Brussell, 12.7.2022

COM(2022) 334 final

2022/0214(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 1 (ir-“Regolament dwar is-Slots”) jistabbilixxi r-regoli dwar l-allokazzjoni tas-slots fl-ajruporti tal-UE. L-Artikolu 10 tiegħu jistabbilixxi r-regola “tużah jew titilfu”, li skontha, it-trasportaturi tal-ajru jridu jużaw mill-inqas 80% tas-serje tas-slots allokati f’perjodu ta’ skedar partikolari (sajf jew xitwa) biex jibqgħu intitolati għall-istess serje tas-slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss (drittijiet ta’ anterjorità jew storiċi).

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat tnaqqis għal għarrieda u bla preċedent fid-domanda tal-passiġġieri (l-inqas livelli ntlaħqu f’April 2020, bi tnaqqis ta’ 89% meta mqabbel mal-istess ġimgħat fl-2019). Peress li l-linji tal-ajru ma setgħux jibqgħu jikkonformaw mar-regola normali “tużah jew titilfu” bla ma jissograw dannu finanzjarju jew ambjentali sinifikanti, l-UE emendat ir-Regolament dwar is-Slots darbtejn biex taġġusta din ir-regola 2 . Ir-Regolament emendat ta wkoll setgħat delegati lill-Kummissjoni Ewropea biex testendi s-solliev mill-użu tas-slots u taġġusta l-limitu tal-użu jekk it-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru minħabba l-COVID-19 jippersisti u jekk kien probabbli li se jibqa’ jippersisti. Il-Kummissjoni użat din is-setgħa tliet darbiet 3 . Is-solliev attwali mill-użu tas-slots se jiskadi fid-29 ta’ Ottubru 2022. Is-setgħat delegati lill-Kummissjoni skadew fil-21 ta’ Frar 2022 u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax testendi s-solliev tal-UE mill-użu tas-slots lil hinn mill-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022.

Ir-regola “tużah jew titilfu” ġiet sospiża għalkollox bejn l-1 ta’ Frar 2020 u s-27 ta’ Marzu 2021 (jiġifieri rinunzja sħiħa). Minħabba l-irkupru sussegwenti fid-domanda tat-traffiku tal-ajru marbut mal-kampanja tat-tilqim u l-introduzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-UE ħaddmet l-approċċ li s-solliev mill-użu tas-slots ikun immirat għal dak meħtieġ u jiġi bbilanċjat bl-introduzzjoni ta’ ċerti aspetti prokompetittivi. Min-natura tiegħu stess, is-solliev mill-użu tas-slots għandu l-effett li jagħti ċertu vantaġġ lil-linji tal-ajru stabbiliti, għad-detriment tal-operaturi ġodda li potenzjalment ikunu jistgħu jipprovdu servizzi tal-ajru iżda ma jkunux jistgħu jaċċessaw il-kapaċità tal-ajruporti. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti antikompetittivi, ir-rata tal-użu tas-slots żdiedet gradwalment minn 0% għal 64% (għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022) 4 . Meta r-rata tal-użu tas-slots żdiedet għal aktar minn 0%, ġew introdotti għadd ta’ eċċezzjonijiet ġodda tal-JNUS (nuqqas ġustifikat ta’ użu tas-slots) bħala salvagwardja addizzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet jipprovdu tnaqqis addizzjonali f’każijiet speċifiċi meta linja tal-ajru ma tkunx tista’ topera titjira minħabba miżuri imposti mill-awtoritajiet pubbliċi biex itaffu t-tixrid tal-COVID-19 (bħal pereżempju projbizzjonijiet fuq it-titjiriet, jew lockdowns f’xi tarf tar-rotta).

Ġew introdotti wkoll regoli oħra biex jimmassimizzaw l-użu effiċjenti u prokompetittiv tal-kapaċità tal-ajruporti (eż. skadenza ta’ tliet (3) ġimgħat biex jingħataw lura s-slots li ma jkunux maħsuba li se jintużaw, prijorità lill-utenti tas-slots ad hoc f’ċerti ċirkostanzi, eċċ.). Dawn ir-regoli saru bil-għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-akbar għadd ta’ utenti u jippermettu lill-passiġġieri jgawdu minn suq tal-avjazzjoni kompetittiv u mill-konnettività.

Il-livell attwali tat-traffiku tal-ajru fl-Istati tal-Eurocontrol hu madwar 86% tal-livell fl-istess perjodu tal-2019. Iċ-ċifri tal-Eurocontrol juru wkoll li t-traffiku lejn kontinenti oħra qed jirkupra b’rati simili 5 . It-traffiku tal-ajru lejn l-Amerka ta’ Fuq hu biss 8% inqas mil-livelli tal-2019, u lejn l-Afrika hu 37% inqas mill-2019 (bi tnaqqis iżgħar lejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq). It-traffiku tal-ajru lejn l-Amerka t’Isfel hu 20% inqas mill-2019, u lejn il-Lvant Nofsani hu 8% inqas mil-livelli tal-2019. L-aktar suq li għadu lura hu dak bejn l-UE u l-Asja, li għadu 65% tal-livelli tal-2019. Dan hu attribwibbli għar-restrizzjonijiet pendenti tal-ivvjaġġar, speċjalment fiċ-Ċina 6 , minħabba l-COVID-19 (is-slots tar-rotot affettwati huma protetti bl-eċċezzjonijiet tal-JNUS), u minħabba l-fatt li ħafna trasportaturi tal-ajru jridu jduru madwar l-ispazju tal-ajru Russu biex jaslu l-Asja. Dan iżid ferm it-tul tat-titjiriet fir-rotot affettwati u jwassal biex il-linji tal-ajru jnaqqsu l-frekwenza tat-titjiriet.

Il-prospettiva tat-traffiku tal-Eurocontrol (ix-xenarju bażi, li bħalissa nqabeż) tistabbilixxi t-traffiku għal 90% fil-bidu tal-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023. Abbażi tal-istess previżjoni, it-traffiku tal-ajru fi tmiem l-2022 se jkun 92% (xenarju bażi), 96% (xenarju għoli) jew 83% (xenarju baxx). F’Ġunju 2022, it-traffiku tal-ajru ta’ kull sena kien 75% tal-2019, b’xejra ’l fuq. F’Mejju 2022, il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti tal-Ewropa rreveda l-previżjoni tiegħu ’l fuq fejn jidħol l-għadd ta’ passiġġieri: it-telf ta’ -32% li kien ġie previst għat-traffiku tal-passiġġieri għas-sena kollha, issa hu -22%. F’analiżi ppubblikata f’Mejju 2022, is-CAPA – iċ-Ċentru għall-Avjazzjoni (li jipprovdi intelligence dwar is-suq) ippreveda li l-kapaċità tas-seats offruti tista’ tilħaq il-livelli tal-2019 fil-Q3 tal-2022. Filwaqt li l-għadd ta’ passiġġieri għadu lura, id-distakk bejn il-kapaċità tas-seats offruti u l-għadd ta’ passiġġieri qed jonqos. Minħabba dan l-irkupru qawwi fit-traffiku tal-ajru, huwa propost li r-rata tal-użu standard ta’ 80% ma tinbidilx għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023.

L-esperjenza bil-pandemija wriet li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19 hija instabbli u imprevedibbli. Xi awtoritajiet tas-saħħa pubblika diġà wissew li l-każijiet tal-COVID-19 jaf jerġgħu jintensifikaw fil-ħarifa u fix-xitwa fl-emisferu tat-Tramuntana. L-impatt tal-varjanti ġodda potenzjali jew ta’ żidiet fil-każijiet fuq il-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw, ma jistax jiġi antiċipat. Barra minn hekk, l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna jaf tibqa’ tkun fattur ta’ tfixkil.

Biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi potenzjali fuq il-livelli tat-traffiku tal-ajru jekk dawn ix-xenarji jseħħu, hu importanti li l-qafas legali għall-allokazzjoni tas-slots ikun reżiljenti biżżejjed biex jippermetti solliev proporzjonat, prokompetittiv u malajr mill-użu tas-slots. Għalhekk, hu propost li l-Kummissjoni tingħata setgħat delegati għal żmien limitat biex taġġusta r-rata tal-użu tas-slots, jekk ikun meħtieġ, jekk it-traffiku tal-ajru jibqa’ b’mod persistenti inqas minn ċertu livell minħabba l-COVID-19 jew minħabba l-effetti diretti tal-aggressjoni militari Russa.

Barra minn hekk, il-linji tal-ajru jenħtieġ li jibqgħu jgawdu mill-eċċezzjonijiet tal-JNUS jekk l-awtoritajiet pubbliċi jimponu miżuri sanitarji li jillimitaw l-ivvjaġġar bl-ajru jew ixekklu serjament il-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw. Hu propost ukoll li l-eċċezzjoni tiġi estiża biex tkun tkopri l-miżuri imposti bħala rispons għas-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi kollha (mhux limitati għall-COVID-19), għad-diżastri naturali u għat-taqlib politiku li jaffettwa l-ajruporti. Din l-estensjoni proposta tal-eċċezzjonijiet tal-JNUS kellha l-approvazzjoni wiesgħa tal-kategoriji kollha tal-partijiet ikkonċernati (kif deskritt fid-dettall aktar ’l isfel).

Filwaqt li sta għall-koordinaturi tas-slots li jimplimentaw ir-Regolament dwar is-Slots, l-esperjenza wriet il-bżonn ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-koordinaturi ħalli jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar is-Slots, tkun żgurata applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE f’sitwazzjonijiet simili, u jinżamm ambjent ekwu. Għaldaqstant, hu propost li jissaħħaħ ir-rwol tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Koordinaturi tal-Ajruporti fil-ħruġ tal-gwidi. It-trasparenza fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-JNUS hija importanti ħafna għal-linji tal-ajru, u għalhekk il-koordinaturi jenħtieġ li jippubblikaw għal liema destinazzjonijiet japplikaw l-eċċezzjonijiet. Barra minn hekk, meta koordinatur japplika l-eċċezzjoni għas-slots f’xi tarf tar-rotta, il-koordinatur fit-tarf l-ieħor tar-rotta jenħtieġ li jikkunsidra jekk japplikahiex ukoll, diment li din ma tkunx tippreġudika bla bżonn l-operazzjonijiet tal-ajruport jew l-aċċess ġust għall-kapaċità limitata tal-ajruport, jew it-tnejn. Minbarra dan, hu propost li jekk il-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE tintlaqat minn miżuri li jxekklu serjament l-ivvjaġġar bl-ajru, il-koordinaturi kollha tas-slots jistgħu jagħtu eċċezzjonijiet tal-JNUS għas-slots kollha.

Permezz tal-kuntatt regolari tagħha mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għarfet il-ħtieġa li tindirizza ċerti impatti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna fuq it-traffiku tal-ajru. Il-projbizzjoni fuq it-trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni u minn pajjiżi oħra milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Belarussja, tar-Russja u tal-Ukrajna qed tħalli impatt fuq l-operazzjonijiet skedati. Il-ħtieġa ta’ riprogrammar tar-rotot tat-titjiriet tista’ żżid b’mod sinifikanti t-tul tat-titjiriet u b’hekk ikun impossibbli li dawn jikkonformaw mal-ħin tas-slots allokat oriġinarjament. Qabelxejn, il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ li l-koordinaturi jużaw il-flessibbiltà mogħtija skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar is-Slots li jinbidel il-ħin għas-slots użati tar-rotot diretti affettwati mill-projbizzjoni fuq id-dħul fl-ispazju tal-ajru Russu, Belarussu u Ukren. It-tieni, hu propost li jiġi ċċarat li ladarba l-ispazju tal-ajru Ukren jerġa’ jiftaħ, il-linji tal-ajru li s-slots tagħhom tar-rotot bejn l-UE u l-Ukrajna huma protetti bl-Artikolu 10(4)(a) jenħtieġ li jingħataw perjodu ta’ rkupru addizzjonali ta’ 16-il ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew japplikaw ir-rekwiżiti tal-użu tas-slots. It-tielet, biex jitwieżen l-irkupru tal-Ukrajna u l-linji tal-ajru jitħeġġu jreġġgħu lura l-konnettività bejn l-UE u l-Ukrajna, hu propost li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tnaqqas ir-rata tal-użu tas-slots f’dawk ir-rotot speċifiċi bejn l-ajruporti tal-UE u dawk Ukreni. Finalment, hu propost li jiġi ċċarat b’mod espliċitu li t-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) jew fil-lista tas-sikurezza tal-UE ma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10(4) u (4a) tar-Regolament dwar is-Slots. Is-slots tagħhom jenħtieġ li jiġu rtirati biex ikun evitat l-imblukkar tal-kapaċità tal-ajruporti.

Bejn is-26 ta’ April u l-24 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni għamlet sejħa għal evidenza u stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jirreaġixxu għall-inizjattiva proposta li testendi s-solliev mill-użu tas-slots. Il-Kummissjoni rċeviet 43 tweġiba b’kollox, li 29 minnhom huma disponibbli għall-pubbliku fuq il- portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar .

Kull rispondent qabel mat-tkomplija tas-solliev mill-użu tas-slots, speċjalment: (i) id-disponibbiltà kontinwa tal-eċċezzjonijiet tal-JNUS; (ii) il-koordinazzjoni fost il-koordinaturi tas-slots meta jkunu applikati dawn l-eċċezzjonijiet; u (iii) l-għoti ta’ setgħat delegati lill-Kummissjoni biex tnaqqas ir-rata tal-użu (għandha l-appoġġ ta’ kważi l-partijiet ikkonċernati kollha). Minn fost ir-rispondenti, 5 partijiet ikkonċernati (3 linji tal-ajru u 2 assoċjazzjonijiet, li jirrappreżentaw ħafna mill-ajruporti tal-UE) talbu b’mod espliċitu li terġa’ tiddaħħal ir-rata tal-użu ta’ 80%, filwaqt li 26 talbu espressament għal tnaqqis fir-rata tal-użu (il-linji tal-ajru talbu prinċipalment li tinżamm ir-rata tal-użu attwali ta’ 64%). Xi partijiet ikkonċernati, l-aktar l-Istati Membri, ma semmew l-ebda preferenza dwar ir-rata tal-użu iżda appoġġaw il-proposta li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati appoġġaw b’mod ġenerali li l-linji tal-ajru li użaw is-slots ad hoc waqt il-perjodu tas-solliev mill-użu tas-slots jenħtieġ li jingħataw aċċess prijoritarju għal dawn is-slots, soġġett għall-kapaċità disponibbli.

Il-Kummissjoni tagħraf li t-talba biex jinżamm it-tnaqqis fir-rata tal-użu hija relatata mal-inċertezzi dwar il-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u mal-impatti ekonomiċi li jirriżultaw. Il-każijiet tal-COVID-19 jaf jerġgħu jiżdiedu tul il-perjodu ta’ skedar tax-xitwa, li ġeneralment ikun staġun b’domanda aktar baxxa. Madankollu, skont il-Eurocontrol, it-traffiku tal-ajru mistenni jkun 90% tal-livelli tal-2019 fil-bidu tal-perjodu ta’ skedar tax-xitwa. Għalhekk, f’dan l-istadju, it-tħabbir ta’ tnaqqis fir-rata tal-użu mhuwiex ġustifikat. Il-Kummissjoni ssostni li hemm biżżejjed salvagwardji kontra żviluppi negattivi mhux antiċipati, notevolment il-possibbiltà ta’ tnaqqis fir-rata tal-użu bl-adozzjoni ta’ atti delegati fi kwalunkwe ħin (jekk ikun meħtieġ bl-użu tal-proċedura ta’ urġenza), flimkien mad-disponibbiltà kontinwa tal-eċċezzjonijiet tal-JNUS. Il-Kummissjoni tenniet bosta drabi wkoll li t-traffiku tal-ajru ma għandux għalfejn jerġa’ lura għal-livelli tat-traffiku tal-2019 biex jerġgħu jiddaħħlu r-regoli normali dwar l-użu tas-slots, għax aktarx il-preferenzi tal-konsumaturi nbidlu u s-suq irid jadatta għalihom. Hu essenzjali li l-kapaċità tal-ajruporti tintuża b’mod effiċjenti u prokompetittiv għall-ġid tal-konsumaturi u l-konnettività.

Ħafna linji tal-ajru qablu li titwessa’ l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-JNUS, pereżempju biex ikunu jkopru r-rakkomandazzjonijiet pubbliċi kontra l-ivvjaġġar, biex minbarra r-rotot affettwati direttament ikunu jkopru wkoll it-traffiku kontributur, u biex ikunu jkopru n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi essenzjali fuq l-art jew ta’ negozju ieħor essenzjali li jappoġġa l-operazzjonijiet tal-ajru.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-eċċezzjonijiet tal-JNUS jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regoli normali u, għalhekk, jenħtieġ li jkunu limitati għal dak meħtieġ strettament biex ma tiġix limitata l-kompetizzjoni bla bżonn, li min-naħa tagħha tista’ tagħmel ħsara lill-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istat kontra l-ivvjaġġar jistgħu jaffettwaw ir-rieda tal-passiġġieri li jivvjaġġaw; madankollu, bħala tali, dawn ma jikkostitwixxux xkiel serju għall-ivvjaġġar, u l-ivvjaġġar xorta jsir. Jekk ikun hemm restrizzjonijiet severi fit-tarf l-ieħor tar-rotta, bħal kwarantina obbligatorja, lockdowns, u l-bqija, l-eċċezzjoni tkun tapplika u b’hekk tipprovdi protezzjoni xierqa.

Rigward it-talba biex il-JNUS jitwessa’ ħalli jkopri t-traffiku kontributur, il-Kummissjoni jidhrilha li dan imur lil hinn minn dak meħtieġ. Ħafna passiġġieri jaf ikunu qegħdin fuq titjira partikolari lejn ċentru ta’ linja tal-ajru biex ikunu jistgħu jikkollegaw ma’ diversi destinazzjonijiet – uħud minn dawn id-destinazzjonijiet huma affettwati minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew il-ħtieġa ta’ riprogrammar tar-rotot, filwaqt li oħrajn le. Għalhekk, mhuwiex sempliċi biex jiġi ddeterminat għal liema rotta xi titjira partikolari hija titjira kontributur. Barra minn hekk, il-passiġġieri jistgħu jadattaw id-domanda tagħhom għaċ-ċirkostanzi partikolari. Ngħidu aħna, filwaqt li jaf jonqsu l-passiġġieri li jagħżlu li jtiru lejn il-pajjiżi Asjatiċi, dawn il-passiġġieri jaf jagħżlu li jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet fl-Amerka ta’ Fuq jew t’Isfel u xorta jikkollegaw minn ċentru fl-UE. L-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni tal-JNUS f’dawn ix-xenarji tmur lil hinn mill-objettiv tal-JNUS skont l-Artikolu 10(4)(e) tar-Regolament dwar is-Slots u tikkontradixxi l-prinċipju li s-slots mhumiex speċifiċi għar-rotta. Il-linji tal-ajru jistgħu jaġġustaw l-iskedi u n-networks skont id-domanda, bħalma għamlu ħafna linji tal-ajru matul il-pandemija.

Fl-aħħar nett, dwar in-nuqqas ta’ persunal, il-Kummissjoni tinnota li dan jista’ jsir problema aktar serja matul l-istaġun tas-sajf attwali. Madankollu, il-proposta mhix se tiġi adottata fil-ħin biex tkopri l-istaġun attwali, u għalhekk il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni qed jesploraw soluzzjonijiet oħra. Bħal fil-każ tat-tnaqqisiet fil-kapaċità tal-ajruporti minħabba l-miżuri sanitarji, il-Kummissjoni taqbel ma’ djalogu miftuħ bejn il-partijiet ikkonċernati, u ma’ tnaqqis ordnat fil-kapaċità biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-konsegwenzi negattivi fuq il-passiġġieri. Il-kanċellazzjonijiet li jirriżultaw u/jew it-tibdil tal-ħinijiet jenħtieġ li jiġu ppreżentati lil-linji tal-ajru u/jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom b’mod trasparenti u jenħtieġ li jitqassmu bejniethom b’mod proporzjonat mal-għadd tas-slots jew il-kapaċità użata mil-linji tal-ajru fl-ajruport ikkonċernat.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament dwar is-Slots joffri solliev lill-kumpaniji tal-ajru mir-regola “tużah jew titilfu”, li bħalissa hi problematika għat-trasportaturi tal-ajru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna. Ir-Regolament dwar is-Slots jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, li jistgħu jaġġustaw biss ir-rata tal-użu tas-slots għar-rotot kollha f’każ ta’ tnaqqis persistenti fit-traffiku tal-ajru minħabba sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi jew effetti diretti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, u/jew b’mod speċifiku għar-rotot bejn l-UE u l-Ukrajna biex il-linji tal-ajru jitħeġġu jreġġgħu lura l-konnettività. Estensjoni tal-perjodi ta’ solliev żejjed mill-użu tas-slots twassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li: (i) iħallu impatt fuq il-konnettività tal-passiġġieri u fuq l-impjiegi u l-kwalità tal-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni; u (ii) jikkawżaw problemi speċifiċi għall-ajruporti u għall-fornituri tas-servizzi. Fl-istess ħin, ir-ritorn għar-rekwiżiti normali tal-użu tas-slots b’mod definittiv mingħajr il-possibbiltà ta’ dipendenza fuq l-eċċezzjonijiet tal-JNUS minkejja l-possibbiltà ta’ avvenimenti avversi futuri, jissogra li jixħet piż finanzjarju addizzjonali fuq il-linji tal-ajru u jista’ jħalli effett ambjentali negattiv mhux intenzjonat jekk il-linji tal-ajru kellhom joperaw titjiriet biss biex iżommu s-slots tal-ajruporti kkonċernati. Għalhekk, ir-Regolament dwar is-Slots jenħtieġ li jiġi emendat biex: (i) jittaffew l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna; u (ii) jipprovdi ċertezza legali lit-trasportaturi tal-ajru, u (iii) iżżomm l-unità tas-sistema tal-allokazzjoni tas-slots tal-UE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Il-funzjonament effettiv tas-suq intern fl-avjazzjoni u s-servizzi relatati jiddependi fuq il-prestazzjoni ekonomika tat-trasportaturi tal-ajru u ta’ partijiet oħra tas-settur tal-avjazzjoni, inkluż l-ajruporti u fornituri oħra tas-servizzi. Il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna qed jipperikolaw is-saħħa finanzjarja tagħhom u qed iħallu effetti negattivi serji fuq is-sistema tat-trasport bl-ajru u l-ekonomija kollha kemm hi. Għaldaqstant, l-emenda għar-Regolament dwar is-Slots għandha importanza kbira. Din hija konsistenti wkoll mal-politika tal-UE dwar il-klima għax tnaqqas ferm ir-riskju li t-trasportaturi tal-ajru joperaw it-titjiriet biss biex iżommu s-slots tal-ajruporti kkonċernati.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Dan l-Artikolu jipprovdi l-bażi ġuridika biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni xierqa kollha dwar it-trasport bl-ajru u jservi bħala l-bażi ġuridika għar-Regolament dwar is-Slots u l-emendi tiegħu.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għax ir-Regolament dwar is-Slots ma jippermettix lill-Istati Membri jeżiġu li l-koordinaturi: (i) jistabbilixxu limitu differenti tal-użu; (ii) jimponu kundizzjonijiet fuq is-solliev mill-użu tas-slots; u (iii) ibiddlu r-rata tal-użu tas-slots bħala rispons għal-livelli tat-traffiku li qed jinbidlu. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss billi l-UE temenda r-Regolament dwar is-Slots.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-funzjonament tar-Regolament dwar is-Slots. Il-proposta ssib bilanċ bejn: (i) il-ħtieġa li l-linji tal-ajru jingħataw solliev mir-regola “tużah jew titilfu” bħala rispons għal domanda baxxa tal-ivvjaġġar bl-ajru minħabba l-pandemija tal-COVID-19, sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra, id-diżastri naturali, u t-taqlib politiku bħall-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna; u (ii) il-ħtieġa li nerġgħu lura għal applikazzjoni normali tar-regoli dwar l-allokazzjoni tas-slots b’mod proporzjonat mal-irkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru. Il-proposta tinkludi wkoll bosta miżuri prokompetittivi li jindirizzaw ċerti effetti negattivi mhux intenzjonati tas-solliev mill-użu tas-slots.

Għażla tal-istrument

Biex jilħaq l-objettiv tiegħu, l-istrument legali jrid ikollu applikazzjoni diretta u ġenerali, eżatt bħar-Regolament dwar is-Slots. Għalhekk, l-istrument legali xieraq hu Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Minħabba l-urġenza li jiġi emendat ir-Regolament dwar is-Slots qabel jibda l-istaġun tax-xitwa 2022/2023, ma saret l-ebda evalwazzjoni. Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni kisbet esperjenza ġmielha bl-applikazzjoni tas-solliev mill-użu tas-slots minn Frar 2020 ’l hawn, u żammet kuntatt regolari mal-linji tal-ajru, mal-ajruporti, u mal-koordinaturi tas-slots dwar din il-materja. Barra minn hekk, f’Awwissu 2021 sar ġbir ta’ data aktar estensiv biex jitħejja r-Regolament (UE) 2021/250, li ħafna aspetti tiegħu se jiġu riportati (eż. l-eċċezzjonijiet tal-JNUS, is-setgħat delegati biex tonqos ir-rata tal-użu, l-iskadenza ta’ 3 ġimgħat biex jingħataw lura s-slots ma jkunux maħsuba li se jintużaw).

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, ma sarux konsultazzjonijiet formali mal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza u rispons fuq il-portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar li l-partijiet ikkonċernati setgħu jwieġbu bejn is-26 ta’ April u l-24 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni rċeviet 29 tweġiba fuq il-portal u 43 tweġiba b’kollox (dawk mhux ippubblikati ntbagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni direttament). Il-Kummissjoni rċeviet kontribut mingħand 31 linja tal-ajru jew assoċjazzjoni tagħhom, li 12 minnhom mhumiex tal-UE, żewġ (2) assoċjazzjonijiet tal-ajruporti, koordinatur tas-slots wieħed (1) u assoċjazzjoni tal-koordinaturi waħda (1), organizzazzjoni waħda (1) li tirrappreżenta l-merkanzija, organizzazzjoni ambjentali waħda (1) kontra l-istorbju, u 5 awtoritajiet tal-Istati Membri (mill-Ġermanja, mill-Italja, min-Netherlands, mid-Danimarka u mill-Iżvezja). Filwaqt li mhix obbligata legalment li tagħmel dan meta tkun qed tħejji proposti ġodda, fit-18 ta’ Mejju 2022 il-Kummissjoni organizzat laqgħa tal-grupp ta’ esperti tas-Sottogrupp dwar is-Slots fl-Ajruporti mal-esperti tal-Istati Membri. L-Istati Membri li ġejjin kienu rrappreżentati: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, il-Finlandja u r-Rumanija.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Bħalma ġie spjegat, ma setax jinkiseb għarfien espert estensiv minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-esperjenza miksuba permezz ta’ skambju regolari mal-partijiet ikkonċernati u bl-applikazzjoni tal-emendi għar-Regolament dwar is-Slots li kienu jinkludu wkoll konsultazzjonijiet mal-esperti.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma saritx valutazzjoni tal-impatt skont ir-regoli dwar regolamentazzjoni aħjar. Ir-raġunament għall-proposta u sommarju tal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huma ppreżentati f’dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ASPETTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkompli ssegwi l-iżvilupp tal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u l-impatt tagħhom fuq it-trasport bl-ajru. Bħal skont ir-Regolament (UE) 2021/250, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta att delegat biex taġġusta r-rekwiżit tal-użu minimu tas-slots skont kif ikun meħtieġ.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Tinżamm id-definizzjoni emendata ta’ “parteċipanti ġodda” fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar is-Slots billi jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha ħalli aktar trasportaturi tal-ajru jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala parteċipanti ġodda u jiksbu slots mill-ġabra tas-slots. Din bil-għan li tippermetti aktar kompetizzjoni fl-ajruporti fid-dawl tal-perjodu estiż ta’ solliev mill-użu tas-slots, li għamlitha eħfef għat-trasportaturi stabbiliti fl-ajruport biex iżommu s-slots tagħhom.

Barra minn hekk, tinżamm id-definizzjoni ta’ “parametri ta’ koordinazzjoni tal-COVID-19” billi jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha u jiġi modifikat l-Artikolu 8(6a).

Tul il-perjodu tas-solliev mill-użu tas-slots, it-trasportaturi tal-ajru użaw slots ad hoc irritornati fil-ġabra tas-slots minn trasportaturi oħra għal riallokazzjoni temporanja. It-trasportaturi li użaw dawn is-slots għenu biex is-serje tas-slots rilevanti tintuża b’mod effiċjenti u pprovdew il-konnettività lill-passiġġieri. Għalhekk, qed jiżdied l-Artikolu 8(2a) li jagħti prijorità lil dawn it-trasportaturi tal-ajru għall-allokazzjoni tas-serje inkwistjoni fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, soġġetta għad-disponibbiltà tal-kapaċità tal-ajruport. Jekk aktar minn trasportatur tal-ajru wieħed ikun uża s-slots tal-istess serje, tingħata prijorità lit-trasportatur li jkun uża l-akbar numru ta’ slots.

Qed jiżdied subparagrafu mal-Artikolu 10(4) biex jiġi indirizzat b’mod speċifiku l-impatt tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna. Dan is-subparagrafu jispeċifika li t-trasportaturi tal-ajru li għandhom slots li qed jintużaw għall-operazzjoni minn jew lejn l-Ukrajna u li bħalissa huma protetti bl-Artikolu 10(4)(a), jenħtieġ li jingħataw perjodu ta’ rkupru addizzjonali ta’ 16-il ġimgħa qabel ma japplika għalihom xi limitu għall-użu tas-slots wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ispazju tal-ajru Ukren. Dan għax aktarx id-domanda se tonqos ġmielha minħabba qerda sinifikanti tal-infrastruttura tat-trasport. Għall-istess raġuni, l-Artikolu 10a jagħti setgħat delegati lill-Kummissjoni biex tnaqqas ir-rata tal-użu tas-slots għas-slots użati għar-rotot bejn l-UE u l-Ukrajna.

Il-punt (e) tal-Artikolu 10(4) jitħassar. Minflok, jiżdied il-paragrafu 4a ġdid, li jinkludi l-eċċezzjoni tal-JNUS attwali jekk ikun hemm miżuri pubbliċi li jxekklu serjament l-ivvjaġġar bl-ajru biex jittaffa t-tixrid tal-COVID-19. Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni hija estiża biex tkopri aktar sitwazzjonijiet meta l-kapaċità tal-passiġġieri li jtiru fuq ċerti rotot tiġi affettwata b’mod sinifikanti b’miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi, anke bħala rispons għal sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra, taqlib politiku, u diżastri naturali. F’dawn il-każijiet, it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jiġu sollevati mill-applikazzjoni tar-regola “tużah jew titilfu”. Madankollu, dan il-vantaġġ hu limitat biex ikunu evitati l-effetti mhux intenzjonati (għad-dettalji, ara t-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-paragrafu 4a il-ġdid).

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4a l-ġdid għandu l-għan li jiċċara kif il-koordinaturi tas-slots jenħtieġ li jikkalkulaw l-użu tas-slots meta xi slots f’serje jkunu protetti skont l-ewwel subparagrafu: jenħtieġ li jinjoraw is-slots protetti u jiddeterminaw jekk intużawx 80% tas-slots li jifdal tas-serje. Din iż-żieda hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-effett tal-eċċezzjoni tal-JNUS ikun limitat għall-perjodu li matulu kienet ġustifikata.

Is-sitt subparagrafu tal-paragrafu 4a l-ġdid għandu l-għan li jippermetti koordinazzjoni akbar dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-JNUS bejn il-koordinaturi tas-slots. L-emerġenza tal-varjant Delta f’April 2021 u tal-varjant Omicron f’Diċembru 2021 turi li l-applikazzjoni diverġenti tal-eċċezzjoni tal-JNUS minn bosta koordinaturi tas-slots tista’ tfixkel ferm l-ambjent ekwu bejn il-linji tal-ajru. Għalhekk, is-sitt subparagrafu jispeċifika li meta l-maġġoranza tal-Istati Membri jadottaw miżuri li jxekklu serjament l-ivvjaġġar u li jħallu impatt fuq il-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE, il-koordinaturi kollha jistgħu japplikaw il-paragrafu 4a għas-slots kollha għall-perjodu tal-miżuri. Barra minn hekk, il-paragrafu 4c qed jiżdied mal-Artikolu 10 biex jissaħħaħ ir-rwol tal-koordinaturi fil-ħruġ tal-gwida komuni u biex tiżdied it-trasparenza.

Jiżdied paragrafu 4b ġdid mal-Artikolu 10 biex jiċċara li l-eċċezzjonijiet tal-JNUS tal-Artikolu 10(4) u (4a) ma jkoprux it-trasportaturi tal-ajru fil-lista tas-sikurezza tal-UE, soġġetti għal sanzjonijiet jew irreġistrati fi Stati soġġetti għal sanzjonijiet.

L-Artikolu 10a huwa modifikat b’diversi modi. Jitħassru l-paragrafi 1 sa 4. Il-perjodu li matulu japplikaw ir-regoli l-ġodda dwar is-solliev mill-użu tas-slots huwa stabbilit mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024. Dawn id-dati jikkorrispondu għad-data tal-bidu tal-istaġun tax-xitwa 2022/2023 skont l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) u d-data tat-tmiem tal-istaġun tax-xitwa 2023/2024 skont il-IATA, rispettivament.

Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 10a jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati fil-perjodu ta’ solliev ulterjuri mill-użu tas-slots biex temenda r-rata tal-użu skont l-iżvilupp tal-livelli tat-traffiku, jekk it-traffiku tal-ajru jonqos iżjed minn 80% tal-livelli korrispondenti fl-2019 għal erba’ ġimgħat konsekuttivi minħabba xi sitwazzjoni epidemjoloġika jew l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna. Peress li s-sitwazzjoni tat-traffiku tal-ajru tista’ tinbidel malajr ħafna, jenħtieġ li jkun possibbli li dawn l-atti delegati jiġu adottati bi proċedura ta’ urġenza (il-paragrafu 2).

Il-paragrafu 5a jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati fil-perjodu ta’ solliev ulterjuri mill-użu tas-slots biex temenda r-rata tal-użu skont l-iżvilupp tal-livelli tat-traffiku, speċifikament għas-slots użati fir-rotot bejn l-UE u l-Ukrajna ħalli l-linji tal-ajru jitħeġġu jreġġgħu lura l-konnettività bejn ir-reġjuni.

Il-paragrafu 7 tal-Artikolu 10a modifikat jistipula li tul il-perjodu tas-solliev mill-użu tas-slots, trasportatur tal-ajru li ma jkunx beħsiebu juża xi slot, irid jagħmlu disponibbli għal riallokazzjoni temporanja lil trasportaturi tal-ajru oħrajn, sa tliet (3) ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operazzjoni tas-slot. Dan biex jgħin lil trasportaturi oħra li jkunu jixtiequ joperaw slots bħal dawn fuq bażi ad hoc. Dawn it-trasportaturi tal-ajru l-oħra jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex jippjanaw l-operazzjonijiet tagħhom u anki biex jiżguraw li l-passiġġieri, l-ajruporti u l-fornituri tas-servizzi tal-ajruporti jkunu avżati bil-quddiem dwar l-operazzjonijiet ippjanati tagħhom. Meta t-trasportaturi tal-ajru jonqsu ripetutament milli jikkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni, dawn ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ aktar minn 80% fir-rata tal-użu tas-slots, irrispettivament minn liema livell il-Kummissjoni tistabbilixxi l-limitu tal-użu.

Il-punt (c) tal-Artikolu 14(6) qed jinżamm biex il-koordinatur ikun jista’ jieħu azzjoni u jirtira s-slots meta trasportatur tal-ajru jieqaf jopera f’dak l-ajruport. F’każijiet bħal dawn, il-koordinatur jista’ jirtira s-slots għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar, mingħajr ma jkollu jistenna sa tmiem dak il-perjodu, u jagħmel is-slots disponibbli għal riallokazzjoni minn kmieni kemm jista’ jkun.

Il-punt (d) qed jiżdied mal-Artikolu 14(6) biex il-koordinatur ikun jista’ jieħu azzjoni u jirtira s-slots tat-trasportaturi fuq il-lista tas-sikurezza tal-UE soġġetti għal sanzjonijiet jew irreġistrati fi Stati soġġetti għal sanzjonijiet.

2022/0214 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 8 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 9 ġie emendat kemm-il darba mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn peress li r-rekwiżit li jintużaw 80% tas-slots f’serje biex jinżamm id-dritt għall-istess serje fl-istaġun korrispondenti li jmiss ma baqax sostenibbli għat-trasportaturi tal-ajru fid-dawl ta’ tnaqqisiet qawwijin fil-livelli tat-traffiku tal-ajru.

(2)Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol juru li t-traffiku tal-ajru rkupra bil-kbir mill-bidu tal-istaġun ta’ skedar tas-sajf 2022, u t-traffiku tal-ajru fil-bidu tal-istaġun ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023 mistenni jkun madwar 90% tal-livelli fl-2019 skont il-previżjoni bażi. Dawk iċ-ċifri jiġġustifikaw ritorn għal-limitu tal-użu tas-slots ta’ 80% bħala regola ġenerali, flimkien ma’ tnaqqis speċifiku fl-użu tas-slots meta jkun hemm nuqqas ġustifikat ta’ użu ta’ slots.

(3)Madankollu, kif turi l-esperjenza, is-sitwazzjoni tal-COVID-19 għadha inċerta ħafna. Kif ġara fl-aħħar tal-2021 bl-Omicron, jaf ifeġġu varjanti ġodda u jikkawżaw reazzjonijiet għal għarrieda mill-Istati u mill-konsumaturi li min-naħa tagħhom jistgħu jaffettwaw ħażin lit-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, ċerti swieq fuq distanzi twal għadhom qed jintlaqtu b’miżuri sanitarji li jxekklu serjament it-traffiku.

(4)L-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna qed tħalli wkoll impatt fuq it-traffiku tal-ajru u fuq il-kapaċità tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw is-slots tagħhom, għax it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mhumiex jitħallew jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Belarussja, tar-Russja u tal-Ukrajna.

(5)Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti minn xi Stat għal raġunijiet sanitarji u l-impossibbiltà ta’ dħul fi spazju tal-ajru minħabba kunflitt militari huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u jaf iwassluhom biex volontarjament jew involontarjament jikkanċellaw xi servizzi tal-ajru jew jaġġustaw l-iskedi bħala reazzjoni għal dawk iċ-ċirkostanzi. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jħarsu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u fl-istess ħin jevitaw l-impatt ambjentali negattiv tat-titjiriet operati biss biex iżommu s-slots tagħhom.

(6)F’dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li jonqsu milli jużaw is-slots tagħhom f’konformità mar-rata tal-użu tas-slots kif stabbilit fir-Regolament (KEE) Nru 95/93 ma jitilfux awtomatikament il-preċedenza fuq is-serje tas-slots stabbilita fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10(2) li kieku kienu jgawdu. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi.

(7)Fl-istess ħin, hu importanti li jitfakkru l-objettivi tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, notevolment li jkun żgurat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti u li jkun żgurat aċċess ġust lil-linji tal-ajru kollha għal kapaċità limitata tal-ajruporti biex b’hekk tiġi promossa l-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-aġġustament tar-rekwiżiti tal-użu normali tas-slots billi tonqos ir-rata tal-użu jew billi jiġu estiżi xi eċċezzjonijiet tal-JNUS (nuqqas ġustifikat ta’ użu), ikun immirat strettament għal sitwazzjonijiet meta s-solliev mill-użu tas-slots ikun meħtieġ u ma joħloqx vantaġġi kompetittivi inġusti lil dawk it-trasportaturi li jkollhom slots storiċi.

(8)B’mod partikolari, jeħtieġ li jkun żgurat li t-trasportaturi tal-ajru li huma disposti li jipprovdu s-servizzi, jitħallew jużaw kapaċità mhux użata u jkollhom il-possibbiltà jżommu dawk is-slots fit-tul. Jenħtieġ li jinżammu l-inċentivi tat-trasportaturi tal-ajru ħalli tintuża l-kapaċità tal-ajruporti, li min-naħa tagħha hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

(9)Għalhekk jeħtieġ jiġu stipulati, f’konformità ma’ dawn il-prinċipji u għal perjodu limitat, il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi tal-ajru jibqgħu intitolati għas-serje tas-slots skont l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, u li jiġu stabbiliti rekwiżiti għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jirrilaxxaw il-kapaċità mhux użata. Il-perjodu jenħtieġ li jtul mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024 bi qbil mal-previżjoni tal-irkupru tal-Eurocontrol.

(10)Id-definizzjoni tat-terminu “parteċipant ġdid” jenħtieġ li tinżamm wiesgħa biex jiżdied l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru koperti, u b’hekk aktar trasportaturi tal-ajru jingħataw l-opportunità jistabbilixxu u jespandu l-operazzjonijiet tagħhom.

(11)Mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024, is-sistema tal-allokazzjoni tas-slots jenħtieġ li tibqa’ tirrikonoxxi l-isforzi tat-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw titjiriet bl-użu ta’ slots li huma parti minn serje li xi trasportatur tal-ajru ieħor huwa intitolat għaliha skont l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, iżda li jkunu ngħataw lill-koordinatur tas-slots għal riallokazzjoni temporanja. Għalhekk, it-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw serje ta’ mill-inqas ħames slots jenħtieġ li jingħataw prijorità għall-allokazzjoni ta’ dawk is-serje fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, soġġetta għad-disponibbiltà tal-kapaċità tal-ajruport.

(12)Biex jiġu indirizzati l-impatti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u biex jiġi appoġġat l-irkupru tal-konnettività bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, jeħtieġ jiġi estiż il-perjodu meta l-operaturi jkunu jistgħu jiddependu fuq ir-raġuni stabbilita fl-Artikolu 10(4), il-punt (a), tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ użu tas-serje tas-slots fir-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(13)Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli stabbiliti fit-Trattati u fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 , il-konsegwenzi negattivi tal-miżuri possibbli adottati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi biex jindirizzaw xi sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi, diżastri naturali, jew taqlib politiku ma jistgħux jiġu attribwiti lit-trasportaturi tal-ajru u jenħtieġ li jiġu mitigati meta dawk il-miżuri jħallu impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà tal-ivvjaġġar jew fuq id-domanda għar-rotot ikkonċernati. Il-mitigazzjonijiet jenħtieġ li jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux penalizzati għan-nuqqas ta’ użu tas-slots meta dak in-nuqqas jiġri minħabba restrizzjonijiet bħal dawk.

(14)Biex jonqos ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jkun żgurat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti, jenħtieġ li s-solliev speċifiku mill-effetti tal-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-premessa 13 ikollu tul ta’ żmien u ambitu limitati ħalli jkun żgurat li l-effett tal-mitigazzjoni jkun limitat għall-perjodu meta jkun ġustifikat. Għaldaqstant, is-slots koperti b’dawn il-mitigazzjonijiet tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-premessa 13, jenħtieġ li ma jgħoddux għall-persentaġġ tal-użu tas-slots imsemmi fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

(15)Jeħtieġ jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ġustifikat ta’ użu tal-eċċezzjonijiet tas-slots ma japplikawx għat-trasportaturi tal-ajru li huma l-oġġett ta’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew għat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni li huma elenkati fl-Anness A jew B tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 11 . Biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk il-miżuri, l-impossibbiltà li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ġustifikat ta’ użu tas-slots jenħtieġ li tapplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru li diġà huma l-oġġett ta’ miżuri restrittivi bħal dawn fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(16)Il-kooperazzjoni bejn il-koordinaturi jenħtieġ li tissaħħaħ biex tkun żgurata implimentazzjoni uniformi tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 madwar l-Unjoni. L-Assoċjazzjoni tal-Koordinaturi tas-Slots fl-Ajruporti tal-Unjoni Ewropea (EUACA) jenħtieġ li tkompli toħroġ gwida biex tiżgura implimentazzjoni armonjuża tar-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward id-dispożizzjoni dwar il-mitigazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-premessa 13. Jekk il-mitigazzjoni tiġix applikata jew le hija biċċa informazzjoni importanti għat-trasportaturi tal-ajru meta jkunu qed jippjanaw l-iskedi tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi żgurata komunikazzjoni trasparenti min-naħa tal-koordinaturi.

(17)Filwaqt li d-dispożizzjoni dwar il-mitigazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-premessa 13 jenħtieġ li tiġi interpretata b’mod strett għax hija eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-użu normali tas-slots, ċerti każijiet jaf ikunu jeħtieġu azzjoni komuni mill-koordinaturi kollha biex ikun żgurat ambjent ekwu madwar l-Unjoni. Skont ċerti kundizzjonijiet u wara deċiżjoni unanima, il-koordinaturi jenħtieġ li japplikaw dik id-dispożizzjoni għas-slots kollha miżmuma fl-ajruporti kkoordinati.

(18)Biex jiġu indirizzati l-impatti li qed jevolvu tal-COVID-19 u l-effetti diretti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna fuq it-traffiku tal-ajru, u biex ikun hemm rispons flessibbli, meta strettament meħtieġ u ġustifikat, għall-isfidi li s-settur tat-trasport bl-ajru qed jiffaċċja bħala konsegwenza, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-persentaġġi tar-rata minima tal-użu f’ċerta firxa u għal kwalunkwe perjodu ta’ skedar fil-perjodu mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024 bi qbil mal-irkupru previst mill-Eurocontrol.

(19)Meta jitqies l-impatt devastanti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u biex wara tiġi appoġġata l-konnettività minn jew lejn l-Ukrajna, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-persentaġġi tar-rata minima tal-użu f’ċerta firxa għar-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna u għal kwalunkwe perjodu ta’ skedar mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024.

(20)Hu partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa tul il-ħidma preparatorja tagħha u fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 12 . B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin mal-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(21)L-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tal-ajruport u t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jiġu informati dwar il-kapaċità disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar adegwat. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jibqgħu jagħmlu disponibbli kull slot li ma jkunx beħsiebhom jużaw, minn kmieni kemm jista’ jkun u sa tliet ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operat tas-slots, ħalli l-koordinatur ikun jista’ jirriallokahom lil trasportaturi tal-ajru oħrajn. Meta r-rata tal-użu tas-slots titnaqqas permezz ta’ att delegat, it-trasportaturi tal-ajru li ripetutament jonqsu milli jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit, jenħtieġ li ma jibbenefikawx mil-limitu mnaqqas.

(22)Meta koordinatur ikun sodisfatt li trasportatur tal-ajru jkun waqaf jopera f’ajruport, il-koordinatur jenħtieġ li jieħu minnufih is-slots mingħand it-trasportatur tal-ajru inkwistjoni u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots għal riallokazzjoni lil trasportaturi oħra.

(23)Il-projbizzjoni fuq it-trasportaturi tal-ajru milli jtiru fl-ispazju tal-ajru tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew ta’ projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 474/2006 tista’ tikkawża l-imblukkar mhux ġustifikat ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni. Filwaqt li s-slots użati qabel minn trasportaturi tal-ajru bħal dawn jistgħu jiġu riallokati fuq bażi ad hoc tul l-istaġun ta’ skedar, dan ma jinċentivax biżżejjed l-użu effiċjenti tas-slots li jippermetti lil-linji tal-ajru jżidu l-kompetizzjoni u l-konnettività fit-tul għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Għalhekk, is-slots jenħtieġ li jiġu rtirati minnufih mit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati.

(24)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, notevolment li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi u s-solliev mir-regoli ġenerali dwar l-użu tas-slots għal perjodu ta’ żmien limitat, ħalli jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 u tal-aggressjoni militari tar-Russa fl-Ukrajna fuq it-traffiku bl-ajru, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(25)Minħabba l-urġenza taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(26)Biex tkun żgurata l-applikazzjoni malajr tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li bħala kwistjoni ta’ urġenza, dan jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 2, il-punt (ba), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(5) “parteċipant ġdid” għandha tfisser:”;

(2) l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8a u 9, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:”;

(b) fil-paragrafu 2a, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(5), u soġġetta għad-disponibbiltà tal-kapaċità fl-ajruport, meta tintalab, għandha tiġi allokata serje tas-slots li ġiet ritornata fil-ġabra tas-slots f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem il-perjodu ta’ skedar (il-“perjodu ta’ skedar ta’ referenza”), għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss lil trasportatur tal-ajru li jkun opera mill-inqas ħames slots tas-serje inkwistjoni wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(7) tul il-perjodu ta’ skedar ta’ referenza.

(c) il-paragrafu 6a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6a. Fil-perjodu meta japplikaw il-parametri ta’ koordinazzjoni tal-COVID-19 u biex ikunu jistgħu jiġu applikati kif xieraq dawn il-parametri ta’ koordinazzjoni, il-koordinatur jista’ jemenda l-ħin tas-slots mitluba jew allokati li jkunu fil-perjodu speċifikat fl-Artikolu 10a(5) jew jikkanċellahom wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat. F’dan il-kuntest, il-koordinatur għandu jqis ir-regoli u l-linji gwida addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.”;

(3) l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2a jitħassar;

(b)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) proċedimenti ġudizzjarji li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 għar-rotot meta jkunu ġew imposti obbligi ta’ servizz pubbliku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 li jirriżultaw fis-sospensjoni temporanja tal-operat ta’ dawk ir-rotot.”;

il-punt (e) jitħassar;

(ii)it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi jitħassru;

(iii)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-impatt tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u l-qerda ta’ infrastruttura kritika jaffettwaw il-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi tal-ajru u anki d-domanda, il-koordinaturi għandhom japplikaw l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għar-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna għall-perjodu tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru u għal perjodu addizzjonali ta’ rkupru ta’ 16-il ġimgħa. Il-koordinatur għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bid-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-perjodu ta’ 16-il ġimgħa.

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 4a, 4b u 4c li ġejjin:

“4a. Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(5), in-nuqqas ta’ użu ta’ slot jista’ jiġi ġġustifikat ukoll bl-introduzzjoni, mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ restrizzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw xi sitwazzjoni epidemjoloġika maġġuri, diżastru naturali, jew taqlib politiku f’xi tarf tar-rotta li għaliha s-slot inkwistjoni jkun intuża jew kien ippjanat li jintuża, diment li dawk ir-restrizzjonijiet ikunu jħallu impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà tal-ivvjaġġar jew fuq id-domanda fir-rotot ikkonċernati u li r-restrizzjonijiet ikunu jikkawżaw xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)għeluq parzjali jew sħiħ tal-fruntiera, tal-ajruport jew tal-ispazju tal-ajru tul parti sostanzjali tal-perjodu ta’ skedar rilevanti;

(b)xkiel serju għall-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ xi trasportatur f’dik ir-rotta diretta tul parti sostanzjali tal-perjodu ta’ skedar rilevanti, meta l-impediment ikun relatat ma’ xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin, iżda mhux limitat għalihom:

ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza, il-projbizzjoni ta’ kull vjaġġ ħlief dak essenzjali, jew il-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet minn jew lejn ċerti pajjiżi jew żoni ġeografiċi,

ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment jew miżuri ta’ kwarantina jew iżolament fil-pajjiż jew fir-reġjun tal-ajruport tad-destinazzjoni (inkluż punti intermedji), diment li l-kwarantina ma tkunx tista’ tinqabeż permezz ta’ test negattiv, prova ta’ fejqan jew prova tat-tilqim rikonoxxuti mill-Unjoni,

ir-restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi essenzjali li jappoġġaw direttament l-operat tas-servizzi tal-ajru, inkluż l-għeluq tas-servizzi tal-ospitalità u pubbliċi, inkluż it-trasport, li jikkawża tnaqqis serju fid-domanda f’xi tarf tar-rotta,

il-limitazzjonijiet fuq l-għadd ta’ passiġġieri għal kull titjira u frekwenzi għal kull trasportatur tal-ajru li jikkawżaw tnaqqis serju fid-domanda f’xi tarf tar-rotta;

(c)ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-ekwipaġġ tal-linji tal-ajru li jfixklu b’mod sinifikanti l-operat tas-servizzi tal-ajru minn jew lejn l-ajruporti servuti, inkluż projbizzjonijiet għal għarrieda fuq id-dħul jew waqfien mhux mistenni tal-ekwipaġġ minħabba miżuri ta’ kwarantina, sakemm il-kwarantina ma tkunx tista’ tinqabeż permezz ta’ test negattiv, prova ta’ fejqan jew prova tat-tilqim rikonoxxuti mill-Unjoni.

Meta n-nuqqas ta’ użu ta’ slot ikun ġustifikat mir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-koordinaturi għandhom jinjoraw dak is-slot u japplikaw il-persentaġġ tal-użu tas-slots imsemmi fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10(2) għas-slots li jifdal tas-serje.

Dan il-paragrafu għandu japplika fil-perjodu tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u għal perjodu sa sitt ġimgħat addizzjonali, fil-limiti msemmija fir-raba’ u fil-ħames subparagrafi. Madankollu, meta dawk ir-restrizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw anqas minn sitt ġimgħat qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ skedar, dan il-paragrafu għandu japplika għall-bqija tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat biss meta s-slots fil-perjodu ta’ skedar sussegwenti jintużaw għall-istess rotta.

Dan il-paragrafu għandu japplika biss għas-slots użati għar-rotot li għalihom kienu diġà ntużaw qabel il-pubblikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Dan il-paragrafu għandu jieqaf japplika meta t-trasportatur tal-ajru, li juża s-slots inkwistjoni, jibdel rotta li ma tkunx affettwata mir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Abbażi ta’ deċiżjoni unanima mill-koordinaturi u wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-koordinaturi jistgħu japplikaw dan il-paragrafu għas-slots kollha miżmuma fl-ajruporti kkoordinati tal-Unjoni meta maġġoranza tal-Istati Membri li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-Unjoni tapplika r-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għal parti sostanzjali tal-istaġun ta’ skedar, u b’hekk tirrendi t-traffiku tal-ajru fl-Unjoni fil-biċċa l-kbira mhux vijabbli jew twassal għal ambjent inekwu.

4b. Il-paragrafi 4 u 4a ma għandhomx japplikaw għat-trasportaturi tal-ajru li l-operazzjonijiet tagħhom jixxekklu b’miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż dawk fis-seħħ fi [date of entry into force of this Regulation] u għat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni li huma elenkati fl-Annessi A jew B tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006*.

4c. Il-koordinaturi għandhom jiskambjaw regolarment l-aqwa prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 4 u 4a biex jiżguraw applikazzjoni koerenti u konsistenti madwar l-Unjoni.

Il-koordinaturi għandhom jippubblikaw u jaġġornaw regolarment il-lista tad-destinazzjonijiet li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 u 4a.

___________________

*Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14).”;

(4) L-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

(a)l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

Artikolu 10a

Allokazzjoni tas-slots bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna”;

(b)il-paragrafi 1 sa 4 huma mħassra;

(c)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5. Matul il-perjodu mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024, meta d-data ppubblikata mill-Eurocontrol turi b’mod ċar li t-traffiku tal-ajru ta’ kull ġimgħa, f’kull ġimgħa minn erbgħa konsekuttivi, ikun inqas minn 80% tal-livelli tal-ġimgħat korrispondenti fl-2019, minħabba l-COVID-19, sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra jew bħala effett dirett tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna u li, abbażi tal-previżjonijiet tat-traffiku tal-Eurocontrol, it-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti tal-2019 aktarx li se jippersisti, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-persentaġġi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10(2) f’firxa ta’ bejn 0% u 70% għal xi perjodu ta’ skedar fil-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu. Meta l-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru tal-Eurocontrol ikunu eqreb lejn il-livelli tal-2019, u l-maġġoranza tal-indikaturi jkunu juru li t-traffiku tal-ajru stabbilizza ruħu, il-Kummissjoni għandha tagħżel valur akbar stabbilit f’dik il-firxa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a)data ppubblikata mill-Eurocontrol dwar il-livelli tat-traffiku u l-previżjonijiet tat-traffiku;

(b)indikaturi relatati mad-domanda għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija, inkluż ix-xejriet dwar il-prenotazzjonijiet bil-quddiem, l-iskedi ppjanati tal-linji tal-ajru, id-daqs tal-flotta, l-użu tal-flotta, u l-fatturi tat-tagħbija.

(c)miżuri ta’ awtoritajiet pubbliċi relatati ma’ sitwazzjoni epidemjoloġika li tikkawża effett sinifikattiv fuq il-livelli tat-traffiku tal-ajru minn u lejn l-ajruporti tal-Unjoni, riprogrammar sfurzat tar-rotot minħabba għeluq tal-ispazju tal-ajru, jew projbizzjoni fuq it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni milli jidħlu fi spazju tal-ajru ta’ pajjiż terz filwaqt li jitqies il-parir tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Bullettin ta’ Informazzjoni tagħha dwar iż-Żona ta’ Kunflitt;

(d)data miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard u mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-COVID-19 jew dwar sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra mill-aktar kontaġġużi u li aktarx iwasslu għal tnaqqis serju fir-ritmu tal-ivvjaġġar bl-ajru.”;

(d)jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 5, meta l-Kummissjoni ssib li minħabba l-qerda tal-infrastruttura u l-impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien ikkawżati mill-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, ir-restawr gradwali tat-traffiku tal-ajru bejn l-Ukrajna u l-Unjoni jkun jeħtieġ tnaqqis fir-rata tal-użu għar-rotot li jservu lill-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-persentaġġi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10(2) f’firxa ta’ bejn 0% u 70% għas-slots użati tar-rotot minn u lejn l-Ukrajna għal xi perjodu ta’ skedar fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 5. Meta l-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru tal-Eurocontrol ikunu eqreb lejn il-livelli tal-2019, u l-maġġoranza tal-indikaturi jkunu juru li t-traffiku tal-ajru stabbilizza ruħu, il-Kummissjoni għandha tagħżel valur akbar stabbilit f’dik il-firxa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin:

(a)id-data ppubblikata mill-Eurocontrol dwar il-livelli tat-traffiku u l-previżjonijiet tat-traffiku tar-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna;

(b)indikaturi relatati mad-domanda għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija, inkluż ix-xejriet rigward il-prenotazzjonijiet bil-quddiem u l-iskedi ppjanati tal-linji tal-ajru;

(c)riprogrammar sfurzat tar-rotot minħabba għeluq tal-ispazju tal-ajru, jew projbizzjoni fuq it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni milli jidħlu fi spazju tal-ajru ta’ pajjiż terz filwaqt li jitqies il-parir tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Bullettin ta’ Informazzjoni dwar iż-Żona ta’ Kunflitt.”;

(e)il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“6. Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-kriżi tal-COVID-19, ta’ sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra jew bħala effetti diretti tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jeżiġu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

7. Tul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 5, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu disponibbli kull slot li ma jkunx beħsiebhom jużaw, sa tliet ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operat, ħalli l-koordinatur jirriallokahom lil trasportaturi tal-ajru oħrajn. Meta trasportatur tal-ajru jonqos milli jagħmel disponibbli lill-koordinatur aktar minn tliet slots f’serje f’konformità ma’ dan il-paragrafu, dak it-trasportatur għandu jkun intitolat għas-serje kollha tas-slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss biss jekk is-serje kollha tas-slots tkun ġiet operata mit-trasportatur għal mill-inqas 80% tal-ħin, irrispettivament minn jekk l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2) ikunux ġewx emendati mill-att delegat imsemmi f’dan l-Artikolu.”;

(5) fl-Artikolu 12a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 10a għandha tingħata lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Marzu 2024.”;

(6) fl-Artikolu 14, il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(5), meta koordinatur jiddetermina, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, li trasportatur tal-ajru waqqaf l-operazzjonijiet tiegħu f’ajruport u ma għadux jista’ jopera s-slots li jkunu ġew allokati lilu, il-koordinatur għandu jirtira s-serje tas-slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots, wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat.” ;

(b)jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(5), meta koordinatur jiddetermina, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, li trasportatur tal-ajru li jkun soġġett għall-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż dawk fis-seħħ fi [date of entry into force of this Regulation] jew li trasportatur tal-ajru li jkun soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni u jkun elenkat fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, ma jkunx jista’ jopera slots għal parti sostanzjali tal-istaġun, il-koordinatur għandu jirtira s-serje tas-slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots, wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1); ir-Regolament (UE) 2021/250 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 1).
(3)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1477 tal-14 ta’ Ottubru 2020 (ĠU L 338, 15.10.2020, p. 4); ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1889 tat-23 ta’ Lulju 2021 (ĠU L 384, 29.10.2021, p. 20); ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/255 tal-15 ta’ Diċembru 2021 (ĠU L 42, 23.2.2022, p. 1).
(4)    Fil-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2021, ir-rata tal-użu tas-slots de facto kienet 25% (ir-rata tal-użu tas-slots ġiet stabbilita għal 50%, iżda l-linji tal-ajru setgħu wkoll jagħtu lura sa 50% tas-serje tas-slots kollha tagħhom qabel jibda l-istaġun tas-sajf għal riallokazzjoni temporanja u ta’ dan jingħataw protezzjoni sħiħa għal dawk is-serje). Ġiet adottata rata tal-użu ta’ 50% għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2021/2022 u 64% għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022.
(5)     eurocontrol-comprehensive-air-traffic-assessment-20220525_0.pdf
(6)    Fl-2021, it-trasportaturi tal-UE u taċ-Ċina operaw madwar 74-76% inqas tat-titjiriet lejn iċ-Ċina milli operaw fl-2019. Wara l-ewwel nofs tal-2022, l-għadd ta’ titjiriet operati hu 70% inqas għat-trasportaturi Ċiniżi u 80% inqas għat-trasportaturi tal-UE meta mqabbla mal-2019 kollha. Għalhekk, minkejja li t-trasportaturi aktarx qabdu t-triq it-tajba biex jaqbżu l-operazzjonijiet tal-2021, dan juri li t-traffiku tal-ajru lejn iċ-Ċina xorta waħda għadu baxx b’mod sinifikanti.
(7)    ĠU C , , p. .
(8)    ĠU C , , p. .
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(11)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14).
(12)     ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1 .