Brussell, 21.5.2024

COM(2024) 217 final

2024/0119(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni u konklużjonijiet indirizzati lil ħames Stati Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet (“CoP”, Committee of the Parties) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”) fil-31 ta’ Mejju 2024, rigward l-adozzjoni prevista ta’ abbozz ta’ rakkomandazzjoni u erba’ abbozzi ta’ konklużjonijiet indirizzati lil ħames Stati Partijiet l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan li tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014.

L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017, u ffinalizzat il-proċedura tal-adeżjoni bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 1 u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 2 . L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni iżda 22 minnhom biss irratifikaw il-Konvenzjoni 3 .

2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet

Il-Kumitat tal-Partijiet 4 huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet tal-Konvenzjoni. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex, bħala r-rappreżentanti tagħhom, jinnominaw l-aħjar esperti fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika 5 . Il-kompiti fdati lis-CoP huma elenkati fir-Regola 1 tar-Regoli ta’ Proċedura 6 . Fl-1 ta’ Ottubru 2023 l-UE saret Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u għalhekk membru tas-CoP (l-Artikolu 67(1) tal-Konvenzjoni).

2.3.Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-Partijiet jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha b’mod effettiv 7 . L-għan huwa li ssir valutazzjoni kif id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jitħaddmu fil-prattika u li tingħata gwida lill-Partijiet. Dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jikkonsisti f’żewġ korpi distinti, li jinteraġixxu bejniethom: korp ta’ esperti indipendenti (il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika “GREVIO”), u s-CoP.

GREVIO huwa grupp ta’ esperti indipendenti u imparzjali dwar azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika bil-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż, f’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni. GREVIO huwa magħmul minn 15-il membru magħżula minn fost ċittadini tal-Partijiet u eletti mis-CoP għal mandat ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded darba.

Il-proċedura ta’ monitoraġġ hija deskritta fl-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni. Fil-qosor, kull Parti hija mitluba tissottometti rapport dwar miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, abbażi ta’ kwestjonarju mħejji minn GREVIO. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, kif ukoll tal-informazzjoni riċevuta mis-soċjetà ċivili, korpi oħra tat-trattati, korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa u żjarat fil-pajjiżi, GREVIO jħejji abbozz ta’ rapport dwar il-miżuri meħuda mill-Parti kkonċernata biex timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u jagħti suġġerimenti u proposti dwar il-mod li bih il-Parti tista’ tittratta l-problemi identifikati 8 . Wara li jkun ta lill-Parti l-possibbiltà li tikkummenta dwar ir-rapport, GREVIO jadotta r-rapport finali tiegħu 9 . Ir-rapport fih konklużjonijiet li jenfasizzaw il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Parti kkonċernata biex jimplimenta l-Konvenzjoni.

Abbażi tar-rapporti ta’ GREVIO u l-konklużjonijiet tiegħu, is-CoP, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jiffissa data sa meta tkun trid titressaq informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-proċeduri miftiehma, is-CoP jadotta rakkomandazzjonijiet li jiddistingwu bejn dawk l-azzjonijiet li jqis li l-Parti kkonċernata jkun jenħtiġilha tieħu malajr kemm jista’ jkun, b’rekwiżit li tirrapporta lura lilu dwar il-passi meħuda f’dan ir-rigward f’perjodu ta’ tliet snin, u dawk li, filwaqt li huma importanti, is-CoP iqis li jistgħu jitħallew f’livell sekondarju ta’ immedjatezza 10 . Wara li jintemm il-perjodu ta’ 3 snin, il-Parti trid tirrapporta lis-CoP dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali miksuba minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-CoP jadotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, imħejjija mis-Segretarjat tal-Kumitat, fil-konfront ta’ kull Parti taħt rieżami 11 . Sal-lum, il-prattika tas-CoP kienet li jadotta rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet abbażi ta’ kunsens li għandhom isiru fuq talba 12 , normalment darbtejn fis-sena, matul il-laqgħat tiegħu.

2.4.L-atti previsti tal-Kumitat tal-Partijiet

Fil-31 ta’ Mejju 2024, matul is-16-il laqgħa tiegħu, huwa previst li s-CoP jipproċedi bl-adozzjoni tal-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet (“l-atti previsti” jew “l-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet”) li ġejjin:

ir-Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika mil-Liechtenstein [IC-CP(2024)1-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Andorra adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)2-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Belġju adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)3-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Malta adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)4-prov]; kif ukoll

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Spanja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)5-prov].

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-atti previsti huma diretti lejn ħames Stati Partijiet u jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul kif ukoll konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti min-naħa tal-Istati Partijiet. Jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-ażil u n-non-refoulement. Dawn il-kwistjonijiet huma koperti mill-acquis tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika 13 , id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 14 ,, ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil 15 u d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza 16 . Dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CoP fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni billi jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur.

L-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni huma konformi mal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement u ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk huwa propost li l-Unjoni ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet fis-16-il laqgħa tas-CoP.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 17 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Is-CoP huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-atti previst, li s-COP hija mitluba tadotta, jikkostitwixxu atti b’effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-futur. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva, l-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 18 u fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 19 . L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V tat-TFUE. Konsegwentement, anki d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CoP għandha tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet, meta r-rakkomandazzjonijiet jew il-konklużjonijiet rilevanti jikkonċernaw iż-żewġ kwistjonijiet.

L-atti previsti jittrattaw objettivi u għandhom komponenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 tat-TFUE) u l-ażil u n-non-refoulement (l-Artikoli 78(2) tat-TFUE). Dawn huma marbutin b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali għad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Proposta għal

2024/0119 (NLE)

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni u konklużjonijiet indirizzati lil ħames Stati Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 20 , fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 21 , fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023.

(2)F’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”) ingħata l-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet. Skont l-Artikolu 68(11) tal-Konvenzjoni, GREVIO għandu jadotta r-rapporti u l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-Parti kkonċernata biex timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

(3)Il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet huma msejsa fuq ir-rapporti ta’ GREVIO u jagħmlu distinzjoni bejn dawk l-azzjonijiet li, fil-fehma tal-Kumitat tal-Partijiet, il-Parti jenħtieġ li teħodhom mill-aktar fis possibbli, b’rekwiżit li tirrapportalu dwar il-passi meħuda f’dan ir-rigward f’perjodu ta’ 3 snin, u dawk li, filwaqt li huwa importanti, il-Kumitat tal-Partijiet iqis li jistgħu jitħallew f’livell sekondarju ta’ immedjatezza. Fi tmiem il-perjodu ta’ 3 snin, il-Parti trid tirrapporta lill-Kumitat tal-Partijiet dwar l-azzjonijiet meħuda fi ħdan 10 oqsma speċifiċi tal-Konvenzjoni. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali miksuba minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kumitat tal-Partijiet għandu jadotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, imħejjija mis-Segretarjat tal-Kumitat.

(4)Matul is-16-il laqgħa tiegħu fil-31 ta’ Mejju 2024, il-Kumitat tal-Partijiet, mistenni jadotta l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni u erba’ abbozzi ta’ konklużjonijiet li ġejjin, dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni minn ħames Stati Partijiet (l-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet):

ir-Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika mil-Liechtenstein [IC-CP(2024)1-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Andorra adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)2-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Belġju adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)3-prov];

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Malta adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)4-prov]; kif ukoll

il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Spanja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)5-prov].

(5)L-abbozzi ta’ rakkomandazzjoni u ta’ konklużjonijiet jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-ażil u n-non-refoulement. Dawn il-kwistjonijiet huma koperti mill-acquis tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva.../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 [id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika], id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 , ir-Regolament.../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 [ir-Regolament li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE] u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 . Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni billi jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur.

(6)Fir-rigward tal-Liechtenstein, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li d-definizzjonijiet rilevanti jiġu adottati u allinjati mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni), li jsir sforz għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jittieħdu miżuri f’dan ir-rigward, u biex jiġu indirizzati d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-gruppi esposti għal diskriminazzjoni intersezzjonali jew f’riskju li jintlaqtu minnha (l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni), li tiġi żviluppata strateġija jew pjan ta’ azzjoni komprensivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda ta’ kull forma ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikoli 7 tal-Konvenzjoni), li jiġi żgurat finanzjament għall-organizzazzjoni rilevanti tas-soċjetà ċivili (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni), li jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji lill-korpi ta’ koordinazzjoni (l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni), li jiġu armonizzati s-sistemi tal-ġbir tad-data u li jsir stħarriġ regolari tal-popolazzjoni dwar il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), li tiġi żgurata linja telefonika bla ħlas u ddedikata mal-Istat kollu (l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni) u li jintużaw ordnijiet ta’ inibizzjoni tal-pulizija biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi (l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u fi kwistjonijiet kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lil-Liechtenstein.

(7)Fir-rigward ta’ Andorra, l-abbozz ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jirċievu biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji (l-Artikolu 8 u l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni), li jiġi żgurat approċċ ikkoordinat u trasversali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni), li jiġi żgurat il-ġbir ta’ data dwar il-vjolenza fuq in-nisa, (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), li jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess għal ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza f’konformità mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni) u li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ residenza tal-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa (l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment, u ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet indirizzati lil Andorra.

(8)Fir-rigward tal-Belġju, l-abbozzi ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li jiġi żgurat il-ġbir ta’ data dwar il-vjolenza fuq in-nisa (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jirċievu finanzjament b’mod li jiżgura s-servizzi kontinwi tagħhom (l-Artikolu 8 u 25 tal-Konvenzjoni) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kwistjonijiet relatati mal-vjolenza fuq in-nisa jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li jiddeċiedu dwar id-drittijiet ta’ kustodja u ta’ żjara (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u fi kwistjonijiet kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-UE tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet indirizzati lill-Belġju.

(9)Fir-rigward ta’ Malta, l-abbozz ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ atturi mhux governattivi, inklużi dawk li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati, u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fit-tfassil tal-politiki rilevanti (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni), li jiġi żgurat il-ġbir komprensiv ta’ data fir-rigward tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), li jittieħdu għadd ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-kustodja u d-drittijiet għal żjara biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-vittmi u tat-tfal tagħhom (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni) u li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun konformi mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza u ordnijiet ta’ inibizzjoni (l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u fi kwistjonijiet kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet indirizzati lil Malta.

(10)Fir-rigward ta’ Spanja, l-abbozzi ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludu l-ħtieġa li jiġi armonizzat il-livell ta’ appoġġ u protezzjoni tan-nisa vittmi fil-pajjiż kollu (l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 u l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni), li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tan-nisa esposti għal forom ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali (l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni), li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tan-nisa, inkluż finanzjarjament (l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni) u li jiġi żgurat l-aċċess rapidu tan-nisa li jfittxu l-ażil għall-proċedura tal-ażil u għal akkomodazzjoni sikura u li tiġi żgurata d-detezzjoni ta’ nisa li jfittxu ażil li jeħtieġu protezzjoni (l-Artikolu 60 u l-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment, u ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjoni indirizzata lil Spanja.

(11)L-Irlanda mhijiex marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 u għalhekk mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(12)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-16-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, għandha tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-atti li ġejjin:

(1)ir-Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika mil-Liechtenstein [IC-CP(2024)1-prov];

(2)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Andorra adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)2-prov];

(3)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Belġju adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)3-prov];

(4)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Malta adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)4-prov]; kif ukoll

(5)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ Spanja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2024)5-prov].

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj .
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj ).
(3)    Status tar-ratifiki fil-[21].05.2024: AT (2013); BE (2016); CY (2017); DE (2017); DK (2014); IE (2019); EL (2018); ES (2014); EE (2017) FI (2015); FR (2014); HR (2018); IT (2013); LU (2018); MT (2014); NL (2015); PL (2015); PT (2013); RO (2016); SI (2015); SV (2014), LV (2023).
(4)     Committee of the Parties - Istanbul Convention Action against violence against women and domestic violence (coe.int)
(5)    Ir-Regola 2.1.b tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet.
(6)    Id-dokument IC-CP (2015)2, adottat fl-4 ta’ Mejju 2015.
(7)    L-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
(8)    L-Artikolu 68(10) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
(9)    L-Artikolu 68(11) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
(10)    Il-proċedura applikabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet ġiet riżolta mis-CoP fir-4’ laqgħa tagħha tat-30 ta’ Jannar 2018 u hija deskritta fid-Dokument ta’ Diskussjoni dwar l-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat tal-Partijiet fid-dawl tar-rapporti u l-proposti/is-suġġerimenti ta’ GREVIO, IC-CP(2018)6.
(11)    Il-proċedura applikabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni u r-rappurtar hija definita fil-“Framework for supervising the implementation of the recommendations addressed to State Parties”, adottat mis-CoP fit-13 ta’ April 2021, IC-CP/Inf(2021)2.
(12)    L-Artikolu 67(2) tal-Konvenzjoni.
(13)    Id-Direttiva …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (ĠU, ELI:..).
(14)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L …, ELI: …).
(15)    Ir-Regolament .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L…, ELI:…).
(16)    Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L …, ELI:…).
(17)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, (ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, (ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj).
(20)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, (ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj ).
(21)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, (ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj ).
(22)    Id-Direttiva …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (ĠU, ELI:..).
(23)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L insert , ELI: insert).
(24)    Ir-Regolament .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU + ELI).
(25)    Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU + ELI).