SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta' Ottubru 1982 (*)

"Obbligu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari"

Fil-kawża C-283/81,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Ewwel Awla tal-Corte Suprema di Cassazione (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) sabiex tingħata, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti,

SRL CILFIT – kumpannija fi proċedura ta' stralċ – u 54 oħra, f'Ruma,

u

Lanificio di Gavardo SpA, f'Milan,

vs

Il-Ministeru tas-Saħħa, irrappreżentat mill-Ministru, f'Ruma,

vs

Il-Ministeru tas-Saħħa, irrappreżentat mill-Ministru, f'Ruma

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn J. Mertens de Wilmars, President, G. Bosco, A. Touffait u O. Due, Presidenti ta' Awla, P. Pescatore, Mackenzie Stuart, A. O’Keeffe, T. Koopmans, U. Everling, A. Chloros u F. Grévisse, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F. Capotorti,

Reġistratur: P. Heim

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digriet tas-27 ta’ Marzu 1981, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 1981, il-Corte Suprema di Cassazione, bis-saħħa ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, għamlet domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE.

2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn kumpanniji li jimportaw is-suf u l-Ministeru tas-Saħħa Taljan, dwar il-ħlas ta’ imposta fissa għal spezzjoni sanitarja tas-suf importat minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità. Dawn il-kumpanniji invokaw ir-Regolament Nru 827/68, tat-28 ta’ Ġunju 1968 (ĠU L151, p.16), dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f'ċerti prodotti elenkati fl-Anness II tat-Trattat, regolament li, fl-Artikolu 2(2) tiegħu, jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu imposta b’effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq "prodotti ta' l-annimali" importati, li mhumiex imsemmija x'imkien ieħor, ikklassifikati taħt l-intestatura 05.15 tat-Tariffa Doganali Komuni. Kontra dan l-argument, il-Ministeru tas-Saħħa sostna li s-suf mhuwiex inkluż fl-Anness II tat-Trattat. Għalhekk, mhuwiex suġġett għal organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.

3        Minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministeru tas-Saħħa jasal għall-konklużjoni li s-soluzzjoni għall-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-miżura adottata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità hija tant ovvja li ma tħalli ebda dubju ta' interpretazzjoni, u għalhekk teskludi l-bżonn għal rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, il-kumpanniji kkonċernati jsostnu li peress li l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ regolament tqajmet quddiem il-Corte Suprema di Cassazione, li hija qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, hija, ma tistax tevita l-obbligu tagħha li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177.

4        Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti konfliġġenti, il-Corte Suprema di Cassazione ressqet is-segwenti domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat, li jipprovdi li, meta titqajjem kwistjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-imsemmi artikolu f'kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal nazzjonali, li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, l-imsemmija qorti jew tribunal għandhom iressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxi obbligu ta’ rinviju li ma jippermettix lill-qorti nazzjonali tiddetermina jekk il-kwistjoni mqajma hijiex iġġustifikata, jew, jissuġġetta – u jekk iva, sa liema punt – dan l-obbligu għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni?”

5        Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni s-sistema stabbilita fl-Artikolu 177, li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari, fost l-oħrajn, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

6        Bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, kull qorti jew tribunal ta’ Stat Membru jistgħu, jekk iqisu li deċiżjoni fuq kwistjoni ta’ interpretazzjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni f'dan ir-rigward. Skond it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, meta kwistjoni titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, l-imsemmija qorti jew tribunal għandhom l-obbligu li jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Dan l-obbligu li kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni, imwaqqfa sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-funzjoni tagħhom ta' qrati responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u l-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177 huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jevita li jkun hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-Komunità, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta' dritt Komunitarju. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-portata ta’ dan l-obbligu għandha tiġi evalwata b'referenza għall-kompetenzi rispettivi tal-qrati nazzjonali u dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta titqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni bħal din fis-sens ta’ l-Artikolu 177.

8        F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tingħata t-tifsira, għall-effetti tad-dritt Komunitarju, tal-frażi ‘meta titqajjem kwistjoni ta’ dan it-tip’ bl-iskop li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi li fihom qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, għandha obbligu li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

9        F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jingħad li l-Artikolu 177 ma jikkostitwixxix mezz li permezz tiegħu l-partijiet f'kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu rimedju ġudizzjarju. Għalhekk, mhuwiex biżżejjed li waħda mill-partijiet issostni li l-kawża tqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti jew tribunal ikkonċernati jkunu f'obbligu li jikkunsidraw jekk tkunx tqajmet kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 177. Min-naħa l-oħra, qorti jew tribunal nazzjonali jistgħu, fejn ikun meħtieg, iressqu kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ex officio.

10      It-tieni nett, mir-rabta li teżisti bejn it-tieni u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 177 jirriżulta li l-qrati jew it-tribunali msemmija fit-tielet paragrafu għandhom l-istess diskrezzjoni bħal kull qorti nazzjonali oħra sabiex jiddeterminaw jekk tkunx neċessarja deċiżjoni dwar kwistjoni ta' dritt Komunitarju biex huma jkunu jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati jew it-tribunali mhumiex obbligati li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun tqajmet quddiemhom, jekk dik il-kwistjoni ma tkunx rilevanti, jiġifieri, fil-każijiet li, tkun xi tkun ir-risposta għal dik il-kwistjoni, din ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża.

11      Min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn il-qrati jew tribunali jqisu li huwa neċessarju li jsir rikors għad-dritt Komunitarju sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawża quddiemhom, l-Artikolu 177 jimponi fuqhom l-obbligu li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kull kwistjoni ta' interpretazzjoni li tista’ tqum.

12      Id-domanda mressqa mill-Corte di Cassazione hija dwar jekk, f’ċerti ċirkustanzi, l-obbligu stabbilit fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177 jistax ikun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet.

13      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Marzu 1963 (28 sa 30/62, Da Costa, Ġabra p. 75) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat “li għalkemm l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 177 jobbliga, mingħajr ebda restrizzjoni, lill-qrati jew tribunali nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, sabiex iressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull kwistjoni ta' interpretazzjoni mqajma quddiemhom, l-awtorità ta’ l-interpretazzjoni li tkun diġà ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 177 tista’, madankollu, tippriva lil dan l-obbligu mill-għan u mis-sustanza tiegħu; dan huwa, b'mod partikolari, il-każ meta l-kwistjoni mqajma tkun materjalment identika għal waħda li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili”.

14      L-istess effett, għal dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet fuq l-obbligu stabbilit fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177, jista’ jiġi riprodott meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ttrattat il-punt ta' dritt in kwistjoni f'deċiżjonijiet oħra, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li jkunu wasslu għal tali deċiżjoni, anke jekk id-domandi in kwisjoni ma jkunux eżattament l-istess.

15      Madanakollu, għandu jiġi mfakkar li, f’kull waħda minn dawn l-ipoteżi, il-qrati nazzjonali, inklużi dawk imsemmija fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177, jibqgħu dejjem fil-libertà li jressqu kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk iqisu li dan ikun xieraq.

16      Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju tista’ tkun tant ċara li ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni li tkun tqajmet. Qabel ma tasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, il-qorti nazzjonali għandha tkun konvinta li s-sitwazzjoni tkun daqstant ċara għall-qrati ta’ l-Istati Membri l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa biss fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti li l-qorti nazzjonali tkun tista’ ma tressaqx il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tieħu r-responsabbiltà li ssolviha hija stess.

17      Madanakollu, l-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata skond il-karatteristiċi tad-dritt Komunitarju u skond id-diffikultajiet partikolari li tqajjem l-interpretazzjoni tiegħu.

18      L-ewwel nett għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-testi tad-dritt Komunitarju huma miktuba f'diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi; b'hekk l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tirrikjedi li jiġu mqabbla l-verżjonijiet lingwistiċi.

19      Sussegwentement għandu jiġi osservat li, anki meta l-verżjonijiet lingwistiċi jaqblu eżattament flimkien, id-dritt Komunitarju juża terminoloġija tiegħu proprja. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti legali m'għandhomx neċessarjament l-istess tifsira fid-dritt Komunitarju bħalma għandhom fid-dritt nazzjonali tad-diversi Stati Membri.

20      Fl-aħħar nett, kull dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju, ta’ l-għanijiet tiegħu u ta’ l-istat ta’ evoluzzjoni tiegħu fid-data li fiha tiġi applikata d-dispożizzjoni in kwistjoni.

21      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-Corte Suprema di Cassazione hija li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta titqajjem kwistjoni ta' dritt Komunitarju quddiem qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dawn għandhom jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligu ta’ rinviju, sakemm ma jikkunsidrawx li l-kwistjoni mqajma hija irrilevanti jew li d-dispożizzjoni Komunitarja in kwistjoni kienet diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni xierqa tad-dritt Komunitarju hija tant ċara li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli; l-eżistenza ta’ possibbiltà bħal din għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-karatteristiċi tad-dritt Komunitarju, tad-diffikultajiet partikolari li tqajjem l-interpretazzjoni tiegħu u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-Komunità

 Fuq l-ispejjeż

22      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Repubblika Taljana, mill-Gvern tar-Renju Olandiż u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali n-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Corte Suprema di Cassazione, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

B'risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Corte Suprema di Cassazione, permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Marzu 1981, taqta' u tiddeċiedi li:

It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta titqajjem kwistjoni ta' dritt Komunitarju quddiem qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dawn għandhom jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligu ta’ rinviju, sakemm ma jikkunsidrawx li l-kwistjoni mqajma hija irrilevanti jew li d-dispożizzjoni Komunitarja in kwistjoni kienet digà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni xierqa tad-dritt Komunitarju hija tant ċara li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli; l-eżistenza ta’ possibbiltà bħal din għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-karatteristiċi tad-dritt Komunitarju, tad-diffikultajiet partikolari li tqajjem l-interpretazzjoni tiegħu u tar-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-Komunità.

Mertens de Wilmars

Bosco

Touffait

Due

Pescatore      Mackenzie Stuart

O’Keeffe

Koopmans

Everling      Chloros

Grévisse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta' Ottubru 1982.

P. Heim

 

      J. Mertens de Wilmars

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan