Brussell, 3.2.2025

COM(2025) 24 final

2025/0010(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Govsatcom u Konnettività Sigura)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fi 30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM, Governmental Satellite Communication) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (Konnettività Sigura) 1 .

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kwalunkwe parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li titħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jseħħ ladarba l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u s-sejħa sussegwenti tal-UE għal fondi stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ippreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA.

L-att previst isir vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, il-pożizzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità possibbli.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jestendi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA maqbula mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, li jmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 2 . Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jikkontribwixxu wkoll finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija hawn fuq.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont il-liġi internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt testendi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA miftiehma mill-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 lill-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (Konnettività Sigura), huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-att li huwa inkorporat. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 189(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 189(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2025/0010 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Govsatcom u Konnettività Sigura)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

(3)Huwa xieraq li jiġu estiżi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 lill-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(4)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.

Brussell, 3.2.2025

COM(2025) 24 final

ANNESS

ta'

Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

















(Govsatcom u Konnettività Sigura)


ANNESS

ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-kooperazzjoni formali eżistenti fil-Programm Spazjali tal-Unjoni. Huma jixtiequ jibnu fuq din is-sħubija b’saħħitha u jestendu l-kooperazzjoni għall-komponent ta’ GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Programm għal Konnettività Sigura stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(2)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM, Governmental Satellite Communication) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 1 .

(4)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(5)Jenħtieġ li jitqiesu l-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-EFTA, rispettivament, dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

(6)Prinċipji ta’ kooperazzjoni addizzjonali jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu mifthiema bejn il-Partijiet Kontraenti biex jirregolaw żoni speċifiċi li mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni.

(7)Il-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-komponent ta’ GOVSATCOM u fil-Programm għal Konnettività Sigura abbażi tal-Ftehim ŻEE hija ta’ interess reċiproku għall-Partijiet Kontraenti.

(8)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda u tan-Norveġja fil-kumitati tal-programmi, fil-gruppi ta’ ħidma u f’attivitajiet oħra li jirriżultaw mill-komponent ta’ GOVSATCOM u mill-Programm għal Konnettività Sigura jibdew mill-1 ta’ Settembru 2024, irrispettivament minn meta tiġi adottata din id-Deċiżjoni, jew jekk l-issodisfar tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2025.

(9)Abbażi tal-fatt li l-Iżlanda u n-Norveġja jsiru utenti tal-kapaċitajiet u tas-servizzi tal-komponent ta’ GOVSATCOM, l-Iżlanda u n-Norveġja se jikkontribwixxu finanzjarjament għall-impenji tal-UE bbaġitjati għall-komponent ta’ GOVSATCOM għas-snin finanzjarji mill-2021 sal-2024.

(10)Abbażi tal-fatt li l-Iżlanda u n-Norveġja jsiru utenti tal-kapaċitajiet u tas-servizzi tal-Programm għal Konnettività Sigura, l-Iżlanda u n-Norveġja se jikkontribwixxu finanzjarjament għall-impenji tal-UE bbaġitjati għall-Programm għal Konnettività Sigura għas-snin finanzjarji 2023 u 2024.

(11)Il-kontribuzzjonijiet huma ddeterminati f’dan il-waqt abbażi ta’ investimenti sinifikanti mwettqa fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-programm. Dawn l-investimenti jikkonċernaw il-ħolqien ta’ infrastruttura li se tintuża mill-parteċipanti kollha tas-sistema, inklużi l-Iżlanda u n-Norveġja.

(12)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex tkun tista’ sseħħ din il-kooperazzjoni estiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Il-paragrafu 8e għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), il-kliem “il-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) u” għandhom jitħassru;

(b)il-punti (b) sa (o) għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-punt (c) sa (p);

(c)il-punt li ġej għandu jiżdied wara punt (a):

“(b)Stat tal-EFTA jista’ jsir parteċipant fil-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim speċifiku kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696.”;

(d)it-test tal-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (b) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim, wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmija taħt il-punt (b).

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, l-Iżlanda għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 98.000 (tmienja u disgħin elf) għas-snin finanzjarji 2021 sa 2024 għall-komponent ta’ GOVSATCOM. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ tliet pagamenti ndaqs, li għandhom jiġu inklużi rispettivament fis-sejħa għall-fondi għas-snin finanzjarji 2025, 2026 u 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, in-Norveġja għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 1.896.000 (miljun tmien mija u sitta u disgħin elf) għas-snin finanzjarji 2021 sa 2024 għall-komponent ta’ GOVSATCOM. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ tliet pagamenti ndaqs, li għandhom jiġu inklużi rispettivament fis-sejħa għall-fondi għas-snin finanzjarji 2025, 2026 u 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.”;

(e)fil-punt (d), il-kelma “(b)” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “(c)”;

(f)it-test tal-punt (o) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”

2.Dan li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8e:

“8f.(a)L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill- att tal-Unjoni li ġej:

-32023 R 0588: Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1).

(b)Stat tal-EFTA jista’ jsir parteċipant fil-l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim speċifiku kif imsemmi fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588.

(c)L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim, wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi taħt il-punt (b).

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, l-Iżlanda għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 510.700 (ħames mija u għaxart elef u seba’ mija) għas-snin finanzjarji 2023 u 2024. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ tliet pagamenti ndaqs, li għandhom jiġu inklużi rispettivament fis-sejħa għall-fondi għas-snin finanzjarji 2025, 2026 u 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, in-Norveġja għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 10.124.000 (għaxar miljuni mija u erbgħa u għoxrin elf) għas-snin finanzjarji 2023 u 2024. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ tliet pagamenti ndaqs, li għandhom jiġu inklużi rispettivament fis-sejħa għall-fondi għas-snin finanzjarji 2025, 2026 u 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

(d)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”

Artikolu 2

1.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2*.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   […]

   Is-Segretarji

   tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   […]

(1)    ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.
(2) *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]