SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

18 ta’ Ġunju 2002 (*)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet ─ Trade marks ─ Direttiva 89/104/KEE ─ Artikoli 3(1) u (3), 5(1) u 6(1)(b) ─ Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark ─ Sinjali kkostitwiti biss mill-għamla tal-prodott”

Fil-kawża C-299/99,

li għandha bħala suġġett talba ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) sabiex, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Koninklijke Philips Electronics NV

u

Remington Consumer Products Ltd,

tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(1) u (3) u 5(1) u 6(1)(b) ta’ L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KE tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken (Relatur) u N. Colneric, u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.‑P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Koninklijke Philips Electronics NV, minn H. Carr u D. Anderson, QC, kif ukoll minn W. A. Hoyng, professur, mandatarji inizjalment minn Eversheds Solicitors, imbagħad minn Allen & Overy, solicitors,

–        għal Remington Consumer Products Ltd, minn Lochners Technology Solicitors, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,

–        għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger u A. Maitrepierre, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet t-trattazzjoni ta’ Koninklijke Philips Electronics NV, irrappreżentata minn H. Carr u W. A. Hoyng, ta’ Remington Consumer Products Ltd, irrappreżentata minn S. Thorley u R. Wyand, QC, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn R. Magrill, assistita minn D. Alexander, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn K. Banks, fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Mejju 1999, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 1999, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), abbażi ta’ l-Artikolu 234 KE, għamlet seba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(1) u (3), 5(1), u 6(1)(b) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1, aktar ’il quddiem id-“direttiva”).

2        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”) u l-kumpannija Remington Consumer Products Ltd (iktar ’il quddiem “Remington”) fir-rigward ta’ proċeduri kontra falsifikazzjoni ta’ trade mark li Philips kienet irreġistrat, abbażi ta’ l-użu tagħha, skond it-Trade Marks Act 1938 (liġi fuq it-trade marks ta’ l-1938).

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond l-ewwel premessa tagħha, id-direttiva għandha bħala għan li tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri fuq it-trade marks, sabiex jiġu eliminati disparitajiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jwasslu għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

4        Madankollu, kif jirriżulta mit-tielet premessa tad-direttiva, din mhijiex intiża għall approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw it-trade marks.

5        L-Artikolu 2 tad-direttiva, intitolat “Sinjali li trade mark jistgħu jikkonsistu minnhom”, jipprovdi:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

6        L-Artikolu 3 tad-direttiva, li jelenka r-raġunijiet għar-rifjut jew invalidità tar-reġistrazzjoni, jipprovdi:

“1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

(a)      sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

(b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

(ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex [jindikaw] it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

(d)      tat-trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;

(e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

–        l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom, jew

–        l-għamla ta’ l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew

–        l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[...]

3.      Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond [i]l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, [hija kisbet] karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.

[...]”

7        L-Artikolu 5(1), li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija minn trade mark, jgħid:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti [probabbiltà] ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

8        L-Artikolu 6 tad-direttiva intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jgħid hekk:

“1.      It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

(a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu;

(b)      indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

(ċ)      t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Ir-reġistrazzjoni tat-trade marks fir-Renju Unit kienet irregolata mit-Trade Marks Act 1938. Din il-liġi ġiet imħassra u ssostitwita mit-Trade Marks Act 1994 (liġi fuq it-trade marks ta’ l-1994), li timplementa d-direttiva u li tinkludi ċertu dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward tat-trade marks irreġistrati.

10      It-trade marks irreġistrati taħt it-Trade Marks Act 1938 jistgħu, bis-saħħa ta’ l-Anness 3 tat-Trade Marks Act 1994, jitqiesu bħala li jipproduċu l-istess effetti daqs li kieku kienu rreġistrati taħt din l-aħħar liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fl-1966, Philips ħolqot tip ġdid ta’ magna tal-leħja bi tlett ixfafar iduru. Fl-1985, hija ddepożitat trade mark li kienet tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni grafika ta’ l-għamla u tal-konfigurazzjoni tal-wiċċ tal-parti ta’ fuq ta’ din il-magna tal-leħja, komposta minn tlett ixfafar ċirkolari jduru u mqegħda f’għamla ta’ trijangolu ekwilaterali. Din it-trade mark kienet irreġistrata, abbażi ta’ l-użu tagħha, skond it-Trade Marks Act 1938.

12      Remington, kumpannija kompetitriċi, bdiet tipproduċi u tbigħ fir-Renju Unit, fl-1995, il-magna tal-leħja DT 55, bi tlett ixfafar iduru li jiffurmaw trijangolu ekwilaterali, skond konfigurazzjoni li tixbah dik użata minn Philips.

13      Din ta’ l-aħħar ippreżentat rikors kontra Remington minħabba ksur tat-trade mark tagħha. Permezz ta’ kontrotalba, hija talbet l-annullament tat-trade mark irreġistrata minn Philips.

14      Il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patents Court) (Ir-Renju Unit), laqgħet il-kontrotalba u ordnat l-annullament tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ta’ Philips minħabba li s-sinjal li minnu kienet qegħda tagħmel użu din ta’ l-aħħar ma kienx ta’ natura tali li jiddistingwi l-prodott ikkonċernat minn dak ta’ impriżi oħra u kien nieqes minn karattru distintiv. Skond l-imsemmija qorti, it-trade mark kontenzjuża kienet tikkonsisti esklużivament f’sinjal li fil-kummerċ iservi biex jindika l-użu li għalih huwa intiż il-prodott kif ukoll f’għamla neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku u li jagħti valur sostanzjali lill-prodott. Hija żiedet li, anki jekk it-trade mark kienet valida, ma kienx hemm ksur ta’ tali trade mark.

15      Philips appellat kontra din id-deċiżjoni tal-High Court quddiem il-Court of Appeal.

16      Peress li l-partijiet qajjmu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)       Teżisti kategorija ta’ trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom mhijiex eskluża mill-Artikolu 3(1)(b) sa (d), u (3), tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE [...] iżda fejn ir-reġistrazzjoni tagħhom hija, madankollu, eskluża mill-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva (minħabba li dawn it-trade marks mhumiex ta’ natura tali li joħolqu distinzjoni bejn il-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark u dawk ta’ impriżi oħra)?

2)      L-għamla (jew parti mill-għamla) ta’ prodott (jiġifieri l-prodott in kwistjoni li s-sinjal tiegħu ġie rreġistrat) hija adatta sabiex tiddistingwi dan il-prodott għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 biss sakemm din tkun tinkludi xi żieda arbitrarja (li tkun tikkostitwixxi sempliċi dekorazzjoni mingħajr l-ebda skop funzjonali)?

3)      Meta operatur ikun l-uniku li joffri prodotti partikolari fis-suq, l-użu frekwenti ta’ sinjali li jikkonsisti fl-għamla (jew f’parti mill-għamla) ta’ dawn il-prodotti u li ma jinkludi l-ebda żieda arbitrarja huwa biżżejjed sabiex is-sinjal jakkwista karattru distintiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(3), f’ċirkustanzi fejn, wara dan l-użu, proporzjoni sostanzjali mill-kummerċanti u mill-pubbliku kkonċernati

a)      jassoċjaw din l-għamla ma’ dan l-opeatur, bl-esklużjoni ta’ kull impriża oħra;

b)      jemmnu, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, li l-prodotti li jkollhom din l-għamla joriġinaw minn dan l-operatur?

4)      a)     Jista’ wieħed ma jiħux in kunsiderazzjoni r-restrizzjoni li tinsab fil-kliem ‘sinjali li jikkonsistu esklużivament minn għamla tal-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku’, li jinsab fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e), billi jipprova li jeżistu għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku jew

b)      għandu jiġi kkunsidrat li l-għamla hija prekluża mir-reġistrazzjoni skond din id-dispożizzjoni, jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi essenzjali ta’ din l-għamla huma attribwibbli biss għar-riżultat tekniku jew

ċ)      jekk jeżistix xi kriterju ieħor ─ u, jekk iva, liema ─ li huwa approprjat sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni għandhiex tapplika?

5)      L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva japplika għat-‘trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex [jindikaw] it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż … tal-merkanzija jew tas-servizz.’ L-Artikolu 6(1)(b) japplika għall-użu minn terza persuna ta’ ‘indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż … ta’ merkanzija jew servizzi.’ Għaldaqstant il-kelma ‘esklużivament’ tidher fl-Artikolu 3(1)(ċ), iżda mhux fl-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva. Li kieku wieħed kellu jinterpreta adegwatament id-direttiva, din l-ommissjoni tfisser li, anki jekk trade mark li tikkonsisti fl-għamla tal-prodotti tiġi validament irreġistrata, ma jkunx hemm ksur tat-trade mark, skond l-Artikolu 6(1)(b), f’ċirkustanzi

a)      fejn l-użu ta’ l-għamla tal-prodotti li dwaru sar l-ilment huwa u jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni dwar it-tip ta’ prodotti kkonċernati jew ta’ l-użu li għalih huma intiżi l-prodotti u

b)      fejn, proporzjoni sostanzjali tal-kummerċanti u tal-pubbliku kkonċernat jemmnu, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, li l-prodotti li jkollhom din l-għamla joriġinaw minn dan il-proprjetarju tat-trade mark?

6)      Jekk id-dritt esklużiv mogħti mill-Artikolu 5(1) jippermettx lill-proprjetarju li jimpedixxi lil terzi milli jużaw sinjali identiċi jew simili f’ċirkustanzi fejn dan l-użu mhuwiex ta’ natura tali li jindika l-provenjenza tal-prodott jew inkella jekk dan id-dritt jillimitax ruħu li jimpedixxi użu li jindika, kompletament jew parzjalment, il-provenjenza tal-prodott?

7)      Jekk l-użu, li allegatament jikkostitwixxi ksur tat-trade mark, ta’ l-għamla ta’ prodott, li hija u tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni tat-tip jew ta’ l-użu intenzjonat tal-prodott, huwiex, madankollu, ta’ natura tali li jindika l-provenjenza tal-prodott jekk proporzjoni sostanzjali tal-kummerċanti u tal-pubbliku kkonċernat jemmnu li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, il-prodotti li jkollhom l-għamla msemmija joriġinaw mill-proprjetarju tat-trade mark?”

17      Permezz ta’ rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2001, Philips talbet li l-proċedura orali, li kienet ingħalqet fit-23 ta’ Jannar 2001 tinfetaħ mill-ġdid wara li nstemgħu l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, u/jew li l-kawża preżenti tingħaqad mal-kawżi Linde AG (C-53/01), Winward Industries (C-54/01) u Rado (C-55/01), fejn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) ġew irreġistrati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2001.

18      In sostenn tat-talba tagħha, Philips issostni li, qabel ma tingħata risposta għad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, ikun għaqli li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-Bundesgerichtshof fil-kawżi msemmija fil-punt preċedenti, fejn saru domandi simili, u għaldaqstant sabiex il-partijiet ikkonċernati jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

19      Permezz ta’ ittri tat-8 u tas-16 ta’ Mejju 2001, Remington opponiet l-imsemmija talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u/jew li jingħaqdu l-kawżi.

20      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, kemm-il darba hija tikkunsidra li mhijiex infurmata biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post, C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I 929, punt 30).

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li mhemmx lok li din il-kawża tingħaqad ma’ dawk imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula fil-kawża prinċipali.

22      Għaldaqstant, it-talba ta’ Philips għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk teżistix kategorija ta’ trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom mhijiex eskluża mill-Artikolu 3(1)(b) u (3) tad-direttiva iżda fejn ir-reġistrazzjoni tagħhom hija, madankollu, eskluża mill-Artikolu 3(1)(a) ta’ l-istess direttiva, minħabba li dawn it-trade marks mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk ta’ impriżi oħra.

24      Skond Philips, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk teżistix kategorija speċjali ta’ trade marks, li, anki jekk effettivament ikollhom karattru distintiv, madankollu dawn ma jkunux ta’ natura tali li jagħtu lok għal distinzjoni kif rikjest mil-liġi. Philips issostni li dan mhuwiex il-każ u dan fid-dawl ta’ kif irraġunat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779). Ħlief għall-eċċezzjoni fl-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva, jekk għamla tikseb karattru distintiv, skond l-Artikolu 3(3), il-motivi ta’ rifjut jew ta’ annullament tar-reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) sa (d) ma jistgħux japplikaw u din l-għamla ma tistax tiġi meqjusa bħala li m’għandhiex karattru distintiv mill-aspett legali.

25      Remington issostni li teżisti differenza kbira bejn, minn naħa, is-sinjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-direttiva, fis-sens li mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ oħra, u għaldaqstant bejn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, it-trade marks li ma jirrispettawx il-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tagħha. Filwaqt li ta’ l-ewwel ma jistgħu qatt jiġu rreġistrati, anki li kieku kellu jiġi ppruvat “użu estensiv”, l-oħrajn jistgħu jiġu rreġistrati, skond l-Artikolu 3(3), jekk jiġi ppruvat li dawn akkwistaw karattru distintiv permezz ta’ l-użu.

26      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, jekk jiġi ppruvat li sinjal li, prima facie, ma jkollux karattru distintiv madankollu kiseb dan il-karattru, dan is-sinjal għandu fil-fatt ikun ta’ natura tali li jiddistingwi l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva. Fis-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-direttiva tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ kliem purament deskrittiv, li, prima facie, jidhru li mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 2, filwaqt li dan il-kliem ikun fil-fatt kisbu karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva u, għaldaqstant, sens sekondarju bħala trade mark.

27      Il-Gvern Franċiż isostni li d-direttiva ma teskludix fiha nnifisha r-reġistrazzjoni ta’ kategorija partikolari ta’ trade marks. L-Artikolu 3 tad-direttiva jista’ jikkontribwixxi sabiex, skond il-każ partikolari, jiġu esklużi sinjali tal-protezzjoni mit-trade mark, iżda m’għandux jiġi interpretat bħala li jeskludi minn din il-protezzjoni kategorija partikolari ta’ sinjali.

28      Il-Kummissjoni ssostni li trade mark li kisbet karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva ma tistax tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3(1)(a) tagħha minħabba li mhijiex ta’ natura tali li tiddistingwi l-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk ta’ impriżi oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett imfakkar, kif inhu indikat fl-għaxar premessa tad-direttiva, li l-għan tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark huwa b’mod partikolari dak li tiġi ggarantita l-indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark.

30      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew servizz indikat mit-trade mark sabiex, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, jkun jista’ jiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra, u li, sabiex it-trade mark tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha bħala element essenzjali ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat jixtieq jistabbilixxi, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha li hija tindika kienu magħmula jew forniti taħt il-kontroll ta’ impriża unika li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot, C-349/95, Ġabra p. I-6227, punti 22 u 24, u tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28).

31      Din il-funzjoni essenzjali tat-trade mark tirriżulta wkoll mill-kliem użat u mill-istruttura tad-diversi dispożizzjonijiet tad-direttiva li jikkonċernaw il-motivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni.

32      L-ewwel nett, l-Artikolu 2 tad-direttiva jipprovdi li s-sinjali kollha jistgħu jikkostitwixxu trade marks sakemm, minn naħa, dawn ikunu jistgħu jiġu rrappreżentati grafikament u, min-naħa l-oħra, sakemm dawn ikunu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

33      It-tieni nett, skond ir-regola prevista fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tad-direttiva, m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk jiġu rreġistrati jistgħu jiġu dikjarati invalidi rispettivament it-trade marks li ma għandhom l-ebda karattru distintiv, it-trade marks deskrittivi u t-trade marks li jikkonsistu esklużivament minn indikazzjonijiet li saru komuni fil-lingwa korrenti jew fl-użanzi li saru prattika stabbilita tal-kummerċ (sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

34      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva jopera limitazzjoni importanti għar-regola prevista fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) safejn sinjal jista’ jikseb, minħabba l-użu li jsir minnu, karattru distintiv li inizjalment dan ma kellux u jista’ għaldaqstant jiġi rreġistrat bħala trade mark. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-sinjal jikseb il-karattru distintiv li huwa wieħed mir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tiegħu (ara s-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

35      Kif osservat l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 tas-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, il-karattru distintiv ta’ trade mark li jinkiseb permezz ta’ l-użu li jsir minnha jfisser, l-istess bħall-karattru distintiv li, skond l-Artikolu 3(1)(b), jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ġenerali meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li din hija ta’ natura tali li tidentifika l-prodott li għalih qegħda tintalab ir-reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u li għaldaqstant hija ta’ natura tali li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra.

36      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva jipprovdi li s-sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk jiġu rreġistrati jistgħu jiġu dikjarati invalidi.

37      Madankollu, mill-kliem użat fl-Artikolu 3(1)(a) u mill-istruttura tad-direttiva jirriżulta b’mod evidenti li din id-dispożizzjoni hija essenzjalment intiża sabiex jiġu esklużi mir-reġistrazzjoni s-sinjali li mhumiex ġeneralment meqjusa bħala adatti sabiex jikkostitwixxu trade mark u li għaldaqstant ma jistgħux jiġu rrappreżentati grafikament u/jew mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

38      Għalhekk, l-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva, l-istess bħar-regola prevista fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d), jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li ma jissodisfawx xi waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2 tad-direttiva, jiġifieri dik li teżiġi li dawn is-sinjali jkunu ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

39      Għaldaqstant ma teżistix kategorija ta’ trade marks li għandhom karattru distintiv, minn natura tagħhom stess jew permezz ta’ l-użu magħmul minnhom, li mhijiex adatta sabiex tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva.

40      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ma teżistix kategorija ta’ trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom hija eskluża mill-Artikolu 3(1)(b) sa (d) u (3) tad-direttiva iżda fejn ir-reġistrazzjoni tagħha hija, madankollu, eskluża mill-Artikolu 3(1)(a) tagħha, minħabba li dawn it-trade marks mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti tal-proprjetarju ta’ trade mark minn prodotti ta’ impriżi oħra.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-għamla ta’ prodott (jiġifieri l-prodott in kwistjoni li s-sinjal tiegħu ġie rreġistrat) għandhiex tkun ta’ natura tali li tiddistingwi dan il-prodott għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva biss sakemm din l-għamla tinkludi xi żieda arbitrarja, bħal dekorazzjoni li ma jkollha ebda funzjoni.

42      F’dan ir-rigward, Philips issostni li, jekk, bil-kontra ta’ l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel domanda, teżisti kategorija ta’ trade marks fir-rigward ta’ liema jista’ jiġi ppruvat li dawn kisbu karattru distintiv, iżda li madankollu mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti, ma jkunx approprjat li jintuża l-kriterju taż-żieda arbitrarja espost mill-qorti tar-rinviju sabiex jiġu ddeterminati t-trade marks li jaqgħu taħt din il-kategorija. Li kieku kien neċessarju li tinħoloq kategorija speċjali ta’ trade marks li mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-imsemmija prodotti, minkejja li dawn effe3ttivament ikollhom karattru distintiv, Philips tissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat kriterju alternattiv li jikkonsisti milli wieħed jistaqsi jekk it-trade mark in kwistjoni hijiex l-uniku mezz prattiku li bih jiġu deskritti l-prodotti kkonċernati.

43      Min-naħa l-oħra, Remington issostni li, jekk għamla ta’ prodott ma tkun tinkludi l-ebda żieda arbitrarja, din tkun tikkonsisti biss minn għamla funzjonali li ma tkunx ta’ natura tali li tiddistingwi l-prodotti magħmula taħt din it-trade mark minn prodotti identiċi ta’ impriża oħra. F’din iċ-ċirkustanza, hija biss żieda arbitrarja tista’ tissodisfa l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ l-oriġini. Barra minn hekk, Remington issostni li l-livell ta’ karattru deskrittiv huwa fattur importanti, b’mod li iktar ma s-sinjali jkun deskrittiv, inqas ikun distintiv. Għalhekk, sinjal totalment deskrittiv ma jistax ikun ta’ natura tali li jiddistingwi l-prodotti u l-preżenza ta’ żieda arbitrarja hija neċessarja sabiex is-sinjal ikun jista’ jikseb karattru distintiv.

44      F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li mhuwiex utli li jiġi eżaminat jekk sinjal ikkostitwit minn għamla jinkludix xi żieda arbitrarja jew dekorazzjoni sabiex jiġi determinat jekk huwhiex ta’ natura tali li jiddistingwi bejn il-prodotti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva.

45      Skond il-Gvern Franċiż, mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 u 3 tad-direttiva lanqas ma jirriżulta li l-għamla ta’ prodott tista’ tkun ta’ natura tali li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra biss sakemm tkun tinkludi żieda arbitrarja, li tkun tikkonsisti f’dekorazzjoni li ma jkollha l-ebda funzjoni.

46      Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel domanda, il-Kummissjoni tipproponi li ma tingħatax risposta għat-tieni domanda. F’kull każ, hija tosserva li l-Artikoli 2 u 3(1)(a) tad-direttiva ma jikkostitwixxux raġuni indipendenti ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal marbuta man-nuqqas ta’ karattru distintiv tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 2 tad-direttiva għandha karattru distintiv dik it-trade mark li tippermetti li ssir distinzjoni, skond l-oriġini tagħhom, bejn il-prodotti jew is-servizz li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, li t-trade mark tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jiddistingwi l-prodott jew is-servizz li hija tirrappreżenta minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra u li jikkonkludi li l-prodotti jew is-servizzi kollha li din tirrappreżenta kienu magħmula, ikkummerċjalizzati jew forniti taħt il-kontroll tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, li lilu tista’ tiġi attribwita r-responsabbilità għall-kwalità tagħhom.

48      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 tad-direttiva ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ trade marks. Għaldaqstant, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks.

49      B’mod partikolari, id-direttiva bl-ebda mod ma teżiġi li l-għamla tal-prodott fir-rigward ta’ liema s-sinjal ġie rreġistrat għandha tkun tinkludi xi żieda arbitrarja. Skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, l-għamla in kwistjoni għandha sempliċement tkun ta’ natura tali li tiddistingwi l-prodott tal-proprjetarju tat-trade mark minn dak ta’ impriżi oħra u għaldaqstant li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri dik li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott.

50      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, sabiex tkun ta’ natura tali li tiddistingwi prodott għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, l-għamla tal-prodott fir-rigward ta’ liema s-sinjal ġie rreġistrat ma teżiġi l-ebda żieda arbitrarja, bħal dekorazzjoni li ma jkollha l-ebda funzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

51      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta operatur ikun l-uniku wieħed li joffri prodotti partikolari fis-suq, l-użu frekwenti ta’ sinjali li jikkonsisti fl-għamla ta’ dawn il-prodotti jistax ikun biżżejjed sabiex is-sinjal jakkwista karattru distintiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva f’ċirkustanzi fejn, wara dan l-użu, proporzjoni sostanzjali tal-kategoriji ta’ persuni kkonċernati tassoċja din l-għamla ma’ dan l-operatur, bl-eċċezzjoni ta’ kull impriża oħra, jew temmen, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, li l-prodotti li jkollhom din l-għamla joriġinaw minn dan l-operatur.

52      Skond Philips, il-kriterju ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva huwa ssodisfatt ladarba, minħabba użu estensiv ta’ għamla partikolari, il-kummerċjanti u l-pubbliku kkonċernat ikunu konvinti li l-prodotti li jkollhom din l-għamla joriġinaw minn impriża partikolari. Barra minn hekk, Philips tqis li monopolju de facto, li dam għaddej għal diversi snin fuq prodotti li għandhom l-għamla in kwistjoni, jikkostitwixxi prova importanti li ssostni l-kisba tal-karattru distintiv ta’ dan il-prodott. Jekk operatur jixtieq jibbaża applikazzjoni għal-reġistrazzjoni fuq karattru distintiv miksub mill-użu, monopolju de facto huwa prattikament kundizzjoni preliminari għal din ir-reġistrazzjoni.

53      Remington issostni li, fir-rigward ta’ għamla li hija kkostitwita biss minn karatteristiċi funzjonali, huwa neċessarju li jiġu ppreżentati provi ċari li juru li l-għamla nnifisha intużat ukoll bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini, b’tali mod li din l-għamla tkun akkwistat biżżejjed sinjifikat sekondarju li jiġġustifika r-reġistrazzjoni tagħha. Ladarba kien hemm monopolju fil-provvista tal-prodotti, għandu jkun hemm reqqa partikolari sabiex jiġi żgurat li l-eżami tal-fatti bbażat fuq l-elementi rilevanti.

54      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li kull għamla li r-reġistrazzjoni tagħha ġiet irrifjutata skond l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva ma tistax tkun protetta skond l-Artikolu 3(3) peress li dan ta’ l-aħħar japplika biss għas-sinjali ddikjarati invalidi skond l-Artikolu 3(1)(b) sa (d) u mhux għal dawk li jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 3(1)(e). Madankollu, jekk jiġi meqjus li r-reġistrazzjoni ta’ l-għamla ma tiġix irrifjutata skond din l-aħħar dispożizzjoni, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ma jkunux issodisfati ladarba l-identifikazzjoni mill-pubbliku mhijiex dovuta għat-trade mark, iżda għall-monopolju tal-provvista tal-prodotti.

55      Il-Gvern Franċiż iqis li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fl-affermattiv. Il-karattru distintiv meħtieġ mill-Artikolu 3(3) tad-direttiva jista’ perfettament jiġi spjegat mill-fatt li, minħabba l-użu, proporzjoni sostanzjali mill-kummerċjanti u mill-pubbliku kkonċernati jassoċja l-għamla tal-prodott ma’ operatur partikolari, bl-esklużjoni ta’ kull impriża oħra, u jemmen li prodotti li jkollhom din l-għamla joriġinaw kollha minn dan l-operatur.

56      Skond il-Kummissjoni, sew jekk il-karattru distintiv inkiseb taħt kundizzjonijiet ta’ monopolju sew jekk b’mod ieħor, l-eżiġenzi imposti mill-Artikolu 3(3) tad-direttiva huma ssodisfati ladarba proporzjoni sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat jemmen li l-prodotti li jkollhom it-trade mark ikunu joriġinaw minn impriża partikolari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, jekk ir-reġistrazzjoni ta’ għamla tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva, li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett tar-raba’ domanda, din xorta waħda ma tistax, fl-ebda każ, tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 3(3).

58      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva jipprovdi li trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (d) tista’ tikseb, minħabba l-użu li jsir minnha, karattru distintiv li hija inizjalment ma kellhiex u tista’ għalhekk tiġi rreġistrata bħala trade mark. Huwa għalhekk permezz ta’ l-użu tagħha li t-trade mark tikseb il-karattru distintiv li huwa rekwiżit għar-reġistrazzjoni tagħha.

59      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, inkluż dak miksub permezz ta’ l-użu li jsir minnha, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark.

60      Kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem li din it-trade mark għandha fis-suq, l-intensità, il-medda ġeografika u t-tul ta’ żmien li matulu ntużat din it-trade mark, l-importanza ta’ l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon tal-persuni kkonċernati li jidentifikaw il-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari bis-saħħa tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u ta’ l-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra.

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, jekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-awtorità kompetenti tqis li l-persuni kkonċernati jew minn ta’ l-inqas parti sinjifikanti minnhom jidentifikaw, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari, hija għandha f’kull każ tikkonkludi li l-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 3(3) tad-direttiva għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet issodisfata (sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

62      Madankollu, għandu l-ewwel nett jiġi osservat, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li taħthom il-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 3(3) tad-direttiva tista’ titqies bħala li ġiet issodisfata, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġu stabbiliti biss abbażi ta’ informazzjoni ġenerali u astratta, bħal perċentwali partikolari (sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

63      Sussegwentement, għandu jiġi evalwat il-karattru distintiv tas-sinjal li jikkonsisti fl-għamla ta’ prodott, anki dak miksub permezz ta’ l-użu li jsir minnu, fid-dawl tal-preżunta perċezzjoni li l-konsumatur medju għandu tal-kategorija ta’prodotti jew servizzi in kwistjoni, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra p. I-4657, punt 31).

64      Fl-aħħar nett, l-identifikazzjoni min-naħa tal-persuni kkonċernati tal-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari għandha ssir permezz ta’ l-użu tat-trade mark bħala trade mark u, għaldaqstant, permezz tan-natura u l-effett tagħha, li jagħmluha ta’ natura tali li tiddistingwi l-prodott in kwistjoni minn dawk ta’ impriżi oħra.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, meta operatur ikun l-uniku wieħed li joffri prodotti partikolari fis-suq, l-użu frekwenti ta’ sinjal li jikkonsisti fl-għamla ta’ dawn il-prodotti jista’ jkun biżżejjed sabiex dan is-sinjal jikseb karattru distintiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva f’ċirkustanzi fejn, wara dan l-użu, parti sostanzjali mill-persuni kkonċernati jassoċjaw din l-għamla ma’ dan l-operatur, filwaqt li jeskludu kull impriża oħra, jew jemmnu li l-prodotti li għandhom din l-għamla joriġinaw minn dan l-operatur. Madankollu, fir-rigwad taċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni tiġi ssodisfata, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn ġew stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni konkreta u li wieħed jista’ joqgħod fuqha, li l-preżunta perċezzjoni li l-konsumatur medju għandu tal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi in kwistjoni, ġeneralment infurmata u raġonevolment attenta u avżata, ittieħdet in kunsiderazzjoni u li l-identifikazzjoni, min-naħa tal-persuni kkonċernati, tal-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari ssir bis-saħħa ta’ l-użu tat-trade mark bħala trade mark.

 Fuq ir-raba’ domanda

66      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li sinjal magħmul esklużivament mill-għamla ta’ prodott ma jistax jiġi rreġistrat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ din l-għamla huma dovuti biss għar-riżultat tekniku. Hija tistaqsi wkoll jekk huwiex possibbli li ma jittiħdux in kunsiderazzjoni l-motiv ta’ rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni esposti fl-imsemmija dispożizzjoni jekk jiġi pprovat li jeżistu għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku.

67      F’dan ir-rigward, Philips issostni li l-għan ta’ l-imsemmija dispożizzjoni hija li tipprekludi li jinkiseb monopolju fuq riżultat tekniku partikolari permezz tal-protezzjoni tat-trade marks. Madankollu, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita minn għamla li tesprimi riżultat tekniku la timponi restrizzjoni li mhijiex raġonevoli għall-industrija u lanqas għall-innovazzjoni jekk dan ir-riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ għamliet oħra li l-operaturi li qed jikkompetu jistgħu faċilment jipproduċu. Skond Philips, jeżistu ħafna soluzzjonijiet għas-sostituzzjoni ta’ l-għamla li tikkostitwixxi t-trade mark in kwistjoni fil-kawża prinċipali li jistgħu jiksbu l-istess riżultat tekniku fir-rigward tat-tqaxxir tal-leħja u bi prezz ekwivalenti għal dak tal-prodott tagħha.

68      Skond Remington, is-sens manifest ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva huwa li r-reġistrazzjoni ta’ għamla li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku għandha tiġi rrifjutata, fis-sens li, jekk din taqdi funzjoni sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, hija mhijiex neċessarjament l-unika għamla li tista’ tissodisfa din il-funzjoni. L-interpretazzjoni sostnuta minn Philips tirrendi din l-esklużjoni talment restrittiva li ssir inutili u timplika eżami tal-valur tekniku tad-diżinni differenti, li jfisser li d-direttiva ma tkunx kapaċi tiżgura l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

69      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata ladarba l-karatteristiċi essenzjali ta’ l-għamla li tikkostitwixxi s-sinjal ikunu dovuti biss għal riżultat tekniku.

70      Skond il-Gvern Franċiż, l-esklużjoni prevista fl-imsemmi tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) għandha l-għan li tevita li l-protezzjoni ta’ l-invenzjonijiet tekniċi, li hija limitata rationae temporis, ma tiġix evitata permezz ta’ l-użu tar-regoli li jirregolaw t-trade marks, fejn l-effetti huma potenzjalment iktar permanenti.

71      Kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit iqisu li r-raġuni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni previst fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva ma jistax jiġi mwarrab billi jiġi stabbilit li jeżistu għamliet oħra li jistgħu jiksbu l-istess riżultat tekniku.

72      Fid-dawl tal-preċedenti leġiżlattivi ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva u kif ukoll tan-neċessità ta’ interpretazzjoni restrittiva ta’ l-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-kriterju rilevanti huwa l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb ir-riżultat tekniku mixtieq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, sinjal li jirrappreżenta l-għamla ta’ prodott jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi trade mark sakemm dan ikun jista’, minn naħa, jiġi rrappreżentat grafikament u, min-naħa l-oħra, ikun ta’ natura tali li jiddistingwi l-prodott jew is-servizz ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

74      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar ukoll li r-raġunijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti mill-għamla ta’ prodott huma espliċitament imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva. Skond din id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata jew tista’ tiġi ddikjarata invalida jekk jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-għamla li tirriżulta min-natura stess tal-prodott, mill-għamla tal-prodott li hi neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, u mill-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-prodott. Skond is-seba’ premessa tad-direttiva dawn ir-raġunijiet ta’ rifjut ġew elenkati b’mod eżawrjenti.

75      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li t-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom tista’ tiġi rrifjutata minħabba r-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tad-direttiva jistgħu, skond l-Artikolu 3(3), jiksbu karattru distintiv permezz ta’ l-użu li jsir minnhom. Min-naħa l-oħra, sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu tiġi rrifjutata abbażi ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva qatt ma jista’ jikseb karattru distintiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(3) permezz ta’ l-użu li jsir minnu.

76      L-imsemmi Artikolu 3(1)(e) jinkludi għaldaqstant ċertu sinjali li mhumiex ta’ natura tali li jikkostitwixxu trade marks u dan huwa ostakolu preliminari li jista’ jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit esklużivament mill-għamla ta’ prodott. Jekk wieħed biss mill-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġi ssodisfatt, is-sinjal ikkostitwit esklużivament mill-għamla tal-prodott, jew saħansitra mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ din l-għamla, ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark.

77      Id-diversi raġunijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3 tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-interess ġenerali li fuqu kull waħda minnhom hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27).

78      Il-ħsieb wara r-raġunijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade mark iwassal sabiex il-proprjetarju tat-trade mark jakkwista monopolju fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-konsumatur fost il-prodotti tal-kompetituri. L-Artikolu 3(1)(e) huwa għaldaqstant intiż sabiex jevita li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade mark ma tiġix estiża, lil hinn mis-sinjali li jippermettu li prodott jew servizz jiġi distint mill-prodotti jew servizzi offruti mill-kompetituri, sabiex isservi ta’ ostakolu b’tali mod li dawn ta’ l-aħħar ma jkunux jistgħu joffru liberament prodotti li jinkludu l-imsemmija soluzzjonijiet tekniċi jew l-imsemmija karatteristiċi utilitarji f’kompetizzjoni mal-proprjetaru tat-trade mark.

79      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-għamla tal-prodott neċessarja għall-ksib ta’ riżultat tekniku elenkat fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ l-għamliet li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jissodisfaw funzjoni teknika, b’tali mod li l-esklużività inerenti għad-dritt tat-trade mark isservi sabiex tostakola l-possibbiltà li l-kompetituri joffru prodott li jinkludi din il-funzjoni, jew minn ta’ l-inqas, sabiex tostakola l-libertà tagħhom li jagħżlu s-soluzzjoni teknika li jixtiequ jadottaw biex jinkludu din il-funzjoni fil-prodott tagħhom.

80      Peress li l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva jippersegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li għamla li l-karatteristiċi essenzjali tagħha jissodisfaw funzjoni teknika, liema karatteristiċi ntgħażlu sabiex din il-funzjoni tiġi ssodisfata, tkun tista’ tintuża liberament minn kulħadd, din id-dispożizzjoni tipprekludi li sinjali ta’ dan it-tip jiġu riżervati għall-impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

81      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-prova ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku hijiex ta’ natura tali li teskludi r-raġuni ta’ rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ l-imsemmi tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e), għandu jiġi osservat li, mill-kliem użat, bl-ebda mod ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti tali konklużjoni.

82      Billi jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ dawn is-sinjali, it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva jirrifletti l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li individwu partikolari ma jkollux id-dritt li juża r-reġistrazzjoni ta’ trade mark sabiex jikseb jew jeżerċita drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi.

83      Fil-każ li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ l-għamla ta’ prodott huma dovuti biss għar-riżultat tekniku, l-imsemmi tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) jeskludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali kkostitwit mill-imsemmija għamla, anki jekk ir-riżultat tekniku in kwistjoni jista’ jinkiseb permezz ta’ għamliet oħra.

84      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal ikkostitwit esklużivament mill-għamla ta’ prodott ma jistax jiġi rreġistrat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ din l-għamla huma dovuti biss għar-riżultat tekniku. Barra minn hekk, il-prova ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku mhijiex ta’ natura tali li teskludi r-raġuni ta’ rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni.

85      Il-qorti tar-rinviju tindika li eżami tal-kwistjonijiet dwar il-ksur tat-trade mark mhuwiex neċessarju safejn l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 3 tad-direttiva tkun ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li r-risposta għar-raba’ domanda kkonfermat din l-interpretazzjoni, mhemmx lok, għaldaqstant, li tingħata risposta għall-ħames u s-sitt domandi.

 Fuq l-ispejjeż

86      L-ispejjeż sostnuti mill-gvernijiet tar-Renju Unit u ta’ Franza, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fir-rigward tad-domandi li tressqu quddiemha mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), b’digriet tal-5 ta’ Mejju 1999, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma teżistix kategorija ta’ trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom hija eskluża mill-Artikolu 3(1)(b) sa (d) u (3) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KE tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, iżda fejn ir-reġistrazzjoni tagħha hija, madankollu, eskluża mill-Artikolu 3(1)(a) tagħha, minħabba li dawn it-trade marks mhumiex ta’ natura tali li jiddistingwu l-prodotti tal-proprjetarju ta’ trade mark minn prodotti ta’ impriżi oħra.

2)      Sabiex tkun ta’ natura tali li tiddistingwi prodott għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, l-għamla tal-prodott fir-rigward ta’ liema s-sinjal ġie rreġistrat ma teżiġi l-ebda żieda arbitrarja, bħal dekorazzjoni li ma jkollha l-ebda funzjoni.

3)      Meta operatur ikun l-uniku wieħed li joffri prodotti partikolari fis-suq, l-użu frekwenti ta’ sinjal li jikkonsisti fl-għamla ta’ dawn il-prodotti jista’ jkun biżżejjed sabiex dan is-sinjal jikseb karattru distintiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(3) tad-direttiva f’ċirkustanzi fejn, wara dan l-użu, parti sostanzjali mill-persuni kkonċernati jassoċjaw din l-għamla ma’ dan l-operatur, filwaqt li jeskludu kull impriża oħra, jew jemmnu li l-prodotti li għandhom din l-għamla joriġinaw minn dan l-operatur. Madankollu, fir-rigwad taċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni tiġi ssodisfata, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn ġew stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni konkreta u li wieħed jista’ joqgħod fuqha, li l-preżunta perċezzjoni li l-konsumatur medju għandu tal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi in kwistjoni, ġeneralment infurmata u raġonevolment attenta u avżata, ittieħdet in kunsiderazzjoni u li l-identifikazzjoni, min-naħa tal-persuni kkonċernati, tal-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari ssir bis-saħħa ta’ l-użu tat-trade mark bħala trade mark

4)      It-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal ikkostitwit esklużivament mill-għamla ta’ prodott ma jistax jiġi rreġistrat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ din l-għamla huma dovuti biss għar-riżultat tekniku. Barra minn hekk, il-prova ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku mhijiex ta’ natura tali li teskludi r-raġuni ta’ rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni

Rodríguez Iglesias

Jann       

Macken

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Cunha Rodrigues

 

      Timmermanns

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Ġunju 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.