Brussell, 18.5.2022

COM(2022) 222 final

2022/0160(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew poġġa l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fil-qalba tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. It-tensjonijiet internazzjonali attwali wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-kuntest ġeopolitiku ġenerali u l-prezzijiet għaljin ħafna tal-enerġija komplew aggravaw il-ħtieġa li jitħaffu l-effiċjenza enerġetika u l-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni bl-objettiv li tinkiseb sistema tal-enerġija aktar indipendenti mill-pajjiżi terzi. Il-ħeffa tat-tranżizzjoni ekoloġika lejn l-enerġija rinnovabbli u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika jnaqqsu l-emissjonijiet, inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u jipprovdu prezzijiet tal-enerġija affordabbli liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej fis-setturi kollha tal-ekonomija.

Il-miri tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu jirriflettu l-ħtieġa urġenti li jitħaffu l-effiċjenza enerġetika u l-varar tal-enerġija rinnovabbli u għalhekk jenħtieġ li jiżdiedu. Dawn il-miri riveduti jissostitwixxu l-modifika tal-miri proposti fil-proposti għar-riformulazzoni tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija 1 u għall-emendar tad-Direttiva (UE) 2018/2011 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli 2 , adottati fl-14 ta’ Lulju 2021.

Barra minn hekk, meta jitqies li l-bini jfisser 40% tal-enerġija kkunsmata u 36% tal-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra relatati mal-enerġija, jeħtieġ jiżdied il-varar tal-installazzjonijiet solari fuq il-bini. Dan hu wieħed mill-aktar passi mgħaġġla biex l-enerġija rinnovabbli tiġi varata fuq skala kbira, biex jonqos l-użu tal-fjuwils fossili fil-bini u jitħaffu d-dekarbonizzazzjoni u l-elettrifikazzjoni tal-konsum tal-enerġija tiegħu.

Barra minn hekk, wieħed mill-ostakli ewlenin identifikati għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura rilevanti hu l-proċeduri amministrattivi twal u kumplessi. Ir-rapport interim tal-istudju RES Simplify, imħejji għall-Kummissjoni 3 u ppubblikat ma’ din il-proposta, żvela li l-kwistjonijiet amministrattivi u tal-grilja huma madwar 46% tal-ostakli kollha identifikati u dan mistenni jiżdied fil-futur. Għal xi teknoloġiji rinnovabbli mifruxa ħafna, bħall-enerġija eolika u l-fotovoltajċi, l-ostakli amministrattivi qed isiru dejjem aktar importanti minn tipi oħra ta’ ostakli. Filwaqt li t-tranżizzjoni tal-enerġija tkompli tavvanza, it-teknoloġiji rinnovabbli jissaħħu u l-proġetti jsiru inqas dipendenti fuq l-iskemi ta’ appoġġ, l-ostakli amministrattivi jsiru aktar prominenti.

L-aktar ostakli komuni relatati mal-proċess amministrattiv għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli identifikati fl-istudju RES Simplify 4 huma l-piż burokratiku, il-proċessi mhux trasparenti, in-nuqqas ta’ koerenza legali, u qafas u linji gwida mhux kompluti u vagi li jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-awtoritajiet kompetenti.

Il-beni pubbliċi kunfliġġenti huma t-tieni sors ewlieni ta’ ostakli għall-varar tal-installazzjonijiet rinnovabbli. Dan hu partikolarment il-każ għall-enerġija eolika, għall-enerġija ġeotermali u għall-enerġija idroelettrika kif ukoll għall-fotovoltajċi solari. L-aktar prominenti fosthom għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent (il-bijodiversità u l-protezzjoni ta’ speċijiet fil-periklu u l-protezzjoni ta’ korpi tal-ilma), ma’ użi oħra tal-art u ma’ kwistjonijiet militari/ tad-difiża tal-arja.

Ostakli oħra identifikati fl-istudju huma relatati man-nuqqas ta’ appoġġ minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-politika jew mal-oppożizzjoni fit-tul minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati jew mill-pubbliku nnifsu.

Fl-aħħar nett, fost il-problemi li jaffettwaw gravament il-varar tal-enerġija rinnovabbli f’għadd ta’ Stati Membri ġew identifikati wkoll dawk relatati mal-konnessjonijiet tal-grilja u mal-proċeduri operazzjonali.

Fit-18 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Sejħa għal Evidenza u konsultazzjoni pubblika miftuħa biex tikseb rispons mingħand il-partijiet ikkonċernati dwar il-proċeduri u l-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. 5 Din il-konsultazzjoni pubblika saret fil-kuntest tat-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPA), adottati fit-18 ta’ Mejju, flimkien ma’ din il-proposta. Din il-konsultazzjoni pubblika tikkonferma li l-ostakli amministrattivi huma ostaklu ewlieni għall-ħeffa tal-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ara t-Taqsima 3 hawn taħt għal aktar dettalji).

Minħabba dawn l-ostakli, it-twettiq tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jaf jieħu sa għaxar snin. Għalhekk, prekundizzjoni biex tassew jitħaffu l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli hija simplifikazzjoni u tqassir tal-proċess tal-għoti tal-permessi, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni REPower EU 6 . Il-proposta għandha l-għan li tkompli tissimplifika u tqassar il-proċessi amministrattivi tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli b’mod ikkoordinat u armonizzat madwar l-UE. Dan hu meħtieġ biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE ħalli jkun żgurat li jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 eżistenti dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Tibni fuq il-qafas eżistenti biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u fost l-oħrajn tintroduċi t-tul ta’ żmien massimu tal-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali hemm bżonn miżuri addizzjonali ħalli tkompli tiżdied il-provvista tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni. B’mod partikolari, neħtieġu miżuri msaħħa li jħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-impjanti l-ġodda tal-enerġija rinnovabbli, jew għall-adattament tal-installazzjonijiet eżistenti.

Barra minn hekk, il-mira tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli jeħtieġ tkun aktar ambizzjuża. Fl-Artikolu 1(2)(a) tal-proposta għall-emendar tad-Direttiva (UE) 2018/2001 adottata fl-14 ta’ Lulju 2021 7 , din il-mira diġà żdiedet minn 32% għal 40%. Iżda minħabba bidla radikali li seħħet fil-kundizzjonijiet tas-suq tal-fjuwils fossili użati fl-enerġija, fit-tisħin u fit-trasport minn dakinhar ’l hawn, inkluż b’rabta maż-żieda fil-prezzijiet u mal-ħtieġa li l-UE tneħħi gradwalment id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, il-mira tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli jeħtieġ tiżdied għal 45% biex dawn jikkontribwixxu aħjar għal dan l-objettiv u biex ikollna prezzijiet tal-enerġija kompetittivi.

Din il-proposta temenda wkoll id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Din tibni fuq il-qafas eżistenti dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva tintroduċi obbligi fuq l-Istati Membri biex jippromwovu l-varar tal-installazzjonijiet solari fuq il-bini.

L-Artikolu 4(1) tal-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika adottata fl-14 ta’ Lulju 2021 diġà żied il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 għal 9% meta mqabbla mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza għall-2020. Iżda minħabba l-prezzijiet għaljin tal-enerġija u l-bidla radikali fil-kundizzjonijiet tas-suq li jwasslu għal żieda fil-kosteffettività tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u l-ħtieġa li l-Unjoni tneħħi d-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili u l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, il-mira tal-effiċjenza enerġetika għall-2030 jeħtieġ tiżdied għal 13% biex ikun żgurat li dan l-objettiv u l-miri tad-dekarbonizzazzjoni jintlaħqu malajr u b’mod kosteffettiv. Għaldaqstant, il-proposta temenda wkoll id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika biex tissaħħaħ l-effiċjenza enerġetika u tiżdied il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030. 

Il-Kummissjoni se tinforma lill-koleġiżlaturi li:

- l-Artikolu 1(2)(a) tal-proposta għall-emendar tad-Direttiva (UE) 2018/2001 adottata f’Lulju jenħtieġ li jitqies sostitwit bl-Artikolu 1(2) ta’ din il-proposta.

- l-Artikolu 2 ta’ din il-proposta jenħtieġ li jitqies miżjud mal-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE ppreżentata fil-15 ta’ Diċembru 2021 8 . Għalhekk, jekk jiġi adottat, dan jenħtieġ li jiġi rifless fir-riformulazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

- l-Artikolu 3 ta’ din il-proposta jenħtieġ li jitqies li jissostitwixxi l-Artikolu 4(1) tal-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE ppreżentata fl-14 ta’ Lulju 2021. Għalhekk, jekk jiġi adottat, dan jenħtieġ li jiġi rifless fir-riformulazzjoni ta’ dik id-Direttiva. 

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ sett usa’ ta’ inizjattivi li jsaħħu r-reżiljenza tal-enerġija tal-Unjoni u tibda t-tħejjija għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza possibbli, b’mod notevoli l-proposti tal-Kummissjoni “Lesti għall-mira ta’ 55%”, b’mod partikolari r-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u r-riformulazzjonijiet tad-Direttivi 2010/31/UE u 2012/27/UE.

Wara l-iżviluppi ġeopolitiċi riċenti, f’Marzu 2022 il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni REPowerEU. F’konformità mal-Komunikazzjoni REPowerEU, il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u gwida biex tgħin lill-Istati Membri jħaffu l-għoti tal-permessi għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli. Dan se jagħti l-għodod lill-Istati Membri biex jibdew minn issa jnaqqsu ż-żmien meħtieġ għall-approvazzoni tal-applikazzjonijiet tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, u għalhekk biex jirrispondu malajr għall-kriżi tal-enerġija bla preċedent ikkawżata mis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta din il-proposta biex tiżgura li fl-Unjoni, il-proġetti jiġu approvati b’mod aktar sempliċi u malajr. Ir-rakkomandazzjoni bi proposta legali se tagħti aktar ċertezza lill-promoturi u lill-investituri tal-proġetti, filwaqt li l-Istati Membri diġà qabdu t-triq biex iħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi f’konformità mar-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni malajr u effiċjenti tar-Rakkomandazzjoni jaf taqdi rwol ewlieni biex tiżgura li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi l-ġodda tagħhom skont il-proposta attwali.

Il-proposta għandha l-għan li tkompli tissimplifika l-passi differenti tal-proċessi tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-enerġija rinnovabbli, inkluż il-valutazzjoni tal-impatti ambjentali potenzjali. Il-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli u l-ambjent isegwu objettivi interkonnessi mill-qrib għax it-tnejn jaqdu l-istess objettiv ġenerali li tinkiseb il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-proposta ssaħħaħ ir-rwol li jista’ jkollhom il-valutazzjonijiet ambjentali tal-pjanijiet jew tal-programmi mwettqa mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 għal varar aktar mgħaġġel tal-enerġiji rinnovabbli, b’mod partikolari biex jintgħażlu ż-żoni deżinjati għall-enerġija rinnovabbli. Il-proposta tipprovdi wkoll qafas speċifiku għall-proċeduri tal-għoti tal-permessi għal proġetti individwali tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u barra minn dawk iż-żoni. Dak il-qafas iżewweġ b’mod effiċjenti l-ħtieġa ta’ awtorizzazzoni malajr u sempliċi tal-maġġoranza tal-proġetti, li aktarx ma joħolqux riskji ambjentali, ma’ livell għoli ta’ protezzjoni billi jkun żgurat skrutinju aktar mill-qrib tal-aktar proġetti problematiċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq żewġ bażijiet ġuridiċi:

- l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 10 (TFUE), li jipprovdi l-bażi ġuridika biex jiġu proposti miżuri għall-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli ta’ enerġija u li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika, li huma għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija stabbiliti fl-Artikolu 194(1)(c) tat-TFUE.

- l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, li jipprovdi l-bażi ġuridika biex tiġi emendata l-applikazzjoni tal-acquis ambjentali tal-Unjoni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-bżonn ta’ azzjoni mill-UE

Il-varar kosteffiċjenti, malajr u fuq skala kbira ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli f’konformità mal-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Komunikazzjoni REPower EU ma jistgħux jiksbuh l-Istati Membri waħedhom. Hu meħtieġ approċċ tal-UE li jipprovdi l-inċentivi xierqa lill-Istati Membri b’livelli differenti ta’ ambizzjoni biex titħaffef, b’mod ikkoordinat, it-tranżizzjoni tal-enerġija minn sistema tradizzjonali tal-enerġija bil-fjuwils fossili lejn sistema tal-enerġija aktar integrata u aktar effiċjenti bbażata fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Filwaqt li jitqiesu l-politiki differenti dwar l-enerġija fost l-Istati Membri, azzjoni fil-livell tal-UE, bl-appoġġ tal-qafas sod ta’ governanza, hija aktar probabbli li tilħaq il-mira klimatika tal-UE u tikseb iż-żieda meħtieġa fil-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.

Proċeduri amministrattivi twal u kumplessi huma ostaklu ewlieni għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata tagħhom. It-tul ta’ żmien u l-kumplessità tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jvarjaw ħafna fost it-teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli u fost l-Istati Membri. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni biex jindirizzaw dawk l-ostakli eżistenti fil-livell nazzjonali, hu meħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat biex jitqassru u jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-proċessi amministrattivi ħalli jitħaffef il-varar meħtieġ tal-enerġiji rinnovabbli. Min-naħa tiegħu, dan hu meħtieġ biex l-UE tilħaq il-miri tagħha tal-klima u tal-enerġija għall-2030 u l-objettiv fit-tul tagħha tan-newtralità klimatika, u biex tneħħi gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi u traħħas il-prezzijiet tal-enerġija. Filwaqt li jitqiesu l-politiki, il-prijoritajiet u l-proċeduri differenti tal-enerġija tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-urġenza li jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha, hu aktar probabbli li azzjoni fil-livell tal-UE tilħaq l-objettivi meħtieġa minn azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.

Jeħtieġ tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex ikun żgurat li l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-mira vinkolanti tal-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-UE u biex din tintlaħaq b’mod kollettiv u kosteffettiv. L-azzjoni tal-Unjoni se tissupplimenta u ssaħħaħ l-azzjoni nazzjonali u lokali għal sforzi dejjem akbar fl-effiċjenza enerġetika.

Il-valur miżjud tal-UE

L-azzjoni tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika tipprovdi valur miżjud għax hi effiċjenti u effettiva aktar mill-azzjonijiet ta’ Stati Membri individwali, filwaqt li tevita approċċ frammentat billi tindirizza t-tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea b’mod ikkoordinat.

Approċċ Ewropew jippermetti lill-Istati Membri kollha jaħtfu bis-sħiħ il-potenzjali tagħhom għall-varar kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli li hemm bżonn biex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tiġi varata bla xkiel fl-Istati Membri kollha.

Il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 huma miri kollettivi. F’dan ir-rigward, il-politiki kkoordinati tal-Unjoni għandhom possibbiltà akbar li jittrasformaw lill-Unjoni f’kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

Proporzjonalità

L-inizjattiva hi konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent li ħolqu l-invażjoni Russa fl-Ukrajna u l-prezzijiet għaljin tal-enerġija, hemm ħtieġa ċara ta’ azzjoni kkoordinata u urġenti biex jitħaffef il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-bilanċ bejn l-obbligi u l-flessibbiltà qed jitħalla f’idejn l-Istati Membri dwar kif jilħqu l-objettivi, u dan jitqies xieraq minħabba l-ħtieġa imperattiva li jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u anki minħabba l-urġenza li tonqos id-dipendenza enerġetika tal-Unjoni u li jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija Direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li żżid il-mira tal-Unjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 u li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet relatati mal-għoti tal-permessi ta’ dik id-Direttiva (Artikoli 15-17). Temenda wkoll id-Direttiva 2010/31/UE biex tippromwovi installazzjonijiet solari fuq il-bini, u temenda d-Direttiva 2012/27/UE biex iżżid il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030. Din ir-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001, tad-Direttiva 2012/27/UE u tad-Direttiva 2010/31/UE hi limitata għal dak muqjus meħtieġ biex il-miri tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika jkunu konsistenti mal-urġenza attwali u biex jiżdiedu l-installazzjonijiet solari fuq il-bini u jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi ħalli jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-18 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Sejħa għal Evidenza u konsultazzjoni pubblika miftuħa ta’ tliet xhur biex tikseb ir-rispons tal-partijiet ikkonċernati dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Din il-konsultazzjoni pubblika saret fil-kuntest tat-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPA), adottati fit-18 ta’ Mejju, flimkien ma’ din il-proposta. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni organizzat ukoll avveniment ta’ livell għoli għall-partijiet ikkonċernati u żewġ sessjonijiet ta’ ħidma bil-għan li jiġu diskussi l-ostakli u l-prattiki tajba eżistenti fil-proċessi tal-għoti tal-permessi tal-Istati Membri differenti.

Minħabba l-urġenza tal-proposta, li tressqet b’reazzjoni għall-kriżi kkawżata mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna, u allura minħabba l-ħtieġa li b’mod urġenti jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni se tibni fuq l-eżiti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u fuq il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fis-sessjonijiet ta’ ħidma, fil-laqgħat u f’fora differenti, b’mod partikolari konferenza ta’ livell għoli dwar l-għoti tal-permessi għall-proġetti u għall-PPAs tal-enerġija rinnovabbli u żewġ sessjonijiet ta’ ħidma dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta’ repowering fis-setturi tal-enerġija eolika u tal-enerġija idroelettrika.

Sommarju tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa talbet il-fehmiet dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi ta’ żewġ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati: l-awtoritajiet pubbliċi, u l-promoturi u l-assoċjazzjonijiet tal-proġetti.

Fit-tweġibiet tagħhom, 7 minn 8 awtoritajiet pubbliċi (87,5%) indikaw in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ siti fuq l-art jew fuq il-baħar bħala l-isfida ewlenija għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, u mbagħad in-nuqqas ta’ kapaċità tal-grilja (62,5%), in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika jew il-kunflitt bejn il-beni pubbliċi (50%) u t-tul ta’ żmien tal-proċeduri (50%). Meta ġew mistoqsijin dwar l-ostakli ewlenin għall-ipproċessar tal-permessi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-kumplessità tal-koordinazzjoni f’livelli differenti tal-gvern jew tal-amministrazzjoni ħarġet bħala l-ostaklu ewlieni mill-awtoritajiet pubbliċi (75%), u mbagħad in-nuqqas ta’ riżorsi umani (50%) u n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika jew il-kunflitt bejn il-beni pubbliċi (50%).

Madwar nofs il-promoturi u l-assoċjazzjonijiet tal-proġetti (70 minn 155) ikklassifikaw it-tul tal-proċeduri amministrattivi bħala l-aktar ostaklu importanti li jwaqqaf it-twettiq tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li 62 indikaw il-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja. Ir-rispondenti kklassifikaw ukoll il-kompetizzjoni mar-regolamenti ambjentali (44) u l-kumplessità tar-rekwiżiti jew tal-proċeduri applikabbli (35) fost l-aktar ostakli importanti. Fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet b’test miftuħ, ir-rispondenti saħqu fuq l-importanza tal-ġestjoni tat-territorju, esprimew appoġġ għall-użi multipli tal-ispazju, bħall-pannelli fotovoltajiċi agrikoli, u appellaw għall-involviment tal-popolazzjoni lokali. Il-konsultazzjoni pubblika appellat ukoll għal sett armonizzat ta’ kriterji għad-deżinjazzjoni ta’ żoni adattati għall-proġetti.

Din il-proposta ġiet elaborata filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kif espressi fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa u waqt is-sessjonijiet ta’ ħidma.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta tibni fuq ir-riżultati tal-istudju RES Simplify, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-ostakli eżistenti relatati mal-għoti tal-permessi, l-indikaturi tal-prestazzjoni nazzjonali kif ukoll l-aqwa prattiki relatati mal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’enfasi fuq l-ostakli amministrattivi fis-settur tal-enerġija. Ir-rapport interim tal-istudju hu ppubblikat mal-adozzjoni ta’ din l-inizjattiva u mar-Rakkomandazzjoni dwar il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-PPAs. Din il-proposta tirrifletti wkoll il-fehmiet li esprimew il-partijiet ikkonċernati rilevanti waqt il-proċess tal-konsultazzjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura politikament sensittiva u urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt speċifika.

Iżda l-istudju msemmi hawn fuq, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa u s-sessjonijiet ta’ ħidma estensivi organizzati mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-analiżi tal-Kummissjoni stess, jipprovdu għarfien sod dwar il-problemi relatati mal-ippjanar u l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u dwar l-alternattivi biex dawn jiġu indirizzati.

Drittijiet fundamentali

F’termini ta’ konsistenza mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan ir-rieżami għandu l-għan kumplessiv li jżid l-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; u b’hekk jikkonforma għalkollox mal-Artikolu 37 tal-Karta li jeżiġi integrazzjoni fil-politiki tal-Unjoni ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, filwaqt li jkunu żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta temenda Direttiva eżistenti dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u għalhekk l-impatt u l-kostijiet amministrattivi huma stmati moderati għax ħafna mill-istrutturi u r-regoli meħtieġa diġà huma stabbiliti. L-Istati Membri se jġarrbu l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligu l-ġdid li jidentifikaw “żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli” iżda s-simplifikazzjoni ġenerali tal-proċeduri mistennija tiffranka ġmielu l-kostijiet lill-Istati Membri. Il-kostijiet addizzjonali ta’ mira ogħla tal-enerġija rinnovabbli fl-UE se jitpaċew b’benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali oħra fosthom iż-żieda fis-sigurtà tal-provvista, bi tneħħija tal-fjuwils fossili importati mill-pajjiżi terzi, u b’iżjed reżiljenza kontra l-esternalitajiet, filwaqt li dan jikkontribwixxi għall-bir tal-karbonju u jnaqqas it-tniġġis tal-arja. Il-proposta ma timplika l-ebda kost addizzjonali għall-baġit tal-UE.

Rigward l-emenda għad-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika u għad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE. Rigward il-kostijiet għall-Istati Membri, din il-proposta temenda d-Direttivi eżistenti u tibbaża ħafna fuq l-istrutturi u r-regoli diġà stabbiliti, speċjalment meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet il-ġodda li kienu tressqu fil-proposti għar-riformulazzjoni taż-żewġ Direttivi. L-Istati Membri se jġarrbu xi kostijiet bl-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali li jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira u jitwettaq l-obbligu l-ġdid tal-bini, iżda dawn mistennija jiffrankaw ġmielu l-kostijiet lill-unitajiet domestiċi u lill-intrapriżi. 

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja mill-koleġiżlaturi, tul it-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet li ġejjin biex tiffaċilita t-traspożizzjoni tagħha:

Se torganizza laqgħat ma’ esperti tal-Istati Membri inkarigati mit-traspożizzjoni tal-partijiet differenti tad-Direttiva biex jiddiskutu kif jittrasponuhom u jsolvu d-dubji, jew fil-kuntest tal-Azzjoni Konċertata għas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (CA-RES), tal-Azzjoni Konċertata għar-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (CA-EPBD) u tal-Azzjoni Konċertata għall-effiċjenza enerġetika (CA-EED) jew f’għamla ta’ kumitat.

Se tkun disponibbli għal laqgħat bilaterali u għal sejħiet mal-Istati Membri jekk ikollhom xi mistoqsija speċifika dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Wara l-iskadenzi tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva dwar jekk l-Istati Membri ttrasponewx id-Direttiva għalkollox u sew.

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika stabbilixxa qafas integrat għall-ippjanar, għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-enerġija u l-klima, biex jissorvelja l-progress lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija f’konformità mar-rekwiżiti tat-trasparenza tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima lill-Kummissjoni sa tmiem l-2019, li jkopru l-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija għall-perjodu 2021-2030. Mill-2023, l-Istati Membri jridu jirrapportaw kull sentejn dwar il-progress li jkunu għamlu fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u barra minn hekk, sat-30 ta’ Ġunju 2023 iridu jgħaddu l-aġġornamenti abbozzati tal-pjanijiet tagħhom lill-Kummissjoni, u sat-30 ta’ Ġunju 2024 jgħaddu l-aġġornamenti finali. Din il-proposta mhux se toħloq sistema ġdida ta’ ppjanar u rappurtar, iżda se tkun soġġetta għall-qafas eżistenti ta’ ppjanar u rappurtar skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Reviżjoni futura tar-Regolament dwar il-Governanza tippermetti konsolidazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rappurtar.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta’ Il-Kummissjoni vs il-Belġju (il-kawża C-543/17), flimkien man-notifiki tagħhom tal-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali, l-Istati Membru jridu jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed li tindika liema dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali qed jittrasponu liema dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan irid jingħata għal kull obbligu, mhux biss fil-“livell tal-artikolu”. Jekk l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dan l-obbligu, fil-prinċipju ma jkollhomx bżonn jibagħtu dokumenti ta’ spjegazzjoni oħra dwar it-traspożizzjoni lill-Kummissjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet ewlenin li jibdlu b’mod sostanzjali d-Direttiva (UE) 2018/2001, id-Direttiva 2012/27/UE u d-Direttiva 2010/31/UE jew li jżidu xi elementi ġodda huma dawn li ġejjin:

L-Artikolu 1(1) iżid definizzjoni ġdida fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, biex jiddefinixxi “żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli”.

L-Artikolu 1(2) jimmodifika l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 billi jżid il-mira tal-Unjoni tal-enerġija rinnovabbli għal 45%. Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-emenda tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 inkluża fil-proposta għal modifika tad-Direttiva (UE) 2018/2001 adottata fl-14 ta’ Lulju 2021 11 .

L-Artikolu 1(3) idaħħal paragrafu 2a ġdid fl-Artikolu 15 li jeżiġi lill-Istati Membri jippromwovu l-ittestjar ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li japplikaw is-salvagwardji xierqa.

L-Artikolu 1(4) idaħħal Artikolu 15b ġdid dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jidentifikaw iż-żoni fuq l-art u fuq il-baħar meħtieġa għall-installazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex jissodisfaw il-kontributi nazzjonali tagħhom biex jilħqu l-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030.

L-Artikolu 1(5) idaħħal Artikolu 15c ġdid dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw pjan(ijiet) li jagħżlu “żoni deżinati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli”, li jkunu żoni partikolarment adattati għall-installazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

L-Artikolu 1(6) jissostitwixxi l-Artikoli 16 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u jestendi l-ambitu tal-proċess tal-għoti tal-permessi, jiċċara l-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi u jitlob li jkun hemm l-aktar proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji rapidi disponibbli għall-appelli fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

L-Artikolu 1(7) idaħħal Artikolu 16a ġdid li jirregola l-proċess tal-għoti tal-permessi fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

L-Artikolu 1(8) idaħħal Artikolu 16b ġdid li jirregola l-proċess tal-għoti tal-permessi barra miż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

L-Artikolu 1(9) idaħħal Artikolu 16c ġdid li jirregola l-proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari fi strutturi artifiċjali.

L-Artikolu 1(10) idaħħal Artikolu 16d ġdid biex jiżgura li l-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-grilja relatata nnifisha jew l-assi tal-ħżin ikunu preżunti li għandhom l-interess pubbliku prevalenti għal skopijiet speċifiċi.

L-Artikolu 2 idaħħal Artikolu 9a ġdid għad-Direttiva 2010/31/UE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-bini l-ġdid ikun lest għall-enerġija solari u li jwettqu installazzjonijiet tal-enerġija solari fuq il-bini. Dan l-Artikolu 9a l-ġdid jenħtieġ li jiġi rifless fir-riformulazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE li l-Kummissjoni ppreżentat proposta għaliha fil-15 ta’ Diċembru 2021 12 .

L-Artikolu 3 jimmodifika l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE biex tiżdied il-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni. Din l-emenda jenħtieġ li tissostitwixxi dik magħmula bl-Artikolu 4(1) tar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE, li l-Kummissjoni ppreżentat proposta għaliha fl-4 ta’ Lulju 2021 13

L-Artikolu 4 jikkonċerna t-traspożizzjoni.

L-Artikolu 5 jikkonċerna d-dħul fis-seħħ.

L-Artikolu 6 jikkonċerna d-destinatarji.

2022/0160 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 16 , ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 stabbilixxa l-objettiv li l-Unjoni ssir newtrali għall-klima fl-2050, u l-mira ta’ tnaqqis ta’ 55% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030. Dan jeħtieġ tranżizzjoni tal-enerġija u ishma ferm akbar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’sistema tal-enerġija integrata.

(2)L-enerġija rinnovabbli taqdi rwol fundamentali fit-twettiq ta’ dawn l-objettivi għax is-settur tal-enerġija llum jikkontribwixxi għal aktar minn 75% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra fl-Unjoni. Filwaqt li tnaqqas dawk l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-enerġija rinnovabbli tikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-ambjent bħat-telfien tal-bijodiversità u biex jonqos it-tniġġis f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.

(3)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 tistabbilixxi mira vinkolanti li sal-2030, mill-inqas 32% tal-enerġija tal-Unjoni fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni jkunu jinkisbu minn sorsi rinnovabbli Skont il-Pjan dwar il-Mira Klimatika 19 , is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija jeħtieġ jiżdied għal 40% sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra 20 . F’dan il-kuntest, bħala parti mill-pakkett biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’Lulju 2021 il-Kummissjoni pproponiet li tirdoppja s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija fl-2030 meta mqabbel mal-2020, ħalli tilħaq mill-inqas 40%. Il-Komunikazzjoni REPowerEU 21 spjegat pjan biex l-UE ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel jintemm dan id-deċennju. Il-Komunikazzjoni tipprevedi l-frontloading tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, li żżid ir-rata medja tal-varar u l-kapaċità addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 biex takkomoda ż-żieda fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. Stiednet ukoll lill-koleġiżlaturi biex jikkunsidraw mira akbar jew aktar bikrija għall-enerġija rinnovabbli. F’dan il-kuntest, jixraq li l-mira tal-Unjoni tal-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 45% biex jitħaffef ġmielu l-pass attwali tal-varar tal-enerġija rinnovabbli u b’hekk titħaffef it-tneħħija gradwali tad-dipendenza tal-UE billi żżid id-disponibbiltà ta’ enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli fl-Unjoni.

(4)Wieħed mill-ostakli ewlenin għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata tagħhom hu proċeduri amministrattivi twal. Fost dawn l-ostakli hemm il-kumplessità tar-regoli applikabbli għall-għażla tas-siti u għall-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-proġetti, il-kumplessità u t-tul ta’ żmien tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali tal-proġetti, il-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja, ir-restrizzjonijiet fuq l-adattament tal-ispeċifikazzjonijiet tat-teknoloġija tul il-proċedura tal-għoti tal-permessi, jew kwistjonijiet ta’ persunal tal-awtoritajiet tal-permessi jew tal-operaturi tal-grilja. Biex jitħaffef il-pass tal-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, jeħtieġ jiġu adottati regoli li jissimplifikaw u jqassru l-proċessi tal-għoti tal-permessi.

(5)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tissimplifika r-rekwiżiti għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtorizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli billi tintroduċi regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tul ta’ żmien massimu tal-parti amministrattiva tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li jkopru l-permessi rilevanti kollha għall-bini, ir-repowering u t-tħaddim tal-impjanti, u għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja.

(6)Huma meħtieġa aktar simplifikazzjoni u tqassir tal-proċessi amministrattivi tal-għoti tal-permessi b’mod ikkoordinat u armonizzat biex ikun żgurat li l-Unjoni tilħaq il-miri ambizzjużi tagħha tal-klima u tal-enerġija għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara“ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-introduzzjoni ta’ skadenzi iqsar u ċari għad-deċiżjonijiet li jridu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti biex toħroġ l-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli abbażi ta’ applikazzjoni sħiħa, se tħaffef il-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Iżda jixraq issir distinzjoni bejn il-proġetti fiż-żoni partikolarment adattati biex jiġu varati proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li għalihom l-iskadenzi jistgħu jiġu ssimplifikati b’mod partikolari (l-hekk imsejħa “żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli”), u l-proġetti li jinsabu barra minn dawk iż-żoni.

(7)Uħud mill-aktar kwistjonijiet komuni li jkollhom l-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma relatati mal-proċeduri stabbiliti fil-livell nazzjonali jew reġjonali biex jiġi vvalutat l-impatt ambjentali tal-proġetti proposti. Għalhekk, jixraq jiġu ssimplifikati ċerti aspetti relatati mal-ambjent tal-proċeduri u tal-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

(8)It-tnedija aktar mgħaġġla tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli tista’ tiġi appoġġata bi ppjanar strateġiku mwettaq mill-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw iż-żoni fuq l-art u fuq il-baħar meħtieġa għall-installazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex iwettqu l-kontributi nazzjonali tagħhom ħalli tintlaħaq il-mira riveduta tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Dawn iż-żoni jenħtieġ li jkunu jirriflettu t-trajettorji stmati u l-kapaċità installata ppjanata totali tagħhom u jenħtieġ li jiġu identifikati mit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli stabbilita fil-pjanijiet nazzjonali aġġornati tal-Istati Membri għall-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999. Jenħtieġ li l-identifikazzjoni taż-żoni meħtieġa fuq l-art u fuq il-baħar tkun tikkunsidra d-disponibbiltà tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-potenzjal li joffru ż-żoni differenti fuq l-art u fuq l-baħar għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tat-teknoloġiji differenti, id-domanda projettata għall-enerġija b’mod ġenerali u fir-reġjuni differenti tal-Istat Membru, u d-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-grilja rilevanti, tal-ħżin u ta’ għodod oħra ta’ flessibbiltà filwaqt li titqies il-kapaċità meħtieġa biex takkomoda l-ammont dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli.

(9)Bħala ż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħżlu dawk iż-żoni li huma partikolarment adattati biex jiġu żviluppati proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiddifferenzjaw bejn it-teknoloġiji, u fejn il-varar tat-tip speċifiku ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli ma jkunx mistenni jħalli impatt ambjentali sinifikanti. Fl-għażla taż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw iż-żoni protetti sa fejn ikun possibbli u jikkunsidraw pjanijiet ta’ restawr. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli speċifiċi għal tip wieħed jew aktar ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u jenħtieġ li jindikaw it-tip jew it-tipi ta’ enerġija rinnovabbli li jkunu adattati biex jiġu prodotti f’kull żona deżinjata għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(10)Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 tistabbilixxi l-valutazzjonijiet ambjentali bħala għodda importanti għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tħejjija u fl-adozzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi. Biex jagħżlu ż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jħejju pjan(ijiet) li jinkludu l-identifikazzjoni taż-żoni u r-regoli applikabbli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-proġetti li jinsabu f’kull żona deżinjata. L-Istati Membri jistgħu jħejju pjan uniku wieħed għaż-żoni deżinjati u għat-teknoloġiji rinnovabbli kollha, jew pjanijiet speċifiċi għat-teknoloġija li jidentifikaw żona deżinjata waħda jew aktar għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Kull pjan jenħtieġ li jkun soġġett għal valutazzjoni ambjentali mwettqa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2001/42/KE biex jiġu vvalutati l-impatti ta’ kull teknoloġija rinnovabbli fuq iż-żoni rilevanti magħżula f’dak il-pjan. Bit-twettiq ta’ valutazzjoni ambjentali f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE għal dan il-għan, l-Istati Membri jkunu qed iħaddmu approċċ aktar integrat u effiċjenti għall-ippjanar u jqisu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’fażi bikrija tal-proċess tal-ippjanar f’livell strateġiku. Dan jikkontribwixxi biex jitħaffef il-varar tas-sorsi differenti tal-enerġija rinnovabbli u jsir b’mod simplifikat filwaqt li jonqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi ta’ dawn il-proġetti fuq l-ambjent.

(11)Wara l-adozzjoni tal-pjan(ijiet) li jidentifikaw iż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw l-effetti ambjentali sinifikanti tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi biex, fost l-oħrajn, jidentifikaw fi stadju bikri l-effetti negattivi mhux previsti u biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni ta’ rimedju xierqa, f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE.

(12)Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali 23 (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja jibqgħu applikabbli, meta rilevanti.

(13)L-għażla taż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jkollha l-għan li tiżgura li l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli minn dawn iż-żoni, flimkien mal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli, l-impjanti futuri tal-enerġija rinnovabbli barra minn dawn iż-żoni, u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jkunu biżżejjed biex jinkiseb il-kontribut tal-Istati Membri għall-mira tal-Unjoni tal-enerġija rinnovabbli stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(14)Fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jintgħażlu, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li jikkonformaw mar-regoli u mal-miżuri identifikati fil-pjan(ijiet) imħejjija mill-Istati Membri, jenħtieġ li jibbenefikaw mill-preżunzjoni li ma jħallux effetti sinifikanti fuq l-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li jkun hemm eżenzjoni mill-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt ambjentali speċifika fil-livell tal-proġett fis-sens tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , għajr għall-proġetti li aktarx iħallu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta jintalab dan minn Stat Membru li aktarx ikun se jintlaqat b’mod sinifikanti. L-obbligi skont il-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UNECE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transfruntier tal-25 ta’ Frar 1991 jenħtieġ li jibqgħu applikabbli għall-Istati Membri meta l-proġett aktarx ikun se jħalli impatt transfruntier sinifikanti f’xi pajjiż terz.

(15)L-għażla taż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li tippermetti li l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, u l-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati li jinsabu f’dawn iż-żoni jibbenefikaw mill-prevedibbiltà u minn proċeduri amministrattivi simplifikati. B’mod partikolari, il-proġetti li jinsabu fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jibbenefikaw minn proċeduri amministrattivi mħaffa, li jinkludu ftehim impliċitu f’każ ta’ nuqqas ta’ rispons mill-awtorità kompetenti għal xi pass amministrattiv sal-iskadenza stabbilita, diment li l-proġett speċifiku ma jkunx soġġett għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Dawn il-proġetti jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll minn skadenzi delimitati b’mod ċar u minn ċertezza legali fir-rigward tal-eżitu mistenni tal-proċedura. Wara l-applikazzjoni għal proġetti f’żona deżinjata għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu skrinjar rapidu ta’ dawn l-applikazzjonijiet ħalli jidentifikaw lil dawk il-proġett minn fosthom li għandhom probabbiltà kbira li joħolqu effetti negattivi sinifikanti mhux previsti fid-dawl tas-sensittività ambjentali taż-żona ġeografika fejn jinsabu li ma kinux ġew identifikati fil-valutazzjoni ambjentali tal-pjan(ijiet) li jagħżlu ż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli mwettqa f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE. Il-proġetti kollha li jinsabu fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jitqiesu approvati fi tmiem dan il-proċess tal-iskrinjar. Hu biss meta l-Istati Membri jkollhom evidenza ċara biex iqisu li xi proġett speċifiku aktarx iwassal għal dawk l-effetti negattivi sinifikanti mhux previsti, li l-Istati Membri jenħtieġ li, wara li jimmotivaw din id-deċiżjoni, jissottomettu dan il-proġett għal valutazzjoni ambjentali f’konformità mad-Direttiva 2011/92/KE u, meta rilevanti, mad-Direttiva 92/43/KEE 25 . Peress li jeħtieġ jitħaffef il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, din il-valutazzjoni jenħtieġ li ssir fi żmien sitt xhur.

(16)Peress li jeħtieġ jitħaffef il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-identifikazzjoni taż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li ma twaqqafx l-installazzjoni attwali u futura tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni kollha disponibbli għall-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dawk il-proġetti jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għall-obbligu ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali dedikata f’konformità mad-Direttiva 2001/92/UE u jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-proċeduri previsti għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu barra miż-żoni deżinjati. Biex jitħaffef il-ħruġ tal-permessi bl-iskala meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-enerġija rinnovabbli stabbilita fid-Direttiva (UE) 2018/2001, anke l-proċeduri applikabbli għall-proġetti barra miż-żoni deżinjati jenħtieġ li jiġu ssimplifikati billi jiddaħħlu skadenzi massimi ċari għall-passi kollha tal-proċedura, inkluż valutazzjonijiet ambjentali dedikata għal kull proġett.

(17)L-użu multipli tal-ispazju għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u użi oħra tal-art u tal-baħar (bħall-produzzjoni tal-ikel jew il-protezzjoni tan-natura jew ir-restawr) itaffi r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art u tal-baħar. F’dan il-kuntest, il-ġestjoni tat-territorju hi għodda importanti biex jingħarfu u jitmexxew is-sinerġiji għall-użu tal-art u tal-baħar fi stadju bikri. L-Istati Membri jenħtieġ li jesploraw, jippermettu u jiffavorixxu l-użi multipli taż-żoni identifikati bħala riżultat tal-miżuri tal-ġestjoni tat-territorju adottati.

(18)Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jikkawżaw qtil jew tfixkil okkażjonali ta’ għasafar u speċijiet protetti oħra skont id-Direttiva 92/43/KEE jew id-Direttiva 2009/147/KE 26 . Madankollu, dan il-qtil jew it-tfixkil ma jitqiesx intenzjonat fis-sens ta’ dawn id-Direttivi jekk waqt il-kostruzzjoni u t-tħaddim tiegħu, il-proġett ikun adotta miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jevita kolliżjonijiet jew tfixkil, u jekk ikun qed iwettaq monitoraġġ xieraq biex jivvaluta l-effettività ta’ dawk il-miżuri u, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, jieħu aktar miżuri kif meħtieġ biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati.

(19)Minbarra l-installazzjoni ta’ impjanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli, ir-repowering ta’ impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli għandu potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli. Peress li, normalment, l-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli kienu ġew installati f’siti b’potenzjal sinifikanti ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli, ir-repowering jista’ jiżgura l-użu kontinwu ta’ dawn is-siti filwaqt li jnaqqas il-ħtieġa li jiġu deżinjati siti ġodda għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering jinkludi benefiċċji oħrajn bħall-konnessjoni eżistenti mal-grilja, grad probabbli ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika, u għarfien tal-impatti ambjentali. Ir-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jinvolvi bidliet fil-proġetti eżistenti bi gradi differenti, jew l-estensjoni tagħhom. Il-proċess tal-għoti tal-permessi, inkluż il-valutazzjonijiet ambjentali u l-iskrinjar, għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jkun limitat għall-impatti potenzjali li tikkawża l-bidla jew l-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

(20)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tintroduċi proċeduri simplifikati tal-għoti tal-permessi għar-repowering. Biex tiġi indirizzata l-ħtieġa dejjem akbar ta’ repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli u biex jinħatfu bis-sħiħ il-vantaġġi tiegħu, jixraq tiġi stabbilita proċedura ferm iqsar għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu fiż-żoni deżinjati, inkluż proċedura iqsar tal-iskrinjar. Għar-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu barra miż-żoni deżinjati, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw proċess simplifikat u rapidu tal-għoti tal-permessi li jenħtieġ li ma jaqbiżx sena, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(21)L-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari, flimkien mal-ħżin kolokalizzat u l-konnessjoni mal-grilja relatati, fi strutturi eżistenti jew futuri maħluqa għal skopijiet differenti mill-produzzjoni tal-enerġija solari, għajr l-uċuħ artifiċjali tal-ilma, bħall-bjut, iż-żoni tal-parkeġġ, it-toroq u l-linji ferrovjarji, tipikament ma joħolqux tħassib relatat ma’ użi kompetituri tal-ispazju jew mal-impatt ambjentali. Għalhekk, dawn l-installazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw minn proċeduri iqsar tal-għoti tal-permessi.

(22)Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma kruċjali biex niġġieldu t-tibdil fil-klima, inraħħsu l-prezzijiet tal-enerġija, innaqqsu d-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u niżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. Għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni, fil-valutazzjonijiet meħtieġa skont il-każ, biex jiżguraw jekk impjant tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-konnessjoni tiegħu mal-grilja, il-grilja relatata nnifisha jew l-assi tal-ħżin għandux interess pubbliku prevalenti f’każ partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jassumu li dawn l-impjanti u l-infrastruttura relatata tagħhom għandhom interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, għajr meta jkollhom evidenza ċara li dawn il-proġetti jħallu effetti negattivi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jittaffew jew jitpaċew. Bil-kunsiderazzjoni li dawn l-impjanti għandhom interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, dawn il-proġetti kunu jistgħu jibbenefikaw minn valutazzjoni simplifikata.

(23)Biex tkun żgurata implimentazzjoni bla intoppi u effettiva tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri bl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 27 li jipprovdi għarfien espert tekniku dedikat għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż dawk li jżidu l-użu tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli, li jrawmu integrazzjoni aħjar tas-sistema tal-enerġija, li jidentifikaw oqsma speċifiċi adattati partikolarment għall-installazzjoni ta’ impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u li jissimplifikaw il-qafas tal-proċessi tal-awtorizzazzjoni u tal-għoti tal-permessi għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli. Pereżempju, l-appoġġ tekniku jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi, u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki rilevanti.

(24)Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(25)Hemm ħtieġa urġenti li tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fil-bini u li jitħaffu l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni u għall-elettrifikazzjoni tal-konsum tal-enerġija tal-bini. Għall-installazzjoni kosteffettiva tat-teknoloġiji solari fi stadju aktar tard, il-bini l-ġdid kollu jenħtieġ li jkun “lest għall-enerġija solari”, jiġifieri jkun iddisinjat biex jottimizza l-potenzjal tal-ġenerazzjoni solari abbażi tal-irradjanza solari tas-sit, biex titwettaq installazzjoni siewja tat-teknoloġiji solari mingħajr interventi strutturali li jiswew ħafna flus. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-varar ta’ installazzjonijiet solari adattati fuq il-bini l-ġdid, residenzjali jew mhux residenzjali, u fuq il-bini mhux residenzjali eżistenti. Il-varar fuq skala kbira tal-enerġija solari fuq il-bini jikkontribwixxi bil-kbir biex il-konsumaturi jitħarsu b’mod aktar effettiv mill-prezzijiet dejjem ogħla u volatili tal-fjuwils fossili, jonqos l-esponiment taċ-ċittadini vulnerabbli għal kostijiet għaljin tal-enerġija, u jinkisbu bosta benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali usa’. Biex jinħataf b’mod effiċjenti l-potenzjal tal-installazzjonijiet solari fuq il-bini, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu kriterji għall-implimentazzjoni tal-varar tal-installazzjonijiet solari fuq il-bini, u għal eżenzjonijiet possibbli minnhom, bi qbil mal-potenzjal tekniku u ekonomiku vvalutat tal-installazzjonijiet tal-enerġija solari u l-karatteristiċi tal-bini kopert b’dan l-obbligu.

(26)Id-Direttiva 2010/31/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(27)L-effiċjenza enerġetika hi qasam ewlieni ta’ azzjoni li mingħajrha, la nistgħu niksbu l-indipendenza mill-fjuwils fossili u mill-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja u lanqas ma jkollna d-dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija tal-Unjoni.  Il-ħtieġa li naħtfu l-opportunitajiet kosteffettivi ta’ ffrankar fl-enerġija xprunat il-politika attwali tal-Unjoni dwar l-effiċjenza enerġetika. F’Diċembru 2018 iddaħħlet mira ewlenija ġdida tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 ta’ mill-inqas 32,5% (meta mqabbla mal-użu tal-enerġija projettat għall-2030) bħala parti mill-“pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”. Biex jiżdiedu l-indipendenza u r-reżiljenza u biex tikber l-ambizzjoni klimatika, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika jenħtieġ li jkompli jiżdied għal mill-inqas 39% għall-enerġija finali u 41,5% għall-enerġija primarja, abbażi tal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-2007 għall-2030. 

(28)Madankollu, il-bidla fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-bilanċ tal-enerġija tal-Eurostat u t-titjib fil-projezzjonijiet tal-immudellar sussegwenti jeħtieġu bidla fix-xenarju bażi. Għaldaqstant, bl-istess approċċ li ddefenixxa l-mira, jiġifieri t-tqabbil tagħha mal-projezzjonijiet futuri tax-xenarju bażi, l-ambizzjoni tal-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 jenħtieġ li tiġi stabbilita bi tqabbil mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-2020 għall-2030 li jirriflettu l-kontributi nazzjonali mill-NECPs. B’dak ix-xenarju bażi aġġornat, l-Unjoni jeħtieġ tkompli tkabbar l-ambizzjoni tagħha tal-effiċjenza enerġetika b’mill-inqas 13% fl-2030 meta mqabbla mal-livell tal-isforzi fix-Xenarju ta’ Referenza tal-2020. Dan il-mod ġdid kif jiġi espress il-livell tal-ambizzjoni tal-miri tal-Unjoni ma jaffettwax il-livell reali tal-isforzi meħtieġa. 

(29)Id-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(30)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, id-dipendenza fuq l-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda, bis-saħħa tal-effetti tal-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(31)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 28 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom jehmżu dokument wieħed jew iktar li jispjegaw il-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhrilu li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hi ġustifikata, b’mod partikolari wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża Il-Kummissjoni vs il-Belġju 29 (il-kawża C-543/17),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva (UE) 2018/2001

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt li ġej:

(9a) “żona deżinjata għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli” tfisser post speċifiku fuq l-art jew fuq il-baħar li ntgħażel minn Stat Membru bħala partikolarment adattat għall-installazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, għajr għall-impjanti tal-kombustjoni tal-bijomassa.

(2)fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod kollettiv li s-sehem tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ikun mill-inqas 45%.”

(3)Fl-Artikolu 15 jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-ittestjar ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli fi proġetti pilota f’ambjent reali, għal perjodu ta’ żmien limitat, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u b’mod li jipprovdi s-salvagwardji xierqa li jiżguraw it-tħaddim sigur tas-sistema tal-elettriku u li jevitaw impatti sproporzjonati fuq il-funzjonament tas-suq intern, fis-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti.”

(4)Jiddaħħal l-Artikolu 15b li ġej:

“Artikolu 15b
Immappjar taż-żoni meħtieġa għall-kontributi nazzjonali biex tintlaħaq il-mira tal-RES tal-2030

(1)Sa [sena (1) mid-dħul fis-seħħ], l-Istati Membri għandhom jidentifikaw iż-żoni fuq l-art u fuq l-baħar għall-installazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli li huma meħtieġa biex iwettqu l-kontributi nazzjonali tagħhom ħalli jilħqu l-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva. Dawn iż-żoni għandhom ikunu proporzjonati mat-trajettorji stmati u mal-kapaċità installata ppjanata totali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli stabbilita fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-Istati Membri, kif aġġornati skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

(2)Meta jkunu qed jidentifikaw iż-żoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu:

(a)id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-potenzjal ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tat-teknoloġiji differenti fiż-żoni fuq l-art u fuq il-baħar;

(b)id-domanda projettata għall-enerġija;

(c)id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-grilja rilevanti, tal-ħżin u ta’ għodod oħra ta’ flessibbiltà jew il-potenzjal li jinħolqu dawn l-infrastrutturi tal-grilja u tal-ħżin.

(3)L-Istati Membri għandhom jiffavorixxu l-użi multipli taż-żoni identifikati skont l-obbligu fil-paragrafu 1.”

(5)Jiddaħħal l-Artikolu 15c li ġej:

“Artikolu 15c
Żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli

(1)Sa [sentejn (2) mid-dħul fis-seħħ], l-Istati Membri għandhom jadottaw pjan(ijiet) li fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 15b(1) jidentifikaw iż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal tip wieħed jew aktar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. F’dawk il-pjan(ijiet), l-Istati Membri għandhom:

(a)Jiddeżinjaw żoni fuq l-art u fuq l-baħar li jkunu omoġenji biżżejjed fejn il-varar ta’ tip jew tipi speċifiċi ta’ enerġija rinnovabbli ma jkunx mistenni jħalli impatti sinifikanti fuq l-ambjent, fid-dawl tal-partikolaritajiet tat-territorju magħżul. Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom:

·jagħtu prijorità lill-uċuħ artifiċjali u mibnija, bħall-bjut, iż-żoni infrastrutturali tat-trasport, iż-żoni tal-parkeġġ, is-siti tal-iskart, is-siti industrijali, il-minjieri, l-istrutturi artifiċjali tal-ilma intern, il-lagi jew il-ġibjuni u, meta xieraq, is-siti ta’ trattament tal-ilma urban mormi, u l-art degradata li ma tistax tintuża għall-agrikoltura;

·jeskludu s-siti ta’ Natura 2000 u l-parks u r-riżervi naturali, ir-rotot migratorji identifikati tal-għasafar u żoni oħra identifikati skont il-mapep tas-sensittività u l-għodod imsemmija fil-punt li jmiss, għajr l-uċuħ artifiċjali u mibnija li jinsabu f’dawk iż-żoni bħall-bjut, iż-żoni tal-parkeġġ jew iż-żoni infrastrutturali tat-trasport.

·jużaw l-għodod u s-settijiet tad-data xierqa kollha biex jidentifikaw iż-żoni fejn l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli ma jħallux impatt ambjentali sinifikanti, inkluż il-mapep tas-sensittività tal-organiżmi selvaġġi.

(b)Jistabbilixxu regoli xierqa għaż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli magħżula, inkluż dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni li jridu jiġu adottati għall-installazzjoni tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, il-faċilitajiet tal-ħżin kolokalizzati, u l-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, biex ikun evitati jew, jekk ma jkunx possibbli, biex jitnaqqsu ġmielhom l-impatti ambjentali negattivi li jaf jinħolqu. Meta xieraq, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplikaw miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jevitaw is-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikoli 6(2) u 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KEE u fl-Artikolu 4(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 2000/60/KE. Dawn ir-regoli għandhom ikunu mmirati għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull żona deżinjata għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli identifikata, it-teknoloġija jew it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli li jridu jiġu varati f’kull żona u l-impatti ambjentali identifikati. Il-konformità tal-proġetti individwali ma’ dawn ir-regoli u li dawn jimplimentaw il-miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni għandhom iwasslu għall-preżunzjoni li l-proġetti ma jiksrux dawk id-dispożizzjonijiet, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 16a. Meta l-miżuri ġodda ta’ mitigazzjoni li jevitaw kemm jista’ jkun il-qtil jew it-tfixkil tal-ispeċijiet protetti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE u bid-Direttiva 2009/147/KEE, jew xi impatt ambjentali ieħor, ma jkunux ġew ittestjati b’mod wiesa’ fir-rigward tal-effettività tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu tagħhom għal proġett pilota wieħed jew aktar għal perjodu ta’ żmien limitat, diment li l-effettività ta’ dawn il-miżuri tiġi ssorveljata mill-qrib u jittieħdu l-passi xierqa minnufih jekk ma jurux li huma effettivi. .

Fil-pjan, l-Istati Membri għandhom jispjegaw il-valutazzjoni li għamlu biex jidentifikaw iż-żoni deżinjati abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt (a) u biex jidentifikaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

(2)Qabel l-adozzjoni tagħhom, il-pjan(ijiet) li jidentifikaw iż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni ambjentali konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2001/42/KE u meta applikabbli, jekk jiġu inklużi l-uċuħ artifiċjali u mibnija li jinsabu fis-siti ta’ Natura 2000, li aktarx iħallu impatti sinifikanti f’dawk is-siti, għal valutazzjoni xierqa konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE.

(3)Il-pjan(ijiet) li jidentifikaw iż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu ppubblikati u minn żmien għal żmien jiġu rieżaminati, tal-inqas fil-kuntest tal-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999.”

(6)L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16
Organizzazzjoni u prinċipji ewlenin tal-proċess tal-għoti tal-permessi

(1)Il-proċess tal-għoti tal-permessi għandu jkopri l-permessi amministrattivi rilevanti kollha għall-kostruzzjoni, ir-repowering u t-tħaddim tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati, u l-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, inkluż il-permessi tal-konnessjoni mal-grilja u l-valutazzjonijiet ambjentali meta dawn ikunu meħtieġa. Il-proċess tal-għoti tal-permessi għandu jinkludi l-proċeduri kollha mir-rikonoxximent tal-validità tal-applikazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2 san-notifika tad-deċiżjoni finali dwar l-eżitu tal-proċedura mill-awtorita(jiet) rilevanti.

(2)Mhux aktar tard minn erbatax-il jum għall-impjanti li jinsabu fiż-żoni deżinjati, u sa xahar għall-impjanti li jinsabu barra miż-żoni deżinjati, mill-wasla tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivvalida l-applikazzjoni jew, jekk l-iżviluppatur ma jkunx bagħat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tibda tipproċessa l-applikazzjoni, għandha titlob lill-iżviluppatur jissottometti applikazzjoni sħiħa fi żmien erbatax-il jum minn din it-talba. Jekk l-iżviluppatur ma jissottomettix applikazzjoni sħiħa sa din l-iskadenza, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni bil-miktub. Fil-każ ta’ rifjut, l-awtorità kompetenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. L-iżviluppatur jissottometti applikazzjoni ġdida fi kwalunkwe ħin wara dan ir-rifjut. Id-data tar-rikonoxximent tal-validità tal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti għandha sservi bħala l-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

(3)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jagħżlu punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar. Dawk il-punti ta’ kuntatt għandhom, meta jintalbu mill-applikant, jiggwidaw u jiffaċilitaw il-proċess amministrattiv kollu tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permess. L-applikant ma għandux jintalab jikkuntattja lil aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed għall-proċess kollu. Il-punt ta’ kuntatt għandu jagħti gwida lill-applikant tul il-proċess amministrattiv tal-applikazzjoni tal-permess, inkluż il-passi ambjentali relatati, b’mod trasparenti sal-ħruġ ta’ deċiżjoni waħda jew diversi deċiżjonijiet mill-awtoritajiet responsabbli fi tmiem il-proċess, jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa kollha lill-applikant, u meta xieraq jinvolvi lil awtoritajiet amministrattivi oħra. Il-punt ta’ kuntatt għandu jiżgura li jissodisfa l-iskadenzi tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi stabbiliti f’din id-Direttiva. L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jissottomettu d-dokumenti rilevanti f’format diġitali. Sa [sentejn (2) mid-dħul fis-seħħ], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri kollha jsiru b’mod elettroniku.

(4)Il-punt ta’ kuntatt għandu jipprovdi manwal tal-proċeduri għall-iżviluppaturi tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u dik l-informazzjoni għandu jipprovdiha online wkoll, filwaqt li jindirizza b’mod li jiddistinwgi bejn il-proġetti fuq skala żgħira u l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli prodotta mill-konsumaturi nfushom. L-informazzjoni online għandha tindika l-punt ta’ kuntatt rilevanti għall-applikazzjoni tal-applikant. Jekk Stat Membru jkollu aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed, l-informazzjoni online għandha tindika l-punt ta’ kuntatt rilevanti għall-applikazzjoni tal-applikant.

(5)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess faċli għal proċeduri sempliċi għas-soluzzjoni tat-tilwim rigward il-proċessi tal-għoti tal-permessi u tal-ħruġ tal-permessi biex jinbnew u jitħaddmu l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż meta applikabbli, mekkaniżmi alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(6)L-iskadenzi stabbiliti fl-Artikoli 16a, 16b u 16c għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-appelli ġudizzjarji, ir-rimedji u proċedimenti oħra quddiem qorti jew tribunal, u għall-mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż għal proċeduri tal-ilmenti, appelli u rimedji mhux ġudizzjarji, u jistgħu jiġu estiżi għat-tul ta’ żmien ta’ dawn il-proċeduri.

(7)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appelli amministrattivi u ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proġett għall-iżvilupp ta’ impjant tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew il-konnessjoni tiegħu tal-grilja relatata, inkluż dawk relatati ma’ aspetti ambjentali, għandhom ikunu soġġetti għall-aktar proċedura amministrattiva u ġudizzjarja rapida disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti.”

(7)Jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

Artikolu 16a
Proċess tal-għoti tal-permessi fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess tal-għoti tal-permessi msemmi fl-Artikolu 16(1) ma għandux jaqbeż is-sena għall-proġetti fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Meta debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi straodinarji, dak il-perjodu ta’ sena jista’ jiġġedded b’mhux aktar minn tliet xhur. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw b’mod ċar lill-iżviluppatur dwar iċ-ċirkostanzi straordinarji li ġġustifikaw l-estensjoni.

(2)Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti u għall-installazzjonijiet ġodda b’kapaċità elettrika inqas minn 150 kW, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija kolokalizzati u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, li jinsabu fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ma għandux jaqbeż is-sitt xhur. Meta debitament iġġustifikat minħabba ċirkostanzi straordinarji, bħal minħabba raġunijiet prevalenti ta’ sikurezza meta l-proġett tar-repowering iħalli impatt sostanzjali fuq il-grilja jew fuq il-kapaċità, id-daqs jew il-prestazzjoni oriġinali tal-installazzjoni, dak il-perjodu ta’ sena jista’ jiġġedded b’mhux aktar minn tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw b’mod ċar lill-iżviluppatur tal-proġett dwar iċ-ċirkostanzi straordinarji li jiġġustifikaw l-estensjoni.

(3)Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, b’deroga mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, u l-Anness II, il-punti 3(a), (b), (d), (h), (i), u 6(c) waħdu jew flimkien mal-punt 13(a) ta’ dik id-Direttiva sa fejn dan jikkonċerna l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, l-applikazzjonijiet ġodda għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, għajr għall-impjanti tal-kombustjoni tal-bijomassa, inkluż ir-repowering tal-impjanti, fiż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija li diġà ntgħażlu għat-teknoloġija rispettiva, il-faċilitajiet tal-ħżin kolokalizzati, u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali dedikata skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE, diment li dawn il-proġetti jkunu konformi mar-regoli u mal-miżuri stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 15c(1), il-punt (b). L-eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE ta’ hawn fuq ma għandhiex tapplika għall-proġetti li aktarx iħallu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta jintalab dan minn Stat Membru li aktarx ikun se jintlaqat b’mod sinifikanti, kif previst fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.

B’deroga mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, l-impjanti msemmija fl-ewwel subparagrafu, ma għandhomx ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom għas-siti ta’ Natura 2000.

(4)L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu skrinjar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3. Dan l-iskrinjar għandu jsir bil-għan li jidentifika jekk xi wieħed minn dawn il-proġetti aktarx jikkawża effetti negattivi sinifikanti mhux previsti fid-dawl tas-sensittività ambjentali taż-żoni ġeografiċi fejn ikun jinsab, li ma kinux ġew identifikati fil-valutazzjoni ambjentali tal-pjan(ijiet) li jidentifikaw iż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli mwettqa f’konformità mad-Direttiva 2001/42/KE u, jekk rilevanti, mad-Direttiva 92/43/KEE. L-iskrinjar għar-repowering tal-proġetti għandu jkun limitat għall-impatti potenzjali li jikkawżaw il-bidla jew l-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.

Għall-fini ta’ dan l-iskrinjar, l-iżviluppatur tal-proġett għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-proġett, dwar il-konformità tiegħu mar-regoli u mal-miżuri identifikati skont l-Artikolu 15c(1), il-punti (b) u (c), għaż-żona deżinjata speċifika, dwar kull miżura addizzjonali adottata mill-proġett u kif dawn il-miżuri jindirizzaw l-impatti ambjentali. Dan l-iskrinjar għandu jitlesta fi żmien 30 jum mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-impjanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli, għajr għall-applikazzjonijiet għall-installazzjonijiet b’kapaċità elettrika ta’ inqas minn 150 kW. Għal dawn l-installazzjonijiet u għall-applikazzjonijiet ġodda għar-repowering tal-impjanti, il-fażi tal-iskrinjar għandha titlesta fi żmien 15-il jum.

(5)Wara l-proċess tal-iskrinjar, l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu awtorizzati minn perspettiva ambjentali mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni espliċita mill-awtorità kompetenti, sakemm l-awtorità kompetenti ma tadottax deċiżjoni amministrattiva, debitament motivata u bbażata fuq evidenza ċara, li proġett speċifiku aktarx jikkawża effetti negattivi sinifikanti mhux previsti fid-dawl tas-sensittività ambjentali taż-żona ġeografika fejn ikun jinsab li ma jistgħux jittaffew bil-miżuri identifikati fil-pjan(ijiet) li jidentifikaw iż-żoni deżinjati jew proposti mill-iżviluppatur għall-proġett. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata. Dawn il-proġetti għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2011/92/KE u, jekk applikabbli, għal valutazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, li għandha ssir fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni tal-iskrinjar.

(6)Tul il-proċess tal-għoti tal-permessi tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, in-nuqqas ta’ tweġiba mingħand il-korpi amministrattivi rilevanti sal-iskadenza stabbilita għandu jiskatta passi amministrattivi speċifiċi biex jitqiesu approvati, għajr meta l-proġett ikun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’konformità mal-paragrafu 5. Id-deċiżjonijiet riżultanti kollha se jiġu ppubblikati.

(8)Jiddaħħal l-Artikolu 16b li ġej:

“Artikolu 16b
Proċess tal-għoti tal-permessi barra miż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess tal-għoti tal-permessi msemmi fl-Artikolu 16(1) ma għandux jaqbeż is-sentejn, għall-proġetti barra miż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Meta debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi straordinarji, dak il-perjodu ta’ sentejn jista’ jiġġedded b’mhux aktar minn tliet xhur. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw b’mod ċar lill-iżviluppatur dwar iċ-ċirkostanzi straordinarji li ġġustifikaw l-estensjoni.

(2)Meta tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE jew id-Direttiva 92/43/KEE, din għandha ssir bi proċedura waħda li tgħaqqad il-valutazzjonijiet rilevanti kollha għal proġett partikolari. Meta tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt ambjentali bħal din, l-awtorità kompetenti għandha tqis l-informazzjoni li pprovda l-iżviluppatur u toħroġ opinjoni dwar l-ambitu u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li l-iżviluppatur irid jinkludi fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, li l-ambitu tagħha ma għandux jiġi estiż sussegwentement. Meta l-proġetti speċifiċi jkunu adottaw miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni, il-qtil jew it-tfixkil tal-ispeċijiet protetti skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE ma għandhomx jitqiesu intenzjonati. Meta l-miżuri ġodda ta’ mitigazzjoni li jevitaw kemm jista’ jkun il-qtil jew it-tfixkil tal-ispeċijiet protetti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE u bid-Direttiva 2009/147/KEE, jew xi impatt ambjentali ieħor, ma jkunux ġew ittestjati b’mod wiesa’ fir-rigward tal-effettività tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu tagħhom għal proġett pilota wieħed jew aktar għal perjodu ta’ żmien limitat, diment li l-effettività ta’ dawn il-miżuri tiġi ssorveljata mill-qrib u jittieħdu l-passi xierqa minnufih jekk ma jurux li huma effettivi. Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti u għall-installazzjonijiet ġodda b’kapaċità elettrika inqas minn 150 kW, il-faċilitajiet tal-ħżin kolokalizzati u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja, li jinsabu barra miż-żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ma għandux jieħu aktar sena, inkluż il-valutazzjonijiet ambjentali meta meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni rilevanti. Meta debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi straordinarji, dan il-perjodu ta’ sena jista’ jiġġedded b’mhux aktar minn tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw b’mod ċar lill-iżviluppaturi dwar iċ-ċirkostanzi straordinarji li ġġustifikaw l-estensjoni.

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-repowering tal-proġetti li jinsabu barra miż-żoni deżinjati billi jiżguraw li, jekk tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali għal xi proġett skont il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, din il-valutazzjoni għandha tkun limitata għall-impatti potenzjali li jikkawżaw il-bidla jew l-estensjoni meta mqabbla mal-proġett oriġinali.”

(9)Jiddaħħal l-Artikolu 16c li ġej:

“Artikolu 16c
Proċess tal-għoti tal-permessi għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari fi strutturi artifiċjali

(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess tal-għoti tal-permessi msemmi fl-Artikolu 16(1) għall-installazzjoni tat-tagħmir tal-enerġija solari, inkluż l-installazzjonijiet solari integrati fil-bini, fi strutturi artifiċjali eżistenti jew futuri, għajr fuq l-uċuħ tal-ilma artifiċjali, ma għandux jaqbeż it-tliet xhur, diment li l-għan primarju ta’ dawk l-istrutturi ma jkunx il-produzzjoni tal-enerġija solari. B’deroga mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, u mill-Anness II, il-punti 3(a) u (b), waħdu jew flimkien mal-punt 13(a) ta’ dik id-Direttiva, dik l-installazzjoni tat-tagħmir solari għandha tkun eżentata mir-rekwiżit, meta applikabbli, li ssir valutazzjoni tal-impatt ambjentali dedikata skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE.”

(10)Jiddaħħal l-Artikolu 16d li ġej:

“Artikolu 16d
Interess pubbliku prevalenti

Sa [tliet xhur mid-dħul fis-seħħ], sakemm tintlaħaq in-newtralità klimatika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċess tal-għoti tal-permessi, l-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja, u l-grilja relatata nnifisha u l-assi tal-ħżin ikunu preżunti li għandhom l-interess pubbliku prevalenti u li jservu s-saħħa u s-sikurezza pubblika meta jiġu bilanċjati l-interessi legali fil-każijiet individwali għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1)(c) tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147/KE.”

Artikolu 2
Emenda għad-Direttiva 2010/31/UE

Id-Direttiva 2010/31/UE hija emendata kif ġej:

(1)Jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a
Enerġija solari fil-bini

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bini l-ġdid kollu jiġi ddisinjat biex jottimizza l-potenzjal tal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari tiegħu abbażi tal-irradjanza solari tas-sit, li tippermetti l-installazzjoni kosteffettiva aktar tard tat-teknoloġiji solari.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-varar ta’ installazzjonijiet tal-enerġija solari adattati:

(a)sal-31 ta’ Diċembru 2026, fuq il-bini pubbliku u kummerċjali ġdid kollu bi spazju utli tal-art akbar minn 250 metru kwadru;

(b)sal-31 ta’ Diċembru 2027, fuq il-bini pubbliku u kummerċjali eżistenti kollu bi spazju utli tal-art akbar minn 250 metru kwadru; u

(c)sal-31 ta’ Diċembru 2029, fuq il-bini residenzjali l-ġdid kollu.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw il-kriterji fil-livell nazzjonali għall-implimentazzjoni prattika ta’ dawn l-obbligi, u għal eżenzjonijiet possibbli għal tipi speċifiċi ta’ bini, f’konformità mal-potenzjal tekniku u ekonomiku vvalutat tal-installazzjonijiet tal-enerġija solari u l-karatteristiċi tal-bini kopert b’dan l-obbligu.

Artikolu 3
Emenda għad-Direttiva 2012/27/UE

Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 3, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. L-Istati Membri għandhom b’mod kollettiv jiżguraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ mill-inqas 13% fl-2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-2020 biex il-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni ma jaqbiżx is-750 Mtoe u l-konsum primarju tal-enerġija tal-Unjoni ma jaqbiżx id-980 Mtoe fl-2030.”

L-Artikolu 4
Traspożizzjoni

(1)L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 1, il-punt (10), fi żmien [tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1, il-punti (1), (2), (3), (4), (6), (8) u (9), u mal-Artikolu 3 fi żmien [sena mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 1, il-punti (5) u (7), u mal-Artikolu 2 fi żmien [sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

(2)L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2021) 558
(2)    COM(2021) 557
(3)    Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (“RES Simplify”). https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077
(4)    L-istudju RES Simplify jidentifika u jikklassifika t-tipi differenti ta’ ostakli amministrattivi li jġarrbu l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-rapport interim ta’ RES Simplify, il-paġni 14-16.
(5)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13334-Renewable-energy-projects-permit-granting-processes-&-power-purchase-agreements_mt .
(6)    REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli, COM(2022) 108 final (“Il-Komunikazzjoni REPower EU”).
(7)    COM(2021) 557
(8)    COM(2021) 802
(9)    Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.
(10)    ĠU C 326, 26/10/2012, p.1
(11)    COM(2021) 557
(12)    COM(2021) 802
(13)    COM(2021) 558
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    ĠU C , , p. .
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 640 final, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(17)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.
(18)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.).
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 562 final tas-17.09.2020, It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna.
(20)    Il-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 562.
(21)    REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli, COM(2022) 108 final (“Il-Komunikazzjoni REPower EU”).
(22)    Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.
(23)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).
(24)    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.
(25)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992).
(26)    Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p.7).
(27)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku.
(28)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(29)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-543/17, ECLI: EU: C:2019:573.