30.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 34/26 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(2023/C 34/10)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
Rosé d’Anjou
PDO-FR-A1007-AM02
Data tal-komunikazzjoni: 11 ta’ Novembru 2022
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali
Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati skont il-Code officiel géographique [Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali].
Dan ma jaffettwax il-konfini taż-żona ġeografika demarkata.
Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.
2. Żona tal-irqajja’ demarkata
Żdiedu d-dati li fihom l-awtorità nazzjonali kompetenti approvat emenda fiż-żona demarkata tal-irqajja’ fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ ta’ art tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ ta’ art fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni li huma tajbin għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta kkonċernata.
Id-Dokument Uniku ma huwiex affettwat minn din l-emenda.
3. Distanza bejn id-dwieli
Id-distanza minima bejn id-dwieli individwali fl-istess flann inbidlet minn 1 m għal 0,90 m.
L-għan ta’ din l-emenda huwa li tippermetti densità akbar tat-tħawwil mingħajr ma tibdel id-distanza bejn il-flanni tad-dwieli.
Ġiet miżjuda wkoll dispożizzjoni speċjali għad-dwieli li jinsabu fuq inklinazzjonijiet ta’ aktar minn 10 % li għalihom hija permessa distanza minima ta’ 0,80 m bejn il-pjanti.
Din iż-żieda saret biex titqies is-sitwazzjoni partikolari tad-dwieli mħawlin fuq inklinazzjonijiet weqfin, li jeħtieġu arranġamenti speċjali waqt it-tħawwil: flanni mħawla mix-xellug għal-lemin tal-inklinazzjonijiet minflok minn isfel għal fuq.
Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.
4. Żbir
Ir-regoli taż-żbir ġew allinjati ma’ dawk tad-denominazzjonijiet fiż-żona Anjou Saumur fil-Val de Loire.
Dan l-allinjament huwa maħsub biex l-operaturi jifhmu aktar, u biex jiġu ssimplifikati l-ispezzjonijiet. Din l-emenda tagħti lill-vitikulturi l-possibbiltà li jadattaw meta jkun hemm il-ġlata, li qed isseħħ dejjem aktar tard fis-sena.
Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.
5. Rabta
Ir-rabta ġiet emendata biex tagħmel referenza għall-2021 minflok għall-2018, u biex jinbidel in-numru ta’ muniċipalitajiet wara li wħud minnhom ingħaqdu flimkien.
Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat.
6. Miżuri tranżizzjonali
Il-miżuri tranżizzjonali li skadew tħassru.
Ġiet miżjuda miżura tranżizzjonali minħabba d-demarkazzjoni l-ġdida tal-irqajja’ f’ċerti muniċipalitajiet.
Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.
7. Tikkettar
Ir-regoli dwar it-tikkettar ġew allinjati ma’ dawk tad-denominazzjonijiet fiż-żona Anjou Saumur fil-Val de Loire. Din hija emenda purament editorjali.
Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.
8. Referenza għall-korp ta’ spezzjoni
Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet ta’ Prodotti oħrajn. Din hija emenda purament editorjali.
Din l-emenda ma teħtieġx tibdil fid-Dokument Uniku.
9. Emendi editorjali
Saru numru ta’ emendi editorjali fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
Rosé d’Anjou
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
L-inbejjed huma nbejjed rożè bla gass b’dawn il-karatteristiċi analitiċi.
L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 9,5 %.
L-ammont ta’ zokkor fermentabbli, glukożju u fruttożju, fl-inbejjed wara l-fermentazzjoni jrid ikun mill-inqas 7 grammi għal kull litru.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tistax taqbeż it-12 %.
Il-livelli ta’ aċidità volatili, aċidità totali u diossidu tal-kubrit totali huma kif stabbiliti fir-regolamenti tal-UE. Madankollu, il-lottijiet kollha ta’ nbid mhux ibbottiljat eliġibbli li jkollhom it-terminu “primeur” jew “nouveau” jrid ikollhom livelli ta’ aċidità volatili ta’ mhux aktar minn 10,2 milliekwivalenti għal kull litru.
L-inbejjed għandhom livelli differenti ta’ zokkor fermentabbli u ħlewwa. Huma aromatiċi ħafna, b’kull wieħed jesprimi l-karatteristiċi partikolari tal-varjetajiet tal-għeneb tiegħu. Madankollu, il-frott dejjem ikun preżenti f’xi forma jew oħra, bħal ħawħ, frawli jew ċitru. Fil-ħalq, l-inbejjed joffru bilanċ sofistikat bejn il-freskezza u l-bilanċ. L-aroma tagħhom hija twila u qawwija.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika totali minima (f’% tal-volum) |
9 |
Aċidità totali minima |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
1. Densità ta’ tħawwil - Distanza
Metodu tal-kultivazzjoni
Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. L-ispazju bejn il-flanni tad-dwieli ma jridx ikun aktar minn 2,5 metri, u l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann irid ikun mill-inqas 0,90 metri. Il-ħsad tal-għeneb huwa eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jekk jiġi minn irqajja’ tal-vinji b’distanza ta’ bejn 0,8 m u 0,9 m bejn il-pjanti fl-istess flann, meta jkunu fuq inklinazzjonijiet ta’ aktar minn 10 %.
Fil-każ tal-irqajja’ tal-vinji fejn id-densità tat-tħawwil hija tal-inqas 3 300 iżda inqas minn 4 000 pjanta għal kull ettaru, il-ħsad huwa eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata sakemm jikkonforma mar-regoli dwar it-taħriġ fuq il-kannizzati u l-għoli tal-faxxina stabbiliti f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. F’dawn l-irqajja’, id-distanza bejn il-flanni tad-dwieli ma tistax tkun akbar minn 3 metri, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess flann ma tistax tkun inqas minn 1 metru.
2. Regoli dwar iż-żbir u t-tħarriġ fuq il-kannizzati tad-dwieli
Metodu tal-kultivazzjoni
Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta, irrispettivament minn jekk jintużax iż-żbir taz-zkuk, iż-żbir li jħalli rimjiet qosra, jew iż-żbir imħallat.
Id-dwieli jistgħu jinżabru b’żewġ għejun addizzjonali għal kull pjanta bil-kundizzjoni li, fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa (egħjun ta’ fjuri separati), in-numru ta’ fergħat li jagħtu l-frott fis-sena għal kull dielja jkun 12 jew inqas.
L-għoli tal-faxxina meta tkun fuq il-kannizzata huwa mill-inqas 0,6 darbiet id-daqs tad-distanza bejn il-flanni. Dan l-għoli jitkejjel mill-iktar punt baxx tal-faxxina, stabbilit f’minimu ta’ 0,4 metri ’l fuq mill-art, sal-ogħla parti tal-kanupew, stabbilita mill-inqas 0,2 metri ’l fuq mill-għoli tal-wajer tal-kannizzata ta’ fuq.
Fil-każ ta’ rqajja’ tal-vinji fejn id-densità tat-tħawwil tkun mill-inqas 3 300 iżda inqas minn 4 000 pjanta għal kull ettaru, japplikaw ir-regoli addizzjonali dwar it-tħarriġ fuq il-kannizzati li ġejjin: l-għoli minimu tal-arbli għall-irbit ’il fuq mill-art huwa ta’ 1,9 metri; il-kannizzata tinkludi 4 livelli ta’ fili; l-għoli minimu tal-fil ta’ fuq huwa ta’ 1,85 metri ’l fuq mill-art.
3. Irrigazzjoni
Metodu tal-kultivazzjoni
L-irrigazzjoni hija pprojbita.
4. Prattika enoloġika speċifika
L-użu tal-faħam enoloġiku huwa pprojbit, kemm waħdu kif ukoll imħallat fi preparazzjonijiet.
L-użu ta’ laqx tal-injam huwa pprojbit.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tistax taqbeż it-12 %.
Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu, f’dak li għandu x’qasam mal-prattiki enoloġiċi użati.
5.2. Rendimenti massimi
75 ettolitru għal kull ettaru
6. Żona ġeografika demarkata
L-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni tal-inbejjed eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Rosé d’Anjou jridu jsiru fiż-żona ġeografika li tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:
— |
id-département ta’ Deux-Sèvres: Brion-près-Thouet, Loretz-d’Argenton, Louzy, Plaine-et-Vallées (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Oiron biss), Saint-Cyr-la-Lande, Sainte-Verge, Saint-Martin-de-Mâcon, Saint-Martin-de-Sanzay, Thouars (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Mauzé-Thouarsais, Sainte-Radegonde u l-eks muniċipalità ta’ Thouars biss), Tourtenay, Val en Vignes (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouillé-Saint-Paul, Cersay u Saint-Pierre-à-Champ biss); |
— |
id-département ta’ Maine-et-Loire: Allonnes, Angers, Antoigné, Artannes-sur-Thouet, Aubigné-sur-Layon, Beaulieu-sur-Layon, Bellevigne-en-Layon, Bellevigne-les-Châteaux, Blaison-Saint-Sulpice, Bouchemaine, Brain-sur-Allonnes, Brissac Loire Aubance (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Alleuds, Brissac-Quincé, Charcé-Saint-Ellier-sur-Aubance, Chemellier, Coutures, Luigné, Saint-Rémy-la-Varenne, Saint-Saturnin-sur-Loire u Vauchrétien biss), Brossay, Cernusson, Chalonnes-sur-Loire, Champtocé-sur-Loire, Chaudefonds-sur-Layon, Chemillé-en-Anjou (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Chanzeaux, La Jumellière u Valanjou biss), Cizay-la-Madeleine, Cléré-sur-Layon, Le Coudray-Macouard, Courchamps, Denée, Dénezé-sous-Doué, Distré, Doué-en-Anjou, Épieds, Fontevraud-l’Abbaye, Les Garennes sur Loire, Gennes-Val-de-Loire (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Chênehutte-Trèves-Cunault, Gennes, Grézillé, Saint-Georges-des-Sept-Voies u Le Thoureil biss), Huillé-Lézigné (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Huillé), Ingrandes-Le Fresne sur Loire (it-territorju tal-eks muniċipalità ta’ Ingrandes biss), Jarzé Villages (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Lué-en-Baugeois biss), Louresse-Rochemenier, Lys-Haut-Layon, Mauges-sur-Loire (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent, Le Mesnil-en-Vallée, Montjean-sur-Loire, La Pommeraye, Saint-Florent-le-Vieil, Saint-Laurent-de-la-Plaine u Saint-Laurent-du-Mottay biss), Mazé-Milon (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Fontaine-Milon biss), Montilliers, Montreuil-Bellay, Montsoreau, Mozé-sur-Louet, Mûrs-Erigné, Orée d’Anjou (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouzillé, Champtoceaux, Drain, Landemont, Liré u La Varenne biss), Parnay, Passavant-sur-Layon, La Possonnière, Le Puy-Notre-Dame, Rives-de-Loir-en-Anjou (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Villevêque biss), Rochefort-sur-Loire, Rou-Marson, Sainte-Gemmes-sur-Loire, Saint-Georges-sur-Loire, Saint-Germain-des-Prés, Saint-Just-sur-Dive, Saint-Macaire-du-Bois, Saint-Melaine-sur-Aubance, Saumur, Savennières, Soulaines-sur-Aubance, Souzay-Champigny, Terranjou, Tuffalun, Turquant, Les Ulmes, Val-du-Layon, Varennes-sur-Loire, Varrains u Vaudelnay; |
— |
id-département ta’ Vienne: Berrie, Curçay-sur-Dive, Glénouze, Pouançay, Ranton, Saint-Léger-de-Montbrillais, Saix, Ternay u Les Trois-Moutiers. |
Il-mapep taż-żona ġeografika jinsabu fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO).
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed
Cabernet Franc N
Cabernet Sauvignon N
Côt N - Malbec
Gamay N
Grolleau N
Grolleau Gris G
Pineau d’Aunis N
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
1. Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika
a) Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta
Iż-żona ġeografika hija mifruxa fuq żewġ formazzjonijiet ġeoloġiċi maġġuri li fihom il-vinji jokkupaw il-biċċa l-kbira tal-baċiri idrografiċi tax-xmara u xi plateaux: fil-Punent, il-blat tal-bażi Prekambrijan u Paleożojku jifforma parti mill-Massif Armorikan; fil-Lvant, is-substrat Mesożojku u Ċenożojku tal-baċir ta’ Pariġi għatta l-blat tal-bażi l-qadim. Din il-partikolarità ġeoloġika tiddistingwi l-parti tal-Punent taż-żona ġeografika mill-parti tal-Lvant. Il-parti tal-Punent hija magħrufa għall-preżenza ta’ depożiti tax-shale, l-aktar lavanja, u hija magħrufa lokalment bħala “Anjou noir” jew “Anjou iswed”. Il-parti tal-Lvant hija magħrufa għal-lom tal-ġibs tagħha (Saumur) u hija magħrufa lokalment bħala “Anjou blanc” jew “Anjou abjad”.
B’rabtiet storiċi mal-provinċja l-qadima ta’ Anjou, mill-2021 iż-żona ġeografika essenzjalment tkopri n-nofs t’isfel tad-département ta’ Maine-et-Loire (68 muniċipalità) u t-truf tat-Tramuntana tad-départements ta’ Deux-Sèvres (11-il muniċipalità) u Vienne (9 muniċipalitajiet).
L-irqajja’ demarkati b’mod speċifiku għall-ħsad tal-għeneb għandhom ħamrija li żviluppat minn formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti. Għalkemm it-tipi ta’ ħamrija huma differenti b’mod sinifikanti, dawn ġeneralment huma fqar b’riżervi limitati ta’ ilma. Għandhom ukoll proprjetajiet termali tajbin.
Iż-żona ġeografika tibbenefika minn klima marittima moderata b’varjazzjonijiet żgħar biss fit-temperatura. Dan huwa parzjalment dovut għall-prossimità relattiva tal-Oċean Atlantiku, u parzjalment għar-rwol tal-Loire u t-tributarji tagħha fir-regolazzjoni tat-temperatura. Il-fatt li l-dwieli huma mħawla fuq l-għoljiet huwa fattur ukoll. Dan jispjega l-espressjoni “douceur angevine” (temp moderat ta’ Anjou), li tiddeskrivi bl-aħjar mod ix-xitwa, ir-rebbiegħa twila u l-ħarifa, filwaqt li hemm perjodi sħan frekwenti fis-sajf. L-inklinazzjonijiet li jħarsu lejn il-Majjistral u x-Xlokk jipproteġu d-dwieli mill-irjieħ mill-Punent, li ħafna drabi jġibu magħhom umdità kbira. B’dan il-mod, iż-żona ġeografika ftit li xejn tiġi irrigata, u tibbenefika minn effett foehn, bl-ogħla inklinazzjonijiet ta’ Choletais u Mauges jipprovdu kenn mir-raxx tal-baħar. Ix-xita annwali hija ta’ madwar 585 millimetru, meta mqabbla ma’ 800 millimetru f’Choletais.
b) Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta ġeografika
Huwa magħruf li d-dwieli ilhom ikkultivati fuq bażi kontinwa f’Anjou sa mill-ewwel seklu WK. Huwa reġjun eċċellenti għall-vitikultura, kif muri minn dawn il-linji ta’ poeżija ta’ Apollonius (is-sitt seklu): “Mhux ’il bogħod mill-Bretanja hemm raħal li jinsab fuq blata bi pjantaġġuni estensivi rikki fil-frott ta’ Ceres u Bacchus u isem, Andecavi (Angers), li ġej mill-isem tal-post Grieg”. Il-vitikultura żviluppat fiż-żona ta’ Anjou matul il-Medju Evu, taħt l-awspiċi tal-monasteri li jinsabu fuq ix-xtajta tal-Loire u madwar Angers. Madankollu, il-vinji saru partikolarment magħrufa mis-seba’ u t-tmien seklu ’l quddiem. Bis-saħħa tal-influwenza ta’ Enriku II u Elanor ta’ Aquitaine, l-inbejjed Anjou sabu ruħhom fuq l-imwejjed l-aktar nobbli.
Il-produzzjoni żviluppat b’mod sinifikanti mis-seklu 16 ’il quddiem bil-wasla tan-negozjanti Netherlandiżi li kienu qegħdin ifittxu l-inbid għall-pajjiż u l-kolonji tagħhom. In-Netherlandiżi bdew jaħżnu l-inbejjed u l-kummerċ tant kien mexxej fis-seklu 18 li x-xmara Layon, li taqsam iż-żona ġeografika, ġiet magħmula navigabbli biex it-trasport isir aktar faċli. Ir-reputazzjoni tajba tal-inbejjed ta’ Anjou fissret li kien hemm domanda kbira għalihom u nħolqu diversi taxxi (fuq l-inbid bl-ingrossa, fuq iċ-ċestuni, taxxa għall-bejgħ bl-ingrossa, taxxa għall-bejgħ bl-imnut, dazju tas-sisa eċċ.). Dawn it-taxxi kellhom konsegwenzi negattivi għall-kummerċ. Id-diżastru li ħallew il-gwerer fil-Vendée effettivament qerdu l-vinji. Il-prosperità reġgħet lura fis-seklu 19. Fl-1881, il-vinji kienu jkopru erja tas-superfiċe ta’ 45 000 ettaru, li minnhom kien għad fadal 10 000 ettaru fl-1893 wara l-epidemija tal-phylloxera.
Ir-reġjun magħruf bħala Anjou essenzjalment ħa l-fama tiegħu mill-produzzjoni tal-inbejjed bojod magħmula mill-varjetà Chenin B. Madankollu, it-tħawwil tal-varjetà Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N ftit aktar ’il quddiem infirxu b’mod sinifikanti wara l-kriżi tal-phylloxera. Fil-bidu tas-seklu 20, l-isforzi tal-produzzjoni tal-inbid kienu ffukati l-aktar fuq il-produzzjoni ta’ “rouget”, l-isem lokali għal inbid ħafif servut fil-kafetteriji. Dan kien jimmarka l-ewwel stadju fil-bidliet għall-vinji ta’ Anjou. Flimkien mal-varjetajiet Grolleau N u Grolleau Gris G, li jipproduċu nbejjed “clairet” ċari, ikkomplementati mill-varjetajiet Gamay N u Pineau d’Aunis N, huma kkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ produzzjoni sinifikanti ta’ nbejjed rosé karatteristiċi, magħrufa sew bid-denominazzjonijiet tal-oriġini kkontrollati Cabernet d’Anjou u Rosé d’Anjou. It-tieni stadju f’din il-bidla kien dovut għall-għarfien espert miksub mill-koltivaturi fil-ġestjoni ta’ din it-taħlita ta’ dwieli. Il-produzzjoni tal-inbejjed ħomor żviluppat mis-snin 60 ’il quddiem, abbażi tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-aħjar taħlitiet ta’ varjetajiet u postijiet ta’ tħawwil, flimkien mal-valutazzjoni tal-potenzjal tal-ħsad u l-għarfien espert miksub fit-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid.
2. Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott
L-inbejjed rożè għandhom livelli differenti ta’ zokkor fermentabbli u ħlewwa. Huma aromatiċi ħafna, b’kull wieħed jesprimi l-karatteristiċi partikolari tal-varjetajiet tal-għeneb tiegħu. Madankollu, il-frott dejjem ikun preżenti f’xi forma jew oħra, bħal ħawħ, frawli jew ċitru. Fil-ħalq, l-inbejjed joffru bilanċ sofistikat bejn il-freskezza u l-bilanċ. L-aroma tagħhom hija twila u qawwija.
3. Interazzjonijiet kawżali
Il-karatteristiċi kkombinati taż-żona tal-vitikultura, inkluż il-post tagħha fit-Tramuntana, il-pajsaġġ karatteristiku, b’mod partikolari l-klima moderata u l-ġeoloġija speċifika u l-profil tal-ħamrija jagħtu lill-inbejjed togħma distintiva u friska.
Id-diversità tal-postijiet tal-vinji bil-profili varji ġeoloġiċi u tal-ħamrija tagħhom tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet biex kull waħda mill-varjetajiet ta’ dwieli approvati tkattar. Il-vitikulturi josservaw u janalizzaw l-imġiba tad-dwieli tagħhom sabiex jiddeterminaw il-post it-tajjeb għall-vinji.
Il-varjetajiet Grolleau N, Grolleau Gris G u Pineau d’Aunis N jokkupaw l-għoljiet u l-artijiet ċatti ramli u biż-żrar, u jintużaw għall-produzzjoni ta’ nbejjed rożè b’togħma ta’ frott. B’kuntrast, il-varjetajiet Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N jippreferu ħamrija inqas fonda jew kannella bi provvista ta’ ilma regolata. Dawn jipproduċu nbejjed rożè lixxi b’aroma dejjiema.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)
API
Qafas ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali
Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit
Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita b’deroga għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-inbejjed eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Rosé d’Anjou, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, fuq il-bażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:
— |
id-département ta’ Indre-et-Loire: Saint-Nicolas-de-Bourgueil; |
— |
id-département ta’ Loire-Atlantique: Ancenis-Saint-Géréon (it-territorju tal-eks muniċipalità ta’ Ancenis biss), Le Loroux-Bottereau, Le Pallet, La Remaudière, Vair-sur-Loire (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Anetz biss) u Vallet; |
— |
id-département ta’ Maine-et-Loire: Orée d’Anjou (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Saint-Laurent-des-Autels biss) u Saint-Martin-du-Fouilloux. |
Tikkettar
Qafas ġuridiku
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Id-denominazzjoni tista’ tkun segwita mit-terminu “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid), f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Skont ir-regoli tal-UE, id-daqs tal-ittri tat-termini fakultattivi jista’ jiġi rregolat mill-Istati Membri. Fuq it-tikketti, ma jistgħux ikunu akbar, la fl-għoli, la fil-wisa’ u lanqas fil-ħxuna, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.
L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jkun ikkompletat bid-denominazzjoni ġeografika Val de Loire f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Id-daqs tal-ittri tad-denominazzjoni ġeografika Val de Loire ma għandux ikun akbar, kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.
It-terminu “cabernet”, jew referenza għall-varjetà Cabernet Sauvignon N jew Cabernet Franc N, ma huwiex permess fil-preżentazzjoni u d-deskrizzjoni tal-inbejjed.
L-inbejjed eleġibbli li jkollhom it-terminu “primeur” jew “nouveau” jridu jiddikjaraw ukoll il-vendemmja.
It-tikkettar tal-inbejjed jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, bil-kundizzjoni li: tkun post irreġistrat; dan ikun fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post irreġistrat għandu jkun miktub b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar u usa’ minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-cea1d3f7-577f-445e-9e58-b708a8d13eb8