SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

9 ta' Marzu 1978 (*)

"Nuqqas ta' applikazzjoni minn qorti nazzjonali ta' liġi konfliġġenti mad-dritt Komunitarju"

Fil-kawża C-106/77,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Pretore di Susa (l-Italja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Amministrazione delle Finanze dello Stato

vs

Simmenthal SpA, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Monza,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE u, b'mod partikolari, dwar l-effetti ta' l-applikabbiltà diretta tad-dritt Komunitarju fil-każ ta' kunflitt ma' dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn H. Kutscher, President, M. Sørensen u G. Bosco, Presidenti ta' Awla, A. M. Donner, P. Pescatore, A. J. Mackenzie Stuart u A. O'Keeffe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Reischl,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Motivi tas-sentenza

1        B'digriet tat-28 ta' Lulju 1977, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Awwissu 1977, il-Pretore ta' Susa ressaq, abbażi ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, żewg domandi preliminari dwar il-prinċipju ta' l-applikabbiltà diretta tad-dritt Komunitarju, kif stabbilit fl-Artikolu 189 tat-Trattat, bil-għan li jiġu determinati l-effetti ta' dan il-prinċipju fil-każ ta' konflitt bejn regola tad-dritt Komunitarju u dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali adottata sussegwentement.

2        Għandu jiġi mfakkar li fi stadju preċedenti tal-kawża, il-Pretore ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari intiżi sabiex jippermettulu jevalwa l-kompatibbiltà, mat-Trattat u ma' ċerti dispożizzjonijiet ta' regolamenti – b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċanga u l-vitella (ĠU Nru L 148, p. 24), ta' tariffi sanitarji imposti fuq l-importazzjoni taċ-ċanga skond it-"test uniku" tal-liġijiet sanitarji Taljani, li r-rata tagħhom ġiet stabbilita l-aħħar darba permezz ta' l-iskala annessa mal-Liġi Nru 1239 tat-30 ta' Diċembru 1970 (Gazzetta Ufficiale Nru 26 ta' l-1 ta' Frar 1971).

3        Wara li kkunsidra r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Diċembru 1976 fil-kawża 35/76 (Ġabra p. 1871), il-Pretore, li ddeċieda li l-ġbir tat-tariffi in kwistjoni huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, ordna lill-Amministrazione delle Finanze dello Stato trodd lura t-tariffi li nġabru indebitament, flimkien ma' l-interessi.

4        L-Amministrazione delle Finanze dello Stato appellat kontra din l-ordni.

5        Il-Pretore ħa in kunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-partijiet waqt il-proċeduri ta' dan l-appell u ddeċieda li l-kwistjoni li kellu quddiemu kienet tinvolvi kunflitt bejn ċerti regoli Komunitarji u liġi nazzjonali adottata sussegwentement, jiġifieri l-Liġi Nru 1239/70.

6        Huwa fakkar li, skond ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana (Sentenzi 232/75 u 205/75, Digriet 206/76), sabiex tali kwistjoni tiġi riżolta, il-kwistjoni ta' l-illeġittimità kostituzzjonali tal-liġi kkontestata fir-rigward ta' l-Artikolu 11 tal-Kostituzzjoni għandha tiġi rriferita lill-Qorti Kostituzzjonali nfisha.

7        Fid-dawl, minn naħa, tal-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju fis-sistemi legali ta' l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ta' l-inkonvenjenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet fejn il-qorti, minflok ma tiddikjara, taħt l-awtorità tagħha stess, li liġi li tfixkel l-effett sħiħ tad-dritt Komunitarju mhijiex applikabbli, ikollha tqajjem kwistjoni ta' kostituzzjonalità, il-Pretore ressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi li jaqraw kif ġej:

a)      Billi skond l-Artikolu 189 tat-Trattat KEE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, id-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma direttament applikabbli għandhom, minkejja kwalunkwe regola jew prassi interna ta' l-Istati Membri, ikollhom l-effett sħiħ u komplet tagħhom fis-sistemi legali ta' l-Istati Membri u jiġu applikati fihom b'mod uniformi, u dan ukoll sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet legali suġġettivi mogħtija lill-individwi, isegwi minn dan il-fatt li l-portata tar-regoli in kwistjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li kull dispożizzjoni nazzjonali sussegwenti li tikkonfliġġi ma' dawn l-istess regoli Komunitarji għandha titqies inapplikabbli ipso jure mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jistenna li titneħħa mil-leġiżlatur nazzjonali nnifsu (tħassir) jew minn organi kostituzzjonali oħra (dikjarazzjoni ta' anti-kostituzzjonalità), b'mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, li, billi l-liġi nazzjonali tibqa' pjenament applikabbli sakemm isseħħ id-dikjarazzjoni in kwistjoni, ir-regoli Komunitarji ma jistax ikollhom effett u, għaldaqstant, l-applikazzjoni sħiħa, kompleta u uniformi tagħhom ma tkunx garantita u d-drittijiet suġġettivi mogħtija lill-individwi ma jkunux imħarsa?

b)      B'relazzjoni mad-domanda preċedenti, fil-każ li d-dritt Komunitarju jaċċetta li l-ħarsien tad-drittijiet suġġettivi li joħorġu minn dispożizzjonijiet Komuntarji li huma "direttament applikabbli" jista' jiġi sospiż sakemm titħassar, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kull miżura nazzjonali li tista' tikkonfliġġi ma' dawn ir-regoli Komunitarji, dan it-tħassir għandu f'kull każ ikollu effett retroattiv sħiħ u komplet b'mod li jiġi evitat kull preġudizzju għad-drittijiet suġġettivi?

 Fuq ir-referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja

8        Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, l-aġent tal-Gvern Taljan ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Nru 163/77 tat-22 ta' Diċembru 1977, mogħtija wara li l-qrati ta' Milan u Ruma qajmu kwistjonijiet ta' kostituzzjonalità, u li ddikjarat li ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 1239 tat-30 ta' Diċembru 1970, fosthom dawk li jikkonċernaw il-kawża pendenti quddiem il-Pretore di Susa, kienu anti kostituzzjonali.

9        Billi d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew imħassra bis-saħħa tad-dikjarazzjoni ta' anti kostituzzjonalità, id-domandi mressqa mill-Pretore tilfu kull rilevanza, b'mod li m'għadx kien hemm lok li jingħataw risposta.

10      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond prassi stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 177 tkun validament imressqa sakemm din it-talba ma tkunx ġiet irtirata mill-qorti li tagħmilha, jew revokata, fuq appell, minn qorti superjuri.

11      Is-sentenza invokata ma jistax ikollha tali effett, billi din ingħatat fil-kuntest ta' proċeduri li m'għandhom ebda rabta mal-kawża li tat lok għar-referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja u li l-effett tagħha fil-konfront ta' terzi ma jistax jiġi evalwat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

12      Għaldaqstant, l-oġġezzjoni preliminari mqajma mill-Gvern Taljan għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

13      L-ewwel domanda hija essenzjalment intiża sabiex jiġi speċifikat x'inhuma l-konsegwenzi ta' l-applikabbiltà diretta ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju fil-każ ta' inkompatibbiltà ma' dispożizzjoni leġiżlattiva sussegwenti ta' Stat Membru.

14      Ikkunsidrata minn dan l-aspett, l-applikabbiltà diretta tfisser li r-regoli tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu applikati b'mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ u matul il-perijodu ta' validità tagħhom kollu.

15      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu sors dirett ta' drittijiet u obbligi għal kull min huwa kkonċernat, kemm jekk Stati Membri kemm jekk individwi, li jkunu partijiet f'relazzjonijiet ġuridiċi rregolati bid-dritt Komunitarju.

16      Dan l-effett jikkonċerna wkoll kull qorti li, bħala organu ta' Stat Membru, għandha l-funzjoni li, fil-kawżi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħha, tħares id-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju lill-individwi.

17      Barra minn hekk, skond il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-atti ta' l-istituzzjonijiet li huma direttament applikabbli għandhom l-effett, fir-relazzjoni tagħhom mad-dritt intern ta' l-Istati Membri, mhux biss li jagħmlu inapplikabbli ipso jure, bil-fatt biss tad-dħul tagħhom fis-seħħ, kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, iżda wkoll – safejn dawn id-dispożizzjonijiet u atti jifformaw parti integrali ta', u jieħdu preċedenza fuq, l-ordni ġuridiku applikabbli fit-territorju ta' kull wieħed mill-Istati Membri – li jipprekludu l-adozzjoni valida ta' atti leġiżlattivi nazzjonali ġodda safejn dawn ikunu inkompatibbli ma' regoli Komunitarji.

18      Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta' kwalunkwe effett legali ta' atti leġiżlattivi nazzjonali li jidħlu fuq il-qasam li fih il-Komunità teżerċita l-kompetenza leġiżlattiva tagħha, jew li b'xi mod ieħor ikunu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, jammonta għaċ-ċaħda, għaldaqshekk, tan-natura effettiva ta' obbligi assunti inkundizzjonatament u irrevokabbilment mill-Istati Membri taħt it-Trattat, u għaldaqstant jipperikola l-istess sisien tal-Komunità.

19      L-istess konklużjoni toħroġ mill-istruttura ta' Artikolu 177 tat-Trattat, li jipprovdi li kull qorti nazzjonali tista' tagħmel referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja, kull meta jidhrilha li deċiżjoni preliminari dwar punt ta' interpretazzjoni jew ta' validità li jikkonċerna d-dritt Komunitarju hija neċessarja sabiex tkun tista' tagħti deċiżjoni.

20      L-effett utli ta' din id-dispożizzjoni jiddgħajjef li kieku l-qorti kellha tinżamm milli tapplika immedjatament id-dritt Komunitarju skond id-deċiżjoni jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li kull qorti nazzjonali għandha l-obbligu li, fil-kawżi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħha, tapplika d-dritt Komunitarju fl-integralità tiegħu u tħares id-drittijiet li d-dritt Komunitarju jagħti lill-individwi, billi twarrab kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tkun konfliġġenti ma' dan id-dritt, kemm jekk din id-dispożizzjoni tkun ġiet adottata qabel ir-regola Komunitarja, kif ukoll jekk tkun ġiet adottata warajha.

22      Għaldaqstant, kull dispożizzjoni ta' sistema legali nazzjonali jew kull prassi, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt Komunitarju bil-fatt li ċċaħħad lill-qorti li tkun kompetenti biex tapplika dan id-dritt, mis-setgħa li tagħmel, fil-mument innifsu meta dan jiġi applikat, dak kollu li jkun neċessarju biex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jistgħu jxekklu l-effettività sħiħa tar-regoli Komunitarji, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għall-istess natura tad-dritt Komunitarju.

23      Dan ikun il-każ li kieku, fl-ipoteżi ta' kunflitt bejn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju u liġi nazzjonali sussegwenti, ir-riżoluzzjoni ta' dan il-kunflitt kienet irriżervata lil awtorità li għandha s-setgħa diskrezzjonali tagħha u li mhijiex il-qorti li għandha kompetenza biex tapplika d-dritt Komunitarju, anki kieku tali ostaklu għall-effettività sħiħa ta' dan id-dritt kien biss temporanju.

24      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali li, fl-ambitu kompetenza tagħha, ikollha l-inkarigu li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta' dawn ir-regoli billi, jekk ikun il-każ, ex officio ma tapplikax kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta' din id-dispożizzjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi jew ta' xi proċedura kostituzzjonali oħra.

25      Permezz tat-tieni domanda, qiegħed jiġi essenzjalment mistoqsi – fil-każ li jiġi aċċettat li l-ħarsien ta' drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet Komunitarji jista' jiġi sospiż sal-mument tat-tneħħija effettiva, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta' miżuri nazzjonali li jistgħu jkunu konfliġġenti – jekk din it-tneħħija għandhiex f'kull każ ikollha effett retroattiv sħiħ u komplet, b'mod li jiġi evitat kull preġudizzju għad-drittijiet in kwistjoni.

26      Mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tassigura l-ħarsien tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjonijiet ta' l-ordinament ġuridiku Komunitarju mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija effettiva, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal dan il-għan, ta' miżuri nazzjonali li jistgħu xekklu l-applikazzjoni diretta u immedjata tar-regoli Komunitarji.

27      Għaldaqstant, jidher li t-tieni domanda m'għandha l-ebda skop.

 Fuq l-ispejjeż

28      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

29      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Pretore di Susa, huwa l-Pretore di Susa li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi li tressqu quddiemha mill-Pretore di Susa, permezz tad-digriet tat-28 ta' Lulju 1977, taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-qorti nazzjonali li, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, ikollha l-inkarigu li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta' dawn ir-regoli billi, jekk ikun il-każ, ex officio ma tapplikax kull dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta' din id-dispożizzjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi jew ta' xi proċedura kostituzzjonali oħra.

Kutscher

Sørensen

Bosco

Donner

 

            Pescatore      

Mackenzie Stuart

 

            O’Keeffe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-9 ta' Marzu 1978.

A. Van Houtte

 

H. Kutsher

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.