SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

tat-2 ta' Diċembru 1996 (*)

"Sistema ta' distribuzzjoni selettiva - Prodotti kosmetiċi ta' lussu"

Fil-kawża T-19/92,

Groupement d'achat Édouard Leclerc, kumpannija rreġistrata fi Franza, stabbilita f'Pariġi, irrappreżentata minn Mario Amadio u Gilbert Parléani, avocats fl-avukatura ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' l-Avukat Philippe Hoss, 15, Côte d'Eich,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata fil-bidu minn Bernd Langeheine, imbagħad minn Berend Jan Drijber, membri tas-servizz ġuridiku, bħala aġenti, assistiti minn Hervé Lehman, avocat fl-avukatura ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu għand Carlos Gómez de la Cruz, membru tas-servizz ġuridiku, Centre Wagner, Kirchberg,

konvenuta

sostnuta minn

Yves Saint Laurent Parfums SA, kumpannija rreġistrata fi Franza, stabbilita f'Neuilly-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn Dominique Voillemot u Arnaud Michel, avocats fl-avukatura ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' l-Avukat Jacques Loesch, 11, rue Goethe,

Fédération des industries de la parfumerie (federazzjoni ta' l-industriji tal-fwejjaħ), għaqda ta' sindakati rregolata mid-dritt Franċiż, bis-sede tagħha f'Pariġi, irrappreżentata minn Robert Collin, avocat fl-avukatura ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' l-Avukat Ernest Arendt, 8-10, rue Mathias Hardt,

Comité de liaison des syndicats européens de l'industrie de la parfumerie et des cosmétiques (kumitat ta' koordinazzjoni tas-sindakati Ewropej ta' l-industrija tal-fwejjaħ u tal-kosmetiċi), assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta' lukru, rregolata mid-dritt Belġjan, bis-sede tagħha fi Brussell, irrappreżentata minn Stephen Kon, solicitor, u Mélanie Thill-Tayara, avocat fl-avukatura ta' Pariġi, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' l-Avukati Winandy u Err, 60, avenue Gaston Diderich,

u

Fédération européenne des parfumeurs détaillants (Federazzjoni Ewropea tal-bejjiegħa tal-fwejjaħ bl-imnut), għaqda ta' federazzjonijiet jew sindakati nazzjonali rregolati mid-dritt Franċiż, bis-sede tagħha f'Pariġi, irrappreżentata mill-Avukat Rolland Verniau, avocat fl-avukatura ta' Lyon, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu fl-uffiċċju ta' l-Avukat Nico Schaeffer, 12, avenue de la Porte Neuve,


partijiet intervenjenti,

li għandha bħala għan l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/33/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1991, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat (KEE) (IV/33.242 - Yves Saint Laurent Parfums) (ĠU L 12, p. 24),


IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Kirschner, President, B. Vesterdorf, C.W. Bellamy, A. Kalogeropoulos u A. Potocki, Imħallfin,

Reġistratur : M. J. Palacio González, amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-proċedura orali tat-28 u tad-29 ta' Frar 1996,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il- fatti li wasslu għall-kawża

Introduzzjoni

1        Il-kategorija ta' prodotti kosmetiċi tkopri varjetà kbira ta'oġġetti, li tinkludi, b'mod partikolari, il-prodotti tal-fwejjaħ b'kontenut ta' alkoħol, ta' kura medika u ta' sbuħija, kif ukoll il-proddotti tax-xagħar u ta' l-iġjene persunali. Fi ħdan din il-kategorija tinsab taqsima magħmula mill-prodotti ta' lussu: prodotti ta' kwalità għolja, bi prezz relattivament għoli, li huma kkummerċjalizzati taħt trade mark prestiġjuża. B'mod ġenerali, il-prodotti kosmetiċi ta' lussu jinbiegħu biss permezz ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva li huma suġġetti għal kundizzjonijiet komparabbli. Dawn is-sistemi huma fil-biċċa l-kbira magħmula minn ħwienet tal-fwejjaħ jew stabbilimenti speċjalizzati fi ħdan id-department stores.

2        Yves Saint Laurent SA (aktar 'il quddiem "Yves Saint Laurent") hija produttriċi ta' prodotti kosmetiċi ta' lussu. Hija tagħmel parti mill-grupp ta' kumpanniji Yves Saint Laurent, li jiffabbrikaw u jiddistribwixxu prodotti ta' lussu. Fl-1992, Yves Saint Laurent kellha madwar 9% mis-suq komunitarju tal-prodotti ta' fwieħa ta' lussu.

3        Minn analiżi tal- prodotti skond il-gamma tagħhom, ipprovduta minn Yves Saint Laurent matul l-istanza, jirriżulta li l-bejgħ tal-prodotti ta' fwieħa ta' lussu kien jirrappreżenta, fl-1990 u fl-1991, 75 sa 100% tal-bejgħ totali tagħha permezz ta' distribuzzjoni selettiva, skond l-Istat Membru kkonċernat, bil-bilanċ li kien magħmul mill-bejgħ ta' prodotti għall-kura ta' lussu u ta' sbuħija ta' lussu. Dawn il-prodotti huma mibjugħa minn madwar 7 500 post awtorizzat kif ukoll minn ħwienet duty free li għandhom proporzjon importanti mill-bejgħ f'ħafna Stati Membri.

4        Fis-7 ta' Lulju 1989, Yves Saint Laurent għarrfet lill-Kummissjoni b'netwerk ta' kuntratti ta' distribuzzjoni selettiva għall-kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità tal-prodotti tal-fwieħa tagħha b'kontenut ta' alkoħol, prodotti tal-kura u prodotti tas-sbuħija, filwaqt li talbet, b'mod prinċipali, ċertifikazzjoni negattiva skond Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KEE (ĠU 1962, 13, p. 204, aktar 'il quddiem "Regolament Nru 17"), b'mod sussidjarju, talbet eżenzjoni skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

5        Fl-20 ta' Diċembru 1990, skond l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni (ĠU Ċ 320, p. 11) fejn indikat l-intenzjoni tagħha li tieħu deċizjoni favur il-kuntratti nnotifikati, fil-verżjoni emendata tagħhom wara l-osservazzjonijiet tagħha, u fejn stiednet lit-terzi persuni interessati biex jibgħatulha l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom f'terminu ta' 30 jum.

6        Bi tweġiba għal din il-pubblikazzjoni, ir-rikorrenti, il-Groupement d'achat Édouard Leclerc (aktar 'il quddiem "Galec"), ressqet xi osservazzjonijiet datati 17 ta' Jannar 1991. Galec hija grupp ta' kumpanniji kummerċjali għax-xiri, fil-forma ta' kooperattiva, li tforni netwerk ta' postijiet tal-bejgħ bl-imnut fi Franza, imsejħa ċentri distributuri Leclerc (aktar 'il quddiem "ċentri Leclerc"), li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma hypermarkets jew supermarkets. Fl-osservazzjonjiet tagħha, Galec opponiet id-deċiżjini proposta, minħabba li, b'mod partikolari, ċerti ċentri Leclerc adatti għad-distribuzzjoni selettiva ta' prodotti kosmetiċi ta' lussu jkunu esklużi minnha jekk din tiġi adottata.

7        Galex ipparteċipat ukoll fil-proċedura amministrattiva fil-kawża Parfums Givenchy fejn il-Kummissjoni addottat, fl-24 ta' Lulju 1992, id-deċiżjoni 92/428/KEE, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/33.542 – Sistema ta' distribuzzjoni selettiva ta' Parfums Givenchy) (ĠU L 236, p. 11) u li hija s-suġġett ta' rikors parallel quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (Galec vs Il-Kummissjoni, T-88/92).

8        Fis-16 ta' Diċembru 1991, il-Kummissjoni addottat id-deċiżjoni 92/33/KEE, DWAR proċedura ta' applikazzjoni ta' Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/33.242 - Yves Saint Laurent Parfums) (ĠU L 12, p. 14, aktar 'il quddiem "Deċiżjoni"). Din hija s-suġġett ta' din is-sentenza.

Il-kuntratt Yves Saint Laurent

9        Mill-"kuntratt tal-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat" (aktar 'il quddiem "Kuntratt") u mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ annessi miegħu, fil-verżjoni tagħhom tal-11 ta' Lulju 1991 li hija msemmija mid-Deċiżjoni, jirriżulta li n-netwerk ta' distribuzzjoni Yves Saint Laurent huwa netwerk magħluq li jipprojbixxi lill-membri tiegħu li jbiegħu jew li jakkwistaw prodotti tat-trade mark Yves Saint Laurent barra min-netwerk. Min-naħa tagħha, Yves Saint Laurent timpenja ruħha li tassigura r-rispett tad-distribuzzjoni fil-qafas tal-liġijiet u li tirtira t-trademark tagħha mill-postijiet tal-bejgħ li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-kuntrattwali tas-selezzjoni.

10      Il-kriterji ta' selezzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati previsti mill-Kuntratt jirreferu essenzjalment għall-kwalifiċi professjonali tal-persunal, il-lokalizzazzjoni u l-installazzjoni tal-punt tal-bejgħ, is-sinjal tal-bejjiegħ bl-imnut kif ukoll ċertu kundizzjonijiet oħra li jridu għandhom jiġu sodisfatti minnu bħal, per eżempju, il-ħażna tal-prodotti, ammont minimu ta' xiri annwali, obbligu li, għal sena, iżomm lura mill-bejgħ attiv ta' prodotti ġodda maħruġa f'territorji oħra u l-kooperazzjoni pubbliċitarja u promozzjonali bejn il-bejjiegħ bl-immut u Yves Saint Laurent.

11      Rigward il-kwalifika professjonali, il-punt III.5 tal-Kuntratt jipprovdi li:

"5)      Kwalifika professjonali

Il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat jintrabat li jirrispetta l-provvedimenti dwar il-kwalifika professjonali, stabbiliti mill-Artikolu I.3 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, u li l-personul tal-bejgħ tiegħu jipparteċipa f'sessjonijiet ta' taħriġ organizzati mid-distributur esklużiv."

12      Il punti I.2 u I.3 tal-kundizzjonijet ġenerali tal-bejgħ jiddisponu li:

"2)      Persunal tal-bejgħ

Il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat għandu jkollu numru biżzejjed ta' persunal tal-bejgħ skond id-daqs tal-post tal-bejgħ u skond in-numru ta' prodotti proposti lill-konsumaturi. Dan il-persunal għandu jkun f'pożizzjoni li jipprovdi lil dawn il-konsumaturi servizz ta' pariri u ta' dimostrazzjoni tal-kwalità.

3)      Kwalifika professjonali

Il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat u l-persunal tal-bejgħ tiegħu għandhom ikollhom kwalifika professjonali fil-qasam tal-prodotti tal-fwejjaħ (kosmetiċi u ta' kura) bil-kisba ta':

–        diploma fil-beauty therapy;

–        ċertifikat ta' taħriġ professjonali fil-qasam tal-fwejjaħ mogħi minn kamra tal-kummerċ u ta' l-industrija magħrufa;

–        esperjenza ta' mill-anqas tliet snin fil-qasam tal-bejgħ tal-prodotti tal-fwejjaħ prestiġjużi (prodotti kosmetiċi u ta' kura)."

13      Rigward il-post tal-bejgħ, il-punt I.1 tal-kundizzjononijiet ġenrali tal-bejgħ jipprovdi li:

"a)      L-inħawi madwar il-post tal-bejgħ

Iż-żona, it-toroq u l-ħwienet viċin tal-post tal-bejgħ għandhom dejjem ikunu adatti għall-prestiġju u l-fama tat-trade mark Yves Saint Laurent.

b)      Elementi oħra kkunsidrati

Is-sinjal, il-faċċata tal-bini fejn jinsab il-post tal-bejgħ, is-sinjali li juru l-post tal-bejgħ, il-vetrini, id-dwal fuq barra, l-art, id-dwal fuq ġewwa, il-paviment, il-ħitan u s-saqaf, l-għamara, id-dekorazzjoni interna, il-materjal pubbliċitarju, l-indafa u l-ordni tal-post tal-bejgħ, l-ordni tal-prodotti u tal-materjal pubbliċitarju, l-ixkaffar, l-identifikazzjoni u l-preżentazzjoni tat-trade mark, il-kundizzjonijiet ta' ħażna, kmamar għat-trattamenti, il-preżentazzjoni u l-merħba mogħtija mill-persunal tal-bejgħ.

Dawn l-elementi għandhom dejjem ikunu adattati għall-prestiġju u l-fama tat-trade mark Yves Saint Laurent.

c)      Il-post fejn jinbiegħ il-prodott

Il-post tal-bejgħ għandu jkun proporzjonat man-numru ta' prodotti mibjugħa. Huwa għandu jippermetti lil-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat joffri, fid-dawl tat-trade marks irrappreżentati, post riżervat għall-prodotti, li jikkorrispondi mal-prestiġju u l-fama tat-trade mark Yves Saint Laurent.

d)      Attivitajiet oħra fil-post tal-bejgħ

Jekk attività oħra jew attivitajiet oħra huma żvolti fil-post tal-bejgħ, l-elementi li ġejjin irrid jiġu kkunsidrati:

–        l-importanza ta' din (dawn) l-attività (attivitajiet);

–        il-preżentazzjoni interna u esterna ta' din (dawn) l-attività (attivitajiet);

–        is-separazzjoni bejn din (dawn) l-attività (attivitajiet) mill-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ;

–        it-tqassim tal-persunal tal-bejgħ bejn din (dawn) l-attività (attivitajiet) u l-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ;

–        il-kompetenza tal-persunal tal-bejgħ assenjat għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet;

–        id-dehra personali u l-uniformi tal-persunal tal-bejgħ responsabbli għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

[...]"

14      Bl-istess mod, il-punti III.3 u III.4 tal-Kuntratt jipprovdu li:

"3)      Natura u kwalità tal-prodotti mibjugħa fil-post tal-bejgħ

Il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat indika n-natura u l-kwalità tal-prodotti kollha li huma jew li ser jiġu mibjugħa fil-post tal-bejgħ. Il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat jaqbel li ma jpoġġix għal bejgħ, fil-post tal-bejgħ, prodotti li jistgħu jnaqqsu l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent minħabba li jkunu ħdejha."

"4)      Standards u manteniment tal-post tal-bejgħ

Il-bejjiegħ bl-imnuit awtorizzat għandu jżomm, fil-każ ta' l-istokkjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti, il-post tal-bejgħ fi stat perfett ta' manteniment u ta' ndafa. It-tqassim tal-post, l-għamara u d-dekorazzjoni tal-post tal-bejgħ, jew tad-dipartiment speċjalizzat fil-fwieħa ġewwa l-post tal-bejgħ, għandhom jikkorrispondu għall-istandards u l-kwalità marbuta ma' l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent."

15      Rigward is-sinjal tal-bejjiegħ bl-imnut, it-tieni paragrafu tal-punt I tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jipprovdi li:

"Is-sinjal tal-ħanut tal-fwejjaħ, tal-ħanut fejn il-gamma tal-fwejjaħ jew l-ispazju fejn tinsab il-gamma tal-fwejjaħ għandha tikkorrispondi dejjem mal-prestiġju tat-trade mark Yves Saint Laurent. Għaldaqstant, is-sinjal għandu jkun kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-prodott, prodotti lussużi ħafna u ta' kwalità għolja. Dan mhuwiex il-każ fil-każ ta' sinjal fejn l-immaġini hija assoċjata ma' nuqqas jew restrizzjoni tas-servizz ta' pariri għall-klientela, ta' standards jew ta' dekor adattat."

16      Rigward il-proċedura ta' ammissjoni fin-netwerk, kull applikazzjoni għal ftuħ ta' kont tagħti lok għal evalwazzjoni, fi żmien medju ta' tliet xhur u massimu ta' ħamsa, minn Yves Saint Laurent jew l-aġent esklużiv tagħha, tal-post tal-bejgħ propost, permezz ta' rapport ta' evalwazzjoni li kopja tiegħu ġiet ippreżentata minn Yves Saint Laurent matul l-istanza (anness 16 tas-sottomissjonijiet ta' l-intervent, aktar 'il quddiem "rapport ta' evalwazzjoni"). F'dan ir-rapport ta' evalwazzjoni, elementi ta' valutazzjoni dwar l-aspett estern tal-post tal-bejgħ, l-aspett intern tiegħu u l-kompetenza professjonali rispettivament huma mmarkati f'tabella li fiha 33 titolu differenti jew 37 fil-każ ta' post tal-bejgħ li għandu waħda jew aktar attivitajiet dominanti barra mill-bejgħ ta' prodotti ta' fwejjaħ. Kull rubrika hija mmarkata, skond il-każ, u mogħtija bejn żewġ punti u għaxar punti jew bejn żewġ punti u seba' punti.

17      Biex jiġi aċċettat bħala bejjiegħ bl-imnut awtorizzat, in-numru totali ta' punti miksuba għandu jkun aktar minn 231 (33 titolu x 7) jew minn 259 (37 titolu x 7), skond il-każ. Il-kisba ta' tliet marki ta' żewġ punti, taħt it-titoli lokalizzazzjoni tal-post tal-bejgħ, ambjent, faċċata, dwal, paviment, ħitan, għamara, prodotti oħra mibjugħa fil-post tal-bejgħ, hija kkunsidrata li telimina l-applikant. Għad-department stores, Yves Saint Laurent uża, sa l-1992, verżjoni li ġiet addattata tar-rapport ta' evalwazzjoni, iżda din il-verżjoni se tiġi ssostitwita minn verżjoni ġdida tar-rapport ta' evalwazzjoni, adatta għall-ħwienet kollha li mhumiex speċjalizzati. Sadanittant, skond Yves Saint Laurent, fil-każ ta' post tal-bejgħ mhux speċjalizzat, it-titoli differenti tar-rapport ta' l-evalwazzjoni attwali dwar l-aspett intern tal-ħanut u tal-persunal tal-bejgħ huma applikati biss għall-"gamma" tal-fwejjaħ (risposta tas-16 ta' Jannar 1996 għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, p. 3 u 4)

18      Skond il-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni, l-applikazzjoni hija s-suġġett jew ta' rifjut immotivat jew inkella l-applikant huwa infurmat bil-miżuri li ser ikollu jieħu biex jissodisfa l-kriterji. F'dan l-aħħar każ, jingħata perijodu massimu ta' sitt xhur biex jikkonforma ruħu mal-kriterji msemmija, u wara dan, ikun hemm evalwazzjoni ġdida. Fil-każ ta' risposta pożittiva, jinfetaħ il-kont fi żmien disa' xhur mid-data ta' l-evalwazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

19      Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-punt II.A.4, li Artikolu 85(1) tat-Trattat ma japplikax għal sistema ta' distribuzzjoni selettiva jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni jinneċessitaw, biex tinżamm il-kwalità tagħhom u biex jiġi assigurat l-użu tajjeb, it-twaqqif ta' sistema bħal din, it-tieni, li l-għażla tal-bejjiegħa bl-imnut issir skond kriterji oġġettivi ta' natura kwalitattiva, dwar il-kwalifiki professjonali tal-bejjiegħ bl-imnut u l-persunal tiegħu kif ukoll ta' l-istabbilimenti tiegħu, u, it-tielet, li dawn il-kriterji jkunu ffissati b'mod uniformi għall-bejjiegħa bl-imnut potenzjali kollha u applikati b'mod mhux diskriminatorju (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1977, Metro vs Il-Kummissjoni, aktar 'il quddiem "sentenza Metro I", 26/76, Ġabra p. 1875, punt 20, tal-11 ta' Diċembru 1980, L'Oréal, 31/80, Ġabra p. 3775, punt 16, u tal-25 ta' Ottubru 983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, aktar 'il quddiem "sentenza AEG", 107/82, Ġabra p. 3151, punt 33).

20      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara, fit-tieni paragrafu tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni :

"Il-prodotti in kwistjoni huma fil-fatt oġġetti ta' kwalità għolja, ir-riżultat ta' riċerka partikolari li li hija espressa kemm mill-oriġinalità tal-ħolqien tagħhom, mis-sofistikazzjoni tal-gammi kkummerċjalizzati fis-suq kif ukoll mil-livell tal-kwalità tal-materjali utilizzati, b'mod partikolari fil-preżentazzjoni tagħhom. In-natura tagħhom ta' prodotti ta' lussu toħroġ ukoll mill-atmosfera ta' esklużività u ta' prestiġju li tiddistingwihom minn prodotti simili f'oqsma oħra tas-suq u li jissodisfaw eżiġenzi oħra tal-konsumatur. Karatteristika bħal din, minn naħa, strettament marbuta mal-kapaċità tal-produttur li jiżviluppa u jippreżerva immaġini ta' trade mark ta' reputazzjoni tajba u, min-naħa l-oħra, tiddependi fuq preżentazzjoni lill-pubbliku li hija adatta sabiex toħroġ l-ispeċifiċità estetika jew funzjonali ta' kull prodott individwali jew ta' linja ta' prodotti [...]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent dwar il-kwalifikia professjonali, il-lokalizzazzjoni u l-istabbiliment tal-post tal-bejgħ u s-sinjal tal-bejjiegħ bl-imnut ma jaqgħux taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tqis, b'mod partikolari li "l-preżenza fil-post tal-bejgħ ta' min jagħti professjonali speċjalizzati tikkostitwixxi rekwiżit leġittimu safejn l-għarfien speċifiku mitlub huwa neċessarju sabiex jgħin lill-konsumatur fir-riċerka tiegħu tal-prodott l-aktar adattat għall-gosti tiegħu u għall-bżonnijiet tiegħu u sabiex jagħtih l-aħjar informazzjoni dwar l-użu u saħansitra l-konservazzjoni ta' prodotti bħal dawn" (it-tielet paragrafu tal-punt II.A.5 [traduzzjoni mhux uffiċjali]), u li "peress li ż-żamma ta' immaġini bħal din ta' trade mark ta' prestiġju hija, fis-suq tal-prodotti kosmetiċi ta' lussu, fattur essenzjali fil-kompetizzjoni, l-ebda produttur ma jista' jżomm il-pożizzjoni tiegħu f'dan is-suq mingħajr sforz kontinwu ta' promozzjoni. Huwa ċar li sforzi bħal dawn jisfaw fix-xejn kieku, fil-fażi tal-bejgħ bl-imnut, il-prodotti Yves Saint Laurent ikunu kkummerċjalizzati b'mod li jista' jbiddel il-perċezzjoni tagħhom mill-konsumatur. B'dan il-mod, il-kriterji dwar il-lokalizzazzjoni u l-kwalifiki estetiċi u funzjonali tal-post tal-bejgħ jikkostitwixxu rekwiżiti leġittimi tal-produttur għaliex huma għandhom l-għan li joffru lill-konsumatur qafas konformi mal-karattru lussuż u esklużiv tal-prodotti in kwistjoni u preżentazzjoni konformi ma' l-immaġni tat-trade mark Yves Saint Laurent. Barra minn hekk, il-kriterju dwar is-sinjal għandu l-għan li jassigura li s-sinjal tal-ħanut tal-fwejjaħ jew tal-ħanut jew ta' l-ispazju fejn hija sitwata l-gamma tal-fwejjaħ ikun kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni u li għaldaqstant jeskludi immaġini li tkun assoċjata man-nuqqas jew mar-restrizzjoni tas-servizz lill-klientela, ta' l-istandards u man-nuqqas ta' attenzjoni fid-dekor. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura ta' post tal-bejgħ jew tas-sinjal tiegħu li tnaqqas il-valur tat-trade mark ma tistax, f'kull każ, tiġi assoċjata mal-politika tas-soltu dwar il-prezzijiet tad-distributur" (ir-raba' paragrafu, punt II.A.5).

22      Fil-ħames u sitt paragrafi tal-punt II.A.5, il-Kummissjoni żżid li:

"Il-projbizzjoni tal-bejgħ ta' prodotti li jistgħu jiżvalutaw, minħabba li jkunu viċin, l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent hija intiża biss biex tissalvagwardja, fil-perċezzjoni tal-pubbliku, l-awra ta' prestiġju u ta' esklużività intrinsika għall-prodotti in kwistjoni, billi tevita, b'dan il-mod, kull assimilazzjoni ma' prodotti ta' kwalità inferjuri. Barra minn dan, il-kriterji ta' selezzjoni għandhom għan analogu billi jassiguraw li, fil-postijiet tal-bejgħ huma żvolti fejn diversi attivitajiet, l-ispazju riżervat għall-bejgħ ta' prodotti tal-fwejjaħ ikun proporzjonat u separat biżżejjed mill-ispazju destinat għall-bejgħ ta' prodotti oħra. Ta' min jenfasizza, f'dan ir-rigward, li, peress li s-sistema ta' distribuzzjoni selettiva Yves Saint Laurent Parfums hija miftuħa għal ħwienet li għandhom gamma speċjalizzata, u fid-dawl ukoll tat-tipi differenti ta' distribuzzjoni li Yves Saint Laurent Parfums awtorizzat fuq livell Komunitarju, dawn il-kriterji, fihom infushom, mhumiex ta' natura li jeskludu ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni bħad-department stores.

L-obbligu tad-distributur awtorizzat li jirriserva, għall-prodotti Yves Saint Laurent Parfums, post li, fid-dawl tat-trade marks rappreżentati, jikkorrispondi għall-istandards tat-trade mark Yves Saint Laurent u jippermetti l-identifikazzjoni ta' di nit-trade mark mill-konsumatur, jikkorrispondi għall-għan li jkun hemm preżentazzjoni li tgħolli l-valur tal-prodotti koperti mill-Kuntratt. [...] kriterju bħal dan ta' selezzjoni mhuwiex, fih innifsu, ta' natura li jillimita l-libertà tad-distributur li jbiegħ u jippromwovi trade marks kompetituri jew li twaqqaf l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' distribuzzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23      Rigward l-obbligi l-oħra u l-kundizzjonijiet li l-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat għandu jissodisfa, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawk li jikkonċernaw il-proċedura ta' aċċess fin-netwerk, l-ammont minimu ta' xiri annwali, il-kooperazzjoni pubbliċitarja u promozzjonali, l-istokkjar tal-prodotti u l-bejgħ ta' prodotti ġodda jaqfħu taħt l-Artikolu 85(1) (ara l-punt II.A.6 tad-Deċiżjoni), u li l-ostakoli għall-kompetizzjoni li nstabu huma restrizzjoni notevoli għall-kummerċ intrakomunitarju (punt II.A.8).

24      Madankollu, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-punt II.B.1 tad-Deċiżjoni, li l-kuntratti li jiffurmaw is-sistema ta' distribuzzjoni Yves Saint Laurent jissodisfaw l-erba' kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

25      Rigward il-kwistjoni dwar jekk dak r-rekwiżiti kkonċernati jikkontribwixxux għat-titjib tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej (punt II.B.2):

"Il-prodotti kosmetiċi fini jingħarfu mill-prodotti simili li jikkorrispondu għal eżiġenzi oħra tal-konsumatur, fost oħrajn, permezz ta' l-immaġini ta' esklużività u prestiġju li, fil-perċezzjoni tal-konsumatur, hija assoċjata mat-trade mark ta' dawn il-prodotti. L-abilità tal-manifattur li joħloq u li jippreżerva imaġini ta' trade mark oriġinali u prestiġjuża hija għaldaqstant fattur determinanti ta' kompetizzjoni. Minn dan isegwi li trade mark ta' kosmetiċi ta' lussu tista' biss tiġi distribwita jekk tirispetta l-għan tagħha ta' esklużività tagħha. Fil-fatt, l-esperjenza turi li d-distribuzzjoni ġeneralizzata ta' prodott kosmetiku ta' lussu tista' tbiddel il-perċezzjoni tal-konsumatur u twassal sabiex id-domanda għalih tonqos." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-kuntratt, li jaqgħu taħt l-Artikolu 85(1) (ara punt 23 aktar 'il fuq), "għandhom l-effett li jassiguraw li l-prodotti Yves Saint Laurent ikunu biss distribwiti f'kundizzjonijiet li jistgħu jippreżervaw l-immaġini ta' kwalità għolja u l-esklużività li tikkaratterizza n-natura tagħhom ta' prodotti ta' lussu" (fl-aħħar tas-seba' paragrafu tal-punt II.B.2 [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

27      Rigward il-kwistjoni dwar jekk "parti ekwa tal-profitt" hijiex riżervata għall-utenti, fis-sens ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tqis, b'mod partikolari, li "[…]s-sistema ta' distribuzzjoni nnotifikata tippermetti li tiġi mħarsa n-natura esklużiva tal-prodotti kuntrattwali, li hija l-motivazzjoni essenzjali ta' l-għażla tal-konsumatur" (it-tieni paragrafu tal-punt II.B.3 [traduzzjoni mhux uffiċjali]), u li, "fil-każ li l-klijent iqis bħala sekondarja l-immaġini tat-trade mark jew tas-servizzi offruti mal-bejgħ fi ħdan sistema ta' distribuzzjoni selettiva, jista' xorta jagħżel prodotti simili, li jaqgħu taħt suq viċin u huma distribwiti mingħajr sistemi ta' distribuzzjoni selettiva, u b'hekk jippenalizza l-istrateġija kummerċjali magħżula mill-produttur" (it-tielet paragrafu tal-punt II.B.3 [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

28      Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tqis, fil-punt II.B.4 tad-Deċiżjoni, li s-sistema ta' distribuzzjoni ta' Yves Saint Laurent ma fiha l-ebda obbligu restrittiv għall-kompetizzjoni li mhuwiex indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti, fis-sens ta' l-Artikolu 85(3)(a) tat-Trattat u, fil-punt II.B.5, li l-kuntratti kkonċernati ma jagħtux il-possiblità lill-impriżi kkonċernati li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 85(3)(b) tat-Trattat. Il-Kummissjoni żżid, b'mod partikolari, li hija "ma setgħatx tikkonstata li d-diffużjoni ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva fil-qasam tal-prodotti kosmetiċi ta' lussu twarrab, fil-prinċipju, ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni, bħad-department stores. Il-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent Parfums mhumiex fil-fatt ta' natura li ma jistgħux ukoll jiġu sodisfatti minn dawn it-tipi ta' distribuzzjoni, anke jekk dan jimplika modifika parzjali tal-metodi partikolari tagħhom ta' kummerċjalizzazzjoni" (ir-raba' paragrafu tal-punt II.B.5 [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

29      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jipprovdi dan li ġej:

"Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE huma ddikjarati inappikabbli, skond l-Artikolu 85(3):

–        għall-kuntratt ta' distributur awtorizzat li jorbot lil Yves Saint Laurent Parfums mal-bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati tiegħu stabbiliti fi Franza, kif ukoll għall-kundizzjonijiet ġenerali ta' bejgħ annessi ma' dan il-kuntratt,

–        għall-kuntratt standard ta' distributur awtorizzat li jorbot l-aġenti esklużivi ta' Yves Saint Laurent Parfums stabbiliti fi Stat Membru tal-Komunità Ekonomika Ewropea barra minn Franza mal-bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati tagħhom, kif ukoll għall-kundizzjonjiet ġenerali tal-bejgħ annessi ma' dan il-kuntratt.

Din id-deċiżjoni hija applikabbli mill-1 ta' Ġunju 1991 sal-31 ta' Mejju 1997."

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Marzu 1992, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża. Permezz ta' ordni tat-12 ta' Ottubru 1992, Yves Saint Laurent, il-Comité de liaison des syndicats européens de l'industrie de la parfumerie et des cosmétiques (aktar 'il quddiem "Colipa"), il-Fédération des industries de la parfumerie (aktar 'il quddiem "FIP") u l- Fédération européenne des parfumeurs détaillants (aktar 'il quddiem "FEPD") ġew ammesi sabiex jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-konvenuta.

31      Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċiediet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr miżuri istruttorji preliminari. Madankollu, fil-qafas tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvenuta, Yves Saint Laurent u l-FEPD ġew mistiedna biex jirrispondu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u biex jippreżentaw ċerti dokumenti qabel is-seduta. Il-partijiet ippreżentaw ir-risposti tagħhom bejn is-16 u l-24 ta' Jannar 1996.

32      L-argumenti orali u r-risposti għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-partijiet ġew mismugħa matul is-seduta li nżammet fit-28 u d-29 ta' Frar 1996.

33      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-Deċiżjoni kollha kemm hi;

–        tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha ta' l-istanza.

34      Il-konvenut titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti tħallas l-ispejjeż kollha ta' l-istanza.

35      Il-parti intervenjenti Yves Saint Laurent titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti inammissibbli;

–        alternattivament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk li jirriżultaw mill-intervent ta' Yves Saint Laurent.

36      Il-parti intervenjenti FIP titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiddeċiedi fuq l-ammissibilità tar-rikors skond kif titlob il-liġi;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk li jirriżultaw mill-intervent tal-FIP.

37      Il-parti intervenjenti Colipa titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk li jirriżultaw mill-intervent tal-Colipa.

38      Il-parti intervenjenti FEPD titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, inklużi dawk li saru minħabba l-intervent tal-FEPD.

39      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjoniiet bil-miktub tal-partijiet intervenjenti, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli;

–        tordna lill-partijieti intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.

 Fuq l-ammissibilità

 Sunt ta' l-argumenti tal-partijiet

40      Yves Saint Laurent issostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex, minn naħa, id-Deċiżjoni ma tiddistingwix lil Galec individwalment, u min-naħa l-oħra, dan mhuwiex direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni u m'għandu l-ebda interess li jressaq il-kawża.

41      L-ewwel nett, mhux biss id-Deċiżjoni ma tagħmel l-ebda referenza diretta jew indiretta għal Galec jew għaċ-ċentri Leclerc, iżda barra minn dan, il-fatt li din topera fis-settur tad-distribuzzjoni ma jiddistingwihiex la minħabba ċerti attributi li huma tagħha biss, u lanqas minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tikkaratterizzaha mill-operaturi l-oħra fis-suq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, u ta' l-10 ta' Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459).

42      Barra minn dan, l-interventi ta' Galec kienu limitati ħafna. Apparti l-osservazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, Galec qatt ressqet xi applikazzjoni ta' awtorizzazzjoni lil Yves Saint Laurent. Lanqas ma ppreżentat xi ilment kontra l-kuntratti Yves Saint Laurent. Fis-sentenzi tagħha Metro I, tat-22 t'Ottubru 1986, Metro vs Il-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "sentenza Metro II", 75/84, Ġabra p. 3021), u tat-28 ta' Jannar 1986, Cofaz vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat biss l-ammissibilitá tar-rikors ta' terza parsuna fuq il-bażi ta' kriterji ta' individwalizzazzjoni aktar stretti.

43      It-tieni nett, skond l-istatut tagħha, Galec hija operatur intermedjarju bejn il-membri tagħha, iċ-ċentri Leclerc, u l-fornituri tagħhom, u taġixxi biss f'isem ta' l-ewwel. Hija ma tistax għaldaqstant tiġi kklassifikata bħala distributur u, anqas u anqas, bħala bejjiegħ bl-imnut awtorizzat ta' Yves Saint Laurent. Konsegwentment, Galec ma ġġarrab l-ebda effett u l-ebda dannu dirett minħabba d-Deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ottubru 1982, Groupement des agences de voyages vs Il-Kummissjoni, 135/81, Ġabra p. 3799). Għaldaqstant hija mhijiex direttament kkonċernata mid-Deċiżjoni u m'għandha l-ebda interess intrinsiku u attwali fl-annullament ta' l-att ikkontestat.

44      Fl-aħħarnett, anki jekk wieħed kellu jassumi li Galec ressqet ir-rikors tagħha fl-interess tal-membri tagħha, l-istatut tagħha ma fihom l-ebda dispożizzjoni li bih dawn tawha s-setgħa li taġixxi f'isimhom fi proċeduri ġuzzjarji. Skond il-prinċipju li "ħadd ma jista' jidher quddiem il-Qrati bi prokura", ir-rikors ta' Galec huwa għaldaqstant inammissibbli (ara l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Rozès fuq is-sentenza Groupement des agences de voyages vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, p. 3811).

45      Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ppreċentat, waqt il-proċedura amministrattiva, skond l-Artikolu 19( 3) tar-Regolament Nru. 17, xi osservazzjonijiet ekwivalenti, minħabba l-għan tagħhom, għall-preżentata ta' lment, u li l-Kummissjoni rrepetiet l-argumenti tagħha fid-Deċiżjoni, b'mod partikolari, fil-punt I.D u fil-punt II.B.5 in fine.

46      Barraa minn dan l-interess dirett u persunali ta' Galec li taġixxi ma jistax jiġi kkontestat b'mod serju. Bħala ċentru ta' referenza ta' grupp ekonomiku, Galec hija operatur dirett fis-suq tal-fwejjaħ u tal-prodotti kosmetiċi, billi tagħżel il-manifatturi u tinnegozja l-kundizzjonijiet tal-gammi u l-prezzijiet magħhom, il-kundizzjonijiet finanzjarji u l-modalitajiet tal-kunsinna u l-forniment. Galec iżżid li, mingħajr id-Deċiżjoni, hija setgħet normalment tikseb il-prodotti Yves Saint Laurent b'xi mod jew ieħor, iżda l-adozzjoni tad-deċiżjoni ċċaħħadha minn kull dritt ta' aċċess normali għal dan is-suq.

47      Il-konvenuta tqis li r-rikors ta' Galec huwa ammissibbli, u tirreferi, b'mod partikolari, għas-sentenza Metro II.

48      Fil-fatt, Galec uriet biċ-ċar ir-rieda tagħha li tiddistribwixx fwejjaħ ta' lussu, minn naħa, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, mill-ħafna tentattivi magħmula mid-diversi ċentri Leclerc sabiex jiddistribwixxu l-fwejjaħ ta' lussu, liema tentattivi taw lok għal numru partikolarment kbir ta' kawżi quddiem il-qrati nazzjonali.

49      Barra minn dan, mill-istatut ta' Galec jirriżulta li għandha l-għan, b'mod partikolarim, li tgħaqqad l-ordnijiet tal-membri tagħha u tgħaddihom lill-fornituri (Artikolu 2), u li tista' tixtri direttament f'isimha (Artikolu 30 A). Minn dan jirriżulta li, kieku ċerti stabbilimenti assoċjati ma' Galec setgħu jiġu ammessi fin-netwerk Yves Saint Laurent, Galec tkun tista' tagħmel ix-xiri tal-prodotti in kwistjoni f'isimhom. Barra minn dan, m'hemmx dubju li l-istabbilimenti assoċjati ma' Galec jistgħu jkollhom interess li jipparteċipaw fin-netwerk ta' distribuzzjoni Yves Saint Laurent. Is-sitwazzjoni kkunsidrata fis-sentenza Groupement des agences de voyages vs Il-Kummissjoni, imsemmija aktar 'il fuq, hija għaldaqstant fondamentalment differenti mis-sitwazzjoni f'din il-kawża.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Il-konvenuta ma kkonkludietx li r-rikors huwa inammissibbli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Yves Saint Laurent m'għandhiex dritt tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà u l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiiex għaldaqstant obbligata teżamina l-motivi li hija invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 20 sa 22).

51      Madankollu, l-ammissibilità tar-rikors għandha tiġi eżaminata ex officio, bis-saħħa ta' l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, imsemmija aktar 'il fuq, punt 23).

52      Skond Artikolu 173 tat-Trattat, persuna fiżika jew morali tista' biss tressaq rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk din id-deċiżjoni tikkonċernaha dirretament u individwalment. Peress li d-Deċiżjoni ġiet indirizzata lil Yves Saint Laurent, għandu jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti f'dak li jikkonċerna lil Galec.

53      Rigward il-kwistjoni dwar jekk Galec hijiex "individwalment" kkonċernata mid-Deċiżjoni, minn ġurisprudenza stabilita jirriżuta li, minbarra d-destinatarji ta' deċiżjoni, is-suġġetti l-oħra tagħha ma jistgħux jippretendu li huma individwalment kkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba f'hekk, tindividwalizzahom b'mod analogu għal dak tad-destinatarju (ara s-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, imsemmija aktar il fuq, p. 223, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93, T-448/93 u T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 34).

54      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota, f'dan ir-rigward, li Galec hija kumpannija kooperattiva b'kapital varjabbli ta' bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu l-kummerċ taħt l-isem É. Leclerc, stabbilita skond il-liġi Franċiża Nru. 72-652, tal-11 ta' Lulju 1972. L-Artikolu 1 ta' din il-liġi jipprovdi li kumpanniji kooperattivi bħal dawn għandhom l-għan li jtejbu, permezz ta' l-isforz komuni tal-membri tagħhom, il-kundizzjonijiet li fihom dawn jeżerċitaw il-professjoni kummerċjali tagħhom. Għal dan l-iskop, huma jistgħu, b'mod partikolari, jfornu lill-membri tagħhom, totalment jew parzjalment, bil-merkanzija, provvisti jew servizzi, it-tagħmir u l-materjal neċessarju għall-eżerċizzju tan-negozju tagħhom. L-Artikolu 2(2) ta' l-istatut ta' Galec jippreċiża, b'mod partikolari, li s-servizzi li hija tipproponi li tagħti lill-membri tagħha mhumiex ser ikunu limitati la fin-natura u lanqas fil-kwantità, u jistgħu, b'mod partikolari, ikunu relatati mat-tranżazzjonijiet u ma' l-attivitajiet kollha li huma relatati b'xi mod mal-professjoni tal-membri tagħha. Skond l-Artikolu 30 A ta' l-istatut tagħha, Galec taħdem biss f'isem il-membri tagħha sabiex tippermettilhom ibaxxu l-prezzijiet tax-xiri u tad-distribuzzjoni tagħhom lill-membri oħra u jew/ lill-konsumaturi. Hija tista', b'mod partikolari, tagħmel xiri, f'isimha stess, għan-nom tal-membri tagħha.

55      Skond l-affermazzjonijiet mhux ikkontestati ta' Galec fis-seduta, qabel mad-Deċiżjoni ġiet addottata, hija kienet indirizzat diversi bejjiegħa tal-fwejjaħ, inkluż Yves Saint Laurent, biex jitlob li ta' l-anqas ċerti membri tagħha jkunu ammessi fin-netwerk bħala bejjiegħa bl-imnut awtorizzati. Sussegwentement, permezz ta' ittra tat-22 ta' Awwissu 1990, wieħed mill-membri ta' Galec, il-kumpannija Rocadis li tmexxi ċ-ċentru Leclerc ta' Poitiers, talbet biex tiġi ammessa fin-netwerk Yves Saint Laurent.

56      Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' ittra ta' Yves Saint Laurent tat-28 ta' Settembru 1990, minħabba kienet għadha pendenti kawża bejn Yves Saint Laurent u Rocadis rigward il-bejgħ, minn din ta' l-aħħar, ta' prodotti Yves Saint Laurent barra min-netwerk tagħha ta' distribuzzjoni, quddiem il-qrati Franċiżi.

57      Huwa wkoll stabbilit li diversi ċentri Leclerc oħra wrew ir-rieda tagħhom li jiddistribwixxu l-prodotti Yves Saint Laurent, kif juru d-diversi kawżi taħt il-liġi nazzjonali li Galec tirreferi għalihom fl-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

58      Barra minn hekk, Galec ipparteċipat fil-proċedura amminstrattiva quddiem il-Kummissjoni billi ssottomettiet osservazzjonijiet dettaljati wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17 (ara l-punt 6 aktar 'il fuq). F'dawn l-osservazzjonijiet, Galec sostniet, b'mod partikolari, li d-Deċiżjoni għandha l-effet li teskludi l-membri tagħha mid-distribuzzjoni tal-prodotti Yves Saint Laurent u stiednet lill-Kummissjoni biex tivverifika fuq il-post il-kundizzjonijet tad-distribuzzjoni tal-prodotti ta' lussu fl-istabblimenti taċ-ċentri Leclerc li jixtiequ jaċċedu għad-distibuzzjoni ta' prodotti ta' fwejjaħ ta' lussu.

59      Permezz ta' ittra tat-12 ta' Frar 1991, il-Kummissjoni kkonfermat li l-osservazzjonijiet ta' Galec ser ikunu eżaminati bir-reqqa. Fis-seduta, il-Kummissjoni affermat li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet meta adottat id-Deċiżjoni. Madankollu huwa stabbilit li din tapprova, fis-sustanza, id-dettalji tas-sistema ta' distribuzzjoni selettiva Yves Saint Laurent li kienu kkritikati minn Galec matul il-proċedura amministrattiva.

60      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li s-sitwazzjoni f'dan il-każ mhijiex materjalment differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Metro II (punti 21 sa 23), fejn il-Qorti ddeċidiet li operatur, li l-applikazzjoni tiegħu biex jidħol f'netwerk bħala distributur awtorizzat ġiet miċħuda, u li kien issottometta osservazzjonijet taħt l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17, kien direttament u individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li sostniet il-kriterji kkritikati minnu waqt il-proċedura amminstrattiva.

61      Għandu jingħad ukoll li d-Deċiżjoni tolqot ħażin l-interessi stess ta' Galec safejn din għandha, fl-istatut tagħha, l-għan li tinnegozja l-kuntratti ta' forniment taċ-ċentri Leclerc. Galec hija għaldaqstant ukoll individwalment kkonċernata mid-Deċiżjoni bħala negozjatur ta' dawn il-kuntratti ta' forniment (ara b'analoġija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 20 sa 25, kif ukoll is-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, imsemmija aktar 'il fuq, punt 30).

62      Barra minn hekk, mill-istatut ta' Galec u, b'mod partikolari, mill-Artikolu 2 tiegħu, jirriżulta li din ġiet impliċitament awtorizzata li ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, mhux biss il-perspettiva tagħha, iżda wkoll dik tal-membri tagħha li jixtiequ jagħmlu parti min-netwerk Yves Saint Laurent. Billi dawn ta' l-aħħar huma kompetituri potenzjali tal-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati ta' Yves Saint Laurent, dawn huma stess huma "terzi persuni interessati", skond Artikolu 19, paragrafu 3, tar-Regolament Nru 17. Dan ifisser li Galec hija wkoll individwalment kkonċernata mid-Deċiżjoni safejn ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva bħala rappreżentanta tal-membri tagħha (ara b'analoġija s-sentenza AITEC et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 60 sa 62).

63      Rigward il-kwistjoni dwar jekk Galec hijiex direttament ikkonċernata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni ħalliet għal kollox fis-seħħ l-effetti kollha tan-netwerk Yves Saint Laurent u b'hekk ppermettiet lil Yves Saint Laurent li jimponi direttament fuq Galec u l-membri tagħha l-kriterji ta' selezzjoni li huma kienu kkontestaw il-leġittimità tagħhom matul il-proċess amministrattiv.

64      Barra minn hekk, għalkemm Galec stess mhijiex qed tipprova ssir bejjiegħ bl-imnut awtorizzat ta' Yves Saint Laurent, ix-xiri ta' prodotti Yves Saint Laurent huwa, minn issa 'l quddiem, suġġett għar-rispett tal-kriterji ta' selezzjoni li l-legalità tagħhom ġiet konstatata fid-Deċiżjoni. Għaldaqstant Galec għandu interess intrinsiku u attwali biex jikkontesta l-fondatezza ta' din id-deċiżjoni.

65      Minn dan isegwi li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

66      L-ilment prinċipali ta' Galec huwa li l-ġabra tal-kriterji ta' selezzjoni approvati fid-Deċiżjoni għandu l-effett li jeskludi a priori min-netwerk Yves Saint Laurent lil ċerti hypermarkets taħt l-isem É. Leclerc, minkejja l-fatt li huma adatti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fwejjaħ ta' lussu taħt il-kundizzjonijiet xierqa u li jgħollu l-valur tal-prodott. Madwar dan l-ilment prinċipali, Galec tqajjem fir-rikors tagħha tliet gruppi ta' motivi relatati ma', rispettivament, in-nuqqas ta' motivazzjoni, żbalji ta' fatti u żbalji ta' dritt. Dawn il-motivi jikkoinċidu f'xi aspetti u jirrigwardaw, essenzjalment, l-erba' allegazzjonijiet prinċipali li ġejjin: a) id-Deċiżjoni hija vvizjata minn nuqqasijiet ta' motivazzjoni u/jew minn żbalji ċari ta' fatt safejn il-metodi ta' żieda fil-valur li huma partikolari għad-department stores kbar jew medji (minn hawn 'il quddiem il-"bejjiegħa l-kbar") huma kkunsidrati bħala mhux adatti għad-distribuzzjoni tal-fwejjaħ ta' lussu ; b) id-Deċiżjoni hija vvizjata minn nuqqasijiet ta' motivazzjoni u/jew żbalji ċari ta' fatt f'dak li għandu x'jaqsam mal-bżonnijiet u x-xewqat tal-konsumaturi; c) id-Deċiżjoni hija vvizzjata minn żbalji ta' liġi u/jew żbalji ta' motivazzjoni safejn il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kriterji miġbura fil-punt II.A.5 tagħha ma jaqgħux taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat; d) id-Deċiżjoni hija vvizzjata minn żbalji ta' liġi u/jew żbalji ċari ta' fatt u/jew nuqqas ta' motivazzjoni fl-applikazzjoni li hija tagħmel mill-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

67      Ta' min jeżamina, l-ewwel nett, il-fondatezza tad-Deċiżjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, billi jinġabru l-motivi u l-argumenti kollha tal-partijiet li jirrigwardawha, u, it-tieni nett, il-fondatezza tad-Deċiżjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

 I – Dwar il-fondatezza tad-Deċiżjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat


 Sunt ta' l-argumenti tal-partijiet

 Argumenti ta' Galec

68      Galec tesponi qabel kollox li hija tiddistribwixxi, permezz tal-membri tagħha li joperaw taħt l-isem É. Leclerc, diversi prodotti ta' lussu (apparat hi-fi, inbejjed fini, ġojjellerija, arloġġi, apparat fotografiku, drappijiet fini, eċċ.) f'kundizzjonijiet perfettament xierqa u li hija taċċetta l-bżonn ta' sistema bbażata fuq il-kunċett ta' "selettività ta' lussu" sabiex iżżomm il-prestiġju tal-prodotti ta' lussu u sabiex tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi. Hija tammetti wkoll li mhux il-ħwienet kollha li joperaw taħt l-isem É. Leclerc huma adatti għal dan it-tip ta' kummerċjalizzazzjoni. Minkejja dan, ċerti hypermarkets kbar li joperaw taħt l-isem É. Leclerc iħaddmu diġà s-selettivita ta' lussu, permezz ta' tekniċi partikolari, bħat-twaqqif ta' post riżervat fil-ħanut, jew spazju speċjalizzat ġewwa l-post tal-bejgħ, jekk ikun il-każ taħt isem sussidjarju (per eżempju "Éole"). Ħwienet bħal dawn huma adatti jew addattabbli għall-bejgħ ta' kosmetiċi ta' lussu, kif juru, b'mod partikolari, ir-ritratti tas-sezzjonijiet "sbuħija-saħħa"(beauté-santé) f'ċerti ċentri Leclerc, annessi mar-rikors.

69      Madankollu, il-bejjiegħa l-kbar huma esklużi awtomatikament min-netwerk Yves Saint Laurent minħabba l-kriterji ta' selezzjoni kollha meħuda flimkien, li ġew approvati fid-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk dwar l-inħawi madwar il-post tal-bejgħ, jiġifieri l-evalwazzjoni taż-"żona", it-"toroq" u l-"ħwienet viċin" [punt I.1.a tal-kundizzjonjiet tal-bejgħ], dawk dwar "il-faċċata" b'"vetrini", dwar id-dekorazzjoni", dwar it-tqassim ġenerali tal-post kollu tal-bejgħ, dwar elementi oħra li għandhom jiġu kkunsidrati li huma msemmija fil-punt I.1.b, dwar il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, dwar il-preżenza ta' prodotti oħra għal bejgħ "li jistgħu jnaqqsu l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent minħabba li jkunu ħdejha" u dwar attivitajiet oħra barra mill-bejgħ tal-fwejjaħ fil-post tal-bejgħ li, skond il-punt I.1.d tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ, għandhom jiġu evalwati skond l-importanza tagħhom, dwar il-preżentazzjoni esterna tagħhom, dwar is-separazzjoni tagħhom mill-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ u dwar l-uniformi u d-dehra personali tal-persunal assenjat għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

70      Għal Galec, l-aktar kriterju arbitrarju u l-aktar li jagħti skop għal poter diskrezzjonali huwa dak tas-sinjal. Is-sinjal É. Leclerc ikopri varjetà kbira ħafna ta' postijiet tal-bejgħ u, minkejja li xi ċentri ta' distribuzzjoni li joperaw taħt dan is-sinjal ma jistgħux jippretendu li huma distributuri ta' prodotti ta' lussu, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-possibiltà li xi ċentri oħra jistgħu jissodisfaw il-kriterji oġġettivi rikjesti għad-distribuzzjoni ta' prodotti bħal dawn.

71      Minn dan jirriżulta li, kontrarjament għall-prinċipji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Metro I, Metro II, L'Oréal, iċċitati aktar 'il fuq, u ta' l-10 ta' Lulju 1980, Lancôme (99/79, Ġabra p. 2511), is-sistema ta' distribuzzjoni selettiva in kwistjoni teskludi tipi ġodda ta' kummerċ permezz ta' l-użu ta' kriterji li la huma oġġettivi, la huma uniformi, la huma applikati b'mod mhux diskriminatorju u lanqas ma huma proporzjonati għal dak li huwa neċessarju. Barra minn hekk, il-kriterji stabbilit mid-Deċiżjoin eliminaw "tip ta' kummerċ partikolari", bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Metro I (punti 20 u 50), Metro II (punt 34) u AEG (punti 36 et 73).

72      Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, jew id-Deċiżjoni timplika li ċerti tipi ta' distribuzzjoni wiesgħa biss, bħal dawk tad-department stores, per eżempju Printemps jew Galeries Lafayette, jistgħu jiġu ammessi fin-netwerk, fatt li ġie kkonfermat mir-rapport tal-Profeddur Weber, imsemmi fil-punt I.B tad-Deċiżjoni u mill-argumenti ta' Yves Saint Laurent fis-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħha; jew inkella l-kriterji approvati mill-Kummissjoni jeżiġu ħafna aktar minn aġġustament parzjali tal-metodi ta' kummerċjalizzjoni tagħha mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar. Biex jissodisfaw kriterji bħal dawn, bħal dawk li jkunu sitwati f'ċerti toroq fejn il-ħwienet huma adegwati għall-prestiġju tat-trade mark, li jisseparaw materjalment l-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ minn attivitajiet oħra, li jlibbsu l-impjegati kollha fil-post tal-bejgħ b'uniformi professjonali, li ma jkollhomx wisq attivitajiet "li mhumiex ta' lussu" jew li jkollhom ħwienet bil-vetrini, il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar ikollhom jabbandunaw totalment il-metodi ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

73      Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti tikkunsidra li, f'deċiżjoni ta' prinċipju bħal dik kkonċernata f'din il-kawża, din kellha tkun partikolarment kompleta. Il-Kummissjoni ma ma mmotivatx biżżejjed l-affermazzjoni tagħha li l-kriterji notifikati – li jeskludu, skond ir-rikorrenti, kull tip ta' negozju ieħor ħlief il-bejjiegħ bl-imnut speċjalizzat – ma jxekklux il-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Fil-fatt, billi tirreferi għas-sentenzi Metro, AEG, Lancôme u L'Oréal, iċċitati aktar 'il fuq, il-Kummissjoni utilizzat fil-każ tal-protezzjoni tal-immaġini ta' trade mark tal-prodotti ta' lussu kriterji li sa dak iż-żmien kienu rriżervati għas-selettività "teknika", mingħajr, madankollu, ma mmotivat id-deċiżjoni tagħha bil-mod rikjest minn dawn is-sentenzi.

74      Barra minn hekk, is-sentenzi L'Oréal, Lancôme u Metro, iċċitati aktar 'il fuq, jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tevalwa l-karattru restrittiv tal-ftehim skond il-kuntest ekonomiku. Il-Kummissjoni, billi kienet taf li l-"bejjiegħa tal-fwejjaħ tal-marka" jadottaw l-istess metodu ta' distribuzzjoni esklużiva, kellha tipprovdi motivazzjoni dwar l-effett kumulattiv tan-netwerks, aktar u aktar minħabba li hija kienet qed tapprova, fil-prinċipju, l-esklużjoni, b'mod ġenerali u assolut, ta' tip sħiħ ta' negozju tad-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni.

75      Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma mmottivatx biżżejjed id-Deċiżjoni tagħha billi ma kkunsidratx l-osservazzjonijiet imressqa minn Galec matul il-proċedura amministrattiva, li skondhom prodotti ta' lussu huma llum mibjugħa mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar f'kundizzjonijiet perfettament adattati. Fil-fatt, l-aħħar għaxar snin, il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar wettqu tibdil kbir fil-metodi ta' bejgħ tagħhom u b'hekk waslu mhux biss sabiex tipproteġi l-immaġini tat-trade mark li hija marbuta mal-prodotti ta' teknika avvanzata jew ta' lussu, iżda wkoll sabiex ikunu kompetittivi fir-rigward ta' l-immaġini ta' dawn il-prodotti.

76      Barra min dan, il-Kummissjoni ma mmotivatx il-perċezzjoni tagħha ta' l-aspettattivi tal-konsumatur rigward is-sinjal tal-bejjiegħ bl-imnut il-kbir. Il-konsumaturi moderni jistennew offerta wiesgħa ta' prodotti ta' lussu, u jirrispondu spontanjament meta offerta bħal din tkun għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni twieġeb biss għal din il-konstatazzjoni b'affermazzjonijiet nieqsa minn kull motivazzjoni, jiġifieri li ċertu sinjali huma, min-natura tagħhom - u għal dejjem - sinjali li jnaqqsu mill-valur (ir-raba' paragrafu tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni) u li l-konsumatur f'moħħu jassoċja biss l-eżiġenza tiegħu għal ‘immaġini ta' esklużività u ta' prestiġju' mad-distribuzzjoni esklużiva minn bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati (l-ewwel paragrafu tal-punt II.B.2). Dawn l-affermazzjonijiet m'huma sostnuti minn ebda stħarriġ, analiżi ta' opinjoni jew studju statistiku, u għalhekk il-Kummissjoni ma poġġietx lill-Qorti tal-Prim'Istanza f'pożizzjoni li tassigura ruħha dwar ir-relevanza ta' din l-istampa tal-konsumatur medju.

77      Rigward l-iżbalji ta' fatt li bihom hija vvizzjata d-Deċiżjoni, ir-rikorrenti ssostni li, għar-raġunijiet li ssemmew qabel, il-Kummissjoni ma qiesetx l-kapaċità tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar li jiddistribwixxu l-fwejjaħ ta' lussu f'kundizzjonijiet sodisfaċenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni manifestament ma qiesetx il-motivazzjoni tal-klijentela, meta kkonstata, fit-tieni paragrafu tal-punt II.B.3 tad-Deċiżjoni li "[…]s-sistema ta' distribuzzjoni nnotifikata tippermetti li tiġi mħarsa n-natura esklużiva tal-prodotti kuntrattwali, li hija l-motivazzjoni essenzjali ta' l-għażla tal-konsumatur." Skond ir-rikorrenti dawn huma motivazzjonijiet "antikwati", li huma attribwiti lill-konsumaturi mingħajr l-iċken prova.

78      Fil-fatt, hekk kif bejjiegħ bl-imnut kbir jirnexxielu jikkummerċjalizza fwejjaħ ta' lussu, huwa jiġi kkonfrontat minn domanda spontanja kbira mill-konsumaturi, li jfittxu l-lussu u l-possibbiltà li joħolmu, iżda mhux neċessarjament bil-prezz mitlub f'netwerk magħluq. B'mod partikolari, hemm kategorija ta' konsumaturi, li l-eżistenza tagħha hija miċħuda mill-Kummissjoni, li hija ġeneralment pjuttost żagħżugħa, f'pożizzjoni finanzjarja tajba, minn żoni urbani, li tħobb l-innovazzjoni u l-prodotti tal-marka u li tippreferi tixtri l-prodotti li trid, inklużi l-prodotti ta' "l-ogħla livell", mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar.

79      Barra minn hekk, il-bidliet fid-distribuzzjoni mmodifikaw drastikament il-perċezzjoni tas-sinjali tad-distributuri mill-konsumaturi. Huwa għaldaqstant falz li wieħed jassumi li l-konsumatur għandu dejjem viżjoni uniformi u li tnaqqas il-valur tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jew li kull prodott ta' lussu li jibda' jinbiegħ mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar isir prodott komuni. Il-Kummissjoni kienet infurmata perfettament b'dan l-iżvilupp, iżda ma kkunsidratux, fatt li jikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni (ara l-punti 74 u 75 tas-sentenza AEG).

80      Fir-rigward ta' l-żbalji ta' dritt mwettqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li din kisret id-dritt komunitarju meta ddeċidiet li l-kriterji, li sar sunt tagħhom fil-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni, u, b'mod partikolari, dawk relatati mal-preżenza ta' persunal ikkwalifikat, il-post, l-estetika u s-sinjal tal-punt tal-bejgħ, ma' l-attivitajiet l-oħra tal-ħanut kif ukoll ma' l-importanza tat-trademark Yves Saint Laurent meta mqabbla mat-trademarks li jikkompetu magħha, ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

81      Billi kkunsidrat li kriterji bħal dawn, li, skond ir-rikorrenti, jeliminaw a priori xi bejjiegħa bl-imnut potenzjali, kienu leġittimi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju li r-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom ikunu proporzjonati, kif ukoll il-prinċipju li r-restrizzjonijiet kwantitattivi huma a priori llegali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' Metro I u Metro II, L'Oréal u AEG, iċċitati aktar 'il fuq). Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet imorru oltre dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, tal-ħarsien neċessarju tal-kwalità tal-kwalità tagħhom u ta' l-użu tajjeb tagħhom.

82      Il-Kummissjoni kisret ukoll id-dritt Komunitarju billi ma evalwatx fil-kuntest tagħhom ir-restrizzjonijiet ċari li rriżultaw min-netwerk ta' Yves Saint Laurent (ara l-punt 40 tas-sentenza Metro II). F'dan ir-rigward, ir-rikkorenti tenfasizza li, fir-rispostat tagħha, il-Kummissjoni ppretendiet li s-suq rilevanti huwa dak tal-"prodotti kożmetiċi", filwaqt li, kemm fid-Deċiżjoni u kif ukoll f'punti oħra tar-risposta tagħha, hija indikat li s-suq tal-fwejjaħ ta' lussu jikkostitwixxi suq speċifiku u awtonomu. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, m'hemmx dubbju li l-effett kumulattiv tan-netwerks simili jelimina l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar mis-suq tal-fwejjaħ ta' lussu, li huwa s-suq rilevanti f'dan il-każ.

L-argumenti tal-Kummissjoni

83      Il-konvenuta ssostni li fid-Deċiżjoni m'hemm ebda konklużjoni dwar jekk ċertu ċentri Leclerc jistgħux jissodisfaw il-kriterji nnotifikati minn Yves Saint Laurent, iżda li hija eżaminat il-kontenut, l-effetti u l-legalità tagħhom fid-dawl tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ma teskludi, a priori, l-ebda tip ta' kummerċ. B'hekk, fid-Deċiżjoni, huwa ppreċiżat, l-ewwel nett, li dawn il-kriterji "fihom infushom, mhumiex ta' natura li jeskludu ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni bħad-department stores" (fl-aħħar tal-ħames paragrafu tal-punt II.A.5) u, it-tieni nett, li ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni jistgħu jissodisfaw flimkien il-kriterji ta' l-għażla billi jimmodifikaw il-metodi kummerċjali tagħhom (ara r-raba' paragrafu tal-punt II.B.5). Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni kkonferma li din ma teskludi a priori l-ebda tip ta'distribuzzjoni tat-"tip supermarket" fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu u li t-terminu "department stores", fil-ħames paragrafu tal-punt II.A.5 u fid-raba' paragrafu tal-punt II.B.5 tad-Deċiżjoni għandu jkunu intepretat b'mod li jinkludi l-hypermarkets.

84      L-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kriterji meħtieġa jistgħu jkunu sodisfatti biss mill-bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati taċ-ċentru tal-belt mhijiex eżatta; hemm, fid-distretti jew fil-periferiji ta' l-ibliet, ħwienet oħra minbarra dawk tal-bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati. Bl-istess mod, lanqas ir-rekwiżit li l-ħwienet ikunu adegwati għall-prestiġju u l-fama tat-trade mark m'huwa bilfors mhux adattat għall-bejjiegħa bl-imnut il-kbar billi, skond ir-ritratti pprovduti mir-rikorrenti, uħud mill-ħwienet tagħha jistgħu jipprovdu dekorazzjoni interna adatta għall-kumerċjalizzazzjoni ta' trade marks prestiġjużi.

85      Rigward il-kriterju tas-sinjal, il-bżonn tagħha jidher partikolarment evidenti jekk wieħed jikkunsidra li hija tippermetti li jiġu esklużi ċerti sinjali li jnaqqsu manifestament il-valur ta' l-immaġini tat-trade mark. Barra minn hekk, waħda mill-proċeduri li tgħolli l-valur tal-marka utilizzata mil-Leclerc għall-bejgħ ta' prodotti ta' lussu tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta' tali prodotti lil postijiet anċillari li jkollhom sinjal sussidjarju, per eżempju "Éole". Id-Deċiżjoni ppreċiżat ukoll li l-karattru li jnaqqas il-valur ta' trade mark ta' sinjal ma jistax jiġi assoċjat mal-politika abitwali dwar il-prezz ta' distributur (l-aħħar parti tar-raba' paragrafu tal-punt II.A.5).

86      Għaldaqstant, l-argument tal-Galec, li l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jistgħu biss jissodisfaw il-kriterji in kwistjoni wara tibdil radikali tal-metodi ta' bejgħ tagħhom, ma jikkonforma bl-ebda mod mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-kriterji msemmija jistgħu biss jimplikaw modifika parzjali tal-metodi partikolari ta' kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni, bil-grad ta' modifika rikjest li jiddependi fuq evalwazzjoni każ b'każ.

87      Rigward il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, din hija ċara u kompleta, speċjalment fil-punt II.A.5. Barra minn hekk, mis-sentenzai Lancôme u L'Oréal, iċċitati aktar 'il fuq, u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/616/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1985, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/30.665 - Villeroy & Boch, ĠU L 376, p. 15) jirriżulta li m'hemm xejn ġdid fil-fatt li ż-żamma ta' immaġini ta' prestiġju tiġi kkunsidrata li tista' tiġġustifika kriterji kwalitattivi dwar il-kwalifika professjonali tal-bejjiegħ bl-imnut u ta' l-istabbilimenti tiegħu. Barra minn dan, m'huwiex eżatt li jiġi allegat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett kumulattiv tas-sistemi ta' distribuzzjoni selettva, kif juri l-punt II.A.8 tad-Deċiżjoni.

88      Rigward il-konsumaturi, il-konvenuta tafferma li l-motivazzjoni essenzjali tal-konsumatur ta' prodotti ta' lussu, għalkemm dan ikun miġbud għal żmien qasir minn prezz aktar baxx, hija l-garanzija li l-prodott mhuwiex ser isir prodott komuni wara li l-immaġini tiegħu tkun saret komuni u wara t-tnaqqis fil-livell tal- kreattività tiegħu li jirriżulta, fuq perijodu twil, mill-prattika ta' dan il-prezz imnaqqas. Barra minn hekk, mill-punt I.D tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-oservazzjonijet ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li ttieħdu in konsiderazzjoni mill-Kummissjoni, indikaw ix-xewqa tal-konsumatur li l-prodotti tal-fwejjaħ ta' lussu jiġu mibjugħa biss f'postijiet tal-bejgħ ta' kwalità u minn persunal ikkwalifikat.

89      Rigward jekk il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar humiex adatti sabiex jiddistribwixxu l-prodotti Yves Saint Laurent, il-konvenuta tiċħad li qatt esprimiet l-iċken ġudizzju f'dan ir-rigward. Fil-fatt, jekk ċerti ħwienet tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar huma kapaċi jissodisfaw il-kriterji ġustifikati mid-distribuzzjoni selettiva tal-fwejjaħ ta' lussu, dak ikun jeħtieġ biss verifika in concreto, każ b'każ, qabel kollox minn Yves Saint Laurent u mhux mill-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ma fiha l-ebda affermazzjoni li prodott ta' lussu isir komuni jekk jinbiegħ mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar.

90      Fl-aħħarnett, rigward Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-konvenuta tqis li l-kriterji kkunsidrati fil-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni huma manifestement kriterji oġġettivi ta' natura kwalitattiva tat-tip deskritt fis-sentenza Metro I, u li huma stabbilit b'mod uniformi u mhux diskriminatorju, minħabba li ma jeskludu l-ebda distributur li jista' jissodisfahom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju, fatt li jagħmel parti mill-prattika u mhux mill-evalwazzjoni tal-kriterji fihom infushom. Il-kriterji aċċettai lanqas ma jiksru l-prinċipju ta' proporzjonalità, għaliex huma neċessarji sabiex tinżamm atmosfera ta' prestiġju u esklużività li tiddistingwi l-prodotti in kwistjoni minn prodotti oħra simili u biex tippreżerva l-immaġini ta' trade mark ta' prestiġju.

91      Il-punt 40 tas-sentenza Metro II mhuwiex pertinenti għaliex din is-sentenza kkonċernat sitwazzjoni fejn l-uniku tip ta' distribuzzjoni li kien hemm kienu netwerks selettivi, u fejn ir-riġidità tal-prezzijiet ma kinitx kontrobilanċjata minn kompetizzjoni effettiva bejn it-trade marks. Din mhijiex is-sitwazzjoni fis-suq tal-prodotti kosmetiċi, fejn l-offerta hija mifruxa kemm fil-fażi tal-produzzjoni kif ukoll dik tad-distribuzzjoni, u fejn il-prodotti kkummerċjalizzati min-netwerks ta' distributuri awtorizzati jirrappreżentaw biss parti mit-total tal-bejgħ tal-prodotti kosmetiċi li tvarja minn 22.4% fit-Renju Unit sa 36.2 % fl-Italja. Barra minn hekk, minn naħa, il-konsumatur jista' jixtri fwejjaħ oħra bi prezz irħas barra min-netwerks ta' distribuzzjoni selettiva u, min-naħa l-oħra, hemm komptizzjoni effettiva bejn it-trade marks li jikkompetu ta' fwejjaħ ta' lussu u bejn il-prodotti ta' lussu ta' l-istess trade mark.

 Argumenti tal-partijiet intervenjenti

92      Peress li l-partijiet intervenjenti żviluppaw fit-tul argumenti simili għal dawk tal- Kummissjoni, jaqbel li jiġu riprodotti biss l-elementi segwenti minnhom.

93      Skond Yves Saint Laurent, il-preċunzjoni bażika li fuqha huwa bbażat ir-rikors hija żbaljata. Il-Kummissjoni la kkonvalidat l-esklużjoni a priori ta' tip ta' kummerċ u lanqas ma aċċettat esklużività favur il-bejjiegħa speċjalizzati fiċ-ċentri ta' l-ibliet. Għall-kuntrarju, fid-Deċiżjoni, hija vverifikat li s-sistema ta' distribuzzjoni hija miftuħa għal kull tip ta' distribuzzjoni u ma teskludi l-ebda tip a priori (punt II.B.5).

94      Fil-fatt, in-netwerk Yves Saint Laurent jinkludi, barra mill-ħwienet tal-fwejjaħ speċjalizzati, sensiela ta' department stores (il-Ġermanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja, il-Belġju) u, fl-IStati Membri kollha, postijiet tal-bejgħ multi-speċjalizzati, b'mod partikolari, ħwienet tal-fwejjaħ u oġgetti għad-dar (ir-Renju Unit, l-Olanda, il-Ġermanja u id-Danimarka), il-ħwienet tal-fwejjaħ-spiżeriji (Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall), ħwienet tal-fwejjaħ u tal-ħwejjeġ (Spanja, il-Portugall), is-sensiela ta' ħwienet multi-speċjalizzata "Boots" fir-Renju Unit u sensieli ta' ħwienet kbar u moderni tal-fwejjaħ, b'mod partikolari, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fl-Olanda, fl-Italja u fi Franza. 99.6 % mill-bejgħ fir-Renju Unit u 75 % tal-bejgħ fid-Danimarka jsir fil-postijiet ta' bejgħ mhux speċjalizzati. Fi Franza, fi Spanja u fl-Olanda, dan il-proporzjon ivarja bejn 20 u 40%. Il-mapep prodotti minn Yves Saint Laurent ukoll juru l-preżenza ta' postijiet ta' bejgħ barra miċ-ċentri ta' l-ibliet.

95      Għal dak li jirrigwarda l-analiżi tal-motivazzjonijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata minn studji oħra prodotti minn Yves Saint Laurent bħala anness mas-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħha, jiġifieri dawk magħmula mill-Professur Glais, mill-ġurnal Amerikan Mademoiselle u mill-Professur Thoenig, minn fejn jirriżulta li l-konsumatur jagħti importanza lit-trade mark tal-prodott, li r-raġuni prinċipali għax-xiri ta' prodott ta' lussu hija l-prestiġju ta' dan il-prodott u li l-konsumaturi jaqblu ma' sistema ta' distribuzzjoni li tħares l-immaġini prestiġjuża tal-prodott. Għall-kuntrarju, l-allegazzjoni ta' Galec li l-analiżi tal-Kummissjoni tirrifletti viżjoni partikolarment obsoleta u antikwata tal-motivazzjoni tal-konsumatur, m'hija sostnuta mill-ebda studju jew sondaġġ.

96      Rigward il-bżonn ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva, Yves Saint Laurent tenfasizza li, jekk il-Kummissjoni tat importanza lill-prestiġju u l-fama tat-trade mark Yves Saint Laurent, hija kkunsidrat ukoll il-partikolaritajiet tal-prodotti, speċjalment il-kwalità tal-materji prima użati, il-proċeduri ta' riċerka u ta' żvilupp, il-materjali ta' l-imballaġġ (punt II.A.5). Per eżempju, hemm bżonn madwar tliet snin minn meta jiġi żviluppat prodott ġdid sal-fabbrikazzjoni industrijali tiegħu, u formuli differenti huma studjati kull sena miċ-ċentru permanenti ta' riċerka u ta' żvilupp Yves Saint Laurent. Aktar minn 5 000 materji prima, uħud rari, sofistikati u għaljin, huma użati, u diversi testijiet huma meħtieġa. L-oriġinalità, is-sofistikazzjoni u l-kwalità għolja ta' dawn il-prodotti, flimkien mal-prestiġju u l-fama tat-trade marks li jkopru, għaldaqstant jiġġustifikaw distribuzzjoni selettiva, inkella jiġrilhom bħall-fwejjaħ Coty, li sparixxew mis-suq minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-kwalità tal-prodott u metodu ta' distribuzzjoni li ma kienx jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi.

97      Dwar Artikolu 85(1) tat-Trattat, il-kriterju tal-kwalifika professjonali huwa neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-aspettattivi tal-konsumaturi, u għaliex il-prodotti jinvolvu teknika u riċerka importanti. L-ambjent estern tal-post tal-bejgħ huwa wkoll kriterju oġġettiv, li huwa neċessarju biex jgħolli l-valur tal-post tal-bejgħ stess u tal-prodott mixtri, u li ma jelimina l-ebda tip ta' distribuzzjoni. Il-kwalità, it-tqassim u l-vetrina tal-post tal-bejgħ jipprovdu "vetrina" għall-prodott u għandhom ikunu koerenti ma' l-immaġini tiegħu. Is-sinjal huwa kriterju ta' selezzjoni ugwalment oġgettiv, billi għandu poter ta' evokazzjoni pożittiva, negattiva jew newtrali f'termini ta' kwalifika tal-persunal, tas-servizz u tal-kuntest tal-merħba mogħtija, li jirrifletu fuq il-prodotti mibjugħa. Fl-aħħar nett, is-separazzjoni fiżika rikjesta mill-postijiet tal-bejgħ mhux speċjalizzati bejn il-gammi kosmetiċi u dawk iddedikati għall-prodotti ta' konsum ordinarju ma xxekkilx il-kompetizzjoni u ma twaqqafx l-aċċess għan-netwerk ta' tipi ta' kummerċ mhux speċjalizzat. Barra minn dan dan jissodisfa wkoll aspettattiva preċiża tal-fabbrikant u tal-konsumatur, jiġifieri, li l-akkwist ta' prodott ta' lussu ma jkunx konfuż ma' l-akkwist ta' prodott ta' konsum ordinarju, bħalma huma l-prodotti ta' l-ikel.

98      Fl-aħħarnett, ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-postijiet ta' bejgħ (punt 16 aktar 'il fuq) juri li l-proċedura ta' acċess għan-netwerk issir fuq bażijiet oġġettivi u uniformi. L-applikant, li huwa bejjiegħ bl-imnut, ikun jaf b'din l-evalwazzjoni u jista' jitlob it-tieni evalwazzjoni. Il-kontestazzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali. Biex tiddetermina jekk sinjal jistax iżid il-valur ta' prodott, Yves Saint Laurent tibbaża ruħha fuq sondaġġi ta' opinjoni magħmula minn korpi indipendenti fost il-konsumaturi. Hija qiegħda tressaq, bħala anness mas-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħha, lista tal-mistoqsijiet previsti għal dawn is-sondaġġi u tippreċiża li r-riżultati huma kkomunikati lill-impriża kkonċernata, li tista' tikkontestahom liberament.

99      Colipa tfakkar qabel kollox li d-Deċiżjoni tirreferi għar-rapport tal-Professur Weber, li hija tqis li jikkonforma ma' l-għarfien li dan għandu tas-suq. Minn dan ir-rapport jirriżulta li s-suq Komunitarju tal-prodotti kosmetiċi huwa maqsum, u li din il-qasma ġġib magħha differenzjazzjoni tal-modalitajiet ta' distribuzzjoni skond is-settur kkunsidrat. Dan ir-rapport huwa konformi mal-konklużjonijet tal-Kummissjoni, speċjalment dawk fil-punt II.B.3, li jgħidu li, minkejja grad ta' sostitwibbiltà żgħir f'moħħ il-konsumaturi bejn il-prodotti kosmetiċi ta' lussu u prodotti simili li jagħmlu parti minn partijiet oħra tas-suq, il-konsumaturi, li jikkunsidraw bħala sekondarji l-immaġini tat-trade mark u s-servizzi assoċjati mal-bejgħ fil-kuntest ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva, jistgħu jixtru f'suq viċin li ma jużax sistemi bħal dawn.

100    Barra minn hekk, ir-rapport tal-Professur Weber ikkonferma li jeżisti numru għoli ta' produtturi u ta' distributuri li joperaw fis-suq tal-prodotti kosmetiċi ta' lussu, f'kundizzjoniet dinamiċi u kompetittivi ħafna, u li n-numru ta' parteċipanti ġodda fis-suq huwa wkoll għoli. Barra minn hekk, il-produtturi dejjem ikollhom jirriċerkaw u jiżviluppaw prodotti ġodda, u jiżviluppaw u jżommu politika ta' kummerċjalizzazzjoni appropjata għall-immaġini ta' trade mark prestiġjuża. Il-Kummissjoni għaldaqstant evalwat korrettament, fid-Deċiżjoni, il-kuntest kompetittiv tal-ftehim innotifikati. L-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar ġew esklużi minn dawn il-ftehim la hija sostnuta minn xi analiżi ekonomika u lanqas minn xi element ieħor ta' prova.

101    Filwaqt li mbagħad tfakkar il-prinċipji ġuridiċi applikabbli għad-distribuzzjoni selettiva, li hija ddeduċiet, b'mod partikolari, minn analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti kif ukoll mill-prinċipji tal-"free-rider" ("passiġġier klandestin") fid-dritt Amerikan u ta' l-"Immanenz-Theorie" fid-dritt Ġermaniż, Colipa tikkunsidra li dan it-tip ta' distribuzzjoni huwa perfettament ġġustifikat għall-kosmetiċi ta' lussu, kif ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari, fis-sentenzi L'Oréal u Lancôme, iċċitati aktar 'il fuq, kif ukoll mill-Avukat Ġenerali Reischl fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju, Guerlain et (253/78 u 1/79, 2/79 u 3/79, Ġabra p. 2327, 2377).

102    Fil-fatt, dan il-metodu ekonomiku, ibbażat fuq ir-regola tar-raġuni, jirrikonoxxi li l-kompetizzjoni immirata fuq elementi oħra minbarra l-prezz għandha xi vantaġġi, b'mod partikolari meta wieħed iqis l-investimenti sostanzjali neċessarji u l-bżonn li jiġi evitat li bejjiegħa bl-imnut "parassiti" jgħixu fuq dahar dawk li jaċċettaw l-irbit ekonomiku tal-politika kummerċjali tal-fabbrikant. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni ma tiġix eliminata fis-suq in kwistjoni, għaliex id-distribuzzjoni selettiva kkonċernata teżisti ma' ġenb metodi differenti li jirrapreżentaw, f'dan il-każ, aktar minn 50% tal-prodotti ta' l-industrija tal-fwejjaħ Ewropea.

103    L-eżistenza parallela ta' netwerks oħra ta' distribuzzjoni selettiva hija pertinenti biss safejn din tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935), jew jekk din ma tħalli l-ebda post għal tipi oħra ta' distribuzzjoni imsejsa fuq politika ta' kompetizzjoni ta' natura differenti, jew jekk din tirriżulta f'riġidità fl-istruttura tal-prezzijiet li mhijiex kontrobilanċjata minn fatturi oħra tal-kompetizzjoni (sentenza Metro II), li mhuwiex il-każ hawnhekk. Għall-kuntrarju, l-ebda tip modern ta' distribuzzjoni ma huwa neċessarjament mwaqqaf milli jidħol fin-netwerk, u kien ikun biżżejjed għal Galec, biex jagħmel dan, li jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni u li jissodisfa l-kriterji ta' selezzjoni.

104    Waqt is-seduta, Colipa invokat ukoll ir-rapport tal-Monopolies and Mergers Commission "Fine Fragrances - A report on the supply in the UK for retail sale of fine fragrances" (Cm 2380, Novembru 1993), li jgħid li d-distribuzzjoni selettiva fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu ma tmurx kontra l-interess pubbliku fis-sens tal-Fair Trading Act 1973 tar-Renju Unit. Colipa enfasizzat ukoll li, f'ħafna Stati Membri, il-kosmetiċi ta' lussu huma mibjugħa permezz ta' distribuzzjoni selettiva minn ħwienet "mhux speċjalizzati" jew "b'bosta prodotti" bħal Boots fir-Renju Unit, Matas fid-Danimarka, Sephora fi Franza, Müller fil-Ġermanja, eċċ.

105    Il-FIP issostni li, fil-prodotti ta' lussu kollha, il-parti li mhijiex materjali hija essenzjali u li, fis-servizzi ta' prestiġju kollha, l-ambjent maħluq huwa ta' importanza ewlenija għax ir-reputazzjoni tat-trade mark u, konsegwentement, il-ġejjieni tagħha huma f'idejn il-bejjiegħa bl-imnut tagħha, li huma l-vetrina tagħha għall-konsumatur. F'dan ir-rigward, il-bejjiegħ bl-imnut awtorizzat joffri sensiela ta' garanziji lill-konsumatur: li jkollu l-gamma sħiħa jew għażla suffiċjenti, inklużi l-aħħar prodotti tat-trade mark; li jibbenefika minn pariri mogħtija minn persunal kompetenti, imħarreġ mill-fabbrikant; li jkollu ċ-ċertezza ta' servizz ta' garanzija u ta' wara x-xiri; li jgawdi minn qafas ta' bejgħ li jgħaqqad il-pjaċir u l-ħolma ma' l-att tax-xiri. Madankollu, il-forzi simboliċi li jwasslu jew li ma jwasslux għal-lussu, jistgħu jiġu megħluba jekk il-prodotti ta' prestiġju jkunu kkummerċjalizzati f'kundizzjonijiet li ma jkunux adatti jew f'ambjent ta' tip ta' prodotti (per eżempju prodotti alimentari jew tat-tindif) li jistgħu jiżvalutaw l-immaġini tat-trade mark ikkonċernata, bħal dawk wasslu sabiex il-fwejjaħ Coty jgħibu mis-suq minħabba li t-trade mark kienet saret komuni. Il-preżervazzjoni tat-trade mark f'għajnejn il-konsumaturi hija aktar u aktar neċessarja li, meta mqabbel ma' l-ispiża intrinsika tal-materja prima, li l-fabbrikant jagħmel investimenti konsiderevoli fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda, il-kontroll kostanti tal-kwalità tagħhom u pubbliċità li tista' tilħaq sa 30% tat-total tal-fatturat ta' trade mark.

106    F'dan il-kuntest, il-FIP tikkunsidra li l-obbligi kwalitattivi in kwistjoni, inklużi dawk dwar is-sinjal, huma indispensabbli sabiex tinżamm l-immaġini tat-trade mark tal-manifattur u sabiex jassiguraw parir aħjar għall-konsumatur, anke jekk dawn ir-rekwiżiti jistgħu iwasslu sabiex ċerti biejiegħa bl-imnut ikunu miċħuda l-aċċess fin-netwerk. F'dan il-każ, il-Kummissjoni rrispettat l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bir-reqqa u bl-ebda mod m'aċċettat l-esklużjoni a priori ta' ċerti tipi ta' distribuzzjoni.

107    Il-FEPD ssostni, qabel kollox, li l-utilità tad-distribuzzjoni selettiva, rikonoxxuta mill-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi u kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, toħroġ mill-għanijiet tagħha: il-koerenza u l-immaġini ta' netwerk għal prodotti ta' lussu u ta' kwalità għolja, sabiex il-konsumatur ikollu servizz aħjar u uħud mill-bżonnijiet tiegħu jiġu sodisfatti. L-aspettattiva tal-konsumatur hija li jikseb prodotti ta' kwalità għolja filwaqt li jibbenefika minn pariri adegwati f'ambjent li jiffavorixxi l-għażla tal-prodotti. F'dan il-każ, l-emendi tal-kuntratti miksuba mill-Kummissjoni jistabilixxu l-limitu li taħtu ma jkunx hemm distribuzzjoni selettiva għall-fwejjaħ ta' lussu, minħabba li kieku l-kriterji kienu anqas eżiġenti, skond il-FEPD, kull distributur ikun jista' jissodisfahom.

108    F'dan il-kuntest, in-ħwienet bl-imnut speċjalizzati jagħmlu l-isforzi li huma suffiċjenti u għandhom il-kwalitajiet neċessarji għas-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet tal-konsumatur minħabba, b'mod partikolari, l-istruttura tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, l-istabbilimenti tagħhom u l-preżenza ġeografika tagħhom. Dawn ikunu ġeneralment impriżi ta' daqs pjuttost żgħir, li għandhom il-vantaġġ ta' flessibilità fid-deċiżjonijiet u ta' għarfien u stabbiliment adattati għall-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni, fatt li huwa neċessarju għall-iżvilupp ta' klijentela regolari. Il-postijiet tal-bejgħ mhumiex limitati għall-bejjiegħa speċjalizzati fiċ-ċentri ta' l-ibliet, iżda jinsabu kemm fiċ-ċentri ta' l-ibliet kif ukoll fil-periferija jew fis-subborgi, inklużi ċ-ċentri kummerċjali u l-hypermarkets. Dawn l-argumenti huma ssostanzjati mir-rapport tal-Professur Glais, li minnu jirriżulta, b'mod partikolari, li l-pariri li wieħed jista' jirċievi fil-ħwienet speċjalizzati jżidu sewwa l-valur.

109    L-għan tar-rikors huwa li jinkiseb tnaqqis tas-selettività tal-kriterji rikjesti fil-livell attwali ta' l-istabbilimenti taċ-ċentri Leclerc, li jwassal għall-eliminazzjoni tal-ħwienet speċjalizzati u għall-frustrazzjoni tal-konsumatur, u li jġiegħel lill-produtturi jnaqqsu l-attivitajiet ta' riċerka tagħhom, ta' innovazzjoni u ta' komunikazzjoni sal-punt fejn tisparixxi l-element lussuż li l-prodotti jirrapreżentaw. Ir-rikorrenti biss huwa responsabbli għall-eliminazzjoni li huwa jallega li huwa s-suġġett tagħha minħabba r-rifjut tiegħu li jikkonforma ma' kriterji ta' aċċess koerenti u pertinenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti mhijiex eskluża a priori, iżda għandha biss taġġusta l-metodi tagħha skond in-natura tal-prodotti in kwistjoni, fatt li ma jirrikjedix bidla radikali fil-metodi ta' bejgħ taċ-ċentri Leclerc.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

110    L-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-Deċiżjoni, f'dak li tapplika l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, tqajjem erba' mistoqsijiet prinċipali, jiġifieri: A) jekk id-distribuzzjoni selettiva bbażata fuq kriterji kwalitattivi fis-settur tal-kosmetiċi fini hiex, fil-prinċipju, kompatibbli ma' Artikolu 85(1) tat-Trattat; B) jekk il-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent, imsemmija fil-punt II.A.5 tad-Deċiżjon jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġu kkunsidrati bħala leġittimi fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat; C) jekk il-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti dwar jekk il-membri tagħha humiex esklużi a priori min-netwerk Yves Saint Laurent u dwar l-attitudni tal-konsumaturi f'dan ir-rigward humiex fondati; u D) jekk Artikolu 85(1) tat-Trattat japplikax minħabba li hemm netwerks paralleli fis-settur kkonċernat.

A – Fuq il-kompatibbiltà fil-prinċipju ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva bbażata fuq kriterji kwalitattitvi fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu ma' Artikolu 85(1) tat-Trattat

111    Minkejja li r-rikorrenti ssostni li hija taċċetta n-neċessità ta' sistema bbażata fuq il-kunċett ta' "selettività ta' lussu" sabiex jinżamm il-prestiġju tal-prodotti ta' lussu u sabiex jiġu sodisfatti l-aspettattivi tal-konsumatur, hija madankollu tikkontesta l-leġittimità tal-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ta' min jeżamina, qabel kollox, il-prinċipji ġuridiċi fundamentali li jsostnu l-applikazzjoni ta' Artikolu 85(1) tat-Trattat fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu.

112    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistemi ta' distribuzzjoni selettiva jikkostitwixxu element ta' kompetizzjoni li hu konformi ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jekk dan jissodisfa erba' kundizzjonijiet, li huma: l-ewwel nett, li l-karatteristiċi tal-prodott in kwistjoni jeħtieġu sistema ta' distribuzzjoni selettiva, fis-sens li sistema bħal din hija eżiġenza leġittima, fid-dawl tan-natura tal-prodotti kkonċernati, u b'mod partikolari, tal-kwalità għolja tagħhom jew is-sofistikazzjoni teknika, biex tiġi ppreżervata l-kwalità tagħhom u jiġi assigurat l-użu korrett tagħhom (ara s-sentenza L'Oréal, iċċitata aktar 'il fuq, punt 16, interpretata fid-dawl tas-sentenza Metro I, punti 20 u 21, tas-sentenza AEG, punt 33, u tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1992, Vichy vs Il-Kummissjoni, T-19/91, Ġabra p. II-415, punti 69 sa 71); it-tieni nett, li l-għażla tal-bejjiegħa bl-imnut issir skond il-kriterji oġġettivi ta' natura kwalitattiva fissati b'mod uniformi għall-bejjiegħa potenzjali kollha u applikati b'mod mhux diskriminatorju (ara, per eżempju, is-sentenzi Metro I, punt 20, L'Oréal, iċċitata aktar 'il fuq, punt 15, u AEG, punt 35); it-tielet nett, li s-sistema in kwistjoni jkollha l-għan li tilħaq riżultat li jtejjeb il-kompetizzjoni u, għaldaqstant, li jilħaq bilanċ mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni li hija parti mis-sistemi ta' distribuzzjoni selettiva, b'mod partikolari, fir-rigward ta' prezz (ara s-sentenzi Metro I, punti 20 sa 22; AEG, punti 33, 34 u 73, u Metro II, punt 45); u, ir-raba' nett, li l-kriterji imposti ma jmorrux oltre dak li huwa neċessarju (ara s-sentenzi L'Oréal, iċċitata aktar 'il fuq, punt 16, u Vichy vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 69 sa 71). Il-kwistjoni dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti għandha tiġi evalwata b'mod oġġettiv, filwaqt li jittieħed in konsiderazzjoni l-interess tal-konsumatur (ara s-sentenzi Metro I, punt 21, u Vichy vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 69 sa 71).

113    Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod partikolari, li sistemi ta' distribuzzjoni selettiva bħal dawn, li huma bbażati fuq kriterji kwalitattivi, jistgħu jiġu aċċettatti mingħajr ma jinkiser Artikolu 85(1) tat-Trattat fis-settur tal-produzzjoni ta' prodotti ta' konsum durevoli, ta' kwalità għolja jew ta' sofistikazzjoni teknika, sabiex, b'mod partikolari, jinżamm kummerċ speċjalizzat kapaċi jagħti prestazzjonijiet speċifiċ għal prodotti bħaldawn (ara s-sentenzi Metro I, punt 20, AEG, punt 33, u Metro II, punt 54, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 1985, ETA, 31/85, Ġabra p. 3933, punt 16), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li jistgħu jiġu stabbiliti sistemi ta' distibuzzjoni selettiva li huma ġġustifikati min-natura speċifika tal-prodotti jew mir-rekwiżiti tad-distribuzzjoni tagħhom f'setturi ekonomiċi oħra mingħajr ksur ta' Artikolu 85(1) (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1985, Binon, 243/83, Ġabra p. 2015, punti 31 u 32, u tas-16 ta' Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra p. 1563). Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha Metro I (punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura u l-intensità tal-kompetizzjoni effettiva ("workable competition") neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat jistgħu ivarjaw skond il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni u skond l-istruttura ekonomika tas-swieq settorjali konċernati, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta' l-Artikoli 3 u 85 tat-Trattat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni.

114    Peress li huma l-kosmetiċi ta' lussu, u speċjalment il-fwejjaħ, li jikkostiwixxu l-biċċa l-kbira tal-prodotti in kwistjoni, huwa stabbilit, l-ewwel nett, li dawn huma prodotti sofistikati u ta' kwalità għolja, riżultat ta' riċerka partikolari u li jużaw materjali ta' kwalità għolja, speċjalment għall-preżentazzjoni u l-imballaġġ tagħhom, it-tieni nett, li dawn il-prodotti għandhom "immaġini ta' lussu" li sservi biex tiddistingwihom minn prodotti oħra simili, li huma nieqsa minn immaġini bħal din, u, it-tielet nett, li din l-immaġini ta' lussu hija importanti f'għajnejn il-konsumaturi, li japprezzaw il-possibbiltà li jixtru kosmetiċi ta' lussu, u b'mod partikolari, fwejjaħ ta' lussu. Fil-fatt, f'moħħ il-konsumatur, hemm biss grad fjakk ta' sostitwibilità bejn il-prodotti kosmetiċi ta' lussu u l-prodotti simili li jagħmlu parti minn partijiet oħra tas-settur (ara punt II.A.8 tad-Deċiżjoni).

115    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza taħseb li l-kunċett ta' "karatteristiċi" tal-kosmetiċi ta' lussu, fis-sens tas-sentenza L'Oréal, iċċitata aktar 'il fuq, ma jistax jiġi limitat għall-karatteristiċi materjali tagħhom iżda tinkludi wkoll il-perċezzjoni speċifika li l-konsumatur għandu dwarhom, u, b'mod aktar partikolari, l-"atmosfera ta' lussu" tagħhom. Għaldaqstant, f'dan il-każ hemm involuti prodotti li, minn naħa, huma ta' kwalità għolja intrinsika, u min-naħa l-oħra, għandhom karattru fin li jirriżulta min-natura tagħhom stess.

116    Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-distribuzzjoni selettiva hijiex eżiġenza leġittima fil-każ ta' prodotti li għandhom karatteristiċi bħal dawn, il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni fuq dan il-punt (punt II.A) mhijiex ibbażata fuq il-kunċett ta' kummerċ speċjalizzat li jista' jipprovdi prestazzjonijet speċifiċi għal prodotti ta' sofistikazzjoni teknika għolja, fis-sens tas-sentenzi Metro I, Metro II u AEG, iżda pjuttost fuq żewġ konsiderazzjonijiet oħra ewlenija, li huma a) l-interess ta' Yves Saint Laurent, bħala produttur ta' kosmetiċi ta' lussu, li jżomm l-immaġini ta' prestiġju tat-trade mark tiegħu u li jissalvagwardja l-frott ta' l-isforzi ta' promozzjoni tiegħu ta' promozzjoni (ara t-tieni u r-raba' paragrafi tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni; ara wkoll, fl-istess sens, il-punt II.B.2), u b) il-bżonn li tiġi ssalvagwardjata, fil-perċezzjoni tal-konsumaturi, l-"atmosfera ta' esklużività u prestiġju" tal-prodotti in kwistjoni, b'mod partikolari, billi tiġi assigurata "preżentazzjoni lill-pubbliku li hija adatta sabiex toħroġ l-ispeċifiċità estetika jew funzjonali" tal-prodotti (ara t-tieni paragrafu tal-punt II.A.5) u "qafas konformi mal-karattru lussuż u esklużiv tal-prodotti in kwistjoni u preżentazzjoni konformi ma' l-immaġni tat-trade mark" (ara r-raba' paragrafu tal-punt II.A.5, ara wkoll il-ħames u s-sitt paragrafi tal-punt II.A.5).

117    F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm produttur huwa ħieles li jagħżel il-politika tiegħu ta' kummerċjalizzazzjoni, l-Artikolu 85(1) tat-Trattat għandu jiġi kkunsidrat peress li l-implementazzjoni ta' din il-politika tinvolvi ftehim li jimponu fuq operaturi ekonomiċi indipendenti oħra obbligi ta' natura li jxekklu l-libertà kompetittiva tagħhom b'mod li taffetwa apprezzabbilment il-kummerċ intrakomunitarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li produttur ikun ta l-kunsens għal sforzi kbar ta' promozzjoni ma jikkostitwix, minnu nnifsu, ġustifikazzjoni oġġettiva ta' natura li tirrendi inapplikabbli l-Artikolu 85(1) tat-Trattat għal netwerk ta' distribuzzjoni li jillimita l-libertà kompetittiva ta' l-impriżi parteċipanti u tat-terzi persuni. Kieku kien mod ieħor, fil-fatt, kull fabbrikant ikun jista' jiġġustifika l-adozzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva fuq l-unika bażi ta' l-isforzi tiegħu ta' promozzjoni, u kull kriterju restrittiv ta' selezzjoni jkun jista' jiġi ġġustifikat minħabba li kien neċessarju sabiex jipproteġi l-politika ta' kummerċjalizzazzjoni mixtieqa mill-fabbrikant (ara s-sentenza Vichy vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

118    Il-Qorti tal-Prim'Istanza għaldaqstant tqis li sistema ta' distribuzzjoni selettiva taqa' biss barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jekk ma jkunx oġġettivament ġustifikata, fid-dawl, ukoll, ta' l-interessi tal-konsumaturi (ara l-aħħar parti tal-punt 112, aktar 'il fuq).

119    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li huwa f-interess tal-konsumaturi li jfittxu kosmetiċi ta' lussu li prodotti bħal dawn ikunu ppreżentati f'kundizzjonijiet tajba fil-postijiet tal-bejgħ. Fil-fatt, peress li dawn huma prodotti ta' kwalità għolja li l-immaġini tagħhom ta' lussu hija apprezzata mill-konsumaturi, kriterji li għandhom biss l-għan li jiżguraw preżentazzjoni li tgħolli l-valur tagħhom huma intiżi li jiksbu riżultat li hu ta' natura li jtejjeb il-kompetizzjoni, permezz tal-preżervazzjoni ta' din l-immaġini ta' lussu, u għaldaqstant jikkontrobilanċjaw il-limitazzjoni fuq il-kompetizzjoni li hija intrinsika għal sistemi ta' distribuzzjoni selettiva. Kriterji bħal dawn għaldaqstant jikkostitwixxu rekwiżit leġittimu fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija qabel (ara s-sentenza Metro I, punt 37).

120    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, effettivament, li huwa fl-interess tal-konsumaturi li qed ifittixu kosmetiċi ta' lussu li l-immaġini ta' lussu ta' prodotti bħal dawn ma tiġix mċappsa biex b'hekk dawn ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala prodotti ta' lussu. Teżisti attwalment, fis-settur tal-kosmetiċi, qasma bejn il- kosmetiċi ta' lussu u l-kosmetiċi li mhumiex meqjusa bħala prodotti ta' lussu, li tissodisfa l-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi u li, għaldaqstant, ma tistax tiġi kkritikata fuq il-pjan ekonomiku. Minkejja li n-natura "ta' lussu" tal-kosmetiċi ta' lussu tirriżulta wkoll, fost l-oħrajn, mill-kwalità għolja intrinsika tagħhom, mill-prezz aktar għali tagħhom u mill-kampanji pubbliċitarji tal-produtturi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li anki l-fatt li dawn il-prodotti huma mibjugħa fi ħdan sistemi ta' distribuzzjoni selettivi li huma intiżi li jassiguraw preżentazzjoni li żżidilhom il-valur fil-post tal-bejgħ jikkontribwixxi għal din l-immaġini ta' lussu u, għaldaqstant, għaż-żamma ta' waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-prodotti mfittxa mill-konsumaturi. Fil-fatt, ir-riżultat ta' distribuzzjoni ġeneralizzata tal-prodotti kkonċernati, li, fil-kuntest tagħha, Yves Saint Laurent ma jkollha l-ebda possibbiltà li tassigura ruħha li l-prodotti tagħha jiġu mibjugħa f'kundizzjonijiet xierqa, iwassal għal riskju ta' deterjorazzjoni fil-preżentazzjoni tal-prodotti fil-post tal-bejgħ, li jkun ta' natura li tipperikola l-"immaġini ta' lussu", u għaldaqstant in-natura nfisha tal-prodotti kkonċernati. Konsegwentment, il-kriterji intiżi li jassiguraw preżentazzjoni tal-prodotti fil-post tal-bejgħ li tkun adatta għan-natura ta' lussu tagħhom jikkostitwixxu rekwiżit leġittimu ta' natura li jtejjeb il-kompetizzjoni fl-interess tal-konsumatur fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata qabel.

121    Din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-fatt, stabbilit matul l-istanza, li, f'ċerti Stati Membri, speċjalment fl-Olanda iżda wkoll fir-Renju Unit u fi Franza, parti ftit jew wisq kbira tal-bejgħ issir minn bejjiegħa li mhumiex awtorizzati li jfornu rwieħhom miis-suq parallel. Fil-fatt, mhuwiex eskluż li l-interess tal-konsumaturi għal bejgħ bħal dan irriżulta parzjalment mill-immaġini ta' lussu li d-distribuzzjoni selettiva ikkontribwiet ta' l-anqas parzjalment għaliha. Għaldaqstant dan ma jfissirx li din l-immaġini ta' lussu tibqa' intatta fin-nuqqas ta' distribuzzjoni selettiva.

122    Madankollu, jekk huwa fl-interess tal-konsumatur li jkun jista' jakkwista kosmetiċi ta' lussu f'kundizzjonijiet ta' preżentazzjoni tajba u li b'hekk tkun ippreżervata l-immaġini ta' lussu tagħhom, huwa wkoll fl-interess tiegħu li sistema ta' distribuzzjoni bbażata fuq din il-konsiderazzjoni ma tiġix applikata b'mod eċċessivament restrittiv u, b'mod partikolari, li l-aċċess għall-prodotti ma jkunx limitat mingħajr qies, kif sostnew l-erba' assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi matul il-proċedura prekontenzjuża (ara l-punt 175 aktar 'l isfel). Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema Yves Saint Laurent ma tista' biss tiġi kkunsidrata li għandha għan leġittimu, ta' natura li jikkontrobilanċja l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni li hija intrinsika għaliha jekk din is-sistema hija miftuħa għall-bejjiegħa potenzjali kollha li jistgħu jassiguraw preżentazzjoni tajba lill-konsumatur, f'kuntestappropjat, u li jippreżervaw l-immaġini ta' lussu tal-prodotti kkonċernati (ara l-punt 112 aktar 'il fuq). Fil-fatt, sistema ta' distribuzzjoni selettiva li jkollha l-konsegwenza li teskludi ċerti tipi ta' kummerċjalizzazzjoni li kapaċi jbiegħu il-prodotti f'kundizzjonijiet li jżidu l-valur tagħhom, per eżempju ġewwa post jew spazju adattat, ikollha biss l-effett li tipproteġi t-tipi ta' kummerċ eżistenti mill-kompetizzjoni ta' operaturi ġodda u għaldaqstant ma tkunx konformi ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat (ara s-sentenza AEG, punti 74 u 75).

123    Minn dan isegwi li, fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu, il-kriterji kwalitattivi ta' selezzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut li ma jmorrux oltre minn dak li huwa neċessarju biex jassiguraw il-bejgħ ta' dawn il-prodotti f'kundizzjonijiet tajba ta' preżentazzjoni mhumiex, fil-prinċipju, koperti mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat, sakemm dawn il-kriterji huma oġġettivi, stabbiliti b'mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa potenzjali kollha u applikati b'mod mhux diskriminatorju.

B – Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent imsemmija fil-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni jissodisfawx il-kundizzjonjiet meħtieġa biex jiġu kkunsidrati bħala leċiti fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1)

1. Dwar ir-rwoli rispettivi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tal-qrati jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti

124    Galec tikkunsidra li uħud mill-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent iħallulha libertà ta' evalwazzjoni eċċessiva u inkontrollabbli u mhumiex għalhekk oġġettivi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti iqisu li dawn il-kriterji jinvolvu evalwazzjoni każ b'każ mill-fabbrikant, liema evalwazzjoni hija suġġetta għar-rispett tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati kompetenti.

125    Fil-konfront ta' dawn l-argumenti, qabel kollox, ta' min jippreċiża ir-rwoli speċifiċi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tal-qrati jew awtoritajiet kompetenti.

126    F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kriterji in kwistjoni jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikunu kkunsidrati bħala leċiti fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, jiġifieri jekk humiex kriterji kwalitattivi u oġġettivi u jekk m'huma la diskriminatorji u lanqas sproporzjonati, l-istħarriġ ġudizzjajru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bis-saħħa ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat huwa llimitat għall-verifika ta' jekk il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni humiex ivvizzjati minn nuqqas ta' motivazzjoni, minn żball ċar ta' fatt jew ta' dritt, minn żball ċar ta' evalwazzjoni jew minn abbuż ta' poter. Mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji f'każijiet konkreti.

127    Madankollu, kif il-Kummissjoni u Yves Saint Laurent ġustament sostnew, l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija f'każijiet konkreti mhijiex fl-unika diskrezzjoni tal-fabbrikant iżda għandha ssir b'mod oġġettiv. Minn dan isegwi li l-possibbiltà ta' stħarriġ indipendenti u effettiv ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji f'każijiet konkreti huwa element essenzjali għal-legalità tan-netwerk Yves Saint Laurent fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) [ara l-punti II.A.6(a) u r-raba' paragrafu ta' II.B.4 tad-Deċiżjoni].

128    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-qrati nazzjonali għandhom il-kompetenza sabiex japplikaw l-Artikolu 85(1) tat-Trattat minħabba l-effet dirett tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Jannar, BRT, 127/73, Ġabra p. 51, punti 15 u 16). Konsegwentement, applikat li jiġi rifjutat l-aċċess għan-network u li jqis li l-kriterji in kwistjoni ġew applikati b'mod li mhuwiex konformi ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, u b'mod partikolari b'mod diskriminatorju jew sproporzjonat, jista' jressqa rikors quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Rikors bħal dan jista' wkoll jiġi mressaq, jekk ikun il-każ, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1).

129    Huma għalhekk il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jitresssaq quddiemhom rikors bħal dan, li għandhom jiddeċiedu, fid-dawl, jekk il-każ, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fuq jekk il-kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent ġewx applikati f'każ konkret b'mod diskriminatorju jew sproporzjonat u li, għaldaqstant, kien hemm ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. B'mod partikolari l-qrati jew awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħassu biex jassiguraw li l-kriterji in kwistjoni ma jkunux użati biex iwaqqfu operaturi ġodda, li huma kapaċi jiddistribwixxu l-prodotti in kwistjoni f'kundizzjonijiet li ma jnaqqsulhomx il-valur, milli jidħlu fin-netwerk.

130    Barra minn dan, applikant li jiġi miċħud l-aċċess għan-netwerk għandu l-possibbiltà, bla ħsara għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha tat-18 ta' Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni (T-24/90, Ġabra p. II-2223), li jressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, b'mod partikolari, f'każ ta' użu sistematiku tal-kundizzjonijiet ta' ammissjoni b'mod inkompatibbli mad-dritt komunitarju (ara s-sentenza AEG, punti 44 sa 46, 67 et seq).

2. Dwar il-legalità, fil-prinċipju, tal-kriterji in kwistjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

a) Il-kriterji li jikkonċernaw il-kwalifika professjonali

131    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Galec ma kkontestatx il-kriterji dwar il-kwalifiki professjonali tal-persunal u s-servizz ta' pariri u ta' dimostrazzjoni msemmija mill-punti I.2 u I.3 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ (ara l-punt 25 ta' l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta' l-intervent), iżda fis-seduta hija sostniet li dawn il-kriterji huma sproporzjonati ma' l-eżiġenzi tal-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni f'kundizzjonijiet adattati.

132    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-preżenza, fil-post tal-bejgħ ta' persuna, li hija kapaċi tagħti l-konsumatur pariri jew informazzjoni appropjati, tikkostitwixxi, fil-prinċipju, eżiġenza leġittima għall-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu, li tagħmel parti integrali mill-preżentazzjoni tajba ta' prodotti bħal dawn.

133    Għall-bqija, ir-rikorrenti ma ressqitx elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi jekk il-kwalifiki meħtieġa mill-punt I.3 tal-kundizzjonjiet ġenerali tal-bejgħ, jiġifieri jew diploma fil-beauty therapy jew kwalifika professjonali analoga, jew inkella esperjenza ta' tliet snin fil-qasam tal-bejgħ tal-prodotti tal-fwejjaħ ta' prestiġju, huma sproporzjonati fid-dawl tan-natura tal-prodotti kkonċernati.

134    F'kull każ, huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jassiguraw li s-stipulazzjonijiet tal-Kuntratt dwar il-kwalifiki professjonali ma jkunux applikati b'mod diskriminatorju jew sproporzjonat f'każijiet konkreti.

b) Il-kriterji dwar l-inħawi madwar u l-istabbiliment tal-post tal-bejgħ

135    Il-kritika ta' Galec tikkonċerna, b'mod partikolari, il-kriterji dwar "l-ambjent" tal-post tal-bejgħ, id-dehra esterna tal-post tal-bejgħ u, b'mod partikolari, il-vetrini, u l-bejgħ ta' prodotti oħra fil-post tal-bejgħ. Skond Galec, dawn il-kriterji huma suġġettivi sproporzjonati u diskriminatorji wisq fir-rigward ta' il-membri tagħha.

–        "L-ambjent" u l-inħawi madwar il-post tal-bejgħ

136    Il-punt I.1.a tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jipprovdi li "iż-żona, it-toroq u l-ħwienet viċin tal-post tal-bejgħ għandhom dejjem ikunu adatti għall-prestiġju u l-fama tat-trade mark Yves Saint Laurent." Mit-titoli 1 u 2 tar-rapport ta' evalwazzjoni jirriżulta li ħanut sitwat f'żona "moqdija tajjeb mit-trasport u li hija kummerċjali" jew "ċentrali u kummerċjali" u fi triq ħdejn ħwienet "ta' reputazzjoni tajba jew tal-lussu", ma' bini "ta' kwalità tajba" jew "li jgħolli l-valur" jingħata iżjed punti, fl-evalwazzjoni ta' Yves Saint Laurent, minn ħanut f'żona jew triq oħra. Dawn iż-zewġ titoli jirrappreżentaw 30 punt fir-rapport ta' evalwazzjoni u għaldaqstant għandhom importanza relattivament kbira.

137    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li kriterju dwar l-ambjent li fih jinsab il-post tal-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu mhuwiex minnu nnifsu kopert mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat, safejn huwa għandu l-għan li jassigura li prodotti bħal dawn ma jiġux mibjugħa f'postijiet totalment inadatti għal bejgħ bħal dan. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota, madankollu, li huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jassiguraw li dan il-kriterju ma jiġix applikat b'mod diskriminatorju jew sproporzjonat f'każijiet konkreti.

–        Id-dehra esterna tal-post tal-bejgħ

138    Galec tilmenta b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet tal-punt I.1.b tal-kundizzjonjiet ġenerali tal-bejgħ dwar il-kwalità ta-faċċata u l-vetrini kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet tal-punt III.4 tal-Kuntratt li jipprovdu li d-"dekorazzjoni" tal-post tal-bejgħ għandha tikkorrispondi mal-prestiġju u l-kwalità assoċjati ma' l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent. Fir-rapport ta' evalwazzjoni, it-titoli 3 u 4 dwar l-aspett estern tal-post tal-bejgħ, inklużi l-vetrini, jirrappreżentaw total ta' 80 punt, jiġifieri madwar 25% tat-total massimu ta' punti possibbli.

139    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dispożizzjonijiet bħal dawn, u b'mod partikolari, dawk li jirrigwardaq il-vetrini, jistgħu jwasslu għal applikazzjoni diskriminatorja kontra post tal-bejgħ – bħal hypermarket – li m'għandux l-istess faċċata bħal ħanut tradizzjonali, speċjalment faċċata li fiha l-vetrini, iżda li ttrasforma parti minn jew spazju ġewwa l-ħanut b'mod appropjat għall-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu. Barra minn hekk, ma jidhrux neċessarji vetrini fuq barra għall-preżentazzjoni tajba tal-prodotti fil-kuntest ta' parti jew spazju ttrasformat/a għal dan l-użu ġewwa ħanut "b'diversi prodotti".

140    Madankollu, mhuwiex eskluż li l-kriterji dwar il-vetrini jistgħu jiġu iterpretati li jirreferu għall-"vetrini" ta' spazju li ġie ttrasformat ġewwa post tal-bejgħ, u mhux għall-vetrini esterni.

141    F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li li jiġi kkonstatat li huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkollhom jassiguraw li kriterji dwar l-aspett estern tal-post tal-bejgħ, inklużi dawk dwar il-vetrini, ma jiġux applikati b'mod diskriminatroju jew sproporzjonat.

–        Il-bejgħ ta' prodotti oħra ta' natura li jiżvalutaw l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent

142    Dwar l-intern tal-post tal-bejgħ, Galec ma ressqitx, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, xi kritiki oħra ħlief dawk dwar ir-restrizzjonijiet għall-bejgħ ta' prodotti oħra. F'dan ir-rigward, Galec tikkontesta, b'mod partikolari, il-leġittimità tal-punt III.3 tal-Kuntratt li jipprovdi li l-" bejjiegħ bl-imnut awtorizzat jaqbel li ma jpoġġix għal bejgħ [...] prodotti li jistgħu jnaqqsu l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent minħabba li jkunu ħdejha,", kif ukoll tal-punt I.1.d tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħli jipprovdi li jekk attività oħra jew attivitajiet oħra huma żvolti fil-post tal-bejgħ, l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu l-importanza ta' din l-attività, il-preżentazzjoni interna u esterna ta' din l-attività, is-separazzjoni bejn din l-attività mill-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ, it-tqassim tal-persunal tal-bejgħ bejn din l-attività u l-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ, il-kompetenza tal-persunal tal-bejgħ assenjat għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet u d-dehra personali u l-uniformi tal-persunal tal-bejgħ responsabbli għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

143    Għandu jiġi kkonstatat li la l-Kuntratt u lanqas ir-rapport ta' evalwazzjoni ma jippreċiżaw il-prodotti li l-bejgħ tagħhom jista' jkun ta' natura li jiżvaluta l-immaġini tat-trade mark Yves Saint Laurent minħabba li jkun qiegħdin ħdejn il-prodotti ta' din l-aħħar trade mark. Fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddikjara li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tissalvagwardja, fil-perċezzjoni tal-pubbliku, l-atmosfera ta' prestġju u esklużività li hija intrinsika għall-prodotti in kwistjoni, "billi tevita, b'dan il-mod, kull assimilazzjoni ma' prodotti ta' kwalità inferjuri" (il-ħames paragrafu tal-punt II.A.5).

144    Għaldaqstant għandu jiġi nnutat li l-punt III.3 tal-Kuntratt huwa nieqes mill-preċiżjoni u mill-kjarezza u li jista' jagħti lok għal applikazzjoni suġġettiva u eventwalment diskrimnatorja. Bl-istess mod, il-punt I.1.d tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ donnu jagħti lil Yves Saint Laurent poter diskrezzjonali kbir ħafna, speċjalment fejn hija hija awtorizza li tagħti l-evalwazzjoni tagħha mhux biss dwar l-importanza tal-prodotti l-oħra mibjugħa u l-preżentazzjoni tagħhom, iżda wkoll dwar in-numru, il-kompetenza u d-dehra personali u l-uniformi tal-persunal assenjat għall-bejġh ta' l-imsemmija prodotti.

145    Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Kummissjoni tikkunsidra li hypermarket ma jistax jiġi eskluż min-netwerk għallu-unika raġuni li jbiegħ prodotti oħra (ara l-ħames paragrafu tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni u punti l-164 et seq aktar 'il quddiem). Barra minn hekk, il-partijiet intervenjenti ma identifikawx il-prodotti li d-distribuzzjoni tagħhom hija ta' natura li tiżvaluta l-"immaġini" tal-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti ta' l-ikel jew tat-tindif.

146    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-Deċiżjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-bejgħ ta' prodotti oħra li jinsabu tipikament ġewwa hypermarket mhuwiex minnu nnifsu ta' natura li jagħmel dannu lill-"immaġini ta' lussu" tal-prodotti in kwistjoni, sakemm il-post jew l-ispazju ddedikat għall-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu jkun utilizzat b'mod li l-prodotti jkunu preżentati f'kundizzjonijiet li jżidu l-valur tagħhom. Arranġament bħal dan jista' jfisser li ċerti prodotti oħra, bħall-prodotti ta' l-ikel jew tat-tindif, ma jkunux distribwiti "viċin" il-kosmetiċi ta' lussu, jew li jkun hemm separazzjoni adegwata bejn il-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu u l-bejgħ ta' prodotti oħra ta' kwalità inferjuri (ara l-ħames paragrafu tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni).

147    Fid-dawl ta' dawn il-preċiżjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-istħarriġ li ser jiġi eżerċitat, fil-każ ta' diffikultajiet, mill-qrati jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huwa ta' natura li jikkontrobilanċja n-nuqqas ta' kjarezza ta' dan il-kriterju. Fil-fatt, huma għandhom jassiguraw li din id-dispożizzjoni ma tkunx applikata b'mod diskriminatorju jew sproporzjonat.

–        L-importanza ta' attivitajiet oħra żvolti fil-post tal-bejgħ

148    F'dak li jirrigwarda l-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet l-oħra tal-ħwienet, fir-rikjors tagħha, Galec ikkritikat ukoll il-fatt li, jekk attività oħra hija żvolta fil-post tal-bejgħ, l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni hija evalwata skond l-importanza ta' din l-attività [ara l-punt 1.1.d, tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ]. Mit-titolu 8 tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' Yves Saint Laurent, li jiswa 20 punt, jirrriżulta li, jekk prodotti oħra jokkupaw aktar minn 40% ta' l-erja tal-post tal-bejgħ, ta' l-ixkafef jew tal-vetrini, l-applikant ikkonċernat jingħata żewġ punti, jiġifieri punteġġ li jista' jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tiegħu.

149    Huwa minnu li dan it-titolu mhuwiex imsemmi fid-Deċiżjoni. Madankollu, mill-istess Deċiżjoni jirriżulta (il-ħames paragrafu tal-punt II.A.5) li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-kriterji ta' Yves Saint Laurent dwar l-importanza ta' l-attivitajiet l-oħra fil-post tal-bejgħ ma jaqgħux taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Peress li r-rapport ta' evalwazzjoni jagħmel parti integrali mill-proċedura ta' aċċess għan-netwerk koperta mid-Deċiżjoni, kif Yves Saint Laurent stess sostniet, dan ifisser li d-Deċiżjoni għandha tiġi interpretata bħala li tiddeċiedi wkoll li kriterju bħal dak previst mit-titolu 8 ma jaqax taħt l-Artikolu 85(1).

150    Għalkemm, skond ir-rapport ta' evalwazzjoni, applikant huwa biss eliminat jekk jikseb tliet marki ta' żewġ punti minn ħdax-il titolu speċifiku (punt 17 aktar 'il fuq), it-titolu 8 ta' l-imsemmi rapport xorta tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta' applikanti, bħall-ħwienet "b'diversi prodotti", li l-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ tagħhom tirrapreżenta anqas minn 60 % ta' l-attività tagħhom, anke jekk ikollhom post speċjalizzat għall-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni.

151    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li t-titolu 8 tar-rapport ta' evalwazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata safej is-sempliċi fatt li l-attività tal-bejgħ tal-fwejjaħ ta' ħanut tkun tikkostitwixxi anqas minn 60 % ta' l-attivitajiet tiegħu m'għandhiex, minnha nfisha, x'taqsam mal-preservazzjoni ta' l-immaġini ta' lussu tal-prodotti kkonċernati.

152    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dan it-titolu huwa diskriminatorju safejn għandu tendenza li jiffavorixxi l-applikazzjoni ta' ħanut tal-fwejjaħ speċjalizzat b'detriment ta' dik ta' ħanut "b'diversi prodotti" li għandu post speċjalizzat ttrasformat b'mod li jissodisfa l-kundizzjonijiet kwalitattivi approprjati għall-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu.

153    Għaldaqstant dan it-titolu jista', min-natura stess, jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni lill-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, safejn huwa għandu l-effett li applikant jiġi ttrattat b'mod anqas favorevoli minħabba s-sempliċi fatt li l-attività ta' bejgħ tal-fwejjaħ tiegħu tirrappreżenta minoranza mill-attivitajiet tal-ħanut.

154    Għalkemm ir-rapport ta' evalwazzjoni huwa parti integrali mill-proċedura ta' aċċess għan-netwerk, għandu jiġi kkonstatat l-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni ma fih l-ebda motivazzjoni rigward l-ġustifikazzjoni tat-titolu in kwistjoni. Id-Deċiżjoni hija għalhekk ivvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward.

155    Għaldaqstant hemm lok li d-Deċiżjoni tiġi annullata safejn din tiddeċiedi li dispożizzjoni li tawtorizza lil Yves Saint Laurent li tittratta b'mod anqas favorevoli l-applikazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut minħabba s-sempliċi fatt li l-attività ta' bejgħ tal-fwejjaħ tirrappreżenta minoranza mill-attivitajiet tagħhom ma taqax taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

c) Il-kriterju tas-sinjal

156    Galec tikkritika bħala suġġettiva, diskriminatorja u sproporzjonata d-dispożizzjoni tat-tieni paragrafu tal-punt I tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li jirrigwarda l-kriterju tas-sinjal tal-ħanut. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti jikkunsidraw li din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tippreżerva l-karattru ta' lussu tal-prodotti u l-immaġini ta' lussu tat-trade mark Yves Saint Laurent (ara r-raba' paragrafu tal-punt II.A.5 tad-Deċiżjoni).

157    It-tieni paragrafu tal-punt I tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jipprovdi dan li ġej:

"Is-sinjal tal-ħanut tal-fwejjaħ, tal-ħanut fejn il-gamma tal-fwejjaħ jew l-ispazju fejn tinsab il-gamma tal-fwejjaħ għandha tikkorrispondi dejjem mal-prestiġju tat-trade mark Yves Saint Laurent. Għaldaqstant, is-sinjal għandu jkun kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-prodott, prodotti lussużi ħafna u ta' kwalità għolja. Dan mhuwiex il-każ fil-każ ta' sinjal fejn l-immaġini hija assoċjata ma' nuqqas jew restrizzjoni tas-servizz ta' pariri għall-klientela, ta' standards jew ta' dekor adattat."

158    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li kriterju bl-iskop waħdieni li jassigura li s-sinjal tal-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx ta' natura li jiżvaluta l-immaġini ta' lussu tal-kosmetiċi ta' lussu jikkostitwixxi, fil-prinċipju, rekwiżit leġittimu tad-distribuzzjoni ta' prodotti bħal dawn u għaldaqstant mhuwiex neċessarjament kopert mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Fil-fatt, hemm il-biża' li, fin-nuqqas ta' kriterju bħal dan, l-immaġini ta' lussu tal-kosmetiċi ta' lussu u, għaldaqstant, in-natura stessa tagħhom, issofri dannu mill-bejgħ ta' dawn il-prodotti minn bejjiegħa bl-imnut li s-sinjal tagħhom manifestament jiżvalutaha f'għajnejn il-konsumaturi.

159    Madankollu, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-fatt li, b'differenza mill-kriterji li jkopru l-aspetti materjali ta' post tal-bejgħ, il-kriterju tas-sinjal ma jistax jiġi vverifikat permezz ta' rapport fotografiku jew ispezzjoni fuq il-post, huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom il-kompetenza sabiex jassiguraw li dan il-kriterju ma jkunx applikat b'mod inġustifikat jew sproporzjonat.

160    Fil-fatt, l-ewwel nett, dan il-kriterju jista' biss jirreferi għall-perċezzjoni attwali tas-sinjal in kwistjoni mill-konsumaturi. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-punt I tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, ma jistax jiġix interpretat bħala li jeskludi tipi moderni ta' kummerċ li ġew imwaqqfa, fil-bidu tagħhom, b'dekorazzjoni jew servizz limitat iżda li, minn dak iż-żmien, żviluppaw proċeduri ġodda li jżidu l-valur fil-każ tal-bejgħ ta' prodotti fini b'mod li s-sinjal tagħhom m'għadux ikkunsidrat bħala li tnaqqas il-valur f'dan ir-rigward.

161    It-tieni nett, skond il-prinċipji li l-Qorti tal-Prim'Istanza għadha kemm indikat (ara l-punti 127 et seq aktar 'il fuq), il-perċezzjoni tas-sinjal in kwistjoni mhijiex biss fid-diskrezzjoni tal-manifattur iżda għandha tiġi stabbilita bl-aktar mod oġġettiv possibbli. F'dan ir-rigward, f'din il-kawża, Yves Saint Laurent ġibed l-attenzjoni, b'mod partikoarli, għas-sodaġġi jew l-istudji tas-suq li hija għamlet għal dan l-iskop. Fil-każ ta' kontestazzjoni, elementi ta' prova oġġettiva, bħal sondaġġi jew studji tas-suq, ikollhom, jekk ikun il-każ, ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-qrati jew ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

162    It-tielet nett, kif lil-konvenuta stess innutat, fil-punt II.A.5, id-Deċiżjoni tippreċiża li l-immaġini li tirriżulta mill-"politika tas-soltu dwar il-prezzijiet tad-distributur" m'għandhiex tiġi kkunsidrata li tnaqqas il-valur. Fil-fatt, il-kriterju tas-sinjal ma jistax jiġi użat għall-iskop uniku li jeskludi ħwienet li kapaċi joffru prodotti bi prezzijiet li huma orħos, iżda f'kundizzjonijiet li jżidu l-valur.

163    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-kriterju tas-sinjal għandu jkun applikat b'mod partikolarment prudenti meta ma jkun l-ebda dubju li l-bejjiegħ għamel l-investimenti neċessarji biex jissodisfa r-rekwiżiti kollha dwar il-kundizzjonijiet materjali tal-bejgħ (tqassim tal-post, separazzjoni minn prodotti oħra, persunal ikkwalifikat, eċċ) u aċċetta l-obbligi dwar l-istokk, l-ammont minimu ta' xiri annwali, ta' kooperazzjoni pubbliċitarja, eċċ. F'każ bħal dan, huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw li l-kriterju tas-sinjal mhuwiex utilizzat għall-iskop waħdieni li jeskludi min-netwerk post tal-bejgħ adatt sabiex ibiegħ il-prodotti kkonċernati, mingħajr ma jkun hemm riskju veru li jkun ta' dannu lill-immaġini ta' tali prodotti.

C – Fuq il-motivi u l-argumeni tar-rikorrenti fuq il-kwistjoni dwar jekk il-membri tagħha humiex esklużi a priori min-netwerk Yves Saint Laurent u dwar l-attitudni tal-konsumaturi f'dan ir-rigward

164    Fid-dawl ta' dak kollu jippreċedi, jeħtieġ, f'dan il-punt tar-raġunament, li jiġu indirizzati l-motivi u l-argumenti ta' Galec fuq il-kwistjoni dwar jekk il-membri tagħha humiex esklużi a priori min-netwerk Yves Saint Laurent mill-ġabra ta' kriterji ta' selezzjoni u fuq l-attitudni tal-konsumaturi f'dan ir-rigward.

165    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar qabel kollox li l-Kummissjoni enfasizzat bosta drabi matul l-istanza li d-Deċiżjoni ma tipprevedix l-esklużjoni a priori ta' tipi moderni ta' kummerċ, bħall-hypermarkets immexxija miċ-ċentri Leclerc (ara, per eżempju, il-punti 83 u 86 aktar 'il fuq). Yves Saint Laurent, min-naħa tagħha, enfasizzat li d-Deċiżjoni tistabbilixxi li s-sistema tagħha hija miftuħa għat-tipi ta' distribuzzjoni kollha u ma teskludi l-ebda tip minnhom a priori (ara l-punt 93 aktar 'il fuq. Il-tliet partijiet intervenjenti l-oħra wkoll sostnew li d-Deċiżjoni ma teskludix, minnha nfisha t-tip ta' distribuzzjoni li jsir mill-membri ta' Galec jew tipi moderni ta' distribuzzjoni oħra. Għall-kuntrarju, Yves Saint Laurent u l-partijiet intervenjenti l-oħra nnutaw, b'mod partikolari, l-eżistenza, f'bosta Stati Membri, ta' distributuri awtorizzati "ta'diversi prodotti" sabiex juru n-natura mhux restrittiva tas-sistema Yves Saint Laurent.

166    Minn dan jirriżulta li l-ebda waħda mill-partijiet ma sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li l-hypermarkets jew tipi oħra ta' distribuzzjoni "ta' diversi prodotti" mhumiex fil-prinċipju adatti sabiex ibiegħu il-kosmetiċi ta' lussu. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti jammettu li din il-possibbiltà hija prevista mid-Deċiżjoni, sakemm postijiet tal-bejgħ bħal dawn ikunu mgħammra b'mod appropjat u sakemm jaċċettaw obbligi ekwivalenti għal dawk aċċettati minn distibuturi awtorizzati oħra. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li kieku kien mod ieħor, in-netwerk Yves Saint Laurent ikun qed jikser l-Artikolu 85(1) tat-Trattat billi jeskludi a priori kategorija ta' bejjiegħa potenzjali mis-sistema (ara l-punt 122 aktar 'il fuq).

167    Anki jekk, fil- ħames paragrafu tal-punt II.A.5 u fir-raba' paragrafu tal-punt II.B.5 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni esprimiet ruħha b'ċerta ambigwità billi użat l-espressjoni "department stores", li tkopri normalment tip ta' kummerċ tradizzjonali, u billi enfasizzat hija "ma setgħatx tikkonstata" li d-diffużjoni tas- sistemi ta' distribuzzjoni selettiva fil-qasam tal-prodotti kosmetiċi ta' lussu twarrab "fil-prinċipju" ċerti tipi moderni ta' distribuzzjoni, hija ppreċiżat, matul l-istanza, li bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni hija ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi tipi ta' kummerċ bħall-hypermarkets tal-membri ta' Galec u li t-termini "department stores" fid-Deċiżjoni jinkludu tipi bħal dawn ta' kummerċ (ara l-punt 83 hawn taħt).

168    Barra minn hekk, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza enfasizzat ir-rwol tal-qrati jew ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-każ ta' l-applikazzjoni mhux diskriminatorja u proporzjonata tal-kriterji in kwistjoni (ara l-punti 124 et seq aktar 'il fuq).

169    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx skond il-livell meħtieġ mil-liġi li bħalissa jeżisti xkiel għad-dħul tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar fid-distribuzzjoni tal-kosmetiċi ta' lussu meta l-postijiet tal-bejgħ tagħhom ikunu mgħammra b'mod appropjat għall-bejgħ ta' prodotti bħal dawn.

170    Fil-fatt, huma Galec jew il-membri tagħha li għandhom iressqu l-applikazzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, huma l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiddeċiedu jekk ċaħda ta' adeżjoni f'każ konkret hijiex kompatibbli ma' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha tassigura, speċjalment fil-każ ta' talba ta' tiġdid tad-Deċiżjoni, li t-tipi moderni ta' distribuzzjoni ma jiġux esklużi min-netwerk Yves Saint Laurent jew minn netwerks simili b'mod inġustifikat.

171    Għaldaqstant l-allegazzjoni ta' Galec, li l-membri tagħha huma esklużi a priori min-netwerk Yves Saint Laurent, għandha tiġi miċħuda.

172    Il-motivi u/jew l-argumenti ta' Galec li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-affermazzjoni tagħha li l-proċeduri, li jgħollu l-valur tal-prodotti li huma partikolari għall-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, mhumiex adatti għad-distribuzzjoni tal-prodotti ta' lussu għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, id-Deċiżjoni ma tistax tiġi interpretat bħala li fiha affermazzjoni bħal din.

173    L-allegazzjoni ta' Galec li l-Kummissjoni għamlet żball ċar ta' fatt dwar l-allegata esklużjoni tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni għandha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet.

174    L-ilment doppju ta' Galec li l-Kummissjoni li ma ġġustifikatx l-affermazzjonijiet tagħha rigward il-motivazzjoni tal-konsumatur u li għamlet żball ċar ta' fatt fuq dan il-punt għandu wkoll jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

175    F'dan ir-rigward, huwa minnu li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq perizja indipendenti ta' natura li ssostni l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-motivazzjonijiet tal-konsumatur, speċjalment fil-punt II.B.2 tad-Deċiżjoni. Huwa wkoll minnu li, kif Galec affermat fis-seduta, l-erba' assoċjazzjonijiet Franċiżi tal-konsumaturi li ressqu xi osservazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-Union féminine civique et sociale (Unjoni ċivika u soċjali tan-nisa, aktar 'il quddiem "UCS"), l-Institut national de la consommation (Istitut nazzjonali tal-konsumatur, aktar 'il quddiem "INC"), il-Confédération syndicale du cadre de vie (Konfederazzjoni tas-sindakati għall-kwalità tal-ħajja, aktar 'il quddiem "CSCV") u l-Confédération des familles (Konfederazzjoni tal-familji, aktar 'il quddiem "CSF"), ma sostnewx mingħajr riżervi l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-CSF u l-INC għamlu l-oppożizzjoni tagħhom għad-Deċiżjoni proposta ċara, speċjalment minħabba li din għandha l-effett li żżomm prezzijiet li huma għolja wisq u li twaqqaf l-aċċess ta' parti sinifikanti mill-popolazzjoni għal dawn il-prodotti. L-UCS, min-naħa tagħha, sostniet li uħud mid-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom tendenza li jagħmlu aktar diffiċli minn qabel id-dħul fis-suq ta' tipi ġodda ta' distribuzzjoni u li dawn id-dispożizzjonijiet "la jimxu fid-direzzjoni tal-ftuħ u tat-tħaddim ta' kompetizzjoni aħjar fil-kuntest tas-suq uniku u lanqas fid-direzzjoni ta' l-interess tal-konsumaturi" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-CSCV, min-naħa tagħha, ikkonkludiet l-osservazzjonijiet tagħha billi nnutat li, "taħt kopertura tan-natura teknika tal-prodotti tagħha u tal-prestiġju ta' trade mark Yves Saint Laurent SA qiegħda tirrestrinġi, permezz ta' kriterji ta' selezzjoni diskriminatorji, il-kompetizzjoni u żżomm prezz elevat ħafna għall-prodotti tagħha b'mod fittizju ".

176    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni għamlet żball ċar ta' fatt jew li pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti dwar l-aspettattivi tal-konsumaturi. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-konsumatur li jippreferi jixtri l-kosmetiċi ta' lussu minn post tal-bejgħ f'hypermarket immexxi b'mod appropjat għandu jkollu din il-possibbiltà, filwaqt li l-konsumatur tat-tip imsemmi fir-rapport tal-Professur Glais, li jippreferi jixtri minn ħanut tal-fwejjaħ speċjalizzat jew minn department store tradizzjonali, għandu jibqà wkoll ħieles li jiffrekwenta dawn il-postijiet ta' bejgħ.

177    Għaldaqstant, il-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni jekk il-membri tagħha humiex esklużi a priori mill-bejgħ tal-kosmetiċi ta' lussu, kif ukoll il-motivi u largumenti relatati tagħha dwar l-aspettattivi tal-konsumatur, għandhom jiġu miħuda.

D – Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat hijiex applikabbli minħabba l-eżistenza ta' netwerks paralleli fis-settur ikkonċernat

178    Galec issostni wkoll li, f'kull każ, l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ġie miksur f'dan il-każ peress li netwerks simili għal dak ta' Yves Saint Laurent jeżistu fis-settur kollu kkonċernat, b'mod li ma jibqa' l-ebda post għal tipi oħra ta' distribuzzjoni u m'hemmx kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti – jiġifieri dak tal-"fwejjaħ ta' lussu" – fis-sens tal-punti 40 sa 42 tas-sentenza Metro II. Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti jikkunsidraw li, għalkemm hemm netwerks paralleli għal dak ta' Yves Saint Laurent, teżisti kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti – li huwa dak tal-"kosmetiċi ta' lussu" – b'mod li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat mhuwiex applikabbli.

179    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, fil-punt 40 tas-sentenza tagħha Metro II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anke jekk is-sistemi ta' distribuzzjoni selettiva magħrufa bħala "sempliċi" (jiġifieri dawk is-sistemi bbażati biss fuq kriterji kwalitattivi) jistgħu jikkostitwixxu element ta' kompetizzjoni konformi ma' Artikolu 85(1) tat-Trattat, restrizzjoni jew eliminazzjoni tal-kompetizzjoni tista' madankollu tirriżulta meta l-eżistenza ta' ċertu numru ta' sistemi bħal dawn ma tħallix post għal tipi oħra ta' distribuzzjoni, imsejsa fuq politika ta' kompetizzjoni ta' natura differenti, jew meta tirriżulta f'riġidità fl-istruttura tal-prezzijiet li mhijiex kontrobilanċjata minn fatturi oħra ta' kompetizzjoni bejn prodotti ta' l-istess trade mark u mill-eżistenza ta' kompetizzjoni effettiva bejn it-trade marks differenti. Madankollu, skond il-punti 41 u 42 ta' din l-istess sentenza, l-eżistenza ta' numru kbir ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva bħal dawn għal prodott partikolari ma tippermettix, waħedha, il-konklużjoni li l-kompetizzjoni hija ristretta jew li hemm distorsjoni tagħha fis-sens ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Fil-fatt, fil-każ ta' proliferazzjoni ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva "sempliċi", Artikolu 85(1) tat-Trattat japplika biss jekk is-suq ikkonċernat huwa tant riġidu u strutturat li ma teżistix aktar kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-prezz (ara wkoll il-punti 44 u 45 ta' din is-sentenza).

180    B'differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Metro II, fejn il-prodotti elettroniċi ta' divertiment in kwistjoni ma kienux dejjem mibjugħa minn netwerks ta' distribuzzjoni selettiva, f'dan il-każ, huwa stabbilit li kważi l-fabbrikanti kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu jużaw sistemi ta' distribuzzjoni simili għal dik ta' Yves Saint Laurent.

181    Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat li d-distribuzzjoni selettiva tal-kosmetiċi ta' lussu ttejjeb il-kompetizzjoni fl-interess tal-konsumatur, speċjalment billi tikkontribwixxi għaż-żamma ta' l-immaġini "ta' lussu" tal-prodotti meta mqabbla ma' prodotti oħra simili li m'għandhomx immaġini bħal din, b'mod li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma japplikax għal ċerti kriterji kwalitattivi li għandom dan l-għan (punti 114 et seq aktar 'il fuq).

182    F'ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-fatt imsemmi, fis-sentenza Metro II, li jkun hemm eliminazzjoni tal-kompetizzjoni "meta l-eżistenza ta' ċertu numru ta' sistemi ma tħalli l-ebda post għal tipi oħra ta' distribuzzjoni insejsa fuq politika ta' kompetizzjoni ta' natura differenti" ma jfissirx li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat huwa awtomatikament applikabbli minħabba l-uniku fatt li l-fabbrikanti kollha fis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu għamlu l-istess għażla rigward il-metodi ta' distribuzzjoni tagħhom. F'dan il-każ, il-punti 40 sa 46 tas-sentenza Metro II għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk, meta meħuda individwalment, ċerti kriterji ta' selezzjoni ta' Yves Saint Laurent ma jkunux koperti mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat, l-effett kumulattiv tan-netwerks l-oħra ma jbiddilx din il-konklużjoni sakemm ma jiġix muri li, l-ewwel nett, li jeżistu ostakoli oħra għad-dħul fis-suq ta' kompetituri ġodda li jistgħu jbiegħu il-prodotti in kwistjoni, b'mod li s-sistemi ta' distribuzzjoni selettiva in kwistjoni għandhom l-effett li jirrestrinġu d-distribuzzjoni favur ċerti sistemi eżistenti (ara s-sentenza Delimitis, iċċitata aktar 'il fuq, punti 15 et seq), jew li, it-tieni nett, m'hemmx kompetizzjoni effettiva, speċjalment fil-qasam tal-prezz, fid-dawl tan-natura tal-prodotti in kwistjoni.

183    Rigward l-ostakoli għad-dħul ta' kompetituri ġodda li jistgħu jbiegħu il-prodotti in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstata li dan ma ġiex stabbilit fil-każ tal-hypermarkets affiljati mar-rikorrenti (ara l-punti 164 et seq aktar 'il fuq).

184    B'mod aktar ġenerali, rigward il-mistoqsija dwar jekk teżistix kompetizzjoni effettiva, huwa neċessarju li qabel kollox jiġi stabbilit is-suq pertinenti. Fil-fatt, anki jekk fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tittratta s-settur kollu tal-kosmetiċi ta' lussu, minħabba li l-prodotti tal-fwejjaħ, tas-sbuħija u tal-kura persunali ta' lussu għandhom l-istess immaġini ta' lussu u huma ta' spiss mibjugħa flimkien taħt l-istess trade mark, il-kwistjoni dwar jekk teżistix kompetizzjoni effettiva tista' biss tiġi evalwata fil-kuntest tas-suq li jiġbor il-prodotti kollha li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adatti sabiex jissodisfaw bżonnijiet kostanti u ftit jistgħu jinbidlu ma' prodotti oħra (ara s-sentenza L'Oréal, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

185    F'dan il-kawża huwa stabbilit li fwieħa mhijiex interkambjabbli mill-perspettiva tal-karatteristiċi tagħha jew ta' l-użu tagħha ma' prodott ta' sbuħija (per eżempju l-make-up) jew ta' kura persunali (per eżempju n-night cream). Huwa wkoll stabbilit li, dak iż-zmien, aktar minn 80 % tal-bejgħ totali ta' Yves Saint Laurent kien magħmul mill-fwejjaħ ta' lussu. Fid-dawl ta' l-importanza ta' dan is-settur distint, għandu jiġi vverifikat jekk il-fwejjaħ ta' lussu humiex suġġetti għal kompetizzjoni effettiva fil-livell tal-kummerċ bl-imnut, minkejja l-fatt li huma dejjem huma kkummerċjalizzati permezz tad-distribuzzjoni selettiva.

186    F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti bbażat fuq it-tielet paragrafu tal-punt B.3 tad-Deċiżjoni li jipprovdi li, " fil-każ li l-klijent iqis bħala sekondarja l-immaġini tat-trade mark jew tas-servizzi offruti mal-bejgħ fi ħdan sistema ta' distribuzzjoni selettiva, jista' xorta jagħżel prodotti simili, li jaqgħu taħt suq viċin u huma distribwiti mingħajr sistemi ta' distribuzzjoni selettiva, u b'hekk jippenalizza l-istrateġija kummerċjali magħżula mill-produttur ". Fil-fatt, il-Kummissjoni stess ikkonstatat fid-Deċiżjoni li l-grad ta' sostitwibbiltà tal-kosmetiċi ta' lussu ma' prodotti simili f'partijiet oħra tas-settur huwa "ġeneralment pjuttost żgħir" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-ewwel paragrafu tal-punt I.B) u li, "fid-dawl tal-livell fjakk ta' sostitwibbiltà li hemm fil-perċezzjoni tal-konsumatur bejn il-prodotti kosmetiċi ta' lussu u prodotti simili f'partijiet oħra ta-settur, is-suq li għandu jiġi kkunsidrat f'dan il-każ huwa dak tal-prodotti kosmetiċi ta' lussu" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt II.A.8). Barra minn hekk, mill-I.B u II.A.8 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat il-parti tas-suq okkupata minn Yves Saint Laurent għall-prodotti ta' fwejjaħ ta' lussu sabiex tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet in kwistjoni kienux ta' natura li jaffetwaw il-kummerċ intrakomunitarja b'mod apprezzabbli.

187    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-fwejjaħ ta' lussu humiex suġgetti għal kompetizzjoni effettiva, mhuwiex appropjat li tittieħed in konsiderazzjoni l-allegata kompetizzjoni assunta ta' fwejjaħ li mhumiex ta' lussu.

188    L-argument tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti li l-eżistenza ta' kompetizzjoni effettiva tista' tiġi dedotta mill-fatt li, skond it-tielet paragrafu tal-punt I.B tad-Deċiżjoni, li hija bbażata fuq ir-rapport tal-Professur Weber, il-prodotti kkummerċjalizzati permezz ta' netwerks ta' distributuri awtorizzati "kienu jirrappreżentaw fl-1987, sehem ta' 24.7 % fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta' 30.3 % fi Franza, ta' 36.2 % fl-Italja u ta' 22.4 % fir-Renju Unit mit-total ta' bejgħ tal-prodotti kosmetiċi" [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, dawn iċ-ċifri joħorġu mit-tabella nru 22 tar-rapport tal-Professur Weber u jirrappreżentaw proporzjon mill-bejgħ magħmul permezz tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva, espress bħala perċentwali tat-total tal-bejgħ tal-kategoriji kollha ta' kosmetiċi meħuda lkoll flimkien, jiġifieri l-fwejjaħ, il-prodotti ta' sbuħija, il-prodotti għall-kura persunali, il-prodotti għall-kura tax-xagħar (speċjalment ix-xampujiet) u l-prodotti għall-iġjene persunali (dentifriċji, sapun, deodorants, eċċ). Barra minn hekk, mill-imsemmi rapport (p. 89) jirriżulta li fl-Italja il-proporzjon tal-fwejjaħ mibjugħa permezz tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva kien ta' 81% u li l-proporzjon fi Franza kien ta' 65%. Skond iċ-ċifri mressqa mill-FIP, il-proporzjon ta' fwejjaħ mibjugħa permezz tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva fi Franza huwa ta' 73% (ara l-anness I għas-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħha, p. 17). Għaldaqstant, iċ-ċifri ċċitati fit-tielet paragrafu tal-punt I.B tad-Deċiżjoni mhumiex utli fl-evalwazzjoni ta' l-effettività tal-kompetizzjoni f'qasam speċifiku bħal dak tal-fwejjaħ ta' lussu.

189    Madankollu, il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti jsostnu li, anke fis-suq tal-fwejjaħ ta' lussu kkunsidrati bħala tali, teżisti kompetizzjoni effettiva kemm bejn il-fabbrikanti (inter brand) kif ukoll bejn id-distributuri awtorizzati ta' Yves Saint Laurent (intra brand).

190    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti mhijiex sostnuta mir-rapport tal-Professur Weber, li minnu jirriżulta, speċjalment fil-paġni 71, 89 sa 96, 105 u 110, li, fl-1987, kien hemm biss kompetizzjoni limitata ħafna bejn id-distributuri tal-fewjjaħ ta' lussu u bejn il-tipi differenti ta' distribuzzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lil Yves Saint Laurent tagħmel diversi emendi lill-kuntratti tagħha, fosthom, l-eliminazzjoni totali tal-kriterji kollha ta' selezzjoni purament kwantitattivi, it-tneħħija tal-klawżoli li jirrestrinġu l-libertà tad-distributuri li jerġgħu jbiegħu il-prodotti lil membri oħra tan-netwerk selettiv, it-tneħħija tal-klawżoli li jillimitaw il-libertà ta' l-għażla tal-bejjiegħ fil-każ ta' trade marks oħra li jistgħu jiġu offerti fil-post tal-bejgħ tiegħu u r-rikonoxximent espress tal-libertà tal-bejjiegħ li jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu b'mod indipendenti. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza għadu kemm ikkonstata, id-Deċiżjoni tipprevedi l-possibbiltà ta' tipi ġodda ta' kummerċ, adatti għad-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni, ikollhom aċċess għan-netwerk Yves Saint Laurent.

191    F'dawn iċ-ċirkustanzi, kienet Galec li kellha tipprovdi elementi ta' prova ta' natura li jistabbilixxu biżżejjed skond il-liġi li, sussegwentement għad-Deċiżjoni, is-suq sar tant riġidu u strutturat li ma teżistix aktar kompetizzjoni effettiva bejn id-distributuri awtorizzati tal-fwejjaħ ta' lussu, b'mod partikolari, fir-rigward tal-prezz (ara s-sentenza Metro II, punti 42 u 44). Peress li Galec ma ressqet l-ebda element konkret f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, f'dan il-każ, huma nieqsa elementi ta' prova bħal dawn.

192    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti li bbażati fuq ksur ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, kif ukoll il-motivi u l-argumenti l-oħra tiegħu li huma konnessi, għandhom jiġu miċħuda, ħlief għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni msemmija fil-punt 155 aktar 'il fuq.

II – Fuq il-fondatezza tad-Deċiżjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat

Sunt ta' l-argumenti tal-partijiet

193    Għal dak li jikkonċerna l-eżenzjoni mogħtija, Galec tressaq ħames argumenti prinċipali biex turi li l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat mhumiex sodisfatti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tara biss it-titjib tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-fwejjaħ ta' lussu f'kuntest ta' esklużività (ara l-ewwel paragrafu tal-punt II.B.2 tad-Deċiżjoni), filwaqt li l-obbligi addizjonali elenkati fit-tieni sas-sitt paragrafu tal-punt II.B.2 tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu sodisfatti mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar. It-tieni nett, fir-rigward tal-vantaġġi għal min juża l-prodott, il-Kummissjoni adottat kunċett antikwat ta' l-imġiba u ta' l-aspettattivi tal-konsumaturi. It-tielet nett, il-Kummissjoni rrendiet leġittimu nuqqas totali ta' kompetizzjoni permezz tal-prezz fi ħdan it-trade mark, kompetizzjoni li setgħet tiġi assigurata mill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar. Ir-raba' nett, bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Kummissjoni naqset milli tipparaguna d-distribuzzjoni selettiva permezz ta' bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati ma' distribuzzjoni selettiva permezz ta' tipi oħra ta' kummerċ u b'hekk ma tatx każ il-fatt li l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar huwa suġgetti għall-istess dmirijiet u piżijiet bħal kull distributur awtorizzat ieħor (ara, b'mod partikolari, l-aħħar parti tat-tieni paragrafu tal-punt II.B.4 tad-Deċiżjoni). Il-ħames nett, billi timponi fuq it-tipi l-oħra ta' distribuzzjoni ta' "modifika parzjali tal-metodi ta' kummerċjalizzazzjoni partikolari tagħhom", id-Deċiżjoni telimina l-kompetizzjoni min-naħa ta' dawn il-tipi ta' distribuzzjoni, barra mill-każijiet marġinali tad-department stores.

194    Bi tweġiba, il-konvenuta tispjega li l-eżenzjoni mogħtija tolqot biss il-proċedura ta' ammissjoni, l-ammont minimu ta' xiri annwali, l-obbligi li jikkonċernaw l-istokk u l-kooperazzjoni pubbliċitarja u promozzjonali, il-projbizzjoni ta' bejġħ ta' prodott li għadu ma ġiex maħruġ fis-suq, il-kontroll tal-fatturi minn Yves Saint Laurent u, fil-każ fejn il-klient li huwa stess hu distributur, il-verifika ta' l-appartenenza tiegħu għal netwerk uffiċjali ta' distribuzzjoni – obbligi li r-rikorrenti ma kkritikax fid-dawl ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

195    Barra minn hekk, il-kritika tar-rikorrenti mhijiex rilevanti. B'mod partikolari, it-teħid in konsiderazzjoni ta' l-ispiża mġarrba mid-distributuri tan-netwerk minħabba l-obbligi li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 tas-sentenza Metro II. Għal dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni, id-Deċiżjoni tippreċiża espliċitament li xi tipi moderni ta' distribuzzjoni mhumiex esklużi fil-prinċipju u tinnota kompetizzjoni kemm bejn it-trade marks kif ukoll bejn id-distributuri awtorizzati.

196    L-argumenti tal-partijiet intervenjenti jsostnu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

197    Kif il-Kummissjoni gustamene sostniet, il-motivazzjoni tal-punt II.B tad-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-aspetti tal-Kuntratt li hija kkunsidrat bħala li jaqgħu taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, jiġifieri dawk li jikkonċernaw, b'mod partikolari, il-proċedura ta' aċċes għan-netwerk, l-istokk, l-ammont minimu ta' xiri annwali, il-ħruġ ta' prodotti ġodda fis-suq u l-kooperazzjoni pubbliċitarja u promozzjonali. Fir-rikors tagħha Galec ma kkritikatx dawn l-aspetti tal-Kuntratt.

198    Rigward l-ewwel argument ta' Galec li l-Kummissjoni tara biss titjib tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni f'kuntest ta' l-"esklużività", il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fl-ewwel paragrafu tal-punt II.B.2 tad-Deċiżjoni, li "trade mark ta' kosmetiċi ta' lussu tista' biss tiġi distribwita jekk tirispetta l-għan tagħha ta' esklużività tagħha" tirreferi għall-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni li żżomm il-karattru esklużiv jew ta' lussu tal-prodotti in kwistjoni (ara t-tieni paragrafu tal-punt II.B.3). Din is-sentenza ma tistax għaldaqstant tiġi interpretata li tfisser li l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar huma esklużi awtomatikament mid-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni u li d-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti hija rriżervata esklużivament għas-sistemi tradizzjonali bħall-ħwienet tal-fwejjaħ u d-department stores fis-sens strett tal-kelma.

199    Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat li l-Kummissjoni m'għandhiex l-intenzjoni li teskludi l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar mid-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni (ara l-punti 164 et seq aktar 'il fuq), l-argument ta' Galec li l-Kummissjoni rat biss it-titjib fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, f'kuntest li jeskludi l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, għandu jiġi miċħud.

200    Rigward it-tieni argument ta' Galec, li l-Kummissjoni għandha kunċett antikwat ta' l-aspettattivi tal-konsumaturi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li hija diġà ċaħdet l-argumenti dwar il-motivazzjoni tal-konsumaturi fil-punti 174 et seq aktar 'il fuq.

201    Rigward it-tielet argument ta' Galec, li l-Kummissjoni rrendiet leġittimu nuqqas totali ta' kompetizzjoni permezz tal-prezz fi ħdan it-trade mark, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat li Galec ma ressqitx il-prova li dan huwa fil-fatt il-każ (ara l-punt 191 aktar 'il fuq).

202    Rigward ir-raba' argument ta' Galec, fejn li l-Kummissjoni pparagunat id-distribuzzjoni selettiva permezz ta' bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati mad-distribuzzjoni ġeneralizzata u b'hekk injorat il-possibbiltà ta' distribuzzjoni selettiva permezz ta' tipi oħra ta' kummerċ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni m'għamlitx paragun bħal dan.

203    Rigward il-ħames argument ta' Galec li l-impożizzjoni ta' "modifika parzjali tal-metodi ta' kummerċjalizzazzjoni partikolari tagħhom" telimina lill-bejjiegħa bl-imnut il-kbar mis-settur tal-kosmetiċi ta' lussu, ġie stabbilit matul l-istanza li d-Deċiżjoni ma tipprevedix l-eliminazzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar mis-settur tal-kosmetiċi tal-lussu. Ir-referenza għal "modifika parzjali tal-metodi ta' kummerċjalizzazzjoni partikolari tagħhom" għandha għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li teżiġi bidliet ta' dan it-tip ġewwa l-ħanut u mhux bidliet ta' natura li jbiddlu radikalment in-natura stess tal-ħanut bħala supermarket jew hypermarket. Għalkemm kien ikun tajjeb kieku d-Deċiżjoni tagħmel dan il-punt aktar ċar, il-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx, lanqas b'mod ġenerali, liema huma l-modifiki li għandhom jiġu adottati mhuwiex, minnu nnifsu, biżżejjed sabiex jivvizzja d-Deċiżjoni minħabba illegalità, peress li, b'mod partikolari, l-każijiet konkreti ser ikunu suġġetti, skond il-każ, għall-istħarriġ tal-qrati jew ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

204    Minn dan isegwi li l-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur ta' Artikolu 85(3) tat-Trattat għandhom jiġu miċħuda.

205    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud, ħlief għal dak għandu x'jaqsam mal-parti tad-Deċiżjoni msemmija fil-punt 155 aktar 'il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

206    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 87(4), il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti, minbarra Stat Membru jew istituzzjoni, tbati l-ispejjeż tagħha stess.

207    Peress li r-rikorrenti tilfet fil-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-parti intervenjenti Yves Saint Laurent, li kienet id-destinatarja tad-Deċiżjoni.

208    F'dak li jirrigwarda l-partijiet intervenjenti FIP, Colipa u FEPD, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-interess ta' dawn it-tliet assoċjazzjonijet fis-soluzzjoni tal-kawża kien anqas dirett minn dak ta' Yves Saint Laurent. Peress li din hija kawża fejn dawn it-tliet partijiet intervenjenti oħra esprimew kunsiderazzjonijiet ġenerali fl-interess tal-membri tagħhom, mingħajr ma żiedu xi elementi deċiżivi għall-argumenti tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis tkun qed tagħmel applikazzjoni ġusta ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jekk tordnalhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/33/KEE, tas-16 ta' Diċembru 1991, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat (KEE) (IV/33.242 - Yves Saint Laurent Parfums) hija annullata safejn din tiddeċiedi li dispożizzjoni li tawtorizza lil Yves Saint Laurent li tittratta b'mod anqas favorevoli l-applikazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut minħabba s-sempliċi fatt li l-attività ta' bejgħ tal-fwejjaħ tirrappreżenta minoranza mill-attivitajiet tagħhom ma taqax taħt l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-parti intervenjenti Yves Saint Laurent Parfums SA, kif ukoll l-ispejjeż tagħha stess.

4)      Kull waħda mill-partijiet intervenjenti, il-Fédération des industries de la parfumerie, il-Comité de liaison des syndicats européens de l'industrie de la parfumerie et des cosmétiques u l-Fédération européenne des parfumeurs détaillants, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kirschner

Vesterdorf

Bellamy

Kalogeropoulos

 

       Potocki

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ, fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Diċembru 1996.

H. Jung

 

      H. Kirschner

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.