SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

14 ta' Lulju 1994 (*)

“Protezzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju – Invokabbiltà fil-kawżi bejn individwi privati”

Fil-kawża C-91/92,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Giudice conciliatore di Firenze (l-Italja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Paola Faccini Dori

u

Recreb Srl,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur fir-rigward ta' kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju (ĠU L 372, p. 31),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn O. Due, President, G. F. Mancini, J. C. Moitinho de Almeida, M. Diez de Velasco u D. A. O. Edward, Presidenti ta’ Awla, C. N. Kakouris, R. Joliet (Relatur), F. A. Schockweiler, G. C. Rodríguez Iglesias, F. Grévisse, M. Zuleeg, P. J. G. Kapteyn u J. L. Murray, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. O. Lenz,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Sinjorina Faccini Dori, minn Vinicio Premuroso, avukat fil-qorti ta’ Milan, u minn Annalisa Premuroso u Paolo Soldani Benzi, avukati fil-qorti ta’ Firenze,

–        għal Recreb Srl, minn Michele Trovato, avukat fil-qorti ta’ Ruma, u minn Anna Rita Alessandro, prokuratur legali f’Firenze,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn Ernst Röder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi, u Claus Dieter Quassowski, Regierungsdirektor fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn Vasileios Kontolaimos, assistent konsulent legali ma' l-Uffiċċju Legali ta’ l-Istat, u Panagiotis Athanasoulis, rappreżentant ġudizzjajru ta' l-Uffiċċju Legali ta’ l-Istat, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, mill-Professur Luigi Ferrari Bravo, Kap tad-Dipartiment tal-kontenzjuż diplomatiku fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, assistit minn Marcello Conti, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn Lucio Gussetti, membru tas-servizz ġuridiku, bħala aġent,

wara li kkunsidrat ir-risposti mogħtija għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn Ernst Röder u Claus-Dieter Quassowski,

–        għall-Gvern Franċiż, minn Jean-Pierre Puissochet, Direttur tad-Dipartiment ta' l-affarijiet ġuridiċi tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u minn Catherine de Salins, konsulent fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn Jørgen Molde, konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn Ernst Röder u Claus-Dieter Quassowski, bħala aġenti, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn Vasileios Kontolaimos u Panagiotis Athanasoulis, bħala aġenti, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn Catherine de Salins, bħala aġent, tal-Gvern Taljan, irrappreżentat mill-Professur Luigi Ferrari Bravo, bħala aġent, assistit minn Ivo Braguglia, avvocato dello Stato, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn Ton Heukels, assistent konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn Derrick Wyatt, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn Lucio Gussetti, bħala aġent, fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 1993,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Frar 1994,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet ta’ l-24 ta’ Frar 1992, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 1992, il-Giudice conciliatore di Firenze (l-Italja) ressaq, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, domanda, l-ewwel nett, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju (ĠU L 372, p. 31, iktar 'il quddiem id-“Direttiva fuq il-kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju”), u, t-tieni nett, dwar l-invokabbiltà tagħha f’kawża bejn negozjant u konsumatur.

2        Din il-mistoqsija tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn Paola Faccini Dori, residenti f’Monza (l-Italja), u Recreb Srl (iktar 'il quddiem “Recreb”).

3        Jirriżulta mid-digriet ta’ referenza li, fid-19 ta’ Jannar 1989, mingħajr ma ġiet solleċitata minn qabel mis-Sinjorina Faccini Dori, il-kumpannija Interdiffusion Srl ikkonkludiet kuntratt magħha, għal kors ta’ l-Ingliż bil-korrispondenza, fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija ta’ Milan (l-Italja), jiġifieri barra mil-post tan-negozju tagħha.

4        Ftit jiem wara, permezz ta’ ittra reġistrata tat-23 ta’ Jannar 1989, is-Sinjorina Faccini Dori informat lil din il-kumpannija li hija ħassret l-ordni tagħha. Il-kumpannija weġbitha fit-3 ta’ Ġunju 1989 li hi kienet ċediet il-kreditu tagħha lil Recreb. Fl-24 ta’ Ġunju 1989, is-Sinjorina Faccini Dori kkonfermat bil-miktub lil Recreb li hi kienet irrinunzjat għas-sottoskrizzjoni tagħha, billi invokat b’mod partikolari l-benefiċċju tad-dritt ta' rinunzja previst mid-Direttiva fuq il-kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju.

5        Din id-direttiva għandha l-għan, kif jidher mill-premessi tagħha, li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi u li ttemm id-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet nazzjonali dwar din il-protezzjoni, differenzi li jista’ jkollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq komuni. Hija tispjega, fir-raba’ premessa tagħha, li fil-każ ta’ kuntratti konklużi barra mil-post tan-negozju tan-negozjant, bħala regola huwa n-negozjant li jibda n-negozjati għall-kuntratt, li l-konsumatur bl-ebda mod ma jkun ippreparat għalihom u għalhekk spiss jeħduh għall-għarrieda. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-konsumatur ma jkunx jista' jqabbel il-kwalità u l-prezz ta’ l-offerta ma’ offerti oħra. Skond l-istess premessa, dan l-element ta’ sorpriża ġeneralment jeżisti mhux biss fil-kuntratti magħmula fuq l-għadba tal-bieb, iżda wkoll f’forom oħra ta’ kuntratti fejn il-negozjant jieħu l-inizjattiva barra mil-post tan-negozju. Għalhekk, l-għan tad-Direttiva, kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha, huwa li tagħti lill-kosumatur id-dritt li jħassar il-kuntratt tul perijodu ta' għall-inqas sebat ijiem, sabiex ikun jista' jivverifika l-obbligi li joħorġu mill-kuntratt.

6        Fit-30 ta’ Ġunju 1989, Recreb talbet lill-Giudice conciliatore di Firenze biex jordna lis-Sinjorina Faccini Dori tħallasha s-somma miftiehma, bl-interessi u l-ispejjeż.

7        Permezz ta’ digriet mogħti fl-20 ta’ Novembru 1989, dan l-imħallef ikkundanna lis-Sinjorina Faccini Dori tħallas dawn is-somom. Hija ressqet oġġezzjoni kontra din l-ordni quddiem l-istess imħallef. Għal darb’oħra, hija sostniet li kienet irrinunzjat għall-kuntratt taħt il-kundizzjonijiet preskritti mid-Direttiva.

8        Madankollu, huwa paċifiku, li fiż-żmien meta seħħew dawn il-fatti, l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva ma kienet ittieħdet mill-Italja, meta t-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha skada fit-23 ta’ Diċembru 1987. Kien biss, fil-fatt, permezz tad-decreto legislativo Nru 50 tal-15 ta’ Jannar 1992 (GURI, suppliment ordinarju għan-Nru 27 tat-3.2.1992, p. 24), li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 1992, li l-Italja ttrasponiet din id-Direttiva.

9        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Italja fiż-żmien meta seħħew il-fatti, hija setgħetx tapplika d-dispożizzjonijiet tagħha.

10      Għaldaqstant, hija ressqet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li taqra kif ġej:

“Id-Direttiva Komunitarja Nru 577 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, għandha tiġi kkunsidrata preċiża u dettaljata biżżejjed, u fl-affermattiv, setgħet tipproduċi effetti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-Istat Taljan u fir-relazzjonijiet ta' bejn l-individwi, fil-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ 24 xahar mogħti lill-Istati Membri biex jikkonformaw ruħhom magħha u d-data li fiha l-Istat Taljan ikkonforma ruħu magħha?”

11      Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva fuq il-kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju tobbliga lill-Istati Membri jadottaw ċerti regoli intiżi biex jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn negozjanti u konsumaturi. Fid-dawl tan-natura tal-kawża, li hija bejn negozjant u konsumatur, id-domanda mressqa mill-qorti nazzjonali tqajjem żewġ problemi li għandhom jiġu eżaminati separatament. Hija tirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mad-dritt ta' rinunzja. Hija tirrigwarda, fit-tieni lok, l-invokabbiltà, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, f'kawżi bejn persuni privati, ta’ direttiva li tobbliga lill-Istati Membri jadottaw ċerti regoli intiżi biex jirregolaw preċiżament ir-relazzjonijiet bejn dawn il-persuni.

 Rigward in-natura inkundizzjonata u preċiża tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relattivi għad-dritt ta' rinunzja

12      Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija u servizzi lil konsumatur, u li jsiru waqt ħarġa organizzata min-negozjant barra mil-post tan-negozju tiegħu, jew waqt żjara tan-negozjant fid-dar tal-konsumatur jew fil-post tax-xogħol tiegħu, meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa ta’ dan ta’ l-aħħar.

13      L-Artikolu 2, min-naħa tiegħu, jispeċifika li “konsumatur” ifisser persuna naturali li, fit-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra min-negozju jew professjoni tagħha, u “negozjant” ifisser persuna naturali jew legali li, għat-tranżazzjoni in kwistjoni, taġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tagħha.

14      Dawn id-dispożizzjonijiet huma suffiċjentement preċiżi biex jippermettu lill-qorti nazzjonali li tkun jaf min huma dawk li għandhom iwettqu l-obbligi u min huma l-benefiċjarji ta' dawn l-obbligi. L-ebda miżura partikolari ta' implementazzjoni m’hija neċessarja f’dan ir-rigward. Il-qorti nazzjonali tista’ tillimita ruħha li tivverifika jekk il-kuntratt ġiex konkluż fiċ-ċirkustanzi deskritti mid-Direttiva, u jekk ġiex konkluż bejn negozjant u konsumatur fis-sens tad-Direttiva.

15      Biex jipproteġi l-konsumatur li kkonkluda kuntratt f’ċirkustanzi bħal dawn, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jiddisponi li n-negozjant huwa obbligat li javżah bil-miktub bid-dritt tiegħu li jħassar il-kuntratt, kif ukoll bl-isem u bl-indirizz ta’ persuna li kontriha jista’ jeżerċita dan id-dritt. Huwa jżid b’mod partikolari li, fil-każ ta’ l-Artikolu 1(1), din l-informazzjoni għandha tingħata lill-konsumatur fil-ħin li jsir il-kuntratt. Fl-aħħar nett huwa jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tistabbilixxi miżuri xierqa ta' protezzjoni għall-konsumatur f'dawk il-każijiet meta l-informazzjoni in kwistjoni ma tingħatax.

16      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li l-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti ta' l-obbligu tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien ta' mhux inqas minn sebat ijiem minn meta n-negozjant, konformement mal-modalitajiet u mal-kundizzjonijiet preskritti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikun avżah bid-drittijiet tiegħu. L-Artikolu 5(2) jispeċifika li n-notifika ta’ din ir-rinunzja għandha l-effet li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligu li joħroġ mill-kuntratt.

17      Bla dubju, l-Artikoli 4 u 5 jagħtu lill-Istati Membri ċertu marġni ta' diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur meta l-informazzjoni ma tingħatax min-negożjant u f'dak li jirrigwarda l-fissazzjoni tat-terminu u tal-modalitajiet tar-rinunzja. Madankollu, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li huma in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dan il-marġni ta' diskrezzjoni ma jagħmilhiex impossibbli li jiġu determinati drittijiet minimi. F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-termini ta’ l-Artikolu 5 li n-notifika tar-rinunzja għandha ssir fi żmien ta' mhux inqas minn sebat ijiem minn meta l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni mitluba min-negozjant. Għalhekk huwa possibbli li tiġi determinata l-protezzjoni minima li għandha tiġi pprovduta f’kull każ.

18      Għaldaqstant, f'dak li jirrigwarda l-ewwel problema mqajma, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti nazzjonali għandha tkun li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċizi f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarji u t-terminu minimu li fih għandu jingħata l-avviż tar-rinunzja.

 Dwar l-invokabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relattivi għad-dritt ta' rinunzja, f’kawża bejn konsumatur u negozjant

19      It-tieni problema mqajma mill-qorti nazzjonali tirrigwarda b'mod iktar partikolari l-kwistjoni jekk, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fit-terminu preskritt, il-konsumaturi jistgħux jiksbu abbażi tad-Direttiva nfisha dritt ta' rinunzja fil-konfront tan-negozjanti li magħhom huma kkonkludew kuntratt u jinfurzaw dan id-dritt quddiem qorti nazzjonali.

20      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita minn mindu ngħatat is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 48), direttiva ma tistax minnha nfisha timponi obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwu.

21      Il-qorti nazzjonali rrilevat li l-limitazzjoni ta’ l-effetti tad-direttivi inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, iżda mhux trasposti, għar-relazzjonijiet bejn entitajiet ta' l-Istat u individwi twassal biex att leġiżlattiv ikollu din in-natura biss fir-rapporti bejn ċerti suġġetti ġuridiċi meta, fis-sistema legali Taljana bħal fis-sistemi legali tal-pajjiżi moderni kollha bbażati fuq il-prinċipju tal-legalità, l-Istat huwa suġġett tad-dritt bħal kull persuna oħra. Kieku d-Direttiva setgħet tiġi invokata biss fil-konfront ta' l-Istat, dan ikun jammonta għal sanzjoni għan-nuqqas ta' adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi ta’ traspożizzjoni bħallikieku r-relazzjoni kienet waħda ta’ natura purament privata.

22      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li kif jirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, iċċitata iktar 'il fuq (punti 48 u 49), il-ġurisprudenza dwar l-invokabbiltà tad-direttivi fil-konfront ta’ entitajiet ta' l-Istat hija bbażata fuq in-natura vinkolanti rikonoxxut lid-direttiva mill-Artikolu 189, natura vinkolanti li teżisti biss fil-konfront ta’ “l-Istati Membri [destinatarji kollha]”. Din il-ġurisprudenza tfittex li tevita li “Stat Membru jieħu vantaġġ mill-ksur tad-dritt Komunitarju li jkun wettaq”.

23      Ikun inaċċettabbli, fil-fatt, li l-Istat li l-leġiżlatur Komuntarju jimponilu li jaddotta ċerti regoli intiżi biex jirregolaw ir-relazzjonijiet tiegħu – jew dawk ta’ l-entitajiet ta' l-Istat – ma’ l-individwi u biex jagħti lill-individwi l-benefiċċju ta’ ċerti drittijiet jista’ jinvoka n-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi tiegħu biex iċaħħad lill-individwi mill-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-invokabbiltà fil-konfront ta' l-Istat (jew ta’ entitajiet ta' l-Istat) ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839) u tad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq il-fatturat (ara s-sentenza tad-19 Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53).

24      L-estensjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi tkun tfisser li jiġi rikonoxxut li l-Komunità għandha s-setgħa li timponi obbligi għall-individwi b’effett immedjat meta hija għandha din il-kompetenza biss fejn tingħatalha s-setgħa li tadotta regolamenti.

25      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fit-terminu preskritt, il-konsumaturi ma jistgħux jiksbu abbażi tad-Direttiva nfisha dritt ta' rinunzja fil-konfront tan-negozjanti li magħhom huma kkonkludew kuntratt u jinfurzaw dan id-dritt quddiem qorti nazzjonali.

26      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita minn mindu ngħatat is-sentenza ta’ l-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26), l-obbligu ta’ l-Istati Membri, li joħroġ minn direttiva, li jiksbu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom, skond Artikolu 5 tat-Trattat, li jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċjali kollha xierqa biex jassiguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, jorbot lill-awtoritajiet kollha ta’ l-Istati Membri, inklużi, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji. Kif joħroġ mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8), u tas-16 ta' Diċembru 1993, Wagner Miret (C-334/92, Ġabra p. I-6911, punt 20), fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, kemm jekk ikunu dispożizzjonijiet adottati qabel id-direttiva kif ukoll jekk adottati wara, il-qorti nazzjonali li jkollha tinterpretahom għandha tagħmel dan, safejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-direttiva sabiex tikseb ir-riżultat li d-direttiva tfittex li tilħaq u b'hekk tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat.

27      Fil-każ fejn ir-riżultat preskritt mid-direttiva ma jkunx jista’ jinkiseb permezz ta’ l-interpretazzjoni, għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li, skond is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 39), id-dritt Komunitarja jobbliga lill-Istati Membri li jagħmlu tajjeb għad-danni li jkunu kkawżaw lill-individwi minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva sakemm ikun sodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-għan tad-direttiva għandu jkun li jingħataw drittijiet lill-individwi. It-tieni nett, għandu jkun possibbli li jiġi identifikat il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn il-ksur ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u d-danni mġarrba.

28      L-għan tad-Direttiva fuq il-kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju huwa inkontestabbilment li jingħataw drittijiet lil individwi u huwa daqstant ieħor ċert li l-kontenut minimu ta’ dawn id-drittijiet jista' jiġi identifikat abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva biss (ara iktar 'il fuq, punt 17).

29      Meta jkun hemm danni u dawn id-danni jkunu dovuti għall-ksur mill-Istat ta’ l-obbligu impost fuqu, hija l-qorti nazzjonali li għandha taggarantixxxi d-dritt tal-konsumaturi li jkunu ġarrbu danni li jiksbu kumpens, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

30      F’dak li jirrigwarda t-tieni problema mqajma mill-qorti nazzjonali u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għandha tkun li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fit-terminu preskritt, il-konsumaturi ma jistgħux jiksbu abbażi tad-Direttiva nfisha dritt ta' rinunzja fil-konfront tan-negozjanti li magħhom huma kkonkludew kuntratt u jinfurzaw dan id-dritt quddiem qorti nazzjonali. Madankollu, il-qorti nazzjonali hija obbligata, meta tapplika dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati kemm qabel kif ukoll wara d-Direttiva, li tinterpretahom safejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

31      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Elleniku, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domanda mressqa quddiemha mill-Giudice conciliatore di Firenze, permezz ta’ digriet ta’ l-24 ta’ Jannar 1992, taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-post tan-negozju, huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċizi f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarji u t-terminu minimu li fih għandu jingħata l-avviż tar-rinunzja.

2)      Fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/577/KE fit-terminu preskritt, il-konsumaturi ma jistgħux jiksbu abbażi tad-Direttiva nfisha dritt ta' rinunzja fil-konfront tan-negozjanti li magħhom huma kkonkludew kuntratt u jinfurzaw dan id-dritt quddiem qorti nazzjonali. Madankollu, il-qorti nazzjonali hija obbligata, meta tapplika dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati kemm qabel kif ukoll wara d-Direttiva, li tinterpretahom safejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u ta' l-għan ta' din id-Direttiva.

Due

Mancini

Moitinho de Almeida

Diez de Velasco

Edward

Kakouris

Joliet

Schockweiler

Rodríguez Iglesias

Grévisse

 

      Zuleeg

Kapteyn

 

      Murray

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Lulju 1994.

R. Grass

 

      O. Due

Reġistratur

      President                                                

O. Due


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.