ta’ deċiżjonijiet speċifiċi, huwa neċessarju li dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu identifikati.

169    Minn dan isegwi li, prima facie, il-kumplessità tal-proċedura ta’ l-ippjanar tal-kapaċità, ta’ l-iżvilupp tal-prodott u tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu tikkostitwixxi ostakolu maġġuri għal kull tentattiv ta’ koordinazzjoni taċita. Effettivament, fir-rigward ta’ suq fejn id-domanda tkun qed tiżdied b’mod ġenerali, iżda tkun volatili bejn sena u oħra, operatur tat-turs integrat ikollu diffikultà biex jinterpreta b’mod korrett id-deċiżjonijiet meħuda mill-operaturi tat-turs l-oħrajn fir-rigward tal-kapaċità għal vaganzi li jkunu ser isiru sena u nofs iktar tard.

170    Madankollu, minkejja l-fatt li kull operatur tat-turs jieħu d-deċiżjoni dwar il-kapaċità abbażi ta’ firxa sħiħa eteroġenja ta’ kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fil-prattika, fil-mument ta’ meta jiddetermina l-kapaċità totali tiegħu, kull membru ta’ l-oligopolija jistax ikun jaf il-“kapaċità globali (numru ta’ vaganzi) offruta minn kull operatur tat-turs integrat”.

171    Fil-premessa 105 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tafferma li “kull operatur integrat jista’ jissorvelja n-numru totali ta’ vaganzi kollox inkluż proposti minn kull wieħed mit-tlieta l-oħrajn [matul il-perijodu ta’ l-ippjanar]” u li l-modifiki li jsiru minn kull operatur kbir tat-turs f’dan l-istadju jistgħu jiġu identifikati mill-operaturi l-kbar tat-turs l-oħrajn permezz tal-kuntatti tagħhom mal-lukandi jew mid-diskussjonijiet tagħhom dwar il-bżonnijiet u d-disponibbiltajiet ta’ postijiet fuq l-ajruplan bil-għan li jiksbu jew jipprovdu kapaċitajiet jew li jinnegozjaw skambji ta’ postijiet jew slotts.

172    Madankollu, il-Kummissjoni ma tissostanzjax dawn l-affermazzjonijiet.

173    Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni ma tippermettix li tiġi mkejla l-portata ta’ l-informazzjoni li operatur tat-turs integrat jista’ jikseb minħabba l-fatt li diversi operaturi fosthom jistgħu jkunu f’kuntatt ma’ l-istess lukandi biex jinnegozjaw jew jirriżervaw l-istokks tagħhom ta’ sodod. Anki jekk wieħed jassumi li l-operaturi l-kbar Britanniċi tat-turs jistgħu effettivament joffru l-istess lukandi fil-pakketti ta’ vaganzi tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li s-settur ta’ l-akkomodazzjoni tal-vaganzi jiġbor fi ħdanu għadd kbir ta’ atturi, kemm fil-livell tal-provvista kif ukoll fil-livell tad-domanda. B’hekk, teżisti probabbiltà kbira li wieħed mill-operaturi l-kbar tat-turs ikun preżenti f’lukanda fejn ma jkunx hemm riskju li ser isib lil xi wieħed mill-kompetituri tiegħu. Din il-probabbiltà hija msaħħa mill-fatt li l-lukandi jippreferu jikru l-kmamar tagħhom lil ta’ mill-inqas żewġ operaturi tat-turs, ġeneralment minn pajjiżi differenti. Din il-politika, li hija msemmija fin-notifika, hija spjegata mir-rieda tal-lukandi li jipproteġu ruħhom kontra r-riskju marbut ma tnaqqis fid-domanda għal vaganzi offruti minn wieħed mill-klijenti tagħhom jew fid-domanda f’wieħed minn dawk il-pajjiżi.

174    Minn dan isegwi li l-possibbiltà li diversi operaturi tat-turs integrati jinnegozjaw ma’ l-istess lukanda ma tikkontribwixxix b’mod sinjifikattiv għal trasparenza akbar fis-suq fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kapaċità.

175    Fit-tieni lok, id-Deċiżjoni ftit li xejn tagħti dettalji dwar il-portata u l-importanza ta’ l-informazzjoni li tista’ tinkiseb permezz tad-diskussjonijiet bejn l-operaturi l-kbar tat-turs dwar il-bżonnijiet u d-disponibbiltajiet ta’ postijiet fuq l-ajruplan bil-għan li jiksbu jew jipprovdu kapaċitajiet jew li jinnegozjaw skambji ta’ postijiet fuq l-ajruplan jew slotts ta’ ħin. Effettivament, fin-nuqqas ta’ dettalji dwar dan il-punt fid-Deċiżjoni, huwa ftit li xejn possibbli li tinkiseb informazzjoni utli dwar iż-żieda jew iż-żamma tal-kapaċità permezz ta’ l-iskambju ta’ postijiet fuq l-ajruplan jew slotts ta’ ħin, inkwantu dawn l-iskambji fil-prinċipju għandhom isiru fuq bażi ta’ post kontra post jew slott kontra ieħor.

176    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li fil-każ ipotetiku previst mill-Kummissjoni, jiġifieri sitwazzjoni fejn il-kapaċità tiġi ristretta b’mod sinjifikattiv għal taħt l-estimi ta’ l-iżviluppi fid-domanda, l-operaturi tat-turs integrati jikkuntrattaw inqas postijiet fuq l-ajruplani u inqas iljieli f’lukandi. Huwa mingħajr dubju iktar diffiċli b’mod ġenerali li jiġu identifikati u interpretati d-deċiżjonijiet ta’ tnaqqis ta’ l-attività minn dawk li jżiduhom u, f’kuntest ta’ żieda fid-domanda, ikun partikolarment diffiċli li tali strateġiji restrittivi jiġu identifikati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li d-deċiżjonijiet ta’ żieda sinjifikattiva tal-kapaċità u l-investimenti korrispondenti jiġu ppubblikati biss wara li tkun ġiet iddeterminata l-kapaċità inizjali, b’tali mod li dawn ma jippermettux l-identifikazzjoni preċiża tad-deċiżjonijiet adottati matul il-perijodu ta’ l-ippjanar. Bħala konsegwenza, l-argument li l-Kummissjoni tesponi fil-premessa 105 tad-Deċiżjoni, li jgħid li l-akkwist jew il-kiri għal żmien twil ta’ ajruplani addizzjonali ma jistgħux jinżammu sigrieti inkwantu tali deċiżjonijiet jiġu neċessarjament mgħarrfa lill-pubbliku, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tintwera l-eżistenza tat-trasparenza tas-suq għall-erba’ operaturi l-kbar tat-turs fl-istadju ta’ l-ippjanar tal-kapaċità.

177    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ flotot ta’ l-ajru jittieħdu fi stadju tard fil-perijodu ta’ l-ippjanar. Skond l-informazzjoni kkomunikata minn Airtours fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, huwa effettivament biss mit-tnax-il xahar ta’ qabel it-tnedija ta’ l-istaġun, jiġifieri fl-istess ħin bħall-pubblikazzjoni tal-katalgu, li hija tieħu l-ewwel deċiżjonijiet dwar l-użu tal-kapaċità tagħha ta’ postijiet fuq l-ajruplan. Huwa biss matul ix-xhur ta’ wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità akkwistata mingħand linji ta’ l-ajru oħrajn. B’hekk, l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tad-diskussjonijiet bejn l-operaturi l-kbar tat-turs ikunu iktar tardivi milli tagħti x’tifhem id-Deċiżjoni.

178    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Airtours ma tiddependix b’mod sinjifikattiv fuq l-operaturi l-kbar tat-turs l-oħrajn biex takkwista postijiet fuq l-ajruplan, skond l-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tan-notifika. Effettivament jidher li Airtours ftit li xejn tirrikorri għal-linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani tal-kompetituri ewlenin tagħha. B’hekk, minn naħa, il-fornituri ewlenin ta’ Airtours Holidays għal postijiet fuq l-ajruplan għas-sajf 1998 kienu: Spanair (27.2 % tax-xiri); Monarch (22 %); Air Europa (21 %); Air 2000, il-linja ta’ l-ajru ta’ First Choice (9.4 %); Airworld (8.7 %), il-linja ta’ l-ajru ta’ Thomas Cook; Air Malta (3.8 %), u tnax-il linja ta’ l-ajru oħra (7.9 %). Airtours Holidays b’hekk ma tużax, jew ftit li xejn tuża, il-linja ta’ l-ajru Brittannia ta’ Thomson, li kif huwa magħruf ittir prinċipalment għall-kumpannija prinċipali tagħha, u tirrikorri biss b’mod marġinali għal-linji ta’ l-ajru ewlenin ta’ First Choice u ta’ Thomas Cook (Air 2000 u Airworld jirrappreżentaw 18.1% tat-total) (anness 5 tar-rikors, punti 6.94, 6.119 u 6.122, rapport tal-MMC, tabella 3.6, p. 66). Min-naħa l-oħra, il-klijenti ewlenin tar-rikorrenti għal postijiet fuq l-ajruplan għas-sajf 1998 kienu: First Choice (Unijet) (madwar 68 000 post); Monarch (Cosmos) (madwar 45 000 post); Jet Direct (madwar 11 500 post); Air Travel Group (madwar 10 500 post) u Manos (madwar 10 500 post); il-kumplament tal-postijiet inbiegħu lil madwar 20 operatur ieħor. Anki f’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li Airtours Holidays m’għandhiex, jew ftit li xejn għandha, relazzjonijiet mal-linji ta’ l-ajru ta’ Thomson (Britannia) u ta’ Thomas Cook (Caledonian, Airworld, Flying Colours, Peach) (anness 5 tar-rikors, punt 6.94 u rapport tal-MMC, tabella 3.6, p. 66).

179    B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li l-operaturi l-kbar tat-turs jinnegozjaw bejniethom bil-għan li jiksbu jew jipprovdu kapaċitajiet jew biex jinnegozjaw skambji ta’ postijiet fuq l-ajruplan jew ta’ slotts ta’ ħin ma jassigurax livell ta’ trasparenza suffiċjenti fil-mument ta’ meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-kapaċità.

180    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 102 tad-Deċiżjoni kkunsidrat li s-suq huwa ferm trasparenti għal kull wieħed mill-erba’ operaturi l-kbar integrati matul il-perijodu ta’ l-ippjanar. Għaldaqstant, jidher li hija kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq in kwistjoni kien karatteristika li tagħmel lis-suq favorevoli għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva (Deċiżjoni, premessa 87), mingħajr mhemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-grad ta’ trasparenza matul l-istaġun tal-bejgħ, inkwantu d-deċiżjonijiet kapitali dwar il-kapaċità għall-istaġun li jkun imiss jittieħdu matul il-perijodu ta’ l-ippjanar u li sussegwentement il-possibbiltajiet ta’ żieda jkunu ferm limitati.

 iv) Konklużjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi li seħħew u li huma prevedibbli fid-domanda, il-volatilità tagħha u l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq

181    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod adegwat il-kompetizzjoni eżistenti bejn l-operaturi ewlenin tat-turs fil-mument tan-notifika u li hija kkommettiet żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-iżvilupp u l-prevedibbiltà tad-domanda, il-volatilità tagħha kif ukoll il-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq, u li hija kkonkludiet b’mod żbaljat li f’din il-kawża dawn il-karatteristiċi kienu ta’ tali natura li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

c)     Konklużjoni

182    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni fil-konklużjoni tagħha li tgħid li t-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet ser tinċentiva lit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal wara l-operazzjoni biex ma jkomplux jikkompetu bejniethom.

3.     Fuq in-natura insuffiċjenti tal-fatturi ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni identifikat sabiex tiżgura l-koeżjoni interna ta’ l-allegata oligopolija dominanti

183    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li injorat il-fatt li anki jekk wieħed jassumi li t-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal jista’ jkollhom inċentiv li jikoordinaw taċitament l-istrateġiji tagħhom dwar il-kapaċità wara l-konċentrazzjoni minħabba l-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni u l-effett ta’ l-operazzjoni fuq dan ta’ l-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li ma jeżistux mekkaniżmi ta’ ritaljazzjoni jew ta’ dissważjoni suffiċjenti biex tiġi żgurata l-koeżjoni interna ta’ l-allegata oligopolija dominanti. B’hekk, in-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ ritaljazzjoni effettivi fis-suq in kwistjoni jikkonfuta l-vijabbiltà ta’ l-allegata sitwazzjoni ta’ oligopolija dominanti, inkwantu ma jkunx hemm inċentiv li jtul maż-żmien sabiex ma jkunx hemm devjazzjoni mil-linja ta’ azzjoni komuni. Hija ssostni li l-mekkaniżmu ta’ kkastigar irid ikun kredibbli u tikkontesta, għalhekk, li s-sempliċi theddida ta’ ritaljazzjoni tista’ tikkostitwixxi mezz ta’ dissważjoni suffiċjenti, kif tidher li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-premessa 151 tad-Deċiżjoni.

184    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-mezzi allegatament disponibbli biex jitwettqu ritaljazzjonijiet matul l-istess staġun mhumiex kredibbli. Fir-rigward tal-possibbiltà li tiżdied ċerta kapaċità matul il-perijodu li jintemm fi Frar, qabel l-istaġun tas-sajf, din tista’ tiżdied biss b’10 % u ma tistax tiżdied iktar. Barra minn hekk, f’settur ikkaratterizzat minn volatilità fid-domanda, żieda tal-kapaċità ta’ 10 % ma tkunx suffiċjenti biex tikkostitwixxi kastig sinjifikattiv. Barra minn hekk, l-ispiża żejda li tirrappreżenta l-implementazzjoni ta’ kapaċità addizzjonali għal finijiet ta’ kkastigar ma tkunx ikkumpensata mill-vantaġġi miksuba mill-vittmi ta’ l-ingann billi jimponu kastig. Fi kwalunkwe każ, żieda fil-kapaċità tkun estremament diffiċli, għaliex din tista’ tmur kontra l-interessi ta’ dawk li jkollhom għalfejn jimponu kastig inkwantu l-kapaċità miżjuda fl-aħħar mument, peress li probabbilment tkun ta’ kwalità inferjuri (ħinijiet ta’ titjiriet mhux prattiċi, akkomodazzjoni ta’ kwalità ħażina), tkun diffiċli biex tinbiegħ. Hija tikkontesta wkoll il-possibbiltà li jintuża bejgħ bi prezzijiet baxxi jew “direzzjonali” kontra kompetitur bħala arma dixxiplinarja.

185    Finalment, skond ir-rikorrenti, il-mezzi allegatament disponibbli biex jitwettqu ritaljazzjonijiet matul l-istaġun ta’ wara mhumiex effettivi. Fil-fatt, meta jitqies il-perijodu ta’ 18-il xahar meħtieġ biex jiġu implementati kapaċitajiet kbar, huwa biss żewġ staġuni iktar tard li kwalunkwe ingann identifikat matul staġun ta’ bejgħ jista’ jiġi kkastigat b’żidiet sostanzjali fil-kapaċitajiet. Il-konnessjoni bejn id-devjazzjoni mill-ftehim u l-kastig b’hekk tkun laxka.

186    Il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ ritaljazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni, li billi ma tassimilax l-oligopolija dominanti ma’ kartell, hija qatt ma immaġinat li operatur sempliċement jhedded li jirritalja.

187    Sussegwentement, hija targumenta li l-perspettiva ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni matul l-istess staġun tista’ tinftiehem bħala theddida reali u effettiva inkwantu l-operaturi jistgħu jevalwaw il-kapaċitajiet li l-kompetituri tagħhom iqiegħdu fis-suq sa mill-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel edizzjoni tal-katalgi, jiġifieri bejn tnax u ħmistax-il xahar qabel l-istaġun tal-vjaġġi (ara l-premessi 105 sa 107 tad-Deċiżjoni). Żieda ta’ 10 % tal-kapaċitajiet għandha teżerċita pressjoni qawwija ta’ tnaqqis fuq il-prezzijiet u tannulla fil-parti l-kbira l-qligħ mistenni mill-operatur “devjanti”.

188    Fir-rigward tal-mezzi biex jiġu eżerċitati r-ritaljazzjonijiet matul l-istaġun ta’ wara, għall-kuntrarju ta’ dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa possibbli li l-kapaċitajiet jiżdiedu b’mod kunsiderevoli matul dak il-perijodu u hija tikkunsidra li huwa żbaljat li jingħad li żieda sostanzjali hija possibbli biss żewġ staġuni wara.

189    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jkun irrazzjonali, min-naħa ta’ l-operaturi l-oħrajn, li jirriskjaw li jkun hemm kapaċità żejda ġenerali u li jgħid li, għalhekk, operatur jista’ “jinganna” mingħajr ma jiġi kkastigat, il-Kummissjoni targumenta li tali raġunament mhuwiex applikabbli f’din il-kawża, għaliex jimplika li l-unika reazzjoni possibbli min-naħa ta’ l-operaturi l-oħrajn hija dik li jabbandunaw ishma tas-suq lill-“ingannatur”.

190    Finalment, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li jgħid li t-tattika tal-esklużjoni tal-katalgi ta’ kompetitur “devjanti” u l-prattika ta’ bejgħ selettiv intiż sabiex jiġu żvantaġġati l-prodotti tiegħu huma ineffettivi, għaliex, anki jekk jitqiesu biss iċ-ċifri ta’ bejgħ reċiproku sottomessi mir-rikorrenti (16 % tal-prodotti tagħha jinbiegħu permezz ta’ Thomson u Thomas Cook), telf potenzjali li jista’ jilħaq tali perċentwal ta’ bejgħ jirrappreżenta theddida kbira f’industrija kkaratterizzata minn volumi kbar u marġni baxxi.

191    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni kemmxejn ambigwa fid-Deċiżjoni, għaliex hija enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-eżistenza ta’ “mekkaniżmu strett ta’ ritaljazzjoni”, li huwa bbażat fuq ġegħil, mhijiex kundizzjoni neċessarja biex ikun hemm pożizzjoni dominanti kollettiva f’din il-kawża (Deċiżjoni, premessa 55; ara wkoll il-premessa 150) filwaqt li fl-istess ħin tippreċiża li hija “ma taħsibx, bħal Airtours, li mhemm ebda possibbiltà ta’ ritaljazzjoni fis-suq in kwistjoni” u li “[d]awn il-possibiltajiet huma għall-kuntrarju kunsiderevoli, u jistgħu biss isaħħu l-inċentivi biex jiġi adottat aġir parallel antikompetittiv” (Deċiżjoni, premessa 55; ara wkoll il-premessa 151).

192    Għandu jiġi osservat, fuq bażi preliminari, li kif diġà ġie rrilevat (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq), fl-analiżi prospettiva tas-suq li ssir f’kull evalwazzjoni ta’ allegata pożizzjoni dominanti kollettiva, tali pożizzjoni m’għandhiex tkun prevista biss fuq livell statiku, f’mument partikolari, jiġifieri dak tat-twettiq ta’ l-operazzjoni u tal-modifiki li jsiru għall-istruttura tal-kompetizzjoni, iżda għandha tiġi evalwata wkoll b’mod dinamiku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-koerenza interna tagħha, l-istabbiltà tagħha u l-kwistjoni ta’ jekk l-aġir parallel antikompetittiv li hija tista’ toħloq jistax jinżamm maż-żmien.

193    Huwa għalhekk importanti li jiġi stabbilit jekk l-interess individwali ta’ kull wieħed mill-operaturi ewlenin tat-turs (li jimmassimizza l-profitt tiegħu filwaqt li jikkompeti ma’ l-operaturi kollha) huwiex ta’ tali natura li jipprevali fuq l-interess komuni tal-membri ta’ l-allegata oligopolija dominanti (li tiġi ristretta l-kapaċità bil-għan li jiżdiedu l-prezzijiet u jinkisbu profitti suprakompetittivi), li jkun il-każ jekk in-nuqqas ta’ fatturi ta’ dissważjoni jwasslu lil operatur li jiddevja mil-linja ta’ azzjoni komuni sabiex, billi japprofitta ruħu min-nuqqas ta’ kompetizzjoni li tikkaratterizza lil din ta’ l-aħħar, jieħu l-inizjattiva ta’ aġir kompetittiv u jibbenefika mill-vantaġġi inerenti f’dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 227 għal dak li jirrigwarda t-trasparenza tas-suq, u l-punti 276 u 281 għal dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet strutturali).

194    Il-possibbiltà ta’ ritaljazzjonijiet tassigura b’xi mod il-koeżjoni tal-membri tal-oligopolija fit-tul billi tiskoraġġihom milli jiddevjaw minn aġir komuni.

195    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni mhux neċessarjament għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “mekkaniżmu ta’ ritaljazzjoni” partikolari, b’ċertu grad ta’ severità, iżda hija għandha turi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ fatturi ta’ dissważjoni suffiċjenti biex kull wieħed mill-membri ta’ l-oligopolija dominanti ma jkollux interess li jiddevja mill-aġir komuni għad-detriment tal-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija.

196    Il-fatturi ta’ dissważjoni identifikati f’din il-kawża fid-Deċiżjoni huma dawn li ġejjin:

–        ir-rwol dissważiv eżerċitat mis-sempliċi theddida ta’ ritorn għal sitwazzjoni ta’ provvista eċċessiva, peress li l-esperjenza tal-1995 turi dak li jista’ jseħħ jekk tfaqqa’ gwerra fir-rigward tal-kapaċitajiet (Deċiżjoni, premessa 151; ara wkoll il-premessa 170);

–        il-possibbiltà li l-kapaċità tiżdied b’massimu ta’ 10 % matul l-istaġun tal-bejgħ, ta’ mill-inqas sa Frar (Deċiżjoni, premessa 152);

–        il-possibbiltà li jiżdiedu kapaċitajiet addizzjonali bejn żewġ staġuni, fejn l-operatur tat-turs jindika li l-aġir tiegħu huwa miżura ta’ ritaljazzjoni kontra azzjoni partikolari sabiex jenfasizza l-konnessjoni bejn id-devjazzjoni u s-sanzjoni (Deċiżjoni, premessa 152);

–        il-possibbiltà ta’ esklużjoni jew ta’ bejgħ selettiv għad-detriment ta’ l-operatur devjanti matul l-istaġun tal-bejgħ bil-għan li jiġi mġiegħel jagħti skontijiet fuq parti iktar sostanzjali tal-vaganzi tiegħu (Deċiżjoni, premessa 152; ara wkoll il-premessa 170).

197    Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni u l-mod kif jiffunzjona jagħmluha diffiċli li l-miżuri ta’ ritaljazzjoni jitwettqu rapidament u b’mod effettiv b’tali mod li jidhru bħala suffiċjentement dissważivi.

198    B’hekk, f’każ ta’ devjazzjoni jew, fi kliem ieħor, ta’ ingann, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn, pereżempju, wieħed mill-operaturi ewlenin tat-turs jipprova, matul il-perijodu ta’ l-ippjanar, japprofitta ruħu mil-limitazzjoni globali tal-kapaċità li tirriżulta minn aġir parallel antikompetittiv, il-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija ma jkunux jistgħu jindunaw faċilment b’din id-devjazzjoni minħabba nuqqas ta’ trasparenza suffiċjenti, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet. Effettivament, huwa diffiċli li tiġi skoperta devjazzjoni fl-istadju ta’ l-ippjanar, minħabba d-diffikultajiet li operatur kbir tat-turs ikollu biex jantiċipa bi preċiżjoni d-deċiżjonijiet li l-kompetituri ewlenin tiegħu jieħdu fir-rigward tal-kapaċità.

199    F’dan il-kuntest, ma jidhirlix li l-fatturi ta’ dissważjoni identifikati mill-Kummissjoni jistgħu jintervjenu.

200    Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sempliċi theddida ta’ ritorn għal sitwazzjoni ta’ provvista eċċessiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li din hija ta’ natura dissważiva. Il-Kummissjoni tirreferi għall-kriżi tal-1995 bħala eżempju tal-konsegwenzi ta’ provvista eċċessiva fis-suq. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-fatti tal-1995 seħħew f’kuntest kuntrarju għal dak previst f’din il-kawża, fejn, matul il-perijodu ta’ l-ippjanar tal-1994, l-operaturi kollha, indipendentement mill-istat tagħhom bħala operatur tat-turs kbir jew żgħir, saħħew il-kapaċitajiet tagħhom biex jantiċipaw iż-żieda fid-domanda globali skond l-indikazzjonijiet tas-settur u s-sentejn ta’ tkabbir preċedenti. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-Kummissjoni tipprevedi sitwazzjoni fejn it-tliet operaturi l-kbar tat-turs, filwaqt li jaġixxu b’mod sostanzjalment iktar prudenti mis-soltu, inaqqsu l-kapaċitajiet tagħhom għal livell inqas mill-previżjonijiet tad-domanda u fejn ikun seħħ ingann. Huwa f’din is-sitwazzjoni, li hija ferm distinta mis-sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda tal-1995, li għandha tiġi eżaminata n-natura dissważiva tal-possibbiltà ta’ ritorn għal sitwazzjoni ta’ provvista eċċessiva. Tali ritorn jista’ jseħħ biss staġun iktar tard u biss jekk il-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija jiddeċiedu li jżidu l-kapaċità ’l fuq mill-estimi ta’ l-iżvilupp fid-domanda, jiġifieri b’mod ferm sinjifikattiv meta mqabbel mal-livell tal-kapaċità żejda li kienet teżisti fil-kuntest tal-koordinazzjoni taċita prevista mill-Kummissjoni.

201    Fit-tieni lok, il-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità matul l-istaġun tal-bejgħ ma tistax tikkostitwixxi fattur ta’ dissważjoni għar-raġunijiet segwenti.

202    Fl-ewwel lok, kif tenfasizza d-Deċiżjoni stess, dan is-suq huwa kkaratterizzat minn tendenza naturali ta’ prudenza fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-kapaċità (ara l-premessi 60 sa 66, 97 u 136 tad-Deċiżjoni), fid-dawl tal-fatt li l-adattament tal-kapaċità għad-domanda jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji kruċjali tal-profittabbiltà, peress li l-vaganzi kollox inkluż huma beni ta’ natura li jintilfu (Deċiżjoni, premessa 60).

203    Fit-tieni lok, f’dan is-suq, id-deċiżjoni li ssir devjazzjoni mill-pożizzjoni komuni billi tiżdied il-kapaċità matul l-istaġun tal-bejgħ isseħħ fi stadju li jagħmilha diffiċli biex tiġi skoperta fi żmien utli. Barra minn hekk, anki jekk il-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija jaslu biex jiskopru l-aġir devjanti, madankollu l-eventwali reazzjoni tagħhom, li tkun tikkonsisti f’żieda fil-kapaċità bħala ritaljazzjoni, ma tistax isseħħ b’mod suffiċjentament rapidu u effettiv, inkwantu, kif tammetti impliċitament id-Deċiżjoni, din tkun tista’ tiġi implementata biss b’mod limitat fl-istess staġun, u b’limiti dejjem akbar hekk kif ikompli għaddej l-istaġun tal-bejgħ (fl-aħjar ipoteżi l-kapaċità tista’ tiżdied biss b’10 % sax-xahar ta’ Frar għall-istaġun tas-sajf li jkun ġej) (ara d-Deċiżjoni, premessi 152 u 62).

204    Finalment, jista’ jiġi kkunsidrat li, billi jkunu jafu li l-awturi tar-ritaljazzjonijiet jirriskjaw li jkollhom diffikultajiet sabiex ibiegħu l-vaganzi kollox inkluż miżjuda fl-aħħar mument minħabba l-kwalità inferjuri ta’ tali prodotti (ħinijiet ta’ titjiriet mhux prattiċi, akkomodazzjoni ta’ kwalità ħażina), il-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija dominanti jkunu eżitanti li jipproċedu għal tali żidiet fil-kapaċità bħala ritaljazzjoni. Għalhekk, il-kapaċità maħluqa b’dan il-mod lanqas ma tidher li tista’ tikkompeti b’mod effikaċi kontra dik li tkun ġiet miżjuda mill-operatur devjanti matul il-perijodu ta’ l-ippjanar, minħabba li din tkun kemm tardiva kif ukoll ta’ kwalità inferjuri. L-operatur devjanti b’hekk jibbenefika mill-fatt li jkun aġixxa l-ewwel.

205    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità matul l-istaġun segwenti jew il-fatt li jistgħu jiżdiedu kapaċitajiet bejn żewġ staġuni (premessa 152 tad-Deċiżjoni in fine), għandu jiġi rrilevat li hemm riskju li din tkun ineffettiva, bħala miżura ta’ ritaljazzjoni, meta jitqies l-iżvilupp imprevedibbli tad-domanda minn sena għall-oħra u ż-żmien meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ tali miżura.

206    Fir-raba’ lok, azzjoni ta’ ritaljazzjoni tal-membri l-oħrajn ta’ l-oligopolija fil-livell tad-distribuzzjoni (permezz ta’ esklużjoni jew bejgħ selettiv) tikkonċerna biss, fl-ipoteżi li din tkun diretta kontra Airtours, madwar 16 % tal-bejgħ tagħha [li minnhom inqas minn 10 % huma mwettqa permezz ta’ Lunn Poly (Thomson) u 6 % biss permezz ta’ Thomas Cook]. Kif issostni r-rikorrenti, tali reazzjonijiet ta’ sorsi sekondarji tal-provvista ma jirrappreżentawx kontropiż ta’ importanza suffiċjenti. Barra minn hekk, tali ritaljazzjonijiet jimplikaw telf ekonomiku għall-awturi tagħhom, li jkollhom jirrinunzjaw għall-kommissjonijiet mħallsa minn Airtours għall-bejgħ effettwat min-netwerks ta’ l-operaturi tat-turs tal-kompetituri ewlenin tagħha. In-natura dissważiva ta’ tali azzjoni ta’ ritaljazzjoni b’hekk mhijiex daqstant sostanzjali daqs kemm tagħti x’tifhem id-Deċiżjoni.

207    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-elementi msemmija fil-premessi 151 u 152 tad-Deċiżjoni jikkostitwixxu, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fatturi ta’ dissważjoni suffiċjenti biex wieħed mill-membri ta’ l-oligopolija dominanti jkollu inċentiv li ma jiddevjax mil-linja ta’ azzjoni komuni.

4.     Fuq is-sottovalutazzjoni tar-reazzjoni prevedibbli ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs, tal-kompetituri potenzjali u tal-konsumaturi bħala kontropiż suffiċjenti biex tiġi ostakolata l-istabbiltà ta’ l-allegata oligopolija dominanti

208    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ssottovalutat ir-reazzjoni prevedibbli ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs (imsejħa wkoll “operaturi tat-turs indipendenti” jew “operaturi sekondarji”), tal-kompetituri potenzjali (b’mod partikolari dawk li joffru vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin imbiegħda) u tal-konsumaturi bħala kontropiż li jista’ jostakola l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, li mhijiex prevedibbli jekk l-operaturi l-kbar tat-turs m’għandhomx, flimkien, is-setgħa li jaġixxu sa grad sostanzjali indipendentement mill-kompetituri l-oħrajn attwali u potenzjali kif ukoll mill-konsumaturi.

209    Il-Kummissjoni tirribatti li, biex ikunu jistgħu jegħlbu restrizzjoni miftiehma tal-kapaċitajiet deċiża mill-membri ta’ l-oligopolija, ikun meħtieġ li numru kbir ta’ operaturi żgħar ħafna jżidu l-kapaċitajiet tagħhom fi proporzjonijiet kunsiderevoli, ħaġa li mhijiex possibbli fid-dawl tad-daqs attwali tagħhom. Hija tenfasizza wkoll li l-ostakli għall-aċċess għas-suq u t-tkabbir lil hinn minn ċertu daqs jipprekludu lill-operaturi ta’ daqs iżgħar u lill-operaturi l-ġodda fis-suq milli jissieltu b’suċċess kontra l-qawwa ta’ l-operaturi tat-turs integrati u l-possibbiltà tagħhom li jiffissaw il-kapaċità f’livell iktar baxx minn dak tal-bilanċ kompetittiv. B’hekk, l-operaturi sekondarji ma jkunux fi grad li jipprovdu kapaċitajiet suffiċjenti biex jissodisfaw eventwali domanda addizzjonali minħabba l-ostakli sostanzjali li jiltaqgħu magħhom biex jiżviluppaw.

210    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi mfakkar li biex jintwera, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, li teżisti pożizzjoni dominanti kollettiva f’din il-kawża, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi wkoll li r-reazzjoni prevedibbli tal-kompetituri attwali u potenzjali kif ukoll tal-konsumaturi ma tpoġġix f’dubju r-riżultati mistennija mil-linja ta’ azzjoni komuni ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs. F’din il-kawża, dan ifisser li t-tnaqqis min-naħa tal-operaturi l-kbar tat-turs tal-kapaċità mqiegħda fis-suq għal finijiet antikompetittivi, jiġifieri, lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jadattaw għall-iżvilupp antiċipat fid-domanda, m’għandhiex tkun kontrobilanċjata mir-reazzjoni tal-kompetituri attwali tagħhom, jiġifieri l-operaturi ż-żgħar tat-turs, tal-kompetituri potenzjali tagħhom, jiġifieri l-operaturi tat-turs preżenti f’pajjiżi oħrajn jew fis-suq tad-destinazzjonijiet imbiegħda, u tal-klijenti tagħhom, jiġifieri l-konsumaturi Britanniċi, b’tali mod li l-oligopolija dominanti ma tibqax vijabbli.

a)     Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-kompetituri attwali: l-operaturi ż-żgħar tat-turs

 i) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kwistjoni tad-daqs ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs

211    Fil-punti 77 u 78 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li l-possibbiltà li l-“minoranza” komposta mill-fornituri ż-żgħar tikkompeti b’mod effettiv kontra l-erba’ operaturi l-kbar tat-turs hija mnaqqsa ulterjorment minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali u minħabba d-daqs żgħir tagħhom, li b’mod partikolari għandha l-effett li huma ma jistgħux jiksbu l-istess ekonomiji ta’ l-iskala u ta’ firxa bħall-operaturi l-kbar tat-turs.

212    F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi osservat li l-Kummissjoni (risposta, punt 103) tammetti li, kif espona l-espert tar-rikorrenti, il-professeur Neven, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, is-settur tal-vjaġġi kollox inkluż huwa settur fejn strateġiji kummerċjali alternattivi jistgħu jipprovdu riżultati pożittivi u fejn ftit jista’ jkun hemm spazju għall-operaturi tat-turs ta’ daqs intermedju. Effettivament, skont dan l-espert, minn naħa, l-impriżi jistgħu jiffunzjonaw fuq skala żgħira u jixtru mis-swieq liberi l-kapaċità (postijiet fuq l-ajruplan u sodod f’lukanda) li huma jkollhom bżonn biex ikunu jistgħu joffru l-vaganzi kollox inkluż. Min-naħa l-oħra, l-impriżi jistgħu alternattivament jiddeċiedu li jbiegħu volum kbir ta’ vaganzi kollox inkluż. Dawn l-impriżi madankollu jarawha bħala operazzjoni riskjuża li jixtru volumi kbar ta’ kapaċità, b’mod partikolari f’postijiet fuq l-ajruplan, fuq is-swieq liberi, li hija r-raġuni għalfejn huwa neċessarju għalihom li jintegraw vertikalment, minn ta’ l-inqas fis-servizzi tat-trasport bl-ajru. Din l-istrateġija kummerċjali alternattiva mhux neċessarjament twassal għal spejjeż orħos u vantaġġ kompetittiv sistematiku fuq l-impriżi ż-żgħar. Hija wkoll intrinsikament iktar riskjuża mill-istrateġija li wieħed jibqa’ żgħir u jixtri kapaċità mis-swieq liberi.

213    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni hawnhekk mhijiex jekk operatur żgħir tat-turs jistax jilħaq id-daqs meħtieġ biex ikun jista’ jikkompeti b’mod effettiv kontra l-operaturi tat-turs integrati billi jisfida l-pożizzjoni tagħhom bħala operaturi ewlenin. Il-kwistjoni rilevanti hija jekk, fil-kuntest antikompetittiv previst mill-Kummissjoni, il-mijiet ta’ operaturi żgħar tat-turs li diġà jeżistu fis-suq, meta jittieħdu globalment, jistgħux jirreaġixxu b’mod effikaċi kontra tnaqqis fil-kapaċità mqiegħda fis-suq mill-operaturi l-kbar tat-turs f’livell taħt l-estimi ta’ l-iżvilupp fid-domanda billi jżidu l-kapaċità tagħhom sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet offruti minn tali sitwazzjoni ta’ nuqqas ġenerali ta’ kapaċità u jekk jistgħux b’dan il-mod jaġixxu kontra l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

214    F’dawn iċ-ċirkustanzi, biex turi li l-operaturi ż-żgħar tat-turs ma jkunux jistgħu effettivament jaġixxu kontra l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tirrileva l-fatt, mhux ikkontestat mill-partijiet, li fil-kuntest attwali tas-suq in kwistjoni, sabiex jikkompeti b’mod effettiv kontra l-operaturi tat-turs integrati, operatur tat-turs sekondarju għandu jilħaq daqs minimu li jippermettilu li jopera fuq skala suffiċjenti u li għalhekk għandu jilħaq ċertu grad ta’ integrazzjoni vertikali. L-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jenfasizzaw id-diffikultajiet li l-operaturi ż-żgħar tat-turs għandhom biex jilħqu d-daqs minimu sabiex ikunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv kontra l-erba’ operaturi l-kbar tat-turs b’hekk huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs u ta’ l-operaturi l-ġodda fis-suq li jżidu l-kapaċità tagħhom sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunità ta’ nuqqas ta’ prodotti li għandu jkun hemm, skond il-Kummissjoni, fil-każ li l-operazzjoni tiġi awtorizzata.

215    Barra minn hekk, kif enfasizzat ir-rikorrenti, minkejja l-għadd kbir ta’ akkwisti ta’ operaturi żgħar tat-turs mill-operaturi l-kbar tat-turs li seħħew fl-aħħar deċennju, l-operaturi ż-żgħar tat-turs għadhom ferm numerużi (diversi mijiet) b’riġenerazzjoni kontinwa permezz tad-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda, u, fl-aħħar mill-aħħar, dejjem jibqgħu jikkostitwixxu parti sinjifikattiva tas-suq.

216    Huwa b’hekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk l-operaturi ż-żgħar tat-turs jistgħux f’din il-kawża jipprovdu kapaċitajiet addizzjonali suffiċjenti biex jaġixxu kontra eventwali limitazzjoni tal-kapaċità mqiegħda fis-suq mill-operaturi l-kbar tat-turs.

 ii) Fuq il-possibbiltà għall-operaturi ż-żgħar tat-turs li jipprovdu kapaċitajiet addizzjonali

217    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li f’din il-kawża l-membri ta’ l-allegata oligopolija dominanti ma jikkontrollawx individwalment jew kollettivament is-swieq tal-materji primi jew tas-servizzi neċessarji għat-tħejjija u d-distribuzzjoni tal-prodott in kwistjoni. F’dan ir-rigward, mid-Deċiżjoni (premessi 5 sa 42) jirriżulta li, minbarra s-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni upstream, fis-suq tal-provvista ta’ postijiet fuq l-ajruplan mikrija lejn destinazzjonijiet fil-qrib, u downstream, fis-suq ta’ l-aġenziji tal-vjaġġi, iżda madankollu hija la kkonkludiet li t-twettiq ta’ l-operazzjoni kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, mit-tliet kompetituri li jifdal, f’dawn is-swieq upstream u downstream, u lanqas li l-impriża riżultanti (Airtours/First Choice) kienet ser tgawdi minn pożizzjoni dominanti individwali.

218    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pprovdiet, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, diversi eżempji ta’ operaturi żgħar tat-turs li implementaw kapaċitajiet addizzjonali b’risposta għall-opportunitajiet offruti mill-iżviluppi mhux mistennija fis-suq. B’hekk, fl-1996 (wara d-diffikultajiet marbuta mal-kriżi tal-1995), l-akbar tliet operaturi tat-turs ta’ dak iż-żmien naqqsu jew iffriżaw il-kapaċità tagħhom, filwaqt li diversi operaturi tat-turs żgħar għamlu espansjoni sinjifikattiva, bħal Virgin Holidays (+ 28 %), Kuoni Travel (+ 20 %), Direct Holidays (+ 68 %) jew Sun Express (+ 109 %).

219    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti rrilevat, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li l-operaturi ż-żgħar tat-turs għandhom tendenza li jiffissaw il-kapaċità tagħhom wara li l-operaturi l-kbar tat-turs ikunu ħadu d-deċiżjonijiet prinċipali tagħhom f’dan il-qasam u li huma jistgħu wkoll, sa ċertu grad u bħal kull operatur tat-turs, iżidu l-kapaċità tagħhom sussegwentement.

220    Fit-tielet lok, mill-proċess jirriżulta wkoll li diversi operaturi żgħar tat-turs wrew l-intenzjoni tagħhom li jżidu s-sehem tagħhom tas-suq, li jindika li, fi kwalunkwe każ, dawn huma ferm inklinati li jaħtfu fil-pront l-opportunitajiet li jinħolqu mir-restrizzjonijiet tal-kapaċità, min-naħa ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs, li ma jkunux konnessi ma’ l-iżvilupp prevedibbli fid-domanda.

221    Fil-premessa 85 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrispondi għall-argument li r-rikorrenti ressqet matul il-proċedura amministrattiva, li jgħid li operaturi sekondarji bħal Cosmos u Virgin Sun għandhom jitqiesu bħala kompetituri kbar probabbli fil-futur, għaliex għandhom l-intenzjoni li jestendu l-attivitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni rrispondiet billi indikat “li ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma tista’ thedded lill-operaturi l-kbar fil-futur prevedibbli”, għaliex Cosmos (Monarch), minn naħa, tiddependi bil-kbir fuq l-operaturi l-kbar bħala xerrejja ta’ postijiet fuq l-ajruplan u ma tinsabx integrata vertikalment ma’ aġenziji tal-vjaġġi, u għaliex Virgin Sun, min-naħa l-oħra, attwalment għandha attivitajiet ferm limitati u lanqas m’għandha aġenziji tal-vjaġġi tagħha. Hija tenfasizza, finalment, li Virgin Sun kellha diffikultajiet kunsiderevoli biex tikkonkludi kuntratti ta’ akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet fil-qrib l-iktar importanti.

222    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jsaħħux l-argument tagħha inkwantu l-punt rilevanti huwa kif x’aktarx ser jirreaġixxu fil-futur l-operaturi ż-żgħar tat-turs f’każ ta’ tnaqqis taħt il-livell kompetittiv tal-kapaċità mqiegħda fis-suq mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal. Għall-kuntrarju, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru rieda ċara min-naħa ta’ dawn iż-żewġ operaturi tat-turs sekondarji li japprofittaw ruħhom minn kull opportunità offruta mis-suq.

223    B’hekk, minn naħa, il-fatt li Cosmos (Monarch) attwalment għandha tendenza li tippreferi l-operaturi l-kbar tat-turs iktar milli ż-żgħar f’termini ta’ bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajruplan ma jippermettix lill-Kummissjoni li tistabbilixxi li, f’każ ta’ limitazzjoni tal-kapaċità għal taħt il-livell kompetittiv, dan l-operatur mhux ser jagħti prijorità lill-interessi tiegħu għad-detriment ta’ dawk tal-membri ta’ l-allegata oligopolija dominanti. Finalment, id-direttur il-ġdid ta’ l-operatur tat-turs Cosmos iddikjara li għandu l-intenzjoni li jżid is-sehem tas-suq ta’ din l-impriża minn 3.5 għal 5 % f’temp ta’ sentejn. Għal dan il-għan, Cosmos għandha liċenzji ATOL għal 1.1 miljun passiġġier (ATOL, Air Travel Organisers’ License, liċenzja maħruġa mis-Civil Aviation Authority).

224    Min-naħa l-oħra, għall-istess raġunijiet, id-diffikultajiet li kellha Virgin Sun biex tikkonkludi kuntratti ta’ akkomodazzjoni għal ċerti destinazzjonijiet fil-qrib faċilment jingħelbu jekk l-operaturi l-kbar inaqqsu d-domanda tagħhom għall-kmamar. Minn ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999 ta’ Virgin Sun lill-Kummissjoni, li ġiet infilzata fil-proċess fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li huwa faċli li jinkisbu sodod bi kwantità u kwalità suffiċjenti fil-biċċa l-kbira tad-destinazzjonijiet Meditarranji ħlief f’dawk l-iktar imfittxija, bħall-gżejjer Baleariċi, fejn l-operaturi l-kbar tat-turs qed jinnegozjaw dejjem iktar kuntratti għal żmien twil mal-lukandi, u dan jagħmilha diffiċli li l-operaturi ż-żgħar isibu l-postijiet mixtieqa. Madankollu, minn din l-ittra jirriżulta wkoll li operaturi tat-turs bħal Virgin Sun joqogħdu attenti biex jippruvaw jaħtfu l-opportunitajiet kollha li jistgħu jinħolqu f’dawn is-swieq l-iktar imfittxija. B’hekk, kieku l-operaturi l-kbar tat-turs kellhom ma jużawx is-sodod kuntrattati fit-tentattivi tagħhom li jirrestrinġu l-kapaċità, l-operaturi ż-żgħar tat-turs ikunu jistgħu fil-pront jidħlu f’kuntratti għalihom bil-għan li jżidu l-kwantità ta’ vaganzi kollox inkluż imqiegħda fis-suq. Għandu jitfakkar, finalment, li Virgin Sun huwa l-operatur tat-turs li joffri vaganzi lejn destinazzjonijiet fil-qrib li ġie mniedi reċentement mill-Virgin Travel Group, li sa minn Mejju 1999 joffri vjaġġi organizzati lejn id-destinazzjonijiet l-iktar imfittxija, jiġifieri Korfù, Costa Blanca, Costa del Sol, Majorka, Minorka, Ibiża, il-Portugall, Rodi, il-Gran Kanarja, Tenerife u t-Turkija, b’titjiriet bi tluq mill-ajruporti ta’ London Gatwick u ta’ Manchester u li, skond il-president tal-Virgin Travel Group, l-oġġettiv ta’ Virgin Sun huwa li jilħaq is-sehem fis-suq ta’ Thomson fl-għaxar snin li ġejjin. Għandu jiġi osservat li l-Virgin Travel Group għandu liċenzji ATOL għal 400 000 passiġġier.

225    Finalment, British Airways Holidays (375 000 liċenzja ATOL fl-1999) u Kuoni (230 000 vaganza organizzata mibjugħa fir-Renju Unit fl-1998), żewġ kompetituri preżenti fis-suq tal-vaganzi organizzati lejn destinazzjonijiet fil-qrib li għandhom mezzi finanzjarji sostanzjali, ukoll jistgħu jżidu malajr il-kapaċità tagħhom jekk l-operaturi l-kbar tat-turs jippruvaw jimplementaw pożizzjoni dominanti kollettiva.

226    Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li studju tal-preżenza ta’ selezzjoni ta’ 59 operatur żgħir tat-turs f’diversi destinazzjonijiet fil-qrib, tnax fost dawk l-iktar imfittxija, li huma moqdija mill-operaturi l-kbar tat-turs, li ġie kkomunikat matul il-proċedura amministrattiva mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, juri li dawn id-destinazzjonijiet kollha huma moqdija minn, minn ta’ l-inqas, erba’ operaturi żgħar tat-turs; li d-destinazzjonijiet l-iktar popolari, bħal Korfù, Rodi, Majorka jew Spanja kontinentali huma moqdija minn numru kbir fosthom (bejn 20 u 30 operaturi żgħar tat-turs) u li diversi operaturi żgħar tat-turs (bħal Cosmos, Manos jew Virgin Holidays) jaqdu prattikament id-destinazzjonijiet kollha (ara t-tabella 1 ta’ l-anness 8 tar-rikors, rapport tal-professur D. Neven, ikkummissjonat bħala espert mir-rikorrenti, bit-titolu “Il-kompetizzjoni fis-suq tal-vaganzi kollox inkluż lejn pajjiżi barranin fir-Renju Unit, analiżi ekonomika”, ta’ Lulju 1999). Dan l-istudju juri wkoll li l-operaturi ż-żgħar tat-turs joffru prodotti simili (f’termini ta’ numru ta’ ljieli u servizzi) u prezzijiet paragunabbli, jew saħansitra aħjar minn dawk offruti mill-operaturi l-kbar tat-turs.

227    Fil-ħames lok, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 83 tad-Deċiżjoni, minn dan l-istudju, li mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-operaturi ż-żgħar tat-turs normalment jirnexxilhom jiksbu kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs għall-akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet fil-qrib. Dan l-istudju jeżamina 20 lukanda li jinsabu f’destinazzjonijiet fil-qrib u popolari u jqabbel il-prezzijiet miksuba minn Airtours ma’ dawk miksuba minn Panorama u Direct, żewġ operaturi żgħar tat-turs indipendenti li sussegwentement ġew akkwistati minn Airtours; dan juri li dawn il-prezzijiet huma simili u li, f’ċerti każijiet, l-operaturi ż-żgħar kisbu kundizzjonijiet aħjar minn Airtours minkejja li din ta’ l-aħħar irriżervat ħafna iktar iljieli minn dawk l-operaturi ż-żgħar tat-turs.

228    Minn dan isegwi li, fil-każ li qed jiġi eżaminat, l-operaturi ż-żgħar tat-turs għandhom tendenza li jimplementaw kapaċitajiet addizzjonali. Madankollu, l-analiżi tal-possibbiltà tagħhom li jagħmlu dan teħtieġ li jiġi eżaminat b’mod iktar preċiż jekk huma għandhomx aċċess sodisfaċenti għas-swieq tal-postijiet fuq l-ajruplan u aġenziji tal-vjaġġi.

 iii) Fuq l-aċċess ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs għal postijiet fuq l-ajruplan

229    Id-Deċiżjoni tgħid li l-operaturi ż-żgħar tat-turs m’għandhomx aċċess sodisfaċenti għal postijiet fuq l-ajruplan u li t-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista għandu jaggrava din is-sitwazzjoni (Deċiżjoni, premessi 78, 79 u 83 in fine). L-effett tad-daqs żgħir tagħhom huwa li huma ma jistgħux jiksbu l-istess ekonomiji ta’ l-iskala u ta’ firxa bħall-operaturi l-kbar tat-turs. B’hekk, huma ma jkunux jistgħu jiżguraw lil-linja ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani li ser jimlew kompletament l-ajruplan (ħlief, forsi, għal ċerti ġranet matul l-istaġun fejn ikun hemm l-ogħla domanda), u dan iżid ir-riskju, għal-linja ta’ l-ajru, li jkollha tagħmel it-titjira b’rata ta’ tagħbija mhux daqstant sodisfaċenti. Għaldaqstant, il-linja ta’ l-ajru probabbilment tagħti prezz lill-operaturi ż-żgħar li jkun ogħla minn dak li hija toffri lill-operatturi l-kbar, sabiex tkopri dak ir-riskju (Deċiżjoni, premessa 78). Xi operaturi żgħar tat-turs irrimarkaw li diġà għandhom diffikultajiet biex jiksbu postijiet fid-dati mixtieqa (b’mod partikolari fi tmiem il-ġimgħa) u fl-ajruporti l-kbar turistiċi (Gatwick u Manchester). Xi operaturi tat-turs (u linji ta’ l-ajru) indikaw li jeħtiġilhom joffru tluq minn dawn iż-żewġ ajruporti biex ikunu jistgħu jaċċedu għaż-żoni ewlenin fejn tinsab il-klijentela u biex b’hekk joffru kopertura “nazzjonali” kredibbli, u li fin-nuqqas ta’ dan il-prospetti tagħhom li jaqbżu l-istadju ta’ kompetituri żgħar ikunu dgħajfa. (Deċiżjoni, premessa 79).

230    Fil-premessa 80 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tkompli tgħid hekk:

“[L]-operaturi l-kbar tat-turs diġà għandhom saħħa kunsiderevoli fis-suq għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ postijiet fuq l-ajruplan lill-operaturi indipendenti. B’hekk, operatur tat-turs irrimarka li Monarch, l-uniku fornitur kbir tas-settur indipendenti li jifdal wara l-operazzjoni, diġà għandu t-tendenza li l-ewwel jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs, li flimkien jirrappreżentaw iktar minn nofs tal-bejgħ tiegħu lil terzi, qabel ma jikkunsidra x’jista’ joffri lill-indipendenti, u li dan it-trasportatur saħansitra rrifjuta li jeżamina l-programm tas-sena ta’ wara ma’ l-operatur ikkonċernat qabel ma kien irċieva komunikazzjoni dwar il-bżonnijiet ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs.”

231    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, fl-ewwel lok, li mit-tabella 2 tad-Deċiżjoni (premessa 159) li tagħti l-ishma tas-suq tal-fornituri ewlenin ta’ postijiet fuq l-ajruplan lil terzi (informazzjoni li tinkludi l-bejgħ kollu lil terzi, inkluż il-bejgħ lil u bejn l-operaturi l-kbar tat-turs kif ukoll il-bejgħ lill-operaturi ż-żgħar tat-turs) jirriżulta li, ladarba titwettaq l-operazzjoni, Airtours/First Choice tkun f’pożizzjoni li tikkontrolla inqas minn kwart tal-offerta ta’ postijiet fuq l-ajruplan lil terzi u li t-tliet operaturi l-kbar tat-turs flimkien joffru inqas min-nofs, peress li Thomson għandha preżenza ferm limitata f’dan is-suq. Minn dan jirriżulta li l-parti essenzjali tal-ħtiġijiet ta’ terzi għal postijiet fuq l-ajruplan tkun dejjem sodisfatta minn operaturi indipendenti mill-operaturi l-kbar tat-turs. Din is-sitwazzjoni toffri ċerti garanziji lill-operaturi ż-żgħar tat-turs, peress li tnejn biss mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs huma preżenti b’mod sinjifikattiv f’dak is-suq u li t-terzi indipendenti jirrappreżentaw sors importanti ta’ postijiet fuq l-ajruplan.

232    Ebda element ma jwassal għall-konklużjoni li din is-sitwazzjoni ser tinbidel sostanzjalment minħabba l-effetti tal-konċentrazzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, li tibża’ li probabbilment ikun hemm razzjonalizzazzjoni iktar b’saħħitha tal-postijiet fuq l-ajruplan mill-entità amalgamata, komposta mir-rikorrenti u First Choice, u li tkompli taggrava l-problemi ta’ l-operaturi ż-żgħar billi tnaqqas in-numru ta’ postijiet disponibbli. Kif issostni r-rikorrenti, l-amalgamazzjoni ma jkollhiex konsegwenzi negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ postijiet fuq l-ajruplan għal terzi: jekk Airtours u First Choice jieħdu iktar postijiet fuq l-ajruplan fi ħdan il-grupp li jirriżulta mill-konċentrazzjoni (li jwarrab lill-operaturi tat-turs terzi, li attwalment itiru fuq Airtours International u Air 2000), ikun hemm liberalizzazzjoni korrispondenti ta’ postijiet fuq linji ta’ l-ajru terzi li qabel kienu rriżervati minn Airtours u First Choice. Dan ir-raġunament ġie segwit mill-Kummissjoni stess fid-Deċiżjoni tagħha Westdeutsche Landesbank/Carlson/Thomas Cook tat-8 ta’ Marzu 1999 (Każ IV/M.1341) (ĠU C 102, p. 9, punt 36), fejn hija kienet affermat li “inkwantu l-entità kkombinata Thomas Cook tista’ torjenta mill-ġdid l-istrateġija tagħha biex tuża l-kapaċità ta’ linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani fi ħdan il-grupp (pereżempju dik disponibbli fuq Caledonian) minflok ma tixtri kapaċità mingħand terzi, dan jillibera dik il-kapaċità fi ħdan dawn it-terzi u jagħmilha disponibbli għall-klijenti li sa dak iż-żmien kienu jixtru mingħand Flying Colours jew Caledonian”. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda argument konvinċenti li juri li l-loġika sottostanti f’dan ir-raġunament mhijiex valida f’din il-kawża.

233    Bl-istess mod, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessa 80 tad-Deċiżjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti argumentat mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li Monarch xehdet li hija ma tiffavorixxix lill-operaturi l-kbar tat-turs għad-detriment tal-operaturi ż-żgħar u li hija rrikonoxxiet, fil-fatt, li l-amalgamazzjoni Thomas Cook/Carlson żiedet id-dipendenza tagħha fir-rigward ta’ l-operaturi tat-turs terzi li m’għandhomx linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani tagħhom, kif kien ser isir bl-amalgamazzjoni Airtours/First Choice.

234    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, kif argumentat ir-rikorrenti, ix-xhieda ta’ waħda mis-sensara ewlenin ta’ postijiet fuq l-ajruplan, Hunt & Palmer, li l-attività tagħha tikkonsisti fit-tqabbil tal-provvista u d-domanda billi tbiegħ lill-operaturi tat-turs l-kapaċità “li jifdal” li t-trasportaturi ta’ l-ajru jkunu jixtiequ jikkumerċjalizzaw (anness 39 tar-rikors), turi li l-operaturi ż-żgħar tat-turs jistgħu jiksbu postijiet fuq l-ajruplan għal staġun wieħed (jew għal perijodu iqsar) bi tluq fi tmiem il-ġimgħa minn erba’ sorsi: it-trasportaturi ta’ l-ajru barranin, il-linji ta’ l-ajru regolari, it-trasportaturi low-cost u l-linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani indipendenti bbażati fir-Renju Unit. Għandu jiġi ppreċiżat li jeżistu ta’ mill-inqas ħmistax-il sensar indipendenti fir-Renju Unit u li l-Kummissjoni ma kkontestatx din ix-xhieda.

235    L-argumenti li l-Kummissjoni ppreżentat sabiex teskludi l-vijabbiltà ta’ dawn is-sorsi ta’ provvista mhumiex konvinċenti.

236    L-ewwel sors huwa dak tat-trasportaturi ta’ l-ajru barranin ibbażati fl-ajruport tad-destinazzjoni (bħal Spanair, Air Europa jew Futura).

237    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn it-trasportaturi ma joffrux soluzzjoni vijabbli, inkwantu huma għandhom diffikultajiet biex jiksbu slotts tal-ħin suffiċjenti f’ħinijiet adegwati fl-ajruporti Britanniċi ewlenin, b’mod partikolari f’Gatwick. Barra minn hekk, billi l-flotta tagħhom mhijiex ibbażata fl-ajruporti Britanniċi, l-ajruplani jridu jwettqu t-titjira tagħhom lejn ir-Renju Unit filgħodu u t-titjira ta’ ritorn tagħhom filgħaxija u dan ikun jinvolvi, għall-klijenti, titjiriet ta’ tluq filgħaxija u titjiriet ta’ ritorn kmieni filgħodu. Dawn il-ħinijiet inaqqsu b’mod kunsiderevoli t-tul effettiv tal-vaganzi, fatt li mhuwiex apprezzat mill-klijenti. Madankollu, dan l-argument huwa kkuntrarjat mix-xhieda ta’ Hunt & Palmer li tgħid li effettivament jistgħu jsiru rotazzjonijiet minn Gatwick.

238    Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni importanti hawnhekk hija jekk, f’kuntest ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ vaganzi kollox inkluż offruti, l-operaturi ż-żgħar tat-turs jistgħux jiksbu postijiet fuq l-ajruplan addizzjonali f’kundizzjonijiet raġonevoli u mhux jekk dawn jistgħux jiddisponu mill-aħjar ajruporti ta’ tluq u mill-aħjar ħinijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni dehrilha li ma kienx utli li twettaq diviżjoni ulterjuri iktar stretti tas-swieq Britanniċi tal-vaganzi organizzati lejn destinazzjonijiet fil-qrib u tal-provvista lill-operaturi tat-turs ta’ postijiet fuq ajruplani mikrijin, abbażi tal-kriterju, pereżempju, tar-reġjuni jew l-ajruporti ta’ tluq. Għall-kuntrarju, għandu jiġi osservat li fid-Deċiżjoni (premessa 45) l-Kummissjoni kkunsidrat li hemm uniformità relattiva tal-prezzijiet u tal-ispejjeż, li tagħti ’l wieħed x’jifhem li jeżisti livell ta’ koinċidenza suffiċjenti bejn is-swieq reġjonali jew lokali sabiex ikun possibbli li dawn jitqiesu, għall-finijiet ta’ din il-kawża, bħala li jikkostitwixxu suq nazzjonali wieħed mill-perspettiva tad-domanda (jekk wieħed jirraġuna f’termini ta’ “katina ta’ sostituzzjoni”). Il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni (premessa 45), wara li evokat il-fatt li l-klijenti jippreferu jitilqu minn ajruport li jkun eqreb tal-post fejn jgħixu, wara li enfasizzat li, minħabba t-taxxi ta’ l-inżul u fatturi oħrajn konnessi, il-prezzijiet tat-tluq ta’ ċerti ajruporti żgħar reġjonali ta’ spiss ikunu ogħla minn dawk ta’ l-ajruporti l-kbar tal-vaganzi (Gatwick Londra u Manchester) u wara li stmat, madankollu, li s-suppliment iffatturat (jew l-iskont offrut) ġeneralment ikun relattivament żgħir meta mqabbel mal-prezz totali tal-vaganzi, b’mod partikolari jekk titqies l-ispiża supplimentari tal-vjaġġ bit-triq lejn ajruport orħos, iżda iktar imbiegħed. L-istess jgħodd mill-perspettiva tal-provvista, inkwantu l-Kummissjoni tqis (Deċiżjoni, premessa 45) li l-operaturi tat-turs jikkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom fuq skala nazzjonali, mingħajr ma jkunu wisq differenti, la mill-perspettiva tal-prezz u lanqas minn perspettiva oħra, għall-konsumaturi li jgħixu fid-diversi reġjuni. Barra minn hekk, l-operaturi tat-turs u t-trasportaturi ta’ l-ajru jistgħu, b’mod ġenerali, faċilment jittrasferixxu l-ajruplani u t-titjiriet bejn id-diversi ajruporti, ħlief għal Gatwick, fejn id-disponibbiltà hija limitata (Deċiżjoni, premessa 46).

239    Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ajruplani użati mit-trasportaturi ta’ l-ajru barranin ġeneralment ikollhom jagħmlu t-titjira tagħhom lejn ir-Renju Unit filgħodu u t-titjira ta’ ritorn filgħaxija, li huwa ta’ żvantaġġ għall-konsumatur, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument mhuwiex fondat fil-fatti, peress li t-tul medju ta’ titjira lejn destinazzjoni Ewropea huwa ta’ madwar sagħtejn. It-trasportaturi stabbiliti fl-ajruporti ta’ destinazzjoni b’hekk jistgħu jeffettwaw diversi rotazzjonijiet fl-istess ġurnata u jagħmlu, pereżempju, l-ewwel titjira Spanja-Renju Unit u t-tieni titjira Renju-Unit-Spanja filgħodu, u l-ewwel titjira Spanja-Renju Unit u t-tieni titjira Renju Unit-Spanja filgħaxija.

240    Finalment, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti argumentat, matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li t-trasportaturi bbażati fl-ajruporti tad-destinazzjoni pprovdew iktar minn miljun post fl-1998 (l-aħħar sena li għaliha kien hemm informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-Deċiżjoni) għal turisti li xtraw vaganzi kollox inkluż u turisti li xtraw titjiriet “biss” u li n-numru ta’ postijiet ipprovduti mit-trasportaturi bbażati fid-destinazzjoni żdied b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin.

241    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dawn it-trasportaturi jistgħu jissodisfaw rwol importanti jekk l-operaturi ż-żgħar tat-turs jippruvaw iżidu n-numru ta’ vaganzi kollox inkluż jekk tfeġġ l-opportunità.

242    It-tieni sors huwa dak ta’ linji ta’ l-ajru regolari (bħal Debonair, Flightline jew CityFlyer), li r-rati ta’ tagħbija tagħhom tkun baxxa fi tmiem il-ġimgħa minħabba n-nuqqas ta’ vjaġġaturi li jsiefru fuq xogħol.

243    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-postijiet ipprovduti mil-linji ta’ l-ajru regolari jibqgħu fattur marġinali fir-Renju Unit, fejn British Airways tiddedika biss proporzjon żgħir tal-kapaċitajiet tagħha għal dan it-tip ta’ titjiriet. Ir-raġunijiet huma l-prezzijiet iktar għaljin, il-fatt li l-linji ta’ l-ajru regolari ma jużawx titjiriet diretti lejn destinazzjonijiet ta’ vaganzi, in-nuqqas ta’ postijiet disponibbli u r-riġidità tal-ħinijiet.

244    Madankollu, dawn l-elementi mhumiex ta’ tali natura li jikkostitwixxu ostakli sinjifikattivi għall-operaturi ż-żgħar tat-turs li jixtiequ jżidu l-kapaċità tagħhom. F’dak li jirrigwarda d-differenzi fil-prezzijiet, għandu jiġi rrilevat li l-parti rrappreżentata mill-ispejjeż tat-trasport bl-ajru fil-vaganzi kollox inkluż tibqa’ marġinali. Pereżempju, il-prezz f’Awwissu ta’ titjira Liverpool-Malaga fuq EasyJet kien ta’ GBP 108 u dak ta’ titjira Stansted-Malaga fuq Go kien ta’ GBP 140, filwaqt li l-prezzijiet tal-vaganzi kollox inkluż ta’ erbatax-il jum f’Awwissu lejn Marbella fi Spanja kien ta’ GBP 1 598 għal Virgin Holidays, ta’ GBP 1 698 għal Bath Travel u ta’ GBP 1 738 għal Airtours (rikors, anness 8, tabella 2, u anness 40). Il-parti tat-trasport b’hekk tirrappreżenta, fi kwalunkwe każ, inqas minn 10 % tal-prezz tal-vaganzi kollox inkluż. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreżentat tabella (tabella 5 tar-rapport tal-espert ekonomiku, anness 8 tar-rikors) matul il-proċedura amministrattiva fejn hija qabblet il-prezzijiet ta’ titjira regolari u dawk ta’ titjira fuq ajruplan mikri lejn destinazzjonijiet differenti f’dati differenti. Din it-tabella ġiet imħejjija abbażi ta’ informazzjoni miksuba mingħand Panorama, operatur żgħir tat-turs akkwistat reċentement minn Airtours. Wieħed jista’ jassumi li informazzjoni simili tista’ tinkiseb mingħand operaturi żgħar tat-turs oħrajn. Mir-rapport tal-espert ekonomiku jirriżulta li d-differenza fil-prezzijiet tvarja bejn GBP 20 u GBP 30, li fl-aħħar mill-aħħar għandha effett żgħir ħafna fuq il-prezzijiet tal-vaganzi kollox inkluż u b’hekk fuq il-kompetittività ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs li jużaw it-titjiriet regolari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-differenza fil-prezzijiet hija spjegata essenzjalment mill-obbligu li jitħallsu t-taxxi ta’ l-ajruport f’każ ta’ titjiriet regolari.

245    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu proposti mil-linji ta’ l-ajru regolari, b’mod partikolari f’termini ta’ dati u ta’ slotts ta’ ħinijiet, għandu jiġi osservat li tnejn mill-ħames eżempji ċċitati mir-rikorrenti, abbażi ta’ informazzjoni miġbura minn Panorama għall-perijodu ta’ qabel l-akkwist tagħha, juru li huwa possibbli li jinkiseb tluq is-Sibt jew il-Ħadd. Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni ta’ Hunt & Palmer turi li l-għan aħħari tal-ħidma tas-sensar tal-postijiet fuq l-ajruplan huwa preċiżament il-kapaċità tiegħu li jsib titjiriet li jitilqu fi tmiem il-ġimgħa. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni stess (nota ta’ qiegħ il-paġna 38) jirriżulta li British Airways toffri ċerti titjiriet fuq ajruplani mikrija kompluti minn ajruporti Britanniċi reġjonali fi tmiem il-ġimgħa billi tuża l-ajruplani li hija ma jkollhiex bżonn għat-titjiriet regolari tagħha f’dak il-mument. Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-ajruporti ta’ tluq, għandha ssir referenza għal dak li ġie deċiż preċedentement fir-rigward tat-trasportaturi ta’ l-ajru barranin. Finalment, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-fatt li tinxtara biss parti mill-postijiet ta’ ajruplan u mhux il-postijiet kollha tikkostitwixxix żvantaġġ sinjifikattiv, għandu jiġi rrilevat li l-eżempji li r-rikorrenti pprovdiet tal-prezzijiet offruti mis-sensara juru li d-differenza fil-prezzijiet hija minima (inqas minn 10 %) u li l-prezz ta’ post akkwistat fil-kuntest tax-xiri ta’ parti biss tal-postijiet fuq ajruplan jista’ jirriżulta orħos mill-prezz ta’ post akkwistat fil-kuntest tax-xiri tal-postijiiet kollha fuq ajruplan (ara r-rapport tal-professur Neven fl-anness 8 tar-rikors).

246    Fir-rigward tan-numru limitat ta’ destinazzjonijiet moqdija mil-linji tal-ajru regolari, għandu jiġi rrilevat li minbarra d-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin fi Spanja, il-linji ta’ l-ajru regolari li għalihom tirreferi r-rikorrenti jservu wkoll n-nofsinhar ta’ Franza u l-Italja. Fi kwalunkwe każ, jidher li t-trasportaturi ta’ l-ajru barranin jistgħu jikkumpensaw, jekk ikun il-każ, għan-nuqqas ta’ servizz lejn destinazzjonijiet oħrajn mil-linji ta’ l-ajru regolari.

247    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-linji ta’ l-ajru regolari jistgħu jintużaw mill-operaturi ż-żgħar tat-turs biex iżidu b’mod effettiv il-kapaċità tagħhom sabiex jaġixxu kontra restrizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-operaturi ewlenin tat-turs.

248    It-tielet sors huwa dak tat-trasportaturi low-cost (bħal Ryanair jew Go), li l-kapaċitajiet tagħhom żdiedu ħafna matul dawn l-aħħar snin u li saħansitra jinsabu f’pożizzjoni li joffru servizzi adattati għal ħtiġijiet partikolari. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pprovdiet mappa li turi d-destinazzjonijiet ewlenin moqdija minn trasportaturi low-cost (rikors, anness 40), li minnha jirriżulta li d-destinazzjonijiet ewlenin tal-kosta Mediterranja Spanjola huma moqdija minn, minn ta’ l-inqas, kumpannija waħda, jew ta’ spiss minn tnejn jew saħansitra tlieta: Barċellona (mill-ajruport ta’ Luton minn Debonair, mill-ajruport ta’ Liverpool minn EasyJet, mill-ajruport ta’ Gatwick minn AB Airlines); Palma (mill-ajruport ta’ Luton minn EasyJet, mill-ajruport ta’ Stansted minn Go); Ibiża (mill-ajruport ta’ Stansted minn Go); Alicante (mill-ajruport ta’ Stansted minn Go) u Malaga (mill-ajruport ta’ Liverpool minn EasyJet, mill-ajruport ta’ Stansted minn Go).

249    Ir-raba’ sors huwa dak tal-kumpanniji li jikru l-ajruplani indipendenti bbażati fir-Renju Unit (bħal Monarch, iżda wkoll European Air Charter, British World jew Titan), li jużaw ukoll ajruplani żgħar bi spejjeż operattivi baxxi. Peress li dawn jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-provvista disponibbli fis-suq għall-forniment ta’ postijiet lil terzi fuq titjiriet fuq ajruplani mikrija (ara t-tabella 2 tad-Deċiżjoni, premessa 159), għandu jiġi konkluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, dawn il-kumpanniji għandhom kapaċità suffiċjenti biex jikkostitwixxu sors ta’ provvista kredibbli għall-operaturi ż-żgħar tat-turs.

250    Finalment, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li, għall-operaturi tat-turs integrati, huwa essenzjali li dawn jimlew sal-massimu possibbli l-ajruplani tagħhom jekk iridu jiżguraw il-vijabbiltà tal-attività tagħhom. Peress li l-flotot tagħhom huma parti ferm importanti tal-ispejjeż fissi tagħhom, il-linji ta’ l-ajru ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs ikollhom tentazzjoni li joffru lill-operaturi ż-żgħar tat-turs il-postijiet li jibqgħu vojta fil-każ fejn, kif issemmi l-Kummissjoni, ikun hemm tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċità min-naħa tal-operaturi l-kbar tat-turs.

251    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-operaturi ż-żgħar tat-turs m’għandhomx aċċess għall-postijiet fuq l-ajruplan f’kundizzjonijiet sodisfaċenti sabiex jippruvaw iżidu l-kapaċità tagħhom biex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet maħluqa minn nuqqas ta’ prodotti li jinħoloq fil-kuntest antikompetittiv previst minnha f’każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-operazzjoni.

 iv) Fuq l-aċċess ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs għad-distribuzzjoni

252    Il-Kummissjoni ssemmi, fil-premessi 81 u 82 tad-Deċiżjoni, ċerti diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-operaturi ż-żgħar tat-turs, bħall-kundizzjonijiet diskriminatorji li huma jbatu fi ħdan l-operaturi l-kbar tat-turs integrati għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ kummissjoni, il-bejgħ preferenzjali tal-prodotti ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-preżentazzjoni ta’ brochures u l-promozzjonijiet, diffikultajiet li jipprekluduhom milli jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva fir-rigward ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs.

253    Ir-rikorrenti tikkritika l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-integrazzjoni vertikali ta’ l-operaturi ewlenin tat-turs naqqset l-aċċess għad-distribuzzjoni, peress li, fil-fehma tagħha, integrazzjoni vertikali tipproduċi effett eliminatorju inaċċettabbli biss jekk tkun teżisti setgħa orizzontali fis-suq fil-livell tad-distribuzzjoni, li mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

254    Il-Kummissjoni targumenta li l-operaturi l-kbar tat-turs jikkontrollaw il-ktajjen nazzjonali l-kbar kollha ta’ aġenziji tal-vjaġġi u l-biċċa l-kbira tal-punti ta’ bejgħ. F’dawn l-aġenziji, l-operaturi l-oħrajn huma suġġetti għal bejgħ preferenzjali, jiġifieri trattament favorevoli mogħti lill-prodotti tal-kumpannija prinċipali, u dan jikkostitwixxi ostakolu maġġuri għall-aċċess għas-suq u għat-tkabbir ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs. F’dak li jirrigwarda l-kanali l-oħrajn ta’ distribuzzjoni bħalma hi d-distribuzzjoni permezz ta’ ċentri telefoniċi jew l-Internet, il-Kummissjoni ssostni li dawn għadhom ma jikkostitwixxux sostituti vijabbli għall-aġenziji tal-vjaġġi, kif jixhdu l-isforzi ta’ l-operaturi ewlenin, fosthom First Choice, biex jistabbilixxu jew jakkwistaw ktajjen ta’ aġenziji tal-vjaġġi.

255    Għandu jitfakkar li l-kwistjoni hawnhekk mhijiex id-daqs meħtieġ biex operatur ikun jista’ jikkompeti għall-pożizzjoni ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs, iżda jekk, fil-kuntest antikompetittiv previst mill-Kummissjoni, l-operaturi ż-żgħar tat-turs li diġà jeżistu fis-suq jistax ikollhom aċċess f’kundizzjonijiet sodisfaċenti għas-suq tad-distribuzzjoni u jbiegħu lill-konsumaturi kwantitajiet akbar tal-vaganzi tagħhom kollox inkluż. Minn sempliċi analiżi tad-Deċiżjoni jirriżulta li, kif issostni r-rikorrenti, dan huwa l-każ.

256    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif irrimarkat il-Kummissjoni fil-premessa 32 tad-Deċiżjoni, il-konċentrazzjoni m’għandhiex twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-settur kollu tas-servizzi ta’ aġenti tal-ivjaġġar, kemm jekk wieħed jinkludi jew le l-bejgħ dirett tal-vaganzi kollox inkluż mill-operaturi tat-turs jew il-bejgħ minn distanza (jiġifieri bit-telefon), peress li s-sehem globali tal-partijiet fis-suq tas-servizzi ta’ aġenti tal-ivjaġġar, f’termini tan-numru ta’ punti tal-bejgħ, huwa żgħir (madwar 15 %).

257    Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni (premessa 81) jirriżulta li kważi 40 % tal-vaganzi kollox inkluż kollha f’pajjiżi barranin mibjugħa permezz ta’ aġenziji tal-vjaġġi jinbiegħu permezz ta’ aġenziji indipendenti. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet (premessa 31) li jeżistu metodi oħrajn ta’ distribuzzjoni u li dawn jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw bis-sħiħ, bħall-bejgħ dirett bit-telefon jew bl-Internet, li diġà jirrappreżentaw madwar 20 % tal-bejgħ totali ta’ vjaġġi kollox inkluż, u dan iżid il-possibbiltajiet li, fil-kuntest ta’ provvista ristretta, l-operaturi ż-żgħar tat-turs jiddistribwixxu b’mod effikaċi l-prodotti tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li Direct Holidays (operatur tat-turs indipendenti akkwistat minn Airtours), li jbiegħ il-vaganzi tiegħu kollha b’mezzi diretti, kellu żieda sinjifikattiva matul il-perijodu 1995-1996 (perijodu li matulu l-operaturi l-kbar tat-turs kellhom diffikultajiet finanzjarji) (rikors, punt 9.18). Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti enfasizzat (rikors, punt 9.19) mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li, matul il-proċedura amministrattiva, din ta’ l-aħħar irċeviet, mingħand terzi, ix-xhieda segwenti dwar il-bejgħ dirett bħala aċċess vijabbli għas-suq, (iċċitata fil-punt 3.57 tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fl-anness 7 tar-rikors):

–        Thomas Cook indikat dan li ġej: “[I]t-tendenza attwali titbiegħed mill-metodi tradizzjonali ta’ kif jiġu rriżervati l-vaganzi permezz ta’ aġenzija tal-vjaġġi in persuna. Il-British National Travel Survey Report juri li r-riżervazzjonijiet indiretti żdiedu wara t-tmiem tas-snin 80, u għaddew minn 29 % tar-riżervazzjonijiet totali fl-1992 [...] għal 34 % fl-1998”;

–        Thomson esprimiet l-opinjoni li “in-numru ta’ konsumaturi li jirriżervaw vaganzi b’metodi ta’ xiri diretti mhux tradizzjonali qed jikber, l-istess bħalma qed tikber il-proporzjon ta’ konsumaturi li jikkunsidraw ix-xiri dirett bħala alternattiva għar-riżervazzjoni permezz ta’ aġenzija tal-vjaġġi tradizzjonali stabbilita fi triq kummerċjali”;

–        Virgin Holidays iddikjarat: “Bħala operatur tat-turs, aħna m’għandniex katina ta’ distribuzzjoni. Abbażi tal-bejgħ tagħna, aħna kkonstatajna żieda notevoli fin-numru ta’ vaganzi mixtrija permezz ta’ ‛call centres’. Aħna kkonstatajna wkoll żieda fin-numru ta’ vjaġġi mixtrija permezz ta’ aġenziji teletext.”

258    Fir-rigward tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-operaturi ż-żgħar tat-turs (imsemmija fil-premessi 81 u 82 tad-Deċiżjoni), anki jekk ir-realtà u l-legalità tal-prattiċi in kwistjoni jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jillimitawx b’mod sinjifikattiv il-possibbiltà ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs li japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet offruti mis-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità li l-Kummissjoni tipprevedi jekk il-konċentrazzjoni sseħħ. F’tali sitwazzjoni, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-aspettattivi tal-konsumaturi u tal-ħtieġa li jiġi mmassimizzat id-dħul, l-aġenziji tal-vjaġġi ma jistgħux joqogħdu lura milli joffru f’kundizzjonijiet raġonevoli l-prodotti ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs, anki jekk l-operaturi tat-turs integrati vertikalment l-ewwel joffru l-prodotti tal-grupp iktar milli l-prodotti tal-kompetituri.

259    Fi kwalunkwe każ, inkwantu kważi 40 % tat-total tal-vaganzi kollox inkluż ma jinbiegħx fl-aġenziji kkontrollati mill-operaturi l-kbar tat-turs, l-operaturi ż-żgħar tat-turs għandu jkollhom aċċess għad-distribuzzjoni f’kundizzjonijiet sodisfaċenti biex ibiegħu l-kapaċità li huma jżidu fl-ipoteżi fejn l-operaturi ewlenin tat-turs jiddeċiedu li jillimitaw il-kapaċità għal taħt il-livell kompetittiv.

260    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-operaturi ż-żgħar tat-turs ma jkollhomx aċċess għad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom lill-konsumaturi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti biex iżidu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tagħhom sabiex japprofittaw ruħhom min-nuqqas ta’ prodotti li għandu jkun hemm, skond il-Kummissjoni, fil-każ li l-operazzjoni tiġi awtorizzata.

261    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ssottovalutat il-possibbiltajiet għall-operaturi ż-żgħar tat-turs li jżidu l-kapaċità tagħhom biex japprofittaw mill-opportunitajiet offruti minn sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità globali kkawżata mill-operaturi l-kbar tat-turs u, b’hekk, li jaġixxu kontra l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva wara li sseħħ il-konċentrazzjoni nnotifikata.

b)     Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-kompetituri potenzjali: l-operaturi tat-turs l-oħrajn

262    Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fl-ipoteżi li l-operaturi l-kbar tat-turs jillimitaw il-kapaċità mqiegħda fis-suq għal livell antikompetittiv, l-operaturi tat-turs preżenti f’pajjiżi oħrajn tal-Komunità jew fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin imbiegħda jkunux jistgħu jidħlu fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib.

263    Għandhom jiġu mfakkra t-termini li l-MMC użat fir-rapport tagħha tal-1997:

“[L]-operaturi jiġu u jmorru. Mhemmx ostakli sinjifikattivi għad-dħul fis-suq ta’ l-operaturi tat-turs jew fis-suq ta’ l-aġenziji tal-vjaġġi” [punt 1.6] u “[...] jekk il-prezzijiet ta’ tip ta’ vaganzi jew ta’ vaganzi bi tluq minn ajruport partikolari jew f’dati partikolari tas-sena jsiru eċċessivi, l-operaturi tat-turs iressqu n-negozju tagħhom f’dawk l-oqsma u joffru prezzijiet orħos.” (Punt 4.15.)

264    Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 114 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tammetti, minn naħa, li pożizzjoni dominanti kollettiva ma tistax tinżamm fit-tul jekk l-ostakli għall-aċċess għas-suq ta’ l-organizzazzjoni tal-vjaġġi, ta’ l-operat ta’ linji ta’ l-ajru li jikru l-ajruplani u ta’ aġenziji tal-vjaġġi ma jkunux sinjifikattivi u, min-naħa l-oħra, li r-rapport tal-1997 tal-MMC jikkorrobora għal kollox l-opinjoni tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ ostakli għall-aċċess għas-suq in kwistjoni.

265    Fil-premessa 115 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu tirrileva, li wara t-tfassil tar-rapport tal-1997 mill-MMC, kien hemm konċentrazzjoni kunsiderevoli fis-settur u hija tal-fehma li issa l-ostakli għall-aċċess għas-suq huma iktar sostanzjali (għandhom “effett iktar qawwi”) u li dawn ser ikomplu jissaħħu jekk l-operazzjoni prevista sseħħ. Il-Kummissjoni mbagħad issostni:

“Biex titneħħa t-theddida ta’ pożizzjoni dominanti, huwa evidenti li l-aċċess għas-suq m’għandux ikun sempliċement possibbli. Kull dħul fis-suq għandu wkoll, inter alia, ikun vijabbli, u dan jippresupponi, f’suq bħal dak in kwistjoni f’din id-Deċiżjoni, fejn id-daqs huwa fattur importanti, li l-impriża għandu jkollha jew għandha takkwista malajr daqs suffiċjenti biex tkun tista’ tikkompeti b’mod effettiv kontra l-fornituri dominanti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-iżvilupp mhuwiex probabbli f’din il-kawża.”

266    Madankollu għandu jitfakkar li, bl-istess mod bħal fil-każ tal-kompetituri attwali, il-fattur importanti f’dan ir-rigward mhuwiex jekk il-kompetituri potenzjali għandhomx il-possibbiltà li jakkwistaw daqs suffiċjenti biex jikkompetu fuq l-istess livell ma’ l-operaturi l-kbar tat-turs, iżda sempliċement jekk dawn il-kompetituri għandhomx il-possibbiltà li japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet offruti mir-restrizzjoni taħt livell kompettitiv tal-kapaċità mqiegħda fis-suq in kwistjoni mill-operaturi l-kbar tat-turs. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tallega li, għas-sempliċi fatt li jkun diffiċli għalihom li jiżviluppaw iktar minn ċertu daqs, l-operaturi tat-turs li joffru prodotti oħrajn (bħal vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin imbiegħda) jew li joperaw f’pajjiżi oħrajn (bħall-Ġermanja jew l-Olanda) ma jistgħux jidħlu b’mod effettiv u malajr fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin fil-qrib f’każ fejn l-operaturi l-kbar tat-turs jiddeċiedu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li operaturi tat-turs oħrajn ta’ daqs kunsiderevoli preżenti fl-Ewropa, bħal Neckermann u TUI, jissemmew mir-rikorrenti bħala kompetituri potenzjali li jistgħu jidħlu malajr fir-Renju Unit f’każ ta’ restrizzjoni tal-kapaċità jew żieda fil-prezzijiet.

267    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni ma teżaminax x’inhi s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-livell ta’ l-akkomodazzjoni għal-vaganzi, minkejja li l-provvista tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni hija ferm importanti biex tkun tista’ tinftiehem id-dinamika tas-suq in kwistjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-possibbiltà li l-membri ta’ l-allegata oligopolija dominanti jaġixxu indipendentement mil-lukandi tad-destinazzjonijiet fil-qrib u, min-naħa l-oħra, u bħala konsegwenza, il-possibbiltà li l-kompetituri attwali u potenzjali jirreaġixxu għal tnaqqis eventwali fil-kapaċità proposta mill-operaturi l-kbar tat-turs. Huwa improbabbli li s-sodod tal-lukandi li jkunu ġew liberati wara l-limitazzjonijiet fil-kapaċità deċiżi mill-operaturi l-kbar tat-turs ma jkunux irriżervati immedjatament minn operaturi tat-turs oħrajn, inkwantu diversi dokumenti u dikjarazzjonijiet sottomessi minnhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva juru r-rieda tagħhom li jiksbu tali kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni (ara, pereżempju, l-ittra ta’ Virgin Sun imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 224).

268    B’hekk, kull operatur kbir tat-turs għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji inerenti fir-reazzjoni tal-lukandi għal tnaqqis sinjifikattiv fir-riżervazzjonijiet ta’ sodod li fir-realtà ma jkunx dovut għal tnaqqis fid-domanda iżda għal deċiżjoni ta’ restrizzjoni għal finijiet antikompetittivi. L-operaturi l-kbar tat-turs għalhekk jistgħu, għall-istaġun suċċessiv, jaffaċaw diffikultajiet fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ sodod f’kundizzjonijiet u kwantitajiet sodisfaċenti.

269    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni eżaminat l-ostakli għall-iżvilupp lil hinn minn ċertu daqs tas-suq, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni, kif hija kellha tagħmel, il-fatt li n-nuqqas ta’ ostakli għall-aċċess għas-suq għandu jippermetti lill-kompetituri potenzjali li jaċċedu għas-suq in kwistjoni biex joffru l-prodotti tagħhom u, b’hekk, li jintervjenu b’mod effettiv u rapidu fil-każ li tfeġġ sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità wara li jkun hemm allinjament ta’ l-istrateġiji ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs fir-rigward tal-kapaċità.

c)     Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-konsumaturi

270    Sabiex jiġi pprovat li l-oligopolija li tirriżulta mill-operazzjoni jkollha l-possibbiltà li taġixxi indipendentement mill-konsumaturi għandha tingħata risposta għall-kwistjoni dwar xi tkun ir-reazzjoni tal-konsumaturi Britanniċi u li jiġi ddeterminat jekk huma jkunux lesti li jfittxu alternattivi oħra jekk il-prezzijiet tal-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib ikollhom jiżdiedu b’mod sinjifikattiv jew jekk ikunx hemm nuqqas ta’ vaganzi kollox inkluż lejn tali destinazzjonijiet.

271    Fil-premessa 124 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tispjega li l-konsumaturi m’għandhom ebda saħħa ta’ xiri u li, meta dan jitqies flimkien ma’ elementi oħra tas-suq, huma jista’ jkollhom diffikultajiet biex iqabblu l-prodotti kompetituri abbażi ta’ l-informazzjoni limitata disponibbli fil-brochures ta’ l-operaturi tat-turs, u dan jirrestrinġi l-possibbiltà li l-konsumatur jikkoreġi kull aspett antikompetittiv tal-provvista.

272    Skond ir-rikorrenti, diversi studji tas-suq juru li l-maġġoranza tat-turisti jmorru f’iktar minn aġenzija tal-vjaġġi waħda qabel ma jagħżlu l-vaganza tagħhom u li, għal 85 % minnhom, il-prezz huwa l-iktar fattur importanti fid-deċiżjoni tagħhom ta’ xiri. Il-konsumaturi individwali b’hekk huma kapaċi “jivvotaw b’saqajhom” u li jfittxu l-inqas vaganzi għaljin, biex b’hekk l-operatur tat-turs ikollu inċentiv li jiffissa l-prezzijiet tiegħu b’mod kompetittiv.

273    Skond il-Kummissjoni, huwa żbaljat jekk jiġi asserit li, f’suq ta’ prodotti tal-konsum bħal dak tal-vaganzi kollox inkluż, il-konsumaturi għandhom xi saħħa ta’ xiri kumpensatorja u sinjifikattiva.

274    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-konsumaturi ma jirrappreżentawx saħħa ta’ xiri sinjifikattiva minħabba li jinsabu sparpaljati m’għandux jiġi konfuż mal-kwistjoni dwar jekk dawn jistgħux jirreaġixxu għaż-żieda fil-prezzijiet ikkawżata minn limitazzjoni tal-kapaċità mqiegħda fis-suq f’livell antikompetittiv. Kif issostni r-rikorrenti, huwa paċifiku li l-konsumaturi jqabblu qabel ma jixtru vaganzi. Barra minn hekk, fil-premessa 98 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess tammetti li “l-konsumaturi huma sensittivi għal differenzi relattivament żgħar fil-prezzijiet ta’ vaganzi simili”.

275    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssottovalutat ir-rwol li jista’ jkollhom il-konsumaturi Britanniċi, peress li dawn jistgħu jfittxu li jiksbu prezzijiet aħjar mingħand l-operaturi ż-żgħar tat-turs.

276    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ġie rrilevat li għalkemm il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li s-suq ta’ prodotti in kwistjoni għandu jiġi ddefinit b’mod strett, hija madankollu ma poġġietx f’dubju l-fatt li l-vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet barranin imbiegħda qed isiru dejjem iktar attraenti għall-konsumaturi, u lanqas li l-istudji tas-suq invokati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (anness 7 tar-rikors: rapport tal-British National Travel Survey u ta’ Mintel Holidays: the booking procedure, 1997) jenfasizzaw it-tendenza tal-Britanniċi li jwessgħu l-firxa ġeografika tad-destinazzjonijiet tagħhom għall-vaganzi b’mod partikolari lejn in-naħa l-oħra ta’ l-Atlantiku. Din iċ-ċirkustanza ssaħħaħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa possibbli li d-domanda tista’ xxaqleb parzjalment lejn tipi oħrajn ta’ vaganzi jekk il-prezzijiet joqorbu lejn xulxin b’mod suffiċjenti, inkwantu l-istudji in kwistjoni juru b’mod ċar tendenza evoluttiva tal-gosti tal-konsumaturi, li ma jidhrux li huma mwaħħlin ma’ l-idea li l-kosta tal-Mediterran hija l-unika destinazzjoni għal vaganza.

d)     Konklużjoni

277    Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett ir-reazzjoni prevedibbli ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs, tal-kompetituri potenzjali, tal-konsumaturi u tal-lukandiera u li hija ssottovalutat l-imsemmija reazzjonijiet bħala kontropiż li jista’ jaġixxi kontra l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

5.     Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni

278    Il-Kummissjoni tippreżenta l-evalwazzjonijiet tagħha dwar l-effett tal-operazzjoni nnotifikata fil-premessi 139 sa 147 tad-Deċiżjoni.

279    Fl-ewwel lok (premessa 139), hija targumenta li r-riżultat ta’ l-operazzjoni għandu jkun konċentrazzjoni akbar inkwantu s-sehem tas-suq akkumulat tat-tliet operaturi ewlenin tat-turs jiżdied sostanzjalment: 83 % skond il-kalkoli tal-Kummissjoni (85 % skond Nielsen), meta mqabbel mas-sehem attwali ta’ madwar 70 % (għal Airtours, Thomson u Thomas Cook). Barra minn hekk, ir-raba’ operatur (Cosmos) ikollu inqas minn 5 %, filwaqt li l-operatur li attwalment jokkupa dak il-post (First Choice) għandu 11 %. Madankollu, mill-premessi 139 sa 147 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li ż-żieda ta’ l-ishma tas-suq tilħaq perċentwal għolja (iktar minn 80 %) bħala suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

280    B’hekk, fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet (fil-premessi 140 u 141 tad-Deċiżjoni) li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għall-eliminazzjoni ta’ First Choice bħala fornitriċi/distributriċi għall-operaturi sekondarji, u dan għandu jwassal sabiex l-operaturi ż-żgħar tat-turs indipendenti u mhux integrati jkomplu jiġu emarġinati. Madankollu, għandu jiġu ppreċiżat, meta tiġi eżaminata l-probabbiltà tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, li l-evalwazzjoni ta’ l-impatt prevedibbli ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetituri l-oħrajn fis-suq għandha tiddetermina jekk dawn ta’ l-aħħar humiex jew le f’pożizzjoni li jaġixxu kontra l-istabbiltà ta’ l-allegata oligopolija dominanti. Ġie deċiż li l-Kummissjoni ma stabbilixietx li huma ma jistgħux jagħmlu dan.

281    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni (Deċiżjoni, premessi 142 sa 147) li l-operazzjoni twassal għal żieda fit-trasparenza u fil-grad ta’ interdipendenza bejn l-operaturi l-kbar tat-turs. Fil-premessa 143 tad-Deċiżjoni, hija tqis li l-fatt li l-konċentrazzjoni tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ relazzjonijiet kuntrattwali possibbli bejn l-operaturi l-kbar tat-turs, billi tnaqqashom minn sitta għal tlieta, isaħħaħ b’mod sinjifikattiv l-interdipendenza tal-membri ta’ l-oligopolija, u dan għandu jinċentivahom saħansitra iktar sabiex jirrestrinġu l-kapaċitajiet, għaliex ikun ferm iktar ċar għalihom li jekk jikkompetu biex jakkwistaw ishma tas-suq dan ikun ifisser tnaqqis fil-profitti għal kull wieħed minnhom. L-emarġinazzjoni ulterjuri ta’ l-operaturi tat-turs sekondarji ssaħħaħ il-probabbiltà ta’ tali xenarju. Fil-premessa 144, hija tirrimarka li dan it-tnaqqis fin-numru tar-relazzjonijiet bilaterali ta’ kompetizzjoni u ta’ kooperazzjoni għandu jżid ukoll it-trasparenza fis-suq, għaliex isir ferm iktar faċli għal wieħed mill-operaturi l-kbar li jinduna bi kwalunkwe tentattiv ta’ destabilizzazzjoni tas-suq bil-għan, per eżempju, li jintrebħu ishma tas-suq. Minħabba din it-trasparenza akbar, ikun hemm riskju akbar li azzjonijiet kummerċjali offensivi jkollhom il-konsegwenza li joħolqu provvista eċċessiva fis-suq li tirriżulta fi tnaqqis tal-profitti u b’hekk tkun kontroproduttiva.

282    Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni (Deċiżjoni, premessa 147) li l-istruttura tas-suq li tirriżulta mill-operazzjoni għandha loġikament tinċentiva lill-membri ta’ l-oligopolija li jirrestrinġu l-provvista.

283    Madankollu, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-livell ta’ trasparenza tas-suq prevedibbli wara l-operazzjoni, li ġie deċiż li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-grad ta’ transparenza eżistenti f’dan is-suq kien biżżejjed biex jippermetti li kull operatur kbir tat-turs ikun jaf il-komportament ta’ l-oħrajn, li jinduna b’eventwali devjazzjonijiet mil-linja ta’ azzjoni komuni u li jinterpreta r-reazzjonijiet ta’ ritaljazzjoni bħala tali. Il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-bidla minn erba’ operaturi kbar tat-turs għal tlieta kienet ser twassal għal sitwazzjoni differenti. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li ser ikun hemm ċerta żieda fit-trasparenza fis-suq wara t-tnaqqis, minn sitta għal tlieta, fin-numru ta’ relazzjonijiet bilaterali ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi l-kbar tat-turs, xorta jibqa’ l-fatt li kull wieħed mit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal jibqa’ jaffaċja l-istess diffikultajiet biex jipprevedi fi żmien utli l-intenzjonijiet rispettivi ta’ kull wieħed mit-tnejn l-oħrajn u biex jinterpreta l-azzjonijiet devjanti tagħhom bħala tali.

284    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni li tgħid li l-operazzjoni għandha ssaħħaħ b’mod sinjifikattiv l-interdipendenza ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet inkonsistenza meta fl-istess ħin argumentat, minn naħa, li f’dan is-suq huwa neċessarju li wieħed jintegra ruħu vertikalment sabiex ikunu ġenwinament kompetittivi u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li kull operatur tat-turs integrat ibiegħ postijiet fuq ajruplani mikrija lill-oħrajn fis-suq upstream u jbiegħ il-vaganzi kollox inkluż tal-oħrajn fis-suq downstream għandu effetti antikompetittivi inkwantu dan isaħħaħ l-interdipendenza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, għandu jiġi preżunt, skond il-loġika tal-funzjonament ta’ dan is-suq, li l-integrazzjoni vertikali ssaħħaħ l-indipendenza ta’ kull operatur kbir tat-turs minn operatur kbir ieħor u b’hekk tnaqqas l-interdipendenza tagħhom.

285    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn dak li hija tikkunsidra bħala rabtiet kummerċjali (xiri ta’ postijiet fuq l-ajruplan mingħand ħaddieħor u bejgħ tal-prodotti proprji fl-aġenziji ta’ l-oħrajn) jistgħu jiġu spjegati biss f’termini ta’ rabtiet ekonomiċi b’saħħithom li jgħaqqdu lill-operaturi l-kbar (Deċiżjoni, premessa 142) u ma jistgħux jiġu spjegati sempliċement abbażi tal-fatt li huwa profittabbli li jinżammu dawn ir-rabtiet f’kuntest kompetittiv, fid-dawl tal-fatt li l-operaturi l-kbar tat-turs jikkostitwixxu gruppi ekonomiċi ferm stabbiliti f’diversi swieq ta’ dan is-settur, u li huwa fl-interess tagħhom li jkunu profittabbli u li jiksbu qligħ massimu f’dawn is-swieq kollha.

286    Fil-fatt, id-Deċiżjoni mhijiex espliċita dwar ir-rabtiet ekonomiċi b’saħħithom li jgħaqqdu lill-operaturi l-kbar u l-mod kif dawn isaħħu l-interdipendenza ta’ l-operaturi tat-turs integrati. Fil-premessa 57 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tafferma li “l-firxa u n-natura ta’ l-integrazzjoni vertikali tal-fornituri ewlenin [u] [l]-konnessjonijiet kummerċjali u ta’ xorta oħra estiżi li jeżistu bejniethom” huma fost il-karatteristiċi distintivi, fuq il-livell tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, tas-suq tal-prodotti in kwistjoni. Sussegwentement, fil-premessa 71, id-Deċiżjoni tippreċiża daqsxejn iktar in-natura tal-konnessjonijiet in kwistjoni; din tenfasizza l-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ konnessjonijiet kummerċjali bejn il-kumpanniji integrati, dovuti parzjalment għall-integrazzjoni vertikali tagħhom, downstream, permezz ta’ l-użu tal-ktajjen rispettivi tagħhom ta’ aġenziji tal-vjaġġi u, upstream, għall-fatt li l-kumpanniji integrati jaqsmu, sa ċertu grad, kapaċitajiet fir-rigward tal-postijiet fuq l-ajruplan, kemm permezz ta’ xiri dirett bejniethom kif ukoll permezz ta’ skambji u ta’ ftehim ta’ raggruppament li jippermettulhom li jimmassimizzaw l-użu tal-flotot rispettivi tagħhom. Sussegwentement, fil-premessi 102 sa 113, il-Kummissjoni tesponi serje ta’ kunsiderazzjonijiet taħt it-titolu “Trasparenza, interdipendenza u konnessjonijiet kummerċjali”. Dawn il-punti huma ddedikati għall-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni tal-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq, li, f’dan ir-rigward, tafferma li l-integrazzjoni vertikali u l-konnessjonijiet kummerċjali li l-fornituri ewlenin għandhom bejniethom jgħinuhom jiksbu estimi preċiżi u aġġornati tas-sehem tagħhom tas-suq u ta’ dak tal-kompetituri tagħhom. Madankollu, dawn il-punti la jagħtu r-raġunijiet għalfejn l-operaturi tat-turs integrati huma interdipendenti u lanqas ma jesponu x’inhuma l-effetti tal-konnessjonijiet kummerċjali li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali u l-mod ta’ kif jiffunzjona s-suq f’dan ir-rigward, ħlief għall-fatt li hemm żieda fit-trasparenza.

287    Sussegwentement, fil-premessa 142, fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-operazzjoni, il-Kummissjoni tafferma li diġà jeżisti ċertu grad ta’ dipendenza reċiproka bejn l-operaturi tat-turs, marbuta ma’ l-effett, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, tal-kwantità totali tal-kapaċitajiet ikkummerċjalizzati matul staġun. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li “rabtiet ekonomiċi b’saħħithom b’hekk jgħaqqdu lill-operaturi l-kbar”. Madankollu, it-tip ta’ rabtiet ekonomiċi msemmi f’din is-silta mhuwiex spjegat u d-Deċiżjoni ma tippreċiżax x’inhuma rabtiet ekonomiċi b’saħħithom. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li f’din is-silta hija qed tirreferi għar-rabtiet kummerċjali li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali (jiġifieri mill-fatt li jinxtraw il-postijiet fuq l-ajruplani ta’ l-oħrajn u li jinbiegħu l-vaganzi ta’ l-oħrajn).

288    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx, fis-sitwazzjoni ta’ qabel il-konċentrazzjoni, sa liema grad ir-rabtiet kummerċjali riżultanti mill-integrazzjoni vertikali u mill-mod ta’ funzjonament tas-suq isaħħu l-interdipendenza ta’ l-operaturi tat-turs integrati, ħlief biex tindika li dawn iżidu l-livell ta’ trasparenza eżistenti f’dan is-suq.

289    Fin-nuqqas ta’ analiżi tal-Kummissjoni li turi l-kuntrarju, għandu jiġi preżunt li, fiċ-ċirkustanzi tas-suq in kwistjoni qabel il-konċentrazzjoni, il-fatt li kull operatur tat-turs integrat jixtri postijiet fuq l-ajruplan u jbiegħ il-prodotti tiegħu fil-kumpanniji ta’ kompetitur la jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ interdipendenza u lanqas ta’ indipendenza. Jidher li din iċ-ċirkustanza tiddependi sempliċement fuq il-funzjonament normali ta’ l-ekonomija, fejn in-negozju huwa prevalenti u fejn l-operaturi tat-turs integrati jridu jippruvaw japprofittaw sal-massimu mill-kapaċitajiet u l-opportunitajiet tan-negozju, f’settur bi spejjeż fissi ferm għoljin u marġnijiet ta’ qligħ baxxi. Kif tindika d-Deċiżjoni, l-operaturi tat-turs integrati huma preżenti fi tlett iswieq u, b’hekk, fi tliet negozji differenti: dak tat-titjiriet fuq ajruplani mikrija lejn destinazzjonijiet fil-qrib, dak ta’ l-organizzazzjoni ta’ vaganzi kollox inkluż lejn destinazzjonijiet fil-qrib u dak tal-bejgħ ta’ vjaġġi fl-aġenziji tal-vjaġġi. Fil-fatt, First Choice topera wkoll ir-raba’ negozju, dak tas-senserija tal-postijiet fuq l-ajruplan (ara l-premessa 1 tad-Deċiżjoni). Il-loġika ekonomika tal-grupp ta’ impriżi teħtieġ li kull waħda mill-impriżi li jikkostitwixxu operatur tat-turs integrat tfittex li jkollha prestazzjoni kemm jista’ jkun tajba.

290    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-impatt tal-operazzjoni, il-Kummissjoni ma tidhirx li kkunsidrat x’inhu l-effett tal-loġika ekonomika tal-grupp, jiġifieri li jiġi mmassimizzat id-dħul billi jiġu mmassimizzati kumplessivament il-profitti, fil-livell tal-grupp kollu. Id-Deċiżjoni madankollu tirrikonoxxi (premessa 59) li l-marġni ta’ l-operaturi tat-turs huma pjuttost baxxi, fil-medda ta’ 7 % għal dawn l-aħħar snin, u li, min-naħa l-oħra, l-operaturi tat-turs integrati vertikalment normalment jirċievu wkoll dħul mill-attivitajiet tal-linji ta’ l-ajru tagħhom u ta’ l-aġenziji tal-vjaġġi tagħhom, oqsma fejn il-marġni jistgħu jkunu ogħla, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-linji ta’ l-ajru. Hija tammetti wkoll li, għal din ir-raġuni, “il-marġni grossi fuq l-operazzjonijiet kollha ta’ l-operaturi tat-turs integrati huma mingħajr dubju iktar sostanzjali minn dawn miksuba biss mill-attivitajiet tagħhom ta’ operaturi tat-turs”.

291    Issa, peress li l-loġika ekonomika normalment tiffavorixxi l-kisba tal-akbar sinerġiji possibbli, ir-rati ta’ profittabbiltà tad-diversi negozji tal-grupp (kiri ta’ ajruplani, organizzazzjoni ta’ vaganzi kollox inkluż u aġenziji tal-vjaġġi) ikunu ogħla iktar ma jkunu ottimizzati bis-sħiħ il-vantaġġi ta’ l-integrazzjoni vertikali.

292    Finalment, anki jekk is-sinerġiji li għandhom jinħolqu mill-konċentrazzjoni ma jaqbżux il-1 % tat-total ta’ l-ispejjeż ta’ l-entità kkombinata (Deċiżjoni, premessa 146), mhemm ebda indikazzjoni li Airtours iddeċidiet li tħallas il-prezz (normalment ogħla f’akkwist ostili) ta’ l-ishma ta’ First Choice billi tassumi li dan l-investiment kunsiderevoli kien ser ikun iġġustifikat mill-benefiċċji ta’ sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva sostenibbli.

293    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni iktar preċiża tal-portata tat-tisħiħ tat-trasparenza fis-suq u ta’ l-interdipendenza ta’ l-operaturi l-kbar tat-turs li għandha ġġib magħha l-operazzjoni, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-operazzjoni ser ikollha bħala konsegwenza li timmodifika l-istruttura tas-suq in kwistjoni b’tali mod li l-operaturi ewlenin mhux ser ikomplu jaġixxu kif għamlu fl-imgħoddi u li ser tinħoloq sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

D –  Konklużjoni ġenerali

294    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni, mhux biss talli ma bbażatx l-analiżi prospettiva tagħha fuq provi sodi, iżda talli hija vvizzjata b’għadd sħiħ ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni dwar elementi importanti għall-evalwazzjoni tal-eventwali ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni pprojbixxiet l-operazzjoni mingħajr ma stabbilixxiet, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet ser tagħti lok għal pożizzjoni dominanti kollettiva tat-tliet operaturi l-kbar tat-turs li tista’ tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni.

295    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat bħala fondat u, għaldaqstant, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata, mingħajr mhu meħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-motivi l-oħrajn invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

296    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, hekk kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (1999) 3022 finali tat-22 ta’ Settembru 1999 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1524 – Airtours/First Choice), ippubblikata bin-numru 2000/276/KE, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Vilaras

 

      Forwood

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ġunju 2002.

Reġistratur

 

      Il-President

H. Jung

 

      P. Lindh


Werrej


Fatti u proċedura

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, li huwa bbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti in kwistjoni u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

A –  Deċiżjoni

B –  Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni

Fuq it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE inkwantu l-Kummissjoni allegatament eżaminat din il-kawża b’referenza għal kunċett żbaljat ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva

Fuq it-tielet motiv, li huwa bbażat fuq, minn naħa, ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 inkwantu l-Kummissjoni kkonstatat li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata kellha toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva u, min-naħa l-oħra, ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

A –  Kunsiderazzjonijiet ġenerali

B –  Deċiżjoni

C –  Fuq l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-konklużjoni li tgħid li t-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jinċentiva lit-tliet operaturi l-kbar tat-turs li jifdal biex ma jikkompetux bejniethom

a)  Fuq l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li teżisti bejn l-aġenziji ewlenin tal-vjaġġi

i) Fuq l-allegata eżistenza ta’ tendenza ta’ dominanza kollettiva qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni prevista

–  Fuq il-fatt li l-operaturi l-kbar tat-turs jadottaw approċċ prudenti fir-rigward ta’ l-ippjanar tal-kapaċità u jikkunsidraw b’mod partikolari l-estimi tal-kompetituri ewlenin

–  Fuq l-evalwazzjoni tal-movimenti ta’ integrazzjoni orizzontali u vertikali li jikkaratterizzaw is-suq wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Monopolies and Mergers Commission

ii) Fuq l-evalwazzjoni tal-volatilità ta’ l-ishma storiċi tas-suq

iii) Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ewlenin tat-turs

b)  Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi li seħħew u li huma prevedibbli fid-domanda, il-volatilità tagħha u l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq,

i) Fuq l-evalwazzjonijiet dwar it-tkabbir dgħajjef tad-domanda

ii) Fuq l-evalwazzjonijiet dwar il-volatilità tad-domanda

iii) Fuq l-evalwazzjoni tal-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq in kwistjoni

iv) Konklużjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi li seħħew u li huma prevedibbli fid-domanda, il-volatilità tagħha u l-grad ta’ trasparenza li jeżisti fis-suq

c)  Konklużjoni

3.  Fuq in-natura insuffiċjenti tal-fatturi ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni identifikat sabiex tiżgura l-koeżjoni interna ta’ l-allegata oligopolija dominanti

4.  Fuq is-sottovalutazzjoni tar-reazzjoni prevedibbli ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs, tal-kompetituri potenzjali u tal-konsumaturi bħala kontropiż suffiċjenti biex tiġi ostakolata l-istabbiltà ta’ l-allegata oligopolija dominanti

a)  Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-kompetituri attwali: l-operaturi ż-żgħar tat-turs

i) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kwistjoni tad-daqs ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs

ii) Fuq il-possibbiltà għall-operaturi ż-żgħar tat-turs li jipprovdu kapaċitajiet addizzjonali

iii) Fuq l-aċċess ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs għal postijiet fuq l-ajruplan

iv) Fuq l-aċċess ta’ l-operaturi ż-żgħar tat-turs għad-distribuzzjoni

b)  Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-kompetituri potenzjali: l-operaturi tat-turs l-oħrajn

c)  Fuq ir-reazzjoni possibbli tal-konsumaturi

d)  Konklużjoni

5.  Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni

D –  Konklużjoni ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.