Brussell, 20.9.2022

COM(2022) 479 final/2

2022/0294(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

   

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili bl-għan li jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni u fil-25 ta’ Settembru 2020, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 tiegħu, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil-Litwanja bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Litwanja reġgħet talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. B’segwitu għal din it-talba, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/678 tat-23 ta’ April 2021.

Fit-8 ta’ Awwissu 2022, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE għat-tielet darba.

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Litwani biex tivverifika ż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa effettiva u ppjanata relatata direttament ma’ miżuri tas-suq tax-xogħol tal-Litwanja, kawża tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jirrigwarda l-miżuri eżistenti msemmijin fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350:

(a)skema biex jitħallsu sussidji lill-impjegaturi biex ikopru l-pagi stmati għal kull persuna impjegata li tiffaċċa ħin mingħajr xogħol, bħala appoġġ matul il-kwarantina u l-istat ta’ emerġenza. Qabel l-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur kien jista’ jagħżel bejn sussidji li jkopru 70 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima, jew 90 % tas-salarju (100 % fil-każ ta’ impjegati ta’ 60 sena u aktar), sa massimu tal-paga minima. Mill-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur jista’ jirċievi sussidji biex ikopri 100 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima. L-impjegaturi li jkunu pparteċipaw fl-iskema jridu jżommu mill-inqas 50 % tal-impjegati tagħhom għal mill-inqas tliet xhur wara li jintemm is-sussidju tal-paga.

(b)skema biex jitħallsu sussidji għall-impjegati li jirritornaw miż-żmien bla xogħol, sa massimu ta’ sitt xhur wara li jirritornaw għax-xogħol. Qabel l-1 ta’ Lulju 2021, is-sussidji kienu soġġetti għal limitu massimu tal-paga minima jew tad-doppju tal-paga minima, skont l-attività ekonomika mwettqa mill-impjegatur. L-ammont tas-sussidji mħallsa fl-ewwel u fit-tieni xahar wara r-ritorn għax-xogħol jista’ jilħaq sa 100 % tas-salarju tal-impjegat, fit-tielet u r-raba’ xahar sa 50 %, u fil-ħames u s-sitt xahar sa 30 %. Mill-1 ta’ Lulju 2021, tħallsu sussidji lil impjegati li rritornaw minn żmien bla xogħol, għal perjodu ta’ sa xahrejn wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Is-sussidju fl-ewwel xahar jikkonsisti f’100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,9 darbiet il-paga minima, fit-tieni xahar 100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,6 darbiet il-paga minima. Dawk is-sussidji jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jgħinu biex jinżammu r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti.

Il-Litwanja pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja lil-Litwanja skont ir-Regolament SURE b’appoġġ tal-miżura msemmija.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li l-proposta qed issir bis-saħħa tiegħu.

Din il-proposta ġejja flimkien ma’strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri u biex jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu 2020.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom mir-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ġejja wara talba mill-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom mir-riskju ta’ qgħad u telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt dirett fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija kkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bl-għan li mbagħad tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istat Membru, hemm salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li jistgħu jingħataw riżorsi suffiċjenti lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; u

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2022/0294 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara talba mingħand il-Litwanja fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 2 , ta assistenza finanzjarja lil-Litwanja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 602 310 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Litwanja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)Is-self kellu jintuża mil-Litwanja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(3)Wara t-tieni talba mingħand il-Litwanja fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/678 3 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, ta assistenza finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 354 950 000 lil-Litwanja billi żied l-ammont ta’ self massimu għal EUR 957 260 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Litwanja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(4)Is-self addizzjonali kellu jintuża mil-Litwanja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/678 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(5)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Dan wassal għal żieda f’daqqa u li għadha qawwija fin-nefqa pubblika mil-Litwanja fir-rigward tal-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3 (a) u (b) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(6)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Litwanja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom u għad qed ikollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Litwanja kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,3 % u 46,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqsu għal 1,0 % u 44,3 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, huwa mbassar li l-Litwanja jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 4,6 % u 42,7 % tal-PDG rispettivament sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2022 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Litwanja huwa proġettat li jiżdied b’1,9 % fl-2022.

(7)Fit-8 ta’ Awwissu 2022, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni għal ammont ta’ EUR 141 800 000, bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Litwanja estendiet jew emendat ulterjorment l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi (8) sa (9).

(8)Fil-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata bil-“Liġi Nru XIII-2822” tas-17 ta’ Marzu 2020, il-“Liġi Nru XIII-2846” tas-7 ta’ April 2020, il-“Liġi Nru XIII-3005” tal-4 ta’ Ġunju 2020, il-“Liġi Nru XIV-131” tat-23 ta’ Diċembru 2020, il-“Liġi Nru XIV-351” tas-27 ta’ Mejju 2021, u l-“Liġi Nru XIV-911” tal-20 ta’ Jannar 2022( 4 ), kif imsemmi fl-Artikolu 3(a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, il-Litwanja introduċiet skema biex tħallas sussidji lill-impjegaturi biex tkopri l-pagi stmati għal kull persuna impjegata li kienet qed tiffaċċa ħin mingħajr xogħol, bħala appoġġ matul il-kwarantina u l-istat ta’ emerġenza. Qabel l-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur kien jista’ jagħżel bejn sussidji li jkopru 70 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima, jew 90 % tas-salarju (100 % fil-każ ta’ impjegati ta’ 60 sena u aktar), sa massimu tal-paga minima. Mill-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur jista’ jirċievi sussidji biex ikopri 100 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima. L-impjegaturi li jkunu pparteċipaw fl-iskema jridu jżommu mill-inqas 50 % tal-impjegati tagħhom għal mill-inqas tliet xhur wara li jintemm is-sussidju tal-paga.

(9)Skont il-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata mil-“Liġi Nru XIII-3005 tal-4 ta’ Ġunju 2020 u l-“Liġi Nru XIV-351” tas-27 ta’ Mejju 2021( 5 ), kif imsemmija fl-Artikolu 3(b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, qabel l-1 ta’ Lulju 2021 is-sussidji tħallsu wkoll għall-impjegati li rritornaw wara żmien bla xogħol, għal perjodu sa massimu ta’ sitt xhur wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Soġġett għal-limitu tal-paga minima jew darbtejn il-paga minima, li tiddependi mill-attività ekonomika mwettqa mil-impjegatur, l-ammont ta’ sussidji mħallsa fl-ewwel u fit-tieni xahar wara r-ritorn għax-xogħol jista’ jilħaq anki 100 % tas-salarju tal-impjegat, fit-tielet u r-raba’ xahar jista’ jilħaq 50 %, u fil-ħames u s-sitt xahar jista’ jilħaq 30 %. Mill-1 ta’ Lulju 2021, tħallsu sussidji lil impjegati li rritornaw minn żmien bla xogħol, għal perjodu ta’ sa xahrejn wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Is-sussidju fl-ewwel xahar jikkonsisti f’100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,9 darbiet il-paga minima, fit-tieni xahar – 100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,6 darbiet il-paga minima. Dawk is-sussidji jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jgħinu biex jinżammu r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti.

(10)Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Litwanja pprovdiet evidenza xierqa lill-Kummissjoni li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 264 915 309 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni jew emenda ta’ miżuri nazzjonali eżistenti relatati direttament mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Il-Litwanja beħsiebha tiffinanzja EUR 144 350 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni mill-baġit tal-UE u EUR 21 505 309 permezz ta’ finanzjament tagħha stess.

(11)Il-Kummissjoni kkonsultat lil-Litwanja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili imsemmijin fit-talba tat-8 ta’ Awwissu 2022, b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(12)Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bl-għan li l-Litwanja tingħata għajnuna biex tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tas-segmenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(13)Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 jenħtieġ li jiġi estiż b’21 xahar u b’konsegwenza ta’ hekk il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar li jibda mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(14)Jenħtieġ li l-Litwanja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(15)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx ir-rekwiżit li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(16)Jenħtieġ li l-Litwanja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Litwanja tkun implimentat dik in-nefqa.

(17)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Litwanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħrajn, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 hija emendata kif ġej:

(1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lil-Litwanja li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 099 060 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni.”

(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, meta jkun rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għalih, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Litwanja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Litwanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a) sussidji tal-pagi matul iż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata l-aħħar bil-“Liġi Nru XIV-911” tal-20 ta’ Jannar 2022;

(b)sussidji tal-pagi għal wara ż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata l-aħħar bil-“Liġi Nru XIV-351” tas-27 ta’ Mejju 2021;

(c)benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fl-Artikolu 5-1 tal-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020;

(d)benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom involuti fl-agrikoltura, kif previst fl-Artikolu 5-2 tal-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020.” .

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 314, 29.9.2020, p. 35.
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/678 tat-23 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 144, 27.4.2021, p. 12.
(4)    TAR 18 ta’ Marzu 2020 Nru 05703, TAR 9 ta’ April 2020 Nru 07511, TAR 11 ta’ Ġunju 2020 Nru 12829, TAR 29 ta’ Diċembru 2020 Nru 28988, TAR 9 ta’ Ġunju 2021 Nru 13151, TAR 27 ta’ Jannar 2022 Nru 01287.
(5)    Tar 11 ta’ Ġunju 2020 Nru 12829, TAR 9 ta’ Ġunju 2021 Nru 13151.