5.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/135


P9_TA(2022)0330

Il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra it-tibdil fil-klima

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2022 dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta' fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra: żieda tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (2022/2829(RSP))

(2023/C 125/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-istess suġġett (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (3),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-istess suġġett (4),

wara li kkunsidra l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-istess suġġett (5),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 tagħha, li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-2021 dwar in-Nixfa fil-qafas tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (GAR) mill-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU li ġew miftiehma fl-2015, b'mod partikolari l-għan 15,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD),

wara li kkunsidra l-edizzjoni speċjali tal-2021 tal-Global Wetland Outlook ippubblikata mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra,

wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni intitolat “Drought in Europe – August 2022” (In-Nixfa fl-Ewropa – Awwissu 2022),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2021 bit-titolu “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030” (COM(2021)0572),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi ta' Mejju 2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2021 intitolata “Strateġija tal-UE dwar il-Ħamrija għall-2030: Ingawdu l-benefiċċji ta' ħamrija b'saħħitha għan-nies, l-ikel, in-natura u l-klima” (COM(2021)0699) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (7),

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar ir-Riżorsi tal-Ilma,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu “Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability” (Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Lulju 2010 li tirrikonoxxi d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Right2Water” (8),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nru 17/2020 intitolat “Water and agriculture: Towards sustainable solutions” (L-ilma u l-agrikoltura: lejn soluzzjonijiet sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Dinji tar-Riżorsi tal-21 ta' Jannar 2020 intitolat “Achieving Abundance: Understanding the Cost of a Sustainable Water Future” (Kisba tal-abbundanza: nifhmu l-ispiża ta' futur idriku sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tal-14 ta' Ottubru 2021 intitolat “Water resources across Europe – confronting water stress: an updated assessment”, (Ir-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa – niffaċċjaw l-istress idriku: valutazzjoni aġġornata),

wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-2019 għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar (SWD(2019)0439),

wara li kkunsidra r-rapporti ta' valutazzjoni u r-rapporti speċjali tal-IPCC,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 bit-titolu “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (COM(2021)0082),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (9) (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (10),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (11) (FSUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi skont l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, f'Awwissu 2022, 64 % tal-kontinent kien taħt twissija ta' nixfa (bi 17 % taħt twissija ta' nixfa); billi d-data preliminari tissuġġerixxi li n-nixfa attwali hija l-agħar li qatt kienet minn 500 sena 'l hawn; billi t-temperatura medja madwar l-Ewropa fl-2022 kienet l-ogħla rekord kemm f'Awwissu kif ukoll fil-perjodu Ġunju-Awwissu (12); billi huwa mbassar li l-kundizzjonijiet aktar xotti min-normal se jippersistu fix-xhur li ġejjin f'partijiet kbar tal-Ewropa, u billi l-mewġiet tas-sħana u n-nixfa jirrinforzaw lil xulxin;

B.

billi skont l-IPCC, huwa ċar li l-kriżi klimatika toħloq avvenimenti klimatiċi estremi bħall-għargħar, maltempati u sħana aktar frekwenti u aktar intensi, li jfisser li l-preċipitazzjoni u l-maltempati qed jiżdiedu, il-mewġiet tas-sħana qed jisħnu u n-nixfiet qed jitwalu u jsiru aktar gravi;

C.

billi l-kriżi klimatika diġà qed ikollha effetti drammatiċi fuq l-ekosistemi, il-popolazzjonijiet tal-bniedem u l-għajxien tan-nies; billi skont l-IPCC, il-kontinent Ewropew qed jisħon b'rata aktar mgħaġġla minn partijiet oħra tad-dinja, b'żieda fit-temperatura ta' 2 C fl-2019 meta mqabbla mal-era preindustrijali, filwaqt li ż-żieda fit-temperatura medja globali hi ta' 1,1 C; billi n-nixfa rekord ta' din is-sena hija l-aktar waħda reċenti f'sensiela ta' eventi klimatiċi estremi li qed isiru n-normalità l-ġdida u li qed jiżdiedu fil-volum u fil-kobor; billi, hekk kif iċ-ċiklu tal-ilma qed jintensifika bit-tibdil fil-klima, se jkun hemm nixfiet, maltempati u għargħar aktar frekwenti u intensi;

D.

billi hija meħtieġa azzjoni urġenti biex it-tibdil fil-klima jiġi mmitigat billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'konformità mal-aqwa xjenza disponibbli u flimkien ma' żieda sinifikanti fl-azzjonijiet dwar l-adattament u r-reżiljenza fis-setturi kollha sabiex jitnaqqsu u jiġu kkontrollati l-impatti fuq terminu qasir, medju u twil fuq l-ekonomija, l-ambjent u l-benesseri u s-saħħa;

E.

billi l-Istitut Dinji tar-Riżorsi sab li sitt pajjiżi tal-UE (Ċipru, il-Belġju, il-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Italja) jiffaċċjaw livelli għoljin ta' stress idriku, u jbassar li sal-2030 se jkun hemm distakk ta' 56 % bejn id-domanda u l-provvista globali tal-ilma rinnovabbli (13); billi l-EEA tistma li l-istress fuq l-ilma diġà jaffettwa 20 % tat-territorju Ewropew u 30 % tal-popolazzjoni tiegħu, u jistma li l-ispiża tan-nixfiet fl-Ewropa hija bejn EUR 2 biljun u EUR 9 biljun fis-sena (14);

F.

billi t-tibdil fil-klima biddel ix-xejriet tar-riħ u tat-temp tal-Ewropa b'tali mod li s-sistemi ta' pressjoni għolja jippersistu, u dan irriżulta f'perjodi twal bi ftit jew xejn xita, u wassal għal staġuni tat-tkabbir tal-għelejjel li huma aktar xotti; billi t-tira tikkontribwixxi għar-riforniment tal-ilma ta' taħt l-art, l-istruttura tal-ħamrija u l-bijota, it-temperaturi tal-ħamrija, u n-nuqqasijiet tal-ilma jwasslu għall-erożjoni tal-ħamrija u jnaqqsu l-produzzjoni tal-għelejjel fost l-oħrajn; billi l-anomaliji tat-tira għadhom ferm negattivi fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa minħabba n-nuqqas ta' xita u l-mewġiet ta' sħana li seħħew f'dawn l-aħħar xhur, meta mqabbla ma' Ġunju 2022;

G.

billi l-previżjonijiet tar-rendiment tal-UE għall-qamħirrum, il-fażola tas-sojja u l-fjuri tal-ġirasol huma l-aktar milquta, bi tnaqqis – meta mqabbel mal-medja għal dawn l-aħħar ħames snin – li huwa stmat għal rispettivament, - 16 %, - 15 %, - 12 %; billi għelejjel oħra x'aktarx li jiġu affettwati ħafna, speċjalment l-għalf; billi s-severità tal-impatti tan-nixfiet u tal-mewġiet tas-sħana fuq il-produzzjoni agrikola bejn wieħed u ieħor ittripplat matul dawn l-aħħar 50 sena (15); billi dawn il-livelli ta' produzzjoni aktar baxxi huma ta' tħassib partikolari minħabba l-konsegwenzi tal-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna fuq is-suq tal-ikel u tal-għalf;

H.

billi l-prattiki agrikoli mhux sostenibbli, id-deforestazzjoni u l-urbanizzazzjoni intensiva jaggravaw kemm ir-riskju li jseħħu d-diżastri naturali, kif ukoll is-severità tagħhom;

I.

billi skont l-aħħar Atlas Dinji ta' Deżertifikazzjoni aktar minn 75 % tal-erja tal-art tad-Dinja diġà hija degradata u aktar minn 90 % tista' tiddegrada sal-2050; billi fil-livell tal-UE d-deżertifikazzjoni taffettwa 8 % tat-territorju, l-aktar fl-Ewropa tan-Nofsinhar, tal-Lvant u Ċentrali u tkopri 14-il miljun ettaru; billi 13-il Stat Membru ddikjaraw lilhom infushom affettwati mid-deżertifikazzjoni skont il-UNCCD; billi d-deżertifikazzjoni hija xprunata fost l-oħrajn mill-erożjoni tal-ħamrija, ir-ragħa żejjed u t-telf tal-kopertura tal-veġetazzjoni speċjalment is-siġar, is-salinizzazzjoni, it-telf tal-materja organika tal-ħamrija u l-bijota u d-degradazzjoni tal-bijodiversità; billi fl-2015, l-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiksbu n-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art fl-UE sal-2030;

J.

billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) (16) tiddikjara fl-Artikolu 4(1) li “l-Istati Membri jridu jipproteġu, jiżviluppaw u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma ta' taħt l-art, jiżguraw bilanċ bejn estrazzjoni u charge mill-ġdid tal-ilma ta' taħt l-art, bil-mira għal ksib ta' stat tajjeb tal-ilma ta' taħt l-art mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva”; billi 22 sena wara, 40 % biss tal-lagi, l-estwarji, ix-xmajjar u l-ilmijiet kostali mmonitorjati jinsabu fi status ekoloġiku “tajjeb” jew “tajjeb ħafna” meħtieġ mid-WFD; billi l-kontroll tal-idoneità skont id-WFD wera li kważi 50 % tal-korpi tal-ilma huma koperti minn eżenzjoni, li mhuwiex stat sodisfaċenti; billi fil-passat ġew implimentati prattiki u miżuri ta' ġestjoni ħżiena, b'impatt devastanti fuq iż-żamma tal-ilma tal-ħamrija, bħal: l-iddrittar tax-xmajjar u/jew l-użu tal-konkrit fil-qigħan tax-xmajjar, l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art, u t-tnixxif tal-għadajjar u tal-artijiet mistagħdra;

K.

billi l-ilma huwa komponent essenzjali fiċ-ċiklu tal-ikel; billi huwa neċessarju li l-ilmijiet ta' taħt l-art u tal-wiċċ ikunu ta' kwalità tajba u disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti biex tinkiseb sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa, sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent kif deskritta fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; billi ilma nadif u suffiċjenti huwa essenzjali għall-implimentazzjoni u l-kisba ta' ekonomija ċirkolari reali fl-UE; billi r-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi (17) tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) jistabbilixxi l-objettiv li jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja, inkluż billi titnaqqas id-dipendenza fuq is-sustanzi kimiċi;

L.

billi l-agrikoltura tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-ilma; billi l-irrigazzjoni tgħin biex tipproteġi lill-bdiewa mill-varjabbiltà tal-klima u żżid ir-rendimenti, iżda tpoġġi wkoll pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-ilma; billi fl-2016 6 % (18) biss tal-art agrikola tal-UE ġiet irranġata iżda dan ammonti għal 24 % tal-astrazzjoni tal-ilma kollha tal-UE; billi skont ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura, l-implimentazzjoni tal-PAK ma ġietx allinjata b'mod konsistenti mal-politika tal-UE dwar l-ilma, u n-nuqqas ta' titjib f'dan il-qasam jista' jwassal għal żieda fil-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma;

M.

billi l-PAK il-ġdida, li se tidħol fis-seħħ fl-2023, tirrestrinġi l-investimenti għat-tkabbir tal-uċuħ irrigati f'żoni fejn l-istatus tal-korpi tal-ilma huwa “inqas minn tajjeb”;

N.

billi l-astrazzjoni tal-ilma minn ilma miftuħ u ilma ta' taħt l-art għax-xorb, l-industrija u l-agrikoltura, aggravata b'temperaturi estremament għoljin u nuqqas ta' xita, tfisser aktar konċentrazzjonijiet ta' sustanzi niġġiesa u nutrijenti u b'hekk inċidenzi ta' proliferazzjoni ta' algi u patoġeni tossiċi, kif esperjenzat fis-sistemi tax-xmajjar, l-estwarji u l-korpi tal-ilma tal-Ewropa, li jirriżultaw f'imwiet tal-massa tal-ilma ħelu u l-qtil tal-ħut u l-kollass tas-sajd u l-għejbien ta' għajxien; billi t-temperaturi għoljin tal-ilma jnaqqsu wkoll il-kontenut tal-ossiġenu b'impatti drammatiċi fuq il-ħut; billi t-tnaqqis tal-fluss tax-xmajjar flimkien mat-tħammil, jirrilaxxa tossini kkonċentrati li akkumulaw fis-sedimenti, b'riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-ħajja akkwatika u s-sajd downstream;

O.

billi 60 % tal-baċini tax-xmajjar jinsabu f'reġjuni transnazzjonali, li jrendi kruċjali l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva; billi 20 pajjiż Ewropew jiddependu minn pajjiżi oħra għal aktar minn 10 % tar-riżorsi tal-ilma tagħhom, u 75 % tar-riżorsi ta' ħames pajjiżi jaslu għandhom minn barra l-pajjiż permezz tax-xmajjar (19); billi nuqqas ta' konformità mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (20) fir-reġjuni tal-fruntiera jikkawża deterjorament tal-korpi tal-ilma transfruntiera, li jagħmilha impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tad-WFD fl-Istat Membru riċevitur; billi filwaqt li l-WFD semmiet “ekoreġjuni rilevanti”, fil-prattika l-kooperazzjoni dwar l-ilma hija dgħajfa; billi minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, il-kumplessità idropolitika tal-baċiri kondiviżi hija mistennija li tiżdied;

P.

billi r-riżorsi tal-ilma rinnovabbli per capita naqsu bi 17 % fl-UE matul dawn l-aħħar 60 sena; billi diversi pajjiżi tal-UE kellhom jirrazzjonaw l-ilma tax-xorb f'dawn l-aħħar xhur minħabba n-nixfa, b'pereżempju, komunitajiet li qed ikollhom jiddependu fuq l-ilma tax-xorb ikkonsenjat mit-trakkijiet; billi t-tnixxijiet tal-ilma jammontaw għal 24 % tal-ilma totali kkunsmat fl-Unjoni;

Q.

billi bejn 20 u 40 % tal-ilma disponibbli fl-Ewropa jinħela minħabba, fost fatturi oħra, tnixxijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma, installazzjonijiet insuffiċjenti ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-ilma, attivitajiet ta' irrigazzjoni eċċessivi u mhux meħtieġa u viti tal-ilma li jqattru;

R.

billi l-flussi annwali tax-xmajjar qed jonqsu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Ewropa u qed jiżdiedu fit-Tramuntana u fil-Grigal tal-Ewropa; billi l-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika u s-sistemi tat-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija qed jiġu affettwati b'mod sever; billi l-proġett ta' Adaptive Management of Barriers in European Rivers (AMBER) (Ġestjoni Adattiva tal-Ostakli fix-Xmajjar Ewropej) wera li x-xmajjar tal-Ewropa huma mblukkati b'aktar minn miljun ostaklu, li 85 % jew aktar minnhom huma strutturi żgħar f'kundizzjoni ħażina jew inattivi; billi l-ostakli kollha għandhom impatt fuq is-saħħa tax-xmajjar u ċ-ċiklu tal-ilma, u b'hekk ibiddlu l-fluss naturali ta' xmara u jimblukkaw ir-rotot migratorji tal-ħut;

S.

billi l-livelli u l-volumi mnaqqsa tal-ilma kellhom impatti severi fis-setturi bbażati fuq l-enerġija fossili, nukleari u idro u fuq is-sistemi tat-tkessiħ; billi n-nixfa ta' dan is-sajf aggravat il-pressjonijiet severi fis-suq tal-enerġija li l-Ewropa qed tesperjenza; billi l-impatti sussegwenti jistgħu jaffettwaw aktar l-ekosistemi akkwatiċi li diġà qed jitħabtu ma' mewġiet ta' sħana;

T.

billi ħafna attivitajiet turistiċi huma dipendenti fuq ix-xmajjar; billi n-nuqqas ta' ilma attwalment jaffettwa 17 % tat-territorju tal-UE, filwaqt li s-sitwazzjoni hija aktar inkwetanti madwar il-Mediterran fejn madwar 50 % tal-popolazzjoni tgħix taħt stress idriku kostanti matul is-sajf, u ħafna attrazzjonijiet turistiċi kellhom jissospendu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom minħabba n-nixfa;

U.

billi n-nuqqas ta' xita u l-irtirar massiv tal-ilma għall-irrigazzjoni kellhom impatt fuq it-trasport fuq ix-xmajjar, u ġġeneraw diffikultajiet fil-provvista ta' materjali tqal, b'mod partikolari fil-wied tar-Renu, u dan għandu impatt negattiv fuq ħafna setturi ta' attività; billi l-passaġġi fuq l-ilma interni Ewropej ewlenin, b'mod partikolari r-Renu, id-Danubju u l-Po, esperjenzaw livelli estremament baxxi, b'impatti fuq l-agrikoltura, l-ilma tax-xorb, l-ekosistemi u l-kummerċ;

V.

billi l-foresti huma dejjem aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz ta' prevalenza dejjem tiżdied tan-nirien fil-foresti; billi snin ta' nixfa u degradazzjoni ħolqu kundizzjonijiet ideali biex jinfirxu n-nirien fil-foresti; billi l-Ewropa qed tesperjenza nirien fil-foresti ta' proporzjonijiet drammatiċi;

W.

billi aktar minn 5 miljun ettaru ta' foresta nħarqu fl-10 snin bejn l-2011 u l-2021, primarjament minħabba n-nixfiet; billi total ta' 500 000 ettaru ta' art inħarqu min-nirien fil-foresti li seħħew bejn l-4 ta' Ġunju u t-3 ta' Settembru 2022 biss (21), u l-kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti tal-UE ntużaw sal-limiti tagħhom; billi fit-territorju kollu tal-Unjoni, in-nirien fil-foresti qerdu siti ta' valur, bħal parks naturali u parks ġeoloġiċi tal-UNESCO, u dan ikkawża t-telf tal-bijodiversità, tal-għelejjel u tal-mergħat;

X.

billi n-nixfiet u l-mewġiet ta' sħana marbuta mat-tibdil fil-klima għamluha aktar diffiċli biex jiġu miġġielda n-nirien, peress li dawn il-kundizzjonijiet jagħmluha aktar faċli għan-nirien biex jinfirxu malajr u jżidu s-severità tagħhom; billi t-tibdil fil-klima se jżid il-frekwenza tan-nirien fil-foresti u l-potenzjal distruttiv tagħhom, u l-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-Ewropa x'aktarx li jibda aktar kmieni u jispiċċa aktar tard fis-sena; billi dawn il-bidliet bla preċedent għandhom jitqiesu fil-prattiki ta' ġestjoni tan-nirien tal-Istati Membri;

Y.

billi l-foresti stabbli, imħallta, ta' etajiet u speċijiet diversi u b'bijodiversità għolja u b'kopertura kontinwa jipprovdu ħafna kobenefiċċji, b'mod partikolari l-mitigazzjoni tan-nixfa u tas-sħana; billi s-sistemi tal-agroforestrija u s-siġar inkorporati fl-agroekosistemi jipprovdu wkoll ħafna benefiċċji, inklużi l-produttività u r-reżiljenza;

Z.

billi l-mewġiet tas-sħana u n-nixfiet għandhom effett avvers fuq l-introjtu tal-bdiewa, u dan jista' jwassal għall-abbandun tal-azjendi agrikoli; billi barra minn hekk, l-abbandun tal-azjendi agrikoli jista' joħloq kundizzjonijiet li jwasslu sabiex jiġu kkawżati n-nirien fil-foresti;

AA.

billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li 35 % tal-artijiet mistagħdra globalment għebu mill-1970, b'rata tliet darbiet aktar mgħaġġla mill-foresti, minkejja li jipprovdu ħafna benefiċċji; billi l-artijiet mistagħdra kostali bħall-mangrovji jissekwestraw il-karbonju sa 55 darba aktar malajr mill-foresti pluvjali; billi t-torbieri, li jkopru biss 3 % tas-superfiċje tal-art tad-dinja, jistgħu jaħżnu 30 % tal-karbonju kollu bbażat fuq l-art biss meta jkunu mxarrba, u jassorbu l-ilma żejjed biex jipprevjenu l-għargħar u n-nixfiet; billi skont il-Kummissjoni, fl-UE ntilfu madwar żewġ terzi tal-artijiet mistagħdra tal-UE li kienu jeżistu 100 sena ilu;

AB.

billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU rrikonoxxiet id-dritt għall-ilma u s-sanità bħala dritt tal-bniedem fit-28 ta' Lulju 2010; billi l-ilma tax-xorb nadif huwa essenzjali għad-drittijiet tal-bniedem kollha; billi fl-2013, 1 884 790 ċittadin iffirmaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Right2Water” dwar id-dritt għall-ilma u s-sanità; billi attwalment, miljun ċittadin tal-UE ma għandhomx aċċess għall-ilma u 8 miljuni ma għandhomx sanità;

AC.

billi n-nixfa qed taggrava l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies minħabba s-sħana u n-nuqqas ta' ilma; billi l-persuni l-aktar fil-bżonn qed jiġu affettwati b'mod sproporzjonat; billi hemm rata ta' mortalità eċċessiva fil-pajjiżi Ewropej l-aktar milquta min-nixfa; billi n-nixfa tikkawża ħsara fil-binjiet l-aktar fraġli, u b'hekk il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tiddeterjora;

AD.

billi n-nixfa u effetti oħra tat-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq is-saħħa mentali u jżidu l-ansjetà, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

AE.

billi l-baġit tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (FSUE) mhuwiex suffiċjenti biex jingħata rispons adegwat għal diżastru naturali maġġuri u biex l-Ewropa turi solidarjetà mar-reġjuni milquta minn diżastru;

AF.

billi n-nixfiet jista' jkollhom effetti kaskata, b'telf ikkawżat min-nixfa fl-UE li jammonta għal madwar EUR 9 biljun fis-sena; billi analiżi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka turi li l-impatt tan-nixfiet fuq l-ekonomija Ewropea jista' jammonta għal aktar minn EUR 65 biljun fis-sena sal-2100 (22); billi jekk it-temperaturi globali jaqbżu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi b'rabta mat-temperatura, in-nixfiet mistennija jseħħu darbtejn aktar spiss, u t-telf annwali assolut min-nixfiet fl-Ewropa jiżdied għal EUR 40 biljun fis-sena (23); billi l-kostijiet tan-nuqqas ta' azzjoni huma ferm akbar mill-kostijiet tal-investiment f'azzjoni klimatika ambizzjuża llum (24);

AG.

billi l-kriżi klimatika taggrava l-inugwaljanzi eżistenti; billi l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u l-persuni vulnerabbli jintlaqtu partikolarment mill-kriżi klimatika u għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima; billi huwa meħtieġ li l-ħaddiema jiġu protetti mill-effetti avversi tal-kriżi klimatika fuq il-post tax-xogħol;

1.

Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u s-solidarjetà profonda tiegħu mal-familji ta' dawk li sfaw vittmi tal-eventi meteoroloġiċi estremi reċenti u mal-abitanti taż-żoni devastati, u jfaħħar id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar full-time u volontarji, il-ħaddiema tas-salvataġġ, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fl-isforzi ta' sokkors, u l-membri tal-pubbliku li ppruvaw isalvaw lin-nies u jipprevjenu t-tixrid tan-nirien, ħafna drabi b'periklu għal ħajjithom stess;

2.

Jissottolinja l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel u jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE ulterjuri li tipperikola jew tirriskja li tipperikola s-sigurtà tal-ikel tagħna;

3.

Jemmen li dawn il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi huma sinjal tal-ħtieġa ta' azzjoni aktar ambizzjuża dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; iqis li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni f'dan il-proċess u li għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha fis-setturi kollha; ifakkar li f'konformità kemm mal-Liġi tal-UE dwar il-Klima u l-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll mal-aqwa xjenza disponibbli, l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-azzjoni klimatika tagħha kemm dwar il-mitigazzjoni, biex trażżan it-tisħin globali għal 1,5 oC meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, kif ukoll dwar l-adattament biex titrawwem ir-reżiljenza; jappella biex l-UE taġġorna l-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi u żżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra sas-27 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP27), skont l-aqwa xjenza disponibbli; jappella għall-ogħla ambizzjoni fir-rigward tal-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”;

4.

Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet tar-rapport tal-2021 tal-Programm tan-NU għall-Ambjent dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet, b'mod partikolari l-fatt li, minkejja l-wegħdiet klimatiċi aktar ambizzjużi li saru fl-aħħar sena, l-emissjonijiet previsti jħallu lid-dinja fit-triq lejn żieda ta' 2,7 oC fit-temperatura jekk dawn il-wegħdiet nazzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ, u dan ikollu impatti severi madwar id-dinja; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur il-Patt Ekoloġiku tal-UE u jżidu l-azzjoni dwar il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tal-UE, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-fenomeni meteoroloġiċi estremi;

5.

Jistenna li l-proposta tal-Kummissjoni għal liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura (25) tkun opportunità biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament, il-prevenzjoni tad-diżastri u r-restawr tan-natura; jistenna li tipprovdi qafas għar-restawr ta' ekosistemi reżiljenti għan-nixfiet, inklużi r-restawr ta' foresti ta' etajiet u speċijiet diversi u b'bijodiversità għolja u b'kopertura kontinwa, artijiet mistagħdra, kopertura ta' veġetazzjoni naturali, dinamika tal-pjanuri tal-għargħar, infiltrazzjoni naturali tal-pajsaġġ kollu, kif ukoll it-titjib tar-reżiljenza tal-baċiri tax-xmajjar;

6.

Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkontribwixxi għal effett ta' tkessiħ ġenerali billi tistabbilixxi pjattaforma tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni urbana; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi vinkolanti ambizzjużi u speċifiċi għall-bijodiversità urbana, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistemi u l-infrastruttura ekoloġika, li jkunu ta' benefiċċju kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-organiżmi selvaġġi u jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali fir-rigward tal-bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri bħal sehem minimu ta' soqfa ekoloġiċi fuq il-binjiet ġodda, appoġġ għall-biedja urbana, inkluż l-użu ta' siġar produttivi, fejn xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda pestiċida kimika u jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti fiż-żoni ekoloġiċi urbani tal-UE, u żieda fl-għadd ta' spazji ekoloġiċi skont l-għadd ta' abitanti;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità u jidentifikaw miżuri ta' restawr fuq terminu qasir, medju u twil għall-ekosistemi degradati minħabba avvenimenti meteoroloġiċi estremi; jitlob, barra minn hekk, li l-linji gwida tal-UE għall-pjanijiet ta' restawr ta' wara l-emerġenza jidentifikaw żoni ta' prijorità għall-fażijiet ta' rkupru, riabilitazzjoni u rikostruzzjoni wara diżastri kkawżati minn għargħar, nirien fil-foresti, mewġiet ta' sħana, jew nixfiet, inklużi rakkomandazzjonijiet biex tiżdied ir-reżiljenza u r-rivitalizzazzjoni tal-mezzi ta' għajxien, tal-ekonomiji u tal-ambjent affettwat;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jużaw biex jagħtu spinta lir-reżiljenza għan-nixfiet kemm tan-nies kif ukoll tal-ekosistemi; jistħaq li hija meħtieġa azzjoni koordinata anke fil-livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka u l-monitoraġġ, bejn entitajiet diġà eżistenti bħall-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, l-EEA, is-Servizz ta' Ġestjoni ta' Emerġenzi ta' Copernicus u partijiet ikkonċernati xierqa oħra; jisħaq li fil-qasam tal-finanzjament, għandu jiġi identifikat appoġġ finanzjarju xieraq fil-kuntest tal-PAK, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi reġjonali oħra;

9.

Jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà partikolari tal-pajjiżi Mediterranji u l-importanza li jintużaw mekkaniżmi u riżorsi speċifiċi biex jiġu indirizzati r-riskji u l-effetti ta' dawn l-eventi estremi f'dawn it-territorji; jenfasizza li n-nixfa u fenomeni meteoroloġiċi oħra marbuta mal-kriżi klimatika mhux biss għandhom impatti ambjentali, iżda għandhom ukoll impatti soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi, li jżidu r-riskju li l-inugwaljanzi soċjali jaggravaw;

10.

Jissottolinja l-influwenza negattiva li d-diżastri naturali għandhom fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, li xxekkel l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li aktar minn EUR 100 biljun f'riżorsi tal-politika ta' koeżjoni se jiġu investiti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli sal-2030; jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà partikolari tat-territorji elenkati fl-Artikolu 174 tat-TFUE, b'mod partikolari l-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi, u fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

11.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija ta' adattament tal-UE; jiddispjaċih madankollu li l-istrateġija ta' adattament tonqos milli tistabbilixxi miri konkreti, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jsiru reżiljenti għall-klima u jfakkar fit-talba tal-Parlament għal miri vinkolanti u kwantifikabbli; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproponi qafas Ewropew komprensiv, ambizzjuż u legalment vinkolanti għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi l-għodod leġiżlattivi xierqa, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-aktar vulnerabbli;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal b'mod urġenti valutazzjoni komprensiva tar-riskju klimatiku fl-UE kollha, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lir-riskji ta' nixfiet, nirien fil-foresti, theddid għas-saħħa, vulnerabbiltajiet tal-ekosistema u l-effett fuq infrastrutturi kritiċi u hotspots tan-network, sabiex tiggwida u tipprijoritizza l-isforzi ta' adattament u reżiljenza fuq terminu qasir, medju u twil; jappella, b'mod partikolari, għat-tlestija tat-test tal-istress tal-UE għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima għall-infrastruttura ewlenija sas-sajf tal-2023;

13.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-mod kif il-kriżi klimatika taggrava l-inugwaljanzi eżistenti; jenfasizza li l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u l-persuni vulnerabbli jintlaqtu partikolarment mill-kriżi klimatika u għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima; jilqa' l-politiki soċjali fl-Istati Membri kollha li jipproteġu lill-ħaddiema mill-effetti avversi tal-kriżi klimatika fuq il-post tax-xogħol u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-politiki tax-xogħol u soċjali tagħhom;

Protezzjoni Ċivili u Rispons f'Każ ta' Emerġenza

14.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat aktar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u jsir użu sħiħ minnu fir-rigward tan-nirien fil-foresti u diżastri naturali oħra; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u xxerred l-għarfien fost l-Istati Membri dwar kif il-foresti jiġu adattati għat-tibdil fil-klima attwali u mistenni, f'konformità mal-istrateġija l-ġdida ta' adattament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni toħloq valutazzjonijiet u mapep tar-riskju tan-nirien fil-foresti, abbażi ta' prodotti Copernicus imtejba u data oħra ta' telerilevament, sabiex tappoġġa azzjoni preventiva; jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jiġu żgurati kapaċitajiet adegwati ta' tifi tan-nar fil-foresti fl-UE;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-istabbiliment tal-flotta permanenti l-ġdida rescEU u jħeġġiġhom jiżguraw finanzjament suffiċjenti għal dan u jespandu mill-aktar fis possibbli x-xibka ta' sikurezza staġjonali Ewropea eżistenti;

16.

Jinnota bi tħassib il-limitazzjonijiet tal-qafas attwali ta' rispons għad-diżastri fil-livell tal-UE bbażat fuq ġabra ta' riżorsi ta' rispons impenjati minn qabel mill-Istati Membri b'mod volontarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jespandu l-kapaċità u l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tar-rispons għad-diżastri fid-dawl ta' diżastri klimatiċi dejjem aktar frekwenti u severi, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' forza permanenti tal-protezzjoni ċivili tal-UE;

17.

Jappella għal espansjoni tar-riżerva tat-tifi tan-nar volontarja attwali fl-ambitu ta' rescEU u jistieden lill-Istati Membri kollha jikkunsidraw li jpoġġu parti mill-brigati nazzjonali tagħhom għat-tifi tan-nar f'riżerva Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' rispons tal-UE;

18.

Jappoġġa l-modernizzazzjoni tal-assi tal-protezzjoni ċivili permezz ta' akkwisti pubbliċi komuni ġodda, sabiex it-tagħmir u l-assi tal-art u tal-ajru jkunu aktar adattati għall-ġeografija tat-territorji differenti tal-UE;

19.

Jappella għat-tisħiħ tal-pożizzjonament minn qabel staġjonali tal-pumpiera f'punti kritiċi għan-nirien fil-foresti, abbażi tas-suċċess tal-programm pilota operazzjonalizzat dan is-sajf fil-Greċja;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni u jappoġġaw il-ħolqien ta' ċentru Ewropew ta' eċċellenza fil-protezzjoni ċivili, b'mod partikolari biex jippromwovu t-taħriġ ta' aġenti fil-ġlieda kontra n-nirien u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki;

21.

Ifakkar li l-FSUE ġie emendat diversi drabi sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u li l-linja baġitarja 2022 għall-FSUE diġà ġiet immobilizzata bis-sħiħ minħabba ż-żieda fid-diżastri naturali; jappella għal żieda sinifikanti fil-baġit tal-FSUE li tgħin lir-reġjuni jantiċipaw u jimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE jitwessa' sabiex ikun jista' jappoġġa wkoll restawr aktar reżiljenti għall-klima jew kostruzzjoni ta' infrastruttura pubblika u privata; jenfasizza li s-severità ta' xi diżastri naturali f'xi każijiet hija r-riżultat ta' fatturi kkawżati mill-bniedem, inkluż ippjanar spazjali mhux prudenti li jwassal għall-bini ta' akkomodazzjoni u infrastruttura fil-pjanuri tal-għargħar tax-xmajjar jew f'territorji suxxettibbli għall-uqigħ tal-art; itenni f'dan ir-rigward li r-rimborżi tal-FSUE għandhom jiffavorixxu reżiljenza u sostenibbiltà aktar b'saħħithom permezz tal-finanzjament ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistema (eż. riforestazzjoni, restawr tal-ħabitats u rikostruzzjoni reżiljenti għat-terremoti);

22.

Jirrimarka li huwa vitali li l-għajnuna u l-fondi jintbagħtu lir-reġjuni milquta b'mod kemm jista' jkun rapidu, faċli u flessibbli, u jissottolinja li s-sinerġiji bejn l-FSUE, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, il-komponent ta' adattament għat-tibdil fil-klima tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' kooperazzjoni territorjali huma essenzjali sabiex jinħoloq pakkett komprensiv ta' rispons u reżiljenza;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-konsegwenzi tan-nixfa u t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva Ewropea dwar l-involviment ċiviku u tippromwovi inizjattivi volontarji dwar ir-rispons għad-diżastri;

Agrikoltura

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ l-impatti tas-sitwazzjoni kontinwa tan-nixfa fuq il-produzzjoni tal-ikel tal-UE fis-sena attwali, u fuq il-provvisti tal-ikel għall-popolazzjoni matul ix-xitwa li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, barra minn hekk, jikkunsidraw liema azzjonijiet korrettivi jistgħu jittieħdu u x'appoġġ jista' jingħata biex jiġi żgurat li l-produtturi primarji tal-ikel li jġarrbu telf fil-produzzjoni minħabba s-sħana u n-nixfa jkunu jistgħu jerġgħu jibdew, mingħajr dewmien, ċikli ġodda ta' produzzjoni għall-provvisti essenzjali tal-ikel;

25.

Jenfasizza l-importanza li wieħed imur lil hinn mill-miżuri fuq terminu qasir u l-mitigazzjoni tal-kriżi attwali; jissottolinja li l-UE trid tkompli tadatta s-sistemi tal-ikel tagħha sabiex tagħmilhom aktar reżiljenti fit-tul;

26.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' varjetajiet u prattiki li jkunu aktar reżistenti għan-nixfa u t-tibdil fil-klima;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK jiġu implimentati bil-ħsieb li l-agrikoltura ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-ilma u tiġi promossa reżiljenti akbar għan-nixfa, filwaqt li jitnaqqsu l-pressjonijiet idromorfoloġiċi b'mod ġenerali, filwaqt li jitqiesu s-sejbiet tar-rapport speċjali tal-QEA dwar l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura; jilqa' l-introduzzjoni ta' ekoskemi ġodda, li għandhom jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar reżiljenti u ekoloġika;

28.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu s-sehem tal-appoġġ agrikolu ddedikat għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura u jikkunsidraw li jestendu l-użu tal-iskemi pubbliċi ta' assigurazzjoni għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi skambji ta' prattika tajba dwar dan u dwar miżuri oħra ta' mitigazzjoni;

29.

Jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tidentifika riżorsi finanzjarji biex tgħin lill-azjendi agrikoli, filwaqt li tikkumpensa għat-telf li jirriżulta minn ħsara kkawżata min-nixfa jew eventi oħra kkawżati mill-emerġenza klimatika, tinċentiva aktar reżiljenza għall-klima u sostenibbiltà u tiżgura li din il-kriżi ma tispiċċax bl-għeluq definittiv tal-azjendi agrikoli;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' stokkijiet buffer ta' għalf u oġġetti tal-ikel strateġiċi bħala mezz wieħed biex jittaffew l-aspetti l-aktar dannużi tan-nixfa, inklużi varjazzjonijiet kbar fir-rendiment minn sena għal sena, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan fil-livell internazzjonali billi ssegwi l-istabbiliment tal-ħżin tal-ikel bħala għodda waħda ta' stabbilizzazzjoni fid-dawl tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura u l-provvisti tal-ikel;

31.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' sistemi ta' irrigazzjoni agrikola aktar effiċjenti u mmirati, kif ukoll kapaċità ta' ħżin tal-ilma u rikalibrazzjoni ġenerali tal-ħtiġijiet tal-irrigazzjoni biex jinkiseb użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma; ifakkar li l-investimenti fl-irrigazzjoni u fil-kapaċità tal-ħżin tal-ilma huma appoġġati biss jekk iwasslu għal iffrankar tal-ilma; jissottolinja li l-investiment fir-restawr tal-ekosistema u fil-metodi ta' produzzjoni li jagħmlu t-tranżitu għall-agroekoloġija għandu jingħata prijorità;

32.

Jinnota d-deċiżjoni meħuda fil-qafas tar-riforma l-ġdida tal-PAK rigward l-investimenti fl-irrigazzjoni fiż-żoni fejn l-istat tal-korpi tal-ilma huwa “inqas minn tajjeb”; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu investimenti f'dawn iż-żoni li jwasslu għall-iffrankar tal-ilma b'mod li jindirizza l-iskarsezza strutturali tal-ilma u jnaqqas l-impatti fuq l-ilmijiet;

33.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw l-introduzzjoni ta' sistemi ta' irrigazzjoni li ma jużawx l-ilma tal-wiċċ jew ta' taħt l-art, bħall-ħżin tal-ilma tax-xita u r-riċiklaġġ tal-ilma mormi, flimkien ma' sforzi biex jitnaqqas l-użu ġenerali tal-ilma; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, malajr kemm jista' jkun, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-UE dwar l-investimenti fl-irrigazzjoni fil-qafas tal-PAK sabiex tiġi eliminata kwalunkwe inċertezza; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-linji gwida eżistenti għall-Istati Membri rigward l-investimenti fl-irrigazzjoni fil-qafas tal-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK;

34.

Jenfasizza r-rwol pożittiv li l-agroekoloġija, l-agroforestrija u s-sistemi ta' produzzjoni organika għandhom fis-salvagwardja tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma billi jżidu l-effiċjenza u ċ-ċirkolarità fl-użu tar-riżorsi, itejbu r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli billi jnaqqsu l-inputs u jiddiversifikaw il-produzzjoni u għalhekk iferrxu r-riskju, li huwa speċjalment importanti biex jiġi evitat it-telf totali tal-għelejjel; ifakkar li t-tħawwil ta' sisien tal-ħaxix u siġar, l-isforz biex tiġi żgurata l-kopertura tal-ħamrija, l-evitar tar-ragħa eċċessiv, it-tnaqqis tal-kompattazzjoni u l-bini ta' livelli ta' materja organika tal-ħamrija u ta' humus huma utli għall-bdiewa;

35.

Jissottolinja l-ħtieġa, fid-dawl tal-eventi klimatiċi estremi ta' dawn l-aħħar xhur, li jiġu implimentati malajr l-istrateġiji mill-għalqa sal-platt u għall-bijodiversità sabiex titwettaq ambizzjoni akbar favur settur agrikolu aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli billi jitqiesu l-impatti klimatiċi differenzjati ta' tipi differenti ta' produzzjoni agrikola; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur il-Patt Ekoloġiku tal-UE u jżidu l-azzjoni dwar il-mitigazzjoni, l-adattament u r-reżiljenza fil-konfront tat-tibdil fil-klima tal-UE, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-fenomeni meteoroloġiċi estremi;

36.

Jissottolinja l-importanza tas-saħħa tal-ħamrija għaż-żamma u l-filtrazzjoni tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iż-żamma tal-ilma u l-kapaċità tal-iffiltrar kif ukoll it-tira pilastru ewlieni tal-abbozz ta' liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-ħamrija li se jiġi ppubblikat fl-2023; jissottolinja li t-torbieri għandhom potenzjal enormi bħala bjar tal-karbonju u għandhom rwol sinifikanti fl-iffiltrar tal-ilma u fil-mitigazzjoni tal-għargħar, tan-nixfiet u tan-nirien fil-foresti;

37.

Jappella għal objettiv tal-UE tan-newtralità tad-degradazzjoni tal-art fl-UE sal-2030 sabiex jiġi żgurat li l-mira korrispondenti fil-qafas tal-SDGs tan-NU tintlaħaq bis-sħiħ fl-UE, peress li l-UE bħalissa mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-SDG kif enfasizzat fir-rapport speċjali tal-QEA tal-2018 dwar id-deżertifikazzjoni;

38.

Jenfasizza r-responsabbiltà tal-bdiewa li jżommu r-riżorsi tal-ħamrija u tal-ilma f'kundizzjoni tajba, kif ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-prattiki tas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu dawn il-prattiki permezz ta' ekoskemi ġodda u permezz tal-iżvilupp tas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola, li se jkollu wkoll jintegra elementi ambjentali oħra, bħall-ġestjoni tal-ilma, sabiex jiżdiedu l-inċentivi għall-produtturi; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' ċikli tal-karbonju sostenibbli;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi aċċelerat it-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilmijiet tal-wiċċ, b'mod partikolari min-nitrati u l-pestiċidi;

40.

Jappella sabiex l-inizjattivi u l-azzjonijiet kollha relatati mal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tan-nixfiet, l-għargħar u l-mewġiet ta' sħana u l-impatti tagħhom jintegraw bis-sħiħ il-kunsiderazzjoni tal-ambjent naturali, b'mod partikolari l-foresti, u l-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi;

Nirien fil-Foresti:

41.

Jappella għal rispons integrat għan-nirien fil-foresti sabiex il-foresti tal-UE jiġu protetti mill-qerda kkawżata minn eventi klimatiċi estremi; jissottolinja li globalment in-nirien fuq skala kbira qed jiżdiedu fl-intensità u fil-frekwenza; jinsab imħasseb dwar l-espansjoni prevista ta' żoni suxxettibbli għan-nirien u staġuni itwal b'riskju għoli ta' nirien fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni Ewropej, b'mod partikolari f'xenarji ta' emissjonijiet għoljin; ifakkar li pajsaġġ varjat b'foresti diversi jipprovdi protezzjoni akbar jew barriera naturali kontra nirien fil-foresti fuq skala kbira u inkontrollabbli;

42.

Jisħaq li r-restawr u r-riforestazzjoni ta' foresti diversi jgħin fil-prevenzjoni u t-trażżin tan-nirien; jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar riżorsi għall-iżvilupp ta' ġestjoni tan-nirien ibbażata fuq ix-xjenza u appoġġ għall-bini tal-kapaċità permezz ta' servizzi ta' konsulenza biex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fil-klima fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod aħjar u jagħmlu użu mill-kunċett tal-ġestjoni integrata tan-nirien u jinnota li dan jista' jirrikjedi kapaċità regolatorja aħjar fl-Istati Membri, it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi u appoġġ iddedikat u kooperazzjoni akbar għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri;

43.

Jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta' formazzjoni ta' pirokumulunimbus minn nirien fil-foresti u l-impatt negattiv fuq l-istratosfera u s-saff tal-ożonu; jappella, għalhekk, sabiex in-nirien intenzjonati u l-ħruq tas-siġar fil-foresti jitnaqqsu kemm jista' jkun;

44.

Jiġbed l-attenzjoni għall-impatti tan-nirien fil-foresti u tat-tniġġis tal-arja assoċjat fuq is-saħħa u jesprimi tħassib għat-tbassir tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija li jgħid li dawn il-fenomeni mistennijin jiżdiedu, anke f'xenarju ta' livell baxx ta' emissjonijiet (26); Jinnota li, bit-tisħin tal-pjaneta, mistennijin jiżdiedu n-nirien fil-foresti u t-tniġġis tal-arja assoċjat, anke f'xenarju ta' livell baxx ta' emissjonijiet, u jinnota, barra mill-effetti għal saħħet il-bniedem, li dan se jħalli impatt anke fuq l-ekosistemi, peress li s-sustanzi li jniġġsu fl-arja jiddepożitaw ruħhom mill-atmosfera għal fuq wiċċ l-art; jirrimarka dwar kif il-kriżi klimatika għandha impatt fuq il-bijodiversità u t-tnaqqis tar-reżiljenza tal-ekosistemi u l-impatti konsegwenti fuq is-saħħa pubblika, u għalhekk jinsisti fuq l-importanza ta' approċċ “Saħħa Waħda”;

45.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni kontinwa tal-foresti tagħna u jipproteġu l-art mill-klassifikazzjoni mill-ġdid bħala art mhux forestali wara nirien fil-foresti, peress li dan jista' jinkoraġġixxi nirien intenzjonati bl-għan li l-art tkun tista' tintuża għal użu ieħor li ma kienx permess qabel in-nirien; jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-servizzi tal-Kummissjoni jiżguraw kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u jirriċerkaw l-istorja tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-art wara nirien fil-foresti;

46.

Jitlob li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (27) tiġi riveduta sabiex tinkludi eżenzjoni mit-taxxa fuq il-konsum intern fuq prodotti tal-enerġija għall-pumpiera waqt il-qadi ta' dmirijiethom;

Ilma

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma li tinkludi l-organizzazzjoni mal-Istati Membri ta' konferenza Ewropea dwar l-ilma sabiex jiġu żviluppati malajr linji gwida dwar il-ġestjoni ta' baċiri tax-xmajjar kondiviżi tranżnazzjonali, speċjalment fil-każ ta' nixfiet pluriennali, u biex tiġi żgurata prijoritizzazzjoni bbilanċjata bejn l-użi tal-ilma;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-iżvilupp ta' pjanijiet reġjonali jew nazzjonali komprensivi mis-sors sa l-użu aħħari tal-ilma, sabiex jiġu ttrattati t-tnixxija u l-infiltrazzjoni tal-ilma minħabba kwalità fqira jew infrastruttura miżmuma ħażin, inkluż fil-livell tal-baċin, urban u tal-azjenda agrikola, u biex tiskambja l-aħjar prattiki għal dan il-għan;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ż-żieda fl-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu l-użu ta' tekniki tal-użu mill-ġdid tal-ilma, teknoloġiji u prattiki ta' irrigazzjoni li jiffrankaw l-ilma, teknoloġiji ekoloġiċi tas-soqfa, doċoċ u tojlits intelliġenti fis-settur tal-ilma, inklużi l-provvista, is-sanità u l-ġestjoni tal-ilma tax-xita, u fiċ-ċikli u l-applikazzjonijiet industrijali, residenzjali u kummerċjali kollha tal-ilma; jappella sabiex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni attwali biex jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-industriji li jużaw ħafna ilma filwaqt li jiġu rispettati l-kriterji ta' kwalità l-aktar stretti, kif ukoll fl-uffiċċji u fid-djar bl-użu mill-ġdid tal-ilma griż; ifakkar li l-ġestjoni tal-ilma hija ta' importanza kruċjali biex jiġu minimizzati l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, għall-protezzjoni tal-ilma u tas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll il-bijodiversità u ż-żamma ta' ħamrija b'saħħitha;

50.

Jirrimarka li s-settur tal-enerġija huwa konsumatur kbir tal-ilma fl-Ewropa, li s-settur tal-ilma nnifsu jikkonsma ħafna enerġija għall-astrazzjoni, l-ippumpjar, it-tisħin, it-tkessiħ, it-tindif u d-desalinizzazzjoni tal-ilma; jindika l-impatt li l-livelli baxxi tal-ilma kellhom fuq is-settur tal-enerġija u fuq ċerti industriji; jenfasizza li effiċjenza mtejba tal-ilma jista' jkollha impatt dirett fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u t-tibdil fil-klima;

51.

Jissottolinja l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu involuti fil-ġestjoni tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-aċċess għall-ilma maħsub għal gruppi vulnerabbli u emarġinati f'konformità mad-Direttiva u jieħdu azzjoni ulterjuri biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tal-vit; ifakkar fl-obbligi tal-istati li jiżguraw id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb, b'mod partikolari matul il-mewġiet ta' sħana u l-perjodi ta' nixfa, li jinvolvi, pereżempju, l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' parteċipazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni ta' Kunsens Liberu, Minn Qabel u Infurmat (FPIC) għall-infrastruttura tal-enerġija u l-industriji estrattivi fuq skala kbira; jisħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent sistematiku tad-drittijiet konswetudinarji għall-ilma tax-xorb u l-għoti ta' rimedji ġustizzjabbli (permezz ta' mekkaniżmu tal-ilmenti) għal każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

52.

Jissottolinja l-importanza tal-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni fuq l-ilma sabiex jiġu żgurati aċċess ġust u ġestjoni tajba tar-riżorsi; jappella għal projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-ilma bħala komodità fis-swieq finanzjarji;

Dimensjoni Internazzjonali u Soċjali

53.

Jisħaq li madwar l-Ewropa ħafna nies jgħixu f'akkomodazzjoni antikwata u żdingata u f'kundizzjonijiet tal-għajxien xejn sodisfaċenti u dawn jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-effetti tat-temp estrem; ifakkar li l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata huwa dritt fundamentali; jappella għall-adozzjoni rapida ta' fond soċjali għall-klima ambizzjuż sabiex jiġu appoġġjati l-aktar gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tad-djar tagħhom u jiġu dekarbonizzati s-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ tagħhom, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u dan jippermettilhom inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jtejbu wkoll il-kwalità tal-ħajja tagħhom;

54.

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiżdied l-azzjoni globali, kemm biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra kif ukoll biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' adattament, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif enfasizzat fil-Patt Klimatiku ta' Glasgow, adottat fl-2022; jappella sabiex l-UE jkollha rwol attiv fit-tkomplija tal-proċess tad-definizzjoni ta' għan globali fil-qasam tal-adattament u biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan relatat mal-finanzjament internazzjonali għall-klima, inkluż billi jiġi żgurat bilanċ bejn il-finanzjament għall-mitigazzjoni u dak għall-adattament; jistieden, barra minn hekk, lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri biex tieħu azzjonijiet konkreti biex tipproteġi, mir-riskji ta' diżastri naturali, il-kisbiet fl-iżvilupp;

55.

Ifakkar li s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema hija kompetenza tal-UE u li f'konformità mad-Direttiva 89/391/KEE (28), il-ħaddiema għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe riskju, inkluż minn riskji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa u b'urġenza r-riskji ġodda tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali sabiex tipproteġi aħjar lill-ħaddiema minn esponiment għal temperaturi għoljin, radjazzjoni uv naturali u perikli oħra relatati għas-sikurezza, b'mod partikolari fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura u tas-servizzi pubbliċi; jirrimarka li rwoli differenzjati skont il-ġeneru jikkawżaw ukoll vulnerabbiltajiet għall-effetti tat-tibdil fil-klima differenzjati bejn in-nisa u l-irġiel, u li l-impatti tat-tibdil fil-klima jaggravaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri;

56.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu lejn approċċ ta' “Viżjoni Żero” għall-imwiet relatati max-xogħol f'konformità mal-qafas strateġiku tal-UE 2021-2027 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema kollha li jintervjenu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inklużi l-pumpiera, li huma partikolarment esposti għall-karċinoġeni matul xogħolhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġi inkluż taħriġ regolari dwar is-sikurezza u l-ġestjoni tar-riskju għal dawk li jintervjenu f'emerġenza, kif ukoll li jiġu pprovduti tagħmir u materjali protettivi xierqa fl-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

57.

Jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-poplu tal-Pakistan, li sofra mill-impatti fatali tal-kriżi klimatika, u jirrikonoxxi li l-Pakistan jikkontribwixxi ftit li xejn għall-kriżi klimatika; jinnota li l-UE allokat EUR 1,8 miljun inizjali f'assistenza umanitarja għall-vittmi tal-għargħar, iżda jirrikonoxxi li dan mhuwiex proporzjonat mal-indirizzar xieraq tal-ħtiġijiet tan-nies u l-komunitajiet milquta;

58.

Jisħaq fuq l-importanza li jsir progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jilqa' d-dikjarazzjoni ministerjali adottata dan is-sajf fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li tinnota li n-nixfiet u l-għargħar huma sfidi ta' dimensjoni globali li jinħassu l-aktar mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll min-nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, speċjalment il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali; ifakkar lill-pajjiżi żviluppati dwar il-ħtieġa li juru solidarjetà mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari ma' dawk l-aktar vulnerabbli;

59.

Ifakkar li l-2021-2030 huwa d-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistema u jistenna li r-restawr tan-natura jkun il-karatteristika ewlenija ta' dan id-deċennju fl-UE; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika jimplimentaw b'mod urġenti miżuri għar-restawr tan-natura fit-territorji tagħhom;

60.

Jinnota li l-pajjiżi madwar id-dinja ntlaqtu wkoll minn nixfiet rekord serji, inkluża nixfa rekord fiċ-Ċina; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab internazzjonali dwar il-kwistjoni tan-nixfiet, in-nirien fil-foresti u impatti oħra tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE tistinka favur djalogu msaħħaħ f'dan il-qasam, inkluż fil-COP27, sabiex isir skambju tal-għarfien u biex il-ġestjoni tan-nixfa tittejjeb b'mod reċiproku;

61.

Jisħaq li s-sistemi ta' twissija bikrija huma kritiċi għall-adattament effettiv, b'mod partikolari fir-rigward tan-nirien fil-foresti u l-għargħar, iżda mhumiex disponibbli għal parti kbira tad-dinja; jappoġġa l-inizjattiva ta' servizzi ta' twissija bikrija tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija u jittama li din tiġi implimentata malajr sabiex jiġu salvati kemm jista' jkun ħajjiet malajr kemm jista' jkun mill-impatti tal-kriżi klimatika; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu t-teknoloġija tas-sistema ta' twissija bikrija;

62.

Jissottolinja li skont in-NU, in-nixfa fil-Qarn tal-Afrika poġġiet 22 miljun persuna fir-riskju li jmutu bil-ġuħ; jinnota li l-problemi bl-aċċess għall-ikel u l-ġuħ f'pajjiżi barra mill-UE qed jiġu aggravati mill-kriżi klimatika, kif ukoll mill-forzi ġeopolitiċi; jistieden lill-UE tagħti prijorità lill-politiki dwar is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni koerenti u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem; jindika kif il-kriżi klimatika qed taggrava l-kriżijiet umanitarji madwar id-dinja, b'mod partikolari fl-Afganistan, fejn in-nixfa hija fattur li jikkontribwixxi biex 20 miljun Afgan jiġu mċaħħda mill-ikel;

63.

Jisħaq li l-UE għandha tkun lesta għal spostamenti kkawżati mill-klima u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet mhedda mill-effetti tat-tibdil fil-klima; iqis li tali spostament għandu jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw dwar l-iżvilupp ta' qafas internazzjonali biex jiġu indirizzati l-ispostament u l-migrazzjoni kkawżati mill-klima kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll fl-azzjoni esterna tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jappoġġaw lill-persuni li ġew spostati minħabba t-tibdil fil-klima u li ma għadhomx jistgħu jgħixu fil-postijiet ta' residenza tagħhom; jissottolinja li l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li l-istati jridu jqisu l-impatti tal-kriżi klimatika fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' oriġini meta jikkunsidraw id-deportazzjoni tal-applikanti għall-ażil;

64.

Jappella sabiex jiżdiedu l-investimenti fl-edukazzjoni u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej dwar id-diżastri naturali; jitlob li l-Jum Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri Naturali jiġi promoss b'inizjattivi viżibbli tal-UE;

o

o o

65.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.

(2)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

(3)  ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

(4)  ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.

(5)  ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.

(6)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.

(7)  ĠU C 506, 15.12.2021, p. 38.

(8)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 99.

(9)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(10)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(11)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(12)  Is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta' Copernicus, “Surface air temperature for August 2022” (It-Temperatura tal-Arja fis-Superfiċje għal Awwissu).

(13)  L-Istitut Dinji tar-Riżorsi, “Achieving abundance: understanding the cost of a sustainable water future” (Kisba tal-abbundanza: nifhmu l-ispiża ta' futur idriku sostenibbli), 21 ta' Jannar 2020.

(14)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “Water resources across Europe – confronting water stress: an updated assessment”, (Ir-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa – niffaċċjaw l-istress idriku: valutazzjoni aġġornata), 14 ta' Ottubru 2021.

(15)  Mekonen, Zelalem A. et al, “Wildfire exacerbates high-latitude soil carbon losses from climate warming”, “Environment Research Letters, (Nirien fil-foresti jiggravaw it-telf tal-karbonju fil-ħamrija b'latitudni għolja kkawżat mit-tisħin tal-klima”, Ittri ta' Riċerka Ambjentali), Vol. 17, Nru 9, Settembru 2022.

(16)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(18)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, “Special Report 20/2021: Sustainable water use in agriculture: CAP funds more likely to promote greater rather than more efficient water use", 2021. (Rapport Speċjali Nru 20/2021: l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura: il-fondi tal-PAK aktarx jippromwovu użu akbar tal-ilma milli użu aktar effiċjenti tal-ilma”, 2021).

(19)  Baranyai, G., “Transboundary water governance in the European Union: the (unresolved) allocation question”, (Il-governanza transfruntiera tal-ilma fl-Unjoni Ewropea: il-kwistjoni tal-allokazzjoni (mhux solvuta), Ġurnal Uffiċjali tal-Kunsill Dinji tal-Ilma, Vol. 21, Nru 3, 2019.

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(21)  Servizz ta' Monitoraġġ tal-Atmosfera ta' Copernicus, “Europe's summer wildfire emissions highest in 15 years” (L-ogħla emissjonijiet min-nirien fil-foresti tas-sajf fl-Ewropa fi 15-il sena), is-6 ta' Settembru 2022.

(22)  Aħbarijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, “Global warming could more than double costs caused by drought in Europe, study finds” (Studju jsib li t-tisħin globali jista' jirdoppja u iżjed il-kostijiet ikkawżati min-nixfa fl-Ewropa), l-10 ta' Mejju 2021.

(23)  Sejbiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-projezzjoni tal-impatti ekonomiċi tat-tibdil fil-klima fis-setturi tal-UE abbażi ta' analiżi minn isfel għal fuq.

(24)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030: Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” (COM(2020)0562).

(25)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2022 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura (COM(2022)0304).

(26)  Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, “WMO Air Quality and Climate Bulletin highlights impacts of wildfires” (Il-Bulettin tad-WMO dwar il-Kwalità tal-Arja u l-Klima jenfasizza l-impatti tan-nirien fil-foresti), 7 ta' Settembru 2022.

(27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(28)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).