OPINJONI 2/94 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

28 ta' Marzu 1996

"Adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali"

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqet talba għal opinjoni, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 1994, magħmula mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 228(6) tat-Trattat KE, li jipprovdi:

"Il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista' jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim prospettat ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Meta l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun negattiva, il-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ biss fit-termini ta' l-Artikolu N tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea."

Il-kuntest tat-talba

I – Il-kontenut tat-talba għal-opinjoni

1.      Il-Kunsill, irrappreżentat minn J.-C. Piris, Direttur Ġenerali tas-Servizz Ġuridiku, J.-P. Jacqué, Direttur fis-Servizz Ġuridiku u A. Lo Monaco, membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti, jitlob l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-domanda li ġejja:

"L-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-'Konvenzjoni') tkun kompatibbli mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?"

2.      Il-Kunsill jispjega li deċiżjoni ta’ prinċipju fuq il-ftuħ ta' negozjati ma tistax tittieħed qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun eżaminat jekk l-adeżjoni prospettata hijiex kompatibbli mat-Trattat.

Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Kunsill, filwaqt li jirrikonoxxi li ma jeżistix test tal-ftehim prospettat, isostni li t-talba hija ammissibbli. Il-Kunsill m’għamilx użu ħażin tal-proċedura, iżda huwa ffaċċjat bi kwistjonijiet ta' prinċipju ta' natura ġuridika u istituzzjonali. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni li magħha l-Komunità tipprospetta li taderixxi hija magħrufa u l-kwistjonijiet ġuridiċi li tqajjem l-adeżjoni huma suffiċjentement preċiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ opinjoni.

3.      Filwaqt li jesponi l-għan u l-objettivi tal-ftehim prospettat, il-Kunsill jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-portata ta' l-adeżjoni, dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-organi ta' kontroll u dwar it-tibdiliet li għandhom isiru fil-Konvenzjoni u fil-Protokolli.

4.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-portata ta’ l-adeżjoni, il-Kunsill jispeċifika li kull Komunità trid taderixxi mal-Konvenzjoni fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha u fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tagħha. L-adeżjoni għandha ssir fir-rigward tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli li daħlu fis-seħħ u ġew ratifikati mill-Istati Membri kollha tal-Komunità. Din l-adeżjoni m’għandu jkollha ebda effett fuq ir-riżervi magħmula mill-Istati Membri, li huma parti fil-Konvenzjoni, liema riżervi jibqgħu japplikaw fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza nazzjonali. Il-Komunità għandha taċċetta li tkun suġġetta għall-mekkaniżmu tal-petizzjonijiet individwali u tar-rikorsi interstatali; madankollu azzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jiġu esklużi, sabiex jiġi rispettat il-monopolju li l-Artikolu 219 tat-Trattat KE jagħti lill-Qorti tal-Gustizzja.

5.      Għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-organi ta’ kontroll, speċjalment għall-Qorti unika tad-Drittijiet tal-Bniedem li se jkun hemm fil-futur, hemm diversi soluzzjonijiet possibbli: nuqqas ta’ mħallef Komunitarju, ħatra ta’ mħallef permanenti li jkollu l-istess status bħall-imħallfin l-oħra, jew il-ħatra ta' mħallef bi status speċjali, li d-dritt tal-vot tiegħu jkun limitat għall-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-dritt Komunitarju. Dan l-imħallef ma jkunx jista’ fl-istess ħin ikun membru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-proċedura għall-ħatra ta’ dan l-imħallef għandha tkun regolata mill-Konvenzjoni, bil-kundizzjoni li l-ħatra tal-kandidati li tipproponi l-Komunità tibqa’ kwistjoni interna tal-Komunità. Il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Kumitat tal-Ministri m'għandhiex tkun ipprospettata, liema Kumitat, barra minn hekk, għandu jitlef kull funzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu ġudizzjarju tal-futur.

6.      Ikun hemm bżonn li jiġu emendati l-Konvenzjoni u l-Protokolli li fil-preżent huma miftuħa biss għall-adeżjoni ta' l-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Issa l-Komunità ma tipprospettax li taderixxi mal-Kunsill ta' l-Ewropa. Ikun hemm ukoll il-bżonn li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tekniċi li jipprovdu għall-intervent ta' l-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa fil-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni. Fil-każ ta’ adeżjoni, il-Komunità għandha tkun marbuta biss fil-limiti tal-kompetenzi tagħha. Għandu jiġi previst mekkaniżmu li jippermetti lill-Komunità u lill-Istati Membri li jiċċaraw il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi quddiem l-istanzi tal-Konvenzjoni.

7.      Fil-kuntest ta' l-analiżi tal-konformità ta' l-adeżjoni mat-Trattat, il-Kunsill jeżamina l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-ftehim prospettat u l-kompatibbiltà tas-sistema ġudizzjarja tal-Konvenzjoni ma’ l-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat.

8.      Il-Kunsill jirrikonoxxi l-fatt li t-Trattat ma jagħti ebda setgħa ta’ azzjoni speċifika lill-Komunità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet titwettaq permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. In-neċessità ta' din il-protezzjoni, li hija affermata mill-ġurisprudenza, illum tinsab stabbilita bl-Artikolu F tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill jikkunsidra li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tirriżulta minn prinċipju orizzontali li jifforma parti integrali mill-għanijiet tal-Komunità. Fin-nuqqas ta’ artikolu speċifiku, l-Artikolu 235 tat-Trattat KE għandu jservi bħala bażi għall-adeżjoni, bil-kundizzjoni li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

9.      Il-Kunsill jistaqsi wkoll jekk l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni, speċjalment mas-sistema ġudizzjarja, tqiegħedx fid-dubju l-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat kif ukoll l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju.

10.    Il-Kunsill jenfasizza n-nuqqas ta’effett dirett tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; fil-fatt, dik il-Qorti ma tistax tħassar jew temenda xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda tista’ biss timponi fuq parti kontraenti obbligu li din tilħaq riżultat partikolari. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tirrispetta s-sentenzi ta' dik il-Qorti fil-ġurisprudenza tagħha stess. Il-fatt li l-petizzjonijiet individwali huma suġġetti għall-kundizzjoni li l-ewwel iridu jiġu eżawriti r-rimedji li jipprovdi d-dritt domestiku jwassal sabiex il-qrati interni tal-Komunità, b'mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja, jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta' l-att Komunitarju mal-Konvenzjoni. Fl-opinjoni 1/91 tal-14 ta’ Diċembru 1991 (Ġabra p. I-6079), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Komunità tassuġġetta ruħha għal mekkaniżmu ġudizzjarju mwaqqaf permezz ta' ftehim internazzjonali, bil-kundizzjoni li dik il-qorti tillimita ruħha li tinterpreta u tapplika dak il-ftehim u ma tqiegħedx fid-dubju l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. Il-Kunsill jistaqsi jekk din id-dikjarazzjoni tkoprix biss il-każ fejn is-sentenzi ta’ dik il-qorti jirrigwardaw biss il-ftehim internazzjonali jew tkoprix ukoll il-każ fejn dawk is-sentenzi jirrigwardaw il-kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju mal-ftehim.

II – Proċedura

1       Konformement ma' l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal opinjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u lill-Istati Membri. Ġew ippreżentati noti ta' osservazzjonijiet mill-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn J. Devadder, Direttur ta' l-Amministrazzjoni fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, tal-Kummerċ Barrani u tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, bħala aġent, mill-Gvern Daniż, irrappreżentat minn L. Mikaelsen, Ambaxxatur, u P. Biering, Kap ta' Dipartiment, konsulenti legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġenti, mill-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn E. Röder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta' l-Ekonomija, u A. Dittrich, Regierungsdirektor fil-Ministeru Federali tal-Ġustizzja, bħala aġenti, mill-Gvern Grieg, irrappreżentat minn V. Rotis, President Onorarju tal-Kunsill ta' l-Istat, S. Zisimopoulos, konsulent legali fir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Griega, u N. Dafniou, segretarja fis-Servizz Ġuridiku Speċjali tal-Kontenzjuż Komunitarju tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġenti, mill-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn A. Navarro González, Direttur Ġenerali tal-Koordinazzjoni Ġuridika u Istituzzjonali Komunitarja, u R. Silva de Lapuerta, abogado del Estado, tas-Servizz tal-Kontenzjuż Komunitarju, bħala aġenti, mill-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn E. Belliard, Assistent Direttur fid-Direttorat ta' l-Affarijiet Ġuridiċi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, C. de Salins, Kap ta' Diviżjoni fl-istess Direttorat, u C. Chavance, Segretarju ta' l-Affarijiet Barranin fl-istess Direttorat, bħala aġenti, mill-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn A. Bos, konsulent legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, mill-Gvern Portugiż, irrappreżentat minn L Fernandes, Direttur tad-Direttorat tas-Servizz Ġuridiku tad-Direttorat Ġenerali ta' l-Affarijiet Komunitarji tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, u M. L. Duarte, konsulent fl-istess Direttorat, bħala aġenti, mill-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. Collins, tat-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, assistit minn S. Richards u D. Anderson, barristers, u mill-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Amphoux, konsulent legali prinċipali, J. Pipkorn, konsulent legali, u R.Gosalbo-Bono, membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti.

2       Wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja ma' l-Unjoni Ewropea, it-talba għal opinjoni ġiet innotifikata lilhom ukoll. Ġew ippreżentati noti ta' osservazzjonijiet mill-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn K. Berchtold, lecturer universitarju, bħala aġent, u mill-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn H. Rotkirch, Kap ta' Dipartiment fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent.

3       Fuq talba tiegħu, il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Garzón Clariana, konsulent legali, u E. Perillo, membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti, ġie awtorizzat jippreżenta osservazzjonijiet.

4       Fis-seduta tas-7 ta’ Novenbru 1995, instemgħet it-trattazzjoni tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn J. Devadder, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn L. Mikaelsen u P. Biering, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn A. Dittrich, tal-Gvern Grieg, irrappreżentat minn A. Samoni-Rantou, assistent konsulent legali speċjali assistent fis-Servizz Speċjali tal-Kontenzjuż Komunitarju tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, u N. Dafniou, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn R. Silva Lapuerta, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn J.-F. Dobelle, Assistent Direttur fid-Direttorat ta' l-Affarijiet Ġuridiċi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, u C. Chavance, tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn D. Gleeson, SC, bħala aġent, u M. Buckley, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat mill-Professur U. Leanza, Kap tas-Servizz tal-Kontenzjuż Diplomatiku, tat-Trattati u ta' l-Affarijiet Leġiżlattivi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn M. Fiestra, assistent konsulent legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Portugiż, irrappreżentat minn L. Fernandes u M. L. Duarte, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn H. Rotkirch, tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn L. Nordling, konsulent fid-Direttorat Ġuridiku għall-affarijiet Ewropej tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, tal-gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, assistit minn S. Richards u D. Anderson, tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-C. Piris, J.-P. Jacqué u A. Lo Monaco, tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Pipkorn u R. Gosalbo-Bono, u tal-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Garzon Clariana u E. Perillo.

III – Kronoloġija tal-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-Komunità

1       La t-Trattat KE u lanqas it-Trattati KEFA jew KEEA ma fihom xi referenza speċifika għad-drittijiet fundamentali, ħlief għall-fatt li jissemma "il-ħarsien tal-paċi u l-libertà" fl-aħħar premessa tal-preambolu.

2       Il-Qorti tal-Ġustizzja assigurat il-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, billi għamlet referenza għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni u għall-istrumenti internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni.

3       Fil-preambolu tiegħu, l-Att Uniku Ewropew jirreferi, billi jispira ruħu minn din il-ġurisprudenza, għar-rispett tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-kostituzzjonijiet u fil-liġijiet ta' l-Istati Membri, fil-Konvenzjoni u fil-Karta Soċjali Ewropea.

4       L-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li "l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji [d-drittijiet] fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni … u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità". Il-ħames inċiż ta' l-Artikolu J.1(2) ta’ dan it-Trattat jirreferi għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. L-Artikolu K.2(1) ta' l-istess Trattat jinkludi referenza espliċita għar-rispett tal-Konvenzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u ta' l-affarijiet interni.

5       Saret referenza wkoll għar-rispett tad-drittijiet fundamentali f'dikjarazzjonijiet politiċi ta' l-Istati Membri u ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Jistgħu jiġu ċċitati d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet fundamentali tal-5 ta’ April 1977 (Treaty Series 1995, p. 877), id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill u tal-Kummissjoni kontra r-razziżmu u l-ksenofobija tal-11 ta’ Ġunju 1986 (Treaty Series 1995, p. 889), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 1990, dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (ĠU C 157, p. 1), ir-Riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-iżvilupp adottata mill-Kunsill u r-rappreżentanti ta' Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill fit-28 ta’ Novembru 1991 (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej Nru 11/91, punt 2.3.1), u l-Konklużjonijiet dwar l-implementazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni adottati mill-Kunsill u l-Istati Membri fit-8 ta’ Novembru 1992. Jistgħu wkoll jiġu mfakkra d-dikjarazzjonijiet tad-diversi Kunsilli Ewropej, bħalma hi d-Dikjarazzjoni dwar l-identità Ewropea ta' l-14 ta’ Diċembru 1973 (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej Nru 12/73, punt 2501), id-Dikjarazzjoni dwar id-demokrazija tat-8 ta’ April 1978, id-Dikjarazzjoni dwar ir-rwol internazzjonali tal-Komunità tat-2 u tat-3 ta’ Diċembru 1988 (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej Nru 12/88, punt 1.1.10), id-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-29 ta’ Ġunju 1991 (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej Nru 6/91, Anness V) u d-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-11 ta’ Diċembru 1993 fl-okkażjoni tal-45 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej Nru 12/93, punt 1.4.12).

6       F’rapport tal-4 ta’ Frar 1976, mibgħut lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, intitolat "Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-ħolqien u fl-iżvilupp tad-dritt Komunitarju" (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 5/76), il-Kummissjoni eskludiet in-neċessità ta’ adeżjoni tal-Komunità bħala tali mal-Konvenzjoni.

7       Il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni formali lill-Kunsill għall-ewwel darba fil-"Memorandum dwar l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali" tal-4 ta’ April 1979 (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropew suppliment nr. 2/79).

8       Din il-proposta ġiet imġedda permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tad-19 ta’ Novembru 1990.

9       Fis-26 ta’ Ottubru 1993, il-Kummissjoni ppubblikat dokument tax-xogħol intitolat "L-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ordni ġuridiku Komunitarju", li fih hija teżamina b'mod partikolari l-kwistjonijiet tal-bażi ġuridika ta' l-adeżjoni u tal-monopolju ta' ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

10     Il-Parlament Ewropew esprima ruħu bosta drabi favur l-adeżjoni, l-aħħar darba permezz ta’ riżoluzzjoni tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem, adottata abbażi ta’ rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ġuridiċi u għad-Drittijiet taċ-Cittadini (ĠU C 44, pġ. 32).

IV – L-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

1       Il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit isostnu li t-talba għal opinjoni mhijiex ammissibbli. Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Finlandja u ta' l-Iżvezja jqajmu wkoll il-kwistjoni jekk it-talba hijiex prematura.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Irlandiż jenfasizza li mhemm l-ebda proposta speċifika ta’ ftehim dwar l-adeżjoni li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti l-opinjoni tagħha. Hemm għadd kbir ta' problemi tekniċi u diversi soluzzjonijiet huma konċepibbli. Għadha ma ttieħdet ebda għażla għad-determinazzjoni tal-partijiet li għandhom jinnegozjaw.

Skond il-Gvern tar-Renju Unit, l-ebda ftehim mhuwa "prospettat" fis-sens ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiġi adita biss wara li jkunu saru negozjati dettaljati fuq l-abbozz tal-ftehim. Fl-opinjoni 1/78 tal-4 ta’ Ottubru 1979 (Gabra p. 2871), it-talba, bla dubju, ġiet meqjusa ammissibbli minkejja l-fatt li n-negozjati kienu għadhom iridu jsiru. Madankollu, fil-mument meta saret din it-talba, il-ftehim kien jeżisti fil-forma ta' abbozz; in-negozjati seħħew waqt il-proċeduri u l-Qorti tal-Ġustizzja kienet informata bl-iktar stat reċenti tat-testi qabel ma tat l-opinjoni tagħha. Għal-kuntrarju, fil-preżenti proċeduri, ma jeżisti ebda abbozz ta’ ftehim ma jeżisti u ebda negozjati mhuma prospettati li jsiru qabel ma tingħata l-opinjoni. It-talba għall-opinjoni 1/78 kienet rilevanti, billi kien hemm kwistjoni dwar il-bażi ġuridika tal-ftehim. F’dan il-każ, hemm qbil fuq l-unika bażi ġuridika possibbli, jiġifieri l-Artikolu 235 tat-Trattat.

Apparti l-problemi fundamentali esposti mill-Kunsill, il-Gvern tar-Renju Unit isemmi iktar diffikultajiet. Huwa jqajjem il-kwistjoni dwar il-portata ta' l-adeżjoni fil-preżenza tar-riżervi magħmula mill-Istati Membri, is-setgħa ta’ dawn ta' l-aħħar li fi kwalunkwe mument jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u r-riskju ta’ diverġenza bejn l-obbligi ta' l-Istati Membri u dawk tal-Komunità, il-problema tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-organi tal-Konvenzjoni, b'mod partikolari fil-Qorti unika tal-futur, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, id-diffikultà li l-Komunità taderixxi mal-Konvenzjoni mingħajr ma qabel taderixxi mal-Kunsill ta' l-Ewropa, u l-futur tat-Trattati KEFA u KEEA. Fid-dawl tan-numru u tal-gravità ta' dawn il-problemi, il-Qorti tal-Ġustizzja attwalment ma tistax tagħti opinjoni ta’ valur.

L-Artikolu 235 tat-Trattat, li huwa l-unika bażi ġuridika possibbli, jeħtieġ deċizjoni unanimi tal-Kunsill. Il-fatt li mhemmx tali unanimità jenfasizza n-natura ipotetika u irrealistika tat-talba għal opinjoni. Issa fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem irrifjutat li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi.

Il-Gvern Daniż jirrileva li mhemmx abbozz ta’ ftehim negozjat. Iktar u iktar, ma ntlaħaqx ftehim fi ħdan il-Kunsill dwar il-ftuħ ta' negozjati.

Il-Gvern Finlandiż ifakkar li, skond l-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni tista’ tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-ftehim prospettat mat-Trattat u l-kompetenza tal-Komunità. F’dan il-każ, l-ammissibbiltà tat-talba tiddependi mill-kwistjoni jekk id-dokumenti annessi ma' din it-talba jew iċċitati fiha jikkostitwixxux assjem li minnu jista' jinsilet il-ftehim prospettat bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-opinjoni tagħha. Fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, in-natura eventwalment prematura tat-talba ma żżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi b’mod ġenerali u fuq il-livell ta' prinċipji.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Żvediż jirrileva wkoll li la hemm abbozz ta' test ta' konvenzjoni u lanqas deċiżjoni tal-Kunsill li jinfetħu n-negozjati. Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis it-talba għal opinjoni ammissibbli, wieħed ma jkunx jista’ jevita li ssir xi talba ulterjuri, wara li waqt in-negozjati jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ġuridiċi u tekniċi.

2       Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta' Franza, ta' l-Italja u tal-Portugall jesponu li t-talba għal opinjoni hija ammissibbli, billi tirrigwarda ftehim prospettat fis-sens ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat.

Il-Kummissjoni tirreferi għall-bidla fil-kliem ta' l-Artikolu 228. It-test l-antik tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 228(1) tat-Trattat KEE, li kien jippermetti li tinkiseb l-opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim prospettat, kien marbut ma' l-ewwel subparagrafu li jirreferi għall-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunità u Stati terzi jew organizzazzjoni internazzjonali. It-test il-ġdid ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat KE jitkellem biss dwar ftehim prospettat u jħalli barra kull referenza għal opinjoni qabel il-konklużjoni ta’ xi ftehim. Diġà fl-opinjoni 1/78, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ ftehim prospettat; din il-ġurisprudenza tista’ titqies li ssaħħet fid-dawl tat-test il-ġdid. Bħal fit-talba għal opinjoni 1/78, id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-kompetenza u mhemmx riskju li din terġa’ titressaq quddiemha waqt xi eventwali negozjati.

Il-Parlament jenfasizza li l-għan ta' l-Artikolu 228, kif jirriżulta mill-opinjoni 1/75 tal-11 ta’ Novembru 1975 (Ġabra p. 1355), huwa li jiġu evitati kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà ta' ftehim internazzjonali mat-Trattat. Dan il-każ jirrigwarda l-eżami dwar jekk l-ordni ġuridiku stabbilit bil-Konvenzjoni huwiex kompatibbli ma’ l-ordni ġuridiku Komunitarju. Il-kwistjoni ġuridika konkreta hija jekk il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun assuġġettata għal awtorità ġudizzjarja estranja għall-ordni ġuridiku Komunitarju huwiex kompatibbli mal-monopolju ta' ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-opinjoni 1/78, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa fl-interess ta' l-Istati kollha kkonċernati, inklużi l-Istati terzi, li kwistjoni dwar il-kompetenza tiġi riżolta mal-ftuħ tan-negozjati.

Il-Gvern Belġjan ukoll isemmi l-preċedent ta' l-opinjoni 1/78 u l-formulazzjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat. Huwa jinsisti fuq tliet punti. L-Istati Membri kkunsidraw li l-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni mad-dritt Komunitarju għandha tiġi stabbilita qabel ma jinfetħu n-negozjati. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, fl-opinjoni 1/78, iċċitata iktar 'il fuq, u fl-opinjoni 1/92 ta' l-10 ta' April 1992 (Ġabra p. I-2821), li talba għal opinjoni għandha titqies ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-għan tal-ftehim prospettat ikun magħruf u li l-awtur tat-talba jkollu interess li jikseb risposta, anki jekk il-kontenut tal-ftehim prospettat ikunu għadu ma ġiex definit fid-dettalji kollha tiegħu. L-effett utli ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat jiġi ppreġudikat li kieku wieħed kellu jeżiġi mill-istituzzjoni li tressaq it-talba għal opinjoni li hija ma jkollha ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim prospettat mad-dritt Komunitarju.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jesponi li t-talba hija ammissibbli billi, meta tressqet, id-diskussjoni dwar l-adeżjoni kienet laħqet stadju fejn opinjoni dehret li kienet neċessarja u ġustifikata. Kemm il-Konvenzjoni, li hija s-suġġett ta' l-adeżjoni, kif ukoll l-adattamenti li teħtieġ tali adeżjoni huma magħrufa. Konformement ma' dak li stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni 1/78, iċċitata iktar 'il fuq, huwa fl-interess ta' l-Istati Membri kollha li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Komunità sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni tiġi riżolta qabel in-negozjati.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Franċiż jirrikonoxxi li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex abbozz ta’ ftehim, li għad hemm sensiela ta’ inċertezzi dwar il-kontenut tan-negozjati u li fil-preżent għad mhemmx qbil fi ħdan il-Kunsill dwar l-opportunità ta’ l-adeżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tqis it-talba għal opinjoni ammissibbli, billi l-kwistjonijiet ġuridiċi dwar il-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni mat-Trattat huma identifikati b’mod ċar u billi r-rilevanza tagħhom ma tistax tiġi kkontestata.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Taljan isemmi l-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li minnu jirriżulta li t-talba għal opinjoni tista' tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-ftehim prospettat mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew il-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi tali ftehim. Jekk it-talba tirrigwarda l-kompetenza, bħal f'dan il-każ, mhijiex meħtieġa l-eżistenza ta' test ta' ftehim diġà suffiċjentement definit. Anki jekk it-talba tirrigwarda wkoll il-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni mar-regoli sostantivi tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrifjutaha, billi l-Konvenzjoni li magħha hija prospettata l-adeżjoni teżisti u l-aspetti ġenerali tagħha huma magħrufa.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Portugiż jenfasizza wkoll li r-riżultat tan-negozjati li għandhom jitmexxew u l-kontenut tal-Konvenzjoni li magħha l-Komunità tipproponi li taderixxi huma magħrufa.

V – Il-bażi ġuridika ta' l-adeżjoni prospettata

1       Il-Gvern Awstrijak, wara li fakkar il-ġurisprudenza dwar il-kompetenzi esterni tal-Komunità, jesponi li r-rispett tad-drittijiet fondamentali jifforma parti mill-eżerċizzju tal-prerogattivi kollha tal-Komunità. Il-garanzija tad-drittijiet protetti mill-Konvenzjoni hija bbażata fuq il-kompetenza li abbażi tagħha jaġixxu l-istituzzjonijiet Komunitarji f’kull qasam ikkonċernat. Din l-applikazzjoni orizzontali interna tad-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni tikkostitwixxi, fl-istess ħin, il-bażi tal-kompetenza esterna tal-Komunità sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni.

2       Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta' l-Italja, tal-Finlandja u ta' l-Iżvezja, kif ukoll, sussidjarjament, il-Gvern Awstrijak, jesponu li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, l-Artikolu 235 tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-adeżjoni. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 235, jiġifieri n-neċessità ta’ azzjoni mill-Komunità, it-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet tal-Komunità u r-rabta mat-tħaddim tas-suq komuni, huma sodisfatti.

Il-Kummissjoni tagħmel referenza għad-dokument tax-xogħol tagħha tas-26 ta’ Ottubru 1993, iċċitat iktar 'il fuq, li fih hija kkwalifikat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala għan trasversali li jifforma parti integrali mill-għanijiet tal-Komunità.

Mis-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455), jirriżulta li l-għanijiet fis-sens ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat jistgħu jiġu speċifikati fil-preambolu tat-Trattat. Issa l-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew jagħmel referenza għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-Konvenzjoni.

Il-Parlament jikkunsidra wkoll li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taqa' taħt l-għanijiet tal-Komunità. Il-fatt li ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni ġiet stabbilita fit-Trattat jikkostitwixxi element ġuridiku ġdid favur din it-teżi. Fil-fatt, skond id-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu B tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ta' l-Artikolu 8 tat-Trattat KE, meħuda flimkien, hija l-Komunità li għandha tassigura liċ-ċittadin ta' l-Unjoni protezzjoni tad-drittijiet fondamentali tiegħu li tkun ekwivalenti għal dik li huwa jgawdi bħala ċittadin nazzjonali fir-rigward ta' l-atti ta' l-Istat. Il-Parlament jenfasizza n-neċessità li l-Komunità, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, jkunu suġġetti għall-istess kontroll ġuridiku internazzjonali bħal dak li għalih huma suġġetti l-Istati Membri u l-qrati ta' l-aħħar istanza tagħhom. Skond il-Parlament, l-għażla ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat għandha tkun kompletata b'referenza għat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 228(3) tat-Trattat, li jeżiġi li, għall-konklużjoni ta’ ċerti ftehim internazzjonali, jinkiseb il-kunsens tal-Parlament. In-neċessità ta’ tali kunsens tista’ tiġi spjegata mir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, li tikkonsisti f'li jiġi evitat li, permezz ta' ftehim internazzjonali, il-Parlament, fil-funzjoni tiegħu ta’ koleġiżlatur, ikun obbligat, skond l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, li jemenda att adottat skond il-proċedura ta’ kodeċiżjoni.

Il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta' l-Italja, ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Iżvezja jenfasizzaw li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tikkostitwixxi prinċipju ġenerali orizzontali li l-Komunità għandha tosserva fl-eżerċizzju ta' l-attivitajiet kollha tagħha u li din il-protezzjoni hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

Skond dawn il-Gvernijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet din il-protezzjoni permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju billi ispirat ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni u mill-istrumenti internazzjonali, speċjalment il-Konvenzjoni. Il-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew, il-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli F(2), J.1 u K.2 ta’ dan it-Trattat jipprovdu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u, f’dan il-kuntest, għar-rwol tal-Konvenzjoni.

Il-Gvern Grieg jirreferi wkoll għall-Artikolu 130u(2) tat-Trattat KE, li jsemmi l-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem fil-kooperazzjoni għal-iżvilupp.

Il-Gvern Awstrijak jispeċifika li, sabiex jiġu determinati l-għanijiet tal-Komunità, għandha ssir referenza wkoll għall-preambolu tat-Trattat li jirreferi għall-ħarsien tal-paċi u tal-libertà; dan il-għan jiġbor fih id-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni.

Il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li, fl-istadju attwali ta' l-iżvilupp tal-Komunità, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tikkostitwixxi għan veru u proprju tal-Komunità.

Skond dawn il-Gvernijiet kollha, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni u l-kontroll ġudizzjarju estern ikunu neċessarji sabiex jiġu protetti l-individwi kontra l-ksur tal-Konvenzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

Il-Gvern Belġjan jinsisti fuq in-neċessità li jiġu evitati diverġenzi fl-interpretazzjoni bejn il-ġurisprudenza Komunitarja u dik ta' l-organi tal-Konvenzjoni. Huwa jirrileva li s-sistema ta' rimedji tad-dritt Komunitarju, li teskludi r-rikors għal annullament minn individwu kontra att li ma jikkonċernahx direttament u individwalment, tagħtih inqas protezzjoni minn dik tal-Konvenzjoni.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Taljan jirrileva li l-Istati Membri kollha assuġġettaw ruħhom volontarjament, f'dak li jirrigwarda l-kompetenzi tagħhom, għall-mekkaniżmi ta’ kontroll internazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. It-trasferiment tal-kompetenzi ta' l-Istat lill-Komunità jeħtieġ li l-Komunità tassuġġetta ruħha għall-istess kontroll internazzjonali sabiex jerġa’ jiġi stabbilit l-ekwilibriju li kien inizjalment mixtieq mill-Istati Membri.

Il-Gvern Awstrijak jagħmel referenza għan-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni, għat-tisħiħ progressiv ta' l-integrazzjoni prevista mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, qasam li fih il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha importanza partikolari, u għall-kawżi dwar is-servizz pubbliku Komunitarju.

Il-Gvern Finlandiż jispeċifika li l-adeżjoni hija neċessarja fid-dawl tat-tisħiħ ta' l-aspett soċjali tat-Trattat. Il-bażijiet il-ġodda ta' kompetenza previsti fl-Att Uniku Ewropew u l-introduzzjoni fit-Trattat tal-prinċipju tas-sussidjarjetà madankollu rrestrinġew il-kamp ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat. L-użu ta’ din id-dispożizzjoni jkun jiddependi mill-istruttura u mill-kontenut tal-ftehim ta' adeżjoni.

3       Il-Gvernijiet ta' Spanja, ta' Franza, ta' l-Irlanda, tal-Portugall u tar-Renju Unit jesponu li la t-Trattat KE u lanqas it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma fihom xi dispożizzjoni li tagħti kompetenzi speċifiċi lill-Komunità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jservu bħala bażi ġuridika għall-adeżjoni prospettata. L-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jwettaq biss kostituzzjonalizzazzjoni ta' l-acquis ġurisprudenzjali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u barra minn hekk jipprovdi għal din il-protezzjoni biss permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

Il-Gvernijiet ta' Franza u tal-Portugall iżidu li l-Artikolu J.1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni, kif ukoll l-Artikolu K.2(1) ta’ dan it-Trattat, dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni, li barra minn hekk ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom in-natura ta' programm u ma jagħtux setgħat speċifiċi lill-Komunità. Il-Gvern Franċiż jeskludi wkoll l-Artikolu 130u tat-Trattat KE.

Il-Gvernijiet ta' Spanja, ta' Franza, ta' l-Irlanda, tal-Portugall u tar-Renju Unit huma wkoll kontra l-eventwali applikazzjoni ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat. Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhuwiex fost l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat. Il-Gvern tar-Renju Unit iżid li lanqas referenza għall-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma tista’ tiġġustifika l-użu ta' l-Artikolu 235.

Dawn il-Gvernijiet jikkontestaw l-argument li l-adeżjoni prospettata hija meħtieġa minħabba lakuna ġuridika jew defiċit fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Qorti tal-Ġustizzja inkorporat l-elementi sostantivi tal-Konvenzjoni fl-ordni ġuridiku Komunitarju u integratha kompletament fil-korp tad-dritt Komunitarju. Il-Gvern Franċiż elenka d-drittijiet fondamentali stabbiliti bil-Konvenzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura li jiġu rispettati.

Il-Gvern Portugiż iżid li r-riskju ta’ interpretazzjoni diverġenti tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Gustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa teoretiku u jista’ jiġi spjegat mill-għanijiet speċifiċi ta’ integrazzjoni ekonomika u politika tal-Komunità. Dan il-Gvern isemmi l-possibiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Gustizzja lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni.

Skond il-Gvernijiet, id-dritt Komunitarju fih sistema kompleta ta’ rimedji għall-benefiċċju ta' l-individwi. L-adeżjoni mhijiex neċessarja fil-kuntest tal-funzjonament tas-suq komuni.

4       Il-Gvern Daniż jieħu pożizzjoni inqas netta. Huwa jirreferi għal-lakuna fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak li għandu x’jaqsam mas-servizz pubbliku Komunitarju, filwaqt li jirrikonoxxi li din il-lakuna mhijiex ta’ natura fondamentali iżda proċedurali. Ir-rispett tal-Konvenzjoni permezz ta’ tip ta’ awtolimitazzjoni imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti mir-rispett bis-saħħa ta' obbligu internazzjonali, anki jekk id-differenza hija teoretika. Il-vantaġġ ta’ adeżjoni jkun essenzjalment politiku, inkwantu jenfasizza l-importanza mogħtija lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Adeżjoni tippermetti wkoll lill-Komunità li tassigura d-difiża tagħha hija stess jekk id-dritt Komunitarju jiġi kkontestat quddiem l-organi previsti bil-Konvenzjoni. F'dan ir-rigward, il-Gvern jirrileva li ġeneralment il-kawżi jikkonċernaw taħlita ta’ regoli Komunitarji u nazzjonali, f’liema każ ir-regoli nazzjonali huma, fil-prinċipju, ikkontestati; f’din is-sitwazzjoni, l-istituzzjonijiet, b'mod partikolari l-Kummissjoni, ikunu jistgħu jassistu lill-gvern nazzjonali quddiem l-organi tal-Konvenzjoni.

Fuq in-naħa opposta ta' dan il-vantaġġ politiku hemm, skond il-Gvern Daniż, problemi prattiċi u ġuridiċi. Fil-preżent, l-adeżjoni hija possibli biss għall-Istati; il-pożizzjoni tal-partijiet kontraenti l-oħra mhijiex ċerta; l-adeżjoni tal-Komunità toħloq problemi fir-rigward tad-derogi mogħtija lill-Istati Membri u tar-riżervi magħmula minnhom; l-adeżjoni probabbilment ssirx fir-rigward tal-Konvenzjoni kollha kemm hi; ikun hemm bżonn li jiġi stabbilit mekkaniżmu sabiex tiġi ddeterminata l-entità responsabbli għall-ksur tal-konvenzjoni, billi a priori l-att ikkontestat ikun wieħed nazzjonali; tqum ukoll il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-Komunità fl-organi ta’ kontroll tal-konvenzjoni, b'mod partikolari fil-Qorti unika tal-futur. Fid-dawl tal-gravità ta’ dawn il-problemi, il-Gvern Daniż jipproponi l-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunità u l-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u li jawtorizza lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-dritt Komunitarju.

VI – Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni ma’ l-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat

1       Il-Kummissjoni, il-Parlament kif ukoll il-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta' l-Italja, ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Iżvezja jesponu li l-adeżjoni propsettata, b'mod partikolari l-fatt li l-Komunità tkun suġġetta għas-sistema ġudizzjarja tal-Konvenzjoni, ma tmurx kontra l-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat.

Il-Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għall-każ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-għanijiet tal-Konvenzjoni u tat-Trattat jaqblu f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kontroll klassiku fid-dritt internazzjonali u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem m'għandhom ebda effett dirett fl-ordni ġuridiku intern. Bla dubju, il-Konvenzjoni tinkludi l-element partikolari tal-petizzjoni individwali. Madankollu din hija biss modalità waħda ta’ kontroll, u magħha hemm ukoll ir-rikorsi li jistgħu jitressqu mill-partijiet kontraenti; barra minn hekk, ikun kontradittorju li jiġi aċċettat dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll u tiġi rrifjutata l-petizzjoni individwali. Il-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem ma tiddeċidix dwar il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, li hija kwistjoni regolata biss mill-ordni ġuridiku Komunitarju. Għalhekk, il-possibiltà ta’ azzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri għandha tiġi eskluża.

Lanqas ma jista’ jiġi affermat li l-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-Konvenzjoni, in kwantu jestendi għall-kompetenzi Komunitarji kollha, iqiegħed fid-dubju l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. Fil-fatt, il-Konvenzjoni timponi biss standards minimi. Il-mekkaniżmu ta’ kontroll ma jkollu ebda effett dirett fl-ordni ġuridiku Komunitarju. Fl-aħħar nett, billi ma ġiex ikkunsidrat li jmur kontra l-prinċipji kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, huwa diffiċli biex dan il-mekkaniżmu jiġi kkunsidrat inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju.

Il-Parlament jirreferi għall-opinjoni 1/91, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għall-Komunità li tassuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti internazzjonali. Il-fatt li l-Komunità tassuġġetta ruħha għal qorti kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa konformi ma' l-iżvilupp tas-sistema Komunitarja li m'għadhiex diretta iżjed lejn l-operatur ekonomiku, iżda lejn iċ-ċittadin ta' l-Unjoni. Kontroll estern fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem ma jaffettwax l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju iżjed milli ppreġudika lil dak ta' l-Istati Membri. Il-Parlament jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha rrileva l-importanza ta’ rikors dirett quddiem qorti internazzjonali sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta' att Komunitarju mad-drittijiet tal-bniedem u enfasizza li l-adeżjoni prospettata mhijiex ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet tad-dritt Komunitarju.

Skond il-Gvern Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tiddeċiedi jekk id-drittijiet fondamentali integrati fl-ordni ġuridiku Komunitarju, meta jkunu misluta mill-Konvenzjoni, isirux parti mid-dritt Komunitarju jew inkella jżommux in-natura speċifika tagħhom. Mir-risposta jiddependi jekk l-adeżjoni prospettata taffettwax l-awtonomija tad-dritt Komunitarju jew le.

Fl-ewwel lok, il-Gvern jirrileva li d-drittijiet u l-libertajiet tal-Konvenzjoni għandhom l-istatus tagħhom fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, il-Konvenzjoni tistabilixxi biss livell minimu ta’ protezzjoni u ma taffettwax l-iżvilupp ta’ din il-protezzjoni minn sorsi oħra rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-ordni ġuridiku Komunitarju veru u proprju u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni. Meta tirreferi għall-Konvenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni mogħtija mill-organi tal-Konvenzjoni, u b'hekk tenfasizza l-post speċifiku li jokkupaw id-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni fl-ordni Komunitarju. Għaldaqstant, l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju, fis-sens ta' l-opinjonijiet 1/91 u 1/92, iċċitati iktar 'il fuq, hija, minn dan il-punt 'il quddiem, biss relattiva.

Fit-tieni lok, il-Gvern Belġjan jesponi li l-ftehim prospettat jippreżerva l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. Konformement mal-possibbiltà li jipprovdi l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni, kull azzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha tkun eskluża, u dan jirrispetta l-Artikolu 219 tat-Trattat. Sabiex tiġi evitata kull influwenza esterna fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar jistgħu, f'każ ta’ petizzjoni individwali, jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta' min kien responsabbli għall-allegat ksur; il-mekkaniżmu li għandu jitwaqqaf ikun ispirat mill-Anness IX għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982.

Fit-tielet lok, huwa jenfasizza li awtonomija assoluta ta' l-ordni ġuridiku Komunitarja fil-qasam tad-drittijiet u libertajiet garantiti mill-Konvenzjoni, mhijiex ta’ min jixtieqha. Fil-fatt, wieħed ma jkunx jeskludi r-riskju li l-organi tal-Konvenzjoni jirrikonoxxu l-kompetenza tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà mal-Konvenzjoni, jekk mhux ta' l-atti Komunitarji, ta' l-anqas ta' l-atti nazzjonali ta’ implementazzjoni, jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-ordni Komunitarju tkun inferjuri għal dik tal-Konvenzjoni.

Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-kriterji stabbiliti fl-opinjonijiet 1/91 u 1/92, iċċitati iktar 'il fuq, dwar l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju huma applikabbli, l-adeżjoni prospettata tista’ sseħħ.

F'dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jirrileva n-nuqqas ta’ kull rabta personali u funzjonali bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-organi tal-Konvenzjoni. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ biss tobbliga l-parti in kwistjoni li tikkonforma ruħha mas-sentenzi tagħha, mingħajr ma tista’ tannulla jew tinvalida l-att nazzjonali kkontestat. F'dak li jirrigwarda l-effetti tas-sentenzi ta' dik il-Qorti, il-Gvern jiddistingwi żewġ każijiet. Jekk id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni tkun suffiċjentement preċiża u kompleta, hija tiġi rispettata bis-sempliċi rikonoxximent ta' l-applikabbiltà diretta tagħha. Jekk id-dispożizzjoni li nkisret ma tkunx direttament applikabbli, ikun l-Istat li jkollu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiġi rimedjat il-ksur. Fl-ebda każ ma titqiegħed fid-dubju l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju.

Skond il-Gvern tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta' l-Italja, ta' l-Awstrija u tal-Finlandja, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fl-opinjoni 1/91, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Komunità tista’ tassuġġetta ruħha għal qorti stabbilita permezz ta' ftehim internazzjonali, għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, bil-kundizzjoni li ma tiġix affettwata l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b'mod partikolari n-neċessita’ li jiġu rispettati l-indipendenza tal-qrati Komunitarji u l-monopolju tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

Il-Gvern Daniż jenfasizza li, fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, id-diffikultà kienet tirrigwarda l-identiċità ta’ dan id-dritt mad-dritt Komunitarju. F’dan il-każ, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza ta' l-organi tal-Konvenzjoni min-naħa ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, tkun limitata biss għall-aspett tad-drittijiet tal-bniedem. Mingħajr ma jixtieq jirriżolvi l-kwistjoni b'mod definittiv, il-Gvern jenfasizza li l-effett tal-ġurisprudenza tal-Konvenzjoni fuq dik tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà jeżisti, u dan sostna favur il-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni mat-Trattat.

Il-Gvern Ġermaniż jispeċifika wkoll li l-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tibqa’ f'idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tiddeċidix fuq id-dritt intern tal-partijiet kontraenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali b'referenza kemm għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri kif ukoll għall-Konvenzjoni, u tilħaq livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat li l-awtonomija tad-dritt Komunitarju hija mqiegħda fid-dubju għaliex dispożizzjonijiet identiċi huma interpretati b'mod diverġenti minħabba l-għanijiet differenti tagħhom. L-uniku obbligu li timponi l-Konvenzjoni fuq il-Komunità, jiġifieri r-rispett ta’ livell minimu, jibqa’ fil-limiti stabbiliti fl-opinjoni 1/91, iċċitata iktar 'il fuq. Il-Gvern Ġermaniż jirreferi wkoll għan-nuqqas ta’ rabta personali bejn iż-żewġ istanzi ġudizzjarji.

Il-Gvern Grieg iqis li eventwali involviment tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-ordni ġuridiku Komunitarju jkun limitat għall-interpretazzjoni tad-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni. Ir-rispett ta' l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju ma jimpedixxix kull involviment estern, iżda jeżiġi li jkunu mħarsa l-prinċipji fundamentali u ta' l-ekwilibriji istituzzjonali tad-dritt Komunitarju. Il-parteċipazzjoni ta' mħallef li jkun ġej mill-Komunità li ma jkunx fl-istess ħin membru tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassigura li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tad-dritt Komunitarju.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Taljan jirrileva li l-ftehim ta' adeżjoni għandu jirrispetta l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjonijiet 1/91 u 1/92, iċċitati iktar 'il fuq, f'dak li jirrigwarda r-rispett ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. F'dan ir-rigward, il-Gvern jinsisti fuq il-fatt li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem m’għandhomx effett dirett fl-ordnijiet ġuridiċi interni u ma jistax ikollhom l-effett li jiddikjaraw atti interni illegali.

Il-Gvern Awstrijak jenfasizza d-differenza mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. L-adeżjoni ma toħloqx korp ta’ regoli li jinkludu essenzjalment regoli li jinsabu diġà fl-ordni ġuridiku Komunitarju u li jkollu jiġi integrat f’dan l-ordni. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tkunx kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta' dritt Komunitarju li, f'dan ir-rigward, ikun l-istess bħad-drittijiet ta' l-Istati partijiet fil-Konvenzjoni.

Il-Gvern Żvediż iqis li inkompatibbiltà ta' l-adeżjoni ma’ l-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat tista’ teżisti biss fil-każ ta’ nuqqas li tiġi rispettata n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ta’ preġudizzju għall-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju. Sabiex dan jiġi evitat, il-Gvern Żvediż jipproponi li jiġi eskluż, permezz ta’ ftehim speċjali, it-tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u l-Komunità mill-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' tilwim tal-Konvenzjoni. Huwa jsemmi wkoll l-idea ta’ mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjonijiet ta' dritt Komunitarju.

Il-Gvern Finlandiż ma jeskludix li l-adeżjoni prospettata u l-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jista’ jkollu effetti fuq l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, safejn dawn jaffetwaw id-drittijiet tal-bniedem. Jekk jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni 1/91, iċċitata iktar 'il fuq, ikun madankollu neċessarju li jiġi rikonoxxut li d-drittijiet tal-bniedem, protetti permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, ma jidħlux fil-qalba ekonomika u kummerċjali ta’ dan id-dritt u li l-adeżjoni ma tippreġudikax l-awtonomija tiegħu.

2       Il-Gvernijiet ta' Spanja, ta' Franza, ta' l-Irlanda, tal-Portugall u tar-Renju Unit jesponu li l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni hija inkompatibbli mat-Trattat, b’mod partikolari ma' l-Artikoli 164 u 219. Filwaqt li jagħmlu referenza għall-opinjonijiet 1/91 u 1/92, iċċitati iktar 'il fuq, il-Gvernijiet jenfasizzaw li l-adeżjoni prospettata tqiegħed fid-dubju l-awtonomija ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju u l-monopolju ta' ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

F'dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jiċċita l-Artikoli 24 u 25 tal-Konvenzjoni, li jistabbilixxu r-rikors interstatali u l-petizzjoni individwali, l-Artikolu 45 li jagħti kompetenza lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta' l-interpretazzjoni u ta' l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Artikoli 32 u 46 li jagħtu natura vinkolanti lid-deċiżjonijiet ta' l-organi tal-Konvenzjoni, l-Artikolu 52 dwar in-natura definittiva tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 53 li jobbliga lill-partijiet kontraenti li jikkonformaw ruħhom mas-sentenzi u l-Artikolu 54 li jagħti lill-Kumitat tal-Ministri funzjoni ta’ sorveljanza ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. L-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni, li jassuġġetta t-tilwim kollu bejn il-partijiet kontraenti dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għall-mezzi ta' riżoluzzjoni previsti fiha, huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 219 tat-Trattat; ikun neċessarju li tiġi prevista riżerva jew ftehim speċjali sabiex jiġi eskluż it-tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Kuntrarjament għall-kriterji stabbiliti fl-opinjonijiet 1/91 u 1/92, iċċitati iktar 'il fuq, l-organi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni ma jillimitawx ruħhom li jinterpretaw il-Konvenzjoni, iżda jeżaminaw il-legalità tad-dritt Komunitarju fid-dawl tal-Konvenzjoni, u dan jaffettwa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Gvern Franċiż jispeċifika li l-ordni ġuridiku Komunitarju għandu organizzazzjoni ġudizzjarja awtonoma u speċifika. Ebda dritt ta' azzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma twaqqaf jew jista’ jitwaqqaf, fl-istat attwali, barra mir-rispett għad-dritt mogħti bħala prinċipju ġenerali lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Gvern Franċiż jittratta wkoll il-problema ta' l-eżawriment minn qabel tar-rimedji previsti fid-dritt intern. Fl-ordni Komunitarju, ir-rikorsi miftuħa għall-individwi huma limitati u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Tqum il-kwistjoni jekk l-organi tal-Konvenzjoni jkollhomx għalfejn jikkostrinġu l-Komunità twessa' l-aċċess għall-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jew jekk, għall-kuntrarju, jistgħux eventwalment jirrifjutaw li jikkunsidraw din il-proċedura fl-evalwazzjoni tagħhom tal-kundizzjoni ta' l-eżawriment tar-rimedji previsti fid-dritt intern. Ikun għaldaqstant iktar faċli li jiġi emendat it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat bil-għan li l-individwi jkunu jistgħu jikkontestaw l-atti Komunitarji li jqiegħdu fid-dubju d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-Gvern Franċiż jenfasizza r-riskju li kawżi li jinvolvu d-dritt Komunitarju jitressqu quddiem l-organi tal-Konvenzjoni komposti minn ċittadini ta' Stati li huma membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa iżda mhux membri tal-Komunità. Huwa jirrileva wkoll id-diffikultajiet ta’ parteċipazzjoni ta' l-imħallfin tal-Komunità fl-organi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adeżjoni tista’ sseħħ biss wara li jiġi emendat it-Trattat, inkluż il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Gvern Irlandiż jirrileva li l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni tqiegħed fid-dubju l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikoli 164 u 219 tat-Trattat, sabiex tiddeċiedi kull kwistjoni dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-Trattat.

Il-Gvern Portugiż jenfasizza wkoll li l-organi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni għandhom il-kompetenza sabiex japplikaw u jinterpretaw dispożizzjonijiet li għandhom effett orizzontali; din il-kompetenza inevitabbilment tinterferixxi ma' l-applikazzjoni u ma' l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Bla dubju, l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni jippermetti li jiġi eskluż ir-rikors interstatali previst fl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni, sabiex jiġi rispettat l-Artikolu 219 tat-Trattat. Ir-ratio legis ta’ dan l-Artikolu ma tistax madankollu tkun limitata għall-ipoteżi ta’ kawża bejn Stati Membri, iżda tfisser li huwa għandu jiġi evitat li xi metodu ta' riżoluzzjoni ġudizzjarja tat-tilwim li ma jkunx dak applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jinterferixxi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattat. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jkollha għalfejn tinterpreta d-dritt Komunitarju u tieħu deċiżjonijiet dwar il-kompetenza tal-Komunità. Mekkaniżmu li jippermetti lill-Komunità u lill-Istati Membri li jirriżolvu l-kwistjonijiet ta' kompetenza jkun diffiċilment prattikabbli. Sabiex jiġi determinat jekk kienx hemm eżawriment tar-rimedji previsti fid-dritt intern, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ wkoll tiddeċiedi dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; għaldaqstant, hija jkollha tiddeċiedi jekk l-individwu setax iressaq rikors għal annullament kontra l-att Komunitarju li kien jikkonċernah direttament u individwalment.

Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit jirrilevaw ukoll l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti unika tal-futur. Huma jenfasizzaw b'mod partikolari li dik il-Qorti għandha l-kompetenza sabiex tagħti kumpens xieraq lill-parti leża, li jista’ jkun fil-forma ta’ kumpens finanzjarju. Fil-każ ta’ adeżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja, fil-qasam ta' l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, għall-awtorità aħħarija tagħha li tinterpreta d-dritt Komunitarju. Kuntrarjament għall-kriterji stabbiliti fl-opinjoni 1/91, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tillimitax ruħha li tinterpreta u tapplika ftehim internazzjonali. Hija tindaħal ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u jkollha tiddeċiedi dwar il-kompetenzi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri.

3       Il-Gvern Olandiż jillimita ruħu li jirrileva l-problemi li għandhom jiġu analizzati qabel ma tittieħdu deċiżjoni dwar l-opportunità ta’ adeżjoni mingħajr ma jieħu pożizzjoni netta. Huwa jirreferi b'mod partikolari għall-kwistjoni jekk ir-relazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-organi tal-Konvenzjoni humiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 164 tat-Trattat, il-kwistjoni dwar is-sitwazzjoni ta' l-Istati Membri, partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni u membri tal-Komunità, f'dak li għandu x’jaqsam mar-rispett ta' l-obbligi rispettivi tagħhom skond it-Trattati Komunitarji u l-Konvenzjoni, u l-problema tad-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-Komunità u ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda r-rispett tal-Konvenzjoni.

Pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

1       Il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit, kif wkoll il-Gvernijiet tad-Danimarka u ta' l-Iżvezja, sostnew li t-talba għal opinjoni mhijiex ammissibbli jew, ta’ l-anqas, hija prematura. Huma sostnew li ma jeżisti l-ebda ftehim li l-kontenut tiegħu huwa suffiċjentement preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kompatibbiltà ta' l-adeżjoni mat-Trattat. Skond dawn il-Gvernijiet, ma jista’ jingħad li hemm ftehim prospettat meta l-Kunsill lanqas ma jkun għadu adotta deċiżjoni ta’ prinċipju dwar il-ftuħ tan-negozjati tal-ftehim.

2       F'dan ir-rigward, għandu jiġi imfakkar li, skond l-Artikolu 228(6) tat-Trattat, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jieħu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim prospettat ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

3       Kif ikkonstatat l-aħħar darba l-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni 3/94 tat-13 ta’ Diċembru 1995 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16), din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita l-komplikazzjonijiet li jirriżultaw mill-kontestazzjonijiet fil-qorti dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta' ftehim internazzjonali li jorbtu lill-Komunità.

4       Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f'din l-opinjoni (punt 17) li eventwali deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu jew tal-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, tali ftehim huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma tistax ma toħloqx diffikultajiet serji, mhux biss fuq livell Komunitarju iżda wkoll fuq dak tar-relazzjonijiet internazzjonali, u tipperikola li toħloq preġudizzju għall-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-pajjiżi terzi.

5       Sabiex jiġu evitati tali komplikazzjonijiet, it-Trattat stabbilixxa proċedura eċċezzjonali ta’ azzjoni mressqa minn qabel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat, qabel il-konklużjoni tal-ftehim, jekk dan huwiex kompatibbli mat-Trattat.

6       Din hija proċedura speċjali ta’ kollaborazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, u l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tassigura, skond l-Artikolu 164 tat-Trattat, l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat fil-fażi qabel il-konklużjoni ta’ ftehim li jista' jagħti lok għal kontestazzjoni dwar il-legalità ta’ att Komunitarju ta’ konklużjoni, ta’ implementazzjoni jew ta’ applikazzjoni.

7       Fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ abbozz ta’ ftehim, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, la fil-mument meta tressqet it-talba għal opinjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fil-mument meta hija tagħti l-opinjoni tagħha m'għadhom bdew in-negozjati u l-kontenut preċiż tal-ftehim li bih il-Komunità għandha l-intenzjoni li tintrabat mal-Konvenzjoni ma ġiex determinat.

8       Sabiex jiġi evalwat safejn dan in-nuqqas ta' dettalji dwar il-kontenut tal-ftehim jaffetwa l-ammissibbiltà tat-talba, għandha ssir distinzjoni skond l-għanijiet ta' din it-talba.

9       Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni tqajjem żewġ problemi prinċipali li huma, min-naħa, il-problema tal-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi tali ftehim u, min-naħa l-oħra, il-problema tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b’mod partikolari dawk relattivi għall-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

10     F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kompetenza, għandu jiġi mfakkar li, fl-opinjoni 1/78 ta' l-4 ta’ Ottubru 1979 (Ġabra p. 2871, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn trid tiġi deċiża kwistjoni ta’ kompetenza, huwa fl-interess ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta' l-Istati kkonċernati, inklużi l-pajjiżi terzi, li din il-kwistjoni tkun ikkjarifikata mal-ftuħ tan-negozjati u saħansitra qabel ma jiġu negożjati l-elementi essenzjali tal-ftehim.

11     L-unika kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevat f'dik l-opinjoni hija li l-għan tal-ftehim prospettat ikun magħruf qabel ma jinbdew in-negozjati.

12     Issa m’għandu jkun hemm ebda dubju li, fil-preżenti talba għal opinjoni preżenti, l-għan tal-ftehim prospettat huwa magħruf. Fil-fatt, indipendentement mill-modalitajiet ta’ l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni, l-għan ġenerali ta’ din il-Konvenzjoni, il-materji regolata minnha u l-portata istituzzjonali ta’ tali adeżjoni għall-Komunità huma perfettament magħrufa.

13     L-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li l-Kunsill għadu ma ħax id-deċiżjoni li jiftaħ in-negozjati u li għaldaqstant ebda ftehim ma ġie prospettat fis-sens ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat.

14     Fil-fatt, minkejja li tali deċiżjoni ma tteħditx, l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni kienet is-suġġett ta’ diversi studji u proposti tal-Kummissjoni u kienet fuq l-aġenda tal-Kunsill fil-mument meta tressqet it-talba għal opinjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li l-Kunsill beda l-proċedura ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat juri, barra minn hekk, li huwa kien qed jipprospetta l-possibiltà li jinnegozja u li jikkonkludi tali ftehim. Għalhekk, it-talba għal opinjoni tidher li hija ispirata minn preokkupazzjoni leġittima tal-Kunsill sabiex isir jaf safejn jaslu l-kompetenzi tiegħu qabel ma jieħu deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati.

15     Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li l-portata tat-talba għal opinjoni, safejn din tirrigwarda l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Komunità, hija suffiċjentement ċara u li deċiżjoni formali tal-Kunsill li jinfetħu n-negozjati ma kinitx indispensabbli sabiex dan il-għan jiġi speċifikat iktar.

16     Fl-aħħar nett, l-effett utli tal-proċedura ta' l-Artikolu 228(6) tat-Trattat jeżiġi l-possibbiltà li l-kwistjoni tal-kompetenza titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss mal-ftuħ tan-negozjati (opinjoni 1/78, punt 35), iżda wkoll qabel ma jkunu bdew formalment dawn in-negozjati.

17     F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Komunità sabiex hija tipproċedi għall-adeżjoni tqajmet bħala kwistjoni preliminari fi ħdan il-Kunsill, huwa fl-interess tal-Komunità, ta' l-Istati Membri u ta' l-Istati l-oħra partijiet fil-Konvenzjoni li din il-kwistjoni tiġi determinata qabel ma jinfetħu n-negozjati.

18     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal opinjoni hija ammissibbli safejn din tirrigwarda l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi tan-natura prospettata.

19     Madankollu, dan mhuwiex il-każ f'dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-ftehim mat-Trattat.

20     Fil-fatt, sabiex tingħata risposta dettaljata dwar il-kwistjoni jekk l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni tkunx kompatibbli mar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari ma' l-Artikoli 164 u 219 dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta' l-aħħar għandu jkollha informazzjoni suffiċjenti dwar il-modalitajiet li permezz tagħhom il-Komunità tipprospetta li tassuġġetta ruħha għall-mekkaniżmi attwali u futuri ta’ kontroll ġudizzjarju stabbiliti mill-Konvenzjoni.

21     Issa għandu jiġi kkonstatat li ma ġie pprovdut ebda dettal lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-soluzzjonijiet prospettati fir-rigward ta' kif sejra topera konkretament din is-sottomissjoni tal-Komunità għal qorti internazzjonali.

22     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tagħti opinjoni dwar jekk l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tkunx kompatibbli mar-regoli tat-Trattat.

 Fuq il-kompetenza tal-Komunità sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni

23     Mill-Artikolu 3B tat-Trattat, li jipprovdi li l-Komunità għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha bit-Trattat u tal-miri li ġew assenjati lilha fih, jirriżulta li hija għandha biss il-kompetenzi li ġew mogħtija lilha.

24     Dan il-prinċipju tal-kompetenzi mogħtija għandu jiġi rispettat kemm fl-azzjoni interna kif ukoll fl-azzjoni internazzjonali tal-Komunità.

25     Il-Komunità taġixxi normalment abbażi ta’ kompetenzi speċifiċi li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, m’għandhomx għalfejn jirriżultaw espressament minn dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, iżda jistgħu wkoll jiġu dedotti, b’mod impliċitu, minn dawn id-dispożizzjonijiet.

26     Fil-fatt, fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità, li huwa in kwistjoni fil-preżenti talba għal opinjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kompetenza tal-Komunità biex tassumi obbligi internazzjonali mhux biss tista’ tirriżulta minn dispożizzjonijiet espliċiti tat-Trattat, iżda tista' toħroġ ukoll b’mod impliċitu minn dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, b'mod partikolari, li kull meta d-dritt Komunitarju ta, lill-istituzzjonijiet Komunitarji, kompetenzi fuq il-livell intern biex jitwettaq xi għan partikolari, il-Komunità kellha l-kompetenza biex tassumi l-obbligi internazzjonali meħtieġa għat-twettiq ta’ dan il-għan, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f'dan ir-rigward (ara l-opinjoni 2/91 tad-19 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I-1061, punt 7).

27     Għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod ġenerali, il-poter li jadottaw regoli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jew li jikkonkludu konvenzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam.

28     Fin-nuqqas ta’ kompetenzi speċifiċi espressi jew impliċiti għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 235 tat-Trattat jistax jikkostitwixxi bażi ġuridika għall-adeżjoni.

29     L-Artikolu 235 huwa intiż sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ poteri ta' azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, safejn tali poteri jkunu jidhru madankollu li huma meħtieġa sabiex il-Komunità tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha biex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti bit-Trattat.

30     Billi tifforma parti integrali minn ordni istituzzjonali bbażat fuq il-prinċipju tal-kompetenzi mogħtija, din id-dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi bażi jitwessa' l-qasam tal-kompetenzi tal-Komunità lil hinn mill-qafas ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, u b’mod partikolari minn dawk li jiddefinixxu l-kompiti u l-attivitajiet tal-Komunità. F’kull każ, hija ma tistax isservi bħala bażi sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet li l-effett tagħhom essenzjalment ikun li t-Trattat jiġi emendat mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura prevista fit-Trattat għal dan il-għan.

31     Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni tistax tiġi bbażata fuq l-Artikolu 235.

32     Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ġiet enfasizzata f’diversi dikjarazzjonijiet ta' l-Istati Membri u ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji (iċċitati fil-punt III.5 ta' l-ewwel parti ta' din l-opinjoni). Issir ukoll referenza għall-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew, kif ukoll fil-preambolu, fl-Artikolu F(2), fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu J.1(2) u fl-Artikolu K.2(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu F jispeċifika li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fondamentali, kif garantiti, b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni. L-Artikolu 130u jipprovdi, fil-paragrafu 2, li l-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-għan tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

33     Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura li jiġu rispettati. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri ħadmu flimkien għalihom jew aderew magħhom. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Konvenzjoni għandha sinjifikat partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 41).

34     Għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi għalhekk kundizzjoni għal-legalità ta' l-atti Komunitarji, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ġġib magħha bidla sostanzjali fis-sistema Komunitarja attwali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, billi tirrikjedi d-dħul tal-Komunità f’sistema istituzzjonali internazzjonali distinta kif ukoll l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni fl-ordni ġuridiku Komunitarju.

35     Tali bidla fis-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Komunità, li jkollha implikazzjonijiet istituzzjonali fundamentali għall-Komunità daqskemm ikollha għall-Istati Membri, tkun ta' portata kostituzzjonali u għalhekk, min-natura tagħha, tmur lil hinn mil-limiti ta' l-Artikolu 235. Hija tista’ titwettaq biss permezz ta' emenda tat-Trattat.

36     Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il- Komunità m’għandhiex kompetenza sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni.

Għaldaqstant,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. N. Kakouris, D. A. O. Edward, J.-P. Puissochet u G. Hirsch, Presidenti ta' Awla, G. F. Mancini, F. A. Schockweiler (Relatur), J. C. Moitinho de Almeida, P. J. G. Kapteyn, C. Gulmann, J. L. Murray, P. Jann, H. Ragnemalm, L. Sevón u M. Wathelet, Imħallfin,

wara li semgħet lil G. Tesauro, Avukat Ġenerali Prinċipali, u lil C. O. Lenz, F. G. Jacobs, A. La Pergola, G. Cosmas, P. Léger, M. B. Elmer, N. Fennelly u D. Ruiz-Jarabo Colomer, Avukati Ġenerali,

tagħti l-opinjoni segwenti:

Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il-Komunità m’għandhiex kompetenza sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Rodríguez Iglesias

Kakouris

Edward

Puissochet

Hirsch

Mancini

Schockweiler

Moitinho de Almeida

Kapteyn

Gulmann

Murray

Jann

Ragnemalm

Sevón

Wathelet

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Marzu 1996.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President