IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2022
COM(2022) 702 final
2022/0408(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2022) 434 final} - {SWD(2022) 395 final} - {SWD(2022) 396 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din l-inizjattiva, imħabbra f’Settembru 2020, hija parti mill-prijorità tal-Kummissjoni li tavvanza l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), proġett ewlieni biex tkompli tiżdied l-integrazzjoni finanzjarja u ekonomika fl-Unjoni Ewropea.
In-nuqqas ta’ reġimi armonizzati ta’ insolvenza ilu li ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għal-libertà tal-moviment tal-kapital fl-UE u għal integrazzjoni akbar tas-swieq kapitali tal-UE. Fl-2015, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) identifikaw b’mod konġunt il-liġi dwar l-insolvenza bħala qasam ewlieni għall-kisba ta’ CMU “ta’ veru”. Din kienet ukoll il-fehma konsistenti tal-istituzzjonijiet internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u diversi gruppi ta’ riflessjoni. Fl-2019, il-FMI identifika l-prattiki ta’ insolvenza bħala wieħed mit-“tliet ostakli ewlenin għal integrazzjoni akbar tas-suq kapitali fl-Ewropa”, flimkien mat-trasparenza u l-kwalità regolatorja. Il-BĊE saħaq ripetutament dwar il-ħtieġa “li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ewlenin u d-diverġenza bejn l-oqfsa tal-insolvenza [...] lil hinn mill-abbozz ta’ Direttiva dwar l-Insolvenza, ir-Ristrutturar u t-Tieni Opportunità peress li “liġijiet dwar l-insolvenza aktar effiċjenti u armonizzati [flimkien ma’ miżuri oħra] jistgħu jtejbu ċ-ċertezza għall-investituri, inaqqsu l-kostijiet u jiffaċilitaw l-investimenti transfruntieri, filwaqt li jagħmlu l-kapital ta’ riskju aktar attraenti u aċċessibbli għall-kumpaniji.
Ir-regoli dwar l-insolvenza huma frammentati bejn in-nazzjonijiet. B’riżultat ta’ dan, iwasslu għal eżiti differenti fi Stati Membri differenti, u b’mod partikolari għandhom gradi differenti ta’ effiċjenza f’termini taż-żmien meħtieġ biex tiġi llikwidata kumpanija u l-valur li eventwalment jista’ jiġi rkuprat. F’xi Stati Membri, dan iwassal għal proċeduri twal ta’ insolvenza u valur medju baxx ta’ rkupru f’każijiet ta’ likwidazzjoni. Id-differenzi fir-reġimi nazzjonali joħolqu wkoll inċertezza legali fir-rigward tal-eżiti tal-proċedimenti ta’ insolvenza u jwasslu għal kostijiet ogħla ta’ informazzjoni u tagħlim għall-kredituri transfruntieri meta mqabbla ma’ dawk li joperaw biss domestikament.
L-eżiti tal-proċeduri ta’ insolvenza jvarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri, biż-żmien medju ta’ rkupru jvarja minn 0,6 sa 7 snin u l-kostijiet ġudizzjarji jvarjaw minn 0 sa aktar minn 10 %. Il-medja tal-valuri ta’ rkupru tas-self korporattiv fl-UE kienet ta’ 40 % tal-ammont pendenti fiż-żmien tal-inadempjenza u ta’ 34 % għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-2018. Valuri baxxi ta’ rkupru, proċeduri twal ta’ insolvenza u spejjeż għoljin għall-proċeduri mhux biss għandhom impatt fuq l-effiċjenza tal-likwidazzjoni ta’ kumpanija. Huma wkoll kunsiderazzjoni primarja għall-investituri jew għall-kredituri meta jiġi ddeterminat il-livell tal-primjum tar-riskju li jistennew li jirkupraw f’investiment. Inqas ma jkun effiċjenti r-reġim tal-insolvenza, aktar ikun għoli l-primjum li l-investituri jitolbu, jekk kull element ieħor ikun kostanti. Primjum ta’ riskju għoli jżid il-kost tal-kapital għall-kumpanija u, jekk ir-riskju jkun partikolarment għoli, jiskoraġġixxi lill-investituri milli jipprovdu kreditu. Dan imbagħad jillimita l-għażla tal-finanzjament disponibbli għall-kumpanija u b’mod aktar ġenerali jillimita l-kapaċità tagħha li tikseb finanzjament affordabbli biex tespandi l-operazzjonijiet tagħha.
Bejn 10 u 20 fil-mija tal-120 000 sa 150 000 każ annwali ta’ insolvenza tfl-UE kienu jinvolvu provvista transfruntiera ta’ kreditu. L-eżistenza ta’ reġimi diverġenti ta’ insolvenza madwar l-UE tirrappreżenta problema partikolari għall-investituri transfruntiera, li potenzjalment ikollhom jikkunsidraw 27 reġim differenti ta’ insolvenza biex jivvalutaw opportunità ta’ investiment barra mill-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom. Il-kundizzjonijiet ma humiex ekwi, bl-investimenti simili fl-Istati Membri li għandhom reġimi ta’ insolvenza aktar effiċjenti meqjusa bħala aktar attraenti milli fl-Istati Membri b’reġimi ta’ insolvenza inqas effiċjenti, u b’hekk jinħoloq ostaklu sinifikanti għall-fluss transfruntier tal-kapital u għall-funzjonament tas-suq uniku għall-kapital fl-UE. Il-kumpaniji fl-Istati Membri li għandhom oqfsa ta’ insolvenza aktar effiċjenti x’aktarx li jiksbu aċċess għal finanzjament orħos, li jpoġġihom f’vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ kumpaniji minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ir-reġimi ta’ insolvenza diverġenti madwar l-Istati Membri jiskoraġġixxu lill-investituri milli jikkunsidraw investimenti fl-Istati Membri li dawk l-investituri jkunu inqas familjari mas-sistemi legali tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ għal dawk l-investituri li ma għandhomx ir-riżorsi biex jivvalutaw 27 reġim differenti ta’ insolvenza. Dan inaqqas il-potenzjal ġenerali għall-investiment transfruntier fl-UE, jillimita l-profondità u l-firxa tas-swieq kapitali tal-UE u jimmina s-suċċess ġenerali tal-proġett tas-CMU.
Il-kriżi tal-enerġija li għaddejja bħalissa u l-ispazju fiskali limitat għas-sussidji pubbliċi jistgħu jirriżultaw f’żieda fl-ammont ta’ negozji li jieqfu joperaw fil-futur. Aktar kumpaniji jistgħu jesperjenzaw kundizzjonijiet fejn il-livell tad-dejn tagħhom jirriżulta li ma huwiex sostenibbli. Barra minn hekk, l-aħħar żviluppi ekonomiċi juru li l-ekonomija tal-UE għadha vulnerabbli għal xokkijiet u diffikultajiet ekonomiċi mdaqqsa. Kieku dawn tal-aħħar kellhom iseħħu, regoli ta’ insolvenza aktar effiċjenti u allinjati aħjar fl-UE jżidu l-kapaċità ta’ assorbiment ta’ tali xokkijiet. Jgħinu wkoll biex jillimitaw l-impatt negattiv (u l-kostijiet għall-investituri) ta’ operazzjonijiet diżordnati ta’ stralċ. Fix-xenarju bażi, il-każijiet ta’ insolvenza se jkomplu jisfidaw il-kapaċità tas-sistemi ġudizzjarji, iżda ma tiġi implimentata l-ebda soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ proċedimenti twal u ineffiċjenti, valuri ta’ rkupru aktar baxxi u fl-aħħar mill-aħħar provvista ta’ kreditu aktar baxxa u aġġustament strutturali fl-ekonomija.
In-nuqqas ta’ aktar konverġenza fir-reġimi ta’ insolvenza se jfisser li l-livell ta’ investiment transfruntier u ta’ relazzjonijiet kummerċjali transfruntiera ma jilħaqx il-potenzjal tiegħu.
Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE biex titnaqqas sostanzjalment il-frammentazzjoni tar-reġimi ta’ insolvenza. Din tappoġġa l-konverġenza ta’ elementi mmirati tar-regoli tal-insolvenza tal-Istati Membri u toħloq standards komuni madwar l-Istati Membri kollha, u b’hekk tiffaċilita l-investiment transfruntier.
Il-miżuri fil-livell tal-UE jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jevitaw distorsjonijiet tad-deċiżjonijiet ta’ investiment transfruntier ikkawżati minn nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif inhuma mfassla r-reġimi tal-insolvenza u d-differenzi bejniethom. Dan jgħin biex jiġu ffaċilitati l-investimenti u l-kompetizzjoni transfruntiera filwaqt li jiġi protett il-funzjonament ordnat tas-suq uniku. Peress li d-diverġenzi fir-reġimi ta’ insolvenza huma ostaklu ewlieni għall-investiment transfruntier, l-indirizzar ta’ dan l-ostaklu huwa kruċjali għat-twettiq ta’ suq uniku għall-kapital fl-UE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija koerenti bis-sħiħ ma’ strumenti oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), peress li tindirizza problemi li l-leġiżlazzjonijiet eżistenti l-oħra ma jindirizzawx. Għalhekk, din l-azzjoni tal-UE tindirizza lakuna leġiżlattiva ġenwina.
Id-Direttiva (UE) 2019/1023 hija strument ta’ armonizzazzjoni mmirata, li ffukat fuq żewġ tipi speċifiċi ta’ proċedura: proċeduri ta’ qabel l-insolvenza; u proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn għal imprendituri li jfallu. Iż-żewġ proċeduri kienu ġodda u ma kinux preżenti fl-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza tal-maġġoranza tal-Istati Membri. Il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv (it-Titolu II tad-Direttiva (UE) 2019/1023) huma skemi li huma disponibbli għad-debituri f’diffikultà finanzjarja qabel ma jsiru insolventi, jiġifieri meta jkun hemm biss probabbiltà ta’ insolvenza. Dawn huma bbażati fuq il-fatt li hemm possibbiltà ħafna akbar li jiġu salvati n-negozji f’diffikultà meta l-għodod għar-ristrutturar tad-djun tagħhom ikunu aċċessibbli għalihom fi stadju bikri ħafna, qabel ma jsiru insolventi b’mod definittiv. L-istandards minimi ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1023 dwar l-oqfsa ta’ ristrutturar preventiv japplikaw biss għal negozji li għadhom ma humiex insolventi u jsegwu proprju l-għan li jiġu evitati l-proċedimenti ta’ insolvenza għal negozji li għadhom jistgħu jerġgħu jsiru vijabbli. Dawn ma jindirizzawx is-sitwazzjoni fejn negozju jsir insolventi u jkollu jgħaddi minn proċedimenti ta’ insolvenza. Bl-istess mod, l-istandards minimi dwar it-tieni opportunità għal imprendituri li jfallu (it-Titolu III tad-Direttiva (UE) 2019/1023) ma jindirizzawx il-mod kif jitwettqu l-proċedimenti ta’ insolvenza. Minflok, dawn huma relatati mal-ħelsien mid-djun għal imprendituri insolventi bħala konsegwenza tal-insolvenza u jistgħu jiġu deskritti bħala regolament tal-effetti ta’ wara l-insolvenza li, madankollu, ma jarmonizzax il-liġi tal-insolvenza nnifisha.
Ir-Regolament (UE) 2015/848 ġie adottat fuq il-bażi ġuridika tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (l-Artikolu 81 TFUE). Ir-Regolament (UE) 2015/848 introduċa regoli uniformi dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali u d-dritt applikabbli li – għal każijiet ta’ insolvenza transfruntieri – iddeterminaw f’liema Stat Membru għandhom jinbdew il-proċedimenti ta’ insolvenza u liema dritt għandu jiġi applikat. B’mod parallel, kien hemm regoli uniformi li żguraw li s-sentenzi tal-qrati li għandhom ġuriżdizzjoni f’dawn il-każijiet jiġu rikonoxxuti, u jekk ikun meħtieġ, jiġu eżegwiti fit-territorju tal-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (UE) 2015/848 ma għandu l-ebda impatt fuq il-kontenut tal-liġi nazzjonali dwar l-insolvenza. Huwa jiddetermina l-liġi applikabbli iżda ma jippreskrivi l-ebda karatteristika jew standard minimu għal dik il-liġi. Għalhekk, ma jindirizzax id-diverġenzi fil-liġijiet dwar l-insolvenza tal-Istati Membri (u l-problemi u l-kostijiet li jirriżultaw).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-Proposta hija koerenti bis-sħiħ mal-prijorità tal-Kummissjoni li tavvanza s-CMU u, b’mod partikolari, mal-Azzjoni 11 tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-CMU u l-Komunikazzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni dwar is-CMU. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-CMU tal-2020 ħabbar li l-Kummissjoni se tieħu inizjattiva leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva għal armonizzazzjoni minima jew aktar konverġenza f’oqsma mmirati tal-liġi dwar l-insolvenza korporattiva mhux bankarja biex tagħmel l-eżiti tal-proċedimenti ta’ insolvenza aktar prevedibbli. Fil-15 ta’ Settembru 2021, fl-ittra ta’ intenzjoni tagħha indirizzata lill-Parlament u lill-Presidenza tal-Kunsill, il-President von der Leyen ħabbret inizjattiva dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġi sostantiva dwar il-proċedimenti tal-insolvenza, li ġiet inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2022. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CMU, ippubblikata f’Novembru 2021, ħabbret Direttiva futura, possibbilment issupplimentata minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, fil-qasam tal-insolvenza korporattiva.
Il-proposta hija wkoll koerenti bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex jittejbu l-effiċjenza u l-ħeffa tar-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza, li wasslu għal riformi tal-insolvenza f’xi Stati Membri.
Il-proposta hija wkoll koerenti mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, peress li ma tinterferixxix mal-prinċipju li l-impjegati ma jżommux id-drittijiet tagħhom meta t-trasferiment isir bħala parti minn proċedimenti ta’ insolvenza. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE b’mod partikolari jiddikjara li, sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra, l-Artikoli 3 u 4 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment tas-sjieda ta’ kumpanija ma għandhomx japplikaw meta t-trasferent huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ insolvenza li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi tat-trasferent u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti. Il-proposta hija koerenti bis-sħiħ ma’ din id-dispożizzjoni meta tirregola l-“proċedimenti pre-pack”. F’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża “Heiploeg”, din il-proposta tiċċara b’mod partikolari li l-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti pre-pack trid titqies bħala proċediment ta’ falliment jew insolvenza istitwit bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE.
Il-proposta hija wkoll koerenti mad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandha l-għan li tillimita l-akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet ambjentali u li tiżgura l-konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Id-Direttiva 2004/35/KE tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex iħajru l-iżvillup ta’ istrumenti u suq ta’ sigurità finanzjarja mill-operaturi ekonomiċi u finanzjarji xierqa, li jinkludi mekniżmi finanzjarji fil-każ tal-falliment tagħha, bl-iskop li jifffaċilitaw l-użu ta’ garanziji finanzjarji mill-operaturi biex ikopru r-responsabbilitajiet tagħhom skont id-Direttiva 2004/35/KE. Dawn il-mekkaniżmi għandhom l-għan li jiżguraw li t-pretensjonijiet jiġu ssodisfati anke f’każijiet fejn id-debitur isir insolventi. Il-proposta ma tinterferixxix ma’ dawk il-miżuri skont id-Direttiva 2004/35/KE. Għall-kuntrarju, qafas ta’ insolvenza aktar effiċjenti jappoġġa rkupru aktar mgħaġġel u aktar effettiv tal-valur tal-assi b’mod ġenerali u b’hekk jiffaċilita l-kumpens għal pretensjonijiet ambjentali kontra kumpanija insolventi anke mingħajr rikors għal strumenti ta’ garanzija finanzjarja, b’konsistenza sħiħa mal-għanijiet tad-Direttiva 2004/35/KE.
Fl-aħħar nett, din il-proposta se tgħin lil aktar imprendituri jibbenefikaw mill-ħelsien mid-dejn, peress li l-proċeduri ta’ insolvenza kontra l-mikrointrapriżi se jinbdew aktar faċilment u jitwettqu b’mod aktar effiċjenti. Dan huwa konformi mal-objettiv tal-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs imħabbar mill-President von der Leyen f’Settembru 2022 fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan tagħhom huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.
Il-liġijiet dwar l-insolvenza jiżguraw l-istralċ ordnat ta’ kumpaniji f’diffikultà finanzjarja u ekonomika. Dawn jitqiesu bħala wieħed mill-fatturi ewlenin fid-determinazzjoni tal-kost tal-investimenti finanzjarji, peress li jippermettu li jiġi stabbilit il-valur finali tal-irkupru tal-investiment f’kumpaniji insolventi.
Differenzi kbar fl-effiċjenza tal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi jnaqqsu l-attraenza tal-investimenti transfruntieri minħabba l-prevedibbiltà limitata tal-eżitu tal-proċedimenti ta’ insolvenza korporattiva madwar l-Istati Membri differenti u l-kost ogħla konsegwenti tal-iskoperta tal-informazzjoni għall-investituri transfruntiera. Barra minn hekk, dawn id-differenzi jirriżultaw f’diverġenzi kbar fil-valur tal-irkupru għall-investimenti f’kumpaniji insolventi madwar l-UE. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ma humiex ekwi fl-Unjoni, bl-investimenti simili fl-Istati Membri li għandhom liġijiet dwar l-insolvenza aktar effiċjenti meqjusa bħala aktar attraenti milli fl-Istati Membri b’liġijiet dwar l-insolvenza inqas effiċjenti. Kumpaniji mill-Istati Membri b’liġijiet dwar l-insolvenza aktar effiċjenti jistgħu jibbenefikaw minn kost tal-kapital aktar baxx minn kumpaniji minn Stati Membri oħra u b’hekk jistgħu jibbenefikaw b’mod ġenerali minn aċċess aktar faċli għall-kapital.
L-għan tal-proposta huwa li jitnaqqsu d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza u b’hekk tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ liġijiet dwar l-insolvenza aktar ineffiċjenti f’xi Stati Membri, tiżdied il-prevedibbiltà tal-proċedimenti ta’ insolvenza b’mod ġenerali u jitnaqqsu l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. Bl-armonizzazzjoni ta’ aspetti mmirati tal-liġijiet dwar l-insolvenza, il-proposta għandha l-għan, b’mod partikolari, li tnaqqas l-ispejjeż tal-informazzjoni u tat-tagħlim għall-investituri transfruntiera. Għalhekk, liġijiet aktar uniformi dwar l-insolvenza jenħtieġ li jespandu l-għażla tal-finanzjament disponibbli għall-kumpaniji madwar l-Unjoni.
Din il-proposta ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 81 tat-TFUE, peress li ma tittrattax biss sitwazzjonijiet b’implikazzjonijiet transfruntieri. Filwaqt li l-objettiv ewlieni tal-proposta huwa li jitneħħew b’mod partikolari l-ostakli għall-investiment transfruntier, il-proposta tfittex l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li kieku japplikaw b’mod invarjabbli kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-imprendituri li joperaw fi Stat Membru wieħed u f’diversi Stati Membri. Għalhekk, il-proposta tittratta wkoll sitwazzjonijiet mingħajr ebda dimensjoni transfruntiera u l-użu tal-Artikolu 81 peress li l-bażi ġuridika ma tkunx iġġustifikata.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-ostakli li jirriżultaw minn reġimi nazzjonali ta’ insolvenza li jvarjaw ħafna jfixklu r-realizzazzjoni ta’ suq uniku fl-UE b’mod aktar ġenerali u l-ħolqien tas-CMU b’mod partikolari, u għalhekk jiġġustifikaw qafas regolatorju tal-UE dwar l-insolvenza aktar unifikat. Madankollu, il-punti ta’ tluq, it-tradizzjonijiet legali u l-preferenzi ta’ politika differenti tal-Istati Membri jfissru li r-riformi fil-livell nazzjonali f’dan il-qasam x’aktarx li ma humiex se jwasslu għal sistemi ta’ insolvenza konverġenti bis-sħiħ u b’hekk għal titjib fl-effiċjenza ġenerali tagħhom.
L-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza tista’ twassal għal funzjonament aktar omoġenju tas-swieq kapitali tal-UE, tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u tiżgura aċċess aħjar għall-finanzjament korporattiv. L-azzjoni fil-livell tal-UE tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tnaqqas sostanzjalment il-frammentazzjoni tar-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza u tiżgura konverġenza ta’ elementi mmirati tar-regoli ta’ insolvenza tal-Istati Membri sa punt li jiffaċilita l-investiment transfruntier madwar l-Istati Membri kollha. L-azzjoni fil-livell tal-UE tiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwi u tnaqqas ir-riskju ta’ distorsjonijiet għal deċiżjonijiet ta’ investiment transfruntier ikkawżati minn differenzi reali fir-reġimi ta’ insolvenza u nuqqas ta’ informazzjoni dwar dawn id-differenzi.
•Proporzjonalità
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza korporattiva. Sabiex tilħaq dan l-objettiv, din il-proposta tistabbilixxi biss ir-rekwiżiti minimi tal-armonizzazzjoni u biss f’oqsma mmirati tal-liġi sostantiva dwar l-insolvenza li x’aktarx ikollhom l-aktar impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza u t-tul ta’ proċedimenti bħal dawn.
Din il-proposta tħalli lill-Istati Membri biżżejjed flessibbiltà biex jadottaw miżuri fl-oqsma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ukoll biex jistabbilixxu miżuri addizzjonali fl-oqsma li huma armonizzati, sakemm dawn il-miżuri jkunu konformi mal-objettiv ta’ din il-proposta. Għalhekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 114 TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ atti fil-forma ta’ Regolament jew ta’ Direttiva. L-integrazzjoni tas-suq intern tal-UE fil-qasam tal-liġijiet dwar l-insolvenza tista’ tinkiseb bl-aħjar mod bl-approssimazzjoni tal-liġijiet permezz ta’ armonizzazzjoni permezz ta’ Direttiva, peress li Direttiva tirrispetta l-kulturi legali u s-sistemi legali differenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi dwar l-insolvenza u tipprevedi flessibbiltà suffiċjenti fil-proċess tat-traspożizzjoni biex l-istandards minimi komuni jiġu implimentati b’mod kompatibbli ma’ dawk is-sistemi differenti.
Rakkomandazzjoni ma tkunx tista’ tikseb l-approssimazzjoni mixtieqa f’dan il-qasam ta’ politika fejn ġew identifikati differenzi kbar minquxa fil-leġiżlazzjoni vinkolanti tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-approssimazzjoni permezz ta’ Regolament ma tħallix biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadattaw għall-kundizzjonijiet lokali u biex iżommu l-koerenza tar-regoli proċedurali dwar l-insolvenza mas-sistema legali nazzjonali usa’.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux Applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess kollu ta’ tħejjija ta’ din il-proposta. Fost inizjattivi oħra, il-Kummissjoni b’mod partikolari:
i) wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa ddedikata (bejn it-18 ta’ Diċembru 2020 u s-16 ta’ April 2021);
ii) ikkonsultat lill-pubbliku dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (bejn il-11 ta’ Novembru 2020 u d-9 ta’ Diċembru 2020);
iii) kellha laqgħat iddedikati mal-esperti tal-Istati Membri fit-22 ta’ Marzu 2022 u fil-[25] ta’ Ottubru 2022
iv) kellha laqgħa ddedikata mal-partijiet ikkonċernati fit-8 ta’ Marzu 2022.
Ġew sottomessi 129 kontribut minn 17-il Stat Membru u mir-Renju Unit bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika online. Terz tat-tweġibiet saru f’isem il-prattikanti u l-professjonisti b’interess fil-qasam tal-insolvenza (din il-kategorija tinkludi l-prattikanti fl-insolvenza kif ukoll l-avukati). Madwar 20 % tat-tweġibiet ġew sottomessi minn partijiet ikkonċernati fis-settur finanzjarju, madwar 12 % mill-partijiet ikkonċernati mis-settur tan-negozju u tal-kummerċ, 7 % mill-organizzazzjonijiet ta’ interess soċjali u ekonomiku u 5,5 % mill-membri tal-ġudikatura (imħallfin). Barra minn hekk, waslu 10 tweġibiet (7,75 %) mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ 8 Stati Membri, b’7 minn dawn it-tweġibiet joriġinaw fil-livell governattiv ċentrali.
Il-partijiet ikkonċernati indikaw li l-problemi maħluqa għas-suq intern minħabba d-differenzi fl-oqfsa tal-insolvenza tal-Istati Membri huma serji, u li d-differenzi fl-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza jiskoraġġixxu l-investiment u s-self transfruntieri. Skont il-partijiet ikkonċernati, dawn id-differenzi jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern b’mod partikolari fir-rigward ta’: 1) azzjonijiet revokatorji; 2) it-traċċar u l-irkupru tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza; 3) id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi li huma kważi insolventi; u 4) kif jinbdew il-proċedimenti ta’ insolvenza. Konsegwentement, maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati kienu favur azzjoni tal-UE biex ittejjeb il-konverġenza f’dan il-qasam ta’ politika, jew fil-forma ta’ leġiżlazzjoni mmirata (37,21 %), bħala rakkomandazzjoni (23,26 %), jew bħala taħlita tat-tnejn (27,13 %).
Il-Kummissjoni organizzat ukoll laqgħa ddedikata ma’ grupp ta’ partijiet ikkonċernati magħżula. Il-mistednin kienu jinkludu rappreżentanti mis-settur finanzjarju u mis-settur tan-negozju u tal-kummerċ, rappreżentanti tal-impjegati, konsumaturi, prattikanti u professjonisti li jaħdmu fil-proċedimenti ta’ insolvenza, kif ukoll akkademiċi u membri ta’ gruppi ta’ riflessjoni. Fil-laqgħa, il-partijiet ikkonċernati kkontribwew b’mod proattiv billi rrapportaw dwar diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza u l-livelli differenti ta’ prestazzjoni tagħhom. Huma esprimew ukoll appoġġ għal konverġenza akbar fix-xenarju legali tal-proċedimenti ta’ insolvenza fl-UE.
It-tħejjija tal-inizjattiva kienet appoġġata mill-grupp ta’ esperti dwar il-liġi dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza. Dan il-grupp ta’ esperti ġie stabbilit oriġinarjament mill-Kummissjoni biex iħejji l-proposta li wasslet għad-Direttiva (UE) 2019/1023. Il-grupp imbagħad ġie estiż, b’10 esperti individwali maħtura bħala rappreżentanti ta’ interess komuni f’qasam ta’ politika partikolari (il-gruppi ta’ interess rappreżentati kienu l-kredituri finanzjarji, il-kredituri kummerċjali, il-kredituri konsumaturi, il-kredituri tal-impjegati, u d-debituri insolventi jew b’dejn eċċessiv).
Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tħejji l-proposta, il-Kummissjoni talbet żewġ studji esterni li jittrattaw oqsma speċifiċi ta’ insolvenza. Iż-żewġ studji ġew ikkummissjonati lil konsorzju kostitwit minn Tipik u Spark Legal Network. L-ewwel studju, li jivvaluta prattiki abbużivi ta’ għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni fil-proċedimenti ta’ insolvenza wara l-emendi tal-2015 għar-Regolament (UE) 2015/848, jeżamina wkoll il-kwistjoni ta’ sa liema punt id-differenzi bejn l-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza jaġixxu bħala inċentiv għall-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni mill-partijiet ikkonċernati. It-tieni studju janalizza s-suġġett tat-traċċar u l-irkupru tal-assi fi proċedimenti ta’ insolvenza. Iż-żewġ studji jinkludu analiżi empirika, li għaliha l-ġbir tad-data mill-kuntrattur kien jinvolvi kemm stħarriġ pubbliku online kif ukoll intervisti strutturati ma’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet studju ddedikat, ikkummissjonat lil Deloitte/Grimaldi, dwar l-impatt ta’ miżuri ta’ insolvenza korporattiva mmirati fuq l-irkupru tal-valur u l-effettività tal-proċeduri ta’ insolvenza. It-tliet studji huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-Istati Membri f’diversi iterazzjonijiet matul it-tħejjija tal-proposta. L-inizjattiva ġiet diskussa f’diversi okkażjonijiet mill-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri li esprimew appoġġ għall-inizjattiva. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (ECOFIN) tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-CMU ħeġġew lill-Kummissjoni twettaq din l-inizjattiva. Dawn il-Konklużjonijiet ġew ikkonfermati mid-Dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tal-11 ta’ Diċembru 2020. F’April 2021, il-ministri taż-żona tal-Grupp tal-Euro kkonkludew li r-riformi nazzjonali tar-reġimi tal-insolvenza għandhom jimxu ’l quddiem f’koerenza ma’ flussi ta’ ħidma paralleli mmexxija mill-istituzzjonijiet tal-UE, li twettqu fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-CMU. Id-dikjarazzjoni tal-laqgħa tas-Summit tal-Euro tal-25 ta’ Ġunju 2021 ikkonfermat li “l-isfidi strutturali għall-integrazzjoni u l-iżvilupp tas-swieq kapitali, b’mod partikolari f’oqsma mmirati tal-liġijiet dwar l-insolvenza korporattiva, jeħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati”. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew wera wkoll appoġġ għal reġimi ta’ insolvenza aktar effiċjenti u armonizzati, filwaqt li talab lill-Kummissjoni biex tagħmel impenn aktar b’saħħtu biex tagħmel progress reali f’dan il-qasam, li, skont il-Parlament, xorta jirrappreżenta ostakolu kbir għall-integrazzjoni vera tas-swieq kapitali tal-UE.
Fl-istess ħin, minħabba r-rabta mill-qrib bejn il-liġijiet dwar l-insolvenza u oqsma oħra tad-dritt nazzjonali (bħal-liġi dwar il-proprjetà u l-liġi tax-xogħol), u d-differenzi fl-objettivi ta’ politika ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza, xi Stati Membri esprimew riżervi dwar leġiżlazzjoni vinkolanti li tarmonizza l-liġi dwar l-insolvenza, inkluż f’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fl-1 ta’ April 2021.
Fit-22 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni organizzat workshop iddedikat ma’ esperti governattivi mill-Istati Membri. L-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa għal analiżi profonda u dettaljata tal-problemi, kif ukoll l-importanza ta’ dijanjożi ċara tal-iskala tal-problemi, tal-partijiet ikkonċernati affettwati minnhom u tal-impatt reali tagħhom fuq is-suq intern. Bl-istess mod, fir-rigward tan-natura ta’ kwalunkwe azzjoni futura fil-livell tal-UE, xi Stati Membri esprimew il-fehma li hemm bżonn ta’ approċċ prudenti, u ssuġġerew li l-miżuri għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
Fil-25 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni organizzat it-tieni sessjoni ta’ ħidma ma’ esperti governattivi mill-Istati Membri biex tinformahom dwar l-għażliet ta’ politika inklużi fil-Valutazzjoni tal-Impatt u dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija tal-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta tibbaża fuq id-data disponibbli mir-riċerka tad-desktop u b’mod partikolari mill-istudji u l-għarfien espert li ġejjin:
· Deloitte/Grimaldi (2022), Study to support the preparation of an impact assessment on a potential EU initiative increasing convergence of national insolvency laws, Abbozz tar-Rapport Finali, DĠ JUST, Marzu 2022.
· Spark, Tipik, “Study on the issue of abusive forum shopping in insolvency proceedings”, DĠ JUST, Frar 2022 (kuntratt speċifiku nru JUST/2020/JCOO/FW/CIVI/0160).
· Spark, Tipik, “Study on tracing and recovery of debtor’s assets by insolvency practitioners” DĠ JUST, Marzu 2022 (kuntratt speċifiku nru JUST/2020/JCOO/FW/CIVI/0172).
Il-materjal miġbur u użat sabiex jinforma l-valutazzjoni tal-impatt kien ġeneralment fattwali jew inkella ġie minn sorsi ta’ reputazzjoni tajba u rikonoxxuti sew u li jaġixxu bħala parametri referenzjarji u punti ta’ referenza għas-suġġett. Il-kontribut li ġie riċevut mill-partijiet ikkonċernati matul l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni ġeneralment ġie ttrattat bħala opinjonijiet, sakemm ma kienx ta’ natura fattwali.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat tliet dimensjonijiet ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza: (i) l-irkupru ta’ assi mill-patrimonju tal-insolvenza llikwidat; (ii) l-effiċjenza tal-proċeduri; u (iii) id-distribuzzjoni prevedibbli u ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. Dawn it-tliet dimensjonijiet ikopru, b’mod partikolari, kwistjonijiet relatati ma’ azzjonijiet revokatorji, traċċar tal-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat permezz ta’ “proċedimenti pre-pack”, l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali tal-insolvenza għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri. L-għażliet ġew identifikati abbażi ta’ kontribut minn grupp ta’ esperti dwar il-liġi dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, studju u skambji ddedikati mal-partijiet ikkonċernati. Dawn ġew analizzati fir-rigward ta’ tliet objettivi, jiġifieri jekk: (i) jippermettux valur ta’ rkupru ogħla; (ii) iwasslux għal durata iqsar tal-proċedimenti tal-insolvenza; u (iii) inaqqsux l-inċertezza legali u l-kostijiet tal-informazzjoni, b’mod partikolari għall-investituri transfruntiera.
Il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt riveduta jindirizzaw il-kummenti li waslu mingħand il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li kkonkluda fl-ewwel opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Ġunju 2022 li kienu meħtieġa aġġustamenti għall-valutazzjoni tal-impatt qabel ma jsir progress b’din l-inizjattiva. Inġabret aktar evidenza dwar kif il-proċedimenti attwali ta’ insolvenza jaffettwaw b’mod negattiv l-investiment transfruntier fis-suq uniku u kif dan jikkumpara ma’ fatturi oħra. Aktar informazzjoni dwar id-differenzi bejn il-pajjiżi fir-regoli dwar l-insolvenza żdiedet mat-test ewlieni u mal-Anness 5. Id-differenzi bejn id-Direttiva (UE) 2019/1023, ir-Regolament (UE) 2015/848 u din il-proposta ġew spjegati b’mod aktar estensiv. Saret analiżi addizzjonali dwar l-impatt tal-miżuri differenti fuq il-kapaċità ġudizzjarja u dwar kif il-partijiet ikkonċernati qiesu l-miżuri differenti. Il-kompromessi bejn l-għażliet ta’ politika ġew artikolati b’mod aktar ċar, u l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati ġew irrapportati f’aktar dettall.
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju eżamina l-valutazzjoni tal-impatt riveduta u ħareġ it-tieni opinjoni pożittiva tiegħu fl-10 ta’ Ottubru 2022, mingħajr riżervi. Il-Bord innota li l-valutazzjoni tal-impatt tjiebet b’mod sinifikanti, u ta xi suġġerimenti għal aktar titjib.
Din il-proposta għandha impatt kemxejn pożittiv fuq id-diġitalizzazzjoni, li jinħoloq b’mod partikolari minn grad ogħla ta’ awtomatizzazzjoni tal-proċess fil-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi u l-użu ta’ portal diġitali (il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja) biex tiġi pprovduta informazzjoni faċli għall-utent dwar il-karatteristiċi ewlenin tar-reġimi ta’ insolvenza u l-gradazzjoni tal-pretensjonijiet.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Iż-żieda fl-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza se tgħin biex jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti ta’ insolvenza u biex jiżdied il-valur tal-irkupru f’każijiet ta’ insolvenza, li jfisser kostijiet aktar baxxi għall-istralċ tal-kumpaniji u rati ogħla ta’ rkupru għall-kredituri u għall-investituri.
Din il-proposta għandha wkoll l-għan li ttejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs. Billi żżid ir-rati ta’ rkupru mistennija għall-kredituri u għall-investituri esposti għal SMEs u għal kumpaniji oħra, il-proposta tfittex li tnaqqas ir-riskju perċepit tal-investiment fl-SMEs, li huwa mistenni li jiġi rifless f’kostijiet ta’ finanzjament aktar baxxi għall-SMEs, jekk kull fattur ieħor ikun l-istess. Fl-istess ħin, il-proposta ma timponix obbligi jew kostijiet ta’ konformità fuq l-SMEs li huma ekonomikament attivi u tissimplifika l-proċeduri għal dawk li jiffaċċjaw insolvenza.
Din il-proposta tintroduċi wkoll proċedura speċjali biex tiffaċilita u tħaffef l-istralċ tal-mikrointrapriżi, biex tippermetti proċess ta’ insolvenza aktar kosteffiċjenti għal dawk il-mikrointrapriżi. Dawn l-arranġamenti jappoġġaw ukoll l-istralċ ordnat ta’ mikrointrapriżi “mingħajr assi”, filwaqt li jindirizzaw il-kwistjoni li xi Stati Membri jirrifjutaw l-aċċess għal proċediment ta’ insolvenza jekk il-valur ta’ rkupru previst ikun inqas mill-kostijiet ġudizzjarji. Billi l-mikrointrapriżi kollha jingħataw il-possibbiltà li jibdew proċedimenti biex jindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom, din il-proposta tiżgura li l-imprendituri fundaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħelsien mid-dejn u jibdew mill-ġdid, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1023.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u trid tiġi implimentata kif xieraq. B’mod partikolari, din il-proposta tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fl-Artikolu 7 (ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja), l-Artikolu 8 (il-protezzjoni tad-data personali), l-Artikolu 15 (il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol), l-Artikolu 16 (il-libertà ta’ intrapriża), l-Artikolu 17 (id-dritt għall-proprjetà), l-Artikolu 27 (id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni) u l-Artikolu 47(2) (id-dritt għal proċess imparzjali).
Il-proposta se tipprovdi lill-qrati maħtura b’aċċess għar-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali u għas-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data kif ukoll għas-sistema interkonnessa ta’ reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, il-punt ta’ aċċess uniku tal-BAR. Il-proposta se tipprovdi wkoll lill-prattikanti fl-insolvenza b’aċċess għar-reġistru tas-sidien benefiċjarji stabbilit fl-Istat Membru fejn ikun inbeda l-proċediment, kif ukoll għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sidien benefiċjarji, il-BORIS.
Ir-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali u s-sistemi elettroniċi tal-irkupru tad-data kif ukoll ir-reġistri tas-sidien benefiċjarji jiċċentralizzaw id-data personali. L-estensjoni tal-aċċess għal dawn ir-reġistri u s-sistemi u għall-punti ta’ aċċess uniċi għalhekk se jkollha impatt fuq id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fuq id-dritt għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe limitazzjoni li tirriżulta għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikolu 52(1).
Il-limitazzjoni hija prevista mil-liġi u hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tissaħħaħ b’mod effettiv it-traċċabbiltà tal-assi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li għadhom għaddejjin, inkluż f’ambjent transfruntier, għall-fini li jiġi massimizzat l-irkupru tal-valur mill-kumpanija insolventi għall-kredituri. Barra minn hekk, l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni huma rrispettati u l-limitazzjonijiet huma proporzjonati mal-għan segwit. L-impatt se jkun relattivament limitat, peress li d-data aċċessibbli u li tista’ tiġi mfittxija tkopri biss sett ta’ data, iddeterminat f’din il-proposta kif ukoll fl-istrumenti tal-UE li jistabbilixxu dawk is-sistemi, li huwa strettament meħtieġ biex jiġu ttraċċati l-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza. Din il-proposta tiżgura li l-ipproċessar ta’ dik id-data jirrispetta r-regoli applikabbli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta’ din il-proposta.
Il-proposta tispeċifika b’mod partikolari l-għanijiet għall-ipproċessar tad-data personali u tirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru l-qrati tal-insolvenza intitolati li jitolbu informazzjoni direttament mir-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali u mis-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data. Il-proposta tobbliga wkoll lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-qrati maħtura jżomm standards professjonali għoljin ta’ protezzjonijiet tad-data, li jkun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi biex tiġi protetta s-sigurtà tad-data għal standards teknoloġiċi għoljin għall-finijiet tal-eżerċizzju mill-qrati maħtura tas-setgħa li jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jżommu rekords għal kull darba qorti maħtura taċċessa u tfittex informazzjoni dwar il-kont bankarju.
Barra minn hekk, il-proposta tidentifika b’mod ċar l-ambitu tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistri tas-sidien benefiċjarji aċċessibbli mill-prattikanti fl-insolvenza.
Fl-aħħar nett, il-proposta tispeċifika li l-Kummissjoni ma tkunx qed taħżen data personali fir-rigward tal-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali tas-subbasti elettroniċi u fiha dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tad-data mill-Kummissjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta għandha implikazzjonijiet f’termini tal-kostijiet u tal-piż amministrattiv għall-Kummissjoni. Dawn il-kostijiet u l-piż jirriżultaw mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 51 ta’ din il-proposta li tinħoloq sistema li tgħaqqad is-sistemi nazzjonali tas-subbasti elettroniċi permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Abbażi tal-esperjenza ma’ proġetti oħra ta’ interkonnessjoni tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, il-kostijiet ta’ implimentazzjoni għall-Kummissjoni huma stmati li huma EUR 1,75 miljun għall-baġit attwali fit-tul (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali). Il-kostijiet addizzjonali se jiġu koperti permezz ta’ riallokazzjoni fi ħdan il-Programm Ġustizzja.
L-impatt finanzjarju u baġitarju ta’ din il-proposta huwa spjegat fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Hija mistennija evalwazzjoni 5 snin wara l-implimentazzjoni tal-miżuri u skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-objettiv tal-evalwazzjoni se jinkludi l-valutazzjoni ta’ kemm kienet effettiva u effiċjenti d-Direttiva fil-kisba tal-objettivi tal-politika u d-deċiżjoni dwar jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-proposta għandha fil-mira t-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza: (i) l-irkupru ta’ assi mill-patrimonju tal-insolvenza llikwidat; (ii) l-effiċjenza tal-proċedimenti; u (iii) id-distribuzzjoni prevedibbli u ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. L-elementi kostitwenti tagħħa ntgħażlu bir-reqqa abbażi tal-esperjenza min-negozjar tad-Direttiva dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza, id-deliberazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-grupp ta’ esperti, ir-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika, studju minn konsulent estern u interazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati.
Din il-proposta għandha l-għan li timmassimizza l-irkupru tal-valur mill-kumpanija insolventi għall-kredituri. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet revokatorji u t-traċċar tal-assi jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Jagħmlu dan billi jintroduċu sett minimu ta’ kundizzjonijiet armonizzati għall-eżerċitar ta’ azzjonijiet revokatorji u billi jsaħħu t-traċċabbiltà tal-assi billi jtejbu l-aċċess tal-prattikanti fl-insolvenza għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u ċerti reġistri nazzjonali tal-assi, inklużi dawk minn Stati Membri oħra. Dawn id-dispożizzjonijiet jingħaqdu mal-possibbiltà li jiġi mmassimizzat il-valur ta’ rkupru tan-negozju fi stadju bikri permezz ta’ proċedimenti pre-pack u obbligu tad-diretturi li jippreżentaw minnufih talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza biex jiġi evitat it-telf potenzjali fil-valur tal-assi għall-kredituri.
Din il-proposta għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-effiċjenza proċedurali, b’mod partikolari għal-likwidazzjoni tal-mikrointrapriżi insolventi. Huwa importanti li jiġi żgurat li r-regoli l-ġodda jaħdmu tajjeb ukoll għall-mikrointrapriżi fl-UE. Il-kost tal-proċeduri ordinarji ta’ insolvenza għal dawn il-kumpaniji huwa tant għoli li huwa projbittiv u l-possibbiltà li jibbenefikaw minn ħelsien mid-dejn kieku tippermettilhom jilliberaw il-kapital imprenditorjali għal proġetti ġodda. Dan huwa kkomplementat minn trasparenza akbar għall-kredituri dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-liġi nazzjonali dwar il-proċedimenti tal-insolvenza, inkluż l-iskattatur tal-insolvenza.
Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u prevedibbli tal-valuri rkuprati fost il-kredituri, il-proposta tintroduċi rekwiżiti għat-titjib tar-rappreżentanza tal-interessi tal-kredituri fil-proċedimenti permezz ta’ kumitati tal-kredituri. Dan huwa kkomplementat minn trasparenza akbar għall-kredituri fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-gradazzjoni tal-pretensjonijiet.
Id-Direttiva proposta hija maqsuma f’disa’ titoli.
It-Titolu I fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet.
It-Titolu II dwar l-azzjonijiet revokatorji jipprovdi regoli minimi ta’ armonizzazzjoni li għandhom l-għan li jipproteġu l-patrimonju tal-insolvenza kontra t-tneħħija illeġittima ta’ assi mwettqa qabel il-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza jipprevedu standard minimu ta’ protezzjoni relatat man-nullità, l-annullabbiltà jew l-ineżegwibbiltà ta’ atti legali li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-kredituri, pereżempju, billi jipprevedu aktar raġunijiet għal revoka. Id-dispożizzjonijiet inklużi f’dan it-Titolu jistabbilixxu l-prerekwiżiti ġenerali biex att legali jiġi ddikjarat null, ir-raġunijiet għar-revoka u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet revokatorji.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prerekwiżiti ġenerali għall-azzjonijiet revokatorji, filwaqt li jiddikjara li l-atti legali kollha – inklużi l-ommissjonijiet – jistgħu jkunu soġġetti għal azzjonijiet revokatorji, dment li kienu ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri u li kwalunkwe raġuni revokatorja identifikata fl-Artikoli sussegwenti tiġi milħuqa.
L-Artikolu 5 jiċċara li d-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet revokatorji huma regoli minimi ta’ armonizzazzjoni u li, għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet li jipprevedu livell ogħla ta’ protezzjoni tal-kredituri.
L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-ewwel raġuni revokatorja speċifika (“preferenzi”). Dawn huma atti legali li bbenefikaw lil kreditur (jew grupp ta’ kredituri) u twettqu fi żmien 3 xhur qabel ma saret it-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jew wara li saret it-talba (il-“perjodu dubjuż”). Peress li din ir-raġuni revokatorja hija skattata mis-sempliċi perfezzjonament tal-att legali, il-perjodu dubjuż huwa l-iqsar wieħed meta mqabbel mal-perjodi dubjużi tar-raġunijiet revokatorji l-oħra. Barra minn hekk, għal “koperturi kongruenti” (jiġifieri prestazzjonijiet li kienu kompletament konformi mal-pretensjoni tal-kreditur, bħas-sodisfazzjon ta’ pretensjoni dovuta b’mezzi normali ta’ ħlas), l-atti legali jistgħu jiġu ddikjarati nulli għal din ir-raġuni biss jekk il-kreditur kien jaf jew kellu jkun jaf li d-debitur ma setax iħallas id-djun tiegħu jew li kienet ġiet ippreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni telenka ċerti tipi ta’ atti legali li ma jistgħux jiġu ddikjarati nulli għal din ir-raġuni.
L-Artikolu 7 jistabbilixxi t-tieni raġuni revokatorja speċifika: atti legali sottovalutati. Din ir-raġuni tkopri mhux biss ir-rigali jew donazzjonijiet oħra iżda wkoll atti legali kontra korrispettiv aktar baxx min-normal. Taqdi rwol sinifikanti fil-liġi dwar l-azzjonijiet revokatorji peress li hija (fost affarijiet oħra) rimedju effiċjenti kontra l-isforzi possibbli tad-debitur biex imexxi l-assi fejn ma jistgħux jilħquhom il-kredituri billi jittrasferihom lil partijiet terzi, bħal membri tal-familja jew entitajiet li jżommu l-assi, filwaqt li jibqa’ jkollu wkoll il-possibbiltà li juża dawn l-assi.
L-Artikolu 8 jistabbilixxi t-tielet u l-aħħar raġuni revokatarja, azzjonijiet intenzjonalment frodulenti, jiġifieri atti legali li jiffrodaw lill-kredituri.
L-Artikolu 9 jiddetermina l-konsegwenzi ġenerali tal-azzjonijiet revokatorji. Dawn jinkludu l-ineżegwibbiltà tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn att legali li jkun ġie ddikjarat null, kif ukoll l-obbligu tal-parti li tibbenefika minn dak l-att legali li tikkumpensa bis-sħiħ il-patrimonju tal-insolvenza għad-detriment ikkawżat. L-Artikolu jiċċara li l-obbligu ta’ kumpens lill-patrimonju tal-insolvenza ma jistax jiġi paċut kontra pretensjonijiet tal-parti l-oħra tal-att legali li ġie annullat.
L-Artikolu 10 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-parti l-oħra tal-att legali li jkun ġie ddikjarat null. B’mod partikolari, pretensjonijiet li huma ssodisfati bl-att legali li jkun ġie ddikjarat null jerġgħu jitqajmu sal-punt li l-parti tikkumpensa l-proprjetà tal-insolvenza.
L-Artikolu 11 jittratta r-responsabbiltà tal-partijiet terzi: kwalunkwe eredi jew suċċessur universali għall-parti l-oħra tal-att legali li jkun ġie ddikjarat null jiret il-pożizzjoni ta’ dik il-parti, anke fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet revokatorji. Is-suċċessuri individwali jkunu responsabbli biss jekk ikunu akkwistaw l-assi b’valur sottovalutat jew jekk kienu jafu jew kellhom ikunu jafu biċ-ċirkostanzi li fuqhom huma bbażati l-azzjonijiet revokatorji.
L-Artikolu 12 jikkonferma l-privileġġ tar-ristrutturar introdott mill-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva (UE) 2019/1023. Dan jiddikjara li r-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji f’dan it-Titolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
It-Titolu III dwar it-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza huwa intervent immirat, li jenħtieġ li jitqiegħed fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2015/848, li jistipula li, fil-prinċipju, il-prattikanti fl-insolvenza jistgħu jeżerċitaw ukoll fi Stati Membri oħra s-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Istat Membru fejn ikunu nbdew il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza u fejn ikunu ġew maħtura. L-enfasi tar-regoli mmirati f’dak it-Titolu hija fuq l-aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal diversi reġistri li fihom informazzjoni rilevanti dwar l-assi li jappartjenu jew suppost jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza. Xi reġistri elettroniċi nazzjonali huma pubbliċi jew saħansitra aċċessibbli permezz ta’ pjattaformi ta’ interkonnessjoni uniċi stabbiliti mill-UE, bħall-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza (IRI). Id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva proposta jestendu l-ambitu tar-reġistri aċċessibbli mill-prattikanti fl-insolvenza għal xi reġistri li ma humiex disponibbli pubblikament, bħal dawk oriġinarjament stabbiliti skont il-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus (ir-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet bankarji jew informazzjoni dwar it-trusts fir-reġistri tas-sidien benefiċjarji tal-Istati Membri). It-Titolu III jobbliga wkoll lill-Istati Membri jipprovdu lill-prattikanti fl-insolvenza mhux domestiċi b’aċċess dirett u rapidu għar-reġistri elenkati fl-Anness (dment li dawn ikunu diġà disponibbli fl-Istat Membru).
L-Artikolu 13 jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru l-qrati tal-insolvenza fit-territorju tagħhom li se jkollhom aċċess dirett għall-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali, bħar-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jew is-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data, stabbiliti skont l-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849. Id-Direttiva (UE) 2015/849 obbligat lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, li jistgħu jidentifikaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha jew tikkontrolla kontijiet ta’ pagamenti u kontijiet bankarji identifikati b’IBAN u kaxex ta’ sikurezza għad-depożiti sikuri miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu. Id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus tipprovdi wkoll lill-unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istati Membri b’aċċess immedjat u mhux iffiltrat għal dawn ir-reġistri. Id-Direttiva 2019/1153 tagħti aċċess dirett u immedjat għar-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, maħtura mill-Istati Membri għal dan il-għan, meta tali aċċess ikun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom fil-ġlieda kontra reati serji. L-uffiċjali tal-irkupru tal-assi għandhom jingħataw ukoll aċċess dirett skont id-Direttiva 2019/1153. L-Artikolu 12 se jiżgura li l-qrati tal-insolvenza li jkunu ġew maħtura u nnotifikati kif xieraq lill-Kummissjoni biss ikollhom aċċess dirett għar-reġistri tal-kontijiet bankarji jew għas-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data.
L-Artikoli 14 u 15 jiċċaraw il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess tal-qrati maħtura għar-reġistri tal-kontijiet bankarji. Il-qrati maħtura se jkollhom aċċess għar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet bankarji tal-Istat Membru tagħhom u ta’ Stati Membri oħra, permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tar-reġistri tal-kontijiet bankarji (BAR), meta tiġi stabbilita u ssir operattiva s-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri.
L-Artikolu 16 jittratta r-reġistrazzjoni tat-tfittxijiet f’reġistri tal-kontijiet bankarji.
L-Artikolu 17 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess tal-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Dan jinkludi kemm l-aċċess għar-reġistru/i tas-sjieda benefiċjarja nazzjonali stabbilit(i) fl-Istat Membru fejn ikunu nbdew il-proċedimenti kif ukoll għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sidien benefiċjarji. Il-bażi ġuridika għal dawn ir-reġistri hija stabbilita fl-Artikolu 30(3) u fl-Artikolu 31(3a) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Il-bażi ġuridika għall-interkonnessjoni ta’ dawn ir-reġistri hija stabbilita fl-Artikolu 30(10) u fl-Artikolu 31(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Sett minimu ta’ informazzjoni fir-reġistri tas-sidien benefiċjarji huwa aċċessibbli pubblikament għall-entitajiet korporattivi u għal entitajiet legali oħra. Għal trusts u arranġamenti legali simili, l-aċċess għal dan is-sett minimu ta’ informazzjoni ma huwiex pubbliku iżda jiddependi fuq il-wiri ta’ interess leġittimu. L-Artikolu 17 jiċċara li jkun hemm interess leġittimu kull meta l-informazzjoni dwar it-trusts u arranġamenti legali simili tintalab minn prattikant fl-insolvenza biex jiġu identifikati u ttraċċati l-assi għall-proċedimenti ta’ insolvenza li jkun inħatar għalihom u l-aċċess ikun limitat għall-ambitu tal-informazzjoni identifikat minn qabel.
L-Artikolu 18 jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess dirett u rapidu mill-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri nazzjonali li jkun fihom informazzjoni dwar l-assi. Ir-reġistri tal-assi f’dan il-kuntest jenħtieġ li jinkludu r-reġistri elenkati fl-Anness tad-Direttiva proposta, dment li tali reġistri jkunu disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat. Id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll li l-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stati Membri oħra jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess bħall-prattikanti fl-insolvenza maħtura fl-Istati Membri fejn jinsab ir-reġistru tal-assi.
It-Titolu IV dwar il-proċedimenti pre-pack għandu l-għan li jiżgura li dawn il-proċedimenti, ġeneralment meqjusa effettivi għall-irkupru tal-valur għall-kredituri, ikunu disponibbli b’mod strutturat fir-reġimi ta’ insolvenza tal-Istati Membri kollha. Fi proċediment pre-pack, il-bejgħ tan-negozju tad-debitur (jew parti minnu) jitħejja u jiġi nnegozjat qabel il-ftuħ formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Dan jagħmilha possibbli li jiġi eżegwit il-bejgħ u jinkiseb ir-rikavat ftit wara li jinbdew il-proċedimenti formali ta’ insolvenza maħsuba biex tiġi llikwidata kumpanija. Din il-proposta tinkludi għadd ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li l-akkwirenti potenzjali jiġu kkuntattjati u li jinkiseb l-aħjar valur tas-suq possibbli bħala riżultat ta’ proċess ta’ bejgħ kompetittiv. Dawn is-salvagwardji huma mfassla b’mod li l-Istati Membri jingħataw l-għażla bejn l-iżgurar tal-kompetittività, it-trasparenza u l-ġustizzja tal-proċess tal-bejgħ imwettaq fil-“fażi tal-preparazzjoni” (normalment kunfidenzjali) u t-tmexxija ta’ subbasta pubblika mgħaġġla wara li jinbdew il-proċedimenti formali fil-“fażi tal-likwidazzjoni”.
L-Artikolu 19 jobbliga lill-Istat Membru jinkludi fir-reġim ta’ insolvenza tiegħu proċediment pre-pack magħmul minn żewġ fażijiet sussegwenti (il-“fażi tal-preparazzjoni” u l-“fażi tal-likwidazzjoni”).
L-Artikolu 20 jittratta r-relazzjoni bejn id-Direttiva proposta u strumenti oħra tal-Unjoni. Jistabbilixxi li l-fażi tal-likwidazzjoni għandha titqies bħala proċedimenti tal-insolvenza kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2015/848. Dan iħalli wkoll lill-Istati Membri l-għażla li jikkunsidraw is-superviżuri bħala prattikanti fl-insolvenza kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2015/848. L-aħħar paragrafu tad-dispożizzjoni jiċċara r-relazzjoni bejn id-Direttiva proposta u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Heiploeg. Id-dispożizzjoni tiddikjara li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE, il-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti pre-pack għandha titqies bħala proċediment ta’ insolvenza li jkun infetaħ biex jiġu llikwidati l-assi tat-trasferent taħt is-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti.
L-Artikolu 21 jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni għall-proċedimenti pre-pack. Dan l-Artikolu jiċċara li l-qorti li għandha ġuriżdizzjoni internazzjonali fuq il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza tad-debitur għandha ġuriżdizzjoni fuq il-proċedimenti pre-pack ukoll.
L-Artikolu 22 jistabbilixxi regoli dwar is-“superviżur” li huwa l-attur ewlieni fil-“fażi tal-preparazzjoni” tal-proċedimenti pre-pack. L-Artikolu jelenka l-kompiti li s-superviżur irid iwettaq biex imexxi l-proċess tal-bejgħ u jsib xerrejja potenzjali. Bħala “prattikant prospettiv fl-insolvenza”, is-superviżur irid jissodisfa l-kriterji kollha tal-eliġibbiltà li l-liġi dwar l-insolvenza fl-Istat Membru fejn jinbdew il-proċedimenti pre-pack teħtieġ għall-ħatra ta’ prattikant fl-insolvenza, biex b’hekk jiġi żgurat li l-istess persuna twettaq iż-żewġ rwoli fiż-żewġ stadji sussegwenti tal-proċedimenti pre-pack.
L-Artikolu 23 jestendi (bil-modifiki meħtieġa) l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali kontra d-debitur, stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva (UE) 2019/1023, għall-fażi tal-preparazzjoni tal-proċedimenti pre-pack, dment li tiġi ssodisfata l-kundizzjoni tal-probabbiltà ta’ insolvenza jew dikjarazzjoni ta’ insolvenza tad-debitur.
L-Artikolu 24 jittratta l-prinċipji applikabbli għall-proċess tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur. Il-monitoraġġ għandu jiżgura li l-proċess tal-bejgħ immexxi fil-fażi tal-preparazzjoni, normalment b’mod kunfidenzjali, ikun kompetittiv, trasparenti ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq. Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu injorati biss jekk Stat Membru jagħżel li jintroduċi obbligu fuq il-qorti li tmexxi subbasta pubblika mgħaġġla wara l-ftuħ tal-fażi tal-likwidazzjoni.
L-Artikolu 25 jiżgura li s-superviżur jinħatar bħala prattikant fl-insolvenza meta tinfetaħ il-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti pre-pack.
L-Artikolu 26 jittratta l-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ tan-negozju tad-debitur mill-qorti tal-insolvenza fil-fażi tal-likwidazzjoni. Skont il-paragrafu 1, il-qorti trid tivvaluta jekk il-proċess tal-bejgħ immexxi fil-fażi tal-preparazzjoni kienx konformi mal-prinċipji u l-kundizzjonijiet applikabbli. Jekk il-qorti ma tikkonfermax il-bejgħ tan-negozju lill-akkwirent propost mis-superviżur, il-proċedimenti ta’ insolvenza miftuħa fil-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni jkomplu mingħajr ma jiġi konkluż il-bejgħ pre-pack. Il-paragrafu 2 jagħti struzzjonijiet lil dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jordnaw li ssir subbasta pubblika fil-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni biex jużaw l-aħjar offerta riċevuta fil-fażi tal-preparazzjoni bħala offerta “stalking horse”, jiġifieri bħala offerta inizjali li sservi bħala l-limitu minimu għall-prezz tax-xiri sabiex offerenti oħrajn ma jkunux jistgħu jagħmlu offerta inqas mill-prezz tax-xiri. Dan jirrikjedi wkoll li l-protezzjonijiet mogħtija lill-offerent ta’ “stalking horse” jkunu proporzjonati u applikati sal-punt li ma jfixklux il-kompetizzjoni reali.
L-Artikolu 27 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti eżekutorji, jiġifieri kuntratti bejn id-debitur u kontroparti li skonthom il-partijiet jibqa’ jkollhom obbligi xi jwettqu meta jinbdew il-proċedimenti ta’ insolvenza. Bħala regola, għandha ssir ċessjoni ta’ tali kuntratti lill-akkwirent tan-negozju, anke mingħajr il-kunsens tal-kontroparti.
L-Artikolu 28 jgħid li permezz tal-bejgħ pre-pack, in-negozju jew il-parti tan-negozju tinkiseb mingħajr djun u obbligazzjonijiet.
L-Artikolu 29 jiżgura li l-appelli kontra l-bejgħ pre-pack awtorizzat ma jdewmux l-eżekuzzjoni tal-arranġament tal-bejgħ u b’hekk ir-realizzazzjoni tal-assi. Skont id-dispożizzjoni, tali appelli jista’ jkollhom effett ta’ sospensjoni fuq ir-realizzazzjoni tal-bejgħ biss jekk l-appellant jipprovdi sigurtà adegwata li tkopri d-danni potenzjali mġarrba bħala konsegwenza ta’ tali sospensjoni. Fl-istess ħin, l-Artikolu 29 jagħti lill-qorti li tkun qed tisma’ l-appell il-possibbiltà li teżenta lil persuna fiżika li tressaq appell, totalment jew parzjalment, mill-għoti ta’ garanzija jekk tqis li tali eżenzjoni tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari.
L-Artikolu 30 jiċċara li l-kriterji biex tintgħażel l-aħjar offerta jenħtieġ li jikkorrispondu mal-kriterji użati biex issir għażla bejn l-offerti li jikkompetu ma’ xulxin fi proċedimenti standard ta’ insolvenza.
L-Artikolu 31 jagħmel lis-superviżur u l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedimenti pre-pack personalment responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minħabba nuqqas ta’ rispett tal-obbligi tagħhom.
L-Artikolu 32 jistabbilixxi salvagwardji addizzjonali għal każijiet fejn ix-xerrej prospettiv ikun parti relatata mill-qrib mad-debitur. Is-salvagwardji addizzjonali jinkludu obbligu għall-prattikant fl-insolvenza li jivvaluta, f’sitwazzjonijiet fejn l-unika offerta tiġi minn parti relatata mill-qrib, jekk l-offerta tissodisfax it-test tal-aħjar interess tal-kredituri. Jekk il-valutazzjoni tirriżulta f’konklużjoni negattiva, l-offerta jenħtieġ li tiġi miċħuda mill-prattikant fl-insolvenza.
L-Artikolu 33 jinkludi diversi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-valur tan-negozju li qed jinbiegħ. Dan jiżgura li l-finanzjament interim jintalab bl-inqas kost possibbli u li l-fornituri ta’ finanzjament interim jibbenefikaw minn ċerti salvagwardji. Dan l-Artikolu jipprojbixxi wkoll l-għoti ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni lill-offerenti, peress li l-possibbiltà li jiġu eżerċitati drittijiet bħal dawn tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċess tal-bejgħ. Dispożizzjoni oħra tillimita l-possibbiltà ta’ offerti ta’ kreditu għal porzjon tal-ammont tal-pretensjoni ggarantita kontra d-debitur.
L-Artikolu 34 jipproteġi l-interessi tal-kredituri matul il-proċedimenti pre-pack. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jinstema’ matul il-proċedura u l-allinjament, bħala regola, tar-rekwiżiti għar-rilaxx tal-interessi ta’ garanzija ma’ dawk li jkunu japplikaw fi proċedimenti ta’ insolvenza skont id-dritt nazzjonali.
L-Artikolu 35 jittratta sitwazzjonijiet fejn l-akkwist tan-negozju permezz tal-proċedimenti pre-pack ikun soġġett għal deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.
It-Titolu V dwar id-dmirijiet tad-diretturi jifforma parti mill-miżuri li għandhom l-għan li jimmassimizzaw il-valur tal-patrimonju tal-insolvenza. Filwaqt li d-Direttiva proposta ma tipprovdix definizzjoni armonizzata ta’ diretturi, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan it-Titolu, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu li t-terminu direttur jenħtieġ li jinftiehem b’mod wiesa’. Dan huwa konformi mas-suġġeriment tal-Gwida Leġiżlattiva dwar il-Liġi dwar l-Insolvenza tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL), li skontha, “bħala gwida ġenerali […] persuna tista’ titqies bħala direttur/direttriċi meta tkun inkarigata milli tieħu deċiżjonijiet jew fil-fatt tieħu jew suppost tieħu deċiżjonijiet ewlenin fir-rigward tal-maniġment ta’ kumpanija”. Id-diretturi tipikament ikunu fost l-ewwel li jirrealizzaw jekk kumpanija hijiex qed toqrob l-insolvenza jew tkunx fil-fatt insolventi. Għalhekk, jenħtieġ li jkunu obbligati jippreżentaw fil-ħin it-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Id-Direttiva proposta tistabbilixxi limitu ta’ żmien biex jiġi ssodisfat dan l-obbligu, flimkien mar-responsabbiltà ċivili. Id-dispożizzjonijiet f’dan it-Titolu huma regoli minimi ta’ armonizzazzjoni, u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu obbligi aktar stretti għad-diretturi ta’ kumpaniji qrib l-insolvenza.
It-Titolu VI fih regoli dwar il-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi. L-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza mhux dejjem ikunu tajbin biex jittrattaw il-mikrointrapriżi insolventi b’mod xieraq u proporzjonat. Il-mikrointrapriżi rari jippreżentaw talba biex jinbdew proċedimenti standard ta’ insolvenza, u meta jagħmlu dan, spiss ikun tard wisq biex jinżamm il-valur tagħhom. F’ħafna Stati Membri, ma sseħħ l-ebda likwidazzjoni ordnata ta’ tali negozji peress li l-proċedimenti standard ta’ insolvenza ma humiex aċċessibbli jew il-ftuħ ta’ tali proċedimenti jiġi miċħud. Dan iseħħ jekk ma jkunx hemm assi fil-patrimonju tal-insolvenza jew jekk il-valur tal-assi ma jkoprix il-kostijiet amministrattivi tal-proċedimenti. Għalhekk, l-għan tad-Direttiva proposta huwa li tiżgura li l-mikrointrapriżi, anke dawk mingħajr assi, jiġu stralċati b’mod ordnat, bl-użu ta’ proċediment rapidu u kosteffettiv. L-għan ewlieni tad-dispożizzjonijiet fit-Titolu VI huwa li tiġi ssimplifikata l-proċedura u jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi assoċjati. Pereżempju, bħala regola, l-ebda prattikant fl-insolvenza ma għandu jinħatar fil-proċedimenti peress li l-intervent tal-prattikant fl-insolvenza huwa l-fattur ewlieni tal-kostijiet fil-proċedimenti ta’ insolvenza u n-negozju ta’ dawn il-kumpaniji normalment ma jkunx daqstant kumpless li jirrikjedi prattikant fl-insolvenza. Bl-istess mod, id-Direttiva proposta tiddikjara li, bħala regola, id-debitur għandu jibqa’ fil-pussess tal-assi u l-affarijiet tan-negozju matul il-proċedimenti. Fattur ieħor ta’ mitigazzjoni tal-ispejjeż huwa l-possibbiltà li l-qorti tipproċedi bir-realizzazzjoni tal-assi permezz ta’ sistema elettronika tas-subbasti, li kull Stat Membru jenħtieġ li jistabbilixxi bħala parti mill-proċedimenti simplifikati tagħhom għall-mikrointrapriżi.
L-Artikolu 38 jobbliga lill-Istati Membri biex jinkludu regoli fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar proċedimenti ta’ insolvenza li jippermettu l-likwidazzjoni tal-mikrointrapriżi permezz ta’ proċediment simplifikat li jikkonforma mal-istandards stabbiliti fit-Titolu VI. Din id-dispożizzjoni tindirizza wkoll il-kundizzjoni ta’ insolvenza għall-fini tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati u t-trattament ta’ każijiet “mingħajr assi”.
L-Artikolu 39 jiċċara li l-ħatra ta’ prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti ta’ stralċ simplifikat jenħtieġ li tkun l-eċċezzjoni.
L-Artikolu 40 jirrikjedi lill-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtorità kompetenti u, fejn rilevanti, il-prattikant fl-insolvenza, u l-partijiet fil-proċedimenti.
L-Artikolu 41 jistabbilixxi li jistgħu jinbdew proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fuq talba tal-mikrointrapriża jew fuq talba ta’ kreditur. Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-preżentazzjoni, se tinħoloq formola standard minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.
L-Artikolu 42 jittratta d-deċiżjoni dwar il-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, inklużi r-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta l-ftuħ.
L-Artikolu 43 jiddikjara li, bħala regola, id-debitur għandu jibqa’ fil-kontroll tal-assi u l-affarijiet tiegħu matul il-proċedimenti.
L-Artikolu 44 jistabbilixxi li d-debitur għandu jkollu aċċess għal sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta ċerti pretensjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ f’ċirkostanzi predefiniti.
L-Artikolu 45 jiżgura l-pubbliċità tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati.
L-Artikolu 46 jindirizza l-preżentazzjoni u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet mill-kredituri fi proċediment ta’ stralċ simplifikat. Id-dispożizzjoni tassumi li l-maġġoranza tat-talbiet jiġu ppreżentati abbażi ta’ dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata mid-debitur. Minbarra l-pretensjonijiet inklużi f’dik id-dikjarazzjoni, il-kredituri jistgħu jippreżentaw pretensjonijiet ulterjuri. Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ ammissjoni, il-pretensjonijiet elenkati fid-dikjarazzjoni tad-debitur jitqiesu bħala ammessi, sakemm il-kreditur ma joġġezzjonax speċifikament għalihom.
L-Artikolu 47 fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-bidu u t-twettiq ta’ azzjonijiet revokatorji bħala parti mill-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi.
L-Artikolu 48 jittratta l-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza billi jiddetermina liema assi huma inklużi u jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw b’mod ċar liema assi huma esklużi mill-patrimonju tal-insolvenza u għalhekk jistgħu jinżammu mid-debitur meta d-debitur ikun imprenditur.
L-Artikolu 49 jiddikjara li wara l-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi jekk a) tipproċedix bir-realizzazzjoni tal-assi, jew b) tagħlaqx minnufih il-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati minħabba li l-valur tal-assi jagħmel ir-realizzazzjoni mhux raġonevoli. Id-dispożizzjoni tistipula wkoll li l-assi tad-debitur jenħtieġ li jiġu realizzati permezz ta’ subbasta pubblika elettronika, sakemm l-awtorità kompetenti ma tqisx li l-użu ta’ mezzi oħra biex jinbiegħu l-assi huwa aktar xieraq fid-dawl tan-natura tal-assi jew taċ-ċirkostanzi tal-proċedimenti.
L-Artikolu 50 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu u joperaw pjattaforma jew pjattaformi elettroniċi tas-subbasti għar-realizzazzjoni tal-assi tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ insolvenza. Id-dispożizzjoni tippermetti wkoll lill-Istati Membri jipprevedu li l-utenti ta’ tali pjattaformi jistgħu wkoll jagħmlu offerti għax-xiri tan-negozju tad-debitur bħala negozju avvjat. Jenħtieġ li l-pjattaforma/i jkunu disponibbli fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, anke jekk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-użu għal proċedimenti oħra ta’ insolvenza. Id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jagħmlu l-pjattaforma/i aċċessibbli għar-residenti kollha jew għal dawk li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fit-territorju tal-UE.
L-Artikolu 51, skont l-eżempju ta’ proġetti oħra tal-UE li joħolqu interkonnessjoni bejn ir-reġistri elettroniċi deċentralizzati (eż. is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS), l-Interkonnessjoni tar-Reġistri tal-Insolvenza (IRI)), jirrikjedi lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema li toħloq interkonnessjoni bejn is-sistemi tas-subbasti elettroniċi nazzjonali permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li jenħtieġ li sservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku ċentrali. Il-valur miżjud ta’ tali sistema ta’ interkonnessjoni huwa l-aċċessibbiltà tas-subbasti kollha permezz ta’ pjattaforma unika li hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dik is-sistema ta’ interkonnessjoni se jiġu ddeterminati permezz ta’ att(i) ta’ implimentazzjoni. L-iżvilupp tal-IT u l-għażliet ta’ akkwist se jkunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.
L-Artikolu 52 jittratta l-ispejjeż tal-istabbiliment u tal-interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi, filwaqt li l-Artikolu 53 jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-sistema ta’ interkonnessjoni tal-pjattaformi tas-subbasti elettroniċi.
L-Artikolu 54 jistabbilixxi r-regoli dwar il-bejgħ ta’ assi tal-patrimonju tal-insolvenza permezz ta’ subbasta elettronika fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati.
L-Artikolu 55 jirregola d-deċiżjoni dwar l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati u jistipula li tali deċiżjoni jenħtieġ li tispeċifika l-perjodu ta’ żmien li jwassal għall-ħelsien mid-dejn.
L-Artikolu 56 jistabbilixxi l-prinċipju li mhux biss id-debituri tal-imprendituri iżda wkoll il-fundaturi, is-sidien jew il-membri ta’ mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata, li huma personalment responsabbli għad-djun tad-debitur, jenħtieġ li jkollhom aċċess effettiv għal ħelsien sħiħ mid-dejn bħala konsegwenza tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati. Il-kundizzjonijiet, ir-raġunijiet, il-perjodu ta’ żmien u ċirkostanzi oħra tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mar-regoli tat-Titolu III tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
L-Artikolu 57 jiċċara li l-proċedimenti dwar il-garanziji personali previsti għall-ħtiġijiet tan-negozju tal-mikrointrapriżi jenħtieġ li jiġu kkoordinati jew konsolidati mal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati rilevanti tal-istess mikrointrapriża.
It-Titolu VII jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kumitat tal-kredituri. Il-kumitat tal-kredituri huwa għodda ewlenija biex jiġi żgurat li l-proċedimenti ta’ insolvenza jitwettqu b’mod li jipproteġi l-interessi tal-kredituri u jiżgura l-involviment ta’ kredituri individwali li altrimenti ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti minħabba riżorsi limitati jew nuqqas ta’ prossimità ġeografika. Għalhekk, l-objettiv tad-dispożizzjonijiet f’dak it-Titolu huwa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-kredituri fil-proċedura. Dan isir billi jiġi żgurat li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri jekk il-laqgħa ġenerali tal-kredituri taqbel u billi jiġu previsti regoli minimi ta’ armonizzazzjoni fir-rigward ta’ aspetti ewlenin, bħall-ħatra tal-membri u l-kompożizzjoni tal-kumitat, il-metodi ta’ ħidma, il-funzjoni tal-kumitat kif ukoll ir-responsabbiltà personali tal-membri tiegħu.
L-Artikolu 58 jittratta r-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-kumitat tal-kredituri billi jistabbilixxi l-prinċipju li d-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri għandha ssir fil-laqgħa ġenerali tal-kredituri. Dan l-Artikolu jippermetti wkoll lill-Istati Membri jħallu lill-kredituri jwaqqfu kumitat tal-kredituri mal-preżentata tar-rikors għall-insolvenza (u qabel il-ftuħ tal-proċedimenti), filwaqt li jiżguraw li l-ewwel laqgħa ġenerali tal-kredituri tintalab tiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni u l-kompożizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jingħataw diskrezzjoni fid-dritt nazzjonali biex jeskludu l-possibbiltà li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri fi proċedimenti ta’ insolvenza meta l-kost tal-istabbiliment u l-operat ta’ tali kumitat ma jkunx proporzjonat għall-valur li jiġġenera.
L-Artikolu 59 jistabbilixxi l-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-kumitat tal-kredituri u r-rekwiżiti għar-rappreżentanza ġusta tal-kredituri fil-kumitat.
L-Artikolu 60 jistabbilixxi l-prinċipju li l-kumitat tal-kredituri jirrappreżenta biss l-interessi tal-korp kollu tal-kredituri u jaġixxi b’mod indipendenti mill-prattikant fl-insolvenza. Dan l-Artikolu jippermetti wkoll lill-Istati Membri jżommu dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-istabbiliment ta’ aktar minn kumitat ta’ kredituri wieħed li jirrappreżenta gruppi differenti ta’ kredituri. L-Artikolu 61 u l-Artikolu 62 jistabbilixxu n-numru ta’ membri u r-rekwiżiti għat-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ membru tal-kumitat tal-kredituri.
L-Artikolu 63 jidentifika l-arranġamenti minimi ta’ ħidma għall-kumitat tal-kredituri, inklużi l-proċeduri ta’ votazzjoni.
L-Artikolu 64 jistabbilixxi l-funzjoni kif ukoll id-drittijiet, id-dmirijiet u s-setgħat minimi tal-kumitat tal-kredituri, bħad-dritt li jinstema’ fi proċedimenti ta’ insolvenza, id-dmir li jissorvelja l-prattikant fl-insolvenza u s-setgħa li jitlob parir estern dwar ċerti kwistjonijiet.
L-Artikolu 65 jiddefinixxi r-rekwiżiti għall-ispejjeż imġarrba mill-kumitat tal-kredituri fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu u fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu u r-remunerazzjoni tal-membri.
Il-membri tal-kumitat tal-kredituri huma wkoll soġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà skont l-Artikolu 66.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 67 jagħti dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-kredituri, fejn il-kumitat tal-kredituri jkun fdat bis-setgħa li japprova d-deċiżjonijiet skont id-dritt nazzjonali.
It-Titolu VIII jittratta miżuri li jsaħħu t-trasparenza tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċedimenti tal-insolvenza. Dan jobbliga lill-Istati Membri jipproduċu u jaġġornaw regolarment għall-investituri skeda informattiva standard iddefinita b’mod ċar b’informazzjoni prattika dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-liġijiet domestiċi tagħhom dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza. Din l-iskeda informattiva għandha tkun disponibbli fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika. Bħala parti mill-kontenut mogħti min-Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, diġà hemm xi informazzjoni disponibbli dwar ir-reġimi nazzjonali tal-insolvenza tal-Istati Membri fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika. Madankollu, il-kontenut ta’ dawn il-paġni nazzjonali eżistenti ma huwiex allinjat b’tali mod li jippermetti lill-investituri jqabblu faċilment ir-reġimi differenti.
L-Artikolu 68 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontenut u l-pubblikazzjoni ta’ skeda ta’ informazzjoni ewlenija, li jenħtieġ li tinkludi karatteristiċi essenzjali tal-liġi nazzjonali dwar il-proċedimenti tal-insolvenza.
It-Titolu IX jistabbilixxi d-dispożizzjoni finali tad-Direttiva proposta. L-Artikolu 69 jintroduċi rekwiżiti għar-rwol tal-Kumitat dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2019/1023. L-Artikolu 70 jintroduċi klawżola ta’ reviżjoni u l-Artikolu 71 jistabbilixxi t-termini għat-traspożizzjoni tad-Direttiva proposta. L-Artikolu 72 jistabbilixxi d-data meta se tidħol fis-seħħ id-Direttiva proposta, u l-Artikolu 73 jidentifika lil min hija indirizzata d-Direttiva proposta.
2022/0408 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza.
(2)Id-differenzi kbar fil-liġijiet sostantivi dwar l-insolvenza rikonoxxuti mir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilljoħolqu ostakli għas-suq intern billi jnaqqsu l-attraenza tal-investimenti transfruntieri, u b’hekk ikollhom impatt fuq il-moviment transfruntier tal-kapital fl-Unjoni u lejn u minn pajjiżi terzi.
(3)Il-proċedimenti ta’ insolvenza jiżguraw l-istralċ jew ir-ristrutturar ordnat ta’ kumpaniji jew imprendituri f’diffikultà finanzjarja u ekonomika. Dawn il-proċedimenti huma kruċjali fl-investimenti finanzjarji, peress li jiddeterminaw il-valur finali tal-irkupru ta’ tali investimenti. Ir-regoli diverġenti bejn l-Istati Membri kkontribwixxew għaż-żieda fl-inċertezza legali u l-imprevedibbiltà tal-eżitu tal-proċedimenti ta’ insolvenza, u b’hekk ħalqu ostakli speċjalment għall-investimenti transfruntieri fis-suq intern. Id-diverġenzi kbar fil-valur u fiż-żmien tal-irkupru meħtieġa biex jitlestew il-proċedimenti ta’ insolvenza madwar l-Unjoni għandhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-prevedibbiltà tal-kostijiet għall-kredituri u għall-investituri f’sitwazzjonijiet transfruntieri fis-suq intern.
(4)L-integrazzjoni tas-suq intern fil-qasam tal-liġijiet dwar l-insolvenza segwita minn din id-Direttiva hija għodda ewlenija għal funzjonament aktar effiċjenti tas-swieq kapitali fl-Unjoni Ewropea, inkluż aċċess akbar għall-finanzjament korporattiv. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi f’oqsma mmirati ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza u t-tul ta’ tali proċedimenti, speċjalment fuq il-proċedimenti ta’ insolvenza transfruntieri.
(5)Sabiex jiġi protett il-valur tal-patrimonju tal-insolvenza għall-kredituri, il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jenħtieġ li jinkludu regoli effettivi li jippermettu l-annullament ta’ atti legali li huma ta’ detriment għall-kredituri u li ġew ipperfezzjonati qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza (azzjonijiet revokatorji). Minħabba li l-azzjonijiet revokatorji għandhom l-għan li jreġġgħu lura l-effetti detrimentali għall-patrimonju tal-att legali, huwa xieraq li t-tlestija tal-kawża ta’ dan id-detriment titqies bħala l-punt ta’ żmien rilevanti, jiġifieri l-ipperfezzjonar tal-att legali aktar milli l-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ trasferiment ta’ flus elettroniċi, il-punt ta’ żmien rilevanti jenħtieġ li ma jkunx meta d-debitur jagħti istruzzjonijiet lill-istituzzjoni finanzjarja biex tittrasferixxi l-flus lil kreditur (l-eżekuzzjoni tal-att legali) iżda pjuttost meta l-kont tal-kreditur jiġi kkreditat (l-ipperfezzjonar tal-att legali). Ir-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji jenħtieġ li jippermettu wkoll il-kumpens tal-patrimonju tal-insolvenza għad-detriment ikkawżat lill-kredituri minn tali atti legali.
(6)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti legali li jistgħu jiġu kkontestati skont ir-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji jenħtieġ li jitfassal b’mod wiesa’, sabiex ikopri kwalunkwe mġiba umana b’effetti legali. Il-prinċipju tat-trattament indaqs tal-kredituri jimplika li l-atti legali jenħtieġ li jinkludu wkoll ommissjonijiet, peress li ma tagħmilx differenza sinifikanti jekk il-kredituri jsofrux detriment bħala konsegwenza ta’ azzjoni jew ta’ passività mill-parti kkonċernata. Pereżempju, ma tagħmel l-ebda differenza jekk debitur jirrinunzjax b’mod attiv pretensjoni kontra d-debitur tiegħu jew tagħha jew jekk jibqax passiv u jaċċettax li l-pretensjoni ssir preskritta. Eżempji oħra ta’ ommissjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għal azzjonijiet revokatorji jinkludu l-ommissjoni ta’ kontestazzjoni ta’ sentenza żvantaġġuża jew deċiżjonijiet oħra tal-qrati jew tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-ommissjoni li jiġi rreġistrat dritt ta’ proprjetà intellettwali. Għall-istess raġuni, ir-regoli dwar ir-revoka jenħtieġ li ma jkunux ristretti għal atti legali mwettqa mid-debitur, iżda għandhom jinkludu wkoll atti legali mwettqa mill-kontroparti jew minn parti terza. Min-naħa l-oħra, huma biss l-atti legali li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal regoli revokatorji li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri.
(7)Sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-kontroparti tad-debitur, kwalunkwe interferenza mal-validità jew l-eżegwibbiltà ta’ att legali jenħtieġ li tkun proporzjonata għaċ-ċirkostanzi li taħthom dak l-att jiġi pperfezzjonat. Tali ċirkostanzi jenħtieġ li jinkludu l-intenzjoni tad-debitur, l-għarfien tal-kontroparti jew il-perjodu ta’ żmien bejn l-ipperfezzjonar tal-att legali u l-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għalhekk, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn varjetà ta’ raġunijiet speċifiċi revokatorji li huma bbażati fuq xejriet ta’ fatti komuni u tipiċi u li jenħtieġ li jikkomplementaw il-prerekwiżiti ġenerali għall-azzjonijiet revokatorji. Kwalunkwe interferenza jenħtieġ li tirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(8)Fil-kuntest ta’ azzjonijiet revokatorji, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-atti legali fejn il-pretensjoni tal-kontroparti kienet dovuta u eżegwibbli u kienet sodisfatta bil-mod dovut (koperturi kongruenti) u dawk fejn l-eżekuzzjoni ma kinitx kompletament konformi mal-pretensjoni tal-kreditur (kopertura inkongruenti). Il-koperturi inkongruenti jinkludu, b’mod partikolari, pagamenti prematuri, is-sodisfazzjon b’mezzi mhux tas-soltu ta’ pagamenti, il-kollateralizzazzjoni sussegwenti ta’ pretensjoni li sa dak il-punt ma kinitx iggarantita li ma kinitx diġà ġiet miftiehma fil-ftehim oriġinali tad-dejn, l-għoti ta’ dritt ta’ terminazzjoni straordinarju jew emendi oħra mhux previsti fil-kuntratt sottostanti, ir-rinunzja ta’ difiżi jew oġġezzjonijiet legali jew ir-rikonoxximent ta’ djun kontestabbli. Fil-każ ta’ koperturi kongruenti, ir-raġuni revokatorja tal-preferenzi tista’ tiġi invokata biss jekk il-kreditur tal-att legali li jista’ jiġi ddikjarat null fiż-żmien tat-tranżazzjoni kien jaf, jew kellu jkun jaf, li d-debitur kien insolventi.
(9)Ċerti koperturi kongruenti, jiġifieri atti legali li jiġu eżegwiti direttament kontra korrispettiv ġust għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti legali li jistgħu jiġu ddikjarati nulli. Dawk l-atti legali għandhom l-għan li jappoġġaw l-attività ordinarja ta’ kuljum tan-negozju tad-debitur. L-atti legali li jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni jenħtieġ li jkollhom bażi kuntrattwali, u jeħtieġu l-iskambju dirett ta’ eżekuzzjonijiet reċiproċi, iżda mhux neċessarjament skambju simultanju tal-eżekuzzjonijiet, peress li, f’xi każijiet, jista’ jirriżulta dewmien inevitabbli miċ-ċirkostanzi prattiċi. Madankollu, din l-eżenzjoni jenħtieġ li ma tkoprix l-għoti ta’ kreditu. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni korrispettiva f’dawk l-atti legali jenħtieġ li jkollhom ekwivalenza f’termini tal-valur. Fl-istess ħin, l-eżekuzzjoni korrispettiva jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju għall-patrimonju u mhux għal parti terza. Din l-eċċezzjoni jenħtieġ li tkopri, b’mod partikolari, il-ħlas fil-pront ta’ komoditajiet, pagi, jew tariffi għas-servizzi, b’mod partikolari għal konsulenti legali jew ekonomiċi; il-ħlas fi flus kontanti jew bil-kard għal oġġetti meħtieġa għall-attività ta’ kuljum tad-debitur; il-konsenja ta’ oġġetti, prodotti, jew servizzi għal ħlas; il-ħolqien ta’ dritt ta’ garanzija kontra l-iżborż tas-self; il-ħlas fil-pront ta’ tariffi pubbliċi kontra korrispettiv (eż. ammissjoni għal raġunijiet pubbliċi jew istituzzjonijiet).
(10)Il-finanzjament ġdid jew interim ipprovdut matul tentattiv ta’ ristrutturar, inkluż matul proċedura ta’ insolvenza preventiva skont it-Titolu II tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li jiġi protett fi proċedimenti ta’ insolvenza sussegwenti. Konsegwentement, l-azzjonijiet revokatorji fuq il-bażi tal-preferenzi jenħtieġ li ma jkunux permessi għal pagamenti lil jew kollateralizzazzjoni favur il-fornituri ta’ tali finanzjament ġdid jew interim, jekk dawk il-pagamenti jew il-kollateralizzazzjonijiet jiġu eżegwiti f’konformità mal-pretensjonijiet tal-fornituri. Tali pagamenti jew kollateralizzazzjoni jenħtieġ li jiġu kkunsidrati, għalhekk, bħala atti legali eżegwiti direttament kontra korrispettiv ġust għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza.
(11)Il-konsegwenza ewlenija li att legali jiġi ddikjarat null fil-proċedimenti revokatorji hija l-obbligu għall-parti li tibbenefika mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null li tikkumpensa lill-patrimonju tal-insolvenza għad-detriment ikkawżat minn tali att legali. Il-kumpens jenħtieġ li jinkludi l-qligħ, fejn rilevanti, u l-interess, f’konformità mal-liġi ċivili ġenerali applikabbli. Il-kumpens jimplika l-ħlas ta’ somma ekwivalenti għall-valur tal-eżekuzzjoni riċevuta jekk ma tkunx tista’ tiġi rritornata in natura lill-patrimonju tal-insolvenza.
(12)Partijiet li huma relatati mill-qrib mad-debitur, bħall-qraba f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika jew atturi li jaqdu rwoli deċiżivi fir-rigward ta’ debitur li huwa entità ġuridika, normalment igawdu vantaġġ ta’ informazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur. Sabiex tiġi evitata mġiba abbużiva, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji addizzjonali. Konsegwentement, fil-kuntest tal-azzjonijiet revokatorji, jenħtieġ li jiġu introdotti preżunzjonijiet legali dwar l-għarfien taċ-ċirkostanzi li fuqhom kienu bbażati l-kundizzjonijiet għar-revoka meta l-parti l-oħra involuta fl-att legali li jista’ jiġi ddikjarat null tkun parti relatata mill-qrib mad-debitur. Dawn il-preżunzjonijiet jenħtieġ li jkunu konfutabbli u jenħtieġ li jkollhom l-għan li jaqilbu l-oneru tal-prova għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza.
(13)It-titjib tal-possibbiltajiet ta’ prattikanti fl-insolvenza biex jidentifikaw u jittraċċaw l-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza huwa essenzjali għall-massimizzazzjoni tal-valur ta’ dak il-patrimonju. Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, il-prattikanti fl-insolvenza llum diġà jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni miżmuma fir-reġistri pubbliċi tad-data, parzjalment imwaqqfa mid-dritt tal-Unjoni u interkonnessi fil-livell Ewropew, bħas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS), is-sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza (IRI) jew is-Sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja (BORIS). Madankollu, l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fil-bażijiet tad-data pubbliċi spiss ma jkunx sodisfaċenti biex jiġu identifikati u traċċati assi importanti li huma jew jenħtieġ li jkunu fil-perimetru tal-patrimonju tal-insolvenza. B’mod partikolari, il-prattikanti fl-insolvenza jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi meta jippruvaw jaċċessaw reġistri tal-assi li jinsabu barra mill-pajjiż.
(14)Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-prattikanti fl-insolvenza, meta jwettqu dmirijiethom fi proċedimenti ta’ insolvenza, ikun jista’ jkollhom, direttament jew indirettament, aċċess għall-informazzjoni miżmuma f’bażijiet ta’ data li ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku.
(15)Aċċess dirett fil-pront għar-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jew għas-sistemi ta’ rkupru tad-data spiss ikun indispensabbli għall-massimizzazzjoni tal-valur tal-patrimonju tal-insolvenza. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jagħtu aċċess dirett għall-informazzjoni miżmuma f’reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jew f’sistemi ta’ rkupru tad-data lill-qrati maħtura tal-Istati Membri li għandhom ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza. Meta Stat Membru jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ sistema elettronika ċentrali ta’ rkupru ta’ data, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jiżgura li l-awtorità li topera s-sistema ta’ rkupru tirrapporta r-riżultati tat-tiftix b’mod immedjat u mhux iffiltrat lill-qrati maħtura.
(16)Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-ħajja privata, l-aċċess dirett u immedjat għar-reġistri tal-kontijiet bankarji jenħtieġ li jingħata biss lill-qrati b’ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza li jinħatru mill-Istati Membri għal dak il-għan. Għalhekk, jenħtieġ li l-prattikanti fl-insolvenza jitħallew jaċċessaw l-informazzjoni miżmuma fir-reġistri tal-kontijiet bankarji indirettament biss billi jitolbu lill-qrati maħtura fl-Istat Membru tagħhom jaċċessaw u jwettqu t-tfittxijiet.
(17)Id-Direttiva (UE) SSSS/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [OP: id-Direttiva li tissostitwixxi d-Direttiva 2015/849] tipprevedi li l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati jkunu interkonnessi permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tar-reġistri tal-kontijiet bankarji (RTV), li għandu jiġi żviluppat u operat mill-Kummissjoni. Meta titqies l-importanza dejjem akbar tal-każijiet ta’ insolvenza b’implikazzjonijiet transfruntieri u l-importanza ta’ informazzjoni finanzjarja rilevanti għall-finijiet tal-massimizzazzjoni tal-valur tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ insolvenza, il-qrati nazzjonali maħtura b’ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ insolvenza jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u jfittxu direttament ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji ta’ Stati Membri oħra permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tal-BAR stabbilit skont id-Direttiva (UE) SSSS/XX [OP: id-Direttiva li tissostitwixxi d-Direttiva 2015/849].
(18)Kwalunkwe data personali miksuba skont din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi pproċessata biss f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data minn qrati u prattikanti fl-insolvenza maħtura fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin.
(19)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tiżgura li l-persuni li jkunu kapaċi juru interess leġittimu jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar it-trusts u tipi oħra ta’ arranġamenti legali, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Dawk il-persuni jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, kif ukoll in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum. Huwa essenzjali li l-prattikanti fl-insolvenza jkunu jistgħu jaċċessaw malajr u faċilment dak is-sett ta’ informazzjoni biex iwettqu l-kompiti tagħhom li jittraċċaw l-assi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li f’każ bħal dan, l-aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza jikkostitwixxi interess leġittimu. Fl-istess ħin, l-ambitu tad-data direttament aċċessibbli mill-prattikanti fl-insolvenza jenħtieġ li ma jkunx usa’ mill-ambitu tad-data aċċessibbli minn partijiet oħra li għandhom interess leġittimu.
(20)Sabiex jiġi żgurat li l-assi jkunu jistgħu jiġu traċċati b’mod effiċjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza transfruntieri, jenħtieġ li l-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stat Membru jingħataw aċċess rapidu għar-reġistri tal-assi wkoll meta dawn ir-reġistri jkunu jinsabu fi Stat Membru differenti. Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess li japplikaw għall-prattikanti barranin fl-insolvenza jenħtieġ li ma jkunux aktar ikkumplikati minn dawk li japplikaw għall-prattikanti domestiċi fl-insolvenza.
(21)Fil-kuntest ta’ likwidazzjoni għal insolvenza, il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jenħtieġ li jippermettu li r-realizzazzjoni tal-assi tan-negozju sseħħ permezz tal-bejgħ tan-negozju jew ta’ parti minnu bħala negozju avvjat. Il-bejgħ bħala negozju avvjat jenħtieġ li jfisser, f’dan il-kuntest, it-trasferiment tan-negozju, kompletament jew parzjalment, lil akkwirent b’tali mod li n-negozju (jew parti minnu) ikun jista’ jkompli jopera bħala unità ekonomikament produttiva. Il-bejgħ bħala negozju avvjat jenħtieġ li jinftiehem bħala l-kuntrarju ta’ bejgħ tal-assi tan-negozju biċċa biċċa (likwidazzjoni tal-partijiet separati).
(22)Huwa ġeneralment preżunt li jista’ jiġi rkuprat aktar valur f’likwidazzjoni billi jinbiegħ in-negozju (jew parti minnu) bħala negozju avvjat aktar milli permezz ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati. Sabiex jippromwovu l-bejgħ ta’ negozju avvjat fil-likwidazzjoni, ir-reġimi nazzjonali tal-insolvenza jenħtieġ li jinkludu proċediment pre-pack, fejn id-debitur f’diffikultà finanzjarja, bl-għajnuna ta’ “superviżur”, ifittex akkwirenti interessati possibbli u jħejji l-bejgħ tan-negozju bħala negozju avvjat qabel il-bidu formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza, sabiex l-assi jkunu jistgħu jiġu realizzati malajr ftit wara l-bidu tal-proċedimenti formali ta’ insolvenza. Il-proċedimenti pre-pack jenħtieġ li jikkonsistu f’żewġ fażijiet, jiġifieri fażi tal-preparazzjoni u fażi tal-likwidazzjoni.
(23)Għall-ġestjoni effettiva tal-proċedimenti pre-pack, il-qorti li quddiemha jitressqu tali proċedimenti jenħtieġ li jkollha wkoll is-setgħa li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mill-qrib mal-bejgħ pre-pack tan-negozju jew parti minnu.
(24)Il-proċedimenti pre-pack jenħtieġ li jiżguraw li s-superviżur maħtur fil-fażi tal-preparazzjoni jkun jista’ jipproponi l-aħjar offerta miksuba matul il-proċess tal-bejgħ għall-awtorizzazzjoni mill-qorti biss jekk tiddikjara li, fil-fehma tiegħu, il-likwidazzjoni tal-partijiet separati ma tirkuprax b’mod ċar valur akbar għall-kredituri mill-prezz tas-suq miksub għan-negozju (jew parti minnu) bħala negozju avvjat. Il-valur ta’ negozju avvjat, bħala regola, huwa ogħla mill-valur ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati għaliex hu bbażat fuq il-preżunzjoni li n-negozju jkompli bl-attività tiegħu b’minimu ta’ tfixkil, għandu l-fiduċja tal-kredituri finanzjarji, l-azzjonisti u l-klijenti, u jkompli jiġġenera dħul. Għalhekk, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tas-superviżur ma tkunx teħtieġ li ssir valwazzjoni f’kull każ. Is-superviżur jenħtieġ biss li jikkonkludi b’mod raġonevoli li l-prezz tal-bejgħ ma jkunx ferm inqas mir-rikavat li jista’ jiġi rkuprat permezz ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati. Madankollu, jenħtieġ li jkun meħtieġ skrutinju akbar mis-superviżur jew mill-prattikant fl-insolvenza f’każijiet fejn l-unika offerta eżistenti ssir minn parti li tkun relatata mill-qrib mad-debitur. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, is-superviżur jew il-prattikant fl-insolvenza jenħtieġ li jirrifjutaw l-offerta jekk ma tissodisfax it-test tal-aħjar interess tal-kredituri.
(25)Sabiex jiġi ggarantit li n-negozju jinbiegħ bl-aħjar valur tas-suq matul il-proċedimenti pre-pack, l-Istati Membri jenħtieġ li jew jiżguraw standards għoljin ta’ kompetittività, trasparenza u ġustizzja tal-proċess tal-bejgħ imwettaq fil-fażi tal-preparazzjoni, jew jipprovdu li l-qorti tmexxi subbasta pubblika qasira wara l-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti.
(26)Jekk Stat Membru jagħżel li jirrikjedi standards għoljin fil-fażi tal-preparazzjoni, is-superviżur (li sussegwentement għandu jinħatar bħala prattikant fl-insolvenza fil-fażi tal-likwidazzjoni) jenħtieġ li jkun responsabbli li jiżgura li l-proċess tal-bejgħ ikun kompetittiv, trasparenti, ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq. Il-konformità mal-istandards tas-suq f’dan il-kuntest jenħtieġ li tirrikjedi li l-proċess ikun kompatibbli mar-regoli u l-prattika standard dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-Istat Membru kkonċernat, li tinkludi stedina lill-partijiet potenzjalment interessati biex jipparteċipaw fil-proċess tal-bejgħ, id-divulgazzjoni tal-istess informazzjoni lil xerrejja potenzjali, li tippermetti l-eżerċitar tad-diliġenza dovuta minn akkwirenti interessati, u l-kisba tal-offerti mill-partijiet interessati permezz ta’ proċess strutturat.
(27)Jekk Stat Membru jagħżel li jipprovdi li l-qorti tmexxi subbasta pubblika wara l-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni, l-offerta magħżula mis-superviżur matul il-fażi tal-preparazzjoni jenħtieġ li tintuża bħala offerta inizjali (“offerta stalking horse”) matul is-subbasta. Id-debitur jenħtieġ li jkun jista’ joffri inċentivi lill-“offerent ta’ stalking horse” billi jaqbel, b’mod partikolari, ma’ rimborżi tal-ispejjeż jew miżati ta’ ksur jekk tintgħażel offerta aħjar permezz tas-subbasta pubblika. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali inċentivi mogħtija mid-debituri lill-“offerenti ta’ ‘stalking horse’” matul il-fażi tal-preparazzjoni jkunu proporzjonati u ma jfixklux lil offerenti potenzjalment interessati oħrajn milli jipparteċipaw fis-subbasta pubblika fil-fażi tal-likwidazzjoni.
(28)Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jenħtieġ li ma jirriżultax fit-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratti li skonthom il-partijiet ikun għad għandhom obbligi ta’ eżekuzzjoni (kuntratti eżekutorji), li huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tan-negozju. Tali terminazzjoni tipperikola bla bżonn il-valur tan-negozju, jew ta’ parti minnu, li għandu jinbiegħ fil-proċedimenti pre-pack. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li ssir ċessjoni ta’ dawk il-kuntratti lill-akkwirent tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu, anke mingħajr il-kunsens tal-kontroparti tad-debitur għal dawk il-kuntratti. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn iċ-ċessjoni tal-kuntratti eżekutorji ma tistax tkun raġonevolment mistennija, bħal meta l-akkwirent ikun kompetitur tal-kontroparti tal-kuntratt. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tasal għall-konklużjoni, f’valutazzjoni individwali ta’ kuntratt eżekutorju, li t-terminazzjoni tiegħu taqdi l-interessi tan-negozju tad-debitur aħjar miċ-ċessjoni tiegħu, bħal meta ċ-ċessjoni tal-kuntratt tirriżulta f’piż sproporzjonat għan-negozju. Madankollu, jenħtieġ li l-qorti ma titħalliex ittemm kuntratti eżekutorji relatati ma’ liċenzji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, peress li normalment ikunu komponenti ewlenin tal-operazzjonijiet tan-negozju li jkun qed jinbiegħ.
(29)Il-possibbiltà li jiġu eżegwiti d-drittijiet ta’ prelazzjoni matul il-proċess tal-bejgħ tfixkel il-kompetizzjoni fil-proċedimenti pre-pack. L-offerenti potenzjali jistgħu jastjenu milli jagħmlu offerti minħabba drittijiet li jneħħu l-offerti tagħhom fid-diskrezzjoni tad-detentur, irrispettivament mill-ħin u r-riżorsi investiti u mill-valur ekonomiku tal-offerta. Sabiex jiġi żgurat li l-offerta rebbieħa tirrifletti l-aħjar prezz disponibbli fis-suq, jenħtieġ li d-drittijiet ta’ prelazzjoni ma jiġux konċessi lill-offerenti, u jenħtieġ li tali drittijiet lanqas ma jiġu eżegwiti matul il-proċess tal-offerti. Id-detenturi ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni li ngħataw qabel il-bidu tal-proċedimenti pre-pack, minflok ma jinvokaw l-għażla tagħhom, jenħtieġ li jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti.
(30)L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-kredituri garantiti jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti fil-proċedimenti pre-pack billi joffru l-ammont tal-pretensjonijiet garantiti tagħhom bħala korrispettiv għax-xiri tal-assi li fuqhom ikollhom garanzija (offerti ta’ kreditu). Madankollu, jenħtieġ li l-offerti ta’ kreditu ma jintużawx b’mod li jipprovdi lill-kredituri garantiti vantaġġ indebitu fil-proċess tal-offerti, bħal meta l-ammont tal-pretensjoni ggarantita tagħhom kontra l-assi tad-debitur ikun ogħla mill-valur tas-suq tan-negozju.
(31)Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, speċjalment ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u jenħtieġ li lanqas ma tipprevjeni lill-Istati Membri milli jinfurzaw is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-fużjonijiet. Fl-għażla tal-aħjar offerta, is-superviżur jenħtieġ li jitħalla jqis ir-riskji regolatorji mqajma mill-offerti li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u jista’ jikkonsulta lil dawk l-awtoritajiet jekk dan ikun permess skont ir-regoli applikabbli. Jenħtieġ li tibqa’ r-responsabbiltà tal-offerenti li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu vvalutati dawk ir-riskji u li jikkomunikaw fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni sabiex jittaffew dawk ir-riskji. Sabiex tiżdied il-probabbiltà li l-proċeduri jirnexxu, fil-preżenza ta’ offerta li tqajjem riskji bħal dawn, is-superviżur jenħtieġ li jkun meħtieġ iwettaq ir-rwol tiegħu b’mod li jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ offerti alternattivi.
(32)Id-diretturi jissorveljaw il-ġestjoni tal-affarijiet ta’ entità ġuridika u għandhom l-aħjar ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Għalhekk, id-diretturi jkunu fost l-ewwel li jirrealizzaw jekk entità ġuridika hijiex qed toqrob l-insolvenza jew tkunx fil-fatt insolventi. Jekk ir-rikors għall-insolvenza jiġi ppreżentat tard mid-diretturi, dan jista’ twassal għal valuri ta’ rkupru aktar baxxi għall-kredituri, u għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu obbligu għad-diretturi biex jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza f’perjodu ta’ żmien speċifikat. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu wkoll lil min għandhom japplikaw id-dmirijiet tad-diretturi filwaqt li jqisu li l-kunċett ta’ “direttur” jenħtieġ li jiġi interpretat b’mod wiesa’, biex ikopri l-persuni kollha li huma responsabbli li jieħdu jew li fil-fatt jieħdu jew suppost jieħdu deċiżjonijiet ewlenin fir-rigward tal-maniġment ta’ entità ġuridika.
(33)Sabiex jiġi żgurat li d-diretturi ma jaġixxux fl-interess tagħhom stess billi jittardjaw is-sottomissjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, minkejja sinjali ta’ insolvenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jagħmlu lid-diretturi responsabbli b’mod ċivili għal ksur tad-dmir li tiġi ppreżentata tali talba. F’dak il-każ, id-diretturi jenħtieġ li jikkumpensaw lill-kredituri għad-danni li jirriżultaw mid-deterjorament fil-valur ta’ rkupru tal-entità ġuridika meta mqabbel mas-sitwazzjoni fejn it-talba kienet tiġi sottomessa fil-ħin. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi relatata mal-preżentata ta' rikors għall-insolvenza li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti b’din id-Direttiva.
(34)Il-mikrointrapriżi spiss jieħdu l-forma ta’ proprjetajiet uniċi jew ta’ sħubijiet żgħar li l-fundaturi, is-sidien jew il-membri tagħhom ma jibbenefikawx minn protezzjoni ta’ responsabbiltà limitata u għalhekk huma esposti għal responsabbiltà illimitata għad-djun tan-negozju. Meta l-mikrointrapriżi joperaw bħala entitajiet b’responsabbiltà limitata, il-protezzjoni tar-responsabbiltà limitata normalment tkun illużorja għas-sidien tal-mikrointrapriżi minħabba li spiss ikunu mistennija jiggarantixxu d-djun tan-negozju tal-mikrointrapriżi billi jużaw l-assi personali tagħhom bħala kollateral. Barra minn hekk, peress li l-mikrointrapriżi jiddependu ħafna fuq il-pagamenti mill-klijenti tagħhom, spiss jiffaċċjaw problemi ta’ fluss ta’ flus u riskji ogħla ta’ inadempjenza li jirriżultaw mit-telf ta’ sieħeb kummerċjali sinifikanti jew minn pagamenti tard mill-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, il-mikrointrapriżi jiffaċċjaw ukoll skarsezza ta’ likwidità operatorja, rati tal-imgħax ogħla u rekwiżiti ta’ kollateral akbar, li jagħmlu l-ksib tal-finanzjament, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà finanzjarja, diffiċli, jekk mhux impossibbli. B’konsegwenza ta’ dan, dawn jistgħu jkunu suxxettibbli għal insolvenza aktar ta’ spiss minn intrapriżi akbar.
(35)Ir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza mhux dejjem ikunu tajbin biex jittrattaw il-mikrointrapriżi insolventi b’mod xieraq u proporzjonat. Filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi uniċi tal-mikrointrapriżi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f’diffikultà finanzjarja, b’mod partikolari jenħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ proċeduri aktar rapidi, sempliċi u affordabbli, u jenħtieġ li jiġu żviluppati proċedimenti separati ta’ insolvenza fil-livell nazzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Għalkemm id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar proċedimenti ta’ stralċ simplifikati japplikaw biss għall-mikrointrapriżi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jestendu l-applikazzjoni tagħhom ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li ma humiex mikrointrapriżi.
(36)Huwa xieraq li jiġi żgurat li t-twettiq u s-sorveljanza ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jkunu jistgħu jiġu fdati mill-Istati Membri lil awtorità kompetenti li tkun jew qorti jew korp amministrattiv. L-għażla tkun tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq is-sistemi amministrattivi u legali tal-Istati Membri kif ukoll fuq il-kapaċitajiet tal-qrati u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-kosteffiċjenza u l-ħeffa tal-proċedimenti.
(37)It-test tal-waqfien tal-pagamenti u t-test tal-karta tal-bilanċ huma ż-żewġ skattaturi tas-soltu fost l-Istati Membri għall-ftuħ ta’ proċedimenti standard ta’ insolvenza. Madankollu, it-test tal-karta tal-bilanċ jista’ ma jkunx fattibbli għad-debituri li huma mikrointrapriżi, b’mod partikolari fejn id-debitur ikun imprenditur individwali, minħabba nuqqas possibbli ta’ rekord xieraq u ta’ distinzjoni ċara bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet personali u l-assi u l-obbligazzjonijiet tan-negozju. Għalhekk, l-inabbiltà li jitħallsu d-djun malli jimmaturaw jenħtieġ li tkun il-kriterju għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu wkoll il-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom dan il-kriterju jiġi ssodisfat, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu ċari, sempliċi u faċilment aċċertabbli mill-mikrointrapriża kkonċernata.
(38)Sabiex jiġu stabbiliti proċedimenti ta’ stralċ simplifikati kosteffettivi u rapidi għall-mikrointrapriżi, jenħtieġ li jiġu introdotti skadenzi qosra. Bl-istess mod, il-formalitajiet għall-passi proċedurali kollha, inkluż għall-ftuħ tal-proċedimenti, il-preżentazzjoni u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet, l-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza u r-realizzazzjoni tal-assi jenħtieġ li jiġu mminimizzati. Jenħtieġ li tintuża formola standard għas-sottomissjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati u jenħtieġ li jintużaw mezzi elettroniċi għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtorità kompetenti, u fejn rilevanti, il-prattikant fl-insolvenza, u l-partijiet fil-proċedimenti.
(39)Jenħtieġ li l-mikrointrapriżi kollha jkunu jistgħu jibdew proċedimenti biex jindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom u jiksbu ħelsien mid-dejn. L-aċċess għal proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jenħtieġ li ma jkunx jiddependi fuq il-kapaċità tal-mikrointrapriża li tkopri l-ispejjeż amministrattivi ta’ tali proċedimenti. Il-liġijiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu regoli biex ikopru l-kostijiet tal-amministrazzjoni ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fejn l-assi u s-sorsi tad-dħul tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru dawk il-kostijiet.
(40)Fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, il-ħatra ta’ prattikant fl-insolvenza normalment ma tkunx meħtieġa minħabba l-operazzjonijiet kummerċjali sempliċi mwettqa mill-mikrointrapriżi li jagħmlu s-superviżjoni tagħhom mill-awtorità kompetenti possibbli u suffiċjenti. Għalhekk, id-debitur jenħtieġ li jibqa’ jikkontrolla l-assi tiegħu u l-operat ta’ kuljum tan-negozju. Fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jkunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv u effiċjenti, id-debitur jenħtieġ li, mal-bidu tal-proċedimenti u matulhom, jipprovdi informazzjoni preċiża, affidabbli u sħiħa relatata mal-pożizzjoni finanzjarja u l-affarijiet tan-negozju tiegħu.
(41)Debitur ta’ mikrointrapriża jenħtieġ li jkun jista’ jibbenefika minn sospensjoni temporanja ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali, sabiex ikun jista’ jippreserva l-valur tal-patrimonju tal-insolvenza u jiżgura t-twettiq ġust u ordnat tal-proċedimenti. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jeskludu ċerti pretensjonijiet mill-ambitu tas-sospensjoni, f’ċirkostanzi ddefiniti sew.
(42)It-talbiet ikkontestati jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod li ma jikkumplikax bla bżonn it-twettiq ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi. Jekk it-talbiet ikkontestati ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati malajr, il-kapaċità li tiġi kkontestata pretensjoni tista’ tintuża biex jinħoloq dewmien bla bżonn. Fid-deċiżjoni dwar it-trattament ta’ talba kkontestata, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tippermetti l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fir-rigward ta’ talbiet mhux ikkontestati biss.
(43)Fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, l-azzjonijiet revokatorji jenħtieġ li jitressqu biss minn kreditur jew, fejn jinħatar, mill-prattikant fl-insolvenza. Fit-teħid tad-deċiżjoni li l-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jiġu kkonvertiti għal proċedimenti standard ta’ insolvenza għall-fini tat-twettiq ta’ proċedimenti revokatorji, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tqis diversi kunsiderazzjonijiet, inklużi l-kost, id-durata u l-kumplessità antiċipati tal-proċedimenti revokatorji, il-probabbiltà tal-irkupru b’suċċess tal-assi u l-benefiċċji mistennija għall-kredituri kollha.
(44)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jkunu jistgħu jiġu realizzati permezz ta’ subbasta pubblika online, jekk l-awtorità kompetenti tqis dan il-mezz ta’ realizzazzjoni tal-assi bħala xieraq. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tiġi miżmuma sistema jew sistemi tas-subbasta elettroniċi fit-territorju tagħhom għal dak il-għan. Dan l-obbligu jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-pjattaformi multipli li jeżistu f’xi Stati Membri għal subbasti online ta’ tipi speċifiċi ta’ assi.
(45)Is-sistemi tas-subbasti mħaddma għall-finijiet tat-twettiq tal-assi tad-debituri fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jenħtieġ li jkunu interkonnessi permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika jenħtieġ li jservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku ċentrali għall-proċessi tas-subbasti online mmexxija fis-sistema jew fis-sistemi nazzjonali, jipprovdi funzjonalità ta’ tfittxija għall-utenti u jiggwidawhom għall-pjattaformi online nazzjonali rilevanti jekk ikollhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fil-proċess ta’ offerti. Meta tiddetermina l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dik is-sistema ta’ interkonnessjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li, f’konformità mal-“Approċċ ta’ Żewġ Pilastri” tal-Kummissjoni, tippreżenta r-riżultat tal-analiżi tas-soluzzjonijiet eżistenti diġà pprovduti mill-Kummissjoni bil-potenzjal għall-użu mill-ġdid tagħhom jew jenħtieġ li twettaq skrinjar tas-suq għal soluzzjonijiet kummerċjali potenzjali lesti għall-użu kif inhuma jew bi ftit adattament.
(46)Fil-każ ta’ insolvenza ta’ debitur mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata, l-individwi li huma personalment responsabbli għad-djun tad-debitur jenħtieġ li ma jkunux personalment responsabbli għal pretensjonijiet mhux issodisfati wara l-likwidazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, id-debituri imprendituri, kif ukoll dawk il-fundaturi, is-sidien jew il-membri ta’ debitur mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata li huma personalment responsabbli għad-djun tal-mikrointrapriża soġġetta għal proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, jinħelsu kompletament mid-djun tagħhom. Għall-finijiet tal-għoti ta’ tali ħelsien mid-dejn, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw it-Titolu III tad-Direttiva (UE) 2019/1023 mutatis mutandis.
(47)Huwa importanti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tad-debitur u tal-kredituri fil-proċedimenti tal-insolvenza. Il-kumitati tal-kredituri jippermettu involviment aħjar tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza, b’mod partikolari meta l-kredituri altrimenti jiġu mxekkla milli jagħmlu dan individwalment, minħabba riżorsi limitati, is-sinifikat ekonomiku tal-pretensjonijiet tagħhom jew in-nuqqas ta’ prossimità ġeografika. Il-kumitati tal-kredituri jistgħu jgħinu b’mod speċjali lill-kredituri transfruntieri biex jeżerċitaw aħjar id-drittijiet tagħhom u jiżguraw it-trattament ġust tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu l-istabbiliment ta’ kumitat tal-kredituri ladarba jinbdew il-proċedimenti. Kumitat tal-kredituri jenħtieġ li jiġi stabbilit biss jekk il-kredituri jaqblu. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li dan jiġi stabbilit qabel ma jinbdew il-proċedimenti u wara l-preżentata ta’ rikors għall-insolvenza. F’dan il-każ, madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu li l-kredituri jaqblu mal-kontinwazzjoni u l-kompożizzjoni tiegħu fil-laqgħa ġenerali. Jekk il-kredituri ma jaqblux mal-kompożizzjoni, huma jistgħu wkoll jistabbilixxu kumitat ta’ kredituri ġdid.
(48)Il-kost tal-istabbiliment u tal-operat ta’ kumitat tal-kredituri jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-valur li jiġġenera. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-kumitat tal-kredituri ma jkunx iġġustifikat f’dawk il-każijiet fejn il-kost tal-istabbiliment u l-operazzjonijiet tiegħu jkun ogħla b’mod sinifikanti mir-rilevanza ekonomika tad-deċiżjonijiet li jista’ jieħu. Dan jista’ jkun il-każ fejn ikun hemm ftit wisq kredituri, fejn maġġoranza kbira tal-kredituri jkollhom sehem żgħir fil-pretensjoni kontra d-debitur jew fejn l-irkupru mistenni mill-patrimonju tal-insolvenza fil-proċedimenti ta’ insolvenza jkun ferm inqas mill-kost tal-istabbiliment u tal-operat tal-kumitat tal-kredituri. Dan iseħħ b’mod partikolari f’każijiet ta’ insolvenza ta’ mikrointrapriżi.
(49)L-Istati Membri jenħtieġ li jiċċaraw ir-rekwiżiti, id-dmirijiet u l-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-kumitat tal-kredituri, kif ukoll il-funzjonijiet attribwiti lill-kumitat tal-kredituri. L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla li jiddeċiedu jekk il-ħatra għandhiex issir mil-laqgħa ġenerali tal-kredituri jew mill-qorti. Sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn fl-istabbiliment tal-kumitat tal-kredituri, il-membri jenħtieġ li jinħatru malajr. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu għal rappreżentanza ġusta tal-kredituri fil-kumitat u jiżguraw li l-parteċipazzjoni fil-kumitat tal-kredituri ma tkunx prekluża għal kredituri li l-pretensjoni tagħhom tkun għadha ma ġietx aċċettata jew għal kredituri li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor.
(50)Ir-rappreżentanza ġusta tal-kredituri fil-kumitat tal-kredituri hija partikolarment importanti fir-rigward tal-kredituri mhux garantiti li huma mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar jew intrapriżi żgħar ta’ daqs medju, li fil-każ ta’ insolvenza ta’ debitur li huwa intrapriża kbira, jekk ma jitħallasx fil-pront, huma wkoll jispiċċaw esposti għall-insolvenza (effett domino). Ir-rappreżentanza xierqa fil-kumitat tal-kredituri ta’ tali kredituri tista’ tiżgura li matul id-distribuzzjoni tar-rikavati rkuprati huma jirċievu s-sehem tagħhom aktar malajr.
(51)Kompitu importanti tal-kumitat tal-kredituri jenħtieġ li jkun li jivverifika li l-proċedimenti ta’ insolvenza jitwettqu b’mod li jipproteġi l-interessi tal-kredituri. Ir-rwol tal-kumitat fil-monitoraġġ tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedimenti jista’ jitwettaq b’mod effettiv biss jekk il-kumitat tal-kredituri u l-membri tiegħu jaġixxu b’mod indipendenti mill-prattikant fl-insolvenza u jwieġbu biss għall-kredituri li jkunu stabbilixxewh.
(52)L-għadd ta’ membri fil-kumitat tal-kredituri jenħtieġ li, minn naħa waħda, ikun kbir biżżejjed biex jiżgura d-diversità tal-fehmiet u tal-interessi fil-kumitat u, min-naħa l-oħra, jibqa’ relattivament limitat biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv u f’waqtu. L-Istati Membri jenħtieġ li jiċċaraw meta u kif il-kompożizzjoni tal-kumitat jeħtieġ li tinbidel, li tista’ tiġri jekk ir-rappreżentanti ma jkunux għadhom jistgħu jaġixxu, inkluż fl-aħjar interessi tal-kredituri, jew ikunu jixtiequ jirtiraw. Jenħtieġ li jiċċaraw ukoll il-kundizzjonijiet għat-tneħħija ta’ membri li aġixxew bla heda kontra l-interess tal-kredituri.
(53)Il-membri tal-kumitat tal-kredituri jibqgħu liberi li jiddeċiedu dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, sakemm il-metodi ta’ ħidma jkunu legali, trasparenti u effettivi. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li l-kumitat tal-kredituri jistabbilixxi l-metodi ta’ ħidma, li jispeċifikaw kif għandhom jitmexxew il-laqgħat, min jista’ jattendi u jivvota, u kif jiġu żgurati l-imparzjalità u l-kunfidenzjalità tax-xogħol tal-kumitat. Dawn il-metodi ta’ ħidma jenħtieġ li jitħallew jistabbilixxu wkoll rwol għar-rappreżentanti tal-impjegaturi jew għat-trasparenza lejn kredituri oħra. Il-kredituri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw u jivvutaw b’mod elettroniku jew jiddelegaw id-dritt tal-vot lil persuna terza, dment li din il-persuna tkun debitament awtorizzata. Din il-possibbiltà tkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-kredituri residenti fi Stati Membri oħra.
(54)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-qorti jkollha s-setgħa li tiddetermina l-metodi ta’ ħidma għall-kumitat tal-kredituri, jekk ma jiġux stabbiliti malajr. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi metodi ta’ ħidma standard li jenħtieġ li jiffaċilitaw il-kompitu tal-kumitat tal-kredituri u jnaqqsu l-ħtieġa li l-qrati jintervjenu fil-każ ta’ metodi ta’ ħidma nieqsa.
(55)Il-kumitat tal-kredituri jenħtieġ li jingħata biżżejjed drittijiet biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod effiċjenti u effettiv. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kumitat tal-kredituri jkun jista’ jinteraġixxi mal-prattikanti fl-insolvenza, mal-qrati, mad-debitur, mal-konsulenti esterni u mal-kredituri li huwa jirrappreżenta, kif meħtieġ, biex il-kumitat ikun jista’ jfassal u jikkomunika opinjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess dirett u ta’ rilevanza għall-kredituri, u li din il-fehma tiġi kkunsidrata kif xieraq fil-proċedimenti. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu s-setgħa lill-kumitat tal-kredituri biex jieħu deċiżjonijiet.
(56)Peress li l-operat tal-kumitat tal-kredituri jġarrab spejjeż, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw minn qabel min se jħallashom. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll salvagwardji biex jipprevjenu li l-kostijiet tal-kumitat tal-kredituri jnaqqsu l-valur ta’ rkupru tal-patrimonju tal-insolvenza b’mod sproporzjonat.
(57)Sabiex il-kredituri jiġu mħeġġa jsiru membri tal-kumitat tal-kredituri, l-Istati Membri jenħtieġ li jillimitaw ir-responsabbiltà ċivili individwali tagħhom meta jwettqu funzjonijiet f’konformità ma’ din id-Direttiva. Madankollu, il-membri tal-kumitat tal-kredituri li jaġixxu b’mod frodulenti jew b’negliġenza, meta jwettqu dawk il-funzjonijiet, jistgħu jitneħħew u jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu li l-membri jinżammu responsabbli individwalment għad-detriment ikkawżat mill-imġiba ħażina tagħhom.
(58)Sabiex tiġi żgurata trasparenza mtejba tal-karatteristiċi ewlenin tal-proċedimenti nazzjonali tal-insolvenza u tingħata għajnuna speċjalment lill-kredituri transfruntieri biex jistmaw x’jiġri jekk l-investimenti tagħhom jispiċċaw involuti fi proċedimenti ta’ insolvenza, l-investituri u l-investituri potenzjali jenħtieġ li jingħataw aċċess faċli għal dik l-informazzjoni f’format predefinit, komparabbli u faċli għall-utent. Jenħtieġ li titħejja skeda ta’ informazzjoni ewlenija standardizzata u li din issir disponibbli għall-pubbliku mill-Istati Membri. Dan id-dokument ikun kruċjali għall-investituri potenzjali biex jagħmlu valutazzjoni “ta’ malajr” tar-regoli dwar il-proċedimenti tal-insolvenza fi Stat Membru partikolari. Jenħtieġ li jkun fiha biżżejjed spjegazzjonijiet biex il-qarrej ikun jista’ jifhem l-informazzjoni li jkun fiha mingħajr ma jkollu għalfejn jirrikorri għal dokumenti oħra. L-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija jenħtieġ li tinkludi b’mod partikolari informazzjoni prattika dwar l-iskattatur tal-insolvenza kif ukoll dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex jintalab il-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew biex tiġi ppreżentata pretensjoni.
(59)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(60)Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li d-differenzi bejn l-oqfsa ta’ insolvenza nazzjonali jkomplu joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(61)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol (l-Artikolu 15 tal-Karta), il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta), id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (l-Artikolu 27 tal-Karta) kif ukoll id-dritt għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47(2) tal-Karta).
(62)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-ipproċessar tad-data personali għall-fini ta’ din id-Direttiva. Ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
(63)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni nhar il-[OP: għandha tiżdied id-data tal-pubblikazzjoni],
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Titolu I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:
(a)azzjonijiet revokatorji;
(b)it-traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza;
(c)il-proċedimenti pre-pack;
(d)id-dmir tad-diretturi li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(e)il-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi;
(f)il-kumitati tal-kredituri;
(g)it-tfassil ta’ skeda ta’ informazzjoni ewlenija mill-Istati Membri dwar ċerti elementi tad-dritt nazzjonali tagħhom dwar proċedimenti ta’ insolvenza.
2.Din id-Direttiva ma tapplikax għal proċedimenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jikkonċernaw debituri li huma:
(a)impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 13, il-punti (1) u (4) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefiniti fl-Artikolu 4(1), il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)impriżi ta’ investiment jew impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fl-Artikolu 4(1), il-punti (2) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(d)kontropartijiet ċentrali kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(e)depożitorji ċentrali tat-titoli kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1), il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(f)istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħrajn elenkati fl-Artikolu 1(1), ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(g)korpi pubbliċi skont id-dritt nazzjonali;
(h)persuni fiżiċi, ħlief għall-imprendituri u, fir-rigward tal-proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn, dawk il-fundaturi, is-sidien jew il-membri ta’ debituri mikrointrapriżi b’responsabbiltà illimitata li huma personalment responsabbli għad-djun tad-debitur.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“prattikant fl-insolvenza” tfisser prattikant maħtur minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn kif imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2019/1023;
(b)“qorti” tfisser il-korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru;
(c)“awtorità kompetenti” tfisser awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ Stat Membru li tkun responsabbli għat-twettiq jew għas-sorveljanza, jew it-tnejn, ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, f’konformità mat-Titolu VI ta’ din id-Direttiva;
(d)“reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji” tfisser il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentrali, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali ta’ rkupru ta’ data, stabbiliti skont l-Artikolu 32a(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849;
(e)“reġistru tas-sjieda benefiċjarja” tfisser reġistri ċentrali nazzjonali dwar informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja msemmija fl-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva (UE) 2015/849;
(f)“att legali” tfisser kwalunkwe mġiba umana, inkluża ommissjoni, li tipproduċi effett legali;
(g)“kuntratt eżekutorju” tfisser kuntratt bejn debitur u kontroparti waħda jew aktar li taħtu l-partijiet għad għandhom obbligi ta’ eżekuzzjoni fil-mument tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-fażi tal-likwidazzjoni fit-Titolu IV;
(h)“test tal-aħjar interess tal-kredituri” tfisser it-test li bih l-ebda kreditur ma jkun agħar taħt likwidazzjoni fi proċedimenti pre-pack milli tali kreditur kien ikun li kieku tiġi applikata l-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet tal-likwidazzjoni f’każ ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati;
(i)“finanzjament interim” tfisser kwalunkwe assistenza finanzjarja ġdida, ipprovduta minn kreditur eżistenti jew ġdid, li tinkludi, bħala minimu, assistenza finanzjarja waqt il-proċedimenti pre-pack, u li hija raġonevoli u meħtieġa immedjatament għan-negozju tad-debitur jew parti minnu biex ikompli jopera, jew sabiex jippreserva jew itejjeb il-valur ta’ dak in-negozju;
(j)“mikrointrapriża” tfisser mikrointrapriża skont it-tifsira tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE;
(k)“mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata” tfisser mikrointrapriża b’personalità ġuridika separata jew mingħajrha u mingħajr protezzjoni ta’ responsabbiltà limitata ta’ kwalunkwe wieħed mill-fundaturi, is-sidien jew il-membri tagħha;
(l)“imprenditur” tfisser imprenditur kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (9) tad-Direttiva (UE) 2019/1023;
(m)“ħelsien sħiħ mid-dejn” tfisser is-sitwazzjoni li fiha jew i) l-eżekuzzjoni ta’ djun pendenti li d-debitur jista’ jinħeles minnhom kontra imprendituri jew kontra dawk l-individwi li huma fundaturi, sidien jew membri ta’ mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata u li huma personalment responsabbli għad-djun tal-mikrointrapriża huwa prekluż jew ii) djun pendenti li d-debitur jista’ jinħeles minnhom bħala tali jiġu kkanċellati, bħala parti minn proċedimenti simplifikati ta’ stralċ;
(n)“pjan ta’ pagament” tfisser programm ta’ pagamenti ta’ ammonti speċifikati f’dati speċifikati lill-kredituri minn persuna fiżika li tibbenefika minn ħelsien sħiħ mid-dejn, jew pjan li jistabbilixxi trasferimenti perjodiċi lill-kredituri ta’ ċerta parti mill-introjtu nett tal-persuna fiżika kkonċernata matul il-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn;
(o)“kumitat tal-kredituri” tfisser korp rappreżentattiv ta’ kredituri maħtur f’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza b’setgħat konsultattivi u oħrajn kif speċifikat f’dik il-liġi;
(p)“proċedimenti pre-pack” tfisser proċedimenti ta’ likwidazzjoni mħaffa li jippermettu l-bejgħ tan-negozju tad-debitur, kompletament jew parzjalment, bħala negozju avvjat lill-aħjar offerent, bil-ħsieb tal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur bħala riżultat tal-insolvenza stabbilita tad-debitur;
(q)“parti relatata mill-qrib mad-debitur” tfisser persuni, inklużi persuni ġuridiċi, b’aċċess preferenzjali għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur.
Meta d-debitur ikun persuna fiżika, il-partijiet relatati mill-qrib għandhom jinkludu b’mod partikolari:
(i)
il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba attwali tad-debitur;
(ii)
l-antenati, id-dixxendenti, u l-aħwa tad-debitur, jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba, u l-konjuġi jew is-sħab ta’ dawn il-persuni;
(iii)
persuni li jgħixu fl-unità domestika tad-debitur;
(iv)
persuni li jaħdmu għad-debitur taħt kuntratt ta’ impjieg b’aċċess għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur, jew li b’xi mod ieħor iwettqu kompiti li permezz tagħhom ikollhom aċċess għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur, inklużi konsulenti, kontabilisti jew nutara;
(v)
entitajiet ġuridiċi li fihom id-debitur jew waħda mill-persuni msemmija fil-punti (i) sa (iv) ta’ dan is-subparagrafu tkun membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji jew twettaq dmirijiet li jipprevedu aċċess għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur.
Meta d-debitur ikun entità ġuridika, il-partijiet relatati mill-qrib għandhom jinkludu b’mod partikolari:
(i)
kwalunkwe membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tad-debitur;
(ii)
it-titolari ta’ ekwità b’interess kontrollanti fid-debitur;
(iii)
persuni li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk imwettqa minn persuni skont il-punt (i);
(iv)
persuni li huma relatati mill-qrib f’konformità mat-tieni subparagrafu mal-persuni elenkati fil-punti (i), (ii) u (iii) ta’ dan is-subparagrafu.
Artikolu 3
Punt ta’ żmien rilevanti fir-rigward ta’ rabta mill-qrib
Il-punt ta’ żmien sabiex jiġi ddeterminat jekk parti hijiex relatata mill-qrib mad-debitur għandu jkun:
(a)għall-finijiet tat-Titolu II, il-jum meta l-att legali soġġett għal azzjoni revokatorja jkun ġie pperfezzjonat jew tliet xhur qabel l-ipperfezzjonar tal-att legali;
(b)għall-finijiet tat-Titolu IV, il-jum meta tibda l-fażi tal-preparazzjoni jew tliet xhur qabel il-bidu tal-fażi tal-preparazzjoni.
Titolu II
AZZJONIJIET REVOKATORJI
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjonijiet revokatorji
Artikolu 4
Prerekwiżiti ġenerali għall-azzjonijiet revokatorji
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li jkunu ġew ipperfezzjonati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri jkunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu.
Artikolu 5
Relazzjoni mad-dispożizzjonijiet nazzjonali
Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet relatati man-nullità, l-annullabbiltà jew ineżegwibbiltà ta’ atti legali li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fejn tali dispożizzjonijiet jipprovdu protezzjoni akbar tal-korp ġenerali tal-kredituri minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu.
Kapitolu 2
Kundizzjonijiet speċifiċi għall-azzjonijiet revokatorji
Artikolu 6
Preferenzi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li jibbenefikaw lil kreditur jew grupp ta’ kredituri b’sodisfazzjon, b’kollateralizzazzjoni jew bi kwalunkwe mod ieħor ikunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli jekk ikunu ġew ipperfezzjonati:
(a)fi żmien tliet xhur qabel is-sottomissjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, bil-kundizzjoni li d-debitur ma setax iħallas id-djun maturi tiegħu; jew
(b)wara s-sottomissjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
Meta diversi persuni jkunu ppreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-istess debitur, il-punt ta’ żmien meta tiġi ppreżentata l-ewwel talba ammissibbli għandu jitqies bħala l-bidu tal-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a).
2.Jekk pretensjoni dovuta ta’ kreditur tkun ġiet issodisfata jew garantita bil-mod dovut, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-att legali jkun jista’ jiġi ddikjarat null biss jekk:
(a)il-kundizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 1 ikun ġew issodisfati; u
(b)dak il-kreditur kien jaf, jew kellu jkun jaf, li d-debitur ma setax iħallas id-djun maturi tiegħu jew li ġiet ippreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
L-għarfien tal-kreditur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandu jiġi preżunt jekk il-kreditur kien parti relatata mill-qrib mad-debitur.
3.B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li ġejjin ma jkunux jistgħu jiġu ddikjarati nulli:
(a)atti legali eżegwiti direttament kontra korrispettiv ġust għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza;
(b)pagamenti fuq kambjali jew ċekkijiet fejn il-liġi li tirregola l-kambjali jew iċ-ċekkijiet tipprojbixxi l-pretensjonijiet tar-riċevitur li jirriżultaw mill-kambjala jew miċ-ċekk kontra debituri oħra ta’ kambjali jew ċekkjijiet bħall-ġiranti, it-traent, jew it-trattarju jekk dan jirrifjuta l-pagament tad-debitur;
(c)atti legali li ma humiex soġġetti għal azzjonijiet revokatorji f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE u mad-Direttiva 2002/47/KE.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn ikunu kkonċernati pagamenti fuq kambjali jew ċekkijiet kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-ammont imħallas fuq il-kambjala jew iċ-ċekk għandu jiġi rritornat mill-aħħar ġirant jew, jekk dan tal-aħħar ikun approva l-kambjala f’isem parti terza, minn tali parti jekk l-aħħar ġirant jew il-parti terza kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li d-debitur ma kienx kapaċi jħallas id-djun maturi tiegħu jew li kienet ġiet ippreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-mument li approva l-kambjala jew li ra li tiġi approvata f’ismu. Dan l-għarfien huwa preżunt jekk l-aħħar ġirant jew il-parti terza kienet parti relatata mill-qrib mad-debitur.
Artikolu 7
Atti legali kontra l-ebda korrispettiv jew korrispettiv li b’mod ċar ma huwiex adegwat
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali tad-debitur kontra l-ebda korrispettiv jew korrispettiv li b’mod ċar ma huwiex adegwat ikunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli meta jkunu ġew ipperfezzjonati f’perjodu ta’ żmien ta’ sena qabel is-sottomissjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew wara s-sottomissjoni ta’ din it-talba.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal rigali u donazzjonijiet ta’ valur simboliku.
3.Meta diversi persuni jkunu ppreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-istess debitur, il-punt ta’ żmien meta tiġi ppreżentata l-ewwel talba ammissibbli għandu jitqies bħala l-bidu tal-perjodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 8
Atti legali li huma intenzjonalment ta’ detriment għall-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li bihom id-debitur ikun ikkawża intenzjonalment detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri jkunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)dawk l-atti jkunu ġew ipperfezzjonati jew f’perjodu ta’ żmien ta’ erba’ snin qabel is-sottomissjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew wara s-sottomissjoni ta’ tali talba;
(b)il-parti l-oħra għall-att legali kienet taf jew kellha tkun taf bl-intenzjoni tad-debitur li jikkawża detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri.
L-għarfien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandu jiġi preżunt jekk il-parti l-oħra għall-att legali kienet parti relatata mill-qrib mad-debitur.
2.Meta diversi persuni jkunu ppreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-istess debitur, il-punt ta’ żmien meta tiġi ppreżentata l-ewwel talba ammissibbli għandu jitqies bħala l-bidu tal-perjodu ta’ erba’ snin imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).
Kapitolu 3
Konsegwenzi ta’ azzjonijiet revokatorji
Artikolu 9
Konsegwenzi ġenerali
1.L-Istat Membru għandu jiżgura li t-talbiet, id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw minn atti legali li jkunu ġew iddikjarati nulli skont il-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu ma jistgħux jiġu invokati biex jinkiseb sodisfazzjon mill-patrimonju tal-insolvenza kkonċernat.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null tkun obbligata tikkumpensa bis-sħiħ il-patrimonju tal-insolvenza kkonċernat għad-detriment ikkawżat lill-kredituri minn dak l-att legali.
Il-fatt li l-arrikkiment li jirriżulta mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null ma għadux disponibbli fil-proprjetà tal-parti li bbenefikat minn dak l-att legali (“skadenza tal-arrikkiment”) jista’ jiġi invokat biss jekk dik il-parti ma kinitx taf, u lanqas ma kellha tkun konxja, biċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw mill-att legali li jista’ jiġi ddikjarat null kontra l-parti l-oħra jkun ta’ tliet snin mid-data tal-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun tista’ ssir ċessjoni ta’ pretensjoni biex jinkiseb kumpens sħiħ skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, lil kreditur jew lil parti terza.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti li tkun ġiet obbligata tikkumpensa l-patrimonju tal-insolvenza skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu ma tkunx tista’ tpaċi dan l-obbligu bil-pretensjonijiet tagħha kontra l-patrimonju tal-insolvenza.
6.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet ibbażati fuq il-liġi ċivili u kummerċjali ġenerali għall-kumpens għad-danni mġarrba mill-kredituri bħala riżultat ta’ att legali li jista’ jiġi ddikjarat null.
Artikolu 10
Konsegwenzi għall-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk u sal-punt li l-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarata null tikkumpensa l-patrimonju tal-insolvenza għad-detriment ikkawżat minn dak l-att legali, kwalunkwe pretensjoni ta’ dik il-parti li tkun ġiet issodisfata b’dak l-att legali terġa’ tibda tapplika.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżekuzzjoni korrispettiva tal-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null imwettqa wara jew fi skambju immedjat għall-eżekuzzjoni tad-debitur skont dak l-att legali għandha tiġi rimborżata mill-patrimonju tal-insolvenza sal-punt li l-eżekuzzjoni korrispettiva tibqa’ disponibbli fil-patrimonju f’forma li tista’ tiġi distinta mill-bqija tal-patrimonju tal-insolvenza jew li l-patrimonju tal-insolvenza għadu arrikkit mill-valur tagħha.
Fil-każijiet kollha mhux koperti mill-ewwel subparagrafu, il-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null tista’ tippreżenta pretensjonijiet għall-kumpens tal-eżekuzzjoni korrispettiva. Għall-finijiet tal-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ insolvenza, din il-pretensjoni għandha titqies li tkun seħħet qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza
Artikolu 11
Responsabbiltà ta’ partijiet terzi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 ikunu eżegwibbli kontra eredi jew suċċessur universali ieħor tal-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 ikunu eżegwibbli wkoll kontra kwalunkwe suċċessur individwali tal-parti l-oħra għall-att legali li jkun ġie ddikjarat null jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)is-suċċessur kiseb l-assi kontra l-ebda korrispettiv jew korrispettiv li b’mod ċar ma huwiex adegwat;
(b)is-suċċessur kien jaf jew kellu jkun jaf biċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja.
L-għarfien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandu jiġi preżunt jekk is-suċċessur individwali jkun parti relatata mill-qrib mal-parti li bbenefikat mill-att legali li jkun ġie ddikjarat null.
Artikolu 12
Relazzjoni ma’ strumenti oħra
1.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu ma għandhomx jaffettwaw l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
Titolu III
TRAĊĊAR TA’ ASSI LI JAPPARTJENU GĦALL-PATRIMONJU TAL-INSOLVENZA
Kapitolu 1
Aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-qrati maħtura
Artikolu 13
Qrati maħtura
1.Kull Stat Membru għandu jaħtar, minn fost il-qrati tiegħu li huma kompetenti biex jisimgħu kawżi relatati ma’ proċeduri ta’ ristrutturar, insolvenza jew ħelsien mid-dejn, il-qrati li għandhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu r-reġistru nazzjonali ċentralizzat tal-kontijiet bankarji tagħhom stabbilit skont l-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849 (il-“qrati maħtura”).
2.Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-qrati maħtura tiegħu sa [6 xhur mid-data tat-traspożizzjoni], u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifiki f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Aċċess għal u tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-qrati maħtura
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tal-prattikant fl-insolvenza maħtur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, il-qrati maħtura jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji elenkata fl-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva (UE) 2015/849, fejn meħtieġa għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur f’dawk il-proċedimenti, inklużi dawk soġġetti għal azzjonijiet revokatorji.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tal-prattikant fl-insolvenza maħtur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, il-qrati maħtura jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra disponibbli permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tar-reġistri tal-kontijiet bankarji (BAR) stabbiliti skont l-Artikolu XX tad-Direttiva (UE) SSSS/XX [OP: id-Direttiva l-ġdida dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] fejn meħtieġ għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-proprjetà tal-insolvenza tad-debitur f’dawk il-proċedimenti, inklużi dawk soġġetti għal azzjonijiet revokatorji.
3.L-informazzjoni addizzjonali li l-Istati Membri jqisu essenzjali u jinkludu fir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 32a(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ma għandhiex tkun aċċessibbli jew tista’ tiġi mfittxija mill-qrati maħtura.
4.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-aċċess u t-tiftix għandhom jiġu kkunsidrati bħala diretti u immedjati, fost l-oħrajn, meta l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jibagħtu b’mod rapidu l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ mekkaniżmu awtomatizzat lill-qrati maħtura, dment li l-ebda istituzzjoni intermedjarja ma tkun tista’ tinterferixxi fir-rigward tad-data mitluba jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.
Artikolu 15
Kundizzjonijiet għall-aċċess u għat-tiftix mill-qrati maħtura
1.L-aċċess għal u t-tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji f’konformità mal-Artikolu 14 għandhom jitwettqu biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal ta’ kull qorti maħtura li tkun ġiet maħtura u awtorizzata speċifikament biex twettaq dawk il-kompiti.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)il-persunal tal-qrati maħtura jżomm standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data, u li jkun ta’ integrità kbira u li jkollu ħiliet xierqa;
(b)ikun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin għall-finijiet tal-eżerċizzju mill-qrati maħtura tas-setgħa li jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 14.
Artikolu 16
Monitoraġġ tal-aċċess u tat-tiftix minn qrati maħtura
1.L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jiżguraw li jinżammu reġistrazzjonijiet kull darba li qorti maħtura taċċessa u tfittex informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:
(a)in-numru ta’ referenza tal-każ;
(b)id-data u l-ħin tad-domanda jew tat-tfittxija;
(c)it-tip ta’ data użata biex issir id-domanda jew it-tfittxija;
(d)l-identifikatur uniku tar-riżultati;
(e)l-isem tal-qorti maħtura li tikkonsulta r-reġistru;
(f)l-identifikatur uniku tal-utent tal-membru tal-persunal tal-qorti maħtura li għamel id-domanda jew li wettaq it-tiftix u, fejn applikabbli, tal-imħallef li ordna d-domanda jew it-tiftix u, sa fejn ikun possibbli, l-identifikatur uniku tal-utent ta’ min jirċievi r-riżultati tad-domanda jew tat-tiftix.
2.L-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji għandhom jivverifikaw ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 b’mod regolari.
3.Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ din id-Direttiva u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti legali applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ talba u l-legalità tal-ipproċessar tad-data personali, u jekk l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali humiex żgurati. Ir-reġistri għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru ħames snin wara li jinħolqu, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li diġà għaddejjin.
Kapitolu 2
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
Artikolu 17
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattikanti fl-insolvenza, meta jidentifikaw u jittraċċaw l-assi rilevanti għall-proċedimenti ta’ insolvenza li għalihom jinħatru, ikollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(5), it-tieni subparagrafu, u fl-Artikolu 31(4), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2015/849 li tinżamm fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja stabbiliti fl-Istati Membri u hija aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja stabbilita f’konformità mal-Artikolu 30(10) u l-Artikolu 31(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849.
2.L-aċċess għall-informazzjoni mill-prattikanti fl-insolvenza f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi interess leġittimu, kull meta jkun meħtieġ għall-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-proprjetà tal-insolvenza tad-debitur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin u jkun limitat għall-informazzjoni li ġejja:
(a)l-isem, ix-xahar, is-sena tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid legali;
(b)in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum.
Kapitolu 3
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri nazzjonali tal-assi
Artikolu 18
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri nazzjonali tal-assi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattikanti fl-insolvenza, irrispettivament mill-Istat Membru fejn ikunu ġew maħtura, ikollhom aċċess dirett u malajr għar-reġistri nazzjonali tal-assi elenkati fl-Anness li jinsabu fit-territorju tagħhom, fejn disponibbli.
2.Fir-rigward tal-aċċess għar-reġistri nazzjonali tal-assi elenkati fl-Anness, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stat Membru ieħor ma jkunux soġġetti għal kundizzjonijiet ta’ aċċess li jkunu de jure jew de facto inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet mogħtija lill-prattikanti fl-insolvenza maħtura f’dak l-Istat Membru.
Titolu IV
PROĊEDIMENTI PRE-PACK
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 19
Proċedimenti pre-pack
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti pre-pack ikunu magħmula miż-żewġ fażijiet konsekuttivi li ġejjin
(a)il-fażi tal-preparazzjoni, li għandha l-għan li ssib xerrej xieraq għan-negozju tad-debitur jew għal parti minnu;
(b)il-fażi tal-likwidazzjoni, li għandha l-għan li tapprova u teżegwixxi l-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu u li tqassam ir-rikavati fost il-kredituri.
2.Il-proċedimenti pre-pack għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Titolu. Fir-rigward tal-kwistjonijiet l-oħra kollha, inklużi l-gradazzjoni tal-pretensjonijiet u r-regoli dwar id-distribuzzjoni tar-rikavati, l-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-proċedimenti ta’ stralċ, dment li dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli stabbiliti f’dan it-Titolu.
Artikolu 20
Relazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni
1.Il-fażi tal-likwidazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1, għandha titqies bħala proċediment ta’ insolvenza kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2015/848.
Is-superviżuri msemmija fl-Artikolu
jistgħu jitqiesu bħala prattikanti fl-insolvenza kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (5) tar-Regolament (UE) 2015/848.
2.Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, il-fażi tal-likwidazzjoni għandha titqies bħala proċedimenti ta’ falliment jew insolvenza mibdija bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti.
Artikolu 21
Ġuriżdizzjoni fi proċedimenti pre-pack
Il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fi proċedimenti pre-pack għandu jkollha ġuriżdizzjoni esklużiva fi kwistjonijiet relatati mal-ambitu u l-effetti tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu fi proċedimenti pre-pack fuq id-djun u l-obbligazzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu
Kapitolu 2
Fażi ta’ preparazzjoni
Artikolu 22
Is-superviżur
1.L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fuq talba tad-debitur, il-qorti taħtar superviżur.
Il-ħatra tas-superviżur għandha tibda l-fażi tal-preparazzjoni msemmija fl-Artikolu
, il-paragrafu 1.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżur:
(a)jiddokumenta u jirrapporta kull pass tal-proċess tal-bejgħ;
(b)tiġġustifika għaliex iqis li l-proċess tal-bejgħ huwa kompetittiv, trasparenti, ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq;
(c)jirrakkomanda l-ogħla offerent bħala l-akkwirent pre-pack, f’konformità mal-Artikolu 30;
(d)tiddikjara jekk iqisx li l-aħjar offerta ma tikkostitwixxix ksur manifest tat-test tal-aħjar interess tal-kredituri.
L-azzjonijiet mis-superviżur elenkati fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru bil-miktub, u jkunu disponibbli f’format diġitali u fil-ħin għall-partijiet kollha involuti fil-fażi tal-preparazzjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin biss ikunu jistgħu jinħatru bħala superviżuri:
(a)huma jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-prattikanti fl-insolvenza fl-Istat Membru fejn jinbdew il-proċedimenti pre-pack;
(b)huma jkunu jistgħu fil-fatt jinħatru bħala prattikanti fl-insolvenza fil-fażi tal-likwidazzjoni sussegwenti.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-fażi tal-preparazzjoni, id-debitur jibqa’ jikkontrolla l-assi tiegħu u l-operat ta’ kuljum tan-negozju.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni tas-superviżur titħallas:
(a)mid-debitur fejn ma jkun hemm l-ebda fażi tal-likwidazzjoni sussegwenti;
(b)mill-patrimonju tal-insolvenza bħala spiża amministrattiva preferenzjali fejn issegwi fażi tal-likwidazzjoni.
Artikolu 23
Sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul il-fażi tal-preparazzjoni, fejn id-debitur ikun f’sitwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ insolvenza jew ikun insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali, id-debitur jista’ jibbenefika minn sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva (UE) 2019/1023, fejn dan jiffaċilita l-introduzzjoni bla xkiel u effettiva tal-proċedimenti pre-pack. Is-superviżur għandu jinstema’ qabel id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali.
Artikolu 24
Prinċipji applikabbli għall-proċess tal-bejgħ
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess tal-bejgħ imwettaq matul il-fażi tal-preparazzjoni jkun kompetittiv, trasparenti, ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq.
2.Meta l-proċess tal-bejgħ jipproduċi biss offerta vinkolanti waħda, dik l-offerta għandha titqies li tirrifletti l-prezz tas-suq tan-negozju.
3.L-Istati Membri jistgħu jitbiegħdu mill-paragrafu 1 biss meta l-qorti tmexxi subbasta pubblika fil-fażi tal-likwidazzjoni skont l-Artikolu 26. F’dan il-każ, ma għandux japplika l-Artikolu 22(2), il-punt (b).
Kapitolu 3
Fażi ta’ likwidazzjoni
Artikolu 25
Ħatra tal-prattikant fl-insolvenza
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tinbeda l-fażi tal-likwidazzjoni, il-qorti taħtar is-superviżur imsemmi fl-Artikolu
bħala prattikant fl-insolvenza.
Artikolu 26
Awtorizzazzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tinfetaħ il-fażi tal-likwidazzjoni, il-qorti tawtorizza l-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu lill-akkwirent propost mis-superviżur, dment li dan tal-aħħar ikun ħareġ opinjoni li tikkonferma li l-proċess tal-bejgħ li jkun sar matul il-fażi tal-preparazzjoni kien konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22(2) u (3), u fl-Artikolu 24(1) u (2).
Il-qorti ma għandhiex tawtorizza l-bejgħ meta r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu
(2) u (3) u fl-Artikolu
(1) u (2) ma jiġux issodisfati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ tal-aħħar, il-qorti tkompli bil-proċedimenti ta’ insolvenza.
2.F’każ li l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 24(3), is-subbasta pubblika msemmija f’dik id-dispożizzjoni ma għandhiex iddum aktar minn erba’ ġimgħat u għandha tinbeda fi żmien ġimagħtejn mill-ftuħ tal-fażi tal-likwidazzjoni. L-offerta magħżula mis-superviżur għandha tintuża bħala l-offerta inizjali fis-subbasta pubblika. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjonijiet mogħtija lill-offerent inizjali fil-fażi tal-preparazzjoni, bħar-rimborż tal-ispejjeż jew miżati ta’ ksur, ikunu proporzjonati u korrispondenti, u ma jfixklux lill-partijiet potenzjalment interessati milli jagħmlu offerti fil-fażi tal-likwidazzjoni.
Artikolu 27
Ċessjoni jew terminazzjoni ta’ kuntratti eżekutorji
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir ċessjoni lill-akkwirent tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu tal-kuntratti eżekutorji li huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur u li s-sospensjoni tagħhom twassal għal waqfien tan-negozju. Iċ-ċessjoni ma għandhiex teħtieġ il-kunsens tal-kontroparti jew kontropartijiet tad-debitur.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk l-akkwirent tan-negozju tad-debitur jew parti minnu jkun kompetitur tal-kontroparti jew kontropartijiet tad-debitur.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tista’ tiddeċiedi li ttemm il-kuntratti eżekutorji msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, dment li tapplika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)it-terminazzjoni tkun fl-interess tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu;
(b)il-kuntratt eżekutorju jkun fih obbligi ta’ servizz pubbliku li għalihom il-kontroparti hija awtorità pubblika u l-akkwirent tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu ma jissodisfax l-obbligi tekniċi u legali biex jitwettqu s-servizzi previsti f’tali kuntratt.
Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal kuntratti eżekutorji relatati ma’ liċenzji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali.
3.Il-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni jew għat-terminazzjoni ta’ kuntratti eżekutorji għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru fejn tkun inbdiet il-fażi tal-likwidazzjoni.
Artikolu 28
Djun u obbligazzjonijiet tan-negozju miksub permezz tal-proċedimenti pre-pack
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-akkwirent jakkwista n-negozju tad-debitur jew parti minnu mingħajr djun u obbligazzjonijiet, sakemm l-akkwirent ma jkunx espressament qabel li jħallas id-djun u l-obbligazzjonijiet tan-negozju jew parti minnu.
Artikolu 29
Regoli speċifiċi dwar l-effetti ta’ sospensjoni tal-appelli
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appelli kontra deċiżjonijiet tal-qorti relatati mal-awtorizzazzjoni jew mal-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu jista’ jkollhom effetti ta’ sospensjoni biss soġġetti għall-għoti mill-appellant ta’ garanzija li tkun adegwata biex tkopri d-danni potenzjali kkawżati mis-sospensjoni tar-realizzazzjoni tal-bejgħ.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti li tkun qed tisma’ l-appell ikollha l-possibbiltà li teżenta lil persuna fiżika li tressaq appell, totalment jew parzjalment, mill-għoti ta’ garanzija jekk tqis li tali eżenzjoni tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari.
Kapitolu 4
Dispożizzjonijiet rilevanti għaż-żewġ fażijiet tal-proċedimenti pre-pack
Artikolu 30
Kriterji biex tintgħażel l-aħjar offerta
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji biex tintgħażel l-aħjar offerta fil-proċedimenti pre-pack ikunu l-istess bħall-kriterji użati għall-għażla bejn offerti kompetenti fi proċedimenti ta’ stralċ.
Artikolu 31
Responsabbiltà ċivili tas-superviżur u tal-prattikant fl-insolvenza
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżur u l-prattikant fl-insolvenza jkunu responsabbli għad-danni li n-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan it-Titolu jikkawża lill-kredituri u lil partijiet terzi affettwati mill-proċedimenti pre-pack.
Artikolu 32
Partijiet relatati mill-qrib mad-debitur fil-proċess tal-bejgħ
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet relatati mill-qrib mad-debitur ikunu eliġibbli li jakkwistaw in-negozju tad-debitur jew parti minnu, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)jiżvelaw fil-ħin lis-superviżur u lill-qorti r-relazzjoni tagħhom mad-debitur;
(b)partijiet oħra fil-proċess tal-bejgħ jirċievu informazzjoni adegwata dwar l-eżistenza ta’ partijiet relatati mill-qrib mad-debitur u r-relazzjoni tagħhom ma’ dan tal-aħħar;
(c)il-partijiet li ma humiex relatati mill-qrib mad-debitur jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu offerta.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li meta jiġi ppruvat li d-dmir ta’ divulgazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ikun inkiser, il-qorti tirrevoka l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu
.
2.Meta l-offerta magħmula minn parti relatata mill-qrib mad-debitur tkun l-unika offerta eżistenti, l-Istati Membri għandhom jintroduċu salvagwardji addizzjonali għall-awtorizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu. Dawn is-salvagwardji għandhom tal-anqas jinkludu d-dmir tas-superviżur u l-prattikant fl-insolvenza li jirrifjutaw l-offerta mill-parti relatata mill-qrib mad-debitur jekk l-offerta ma tissodisfax it-test tal-aħjar interess tal-kredituri.
Artikolu 33
Miżuri biex jiġi mmassimizzat il-valur tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu
1.Fejn ikun meħtieġ finanzjament interim, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)is-superviżur jew il-prattikant fl-insolvenza jieħu l-passi meħtieġa biex jikseb finanzjament interim bl-inqas kost possibbli;
(b)il-konċedenti ta’ finanzjament interim ikunu intitolati għad-dritt li jirċievu ħlas bi prijorità fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti b’rabta ma’ kredituri oħrajn li kien ikollhom, mod ieħor, pretensjonijiet superjuri jew ugwali;
(c)interessi fuq il-garanzija fuq ir-rikavat mill-bejgħ jistgħu jingħataw lill-fornituri ta’ finanzjament interim sabiex jiġi żgurat ir-rimborż;
(d)il-finanzjament interim huwa eliġibbli li jiġi paċut kontra l-prezz li għandu jiġi żborżat taħt l-offerta aġġudikata, meta jiġi pprovdut minn offerenti interessati.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda dritt ta’ prelazzjoni ma jingħata lill-offerenti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-interessi tal-garanzija jxekklu lin-negozju soġġett għall-proċedimenti pre-pack, il-kredituri li jkunu l-benefiċjarji ta’ dawk l-interessi tal-garanzija jistgħu jpaċu l-pretensjonijiet tagħhom fl-offerta tagħhom biss sakemm il-valur ta’ dawk it-talbiet ikun ferm inqas mill-valur tas-suq tan-negozju.
Artikolu 34
Ħarsien tal-interessi tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri kif ukoll id-detenturi ta’ ekwità tan-negozju tad-debitur ikollhom id-dritt li jinstemgħu mill-qorti qabel l-awtorizzazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati sabiex jiżguraw l-effettività tad-dritt għal smigħ skont l-ewwel subparagrafu.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu bil-liġi ma jagħtux id-dritt għal smigħ:
(a)lill-kredituri jew id-detenturi ta’ ekwità li ma jirċievu l-ebda pagament jew ma jżommu l-ebda interess skont il-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet tal-likwidazzjoni skont id-dritt nazzjonali;
(b)lill-kredituri ta’ kuntratti eżekutorji li l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur ikunu nħolqu qabel l-awtorizzazzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu u li suppost jitħallsu bis-sħiħ skont it-termini tal-offerta pre-pack.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interessi tal-garanzija jiġu rilaxxati fi proċedimenti pre-pack skont l-istess rekwiżiti li japplikaw fi proċedimenti ta’ stralċ.
4.L-Istati Membri li fihom ikun meħtieġ il-kunsens mid-detenturi ta’ pretensjonijiet garantiti fi proċedimenti ta’ stralċ għar-rilaxx ta’ interessi ta’ garanzija jistgħu jitbiegħdu mill-ħtieġa ta’ tali kunsens, sakemm l-interessi tal-garanzija jkunu relatati ma’ assi li huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kuljum tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu u tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-kredituri ta’ pretensjonijiet garantiti jonqsu milli jagħtu prova li l-offerta pre-pack ma tissodisfax it-test tal-aħjar interess tal-kredituri;
(b)il-kredituri ta’ pretensjonijiet garantiti ma jkunux issottomettew (direttament jew permezz ta’ parti terza) offerta ta’ akkwiżizzjoni vinkolanti alternattiva li tippermetti lill-patrimonju ta’ insolvenza jikseb irkupru aħjar milli bl-offerta pre-pack proposta.
Artikolu 35
Impatt tal-proċeduri tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq iż-żmien jew l-eżitu b’suċċess tal-offerta
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun hemm riskju sinifikanti ta’ dewmien li jirriżulta minn proċedura bbażata fuq id-dritt tal-kompetizzjoni jew minn deċiżjoni negattiva minn awtorità tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ offerta magħmula matul il-fażi tal-preparazzjoni, is-superviżur għandu jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ offerti alternattivi.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżur ikun jista’ jirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-eżiti tagħhom li jistgħu jaffettwaw iż-żmien jew l-eżitu b’suċċess tal-offerta, b’mod partikolari permezz tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-offerenti jew l-għoti ta’ rinunzja għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn applikabbli. F’dak ir-rigward, is-superviżur għandu jkun soġġett għal dmir ta’ kunfidenzjalità sħiħa.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta offerta tinvolvi riskju apprezzabbli ta’ dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1, dik l-offerta tista’ tiġi injorata, dment li japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tali offerta ma tkunx l-unika offerta eżistenti;
(b)id-dewmien fil-konklużjoni tal-bejgħ tan-negozju pre-pack mal-offerent ikkonċernat jirriżulta f’dannu għan-negozju tad-debitur jew parti minnu.
Titolu V
DMIR TAD-DIRETTURI LI JITOLBU L-BIDU TA’ PROĊEDIMENTI TA’ INSOLVENZA U R-RESPONSABBILTÀ ĊIVILI
Artikolu 36
Dmir li jintalab il-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta entità ġuridika ssir insolventi, id-diretturi tagħha jkunu obbligati li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza mal-qorti mhux aktar tard minn 3 xhur wara li d-diretturi jsiru konxji jew jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkunu konxji li l-entità ġuridika hija insolventi.
Artikolu 37
Responsabbiltà ċivili tad-diretturi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi tal-entità ġuridika insolventi jkunu responsabbli għad-danni mġarrba mill-kredituri minħabba n-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 36.
2.Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ksur tad-dmir tad-diretturi li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kif stabbilit fl-Artikolu 36 li huma aktar stretti lejn id-diretturi.
Titolu VI
STRALĊ TA’ MIKROINTRAPRIŻI INSOLVENTI
Kapitolu 1
Regoli ġenerali
Artikolu 38
Regoli dwar l-istralċ ta’ mikrointrapriżi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikrointrapriżi, meta jkunu insolventi, ikollhom aċċess għal proċedimenti ta’ stralċ simplifikati li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Titolu.
2.Mikrointrapriża għandha titqies insolventi għall-finijiet ta’ proċedimenti simplifikati ta’ stralċ meta ġeneralment ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha hekk kif jimmaturaw. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom mikrointrapriża titqies li ġeneralment ma tistax tħallas id-djun tagħha hekk kif jimmaturaw u jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ċari, sempliċi u faċilment aċċertabbli mill-mikrointrapriża kkonċernata.
3.Il-bidu u t-twettiq ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati ma jistgħux jiġu miċħuda minħabba li d-debitur ma għandu l-ebda assi jew l-assi tiegħu ma humiex biżżejjed biex ikopru l-kostijiet tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kostijiet tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jkunu koperti fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
Artikolu 39
Prattikant fl-insolvenza
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, prattikant fl-insolvenza jista’ jinħatar biss jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)id-debitur, kreditur jew grupp ta’ kredituri jitolbu tali ħatra;
(b)il-kostijiet tal-intervent tal-prattikant fl-insolvenza jistgħu jiġu ffinanzjati mill-patrimonju tal-insolvenza jew mill-parti li talbet il-ħatra.
Artikolu 40
Mezzi ta’ komunikazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, il-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtorità kompetenti u, fejn rilevanti, il-prattikant fl-insolvenza, minn naħa waħda, u l-partijiet għal proċedimenti bħal dawn, min-naħa l-oħra, jistgħu jitwettqu b’mezzi elettroniċi, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
Kapitolu 2
Ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati
Artikolu 41
Talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikrointrapriżi insolventi jkunu jistgħu jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati lil awtorità kompetenti.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe kreditur ta’ mikrointrapriża insolventi jkun jista’ jissottometti talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati kontra l-mikrointrapriża lil awtorità kompetenti. Il-mikrointrapriża kkonċernata għandha tingħata l-opportunità li twieġeb għat-talba, billi tikkontestaha jew taqbel magħha.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikrointrapriżi jkunu jistgħu jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati bl-użu ta’ formola standard.
4.Il-formola standard imsemmija fil-paragrafu 3 għandha tippermetti l-inklużjoni, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni li ġejja:
(a)jekk id-debitur huwa kumpanija jew persuna ġuridika, isem id-debitur, in-numru ta’ reġistrazzjoni, l-uffiċċju rreġistrat jew, jekk differenti, l-indirizz postali;
(b)jekk il-mikrointrapriża hija imprenditur, isem id-debitur, in-numru ta’ reġistrazzjoni, jekk jeżisti, u l-indirizz postali jew, fejn l-indirizz huwa protett, il-post u d-data tat-twelid tad-debitur;
(c)lista tal-assi tal-mikrointrapriża;
(d)l-isem, l-indirizz jew dettalji oħra ta’ kuntatt tal-kredituri tal-mikrointrapriża, kif magħrufa mill-mikrointrapriża fiż-żmien tas-sottomissjoni tat-talba,
(e)il-lista tal-pretensjonijiet kontra l-mikrointrapriża u, għal kull pretensjoni, l-ammont tagħha li jispeċifika l-kapital u, fejn applikabbli, l-imgħax u d-data ta’ meta bdiet u d-data meta kellha titħallas, jekk tkun differenti;
(f)jekk hix allegata garanzija in rem jew riżerva ta’ titolu fir-rigward ta’ ċerta pretensjoni u, jekk iva, liema assi huma koperti mill-interess ta’ garanzija.
5.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formola standard imsemmija fil-paragrafu 3 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 69(2).
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati tiġi sottomessa minn kreditur, u l-mikrointrapriża tesprimi l-kunsens tagħha għall-ftuħ tal-proċedimenti, il-mikrointrapriża hija meħtieġa tissottometti l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 4 flimkien mat-tweġiba msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn disponibbli.
7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati tiġi sottomessa minn kreditur u l-awtorità kompetenti tiftaħ tali proċedimenti minkejja li l-mikrointrapriża tikkontesta jew ma tirrispondix għat-talba, il-mikrointrapriża tkun meħtieġa tissottometti l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tirċievi l-avviż tal-bidu tal-proċedimenti.
Artikolu 42
Deċiżjoni dwar it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni dwar it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tirċievi t-talba.
2.Il-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jista’ jiġi rrifjutat biss jekk tiġi ssodisfata waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)id-debitur ma huwiex mikrointrapriża;
(b)id-debitur ma jkunx insolventi skont l-Artikolu 38(2) ta’ din id-Direttiva;
(c)l-awtorità kompetenti fejn tkun ġiet sottomessa t-talba ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fuq il-każ;
(d)l-Istat Membru fejn tkun ġiet sottomessa t-talba ma jkollu l-ebda ġuriżdizzjoni internazzjonali fuq il-każ.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikrointrapriża jew kwalunkwe kreditur tal-mikrointrapriża jkunu jistgħu jikkontestaw quddiem qorti d-deċiżjoni dwar it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati. Il-kontestazzjoni ma għandha l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq il-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati u għandha tiġi ttrattata minnufih mill-qorti.
Artikolu 43
Debitur fil-pussess
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4, id-debituri li jaċċessaw proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jibqgħu jikkontrollaw l-assi tagħhom u l-operat ta’ kuljum tan-negozju.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jinħatar prattikant fl-insolvenza, l-awtorità kompetenti tispeċifika fid-deċiżjoni dwar il-ħatra jekk id-drittijiet u d-dmirijiet għall-ġestjoni u d-disponiment tal-assi tad-debitur humiex trasferiti lill-prattikant fl-insolvenza.
3.L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom l-awtorità kompetenti tista’, b’mod eċċezzjonali, tiddeċiedi li tneħħi d-dritt tad-debitur li jiġġestixxi u jiddisponi mill-assi tiegħu. Tali deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq valutazzjoni każ b’każ fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-liġi u tal-fatti.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta d-debitur ma jibqax ikollu d-dritt li jiġġestixxi u jiddisponi mill-assi tiegħu u ma jinħatar l-ebda prattikant fl-insolvenza, japplika wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)kwalunkwe deċiżjoni tad-debitur għal dak il-għan issir soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, jew
(b)l-awtorità kompetenti tafda d-dritt li timmaniġġja u tiddisponi mill-assi tad-debitur lil kreditur.
Artikolu 44
Sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri jibbenefikaw minn sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali fuq id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tiftaħ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati u sal-għeluq ta’ dawk il-proċedimenti.
2.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità kompetenti teskludi, fuq talba mid-debitur jew minn kreditur, pretensjoni mill-ambitu tas-sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-eżekuzzjoni aktarx li ma tipperikolax l-aspettattivi leġittimi tal-korp ġenerali tal-kredituri u;
(b)is-sospensjoni tippreġudika inġustament lill-kredituri ta’ dik il-pretensjoni.
Artikolu 45
Pubbliċità tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati tiġi ppubblikata fir-reġistru ta’ insolvenza msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/848, mill-aktar fis possibbli wara l-bidu.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tinforma minnufih lid-debitur u lill-kredituri magħrufa kollha, permezz ta’ avviżi individwali, bil-bidu ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati.
L-avviż għandu jinkludi, b’mod partikolari:
(a)il-lista ta’ pretensjonijiet kontra d-debitur kif indikata mid-debitur;
(b)stedina lill-kreditur biex jippreżenta kwalunkwe pretensjoni mhux inkluża fil-lista msemmija fil-punt (a) jew biex jirrettifika kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta dwar dawk il-pretensjonijiet mhux aktar tard minn 30 jum wara li jirċievi l-avviż;
(c)dikjarazzjoni dwar dan li tgħid li, mingħajr azzjoni ulterjuri mill-kreditur, il-pretensjonijiet inklużi fil-lista msemmija fil-punt (a) se jitqiesu bħala ppreżentati mill-kreditur ikkonċernat.
Kapitolu 3
Lista ta’ pretensjonijiet u stabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza
Artikolu 46
Preżentazzjoni u ammissjoni ta’ pretensjonijiet
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet kontra d-debitur jitqiesu bħala ppreżentati mingħajr ebda azzjoni ulterjuri mill-kredituri kkonċernati, fejn dawk il-pretensjonijiet jiġu indikati mid-debitur f’waħda mis-sottomissjonijiet li ġejjin:
(a)fit-talba tiegħu għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati;
(b)fit-tweġiba tiegħu għat-talba għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti ppreżentata minn kreditur;
(c)fis-sottomissjoni tiegħu skont l-Artikolu 41(7).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe kreditur ikun jista’ jippreżenta pretensjonijiet li ma jkunux inklużi fis-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew jagħmel dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni jew iqajjem tħassib dwar pretensjonijiet inklużi f’waħda minn dawk is-sottomissjonijiet, fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tad-data tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fir-reġistru ta’ insolvenza jew, fil-każ ta’ kreditur magħruf, mill-wasla tal-avviż individwali msemmi fl-Artikolu 45, skont liema jsir l-aħħar.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe oġġezzjoni jew tħassib ikkomunikat minn kreditur fil-perjodu ta’ żmien indikat fil-paragrafu 2, pretensjoni inkluża fis-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 titqies li ma tkunx ġiet ikkontestata u għandha tiġi ammessa b’mod definittiv kif iddikjarat fih.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jew, fejn maħtur, il-prattikant fl-insolvenza jista’ jammetti jew jiċħad l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet ippreżentati minn kreditur, minbarra l-pretensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, f’konformità mal-paragrafu 2 u l-kriterji xierqa ddefiniti mid-dritt nazzjonali.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet ikkontestati jiġu ttrattati fil-pront jew mill-awtorità kompetenti jew minn qorti. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tkompli l-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fir-rigward ta’ pretensjonijiet mhux ikkontestati.
Artikolu 47
Azzjonijiet revokatorji
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji japplikaw kif ġej fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikat:
(a)l-insegwiment u l-eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet revokatorji ma għandhomx ikunu obbligatorji, iżda għandhom jitħallew għad-diskrezzjoni tal-kredituri jew, fejn applikabbli, tal-prattikant fl-insolvenza;
(b)kwalunkwe deċiżjoni mill-kredituri li ma jibdewx azzjonijiet revokatorji ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tad-debitur skont id-dritt ċivili jew kriminali, fejn aktar tard jiġi skopert li l-informazzjoni kkomunikata mid-debitur dwar l-assi jew l-obbligazzjonijiet ġiet moħbija jew falsifikata;
(c)l-awtorità kompetenti tista’ tikkonverti proċedimenti ta’ stralċ simplifikati fi proċedimenti ta’ insolvenza standard, fejn it-twettiq ta’ proċedimenti revokatorji skont proċedimenti ta’ stralċ simplifikati ma jkunx possibbli minħabba s-sinifikat tal-pretensjonijiet soġġetti għal proċedimenti revokatorji fir-rigward tal-valur tal-patrimonju tal-insolvenza, u minħabba t-tul antiċipat tal-proċedimenti revokatorji.
Artikolu 48
Stabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jew, fejn maħtur, il-prattikant fl-insolvenza, jiddetermina l-lista finali ta’ assi li jikkostitwixxu l-patrimonju tal-insolvenza, abbażi tal-lista ta’ assi ppreżentati mid-debitur kif imsemmi fl-Artikolu 41(4), il-punt (c) u tal-informazzjoni addizzjonali rilevanti li tasal wara.
2.L-assi tal-patrimonju tal-insolvenza għandhom jinkludu assi fil-pussess tad-debitur fiż-żmien tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, assi akkwistati wara s-sottomissjoni tat-talba għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti u assi rkuprati permezz ta’ azzjonijiet revokatorji jew azzjonijiet oħra.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta d-debitur ikun imprenditur, l-awtorità kompetenti jew, jekk jinħatar, il-prattikant fl-insolvenza jispeċifika liema assi huma esklużi mill-patrimonju tal-insolvenza u għalhekk jistgħu jinżammu mid-debitur.
Kapitolu 4
Realizzazzjoni tal-assi u distribuzzjoni tar-rikavati
Artikolu 49
Deċiżjoni dwar il-proċedura li għandha tintuża
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, ladarba jkun ġie stabbilit il-patrimonju tal-insolvenza u tkun ġiet iddeterminata l-lista ta’ pretensjonijiet kontra d-debitur, l-awtorità kompetenti:
(a)tipproċedi bir-realizzazzjoni tal-assi u d-distribuzzjoni tar-rikavati; jew
(b)tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati mingħajr ebda realizzazzjoni tal-assi, f’konformità mal-paragrafu 2.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq immedjat tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati mingħajr ebda realizzazzjoni tal-assi, biss jekk tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ma jkunx hemm assi fil-patrimonju tal-insolvenza;
(b)l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza jkunu ta’ valur tant baxx li ma jiġġustifikawx il-kostijiet jew iż-żmien għall-bejgħ tagħhom u d-distribuzzjoni tar-rikavati;
(c)il-valur apparenti tal-assi gravati huwa inqas mill-ammont dovut lill-kreditur(i) garantit(i) u l-awtorità kompetenti tqis li huwa ġġustifikat li tippermetti lil dawk il-kreditur(i) garantit(i) jieħdu f’idejh(om) l-assi(i).
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtorità kompetenti tipproċedi bir-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tispeċifika wkoll il-mezzi ta’ realizzazzjoni tal-assi. Mezzi oħra għajr il-bejgħ tal-assi tad-debitur permezz ta’ subbasta pubblika elettronika jistgħu jintgħażlu biss jekk l-użu tagħhom jitqies aktar xieraq fid-dawl tan-natura tal-assi jew taċ-ċirkostanzi tal-proċedimenti.
Artikolu 50
Sistemi ta’ subbasti elettroniċi għall-bejgħ tal-assi tad-debitur
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ pjattaforma jew pjattaformi tas-subbasti elettroniċi fit-territorju tagħhom għall-fini tal-bejgħ tal-assi tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li għall-finijiet tal-bejgħ tal-assi tad-debitur, l-utenti jistgħu wkoll jagħmlu offerti għax-xiri tan-negozju tad-debitur bħala negozju avvjat.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tas-subbasti elettroniċi, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jintużaw kull meta n-negozju jew l-assi tad-debitur soġġetti għal proċedimenti ta’ stralċ simplifikati jiġu realizzati permezz ta’ subbasta.
3.L-Istati Membri jistgħu jestendu l-użu tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għall-bejgħ tan-negozju jew tal-assi tad-debitur li huma soġġetti għal tipi oħra ta’ proċedimenti ta’ insolvenza miftuħa fit-territorju tagħhom.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tas-subbasti elettroniċi, kif imsemmi fil-paragrafu 1, ikunu aċċessibbli mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha b’domiċilju jew post ta’ reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. L-aċċess għas-sistema tas-subbasta jista’ jkun soġġett għal identifikazzjoni elettronika tal-utent, f’liema każ il-persuni b’domiċilju jew post ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu jistgħu jużaw l-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika tagħhom, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014
Artikolu 51
Interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi
1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema għall-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ subbasti elettroniċi kif imsemmi fl-Artikolu 50permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Is-sistema għandha tkun magħmula minn sistemi nazzjonali ta’ subbasti elettroniċi interkonnessi permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li għandu jservi bħala punt ċentrali ta’ aċċess elettroniku fis-sistema. Is-sistema għandu jkun fiha bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni informazzjoni dwar il-proċessi kollha tas-subbasta mħabbra fil-pjattaformi nazzjonali tas-subbasti elettroniċi, tippermetti t-tiftix fost dawn il-proċessi tas-subbasti u tipprovdi iperlinks li jwasslu għall-paġni tas-sistemi nazzjonali fejn l-offerti jistgħu jiġu ppreżentati direttament.
2.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni speċifikazzjonijiet u proċeduri tekniċi meħtieġa biex jipprevedu l-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali tas-subbasti elettroniċi tal-Istati Membri, li jistabbilixxu:
(a)l-ispeċifikazzjoni(jiet) teknika/ċi li tiddefinixxi l-metodi ta’ komunikazzjoni u skambju ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi abbażi tal-ispeċifikazzjoni tal-interfaċċa stabbilita għas-sistema ta’ interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi;
(b)il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informatika għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi;
(c)is-sett minimu ta’ informazzjoni li għandu jsir aċċessibbli permezz tal-pjattaforma ċentrali;
(d)il-kriterji minimi għall-preżentazzjoni tal-proċessi tas-subbasta mħabbra permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika;
(e)il-kriterji minimi għat-tfittxija ta’ proċessi tas-subbasta mħabbra permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika;
(f)il-kriterji minimi biex l-utenti jiġu ggwidati lejn il-pjattaforma tas-sistema nazzjonali tas-subbasti tal-Istat Membru fejn jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom direttament fil-proċessi tas-subbasta mħabbra;
(g)il-mezzi u l-kundizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti mis-sistema ta’ interkonnessjoni;
(h)l-użu tal-identifikatur uniku Ewropew imsemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132,
(i)l-ispeċifikazzjoni ta’ liema data personali tista’ tiġi aċċessata;
(j)salvagwardji għall-protezzjoni tad-data.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 69(
), sa [sena wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni].
Artikolu 52
Kostijiet tal-istabbiliment u tal-interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi
1.L-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-sistema ta’ interkonnessjoni tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi għandhom kif imsemmija fl-Artikolu 50 għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2.Kull Stat Membru għandu jassumi l-kostijiet marbuta mal-istabbiliment u l-aġġustament tas-sistemi tas-subbasti elettroniċi nazzjonali tiegħu biex jagħmilhom interoperabbli mal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, kif ukoll il-kostijiet tal-amministrazzjoni, tat-tħaddim u taż-żamma ta’ dawk is-sistemi. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li japplika għal għotjiet biex jiġu appoġġati tali attivitajiet taħt il-programmi finanzjarji tal-Unjoni.
Artikolu 53
Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali fis-sistema ta’ interkonnessjoni tal-pjattaformi tas-subbasti elettroniċi
1.Il-Kummissjoni għandha teżerċita r-responsabbiltajiet tal-kontrollur skont l-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħha definiti f’dan l-Artikolu.
2.Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-linji politiċi meħtieġa u tapplika s-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan l-ambitu tal-funzjoni ta’ kontrollur.
3.Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-miżuri tekniċi meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tad-data personali fit-tranżitu, b’mod partikolari l-kunfidenzjalità u l-integrità għal kwalunkwe trażmissjoni lejn il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u minnu.
4.Fir-rigward tal-informazzjoni mis-sistemi tas-subbasti nazzjonali interkonnessi, ma għandha tinħażen l-ebda data personali relatata mas-suġġetti tad-data fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Id-data kollha ta’ dan it-tip għandha tiġi maħżuna f’sistemi tas-subbasti nazzjonali mħaddma mill-Istati Membri jew entitajiet oħrajn.
Artikolu 54
Bejgħ tal-assi permezz ta’ subbasta elettronika
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-subbasta elettronika tal-assi tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati tiġi mħabbra biżżejjed minn qabel fuq il-pjattaforma tas-subbasti elettroniċi msemmija fl-Artikolu 50.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jew, fejn rilevanti, il-prattikant fl-insolvenza, jinfurmaw permezz ta’ avviżi individwali lill-kredituri magħrufa kollha dwar l-oġġett, il-ħin u d-data tas-subbasta elettronika, kif ukoll dwar ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fiha.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna interessata, inklużi l-azzjonisti jew id-diretturi eżistenti tad-debitur, titħalla tipparteċipa fis-subbasta elettronika u tippreżenta offerti.
4.Jekk ikun hemm offerti kemm fuq l-akkwiżizzjoni tan-negozju tad-debitur bħala negozju avvjat kif ukoll fuq l-assi individwali tal-patrimonju tal-insolvenza, il-kredituri għandhom jiddeċiedu liema mill-alternattivi jippreferu.
Artikolu 55
Deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikat
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara d-distribuzzjoni tar-rikavati mill-bejgħ tan-negozju jew tal-assi tad-debitur, l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tkun tlestiet id-distribuzzjoni tar-rikavati.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ simplifikati tinkludi speċifikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien li jwassal għall-kwittanza tad-debitur tal-imprenditur jew ta’ dawk il-fundaturi, sidien jew membri ta’ debitur ta’ mikrointrapriża b’responsabbiltà mhux limitata li huma personalment responsabbli għad-djun tad-debitur.
Kapitolu 5
Ħelsien mid-dejn ta’ imprendituri fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati
Artikolu 56
Aċċess għall-ħelsien mid-dejn
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati, id-debituri imprendituri, kif ukoll dawk il-fundaturi, is-sidien jew il-membri ta’ debitur mikrointrapriża b’responsabbiltà illimitata li huma personalment responsabbli għad-djun tal-mikrointrapriża jinħelsu kompletament mid-djun tagħhom f’konformità mat-Titolu III tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
Artikolu 57
Trattament ta’ garanziji personali previsti għal djun relatati man-negozju
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn proċedimenti ta’ insolvenza jew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni individwali jkunu ġew riportati fuq il-garanzija personali prevista għall-ħtiġijiet tan-negozju ta’ mikrointrapriża li hija debitur fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati kontra garanti li, f’każ li l-mikrointrapriża kkonċernata tkun persuna ġuridika, huwa fundatur, sid jew membru ta’ dik il-persuna ġuridika, jew, f’każ li l-mikrointrapriża kkonċernata tkun imprenditur, huwa membru tal-familja ta’ dak l-imprenditur, il-proċedimenti dwar il-garanzija personali jkunu jew ikkoordinati jew ikkonsolidati mal-proċedimenti simplifikati ta’ stralċ.
Titolu VII
KUMITAT TAL-KREDITURI
Kapitolu 1
Stabbiliment u membri tal-kumitat tal-kredituri
Artikolu 58
Stabbiliment tal-kumitat tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumitat tal-kredituri jiġi stabbilit biss jekk il-laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi hekk.
2.B’deroga mill-paragrafu (1) l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, il-kumitat tal-kredituri jista’ jiġi stabbilit mis-sottomissjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza meta kreditur wieħed jew aktar jissottomettu talba lill-qorti għall-istabbiliment ta’ tali kumitat.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ewwel laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni u l-kompożizzjoni tal-kumitat tal-kredituri stabbilit f’konformità mas-subparagrafu 1.
3.L-Istati Membri jistgħu jeskludu fid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri fi proċedimenti ta’ insolvenza, meta l-kostijiet ġenerali tal-involviment ta’ tali kumitat ma jkunux ġustifikati fid-dawl tar-rilevanza ekonomika baxxa tal-patrimonju tal-insolvenza, min-numru baxx ta’ kredituri jew miċ-ċirkostanza li d-debitur huwa mikrointrapriża.
Artikolu 59
Ħatra tal-membri tal-kumitat tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jinħatru jew fil-laqgħa ġenerali tal-kredituri jew b’deċiżjoni tal-qorti, fi żmien 30 jum mid-data tal-bidu tal-proċedimenti kif imsemmi fl-Artikolu 24(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2015/848.
2.Meta l-membri tal-kumitat tal-kredituri jinħatru fil-laqgħa ġenerali tal-kredituri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tiċċertifika l-ħatra fi żmien 5 jum mid-data tal-komunikazzjoni tal-ħatra lill-qorti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri maħtura tal-kumitat tal-kredituri jirriflettu b’mod ġust l-interessi differenti tal-kredituri jew tal-gruppi tagħhom.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew ammessi b’mod provviżorju biss u l-kredituri transfruntieri wkoll jkunu eliġibbli għall-ħatra fil-kumitat tal-kredituri.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe parti interessata tkun tista’ tikkontesta quddiem il-qorti l-ħatra ta’ membru wieħed jew aktar tal-kumitat tal-kredituri fuq il-bażi li l-ħatra ma saritx skont il-liġi applikabbli.
Artikolu 60
mir tal-kredituri bħala membri tal-kumitat tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jirrappreżentaw biss l-interessi tal-korp kollu tal-kredituri u jaġixxu b’mod indipendenti mill-prattikant fl-insolvenza.
B’deroga mis-subparagrafu preċedenti, l-Istati Membri jistgħu jżommu dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-istabbiliment ta’ aktar minn kumitat wieħed tal-kredituri li jirrappreżenta gruppi differenti ta’ kredituri fl-istess proċedimenti ta’ insolvenza. F’dan il-każ, il-membri tal-kumitat tal-kredituri jirrappreżentaw biss l-interessi tal-kredituri li ħatruhom.
2.Il-kumitat tal-kredituri huwa obbligat lejn il-kredituri kollha li jirrappreżenta.
Artikolu 61
Numru ta’ membri
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-numru ta’ membri li jiffurmaw il-kumitat tal-kredituri jkun mill-inqas 3 u mhux aktar minn 7.
Artikolu 62
Tneħħija ta’ membru u sostituzzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw kemm ir-raġunijiet għat-tneħħija kif ukoll is-sostituzzjoni tal-membri tal-kumitat tal-kredituri u l-proċeduri relatati. Dawk ir-regoli għandhom jipprovdu wkoll għas-sitwazzjoni fejn il-membri tal-kumitat tal-kredituri jirriżenjaw jew ma jkunux jistgħu jwettqu l-funzjonijiet meħtieġa, bħal f’każijiet ta’ mard serju jew mewt.
2.Ir-raġunijiet għat-tneħħija għandhom tal-anqas jinkludu mġiba frodulenti jew negliġenti ħafna, imġiba ħażina volontarja, jew ksur ta’ dmirijiet fiduċjarji fir-rigward tal-interessi tal-kredituri.
Kapitolu 2
Metodi ta’ ħidma u funzjoni tal-kumitat tal-kredituri
Artikolu 63
Metodu ta’ ħidma tal-kumitat tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumitat tal-kredituri jistabbilixxi protokoll ta’ metodi ta’ ħidma fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara l-ħatra tal-membri. Jekk il-kumitat tal-kredituri jonqos milli jikkonforma ma’ dan l-obbligu, il-qorti għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-protokoll f’isem il-kumitat tal-kredituri fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara l-iskadenza tal-ewwel perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol. Fl-ewwel laqgħa tal-kumitat tal-kredituri, il-membri tiegħu għandhom japprovaw il-metodi ta’ ħidma b’maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti.
2.Dak il-protokoll imsemmi fil-paragrafu (1) għandu mill-inqas jindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)l-eliġibbiltà li wieħed jattendi u jipparteċipa fil-laqgħat tal-kumitat tal-kredituri;
(b)l-eliġibbiltà għall-vot u l-kworum meħtieġ;
(c)il-kunflitt ta’ interessi;
(d)il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protokoll imsemmi fil-paragrafu (1) ikun disponibbli għall-kredituri kollha, għall-qorti u għall-prattikant fl-insolvenza.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw u jivvutaw fiżikament jew permezz ta’ mezzi elettroniċi.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jistgħu jkunu rrappreżentati minn parti mogħtija prokura.
6.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi protokoll standard permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 69(2).
Artikolu 64
Funzjoni, drittijiet, dmirijiet u setgħat tal-kumitat tal-kredituri
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-kumitat tal-kredituri tkun li jiżgura li fit-twettiq tal-proċedimenti ta’ insolvenza l-interessi tal-kredituri jiġu mħarsa u li jkunu involuti kredituri individwali.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumitat tal-kredituri jkollu mill-inqas id-drittijiet, id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:
(a)id-dritt li jisma’ lill-prattikant fl-insolvenza fi kwalunkwe mument;
(b)id-dritt li jidher u jinstema’ fi proċedimenti ta’ insolvenza;
(c)id-dmir li jissorvelja lill-prattikant fl-insolvenza, inkluż billi jikkonsulta lill-prattikant fl-insolvenza u billi jinforma lill-prattikant fl-insolvenza bix-xewqat tal-kredituri;
(d)is-setgħa li tintalab informazzjoni rilevanti u meħtieġa mid-debitur, mill-qorti jew mill-prattikant fl-insolvenza fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti ta’ insolvenza;
(e)id-dmir li jipprovdi informazzjoni lill-kredituri rrappreżentati mill-kumitat tal-kredituri u d-dritt li jirċievi informazzjoni mingħand dawk il-kredituri;
(f)id-dritt li jiġi avżat u kkonsultat dwar kwistjonijiet li jkollhom interess fihom il-kredituri rrappreżentati mill-kumitat tal-kredituri, inkluż il-bejgħ ta’ assi barra mill-kors normali tan-negozju;
(g)is-setgħa li jintalab parir estern dwar kwistjonijiet li jkollhom interess fihom il-kredituri rrappreżentati mill-kumitat tal-kredituri.
2.Meta l-Istati Membri jafdaw lill-kumitat tal-kredituri bis-setgħa li japprova ċerti deċiżjonijiet jew atti legali, huma għandhom jispeċifikaw b’mod ċar il-kwistjonijiet li għalihom tkun meħtieġa tali approvazzjoni.
Artikolu 65
Spejjeż u remunerazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw min għandu jħallas l-ispejjeż imġarrba mill-kumitat tal-kredituri fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 64.
2.Meta l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 jiġġarrbu mill-patrimonju tal-insolvenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumitat tal-kredituri jżomm rekord ta’ dawn l-ispejjeż u l-qorti jkollha l-awtorità li tillimita l-ispejjeż mhux ġustifikati u sproporzjonati.
3.Meta l-Istati Membri jippermettu li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jiġu remunerati u tali remunerazzjoni titħallas mill-patrimonju ta’ insolvenza, huma għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni tkun proporzjonata għall-funzjoni mwettqa mill-membri u li l-kumitat tal-kredituri jżomm rekord tagħha.
Artikolu 66
Responsabbiltà
Il-membri ta’ kumitat tal-kredituri huma eżentati minn responsabbiltà individwali għall-azzjonijiet tagħhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-kumitat sakemm ma jkunux wettqu mġiba negliġenti ħafna jew frodulenti, mġiba ħażina volontarja, jew ikunu kisru dmir fiduċjarju lejn il-kredituri li jirrappreżentaw.
Artikolu 67
Appell
1.Meta l-Istati Membri jafdaw lill-kumitat tal-kredituri bis-setgħa li japprova ċerti deċiżjonijiet jew tranżazzjonijiet, huma għandhom jipprevedu wkoll id-dritt ta’ appell kontra tali approvazzjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ appell tkun effiċjenti u rapida.
Titolu VIII
MIŻURI LI JSAĦĦU T-TRASPARENZA TAL-LIĠIJIET NAZZJONALI DWAR L-INSOLVENZA
Artikolu 68
Skeda ta’ informazzjoni ewlenija
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-qafas tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, skeda ta’ informazzjoni ewlenija dwar ċerti elementi tad-dritt nazzjonali dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza.
2.Il-kontenut tal-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija msemmija fil-paragrafu (1) għandu jkun preċiż, ċar u mhux qarrieqi u għandu jistabbilixxi l-fatti b’mod ibbilanċjat u ġust. Dan għandu jkun konsistenti ma’ informazzjoni oħra dwar il-liġi tal-insolvenza jew tal-falliment ipprovduta fil-qafas tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika f’konformità mal-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2015/848.
3.L-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija għandha:
(a)titfassal u tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni sa [6 xhur wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva];
(b)ikollha tul massimu ta’ ħames faċċati ta’ karta ta’ daqs A4 meta tiġi stampata, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jista’ jinqara;
(c)tinkiteb b’lingwaġġ ċar, mhux tekniku u li jinftiehem.
4.L-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija għandu jkun fiha t-taqsimiet li ġejjin fl-ordni li ġejja:
(a)il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
(b)ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet;
(c)ir-regoli li jirregolaw il-gradazzjoni tal-pretensjonijiet tal-kredituri u d-distribuzzjoni tar-rikavati mir-realizzazzjoni tal-assi li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’ insolvenza;
(d)it-tul medju rrapportat tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kif imsemmi fl-Artikolu 29(1), il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
5.It-taqsima imsemmija fil-paragrafu (4), il-punt (a) għandu jkun fiha:
(a)il-lista ta’ persuni li jistgħu jitolbu l-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(b)il-lista ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(c)fejn u kif tista’ tiġi sottomessa t-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(d)kif u meta d-debitur jiġi nnotifikat bil-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
6.It-taqsima imsemmija fil-paragrafu (4), il-punt (b) għandu jkun fiha:
(a)il-lista ta’ persuni li jistgħu jippreżentaw pretensjoni;
(b)il-lista tal-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni;
(c)il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni;
(d)fejn issib il-formola biex tippreżenta pretensjoni, fejn applikabbli;
(e)kif u fejn għandha tiġi ppreżentata pretensjoni;
(f)kif tiġi vverifikata u vvalidata l-pretensjoni.
7.It-taqsima imsemmija fil-paragrafu (4), il-punt (c) għandu jkun fiha:
(a)deskrizzjoni fil-qosor ta’ kif jiġu ggradati d-drittijiet u l-pretensjonijiet tal-kredituri;
(b)deskrizzjoni qasira ta’ kif jitqassmu r-rikavati.
8.L-Istati Membri għandhom jaġġornaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 fi żmien xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi rilevanti għad-dritt nazzjonali. L-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija għandu jkun fiha d-dikjarazzjoni li ġejja: “Din l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija hija preċiża sa [id-data tas-sottomissjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni jew id-data tal-aġġornament]”.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti biex dik l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija tiġi tradotta bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż jew, jekk l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija titfassal f’waħda minn dawk il-lingwi, fit-tnejn l-oħra, u tagħmilha aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika taħt it-taqsima tal-insolvenza/falliment għal kull Stat Membru.
9.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li timmodifika l-format tal-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija jew li testendi jew tnaqqas l-ambitu tal-informazzjoni teknika pprovduta fiha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 69(2).
Titolu IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 69
Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza (il-“Kumitat”) kif imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 70
Rieżami
Sa [5 snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 71
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 72
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi [...] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 73
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
[...]
[...]