Brussell, 15.3.2023

COM(2023) 72 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2003/88/KE rigward ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol

{SWD(2023) 40 final}


I.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jirrieżamina l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2003/88/KE (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva” jew “id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”), kif jitlob l-Artikolu 24 tagħha. Dan jaġġorna r-rapport preċedenti ppubblikat fl-2017 1 . Dan ir-Rapport hu akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li fih il-Kummissjoni tiżviluppa f’aktar dettall ir-riżultati tal-eżaminazzjoni tagħha 2 .

Dan ir-rapport ma jipprovdix rendikont eżawrjenti tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kollha u lanqas ma jippreġudika kwalunkwe pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu fi kwalunkwe proċediment legali futur.

Il-Kummissjoni aġġornat ukoll il-Komunikazzjoni Interpretattiva 3 li tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti” jew “il-QĠUE”). Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li ġġib ċarezza u ċertezza legali lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħrajn meta japplikaw id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

II.L-għan u r-rekwiżiti tad-Direttiva

Sabiex jiġu protetti s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni li jinkludu:

-limiti tal-ħin tax-xogħol (mhux aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, inkluż is-sahra);

-pawżi ta’ mistrieħ minimi ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa (tal-anqas 11-il siegħa konsekuttiva ta’ mistrieħ kuljum u 35 siegħa ta’ mistrieħ kull ġimgħa mingħajr interruzzjoni);

-liv annwali mħallas (tal-anqas 4 ġimgħat fis-sena);

-protezzjoni addizzjonali għall-ħaddiema ta’ billejl.

Id-Direttiva tistipula wkoll flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. F’ċerti attivitajiet, il-perjodu minimu ta’ mistrieħ jista’ jiġi pospost kompletament jew parzjalment. Il-ħaddiema individwali jistgħu jaqblu li jaħdmu lil hinn mil-limitu ta’ 48 siegħa (in-“nonparteċipazzjoni”). Il-ftehimiet kollettivi jistgħu jipprevedu flessibbiltà addizzjonali, pereżempju billi jippermettu li l-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jinqasam f’medja fuq firxa ta’ perjodi sa 12-il xahar.

III.Analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri

L-informazzjoni stabbilita hawn taħt u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hija bbażata fuq rapporti nazzjonali (inklużi l-fehmiet tas-sħab soċjali nazzjonali u Ewropej), rapporti preċedenti tal-Kummissjoni, u informazzjoni miġbura minn proċeduri ta’ ksur u minn esperti indipendenti. Din inġabret fl-2021 u fl-2022.

A.Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Mill-informazzjoni disponibbli, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva fil-biċċa l-kbira ġiet trasposta kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati.

F’xi Stati Membri, ċerti kategoriji ta’ ħaddiema huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali li tittrasponi d-Direttiva, iżda ġeneralment huma soġġetti għal regoli speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fis-settur pubbliku, dan huwa komuni l-aktar għall-forzi armati, il-pulizija u forzi tas-sigurtà oħrajn kif ukoll għas-servizzi tal-protezzjoni ċivili bħal persunal tal-ħabs u ħaddiema tas-servizz pubbliku tat-tifi tan-nar 4 .

Fil-każ tas-settur privat, bosta Stati Membri jeskludu lill-ħaddiema domestiċi 5 .

Tali esklużjonijiet ġeneralment ma humiex konsistenti mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, sakemm ma tiġix żgurata t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

Fl-2021, il-Qorti kkonfermat li filwaqt li d-Direttiva tapplika għall-forzi armati 6 , ċerti attivitajiet jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, meta l-applikazzjoni tagħha tkun ta’ detriment għat-twettiq xieraq ta’ operazzjonijiet militari, b’mod partikolari fid-dawl tar-responsabbiltajiet internazzjonali partikolari ta’ xi Stati Membri, il-kunflitti jew it-theddid li jiffaċċjaw, jew il-kuntest ġeopolitiku tagħhom. Madwar nofs l-Istati Membri japplikaw b’mod espliċitu d-Direttiva għall-forzi armati tagħhom 7 . Diversi Stati Membri ma jagħmlux dan b’mod espliċitu iżda, madankollu, japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha għall-forzi armati sa ċertu punt 8 . Xi ftit Stati Membri ma japplikawx id-Direttiva għall-persunal militari 9 , mingħajr preġudizzju għall-eżistenza ta’ regoli nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persunal tal-forzi armati.

B.Ħaddiema b’aktar minn kuntratt wieħed ta’ impjieg

Id-Direttiva ma tiddikjarax espliċitament jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jistabbilux limiti assoluti f’każ ta’ kuntratti konkorrenti ma’ impjegatur wieħed jew aktar jew jekk dawn japplikawx għal kull relazzjoni ta’ impjieg separatament. Il-Qorti dan l-aħħar iċċarat li meta l-ħaddiema jkollhom diversi kuntratti ta’ impjieg mal-istess impjegatur, il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum japplika għal dawk il-kuntratti meħuda fit-totalità tagħhom, mhux separatament 10 . Kif indikat f’rapporti ta’ implimentazzjoni preċedenti, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-objettiv tad-Direttiva li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, il-limiti fuq il-ħin tax-xogħol medju ta’ kull ġimgħa u l-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa għandhom, sa fejn huwa possibbli, japplikaw għal kull ħaddiem.

Dwar dan il-punt, il-prattika tal-Istati Membri tvarja b’mod konsiderevoli.

Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija u s-Slovenja japplikaw id-Direttiva għal kull ħaddiem (l-aktar taħt dispożizzjonijiet legali espressi għal dak il-għan).

Min-naħa l-oħra, iċ-Ċekja, Spanja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja japplikaw id-Direttiva għal kull kuntratt.

Fil-Belġju, id-Danimarka, il-Litwanja, Malta, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja, id-Direttiva tapplika għal kull ħaddiem meta jkun hemm aktar minn kuntratt wieħed mal-istess impjegatur iżda għal kull kuntratt meta l-ħaddiem jkollu aktar minn kuntratt wieħed ma’ impjegaturi differenti.

C.Definizzjoni u reġistrazzjoni tal-“ħin tax-xogħol”

B’mod ġenerali, id-definizzjoni formali ta’ “ħin tax-xogħol” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (jiġifieri li l-ħaddiem “ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu”) ma tidhirx li per se twassal għal problemi ta’ applikazzjoni.

“On-call” u “stand-by” huma perjodi li matulhom il-ħaddiema jeħtiġilhom jibqgħu disponibbli sabiex jerġgħu jibdew ix-xogħol tagħhom f’każ ta’ bżonn. “Ħin on-call” huwa meta ħaddiem ikun meħtieġ jibqa’ fil-post tax-xogħol jew f’post ieħor iddeterminat mill-impjegatur, lest sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jekk jintalab jagħmel dan. Matul “stand-by”, ħaddiem irid ikun disponibbli f’kull ħin iżda ma huwiex meħtieġ jibqa’ f’post determinat mill-impjegatur.

Il-Qorti ddeċidiet li ż-żmien li wieħed iqatta’ “on-call” irid jgħodd bis-sħiħ bħala “ħin tax-xogħol” skont it-tifsira tad-Direttiva. Matul “stand-by”, il-ħin marbut mal-forniment attwali tas-servizzi huwa dejjem il-ħin tax-xogħol. Il-ħin ta’ stand-by li jifdal jikkwalifika bħala mistrieħ, ħlief meta r-restrizzjonijiet imposti mill-impjegatur ikollhom impatt sinifikanti ħafna fuq il-possibbiltà tal-ħaddiem li jimmaniġġja l-ħin tiegħu b’mod liberu u li jsegwi l-interessi personali u soċjali tiegħu. F’każijiet bħal dawn, il-ħin kollu ta’ stand-by jgħodd bħala ħin tax-xogħol 11 .

Il-maġġoranza tal-Istati Membri 12 għandhom dispożizzjonijiet legali li jirregolaw ix-xogħol “on-call”, u bosta Stati Membri jindirizzaw ukoll perjodi ta’ “stand-by” espliċitament fil-leġiżlazzjoni tagħhom 13 . L-ewwel wieħed huwa ġeneralment konsistenti mal-interpretazzjoni tal-Qorti, filwaqt li dan tal-aħħar ma jqisx il-ġurisprudenza reċenti li tillimita meta l-ħin ta’ stand-by jikkwalifika bħala mistrieħ. Madankollu, xi qrati nazzjonali bdew japplikaw dik il-ġurisprudenza 14 .

Fost l-Istati Membri, il-konformità mar-rekwiżit li l-ħin on-call jingħadd bħala ħin ta’ xogħol qiegħda titjieb, iżda għad hemm xi problemi.

Fid-Danimarka, is-sħab soċjali jistgħu jiftiehmu li l-perjodu ta’ mistrieħ jista’ jsir waqt id-dmir on-call fuq il-post tax-xogħol u wħud mis-sħab soċjali fis-settur tas-saħħa użaw din il-possibbiltà. Fil-Polonja u fis-Slovenja, huwa biss id-dmir attiv on-call fuq il-post tax-xogħol li jgħodd bħala ħin tax-xogħol, u fis-Slovakkja, id-dmir on-call fuq il-post tax-xogħol ma jgħoddx bis-sħiħ bħala ħin tax-xogħol għal ċerti gruppi.

Fl-2019, il-Qorti ddeċidiet li l-Istati Membri jridu jirrikjedu li l-impjegaturi jistabbilixxu“sistema oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli li tippermetti li jitkejjel it-tul ta’ ħin maħdum kuljum minn kull ħaddiem 15 . Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-impjegaturi huma obbligati jimmonitorjaw u jirreġistraw il-ħin tax-xogħol, iżda ħames Stati Membri ma għandhom l-ebda obbligu bħal dan jew ma jiddefinixxuhx b’mod ċar: Il-Belġju, id-Danimarka, Ċipru, Malta u l-Iżvezja.

D.Pawżi u perjodi ta’ mistrieħ

L-Artikolu 4 jirrikjedi pawża ta’ mistrieħ meta l-jum tax-xogħol ikun itwal minn 6 sigħat, mingħajr ma jispeċifika d-durata tagħha jew jiddefinixxiha f’termini aktar dettaljati. Dawn id-dettalji għandhom ikunu “stabbiliti fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-industrija jew, f’nuqqas ta’ dan, b’leġiżlazzjoni nazzjonali”.

B’mod ġenerali, din id-dispożizzjoni tidher li ġiet trasposta b’mod sodisfaċenti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet minimi għat-tul u l-ħin ta’ pawża ta’ mistrieħ waqt il-jum tax-xogħol. Madankollu, xi Stati Membri ma jistabbilixxux durata jew ħin minimu għall-pawża ta’ mistrieħ bil-liġi, 16 u ma huwiex ċar jekk il-ftehimiet kollettivi jirregolawx dan fil-każijiet kollha.

Fir-rigward tal-bqija (l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva), ir-rekwiżit ewlieni tad-Direttiva huwa li ħaddiem irid ikollu minimu ta’ 11-il siegħa konsekuttiva ta’ mistrieħ kuljum għal kull perjodu ta’ 24 siegħa u minimu ta’ perjodu ta’ 24 siegħa mistrieħ mingħajr interruzzjoni għal kull perjodu ta’ 7 ijiem, flimkien mal-11-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum. Id-Direttiva tistipula l-possibbiltà li l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa jitnaqqas għal 24 siegħa għal raġunijiet oġġettivi.

Dawn ir-rekwiżiti ewlenin jidhru trasposti b’mod sodisfaċenti fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri għall-biċċa l-kbira tas-setturi. Jidher li f’ċerti aspetti, ftit Stati Membri ttrasponew ir-rekwiżit għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’mod skorrett, eż. minħabba li r-rekwiżit ma huwiex traspost għal settur partikolari 17 jew billi jipprevedu l-użu ta’ perjodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa mingħajr il-preżenza ta’ raġunijiet oġġettivi konkreti 18 .

E.Limiti għall-ħin tax-xogħol

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva, il-ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa (inkluż is-sahra) ma għandux jaqbeż it-48 siegħa fil-ġimgħa. B’mod ġenerali, dan il-limitu ġie traspost b’mod sodisfaċenti, u bosta Stati Membri effettivament qegħdin jistabbilixxu standards aktar protettivi.

F’numru żgħir ta’ każijiet jinqabeż il-limitu tad-Direttiva, b’mod partikolari:

-Il-limitu għadu mhux applikat b’mod sodisfaċenti fil-prattika mill-Irlanda għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura soċjali, iżda għaddejja ħidma sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

-Il-Kodiċi tax-Xogħol Bulgaru għadu jipprevedi ħin tax-xogħol fil-ġimgħa sa 56 siegħa meta tkun ġiet stabbilita sistema ta’ kalkolu medju tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u ma tillimitax l-użu ta’ sahra obbligatorja għall-forzi tad-difiża nazzjonali, emerġenzi, restawr urġenti ta’ utilitajiet pubbliċi jew trasport u l-forniment ta’ assistenza medika 19 .

Jidher ukoll li l-limitu ta’ 4 xhur għall-kalkolu tal-massimu tal-ħin tax-xogħol jinqabeż fil-Bulgarija, 20 fil-Ġermanja 21 u fis-Slovenja, 22 fejn huwa stabbilit għal 6 xhur, u fi Spanja, fejn huwa stabbilit għal 12-il xahar 23 . Dan ma huwiex limitat għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva. Fil-Belġju, l-iskema tal-ħin tax-xogħol “Plus Minus Account” tippermetti perjodu ta’ referenza li jaqbeż sena 24 .

F.Liv annwali

Id-dritt ewlieni għal liv annwali mħallas (l-Artikolu 7 tad-Direttiva) ġeneralment huwa traspost b’mod sodisfaċenti.

L-Istati Membri kollha espliċitament jistipulaw id-dritt għal mill-anqas 4 ġimgħat ta’ liv annwali mħallas, u kollha jistipulaw li l-ħaddiema jirċievu “l-paga medja” tagħhom, “ir-rata normali fil-ġimgħa” tagħhom, “ir-remunerazzjoni medja fix-xahar” jew simili meta jkunu bil-liv. L-Istati Membri kollha jipprevedu intitolament għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens meta r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm mingħajr ma jittieħed il-liv annwali.

Madankollu, ġew identifikati żewġ problemi ewlenin. L-ewwel nett, xi Stati Membri jimponu kundizzjonijiet fuq l-akkwiżizzjoni jew it-teħid ta’ liv annwali mħallas fl-ewwel sena ta’ impjieg li jmorru lil hinn minn dak li tipprevedi d-Direttiva kif interpretata mill-Qorti. Pereżempju, jistabbilixxu perjodi ta’ kwalifikazzjoni li huma twal wisq (6 sa 8 xhur) qabel ma jkun jista’ jittieħed xi liv 25 .

Żewġ Stati Membri għandhom sistemi li fihom id-dritt għal-liv annwali bi ħlas jinkiseb skont l-introjtu tal-ħaddiem f’sena kwalifikanti li tippreċedi s-sena li fiha jista’ jittieħed il-liv annwali mħallas (“is-sena tal-btala”) 26 . Il-ħaddiem huwa intitolat għal ħin liberu mix-xogħol fl-ewwel sena tal-btala, iżda mingħajr paga.

It-tieni problema hija l-iskadenza tad-dritt għal liv annwali mħallas li l-ħaddiem ma setax jieħu. Il-QĠUE sostniet li ħaddiem li ma jistax jaħdem minħabba mard ikompli jakkumula intitolamenti tal-liv annwali mħallas waqt liv minħabba mard. L-Istati Membri jistgħu jqiegħdu limiti fuq il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-liv annwali li ma jistax jittieħed minħabba inkapaċità ġġustifikata. Madankollu, il-Qorti sostniet ukoll li “kull perijodu ta’ trasferiment tal-leave għandu jkun sostanzjalment itwal mit-tul tal-perijodu ta’ referenza li għalih ingħata 27 . Bosta Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet li jintitolaw lill-ħaddiem sabiex jittrasferixxi jew jipposponi perjodi ta’ liv annwali miksuba meta t-teħid ta’ tali liv ikun jikkoinċidi ma’ perjodu ta’ liv minħabba mard. Iżda f’bosta pajjiżi, il-perjodu qabel ma l-ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu jew tagħha għal liv bi ħlas jidher qasir wisq, peress li ma huwiex itwal mill-perjodu referenzjarju ta’ sena 28 .

G.Xogħol ta’ billejl

Id-Direttiva għandha dispożizzjonijiet aktar protettivi għall-ħaddiema ta’ billejl: bħala medja ma jistgħux jaħdmu aktar minn 8 sigħat kuljum, u l-limitu ta’ 8 sigħat huwa assolut (ma jistax jinqasam f’medja) meta x-xogħol ta’ billejl ikun partikolarment perikoluż jew stressanti.

B’mod ġenerali l-Istati Membri jillimitaw il-medja tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ billejl għal 8 sigħat. Madankollu, numru ta’ Stati Membri stabbilew perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur sabiex jikkalkolaw dik il-medja 29 . Dan għandu l-istess durata bħall-perjodu standard ta’ referenza għall-kalkolu tal-ħin massimu ġenerali tax-xogħol, u fil-fehma tal-Kummissjoni huwa twil wisq sabiex jiġi ssodisfat l-iskop protettiv tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol ta’ billejl.

Fir-rigward tax-xogħol ta’ billejl li jinvolvi perikli partikolari jew strapazz kbir, żewġ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 30 . Stat Membru wieħed jippermetti eċċezzjonijiet li ma humiex previsti fid-Direttiva 31 .

H.Derogi (l-Artikoli 17, 18 u 22 tad-Direttiva)

1.Ħaddiema awtonomi

Skont l-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom permess li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet dwar il-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, pawżi, ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa, tul tax-xogħol ta’ billejl u perjodi referenzjarji “meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom.”

F’ċerti każijiet, l-Istati Membri ma jinkludux dawn il-kriterji kollha fid-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom. Pereżempju, xi Stati Membri jeżentaw lil ħaddiem li jew jaqla’ tliet darbiet aktar mill-paga minima 32 , jew li għandu pożizzjoni ta’ importanza jew fiduċja konsiderevoli u jirċievi salarju seba’ darbiet aktar mill-paga minima obbligatorja 33 .

2.Derogi li jirrikjedu li l-ħaddiem jingħata perjodi ta’ mistrieħ kumpensatorju ekwivalenti

Id-Direttiva tippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet dwar pawżi, perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa, xogħol ta’ billejl u perjodi referenzjarji sabiex tittieħed il-medja tal-ħin tax-xogħol:

-f’firxa ta’ attivitajiet jew sitwazzjonijiet, pereżempju, dawk li jirrikjedu kontinwità, ċerti attivitajiet staġunali, jew meta l-post tax-xogħol u r-residenza tal-ħaddiem ikunu’l bogħod minn xulxin (bi ftehim kollettiv, ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-industrija jew liġijiet nazzjonali jew regolamenti); u

-fi kwalunkwe tip ta’ attività jew sitwazzjoni definita bi ftehim kollettiv, jew ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali (jew, meta dawk l-atturi jiddeċiedu hekk, miż-żewġ naħat tal-industrija f’livell aktar baxx jew miż-żewġ naħat tal-industrija fil-livell kollettiv xieraq).

Madankollu, ir-regoli ġeneralment ma jippermettux li l-perjodi minimi ta’ mistrieħ jintilfu kompletament. Dan huwa permess biss f’każijiet eċċezzjonali meta jkun oġġettivament impossibbli li jingħata mistrieħ kumpensatorju ekwivalenti, u meta l-ħaddiema jkunu ngħataw ħarsien xieraq. Barra minn hekk, skont is-sentenza Jaeger 34 , il-mistrieħ kumpensatorju għandu jingħata fil-perjodu immedjatament wara l-perjodu ta’ mistrieħ li jkun intilef.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri ttrasponew dawn id-derogi u jagħmlu użu minnhom.

Fir-rigward tas-setturi u l-attivitajiet ikkonċernati, b’mod ġenerali l-Istati Membri jużaw l-attivitajiet elenkati fid-Direttiva stess.

Madankollu, xi liġijiet nazzjonali jidhru li jaqbżu d-derogi permessi skont id-Direttiva b’mod partikolari:

-billi ma jimponu l-ebda rekwiżit sabiex jiġi pprovdut mistrieħ kumpensatorju ekwivalenti lill-ħaddiem ikkonċernat, pereżempju, billi jippermettu li l-mistrieħ mitluf jiġi kkumpensat finanzjarjament, 35 billi ma jimponux tali rekwiżit għal ċerti setturi jew xogħol bix-xift, 36 billi jibbażaw fuq tipi oħrajn ta’ miżuri protettivi, jew billi ma jistipulawx mistrieħ kumpensatorju li huwa ekwivalenti għat-tqassir tal-perjodu ta’ mistrieħ 37 ;

-billi jistabbilixxu perjodu ta’ żmien għall-mistrieħ kumpensatorju li jkun twil wisq, li jvarja minn 14-il jum għal 6 xhur għall-mistrieħ ta’ kuljum mitluf f’ċerti attivitajiet jew setturi 38  u bejn 6 ġimgħat u 6 xhur għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa mitluf 39 .

3.Nonparteċipazzjoni

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx il-limitu massimu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa diment li l-prinċipji ġenerali tal-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jiġu rrispettati u jiġu stabbiliti ċerti miżuri protettivi (l-Artikolu 22). Ħaddiem ma jistax ikun obbligat jaħdem aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa sakemm l-ewwel ma jkunx ta l-kunsens espliċitu, liberu u informat tiegħu jew tagħha bil-quddiem. L-impjegatur ma jista’ jissoġġetta lill-ħaddiem għal ebda detriment jekk ma jingħatax tali kunsens. L-impjegatur irid iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu tali xogħol u jpoġġihom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-possibbiltà li jinqabżu s-sigħat massimi ta’ xogħol fil-ġimgħa.

Ħmistax-il Stat Membru issa jistipulaw l-użu tan-nonparteċipazzjoni. Minn dawn, erba’ (il-Bulgarija, l-Estonja, Ċipru u Malta) jippermettu l-użu tan-nonparteċipazzjoni irrispettivament mis-settur, filwaqt li l-ħdax l-oħra (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) jillimitaw l-użu tagħha għal impjiegi b’ħin on-call estensiv, bħas-servizzi tas-saħħa jew ta’ emerġenza.

Iċ-Ċekja rrevokat in-nonparteċipazzjoni għas-servizzi tas-saħħa fit-30 ta’ Lulju 2020, u l-Latvja ma baqgħetx tapplikaha għat-tobba mediċi mill-1 ta’ Jannar 2022. B’konsegwenza ta’ dan, 12-il Stat Membru (iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja) bħalissa ma jużawx in-nonparteċipazzjoni.

B’mod ġenerali, ir-rekwiżiti dwar il-kunsens espliċitu mill-ħaddiem, iż-żamma ta’ rekords u r-rapportar lill-awtoritajiet dwar ħaddiema li jaħdmu aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa jiġu osservati.

Ma hemm l-ebda limitu espliċitu għan-numru ta’ sigħat tax-xogħol li jistgħu jiġu permessi skont l-Artikolu 22, iżda l-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema trid tiġi rrispettata. Peress li d-Direttiva ma tippermettix derogi mill-mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa mingħajr mistrieħ kumpensatorju, dan jillimita s-sigħat ta’ xogħol permessi.

Jidher li nofs l-Istati Membri li jimplimentaw in-nonparteċipazzjoni jipprovdu xi tip ta’ limitazzjoni espliċita għas-sigħat ta’ xogħol permessi 40 .

I.Valutazzjonijiet minn Stati Membri u sħab soċjali

1.Trade Unions

L-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema 41 jqisu li l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva ma tipproteġix u ma ttejjibx biżżejjed is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Dawn jirreferu b’mod partikolari għan-nonparteċipazzjoni u d-deroga għall-ħaddiema awtonomi.

L-affiljati tal-KETU jidentifikaw problemi ta’ traspożizzjoni relatati mal-ħin on-call u mal-ħin stand-by li ma jitqisux kif xieraq bħala ħin tax-xogħol; il-ħin tax-xogħol, inkluż matul it-telexogħol, ma jiġix irreġistrat; il-fatt li l-mistrieħ kumpensatorju ma jitteħidx direttament wara xift; l-estensjoni tal-perjodi referenzjarji għal 12-il xahar bil-leġiżlazzjoni; u d-drittijiet għal-liv annwali li jintilfu matul il-liv minħabba mard.

2.Impjegaturi

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi 42 jenfasizzaw il-problemi u l-inċertezza legali bħala riżultat tas-sentenzi tal-Qorti dwar il-ħin on-call u l-ħin stand-by, dwar ir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u dwar il-liv annwali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi f’daqqa kienu qegħdin jiksru d-Direttiva, u l-għadd ta’ aktar ħin stand-by bħala ħin tax-xogħol ħoloq sfidi għall-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi li jirrikjedu kontinwità tas-servizz (is-saħħa, is-servizzi ta’ emerġenza).

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jikkritikaw il-liġijiet nazzjonali li huma aktar stretti mir-rekwiżiti minimi fid-Direttiva u jqisu li r-rwol tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni huwa limitat wisq, u dan jillimita l-flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol f’dinja globali u diġitali.

3.Stati Membri

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li d-Direttiva tkompli tilħaq l-objettivi tagħha billi tipprovdi qafas adegwat u solidu għat-teħid ta’ azzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Iż-żieda fit-telexogħol, il-forom ġodda ta’ xogħol (eż. xogħol fuq il-pjattaformi), u l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti jippreżentaw sfidi ġodda ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Diversi Stati Membri jitolbu kjarifika tal-istatus tal-ħin tax-xogħol matul on-call u stand-by, dwar ir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u dwar il-mistrieħ kumpensatorju. Xi wħud jipproponu l-valutazzjoni mill-ġdid u r-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva.

J.Miżuri relatati mal-COVID-19 fil-qasam tal-ħin tax-xogħol

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt kbir fuq id-dinja tax-xogħol. Fl-2020 u fl-2021, l-Istati Membri adattaw ir-regoli applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri kienu temporanji u ma għadhomx fis-seħħ.

Numru ta’ Stati Membri ħolqu possibbiltajiet ġodda sabiex jestendu l-ħin tax-xogħol, pereżempju billi jżidu l-ħin massimu tax-xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa 43 u l-possibbiltajiet li jaħdmu s-sahra 44 kif ukoll inaqqsu d-durata tal-mistrieħ minimu ta’ kuljum 45 jew ta’ kull ġimgħa 46 . Dan ġeneralment kien japplika biss f’numru limitat ta’ setturi essenzjali, b’mod partikolari s-saħħa. Restrizzjonijiet temporanji kienu jinvolvu telexogħol obbligatorju bbażat mid-dar għal numru ta’ ħaddiema, filwaqt li diversi Stati Membri awtorizzaw lill-impjegaturi jirrikjedu t-teħid ta’ liv annwali 47 .

Skemi ta’ xogħol b’ħinijiet qosra 48 jew ta’ qgħad parzjali 49 permessi sabiex jitnaqqas il-ħin tax-xogħol, jew sabiex id-dmir li jitwettaq ix-xogħol jiġi sospiż kompletament, b’kumpens għat-telf ta’ introjtu.

K.Konklużjonijiet

F’termini ġenerali, il-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema fl-UE huma soġġetti għal regoli dwar il-ħin tax-xogħol li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, u f’ħafna każijiet huma aktar protettivi mill-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva.

Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri hija ġeneralment konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva, iżda ġew identifikati diversi kwistjonijiet. It-traspożizzjoni skorretta ta’ derogi mill-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, inkluż il-mistrieħ kumpensatorju, hija l-aktar problema komuni. Xi Stati Membri għad ma għandhom l-ebda definizzjoni ta’ ħin on-call jew ma japplikawhiex kif xieraq f’xi setturi (eż. is-saħħa, is-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta’ emerġenza). L-isfidi ta’ rispons għall-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti, b’mod partikolari dwar il-kwalifika ta’ ħin stand-by u dwar ir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għadhom ma ġewx indirizzati b’mod wiesa’. Għad hemm inkonsistenzi fil-limitazzjonijiet fuq il-ħin massimu tax-xogħol għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema (prinċipalment persunal tas-saħħa u forzi armati), iżda l-konformità fost l-Istati Membri qiegħda tittejjeb.

Ir-rekwiżiti ewlenin tad-Direttiva dwar il-pawżi, il-mistrieħ ta’ kuljum, u l-mistrieħ ta’ kull ġimgħa ġeneralment jiġu trasposti b’mod sodisfaċenti. Il-kwistjonijiet li jifdal huma prinċipalment relatati mal-użu ta’ derogi minn dawn ir-rekwiżiti.

L-Istati Membri kollha jipprevedu b’mod espliċitu dritt għal mill-anqas 4 ġimgħat ta’ liv annwali mħallas. L-aktar problemi komuni huma t-teħid ta’ liv annwali matul l-ewwel sena ta’ impjieg u d-dritt tal-ħaddiem li jikseb liv annwali meta jkun fuq liv minħabba mard u li jittrasferixxi d-drittijiet ta’ liv miksuba għal perjodu twil biżżejjed.

In-numru ta’ Stati Membri li jippermettu l-użu tan-nonparteċipazzjoni naqas bi ftit.

Flimkien mar-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għal dan ir-rwol li għandha, il-Kummissjoni se tkompli ssostni l-isforzi tal-Istati Membri sabiex itejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u lesta tiffaċilita l-iskambji bejn l-Istati Membri, u bejn is-sħab soċjali, meta dan jista’ jkun ta’ għajnuna.

(1) COM(2017) 254 final.
(2) SWD(2023) 40 final.
(3) C(2023) 969.
(4) L-Irlanda (il-pulizija, il-forzi armati, is-servizzi tal-protezzjoni ċivili, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar, il-persunal tal-ħabs u l-persunal tal-emerġenza marittima), Ċipru (il-forzi armati), l-Italja (il-pulizija, il-forzi armati, il-ġudikatura, is-servizzi penitenzjarji, is-sigurtà pubblika u s-servizzi tal-protezzjoni ċivili).
(5)  Il-Belġju, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Iżvezja.
(6) Is-sentenza fil-Kawża C-742/19, Ministrstvo za obrambo.
(7)

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja.

(8) Iċ-Ċekja, l-Estonja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Polonja.
(9) L-Irlanda, Franza, Ċipru, il-Latvja, il-Portugall.
(10) Is-sentenza fil-Kawża C-585/19, Academia de Studii Economice din Bucureşti.
(11) Is-sentenza fil-Kawżi C-580/19, Stadt Offenbach am Main, il-punt 39, u C-344/19, Radiotelevizija Slovenija, il-punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(12) Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Litwanja, il-Latvja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja.
(13) Il-Bulgarija, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, l-Iżvezja.
(14) Fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fid-Danimarka, fi Spanja.
(15) Is-sentenza fil-Kawża C-55/18, CCOO, il-punt 60.
(16)

Id-Danimarka, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, l-Iżvezja.

(17) Spanja (impjegati taċ-ċivil), il-Polonja (persunal tal-Aġenzija tal-Intelligence).
(18) In-Netherlands (pulizija u minaturi volontarji), is-Slovenja (settur tas-saħħa).
(19) Il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Artikoli 142 u 146.3.
(20) Il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Artikolu 142, l-Att dwar l-Impjegati taċ-Ċivil, l-Artikolu 49.
(21)

L-Att dwar il-Ħin tax-Xogħol, l-Artikoli 3, 7(8) u 14.

(22) Iż-ZDR-1, l-Artikolu 144.3 .
(23) Il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Artikolu 34.2.
(24) Il-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006, l-Artikoli 204 sa 213.
(25) Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall.
(26) Il-Finlandja, l-Iżvezja.
(27) Is-sentenza fil-Kawża C-214/10 KHS, il-punti 38-40.
(28) Iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja.
(29) Id-Danimarka, il-Kroazja, Malta, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja.
(30) Il-Ġermanja, in-Netherlands.
(31) Iċ-Ċekja.
(32) In-Netherlands.
(33) L-Ungerija.
(34) C-151/02, Jaeger.
(35) Franza, il-Finlandja.
(36) Franza, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija.
(37) Il-Ġermanja.
(38) Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Spanja, il-Litwanja, l-Awstrija, is-Slovenja, is-Slovakkja.
(39) Iċ-Ċekja, il-Litwanja, is-Slovakkja, il-Finlandja.
(40) Il-Belġju, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, is-Slovakkja.
(41) Affiljati tal-KETU u s-CESI.
(42) BusinessEurope, CoESS, CEEMET, CEMR, PEARLE, SGI Europe u SMEunited.
(43) Il-Ġermanja, il-Lussemburgu.
(44) Il-Belġju, Franza, il-Latvja, is-Slovenja, il-Finlandja.
(45) Il-Ġermanja, il-Polonja.
(46) L-Awstrija, il-Polonja.
(47) Il-Bulgarija, Franza, il-Latvja, l-Awstrija.
(48) Il-Ġermanja, il-Litwanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja.
(49) Il-Lussemburgu.