IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 215 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Litwanja
{SWD(2025) 215 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 215 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Litwanja
{SWD(2025) 215 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Litwanja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv, u reżiljenza permezz tar-riformi u tal-investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 2 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.
(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija.
(4)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Litwanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja 5 , li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fid-9 ta’ Novembru 2023 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Litwanja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.
(5)Fi [data] il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Litwanja 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263 u jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2029, u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.
(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju tal-2025 tal-Litwanja. Fl-istess data, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 8 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. B’ħarsa lejn il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva u favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun xprun għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.
(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal-Litwanja. F’dan ġie vvalutat il-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Litwanja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Litwanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali
(11)Fi [data] 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal-Litwanja: 6,1 % fl-2025, 5,2 % fl-2026, 4,8 % fl-2027, 4,5 % fl-2028, u 4,3 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2024 ta’ 6,1 % fl-2025, 11,6 % fl-2026, 17,0 % fl-2027, 22,3 % fl-2028, u 27,5 % fl-2029. Fit-30 ta’ April 2025 il-Litwanja ppreżentat ukoll ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 9 , dwar id-data u l-projezzjonijiet tal-eżitu fiskali rilevanti u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Litwanja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE, biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq għad-difiża. Din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Litwanja fit-2 ta’ Mejju 2025, fi [data] il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil-Litwanja tiddevja minn ir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta, u taqbiżhom 10 .
(13)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 11 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja żdied minn 0,7 % tal-PDG fl-2023 għal 1,3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 37,3 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 38,2 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 10,7 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali l-Litwanja tistma li t-tkabbir tan-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 10,5 %. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 12 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet espansjonarja, b’1,6 % tal-PDG, fl-2024.
(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji tal-Litwanja jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,8 % fl-2025 u ta’ 1,5 % fl-2026, filwaqt li jipprojetta l-inflazzjoni tal-HICP (harmonised index of consumer prices) għal 3,3 % fl-2025 u għal 2,4 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’2,8 % fl-2025 u 3,1 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,6 % fl-2025 u 1,2 % fl-2026.
(15)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jiżdied għal 42,4 % fi tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 9,9 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 2,3 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fl-infiq tal-gvern fuq il-benefiċċji soċjali, l-investimenti pubbliċi, il-konsum intermedju, il-kumpens lill-impjegati u n-nefqa fl-imgħax. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 9,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet aktar baxxi tat-tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali u d-differenza bejn il-bilanċ tal-gvern estiż ipprojettat mill-Kummissjoni u mil-Litwanja huma dovuti għal projezzjoni aktar baxxa tan-nefqa tal-gvern estiż fuq il-konsum intermedju u l-investiment fit-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’1,7 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż għandu jiżdied għal 41,2 % sa tmiem l-2025, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-baġit, kif ukoll l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi.
(16)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,5 % tal-PDG fl-2024, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħallu impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Litwanja.
(17)In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fil-Litwanja ammontat għal 1,8 % tal-PDG fl-2021, 2,1 % fl-2022, u 2,5 % fl-2023 13 . Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata għal 2,8 % tal-PDG fl-2024 u għal 3,2 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) tippermetti lil-Litwanja biex tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern, biex in-nefqa ogħla għad-difiża sservi fit-tul u ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju.
(18)Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni n-nefqa netta fil-Litwanja hija pprojettata li tikber b’9,0 % fl-2025. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Litwanja fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 14 ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2025. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fil-firxa tal-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fuq id-difiża.
(19)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,3 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,8 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 43,9 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment il-bilanċ negattiv tal-gvern estiż u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi.
Sfidi ewlenin tal-politika
(20)L-infiq tal-gvern fuq is-servizzi pubbliċi u l-protezzjoni soċjali fil-Litwanja għadhom fost l-aktar baxxi fl-UE u jillimitaw l-aċċess f’waqtu u ekwu għall-kura tas-saħħa, għall-protezzjoni soċjali u għal servizzi tal-amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja. Fl-2023, l-infiq fuq il-protezzjoni soċjali kien ta’ 14,0 % tal-PDG, kważi sitt punti perċentwali inqas mill-medja tal-UE ta’ 19,8 % fl-2023. Barra minn hekk, l-effiċjenza tal-infiq fuq il-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari fuq il-politiki dwar il-mard u d-diżabilità, tidher li hija limitata. Fl-2023 il-Litwanja allokat 3,7 % tal-PDG tagħha għall-pagamenti u l-miżuri dwar il-mard u d-diżabilità, ir-raba’ l-ogħla rata fl-UE. Madankollu, minkejja prevalenza simili ta’ diżabilitajiet (27,4 % tal-popolazzjoni totali tal-Litwanja fl-2023 vs 26,8 % fl-UE), il-Litwanja kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ riskju ta’ faqar għall-persuni b’diżabilità fl-UE fl-2023. Qasam ta’ politika ieħor sottofinanzjat b’mod kritiku huwa l-kura tas-saħħa, li fl-UE jirċievi s-sitt l-aktar finanzjament baxx tal-gvern estiż, li jammonta għal 5,3 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 7,4 % fl-2023. Riżorsi finanzjarji inadegwati għall-kura tas-saħħa jirriżultaw f’livelli għoljin ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati għall-pazjenti u b’mod partikolari għal gruppi b’introjtu baxx, dipendenza qawwija fuq pagamenti mill-but u l-inabbiltà li jiġu offruti salarji u kundizzjonijiet kompetittivi lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Is-servizzi pubbliċi ġenerali (bħas-servizzi tal-amministrazzjoni ġenerali tal-istat u tal-muniċipalità) huma wkoll sottofinanzjati u rċevew t-tielet l-aktar livell baxx ta’ finanzjament fl-UE fl-2023 (3,4 % tal-PDG, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 6,0 %).
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tlestija tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Litwanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Litwanja tħaffef fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti, bħall-kooperazzjoni limitata fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(22)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), tħaffet fil-Litwanja. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Litwanja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Litwanja għadha qed tiffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u l-ġlieda kontra d-disparitajiet reġjonali, l-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, kif ukoll il-provvista tal-ħiliet, speċjalment minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Litwanja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-1 ta’ April 2025 15 testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu wara l-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibbiltajiet li jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni u l-inċentivi tal-programm għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
(23)Il-pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa l-investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Il-Litwanja tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura tat-teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Litwanja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises), l-ixprunar tal-iżvilupp reġjonali, it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika u l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, u l-indirizzar tad-disparitajiet fl-edukazzjoni u fil-ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol.
(25)It-tkabbir ekonomiku tal-Litwanja huwa limitat minn kundizzjonijiet restrittivi ta’ self u użu limitat ta’ finanzjament estern, b’riskji ġeopolitiċi akbar fir-reġjun li jikkontribwixxu wkoll għal dawn l-effetti negattivi. Is-settur bankarju Litwan huwa kkonċentrat ħafna, ir-rati tas-self huma għoljin u r-rekwiżiti kollaterali huma stretti. Mill-2024 ’l hawn 13,7 % tad-ditti baqgħu limitati finanzjarjament, li rrifletta ruħu fi proporzjon ta’ self għall-PDG baxx mill-banek ta’ 33,5 %, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 74,5 %. Barra minn hekk, is-swieq kapitali Litwani għadhom sottożviluppati, ikkaratterizzati minn profondità, attività u likwidità limitati. Sa tmiem l-2024, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità kienet ta’ 5,9 % tal-PDG, ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 69,3 %, u n-negozji, f’dak li jirrigwarda l-finanzjament estern tagħhom, li diġà huwa limitat, ikomplu jiddependu fuq l-intermedjazzjoni tal-banek aktar milli jattiraw finanzjament permezz ta’ ħruġ ta’ stokks u bonds. Din id-dipendenza fuq il-banek tradizzjonali tillimita l-opportunitajiet ta’ investiment u tnaqqas l-interess mill-investituri. Minkejja xi wegħdiet fis-settur tal-kapital ta’ riskju, bin-negozji ġodda jiġbru EUR 292 miljun fl-2023, l-investimenti ta’ ekwità privata għadhom taħt l-istandards tal-UE.
(26)Il-bidliet ippjanati fl-iskema tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru joħolqu riskji relatati mal-iżvilupp ulterjuri tas-swieq kapitali Litwani. Il-Ministeru Litwan għas-Sigurtà Soċjali u x-Xogħol ippreżenta proposta biex jabolixxi r-reġistrazzjoni awtomatika tal-parteċipanti fl-iskema tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, u b’hekk mexa lejn mudell fuq “bażi volontarja”, u biex jippermetti opzjonijiet ta’ rtirar estensivi b’kundizzjonijiet laxki. Bħalissa, il-fondi Litwani tat-tieni pilastru akkumulaw għal madwar EUR 9,1 biljun (11,6 % tal-PDG) fi ffrankar, li minnhom madwar EUR 1 biljun huma investiti fis-suq nazzjonali. Mudell fuq bażi volontarja flimkien ma’ azzjonijiet oħra ta’ politika x’aktarx li jnaqqas il-livell ta’ tfaddil fil-Litwanja, li jista’ jimmina l-iżvilupp tas-swieq kapitali u jikkomplika l-aċċess għall-finanzi.
(27)Il-Litwanja tesperjenza livelli baxxi ta’ attività innovattiva, u għal indikaturi differenti tar-R&I għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE. L-intensità tar-R&Ż fil-Litwanja (madwar 1 % tal-PDG) hija ferm taħt il-medja tal-UE (2,25 %), prinċipalment ikkawżata minn investiment tan-negozji baxx fir-R&Ż, li naqas għal 0,44 % tal-PDG fl-2023, tliet darbiet inqas mill-medja tal-UE. Bl-istess mod, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal privattivi għadu tliet darbiet taħt il-medja tal-UE. L-inċentivi għar-R&Ż tal-Litwanja, inkluż it-tnaqqis tat-taxxa u r-rati mnaqqsa, kellhom impatt limitat, b’użu baxx fost l-SMEs. B’mod partikolari, ditti żgħar u li għadhom kif twaqqfu spiss ma jkunux profittabbli biżżejjed biex jibbenefikaw mill-inċentivi, jew jagħżlu li jevitaw il-piż amministrattiv li għandhom l-applikazzjoni u l-ikkwalifikar għalihom. Hemm bżonn li l-inċentivi jiġu rieżaminati u ssimplifikati biex isiru aktar attraenti u aċċessibbli għall-SMEs, biex jiġi appoġġat l-investiment privat fir-R&Ż.
(28)Ir-rata ta’ kopubblikazzjonijiet xjentifiċi pubbliċi-privati tal-Litwanja baqgħet fost l-aktar baxxi fl-UE għal dawn l-aħħar 10 snin, li tindika rabtiet dgħajfa bejn ix-xjenza u n-negozju. Fattur importanti huwa l-bażi tax-xjenza frammentata tal-Litwanja, b’attivitajiet ta’ riċerka mifruxin f’universitajiet differenti u f’ħafna kulleġġi żgħar, li spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jipparteċipaw fi proġetti tan-negozju. Filwaqt li r-riorganizzazzjoni tal-kulleġġi għadha għaddejja, ma hemm l-ebda inċentiv finanzjarju fis-seħħ għall-universitajiet biex jgħaqqdu u jiġbru flimkien ir-riżorsi biex tiżdied il-kollaborazzjoni fl-attivitajiet ta’ riċerka. Jenħtieġ li tali inċentivi jiġu żgurati biex jiġi ottimizzat in-network universitarju u tintlaħaq skala suffiċjenti fl-eċċellenza xjentifika, li min-naħa tagħha tiffaċilita l-kollaborazzjonijiet bejn ix-xjenza u n-negozju.
(29)Ir-reġistrazzjoni fl-edukazzjoni postsekondarja, speċjalment f’oqsma bħall-inġinerija u l-manifattura, naqset b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar ftit snin, u b’hekk kibret id-diskrepanza fil-ħiliet. Il-Gvern Litwan ħa passi biex jindirizza dan, iżda għad hemm spariġġi fil-ħiliet, b’76 % tad-ditti jsemmu n-nuqqas ta’ persunal b’ħiliet xierqa bħala ostaklu għall-investiment fit-tul.
(30)Id-differenzi reġjonali għadhom jippersistu fil-Litwanja, iggravati minn xejriet li jvarjaw bejn ix-xogħol u l-produttività. Bejn l-2014 u l-2024, il-produttività kibret b’madwar 20 % f’Vilnius u f’żoni urbani ewlenin oħra iżda b’7 % biss f’kontej aktar remoti, b’differenzi dejjem akbar fil-PDG per capita, fl-innovazzjoni u fl-impjiegi b’livell għoli ta’ ħiliet. Is-settur tat-teknoloġija avvanzata jammonta għal 10 % tal-impjiegi totali f’Vilnius, meta mqabbel ma’ 2,7 % biss fi bnadi oħra. Ir-reġjuni urbani jattiraw forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u investiment b’valur miżjud għoli, filwaqt li l-bqija tal-pajjiż tibqa’ prinċipalment magħmula minn mikrointrapriżi f’setturi bi prestazzjoni baxxa, li jillimita l-effetti konsegwenzjali tal-produttività u l-introjtu mit-taxxa lokali, u b’hekk issir diffiċli għall-muniċipalitajiet remoti biex jipprovdu kura tas-saħħa, edukazzjoni u servizzi pubbliċi oħra ta’ kwalità b’mod effiċjenti. Il-Litwanja għandha l-potenzjal li ttejjeb il-konnettività reġjonali, tattira l-investiment u ssaħħaħ il-kooperazzjoni intermuniċipali. Żoni industrijali mmirati, inċentivi kompetittivi u programmi ta’ taħriġ speċjalizzat urew li jattiraw investiment barrani u jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalità. Ir-rieżami tal-qafas legali u istituzzjonali għall-kooperazzjoni intermuniċipali u l-kjarifika tal-istrateġiji reġjonali – b’kooperazzjoni aktar b’saħħitha fost il-muniċipalitajiet, il-gvern ċentrali, il-fornituri tal-edukazzjoni u n-negozji – jgħinu biex tiġi aġġornata l-bażi ekonomika reġjonali, jiġu attirati investituri strateġiċi u jittejjeb l-għoti tas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni.
(31)Il-Litwanja għadha dipendenti fuq l-enerġija importata, minkejja żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Fl-2023, id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili ammontat għal 68 %, li hija ogħla mill-medja tal-UE ta’ 58,3 %, minkejja titjib f’dawn l-aħħar snin. F’termini ta’ elettriku disponibbli għall-konsum finali, l-importazzjonijiet netti ammontaw għal 62,4 % fl-2023, li huwa t-tieni l-ogħla sehem fl-UE. Fl-istess ħin, fl-2024, il-pajjiż żied 1 724 MW ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni (+59,6 %), xprunata prinċipalment mill-enerġija solari (+93 %) u mir-riħ (+42 %). B’riżultat ta’ dan, il-grilja tal-elettriku trid tadatta malajr biex takkomoda konnessjonijiet ġodda. Filwaqt li l-Litwanja għamlet progress fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tal-grilja – meħtieġa biex tespandi l-kapaċità tal-grilja u tiffaċilita l-aċċess – xorta tieħu ħafna aktar żmien mill-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ potenza jew ta’ domanda ġdida.
(32)Tliet kwarti tal-istokk tal-bini tal-Litwanja nbena qabel l-1992, li jwassal għal effiċjenza enerġetika baxxa u konsum għoli tal-enerġija, xprunati primarjament mill-ħtiġijiet ta’ tisħin u ta’ tkessiħ, li jammontaw għal 80 % tal-konsum totali tal-enerġija. Minkejja sforzi sinifikanti f’dawn l-aħħar snin – inklużi r-rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza enerġetika u l-appoġġ fiskali biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi – il-faqar enerġetiku fil-Litwanja għadu fost l-ogħla fl-UE, bi 18 % tal-unitajiet domestiċi ma jistgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat fl-2024, kważi d-doppju tal-medja tal-UE ta’ 9,2 %. Għaldaqstant, hemm il-potenzjal għal-Litwanja li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tad-djar, li tista’ tnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja u l-faqar enerġetiku. Reċentement, il-Litwanja għamlet sforzi biex tbaxxi t-tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils fossili, iżżid id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut tal-gass, il-faħam, il-kokk u l-linjite, tintroduċi dazji tas-sisa fuq il-pit għat-tisħin, u tinkorpora l-komponent tad-diossidu tal-karbonju fir-rati tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija. Madankollu, xorta għandha sussidji mdaqqsin għall-fjuwils fossili mingħajr l-eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B’mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili, li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b’mod immirat u lanqas ma jindirizzaw it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ifixklu l-elettrifikazzjoni u lanqas ma huma kruċjali għall-kompetittività industrijali, jistgħu jitqiesu bħala prijorità għall-eliminazzjoni gradwali. Fil-Litwanja, is-sussidji għall-fjuwils fossili bħat-taxxa tas-sisa mnaqqsa fuq il-gass naturali użat għat-tisħin min-negozji u mill-unitajiet domestiċi, u r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tisħin tal-ispazji residenzjali, huma ekonomikament ineffiċjenti, jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jiddiżinċentivaw l-elettrifikazzjoni fis-settur residenzjali.
(33)Il-Litwanja qed tiffaċċja sfidi kontinwi fit-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija ċirkolari. Fl-2023 ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari kienet biss ta’ 3,9 % – tliet darbiet inqas mill-medja tal-UE ta’ 11,8 %, u fost l-aktar ħames rati baxxi fl-UE. Filwaqt li l-Litwanja tiddependi ħafna fuq il-materja prima importata, is-sorsi tagħha huma relattivament diversifikati. Madankollu, l-impronta materjali tal-pajjiż ta’ 22,7 tunnellata għal kull persuna hija ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 14-il tunnellata għal kull persuna, u l-produzzjoni industrijali tiegħu tarmi madwar terz aktar ta’ gassijiet serra mill-medja tal-UE (360 g/EUR apparagun ta’ 270 g/EUR f’ekwivalenti ta’ CO₂), minkejja l-progress notevoli matul l-aħħar 10 snin. Għalhekk, hija ġġustifikata tranżizzjoni lejn mudell ċirkolari aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.
(34)Il-flotta tal-karozzi antika u li tniġġes tal-Litwanja għadha kontributur ewlieni għall-emissjonijiet għoljin tal-gassijiet serra tagħha u xxekkel il-konformità mal-miri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Fl-2023, 77,1 % tal-karozzi privati kellhom aktar minn 10 snin, u b’hekk il-flotta hija waħda mill-eqdem fl-UE. Fl-istess ħin 8,2 % biss tal-vetturi rreġistrati ġodda fl-2023 kienu jaħdmu bil-batteriji, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 14,5 %, li juri tranżizzjoni bil-mod lejn it-trasport b’emissjonijiet żero. Il-Litwanja għandha wkoll uħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport ibbażat fuq il-fjuwils fossili fl-UE u hija fost il-ftit pajjiżi mingħajr taxxa annwali fuq it-tniġġis tal-karozzi. In-nuqqas ta’ taxxa bħal din, flimkien ma’ infrastruttura pubblika tal-iċċarġjar li qed tiżviluppa bil-mod, idgħajfu l-inċentivi għal bidla lejn trasport aktar sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi. Sadanittant, it-trasport pubbliku għadu kkoordinat ħażin u mhux attraenti, kemm għall-fornituri kif ukoll għall-passiġġieri, bl-aktar użu baxx fl-UE; fl-2022, 92,9 % tal-vjaġġi tal-passiġġieri saru bil-karozza. Fil-biċċa l-kbira, il-muniċipalitajiet jitħallew jiżviluppaw is-sistemi tat-trasport tagħhom stess, u dan jirriżulta fi żvilupp mhux uniformi u f’nuqqas ta’ konnettività intermuniċipali u intermodali, ta’ ippjanar tal-vjaġġi u ta’ servizzi essenzjali oħra għall-passiġġieri.
(35)Is-sistema tal-kura tas-saħħa tal-Litwanja hija kkaratterizzata minn rata għolja ta’ mortalità li tista’ tiġi ttrattata u evitata, u minn stennija tal-għomor fit-twelid li hija taħt il-medja tal-UE. L-eżiti tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż huma kkaratterizzati wkoll minn rata ogħla ta’ mortalità fl-età tax-xogħol mill-medja tal-UE, u proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tiffaċċja sfidi fl-aċċess għal servizzi mediċi ta’ kwalità. Dan huwa relatat mal-firxa limitata ta’ servizzi ta’ prevenzjoni u ta’ kura ta’ livell primarju. Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, il-Litwanja għandha sehem aktar baxx ta’ nfiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa, li jirriżulta f’piż finanzjarju sproporzjonat fuq l-individwi, li jerfgħu fuqhom porzjon sinifikanti tal-kostijiet tal-kura tas-saħħa permezz ta’ pagamenti mill-but, li jiggrava d-disparitajiet soċjo-ekonomiċi fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa. Barra minn hekk, is-sistema tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż hija affettwata minn nuqqas ta’ ħaddiema tas-saħħa, b’mod partikolari f’żoni rurali, fejn id-deżerti mediċi u forza tax-xogħol tal-infermiera li qed tixjieħ għandhom impatt fuq il-forniment tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Il-Litwanja tista’ tibbenefika minn: (i) azzjoni biex tattira aktar ħaddiema tas-saħħa biex tiżdied id-disponibbiltà tagħhom; u (ii) investimenti biex issaħħaħ l-aċċess għall-kura primarja u preventiva.
(36)Is-sistema edukattiva ġenerali fil-Litwanja qed tiffaċċja sfidi persistenti, inklużi disparitajiet fil-prestazzjoni tal-istudenti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. In-nuqqas ta’ għalliema, iggravat minn forza tax-xogħol li qed tixjieħ, ifixkel il-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni. Mill-2022, kważi 40 % tal-għalliema tal-edukazzjoni ġenerali kellhom 55 sena jew aktar, li jirrappreżenta l-ogħla proporzjon fl-UE. L-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim għadha baxxa minħabba strutturi tal-pagi inadegwati u nuqqas ta’ rikonoxximent tal-esperjenza preċedenti. Ir-reviżjoni tal-istruttura tal-pagi u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-edukazzjoni urbana-rurali jistgħu jgħinu biex jiġu attirati u jinżammu aktar għalliema. Fl-istess ħin, ir-rilevanza baxxa tas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll il-frammentazzjoni fit-tbassir tal-ħiliet, jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ spariġġi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Fl-istħarriġ dwar l-Investiment tal-2024, tal-Bank Ewropew tal-Investiment, 76 % tad-ditti semmew in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ persunal kwalifikat bħala ostaklu fit-tul għall-investiment.
(37)Il-koeżistenza ta’ xi qgħad persistenti ma’ nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti setturi, bħas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, it-trasport u l-finanzi, tissuġġerixxi wkoll li l-qafas attwali ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet għandu prestazzjoni insuffiċjenti. It-tisħiħ tat-tagħlim għall-adulti, inkluż għall-persuni qiegħda, għall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u għal gruppi vulnerabbli oħra huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema, filwaqt li l-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Litwanja. Barra minn hekk, fl-2023, inqas minn 5 % tal-persuni rreġistrati mas-servizz tal-qgħad ħadu sehem f’miżuri tal-istat li jgħinuhom isibu xogħol (miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol). Dan il-porzjon ilu baxx għal snin sħaħ fil-Litwanja, li huwa rrappurtat li huwa dovut għal interess limitat fost il-persuni qiegħda li jipparteċipaw. It-tfassil aħjar tal-appoġġ offrut għall-ħtiġijiet individwali u inċentivi oħra għall-parteċipazzjoni jistgħu jżidu s-sehem ta’ persuni qiegħda koperti minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol.
(38)L-inugwaljanza fl-introjtu u l-faqar għadhom għoljin fil-Litwanja. L-introjtu gross fil-Litwanja huwa fost l-aktar imqassam b’mod inugwali fl-UE, u l-effettività tas-sistema attwali tal-benefiċċji tat-taxxa biex jitnaqqsu l-inugwaljanza fl-introjtu u l-faqar għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-UE. B’riżultat ta’ dan, l-inugwaljanza fl-introjtu wara t-taxxa u l-benefiċċji kienet għadha fost l-ogħla fl-UE fl-2024, u aktar minn kwint tal-popolazzjoni tal-Litwanja tgħix taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (AROP, at-risk-of-poverty). Il-gruppi vulnerabbli, bħall-persuni qiegħda, il-persuni b’diżabilità u l-persuni akbar fl-età (65+) huma b’mod partikolari affettwati. Minkejja t-titjib fl-adegwatezza tal-pensjonijiet, il-persuni akbar fl-età għadhom jiffaċċjaw riskji sinifikanti ta’ faqar, bin-nisa b’mod partikolari jiġu affettwati. Id-differenza bejn il-ġeneri fil-faqar fost l-anzjani kienet sostanzjali fl-2024, bir-rata tal-AROP tkun ogħla b’mod sinifikanti għan-nisa meta mqabbla mal-irġiel. Il-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw waħda mill-ogħla rati ta’ AROP (38,2 %; il-medja tal-UE: 20,7 %), li jirrifletti r-rati baxxi ta’ impjieg tagħhom, bid-differenza fl-impjiegi għall-persuni b’diżabilità fil-Litwanja tkun fost l-ogħla fl-UE. L-adegwatezza baxxa tal-benefiċċji tad-diżabilità tkompli tiggrava l-kwistjoni. L-akkomodazzjoni soċjali għadha wkoll sottożviluppata, b’persuni jistennew bħala medja bejn 5 u 6 snin għall-akkomodazzjoni soċjali. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju, tas-servizzi tal-Kummissjoni, tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 16 .
(39)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Litwanja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (3), (4), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjonijiet (1) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2025 u fl-2026 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:
1.Issaħħaħ l-infiq u l-istat ta’ tħejjija ġenerali għad-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandata mill-Kunsill fi [data], filwaqt li tagħmel użu mill-konċessjoni skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Tipprovdi finanzjament adegwat għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali. Ittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa u twessa’ l-bażi taxxabbli għal sorsi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir.
2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb il-kompetittività.
3.Ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inkluż billi tixpruna l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji u l-parteċipazzjoni fis-swieq finanzjarji u permezz ta’ reġistrazzjoni awtomatika fl-iskema tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru. Tiffaċilita l-investiment fir-R&Ż u tappoġġa l-kapaċità innovattiva, inkluż billi tirrieżamina u tissimplifika l-inċentivi tat-taxxa eżistenti għar-R&Ż, tottimizza n-network universitarju biex trawwem rabtiet bejn in-negozji u x-xjenza, u tinċentiva r-reġistrazzjoni fl-edukazzjoni postsekondarja fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics). Tindirizza d-disparitajiet reġjonali billi ttejjeb il-qafas legali u istituzzjonali biex tippromwovi l-kooperazzjoni intermuniċipali u l-iżvilupp ta’ raggruppamenti lokali biex tattira investimenti lejn ir-reġjuni, u ttejjeb l-għoti ta’ servizzi pubbliċi, inkluża l-koordinazzjoni tar-rotot u tal-mezzi tat-trasport pubbliku.
4.Tkompli tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-enerġija importata u tiżgura kapaċità suffiċjenti fil-grilja tal-elettriku u l-aċċess għaliha, bil-ħsieb li jinżamm pass mgħaġġel fl-użu tal-enerġija rinnovabbli. Tagħmel il-bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku, u tkompli tieħu azzjoni biex jitneħħew gradwalment is-sussidji mhux immirati għall-fjuwils fossili, b’mod partikolari dawk għat-tisħin. Iżżid il-produttività tar-riżorsi biex isir progress lejn ekonomija ċirkolari, billi tiffoka fuq l-effiċjenza fir-riżorsi u t-trasformazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni industrijali. Iżżid l-użu tat-trasport pubbliku u sostenibbli.
5.Tagħmel is-sistema tas-saħħa aktar reżiljenti u ttejjeb ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa billi ssaħħaħ l-aċċess għall-kura primarja u preventiva u żżid id-disponibbiltà tal-ħaddiema tas-saħħa. Tindirizza l-inugwaljanza fl-introjtu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali billi żżid il-kopertura, l-adegwatezza u l-effettività tas-sistema tal-protezzjoni soċjali, ittejjeb it-tfassil tas-sistema tat-taxxa, ittejjeb l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali u l-kwalità tagħha, u żżid l-adegwatezza tal-pensjonijiet tal-irtirar, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.
6.Ittejjeb il-kwalità, l-ekwità u l-effiċjenza tas-sistema edukattiva ġenerali, b’mod partikolari billi tindirizza d-diskrepanzi fil-kisbiet bejn iż-żoni urbani u rurali, filwaqt li żżid l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim biex tindirizza n-nuqqasijiet persistenti u t-tixjiħ fil-forza tax-xogħol. Tindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet billi żżid ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol, tippromwovi l-kisba ta’ ħiliet ekoloġiċi, ittejjeb it-tagħlim għall-adulti inkluż għall-persuni qiegħda, il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u gruppi vulnerabbli oħra, u żżid il-kopertura tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol permezz ta’ inċentivi mtejba għall-parteċipazzjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President