16.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 479/2 |
P9_TA(2022)0211
Rapport annwali ta’ implimentazzjoni dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova (2021/2237(INI))
(2022/C 479/01)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova (minn hawn 'il quddiem “il-Moldova”), min-naħa l-oħra (FA), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016, |
— |
wara li kkunsidra l-istabbiliment ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Moldova f'Marzu 2014, permezz tal-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (1) magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020, |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova tat-13 ta' Ottubru 2021 (SWD(2021)0295), |
— |
wara li kkunsidra l-eżitu tas-sitt laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova tat-28 ta' Ottubru 2021, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dik tal-15 ta' Diċembru 2021 fi Brussell, |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-SEAE bit-titolu “Irkupru, reżiljenza u riforma: prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020” tat-2 ta' Lulju 2021 (SWD(2021)0186), |
— |
wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Georgia, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna dwar l-Istabbiliment ta' Kooperazzjoni Msaħħa dwar l-Integrazzjoni Ewropea – it-“Trio Assoċjat”, iffirmat fis-17 ta' Mejju 2021, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat/Gvern tat-Trio Assoċjat — il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna wara s-sitt Summit tas-Sħubija tal-Lvant fil-15 ta' Diċembru 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Moldova biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, ippreżentata fit-3 ta' Marzu 2022, |
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Prim Ministru tal-Moldova lill-President tal-Parlament Ewropew riċevuta fis-16 ta' Marzu 2022 li titlob żieda fl-Assistenza Makrofinanzjarja lill-Moldova, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-26 ta' Frar 2018, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2021 bit-titolu “L-imħallfin fil-Polonja u fir-Repubblika tal-Moldova jeħtiġilhom jibqgħu indipendenti” (2), |
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR) u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari tal-15 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma elettorali fil-Moldova, tal-24 ta' Ġunju 2019, dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali b'referenza partikolari għall-possibbiltà li jiġi xolt il-parlament, tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' liġi dwar ir-riforma tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, u tat-13 ta' Diċembru 2021 dwar l-emendi tal-24 ta' Awwissu 2021 għal-liġi dwar il-prosekuzzjoni, |
— |
wara li kkunsidra l-analiżi legali dwar il-Liġi dwar l-Emenda tal-Kodiċi tas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tar-Repubblika tal-Moldova, ippreżentata mir-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Media fl-14 ta' Jannar 2022, |
— |
wara li kkunsidra l-eżitu tat-Tnax-il Djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Moldova dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fit-13 ta' Settembru 2021 permezz ta' vidjokonferenza, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova, l-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Moldova u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili tal-Moldova, u l-attivitajiet tagħhom, |
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Reġjonali (SNDR) għall-2022-2028 adottata mill-Gvern tal-Moldova, |
— |
wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern il-ġdid għall-2020-2023, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-11 ta' Lulju 2021 fil-Moldova, integrata mal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali mmexxija mill-OSKE/ODIHR, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell u tal-Kummissarju Olivér Várhelyi dwar l-elezzjonijiet parlamentari, maħruġa fit-12 ta' Lulju 2021, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni preċedenti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Ottubru 2020 (3), u dawk tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali fi Chișinău (4), tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova (5), u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e), u l-Anness 3, tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0143/2022), |
A. |
billi l-gwerra Russa mhux ipprovokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna ddikjarata fl-24 ta' Frar 2022 affettwat b'mod sproporzjonat lill-Moldova bħala stat ġar, li f'ġimagħtejn irċieva aktar minn 360 000 rifuġjat mill-Ukrajna, li minnhom aktar minn 100 000 baqgħu fil-pajjiż, u b'hekk ir-riżorsi tagħha jinsabu taħt pressjoni enormi; |
B. |
billi mindu bdiet il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna kien hemm tħassib dwar operazzjonijiet potenzjali ta' bnadar foloz fil-Moldova; |
C. |
billi fit-22 ta' April 2022, il-Maġġur Ġeneral Rustam Minnekayev, il-viċi kmandant tad-distrett militari ċentrali tar-Russja, iddikjara li wieħed mill-għanijiet tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għadha għaddejja huwa li jinħoloq kuritur fuq l-art għar-reġjun tat-Transnistrija; billi l-Maġġur Ġeneral Minnekayev iddikjara wkoll b'mod falz li fit-Transnistrija kienu ġew osservati atti ta' oppressjoni fuq il-popolazzjoni li titkellem bir-Russu; |
D. |
billi s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (SL) irrikonoxxa l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tas-sħab ikkonċernati u ħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-FA u d-DCFTA tagħhom; |
E. |
billi wara perjodu ta' instabbiltà politika u ta' rigress demokratiku, Maia Sandu rebħet l-elezzjoni presidenzjali b'57,75 % tal-votazzjoni fil-15 ta' Novembru 2020 u l-Partit ta' Azzjoni u Solidarjetà (PAS) irċieva 52,8 % tal-vot u rebaħ 63 mill-101 siġġu fil-Parlament tal-Moldova fl-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-11 ta' Lulju 2021, u dan juri l-impenn qawwi tal-poplu tal-Moldova lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-futur Ewropew ta' pajjiżhom u jagħti mandat b'saħħtu lill-PAS għal programm ambizzjuż ta' riformi; |
F. |
billi l-FA/DCFTA huwa bbażat fuq il-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-UE – jiġifieri d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt – u dawn il-valuri jinsabu wkoll fil-qalba tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika kif previst mill-Ftehim FA/DCFTA; |
G. |
billi skont stħarriġ reċenti tal-opinjoni pubblika, 71,6 % taċ-ċittadini tal-Moldova jappoġġjaw l-objettiv tal-integrazzjoni Ewropea ta' pajjiżhom; |
H. |
billi l-parteċipanti fil-11-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova (PAC) li saret fis-6 u s-7 ta' April 2022 ħadu nota tar-riżoluzzjoni tal-President, tal-gvern u tal-maġġoranza parlamentari tal-Moldova li jimplimentaw l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova bir-reqqa, u b'hekk wasslu għal titjib tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini Moldovani; |
I. |
billi r-riżultati konkreti tas-sitt Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova li sar fit-28 ta' Ottubru 2021 jagħtu spinta ġdida għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u msaħħa f'oqsma ewlenin; |
J. |
billi l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku għall-Moldova ġie propost bħala parti mill-aġenda mġedda għall-irkupru, ir-reżiljenza u r-riforma għall-pajjiżi tas-SL, abbażi ta' Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP) għall-irkupru soċjoekonomiku u r-reżiljenza fit-tul wara l-COVID-19, bil-motto “nibnu mill-ġdid aħjar”; billi l-inizjattivi ewlenin tal-EIP għall-Moldova jipprevedu investimenti fl-effiċjenza enerġetika, fl-infrastruttura u fil-konnettività, iżda mhux fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa; |
K. |
billi l-programm attwali ta' Assistenza Makrofinanzjarja (MFA) ta' emerġenza tal-UE għall-Moldova fil-kuntest tal-COVID-19 tlesta, u l-ewwel porzjon ta' EUR 50 miljun ingħata f'Novembru 2020 u t-tieni pagament ta' EUR 50 miljun ingħata fis-7 ta' Ottubru 2021, wara li nkiseb progress sinifikanti fl-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta' politika tal-Memorandum ta' Qbil, |
L. |
billi l-Moldova tikklassifika fil-105 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2021 (telgħet mill-115-il post fl-2020) u, minkejja l-bidliet fil-gvern, in-nuqqas ta' titjib sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huwa ta' tħassib kbir, peress li għal snin il-korruzzjoni affettwat serjament l-apparat tal-istat, fixklet it-tkabbir ekonomiku u l-modernizzazzjoni, u mminat id-demokrazija; |
M. |
billi l-gvern il-ġdid għad irid jindirizza n-nuqqasijiet kritiċi fis-settur tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt li qed ikomplu jxekklu l-governanza demokratika fil-Moldova; |
N. |
billi l-Moldova tikklassifika fid-89 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2021 (telgħet żewġ postijiet meta mqabbla mas-sena ta' qabel) u għad hemm tħassib dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media, il-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklamar, in-nuqqas ta' indipendenza editorjali, u l-kontroll li l-gruppi ekonomiċi u politiċi għandhom fuq l-istituzzjonijiet tal-media; |
O. |
billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkomplu jitolbu aktar trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Parlament u f'awtoritajiet pubbliċi oħra, filwaqt li jtennu l-proposti tagħhom ippreżentati fl-2016 u fl-2017 rigward il-qafas leġiżlattiv dwar l-aċċess għall-informazzjoni; |
P. |
billi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili għadha sporadika u fil-biċċa l-kbira mhijiex istituzzjonalizzata; |
Q. |
billi fl-aħħar rapport ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni identifikat problemi ewlenin fir-rigward tad-dritt għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-informazzjoni ta' interess pubbliku, id-dritt għax-xogħol u ħajja deċenti, il-libertà tal-moviment u l-libertà tal-espressjoni; |
R. |
billi n-nisa qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma' disparità bejn il-ġeneri u l-involviment tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet huwa limitat minħabba l-istereotipi u n-normi marbuta mal-ġeneru; |
S. |
billi l-qafas legali ma għadux jipprojbixxi l-aċċess għal ċerti professjonijiet, iżda r-rata ta' implimentazzjoni tiegħu għadha baxxa u n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli de facto, bħal nuqqas ta' aċċess għal servizzi ta' kura affordabbli; |
T. |
billi d-diskors ta' mibegħda jibqa' kwistjoni ta' tħassib u huwa mmirat l-aktar lejn in-nisa u l-persuni LGBTI; |
U. |
billi fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tindika kwistjonijiet serji bħall-mortalità tat-trabi, it-tħaddim tat-tfal, inklużi r-rabtiet mat-traffikar u l-isfruttament sesswali, is-sitwazzjoni partikolari tat-tfal Rom u tat-tfal li l-ġenituri tagħhom iħalluhom warajhom, l-għadd staġnat ta' trabi u tfal b'diżabbiltà f'faċilitajiet ta' kura istituzzjonali, u l-kwalità insuffiċjenti tas-servizzi soċjali biex jappoġġjaw lill-familji f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; |
V. |
billi l-Moldova timporta madwar 80 % tal-enerġija tagħha, u l-enerġija eolika, solari u idroelettrika żgħira jammontaw biss għal madwar 1 % tat-taħlita enerġetika tal-Moldova; |
W. |
billi l-bijomassa hija l-uniku sors domestiku sinifikanti tal-enerġija tal-Moldova, u tikkontribwixxi 19 % tal-provvista totali tal-enerġija; |
X. |
billi skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-Moldova hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet b'70 % fl-2030 meta mqabbla mal-1990; |
Valuri komuni u prinċipji ġenerali
1. |
Jilqa' r-riżultati storiċi tal-elezzjoni presidenzjali fl-2020 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2021, fejn il-poplu tal-Moldova ta maġġoranza kbira lill-forzi politiċi favur ir-riforma u favur l-Ewropa, li issa huma kompletament responsabbli għall-istat; jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE u t-tmexxija politika tal-Moldova jaħtfu din l-opportunità unika biex jaħdmu flimkien għall-implimentazzjoni ta' riformi li ilhom neċessarji u javvanzaw l-integrazzjoni Ewropea tal-Moldova bbażata fuq il-valuri kondiviżi tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt; |
2. |
Jilqa' s-sottomissjoni tal-Moldova tal-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022, li tikkonferma t-triq Ewropea magħżula tagħha; jinnota li dan il-pass ikompli jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu politiku intensifikat ta' livell għoli mal-awtoritajiet Moldovani sabiex jinkiseb progress tanġibbli u sostenibbli fl-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Moldova, flimkien mal-Ukrajna u l-Georgia, f'konformità mal-Artikolu 49 TUE u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jżidu l-impenn tagħhom mal-kontropartijiet Moldovani tagħhom u jimmassimizzaw l-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju tagħhom lill-Moldova matul dan iż-żmien kruċjali sabiex jagħtu impetu ulterjuri għall-progress u jiżguraw kapaċità ta' assorbiment adegwata għall-assistenza tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eżaminati modi kif tiġi kkonsolidata u mtejba l-kapaċità tal-istituzzjonijiet pubbliċi Moldovani f'dan ir-rigward, fosthom proġett konġunt bejn l-UE u l-Moldova biex tiġi stabbilita istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja għat-taħriġ tar-riżorsi umani għall-amministrazzjoni pubblika Moldovana, biex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza massima tal-proċedura tal-għażla u tal-promozzjoni u l-għoti ta' assistenza tal-UE għall-aqwa żidiet meħtieġa tas-salarji tal-ħaddiema taċ-ċivil fil-gvern tal-Moldova li jaħdmu f'oqsma ewlenin tar-riformi tal-integrazzjoni Ewropea; |
3. |
Jindika li l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar strateġika fl-appoġġ tagħha u jitlob li jitwaqqaf, fil-livell tal-Kummissjoni, Grupp ta' Appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova bbażat fuq il-mudell ta' Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna (SGUA), kif previst fil-mandat oriġinali tas-SGUA; jissottolinja li grupp bħal dan jista' jkollu rwol ċentrali biex jissimplifika aħjar l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE, u jipprovdi assistenza multidimensjonali lill-awtoritajiet Moldovani fl-avvanz tar-riformi fl-oqsma ewlenin tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni pubblika, bl-implimentazzjoni tal-EIPs għal pajjiżi tas-SL u l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku għall-Moldova, kif ukoll jassisti lill-Moldova fit-tħejjija għal negozjati ta' adeżjoni futuri; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Moldova fit-tħejjija ta' strateġija kredibbli ta' qabel l-adeżjoni għas-sħubija fl-UE; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta rapporti komprensivi annwali regolari li jivvalutaw l-implimentazzjoni tar-riformi abbażi ta' punti ta' referenza ċari u li jużaw l-istess metodoloġija kif applikata għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; |
5. |
Jisħaq fuq il-punt li l-applikazzjonijiet għas-sħubija fl-UE tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia fetħu kapitlu ġdid fl-integrazzjoni Ewropea tagħhom, li għandu jkun ikkaratterizzat minn sforzi msaħħa biex jiġu implimentati il-FA/DCFTA rilevanti u approċċ aktar strateġiku min-naħa tal-UE hi u tappoġġja lil dawn il-pajjiżi; |
6. |
Jilqa' r-riżultati tas-sitt summit tas-SL li sar fil-15 ta' Diċembru 2021, li afferma mill-ġdid il-kisbiet sinifikanti tal-kooperazzjoni f'dan il-format u fassal perkors ambizzjuż għal kooperazzjoni futura bbażata fuq valuri kondiviżi u li tiffoka fuq l-irkupru, ir-reżiljenza u r-riforma; |
7. |
Jilqa' l-fatt li s-summit irrikonoxxa l-inizjattiva tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom bħala t-tliet sħab assoċjati tal-UE (“it-Trio Assoċjat”) u l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tagħhom; jinkoraġġixxi lit-tliet pajjiżi jaħdmu flimkien lejn l-għan iddikjarat tagħhom ta' sħubija fl-UE billi jkomplu javvanzaw l-aġenda ta' riformi u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-governanza tajba u l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA bħala l-bażi għal adeżjoni futura mal-UE bbażata fuq il-mertu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni għall-adeżjoni tal-Moldova mal-UE u, sadanittant, twieġeb għall-interess tal-pajjiżi assoċjati li japprofondixxu l-kooperazzjoni settorjali mal-UE f'oqsma ta' interess reċiproku, filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' inklużività; |
8. |
Jilqa' l-kontribut kostruttiv tal-Moldova għall-kooperazzjoni fi ħdan is-SL, speċjalment fil-qafas tal-pajjiżi assoċjati, u jesprimi t-tama li d-dikjarazzjonijiet dwar l-aġenda ambizzjuża tal-pajjiż u l-integrazzjoni settorjali fit-trasport, fl-enerġija u f'oqsma oħra jsiru deċiżjonijiet u azzjonijiet konkreti, min-naħa kemm tal-awtoritajiet Moldovani kif ukoll tal-Unjoni; |
9. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE janalizzaw il-possibbiltà li jinkludu lill-Moldova bħala osservatur fil-ħidma tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (7), kif ukoll fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill, sabiex jintwera l-impenn tal-UE favur integrazzjoni ulterjuri u biex jissaħħaħ l-orjentament lejn ir-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi; |
10. |
Jirrikonoxxi li l-gwerra fl-Ukrajna affettwat b'mod sproporzjonat l-ekonomija tal-Moldova bħala riżultat ta' opportunitajiet ta' importazzjoni u esportazzjoni mitlufa, kostijiet ogħla tat-trasport, prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu malajr u l-ħtieġa li tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja kritika minħabba l-għadd kbir ta' rifuġjati li qed jaslu mill-Ukrajna; ifaħħar lill-poplu Moldovan u lill-istituzzjonijiet tal-Istat għall-impenn straordinarju tagħhom biex ilaħħqu mal-għadd għoli ta' rifuġjati li deħlin fil-pajjiż mill-Ukrajna, li wassal biex il-Moldova tkun il-pajjiż bl-ogħla għadd ta' rifuġjati mill-Ukrajna per capita; jisħaq fuq il-punt li dan ifisser li l-ħtiġijiet tal-Moldova għolew ukoll b'mod drammatiku f'dak li jikkonċerna l-appoġġ ekonomiku, inkluża l-Assistenza Makrofinanzjarja; jitlob lill-UE u lis-sħab internazzjonali oħra tal-Moldova biex jirrieżaminaw b'mod urġenti l-politiki tagħhom kif xieraq u biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-pajjiż sabiex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika tiegħu u jiżguraw l-iżvilupp kontinwu tiegħu; |
11. |
Jilqa' l-azzjoni deċiżiva min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha bħala “Tim Ewropa” fil-mitigazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 permezz ta' donazzjonijiet ta' vaċċini u appoġġ finanzjarju; jistieden lis-SEAE jassisti lill-awtoritajiet Moldovani, permezz tat-Task Force East StratCom u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova, fil-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni dwar il-vaċċini tal-COVID-19 u t-trawwim ta' djalogu soċjali bil-għan li tintlaħaq il-mira tat-tilqim ta' minimu 70 % tal-popolazzjoni; |
12. |
Jisħaq fuq il-punt li l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku għar-Repubblika tal-Moldova, li għandu baġit massimu ta' EUR 600 miljun, huwa element ewlieni fl-irkupru tal-Moldova, li jippreżenta opportunità unika biex jaċċellera r-riformi strutturali, jirristruttura l-ekonomija, jiġġieled il-faqar u l-inugwaljanzi soċjali, jagħti spinta lit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali u jħejji lill-pajjiż għal sfidi oħra futuri; jilqa' l-ewwel żborż ta' għotja ta' EUR 36,4 miljun għall-Moldova, bħala parti mill-Pakkett ta' Rkupru Ekonomiku, biex tkompli tappoġġja r-riforma tal-pulizija u l-ġlieda tal-pajjiż kontra l-COVID-19; |
13. |
Jilqa' l-programm ġdid ta' riforma ekonomika tal-Moldova, approvat mill-Fond Monetarju Internazzjonali f'Diċembru 2021, li jiftaħ it-triq għall-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għal pakkett MFA għall-Moldova li għandu baġit li jilħaq il-EUR 150 miljun; jilqa' l-adozzjoni rapida tal-MFA ġdida min-naħa tal-Parlament u l-Kunsill; jissottolinja l-importanza kruċjali ta' kundizzjonalità stretta primarjament marbuta ma' riformi demokratiċi aktar milli fatturi ekonomiċi, li tapplika wkoll għall-finanzjament l-ieħor kollu tal-UE lis-sħab tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza teknika tkun disponibbli għall-awtoritajiet Moldovani fl-implimentazzjoni adegwata tar-riformi miftiehma fil-kuntest tal-MFA; |
Riformi u qafas istituzzjonali
14. |
Jilqa' l-aġenda ambizzjuża ta' riforma bla preċedent tal-gvern ta' Natalia Gavrilița u l-progress inizjali li diġà nkiseb fl-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza dejjem tikber fil-governanza pubblika, l-avvanz tar-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-diġitalizzazzjoni, it-titjib tal-istandards tal-għajxien tal-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli u t-titjib tal-klima kummerċjali fil-pajjiż; itenni li progress suffiċjenti fl-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma huwa kundizzjoni ewlenija għal appoġġ finanzjarju kontinwu tal-UE u l-applikazzjoni tal-prinċipju “aktar għal aktar”; |
15. |
Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Gvern tal-Moldova biex ikompli l-ħidma tiegħu ħalli jallinja b'mod irriversibbli l-pajjiż mal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-oppożizzjoni jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv lejn it-trasformazzjoni ta' pajjiżhom fi Stat li jiffunzjona u li jkun jista' joffri opportunitajiet liċ-ċittadini tiegħu u jwassal għal titjib fl-oqsma kollha li għalihom huwa responsabbli, peress li dan se jkollu impatt pożittiv fuq l-istandards tal-għajxien fil-Moldova u jikkonvinċi lill-Moldovani li jgħixu barra mill-pajjiż biex jirritornaw lejn pajjiżhom; |
16. |
Jisħaq fuq il-punt li l-aspettattivi għoljin tan-nies tal-Moldova jeħtieġ li jiġu ssodisfati billi jsir titjib tanġibbli fl-għajxien tagħhom, tiġi restawrata l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Istat, u jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-istrutturi oligarkiċi; |
17. |
Jinnota li filwaqt li l-elezzjonijiet presidenzjali u l-elezzjonijiet parlamentari bikrija kienu ġestiti tajjeb u kompetittivi, il-kampanja elettorali kienet diviżiva u mmexxija b'mod negattiv, u involviet retorika intolleranti u attakki personali; jissottolinja li n-nuqqasijiet li fadal jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE/ODIHR, inkluż it-titjib tal-qafas legali elettorali f'konformità mal-impenji tal-OSKE u standards internazzjonali oħra, l-investigazzjoni fil-pront u bir-reqqa ta' allegazzjonijiet kredibbli tax-xiri tal-voti u l-inkoraġġiment illegali tal-votanti, l-indirizzar tal-użu ħażin tar-riżorsi tal-istat, it-titjib tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-finanzjament tal-kampanja, l-infurzar aktar strett tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Kodiċi tas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva dwar kopertura imparzjali matul il-kampanji, u l-għoti ta' garanziji aħjar biex jiġu żgurati li l-qrati jgawdu minn ħelsien mill-pressjonijiet politiċi u jibqgħu għalkollox imparzjali fl-immaniġġjar ta' każijiet relatati mal-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-Gvern Moldovan biex jistabbilixxi l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li ċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra l-pajjiż ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet b'mod inklużiv, trasparenti u ġust, ħielsa minn interferenza barranija; |
Is-sigurtà u r-reżiljenza fil-qasam tal-enerġija
18. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-Moldova b'EUR 60 miljun permezz ta' programm ġdid ta' appoġġ baġitarju sabiex tindirizza l-kriżi tal-provvista tal-gass maħluqa artifiċjalment minn Gazprom u ttaffi l-impatt tal-prezzijiet li qed jogħlew fuq l-aktar persuni vulnerabbli; jilqa' l-isforzi tal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukrajna, fost oħrajn, biex jipprovdu malajr provvisti ta' gass alternattivi; jindika li l-enerġija hija l-aktar riżorsa importanti għall-baġit, il-programmi militari u soċjali tar-Russja, u li Gazprom tintuża bħala għodda biex tavvanza l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-Kremlin barra l-pajjiż; jilqa' l-fatt li, bil-għan li tikkomplementa l-assistenza diġà pprovduta mill-UE fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, id-Delegazzjoni tal-UE fi Chișinău mmobilizzat EUR 5 miljun biex tipprovdi appoġġ lill-gruppi vulnerabbli l-aktar milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm bżonn ta' appoġġ aktar sostanzjali fid-dawl tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew kontinwament; |
19. |
Jinnota li l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-użu tagħha tar-riżorsi tal-enerġija bħala arma tkompli tenfasizza l-importanza ġeostrateġika li jsiru riformi fis-settur tal-enerġija, li jeliminaw id-dipendenza fuq il-gass Russu u jagħtu spinta lid-diversifikazzjoni tal-provvisti u tar-rotot tal-enerġija, filwaqt li tinbena reżiljenza fit-tul; permezz ta' tranżizzjoni għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u investiment fl-aġġornament ta' infrastruttura eżistenti u l-ħolqien ta' infrastruttura ġdida u effiċjenza enerġetika, fosthom fis-setturi tal-produzzjoni tal-enerġija, tat-trasport u tad-dar, u b'hekk tittejjeb il-konnettività filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali; jinnota li dan jista' jgħin ukoll biex tinbena r-reżiljenza kontra kwalunkwe sforz potenzjali minn partijiet terzi biex jużaw l-enerġija bħala lieva ġeopolitika; |
20. |
Jisħaq fuq il-punt li huwa inaċċettabbli li l-provvista tal-gass mir-Russja tintuża bħala arma sabiex issir pressjoni politika fuq il-Gvern tal-Moldova ħalli jibdel l-orjentazzjoni ġeopolitika tiegħu u jżomm lura milli jirrispetta x-xewqat leġittimi tal-elettorat Moldovan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu lill-Moldova fil-pjanijiet tal-UE għall-ksib tal-indipendenza mill-provvista tal-enerġija mir-Russja u jżidu l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE lill-Moldova, li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata r-reżiljenza tagħha kontra tali interferenza esterna u titnaqqas id-dipendenza qawwija tagħha fuq l-enerġija Russa; jitlob lill-UE turi solidarjetà tal-enerġija aktar b'saħħitha mal-Moldova, f'konformità mal-FA, billi żżid l-interkonnessjonijiet tal-infrastruttura tal-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati mingħajr dewmien l-investimenti kollha meħtieġa u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija Ewropea sabiex il-faċilitajiet tal-ħażna u l-interkonnetturi tal-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jippermettu t-trażmissjoni tal-gass fuq skala suffiċjenti mill-UE għall-pajjiżi sħab; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani biex, fit-tul, iżommu l-impenn tal-pajjiż bħala membru tal-Komunità tal-Enerġija u jimplimentaw it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE, b'mod partikolari s-separazzjoni bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-gass u tal-elettriku; |
21. |
Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-Moldova, li bħalissa tiddependi 80 % fuq l-elettriku prodott fir-reġjun tat-Transnistrija; jilqa' s-sinkronizzazzjoni b'suċċess tal-grilji tal-elettriku tal-Moldova u l-Ukrajna man-Network Kontinentali Ewropew fis-16 ta' Marzu 2022, li se tgħin biex jiġu żgurati l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tagħhom; ifaħħar lin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) għall-ħidma tiegħu fil-kisba ta' dan it-tragward f'ċirkostanzi straordinarji; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-integrazzjoni tal-Moldova u tal-Ukrajna mal-grilja tal-enerġija kontinentali Ewropea u tistabbilixxi b'mod urġenti struttura ddedikata fi ħdan l-amministrazzjoni tagħha għal dan il-għan; jilqa' l-passi meħuda għall-interkonnessjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Moldova mal-UE permezz tar-Rumanija; jistieden lill-awtoritajiet kollha jissodisfaw l-objettiv li l-Moldova tingħaqad mal-grilja enerġetika tar-Rumanija sal-2024, bl-appoġġ tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-Moldova fit-testijiet tal-istress imwettqa għas-suq intern tal-enerġija; jinnota li l-appoġġ u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa tal-UE ma' pajjiżi assoċjati fis-SL f'dawn is-setturi se joħolqu wkoll tkabbir ekonomiku u jsaħħu r-reżiljenza tal-enerġija tar-reġjun; |
22. |
Jilqa' t-tnedija tad-djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Moldova dwar l-Enerġija fil-kuntest tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fis-settur tal-gass tal-Moldova; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkunsidra li tniedi djalogi simili ta' livell għoli mal-UE biex issaħħaħ il-kooperazzjoni f'oqsma oħra, bħall-ġustizzja jew il-klima/il-Patt Ekoloġiku, li kieku jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi fi ħdan il-FA/DCFTA; |
23. |
Jitlob lill-Moldova u lill-UE jtejbu l-konnettività tal-Moldova fil-baċir tal-Baħar l-Iswed u fir-reġjun tal-Karpazji, javvanzaw il-ħidma fuq it-taqsimiet Moldovani tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport estiż (TEN-t) għall-pajjiżi tas-SL, jappoġġjaw ir-riformi tas-settur ferrovjarju u jesploraw il-possibbiltajiet, flimkien mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għat-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji bejn l-UE u l-Moldova, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali; iħeġġeġ lill-Moldova tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-acquis rilevanti, u jitlob aktar kooperazzjoni u l-integrazzjoni gradwali tal-Moldova fis-suq tat-trasport u fil-Komunità tat-Trasport tal-UE; |
24. |
Jistieden lill-UE tipprovdi pjattaforma ta' ppjanar tal-investiment għall-Moldova biex timplimenta aġenda ta' konnettività tal-infrastruttura fuq skala kbira, b'mod partikolari billi żżid il-kapaċità ta' assorbiment tal-Moldova u tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa, kif isir għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent taħt il-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF), pjattaforma ta' assistenza tal-kapaċità amministrata mill-Kummissjoni; |
25. |
Jilqa' u jappoġġja l-interess tal-Moldova fl-avvanz tal-kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u tat-telekomunikazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Moldova jneħħu b'mod reċiproku t-tariffi tar-roaming bejn il-Moldova u l-UE; |
26. |
Jilqa' l-isforzi u l-progress kontinwu li sar mill-awtoritajiet Moldovani lejn it-titjib ulterjuri tas-sistema ta' sorveljanza tas-sikurezza tal-Moldova u l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni, li rriżultaw fit-tneħħija tat-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati fil-Moldova mil-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru u jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova; |
Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u progress fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija
27. |
Jilqa' l-ftehim bejn l-UE u l-Moldova dwar it-tnedija ta' Djalogu Politiku u ta' Sigurtà ta' Livell Għoli u l-impenn imġedded dwar is-sigurtà u l-PSDK permezz ta' konsultazzjonijiet bilaterali bejn il-persunal; jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Moldova jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-pjattaformi sabiex javvanzaw il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħal, iżda mhux limitati għal, ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tisħiħ tar-reżiljenza, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, u t-tisħiħ tal-komunikazzjoni strateġika; jistieden lill-Moldova tkompli tallinja aktar il-pożizzjonijiet tagħha ma' dawk tal-PESK u tkompli tagħti u ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-missjonijiet tagħha; iħeġġeġ lill-UE u lill-Moldova jidentifikaw modi kif jespandu din il-kooperazzjoni, b'mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà volatili fil-viċinat tal-Lvant; |
28. |
Jesprimi tħassib serju dwar l-iżviluppi riċenti fit-territorju tar-reġjun tat-Transnistrija u jikkundannahom bħala atti perikolużi ta' provokazzjoni mwettqa f'sitwazzjoni ta' sigurtà volatili ħafna; jappella għall-kalma sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-benesseri tan-nies li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru u fil-pajjiżi ġirien; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-reazzjoni kalma u mrażżna tal-awtoritajiet f'Chişinău; |
29. |
Jirrifjuta u jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjoni tat-3 ta' Marzu 2022 tal-awtoritajiet fir-reġjun okkupat tat-Transnistrija tal-Moldova li tħabbar tmiem il-proċess tas-soluzzjoni u li toħroġ sejħa mġedda għar-rikonoxximent tal-hekk imsejħa indipendenza tat-Transnistrija; itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni komprensiva u paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija permezz tal-proċess ta' negozjati 5+2 ibbażat fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, bi status speċjali għar-reġjun tat-Transnistrija fi Stat Moldovan vijabbli; jissottolinja li kull riżoluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrija trid tirrispetta d-dritt sovran tal-Moldova li tagħżel l-orjentament tagħha fil-qasam tad-difiża u tal-politika estera; jappoġġja l-isforzi biex jiġu estiżi l-benefiċċji tad-DCFTA u tas-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għar-reġjun tat-Transnistrija, li jippermetti tkabbir sinifikanti fil-mobbiltà u fil-kummerċ mar-reġjun; |
30. |
Jinnota li l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna għandha rwol importanti ħafna fl-armonizzazzjoni tar-reġimi tal-ġestjoni tal-fruntieri u tad-dwana ma' dawk tal-Unjoni, anki fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kuntrabandu u l-kontribut għas-soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni tat-Transnistrija permezz ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u bħala preżenza ta' monitoraġġ fis-segment tat-Transnistrija tal-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna; jinkoraġġixxi lill-Gvern Moldovan ikompli jippromwovi ambjent favorevoli għas-soluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġja attivitajiet li jżidu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fil-komunitajiet mifrudin minħabba l-kunflitti; jemmen li konklużjoni kostruttiva għall-kwistjoni tat-Transnistrija se ġġib stabbiltà u prosperità mhux biss għall-Moldova, iżda wkoll għaż-żona usa'; |
31. |
Jistieden lill-Moldova, lill-Federazzjoni Russa, lill-Istati Membri tal-UE u lil sħab internazzjonali oħra jikkooperaw dwar it-tneħħija u l-qerda totali ta' madwar 20 000 tunnellata ta' munizzjon antik tal-era Sovjetika maħżun fiċ-ċentru tal-munizzjon ta' Cobasna, li jirrappreżenta periklu gravi għas-sigurtà tan-nies u tal-ambjent fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara Dniester, minħabba li huwa ferm lil hinn mid-data ta' skadenza tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eżerċizzji militari numerużi mwettqa mill-forzi militari Russi fit-Transnistrija u jistieden lill-Federazzjoni Russa tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u l-armamenti militari tagħha mir-reġjun tat-Transnistrija b'mod ordnat, f'konformità mat-talbiet ripetuti tal-awtoritajiet Moldovani u fir-rigward tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova; |
32. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fir-reġjun tat-Transnistrija, b'mod partikolari l-persekuzzjoni ta' persuni kritiċi għall-amministrazzjoni de facto u l-iskjerament tal-armata Russa, u r-restrizzjonijiet fuq l-assembleji pubbliċi u l-attivitajiet tal-NGOs lokali; ifakkar lill-Federazzjoni Russa dwar ir-responsabbiltà li għandha fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tat-Transnistrija, kif ikkonfermat minn diversi deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); jistieden lill-awtoritajiet Russi jeżegwixxu s-sentenzi kollha tal-QEDB relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà fir-reġjun tat-Transnistrija; |
33. |
Ifaħħar lill-awtoritajiet Moldovani għall-appoġġ offrut lir-reġjun tat-Transnistrija fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, fosthom permezz tad-donazzjoni ta' 10 % tal-provvista tal-vaċċin tiegħu, it-taħriġ tal-persunal mediku u l-ipproċessar tat-testijiet tal-COVID-19; |
34. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jipprovdi EUR 7 miljun f'assistenza fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi lill-Forzi Armati tal-Moldova għall-akkwist ta' tagħmir mediku u tagħmir għan-newtralizzazzjoni tal-isplussivi; jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Kunsill jestendu aktar l-oqsma ta' kooperazzjoni mal-Moldova u jappoġġjaw it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur tad-difiża permezz ta' miżuri ta' assistenza taħt dan l-istrument; |
35. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani jagħmlu użu ulterjuri mill-assistenza potenzjali tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi fi programmi annwali sussegwenti sabiex jikkonsolidaw il-kapaċità tal-Moldova li tiġġieled it-theddid ċibernetiku u ibridu; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu lill-Moldova f'formati ġodda ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu u l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċiberkriminalità, fosthom billi jinvolvu liċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà ġdid f'dawn l-isforzi; |
Stat tad-dritt u governanza tajba
36. |
Itenni l-importanza fundamentali tar-riforma tal-ġustizzja, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-indipendenza u tal-kompetenzi tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jirrikonoxxi l-iskala enormi tal-isfida li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet u jinkoraġġihom jiffukaw fuq prijoritajiet stabbiliti; jinnota l-impenn tal-President Maia Sandu u tal-gvern ta' Natalia Gavriliţa li jibbażaw il-politiki tagħhom fuq deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Moldovana; jitlob aċċellerazzjoni tar-riforma tal-ġustizzja li għaddejja, inkluża l-implimentazzjoni tal-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni dwar il-ġustizzja vvutati mill-Parlament Moldovan fit-23 ta' Settembru 2021, kif ukoll tal-Istrateġija għall-Iżgurar tal-Indipendenza u l-Integrità tas-Settur tal-Ġustizzja 2022-2025; |
37. |
Jisħaq fuq il-punt li l-UE trid toffri aktar appoġġ, inkluża żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji, għar-riforma kumplessa tas-sistema tal-ġustizzja fil-Moldova; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal riformi profondi tas-sistema ġudizzjarja mmirati lejn il-ksib tal-effiċjenza u l-indipendenza sħiħa u reali tal-ġudikatura, il-ksib mill-ġdid tal-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja u tal-amministrazzjoni pubblika, it-tnaqqis tar-rabtiet man-networks informali postkomunisti u mal-oligarki, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus anki fl-ogħla livelli politiċi u kummerċjali; jappoġġja bil-qawwa l-objettiv li jitneħħew mis-sistema tal-ġustizzja persuni li jeżistu dubji dwar l-integrità tagħhom u li jsiru bidliet komprensivi li jibnu pedamenti b'saħħithom għall-istat tad-dritt fil-pajjiż; |
38. |
Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat proċess ta' għażla bbażat fuq il-mertu u trasparenti għall-ħatriet ġudizzjarji; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani biex ikomplu l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-Unjoni Ewropea dwar ir-riforma tal-ġustizzja, inkluż dwar inizjattivi relatati mal-evalwazzjoni straordinarja tal-imħallfin u l-prosekuturi (skrutinju) u l-evalwazzjoni tal-integrità tal-kandidati għall-pożizzjoni ta' membri tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u tal-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi (skrutinju minn qabel); itenni l-importanza li jiġu kkonsultati u implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja fil-qafas tal-proċess ta' riforma ġudizzjarja; |
39. |
Huwa konvint li l-korruzzjoni fuq skala kbira hija waħda mill-problemi ewlenin li jxekklu l-progress tal-Moldova; jistieden lill-Gvern Moldovan iżid l-effettività tal-infrastruttura legali u istituzzjonali kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Indipendenti Kontra l-Korruzzjoni, li se jinvestiga l-korruzzjoni fis-setturi finanzjarji u bankarji tal-pajjiż u fl-istituzzjonijiet tal-Istat tiegħu; |
40. |
Jistieden lill-Gvern Moldovan iżid it-trasparenza, is-sorveljanza demokratika u r-responsabbiltà fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jikkoopera mill-qrib mas-soċjetà ċivili, sabiex ikun jista' jsir skrutinju pubbliku adegwat ta' dawn il-proċessi u kontribut inklużiv fihom; itenni fuq l-importanza li jiġi żgurat finanzjament sostenibbli għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis sinifikanti fil-baġit matul il-pandemija; jisħaq fuq l-importanza ġenerali tad-djalogu miftuħ attiv tal-gvern mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, u l-oppożizzjoni parlamentari u ekstraparlamentari, biex jiġi żgurat proċess inklużiv u parteċipattiv tat-teħid ta' deċiżjonijiet; |
41. |
Jinnota l-passi meħuda mill-awtoritajiet u jħeġġiġhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u l-allinjament tal-politika tal-Moldova dwar il-viża mal-listi tal-UE ta' pajjiżi mhux tal-UE li għalihom huma meħtieġa l-viżi; |
42. |
Jistieden lill-Gvern Moldovan ikompli bl-isforzi biex jiddepolitiċizza l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-istituzzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni u biex jinvesti fil-bini ta' fiduċja akbar bejn iċ-ċittadini u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; |
43. |
Jitlob l-implimentazzjoni deċiżiva tar-riforma tal-pulizija; jilqa' ż-żieda fl-għadd ta' nisa fil-forza tal-pulizija; jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji ta' infurzar tal-Moldova u l-Istati Membri sabiex titnaqqas il-kriminalità transfruntiera, b'mod partikolari t-traffikar ta' drogi illegali u ta' bnedmin, peress li l-Moldova sfortunatament tibqa' sors ta' traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali u għall-finijiet tax-xogħol, imwettqa kemm min-networks Moldovani kif ukoll minn networks kriminali internazzjonali; jilqa' l-iffirmar tal-ftehim bejn l-UE u l-Moldova dwar l-attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) fil-Moldova u l-iskjerament tal-persunal tal-Frontex biex jappoġġja lill-awtoritajiet Moldovani f'attivitajiet ta' ġestjoni tal-fruntieri; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa mal-Europol, mal-Interpol u mal-organizzazzjonijiet doganali bħall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Organizzazzjoni għan-Networks ta' Kooperazzjoni Ekonomika u ta' Żvilupp Kontra l-Korruzzjoni; |
44. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Moldovani jikkooperaw, jikkoordinaw u jieħdu miżuri urġenti biex jipproteġu lir-rifuġjati mill-Ukrajna ospitati fil-Moldova jew li jgħaddu minnha, speċjalment in-nisa u t-tfal, li huma f'riskju ta' traffikar u li jirrappreżentaw il-maġġoranza tar-rifuġjati mill-Ukrajna; |
45. |
Jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-faċilitajiet ta' detenzjoni, fosthom billi jindirizzaw dispożizzjonijiet inadegwati tal-kura tas-saħħa, kif ukoll jevitaw l-amministrazzjoni ta' ġustizzja selettiva u motivata politikament; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu eliminati t-tortura u t-trattament ħażin u li jiġu investigati allegazzjonijiet ta' tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-pulizija u minn uffiċjali oħra tal-infurzar tal-liġi; |
46. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-frodi finanzjarja, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata permezz ta' leġiżlazzjoni komprensiva u implimentazzjoni effettiva; jilqa' l-pjanijiet għall-ħruġ ta' bidliet legali fil-Parlament tal-Moldova mmirati lejn it-titjib tal-qafas legali biex ikun possibbli li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta' konfiska estiża tal-assi akkumulati permezz tal-korruzzjoni; |
47. |
Jitlob politika ċara u effettiva fil-qasam tal-irkupru ta' fondi miżapproprijati u assi frawdolenti billi tiġi stabbilita kooperazzjoni internazzjonali, b'enfasi fuq kollegament aħjar mal-Europol u mal-Eurojust; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Moldovani jibnu qafas iddedikat għall-kollaborazzjoni strateġika mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għal ġestjoni aħjar tal-investigazzjonijiet tal-frodi u kontra l-korruzzjoni; |
48. |
Iħeġġeġ il-kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fi Chișinău u l-uffiċċju tal-Eurojust, inkluż is-sekondar regolari ta' rappreżentanti Moldovani fl-uffiċċju tal-Eurojust bħala pass preparatorju fil-bini ta' task force ddedikata għall-irkupru ta' fondi miżapproprijati u assi frawdolenti; |
49. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li titħaffef l-investigazzjoni dwar il-frodi bankarja esposta fl-2014, li għadha ma wasslitx għal riżultati sinifikanti f'dak li jikkonċerna t-tressiq ta' dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja u l-irkupru tal-assi mitlufa; jisħaq fuq il-punt li dan in-nuqqas ta' progress għandu effett negattiv serju fuq ir-reputazzjoni internazzjonali tal-Moldova, b'mod partikulari, il-kredibbiltà tas-sistema ġudizzjarja f'għajnejn mhux biss il-poplu tal-Moldova, iżda wkoll is-sħab internazzjonali tal-pajjiż; jitlob l-intensifikazzjoni tal-proċess tat-tlestija ta' każijiet kriminali kontra persuni involuti fl-iskema Laundromat Russau fil-frodi tal-banek; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet Moldovani fl-investigazzjoni tal-frodi bankarja, ħalli jiġi żgurat l-irkupru f'waqtu ta' assi misruqa; |
50. |
Itenni t-talba tiegħu għall-espansjoni tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att tal-UE Magnitsky) biex il-korruzzjoni tiġi inkluża bħala reat issanzjonat, li jippermetti s-sanzjonar ta' dawk responsabbli għall-frodi bankarja tal-2014 u jiskoraġġixxi reati simili ta' korruzzjoni; |
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali
51. |
Jilqa' r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), mill-Parlament tal-Moldova fl-14 ta' Ottubru 2021; jinnota l-ħruġ ta' mandat legali dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-Kummissjoni ta' Venezja fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2021 fuq talba tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Moldova; jitlob li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fil-livelli kollha sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet, u għal aktar sforzi li għandhom isiru biex isir progress lejn il-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari fit-titjib tal-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol, fl-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, id-diskriminazzjoni fuq bażi ta' età u r-rappreżentanza tan-nisa, u fl-iżgurar ta' trattament ugwali fil-livelli kollha; |
52. |
Jissottolinja l-importanza li jissaħħaħ aktar il-qafas legali għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, b'mod partikolari billi jitnaqqsu d-diskrepanzi leġiżlattivi eżistenti sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fl-impjiegi, jiġu miġġielda b'mod effettiv ir-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda u jiġu protetti aktar id-drittijiet tal-minoranzi, inklużi r-Rom, il-persuni LGBTI u l-immigranti; jistieden lill-Moldova tabolixxi l-projbizzjoni kostituzzjonali fuq żwieġ bejn persuni tal-istess sess stabbilita fl-1994 u tistabbilixxi miżuri kontra d-diskriminazzjoni għal persuni LGBTI; |
53. |
Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fil-programmi u fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-Moldova; jistieden lill-Gvern Moldovan jaċċellera l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni, allinjata mal-istandards tal-UE, u jippermetti t-twettiq ta' dawn id-drittijiet permezz ta' qrati tal-liġi indipendenti u li jiffunzjonaw kif xieraq; |
54. |
Jistieden lill-Gvern Moldovan, fir-rispons tiegħu għall-pandemija tal-COVID-19, biex jagħmel enfasi speċjali fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u d-diskriminazzjoni kontra gruppi emarġinati aggravati mill-pandemija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw iż-żieda fil-vjolenza kontra t-tfal u fil-faqar fost it-tfal bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri meħuda biex tiġi kkontrollata; |
Kummerċ u kooperazzjoni ekonomika
55. |
Itenni l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tar-riformi meħtieġa biex jinkiseb il-benefiċċju sħiħ mid-DCFTA, jinkiseb progress f'integrazzjoni ekonomika ulterjuri mas-suq intern tal-UE u tiżdied id-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija Moldovana, partikolarment ta' oġġetti ta' valur miżjud; jistieden lill-Moldova timplimenta bis-sħiħ il-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tad-DCFTA u li tirrispetta l-impenji internazzjonali tiegħu, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi u r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jitlob ir-rettifika tad-dritt kummerċjali intern li jirriżulta kunfliġġenti mal-impenji li ħadet il-Moldova fil-qafas tad-DCFTA u tad-dispożizzjonijiet tad-WTO; |
56. |
Jenfasizza l-effett pożittiv tad-DCFTA bejn l-UE u l-Moldova fuq il-kummerċ bejn iż-żewġ naħat, b'żieda ta' aktar minn 33 % fil-kummerċ totali bejn l-2015 u l-2020, aktar minn 61 % tal-esportazzjonijiet Moldovani li jmorru lejn is-suq tal-UE u aktar minn 70 % tal-kumpaniji Moldovani involuti f'attivitajiet ta' esportazzjoni li jesportaw lejn is-suq tal-UE; jinnota li s-suq tal-UE huwa destinat li jsir saħansitra aktar importanti għall-Moldova minħabba t-tfixkil fil-kummerċ ikkawżat mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; jilqa' l-fatt li l-Unjoni hija l-akbar investitur fil-pajjiż; jinkoraġġixxi aktar progress f'oqsma bħall-kodiċi doganali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-titjib fl-istandards sanitarji u fitosanitarji, it-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq fil-qasam tal-enerġija, l-akkwist pubbliku, u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; |
57. |
Jenfasizza li l-esportazzjonijiet tal-Moldova jistgħu jiżdiedu permezz ta' produzzjoni estiża, billi tingħata prijorità mill-ġdid lill-esportazzjonijiet u jiġu aġġustati l-istandards ta' kwalità; itenni li l-kategoriji ewlenin ta' merkanzija għall-esportazzjoni jibqgħu prodotti tal-annimali u tal-ħxejjex, li huma l-inqas l-prodotti profittabbli li l-Moldova tista' toffri lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Moldova fid-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE, fosthom permezz ta' twettiq aħjar tal-kwoti tariffarji tagħha għal prodotti bi profitt għoli; |
58. |
Jistieden lill-Kummissjoni tibda l-proċess tal-integrazzjoni tal-pajjiżi tas-SL fis-suq uniku Ewropew billi tieħu l-ewwel pass fl-analiżi tal-allinjament tagħhom minn perspettiva legali, ekonomika u teknika, u l-iżvilupp ta' regolamenti u standards immirati lejn it-tħejjija ta' pajjiżi sħab għall-integrazzjoni ekonomika f'suq komuni; |
59. |
Jinnota l-interess akbar taċ-Ċina li tinvesti fl-ekonomija Moldovana, fost l-oħrajn fis-setturi tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni u tal-farmaċewtika; ifakkar fl-intenzjoni taċ-Ċina li tibni infrastruttura sostanzjali tat-trasport fil-Moldova bħala komponent tal-Inizjattiva “Belt and Road” usa' tagħha; itenni li l-Inizjattiva “Belt and Road” tinsab fiċ-ċentru tal-politika barranija taċ-Ċina u hija min-natura tagħha proġett ġeopolitiku; |
60. |
Ifaħħar ir-riformi pro-demokratiċi li diġà saru min-naħa tal-Gvern tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu u jistimulaw investiment imsaħħaħ tal-UE fil-Moldova abbażi tal-prinċipju “aktar għal aktar” u jinkoraġġixxu lill-Moldova tkun proattiva fl-avviċinament tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u Ewropej; |
61. |
Jitlob l-isforzi kontinwi biex tinbena ekonomija tas-suq diġitali ġenwina, inkluż il-progress fuq l-iżvilupp ta' data miftuħa, billi twessa' l-aċċess għal sistemi ta' aċċess kundizzjonali għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali u tan-netwerk virtwali, filwaqt li żżid in-numru ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini u r-reġistri pubbliċi; jappoġġja l-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ekonomiċi u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi speċjali għall-kumpaniji tal-IT, speċjalment il-kumpaniji tal-innovazzjoni u n-negozji ġodda li għandhom problemi biex isibu sorsi ta' finanzjament u b'riżultat ta' dan ma jistgħux jappoġġjaw it-tranżizzjoni u l-proċessi ta' tkabbir tagħhom; jenfasizza li jrid isir aktar xogħol biex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini Moldovani li jużaw l-internet ikunu protetti u biex jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rekwiżiti tas-suq uniku diġitali; |
62. |
Jilqa' favorevolment l-approssimazzjoni ta' 499 (152 minnhom b'mod parzjali) minn 681 tal-acquis tal-UE mal-leġiżlazzjoni nazzjonali Moldovana prevista mill-FA/DCFTA u jissottolinja fuq l-importanza li jitkomplew ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika, fis-sistema bankarja u fl-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Moldova biex tkompli l-approssimazzjoni regolatorja tagħha mal-acquis tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-istituzzjonijiet tal-Moldova u lill-amministrazzjoni pubblika tagħha bl-għarfien espert u bl-għajnuna teknika u finanzjarja meħtieġa; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jagħmlu progress aktar rapidu dwar l-approssimazzjoni għall-FA/DCFTA; |
63. |
Jinkoraġġixxi l-armonizzazzjoni tal-istandards ta' kwalità nazzjonali ma' dawk tal-UE; jissottolinja l-iżvantaġġi għall-imprendituri u n-negozji Moldovani li jirriżultaw min-numru kbir ta' standards differenti li jeħtieġu jissodisfaw għall-esportazzjonijiet lejn l-Istati Membri u jenfasizza l-ħtieġa ta' politika ta' esklużjoni ta' standards li mhumiex allinjati jew li huma f'kunflitt dirett mal-istandards Ewropej; |
64. |
Huwa tal-opinjoni li billi tiggarantixxi aċċess eżenti minn tariffi għas-swieq tal-UE għal negozji tat-Transnistrija rreġistrati fix-xatt tal-Punent ta' Dniester u sottomessi għal kontrolli doganali minn uffiċjali Moldovani, id-DCFTA rriżultat f'evoluzzjoni enormi fid-direzzjoni tal-kummerċ mill-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika lejn l-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Moldovani jagħmlu aktar passi lejn il-kummerċ u l-impenn mas-swieq tal-UE sabiex itejbu l-aċċess għas-suq, it-trasparenza, il-prattiki kummerċjali tajbin u jnaqqsu l-kapaċità għall-manipulazzjoni tas-suq u l-monopolizzazzjoni mill-oligarki; |
65. |
Jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-irkupru ekonomiku ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs); jistieden lill-istituzzjonijiet responsabbli tal-UE u Moldovani biex jiżguraw li dan l-appoġġ tekniku u finanzjarju jkun imfassal għall-ħtiġijiet tal-MSMEs Moldovani, ikun ta' kopertura nazzjonali, inkluż ir-reġjun tat-Transnistrija, u jsaħħaħ kemm il-kapaċitajiet tal-MSMEs kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern tal-UE; |
66. |
Jilqa' r-regolamenti l-ġodda fil-qasam tal-akkwist pubbliku, iżda jenfasizza l-ħtieġa għall-monitoraġġ pubbliku tal-proċessi tal-akkwist u l-importanza ta' rapporti aktar ċari u permanenti lill-pubbliku ġenerali; iħeġġeġ is-simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi li bihom ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu parti mill-proċessi tal-akkwist u jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi burokratiċi jiġu sostitwiti b'oħrajn trasparenti li jneħħu l-ostakli u li terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-allokazzjoni u fl-użu tal-baġits pubbliċi; |
67. |
Jirrikonoxxi l-impenn tal-Moldova li ssegwi l-approssimazzjoni mal-leġiżlazzjoni agrikola tal-UE sabiex iżżid l-esportazzjonijiet lejn l-UE u tiftaħ opportunitajiet kummerċjali għall-komunitajiet lokali; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jagħmlu progress aktar rapidu dwar l-approssimazzjoni għall-FA/DCFTA f'dak li jikkonċerna s-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel; |
68. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu modernizzati l-laboratorji nazzjonali responsabbli għar-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji, li jippermettu l-esportazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' persunal kwalifikat tal-laboratorju; |
69. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa għal trasparenza akbar fir-rigward tar-riżultati tal-missjonijiet tal-awditjar tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u jenfasizza l-ħtieġa li jikber u jissaħħaħ in-network ta' laboratorji għall-analiżi sanitarja u fitosanitarja, filwaqt li jiżdied it-taħriġ tal-ispetturi u tal-ispeċjalisti li jaħdmu f'dawn il-laboratorji sabiex tinkiseb implimentazzjoni aħjar tar-regolamenti fil-qasam tas-sikurezza fitosanitarja u alimentari; |
70. |
Jinkoraġġixxi lill-Moldova tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet preferenzjali ta' esportazzjoni fl-UE permezz ta' kultivazzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli tal-artijiet agrikoli, kif ukoll aċċess aktar demokratiku għall-art u l-użu tagħha, u b'hekk tiġġenera prodotti agrikoli li jamplifikaw il-vantaġġi agrikoli relattivi tal-Moldova; |
71. |
Iħeġġeġ lill-Moldova żżid il-kooperazzjoni tagħha fl-infrastruttura mal-UE u mal-pajjiżi fir-reġjun, u timplimenta riformi strutturali profondi fis-settur tal-enerġija, fosthom id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, l-attrazzjoni tal-investiment fl-enerġiji rinnovabbli u t-titjib tal-konnettività, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali; jistieden lill-Moldova timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; |
72. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu appoġġ konkret lill-Moldova biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa ħalli tissieħeb fiż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro; |
73. |
Jistieden lill-Gvern Moldovan jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli billi jirrispetta u jinforza l-istandards tax-xogħol, billi jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjonijiet kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u jelimina n-nuqqasijiet li jifdal fis-sistema ta' spezzjoni tax-xogħol; |
74. |
Jinnota l-użu tal-bijomassa u tal-enerġija idroelettrika fl-isforzi ta' diversifikazzjoni tal-Moldova, iżda jfakkar fil-ħtieġa li jiġu żgurati s-sostenibbiltà, l-effiċjenza u r-rekwiżiti ambjentali rilevanti tagħhom; jisħaq li l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa komponent kruċjali tal-isforzi kemm favur it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa kif ukoll lejn l-indipendenza enerġetika, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta' impjiegi lokali, il-kwalità tal-arja u s-saħħa taċ-ċittadini; |
75. |
Jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni reġjonali fl-immodernizzar tal-pajjiż u fiż-żieda tal-kapaċitajiet fl-isforzi għall-implimentazzjoni tal-FA; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, kemm bejn ir-reġjuni differenti tal-Moldova kif ukoll bejn ir-reġjuni Moldovani u r-reġjuni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji rispettivi tal-UE jiffaċilitaw dan il-proċess f'kooperazzjoni b'saħħitha mal-Gvern Moldovan; |
76. |
Jilqa' l-approvazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Reġjonali għas-snin 2022-2028 u jitlob riforma amministrattiva-territorjali ffukata fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa ta' tkabbir soċjali u ekonomiku bbilanċjat fir-reġjuni kollha tal-Moldova u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-politiki nazzjonali tal-iżvilupp reġjonali; |
77. |
Jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija lokali u l-awtonomija lokali, f'konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, jipprovdu setgħat xierqa u finanzjament suffiċjenti għall-gvernijiet lokali u jiżguraw il-funzjonament effettiv tagħhom, fosthom permezz ta' titjib ulterjuri fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni ta' prinċipji ta' governanza tajba fil-livelli kollha; |
78. |
Jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw li l-opportunitajiet ipprovduti mill-FA/DCFTA u mill-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inklużi l-partijiet remoti tal-pajjiż, u b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni għal bidliet pożittivi; jitlob appoġġ akbar u kkomunikat aħjar mill-UE għal proġetti ta' żvilupp fl-Unità Territorjali Awtonoma ta' Gagauzia; |
Kooperazzjoni settorjali
79. |
Huwa mħeġġeġ mill-assoċjazzjoni tal-Moldova ma' Orizzont Ewropa, li huwa l-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, għall-2021-2027, u li joħloq opportunitajiet ġodda għall-komunità tax-xjenza u l-innovazzjoni tagħha biex toħloq sħubijiet mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Moldova fil-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; |
80. |
Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet Moldovani meta jikkomunikaw il-benefiċċji tal-FA/DCFTA u tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini tal-Moldova; jisħaq fuq l-importanza ta' qafas istituzzjonali u ta' sett konsistenti ta' politiki pubbliċi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, inklużi d-diżinformazzjoni kontra l-UE, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-aħbarijiet u l-propaganda foloz, kif ukoll kwalunkwe interferenza barranija malizzjuża, b'mod partikolari permezz ta' komunikazzjoni strateġika u reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn atturi domestiċi u barranin, online u offline; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani u lill-Kummissjoni jikkooperaw dwar programmi u riformi li jippromwovu l-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni fil-kuntest tal-era diġitali attwali, kif ukoll itejbu l-kooperazzjoni settorjali fl-ekonomija diġitali; |
81. |
Itenni li t-tisħiħ tal-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media għandu jkun prijorità kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha għall-media indipendenti, inkluż barra mill-kapital, u l-isforzi biex tingħata informazzjoni kredibbli liċ-ċittadini tal-Moldova fil-partijiet kollha tal-pajjiż; jistieden lill-Fond Ewropew għad-Demokrazija biex jappoġġja aktar dawn l-isforzi; |
82. |
Iħeġġeġ lill-Moldova tkompli tappoġġja media ħielsa u indipendenti billi tibni programm nazzjonali ta' żvilupp tal-media biex tirrevedi l-qafas legali sabiex tindirizza l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media, il-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklamar, in-nuqqas ta' indipendenza editorjali u l-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-media minn gruppi ekonomiċi u politiċi, u l-ostakli għall-aċċess għall-informazzjoni, kif ukoll l-attakki fuq u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti; |
83. |
Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-settur tal-media fil-Moldova; jittama li l-Kunsill rikostitwit tat-Televiżjoni u tax-Xandir bir-Radju jwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effettiv bħala gwardjan tal-media indipendenti u jindirizza n-nuqqasijiet li ilhom jeżistu fix-xenarju tal-media, inkluża l-kwistjoni tal-indipendenza politika tal-kumpanija tax-xandir pubbliku; itenni l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Awdjoviżiv; |
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
84. |
Jilqa' l-iffirmar fid-29 ta' Novembru 2021 tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Moldova dwar qafas konġunt għall-appoġġ għad-demokrazija parlamentari, li se joħloq opportunitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u b'hekk id-demokrazija parlamentari fil-Moldova permezz ta' rabtiet istituzzjonali bilaterali aktar mill-qrib; |
85. |
Jistieden lill-Parlament tal-Moldova jimplimenta l-firxa sħiħa ta' attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija disponibbli għalih, inkluż Djalogu Jean Monnet u programm Simone Veil, abbażi ta' pjan direzzjonali maqbul b'mod reċiproku; |
86. |
Jindika r-rwol importanti li għandu l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova u l-Assemblea Parlamentari Euronest f'termini tat-trawwim ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali mal-UE u l-iskambji ta' esperjenzi u prattiki tajbin mal-parlamentari Moldovani; jitlob li l-kooperazzjoni strutturali bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Membri tal-Parlament tal-Moldova tissaħħaħ sabiex issir ħidma flimkien biex jiġu appoġġjati r-riformi u tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom; |
87. |
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-involviment tas-soċjetà ċivili, inklużi t-trade unions, fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jiżdied l-iskrutinju pubbliku tar-riformi u jiġu promossi t-trasparenza u l-aċċettazzjoni soċjali tagħhom; jissottolinja l-valur miżjud li diversi organizzazzjonijiet jipprovdu dwar kwistjonijiet importanti ta' interess pubbliku fil-Moldova; jinsab imħasseb dwar il-kooperazzjoni relattivament modesta li teżisti bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili minkejja l-eżistenza ta' strateġija u pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb ukoll dwar it-tnaqqis ta' 17 % fl-għotjiet lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
88. |
Jitlob lill-UE u lill-Moldova jkomplu jtejbu l-kuntatti u l-iskambji bejn in-nies sabiex jibnu immaġnijiet pożittivi b'mod reċiproku ta' xulxin fost il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom permezz ta' proġetti konġunti żviluppati fil-livell tas-soċjetà ċivili, inkluż billi jingħata appoġġ lill-istudenti u lill-professjonisti żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE bħall-Erasmus+; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tespandi ċerti programmi tal-UE biex jinkludu ċ-ċittadini tal-Moldova u pajjiżi oħra tas-SL; jisħaq fuq il- punt li l-espansjoni ta' programmi bħad-“DiscoverEU” fil-Moldova tista' tkompli ssaħħaħ is-sentiment pro-Ewropew fil-pajjiż; |
Id-drittijiet soċjali
89. |
Jinnota li n-nuqqas ta' impjieg u l-impjieg prekarju għadhom għoljin fil-Moldova u li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija vulnerabbli għal xokkijiet ekonomiċi; jitlob l-adozzjoni ta' strateġija ta' rkupru li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u tinkorpora t-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli; |
90. |
Jinsab imħasseb dwar l-immigrazzjoni fuq skala kbira taċ-ċittadini Moldovani, li tenfasizza x-xejriet demografiċi negattivi u tirrappreżenta theddida serja għall-futur tal-Moldova; jinkoraġġixxi lill-Gvern Moldovan jimplimenta aktar miżuri biex jipprevjeni u jiġġieled dan il-fenomenu, b'mod partikolari billi joħloq opportunitajiet u jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi għall-ħaddiema żgħażagħ; |
91. |
Jistieden lill-gvern jagħti l-akbar attenzjoni lit-talbiet tal-Ombudsman Moldovan għal titjib rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għax-xogħol u l-libertà tal-moviment u tal-espressjoni; |
92. |
Jistieden lill-Gvern Moldovan biex isaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa, jindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema li qed jagħmlu dan u jtejjeb l-istandards tas-sanità, speċjalment fl-isptarijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Moldova jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tar-reżiljenza tas-saħħa pubblika, jiskambjaw l-aħjar prattiki u biex jaħdmu mas-soċjetà ċivili ħalli jistabbilixxu strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; |
93. |
Jappoġġja l-kooperazzjoni kontinwa bejn il-Moldova u l-UE dwar l-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fit-tul fil-qasam tas-saħħa pubblika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani biex jaħtfu l-opportunità u jużaw il-fondi ta' rkupru tal-COVID-19 ħalli jimmodernizzaw l-isptarijiet u jtejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi mediċi, speċjalment fir-reġjuni; |
94. |
Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta' ekwivalenza taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Moldova għaċ-Ċertifikat tal-COVID Diġitali tal-UE, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu jiżguraw l-applikazzjoni tiegħu; |
95. |
Jinnota li n-nuqqasijiet fil-liġi tax-xogħol qed iġibu magħhom prattiki abbużivi, b'mod partikolari sigħat tax-xogħol ta' kuljum li huma eċċessivi f'xi każijiet, ħlas baxx u relazzjonijiet ta' impjieg parzjalment mhux dokumentati; jinsab imħasseb dwar l-applikazzjoni parzjali tar-regoli maħsuba biex jipprevjenu prattiki bħal dawn; |
96. |
Jinnota li d-djalogu soċjali mar għall-agħar f'dawn l-aħħar snin u ġie sospiż kompletament matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-gvern jiżgura li jiġi stabbilit djalogu soċjali ġenwin u li dan jirriżulta fl-involviment tas-sħab soċjali kollha fil-proċess ta' rkupru ta' wara l-pandemija; |
97. |
Jilqa' l-progress li sar mill-Moldova fil-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-indukrar tat-tfal u l-passi meħuda biex jiġi żviluppat Programm ta' Protezzjoni tat-Tfal u Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-2022-2026; |
98. |
Jilqa' l-impenji tal-Moldova fil-qasam tal-ambjent u t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Moldova tkompli ssaħħaħ l-involviment tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Moldova fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradixxix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fih; |
99. |
Jappoġġja politika aħjar ta' integrazzjoni tal-politiki ambjentali fid-diversi setturi ekonomiċi u l-parteċipazzjoni usa' taċ-ċittadini fil-proċess tal-elaborazzjoni tal-politiki dwar il-protezzjoni ambjentali; jitlob approċċ aktar intensiv għas-sħubijiet mas-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat il-funzjonament aħjar tal-attività tal-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart, kif ukoll attenzjoni akbar għall-afforestazzjoni tal-art, it-tnaqqis tad-degradazzjoni tal-ħamrija u t-titjib tal-kwalità tal-ilma; |
o
o o
100. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika tal-Moldova. |
(1) Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
(2) Riżoluzzjoni 2359 (2021).
(3) ĠU C 404, 6.10.2021, p. 136.
(4) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 109.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 199.
(6) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(7) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).