25.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 321/11 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2022/C 321/07)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Nuez de Pedroso”
Nru tal-UE: PDO-ES-02643 — 14.10.2020
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Nuez de Pedroso”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
In-“Nuez de Pedroso” jirreferi għal ġewż maħsud minn pjantaġġuni u siġar individwali tal-ispeċi Juglans regia L. u ppreżentat għall-konsum bħala ġewż niexef fil-qoxra tiegħu (li jeħtieġ biss li titneħħielu l-qoxra qabel jittiekel) jew qlub tal-ġewż (li jkunu tneħħewlhom il-qoxra u l-qasmiet ta’ ġewwa).
Il-ġewż jiġi maħsud kemm minn varjetajiet nattivi kif ukoll mhux nattivi. Il-varjetà nattiva hija s-siġra tal-ġewż nattiva “Rioja Alta” u l-varjetajiet mhux nattivi huma “Chandler”, “Lara”, “Franquette”, “Hartley”, “Fernor”, “Ferbel” u “Fernette”, li ġew introdotti matul għexieren ta’ snin u adattaw għall-muntanji medji sa għoljin u l-klima Atlantika tal-ambjent ġeografiku. Flimkien jiffurmaw sett ta’ ekotipi ta’ oriġini lokali magħżula mill-bdiewa tul is-sekli biex b’mod partikolari jissaħħu r-rendiment u l-kwalità. B’riżultat ta’ dan, dan il-ġewż għandu kontenut antiossidanti ogħla mill-ġewż f’żoni oħrajn, li jiżgura livell ta’ attività antiossidanti minima ta’ 115-il μmol Trolox/g skont il-metodu ta’ assaġġ tad-DDPH (± 10 %).
In-“Nuez de Pedroso” huwa drupa medja sa kbira, b’kulur pallidu, b’forma ta’ globu b’endokarpu b’sawra tal-injam medju sa oħxon li huwa reżistenti ħafna għall-qsim, li minnu tista’ tiġi estratta ż-żerriegħa faċilment mingħajr ma tinqasam.
Iż-żerriegħa – li tikkonsisti f’żewġ kotiledoni mkemmxin b’forma kważi ta’ moħħ (konfigurazzjoni ta’ farfett) isseparata b’qasma perpendikulari u żewġ jew erba’ qasmiet foloz inkompleti – hija ta’ daqs medju sa kbira, b’kulur ħafif sa medju bi sfumaturi tal-ambra fil-ġilda, u għandha aromi ta’ intensità għolja u togħma “tipika tal-ġewż”, palatabbiltà tajba, togħma ta’ xiwi, ftit qrusa bl-ebda astrinġenza u assenza totali ta’ togħmiet u rwejjaħ mhux pjaċevoli minħabba l-istabbiltà ossidattiva ħafna tagħha u n-“nuqqas ta’ snuħija”.
Il-ġewż “Nuez de Pedroso” għandu stabbiltà ossidattiva għolja, li tfisser li għandu ħajja ta’ aktar minn sena mingħajr ma jmur.
Meta jiġi ppakkjat, il-ġewż niexef fil-qoxra tiegħu jrid ikollu dijametru ta’ daqs minimu ta’ 28 mm u umdità naturali ta’ mhux aktar minn 12 %, u jrid ikun f’kundizzjoni tajba. Il-ġewż niexef fil-qoxra tiegħu jista’ jiġi ppakkjat sa limitu massimu ta’ 15-il kg.
Il-qlub tal-ġewż, li jistgħu jiġu ppreżentati għall-bejgħ jew bħala “sħaħ” jew “maqsumin”, irid ikollhom daqs ta’ mill-inqas 8 mm, b’kontenut ta’ umdità naturali ta’ mhux aktar minn 5 %. Ma jridx ikollhom partijiet fraġli jew nexfin jew partijiet li tilfu l-kulur jew huma mtebbgħin b’mod estensiv f’kuntrast sinifikanti mal-bqija tal-qalba. Jekk dan ikun il-każ, fl-ebda ċirkostanza ma għandha tkun affettwata aktar minn 25 % taż-żerriegħa. Il-qlub tal-ġewż jistgħu jiġu ppakkjati sa limitu massimu ta’ 5 kg.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-proċess kollu tal-produzzjoni, inkuż it-tnixxif u t-tqaxxir fejn applikabbli, irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
Huwa stipulat li wara l-15 ta’ Mejju, kwalunkwe prodott li ma jitqegħidx fis-suq irid jinħażen f’temperatura li ma taqbiżx it-8 °C u f’umdità ta’ bejn 60 % u 75 %. Il-perjodu ta’ ħażna massimu huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.
L-ippakkjar u t-tikkettar huwa stadju ewlieni ieħor sabiex jiġi żgurat li l-ġewż “Nuez de Pedroso” jkun disponibbli għall-konsum f’kundizzjoni perfetta u li ma jkunx imħallat fl-istess pakkett ma’ ġewż minn sorsi oħrajn jew li ma jkunx ġie mnixxef b’mezzi naturali jew ma jkunx inħażen kif xieraq.
Il-kundizzjonijiet ta’ ħażna tajba (temperatura u umdità kkontrollati) li fihom jinżamm il-prodott qabel jitqiegħed fis-suq jgħinu biex jippreservaw l-antiossidanti solubbli ħafna u termolabbli fil-ġewż “Nuez de Pedroso” u b’hekk jiddewwem il-proċess ta’ taħsir u tiġi estiża l-ħajja tal-ħżin tiegħu.
Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, li jikkontrollaw it-tħassir tal-lipidi wara t-tnixxif u biex jiġu ggarantiti l-oriġini u t-traċċabilità tal-prodott, l-entità maniġerjali jew, fin-nuqqas ta’ din, l-awtorità kompetenti jeħtiġilha tiġi nnotifikata bil-prattiki li ġejjin: il-ħażna, l-ippakkjar u t-tikkettar.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Għal kull format tal-prodott, it-tikketti individwali jridu jiġu nnumerati u jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
1. |
L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Nuez de Pedroso” u l-logo tagħha, |
2. |
Fejn applikabbli, il-kliem “nueces en grano” (qlub tal-ġewż) u s-sena meta nħasad. |
Il-produtturi u l-proċessuri kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandhom aċċess għal-logo speċifiku li se jidentifika l-prodott (kemm jekk ikunu parti mill-grupp tal-produtturi applikanti kif ukoll jekk le).
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ddefinita hija kontinwa u omoġenja, tkopri erja totali ta’ 1 163 km2 u tinkludi 38 muniċipalità li jappartjenu għall-Komunità Awtonoma ta’ Rioja, b’mod aktar speċifiku:
21 muniċipalità li jappartjenu għad-disrett ta’ Rioja Alta; Santurde, Santurdejo, Berceo, San Millán de la Cogolla, Manzanares de Rioja, Villar de Torre, Villarejo, Estollo, Villaverde de Rioja, Arenzana de Abajo, Arenzana de Arriba, Badarán, Baños de Río Tobía, Bezares, Bobadilla, Camprovín, Cárdenas, Ledesma de la Cogolla, Manjarrés, Santa Coloma u Tricio, u 17-il muniċipalità li jappartjenu għad-disrett ta’ Sierra Rioja Alta; Anguiano, Brieva de Cameros, Canales de la Sierra, Castroviejo, Mansilla, Matute, Tobía, Ventrosa, Villavelayo, Viniegra de Abajo, Viniegra de Arriba, Ezcaray, Zorraquín, Valgañón, Pazuengos, Ojacastro u Pedroso (din l-aħħar muniċipalità hija l-post li għalih hija msemmija d-denominazzjoni).
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-kwalità u l-karatteristiċi speċifiċi tal-ġewż “Nuez de Pedroso” huma marbuta kemm ma’ fatturi naturali kif ukoll dawk umani fl-ambjent ġeografiku fejn jitkabbar, jinħażen u jiġi ppakkjat.
5.1. Kwalità jew karatteristiċi tal-prodott
Il-ġewż imkabbar, imnixxef u maħżun fiż-żona ġeografika ddefinita juri stabbiltà ossidattiva għolja minħabba l-kontenut ogħla tiegħu ta’ antiossidanti naturali 41,75 μmol Trolox/g aktar minn varjetajiet oħrajn prodotti b’mod industrijali, skont studji komparattivi li saru mill-Istitut tax-Xaħam u ż-Żejt f’Sevilja), li jilħaq attività antiossidanti medja ta’ 124,672 μmol Trolox/g skont il-metodu ta’ assaġġ tad-DDPH. Dan jikkontribwixxi ħafna biex jiġi mdewwem il-proċess ta’ ossidazzjoni tan-“Nuez de Pedroso” u b’hekk jiġi mtawwal il-konsum tiegħu f’kundizzjoni perfetta għal żmien itwal minn ġewż simili ieħor (jiġifieri, sa sena, filwaqt li għal ġewż ieħor, dan ivarja minn tliet sa sitt xhur).
Mis-sustanzi naturali b’attività antiossidanti li jinsabu fi proporzjon daqshekk kbir, l-aktar prominenti huma t-tokofenoli, l-isteroli u l-fenoli solubbli bħal flavonojdi u tannini idrolisabbli, li jagħtu lill-ġewż “Nuez de Pedroso” l-aromi intensi tagħhom u t-togħma “tipika ta’ ġewż”, palatabbiltà tajba, togħma ta’ xiwi, ftit qrusa, astrinġenza baxxa u assenza totali ta’ togħmiet u rwejjaħ mhux pjaċevoli, kif ukoll l-ilwien okra-ambra fir-rita jew fil-ġilda tal-qlub. Huwa għalhekk li dawn il-bijomolekuli huma daqshekk kruċjali għall-kwalità tal-prodott, li jiddistingwuh mill-ġewż imkabbar f’żoni fil-qrib.
Hija l-kapaċità antiossidanti ogħla tan-“Nuez de Pedroso” fuq ta’ ġewż ieħor, flimkien mal-proċess ta’ tnixxif naturali li jippermetti li dawn il-bijomolekuli jiġu ppreservati kważi intatti, li jagħti lill-prodott l-istabbiltà ossidattiva għolja tiegħu. Dan ifisser ħajja tal-ħżin itwal (jibqa’ f’kundizzjoni perfetta għal aktar minn sena) u huwa ħafna inqas suxxettibbli għal taħsir meta jkun maħżun, li jista’ jkompli sal-31 ta’ Diċembru tas-sena wara dik tal-ħsad mingħajr ma jiżviluppaw togħmiet jew aromi mhux pjaċevoli.
Il-qxur tal-ġewż “Nuez de Pedroso” ma jiddgħajfux bil-proċess tat-tnixxif. L-effett tas-siġill ma jiġix kompromess, li jfisser li jinżammu tajjeb, u l-ebusija tagħhom tiġi ppreservata, u dan jagħmilha aktar faċli li titneħħa ż-żerriegħa, peress li ma jitfarrakx meta tkun qed titneħħa l-qoxra.
5.2. Rabta kawżali_Fatturi naturali
Iż-żona ġeografika ddefinita hija żona kontinwa u omoġenja fid-distretti ta’ Rioja Alta u Sierra de Rioja Alta, li huma muntanjużi f’termini ta’ riżalt. Il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija u tal-klima madwar iż-żona jiżguraw żvilupp adegwat tal-għalla, li hija kkonċentrata fiż-żoni aktar kesħin tal-widien tal-Punent li jinsabu fit-taqsimiet tan-nofs/ta’ fuq tax-xmajjar Oja u Najerilla u t-tributarji tagħhom.
Id-distrett ta’ Rioja Alta ma għandux l-istess klima Mediterranja bħall-bqija tal-Komunità Awtonoma minħabba l-influwenza Atlantika ċara (klima kontinentali b’tendenza ċara lejn moderata-kiesħa, speċjalment fil-muntanji), li tirriżulta f’medda umda wiesgħa b’xita frekwenti u abbundanti.
Ir-raġuni għal din l-influwenza Atlantika hija li r-riżalt karatteristiku taż-żona jipproteġiha mill-irjieħ xotti u sħan min-Nofsinhar. Ix-xita annwali kumulattiva medja hija ogħla mill-bqija tal-Komunità Awtonoma (502,55 L/m2) u x-xita tar-rebbiegħa tista’ saħansitra tkun aktar mid-doppju ta’ żoni oħrajn. Dan il-fattur huwa ta’ benefiċċju kbir għall-għalla minħabba li minkejja l-ebusija tagħha, hija sensittiva ferm għan-nixfa, b’mod partikolari fis-sajf. Ix-xita f’Ġunju li tikkoinċidi mal-istadju tal-fjur tgħin ukoll biex tiżgura li l-ġewż imkabbar fiż-żona jkun ta’ daqs adegwat.
L-umdità mill-Oċean Atlantiku mhux biss tfisser aktar xita, iżda għandha wkoll l-effett li tirregola t-temperaturi, bir-riżultat li dik id-differenza fit-temperatura bejn is-sajf u x-xitwa ma hijiex daqshekk qawwija bħal fil-bqija tal-Komunità Awtonoma.
Is-sjuf ma humiex daqshekk sħan bħal fil-bqija tal-Komunità Awtonoma, u jinkludu maltempati fis-sajf u umdità relattiva għolja b’riżultat tal-kuntrasti kbar bejn it-temperaturi matul il-jum u matul il-lejl. Dawn il-karatteristiċi partikolari huma ta’ benefiċċju għall-iżvilupp ta’ din l-għalla, li hija tant sensittiva għat-temperaturi għoljin fis-sajf. Il-fatt li l-ġewż ma jinħaraqx bix-xemx ifisser li l-qxur ma jsirux vojta jew imkemmxin u l-qlub ma jiskurawx jew ma jeħlux man-naħa ta’ ġewwa tal-qoxra, u b’hekk jiġi ggarantit il-kulur pallidu, id-daqs u l-estrazzjoni faċli taż-żerriegħa li huma karatteristiċi tal-ġewż “Nuez de Pedroso”.
Fl-istess ħin, ix-xtiewi ħarxa u s-sjuf moderati jiggarantixxu r-rekwiżiti ta’ mill-inqas erba’ xhur ta’ temp kiesaħ u mill-inqas erba’’ xhur ta’ temperatura medji ’l fuq minn 16 °C, u b’hekk jiġi żgurat li s-siġra tiffjorixxi s-sena ta’ wara u li l-frott jirtab għalkollox u b’mod ugwali sakemm jasal ħin il-ħsad fil-ħarifa. Dan huwa kruċjali għall-proċess ta’ tnixxif naturali sussegwenti u jippermetti wkoll il-kontenut għoli tiegħu ta’ komposti fenoliċi u antiossidanti. L-istudji xjentifiċi stabbilew rabta bejn l-irtubija u l-kontenut ta’ fenol.
Studji speċifiċi dwar il-kontenut ta’ fenol fil-ġewż ikkonfermaw ukoll li s-sħana eċċessiva, in-nixfa u l-altitudni baxxa għandhom impatti negattivi. Dan ma jseħħx fiż-żona li tikkorrispondi għal din id-DOP, peress li l-altitudni tar-riżalt għoli tal-muntanji u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi fiż-żona, b’mod partikolari s-sjuf aktar kesħin u bix-xita, għandhom effett partikolarment sinifikanti fuq il-varjetajiet kultivati li adattaw rwieħhom perfettament. Dan għandu impatt pożittiv, bir-riżultat li l-kontenut ta’ fenoli u antiossidanti naturali totali huwa ogħla minn dak tal-ġewż li jikber f’reġjuni oħrajn.
Il-kundizzjonijiet nexfin u kesħin fiż-żona matul il-ħarifa u x-xitwa jfissru li l-proċess ta’ tnixxif naturali li jintuża huwa xieraq biex jiġi żgurat li l-kontenut ta’ umdità tal-ġewż jonqos bil-mod u gradwalment mingħajr ma jfeġġu fungi jew aflatossini, u b’hekk tittejjeb il-ħajja tal-ħżin tiegħu. Billi l-proċess ta’ tnixxif industrijali li jintuża f’żoni oħrajn jieħu medja ta’ 18-il siegħa, il-proċess naturali li jintuża fiż-żona ddefinita huwa ħafna itwal u jdum għal diversi jiem. Id-durata tvarja skont it-temp dak il-ħin, li juri r-rabta bejn il-proċess ta’ tnixxif naturali u l-ambjent ġeografika.
5.3. Rabta kawżali_Fatturi umani
L-għarfien espert fl-għażla taż-żerriegħa u l-aħjar prattiki ta’ tkabbir, li wieħed ikun jaf eżatt meta jaħsad il-ġewż u jiżgura proċess ta’ tnixxif naturali u l-ħażna korretta huma kollha tekniki li nkisbu u ġew mgħoddija matul is-snin. Dan huwa wkoll fattur importanti għall-produzzjoni ta’ ġewż ta’ kwalità għolja u l-preservazzjoni tal-karatteristiċi intrinsiċi kollha għall-itwal perjodu ta’ żmien possibbli, li jagħmlu ħafna inqas probabbli li jitħassar u b’valur tas-suq għoli.
Minħabba li l-bdiewa fiż-żona ġeografika koperta mid-DOP ilhom jagħżlu ż-żerriegħa mill-varjetajiet protetti sa minn żminijiet antiki biex itejbu l-produttività u l-karatteristiċi ta’ kwalità tagħhom u jsaħħu l-ħila tagħhom li jadattaw għaż-żona ġeografika ddefinita, dawn ivarjaw mill-istess varjetajiet li jitkabbru xi mkien ieħor, anke f’żoni tal-viċinat.
Il-varjetajiet li jitkabbru hawnhekk jirnexxilhom jiżgiċċaw il-ġlata tardiva minħabba li jiffjorrixu f’perjodu iktar tard u l-weraq tagħhom jaqa’ kmieni. Inkella jkunu suxxettibbli għall-ovipożizzjoni tal-ispeċi Cydia pomonella Lepidoptera, li tirriżulta f’ġewż infestat mid-dud. Dan l-effett avvers, li ma jseħħx fiż-żona koperta mid-DOP, huwa okkorrenza regolari fiż-żoni tal-viċinat b’altitudni aktar baxxa, fejn jillimita kemm l-output kif ukoll il-kwalità tal-għalla.
Il-ġewż jinħasad meta jkun laħaq l-aħjar irtubija, li huwa fattur deċiżiv biex jiġi żgurat kontenut għoli ta’ komposti fenoliċi u antiossidanti fil-frott u l-prontezza tiegħu għall-proċess ta’ tnixxif naturali li jsegwi. Sabiex jiġi ppreservat il-kulur pallidu tal-qoxra u jiġi evitat li tiskura, il-ġewż ma jridx jitħalla jiġi f’kuntatt mal-art għal ħin twil.
Il-proċess ta’ tnixxif użat fiż-żona huwa l-proċess ta’ tnixxif naturali tradizzjonali u storiku, li jsir sa minn meta jinħasad il-ġewż (dejjem fi żmien 48 siegħa) biex jiġi żgurat l-inqas effett negattiv fuq il-karatteristiċi nutrittivi u organolettiċi tal-frott. Il-ġewż jiġi mifrux fuq wiċċ totalment nadif u niexef (b’għoli ta' mhux aktar minn tliet saffi ta’ ġewż) f’postijiet b’ventilazzjoni naturali tajba. Ma jista’ jintuża l-ebda sors ta’ sħana artifiċjali u dan irid jiġi mċaqlaq u mnaddaf regolarment biex jiġi evitat li tifforma l-moffa.
It-teknika ta’ tnixxif industrijali li tintuża f’żoni oħrajn biex jitqassar il-proċess tnixxef il-ġewż permezz ta’ arja furzata f’temperatura għolja. Dan iwassal għal espansjoni u kompressjoni, u b’hekk iwassal biex il-qoxra titlef is-siġill tagħha u jiġu mħaffa l-proċessi ta’ ossidazzjoni, bir-riżultat li l-ġewż ikun inqas xieraq għall-ħażna u jitħassar ħafna aktar qabel.
B’kuntrast, il-proċess ta’ tnixxif naturali li jintuża fiż-żona ddefinita jfisser li l-ġewż “Nuez de Pedroso” jitlef l-umdità tiegħu aktar bil-mod u gradwalment, u b’hekk il-qxur iżommu s-siġill tagħhom u jkollhom inqas probabbiltà li jsiru fraġli. Hekk kif il-qoxra li tgħatti ż-żerriegħa żżomm is-siġill tagħha, l-ebda arja ma tista’ tidħol u l-proprjetajiet intrinsiċi jinżammu virtwalment intatti. Dan jipprevjeni liż-żerriegħa milli tiskura u l-lipidi tagħha milli jitħassru (jiżviluppaw togħmiet u rwejjaħ mhux pjaċevoli), u jestendi l-ħajja tal-ħżin tagħha.
Il-proċess ta’ tnixxif naturali jfisser ukoll li l-ġewż “Nuez de Pedroso” huma reżistenti ħafna għall-qsim, li jagħmilha aktar faċli li tiġi estratta ż-żerriegħa. Il-ġewż soġġett għal proċess ta’ tnixxif industrijali jsir fraġli, li jfisser li huwa aktar probabbli li jitfarrak meta tkun qed titneħħa l-qoxra u huwa aktar diffiċli li tiġi estratta ż-żerriegħa.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Fit-taqsima tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://www.larioja.org/agricultura/es/calidad-agroalimentaria