IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.2.2024
COM(2024) 98 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Materjali Avvanzati għat-Tmexxija Industrijali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.2.2024
COM(2024) 98 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Materjali Avvanzati għat-Tmexxija Industrijali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Materjali Avvanzati għat-Tmexxija Industrijali
1.Introduzzjoni
B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija Ewropea biex tiżgura t-tmexxija industrijali fil-materjali avvanzati, li hija teknoloġija abilitanti ewlenija. Il-materjali sawru l-iżvilupp tal-bniedem sa minn żmien il-ħaġar. Bis-saħħa tal-fehim xjentifiku u l-potenza komputazzjonali tal-lum, materjali bi prestazzjoni superjuri jew funzjonijiet speċjali jistgħu jiġu żviluppati b’veloċità bla preċedent. Dawn il-materjali ddisinjati u maħduma intenzjonalment jissejħu materjali avvanzati mill-OECD ( 1 ).
Il-materjali avvanzati huma fattur importanti għall-kompetittività tal-industriji Ewropej( 2 ) u huma elementi kruċjali għar-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Dawn huma inklużi fil-lista ta’ 10 oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni ( 3 ) .
Il-materjali avvanzati joffru firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet għal implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huma jixprunaw l-innovazzjonijiet f’teknoloġiji ġodda tal-enerġija nadifa previsti fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u għandhom il-potenzjal li jissostitwixxu ċerta Materja Prima Kritika (CRMs), u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Att dwar is-CRMs. Il-materjali avvanzati jistgħu jissostitwixxu wkoll sustanzi perikolużi, itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-proċessi, u jiffaċilitaw iċ-ċirkolarità. Għalhekk, dawn isaħħu t-tranżizzjoni tal-ekonomija u tal-industrija tagħna b’ħafna modi; u b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà, il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Huma essenzjali wkoll fil-kuntest tal-Att dwar iċ-Ċipep minħabba r-rwol tagħhom fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji tas-semikondutturi. Il-materjali avvanzati għandhom ukoll rwol importanti ħafna f’oqsma bħall-ispazju u d-difiża, bi proprjetajiet imtejba f’ambjenti ħorox, li jżidu s-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-persunal u jippermettu l-funzjonalità tat-tagħmir u tal-infrastruttura strateġika. Għandhom ukoll applikazzjonijiet potenzjali fl-agrikoltura (pereżempju għas-sostituzzjoni tal-pestiċidi), fis-settur agroalimentari (pereżempju għall-imballaġġ) jew fil-farmaċewtika u fil-kura tas-saħħa. Din il-Komunikazzjoni se tkun ikkomplementata mill-inizjattiva li jmiss dwar il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura fil-bidla lejn materja prima alternattiva biex jiġu prodotti materjali avvanzati u jiżdied l-użu ta’ sorsi rinnovabbli u l-materjali għall-produzzjoni tagħhom.
Id-domanda għall-materjali avvanzati hija mistennija tiżdied b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin( 4 ), pereżempju għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli ( 5 ) , batteriji ( 6 ),bini b’emissjonijiet żero ( 7 ), semikondutturi ( 8 ), mediċini u apparat mediku, satelliti, lanċaturi spazjali, ajruplani, jew għal applikazzjonijiet oħra b’użu doppju kif ukoll għat-tagħmir tad-difiża.
L-Ewropa jeħtieġ li twettaq it-tranżizzjoni doppja biex iżżomm it-tmexxija industrijali globali tagħha u tikseb awtonomija strateġika miftuħa. Biex tikkontribwixxi għal dan l-objettiv, l-UE għandha: (i) taċċellera l-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija tagħha fil-materjali avvanzati; (ii) iżżid il-kapaċità ta’ innovazzjoni u manifattura tagħha; u (iii) taċċellera l-użu industrijali ta’ materjali avvanzati. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ ambjent li jibni fuq il-punti b’saħħithom eżistenti, iżomm l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-produzzjoni fl-UE, u jixpruna l-kompetittività, ir-reżiljenza u t-tkabbir fil-materjali avvanzati u l-manifattura.
L-objettiv ġenerali ta’ din il-Komunikazzjoni għalhekk huwa li tinħoloq ekosistema dinamika, sigura u inklużiva għall-materjali avvanzati fl-Ewropa li tiżgura t-tmexxija fir-riċerka kif ukoll taċċellera l-innovazzjonijiet fis-suq uniku. Biex dan jinkiseb:
(1)il-prijoritajiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-materjali avvanzati jridu jiġu kkoordinati f’approċċ Ewropew u l-investimenti privati jiżdiedu b’mod sostanzjali;
(2)l-innovaturi u l-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju jridu jiġu appoġġati biex ifasslu u jittestjaw materjali bi prestazzjoni u proprjetajiet superjuri għaċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà;
(3)l-użu fuq skala akbar u aktar rapidu ta’ materjali avvanzati jrid jaġixxi bħala katalista tas-suq għat-tranżizzjoni doppja u jżid ir-reżiljenza u s-sigurtà ekonomika tal-UE.
2.Sfidi għall-ħolqien ta’ ekosistema inklużiva għall-materjali avvanzati
Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-Ewropa jeħtieġ li tindirizza l-isfidi li ġejjin:
(1)Il-frammentazzjoni tal-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I): L-UE tradizzjonalment kienet fuq quddiem fid-dinja fix-xjenza tal-materjali, bis-saħħa kemm ta’: (i) appoġġ qawwi taħt programmi nazzjonali li jkopru oqsma differenti ta’ applikazzjoni; kif ukoll ta’ (ii) il-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, minoranza żgħira biss tal-Istati Membri għandhom strateġiji speċifiċi dwar il-materjali, filwaqt li oħrajn jindirizzaw ir-riċerka dwar il-materjali fi programmi nazzjonali ġenerali. Fin-nuqqas ta’ strateġija konġunta u koordinata, ir-riżorsi pubbliċi fuq ir-R&I dwar il-materjali avvanzati huma frammentati u ma jsaħħux b’mod suffiċjenti l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-UE fit-tranżizzjoni doppja u għar-reżiljenza tal-UE.
(2)L-investimenti privati ma humiex proporzjonati maż-żieda fil-ħtiġijiet: Il-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura li s-swieq kapitali tagħha jkunu jistgħu jappoġġaw il-volum u l-varjetà ta’ finanzjament meħtieġ mill-kumpaniji tal-UE f’setturi strateġiċi. L-investimenti industrijali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-materjali avvanzati lanqas biss huma nofs dawk fl-Istati Uniti tal-Amerka (investiment ta’ EUR 19,8-il biljun fl-2020 meta mqabbel ma’ EUR 50,3 biljun), segwiti mill-qrib mill-Korea t’Isfel u l-Ġappun (b’EUR 19,6-il biljun, EUR 14,0-il biljun rispettivament), b’investimenti aktar baxxi mill-industrija Ċiniża (EUR 7,7 biljun( 9 ). Barra minn hekk, il-pożizzjoni globali tal-UE fil-privattivi tal-industrija qed tiddgħajjef u tinsab fil-ħames post, wara l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u ċ-Ċina fl-2019(9).
(3)Nuqqas ta’ progress fiċ-ċirkolarità u fl-effiċjenza tal-materjali: Ir-rata ta’ użu ċirkolari tal-materjali tal-UE bħalissa qed tistaġna taħt it-12 % ( 10 ) u r-R&I fuq il-materjali għadha mhix qed tiffoka biżżejjed fuq iċ-ċirkolarità, pereżempju minħabba nuqqas ta’ għarfien fil-fond dwar il-flussi tal-materjali. Is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità huma importanti biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni tal-ekonomija u tal-industrija tagħna u biex tinżamm il-kompetittività tal-kumpaniji tagħna fis-suq globali. Dawn huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika. Il-materjali avvanzati ġodda għandhom jagħmlu ħilithom biex ikunu “sikuri u sostenibbli mid-disinn” ( 11 ) sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku għal tniġġis żero u ambjent ħieles mit-tossiċità.
(4)Proċessi twal ta’ innovazzjoni u livell insuffiċjenti ta’ diġitalizzazzjoni: Iż-żmien meħtieġ biex jiġu żviluppati materjali avvanzati b’metodi konvenzjonali jista’ jieħu bejn 10 u 30 sena( 12 ). Id-diġitalizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp għandha l-potenzjal li taċċellera l-iskoperta ta’ materjali innovattivi, u l-Ewropa tista’ tibbenefika minn sfruttament aħjar tal-għodod diġitali f’dan il-qasam. Pereżempju, il-qawwa tal-intelliġenza artifiċjali reċentement għenet lir-riċerkaturi jbassru kważi 400 000 struttura stabbli tal-kristall, u dan witta t-triq għal progress sinifikanti fl-oqsma tal-enerġija nadifa u l-elettronika ( 13 ) . Il-veloċità u l-kumplessità tal-innovazzjoni qed jiżdiedu, u huwa meħtieġ investiment kapitali sinifikanti biex jiżdiedu u jiġu manifatturati materjali avvanzati.
(5)In-nuqqas ta’ konnessjoni bejn ir-riċerka innovattiva u l-adozzjoni f’applikazzjonijiet u fi proċessi industrijali: Id-distakk bejn ir-riċerka innovattiva u l-applikazzjoni industrijali jwassal għal kollaborazzjoni u allinjament strateġiku limitati, li jxekkel l-integrazzjoni tal-materjali avvanzati fl-industriji. Mingħajr rabtiet u sinerġiji b’saħħithom bejn il-ħtiġijiet industrijali u l-ambizzjonijiet tar-riċerka, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala mexxejja tal-innovazzjoni tinsab f’riskju, u dan iħalli lill-industriji f’diffikultà biex jużaw soluzzjonijiet ta’ materjali avvanzati.
(6)Nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni: L-infrastrutturi tat-teknoloġija b’faċilitajiet għall-esperimentazzjoni, il-ħolqien ta’ prototipi, l-ittestjar u l-pilotaġġ jgħinu biex il-prodotti jitqiegħdu fis-suq aktar malajr. L-industriji tat-teknoloġija, b’mod partikolari n-negozji ġodda u l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) ħafna drabi ma jistgħux jaffordjaw infrastruttura interna u għalhekk jeħtieġu aċċess aħjar għal tali faċilitajiet biex ikunu jistgħu jivvalidaw u jottimizzaw teknoloġiji ġodda u essenzjali qabel il-kummerċjalizzazzjoni. Biex tinfirex l-eċċellenza madwar l-Ewropa u tiġi appoġġata parteċipazzjoni aktar wiesgħa fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, huwa importanti li jiġu konnessi l-infrastrutturi eżistenti f’reġjuni differenti u li tiġi appoġġata l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom ( 14 ).
(7)Ħtieġa ta’ standards armonizzati: L-istandards huma partikolarment rilevanti fi: (i) il-bini tal-fiduċja u tal-kunfidenza tal-investituri u tal-konsumaturi f’soluzzjonijiet innovattivi ġodda; u (ii) l-iffaċilitar tad-diġitalizzazzjoni. Pereżempju, il-progress fit-tranżizzjoni diġitali huwa mxekkel mill-proliferazzjoni ta’ approċċi diverġenti għad-diġitalizzazzjoni, eż., id-deskrizzjoni u l-formati tad-data. Biex tiġi promossa l-adozzjoni mis-suq u jiġi ffaċilitat il-proċess regolatorju, huwa daqstant importanti li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-istandards għall-karatterizzazzjoni tal-materjali, il-prestazzjoni tal-materjali u l-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tas-sikurezza u tas-sostenibbiltà.
(8)Nuqqas ta’ ħiliet: Iż-żieda fil-kapaċità ta’ innovazzjoni u fil-produzzjoni ta’ materjali avvanzati tirrikjedi ħiliet tekniċi bbażati fl-UE ta’ riċerkaturi u ħaddiema f’varjetà ta’ dixxiplini. Madankollu, in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, kif irrappurtat skont il-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku( 15 ), irdoppja bejn l-2015 u l-2021 f’setturi meqjusa kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan huwa amplifikat mis-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suboqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) li huma rilevanti ħafna għall-materjali avvanzati. Iż-żieda fil-ġabra ta’ professjonisti hija partikolarment rilevanti għat-teknoloġija profonda u nadifa, huma meħtieġa fundaturi tas-sengħa għan-negozji ġodda ( 16 ) , kif ukoll għat-titjib tal-ħiliet tar-riċerkaturi u tal-ħaddiema fl-użu tal-għodod diġitali, inkluża l-IA.
F’dan l-isfond, din il-Komunikazzjoni hija strutturata madwar ħames pilastri: (i) ir-R&I Ewropea dwar il-materjali avvanzati: pjattaforma għat-tranżizzjoni doppja, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE; (ii) binarju rapidu mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni; (iii) iż-żieda fl-investiment kapitali u fl-aċċess għall-finanzjament; (iv) it-trawwim tal-produzzjoni u tal-użu ta’ materjali avvanzati; u (v) il-qafas ta’ governanza ġenerali.
3.Ir-R&I Ewropea dwar il-materjali avvanzati: pjattaforma għat-tranżizzjoni doppja, ir-Reżiljenza u l-Awtonomija Strateġika miftuħa tal-UE
Biex jitħaffef l-użu tat-teknoloġiji nodfa u tal-innovazzjoni teknoloġika profonda fl-Ewropa, tinkiseb ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fit-teknoloġiji kritiċi, il-finanzjament pubbliku u privat immirat għar-riċerka mingħajr għan preċiż (blue sky) u għar-riċerka applikata għandu rwol ewlieni. Dan jitlob li jiġu definiti objettivi u prijoritajiet komuni bejn l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi assoċjati u l-partijiet ikkonċernati biex: (i) titrawwem il-kapaċità ta’ innovazzjoni u manifattura dwar il-materjali avvanzati; (ii) tissaħħaħ il-bażi xjentifika u industrijali Ewropea; (iii) jitnaqqsu d-dipendenzi fuq ir-riżorsi kritiċi u (iv) jitfittxu sinerġiji dwar attivitajiet relatati mal-materjali avvanzati fis-setturi kollha.
L-Ewropa se tibbenefika minn ekosistema inklużiva għall-materjali avvanzati li fiha l-partijiet ikkonċernati jistgħu jaħdmu flimkien, jiġu evitati inizjattivi mxerrda u mhux koordinati, u jiġu mħeġġa l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari.
Approċċ strateġiku konġunt se jiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni dinamika u l-allinjament dwar objettivi ewlenin. Tali approċċ strateġiku konġunt se jippromwovi l-kooperazzjoni, it-tagħlim reċiproku u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ R&I ta’ benefiċċju reċiproku għall-materjali avvanzati. Bħala parti mill-attivitajiet tal-Kunsill tat-Teknoloġija (ara t-taqsima 7), u f’konformità mal-proċess ta’ ppjanar strateġiku ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa biex tfassal sett ta’ objettivi u prijoritajiet komuni għar-R&I dwar il-materjali avvanzati, li jibdew bl-enerġija, il-mobbiltà, il-kostruzzjoni u l-elettronika bħala prijoritajiet preliminarili għandhom jiġu estiżi regolarment għal oqsma oħra skont il-ħtiġijiet komuni identifikati. It-Tabella 1 turi għal dawn l-oqsma magħżula preliminari l-prijoritajiet korrispondenti tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-Anness 1 jipprovdi deskrizzjoni sħiħa tal-prijoritajiet korrispondenti tar-riċerka u l-innovazzjoni, żviluppati mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija. Il-kriterji għall-għażla ta’ dawn l-oqsma u oqsma futuri possibbli jinkludu l-kapaċità li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-użu tar-riżorsi, tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, tittejjeb ir-riċiklabbiltà kif ukoll ir-rilevanza tagħhom biex jitnaqqsu d-dipendenzi tal-UE, tissaħħaħ ir-reżiljenza u tiżdied il-kompetittività. Ladarba jintlaħaq qbil dwar prijoritajiet komuni, l-Istati Membri se jiġu mħeġġa jikkoordinaw l-istrateġiji, filwaqt li jqisu d-dotazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom, u jiżguraw il-komplementarjetà mal-prijoritajiet maqbula għall-implimentazzjoni.
Tabella 1 Prijoritajiet preliminari tar-R&I għall-oqsma strateġiċi, ara l-anness għal aktar dettalji.
|
Qasam strateġiku |
Prijoritajiet tar-R&I dwar il-materjali avvanzati |
|
Enerġija |
Materjali meħtieġa għall-konverżjoni u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-ħżin tal-enerġija u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika |
|
Mobbiltà |
Materjali għall-ħżin u l-użu tal-enerġija, materjali robusti u ħfief għall-mezzi u l-assi tat-trasport, għall-protezzjoni u d-durabbiltà, għaċ-ċirkolarità u l-prestazzjoni ambjentali, għall-kapaċità li jaħdmu f’ambjenti ħorox |
|
Kostruzzjoni |
Materjali għal bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, strutturi tal-bini aktar robusti u monitoraġġ tal-integrità strutturali, benesseri mtejjeb fil-bini, materjali li jżidu ċ-ċirkolarità u l-prestazzjoni ambjentali mtejba |
|
Elettronika |
Materjali għal prestazzjoni mtejba u funzjonalitajiet ġodda ta’ komponenti elettroniċi, sensuri, kunċetti ġodda tal-computing, produzzjoni taċ-ċipep, effiċjenza akbar fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-kapaċità li jaħdmu f’ambjenti ħorox |
Waħda mill-istrateġiji ewlenin hija s-sostituzzjoni tas-CRM u t-tnaqqis tal-użu tagħhom, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-materjali u jitnaqqsu d-dipendenzi fuq ir-riżorsi kritiċi. Il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika liema R&I hija meħtieġa biex tgħin fil-promozzjoni tas-sostituzzjoni tas-CRMs b’materjali avvanzati alternattivi. L-analiżi tas-sostituzzjoni se titwettaq f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Gruppi ta’ Ħidma dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) li jindirizzaw il-materjali. Din se tkun allinjata mal-ħtiġijiet ta’ sostituzzjoni kif identifikati fl-Att dwar il-Materja Prima Kritika, u tibbenefika mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materja Prima ( 17 ).
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se:
·jiddefinixxu objettivi u prijoritajiet komuni għall-investimenti fir-R&I għall-materjali avvanzati u jiżviluppaw sa tmiem l-2024 approċċ strateġiku konġunt għall-materjali avvanzati biex jappoġġaw it-tranżizzjoni doppja, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, li għandhom jiġu aġġornati regolarment biex iqisu l-iżviluppi soċjoekonomiċi, xjentifiċi jew teknoloġiċi.
·jaġġornaw regolarment l-oqsma ta’ prijorità biex iqisu l-iżviluppi soċjoekonomiċi, xjentifiċi jew teknoloġiċi, jew wara l-identifikazzjoni ulterjuri tal-ħtiġijiet komuni għal azzjoni konġunta.
Il-Kummissjoni se:
·tidentifika ħtiġijiet addizzjonali ta’ R&I għas-sostituzzjoni ta’ Materja Prima Kritika b’materjali avvanzati bl-ewwel riżultati fl-ewwel trimestru tal-2025.
4.Binarju rapidu mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni
Skont l-objettivi tal-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku, l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni, Ewropa Diġitali u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Ekonomika, l-attivitajiet fil-kapitolu kurrenti għandhom l-għan li jaċċelleraw iż-żieda u l-kapaċità ta’ manifattura (mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni) tal-materjali avvanzati, filwaqt li jindirizzaw l-istadji kollha tal-iżvilupp ta’ materjali avvanzati. L-għan huwa li tingħata spinta lid-diġitalizzazzjoni, jittejjeb l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni, tinħoloq bidla paradigmatika li tqassar il-proċess ġenerali tal-innovazzjoni u ż-żmien għas-suq għall-innovazzjoni dwar il-materjali avvanzati.
Għan ġenerali huwa li tinħoloq infrastruttura diġitali Ewropea sostenibbli fit-tul għar-R&I dwar il-materjali avvanzati, il-materials commons( 18 ) . Din l-infrastruttura diġitali se tgħin lir-riċerkaturi u lill-innovaturi jaċċelleraw b’mod sinifikanti d-disinn, l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ materjali avvanzati ġodda f’ambjent ikkontrollat, appoġġat mill-għodod tal-IA. Il-material commons trid tkun affidabbli għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi r-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija u l-SMEs, u bbażata fuq il-prinċipji FAIR( 19 ). Din se tqis is-sikurezza u s-sostenibbiltà billi tippermetti aċċess għad-data u l-għodod ibbażati fuq teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali. Biex tgħin fil-bini tal-materials commons, il-Kummissjoni se tingħaqad mal-Istati Membri, u se tesplora l-possibbiltà li tniedi Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea ( 20 ) . Hija se tibni fuq l-esperjenza miksuba bl-infrastrutturi tar-riċerka u l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa( 21 ) (EOSC) u tiżgura sinerġiji effiċjenti mal-ispazji Ewropej tad-data bħall-Ispazju tad-Data tal-Manifattura u l-EOSC, bi strateġiji u inizjattivi nazzjonali, bħal MaterialDigital ( 22 ) u Diadem( 23 ), u bi proġetti ffinanzjati mill-UE bħal BIG-MAP ( 24 ) li jiżviluppa pjattaforma ta’ aċċellerazzjoni tal-materjali għall-batteriji. Il-materials commons se trawwem tassonomiji komuni tal-materjali, ontoloġiji u interoperabbiltà tad-data, filwaqt li tappoġġa wkoll kemm id-disinn virtwali tal-materjali kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-manifattura. Sabiex jinħolqu sinerġiji u opportunitajiet għal spin-ins, dan il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għandu jkun aċċessibbli fis-setturi kollha.
Id-dispożizzjonijiet skont l-Att dwar id-Data u l-Att dwar il-Governanza tad-Data jistabbilixxu l-bażi għall-interoperabbiltà bejn pjattaformi differenti, bħal dawk imsemmija hawn fuq. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jippermettu l-konnessjoni tal-ispazji diġitali tar-R&I mal-ispazji tad-data settorjali u regolatorji. Il-kisba ta’ ekonomija ċirkolari tirrikjedi interoperabbiltà ottimizzata fost l-infrastrutturi tad-data biex jiġi promoss għarfien fil-fond dwar il-flussi tal-materjali. Barra minn hekk, il-kapaċità li jiġu ttraċċati materjali, komponenti u prodotti abbażi ta’ fatturi bħall-kompożizzjoni, il-kwalitajiet jew il-gradi se tkun essenzjali għal identifikazzjoni u klassifikazzjoni xierqa. Il-passaport diġitali tal-prodotti li ġej se jikkontribwixxi għal dan il-għan ta’ traċċabbiltà.
L-infrastrutturi tat-teknoloġija, inklużi l-bankijiet tat-test miftuħa tal-innovazzjoni (OITBs) u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, għandhom rwol ewlieni biex jgħinu fil-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni f’materjali avvanzati( 25 ). Dawn l-infrastrutturi tat-teknoloġija joffru faċilitajiet, tagħmir u kapaċitajiet li bihom l-atturi industrijali jistgħu jesploraw prodotti, proċessi u servizzi ġodda, filwaqt li jiżguraw konformità mar-regolamenti tal-UE. Bħalissa hemm OITBs li joperaw fl-oqsma tal-enerġija, il-kostruzzjoni u l-elettronika. Is-settur tal-mobbiltà jista’ jibbenefika wkoll mill-OITBs biex jivvaluta r-riċiklabbiltà, id-durabbiltà u s-sikurezza tal-materjali avvanzati. L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep nediet sejħiet ( 26 ) għal linji pilota għal teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss fejn il-materjali huma indirizzati bħala xprun ewlieni tal-innovazzjoni. Madankollu, analiżi identifikat differenzi reġjonali kbar f’termini ta’ appoġġ finanzjarju, frammentazzjoni, riskju ta’ duplikazzjoni u diffikultajiet ta’ aċċess tranżnazzjonali għall-kumpaniji madwar l-Ewropa li qed ifittxu li jaċċessaw l-infrastrutturi tat-teknoloġija ( 27 ). Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet se jitnieda katalgu ta’ dħul uniku online biex jipprovdi gwida lill-kumpaniji dwar kif jaċċessaw l-infrastrutturi tat-teknoloġija eżistenti appoġġati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, inklużi wkoll is-servizzi li jipprovdu. Dan il-katalgu online se jagħmilha wkoll aktar faċli għall-industriji teknoloġiċi u għall-SMEs biex jaċċessaw il-faċilitajiet tal-ittestjar u jinkoraġġixxi n-networking fost l-infrastrutturi tat-teknoloġija. Is-sit web ċentrali se jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Se titwettaq analiżi tal-ħtiġijiet tal-industrija, bl-objettiv li jiġu identifikati l-lakuni u jiġu proposti, fejn ikun meħtieġ, infrastrutturi ġodda tat-teknoloġija rilevanti għall-materjali avvanzati.
Biex jiġi inkoraġġit l-użu ulterjuri u l-adozzjoni industrijali tar-riżultati ta’ Orizzont Ewropa fil-qasam tal-materjali avvanzati, se jiġu organizzati regolarment attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ddedikati, inklużi avvenimenti ta’ tlaqqigħ għall-industrija u l-akkademja, bħala parti mill-attivitajiet ta’ disseminazzjoni u sfruttament ta’ Orizzont Ewropa.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se:
·jiżviluppaw infrastruttura diġitali Ewropea sostenibbli fit-tul għar-R&I dwar il-materjali avvanzati, - il-“materials commons” - sa nofs l-2025, bil-għan li jiġu aċċellerati l-proċessi tar-R&I għall-materjali avvanzati.
Il-Kummissjoni se:
·tgħin lill-innovaturi u lill-SMEs jaċċessaw l-infrastrutturi tat-teknoloġija rilevanti, sal-2024, b’katalgu ta’ dħul uniku għall-ittestjar u t-titjib ta’ materjali avvanzati innovattivi b’enfasi b’mod partikolari fuq l-oqsma ewlenin identifikati fl-anness; u teżamina mal-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ OITBs ġodda għal applikazzjonijiet tal-materjali avvanzati relatati mal-mobbiltà.
5.Żieda fl-investiment kapitali u fl-aċċess għall-finanzjament
Iż-żieda fil-finanzjament pubbliku u privat u fl-investiment għar-riċerka u l-użu tal-materjali avvanzati se tkun kruċjali. Il-Kummissjoni se tesplora s-sett sħiħ ta’ għodod disponibbli biex jiżdiedu u jiġu ffaċilitati l-investimenti u biex jiġu żviluppati possibbiltajiet innovattivi ta’ finanzjament li jlaqqgħu flimkien ir-riżorsi pubbliċi u privati.
Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika tal-UE mal-industrija, ġiet proposta sħubija pubblika-privata koprogrammata ġdida “Materjali Innovattivi għall-UE” taħt Orizzont Ewropa( 28 ) . Din is-sħubija għandha toffri l-opportunità li jiġi sfruttat il-kapital privat, billi tirdoppja l-kontribuzzjoni mistennija tal-UE ta’ EUR 250 miljun għall-perjodu 2025-2027, u hekk tippermetti li jiġi skalat u aċċellerat l-użu tal-materjali avvanzati.
Proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) jippermettu lill-Istati Membri jikkooperaw f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji jew proġetti infrastrutturali fuq skala kbira f’setturi u teknoloġiji ewlenin, iffinanzjati mill-baġits nazzjonali tagħhom, jippreservaw l-integrità tas-Suq Uniku u jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tal-UE. IPCEI jista’ jkopri l-ewwel użu industrijali ta’ teknoloġiji ġodda iżda mhux il-produzzjoni tal-massa. Fil-ħarifa tal-2023, il-Kummissjoni stabbiliet il-Forum Ewropew Konġunt għall-IPCEI (JEF-IPCEI). Il-forum, li huwa sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, għandu l-għan li jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-IPCEIs bħala strument għall-kompetittività industrijali, billi (i) jallinja IPCEIs ġodda potenzjali mal-objettivi jew l-istrateġiji tal-UE bħall-istrateġija industrijali tal-UE, u (ii) itejjeb il-proċess, il-veloċità, id-disinn u l-implimentazzjoni tal-IPCEIs, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-JEF-IPCEI se jesplora l-opportunità tal-IPCEIs għall-iżvilupp ta’ materjali avvanzati bil-għan li jiġi ingranat aktar finanzjament għall-ewwel użu industrijali tar-riżultati tar-R&I permezz ta’ investimenti pubbliċi u privati. ( 29 ).
Il-Fond għall-Innovazzjoni ( 30 ) għandu l-għan li jġib fis-suq soluzzjonijiet għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea u jappoġġa t-tranżizzjoni tagħha lejn in-newtralità klimatika, b’baġit ta’ EUR 40 biljun disponibbli mill-2020 sal-2030 (jekk wieħed jassumi prezz tal-karbonju ta’ EUR 75/CO2). Fil-kuntest tal-manifattura ta’ tagħmir ta’ teknoloġiji nodfa (l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, l-elettrolizzaturi u ċ-ċelloli tal-fjuwil, is-soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija, u l-pompi tas-sħana), il-Fond jista’ jappoġġa l-manifattura ta’ materjali (ħlief materjali tal-minjieri) li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-proġetti magħżula sa issa jindirizzaw, pereżempju, il-pannelli solari ħfief, il-komponenti innovattivi tal-bjut għall-bini, jew il-produzzjoni termoplastika tal-linjin. L-attivitajiet relatati mar-riċiklaġġ jew mal-użu mill-ġdid ta’ materjali kritiċi li għandhom jintużaw f’tagħmir tat-teknoloġiji nodfa jew il-komponenti tagħhom jistgħu jiġu appoġġati wkoll mill-Fond, bis-sejħa miftuħa kurrenti tipprovdi EUR 4 biljun għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti ( 31 ).
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)( 32 ) hija mistennija tidħol fis-seħħ f’Marzu 2024. L-iSTEP għandha l-għan li tagħti spinta lill-investimenti f’teknoloġiji kritiċi fis-setturi diġitali, nodfa u bijoteknoloġiċi. Il-materjali avvanzati huma mistennija jkunu parti mill-ambitu. L-investimenti huma mistennija jitwettqu bl-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament eżistenti, bħall-Programm Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għad-Difiża, InvestEU jew il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-pjanijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-ewwel proġetti ffinanzjati taħt l-iSTEP jistgħu jkunu mistennija lejn tmiem l-2024.
Il-programm ta’ ħidma tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC)( 33 ) għall-2024 ikompli jappoġġa l-innovazzjoni fl-innovazzjoni tal-materjali avvanzati b’EUR 132 miljun relatati mat-tranżizzjoni doppja. Il-programm ta’ ħidma għandu wkoll rwol ewlieni fit-trawwim tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE għall-materjali avvanzati. Il-programm ta’ ħidma tal-2024 jinkludi l-Isfidi tal-EIC li jindirizzaw l-innovazzjoni rilevanti fl-oqsma tal-produzzjoni tal-konkrit, in-nanomaterjali, u t-teknoloġiji solari għal x kif ukoll iż-żieda fl-innovazzjonijiet fl-oqsma tal-komponenti kwantistiċi u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-EIC jgħaqqad flimkien korporazzjonijiet kbar ma’ negozji ġodda, negozji li qed jespandu u proġetti ta’ riċerka, filwaqt li jintegra l-innovazzjoni dwar il-materjali avvanzati direttament fil-mudelli ta’ negozju tagħhom.
In-Network Enterprise Europe ( 34 ) se jiffaċilita l-konnessjonijiet ma’ sħab potenzjali ta’ finanzjament permezz ta’ avvenimenti ta’ tlaqqigħ. Barra minn hekk, huwa se jkompli jgħin lill-SMEs innovattivi billi jxerred informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea/nazzjonali rilevanti, kif ukoll dwar programmi ta’ finanzjament u appoġġ nazzjonali/reġjonali/Ewropej, permezz ta’ workshops u sessjonijiet ta’ taħriġ.
InvestEU huwa l-istrument tal-UE għall-katalizzazzjoni tal-investimenti privati fl-oqsma ta’ prijorità tal-UE, li jqegħduh f’pożizzjoni tajba biex jagħti spinta lill-investimenti fil-materjali avvanzati fi ħdan l-UE. Fl-2023, il-Bank Ewropew tal-Investiment diġà approva operazzjoni ta’ Invest EU ( 35 ) għal fond li se jinvesti f’kumpaniji tal-hardware fi stadju bikri b’enfasi fuq l-innovazzjoni fil-materjali avvanzati.
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) għandha l-għan li tiftaħ sorsi ġodda ta’ finanzjament għan-negozji u li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-SMEs, u b’hekk tipprovdi sors potenzjali importanti għall-finanzjament tal-investiment privat fil-materjali avvanzati. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji innovattivi li jinvestu f’materjali avvanzati.
Il-Global Gateway ( 36 ) jistabbilixxi strateġija newtrali għall-klima biex jitħaffef l-iżvilupp sostenibbli, billi jsir investiment fl-iżvilupp ta’ infrastrutturi li huma nodfa, reżiljenti għat-tibdil fil-klima u allinjati ma’ perkorsi lejn emissjonijiet żero netti, filwaqt li jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi għall-investituri potenzjali. Il-materjali avvanzati huma kruċjali biex jinkisbu tali objettivi, u l-Global Gateway joffri opportunitajiet biex jiżdied l-użu tagħhom fuq skala internazzjonali. Il-Grupp Konsultattiv dwar in-Negozju tal-Global Gateway se jservi bħala forum biex ikun hemm skambju strateġiku mar-rappreżentanti tas-settur privat. Barra minn hekk, il-materjali avvanzati se jitqiegħdu wkoll fuq l-aġenda tal-iskambji bilaterali tal-Global Gateway mal-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.
Il-Kummissjoni u l-industrija se:
·jimmobilizzaw taħt sħubija koprogrammata ta’ Orizzont Ewropa EUR 500 miljun, li minnhom l-industrija għandha tikkontribwixxi mill-anqas EUR 250 miljun biex tippariġġa l-kontribuzzjoni tal-UE;
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se:
·jaħdmu mill-qrib fi ħdan il-Forum Ewropew Konġunt għall-IPCEI dwar IPCEIs potenzjali relatati mal-materjali avvanzati;
Il-Kummissjoni se:
·tagħti spinta lill-iżvilupp u lill-espansjoni tal-materjali avvanzati b’appoġġ u investimenti tal-EIC, filwaqt li trawwem l-involviment tan-negozji ġodda fil-materjali avvanzati;
·tirrinforza, tingrana u tmexxi l-investimenti pubbliċi u privati fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija għall-materjali avvanzati permezz ta’ strumenti tal-UE, b’mod partikolari l-Fond għall-Innovazzjoni, STEP u InvestEU.
6.Trawwim tal-produzzjoni u l-użu ta’ materjali avvanzati
L-użu ta’ materjali avvanzati jrid jiġi promoss biex jittejbu r-reżiljenza u l-kompetittività tal-Unjoni u biex jinkisbu ċ-ċirkolarità, l-effiċjenza tal-materjali u l-miri ġenerali tas-sostenibbiltà. Biex l-industrija tkun tista’ tipproduċi dawn il-materjali avvanzati ġodda, hemm bżonn ta’ standards adegwati biex jiffaċilitaw l-użu industrijali u żieda fil-ġabra ta’ professjonisti tas-sengħa. Id-domanda għall-materjali avvanzati tista’ tiġi rinforzata permezz ta’ akkwist infurmat u l-involviment tal-atturi reġjonali.
Bil-ħolqien ta’ domanda pubblika stabbli u l-ftuħ tas-swieq, l-akkwist pubbliku għandu rwol kruċjali fit-trawwim tal-użu ta’ materjali avvanzati. L-akkwirenti pubbliċi jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jixprunaw l-innovazzjoni u għandhom jivvalutaw il-valur miżjud ta’ faċilitaturi ġodda bħall-materjali avvanzati għat-tranżizzjoni doppja u r-reżiljenza u s-sigurtà ekonomika tal-UE. Pereżempju, id-Direttiva tal-2023 dwar l-Effiċjenza Enerġetika ( 37 ) tirrikjedi li l-akkwirenti pubbliċi għandhom jixtru biss prodotti, servizzi, bini u xogħlijiet li joffru prestazzjoni għolja fl-effiċjenza enerġetika. B’mod aktar ġenerali, id-Direttivi tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku jippermettu li l-kuntratti jingħataw mhux biss abbażi tal-anqas prezz, iżda wkoll fuq kriterji oħra marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, bħal prestazzjoni/funzjonalitajiet imtejba pprovduti minn materjali avvanzati.
Il-Kummissjoni nediet ukoll il-proġett tagħha “Big Buyers Working Together” ( 38 ) biex tappoġġa l-kollaborazzjoni bejn xerrejja pubbliċi b’kapaċità qawwija tal-akkwist u biex tippromwovi l-użu aktar wiesa’ tal-akkwist pubbliku strateġiku għal soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar materjali avvanzati fi ħdan il-“Big Buyers Working Together” u l-għoti ta’ pariri lill-akkwirenti pubbliċi dwar kif jistgħu jagħmluhom sikuri, sostenibbli u adatti għaċ-ċirkolarità jistgħu jgħinu biex jinfetħu swieq ġodda aktar malajr u jitnaqqsu l-kostijiet tal-innovazzjonijiet disponibbli. Billi jaħdmu flimkien u jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom, il-bliet, il-korpi ċentrali għall-akkwisti, u xerrejja pubbliċi ewlenin oħra jistgħu jimmassimizzaw is-saħħa tagħhom fis-suq.
Jeħtieġ ukoll li jiġu analizzati l-produzzjoni u l-użu tal-materjali avvanzati fis-setturi industrijali Ewropej u s-Suq Uniku. L-istabbiliment ta’ proċess ta’ monitoraġġ iddedikat se jgħin biex jiġu identifikati innovazzjonijiet u teknoloġiji ewlenin, jiġu analizzati l-ktajjen tal-provvista, u jiġu vvalutati l-impatt ekonomiku potenzjali u l-kontribut ta’ dawn il-materjali għat-tranżizzjoni doppja, ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-UE. Huwa se jiddetermina, jikkategorizza, u jkejjel l-evoluzzjoni u l-użu tal-evoluzzjoni tal-materjali avvanzati. Huwa se joffri fehim approfondit dwar il-pożizzjoni tal-Ewropa fix-xenarju globali tal-materjali avvanzati, li jippermetti tqabbil fil-fond ma’ atturi globali ewlenin bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina. Tali proċess ta’ monitoraġġ għandu jitwettaq f’kooperazzjoni mas-sħubija koprogrammata pubblika-privata ġdida proposta ta’ Orizzont Ewropa “Materjali Innovattivi għall-UE”.
L-istandards joffru bażi għall-integrazzjoni tat-teknoloġiji f’sistemi u soluzzjonijiet kumplessi u innovattivi. L-istandards jippermettu l-interoperabbiltà bejn il-komponenti, il-prodotti u s-servizzi, inaqqsu l-“intrappolament” tal-klijentela u jipprovdu aktar għażla għall-klijenti globalment. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istandardizzazzjoni ( 39 ) hija essenzjali għat-tisħiħ tar-rabta bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Il-proġett pilota tal-Booster tal-Istandardizzazzjoni( 40 ) jipprovdi servizzi lill-proġetti ta’ Orizzont Ewropa biex jiżdied l-użu tat-teknoloġiji ġodda li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. Biex tippromwovi l-adozzjoni ta’ standards tal-UE u internazzjonali għall-materjali avvanzati, il-Kummissjoni se tikkollabora ma’ korpi tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti internazzjonalment inklużi CEN/CENELEC/ETSI, ISO inkluż permezz tas-sħubija koprogrammata proposta ġdida ta’ Orizzont Ewropa “Materjali Innovattivi għall-UE”. L-objettiv huwa li jiġu identifikati b’mod sistematiku l-istandards eżistenti u jiġu identifikati l-lakuni u l-prijoritajiet li jirriżultaw u li jitnedew talbiet għall-istandardizzazzjoni bbażati fuq l-analiżi.
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet fil-materjali avvanzati jkunu konformi mar-regolamenti eżistenti u jkunu adatti għall-iskop tagħhom, dan jagħmilha neċessarja li jiġu stabbiliti metodi u għodod ta’ valutazzjoni armonizzati għall-karatterizzazzjoni u l-ittestjar tal-materjali avvanzati. Huwa importanti wkoll li dawn il-metodi u l-għodod ta’ valutazzjoni armonizzati jkunu kisbu aċċettazzjoni regolatorja. Meta jiġi żviluppat prodott, huwa essenzjali li l-manifatturi jkunu konxji wkoll - kemm jista’ jkun malajr - tar-rekwiżiti regolatorji li jikkonċernawhom, bħar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll ir-riċiklabbiltà. Sfida ewlenija f’dan il-qasam hija li l-materjali avvanzati jista’ jkollhom proprjetajiet uniċi li mhux neċessarjament jinftiehmu tajjeb fil-kuntest tal-istudji tossikoloġiċi jew ambjentali eżistenti. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa rilevanti wkoll li r-regolaturi jiġu infurmati u jifhmu l-aħħar innovazzjonijiet. Pereżempju, ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà li ġejjin skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli se jqisu l-innovazzjoni dwar l-innovazzjonijiet tal-materjali avvanzati u jappoġġaw l-adozzjoni ta’ dawn l-innovazzjonijiet. Biex din l-adozzjoni tirnexxi, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ għodod u metodi adegwati biex jiddeskrivu u jikkondividu l-informazzjoni rilevanti.
F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aħjar użu mill-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-UE( 41 ) huwa importanti li jiġu analizzati l-isfidi identifikati fil-qasam tal-privattivi, u b’mod aktar ġenerali l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, speċifikament għas-settur tal-materjali avvanzati fejn studju ġdid ippubblikat dwar l-investimenti industrijali fir-R&I ( 42 ) juri li l-UE qed taqa’ lura f’dan il-qasam. Għalhekk huwa essenzjali li l-iżviluppaturi ta’ materjali avvanzati jiġu mħeġġa jagħmlu l-aħjar użu mill-gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Biex tibni fehim aħjar tar-raġunijiet għad-dgħufijiet tal-UE fil-privattivi, il-Kummissjoni se twettaq analiżi tax-xenarju tal-privattivi u l-ħtiġijiet tal-industrija. Din l-analiżi se tesplora wkoll il-ħtieġa ta’ intermedjarju biex jiċċentralizza u jimmaniġġja d-drittijiet tal-privattivi mxerrda f’dan il-qasam.
Huma meħtieġa ħiliet ġodda fl-oqsma ta’ metodi u għodod innovattivi, u t-tfassil u l-iżvilupp ta’ materjali ġodda. Il-ħiliet f’dan il-qasam huma meħtieġa b’mod speċjali fix-xjenza tal-materjali, il-kimika, l-inġinerija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni. Huma meħtieġa wkoll ħiliet multidixxiplinari. Dawn il-ħiliet jeħtieġ li jiġu identifikati u li jiġu inklużi fis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan jinkludi, pereżempju, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ kurrikuli u programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali korrispondenti għat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol futura u kurrenti. Għandhom isiru sforzi b’mod partikolari biex jiġi sfruttat it-talent tan-nisa billi tiġi indirizzata s-sottorappreżentanza tagħhom fl-istudji tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM). Bl-istess mod, dan huwa rilevanti wkoll għall-persuni b’diżabilità. Il-Patt għall-Ħiliet għandu rwol ċentrali fit-tħejjija tal-ħaddiema għall-impjiegi ta’ għada, inkluż f’setturi li jużaw materjali avvanzati, billi jlaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex itejbu l-ħiliet u jħarrġu mill-ġdid lin-nies fil-ħiliet mitluba.
Fl-2024 se titnieda sejħa kompetittiva bejn il-Komunitajiet differenti tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) għall-istabbiliment ta’ Akkademja tal-Materjali Avvanzati, li b’kollox tirċievi finanzjament ta’ avvjament ta’ EUR 10 miljun. L-azzjoni proposta tirrispondi għall-Inizjattiva Ewlenija 4 tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni ( 43 ) dwar it-talenti tat-teknoloġija profonda u ssegwi x-xejriet tal-Akkademji tal-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. L-akkademja se tiżviluppa kurrikuli li jgħammru lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati tal-materjali bil-ħiliet il-ġodda meħtieġa, filwaqt li toffri wkoll appoġġ lill-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tiżviluppa kredenzjali għall-użu volontarju mill-Istati Membri. Hija se tikkoopera maċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali biex tipprovdi ħiliet ta’ kwalità għolja li jwasslu għal opportunitajiet ta’ impjieg u opportunitajiet tul il-karriera kollha, kif ukoll mal-Istati Membri u l-Alleanza tal-Universitajiet Ewropej biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ kurrikuli ġodda fis-sistemi edukattivi nazzjonali.
Il-Kummissjoni se:
·timmobilizza lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-komunità “Big Buyers” taħt finanzjament reġjonali u lill-atturi fil-global gateway biex jistimulaw is-swieq tal-innovazzjoni tal-materjali avvanzati permezz tad-domanda pubblika;
·tniedi Akkademja tal-Materjali Avvanzati mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija bbażata fuq sejħa kompetittiva fl-2024, biex tħaffef l-iżvilupp ta’ kurrikuli u kredenzjali għall-ħiliet fis-settur;
·ittejjeb l-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ standards dwar il-materjali avvanzati għall-oqsma u l-karatteristiċi trażversali elenkati fl-anness f’kollaborazzjoni mas-CEN/CENELEC/ETSI u ISO fl-2024;
·tniedi studji biex titwettaq analiżi fil-fond tal-produzzjoni u l-użu tal-materjali avvanzati, kif ukoll tax-xenarju tal-privattivi sal-2025.
7.Qafas ta’ governanza ġenerali
Il-materjali avvanzati huma ddisinjati, żviluppati u użati f’ħafna applikazzjonijiet differenti u fis-setturi xjentifiċi u industrijali kollha. Approċċ ikkoordinat li jinvolvi l-atturi differenti fl-Ewropa, sew jekk ikunu mill-akkademja, l-industrija, il-finanzjaturi jew dawk li jfasslu l-politika, jirrikjedi korp ta’ referenza komuni. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet elenkati f’din il-Komunikazzjoni tirrikjedi tmexxija strateġika mill-Istati Membri u mill-atturi tal-industrija fil-livelli kollha biex it-tnejn jaqblu b’suċċess dwar id-dettalji tal-azzjonijiet u jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħhom.
Il-Kummissjoni għalhekk se tistabbilixxi Kunsill tat-Teknoloġija għall-materjali avvanzati( 44 ) . Dan il-Kunsill se jkun magħmul mill-Istati Membri (il-ministeri responsabbli mir-riċerka u l-politika settorjali/industrijali), il-partijiet ikkonċernati tar-riċerka u dawk industrijali u l-Kummissjoni Ewropea. Huwa se jipprovdi pariri dwar l-ekosistema Ewropea tal-materjali avvanzati, jappoġġa l-identifikazzjoni ta’ objettivi komuni u oqsma ta’ prijorità għal azzjoni koordinata dwar il-materjali avvanzati, b’reazzjoni għall-ewwel azzjoni mħabbra f’din il-Komunikazzjoni, b’kont meħud tal-attivitajiet rilevanti kollha dwar il-materjali avvanzati fl-UE. Huwa se jiżgura wkoll parteċipazzjoni adegwata tal-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u, fejn rilevanti, ta’ pajjiżi terzi oħra li magħhom l-UE kkonkludiet Ftehimiet ta’ Sħubija Strateġika. Il-Kunsill tat-Teknoloġija se jinvolvi lis-sħab soċjali u jintegra l-għarfien mill-Alleanzi Industrijali rilevanti, il-Forum Industrijali Ewropew, il-gruppi tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) u s-sħubijiet rilevanti ta’ Orizzont Ewropa.
Barra minn hekk, il-Kunsill tat-Teknoloġija għall-materjali avvanzati se jiddiskuti u jibni sinerġiji mal-widien tal-innovazzjoni reġjonali, li għandhom il-għan li jiżviluppaw u jużaw innovazzjoni matura; bi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3) taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u s-sħubijiet tematiċi tal-Komunità ta’ Prattika S3, li taħthom ir-reġjuni jidentifikaw il-vantaġġi kompetittivi tagħhom, il-punti b’saħħithom uniċi tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tagħhom għal R&I ta’ kwalità għolja ( 45 ).
Il-Kunsill tat-Teknoloġija se jiddiskuti wkoll sħubijiet internazzjonali, billi jrawwem l-eċċellenza u t-tmexxija globali fil-materjali avvanzati permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab. L-UE għandha ftehimiet ta’ assoċjazzjoni kif ukoll ftehimiet ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija, ma’ pajjiżi li għandhom għarfien espert qawwi f’dan il-qasam. Jista’ jiġi mfittex aktar involviment ma’ pajjiżi oħra f’oqsma mmirati sew. Dawn il-ftehimiet se jkunu bbażati fuq ftuħ reċiproku, ir-rispett tal-valuri fundamentali u kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari permezz ta’ Orizzont Ewropa u s-suċċessur tiegħu matul iċ-ċikli sħaħ tar-R&I, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ( 46 ). Il-materjali avvanzati huma koperti wkoll mill-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri. F’konformità mal-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika, il-miżuri meħuda jistgħu jindirizzaw il-ħtieġa ta’ protezzjoni, promozzjoni jew sħubija.
Il-Kunsill tat-Teknoloġija se jqis l-evidenza kollha disponibbli, inklużi r-riżultati tal-analiżi mwettqa dwar il-monitoraġġ tal-produzzjoni u l-użu ta’ materjali avvanzati. Huwa se jivvaluta wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistabbilixxu sandboxes regolatorji ( 47 ), li jistgħu jwittu t-triq għas-simplifikazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni/ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ materjali avvanzati.
Il-Kummissjoni se:
·tistabbilixxi l-Kunsill tat-Teknoloġija dwar il-materjali avvanzati fl-2024, biex jagħti pariri dwar it-tmexxija ta’ din l-inizjattiva mal-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u l-industrija.
8.Konklużjonijiet
Il-materjali avvanzati huma essenzjali għall-prosperità, għall-awtonomija strateġika miftuħa u għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa. Filwaqt li l-UE għad għandha pożizzjoni b’saħħitha fix-xjenza tal-materjali, atturi ewlenin oħra qed iżidu strateġikament l-investimenti tagħhom f’dan il-qasam u jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jadottaw u jużaw teknoloġiji ta’ skala u veloċità bbażati fuq materjali avvanzati.
Din il-Komunikazzjoni tindirizza sistematikament l-ekosistema tal-materjali avvanzati tal-UE permezz ta’ kombinazzjoni ta’ 14-il azzjoni ta’ tisħiħ reċiproku akkumpanjati minn strateġija maqbula fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija. L-azzjonijiet proposti jindirizzaw il-ħolqien kollu tal-valur, mir-riċerka fi stadju bikri sal-implimentazzjoni u l-adozzjoni mis-suq. Biex jiġu ddisinjati, żviluppati, prodotti u użati l-materjali avvanzati fl-Ewropa, l-istrateġija tipproponi ekosistema dinamika u inklużiva tal-materjali, li tinvolvi lill-Istati Membri, ir-riċerkaturi, l-innovaturi u l-industrija.
Flimkien, dawn l-azzjonijiet se jwittu t-triq għal:
a)ekosistema Ewropea aktar koordinata u reattiva għall-materjali avvanzati li tingrana l-investimenti pubbliċi u privati f’oqsma strateġiċi;
b)opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-kumpaniji tal-UE li jiddependu fuq dawn it-teknoloġiji kritiċi jew li lesti jittestjawhom fil-proċess ta’ innovazzjoni tagħhom; u
c)użu fuq skala akbar u aktar rapidu ta’ materjali avvanzati bħala katalisti tas-suq għat-tranżizzjoni doppja, li jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE.
ANNESS
Dan l-anness jipprovdi lista preliminari ta’ prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni li ġew identifikati permezz ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri bħala partikolarment rilevanti għal azzjoni konġunta fil-qasam tal-materjali avvanzati għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja Ewropea ta’ suċċess: l-enerġija, il-mobbiltà, il-kostruzzjoni u l-elettronika. Din il-lista ta’ oqsma ta’ prijorità se tiġi aġġornata b’mod regolari biex tqis l-iżviluppi soċjoekonomiċi, xjentifiċi jew teknoloġiċi, jew wara l-identifikazzjoni ulterjuri ta’ ħtiġijiet komuni għal azzjoni konġunta.
Il-kwalitajiet inerenti tal-materjali avvanzati jagħmluha tabilħaqq possibbli għalihom li jixprunaw l-innovazzjoni kkaratterizzata mill-prinċipji ta’: Kunsiderazzjoni mill-ġdid, Tnaqqis, Użu mill-ġdid, Tiswija, Rinnovazzjoni, Manifattura mill-ġdid, Adattament, Riċiklaġġ, Tiġdid u Rkupru. Dawn il-prijoritajiet għandhom jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet industrijali u soċjetali kif identifikati f’din il-Komunikazzjoni, allinjati mal-prijoritajiet politiċi.
I.Enerġija
Il-ħtiġijiet għal dan il-qasam għandhom jiġu ddeterminati f’erba’ kategoriji: il-konverżjoni/il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-ħżin, il-grilja tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni u l-fjuwils rinnovabbli.
a)Konverżjoni u ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju: dan jista’ jinkludi materjali avvanzati biex tittejjeb id-durabbiltà tal-apparati għall-konverżjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES); il-katalizzaturi; il-kisi u l-impermeabbiltà; it-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali tat-tħaddim (eż., ir-reżistenza għall-korrużjoni); it-titjib tal-effiċjenza tal-konverżjoni f’RES differenti (eż., pannelli fotovoltajċi, turbini eoliċi jew pompi tas-sħana).
b)Sistemi ta’ ħżin tal-enerġija: dan jista’ jkopri materjali ċirkolari avvanzati u aktar sostenibbli għat-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija bħat-teknoloġiji elettrokimiċi (eż., batteriji u superkapaċitaturi), teknoloġiji termali u termokimiċi (eż., materjali tat-tibdil tal-fażi), jew dawk kimiċi.
c)Id-distribuzzjoni tal-enerġija u l-grilja tat-trażmissjoni: dan jista’ jikkonċerna materjali avvanzati biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità, l-affidabbiltà u d-durabbiltà tal-grilja tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni tal-enerġija (eż., kisjiet ta’ prestazzjoni għolja li jipproteġu l-infrastrutturi kontra l-korrużjoni, il-frizzjoni, is-silġ jew soluzzjonijiet oħra b’materjali alternattivi).
d)Fjuwils rinnovabbli: dan jista’ jkopri materjali avvanzati għall-produzzjoni ta’ fjuwils sostenibbli, bħal fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u fjuwils sintetiċi, li jindirizzaw l-impronta ambjentali. Waħda mill-isfidi ewlenin hija li jiġu żviluppati katalizzaturi li huma suffiċjentement attivi, stabbli, u b’kost baxx biex jiġu prodotti fjuwils rinnovabbli jew sustanzi kimiċi fi kwantitajiet kbar u b’kost baxx.
II.Mobbiltà
Il-ħtiġijiet għal dan il-qasam għandhom jiġu ddeterminati f’erba’ kategoriji: il-ħtiġijiet tal-ħżin tal-enerġija għall-modi tat-trasport, mezzi tat-trasport u infrastrutturi eħfef u aktar robusti u ċirkolarità akbar u prestazzjoni ambjentali mtejba.
a)Ħżin tal-enerġija u fjuwils alternattivi għal mezzi differenti tat-trasport. Pereżempju:
·batteriji avvanzati (eż., stat solidu) ikkaratterizzati minn effiċjenza ogħla, impronta ambjentali mnaqqsa fil-produzzjoni tagħhom, użu mnaqqas u sostituzzjoni sostenibbli ta’ materja prima kritika, profil ta’ sikurezza mtejjeb, durabbiltà aħjar, prestazzjoni, densità ogħla tal-enerġija, u riċiklabbiltà akbar;
·sistemi taċ-ċelloli tal-fjuwil għall-idroġenu, l-ammonijaka u/jew il-metanol b’effiċjenza ħafna ogħla u fokus fuq soluzzjonijiet għall-irkupru tas-sħana mormija; elettrolizzaturi; katalizzaturi.
b)Materjali ta’ prestazzjoni għolja avvanzati għal applikazzjonijiet tat-trasport ħfief, kapaċi jaħdmu f’ambjenti ħorox, affidabbli ħafna u durabbli. Pereżempju:
·materjali - eħfef - avvanzati li jikkombinaw konsum imnaqqas tal-enerġija ma’ żieda fis-sikurezza (eż., għall-okkupanti tal-vetturi kif ukoll għall-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u utenti oħra);
·materjali u strutturi komposti avvanzati għall-vetturi, l-ajrustrutturi u l-komponenti tal-magni, inklużi termoplastik ta’ prestazzjoni għolja, sistemi adattivi, rekwiżiti multifunzjonali (eż., issaldjar jew proċessi biex jingħaqdu b’mod affidabbli materjali differenti).
c)Aktar protezzjoni, reżiljenza u durabbiltà għall-mezzi u l-infrastrutturi tat-trasport. Pereżempju:
·Kisi u żebgħa, billi tiżdied id-durabbiltà tagħhom kif ukoll jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil - rilevanti għall-marki ajruspazjali, fuq l-ilma, fuq il-karozzi u fit-toroq;
·Proċessi ibridi ta’ manifattura (eż., li jikkombinaw teknoloġiji addittivi bbażati fuq l-estrużjoni u tqegħid awtomatizzat ta’ fibri), teknoloġiji tat-tgħaqqid, trattamenti tal-wiċċ u spezzjoni/kontroll awtomatizzati tal-kwalità għal ajrustrutturi primarji kbar u komponenti tal-magni.
d)Żieda fiċ-ċirkolarità u indirizzar tal-prestazzjoni ambjentali tal-materjali. Pereżempju:
·materjali aħjar għal użu sikur u sostenibbli (eż., komposti riċiklabbli u/jew bijodegradabbli, batteriji u użi elettroniċi fil-modi kollha tat-trasport);
·materjali ġodda li jkomplu jnaqqsu l-impronta ambjentali u jżidu r-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport (eż., impatt aktar baxx tul iċ-ċiklu tal-ħajja, użu ċirkolari, materjali aktar dejjiema/aktar reżistenti għat-toroq/binarji ferrovjarji, anqas impatt fuq il-bijodiversità; tajers u brejkijiet b’emissjoni baxxa ta’ materja partikolata);
·manutenzjoni u tiswija kosteffiċjenti ta’ komposti avvanzati, superligi, kisi, strutturi ibridi u adattivi għall-applikazzjonijiet tat-trasport.
III.Kostruzzjoni
Il-ħtiġijiet taħt dan il-kapitolu huma ddeterminati taħt erba’ kategoriji: titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini, bini aktar robust u li jdum aktar, benesseri akbar fil-bini, materjali biex tittejjeb iċ-ċirkolarità u tiġi indirizzata l-prestazzjoni ambjentali.
a)Titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-bini. Pereżempju: fowms komposti, materjali tal-iżolament termali u tal-ħżin, sistemi integrati tal-enerġija.
b)Strutturi tal-bini aktar robusti u li jdumu aktar u monitoraġġ aħjar tal-integrità strutturali. Pereżempju: materjali komposti inklużi konkrit imsaħħaħ bil-grafen, materjali ħfief, materjali ġodda għall-istampar 3D u l-manifattura addittiva, materjali għall-prefabbrikazzjoni u l-kostruzzjoni modulari, materjali, u materjali ta’ awtomonitoraġġ, awtoriparazzjoni jew awtoprotezzjoni.
c)Benesseri akbar fil-bini. Pereżempju: materjali għal aktar kumdità, tnaqqis tal-istorbju, materjali għad-dawl, teknoloġiji dinamiċi ottikament trasparenti u tal-ħġieġ, elettronika trasparenti bbażata fuq l-ossidu, materjali elettrokromatiċi, termokromatiċi, gasokromiċi, fotokromatiċi, u trattamenti kontra l-ħmieġ, kontra s-silġ, kontra ż-żliq, kontra l-korrużjoni jew trattamenti superidrofobiċi.
d)Materjali biex tittejjeb iċ-ċirkolarità u tiġi indirizzata l-prestazzjoni ambjentali. Pereżempju: kisjiet ġodda b’bażi bijoloġika, formulazzjonijiet taż-żebgħa, insulazzjoni bbażata fuq l-injam, adeżivi u materjali komposti fil-bini, u l-indirizzar tal-potenzjal ta’ tisħin globali ta’ tali materjali marbuta mal-bini u d-dekostruzzjoni tagħhom.
IV. Elettronika
Il-ħtiġijiet taħt dan il-kapitolu għandhom jiġu ddeterminati b’enfasi fuq iċ-ċipep, il-komponenti u s-sistemi elettroniċi. Il-ħtiġijiet se jiġu identifikati taħt iż-żewġ intestaturi li ġejjin:
a)Materjali avvanzati għal prestazzjoni aħjar, inklużi karatteristiċi speċifiċi biex jaħdmu f’ambjenti ħorox, konsum imnaqqas tal-enerġija u funzjonalitajiet ġodda ta’ komponenti elettroniċi (għal applikazzjonijiet f’oqsma differenti). Dawn il-materjali avvanzati għandhom ikopru wkoll: is-sensuri, il-kunċetti ġodda tal-computing u tal-memorja, l-elettronika tal-potenza, il-komunikazzjoni (inkluża t-trażmissjoni tas-sinjali u l-ġestjoni termali għall-ġenerazzjonijiet li jmiss tan-networks 5G u 6G u lil hinn), l-elettronika flessibbli, l-optoelettronika, il-fotonika u l-komponenti kwantistiċi.
b)Materjali avvanzati għal teknoloġiji ta’ produzzjoni u imballaġġ ta’ ċipep ġodda, inklużi pjastrini u substrati lil hinn mis-siliċju għal effiċjenza mtejba (għal applikazzjonijiet f’oqsma differenti bħall-enerġija, il-potenza u l-komunikazzjoni), durabbiltà, sostenibbiltà u ċirkolarità mtejba, u dipendenza mnaqqsa fuq is-CRMs.
Karatteristiċi trażversali
Id-diġitalizzazzjoni tar-R&I dwar materjali avvanzati (b’infrastrutturi tad-data, għodod tal-immudellar diġitali, analitika/ontoloġiji komuni tad-data u intelliġenza artifiċjali) għandha l-potenzjal li taċċellera l-iskoperta ta’ materjali innovattivi ġodda billi tippermetti l-analiżi ta’ settijiet ta’ data vasti, tippermetti l-interpretazzjoni tad-data minn diversi tekniki ta’ karatterizzazzjoni, ittejjeb l-immudellar, u billi tissuġġerixxi l-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ materjali ġodda. Dan kollu se jservi biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa.
Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-kunċett “Sikuri u Sostenibbli mid-Disinn” se tkun fil-qalba tal-proċess ta’ trasformazzjoni tal-materjali. Din hija bidla paradigmatika lejn materjali avvanzati li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-sostenibbiltà, filwaqt li fl-istess ħin ikunu irħas u jaħdmu aħjar fl-ambjenti kollha. Dan jinkludi sforzi biex jiġu sostitwiti jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun is-sustanzi perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Iċ-ċirkolarità hija wkoll essenzjali, u sfida partikolari għal taħlitiet kumplessi ta’ materjali; huwa importanti li jiġi żgurat li l-materjali avvanzati fi tmiem l-użu tagħhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal materjali avvanzati sekondarji, u b’hekk titnaqqas kemm il-pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista kif ukoll l-impronta ambjentali ġenerali tal-materjali.
Elementi trażversali oħra għall-konsiderazzjoni fl-oqsma ta’ prijorità huma l-karatterizzazzjoni, l-istrumentazzjoni, il-metroloġija u l-manifattura.