IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.5.2025
COM(2025) 238 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Bulgarija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.5.2025
COM(2025) 238 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Bulgarija
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Bulgarija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Il-qafas għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u għandu fokus fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Il-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas ta’ governanza ekonomika l-ġdid. Il-pjanijiet iridu jilħqu żewġ objettivi: i) jiżguraw li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba’ jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi, jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.
(3)Wara li ġie ppreżentat il-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu għalhekk jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-BULGARIJA
(5)Fis-27 ta’ Frar 2025, il-Bulgarija ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara żewġ estensjonijiet tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Bulgarija, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi allinjat iż-żmien tal-preżentazzjoni maċ-ċiklu politiku, li jagħti lill-Bulgarija l-possibbiltà li tippreżenta pjan ibbażat fuq impenn politiku sod.
Proċess qabel ġie ppreżentat il-pjan
(6)Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħha, il-Bulgarija talbet informazzjoni teknika 5 , li l-Kummissjoni pprovdiet fl-24 ta’ Jannar 2025, u ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2025 6 . L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, anki fin-nuqqas ta’ miżuri baġitarji ulterjuri lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istati Membri permezz ta’ żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għall-Bulgarija tistabbilixxi li, sabiex tikkonforma mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, il-bilanċ primarju strutturali jenħtieġ li jammonta għal mill-inqas 2,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028) fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali jammonta għal mill-inqas 0,9 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhijiex rekwiżit għall-Bulgarija.
Tabella1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lill-Bulgarija
|
L-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament |
2028 |
|
Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
-2,1 |
|
Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
-0,9 |
Sors: Il-kalkoli tal-Kummissjoni.
(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Bulgarija u l-Kummissjoni daħlu fi djalogu tekniku f’Settembru u Ottubru 2024 u f’Jannar u Frar 2025 7 . Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Bulgarija u s-suppożizzjonijiet sottostanti (b’mod partikolari t-tkabbir potenzjali u l-inflazzjoni), kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.
(8)Fi Frar 2025, f’konformità mal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija fil-pjan tagħha, il-Bulgarija kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija fil-pjan tagħha, il-pjan ġie kkonsultat ma’ ħafna partijiet ikkonċernati, li varjaw minn sħab soċjali sa rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi, organizzazzjonijiet tan-negozju u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
(9)Il-pjan ġie adottat mill-Kunsill tal-Ministri tal-Bulgarija fis-26 ta’ Frar 2025 u ntbagħat lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija.
Proċessi relatati oħra
(10)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Bulgarija serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 8 .
(11)Fil-25 ta’ Frar 2025, il-Bulgarija ressqet talba għal valutazzjoni tal-konverġenza skont l-Artikolu 140(1) TFUE bil-ħsieb li possibbilment tidħol fiż-żona euro fl-1 ta’ Jannar 2026. Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni, ippubblikata fl-4 ta’ Ġunju 2025, qieset ukoll il-kriterju tal-finanzi pubbliċi.
(12)Fit-2 ta’ Mejju 2025, il-Bulgarija talbet l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali biex takkomoda nfiq ogħla għad-difiża, f’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 u wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C(2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025.
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
(13)F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Kuntest: is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali u l-prospetti
(14)L-attività ekonomika fil-Bulgarija kibret bi 2,8 % fl-2024, xprunata mill-konsum privat. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-PDG reali huwa mistenni jikber bi 2,9 % fl-2025, hekk kif l-esportazzjonijiet u l-investiment pubbliku jiżdiedu. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni jikber bi 3 %, hekk kif l-investiment ikompli jaċċellera, u komponenti oħra tad-domanda jżommu rati ta’ tkabbir stabbli. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri fl-2025-2026), it-tkabbir potenzjali tal-PDG fil-Bulgarija huwa mistenni li jibqa’ relattivament b’saħħtu, għalkemm għan-niżla, xprunat minn investiment qawwi, parzjalment paċut minn xejriet demografiċi negattivi. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 4,2 % fl-2024, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tkun 4 % fl-2025 u 3,8 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 6,5 % fl-2024 għal 2,3 % fl-2025, u 2,8 % fl-2026.
(15)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Bulgarija ammonta għal 3 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni jilħaq 2,8 % tal-PDG fl-2025 u, taħt suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, li jibqa’ 2,8 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea ma inkludiex l-abbozz tal-baġit tal-Bulgarija għall-2025, li l-Assemblea Nazzjonali adottat fl-21 ta’ Marzu 2025. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 24,1 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni jonqos għal 23,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u jerġħa jitla’ għal 24,5% fl-aħħar tal-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali qabel ma jkunu sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
(16)Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tal-Bulgarija fuq terminu medju jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba’ snin.
(17)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(18)Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta’ 4,9 % matul is-snin 2025-2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta’ aġġustament lineari) hija konsistenti ma’ tkabbir medju nett fin-nefqa ta’ 5,1 % matul il-perjodu ta’ aġġustament 2025-2028. Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta’ -1,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Dan huwa ogħla mil-livell minimu tal-bilanċ strutturali primarju ta’ -2,1 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fl-24 ta’ Jannar 2025 9 .
Tabella 2: Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Bulgarija
|
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025-2028 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
6,2 |
4,9 |
4,4 |
4,0 |
4,9 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
6,2 |
11,4 |
16,3 |
21,0 |
m.a. |
|
Tkabbir tal-PDG potenzjali (%) |
2,8 |
2,6 |
2,5 |
2,4 |
2,6 |
|
Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
3,9 |
2,6 |
2,3 |
2,1 |
3,5 |
Sors: Il-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Bulgarija u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan tad-dejn tal-gvern estiż
(19)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment matul il-perjodu ta’ aġġustament minn 24,2 % fl-2024 għal 30,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, skont it-tabella li ġejja. Fuq terminu medju, li jfisser 10 snin wara tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, dan jista’ jimplika żieda gradwali fid-dejn tal-gvern estiż sa 45,3 % fl-2038.
Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi fil-bilanċ fil-pjan tal-Bulgarija
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2038 |
|
|
Id-dejn tal-Gvern (% tal-PDG) |
24,2 |
25,8 |
27,4 |
29,1 |
30,8 |
45,3 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
-3,0 |
-3,0 |
-2,9 |
-2,9 |
-2,9 |
-2,9 |
(1)Sors: Il-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Bulgarija
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa’ sew taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan tal-bilanċ tal-gvern estiż
(20)Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż se jonqos bi ftit għal 2,9 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż mhux se jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern mhux se jaqbeż it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
(21)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lill-Bulgarija fl-24 ta’ Jannar 2025. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal sitt varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq għall-bilanċ primarju strutturali fl-2024, it-tkabbir potenzjali tal-PDG, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, il-punt tat-tluq għall-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2024, ir-rati tal-imgħax impliċiti nominali u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi. Valutazzjoni ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Il-valutazzjoni tqis ir-rilaxx tad-data tal-eżitu għall-2024 wara s-sottomissjoni tal-pjan, li ċċaqlaq is-sena bażi tar-rakkomandazzjoni għall-2024.
Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza kkunsidrata waħedha.
·Il-pjan jassumi bilanċ primarju strutturali ta’ -2,5 % tal-PDG fl-2024, li huwa 0,4 pp inqas mill-bilanċ primarju strutturali preżunt fil-gwida minn qabel. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir fin-nefqa netta medja fil-pjan aktar baxx matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni aktar negattiva dwar il-bilanċ primarju strutturali, li tissarraf fl-istennija ta’ defiċit fiskali nominali ogħla ta’ 3 % tal-PDG fl-2024, tirrifletti l-aħħar data disponibbli dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit. Minn dak iż-żmien ’l hawn dan ir-riżultat tad-defiċit nominali fl-2024 ġie kkonfermat. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan iqis li r-rata tal-imgħax impliċita nominali żdiedet fl-2024 u jassumi li se tibqa’ ogħla mil-livelli fil-gwida minn qabel. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir fin-nefqa netta medja fil-pjan aktar baxx matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Ir-rati tal-imgħax huma kkalkulati abbażi tal-pagamenti tal-imgħax attwali u l-livelli tad-dejn tal-gvern u jqisu r-rati tal-imgħax fuq id-dejn il-ġdid maħruġ fl-2024 u f’Jannar 2025. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jassumi tkabbir potenzjali tal-PDG inqas minn dak tal-gwida minn qabel fl-2024 iżda ogħla mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni fl-2025-2033, li jirriżulta fi tkabbir potenzjali medju tal-PDG ta’ 2 % fl-2025-2038, meta mqabbel ma’ 1,9 % fil-gwida minn qabel. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir fin-nefqa netta medja kemxejn ogħla (approssimament b’0,1 %) matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Bulgarija tgħid fil-pjan tagħha li d-differenza hija spjegata l-aktar minn taħlita ta’ rati ogħla ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tkabbir fl-investiment, b’mod partikolari fis-settur pubbliku. Iċ-ċifri preliminari tal-impjiegi għall-2024 huma ogħla milli previst fit-tbassir tal-ħarifa 2024 tal-Kummissjoni,u dan jissuġġerixxi li d-devjazzjoni fl-input tax-xogħol għal tkabbir potenzjali hija ġġustifikata. Is-suppożizzjoni tal-investiment pubbliku fil-pjan hija intrinsikament immotivata mill-politika u tidher li hija konformi mal-orjentazzjonijiet ta’ politika kif ikkonfermat ukoll fil-Baġit adottat tal-2025. B’mod ġenerali, id-devjazzjoni bbażata fuq dawn iż-żewġ fatturi hija meqjusa ġustifikata.
·Il-pjan jassumi li t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG ta’ 6,4 % fl-2024, 1,6 pp ogħla mill-gwida minn qabel, fl-2025 se jibqa’ ogħla mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u mbagħad jaqa’ taħt il-valur fil-gwida minn qabel fl-2026. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir fin-nefqa netta medja kemxejn ogħla (approssimament b’0,1 %) matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-deflatur ogħla tal-PDG fl-2024 huwa ġġustifikat mill-aħħar ċifri tal-kontijiet nazzjonali li juru żieda fid-deflatur tal-PDG aktar b’saħħitha fl-2024, meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Fl-2025, id-devjazzjoni mill-gwida minn qabel tista’ tiġi spjegata mill-effett ta’ riport mid-deflatur ogħla tal-PDG fit-tieni nofs tal-2024. Fir-rigward tal-2025, la s-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u lanqas il-pjan Bulgaru ma qiesu bis-sħiħ ir-restawr tar-rati tal-VAT għall-ħobż, id-dqiq u s-servizzi tar-ristoranti, żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u żidiet oħra fil-prezzijiet f’Jannar 2025. Ir-riflessjoni ta’ dawn l-iżviluppi twassal għal tkabbir fin-nefqa netta medja ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament. Fir-rigward tal-2026, id-deflatur aktar baxx tal-PDG fil-pjan, meta mqabbel mal-gwida minn qabel, huwa attribwibbli għal suppożizzjoni ta’ żidiet aktar moderati fil-pagi. Iż-żidiet aktar baxxi fil-pagi għall-2026 fil-pjan jirriflettu r-rati ta’ parteċipazzjoni ogħla preżunti li huma ġġustifikati mir-rati ogħla ta’ parteċipazzjoni rreġistrati għall-2024, meta mqabbla mal-gwida minn qabel. Konsegwentement, is-suppożizzjonijiet dwar deflaturi ogħla tal-PDG fl-2024 u fl-2025 u deflatur tal-PDG aktar baxx fl-2026 jitqiesu li huma ġustifikati kif xieraq.
Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet dwar id-dejn u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi u r-rilaxxi reċenti tal-indikaturi makrofiskali rilevanti ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.
Meħuda flimkien id-differenzi fis-suppożizzjonijiet iwasslu għal tkabbir fin-nefqa netta medja fil-pjan li huwa aktar baxx mit-tkabbir medju tan-nefqa netta implikat mill-informazzjoni teknika.
Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.
Strateġija fiskali tal-pjan
(22)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta se jitwettqu prinċipalment permezz ta’ miżuri diskrezzjonali li jżidu d-dħul. Fuq in-naħa tad-dħul, il-miżuri għat-titjib tal-konformità u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, huma fost l-elementi ewlenin li jsostnu l-miri fiskali. Miżuri ta’ dħul addizzjonali huma mistennija li jwasslu għal żidiet fil-kontribuzzjonijiet soċjali, inklużi żidiet fil-livell limitu tal-introjtu massimu assigurabbli u żidiet ippjanati fis-snin ta’ servizz qabel l-irtirar. Fl-aħħar nett, il-pjan jirreferi għal żidiet ippjanati fid-dazji tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti tat-tabakk. Ma hemm l-ebda miżura sinifikanti ta’ konsolidazzjoni fuq in-naħa tan-nefqa, filwaqt li huma ppjanati aktar żidiet f’konformità max-xejriet reċenti.
(23)L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ politika li għandhom jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Xi miżuri ġew speċifikati fil-baġit tal-2025, adottat mill-Assemblea Nazzjonali fl-21 ta’ Marzu 2025, filwaqt li oħrajn huma mistennija li jiġu kkonfermati fil-baġits li ġejjin. Il-miżuri ppjanati għall-2025 jinkludu, fuq in-naħa tad-dħul, żieda fl-introjtu massimu tal-assigurazzjoni, żieda fir-rata tad-dazju fuq it-tabakk u l-prodotti tat-tabakk, is-sisa kif ukoll it-tneħħija tar-rati mnaqqsa tal-VAT għal diversi kategoriji ta’ oġġetti u servizzi. Fuq in-naħa tan-nefqa, huma ppjanati żidiet għas-salarji fil-qasam tad-difiża u għall-persunal f’organizzazzjonijiet baġitarji Żidiet fin-nefqa fuq il-pensjonijiet huma ppjanati, marbuta fost l-oħrajn maż-żieda fl-għadd ta’ pensjonijiet ġodda li ngħataw u fis-supplimenti tal-pensjonijiet. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, minħabba nuqqas ġenerali ta’ dettall dwar it-tfassil tal-istrateġija indikattiva, il-prevedibbiltà baxxa tad-dħul li ġej minn miżuri għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll id-dipendenza fuq sorsi ta’ finanzjament ad hoc bħal dividendi minn intrapriżi tal-Istat.
L-intenzjonijiet ta’ riforma u ta’ investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
(24)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika dwar ir-riformi u l-investimenti biex jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs u biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi aktar minn 120 riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom aktar minn 60 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u 40 mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (QFP) 10 . Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan huma bbażati wkoll fuq dokument ta’ strateġija tal-gvern eżistenti “Programm ta’ Żvilupp Nazzjonali tal-Bulgarija 2030”.
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi diversi miżuri miġbura taħt intestaturi ta’ politika bħall-għoti ta’ spinta lill-konnettività tat-trasport, l-enerġija, il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni, it-tisħiħ tal-ħiliet fl-edukazzjoni u l-impjiegi, il-provvista tal-ilma u t-trattament tal-ilma mormi, u l-ambjent klimatiku u l-agrikoltura. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw, fost l-oħrajn, is-CSRs dwar l-effiċjenza enerġetika maħruġa fl-2022 u fl-2023, dwar l-effiċjenza enerġetika u l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali maħruġa fl-2023 u fl-2024, dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2022, fl-2023 u fl-2024, dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp reġjonali u s-servizzi pubbliċi lokali maħruġa fl-2019, dwar it-trasport u l-iżvilupp reġjonali maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2023 u fl-2024, dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2023, fl-2024.
(25)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi diversi riformi u investimenti li jkopru oqsma ta’ politika differenti mill-finanzi pubbliċi sostenibbli, l-ekonomija u l-ambjent tan-negozju, it-tisħiħ tal-ġustizzja, il-governanza u l-integrità finanzjarja, it-tisħiħ tal-konnettività tat-trasport, l-enerġija, il-promozzjoni tas-saħħa u l-inklużjoni soċjali, il-ħiliet edukattivi u l-impjiegi. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw, fost l-oħrajn, is-CSRs dwar il-kura tas-saħħa maħruġa fl-2019 u fl-2020, dwar il-politiki tas-suq tax-xogħol maħruġa fl-2019 u fl-2020, dwar l-edukazzjoni, in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs maħruġa fl-2020 u fl-2024, dwar l-aċċess għall-finanzi u l-finanzjament tat-tkabbir maħruġa fl-2020, dwar il-qafas baġitarju u l-governanza fiskali maħruġa fl-2020, fl-2022 u fl-2023, dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2023 u fl-2024, dwar l-ambjent tan-negozju maħruġ fl-2019 u fl-2020, dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2022, fl-2023 u fl-2024, dwar it-trasport u l-iżvilupp reġjonali maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2023 u fl-2024, dwar l-amministrazzjoni, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa maħruġa fl-2019.
(26)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riformi u investimenti biex tiġi żgurata l-indipendenza enerġetika filwaqt li fl-istess ħin jiġi dekarbonizzat is-settur tal-enerġija. Il-pjan jinkludi riformi li jippromwovu l-adozzjoni ta’ prinċipji tas-suq fis-settur tal-enerġija, inkluż billi jilliberalizzaw is-suq tal-elettriku, riformi u investimenti biex jiddifferenzjaw il-provvista u jtejbu r-rabtiet mal-pajjiżi ġirien, u biex jippromwovu l-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija rinnovabbli. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw, fost l-oħrajn, is-CSRs dwar l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2022, fl-2023 u fl-2024, dwar l-effiċjenza enerġetika maħruġa fl-2022 u fl-2023, dwar l-effiċjenza enerġetika u l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali maħruġa fl-2023 u fl-2024. Il-pjan ma jinkludix miżuri biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2019 dwar it-titjib tal-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat u miżuri biex jiġu indirizzati s-CSRs tal-2019 u tal-2020 dwar is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus. Madankollu, dawn huma koperti minn miżuri skont l-impenji ta’ wara d-dħul fl-RRP u l-ERMII. Il-pjan ukoll ma jinkludix miżuri biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2019 dwar l-infurzar tas-superviżjoni fil-livell tal-grupp fis-settur finanzjarju mhux bankarju u dwar l-indirizzar tad-dgħufijiet strutturali tas-settur tal-assigurazzjoni tal-karozzi.
(27)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jinkludi investimenti fil-modernizzazzjoni u l-akkwist ta’ kapaċitajiet militari ġodda f’konformità mal-Programm ta’ Investiment fid-Difiża, pjan adottat mill-Assemblea Nazzjonali u li jkopri perjodu ta’ żmien sal-2032.
(28)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-RRP tal-Bulgarija. Il-pjan jagħmel referenzi xierqa għall-miżuri inklużi fl-RRP u fil-QFP u jressaq miżuri addizzjonali oħra li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali.
(29)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Bulgarija relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-UE ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusta, inkluża l-koerenza mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-klima, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment marbuta mal-ħames oqsma ta’ prijorità identifikati fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima għall-2021-2030 imħejji skont ir-Regolament 2018/1999, jiġifieri: 1) id-dekarbonizzazzjoni, 2) l-effiċjenza enerġetika, 3) is-sigurtà tal-enerġija, 4) is-suq intern tal-enerġija u 5) ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Barra minn hekk, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment marbuta mal-adattament għat-tibdil fil-klima. Fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ investiment għar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-ħiliet, l-impjiegi, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-kura fit-tul, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment biex jiġu diversifikati s-sorsi u r-rotot tal-provvista tal-gass naturali, inkluż billi tiġi żviluppata l-infrastruttura; ħtiġijiet oħra jikkonċernaw l-impjanti idroelettriċi u l-impjanti tal-enerġija li jżommu f’wiċċ l-ilma, l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-elettriku, u l-kapaċità tal-ħżin tal-elettriku. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-UE li tibni l-kapaċitajiet ta’ difiża kif meħtieġ, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment fil-modernizzazzjoni tal-forzi armati tal-pajjiż.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
(30)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Bulgarija jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
(31)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan jenħtieġ li jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Bulgarija mill-2025.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-BULGARIJA
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)
Il-Bulgarija
|
Sena |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
6,2 |
4,9 |
4,4 |
4,0 |
|
Kumulattivi (*) |
6,2 |
11,4 |
16,3 |
21,0 |
|
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024. Ir-rati ta’ tkabbir kumulattiv jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta’ kontroll.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
Id-djalogu twaqqaf għal ftit biex iż-żmien tal-preżentazzjoni tal-pjan jiġi allinjat maċ-ċiklu politiku u jagħti lill-Bulgarija l-possibbiltà tippreżenta pjan ibbażat fuq impenn politiku sod.