Brussell, 29.1.2025

COM(2025) 30 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Boxxla għall-Kompetittività tal-UE


Boxxla għall-kompetittività tal-UE

L-Ewropa għandha ħafna vantaġġi ekonomiċi, iżda trid taġixxi issa biex terġa’ tikseb il-kompetittività tagħha u tiżgura l-prosperità tagħha. L-UE għandha l-assi kollha biex tmexxi l-ekonomija globali ta’ għada. Għandha talenti uniċi u forza tax-xogħol b’ħiliet tajbin, grupp kbir ta’ kapital privat, Suq Uniku ta’ daqs kontinentali, ambjent legali stabbli u prevedibbli, stat tad-dritt u ekonomija soċjali tas-suq unika. F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa wriet kapaċità notevoli li tirreaġixxi għal sensiela ta’ kriżijiet. Hija rreżistiet il-pandemija u x-xokk enerġetiku pprovokat mir-rikatt tal-enerġija tar-Russja. Għamlet progress tanġibbli fit-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika tagħha u introduċiet politiki ġodda u strumenti ta’ finanzjament ġodda biex issostni l-irkupru u żżid it-tkabbir ekonomiku.

L-UE trid tindirizza b’mod urġenti l-ostakli li ilhom jeżistu u d-dgħufijiet strutturali li jżommuha lura. Madankollu, għal aktar minn għoxrin sena, l-Ewropa ma żammitx il-pass ma’ ekonomiji ewlenin oħra, minħabba distakk persistenti fit-tkabbir tal-produttività. L-UE waqgħet lura meta mqabbla mal-Istati Uniti fit-teknoloġiji avvanzati, filwaqt li ċ-Ċina qabdet ħafna setturi, u qed tirbaħ it-tellieqa għat-tmexxija f’ċerti oqsma ġodda ta’ tkabbir. Il-kawża ewlenija hija n-nuqqas ta’ innovazzjoni. L-Ewropa qed tonqos milli ssarraf l-ideat tagħha f’teknoloġiji ġodda u kummerċjabbli, u qed tonqos milli tintegra dawn it-teknoloġiji fil-bażi industrijali tagħha. Fl-istess ħin, ir-restrizzjonijiet domestiċi qed ixekklu l-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej li jiġġieldu lura. Dawn qed jiġu mrażżna minn prezzijiet għoljin tal-enerġija u piż regolatorju għoli. Huma jiffaċċjaw ukoll kundizzjonijiet globali dejjem aktar mhux ekwi, ikkaratterizzati mill-użu fuq skala kbira ta’ sussidji industrijali barra mill-pajjiż. L-Ewropa hija wkoll dejjem aktar dipendenti fuq inputs strateġiċi u ktajjen tal-provvista kkonċentrati ħafna.

Biex jiġi ssalvagwardjat il-ġejjieni tal-UE bħala mutur ekonomiku, destinazzjoni ta’ investiment u ċentru tal-manifattura, jenħtieġ rispons Ewropew determinat b’mod urġenti.

Ir-riskju għall-Ewropa mhuwiex biss it-tkabbir ekonomiku, iżda l-ġejjieni tal-mudell tagħha. Jekk l-Ewropa ma żżidx il-produttività tagħha, tirriskja li tintrabat fuq perkors ta’ tkabbir baxx, b’inqas introjtu għall-impjegati, inqas benesseri għal dawk żvantaġġati u inqas opportunitajiet għal kulħadd. L-Ewropa qed tiffaċċja dinja ta’ rivalità qawwija ħafna, kompetizzjoni għas-supremazija teknoloġika, u tellieqa għall-kontroll fuq ir-riżorsi. F’din id-dinja, il-kompetittività tal-Ewropa u dak li tirrappreżenta l-Ewropa huma inseparabbli.

Il-libertà, is-sigurtà u l-awtonomija tagħna se jiddependu aktar minn qatt qabel fuq il-kapaċità tagħna li ninnovaw, nikkompetu u nikbru. Dawn se jkunu l-muftieħ għall-finanzjament tat-tranżizzjonijiet teknoloġiċi u tal-enerġija tal-UE. Dawn se jiżguraw li l-mudell soċjali distintiv tagħna jibqa’ sostenibbli. U se jipprovdu r-riżorsi għall-Ewropa biex tiggarantixxi s-sigurtà tagħha u jkollha rwol globali fl-affarijiet barranin. Huwa vitali li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex in-negozji jirnexxu u li fihom kulħadd ikollu opportunità ugwali ta’ suċċess. Iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività timxi id f’id mal-għoti tas-setgħa lin-nies. L-ekonomija nadifa hija mutur b’saħħtu għal Ewropa aktar kompetittiva. L-UE trid tiżgura l-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tagħha, filwaqt li tippreserva l-ekonomija soċjali tas-suq uniku tagħha, tirnexxi fit-tranżizzjoni doppja, u tissalvagwardja s-sovranità, is-sigurtà ekonomika u l-influwenza globali tagħha. Kif wissa Mario Draghi, jekk l-Ewropa taċċetta tnaqqis ekonomiku ġestit u gradwali, tkun qed tikkundanna lilha nnifisha għal “agunija kajmana”.

Fi Frar 2024, ir-rappreżentanti tan-negozji u tat-trade unions Ewropej approvaw id-Dikjarazzjoni ta’ Antwerp li tappella għal Patt Industrijali. Ir-Rapport ta’ Letta  ( 1 ) wissa li l-Ewropa trid tingrana ħafna aktar is-Suq Uniku tagħha jekk ma tridx titlef ir-rilevanza tagħha f’dinja kkaratterizzata mill-kompetizzjoni tal-poteri l-kbar. Ir-riskju ta’ deindustrijalizzazzjoni u tbatija ekonomika kien ċentrali fid-dibattitu pubbliku madwar l-Istati Membri qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Filwaqt li jibnu fuq l-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew, il-Mexxejja tal-UE adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Budapest li tappella għal Patt dwar il-Kompetittività għall-Ewropa.

Ir-Rapport ta’ Draghi ( 2 ), imħejji fuq talba tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen, ipprovda analiżi qawwija tal-previżjoni tal-Ewropa. Ir-Rapport iwissi li l-Ewropa mhux se tkun tista’ tibqa’ tiddependi fuq ħafna mill-fatturi li appoġġjaw it-tkabbir fl-imgħoddi: domanda esterna qawwija xprunata minn sistema kummerċjali globali miftuħa, aċċess għal enerġija mill-fjuwils fossili rħisa u abbundanti, u d-“dividend tal-paċi” pprovdut minn perjodu ta’ stabbiltà ġeopolitika relattiva, li ppermettew lill-gvernijiet tal-UE jonfqu fuq prijoritajiet oħra. L-Ewropa qed titlef il-muturi tat-tkabbir tagħha fil-mument stess meta qed tiffaċċja ħtiġijiet kbar ta’ investiment biex timmodernizza l-ekonomija tagħha, tiffinanzja t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u tiżgura s-sigurtà tagħha. Ir-Rrapport ta’ Draghi jistabbilixxi dijanjożi ċara u jipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti biex l-Ewropa titqiegħed fuq trajettorja differenti. Wasal iż-żmien li ngħaddu għall-azzjoni.

Il-Kummissjoni l-ġdida għandha mandat politiku ambizzjuż, ibbażat fuq il-Linji Gwida Politiċi tal-President, biex tkun Kummissjoni għat-tkabbir u l-investiment. Il-kompetittività hija l-qofol ta’ dan il-mandat. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi boxxla li se tiggwida l-ħidma fil-ħames snin li ġejjin u telenka azzjonijiet ta’ prijorità biex jerġa’ jitkebbes id-dinamiżmu ekonomiku fl-Ewropa.

Mudell ġdid ta’ kompetittività bbażat fuq produttività mmexxija mill-innovazzjoni

Ir-rapport ta’ Draghi juri li l-innovazzjoni trid tkun fil-qalba tat-tiġdid Ewropew, filwaqt li jitneħħew restrizzjonijiet oħra li jżommu lura t-tkabbir. L-istruttura industrijali tal-Ewropa saret statika, iddominata minn setturi tradizzjonali li jonfqu inqas fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni mis-setturi mmexxija mit-teknoloġija fl-Istati Uniti, u bi ftit negozji ġodda li jilħqu massa kritika b’teknoloġiji rivoluzzjonarji ġodda ( 3 ). Bil-popolazzjoni tagħha li mistennija tonqos, l-Ewropa ma tistax isserraħ fuq żieda fl-inputs tax-xogħol biex tixpruna t-tkabbir futur. Għalhekk, il-produttività trid terġa’ tingħata l-ħajja billi nimxu lejn il-fruntiera tal-innovazzjoni u ninvestu fil-ħiliet, mhux billi nrażżnu l-pagi.

Fl-istess ħin, l-Ewropa trid tiffaċċja brejkijiet potenzjali oħra fuq il-kompetittività tagħha. It-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata trid tkun favur il-kompetittività u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, filwaqt li l-bidla lejn sorsi tal-enerġija aktar nodfa trid tnaqqas il-kostijiet tal-enerġija u l-volatilità tal-prezzijiet. Ir-regolamentazzjoni tal-UE għandha tkun proporzjonata. L-UE trid tiggarantixxi wkoll il-preżenza industrijali tagħha f’setturi teknoloġiċi ewlenin u timmitiga r-riskji għas-sigurtà u r-reżiljenza tagħha li jirriżultaw mid-dipendenzi — inkella l-inċertezza ġeopolitika se xxekkel il-prospettiva għall-kumpaniji tagħna u tkun ta’ piż fuq l-investiment.

L-għan tal-Boxxla huwa li trawwem il-punti b’saħħithom tal-Ewropa, tisfrutta r-riżorsi tagħha u tneħħi l-ostakli fil-livell Ewropew u nazzjonali.

L-Ewropa trid tkun il-post li fih it-teknoloġiji, is-servizzi, u l-prodotti nodfa ta’ għada jiġu vvintati, manifatturati u kkummerċjalizzati, hekk kif nibqgħu fuq din id-direzzjoni lejn in-newtralità klimatika. Ewropa li tibqa’ r-residenza tal-innovazzjoni xjentifika u tar-riċerka mill-aktar avvanzata. Ewropa li żżomm u tattira l-aqwa talenti tad-dinja u tipprovdi impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd. Ewropa li fiha l-konverġenza ’l fuq bejn ir-reġjuni ssaħħaħ il-pożizzjoni globali u l-għaqda tagħna. Ewropa li tiddi bħala destinazzjoni ewlenija ta’ investiment globali u tippremja r-riskju u l-intraprenditorija.

Boxxla għall-Kompetittività

Il-Boxxla għall-Kompetittività tistabbilixxi l-kompetittività bħala wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-UE għall-azzjoni.

Il-Boxxla ssegwi żewġ għanijiet ġenerali. L-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-bidliet fil-politika, meħtieġa biex l-Ewropa tħaffef il-pass. F’xi oqsma, il-politiki eżistenti jeħtieġ li jiġu aġġornati; f’oħrajn, hija meħtieġa bidla gradwali biex wieħed jadatta għal realtajiet ġodda. It-tieni għan huwa l-iżvilupp ta’ modi ġodda ta’ ħidma flimkien biex jiżdiedu l-ħeffa u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġu ssimplifikati l-oqfsa u r-regoli tagħna, u tingħeleb il-frammentazzjoni. L-Ewropa tista’ tlaħħaq biss mal-kompetituri tagħha ta’ daqs kontinentali jekk il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali jkunu allinjati madwar l-istess objettivi u jsaħħu lil xulxin. Billi ħafna mekkaniżmi ewlenin, mit-tassazzjoni għas-swieq tax-xogħol sal-politiki industrijali, huma fil-biċċa l-kbira jew parzjalment f’idejn il-gvernijiet tal-UE, ir-riformi nazzjonali koordinati u l-investiment se jkunu komponent ewlieni ta’ din l-istrateġija ġenerali.

Ir-Rapport ta’ Draghi identifika tliet imperattivi trasformattivi biex tingħata spinta lill-kompetittività, u l-Boxxla tistabbilixxi approċċ u għażla ta’ miżuri ewlenin biex kull waħda minn dawn l-imperattivi tissarraf f’realtà fis-snin li ġejjin:

·Tnaqqis fid-diskrepanza fl-innovazzjoni

·Pjan direzzjonali konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività

·It-tnaqqis tad-dipendenzi eċċessivi u ż-żieda fis-sigurtà

Dawn il-punti kardinali huma kkomplementati minn azzjoni dwar il-faċilitaturi orizzontali, li huma meħtieġa biex jirfdu l-kompetittività fis-setturi kollha:

·is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, it-tnaqqis tal-piż u l-preferenza għall-ħeffa u l-flessibbiltà;

·l-isfruttar sħiħ tal-benefiċċji tal-iskala offruti mis-Suq Uniku billi jitneħħew l-ostakli;

·finanzjament permezz ta’ Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti u baġit tal-UE ffukat mill-ġdid;

·il-promozzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali.

·koordinazzjoni aħjar tal-politiki fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

Skeda ta’ żmien u lista mhux eżawrjenti ta’ inizjattivi ppjanati huma stabbiliti lejn it-tmiem ta’ kull taqsima.

Illustrazzjoni 1: l-Boxxla għall-Kompetittività

1 . It-tliet imperattivi ta’ trasformazzjoni biex tissaħħaħ il-kompetittività

1.1. Tnaqqis fid-diskrepanza fl-innovazzjoni

Is-sehem tal-Ewropa fil-privattivi globali huwa komparabbli ma’ dak tal-Istati Uniti u taċ-Ċina. Madankollu, terz biss tal-privattivi rreġistrati mill-universitajiet tal-UE ( 4 ) qed jiġu sfruttati kummerċjalment. Għar-riċerkaturi u l-imprendituri Ewropej, ir-rotta mill-iskoperta u l-għoti ta’ privattivi għas-suq hija miżgħuda bl-ostakli.

L-UE trid terġa’ tibda ċiklu ta’ innovazzjoni virtuż. Ir-rapport ta’ Draghi juri li t-tkabbir fil-produttività huwa r-riżultat ta’ taħlita ta’ żewġ forzi: innovazzjoni fixkiela kkawżata min-negozji ġodda u dinamiċi li jisfidaw lill-operaturi stabbiliti; u titjib fl-effiċjenza fl-industriji tradizzjonali maturi li japplikaw dawn l-innovazzjonijiet. Jekk dawn iż-żewġ forzi jkunu dgħajfa — li huwa l-każ fl-Ewropa — l-ekonomija tinqabad f’setturi fejn il-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni radikali dejjem jonqsu, u s-settur privat ma jonfoqx fir-R&Ż( 5 ). Jekk irridu li l-futur tal-industrija jkun “magħmul fl-Ewropa”, l-UE trid terġa’ tqajjem iċ-ċiklu tal-innovazzjoni.

Il-bidu u l-espansjoni tal-kumpaniji fl-Ewropa bħalissa huma mxekkla mill-frammentazzjoni tas-suq, mir-restrizzjonijiet tal-kapital ta’ riskju u minn appoġġ insuffiċjenti għall-innovazzjoni. Mhuwiex faċli għan-negozji l-ġodda Ewropej li jespandu fis-Suq Uniku minħabba ostakli regolatorji persistenti. Huma għandhom ukoll inqas aċċess għall-kapital ta’ riskju u għal forom oħra ta’ kapital ta’ riskju mill-pari tagħhom fl-Istati Uniti: is-sehem tal-fondi globali ta’ kapital ta’ riskju miġbura fl-UE huwa biss ta’ 5 %, meta mqabbel ma’ 52 % fl-Istati Uniti u 40 % fiċ-Ċina( 6 ). Dawn iż-żewġ fatturi jsaħħu lil xulxin: prospetti ta’ tkabbir aktar baxxi għan-negozji ġodda tal-UE u kostijiet ogħla ta’ falliment idgħajfu l-attraenza tagħhom f’għajnejn l-investituri. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna jfittxu l-finanzjament fl-Istati Uniti u jirrilokaw hemmhekk biex jibbenefikaw minn suq u minn bażi ta’ klijenti akbar.

Strateġija ddedikata tal-UE għan-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li qed jespandu se tindirizza l-ostakli li qed jipprevjenu kumpaniji ġodda milli jfeġġu u jespandu. Se tibda billi ttejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-universitajiet u n-negozji u toħloq prospetti aħjar biex il-privattivi jiġu kkummerċjalizzati. Dan se jneħħi l-ostakli maħluqa min-nuqqas ta’ aċċess għall-kapital ta’ riskju, Suq Uniku frammentat u disponibbiltà u mobbiltà limitati tat-talent u tal-ħaddiema tas-sengħa, kif ukoll appoġġ għall-innovazzjoni mhux immirat biżżejjed. L-Att Ewropew dwar l-Innovazzjoni se jippromwovi l-aċċess ta’ kumpaniji innovattivi għall-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka u t-teknoloġija, l-assi intellettwali ġġenerati mir-Riċerka & l-Iżvilupp iffinanzjati pubblikament bil-ħsieb li jiżdiedu l-privattivi, u l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja li jippermettu lill-innovaturi jiżviluppaw u jittestjaw ideat ġodda.

Li jkun possibbli għal kumpaniji innovattivi li jibbenefikaw minn sett uniku u armonizzat ta’ regoli tal-UE kull fejn jinvestu u joperaw fis-Suq Uniku, minflok ma jiffaċċjaw 27 reġim legali distinti, jirrappreżenta bidla radikali reali. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi t-28 reġim legali, li se jissimplifika r-regoli applikabbli u jnaqqas il-kost tal-falliment, inkluż kwalunkwe aspett rilevanti tal-liġi korporattiva, l-insolvenza, tax-xogħol u tal-liġi tat-taxxa.

Hekk kif il-kumpaniji innovattivi jikbru fl-Ewropa, l-UE se tagħmel dak kollu possibbli biex tiżgura li jkollhom il-finanzjament li jeħtieġu. L-Ewropa mhijiex nieqsa mill-kapital, iżda l-kapital huwa disponibbli b’mod predominanti permezz ta’ finanzjament bankarju aktar milli ekwità jew forom oħra ta’ kapital ta’ riskju. Sabiex jinħoloq ambjent ta’ finanzjament aktar xieraq għan-negozji l-ġodda u għan-negozji li qed jespandu, l-inizjattivi li jmiss taħt l-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investiment se jippreżentaw miżuri biex jagħtu spinta lill-kapital ta’ riskju Ewropew (ara t-taqsima 2.3).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-BEI u mal-investituri privati biex timplimenta programm ta’ investiment TechEU biex jgħin f li jnaqqas id-distakk fil-finanzjament biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni fixkiela, tissaħħaħ il-kapaċità industrijali tal-Ewropa u tal-kumpaniji li qed jespandu li jinvestu f’teknoloġiji innovattivi bħall-IA, it-teknoloġija nadifa, il-materja prima kritika, il-ħżin tal-enerġija, il-computing kwantistiku, is-semikondutturi, ix-xjenzi tal-ħajja, u n-newroteknoloġija.

Filwaqt li tiżviluppa l-viżjoni għall-ġejjieni tas-sistemi tal-agrikoltura u tal-ikel, jenħtieġ li l-intraprenditorija tal-biedja tiġi appoġġata wkoll bħala mutur għal prattiki tal-biedja innovattivi u aktar sostenibbli.

L-Ewropa se tappoġġa wkoll ir-riżerva ta’ innovazzjoni b’enfasi ġdida fuq iż-żieda fl-infiq fir-R&Ż u l-koordinazzjoni ta’ dan fuq proġetti b’impatt għoli. Biex ittejjeb l-ambjent ġenerali li jiġġenera l-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta Att dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex issaħħaħ l-investiment fir-R&Ż u tgħollih għall-mira ta’ 3 % tal-PDG, tiffoka aktar l-appoġġ għar-riċerka fuq prijoritajiet strateġiċi, issaħħaħ l-allinjament bejn il-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri, u trawwem iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u tat-talent madwar l-Ewropa. Kif issuġġerit mir-Rapport ta’ Draghi, il-ħidma mibdija mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex tiġi appoġġata l-espansjoni minn kumpaniji b’riskju għoli jenħtieġ li tkompli b’żieda fit-teħid tar-riskju, ispirata minn elementi tal-mudell DARPA ( 7 ).

L-eċċessjoni tat-teknoloġiji għall-ekonomija ta’ għada

Hekk kif l-ostakli għall-espansjoni qed jonqsu, l-Ewropa jeħtieġ li tiżgura l-kundizzjonijiet biex it-teknoloġiji avvanzati jirnexxu. L-Ewropa jeħtieġ li tkun fuq quddiem nett fl-innovazzjoni fis-setturi tat-teknoloġija li se jkunu importanti fl-ekonomija ta’ għada — bħall-Intelliġenza Artifiċjali (IA), it-teknoloġiji tas-semikondutturi u kwantistiċi, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, ir-robotika, it-teknoloġiji spazjali, il-mobbiltà konnessa u awtonoma, u oħrajn — biex jissaħħu s-sovranità u l-kompetittività teknoloġika.

L-Ewropa mexxiet it-triq biex tipprovdi qafas stabbli u sigur għall-kumpaniji li jiżviluppaw u joperaw teknoloġiji diġitali fis-Suq Uniku, b’miżuri bħall-Atti dwar id-Data u dwar il-Governanza tad-Data, l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika u l-Att dwar l-IA, u inizjattivi settorjali bħall-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Ispazju Ewropew tad-Data l-ġdid dwar is-Saħħa. L-istandards Ewropej influwenzaw l-evoluzzjoni tal-qafas regolatorju globali. L-enfasi issa trid tkun fuq l-iffaċilitar tat-talent teknoloġiku tagħna u t-trawwim ta’ żvilupp industrijali ta’ klassi dinjija fl-UE biex jinkisbu l-gwadanji fil-produttività mit-teknoloġija.

L-Ewropa teħtieġ l-infrastrutturi tal-computing, tal-cloud u tad-data li t-tmexxija tal-IA tirrikjedi. Bħala parti mill-istrateġija Kontinent tal-IA, l-inizjattiva tal-fabbriki tal-IA se jkollha l-għan li tisfrutta l-benefiċċji kollha mill-aggregazzjoni u mill-effetti tan-network fil-livell Ewropew. Filwaqt li tibni fuq in-network eżistenti tal-Ewropa ta’ supercomputers EuroHPC ta’ klassi dinjija, l-inizjattiva tistabbilixxi “fabbriki tal-IA” biex tagħti spinta lill-qawwa komputazzjonali tal-Ewropa u tagħmilha aċċessibbli għan-negozji l-ġodda, ir-riċerkaturi u l-industrija biex iħarrġu, jiżviluppaw u jtejbu l-mudelli tal-IA tagħhom. B’mod parallel, permezz ta’ Att tal-UE dwar il-Cloud u l-Iżvilupp tal-IA, il-Kummissjoni se timmobilizza inizjattiva pubblika u privata biex tistabbilixxi Gigafactories ġodda tal-IA speċjalizzati fit-taħriġ ta’ mudelli kbar ħafna tal-IA li jippermettu ekosistemi ewlenin tal-IA madwar l-UE. L-Att se jistabbilixxi wkoll kriterji minimi għas-servizzi tal-cloud offruti fl-Ewropa. Dan se jikkomplementa l-appoġġ għad-disinn u l-manifattura taċ-ċipep fl-Ewropa, inkluż aktar azzjonijiet fir-rigward taċ-ċipep tal-IA mill-aktar avvanzati. Peress li d-disponibbiltà ta’ data kbira u ta’ kwalità għolja hija komponent essenzjali tal-iżvilupp tal-IA, il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija għall-Unjoni tad-Data biex ittejjeb u tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data privata u pubblika, tissimplifika r-reġim regolatorju u l-applikazzjoni tiegħu, u taċċellera l-iżvilupp ta’ sistemi jew applikazzjonijiet ġodda.

L-Ewropa trid iżżomm ukoll pożizzjoni minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji kwantistiċi, li jistgħu jirrivoluzzjonaw is-sistemi ta’ kriptaġġ diġitali li jirfdu l-komunikazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża tal-lum, is-saħħa permezz tal-iskennjar u l-iskoperta tal-mediċini, kif ukoll it-tranżazzjonijiet kummerċjali. Strateġija Kwantistika u Att Kwantistiku jibnu fuq l-Att eżistenti dwar iċ-Ċipep biex jindirizzaw il-frammentazzjoni regolatorja, jallinjaw il-programmi tal-UE u dawk nazzjonali u jappoġġaw l-investiment fl-infrastruttura pan-Ewropea tal-computing kwantistiku, tal-komunikazzjoni u tat-telerilevament.

Ninvestu fil-magni l-ġodda tat-tkabbir

Ix-xjenzi tal-ħajja qed jixprunaw l-innovazzjoni fil-bijoteknoloġija, u għandhom potenzjal kbir għall-kompetittività fis-setturi kollha, mis-settur farmaċewtiku għall-agrikoltura sal-enerġija għall-ikel u l-għalf. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija se tpoġġi lill-UE fis-suq tal-bijoekonomija li qed jespandi b’mod rapidu b’potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir f’materjali b’bażi bijoloġika, bijomanifattura, bijokimiċi, u setturi agrobijoteknoloġiċi, tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili u ttejjeb il-perspettivi ekonomiċi taż-żoni rurali tagħna. Att Ewropew ġdid dwar il-Bijoteknoloġija se jipprovdi qafas li jħares ’il quddiem li jwassal għall-innovazzjoni f’oqsma bħall-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u l-provi kliniċi u b’mod aktar ġenerali biex jiġi sfruttat il-potenzjal li l-bijoteknoloġiji jistgħu jġibu fl-ekonomija tagħna.

Id-domanda għal materjali avvanzati innovattivi se tiżdied b’mod esponenzjali fis-snin li ġejjin, filwaqt li tattira l-investimenti u ssawwar mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista globali. Il-Kummissjoni se tressaq Att dwar il-Materjali Avvanzati biex tipprovdi l-kundizzjonijiet qafas għal appoġġ taċ-ċiklu tal-ħajja kollu kemm hu, mir-riċerka u l-innovazzjoni għall-ħolqien ta’ negozji ġodda sal-manifattura u l-użu.

Bl-istess mod, l-ispazju huwa settur ta’ teknoloġija avvanzata li mistenni jikber b’disa’ darbiet sal-2030. Il-kompetittività tas-settur spazjali Ewropew trid tiġi ppreservata permezz ta’ koordinazzjoni akbar tal-infiq pubbliku u l-appoġġ għall-investimenti ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu innovattivi Ewropej u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-katina tal-provvista spazjali. Proposta għal Att dwar l-Ispazju se tissalvagwardja u ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-attivitajiet spazjali permezz ta’ sett ta’ miżuri li jarmonizzaw ir-rekwiżiti għas-sikurezza, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet spazjali fil-livell tal-Unjoni u jneħħu l-frammentazzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-politika tal-kompetizzjoni hija wkoll lieva importanti biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. L-infurzar rigoruż u effettiv tal-antitrust u tal-fużjonijiet f’konformità ma’ regoli ċari u prevedibbli jipproteġi l-kompetizzjoni ġusta u jinċentiva lill-kumpaniji biex jinnovaw u jsiru aktar effiċjenti. Fl-istess ħin, fit-tellieqa globali biex jiġu żviluppati teknoloġiji profondi u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, il-politika tal-kompetizzjoni trid iżżomm il-pass mas-swieq li qed jevolvu u mal-innovazzjoni teknoloġika. Dan jeħtieġ approċċ ġdid, immirat aħjar lejn għanijiet komuni u li jippermetti lill-kumpaniji jespandu fis-swieq globali — filwaqt li dejjem jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.

Dan jenħtieġ li jiġi rifless f’linji gwida riveduti għall-valutazzjoni tal-fużjonijiet sabiex l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-intensità tal-investiment tal-kompetizzjoni f’ċerti setturi strateġiċi jingħataw piż adegwat fid-dawl tal-ħtiġijiet akuti tal-ekonomija Ewropea. B’mod aktar ġenerali, l-approċċ il-ġdid għall-politika tal-kompetizzjoni tal-UE jirrikjedi mhux biss li nissimplifikaw u nħaffu l-infurzar, iżda wkoll li nsaħħu u nimmiraw aħjar l-infurzar. Dan se jiżgura approċċ koerenti li jwassal għall-objettivi ġenerali tal-UE, b’mod partikolari biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni, tiġi indirizzata l-ħtieġa għal skala effiċjenti fejn rilevanti, u tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi l-qafas tat-Trasferiment tat-Teknoloġija ( 8 ) biex tiżgura li l-kumpaniji jkollhom regoli ċari, sempliċi u aġġornati għal ftehimiet ta’ liċenzjar tat-teknoloġija prokompetittivi, u b’hekk tiffaċilita t-tixrid tat-teknoloġija, tinċentiva r-R&Ż inizjali, u tippromwovi l-innovazzjoni. L-infurzar tal-Att dwar is-Swieq Diġitali se jiftaħ ekosistemi magħluqa u se jippermetti lin-negozji innovattivi jipproponu servizzi diġitali ġodda lill-klijenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tippromwovi użu usa’ ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs, Important Projects of Common European Interest), flimkien mal-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività (ara t-taqsima 2.5 hawn taħt).

It-tixrid tal-innovazzjoni fl-ekonomija kollha

Id-diġitalizzazzjoni u t-tixrid ta’ teknoloġiji avvanzati fl-ekonomija Ewropea kollha huma t-tieni ingredjent meħtieġ biex jitneħħa t-tkabbir tal-produttività tal-Ewropa. B’mod ġenerali, 70 % tal-valur il-ġdid maħluq fl-ekonomija globali fl-10 snin li ġejjin se jkun iffaċilitat b’mod diġitali ( 9 ).

L-integrazzjoni tal-IA f’setturi strateġiċi li fihom l-Ewropa tradizzjonalment kienet b’saħħitha se tkun kritika biex jinżamm il-vantaġġ kompetittiv tagħhom. Illum, sehem limitat biss tan-negozji tal-UE jadotta teknoloġiji diġitali — pereżempju 13 % biss għall-IA( 10 ). L-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA se jkollha l-għan li tagħti spinta lill-użi industrijali ġodda tal-IA f’setturi, bħall-manifattura, il-karozzi, l-enerġija, ir-robotika, il-farmaċewtika u l-ajrunawtika, is-servizzi finanzjarji, kif ukoll li ttejjeb is-servizzi pubbliċi, pereżempju fil-kura tas-saħħa u l-ġustizzja.

Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u l-integrazzjoni tal-IA fis-settur pubbliku se jsaħħu l-kompetittività. Permezz ta’ “CERN għall-IA” jistgħu jiġu żgurati koordinazzjoni u appoġġ aħjar madwar l-UE kollha ta’ dawn il-każijiet ta’ użu vertikali tal-IA u l-IA għax-xjenza. Filwaqt li jaħdmu f’din id-direzzjoni, jenħtieġ li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni joperaw fl-oqsma rispettivi tagħhom skont l-istess interessi strateġiċi u jikkooperaw aktar mill-qrib biex jiksbu r-riżultati. 

Il-kumpaniji tal-manifattura ewlenin iridu jżidu wkoll l-intensità tar-R&Ż tagħhom filwaqt li jaċċelleraw it-tixrid tal-innovazzjoni. Sħubijiet strateġiċi ma’ negozji ġodda jistgħu jrawmu l-iżvilupp ta’ prodotti u sistemi ġodda. Il-finanzjament futur tal-UE għar-riċerka se jipprovdi appoġġ immirat għall-kompetittività industrijali b’approċċ aktar strateġiku u inqas burokratiku għall-appoġġ tat-tranżizzjoni mir-riċerka applikata għall-fażi ta’ espansjoni.

It-tnaqqis fid-diskrepanza fl-innovazzjoni se jirrikjedi investiment fl-infrastruttura diġitali tal-ogħla livell, inklużi networks moderni tal-fibra, soluzzjonijiet bla fili u satellitari, investimenti fil-kapaċitajiet tas-6G u tal-cloud computing. Madankollu, l-Ewropa tinsab ferm lura mill-miri tagħha stess tad-Deċennju Diġitali għall-2030 għall-konnessjonijiet tal-infrastruttura. Biex jikkoreġi l-mogħdija, Att dwar in-Networks Diġitali se jipproponi soluzzjonijiet biex jittejbu l-inċentivi tas-suq biex jinbnew in-networks diġitali tal-futur, jitnaqqsu l-piż u l-kostijiet tal-konformità, u tittejjeb il-konnettività diġitali għall-utenti finali bil-ħolqien ta’ Suq Uniku integrat għall-konnettività u politika tal-UE dwar l-ispettru aktar ikkoordinata.

Azzjonijiet Ewlenin Pilastru 1

·Strateġija għan-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li qed jespandu [T2 2025]

·It-28 reġim [T4 2025 – T1 2026]

·L-Att Ewropew dwar l-Innovazzjoni [T4 2025 – T1 2026]

·L-Att dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka [2026]

·L-Inizjattiva tal-Fabbriki tal-IA [T1 2025], l-Istrateġiji għall-Applikazzjoni tal-IA, tal-IA fix-Xjenza, u l-Istrateġija għall-Unjoni tad-Data [T3 2025]

·L-Att tal-UE dwar il-Cloud u l-Iżvilupp tal-IA [T4 2025 — T1 2026]

·Strateġija Kwantistika tal-UE [T2 2025] u Att Kwantistiku [T4 2025]

·L-Att Ewropew dwar il-Bijoteknoloġija u l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija [2025-2026]

·L-Istrateġija għax-Xjenzi tal-Ħajja [T2 2025]

·L-Att dwar il-Materjali Avvanzati [2026]

·L-Att dwar l-Ispazju [T2 2025]

·Rieżami tal-Linji Gwida dwar il-Kontroll tal-Fużjonijiet Orizzontali

·L-Att dwar in-Networks Diġitali [T4 2025]

1.2. Pjan direzzjonali konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività

L-Ewropa stabbiliet qafas ambizzjuż biex issir ekonomija dekarbonizzata sal-2050. Se tibqa’ fuq din id-direzzjoni, inkluż permezz tal-mira intermedja għall-2040 ta’ 90 % ( 11 ). Dan il-qafas jista’ jixpruna l-kompetittività jekk l-objettivi u l-politiki jkunu allinjati sew, billi jagħti ċertezza u prevedibbiltà kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-investituri. Barra minn hekk, kif juri r-Rapport ta’ Draghi, il-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni huma mutur b’saħħtu tat-tkabbir meta jkunu integrati tajjeb mal-politiki industrijali, tal-kompetizzjoni, ekonomiċi u kummerċjali. Din il-konvinzjoni se tispira l-inizjattiva tal-Patt Industrijali Nadif, li għandha l-għan li tiżgura lill-UE bħala lokalità attraenti għall-manifattura, inkluż għall-industriji intensivi fl-enerġija, u għall-promozzjoni ta’ teknoloġija nadifa u mudelli ta’ negozju ċirkolari ġodda, biex tilħaq l-objettivi maqbula tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni.

Enerġija affordabbli

Jeħtieġ li l-UE tindirizza minn qabel il-kwistjoni tal-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija għall-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi Ewropej. Il-prezzijiet tal-enerġija huma ħafna ogħla minn dawk fir-reġjuni kompetituri u jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE. Uħud mill-muturi tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fl-Ewropa huma strutturali. L-Ewropa tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili għal kważi żewġ terzi tal-enerġija tagħha. Il-manipulazzjoni tar-Russja ta’ din id-dipendenza fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna hija l-mutur ewlieni tal-aktar żidiet qawwija reċenti fil-prezzijiet. Din id-dipendenza tista’ tinbidel biss maż-żmien, peress li sehem akbar tal-enerġija qed jiġi prodott minn ġenerazzjoni dekarbonizzata fl-Ewropa. Għalhekk, l-UE jeħtiġilha taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tippromwovi l-elettrifikazzjoni. Iżda xi wħud mill-komponenti tal-kostijiet tal-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jittaffew fi żmien qasir, peress li huma ddeterminati minn ineffiċjenzi fit-tfassil tat-tariffi tan-network u t-tassazzjoni jew nuqqas ta’ integrazzjoni tas-suq tal-enerġija.

Dawn il-kwistjonijiet se jiġu indirizzati mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli, permezz ta’ firxa ta’ miżuri biex jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi u l-klijenti industrijali jkollhom aċċess dirett usa’ għall-elettriku bi prezz baxx. Il-pjan se jgħin biex jingrana l-benefiċċji tat-tnaqqis mill-kostijiet tal-enerġija li ġejjin minn integrazzjoni ulterjuri tas-suq, biex jespandi l-użu ta’ garanziji u strumenti għat-tnaqqis tar-riskju għall-faċilità tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija fit-tul, jinċentiva lill-klijenti industrijali biex jipprovdu servizzi ta’ flessibbiltà fid-domanda, u jħeġġeġ allokazzjoni ġusta tal-kostijiet tas-sistema tal-enerġija permezz ta’ tariffi mfassla aħjar.

Element indispensabbli f’dan il-pjan huwa l-investiment fil-grilji tal-Ewropa, biex jakkumpanja l-progress lejn sistema tal-enerġija b’emissjonijiet żero netti, inaqqas ir-riskji ta’ tnaqqis għall-enerġija rinnovabbli u jingrana l-benefiċċji tas-Suq Uniku tal-Enerġija tagħha. L-Ewropa trid tinvesti aktar fl-immodernizzar u l-espansjoni tan-network tagħha tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, filwaqt li taċċellera l-investiment fin-networks tat-trasport tal-elettriku, tal-idroġenu u tad-diossidu tal-karbonju kif ukoll fis-sistemi tal-ħżin.

Argument kummerċjali għal produzzjoni nadifa

Biex l-ekonomija tinbidel lejn produzzjoni nadifa u ċirkolarità, jeħtieġ li l-UE tiżviluppa swieq u politiki ewlenin biex tippremja lill-pijunieri. L-aktar mutur b’saħħtu f’dan il-proċess huwa l-isfruttar tas-setgħa tas-suq domestiku tal-UE. Dan jista’ jsir permezz ta’ miżuri ġodda biex titħeġġeġ id-domanda għal prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, bħal valutazzjoni komparattiva/tikkettar, mandati jew preferenza fl-akkwist pubbliku jew inċentivi finanzjarji permezz ta’ kuntratti għad-differenza. B’koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri, il-Kummissjoni se tippromwovi l-aggregazzjoni tad-domanda u tikkoordina l-azzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż permezz ta’ użu usa’ u aktar faċli tal-iskemi ta’ “irkant bħala servizz” ( 12 ).

Flimkien mal-inċentivi tad-domanda, il-produtturi ta’ teknoloġiji nodfa jeħtieġu għajnuna biex l-attività innovattiva tissarraf fi tmexxija fil-manifattura. Kumpaniji li jakkumpanjaw aħjar, speċjalment dawk intensivi fl-enerġija, fl-isforzi tagħhom biex jaqilbu għal teknoloġiji nodfa jeħtieġu qafas flessibbli u ta’ appoġġ għall-għajnuna mill-Istat. Fil-Patt Industrijali Nadif, il-Kummissjoni se tistabbilixxi kemm l-għajnuna ssimplifikata u mmirata tajjeb tista’ tkompli tħeġġeġ l-investiment għad-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li tevita d-distorsjonijiet tas-suq. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-elementi tas-sistemi tat-taxxa tagħhom li jħallu impatt fuq l-inċentivi tal-investiment privat, bħar-regoli ta’ deprezzament u l-krediti tat-taxxa, iwasslu għal każ ta’ negozju ta’ produzzjoni nadifa.

Is-setturi intensivi fl-enerġija, bħall-azzar, il-metalli, u s-sustanzi kimiċi huma fost dawk l-aktar vulnerabbli f’din il-fażi tat-tranżizzjoni. Dawn l-industriji huma s-sinsla tas-sistema tal-manifattura Ewropea, billi jipproduċu ċerti inputs vitali għall-ktajjen tal-valur sħaħ. Biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni tagħhom, se jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ azzjoni mfassla apposta għal xi wħud minnhom wara l-Patt Industrijali Nadif, abbażi ta’ djalogu u konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati. Pereżempju, fir-Rebbiegħa tal-2025, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar u l-Metalli se jipproponi miżuri konkreti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ investiment, l-aċċess għal materjali primarji u sekondarji, l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ, u se jiddefinixxi soluzzjoni fit-tul biex tissostitwixxi l-miżuri ta’ salvagwardja attwali fid-dawl tal-kapaċità żejda globali mhux tas-suq. Il-Pakkett dwar l-industrija tas-sustanzi kimiċi fi tmiem l-2025 se jkun ta’ importanza ewlenija biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, filwaqt li titqies ukoll il-provvista ta’ sustanzi kimiċi kritiċi.

Il-mobbiltà u n-newtralità teknoloġika huma kruċjali għall-kompetittività. Il-Kummissjoni nediet id-djalogu strateġiku mas-settur awtomobilistiku biex tindirizza b’mod urġenti l-isfidi attwali u tfassal strateġiji u soluzzjonijiet konkreti biex tiżgura li din l-industrija ewlenija jkollha futur solidu fl-Ewropa. Id-djalogu se jindirizza l-isfidi marbuta mal-innovazzjoni u t-tmexxija fit-teknoloġiji futuri, it-tranżizzjoni nadifa u d-dekarbonizzazzjoni, l-aċċess għal inputs kompetittivi globalment u s-sigurtà tal-provvista, ix-xogħol u l-ħiliet, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġusti globali, is-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni regolatorji u t-tisħiħ tad-domanda, permezz ta’ investiment fl-infrastruttura tal-irriċarġjar u l-promozzjoni tal-użu ta’ vetturi elettriċi. L-istandards tas-CO2 jipprovdu ċertezza fit-tul biex jidderiġu l-investimenti meħtieġa. Bħala parti mid-djalogu, se nidentifikaw soluzzjonijiet immedjati biex nissalvagwardjaw il-kapaċità tal-industrija li tinvesti, billi nħarsu lejn il-flessibbiltajiet possibbli biex niżguraw li l-industrija tagħna tibqa’ kompetittiva, mingħajr ma nnaqqsu l-ambizzjoni ġenerali tal-miri tal-2025. Barra minn hekk, l-ilħuq tal-mira tal-2035 għan-newtralità klimatika tal-karozzi se jirrikjedi approċċ teknoloġikament newtrali, li fih l-e-fjuwils ikollhom rwol permezz ta’ emenda mmirata tar-regolament bħala parti mir-rieżami previst. Id-djalogu se jikkontribwixxi għal pjan ta’ azzjoni industrijali tal-UE għas-settur awtomobilistiku, inklużi inizjattivi ambizzjużi min-naħa tal-provvista u tad-domanda, bħal proposta dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-flotot korporattivi.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli b’miżuri addizzjonali biex jitnaqqas ir-riskju tal-investiment meħtieġ biex jiżdiedu malajr l-infrastruttura tal-iċċarġjar u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ fjuwils tat-trasport rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Strateġija ġdida se tenfasizza r-rwol li l-portijiet u l-industrija marittima Ewropej se jkollhom fl-ekonomija futura tal-UE, filwaqt li se jsiru wkoll sforzi addizzjonali biex tissaħħaħ il-konnettività ferrovjarja transfruntiera tal-UE, inkluż pjan ambizzjuż għal network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja.

Jeħtieġ li l-Ewropa tiġġieled ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-industriji tagħha. Is-sitwazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija inklużi fis-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) u l-ħtieġa li jiġu minimizzati l-każijiet ta’ ċirkomvenzjoni u konsegwenzi mhux intenzjonati fuq il-ktajjen tal-valur se jinfurmaw ir-rieżami li jmiss tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri ( 13 ). Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-Mekkaniżmu, dan ir-rieżami se janalizza l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni għal aktar setturi u prodotti downstream kif ukoll miżuri possibbli biex jiġu indirizzati l-impatti fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti rilevanti. Dan se jsaħħaħ l-għan tal-prevenzjoni tar-“rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” u l-iżgurar ta’ impatt akbar f’termini tal-promozzjoni tal-ipprezzar globali tal-karbonju u, bħala konsegwenza, kundizzjonijiet ekwi internazzjonali.

Sabiex tiġi protetta u promossa t-teknoloġija nadifa u l-manifattura dekarbonizzata fl-UE, il-Patt Industrijali Nadif u r-riżultati tanġibbli tiegħu se jimmobilizzaw b’mod koordinat lievi ta’ politika differenti, mill-faċilitazzjonijiet tal-permessi u tal-awtorizzazzjoni, għal inċentivi tal-politika industrijali, minn regoli riformati tal-akkwist pubbliku għal strumenti għad-difiża tal-kummerċ, minn investimenti mmirati tal-Global Gateway u sħubijiet internazzjonali għal aċċess estiż għas-suq. L-intervent ta’ politika se jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prospetti tas-suq, b’enfasi fuq teknoloġiji ewlenin għad-dekarbonizzazzjoni u r-reżiljenza ekonomika, setturi emerġenti, jew fuq teknoloġiji fejn il-produzzjoni domestika attwali tal-UE tirriskja li titqiegħed taħt pressjoni minn kompetituri internazzjonali li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet mhux ekwi, sussidji mhux trasparenti jew politiki ta’ appoġġ li jwasslu għal kapaċità żejda mhux tas-suq. It-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru fl-Ewropa, u b’hekk jipprovdu vantaġġ kompetittiv għall-ekonomija tal-UE. Il-kisba tan-newtralità klimatika se tirrikjedi emissjonijiet negattivi. Se jiġu żviluppati inċentivi, eż. fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar l-ETS fl-2026, biex jinbena argument għall-vijabbiltà għall-assorbimenti permanenti tal-karbonju biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet residwi minn setturi diffiċli biex jitrażżnu.

Fl-aħħar nett, il-viżjoni għall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel tal-UE se tistabbilixxi kif jiġu żgurati l-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul fi ħdan il-limiti planetarji għas-setturi agrikoli u tal-ikel, filwaqt li jiġu żgurati żoni rurali b’saħħithom, is-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza. Il-Patt Ewropew għall-Oċeani se jippermetti lill-Ewropa tisfrutta ż-żona marittima u tal-kosta vasta tagħha biex tagħti spinta lill-innovazzjoni permezz ta’ teknoloġiji blu ġodda, il-produzzjoni tal-enerġija nadifa u s-sigurtà tal-ikel.

Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari

L-effiċjenza fir-riżorsi u t-tisħiħ tal-użu ċirkolari tal-materjali jgħinu d-dekarbonizzazzjoni, il-kompetittività u s-sigurtà ekonomika. Il-potenzjal ċirkolari tas-suq Ewropew tal-manifattura mill-ġdid huwa pproġettat li jikber mill-valur attwali tiegħu ta’ EUR 31 biljun għal EUR 100 biljun sal-2030, biex b’hekk joħloq 500,000 impjieg ġdid ( 14 ) L-Ewropa trid timmira li toħloq suq uniku għall-iskart u l-materjali sekondarji u dawk li jistgħu jerġgħu jintużaw, biex iżżid l-effiċjenza u tespandi r-riċiklaġġ. Proposta għal Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari se sservi biex tikkatalizza l-investiment fil-kapaċità tar-riċiklaġġ u tħeġġeġ lill-industrija tal-UE tissostitwixxi b’mod effettiv il-materjali verġni u tnaqqas ir-rimi fil-landfills u l-inċinerazzjoni tal-materja prima użata. Dan se jkun akkumpanjat mill-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-Ekodisinn dwar gruppi ta’ prodotti importanti.

Azzjonijiet Ewlenin Pilastru 2

·Patt Industrijali Nadif u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli [T1 2025]

·L-Att dwar l-Aċċelleratur tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali [T4 2025]

·Pjan ta’ Azzjoni għall-Elettrifikazzjoni u Pakkett dwar il-Grilji Ewropej [T1 2026]

·Qafas Ġdid għall-Għajnuna mill-Istat [T2 2025]

·Pjan ta’ azzjoni għall-azzar u l-metalli [2025]

·Pakkett dwar l-industrija tas-sustanzi kimiċi [T4 2025]

·Djalogu strateġiku dwar il-futur tal-industrija awtomobilistika Ewropea u l-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali [T1 2025].

·Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli [T3 2025]

·L-Istrateġija Ewropea għall-Portijiet u l-Istrateġija Marittima Industrijali [2025]

·Pjan Ferrovjarju b’Veloċità Għolja [2025]

·Rieżami tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri [2025]

·L-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari [T4 2026]

·Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel [T1 2025]

·Il-Patt dwar l-Oċeani [T2 2025]

·Emenda tal-Liġi dwar il-Klima [2025]

1.3. It-tnaqqis tad-dipendenzi eċċessivi u ż-żieda fis-sigurtà

Il-konnessjonijiet globali li l-UE ħolqot madwar id-dinja jappoġġaw kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll is-sigurtà. L-UE hija miftuħa ħafna għall-kummerċ li joħloq interkonnessjonijiet profondi, li jappoġġaw ktajjen tal-provvista diversi u alleanzi stretti ma’ sħab ewlenin. Il-kummerċ se jkun kruċjali għat-tkabbir futur tal-UE.

Madankollu, f’sistema ekonomika globali mkissra mill-kompetizzjoni ġeopolitika u mit-tensjonijiet kummerċjali, l-UE jeħtiġilha tintegra b’mod aktar strett il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà u tal-awtonomija strateġika miftuħa fil-politiki ekonomiċi tagħha. L-ambjent tas-sigurtà huwa prekundizzjoni għas-suċċess ekonomiku u l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE. Il-kumpaniji mhux se jagħmlu investimenti fit-tul f’oqsma li fihom jiffaċċjaw inċertezza dwar l-ambjent tas-sigurtà jew theddid għall-infrastruttura kritika; li fihom jibżgħu li l-ktajjen tal-provvista tagħhom se jiġu mfixkla u fgati bħala riżultat ta’ tensjonijiet internazzjonali; jew li fihom l-investimenti tagħhom jirriskjaw li jiġu eliminati minn kompetizzjoni inġusta li tirriżulta minn kundizzjonijiet globali mhux ekwi. Fl-istess ħin, is-sigurtà u r-reżiljenza jistgħu jsiru mutur għall-kompetittività u l-innovazzjoni. 

Kummerċ u sigurtà ekonomika

Il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi huwa mutur ewlieni għall-prosperità tal-Ewropa. Illum, il-kummerċ estern fil-prodotti u s-servizzi diġà jirrappreżenta sehem kbir mill-PDG tal-UE. Fl-2023, il-kummerċ transatlantiku bejn l-UE u l-Istati Uniti qabeż l-EUR 1,5 triljun; flimkien, l-UE u l-Istati Uniti jirrappreżentaw kważi 30 % tal-kummerċ globali. Meta wieħed iħares ’il quddiem, 90 % tat-tkabbir ekonomiku globali huwa mbassar li jseħħ barra mill-fruntieri tal-Ewropa. Għalhekk, livell għoli ta’ ftuħ kummerċjali huwa kruċjali, mhux biss għas-sostenn tal-prosperità tal-Ewropa, iżda wkoll għat-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha.

Il-kapaċità tal-UE li tiddiversifika u tnaqqas id-dipendenzi se tiddependi fuq sħubijiet effettivi. L-UE diġà għandha l-akbar network ta’ ftehimiet kummerċjali li qed jikber bl-aktar rata veloċi fid-dinja li jkopri 76 pajjiż li jirrappreżentaw kważi nofs il-kummerċ tal-UE. Aħna s-sieħeb kummerċjali ewlieni għal 72 pajjiż li jirrappreżentaw 38 % tal-PDG dinji. Qed nimmobilizzaw ukoll pakketti ta’ investiment tal-Global Gateway madwar id-dinja f’oqsma ewlenin li jgħaqqdu l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa ma’ dawk tas-sħab tagħha.

Il-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim bejn l-UE u l-Mercosur u l-modernizzazzjoni tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku juru kif il-kummerċ ta’ benefiċċju reċiproku jista’ jimxi id f’id mal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità u ż-żieda fis-sigurtà ekonomika. Pereżempju, billi tibda mil-linja bażi ta’ EUR 84 biljun f’esportazzjonijiet annwali tal-UE, it-tneħħija ta’ tariffi għoljin tal-Mercosur se tippermetti lill-esportaturi tal-UE jiffrankaw aktar minn EUR 4 biljun f’dazji doganali fis-sena  ( 15 ) u se tipprovdi vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel. L-aċċess għall-akkwist pubbliku, l-aċċess preferenzjali esklużiv għal xi materja prima kritika u prodotti ekoloġiċi, u l-protezzjoni ta’ aktar minn 350 Indikazzjoni Ġeografika tal-UE għall-prodotti tal-ikel tradizzjonali jirrappreżentaw opportunitajiet kbar biex jiżdied il-kummerċ. Fl-istess ħin, jiġu pprovduti salvagwardji għal setturi sensittivi  ( 16 ). L-UE se tkompli taħdem mill-qrib mas-sħab biex tkompli tespandi n-network vast tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali, tiftaħ l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej, tiżgura reċiproċità akbar, filwaqt li tippromwovi kummerċ globali miftuħ ibbażat fuq ir-regoli rregolat minn WTO modernizzata.

Jeħtieġ li l-UE tkompli tadatta l-offerta tagħha u tfittex modi ġodda kif toħloq benefiċċji għan-negozji tagħna, minn Ftehimiet ta’ Kummerċ Diġitali (fejn għaddejjin negozjati mal-Korea u ffinalizzati ma’ Singapore) u Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku (fis-seħħ u li qed jiġu żviluppati ma’ diversi sħab inklużi l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti, li jnaqqsu l-kostijiet tal-proċeduri ta’ konformità) għal Ftehimiet ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (li l-ewwel wieħed minnhom ġie ffinalizzat, filwaqt li oħrajn qed jiġu żviluppati). Għal dan l-għan, is-Sħubijiet il-ġodda tagħna ta’ Kummerċ u ta’ Investiment Nodfa se jlaqqgħu flimkien regoli mmirati dwar il-kummerċ u l-investiment, l-investimenti tal-Global Gateway, u l-kooperazzjoni regolatorja, fi sħubija tal-gvern sħiħ unika. Dawn se joffru opportunitajiet biex jgħinu biex tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima, enerġija nadifa, fjuwils tat-trasport sostenibbli, u teknoloġija nadifa minn madwar id-dinja, filwaqt li jżidu l-investimenti sostenibbli Ewropej ta’ benefiċċju wkoll għall-kontej sħab u jgħinu biex jintlaħqu l-miri globali tal-enerġija promossi mill-President von der Leyen. Skont il-Patt il-ġdid għall-Mediterran, inizjattiva ambizzjuża ta’ Kooperazzjoni Trans-Mediterranja dwar l-Enerġija u t-Teknoloġija Nadifa se tistimula investimenti pubbliċi u privati fuq skala kbira fl-enerġija rinnovabbli.

Fl-istess ħin ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE xi drabi jistgħu joħolqu riskji. F’ambjent dejjem aktar stressanti, id-dipendenzi eċċessivi jistgħu jiġu sfruttati u saħansitra użati bħala arma. Il-politiki industrijali ta’ ċerti pajjiżi terzi jistgħu intenzjonalment ifittxu li joħolqu kapaċitajiet żejda u dipendenzi strateġiċi. Dan jeħtieġ fehim tar-riskji u li tittieħed azzjoni fuqhom kif xieraq b’mod immirat u proporzjonat.

Meta s-suq Ewropew jiddependi biss fuq fornitur wieħed jew ftit fornituri ta’ oġġetti, servizzi jew inputs oħra ewlenin, l-UE teħtieġ politiki u investimenti biex tiżgura s-sigurtà ekonomika tagħha, filwaqt li timminimizza l-potenzjal għall-użu tad-dipendenzi jew il-koerċizzjoni ekonomika bħala arma. Ir-rapport ta’ Draghi juri kif l-Ewropa teħtieġ li tiżgura r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħha, b’mod partikolari għall-materja prima kritika, jew l-importazzjonijiet ta’ teknoloġiji nodfa jew diġitali avvanzati essenzjali, bħas-semikondutturi. Eżempju ieħor huwa d-dipendenzi attwali tal-provvista għal ingredjenti attivi għal mediċini kritiċi, essenzjali għas-saħħa pubblika b’mod ġenerali u għal ċerti pazjenti b’mod partikolari, jew fertilizzanti, li jirfdu s-sigurtà tal-ikel.

L-Ewropa trid tkompli ssegwi politiki biex tnaqqas id-dipendenzi tagħha fuq fornituri uniċi jew ikkonċentrati ħafna f’setturi strateġiċi ewlenin permezz tar-riċiklaġġ, l-innovazzjoni u r-riċerka, appoġġ finanzjarju mmirat għall-istabbiliment jew il-promozzjoni ta’ kapaċitajiet domestiċi ta’ pproċessar jew manifattura u l-ħolqien ta’ back-ups u ħażniet, kif ukoll is-sħubijiet bilaterali u multilaterali għad-diversifikazzjoni msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, fl-isfond tar-rikatt tal-enerġija Russa marbut mal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Direzzjonali dwar miżuri legali biex jintemmu l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja.

Bħala parti mill-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika tagħha ( 17 ), l-UE ddefiniet erba’ oqsma ta’ riskju u għaxar teknoloġiji kritiċi. Filwaqt li jibnu fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju fil-fond li għaddejjin bħalissa, se jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni proporzjonati u mmirati biex jipproteġu, jippromwovu u jistabbilixxu s-sħubijiet biex jirrispondu għar-riskji identifikati u jżidu r-reżiljenza. Dawn jinkludu miżuri bħall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani, il-kontrolli tal-esportazzjoni u l-monitoraġġ tal-investiment ’il barra. Il-Kummissjoni se tiżviluppa standards ta’ sigurtà ekonomika għall-ktajjen tal-provvista ewlenin mas-sħab tagħna tal-G7 u ma’ oħrajn tal-istess fehma.

Kompetizzjoni inġusta u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi

Fejn il-kompetizzjoni inġusta thedded is-Suq Uniku tagħna, għandna nużaw ukoll l-għodod protettivi għad-dispożizzjoni tagħna, bħall-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, u ninfurzaw b’mod rigoruż ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin. It-taħlita xierqa ta’ dawn l-elementi se tvarja minn settur għal ieħor. L-UE se tkompli wkoll tagħmel pressjoni għal ġabra ta’ regoli modernizzata tad-WTO.

Koordinazzjoni aktar intensa fost l-Istati Membri u forom ta’ aggregazzjoni tad-domanda jew xiri konġunt fil-livell tal-UE jistgħu jżidu l-ingranaġġ lejn fornituri barranin. Pereżempju, huwa vitali għall-kompetittività tal-UE li tiżgura provvista affidabbli u diversifikata ta’ materja prima, peress li dawn huma inputs kruċjali għas-setturi tal-enerġija, industrijali u tal-produzzjoni tal-ikel. Filwaqt li tibni fuq l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika, trid tiġi segwita politika li tikkombina l-promozzjoni tal-produzzjoni domestika, il-kumulazzjoni ta’ riżerva u d-diversifikazzjoni. Wara l-esperjenza reċenti ma’ AggregateEU, il-Kummissjoni se toħloq pjattaforma għax-xiri konġunt ta’ materja prima kritika biex tidentifika l-ħtiġijiet tal-industriji tal-UE, id-domanda aggregata, u tikkoordina x-xiri konġunt. Bl-istess mod, l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi se jkollu l-għan li jsaħħaħ il-provvista ta’ mediċini kritiċi u l-ingredjenti tagħhom, jindirizza l-fallimenti tas-suq u jnaqqas id-dipendenza.

Jenħtieġ li l-UE tindirizza l-isfida maħluqa mill-kompetizzjoni inġusta u l-kapaċitajiet żejda tal-produzzjoni globali. Dawn spiss ikunu xprunati minn investimenti eċċessivi sistematiċi u kkawżati mill-Istat u sussidji kkonċentrati tul il-ktajjen tal-provvista f’setturi industrijali kritiċi u strateġiċi. Il-kapaċitajiet żejda strutturali mhux tas-suq jissarrfu fi strateġiji aggressivi ta’ esportazzjoni tas-suq li jżidu l-pressjoni fuq il-produtturi Ewropej li diġà jridu jaffaċċaw kundizzjonijiet li mhumiex ekwi. It-telf tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni bbażati fl-Ewropa u l-għarfien f’setturi kritiċi jistgħu jħallu lill-UE dipendenti b’mod perikoluż fuq l-importazzjonijiet f’segmenti ewlenin tal-ekonomija.

Is-settur pubbliku għandu rwol ċentrali x’jaqdi. F’kuntest fejn atturi ewlenin oħra jimponu restrizzjonijiet ta’ aċċess għas-swieq tagħhom u jfittxu li jagħtu spinta lill-kapaċità tal-manifattura f’teknoloġiji kritiċi, l-Ewropa trid tissalvagwardja l-kapaċitajiet tagħha stess. Il-Kummissjoni se tipproponi l-introduzzjoni ta’ preferenza Ewropea fl-akkwist pubbliku għal setturi u teknoloġiji strateġiċi. L-akkwist pubbliku jammonta għal madwar 14 % tal-PDG tal-UE ( 18 ). Ir-rieżami ppjanat tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà teknoloġika u l-ktajjen tal-provvista domestiċi, kif ukoll li jissimplifika u jimmodernizza r-regoli, b’mod partikolari għan-negozji l-ġodda u għall-kumpaniji innovattivi.

L-industrija tad-difiża, is-sigurtà u t-tħejjija

L-industrija tad-difiża tal-UE hija mutur importanti tal-kompetittività, iżda ma għandhiex skala u qed tonqos milli tilħaq il-potenzjal tagħha. Filwaqt li d-ditti tal-UE fis-settur tad-difiża huma globalment kompetittivi, huma jbatu minn taħlita ta’ dgħufijiet strutturali u għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment. Is-settur huwa frammentat u kkaratterizzat prinċipalment minn atturi nazzjonali, li ħafna minnhom joperaw fi swieq domestiċi relattivament żgħar, li jnaqqas il-kapaċità tal-provvista. L-investiment fir-R&Ż fil-qasam tad-difiża huwa ferm aktar baxx milli fl-Istati Uniti. B’riżultat ta’ dan, l-UE tiddependi ħafna fuq fornituri mhux tal-UE. Hemm riskju materjali li l-UE taqa’ lura fl-innovazzjoni tad-difiża u fl-iżvilupp ta’ sistemi ġodda ta’ armi avvanzati, b’effetti konsegwenzjali negattivi għat-teknoloġiji b’użu doppju. L-industrija tad-difiża Ewropea trid tkun kapaċi twettaq l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet u tkun mutur tal-innovazzjoni għall-ekonomija kollha. 

Jeħtieġ li nsaħħu u nappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jinvestu aktar, aħjar, flimkien, u fl-Ewropa ( 19 ). Koordinazzjoni aktar profonda hija kruċjali għall-finanzjament, l-iżvilupp, il-produzzjoni u s-sostenn tal-kapaċitajiet u l-infrastruttura tad-difiża kollha meħtieġa (inkluż l-użu doppju) fl-Ewropa. L-Ewropa jeħtiġilha żżid b’mod sostanzjali l-livell ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri, billi taggrega d-domanda permezz ta’ rikors akbar għall-akkwist konġunt tad-difiża, tippromwovi żieda industrijali rapida kif ukoll kooperazzjoni dwar ir-R&Ż konġunti kkonċentrati fuq inizjattivi Ewropej komuni, tiġbor flimkien ir-riżorsi permezz ta’ Proġetti tad-Difiża ta’ Interess Ewropew Komuni, tintegra l-kapaċità industrijali tal-UE u tistabbilixxi Suq Uniku għad-difiża u ttejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs bl-għan li tiżdied l-iskala, jitnaqqsu l-ineffiċjenzi u tiġi promossa l-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jippreżentaw White Paper dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea biex jistabbilixxu l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

L-esperjenza għallmet lill-Ewropa l-valur miżjud tat-tħejjija. Issa hija meħtieġa azzjoni konkreta. L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jadottaw approċċ ta’ gvern sħiħ u tas-soċjetà kollha biex jipproteġu l-ekonomija u jipproteġu liċ-ċittadini, inkluża kooperazzjoni pubblika-privata komprensiva u prinċipju ġdid ta’ tħejjija mit-tfassil. Pereżempju, f’każijiet ta’ kapaċitajiet industrijali u ta’ produzzjoni limitati, il-koordinazzjoni tal-akkwist jew il-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet tista’ ssir b’mod konġunt fil-livell tal-UE. Abbażi tar-rapport ta’ Niinistö, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jippreżentaw Strateġija tal-Unjoni għat-Tħejjija li tiddeskrivi approċċ komuni għat-theddid eżistenti u potenzjali.

Iż-żieda fit-theddid teħtieġ allinjament aktar mill-qrib bejn is-settur pubbliku u dak privat. L-era diġitali qed taċċellera l-veloċità tat-theddid ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi. Is-setturi ekonomiċi u s-servizzi essenzjali kollha( 20 ) jiddependu mir-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali, tat-trasport u tal-ispazju tagħna, tal-grilji tal-enerġija, u tal-hardware teknoloġiku. Il-kejbils ta’ taħt il-baħar huma eżempju prominenti reċenti ta’ qasam ta’ intensifikazzjoni tar-riskji għas-sigurtà. L-Ewropa trid tqis ir-riskji għas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, kemm diġitali kif ukoll fiżika, fl-istadji kollha — mill-kostruzzjoni u l-għażla tat-teknoloġija sal-operazzjonijiet u l-kapaċitajiet ta’ rkupru. Strateġija ta’ Sigurtà Interna se tistabbilixxi rispons komprensiv tal-UE biex tiffaċċja theddid għas-sigurtà, kemm online kif ukoll offline, u biex tiżgura li s-sigurtà tkun integrata fil-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE mit-tfassil.

Klima li qed tinbidel u avvenimenti estremi tat-temp qed jheddu dejjem aktar lis-sigurtà ekonomika Ewropea. Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom itejbu r-reżiljenza tagħhom u jħaffu t-tħejjija tagħhom, jaġġornaw regolarment il-valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku u jtejbu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika mit-tfassil. L-integrazzjoni tar-reżiljenza għall-klima fl-ippjanar urban, l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-iżvilupp ta’ krediti tan-natura u l-adattament fl-agrikoltura filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-ikel, huma wkoll fost l-għażliet biex l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE jiġu protetti mill-agħar diżastri naturali bħall-għargħar, in-nixfiet, in-nirien fis-selvaġġ u l-maltempati li jikkompromettu l-ktajjen tal-provvista u s-siti tal-produzzjoni. Għal dan l-għan se jiġi ppreżentat Pjan Ewropew ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima.

B’mod aktar ġenerali, l-Istati Membri jeħtieġ li jindirizzaw l-iskarsezza dejjem akbar tal-ilma billi jtejbu l-prattiki u l-infrastrutturi tal-ġestjoni tal-ilma, iżidu l-effiċjenza tal-ilma u jippromwovu l-użu sostenibbli tal-ilma. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma.

Azzjonijiet Ewlenin Pilastru 3

·Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali ambizzjużi, Sħubijiet ta’ Kummerċ Nadif u ta’ Investiment

·Inizjattiva Trans-Mediterranja dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Enerġija u t-Teknoloġija Nadifa [T4 2025]

·Pjattaforma ta’ xiri konġunt għal Minerali Kritiċi Mhux Proċessati [T2–3 2025]

·Reviżjoni tad-direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku [2026]

·White Paper dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea [T1 2025]

·Strateġija għal Unjoni ta’ Preparatezza [T1 2025]

·Strateġija ta’ Sigurtà Interna [T1 2025]

·L-Att dwar il-Mediċini Kritiċi [T1 2025]

·Pjan Ewropew ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima [2026]

·Strateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma [T2 2025]

2. Faċilitaturi orizzontali tal-kompetittività

2.1. Aktar sempliċi, eħfef, aktar veloċi: l-iżgurar li r-regolamentazzjoni tal-UE tkun adattata għall-kompetittività

Il-piż regolatorju sar ostaklu għall-kompetittività tal-Ewropa. Minkejja l-politika avvanzata tal-UE għal regolamentazzjoni aħjar, għal tnejn minn kull tliet kumpaniji dan il-piż huwa l-ostaklu ewlieni għall-investiment fit-tul( 21 ). Ħafna jindikaw li l-kumplessità, il-varjetà, u t-tul tal-proċeduri tal-permessi u amministrattivi jagħmlu lill-Ewropa lokalità inqas attraenti għall-investiment, meta mqabbla ma’ reġjuni oħra. Ir-restawr tal-kompetittività tal-Ewropa jitlob li jsir ħafna aktar sforz minn qatt qabel biex titnaqqas il-burokrazija. Ir-regolamentazzjoni għandha tkun proporzjonata, stabbli, koerenti u teknoloġikament newtrali.

L-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali għandhom jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. L-aċċess għall-fondi jew il-kisba ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jridu jsiru aktar rapidi u orħos għall-kumpaniji u għaċ-ċittadini. Pereżempju, filwaqt li jibni fuq il-ħruġ tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, l-Att ippjanat dwar l-Aċċelleratur tad-Dekarbonizzazzjoni se jestendi l-permessi aċċellerati għal aktar setturi (eż. intensivi fl-enerġija) fi tranżizzjoni. Il-proċeduri għall-IPCEIs kif ukoll għall-Proġetti ta’ Interess Komuni tal-infrastruttura tal-enerġija se jsiru aktar sempliċi u aktar rapidi. Il-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) se tkun l-opportunità biex jiġu ssimplifikati aktar kemm l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE kif ukoll l-aċċess għalihom – dawn attwalment – u b’mod ġenerali jinsabu fframmentati fuq wisq programmi.

Il-bidla se tibda mill-Kummissjoni. L-ewwel Kummissarju għall-Implimentazzjoni u s-Simplifikazzjoni qed jikkoordina l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam u jmexxi eżami analitiku tal-acquis tal-UE biex jidentifika modi kif tiġi ssimplifikata, ikkonsolidata u kkodifikata l-leġiżlazzjoni kif meħtieġ. Kull Kummissarju se jorganizza djalogi ta’ implimentazzjoni regolari mal-partijiet ikkonċernati, darbtejn fis-sena, biex jifhem kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, jisma’ t-tħassib tan-negozju u jidentifika opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet. Il-kontrolli tar-realtà mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati se jkomplu jikkontribwixxu għall-ittestjar tal-istress tar-regolamentazzjoni tal-UE. Is-simplifikazzjoni għandha tkun infurmata permezz ta’ fehim tal-operat prattiku tal-ktajjen tal-valur u b’sistema regolatorja bbażata fuq il-fiduċja u l-inċentivi aktar milli kontroll dettaljat. Il-Kummissjoni se tressaq l-approċċ ġenerali tagħha x-xahar id-dieħel.

Din il-Kummissjoni se twettaq sforz ta’ simplifikazzjoni mingħajr preċedent. Dan se jkollu l-għan li jilħaq l-objettivi ta’ politika miftiehma bl-aktar mod sempliċi, immirat, l-aktar effettiv u l-inqas ta’ piż. Biex tiżgura sforzi sostnuti u li jistgħu jitkejlu matul is-snin li ġejjin, il-Kummissjoni stabbiliet miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż tar-rappurtar: mill-inqas 25 % għall-kumpaniji kollha u mill-inqas 35 % għall-SMEs. Il-piżijiet tar-rappurtar huma subsett tal-piżijiet amministrattivi kollha. Għalhekk, biex inkomplu nżidu l-ambizzjoni tagħna, il-miri ta’ tnaqqis tal-piż ta’ 25 % u 35 % fil-ġejjieni jenħtieġ li jiġu estiżi għall-kostijiet tal-piżijiet amministrattivi kollha, u mhux biss għar-rekwiżiti ta’ rappurtar. Dan jirriżulta f’għan li jitnaqqsu madwar EUR 37,5 biljun ta’ kostijiet rikorrenti sa tmiem il-mandat ( 22 ). Miżuri ddedikati għall-SMEs se jkollhom l-għan li jilħqu l-mira ta’ 35 %.

Dan se jibda x-xahar id-dieħel bl-ewwel minn sensiela ta’ pakketti ta’ Simplifikazzjoni Omnibus. L-ewwel Omnibus, fost l-oħrajn, se jkopri simplifikazzjoni estensiva fl-oqsma tar-rapportar dwar il-finanzi sostenibbli, id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà u t-tassonomija. F’konformità mal-objettivi tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli biex jiġi mobilizzat l-investiment fit-tranżizzjoni nadifa, il-Kummissjoni se tiżgura allinjament aħjar tar-rekwiżiti mal-ħtiġijiet tal-investituri, l-iskedi ta’ żmien proporzjonati, il-metriċi finanzjarji li ma jiskoraġġux l-investimenti f’kumpaniji iżgħar fi tranżizzjoni, u l-obbligi proporzjonati għall-iskala tal-attivitajiet ta’ kumpaniji differenti. Dan se jindirizza b’mod partikolari l-effett ta’ kaskata biex jiġi evitat li kumpaniji iżgħar tul il-ktajjen tal-provvista jiġu soġġetti fil-prattika għal talbiet eċċessivi ta’ rapportar li qatt ma kienu maħsuba mil-leġiżlaturi.

Biex tiġi żgurata regolamentazzjoni proporzjonata adattata għad-daqs tal-kumpaniji, dalwaqt se tiġi proposta definizzjoni ġdida ta’ kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja. Bil-ħolqien ta’ tali kategorija ġdida ta’ kumpaniji, akbar mill-SMEs iżda iżgħar minn kumpaniji kbar, eluf ta’ kumpaniji fl-UE se jibbenefikaw minn simplifikazzjoni regolatorja mfassla apposta fl-istess spirtu bħal dik tal-SMEs. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll simplifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri għal atturi iżgħar fis-suq.

Matul is-sena u matul il-mandat, il-Kummissjoni se tkompli tippreżenta miżuri ta’ simplifikazzjoni, abbażi ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Ir-reviżjoni tar-Regolament REACH se tkopri l-acquis eżistenti u inizjattivi ġodda dwar is-sustanzi kimiċi, filwaqt li ġġib simplifikazzjoni reali fil-prattika u tiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet aktar rapidu dwar perikli importanti, kif ukoll is-sostenibbiltà, il-kompetittività, is-sigurtà u s-sikurezza. Wara r-reviżjoni proposta tal-qafas farmaċewtiku tal-UE biex jiġu aċċellerati l-awtorizzazzjonijiet u jiġu ssimplifikati l-proċessi regolatorji, il-Kummissjoni qed tħejji miżuri ta’ implimentazzjoni fuq terminu qasir biex tnaqqas il-piż u tissimplifika fil-qasam tal-apparati mediċi. Barra minn hekk, din is-sena se jiġi ppreżentat pakkett sostanzjali ta’ simplifikazzjoni biex iġib tnaqqis konkret fil-piż fl-azjendi agrikoli u għajnuna lill-bdiewa.

Kontroll ġdid tal-SMEs u l-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt se jsir filtru aktar b’saħħtu għal inizjattivi ġodda, filwaqt li jivvaluta wkoll l-effetti mistennija fuq id-differenzjali tal-kostijiet meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali. Se tingħata aktar attenzjoni għall-valutazzjoni tal-kostijiet tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni proposti, meta rilevanti.

Id-diġitalizzazzjoni se timxi id f’id mas-simplifikazzjoni biex jitnaqqas il-piż tar-rapportar. Il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jridu jkunu akkumpanjati aħjar fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE permezz ta’ aktar appoġġ, bini tal-kapaċità u assistenza teknika. L-użu ta’ għodod diġitali u tal-IA biex jissaħħu l-isforzi ta’ simplifikazzjoni fil-livell governattiv irid jiġi ffaċilitat, b’interoperabbiltà transfruntiera sħiħa fost is-soluzzjonijiet tal-korpi tas-settur pubbliku bħall-fatturazzjoni elettronika, il-firma elettronika, is-sottomissjonijiet elettroniċi u l-passaport diġitali tal-prodotti. Kull fejn ikun possibbli, ir-rapportar irid jimxi lejn formati diġitali bbażati fuq data standardizzata. Filwaqt li tibni fuq il-qafas e-IDAS tal-UE, il-kartiera kummerċjali Ewropea se tkun il-pedament biex isir negozju b’mod sempliċi u diġitali fl-UE, filwaqt li tipprovdi ambjent bla xkiel għall-kumpaniji biex jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha.

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku kollu, kif ukoll jiġu miġġielda l-frammentazzjoni u r-regolamentazzjoni żejda, il-Kummissjoni se ssegwi approċċ b’saħħtu għall-armonizzazzjoni u l-infurzar sħaħ. Minbarra l-ħidma fuq is-simplifikazzjoni taż-żamma tar-rekords skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar aktar armonizzati ta’ dan tal-aħħar.

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu flimkien biex jevitaw “effett ta’ irreversibbiltà”. L-impenn għal regolamentazzjoni aħjar għandu jiġi kondiviż mill-istituzzjonijiet kollha matul il-proċess leġiżlattiv, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. B’ħidma flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, ftehim interistituzzjonali rivedut se jiżgura li l-impenn ta’ simplifikazzjoni u l-enfasi fuq l-implimentazzjoni jibqgħu mill-bidu sal-aħħar fil-proċess leġiżlattiv.

2.2. Nagħmlu l-aħjar użu mis-Suq Uniku tal-Ewropa

Is-Suq Uniku huwa fundamentali biex tintlaħaq dimenzjoni kontinentali f’dinja tal-iġganti. Għal 30 sena, is-Suq Uniku kien l-ixprun ittestajt u approvat tal-kompetittività fl-Ewropa( 23 ). Illum dan is-suq huwa s-suq domestiku għal 23 miljun kumpanija, li jipprovdi oġġetti u servizzi lil kważi 450 miljun klijent Ewropew. Il-kumpaniji jibbenefikaw minn moviment liberu u minn kundizzjonijiet tan-negozju prevedibbli, mirfuda b’garanziji għar-rispett tal-istat tad-dritt. Il-konsumaturi jibbenefikaw minn għażliet wiesgħa u protezzjoni għolja. Madankollu, is-Suq Uniku għad baqalu biex jitqies bħala wieħed komplut. Minkejja l-isforzi rikorrenti biex jitneħħew l-ostakli għall-fluss liberu ta’ oġġetti, servizzi, kapital u persuni, ċerti ostakli jippersistu b’mod kostanti, u għadhom ifiġġu ostakli u sorsi ġodda ta’ frammentazzjoni. 

Ir-Rapport Annwali tal-2025 dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività juri l-kostijiet tan-nuqqas ta’ azzjoni: matul dawn l-aħħar snin, l-integrazzjoni tas-suq tilfet il-momentum. Tabilħaqq, is-sehem tal-PDG tal-UE rrappreżentat mill-kummerċ bejn l-Istati Membri naqas kemm għall-oġġetti (23,8 %) kif ukoll għas-servizzi (7,6 %) fl-2023 ( 24 ). Fis-Suq Uniku, il-kummerċ fis-servizzi transfruntiera huwa ta’ anqas minn terz ta’ dak fl-oġġetti u, għall-kuntrarju tal-oġġetti, ma huwiex ogħla mill-kummerċ fis-servizzi ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Ir-rapport ta’ Letta fassal l-ostakli persistenti u enfasizza l-benefiċċji li jirriżultaw mill-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-enerġija, mis-swieq finanzjarji u mill-bini ta’ Suq Uniku għad-difiża.

It-tneħħija tal-ostakli li fadal u l-espansjoni tas-Suq Uniku se jgħinu l-kompetittività fid-dimensjonijiet kollha tagħha, billi jipprovdu swieq akbar, inaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u jtejbu l-aċċess ( 25 ). Biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku fl-industriji kollha, Strateġija Orizzontali għas-Suq Uniku se timmodernizza l-qafas ta’ governanza, tneħħi l-ostakli intra-UE u tipprevjeni l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda, trawwem kollaborazzjoni mal-Istati Membri, u tipproponi approċċ ġdid għall-implimentazzjoni. Taskforce għall-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET, Single Market Enforcement Taskforce) imsaħħaħ se jiżgura traspożizzjoni li tevita piżijiet bla bżonn, kif ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Se jitnedew aktar miżuri ta’ armonizzazzjoni biex titnaqqas il-frammentazzjoni legali li fadal, fl-interessi doppji tal-approfondiment tas-Suq Uniku u s-simplifikazzjoni. L-integrazzjoni bikrija u gradwali tal-pajjiżi kandidati f’partijiet tas-Suq Uniku se tippermetti lill-kumpaniji jintegraw fil-ktajjen tal-valur Ewropej, waqt li tiffaċilita l-proċess ta’ konverġenza u ttejjeb l-investiment, il-kummerċ u l-kompetittività.

Politika ta’ Koeżjoni modernizzata hija kruċjali għat-tisħiħ tat-tkabbir, għat-tnaqqis tad-disparitajiet, u għat-trawwim tal-kompetittività fis-Suq Uniku kollu, waqt li tappoġġa lir-reġjuni u lill-komunitajiet fl-iżvilupp fit-tul tagħhom u fit-tranżizzjoni ġusta tagħhom.

Il-Kummissjoni se taħtaf l-opportunità biex tagħmel il-proċessi tal-iffissar tal-istandards aktar rapidi u aktar aċċessibbli, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda. Is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni attwali ma tirrispondix għaċ-ċikli ta’ innovazzjoni aktar rapidi fit-teknoloġiji emerġenti. L-involviment sistematiku fil-proċessi tal-iffissar tal-istandards globali huwa importanti ħafna biex jiġu influwenzati l-eżiti allinjati mal-interessi tal-UE, u b’hekk l-industrija tiġi megħjuna żżomm pożizzjonijiet kompetittivi fis-swieq tat-teknoloġija ewlenin, bħat-telekomunikazzjoni 5G u 6G, l-IA, it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, l-aċċessibbiltà u l-Internet tal-Oġġetti. Għandhom jiġu mfittxija għażliet alternattivi biex in-negozji jingħataw sigurtà legali dwar il-konformità mar-regoli tal-UE, f’sitwazzjonijiet li fihom l-istandards armonizzati ma jeżistux, ma jkunux disponibbli jew f’każ ta’ urġenza.

2.3. Finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti

L-UE qed tiffaċċja ħtiġijiet kbar ta’ finanzjament biex twettaq l-objettivi tagħha li diġà ntlaħaq qbil dwarhom. L-innovazzjoni, it-tranżizzjoni nadifa, id-diffużjoni diġitali u teknoloġika fis-setturi ekonomiċi kollha jimplikaw kostijiet kapitali għoljin ħafna, inkluż għaż-żieda massiva meħtieġa ta’ oġġetti komuni bħall-infrastruttura madwar il-kontinent. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jilħqu miri kwantifikati għall-enerġija rinnovabbli, li jżidu l-infiq fuq ir-R&Ż għal 3 % tal-PDG, li jżidu l-infiq fuq id-difiża għal mill-inqas 2 % tal-PDG (għall-membri tan-NATO), u li jaġġornaw l-infrastruttura diġitali tal-UE. Ir-rapport ta’ Draghi jivvaluta l-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali kkombinati fl-Ewropa għal EUR 750-800 biljun fis-sena sal-2030, li jfisser li r-rata totali ta’ investiment mal-PDG tal-UE se jkollha tiżdied b’madwar 5 punti perċentwali tal-PDG tal-UE fis-sena, biex tilħaq il-livelli li dehru l-aħħar fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Huwa kruċjali li l-investiment pubbliku u privat suffiċjenti jkun garantit biex tingħata spinta lit-tkabbir tal-produttività u jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar l-innovazzjoni, in-newtralità klimatika u d-difiża.

Sforz fuq skala kbira bħal dan jirrikjedi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsiru aktar kompetenti fil-mobilizzazzjoni tal-investiment privat, inkluż minn investituri istituzzjonali, u fl-użu tal-finanzjament pubbliku b’mod aktar iffukat. Filwaqt li ħafna kumpaniji jeħtieġu kapital ta’ riskju u investiment ta’ ekwità biex jirnexxu, l-UE tiddependi b’mod eċċessiv fuq il-finanzjament tad-dejn tal-banek ( 26 ).

Ir-rati ta’ tfaddil tal-unitajiet domestiċi tal-UE kienu 65 % aktar milli kienu fl-Istati Uniti fl-2022 ( 27 ). Madankollu, is-settur finanzjarju tal-UE ma jużahomx b’mod effiċjenti f’investiment produttiv u lanqas ma jalloka biżżejjed kapital għall-innovazzjoni fl-ekonomija tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, iċ-ċittadini ma jiksbux redditi adegwati fuq it-tfaddil tagħhom u kull sena EUR 300 biljun ta’ tfaddil mill-Ewropej jiġu investiti fi swieq barra mill-UE.

L-UE trid tintegra u jkollha swieq kapitali aktar profondi u aktar likwidi bħala pass meħtieġ biex timmobilizza r-riżorsi tas-settur privat u tidderiġihom lejn setturi ta’ tkabbir orjentati lejn il-ġejjieni. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi stimulata aktar rieda għat-teħid ta’ riskji minn investituri privati, bl-użu ta’ flus pubbliċi bħala punt ta’ ankraġġ.

Għandhom jingħelbu l-eżitazzjonijiet li ilhom jeżistu. Tabilħaqq, fl-2025 il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija dwar Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investiment, segwita minn sett ta’ proposti leġiżlattivi speċifiċi, biex tippermetti l-ħolqien tal-ġid għaċ-ċittadini tal-UE u timmobilizza l-kapital għal proġetti li jsiru fl-Ewropa. Hija għalhekk meħtieġa l-promozzjoni ta’ prodotti ta’ tfaddil u ta’ investiment bi prezz baxx fil-livell tal-UE – waqt li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jiġu mħeġġa jagħmlu użu minnhom. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll fuq il-potenzjal tal-pensjonijiet privati u okkupazzjonali biex tgħin liċ-ċittadini tal-UE jippjanaw għal meta jirtiraw u jidderieġu t-tfaddil tagħhom fl-ekonomija. B’mod parallel, il-Kummissjoni se taġixxi biex tneħħi l-ostakli għall-konsolidazzjoni xprunata mis-suq tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri biex tippromwovi s-suq tat-titolizzazzjoni tal-UE biex toħloq kapaċitajiet ta’ finanzjament addizzjonali għall-banek (li għandhom ikunu ta’ benefiċċju speċjalment għas-self korporattiv u għall-SMEs), u miżuri għal superviżjoni ħafna aktar unifikata; se ssegwi r-riforma u l-armonizzazzjoni tal-oqfsa ta’ insolvenza fl-UE kollha, li bħalissa għadhom frammentati ħafna, inkluża l-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet u l-iskattaturi tal-insolvenza jew ir-regoli għall-kollateral finanzjarju u s-saldu; u se tneħħi l-ostakli tat-tassazzjoni għall-investiment transfruntier.

Koordinazzjoni ekonomika aħjar

Minbarra l-investiment pubbliku dirett, se jkun meħtieġ appoġġ pubbliku biex jitneħħa r-riskju u jiġi sfruttat l-investiment privat fil-volumi meħtieġa. Minħabba d-daqs tal-baġits nazzjonali tal-Istati Membri (madwar 50 % tal-PDG tal-UE), il-kapaċità tal-UE li tiffinanzja l-investiment pubbliku strateġiku, inklużi l-beni pubbliċi Ewropej, se tiddependi fuq il-prijoritizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi u fiskali nazzjonali lejn dan l-għan.

Il-qafas ta’ Governanza Ekonomika rivedut tal-UE jappoġġa dan l-għan billi jsaħħaħ l-integrazzjoni ta’ politiki fiskali sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir — permezz ta’ perkorsi ta’ aġġustament aktar gradwali li jippermettu aktar spazju fiskali għal riformi u investimenti prijoritarji, meta mqabbel mal-qafas regolatorju preċedenti ( 28 ). Fl-ewwel valutazzjoni skont il-qafas il-ġdid, għal ħames Stati Membri l-perjodu ta’ aġġustament ġie estiż minn erba’ għal seba’ snin, mirfud minn sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment. Għall-ġejjieni, it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali għandu jimxi dejjem aktar id f’id mas-salvagwardja tal-investiment pubbliku u mal-iżgurar ta’ sjieda nazzjonali akbar u infurzar aħjar.

Baġit tal-UE b’enfasi ġdida

Bir-Regolament dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform), l-UE bdiet tidderieġi mill-ġdid il-finanzjament minn 11-il programm ta’ finanzjament differenti lejn proġetti industrijali fi tliet teknoloġiji kritiċi: it-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda; it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; u l-bijoteknoloġiji. L-istabbiliment ta’ Portal uniku STEP, għamilha aktar faċli u sempliċi għall-promoturi tal-proġetti, għall-awtoritajiet maniġerjali u għall-investituri biex jaċċessaw il-finanzjament tal-UE. L-esperjenza fil-qafas ta’ STEP s’issa turi l-valur miżjud tal-appoġġ baġitarju tal-UE b’enfasi ġdida fuq prijoritajiet ċari u kondiviżi f’dak kollu li jirrigwarda l-kompetittività.

Il-qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss se jkun opportunità biex immorru lil hinn u nikkunsidraw mill-ġdid l-istruttura u l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE b’appoġġ għall-prijoritajiet tal-kompetittività. L-infiq tal-baġit tal-UE bħalissa huwa frammentat fuq wisq programmi — spiss b’direzzjoni strateġika koordinata limitata u kumplessità għolja għall-benefiċjarji. L-iffukar fuq il-kompetittività tal-UE jeħtieġ sett ta’ prijoritajiet ta’ finanzjament miftiehma b’mod komuni fil-forma ta’ beni pubbliċi tal-UE u proġetti ta’ investiment multinazzjonali, li għandhom jiġu definiti permezz ta’ mekkaniżmu msaħħaħ li jikkoordina l-politika (ara t-Taqsima 2.5). Fil-QFP li jmiss, Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid għandu jwieġeb għal dawn il-ħtiġijiet b’mod aktar integrat. Il-Fond se jistabbilixxi kapaċità ta’ investiment li se tappoġġa t-teknoloġiji strateġiċi u l-manifattura (mill-IA sal-ispazju, mit-teknoloġija nadifa għas-setturi tal-bijoteknoloġija eċċ.), li huma essenzjali għall-kompetittività Ewropea, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni, u l-IPCEIs. Dan se jgħin biex l-investimenti privati jiġu ingranati u biex jitneħħew ir-riskji.

Il-finanzjament pubbliku mhuwiex biżżejjed: il-kapital privat għandu jiġi sfruttat ukoll fuq skala kbira. Il-potenzjal tal-Grupp tal-BEI jrid jiġi sfruttat bis-sħiħ biex jattira l-investiment privat u jnaqqas id-diskrepanza fl-investiment tal-Ewropa fl-oqsma prijoritarji kollha, mid-dekarbonizzazzjoni sad-difiża. In-network tal-banek promozzjonali Ewropej kif ukoll ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra jista’ jgħin ukoll biex ikompli jingrana l-investiment pubbliku. L-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji li jneħħu r-riskji wrew li huma għodod b’saħħithom, b’effett multiplikatur medju ta’ aktar minn 15-il darba sa issa. Abbażi tal-implimentazzjoni b’suċċess ta’ InvestEU, b’investiment ta’ EUR 218 biljun diġà mmobilizzat ( 29 ), li minnhom 65 % minn sorsi privati, se jiġi propost użu usa’ ta’ skemi ffinanzjati mill-UE għat-tneħħija tar-riskji biex jiġu appoġġati investimenti b’riskju ogħla u investimenti fin-negozji li qed jespandu, f’setturi ekonomiċi ewlenin. Ir-riżorsi proprji tal-Grupp tal-BEI għandhom jiġu mobilizzati aktar ukoll. Dan, flimkien mar-riżorsi tal-UE, għandu jippermetti li jiżdied l-użu ta’ garanziji,ta’ self, ta’ strumenti ta’ taħlit kif ukoll ta’ tipi oħra ta’ strumenti finanzjarji (inkluża l-ekwità) fil-prijoritajiet ta’ politika appoġġati mill-baġit tal-UE. Dan jinvolvi wkoll l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament eżistenti, li jibdew minn InvestEU, li għalhekk jagħmlu l-mandati tal-Grupp tal-BEI u tas-sħab l-oħra usa’, aktar sempliċi, aktar rapidi u aktar flessibbli. L-arkitettura miftuħa ta’ dawn l-għodod tirrappreżenta opportunità għal aktar kooperazzjoni u sinerġiji bejn il-banek promozzjonali nazzjonali u magħhom.

2.4. Il-promozzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali

Il-pedament tal-kompetittività tal-Ewropa huwa l-poplu tagħha. L-UE tospita wħud mill-aqwa xjenzati u riċerkaturi tad-dinja u industriji kreattivi, kulturali u vibranti. Għandha ġabra kbira ta’ ħaddiema tas-sengħa, sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ b’saħħithom, swieq tax-xogħol inklużivi, liġijiet kontra d-diskriminazzjoni u stat soċjali robust. Madankollu, is-suq tax-xogħol tal-Ewropa għaddej minn trasformazzjoni profonda. Filwaqt li l-impjiegi fl-UE żdiedu għal 216,5 miljun persuna, biex b’hekk ir-rata ta’ impjieg laħqet rekord ġdid ta’ 75,3 %, u r-rata tal-qgħad laħqet livell baxx storiku (6,1 %) fl-2023, iżda għadhom jippersistu d-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema. Pereżempju, kważi erbgħa minn kull ħames negozji żgħar u ta’ daqs medju fl-UE jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema bis-sett ta’ ħiliet meħtieġa ( 30 ).

Politiki soċjali effettivi mibnija madwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma ċentrali għat-tiswir ta’ Ewropa kompetittiva. Ekonomija aktar kompetittiva bi produttività għolja se tiżgura li l-mudell soċjali tagħna jkun finanzjarjament sostenibbli fit-tul u li ċ-ċittadini jaraw perkorsi ċari għas-suċċess ekonomiku tagħhom stess. L-Ewropej kollha jridu jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal titjib akbar fil-kompetittività u jibbenefikaw minnu.

Biex jiġi żgurat tqabbil tajjeb bejn il-ħiliet u d-domandi tas-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex tinbena Unjoni ta’ Ħiliet, li tiffoka fuq l-investiment, it-tagħlim għall-adulti u tul il-ħajja, il-ħolqien ta’ ħiliet li jibqgħu validi fil-futur, iż-żamma tal-ħiliet, il-mobbiltà ġusta, l-attrazzjoni u l-integrazzjoni ta’ talenti kwalifikati minn pajjiżi terzi u r-rikonoxximent ta’ tipi differenti ta’ taħriġ biex in-nies ikunu jistgħu jaħdmu madwar l-Unjoni tagħna kollha kemm hi. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti tal-Ewropa huma essenzjali biex jippermettu t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi. L-Unjoni tal-Ħiliet se tinkludi Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM, Pjan ta’ Azzjoni għall-Ħiliet Bażiċi li jiffoka fuq l-edukazzjoni skolastika, u Strateġija Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, u se ssaħħaħ l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej. Bl-istess mod, ir-rilevanza tal-ħiliet u l-okkupazzjonijiet għas-suq tax-xogħol teħtieġ djalogu b’saħħtu mas-sħab soċjali, l-iffaċilitar tar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet, u l-bini ta’ evidenza dwar il-ħiliet attwali u futuri u x-xejriet tas-suq tax-xogħol. Il-ħidma f’dan il-qasam se tinkludi Inizjattiva dwar it-Trasferibbiltà tal-Ħiliet immirata biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba f’każ ta’ mobbiltà. Barra minn hekk, l-Ewropa trid tkun ukoll destinazzjoni aktar aċċessibbli u attraenti għal professjonisti b’ħiliet minn pajjiżi terzi, li għalihom ninsabu f’kompetizzjoni ma’ ġuriżdizzjonijiet oħra, filwaqt li nibnu fuq is-Sħubijiet ta’ Talent eżistenti ma’ pajjiżi sħab u r-Riżerva futura ta’ Talenti tal-UE.

Barra minn hekk, billi l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos, huwa meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ( 31 ). Hemm ħafna fatturi li jillimitaw l-aċċess għax-xogħol għan-nisa, għaż-żgħażagħ u għaċ-ċittadini mdaħħla fl-età li jixtiequ jibqgħu ekonomikament attivi. L-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa diffiċli wkoll għal dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, għall-persuni b’diżabilità u għal gruppi oħra sottorappreżentati. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fix-xogħol u fil-produttività tiddependi ħafna fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, pagi deċenti, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u fuq aċċess għal indukrar tat-tfal u kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità. Biex tindirizza dawn id-dimensjonijiet u oħrajn li għandhom impatt fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mas-sħab soċjali biex tippreżenta Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli.

Fl-aħħar nett, id-dinja tax-xogħol qed tinbidel u filwaqt li qed jiżviluppaw setturi ekonomiċi ġodda li qed jikbru malajr, il-ħaddiema jeħtieġu perkorsi biex jadattaw biex iżommu u biex isibu l-impjiegi, waqt li jkollhom ukoll xibka ta’ sikurezza matul it-tranżizzjonijiet. Permezz tas-Semestru Ewropew, se ssir enfasi qawwija fuq l-inkoraġġiment tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, biex jiżguraw aċċess għal protezzjoni adegwata, effiċjenti u effettiva għall-ħaddiema kollha. Ir-riformi tal-pensjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn inizjattivi li jippromwovu ħajja tax-xogħol itwal, jappoġġaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu u joħolqu swieq tax-xogħol aktar inklużivi.

2.5. Nagħqdu l-forzi tagħna biex nimmassimizzaw l-impatt: Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività

L-UE mhux se jirnexxielha tilħaq l-għanijiet tagħha sakemm il-politiki nazzjonali u tal-UE ma jkunux jistgħu jiġu kkoordinati b’mod aktar effettiv. L-Ewropa mhijiex qed tilħaq dak li tista’ tikseb billi taġixxi flimkien minħabba li l-politiki industrijali u ta’ riċerka tagħha huma frammentati bejn l-UE u l-Istati Membri u f’diversi objettivi mhux koordinati. Fi ħdan is-Suq Uniku, kull Stat Membru juża l-politiki industrijali u ta’ appoġġ tiegħu stess biex jagħti spinta lill-kompetittività nazzjonali, bi ftit li xejn kunsiderazzjoni ta’ x’ikun jiġri fi Stati Membri oħra, jew saħansitra anki għad-detriment tagħhom. Dan inaqqas l-effettività ta’ dawk il-politiki u r-riżorsi, u jillimita l-benefiċċji ġenerali minn perspettiva mifruxa mal-UE kollha ( 32 ).

Il-Kummissjoni se tipproponi Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività ġdida biex taġixxi flimkien mal-Istati Membri dwar prijoritajiet komuni tal-kompetittività f’oqsma u proġetti ewlenin magħżula meqjusa ta’ importanza strateġika u ta’ interess Ewropew komuni. Is-Semestru Ewropew u n-NextGenerationEU introduċew loġika ta’ suċċess li jiġu kkombinati r-riformi u l-investimenti sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-UE fil-livell nazzjonali. Dan l-approċċ għandu jiġi kkomplementat b’azzjonijiet transfruntiera kkoordinati u mifruxa mal-UE kollha.

L-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività se jkollha l-għan li tallinja l-politiki u l-investimenti industrijali u ta’ riċerka fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Din se tgħin biex jitwettqu inizjattivi ewlenin ġodda u/jew proġetti transfruntiera b’valur miżjud Ewropew, għat-trasformazzjoni ekonomika strutturali, il-produttività, it-tkabbir fit-tul u l-impjiegi ta’ kwalità, u għall-benefiċċju tas-Suq Uniku. L-azzjonijiet dwar il-prijoritajiet konġunti tal-kompetittività f’settur partikolari, ir-riformi u l-investimenti abilitanti meħtieġa u proġetti konkreti li jeħtieġu koordinazzjoni transfruntiera se jiġu identifikati f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. L-għodda ta’ Koordinazzjoni se taħdem flimkien ma’ Semestru Ewropew simplifikat iffukat fuq ir-riformi u l-investimenti għall-kompetittività fil-livell nazzjonali. It-tnejn li huma se jiffurmaw parti minn mekkaniżmu tat-tmexxija koerenti u sempliċi biex jinforma d-deċiżjonijiet għall-investiment u r-riformi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan il-mekkaniżmu ġdid tat-tmexxija se jorbot il-prijoritajiet tal-UE mal-baġit tal-UE, minħabba li biex l-Unjoni tal-Investimenti sseħħ, huwa meħtieġ li l-infiq tal-Unjoni, pubbliku u privat jiġi allinjat mal-prijoritajiet tal-kompetittività tal-UE.

F’fażi inizjali, il-Kummissjoni se tipproponi li tikkoordina l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri fi ftit oqsma magħżula b’valur miżjud ċar għall-kompetittività tal-UE, bħala każijiet pilota. Dawn l-oqsma jistgħu jkunu l-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport (eż. il-grilji tal-elettriku u l-ħżin u l-fjuwils u l-iċċarġjar sostenibbli), l-infrastruttura diġitali u l-każijiet ta’ użu vertikali tal-IA, il-bijoteknoloġija, kif ukoll kapaċitajiet ewlenin oħra tal-manifattura (eż. għal mediċini kritiċi).

Il-finanzjament pubbliku għall-implimentazzjoni ta’ pjanijiet bħal dawn se jkollu bżonn jingrana l-kapital privat massimu, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet kbar ta’ investiment. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress lejn allinjament effettiv, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Abbażi ta’ din l-esperjenza, il-Kummissjoni se tiżviluppa mal-Istati Membri mekkaniżmu tat-tmexxija għall-investimenti. Il-Kummissjoni tipprevedi li taħdem flimkien fuq metodoloġija biex tidentifika u tiddefinixxi setturi jew attivitajiet strateġiċi oħra, xierqa għall-investiment u l-koordinazzjoni tal-politika taħt l-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività, filwaqt li tqis il-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u s-sigurtà ekonomika ( 33 ).

Skont il-QFP attwali, l-inċentivi finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ investimenti kkoordinati jistgħu jibnu fuq l-esperjenza ta’ suċċess ta’ STEP, li taħtha aktar minn EUR 6 biljun diġà ġew ridiretti mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Istati Membri u tar-reġjuni biex jappoġġaw objettivi strateġiċi, u EUR 8,7 biljun fil-ħames programmi ġestiti direttament mill-Kummissjoni. Minbarra r-riprogrammazzjoni ulterjuri tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, l-inċentivi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni jistgħu jiġu mill-Grupp tal-BEI, mill-banek promozzjonali nazzjonali u minn sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, abbażi ta’ garanzija msaħħa tal-InvestEU. Dan ikun jinkludi riprogrammazzjoni tal-fondi tan-NextGenerationEU tal-Istati Membri lejn il-kompartimenti nazzjonali tagħhom skont InvestEU u emendi mmirati tar-regoli ta’ InvestEU biex tiżdied il-kapaċità tiegħu ta’ rfigħ tar-riskji.

Taħt il-QFP li jmiss, l-implimentazzjoni tal-għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività se tkun appoġġata minn Fond għall-Kompetittività ġdid. Il-Fond se jindirizza l-problema li l-infiq tagħna huwa mifrux fuq wisq programmi li jikkoinċidu, li ħafna minnhom jiffinanzjaw l-istess affarijiet iżda b’rekwiżiti u diffikultajiet differenti biex il-finanzjament jiġi kkombinat b’mod effettiv. L-arkitettura komprensiva tal-Fond se tippermettilu jakkumpanja l-proġetti Ewropej tul il-vjaġġ kollu tal-investiment, mir-riċerka, permezz ta’ espansjoni, użu industrijali, sal-manifattura. Se jkun jista’ jimmobilizza b’mod flessibbli l-għodod finanzjarji kollha tagħna: għotjiet, self, ekwità u akkwist. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata l-koerenza u tiġi massimizzata s-saħħa, il-finanzjament marbut ma’ pjanijiet nazzjonali futuri li jikkombinaw riformi u investimenti ewlenin jista’ jipprovdi inċentivi finanzjarji u appoġġ għall-miżuri identifikati permezz tal-għodda ta’ koordinazzjoni.

Faċilitaturi tal-Azzjonijiet Ewlenin

Miżuri ta’ simplifikazzjoni “Omnibus” u definizzjoni ta’ kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja [26/2/2025]

·Kartiera Ewropea tan-Negozju [2025]

·Strateġija għas-Suq Uniku [T2 2025]

·Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni [2026]

·Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti [T1 2025]

·Il-QFP li jmiss, inkluż il-Fond għall-Kompetittività u Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività [2025]

·Unjoni tal-Ħiliet [T1 2025]

·Pjan direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità [T4 2025]

·Inizjattiva dwar it-Trasferibbiltà tal-Ħiliet [2026]

3. Konklużjoni

It-North Star tas-snin li ġejjin għandu jkun it-tiġdid tas-saħħa kompetittiva tal-Ewropa. L-Ewropa għandha l-assi kollha meħtieġa biex tkun kompetittiva fl-ekonomija globali ta’ għada madankollu hija urġenti bidla fl-orjentazzjoni. L-Ewropa trid tuża l-aspetti b’saħħithom li diġà għandha u tisfrutta mingħajr dewmien il-perkors tagħha stess għat-tkabbir tal-produttività bbażat fuq l-innovazzjoni lejn ġejjieni b’impatt newtrali fuq il-klima. Il-Boxxla għall-Kompetittività tindika UE li fiha l-innovaturi jistgħu jpoġġi l-prodotti fis-suq mingħajr dewmien u li fiha l-kumpaniji jistgħu faċilment jaċċessaw il-finanzjament bis-saħħa ta’ suq tal-kapital privat integrat u effiċjenti fl-UE kollha. Unjoni li fiha kumpanija start-up tkun tista’ tillokalizza u tespandi l-attivitajiet tagħha – kemm jekk oġġetti kif ukoll jekk servizzi – fi kwalunkwe parti tas-Suq Uniku. Unjoni li fiha sehem ġust mill-atturi globali ewlenin fis-setturi tat-teknoloġija profonda jkun Ewropew, li fiha s-setturi tal-manifattura u l-bdiewa jikkombinaw b’suċċess il-kompetittività mat-tranżizzjoni tagħhom lejn produzzjoni sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Unjoni li fiha l-ħaddiema jkunu jistgħu jiffjorixxu f’impjiegi ta’ kwalità u jserrħu fuq protezzjoni soċjali u xbieki ta’ sikurezza dejjiema. Unjoni li fiha l-klijenti kollha jkunu jistgħu jaċċessaw enerġija u prodotti affordabbli u nodfa kull meta u kull fejn ikunu jeħtiġuhom, bis-saħħa ta’ wieħed mill-akbar swieq kontinentali u infrastrutturi ta’ network fid-dinja. Unjoni li fiha l-UE u l-Istati Membri jużaw il-piż kollettiv tagħhom biex jaġixxu flimkien u jnaqqsu d-dipendenzi eċċessivi.

Il-Boxxla tipproponi approċċ ġdid għall-kompetittività li jgħaqqad flimkien il-politiki industrijali, l-investiment u r-riformi, madwar viżjoni komuni. Kull komponent isaħħaħ lill-ieħor. Ir-riformi biex jiġi approfondit is-Suq Uniku huma meħtieġa biex il-politiki u l-investiment industrijali jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jespandu d-daqs tas-suq, jiffaċilitaw l-espansjoni tal-kumpaniji, u jżommu pressjoni kompetittiva b’saħħitha għall-benefiċċju tal-kumpaniji u tal-ħaddiema. Sforz ta’ simplifikazzjoni fuq skala kbira u qafas ta’ governanza ġdid għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri jirfdu dan l-approċċ.

Il-kompetittività mhijiex responsabbiltà fil-livell tal-UE biss. L-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali kif ukoll il-kumpaniji, iridu jħaffu biex jilħqu l-isfida, jaħdmu flimkien fi sforz konġunt u jwasslu l-impenn u l-kooperazzjoni f’livell ġdid. L-għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività se tkun mezz ewlieni biex twassal il-prijoritajiet strateġiċi. Biex din l-aġenda ssir realtà, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati f’konsultazzjoni mill-qrib u regolari, biex tidentifika oqsma ta’ prijorità ta’ tħassib u ssib soluzzjonijiet biex tiffaċilita l-kundizzjonijiet tan-negozju. Id-djalogu soċjali se jkompli jkun pedament.

Il-Boxxla se tfassal il-ħidma tal-Kummissjoni għal dan il-mandat kollu kemm hu. It-tisħiħ tal-kompetittività mhuwiex soluzzjoni ta’ malajr. Xi wħud mill-miżuri tal-Boxxla se jiġu ppreżentati mingħajr dewmien u jistgħu jipprovdu effetti tanġibbli b’mod rapidu. Iżda ħafna minnhom se jagħtu riżultati fuq perjodu medju ta’ żmien u se jeħtieġu perkors stabbli. Il-progress fil-Boxxla għall-Kompetittività se jiġi mmonitorjat u rrappurtat kull sena permezz tar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività.

Din it-tieqa ta’ opportunità hija waħda dejqa. L-UE trid tagħżel li taġixxi flimkien għal ġejjieni ta’ prosperità sostenibbli għal kulħadd jew li taċċetta d-diviżjoni u t-tnaqqis ekonomiku.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kunsill Ewropew u lis-sħab soċjali biex japprovaw din il-Boxxla għall-Kompetittività u biex jikkontribwixxu b’mod attiv għat-twettiq tal-inizjattivi li fiha.

(1) ()     https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf
(2) ()     https://commission.europa.eu/topics/strengthening-european-competitiveness/eu-competitiveness-looking-ahead_en  
(3) ()    Il-Kummissjoni Ewropea (2025), Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività. Dan jammonta għal madwar żewġ terzi tad-distakk fil-PDG per capita bejn l-UE u l-Istati Uniti.
(4) ()    Il-Kummissjoni Ewropea (2025), Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività
(5) ()    IMF, 2024, Perspettivi Ekonomiċi Reġjonali għall-Ewropa: Europe's Declining Productivity Growth: Diagnoses and Remedies, 13 ta’ Novembru 2024
(6) ()    Il-BEI, “The scale-up gap: Financial markets constraints holding back innovative firms in the European Union”, 2024
(7) ()    Ir-rapport ta’ Draghi “The future of European competitiveness – In-depth analysis and recommendations”, paġna 248
(8) ()    Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija tat-Trasferiment tat-Teknoloġija u Linji Gwida dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija
(9) ()    Il-Forum Ekonomiku Dinji, “Għal tkabbir inklużiv, il-mexxejja jridu jħaddnu futur ekonomiku globali u miftuħ”, Jannar 2025
(10) ()    Eurostat, stħarriġ tal-UE dwar l-użu tal-ICT u l-kummerċ elettroniku fl-intrapriżi(Jannar 2025). Filwaqt li dan jirrappreżenta tkabbir sinifikanti sena wara sena, il-potenzjal għal użu ħafna usa’ tal-IA għadu mhux sfruttat biżżejjed.
(11) ()    Ara L-Għażla tal-Ewropa: Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029.
(12) () L-“irkant bħala servizz” tnieda taħt il-Fond għall-Innovazzjoni tal-UE għall-Bank tal-Idroġenu, li jippermetti lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti kwalifikanti li għalihom il-finanzjament tal-UE ma kienx biżżejjed.
(13) ()    Din ir-reviżjoni hija indipendenti mit-tħejjijiet attwali biex jiġu ssimplifikati ċerti aspetti tal-mekkaniżmu fi żmien qasir. Ara t-taqsima 2.1 hawn taħt.
(14) ()    Bank Dinji, 2022
(15) ()    Id-dazju medju tal-importazzjoni fil-Mercosur, li jammonta għal 13,5 %, huwa ogħla minn dak f’ħafna reġjuni oħra. B’kuntrast ma’ dan, it-tariffa medja applikata mill-UE għall-oġġetti importati kollha hija ta’ 1,8 %. Għalhekk, il-gwadanji mil-liberalizzazzjoni tat-tariffi mal-Mercosur huma għoljin għall-UE.
(16) ()    Mekkaniżmi protettivi addizzjonali, bħal klawżoli ta’ salvagwardja, jippermettu lill-UE tirrispondi jekk l-importazzjonijiet tal-Mercosur, bħaċ-ċanga fi ħdan kwota tariffarja, jinstabu li jikkawżaw ħsara sinifikanti lis-swieq tal-UE. Lil hinn mill-klawżoli ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni se timmobilizza appoġġ addizzjonali billi tistabbilixxi riżerva b’valur ta’ mill-inqas EUR 1 biljun fil-każ improbabbli li jseħħ tfixkil fis-suq wara l-implimentazzjoni tal-ftehim.
(17) ()    Komunikazzjoni Konġunta “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika”, JOIN (2023) 20
(18) ()    Il-Kummissjoni Ewropea (2025), Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività
(19) ()    Komunikazzjoni Konġunta, “Strateġija Ewropea ġdida għall-Industrija tad-Difiża: Il-kisba ta’ tħejjija tal-UE permezz ta’ Industrija Ewropea tad-Difiża reattiva u reżiljenti”, JOIN (2024) 10 final.
(20) ()    Ara l-pjan ta’ azzjoni Ewropew reċenti dwar iċ-ċibersigurtà tal-isptarijiet u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa, COM (2025) 10 final
(21) ()    BEI, Stħarriġ tal-BEI dwar l-Investiment 2023
(22) ()    Bl-użu tad-data disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u waqt li titqies l-istima tal-piż amministrattiv magħmul mill-grupp ta’ livell għoli Stoiber, l-EUROSTAT qarreb il-linja bażi tal-kostijiet amministrattivi (annwali) rikorrenti ġenerali sa EUR 150 biljun fl-UE.
(23) ()    Mario Monti, Strateġija ġdida għas-suq uniku għas-servizz tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa, Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, 9 ta’ Mejju 2010.
(24) ()     Il-Kummissjoni Ewropea (2025), Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività
(25) ()    L-FMI jistma li l-ekwivalenti ad-valorem tal-ostakli li fadal li jirrestrinġu l-kummerċ intra-UE jista’ jitqabbel ma’ taxxa ta’ madwar 45 fil-mija għas-settur tal-manifattura, u ta’ 110 fil-mija għas-settur tas-servizzi. “L-impatt dirett tat-tnaqqis ta’ ostakoli settorjali intra-UE fil-livell osservat fl-Istati Uniti tal-Amerka jista’ potenzjalment iżid il-produttività b’6,7%.” FMI, Europe’s Declining Productivity Growth: Diagnoses and Remedies - Regional Economic Outlook, Novembru 2024
(26) ()    Id-ditti tal-UE jiddependu ħafna inqas fuq sorsi ta’ finanzjament mis-suq, b’inqas minn 30 % tal-finanzjament tagħhom li jiġi minn ekwità u minn dejn negozjabbli, meta mqabbla ma’ kważi 70 % għall-kumpaniji tal-Istati Uniti. Ara l-FMI, 2023, “IMF Background Note on CMU for Eurogroup”, il-15 ta’ Ġunju 2023
(27) ()     Il-Previżjoni Ekonomika tal-Ħarifa 2024: Irkupru gradwali f’ambjent avvers , Novembru 2024
(28) ()    Il-blog tal-BĊE, “Mind the gap: Europe’s strategic investment needs and how to support them”, 2024
(29) ()    InvestEU qed jipprovdi appoġġ ta’ investiment fuq bażi wiesgħa permezz tal-erba’ twieqi: Infrastruttura sostenibbli; Riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni; SMEs; Investiment soċjali u ħiliet
(30) ()     Eurobarometer - Is-sena Ewropea tal-Ħiliet (2023) - Nuqqas ta’ ħiliet, strateġiji ta’ reklutaġġ u ta’ żamma fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju
(31) ()    Ara l-Kummissjoni Ewropea, It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni, COM (2023) 577
(32) ()     Dokument ta’ Ħidma 24/249 tal-FMI, “Industrial Policy in Europe: A Single Market Perspective” mħejji minn Andrew Hodge, Roberto Piazza, Fuad Hasanov, Xun Li, Maryam Vaziri, Atticus Weller, Yu Ching Wong, Diċembru 2024
(33) ()    Ir-rapport ta’ Draghi jipprovdi (fil-paġna 41) punt tat-tluq utli — għalkemm neċessarjament skematiku u mhux eżawrjenti — li jiddistingwi erba’ każijiet wiesgħa differenti li għalihom is-sett ta’ għodod ta’ politika rispettiv ikun differenti: (i) l-industriji li fihom l-iżvantaġġ fil-kostijiet tal-Ewropa huwa kbir wisq biex ikun kompetitur serju, li fihom id-diversifikazzjoni hija kruċjali biex jiġu limitati d-dipendenzi; (ii) l-industriji li fihom l-interess tal-UE huwa ffukat fuq il-lokalità tal-produzzjoni (u l-impjiegi relatati) fl-Ewropa, aktar milli l-oriġini tat-teknoloġiji; (iii) l-industriji li fihom il-kumpaniji Ewropej jeħtieġ li jżommu l-għarfien espert u l-kapaċità tal-manifattura rilevanti, waqt li jippermettu żieda fil-produzzjoni f’każ ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi; u (iv) l-“industriji li għadhom jibdew” li fihom l-UE għandha vantaġġ innovattiv u tara potenzjal għoli ta’ tkabbir għall-ġejjieni.