SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

18 ta' Diċembru 1997(*)

"Ġestjoni ta' l-iskart – Traspożizzjoni ta' direttiva – Miżuri leġiżlattivi li jmorru kontra d-direttiva – Terminu għat-traspożizzjoni – Definizzjoni ta' skart"

Fil-kawża C-129/96,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, mill-Conseil d'État tal-Belġju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Inter-Environnement Wallonie ASBL

vs

Région Wallonne,

dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat KEE u ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, H. Ragnemalm u R. Schintgen, Presidenti ta' Awla, G. F. Mancini, J.C. Moitinho de Almeida, P. J. G. Kapteyn, J. L. Murray, D.A.O. Edward, J.-P. Puissochet, G. Hirsch, P. Jann u L. Sevón (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: H.von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–        għall-Inter-Environnement Wallonie ASBI, minn Jacques Sambon, avukat b'warrant miksub fi Brussell,

–        għall-Gvern Belġjan, Jan Devadder, konsulent ġenerali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, tal-Kummerċ Esteru u tal-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn Ernst Röder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta’ l-Ekonomija, u Bernd Kloke, Oberregieungstrat fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn Jean-François Dobelle, Assistent Direttur fid-Direttorat Legali ta' Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, u Romain Nadal, Assistent Segretarju ta’ l-Affarijiet Barranin fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn Adriaan Boss, konsulent legali fl-istess Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn John E.Collins, Assistent Teżorier u avukat fil-Qrati Superjuri bħala aġent, assistit minn Derrick Wyatt, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn Maria Condou Durande, membru tad-Dipartiment Legali, bħala aġent,

wara li nstemgħu l-osservazzjonijiet orali ta’ Inter-Environnement Wallonie ASBL irrappreżentata minn Jacques Sambon, tal-Gvern Franċiż irrappreżentat minn Jean-François Dobelle u minn Romain Nadal, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn Johannes Steven van den Oosterkamp, assistent konsulent legali għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn Derrick Wyatt, u tal-Kummissjoni rrappreżentata minn Maria Condou Durande, fis-seduta tal-5 ta’ Frar 1997,

wara li nstemgħu l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta’ l-24 ta’ April 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’sentenza tad-29 ta’ Marzu 1996, li waslet quddiem il-Qorti fit-23 ta’ April 1996, il-Conseil d'État tal-Belġju għamel żewġ domandi preliminari, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat KEE u ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p.39) kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32).

2        Dawn id-domandi ġew magħmula fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qliegħ Inter-Environnement Wallonie (aktar 'il quddiem "Inter-Environnement Wallonie") fir-rigward tad-digriet ta’ l-Eżekuttiv Reġjonali tal-Vallonja, tad-9 ta’ April 1992, dwar l-iskart tossiku jew perikoluż (aktar 'il quddiem id-"digriet").

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 75/442 għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali għal dak li jikkonċerna r-rimi ta' skart. Hija ġiet emendata permezz tad-Direttiva 91/156.

4        Id-direttiva 75/442, kif emendata permezz tad-direttiva 91/156, tiddefinixxi l-kunċett ta' skart fl-Artikolu 1(a) tagħha bil-mod segwenti:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "skart" għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur [d-detentur] jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.

Il-Kummissjoni, hija u taġixxi b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, għandha tfassal, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993, lista ta’ l-iskar[t] li jappartj[eni] għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. Din il-lista trid tiġi riveduta perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta bl-istess proċedura."

5        Il-lista msemmija f'din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/3/KE, ta' l-20 ta’ Diċembru 1993, li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 (ĠU 1994 L 5, p.15). Fil-punt 3 tan-nota preliminari mehmuża ma’ din il-lista, hemm indikat, minn naħa, li din mhijiex eżawrjenti, u minn naħa l-oħra, li l-fatt li hemm fiha sustanza partikolari m’għandu l-ebda effett ħlief jekk din is-sustanza tikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ skart.

6        L-Artikoli 9(1) u 10 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, jipprovdu li kull stabbiliment jew kull impriża li tagħmel ix-xogħol imsemmi fl-Anness II A jew fl-Anness II B għandhom jiksbu permess mill-awtorità kompetenti. L-Anness II A jikkonċerna x-xogħol ta’ rimi filwaqt li l-Anness II B jsemmi x-xogħlijiet li jistgħu jwasslu għal irkupru.

7        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, jistabbilixxi eċċezzjoni għal din il-ħtieġa li jinkiseb permess:

"1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE tal-20 ta’ Marzu 1978 dwar l-iskart tossiku u perikoluż [ĠU L 84, p. 43], kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall, dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-permess impost bl-Artikolu 9 jew bl-Artikolu 10:

(a)      l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu huma stess ir-rimi ta’ l-iskart minn fuq il-post tal-produzzjoni

u

(b)      l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu l-irkupru ta’ l-iskart.

Din l-eżenzjoni tista’ tapplika biss:

–        jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu adottaw ir-regoli ġenerali għal kull tip ta’ attività li tippreskrivi t-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-kondizzjonijiet li fuqhom l-attività in kwistjoni tista’ tiġi eżentata mill-ħtiġijiet ta’ permess

u

–        jekk it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-metodi tar-rimi jew ta’ l-irkupru huma tali illi l-kondizzjonijiet imposti bl-Artikolu 4 jiġu mħarsa.

2.      L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.

[…]"

8        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, jistabbilixxi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’mod partikolari:

–        mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

–        mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

–        mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

[…]"

9        Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/156, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ April 1993 u li jinformaw lill-Kummissjoni b'dan immedjatament. Fit-tieni parti ta’ dan il-paragrafu, hemm ippreċiżat li, "Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, [huma] għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif issir din ir-r[e]ferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri."

10      Id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU L 377, p.20), tirreferi fl-Artikolu 1(3) tagħha, għad-definizzjoni ta’ skart mogħtija mid-Direttiva 75/442 u fl-Artikolu 1(4) tagħha tippreċiża d-definizzjoni ta’ skart perikoluż.

11      L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 91/689 jistabbilixxi li:

"1. Id-deroga msemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 75/442/KEE għall-ħtieġa ta' permess għal stabbilimneti jew impriżi li jiddisponu huma stess mill-iskart tagħhom m'għandhiex tapplika għal skart perikoluż kopert minn din id-Direttiva.

2. B'mod konformi ma’ l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 75/442/KEE, Stat Membru jista’ ma jinsistix fuq l-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva għal stabbilimenti jew impriżi li jiġbru lura l-iskart kopert minn din id-Direttiva:

–        jekk l-Istat Membru jadotta regoli ġenerali li jelenkaw it-tip u l-kwalità ta' l-iskart u jwaqqfu kondizzjonijiet speċifiċi (valuri ta' limiti tal-kontenut ta' sustanzi perikolużi fl-iskart, valuri limiti ta' emissjonijiet, tip ta' attività) u ħtiġijiet oħra neċessarji biex jitwettqu forom differenti ta' ġbir lura,

–        jekk it-tipi jew kwantitajiet ta' skart u metodi ta' ġbir huma tali li l-kondizzjonijiet imwaqqfa fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442/KEE ikunu mħarsa."

12      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 91/689 neħħa d-Direttiva 78/319/KEE tal-Kunsill, ta' l-20 ta’ Marzu 1978, dwar l-iskart tossiku u perikoluż (ĠU L 84, p.43), b’effett mit-12 ta’ Diċembru 1993. L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 94/31/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, li jemenda d-Direttiva 91/689 (ĠU L 168, p.28), madankollu ppospona t-tneħħija tad-Direttiva 78/319 għas-27 ta’ Ġunju 1995.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      Id-digriet tal-Kunsill Reġjonali tal-Vallonja, tal-5 ta’ Lulju 1985, dwar l-iskart, kif emendat permezz tad-digriet tal-25 ta’ Lulju 1991 (aktar 'il quddiem id-"digriet"), fl-Artikolu 3(1) tiegħu jagħti definizzjoni ta' skart bil-mod segwenti:

"1. skart: kull sustanza jew kull oġġett li jinsabu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur tagħhom jarmi jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi."

14      Fl-Artikolu 5(1) tiegħu d-digriet jistabbilixxi li:

"Għandha tinkiseb awtorizzazzjoni għat-twaqqif u għall-operat ta' impjant speċifiku fejn jinġabar, jiġi pproċessat minn qabel, jitneħħa jew jiġi rkuprat l-iskart tossiku jew perikoluż li ma jifformax parti minn proċess ta' produzzjoni industrijali […]"

15      Fil-preambolu tiegħu, id-digriet jagħmel referenza b’mod partikolari għad-digriet, għad-Direttiva 75/442, kif emendata, u għad-Direttivi 78/319 u 91/689. L-Artikolu 86 tad-digriet jippreċiża li dan jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jiġi ppubblikat fil-Moniteur belge. Din il-pubblikazzjoni seħħet fit-23 ta’ Ġunju 1992.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

16      Permezz ta' rikors imressaq fil-21 ta’ Awwissu 1992, Inter-Environnement Wallonie talbet lill-Conseil d'État tal-Belġju sabiex jannulla, prinċipalment, id-dispożizzjonijiet kollha tad-digriet u, sussidjarjament, uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

17      Fis-sentenza ta’ rinviju tiegħu, il-Conseil d'État diġà ddeċieda dwar ħamsa mis-sitt motivi ppreżentati minn Inter-Environnement Wallonie u annulla uħud mid-dispożizzjonijiet tad-digriet.

18      Fil-motiv li baqa', Inter-Environnement Wallonie ssostni li l-Artikolu 5(1) tad-digriet jikser b’mod partikolari l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689, peress li jeskludi mis-sistema ta' permess l-attivitajiet ta’ twaqqif u operat ta' impjant fejn jinġabar, jiġi pproċessat minn qabel, jitneħħa jew jiġi rkuprat l-iskart tossiku jew perikoluż fejn l-impjant jifforma "parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni industrijali".

19      Fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Inter-Environnement Wallonie tisħaq li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689, ma jippermettix li ssir deroga mill-obbligu ta' awtorizzazzjoni għall-impriżi li jassiguraw l-irkupru ta' l-iskart ħlief għal kundizzjonijiet li huma determinati minn dawn id-dispożizzjonijiet u jekk dawn l-impriżi jkunu rreġistrati ma' l-awtoritajiet kompetenti.

20      Għal dan il-għan, il-Conseil d'État jikkunsidra li l-Artikolu 5(1), tad-digriet hu effettivament kuntrarju għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689.

21      Filwaqt li jikkonstata li d-digriet kien ġie adottat f’mument meta t-terminu stabbilit mid-direttiva għat-traspożizzjoni tagħha ma kienx għadu skada, huwa jistaqsi safejn Stat Membru jista', matul dan il-perijodu, jadotta att li jmur kontra d-direttiva. Huwa jżid jgħid li r-risposta negattiva għal din id-domanda, kif proposta minn Inter-Environnement Wallonie, tkun inkompatibbli mar-regola li l-legalità ta' att għandha tiġi eżaminata fil-mument meta jiġi adottat.

22      Fit-tieni parti tal-motiv tagħha, Inter-Environnement Wallonie tisħaq li l-esklużjoni prevista mill-Artikolu 5(1) tad-digriet tmur kontra d-digriet stess, li, skond hi, ma jistabbilixxix deroga għax-xogħlijiet li huma integrati fi proċess industrijali.

23      F'dan ir-rigward, il-Conseil d'État jgħid li l-Artikolu 3(1) tad-digriet u l-anness li jirreferi għalih jeħtieġu li jkun hemm traspożizzjoni eżatta tad-Direttiva 75/442, kif emendata. Filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b'mod ċar li skart ifisser is-sustanzi u l-oġġetti li d-detentur jarmi jew għandu l-obbligu li jarmi mingħajr ma jkollu l-intenzjoni li b'hekk jeskludi l-użu ekonomiku mill-ġdid tagħhom minn persuni oħra, hija ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk sustanza jew oġġett imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, li huma integrati, direttament jew indirettament, fil-proċess ta' produzzjoni industrijali, humiex skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) ta' din id-direttiva.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d'État ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"(1) L-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat KEE jipprekludu lill-Istati Membri milli jadottaw dispożizzjoni li tmur kontra d-Direttiva 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, matul it-terminu tat-traspożizzjoni tagħha?

L-istess dispożizzjonijiet tat-Trattat jipprekludu lill-Istati Membri milli jadottaw u jdaħħlu fis-seħħ liġi li hija ppreżentata bħala li tittrasponi d-direttiva iżda li d-dispożizzjonijiet tagħha jidhru li jmorru kontra r-rekwiżiti ta' din id-direttiva?

(2) Sustanza li hija msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 91/156/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, li tifforma parti integrali, direttament jew indirettament, mill-proċess ta’ produzzjoni industrijali, għandha tiġi kkunsidrata bħala skart fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva?"

 Fuq it-tieni domanda

25      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sempliċi fatt li sustanza tifforma parti integrali, direttament jew indirettament mill-proċess ta' produzzjoni industrijali jeskludihiex mid-definizzjoni ta' skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata.

26      L-ewwel nett, mill-kliem ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata, jirriżulta li l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' skart tiddependi mit-tifsira tal-kelma "jarmi".

27      Sussegwentement, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442, kif emendata, b’mod partikolari, mill-Artikoli 4 u 8 sa 12 kif ukoll mill-Annessi II A u II B jirriżulta li din il-kelma tinkludi kemm it-tneħħija kif ukoll l-irkupru ta’ sustanza jew oġġett.

28      Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-lista ta’ kategoriji ta’ skart li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 75/442, kif emendata, u x-xogħlijiet ta’ tneħħija u rkupru msemmija fl-Annessi II A u II B ta’ l-istess direttiva juru li, bħala prinċipju, id-definizzjoni ta' skart ma teskludi ebda tip ta’ residwi, ta’ sottoprodotti industrijali u ta’ sustanzi oħra li huma riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni. Din l-osservazzjoni hija wkoll sostnuta mil-lista ta’ skart stabbilita mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 94/3.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat l-ewwel nett li, kif jidher b’mod partikolari mill-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, id-direttiva tapplika mhux biss għat-tneħħija u l-irkupru ta' skart minn impriżi speċjalizzati f’dan ir-rigward iżda wkoll għat-tneħħija u l-irkupru ta' skart mill-impriża li tipproduċihom, fuq il-post tal-produzzjoni tagħhom.

30      It-tieni nett, jekk, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, l-iskart kellu jkun irkuprat jew imneħħi mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw dannu għall-ambjent, xejn fid-direttiva ma jindika li hija ma tikkonċernax ix-xogħlijiet ta' tneħħija jew ta' rkupru li jifformaw parti minn proċess ta' produzzjoni industrijali meta dawn ma jidhrux li jikkostitwixxu perikolu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

31      Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-definizzjoni ta' skart, fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442, kif emendata, m’għandhiex tinftiehem bħala li teskludi sustanzi u oġġetti li kapaċi jkunu użati ekonomikament mill-ġdid (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1990, Zanetti et, C-359/88, Ġabra p. I-1509, punti 12 u 13; ta’ l-10 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-422/92, Ġabra p. I-1097, punti 22 u 23, u tal-25 ta’ Ġunju 1997, Tombesi et, C-304/94, C-330/94, C-342/94 u C-224/95, Ġabra p. I-3561, punti 47 u 48).

32      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sustanzi li huma inklużi fil-proċess ta' produzzjoni jistgħu jikkostitwixxu skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata.

33      Din il-konlużjoni ma taffettwax id-distinzjoni li għandha ssir, kif sostnew ġustament il-Gvern Belġjan, dak Ġermaniż, dak Olandiż u dak tar-Renju Unit, bejn l-irkupru ta' skart fis-sens tad-Direttiva 75/442, kif emendata, u l-ipproċessar industrijali normali ta’ prodotti li mhumiex skart, tkun xi tkun id-diffikultà ta’ din id-distinzjoni.

34      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li s-sempliċi fatt li sustanza tifforma parti integrali, direttament jew indirettament, minn proċess ta’ produzzjoni industrijali ma jeskludihiex mid-definizzjoni ta' skart fis-sens ta’ l- Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat KEE jipprekludux lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri li jmorru kontra d-Direttiva 91/156 matul it-terminu ta' traspożizzjoni.

36      Skond Inter-Environnement Wallonie, mis-supremazija tad-dritt Komunitarju u mill-Artikolu 5 tat-Trattat jidher li, anki meta Stat Membru jiddeċiedi li jittrasponi direttiva Komunitarja qabel ma jiskadi t-terminu stabbilit minnha, din it-traspożizzjoni għandha tkun konformi mad-direttiva. Peress li għażel li jittrasponi d-Direttiva 91/156 tad-9 ta' April 1992, ir-Région Wallonne kellu, bħala konsegwenza, jikkonforma ruħu ma’ din id-direttiva.

37      Il-Kummissjoni tingħaqad ma’ din il-pożizzjoni u ssostni li l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat jipprekludu lill-Istati Membri milli jadottaw dispożizzjoni li tmur kontra d-Direttiva 91/156 matul it-terminu ta' traspożizzjoni. Hija tippreċiża li d-domanda dwar jekk miżura partikolari hijiex intiża speċifikament għat-traspożizzjoni ta' din id-direttiva hija, f'dan ir-rigward, irrilevanti.

38      Il-Gvern Belġjan, dak Franċiż u dak tar-Renju Unit min-naħa l-oħra jqisu li, sa l-iskadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni ta' direttiva, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw regoli li mhumiex konformi magħha. Il-Gvern tar-Renju Unit jżid jgħid, madankollu, li l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat jipprekludu lil Stat Membru milli jadotta miżuri li jista' jkollhom l-effett li jrendu t-traspożizzjoni korretta tad-direttiva impossibli jew estremament diffiċli.

39      Fl-opinjoni tal-Gvern Olandiż l-adozzjoni ta’ direttiva timplika li l-Istati Membri ma jistgħu jagħmlu xejn li jista’ jrendi aktar diffiċli ir-realizzazzjoni tar-riżultat previst minnha. Madankollu, huwa jikkunsidra li Stat Membru ma jistax ikun kkunsidrat bħala li kiser l-Artikoli 5 u 189 tat-Trattat peress li, bħal f'dan il-każ, mhux żgur li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jiksru d-direttiva kkonċernata.

40      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta' Stat Membru li jieħu l-miżuri kollha neċesarji sabiex jilħaq ir-riżultat previst minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat u mid-direttiva stess (sentenzi ta’ l-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen, 51/76, Ġabra p.113, punt 22; tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p.723, punt 48, u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 55). Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha ta’ l-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8, u Kraaijeveld et, imsemmija aktar 'il fuq, punt 55).

41      Għalhekk għandu jiġi rrilevat li skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikoli 191 tat-Trattat KEE applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, "Id-direttivi u d-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jidħlu fis-seħħ permezz ta' din in-notifika". Minn din id-dispożizzjoni jidher li direttiva tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ l-Istat Membru destinatarju mill-mument li jiġi nnotifikat biha. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      F'dan il-każ u skond il-prassi kurrenti, id-Direttiva 91/156 tistabbilixxi hija stess terminu li ma' l-iskadenza tiegħu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kellhom jidħlu fis-seħħ sabiex jikkonformaw magħha.

43      Peress li dan il-perijodu huwa intiż, b'mod partikolari, sabiex jagħti lill-Istati Membri ż-żmien neċessarju sabiex jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni, dawn l-Istati ma jistgħux jiġu akkużati li ma ttrasponewx id-direttiva fis-sistema legali tagħhom qabel ma jiskadi dan it-terminu.

44      Madankollu, jibqa' l-fatt li huwa matul it-terminu ta' traspożizzjoni li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li r-riżultat previst mid-direttiva jkun intlaħaq fl-aħħar ta' dan it-terminu.

45      F’dan ir-rigward, għalkemm l-Istati Membri mhumiex obbligati li jadottaw dawn il-miżuri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, mit-tieni paragrafu ta' l-Artikoli 5 u mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat u mid-direttiva stess jirriżulta li, matul dan it-terminu, huma m'għandhomx jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat previst minn din id-direttiva.

46      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ għal dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li hija inkarigata teżamina l-legalità tagħhom.

47      F'din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjoni għandha, b’mod partikolari, teżamina jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jikkostitwixxux traspożizzjoni kompluta tad-direttiva kif ukoll l-effetti konkreti ta' l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet li mhumiex kompatibbli u tat-tul tagħhom fiż-żmien.

48      Per eżempju, jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jiġu ppreżentati bħala traspożizzjoni definittiva u kompluta tad-direttiva, in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-direttiva jista’ jwassal sabiex wieħed jassumi li r-riżultat previst minnha mhuwiex ser jintlaħaq fit-termini stabbiliti jekk l-emenda tagħhom fi żmien xieraq tkun impossibbli.

49      Għall-kuntrarju, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-fakultà li għandu Stat Membru sabiex jadotta dispożizzjonijiet provviżorji jew li jimplementa d-direttiva fi stadji. F'każijiet bħal dawn, in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-dritt nazzjonali mad-direttiva jew in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma jikkompromettux neċessarjament ir-riżultat previst minnha.

50      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE kif ukoll id-Direttiva 91/156 jimponu l-obbligu li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-direttiva għall-implementazzjoni tagħha, l-Istat Membru destinatarju tagħha m'għandux jadotta dispożizzjonijiet li jikkompromettu serjament ir-realizzazzjoni tar-riżultat previst minn din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

51      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Daniż, dak Franċiż, dak Olandiż u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

1)      Is-sempliċi fatt li sustanza tifforma parti integrali, direttament jew indirettament, minn proċess ta’ produzzjoni industrijali ma jeskludihiex mid-definizzjoni ta' skart fis-sens ta’ l- Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991.

2)      It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE kif ukoll id-Direttiva 91/156 jimponu l-obbligu li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-direttiva għall-implementazzjoni tagħha, l-Istat Membru destinatarju tagħha m'għandux jadotta dispożizzjonijiet li jikkompromettu serjament ir-realizzazzjoni tar-riżultat previst minn din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.