Brussell, 30.11.2022

COM(2022) 687 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-miżuri ta' rimedju nnotifikati mill-Ungerija skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni


(1)Din il-Komunikazzjoni ssegwi l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (DIK) dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija 1 (“il-Proposta għal DIK”) tat-18 ta’ Settembru 2022. Hija tipprovdi lill-Kunsill bl-informazzjoni meħtieġa biex jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (“ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità”) 2 qabel id-19 ta’ Diċembru 2022.

(2)Il-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità nbdiet permezz ta’ notifika bil-miktub trażmessa lill-Ungerija fis-27 ta’ April 2022 (“in-Notifika”). Fit-18 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) adottat il-Proposta għal DIK f’konformità mal-Artikolu 6(9) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità.

(3)Fil-proposta għal DIK il-Kummissjoni ppreżentat il-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta’ rimedju proposti kif ġew ippreżentati mill-Gvern Ungeriż biex jindirizza l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-premessa (28) tal-proposta għal DIK tiddikjara li “billi l-kwistjonijiet identifikati fl-Ungerija jikkonċernaw kemm il-qafas legali kif ukoll, fil-biċċa l-kbira, il-prattiċi amministrattivi, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Ungerija biex jintlaħaq l-għan tagħhom li jtemmu l-ksur u/jew ir-riskji għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni se tiddependi fuq l-analiżi tad-dettalji tal-miżuri u tal-implimentazzjoni korretta, sħiħa u effettiva tal-passi ewlenin kollha ta’ implimentazzjoni kif indikat fl-iskedi ta’ żmien rilevanti ppreżentati mill-Ungerija fit-22 ta’ Awwissu. F’dan ir-rigward, passi ewlenin għal ħafna mill-miżuri ta’ rimedju proposti għad iridu jittieħdu mill-Ungerija”. Il-passi ewlenin ta’ implimentazzjoni huma riprodotti wkoll fl-Anness tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal DIK (il-“Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni”).

(4)Fil-premessi 11 u 12, il-Proposta għal DIK tiġbor fil-qosor il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fin-Notifika dwar sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u s-sitwazzjonijiet jew il-każijiet ikkonċernati minn tali ksur fl-Ungerija li huma ta’ detriment jew li jistgħu joħolqu riskji għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-konstatazzjonijiet jikkonċernaw irregolaritajiet sistemiċi serji, nuqqasijiet u dgħufijiet fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, li jwasslu għal konċentrazzjoni ta’ għotjiet ta’ kuntratti, nuqqasijiet serji fl-attribuzzjoni ta’ ftehimiet qafas, nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar tal-akkwist pubbliku u l-kunflitt ta’ interess għal “trusts ta’ interess pubbliku” u għall-entitajiet ġestiti minnhom, u nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawn it-trusts. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet kienu jikkonċernaw ukoll limitazzjonijiet għal investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi ta’ allegata attività kriminali, kwistjonijiet rigward l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni, u n-nuqqas ta’ qafas li jiffunzjona u effikaċi kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni qieset li dawn il-kwistjonijiet u l-issoktar tagħhom maż-żmien juru inabbiltà sistemika, il-falliment jew in-nuqqas ta’ rieda, min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprekludu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli, fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-kunflitti ta’ interess, u b’hekk jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. Dawn jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi u jqajmu tħassib fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat.

(5)Fil-premessa 38 tal-Proposta għal DIK il-Kummissjoni qieset li “il-miżuri ta’ rimedju proposti, meħuda flimkien, fil-prinċipju kapaċi jindirizzaw il-kwistjonijiet rigward l-irregolaritajiet sistemiċi, in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku, ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess, u t-tħassib dwar “trusts ta’ interess pubbliku”, kif ukoll ir-raġunijiet addizzjonali rigward l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-qafas kontra l-korruzzjoni, dment li l-miżuri kollha jiġu implimentati b’mod korrett u effettiv”.

(6)Il-premessa 39 żiedet li r-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni għall-miżuri ta’ rimedju għad iridu jiġu ddeterminati, b’mod partikolari kif l-elementi ewlenin tal-miżuri jiġu trasposti fit-testi legali attwali li għandhom jiġu adottati għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju. Il-premessa 39 fakkret ukoll li, minħabba li bosta mill-kwistjonijiet identifikati fl-Ungerija mhumiex biss dwar bidliet fil-qafas legali, iżda b’mod aktar prominenti dwar l-implimentazzjoni konkreta tal-bidliet fil-prattika, din tal-aħħar tirrikjedi perjodu ta’ żmien aktar estiż biex tagħti riżultati konkreti, sakemm jiġu implimentati mill-inqas l-elementi ewlenin ta’ xi wħud mill-miżuri ta’ rimedju f’dan l-istadju, kif indikat fl-iskedi ta’ żmien tal-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Ungerija fit-22 ta’ Awwissu, għad hemm riskju għall-baġit tal-Unjoni. Sakemm jidħlu fis-seħħ it-testi leġiżlattivi ewlenin li jimplimentaw ħafna mill-miżuri ta’ rimedju proposti u b’kont meħud tal-valutazzjoni li tinsab fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, kif ukoll il-possibbiltà li l-miżuri jistgħu ma jiġux implimentati b’mod korrett, jew li l-effettività tagħhom tiddgħajjef fid-dettalji tal-miżuri, il-Kummissjoni stmat ir-riskju li jirriżulta għall-baġit tal-Unjoni u pproponiet miżuri lill-Kunsill skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità.

(7)Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni pproponiet is-sospensjoni ta’ 65 % tal-impenji fi tliet programmi tal-politika ta’ Koeżjoni fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, jiġifieri (i) il-Programm Operazzjonali għall-Ambjent u l-Effiċjenza Enerġetika Plus, (ii) il-Programm Operazzjonali Integrat tat-Trasport Plus, u (iii) il-Programm Operazzjonali Plus għall-Iżvilupp Territorjali u ta’ Insedjament. Fil-każ li dawn il-programmi ma jiġux approvati sa meta l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissjoni pproponiet is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ wieħed minnhom jew aktar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet il-projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda ma xi trust ta’ interess pubbliku u xi entità miżmuma minnhom fl-ambitu ta’ kull programm tal-Unjoni b’ġestjoni diretta u indiretta.

(8)Il-Proposta għal DIK irriflettiet l-impenn tal-Ungerija li tirrapporta lill-Kummissjoni, sad-19 ta’ Novembru 2022, dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Ungerija. Fil-Proposta għal DIK, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li se żżomm lill-Kunsill infurmat b’kull element rilevanti li jista’ jkollu impatt fuq il-valutazzjoni tagħha.

(9)Wara d-diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u s-servizzi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mill-Ungerija fid-19 ta’ Novembru 2022 dwar l-azzjonijiet li l-Ungerija ħadet biex timplimenta l-impenji li assuma l-Gvern Ungeriż.

(10)Wara li issa ġew ikkunsidrati l-miżuri ta’ rimedju fid-dawl tal-implimentazzjoni aktar dettaljata tagħhom mill-Ungerija, din il-Komunikazzjoni tipprovdi lill-Kunsill l-informazzjoni meħtieġa biex jieħu deċiżjoni dwar il-Proposta għal DIK. Il-valutazzjoni f’din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq id-dokumenti li waslu mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi sad-19 ta’ Novembru 2022, li hija d-data limitu tal-valutazzjoni 3 .

Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Ungerija u l-progress li sar

(11)Wara l-adozzjoni tal-Proposta għal DIK, il-Kummissjoni analizzat, b’mod partikolari, id-dettalji tal-atti legali rilevanti ppreżentati mill-Ungerija u l-issodisfar tal-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni. Fuq il-bażi ta’ dan, ivvalutat l-adegwatezza tas-17-il miżura ta’ rimedju kif ippreżentati mill-Ungerija fl-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2022 biex tindirizza l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fin-Notifika, kif ikkomplementati minn impenji addizzjonali meħuda fl-ittra tat-13 ta’ Settembru 2022 (l-“Ittra ta’ Settembru”), u qieset il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom sad-19 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni qieset ukoll l-ittra dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju mibgħuta mill-Ministru għall-Ġustizzja tal-Ungerija Varga lill-Kummissarju Hahn fid-19 ta’ Novembru 2022 (“l-Ittra ta’ Novembru”).

(12)Il-miżuri ta’ rimedju huma dawn li ġejjin:

I.It-tisħiħ tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-illegalitajiet u l-irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni permezz ta’ Awtorità tal-Integrità li għadha kif ġiet stabbilita;

II.It-Task Force Kontra l-Korruzzjoni;

III.It-tisħiħ tal-Qafas Kontra l-Korruzzjoni;

IV.Il-garanzija ta’ trasparenza rigward l-użu li jagħmlu l-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku mis-sostenn tal-Unjoni;

V.L-introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mat-tħaddim ta’ awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta’ proprjetà pubblika;

VI.It-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ awditjar u kontroll biex jiġi ggarantit l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-UE;

VII.Tnaqqis tas-sehem ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti b’offerti uniċi ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni;

VIII.Tnaqqis tas-sehem ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti b’offerti uniċi ffinanzjati mill-baġit nazzjonali;

IX.L-iżvilupp ta’ għodda ta’ rapportar ta’ offerti uniċi għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar akkwisti pubbliċi li jingħalqu b’offerti uniċi;

X.L-iżvilupp tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku (Electronic Public Procurement System, EPS) biex tiżdied it-trasparenza;

XI.L-iżvilupp ta’ qafas għall-kejl tal-prestazzjoni li jivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi;

XII.L-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiżdied il-livell ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku;

XIII.Il-provvediment ta’ taħriġ lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju dwar il-prattiki tal-akkwist pubbliku;

XIV.It-twaqqif ta’ skema ta’ appoġġ għall-kumpens tal-ispejjeż assoċjati mal-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju;

XV.L-applikazzjoni ta’ Arachne;

XVI.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-OLAF; u

XVII.L-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jiggarantixxi aktar trasparenza fl-infiq pubbliku.

(13)Tlettax mill-miżuri ta’ rimedju stipulaw Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni li jridu jiġu ssodisfati sad-19 ta’ Novembru 2022. Għal erba’ miżuri ta’ rimedju, jiġifieri l-miżuri ta’ rimedju (viii.) u minn (xii.) sa (xiv.), il-Kummissjoni indikat li ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni immedjati, billi dawn jeħtieġu perjodu ta’ implimentazzjoni itwal.

(14)Sabiex tissodisfa l-iskadenzi stabbiliti fil-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni, l-Ungerija pproċediet bl-adozzjoni ta’ diversi atti leġiżlattivi bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru 2022. Madankollu, kien hemm bżonn li jsiru diskussjonijiet intensi bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u s-servizzi tal-Kummissjoni biex ifittxu li jiżguraw li dawn l-atti jkunu kompletament allinjati mal-miżuri ta’ rimedju u li jkunu effettivi. Kieku l-aderenza mal-formulazzjoni u l-ispirtu tal-miżuri ta’ rimedju, li tiżgura l-effettività tagħhom, seħħet qabel, il-proċess kien ikun aktar faċli u din il-valutazzjoni aġġornata kienet tiġi ppreżentata aktar kmieni. Il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali l-hekk imsejjaħ “pakkett ta’ servizz” fil-15 ta’ Novembru 2022, b’għadd ta’ emendi proposti għat-testi legali li ġew adottati fl-aħħar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru 2022. Il-pakkett ta’ servizzi huwa magħmul minn żewġ abbozzi ta’ liġi, wieħed (T/2033) għall-adozzjoni skont il-proċedura ordinarja, li għaliha l-votazzjoni finali saret fit-22 ta’ Novembru 2022, u l-abbozz ta’ liġi l-ieħor (T/2032) għall-adozzjoni skont il-proċedura applikabbli għal atti kardinali (li tirrikjedi maġġoranza ta’ żewġ terzi), b’votazzjoni finali stabbilita għas-6 ta’ Diċembru 2022. B’riżultat ta’ dan, l-emendi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ rimedju unika jistgħu jinqasmu f’dawn iż-żewġ abbozzi, b’dati differenti ta’ adozzjoni. Il-verżjoni Ingliża ta’ dan il-pakkett ta’ servizzi waslet għand is-servizzi tal-Kummissjoni tard fit-18 ta’ Novembru 2022.

(15)F’konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, u fid-dawl tal-Artikoli 4 u 6 tiegħu, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri ta’ rimedju tirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk dawn il-miżuri, kif adottati u fid-dawl tad-dettalji tagħhom, humiex kapaċi jeliminaw il-ksur rilevanti tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u/jew l-impatti jew ir-riskji għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u għalhekk jaslu għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament ma għadhomx issodisfati.

(16)Il-valutazzjoni attwali hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni futura possibbli mill-Kummissjoni f’każ ta’ bidliet fl-atti legali rilevanti jew fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, jew f’każ li l-miżuri ta’ rimedju ma jiġux, jew ma jibqgħux jiġu, implimentati b’mod effettiv jew ma jwasslux għar-riżultati mistennija. Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha dwar kull waħda mill-kwistjonijiet, u, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità, li tibda proċedura ġdida.

(17)Bl-Ittra ta’ Novembru, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li kull tliet xhur jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju kollha u mingħajr kundizzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2028, jiġifieri sa tmiem is-sena fejn jiskadi l-ewwel mandat ta’ sitt snin tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri proposti għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni korretta, sħiħa u effettiva tal-miżuri ta’ rimedju kollha, inkluża l-implimentazzjoni tal-passi kollha li l-Ungerija impenjat ruħha għalihom fil-miżuri ta’ rimedju, inklużi dawk li jeħtieġu perjodu ta’ implimentazzjoni itwal (jiġifieri lil hinn mid-19 ta’ Novembru 2022), u ta’ kull impenn ulterjuri li ħadet l-Ungerija fil-kuntest tal-miżuri ta’ rimedju. 

I.It-tisħiħ tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-illegalitajiet u l-irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni permezz ta’ Awtorità tal-Integrità stabbilita dan l-aħħar

(18)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jistabbilixxi Awtorità tal-Integrità bil-għan li jsaħħaħ il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, kunflitti ta’ interess u korruzzjoni, kif ukoll illegalitajiet u irregolaritajiet oħra fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Ungerija impenjat ruħha li tagħti lill-Awtorità tal-Integrità setgħat estensivi. Impenjat ruħha wkoll li tadotta regoli speċifiċi dwar il-ħatra tal-bord tal-Awtorità ta’ Integrità u dwar l-involviment ta’ kumitat ta’ eliġibbiltà (il-“Kumitat ta’ Eliġibbiltà”), bil-għan li tiggarantixxi li l-Awtorità tal-Integrità u l-membri tal-bord tagħha jkunu kompletament indipendenti.

(19)Il-ħolqien tal-Awtorità tal-Integrità, korp ġdid fil-kuntest Ungeriż, huwa miżura orizzontali li għandha l-għan li tirrimedja l-ksur sistemiku tal-istat tad-dritt li jikkonċerna l-akkwist pubbliku li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din hija waħda mill-miżuri ta’ rimedju ċentrali proposti mill-Ungerija.

(20)Il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu: (i) sal-5 ta’ Settembru 2022 tiġi adottata Deċiżjoni tal-Gvern li tipprevedi l-kompitu u l-iskeda ta’ żmien għall-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità, (ii) sat-30 ta’ Settembru 2022 jiġi ppreżentat abbozz ta’ Att dwar l-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità lill-Assemblea Nazzjonali, (iii) sal-4 ta’ Novembru 2022 jinħatar il-bord u (iv) sad-19 ta’ Novembru 2022 jkunu bdew l-attivitajiet attwali tal-Awtorità tal-Integrità.

(21)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni.

(22)Fil-5 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta d-Deċiżjoni tal-Gvern 1424/2022 dwar kompiti relatati mal-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti li topera biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi illegalitajiet u irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. Din id-Deċiżjoni tal-Gvern daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Settembru 2022.

(23)Fit-23 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali l-abbozz tal-Att li l-għan hu l-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Integrità (l-Att XXVII tal-2022 dwar il-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, l-“Att dwar l-Awtorità tal-Integrità”), li ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022 u daħal fis-seħħ fl-11 ta’ Ottubru 2022. L-awtoritajiet Ungeriżi ddiskutew diversi emendi għall-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità mas-servizzi tal-Kummissjoni; il-biċċa l-kbira tal-emendi ġew introdotti fil-parti tal-pakkett ta’ servizz li dwarha l-Assemblea Nazzjonali vvotat fit-22 ta’ Novembru 2022. Madankollu, l-emendi li jikkonċernaw is-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità rigward id-dikjarazzjonijiet tal-assi ddaħħlu fil-parti tal-pakkett ta’ servizzi u l-votazzjoni finali ġiet stabbilita għas-6 ta’ Diċembru 2022. Wara li ppreżentaw il-pakkett ta’ servizzi lill-Assemblea Nazzjonali, fis-16 ta’ Novembru 2022 l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni abbozz rivedut tat-test legali tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità 4 . L-att emendatorju rigward il-biċċa l-kbira tal-emendi ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022 u jirrifletti l-bidliet inklużi fit-test legali li rċeviet il-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-emendi rigward id-dikjarazzjonijiet tal-assi, skedati għall-votazzjoni fl-Assemblea Nazzjonali għas-6 ta’ Diċembru 2022, humiex se jidħlu fis-seħħ kif propost jew jekk humiex se jkunu ppreżentati emendi oħra qabel id-data tal-adozzjoni.

(24)Fir-rigward tat-tħejjija tal-Abbozz tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, il-Gvern Ungeriż kien impenja ruħu li jikkonsulta b’mod estensiv mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali, li jfittex parir dwar il-politika mingħand l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD) u li jqis ir-rakkomandazzjonijiet relatati. Minbarra li kkonsulta lill-Kummissjoni, il-Gvern Ungeriż ikkonsulta b’mod effettiv lill-OECD, li pprovdiet suġġerimenti dwar l-abbozzar fis-27 ta’ Settembru 2022. Fl-4 ta’ Novembru, il-Gvern Ungeriż informa lill-OECD dwar kif indirizza l-opinjonijiet tal-OECD fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità li ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022. Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2022 il-Gvern Ungeriż ikkonsulta lill-Kunsill tal-Ewropa rigward l-Abbozz tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità. Il-Kunsill tal-Ewropa pprovda l-kummenti fit-13 ta’ Ottubru 2022, wara l-promulgazzjoni tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità fl-10 ta’ Ottubru 2022. Il-Gvern Ungeriż wieġeb fis-16 ta’ Novembru 2022, wara li ppreżenta l-emendi għall-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi tal-15 ta’ Novembru 2022. Il-Gvern Ungeriż qies ċerti opinjonijiet jew suġġerimenti ta’ abbozzar, inkluż wara rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni li kienu konformi mal-pożizzjonijiet tal-OECD u tal-Kunsill tal-Ewropa. L-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw għaliex ma setgħu jqisu ċerti opinjonijiet jew suġġerimenti 5 . Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li l-Gvern Ungeriż issodisfa l-impenji rilevanti fil-miżura ta’ rimedju fir-rigward tal-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li xi rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati u riflessi fit-test legali u oħrajn le. Sa fejn ċerti rakkomandazzjonijiet ġew riflessi, il-Kummissjoni tqis li l-konsultazzjoni tal-OECD u tal-Kunsill tal-Ewropa kkontribwiet biex jitjieb it-tfassil tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità 6 . 

(25)Fir-rigward tal-għażla u l-ħatra tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità, l-awtoritajiet Ungeriżi rilevanti aġixxew f’konformità mal-iskeda ta’ żmien u mar-rekwiżiti bażiċi stabbiliti fil-miżura ta’ rimedju li kellha l-għan li tiggarantixxi li l-Awtorità tal-Integrità u l-membri tal-bord tagħha jkunu kompletament indipendenti. Fit-23 ta’ Settembru 2022, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Awditjar tal-Fondi Ewropej (“EUTAF”) ħareġ sejħa miftuħa internazzjonali għal espressjoni ta’ interess rigward l-għażla tat-tliet membri tal-Kumitat tal-Eliġibbiltà, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju 7 . Fl-11 ta’ Ottubru 2022, id-Direttur Ġenerali tal-EUTAF ħatar it-tliet membri 8 tal-Kumitat tal-Eliġibbiltà. Fl-14 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat tal-Eliġibbiltà ppubblika sejħa għall-applikazzjonijiet għall-bord tal-Awtorità tal-Integrità fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju 9 , bl-iskadenza tal-25 ta’ Ottubru 2022. Fit-28 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat tal-Eliġibbiltà ħareġ il-lista ta’ kandidati eliġibbli għall-kariga ta’ President u Viċi Presidenti tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità. Fl-istess jum, il-President tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat ippubblika t-tabella ta’ evalwazzjoni biex tintuża għall-għażla tal-membri tal-bord 10 . Fit-3 ta’ Novembru 2022, il-President tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat innomina lill-membri magħżula 11 , li nħatru mill-President tar-Repubblika fl-4 ta’ Novembru 2022.

(26)Il-proċess tal-għażla tal-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità kkonforma formalment mal-impenji skont il-miżura ta’ rimedju. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat, it-tieni Viċi President tal-bord inħatar minkejja li kandidati oħra kienu kisbu għadd akbar ta’ punti fil-proċess tal-għażla. Skont l-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet Ungeriżi lis-servizzi tal-Kummissjoni, dan segwa proċess li permezz tiegħu l-persuna nominata għall-kariga ta’ President tal-bord ingħatat il-possibbiltà li tintervista żewġ kandidati għall-pożizzjoni tat-tieni Viċi President 12 . L-għażla mbagħad saret fuq il-bażi ta’ feedback mill-President nominat, fuq il-bażi tal-ħtieġa li jintgħażel kandidat b’esperjenza fil-ġestjoni ta’ organizzazzjonijiet kbar. Filwaqt li fil-prinċipju dan jiffaċilita l-istabbiliment ta’ bord li jista’ jikkoopera b’mod effettiv, din il-proċedura mhijiex prevista bħala tali mill-miżura ta’ rimedju, li tiddikjara li l-bord jinħatar wara li ssir verifika tal-eliġibbiltà mill-Kumitat tal-Eliġibbiltà kif ukoll għażla mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat. Il-proċedura għalhekk ma kinitx kompletament trasparenti fir-rigward ta’ din l-għażla. Ta’ min jinnota wkoll li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-kandidat maħtur jissodisfa għalkollox il-kriterju ta’ esperjenza internazzjonali suffiċjenti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-akkwist pubbliku, anki jekk jissodisfa l-kriterji l-oħra kollha stabbiliti fil-miżuri ta’ rimedju. Iż-żewġ membri l-oħra tal-bord jissodisfaw kompletament il-kriterji kollha stabbiliti fil-miżuri ta’ rimedju.

(27)Il-President tal-Awtorità tal-Integrità informa lill-Kummissjoni li huwa jipprevedi organizzazzjoni akbar (b’mill-inqas 120 membru tal-persunal) mill-minimu ta’ 50 membru tal-persunal previst fil-miżura ta’ rimedju, b’baġit adegwat. Huwa jipprevedi wkoll pakketti ta’ remunerazzjoni għall-membri tal-persunal li jippermettulu jattira esperti mis-settur privat anki jekk dawn jaqbżu l-livelli tal-pagi tal-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità. Huwa rrapporta wkoll li l-Gvern Ungeriż ma opponiex din it-talba anki jekk id-diskussjonijiet dwar il-finalizzazzjoni tal-baġit kienu għadhom għaddejjin. Ir-reklutaġġ tal-persunal għadu għaddej u l-President ikkonferma li kien l-unika awtorità tal-ħatra mingħajr ebda involviment tal-gvern f’dan il-proċess. Dawn il-pjanijiet ta’ persunal u riżorsi għadhom soġġetti għal deċiżjonijiet baġitarji li għad iridu jiġu adottati. Jekk jiġu kkonfermati, il-Kummissjoni tqis li dawn l-iżviluppi jkunu jikkontribwixxu għall-effettività tal-istituzzjoni.

(28)Fit-18 ta’ Novembru 2022, il-bord tal-Awtorità tal-Integrità organizza l-ewwel laqgħa uffiċjali, li l-minuti tagħha ngħataw lis-servizzi tal-Kummissjoni.

(29)Fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità, it-Taqsimiet rilevanti 13 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità jipprovdulha l-biċċa l-kbira tas-setgħat li teżiġi l-miżura ta’ rimedju, inklużi: (i) li jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jkunu għaddejjin u li jkunu fil-qrib jew ippjanati, dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess 14 (it-Taqsimiet 5 (5)(a), 8(1) u (2); it-Taqsima 18(8)); (ii) li tagħti struzzjonijiet lil awtoritajiet oħra biex iwettqu atti investigattivi amministrattivi f’isimha (it-Taqsima 5(2)(a) u l-Kapitolu III, is-Subtitolu 7); (iii) li tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet rilevanti biex jibdew proċeduri ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess meta jkun hemm ilmenti u suspetti fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni (it-Taqsima 18(2); it-Taqsima 24(1); it-Taqsima 25(1)); (iv) li tiftaħ proċeduri biex tivverifika ċerti dikjarazzjonijiet tal-assi (it-Taqsima 5 (6), (6)(a) u (7)); (v) li tirrakkomanda lill-awtoritajiet kontraenti biex jużaw ċerta proċedura ta’ akkwist pubbliku fi proċedura speċifika jew għal kategorija ta’ proċeduri (it-Taqsima 15(1) minn (a) sa (e)); (vi) li tagħti struzzjonijiet lill-awtorità kontraenti rilevanti biex tissospendi offerta f’każ ta’ suspett ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess jew illegalitajiet jew irregolaritajiet serji oħra identifikati fil-proċedura (it-Taqsima 21); (vii) li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kontraenti fuq il-bażi ta’ raġunijiet għall-esklużjoni, biex jeskludu operaturi ekonomiċi mill-akkwist pubbliku (it-Taqsimiet 15(1)(e) u 16); (viii) li tiftaħ proċedimenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ tal-Akkwist Pubbliku għal imġiba jew nuqqas bi ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku skont l-Att CXLIII tal-2015 dwar l-Akkwist Pubbliku (it-Taqsima 15(4)); (ix) li titlob li jsir rieżami ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet kollha tal-awtoritajiet li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu kwalunkwe appoġġ tal-Unjoni u li jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (it-Taqsima 15(4)); (x) li kull sena toħroġ Rapport analitiku l-Integrità li jinkludi rakkomandazzjonijiet u konstatazzjonijiet, bl-obbligu għall-Gvern Ungeriż li jwieġeb lill-Awtorità tal-Integrità u jispjega kif se jindirizza l-konstatazzjonijiet tar-rapport (il-Kapitolu I, is-Sottotitoli 5 u 6; it-Taqsima 74).

(30)Il-Kummissjoni tinnota li l-aħħar sentenza tat-Taqsima 3 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, rigward it-twettiq tal-kompiti li jisru tal-Awtorità tal-Integrità, tiddikjara li “ [j]ekk proġett jitneħħa mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, dan ma għandux iwassal biex l-Awtorità tiġi mċaħħda mis-setgħat tagħha jekk il-frodi, il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni u illegalitajiet jew irregolaritajiet oħra jaffettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni Ewropea jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea”. Skont il-mod kif tiġi interpretata, din id-dispożizzjoni bħala tali ma għandhiex għalfejn iċċaħħad lill-Awtorità tal-Integrità mis-setgħat tagħha f’każ li proġett jiġi rtirat mill-finanzjament tal-Unjoni. Sa fejn l-Awtorità tal-Integrità żżomm il-valutazzjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet sottostanti li jikkonċernaw il-frodi, il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni u illegalitajiet jew irregolaritajiet oħra u r-rabta tagħhom mal-baġit tal-Unjoni, id-dispożizzjoni tista’ titqies li tfisser li anki l-proġetti msemmijin jibqgħu soġġetti għall-iskrutinju tal-Awtorità tal-Integrità. Madankollu, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni se jiddependu minn deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet Ungeriżi, u huwa possibbli wkoll li tali dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li jippermetti li l-Awtorità tal-Integrità tiġi mċaħħda mis-setgħat tagħha hekk kif tibda teżamina ċerti proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tista’ tintuża biex l-Awtorità tal-Integrità ssir ineffettiva u ma tkunx tista’ telimina l-problemi strutturali li jkunu wasslu biex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. Iċ-ċertezza legali u l-effettività tal-Awtorità tal-Integrità kienu jirrikjedu li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tiddikjara b’mod espliċitu li s-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità jinżammu anki wara li proġett jiġi rtirat mill-finanzjament tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni jew limitu. 

(31)Il-Kummissjoni tilqa’ t-Taqsima 27/A tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità. Skont din id-dispożizzjoni, l-Awtorità tal-Integrità tista’ tressaq mozzjoni għal reviżjoni jew mozzjoni għal reviżjoni ripetuta tad-deċiżjonijiet tas-servizz ta’ prosekuzzjoni jew tal-awtoritajiet investigattivi li jirrifjutaw rapport ta’ reat jew itemmu l-proċedimenti, f’konformità mal-proċedura l-ġdida introdotta bħala riżultat tal-miżura ta’ rimedju (v.) 15 . Din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi biex kemm il-miżura ta’ rimedju (v.) kif ukoll il-miżura ta’ rimedju rigward l-Awtorità tal-Integrità jsiru aktar effettivi. L-Awtorità tal-Integrità jkollha informazzjoni u evidenza diretta dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għall-proċedimenti kriminali. Tkun tista’ tipprovdi l-elementi meħtieġa biex tiżgura li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali koperti mill-proċedura l-ġdida skont il-miżura ta’ rimedju (v.) jerġgħu jibdew kif xieraq. Madankollu, kif se jiġi spjegat hawn taħt, id-dettalji tal-miżura ta’ rimedju dwar l-introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mat-tħaddim ta’ awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta’ proprjetà pubblika jippreżentawlha ċerti nuqqasijiet.

(32)Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, billi l-Awtorità tal-Integrità fil-biċċa l-kbira tal-każijiet se tingħata s-setgħa li toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kontraenti, jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jiġux segwiti u s-sitwazzjoni li tirriżulta tkun illegali, huwa essenzjali li l-Awtorità tal-Integrità tkun tista’ tibda proċedimenti ġudizzjarji rapidi u effettivi biex tiggarantixxi l-legalità u tipprevjeni b’mod effettiv milli jsiru danni lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-Awtorità tal-Integrità tkun f’pożizzjoni li tirrimedja l-ksur strutturali li jkun wassal lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. It-Taqsima 15(4) tirreferi għall-possibbiltà li l-Awtorità tal-Integrità “tibda proċedimenti fl-organu jew fil-qorti kompetenti, u b’mod partikolari, fir-rigward ta’ illegalità relatata mal-akkwist pubbliku, hija tista’ tibda l-proċediment tal-Bord tal-Arbitraġġ tal-Kuntratti Pubbliċi”, filwaqt li tkun tista’ titlob ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri interim. It-Taqsima 27(1) tippermetti li l-Awtorità tal-Integrità tikkontesta, f’azzjoni ġudizzjarja amministrattiva, id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Arbitraġġ tal-Akkwist Pubbliku (Public Procurement Arbitration Board, “PPAB”) jew ta’ awtorità oħra li dwar akkwist pubbliku li jirrigwarda fondi tal-Unjoni, inkluża l-possibbiltà li ssir applikazzjoni għal miżuri interim.

(33)Il-Kummissjoni tinnota li l-Awtorità tal-Integrità tista’ tibda l-proċediment tal-PPAB u li r-regoli applikabbli jipprevedu li t-tul ta’ tali proċedimenti jkun limitat sa 25 jum b’eċċezzjoni speċifika u limitata waħda 16 . L-awtorità tal-Integrità tista’ titlob ir-rieżami tad-deċiżjoni tal-PPAB fil-qorti kompetenti immedjatament wara li tintemm il-proċedura ta’ rieżami tagħha. Madankollu, xi aspetti importanti mhumiex artikolati b’mod ċar fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità: is-sospensjoni meħtieġa tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku waqt li l-proċedura PPAB tkun għadha għaddejja u l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju jekk il-limitu ta’ żmien għal deċiżjoni tal-PPAB jiskadi mingħajr ma tkun ittieħdet waħda minnhom. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Awtorità tal-Integrità ma għandhiex l-għażla li tissekwestra qrati direttament li jistgħu jkunu aktar effettivi f’xi każijiet. Konsegwentement, hemm dubji dwar l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ każijiet fejn l-awtorità kontraenti ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-Integrità.

(34)Huwa importanti li, fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità relatati mal-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, li jinsabu fl-emendi li għandhom jiġu adottati fis-6 ta’ Diċembru 2022, it-Taqsima 5, il-paragrafi (6), (6a) u (7) jistabbilixxu reġim li bih: 

17 (i) għad-dikjarazzjonijiet tal-assi pubbliċi ta’ ċerti individwi, l-Awtorità tal-Integrità tkun intitolata twettaq “proċedura ta’ eżami tad-dikjarazzjoni tal-assi” mhux speċifikata. Abbażi tar-riżultat tagħha, l-Awtorità tista’ tibda l-proċedura relatata mad-dikjarazzjoni tal-assi quddiem il-korp rilevanti, li jenħtieġ li jinforma lill-Awtorità ta’ Integrità bir-riżultati ta’ tali proċedura;

18 (ii) għad-dikjarazzjonijiet tal-assi pubbliċi ta’ individwi oħra, l-Awtorità ta’ Integrità tkun intitolata biss li tibda l-proċedura ta’ verifika relatata mad-dikjarazzjonijiet tal-assi quddiem il-korp rilevanti inkarigat bil-verifika tagħhom, li jenħtieġ li jinforma lill-Awtorità ta’ Integrità bir-riżultati ta’ tali proċedura; u

(iii) għad-dikjarazzjonijiet (mhux pubbliċi) tal-assi ta’ individwi li huma obbligati jagħmlu dikjarazzjonijiet tal-assi abbażi tas-setgħat ta’ konsulenza, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew ta’ kontroll tagħhom fir-rigward tal-fondi tal-Unjoni, l-Awtorità tal-Integrità tkun tista’ tibda proċedura ta’ verifika quddiem il-korp rilevanti u tkun infurmata dwar ir-riżultat tagħha u l-bidu ta’ investigazzjoni dwar l-arrikkiment tal-assi.

(35)Kif spjegaw is-servizzi tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi fil-kummenti tagħhom tat-18 ta’ Novembru 2022, tali reġim mhuwiex kompletament konformi mal-miżura ta’ rimedju, li permezz tagħha l-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jittrasferixxi lill-Awtorità tal-Integrità l-kompetenzi relatati mal-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi ppreżentati skont it-Taqsima 183 tal-Att CXXV tal-2018 (jiġifieri mexxejja politiċi anzjani li ma għandhomx mandat bħala membri tal-Assemblea Nazzjonali: Prim Ministru, ministri, id-diretturi politiċi tal-Prim Ministru, segretarji tal-istat). Skont dak l-impenn, l-Awtorità tal-Integrità jenħtieġ li tkun l-uniku korp li jkollu s-setgħa li jivverifika, direttament, tali dikjarazzjonijiet tal-assi. Barra minn hekk, dan ir-reġim jidher ukoll li ma jissodisfax l-impenn ulterjuri stabbilit fl-Ittra ta’ Settembru, li permezz tiegħu l-Awtorità tal-Integrità għandu jkollha s-setgħa li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-assi pubbliċi tal-uffiċjali kollha b’riskju għoli u jkollha aċċess għall-bażijiet tad-data u r-reġistri rilevanti għall-fini li tivverifika l-veraċità tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet. Dan jillimita s-setgħat tal-Awtorità tal-Integrità għad-dritt li titlob lil korpi oħra jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi u li tirċievi informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ tali verifiki. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-individwi li għalihom hija kompetenti l-Awtorità tal-Integrità ma jinkludix l-uffiċjali kollha li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ uffiċjali ‘b’riskju għoli’ 19 . Il-proċedura għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi mhux pubbliċi hija limitata għal individwi inkarigati mill-għoti ta’ pariri dwar, il-ġestjoni jew il-kontroll tal-fondi tal-Unjoni, filwaqt li tali delimitazzjoni mhijiex prevista fl-impenji meħuda mill-Gvern Ungeriż 20 .

(36)Fir-rigward tal-proċedura għat-tkeċċija ta’ membri tal-bord tal-Awtorità tal-Integrità, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li l-Ungerija qablet li treġġa’ lura l-proċedura ta’ tkeċċija standard tagħha biex tagħti kompetenza lil qorti għad-deċiżjoni dwar it-tkeċċija. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-proċedura hija qasira, ta’ tletin jum biss bejn ir-rikors u d-deċiżjoni ġudizzjarja fl-ewwel istanza. Tali terminu jagħmilha diffiċli għall-membru tal-bord ikkonċernat minn proċedura ta’ tkeċċija milli jorganizza d-difiża tiegħu b’mod effettiv, u għall-qorti kompetenti li tiżgura l-iskambju ta’ noti, li torganizza seduti u li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża u proċedurali. Barra minn hekk, l-effetti tal-appell għall-pożizzjoni tal-membru kkonċernat, u b’mod partikolari, jekk appell ikollux effett sospensiv, mhumiex ċari fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità. Peress li s-sentenza tal-ewwel istanza tidher li twassal għaċ-ċaħda immedjatament wara proċedura qasira, l-effettività tal-appell tidher li hija limitata. Il-mod kif tiġi organizzata l-proċedura ta’ tkeċċija fl-intier tiegħu ma jipproteġix biżżejjed lill-membri tal-Awtorità tal-Integrità minn influwenza mhux dovuta u jirriskja li jimmina l-indipendenza tal-Awtorità tal-Integrità.

(37)Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-qafas regolatorju għall-Awtorità tal-Integrità kif stabbilit fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità ma jissodisfax bis-sħiħ l-impenji meħuda skont il-miżura ta’ rimedju, li għalhekk, ma jistgħux jitqiesu effettivi bis-sħiħ u adegwati skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. Id-dgħufijiet, ir-riskji u n-nuqqasijiet tal-miżura ta’ rimedju, li jikkompromettu l-effettività u l-indipendenza tal-Awtorità tal-Integrità u l-kapaċità tagħha li tindirizza s-sejbiet tal-Kummissjoni, huma dawn li ġejjin: (i) in-nuqqas ta’ regola ċara li tiddikjara li l-Awtorità tal-Integrità se żżomm il-kompetenza tagħha wara li proġett jiġi rtirat mill-finanzjament tal-Unjoni; (ii) id-dgħufijiet tas-sistema għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tal-Integrità; (iii) id-dgħufijiet tal-proċedura ta’ tkeċċija; (iv) is-setgħat diretti u mhux superviżorji tal-Awtorità tal-Integrità fir-rigward tal-gruppi differenti ta’ dikjaranti u n-nuqqas tat-trasferiment tal-kompetenza lill-Awtorità tal-Integrità biex tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-gvern; (v) il-kamp ta’ applikazzjoni limitat relatat man-nuqqas ta’ inklużjoni tal- “uffiċjali b’riskju għoli” kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat ta’ verifika tal-Awtorità tal-Integrità fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-assi; (vi) esperjenza internazzjonali limitata ta’ kandidat maħtur għall-Bord tal-Awtorità ta’ Integrità li tista’ toħloq riskju għall-funzjonament effettiv tal-korp.

II.Task Force Kontra l-Korruzzjoni

(38)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jistabbilixxi Task Force Kontra l-Korruzzjoni sal-1 ta’ Diċembru 2022 (“Task Force ġdida Kontra l-Korruzzjoni”) bil-kompiti li ġejjin:

(i) teżamina l-miżuri eżistenti kontra l-korruzzjoni u telabora proposti dwar it-titjib tad-detezzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjonar ta’ prattiki korrotti;

(ii) tipproponi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-korruzzjoni;

(iii) l-abbozzar ta’ rapport annwali li janalizza r-riskji u x-xejriet tal-korruzzjoni u l-prattiki korrotti, li jipproponi kontromiżuri effettivi u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom u li jivvalutahom.

(39)Il-qafas regolatorju tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni jkun inkluż fl-Att li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Integrità (ara l-miżura ta’ rimedju (i.) jiġifieri deskritta hawn fuq) u l-president tal-Awtorità tal-Integrità jkun il-president tat-Task Force. Elementi ewlenin oħra tal-miżura ta’ rimedju kienu jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ atturi mhux governattivi attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni indipendenti mill-gvern, l-awtoritajiet pubbliċi, il-partiti politiċi u l-interessi kummerċjali flimkien mar-rappreżentanti tal-gvern b’mod sħiħ, strutturat u effettiv. Dan għandu jiżgura l-parità bejn l-atturi kemm governattivi kif ukoll mhux governattivi permezz tal-għadd ta’ membri u s-setgħa tal-vot. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet għandhom jipprevedu s-segwitu tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni mill-Gvern Ungeriż. It-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni għandha torganizza l-ewwel laqgħa tagħha qabel l-15 ta’ Diċembru 2022. Għandha tadotta l-ewwel rapport tagħha għas-sena 2022 u tibagħtu lill-Gvern sal-15 ta’ Marzu 2023.

(40)Il-passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Gvern sal-5 ta’ Settembru 2022 li tħassar id-Deċiżjoni tal-Gvern 1337/2022 tal-15 ta’ Lulju 2022 li abbażi tagħha titwaqqaf it-Task Force Kontra l-Korruzzjoni stabbilita minn din tal-aħħar, u (ii) is-sottomissjoni lill-Assemblea Nazzjonali ta’ abbozz ta’ Att dwar l-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità sat-30 ta’ Settembru 2022, li jistabbilixxi l-qafas regolatorju għat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni.

(41)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni.

(42)Fil-5 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż ħassar id-Deċiżjoni tal-Gvern 1337/2022 tal-15 ta’ Lulju 2022 dwar it-Task Force Kontra l-Korruzzjoni bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Gvern 1424/2022 dwar kompiti relatati mal-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti li topera biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi illegalitajiet u irregolaritajiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. Din id-Deċiżjoni tal-Gvern stabbiliet l-impenn għall-Ungerija li tistabbilixxi Task Force ġdida Kontra l-Korruzzjoni sal-1 ta’ Diċembru 2022 b’mod li tiżgura l-parteċipazzjoni, permezz ta’ għadd ta’ membri u setgħa tal-vot, fuq bażi ta’ parità kemm ta’ atturi governattivi kif ukoll mhux governattivi, u bl-appoġġ amministrattiv tal-Awtorità għall-Integrità. Id-Deċiżjoni tal-Gvern 1424/2022 daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Settembru 2022.

(43)Fit-23 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali l-abbozz tal-Att li l-għan hu l-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, li stabbilixxa wkoll it-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni. L-att dwar l-Awtorità tal-Integrità ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022 u daħal fis-seħħ fl-11 ta’ Ottubru 2022. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi. Wara l-preżentazzjoni tal-pakkett ta’ servizz lill-Assemblea Nazzjonali, il-Kummissjoni rċeviet it-test legali rivedut bl-Ittra ta’ Novembru. L-Att emendatorju ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022 u jirrifletti l-bidliet inklużi fit-test legali li rċeviet il-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2022.

(44)Fit-tħejjija ta’ dan l-abbozz tal-Att, il-Gvern Ungeriż kien impenja ruħu li jikkonsulta b’mod estensiv mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali, li jfittex il-parir politiku tal-OECD u li jqis ir-rakkomandazzjonijiet relatati. Minbarra li kkonsulta lill-Kummissjoni, il-Gvern Ungeriż ikkonsulta b’mod effettiv lill-OECD, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa. Huwa informa lill-Kummissjoni dwar kif indirizza l-opinjonijiet tal-organizzazzjoni u/jew is-suġġerimenti ta’ abbozzar kif deskritt fil-paragrafu (24). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-Gvern Ungeriż issodisfa l-impenji rilevanti fil-miżura ta’ rimedju. Il-konsultazzjoni tal-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa kkontribwixxiet għat-titjib tal-qafas regolatorju għat-twaqqif tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni sal-punt li xi rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati u riflessi fit-test legali. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li xi tħassib espress, eż. riskju ta’ duplikazzjoni ma’ xogħol eżistenti 21 għalkemm rikonoxxut mill-Ungerija, jew in-nuqqas ta’ għodod biex tintalab jew tinkiseb informazzjoni minn istituzzjonijiet oħra meħtieġa għat-tħejjija tal-ħidma tat-Task Force ma ġewx indirizzati fit-testi legali.

(45)It-tieni Parti tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità tiddeskrivi l-qafas regolatorju għat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni. Dan jistabbilixxi l-kompiti tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni (it-Taqsima 50) b’referenza espliċita għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess kif definit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE, li għandhom jitqiesu mit-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju. Il-President tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni għandu jkun il-President tal-Awtorità tal-Integrità (Taqsima 59). Hija tistabbilixxi wkoll il-proċess dwar is-segwitu tar-rapporti annwali u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni, li permezz tagħhom il-Gvern Ungeriż għandu jiddiskuti r-rapport u l-proposti inklużi fih fi żmien xahrejn. Jekk tiddeċiedi li ma timplimentax proposta, hija għandha tibgħat raġunament dettaljat għad-deċiżjoni tagħha lill-President tat-Task Force il-ġdida Kontra l-Korruzzjoni fi żmien xahar (it-Taqsima 52). Il-kompożizzjoni (it-Taqsima 54) u r-regoli tal-votazzjoni (it-Taqsima 61) tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni huma deskritti fl-Att. F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-għadd ta’ membri non governattivi għandu jkun ta’ 50 % tal-membri tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni, bl-esklużjoni tal-president. Jekk ir-rappreżentanza ta’ 50 % ma tkunx tista’ tintlaħaq, is-setgħat tal-vot ta’ tali membri jiġu modulati sabiex jitfgħu 50 % tal-voti, il-president eskluż. Il-membri li jirrappreżentaw atturi mhux governattivi għandhom jintgħażlu abbażi ta’ proċess tal-għażla miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju bi kriterji oġġettivi relatati mal-għarfien espert u l-mertu. Il-Kumitat tal-Eliġibbiltà għandu jkun involut kif imsemmi fil-paragrafu 11 (Taqsima 57). Għandu jkun intitolat li jħejji rapport parallel li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tat-Task Force fejn ir-rapport tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni jiġi ppubblikat ukoll (it-Taqsima 53). Fl-aħħar nett, ir-Raba’ Parti tal-Att tistabbilixxi li t-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni għandha tiġi stabbilita sal-1 ta’ Diċembru 2022 u għandha torganizza l-ewwel laqgħa tagħha qabel l-15 ta’ Diċembru 2022. It-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni għandha tadotta u tibgħat l-ewwel rapport tagħha għall-2022 lill-Gvern sal-15 ta’ Marzu 2023 (Taqsima 77).

(46)Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni. Il-qafas regolatorju għat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni kif stabbilit fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità jissodisfa l-impenji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju.

(47)Il-Kummissjoni tinnota li fl-11 ta’ Novembru 2022 tnediet sejħa miftuħa għall-applikazzjoni biex jintgħażlu l-membri li jirrappreżentaw l-atturi mhux governattivi tat-Task Force l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni, bi skadenza għall-applikazzjoni stabbilita għall-24 ta’ Novembru 2022.

III.It-tisħiħ tal-Qafas Kontra l-Korruzzjoni

(48)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li sat-30 ta’ Settembru 2022 jadotta strateġiji kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni li jiddefinixxu l-kompiti tal-entitajiet involuti fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-kunflitt ta’ interess u l-korruzzjoni. L-istrateġiji kellhom jinkludu l-valutazzjoni tar-riskji, il-fatturi u l-prattiki ewlenin ta’ frodi, kunflitt ta’ interess, u korruzzjoni. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jadotta Strateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (“NACS”) u Pjan ta’ Azzjoni (“AP”) ġodda sat-30 ta’ Ġunju 2023. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u normattiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli, billi tissaħħaħ it-trasparenza tal-ħidma tal-awtoritajiet pubbliċi inkluż fil-livell politiku għoli. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jimplimenta bis-sħiħ sat-30 ta’ Ġunju 2023 l-azzjonijiet kollha tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni eżistenti għall-perjodu 2020-2022.

(49)Bħala l-istabbiliment tal-Awtorità għall-Integrità, din il-miżura ta’ rimedju għandha natura orizzontali u sistemika sabiex tiġġieled kontra l-korruzzjoni u tiżgura t-trasparenza fl-isfera politika. Hija waħda mill-miżuri ta’ rimedju ċentrali proposti mill-Ungerija fil-proċedura skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità.

(50)Fl-ittra ta’ Settembru, il-Gvern Ungeriż ħa wkoll impenji ulterjuri dwar l-ambitu personali u materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. F’dan ir-rigward, hija impenjat ruħha li tippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ leġiżlazzjoni (li għandha tkun effettiva mill-1 ta’ Novembru 2022) li għandha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tas-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi għal (i) persuni fdati b’funzjonijiet politiċi għolja skont it-Taqsimiet 183 u 184 tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-amministrazzjoni tal-gvern u l-qraba tagħhom li jgħixu fl-istess unità domestika mal-persuna kkonċernata, u (ii) membri tal-Assemblea Nazzjonali u l-qraba tagħhom li jgħixu fl-istess unità domestika mal-persuna kkonċernata. L-Ungerija impenjat ruħha wkoll li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni materjali biex tinkludi mhux biss id-dħul iżda wkoll l-assi 22 .

(51)Barra minn hekk, bl-Ittra ta’ Settembru, l-Ungerija impenjat ruħha li sal-31 ta’ Marzu 2023 tistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi ppreżentati elettronikament f’format diġitali, li għandhom jinħażnu f’bażi tad-data pubblika li tkun tista’ titfittex mingħajr ħlas jew il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-Integrità tkun inkarigata mir-rieżami kemm tal-qafas regolatorju kif ukoll tal-funzjonament tas-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċessi ta’ verifika tagħha, li għandhom jiġu inklużi f’rapport ta’ rieżami sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(52)Il-passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) l-adozzjoni tal-istrateġiji kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni li jiddefinixxu l-kompiti tal-entitajiet involuti fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ tal-Unjoni sat-30 ta’ Settembru 2022 u (ii) is-sottomissjoni lill-Assemblea Nazzjonali tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni, inkluż dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2022.

(53)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni.

(54)Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta l-istrateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (id-Deċiżjoni tal-Gvern 1470/2022). L-istrateġija ġiet sussegwentement emendata u ġiet adottata u ppubblikata verżjoni ġdida fil-15 ta’ Novembru 2022 (id-Deċiżjoni tal-Gvern 1540/2022, l-“Istrateġija”). L-istrateġija ngħatat l-isem il-ġdid ta’ “Strateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea”. L-istrateġija hija komprensiva, peress li tkopri l-implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE taħt il-perjodi ta’ programmazzjoni 2014-2020 u 2021-2027, b’mod partikolari l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija huwa kopert, iżda b’inqas dettalji. L-istrateġija tiddefinixxi, f’termini ġenerali, il-kompiti tal-entitajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-kunflitt ta’ interess u l-korruzzjoni (il-Kapitolu III Analiżi tas-sitwazzjoni u b’mod partikolari 3.2 Ambjent istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-frodi). L-Istrateġija tinkludi wkoll valutazzjoni tar-riskji, il-fatturi u l-prattiki ewlenin ta’ frodi, kunflitt ta’ interess u korruzzjoni fl-Ungerija fir-rigward tal-finanzjament tal-Unjoni (il-Kapitolu 3.3 Data dwar il-frodi u l-korruzzjoni fl-Ungerija u 5.1.3 Analiżi tar-riskju u ġestjoni tar-riskju biex tiġi evitata l-frodi). Il-Kapitolu V tal-Istrateġija jistabbilixxi f’termini ġenerali l-miżuri previsti, li huma elenkati f’aktar dettall fi Pjan ta’ Azzjoni (l-Anness 3 tal-Istrateġija). Waħda mill-azzjonijiet hija li titħejja valutazzjoni annwali tar-riskju tal-frodi, il-kunflitt ta’ interess u l-korruzzjoni. Diversi azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni jirriżultaw minn impenji taħt miżuri ta’ rimedju oħra, inkluż ir-rieżami tal-Istrateġija b’mod parallel mal-abbozzar tal-NACS sat-30 ta’ Ġunju 2023. L-Ungerija ser tħejji u tippubblika rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

(55)Fis-27 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ Att bl-għan li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tas-sistema attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Fit-tħejjija ta’ dan l-abbozz tal-Att, il-Gvern Ungeriż ikkonsulta lill-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-miżura ta’ rimedju. Fil-25 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att XXXI tal-2022 li jemenda ċerti Atti dwar id-dikjarazzjoni tal-assi relatati mal-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, li ġie ppromulgat fis-26 ta’ Ottubru 2022 (l-“Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi”). L-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2022 b’ċerti eċċezzjonijiet. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ liġi ta’ emenda dwar l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi, bħala parti mill-pakkett tas-servizz. Wara s-sottomissjoni tal-pakkett ta’ servizzi lill-Assemblea Nazzjonali, l-Ungerija bagħtet lis-servizzi tal-Kummissjoni emendi għat-test legali fis-16 ta’ Novembru 2022; verżjoni konsolidata tat-test legali ġiet ippreżentata mal-ittra ta’ Novembru. Il-valutazzjoni attwali hija bbażata fuq it-test legali tal-aħħar, għalkemm dan għadu ma ġiex adottat. L-abbozz ta’ liġi ta’ emenda huwa skedat għall-adozzjoni fis-6 ta’ Diċembru 2022.

(56)F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi biex jinkludi persuni fdati b’funzjonijiet politiċi għolja 23 u membri tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll qraba li jgħixu fl-istess unità domestika 24 . L-att jestendi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-assi biex jinkludi l-assi rilevanti kollha (l-Anness I tal-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi).

(57)Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni tinnota li l-Anness I, il-Parti A tal-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi jipprevedi eċċezzjoni dwar il-proprjetà immobbli riżervata għall-użu esklużiv tad-dikjarant u l-konjuġi jew il-koabitant tiegħu u l-wild (ulied) li jgħixu fl-istess unità domestika. L-Anness I jiċċara wkoll li fuq din il-bażi, sa proprjetà immobbli waħda tista’ tiġi eskluża mill-obbligu ta’ divulgazzjoni u għalhekk ma tiġix iddikjarata. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li din l-eċċezzjoni ma tqisx biss ir-residenza primarja, bil-konsegwenza li tista’ tintuża biex taħbi proprjetà immobbli lussuża. L-Ungerija indikat f’diversi sejħiet fil-livell tas-Segretarju tal-Istat li din il-kwistjoni ser tiġi indirizzata fit-testi legali iżda din għadha ma ġietx implimentata sa din id-data. Barra minn hekk, minkejja l-ispjegazzjonijiet ipprovduti li jikkonfermaw li l-obbligi ta’ divulgazzjoni jinkludu wkoll proprjetà immobbli barra l-ġurisdizzjoni tal-Ungerija, il-formulazzjoni xierqa ma ġietx riflessa fit-test legali rilevanti 25 . Dawn huma lakuni fis-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-assi li jirriskjaw li jimminaw l-effettività tagħha.

(58)Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota l-abbozz ta’ emendi għall-atti rilevanti kollha 26 li japplikaw l-obbligu li ssir dikjarazzjoni tal-assi fl-1 ta’ Novembru 2022 (minflok fl-31 ta’ Diċembru 2022) sal-31 ta’ Jannar 2023 f’konformità mad-dispożizzjonijiet introdotti mill-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi. Dan se jiżgura li r-regoli l-ġodda japplikaw ukoll għal kwalunkwe bidla li sseħħ bejn l-1 ta’ Novembru 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, it-test legali rilevanti ma jipprovdix biżżejjed ċarezza u ċertezza legali peress li ma jipprovdix b’mod espliċitu li l-perjodu Novembru-Diċembru 2022 għandu jkun kopert minn dikjarazzjonijiet tal-assi li għandhom isiru fl-2024 li mbagħad ikopru b’mod eċċezzjonali perjodu ta’ 14-il xahar (jiġifieri minn Novembru 2022 sa Diċembru 2023).

(59) Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-impenn mill-gvern Ungeriż li jistabbilixxi sal-31 ta’ Marzu 2023 sistema ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi ppreżentati elettronikament f’format diġitali, li għandha tinħażen f’bażi tad-data pubblika li tista’ titfittex mingħajr ħlas jew il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni għadu mhuwiex rifless fil-qafas regolatorju. Skont l-Ungerija, ir-regoli dwar is-sistema se jiġu elaborati u adottati aktar tard, sal-31 ta’ Marzu 2023. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ referenza espliċita għal din il-bażi tad-data pubblika fl-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi mill-Ungerija. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jimminaw ukoll l-effettività tas-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-assi.

(60)Fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi tad-dikjarazzjoni tal-assi, il-Kummissjoni tinnota li l-Istrateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea (adottata skont id-Deċiżjoni tal-Gvern 1540/2022) imsemmija fil-paragrafu hawn fuq (54) tirreferi għall-impenn speċifiku li jiġu stabbiliti miżuri konkreti fil-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-NACS il-ġdida lil hinn mill-2022 biex tiġi żviluppata sistema effettiva, proporzjonata u dissważiva ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2023, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju.

(61)Fit-23 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali l-abbozz tal-Att li l-għan hu l-istabbiliment tal-Awtorità tal-Integrità. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, li ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022 u daħal fis-seħħ fl-11 ta’ Ottubru 2022 (ara l-miżura ta’ rimedju (i.) deskritta hawn fuq). F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, it-Taqsima 75 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità stabbiliet li l-Awtorità tal-Integrità trid tħejji rapport ad hoc sal-31 ta’ Diċembru 2023, li jkun jistħarreġ il-qafas regolatorju u l-operat tas-sistema Ungeriża tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, inklużi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċess ta’ kontroll tagħha.

(62) Fir-rigward tal-istrateġiji kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni, minkejja l-adozzjoni ta’ strateġija riveduta bid-Deċiżjoni tal-Gvern fil-15 ta’ Novembru 2022 minflok l-iskadenza stabbilita tat-30 ta’ Settembru 2022. Il-Kummissjoni ssib li l-Istrateġija tissodisfa l-impenji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju. Fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Istrateġija Nazzjonali futura Kontra l-Korruzzjoni lil hinn mill-2022, li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-impenn li jiġu stabbiliti miżuri konkreti biex jiġi żviluppat sett effettiv, proporzjonat u dissważiv ta’ sanzjonijiet, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tivvaluta t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha fl-2023 u lil hinn. L-Ungerija qablet f’dan il-kuntest li tikkonsulta lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni sal-31 ta’ Jannar 2023. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-impenn tal-Gvern Ungeriż li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju kollha fuq bażi trimestrali, kif innutat fil-paragrafu (17).

(63)Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, il-Kummissjoni ssib li l-qafas regolatorju dwar dawk id-dikjarazzjonijiet kif stabbilit fl-Att dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi li se jkun effettiv mill-1 ta’ Novembru 2022 ma jissodisfax kompletament l-impenji dwar is-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi kif stabbilit fl-Ittra ta’ Settembru, peress li l-qafas iħalli barra kategorija importanti ta’ assi, kif imsemmi fil-paragrafu (57). Il-Kummissjoni tqis li l-kwistjonijiet imqajma f’dak il-paragrafu jirrappreżentaw lakuna fil-liġi u jistgħu jimminaw l-effettività tal-miżura ta’ rimedju.

(64)Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ssib li t-testi legali rilevanti ma jiżgurawx bis-sħiħ l-adegwatezza tal-miżura ta’ rimedju, fid-dawl tad-dgħufijiet, ir-riskji u n-nuqqasijiet innutati fil-paragrafi (57) sa (59) sa hawn fuq.

IV.L-iżgurar tat-trasparenza tal-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mill-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku

(65)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li sat-30 ta’ Settembru 2022 jadotta att emendatorju biex jiżgura l-applikazzjoni ġeneralizzata tar-regoli tal-akkwist pubbliku għall-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi pubbliċi li jwettqu attività ta’ interess pubbliku u għall-persuni ġuridiċi stabbiliti u miżmuma minnhom. Hija impenjat ruħha wkoll li tadotta sal-istess data att emendatorju sabiex tiżgura konformità sħiħa mal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju 27 , kif ukoll tallinja l-istruzzjonijiet u l-prattika mal-Avviż ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess skont ir-Regolament Finanzjarju 28 . Dan itejjeb u jiċċara r-regoli ġenerali dwar il-kunflitt ta’ interess relatati mal-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku u l-membri tal-bordijiet tagħhom.

(66)L-istadju Ewlieni ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kien l-adozzjoni taż-żewġ atti emendatorji msemmija fil-paragrafu preċedenti sat-30 ta’ Settembru 2022.

(67)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni.

(68)Fl-4 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att XXIX tal-2022 li jemenda ċerti Atti li jikkonċernaw il-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana u l-kontrolli tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward tal-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Att ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022. Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-fondazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2022.

(69)F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-Att XXIX tal-2022 introduċa emendi għall-Att CXLIII tal-2015 dwar l-akkwist pubbliku u l-Att IX tal-2021 dwar il-fondazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku. Fit-Taqsima 5 tal-Att CXLIII tal-2015 dwar l-akkwist pubbliku, żdied il-punt f) ġdid mal-paragrafu (1) li jistipula li l-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku u l-persuni ġuridiċi stabbiliti jew miżmuma minnhom kienu soġġetti għall-obbligu li jwettqu proċeduri ta’ akkwist skont l-Att imsemmi hawn fuq. Il-paragrafu (3) tat-Taqsima 15 tal-Att IX tal-2021 dwar il-fondazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku ġie mmodifikat ukoll billi ġew stabbiliti regoli dwar il-kunflitt ta’ interess. Dan il-paragrafu issa jinkludi referenza espliċita għall-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor, għal fondazzjonijiet għall-amministrazzjoni ta’ assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmir pubbliku u persuni ġuridiċi stabbiliti jew miżmuma minnhom, inklużi l-presidenti u l-membri tal-bord u l-bord superviżorju, kif ukoll l-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, l-Att emenda dispożizzjonijiet f’leġiżlazzjoni oħra 29 li jallinja mal-modifika fit-Taqsima 15 (3) tal-Att IX tal-2021.

(70)Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li uffiċjali tal-ogħla livell, inklużi eżekuttivi politiċi għolja mill-Assemblea Nazzjonali u mill-korpi awtonomi tal-Ungerija, ma ġewx esklużi milli jkunu fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet għall-amministrazzjoni ta’ assi ta’ interess pubbliku, kif mitlub matul l-iskambji mal-Ungerija. Minflok, mill-proposta għal DIK tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2022, u minkejja li dan it-tħassib tqajjem ukoll b’mod konsistenti mill-Kummissjoni fir-rapporti annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, l-Ungerija introduċiet mill-ġdid mill-1 ta’ Novembru 2022 il-possibbiltà (permezz ta’ eċċezzjoni 30 mill-projbizzjoni ġenerali 31 ) li eżekuttivi politiċi għolja jkollhom impjiegi remunerati oħra. Din l-eċċezzjoni toħloq sitwazzjoni li fiha eżekuttivi politiċi għolja jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżborż ta’ fondi pubbliċi lil entitajiet, li fihom huma stess ikunu impjegati u għandhom setgħat ewlenin ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet 32 .. Konsegwentement, anki jekk l-Ungerija indirizzat it-tħassib imsemmi fil-proposta għal DIK tat-18 ta’ Settembru 2022, l-eċċezzjoni introdotta fl-1 ta’ Novembru 2022 tagħmel l-implimentazzjoni tal-miżura rimedjali madankollu inadegwata.

V.Introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta’ proprjetà pubblika

(71)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jemenda l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali bil-għan li jistabbilixxi proċedura ġdida li tikkonċerna reati kriminali speċjali relatati mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew mal-ġestjoni tal-akkwist pubbliku. Skont il-miżura rimedjali, il-proċedura l-ġdida trid tipprevedi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni jew tal-awtorità investigattiva li twaqqa’ rapport dwar reat jew li ttemm il-proċedimenti kriminali (jiġifieri li tagħlaq investigazzjoni kriminali mingħajr akkuża) rigward korruzzjoni u prattiki relatati mal-korruzzjoni kif definit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 33 u fil-Kapitolu III tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni. Il-proċedura l-ġdida trid tagħti lil imħallef istruttur l-awtorità li jordna l-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ proċediment kriminali. Kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika, bl-eċċezzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi, tista’ tippreżenta mozzjonijiet skont il-proċedura, li jista’ jwassal ukoll għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat akkuża quddiem qorti. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jiżgura li l-proċedura l-ġdida tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023. Huwa impenja ruħu li jalloka karigi dedikati addizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2022 lill-qorti responsabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni jew tal-awtorità investigattiva li twaqqa’ rapport dwar reat jew li ttemm il-proċedimenti kriminali.

(72)L-Ittra ta’ Settembru kienet tinkludi l-impenn li fl-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju tiġi identifikata l-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda bħala l-qorti li għandha ġurisdizzjoni esklużiva fuq it-territorju Ungeriż biex tistħarreġ tali deċiżjonijiet u tordna l-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ proċedimenti kriminali. Hija kkonfermat ukoll li l-qrati kollha fl-Ungerija, inklużi l-imħallfin istrutturi fil-kuntest tal-proċedura skont din il-miżura rimedjali, jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità stabbiliti bil-liġi f’konformità mal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u mal-acquis rilevanti tal-UE.

(73)Din il-miżura rimedjali hija miżura orizzontali li għandha l-għan li tirrimedja problemi strutturali bl-effettività ta’ azzjoni ta’ prosekuzzjoni fl-Ungerija u li tiżgura li jittieħdu miżuri effettivi u deterrenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 325 TFUE.

(74)Il-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) il-finalizzazzjoni tal-abbozz ta’ test tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni (meħtieġa għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ rieżami) u l-adozzjoni immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida sal-31 ta’ Ottubru 2022 u (ii) id-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida li temenda l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali wara stħarriġ ex ante mill-Qorti Kostituzzjonali (mibdija mill-Gvern) sal-15 ta’ Novembru 2022.

(75)Fit-3 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-ewwel verżjoni tal-Att li jemenda l-Att XC tal-2017 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (l-“Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju”); dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2022. Fl-14 ta’ Novembru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi qasmu verżjoni riveduta tal-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju mas-servizzi tal-Kummissjoni; l-istess verżjoni kienet tinsab ukoll fl-att tal-pakkett ta’ servizzi tal-15 ta’ Novembru 2022 li l-adozzjoni tiegħu kienet skedat għat-22 ta’ Novembru 2022 34 . L-Att emendatorju ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022 u jirrifletti l-bidliet inklużi fit-test legali li rċeviet il-Kummissjoni fl-14 ta’ Novembru 2022. Fid-deċiżjoni dwar ir-rieżami ex ante tal-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju, il-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża sabet li l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju ma jiksirx il-prinċipju tal-monopolju ta’ prosekuzzjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) tal-Liġi Fundamentali Ungeriża 35 .

(76)Fil-11 ta’ Ottubru 2022, l-Ungerija ppreżentat lill-Kummissjoni (i) l-abbozz ta’ Digriet tal-Gvern li jemenda d-Digriet tal-Gvern 100/2018 (it-8 ta’ Ġunju) li jistabbilixxi r-regoli dettaljati tal-investigazzjoni u l-proċedura preparatorja, u (ii) l-abbozz ta’ Digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja li jemenda d-Digriet 12/2018 (it-12 ta’ Ġunju) IM li jistabbilixxi r-regoli għal ċerti atti, u persuni li jipparteċipaw, fi proċedura kriminali. Dawk l-abbozzi ta’ digrieti jirrappreżentaw l-abbozzi ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni (ir-“Regolamenti ta’ Implimentazzjoni”) meħtieġa għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ rieżami kif stabbilit fil-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni. Il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Kummissjoni l-aħħar abbozzi ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni, li d-dħul fis-seħħ tagħhom huwa skedat għall-1 ta’ Jannar 2023, bl-Ittra ta’ Novembru. 

(77)L-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jimplimenta l-parti l-kbira tal-impenji proposti fil-miżuri rimedjali billi jintroduċi emendi rilevanti għall-Att XC tal-2017 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. B’mod partikolari, il-proċedura l-ġdida tikkonċerna r-reati kriminali rilevanti kif propost skont il-miżura rimedjali (it-Taqsima 817/A (1)). Dan jippermetti lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jippreżentaw mozzjoni għal reviżjoni (it-Taqsima 817/C) u, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jippermetti l-preżentazzjoni ta’ mozzjoni għal prosekuzzjoni (it-Taqsima 817/H). Il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda se jkollha ġuriżdizzjoni esklużiva fuq il-proċedura ta’ rieżami l-ġdida (it-Taqsima 817/E (1)).

(78)Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll ċerti dispożizzjonijiet introdotti wara li l-ewwel verżjoni tal-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju ġiet adottata mill-Assemblea Nazzjonali, billi huma maħsuba biex jikkontribwixxu għall-effettività tal-miżura rimedjali. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, l-Awtorità tal-Integrità (ara l-miżura rimedjali (i.) hawn fuq), li fil-prinċipju se jkollha għarfien fil-fond dwar kwistjonijiet li huma rilevanti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali koperti mill-proċedura l-ġdida, tista’ tippreżenta wkoll mozzjoni għal reviżjoni u għal reviżjoni ripetuta (it-Taqsima 817/C (7); it-Taqsima 817/H (3)). L-Awtorità tal-Integrità, bħala korp pubbliku, ma tistax tippreżenta mozzjoni għal prosekuzzjoni, biex ma tippreġudikax il-prinċipju kostituzzjonali Ungeriż li l-prosekuzzjoni pubblika hija riżervata għas-servizz tal-prosekuzzjoni 36 . Madankollu, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika se tkun tista’ tippreżenta mozzjoni għal prosekuzzjoni wara mozzjoni għal stħarriġ ppreżentata mill-Awtorità tal-Integrità (it-Taqsima 817/I).

(79)Barra minn hekk, skont il-proċedura l-ġdida hemm il-possibbiltà, inkluż għall-Awtorità tal-Integrità, li tiġi ppreżentata mozzjoni għal reviżjoni ripetuta, f’każ li, anki wara l-ewwel mozzjoni għal stħarriġ, is-servizz tal-prosekuzzjoni jew l-awtorità investigattiva terġa’ tiddeċiedi li twaqqa’ rapport dwar reat jew li ttemm il-proċedimenti kriminali (it-Taqsima 817/H). Din il-possibbiltà hija miftuħa biss għal persuna li aktar kmieni fil-kawża ppreżentat mozzjoni għal reviżjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll it-tneħħija mit-Taqsima 817/V tad-dispożizzjoni li kienet tippermetti lill-Prosekutur Ġenerali jippreżenta rimedju straordinarju kontra d-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedura.

(80)Fl-istess ħin, impenji oħra ma ġewx riflessi b’mod korrett fl-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jew fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni, jiġifieri:

(i) l-impenn li, sal-31 ta’ Diċembru 2022, jiġu pprovduti biżżejjed allokazzjonijiet umani, infrastrutturali u ta’ riżorsi oħra biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-proċedura (inklużi karigi dedikati addizzjonali għal mill-inqas żewġ imħallfin u mill-inqas żewġ segretarji legali) fil-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, u

(ii) l-impenn li titwettaq rieżami dwar il-funzjonament tal-proċedura sal-31 ta’ Diċembru 2023, u, jekk meħtieġ, li tiġi prevista l-adozzjoni ta’ emendi għall-qafas leġiżlattiv wara konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(81)Fir-rigward tal-ewwel impenn, l-awtoritajiet Ungeriżi informaw lill-Kummissjoni li tali miżuri mhumiex f’idejn il-Gvern Ungeriż, iżda f’idejn il-korp tal-ġudikatura responsabbli għall-amministrazzjoni tal-qrati. Il-Kummissjoni ma ġiet infurmata bl-ebda implimentazzjoni konkreta ta’ dan l-impenn. Għat-tieni impenn, il-Kummissjoni ma ġiet informata bl-ebda dispożizzjoni konkreta li tistabbilixxi l-obbligu li jitwettaq ir-rieżami tal-proċedura u li din tiġi emendata jekk ikun meħtieġ. Dawn l-elementi jistgħu xorta waħda jiġu ssodisfati materjalment wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u b’hekk ma jippreġudikawx f’dan l-istadju l-effettività possibbli tal-implimentazzjoni tal-miżura rimedjali. Il-Kummissjoni għaldaqstant se tibqa’ viġilanti dwar dawn il-kwistjonijiet u se timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib fuq il-bażi tar-rapportar trimestrali mill-Ungerija msemmi fil-paragrafu (17)hawn fuq, jew kwalunkwe informazzjoni li tista’ tikseb mod ieħor. In-nuqqas li jiġu ssodisfati dawn l-elementi mill-1 ta’ Jannar 2023, meta l-proċedura l-ġdida se tkun applikabbli, jista’ jimmina l-effettività tal-proċedura.

(82)Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ssib li dispożizzjonijiet speċifiċi jintroduċu marġni ta’ diskrezzjoni fil-proċedura, li jista’ jintuża biex jaffettwa l-eżitu tal-proċedura l-ġdida wara mozzjoni għal reviżjoni (jew reviżjoni ripetuta) jew għal prosekuzzjoni, li jikkomprometti l-effettività tal-miżura rimedjali.

(83)B’mod partikolari, il-konsegwenzi legali għall-prosekutur ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla d-deċiżjoni tiegħu wara mozzjoni għal reviżjoni mhumiex iddikjarati b’mod ċar fir-regoli applikabbli. It-Taqsima 817/G (3) tipprevedi li, “[f]il-każ ta’ bidu ta’ investigazzjoni jew li jkompli l-proċediment, is-servizz tal-prosekuzzjoni jew l-awtorità investigattiva għandhom ikomplu bil-proċediment filwaqt li jqisu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni mill-qorti, u, fejn kwalunkwe kwistjoni tibqa’ ma tiġix identifikata, jippruvaw jirrimedjaw in-nuqqasijiet indikati fiha” (enfasi miżjuda). Il-lingwaġġ tad-dispożizzjoni jissuġġerixxi ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-prosekutur, li ma jkunx legalment marbut li jieħu deċiżjoni li tkun kompletament f’konformità mad-deċiżjoni ġudizzjarja u jista’ sempliċiment jikkunsidraha jew sempliċiment “jipprova” jirrimedja l-illegalitajiet misjuba mill-qorti ta’ stħarriġ. Il-Kummissjoni pproponiet lingwaġġ aktar strinġenti li bih il-prosekutur ikun marbut li jieħu deċiżjoni “b’rispett sħiħ tar-raġunijiet tad-deċiżjoni mill-qorti” u li huwa “għandu jirrimedja n-nuqqasijiet indikati fiha”. Il-Kummissjoni tqis li d-diskrezzjoni mogħtija lill-prosekutur mir-regola applikabbli ddgħajjef l-effettività u b’hekk l-adegwatezza ta’ din il-miżura rimedjali, billi ma hemm l-ebda garanzija li d-deċiżjonijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju se jiġu segwiti kif xieraq permezz ta’ azzjoni ta’ prosekuzzjoni korretta.

(84)Barra minn hekk, għall-każijiet fejn tista’ tiġi ppreżentata mozzjoni għal prosekuzzjoni, l-Att dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju jirrikjedi eżami tar-raġuni għall-mozzjoni għal prosekuzzjoni (it-Taqsimiet 817/O u 817/P) mill-qorti tal-prim’istanza bil-bibien magħluqin u mingħajr ma tinstema’ l-evidenza, li huwa addizzjonali għall-eżami preliminari tar-raġunijiet formali stabbiliti skont il-proċedura l-ġdida.

(85)Il-Kummissjoni tinnota li tali eżami mill-qorti tal-prim’istanza tar-raġuni għall-mozzjoni għal prosekuzzjoni ma jeżistix skont ir-regoli ġenerali (fejn il-prosekutur pubbliku jippreżenta l-abbozz ta’ akkuża) u skont il-proċedura ta’ prosekuzzjoni privata sostituta (fejn il-vittma tippreżenta l-abbozz ta’ akkuża). Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jammonta għal filtrazzjoni sostantiva mill-qorti tal-prim’istanza li tippreżenta r-riskju li jkun hemm dikjarazzjoni mill-qorti tal-prim’istanza fir-rigward tal-merti tal-kawża qabel ma tinstema’ l-evidenza. Tali filtrazzjoni tirriskja li tantiċipa jew tipprevjeni deċiżjoni dwar il-merti, mingħajr il-possibbiltà li titfittex u tinstema’ evidenza fil-kawża 37 . Fil-prattika tista’ wkoll treġġa’ lura l-valutazzjoni tad-Dipartiment tal-Imħallef Istruttur tal-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta’ Buda: jekk il-proċedimenti jerġgħu jintemmu wara li l-imħallef istruttur ikun annulla d-deċiżjoni inizjali li jitwaqqa’ r-rapport dwar reat jew li jintemm il-proċedimenti u mingħajr ma titqies id-deċiżjoni ta’ tali mħallef istruttur, l-eżami mill-qorti tal-prim’istanza jista’ jkollu l-effett li jwarrab is-sejbiet tal-imħallef istruttur, mingħajr ma tinstema’ l-ebda evidenza ulterjuri mill-qorti tal-prim’istanza. Għal dawn ir-raġunijiet, u filwaqt li jitqies ir-rwol ewlieni tal-imħallef istruttur fl-istadju ta’ qabel il-proċess, din il-filtrazzjoni ulterjuri mill-qorti tal-prim’istanza mhuwiex meħtieġ u jimmina l-effettività tal-miżura rimedjali.

(86)Barra minn hekk, id-dispożizzjoni finali tat-test legali disponibbli għas-servizzi tal-Kummissjoni ma stabbilietx b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn ir-regoli l-ġodda. Fil-fatt, it-test ma jistabbilixxix b’mod ċar li l-proċedura l-ġdida se tkun applikabbli għal rapporti dwar reati ppreżentati wara l-1 ta’ Jannar 2023 li jkopru reati allegatament imwettqa anki qabel dik id-data, bl-eċċezzjoni ta’ reati preskritti (ara t-Taqsima 876/C (2)). B’mod partikolari, it-test ma jiċċarax li l-eżistenza ta’ deċiżjoni li twaqqa’ rapport dwar reat jew ta’ deċiżjoni li ttemm il-proċedimenti, adottata qabel l-1 ta’ Jannar 2023 (relatata ma’ allegat reat li ma jkunx preskritt minħabba l-istatut tal-limitazzjonijiet) tneħħix l-obbligu tal-awtorità investigattiva jew tas-servizz tal-prosekuzzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida skont it-Taqsima 379 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali 38 , li tista’ tkun soġġetta għal mozzjoni (ripetuta) għal stħarriġ skont il-proċedura l-ġdida. Flimkien ma’ dan, it-test ma jipprevedix li l-proċedura l-ġdida tista’ tapplika għal rapporti dwar reati ppreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-awtorità investigattiva jew mis-servizz tal-prosekuzzjoni.

(87)Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li l-qafas regolatorju għall-introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew mal-ġestjoni tal-proprjetà pubblika kif stabbilit fl-emendi għall-Att XC tal-2017 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ma jissodisfax l-impenji stabbiliti mill-miżura rimedjali u fih regoli li jimminaw l-effettività tagħha. Kif spjegat fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni (il-paragrafu 96), l-Ungerija kienet meħtieġa tispeċifika b’mod korrett l-impenji tagħha f’regoli dettaljati sabiex tiżgura l-effettività tal-miżura. Il-mod li bih l-Ungerija attwalment speċifikat l-impenji tagħha fil-liġi ma jippermettix lill-Kummissjoni tistabbilixxi li din il-miżura rimedjali tista’ tindirizza b’mod effettiv il-kwistjonijiet ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u sanzjonar ineffettivi. Konsegwentement, il-miżura rimedjali kif implimentata mhijiex adegwata biex tindirizza b’mod suffiċjenti s-sejbiet tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità.

VI.It-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ awditjar u ta’ kontroll biex jiġi ggarantit l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-UE

(88)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma sal-31 ta’ Awwissu 2022 biex jinkludi dispożizzjonijiet fid-Digrieti rilevanti tal-Gvern dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-għan li jsaħħu r-regoli u l-proċeduri biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod aktar effettiv il-kunflitt ta’ interess f’konformità mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv fuq il-validità tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ikollhom ukoll l-għan li jżidu l-kapaċitajiet proċedurali tal-awtoritajiet maniġerjali, tal-korpi intermedji u tal-awtorità nazzjonali tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Ungerija, biex japplikaw ġestjoni msaħħa tar-riskju u l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-finanzjament doppju. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jistabbilixxi Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Integrità (Directorate of Internal Audit and Integrity, “DIAI”) responsabbli biex jivverifika b’mod regolari l-validità tad-dikjarazzjonijiet tal-kunflitt ta’ interess u tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess. Huwa impenja ruħu li jipprovdi lid-Direttorat bil-garanziji rilevanti għall-indipendenza tiegħu (pereż. in-nomina ta’ persunal ta’ grad għoli, it-tul ta’ żmien tal-mandat tad-direttur mingħajr il-possibbiltà li jkeċċih) u li jistabbilixxi regoli għall-kontroll regolari tal-validità tad-dikjarazzjonijiet. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jipprovdi r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa lill-EUTAF, li jiggarantixxi l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-Unjoni, li jissalvagwardja l-indipendenza tiegħu u li jippermettilu jwettaq il-kompiti attwali tiegħu u l-kompiti addizzjonali allokati minn għadd ta’ miżuri rimedjali.

(89)Il-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) l-istabbiliment tal-grupp ta’ ħidma sal-31 ta’ Awwissu 2022, (ii) l-istabbiliment tad-DIAI fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sat-30 ta’ Settembru 2022 u (iii) l-adozzjoni ta’ emendi għad-Digrieti rilevanti tal-Gvern sat-30 ta’ Settembru 2022.

(90)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni rilevanti.

(91)F’konformità mal-miżura rimedjali, ġie stabbilit grupp ta’ ħidma sal-iskadenza applikabbli bil-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għall-ġestjoni, il-kontroll u l-awditu tal-użu tal-fondi tal-UE u l-EUTAF. Il-grupp ta’ ħidma ltaqa’ mas-servizzi tal-Kummissjoni għall-ewwel darba fit-8 ta’ Settembru 2022 u bħala medja darbtejn fil-ġimgħa sal-bidu ta’ Novembru 2022.

(92)Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta:

(i) id-Digriet tal-Gvern 374/2022 (it-30 ta’ Settembru) li jemenda d-Digriet tal-Gvern 272/2014 (il-5 ta’ Novembru) dwar ir-Regoli tal-Użu ta’ Fondi minn Ċerti Fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Perjodu ta’ Programmazzjoni 2014-2020 u d-Digriet tal-Gvern 256/2021 (it-18 ta’ Mejju) dwar ir-Regoli tal-Użu ta’ Fondi minn Ċerti Fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Perjodu ta’ Programmazzjoni 2021-2027, u

(ii) id-Digriet tal-Gvern 373/2022 (it-30 ta’ Settembru) dwar ir-regoli u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Ungerija.

Id-digrieti daħlu fis-seħħ fl-istess jum, b’ċerti eċċezzjonijiet b’mod partikolari rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.

(93)Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta d-Digriet tal-Gvern 463/2022 li jemenda d-Digrieti tal-Gvern 373/2022, 256/2021 u 272/2014, li mexxa ’l quddiem id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija qabel dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess għall-15 ta’ Novembru. Fl-aħħar nett, l-Att XXVIII tal-2022 dwar l-emendar ta’ ċerti atti relatati mal-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, li stabbilixxa d-DIAI fl-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Ministru responsabbli għall-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prim Ministru), ġie adottat mill-Assemblea Nazzjonali fl-4 ta’ Ottubru 2022 u ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022. Dan daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2022. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ liġi emendatorju li jikkonċerna dan l-Att, bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi. Wara l-preżentazzjoni tal-pakkett ta’ servizzi lill-Assemblea Nazzjonali, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni test legali rivedut bħala anness għall-Ittra ta’ Novembru. L-Att emendatorju ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022 u jirrifletti l-bidliet inklużi fit-test legali li rċeviet il-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru. L-aġent direttur (għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022) tad-DIAI nħatar fit-30 ta’ Settembru 2022.

(94)F’konformità mal-miżura rimedjali, id-Digriet tal-Gvern 373/2022, li jemenda d-Digriet 374/2022 kif ukoll id-Digriet tal-Gvern 463/2022 jintroduċu dispożizzjonijiet biex jissaħħu r-regoli u l-proċeduri biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod aktar effettiv il-kunflitt ta’ interess f’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju u l-Avviż ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess skont ir-Regolament Finanzjarju 39 . Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jkopru l-kunċett ta’ kunflitt ta’ interess perċepit u jiżguraw mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv fuq il-validità tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Id-Digrieti tal-Gvern emendati jistabbilixxu li l-membri tal-persunal rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni ġenerali ta’ kunflitt ta’ interess u dikjarazzjoni ta’ interessi meta jistabbilixxu relazzjoni legali jew qabel ma jibdew attività ma’ attur tas-sistema istituzzjonali. Huma għandhom jippreżentaw ukoll dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess qabel ma jibdew xi att proċedurali 40 . Ir-riċevituri finali, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u l-persuni involuti fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġett għandhom jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt ta’ interess fil-każijiet previsti fl-Avviż ta’ Gwida tal-Kummissjoni 41 . Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jistabbilixxu li d-DIAI għandu jivverifika l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet bl-eċċezzjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persunal tiegħu stess u mill-membri tal-awtorità tal-awditjar (li minflok se jiġu vverifikati mill-Awtorità tal-Integrità), fuq bażi ta’ kampjun, u fuq il-bażi ta’ pjan tal-awditjar ta’ sentejn, li jkopri mill-inqas 5 % tal-għadd ta’ persuni meħtieġa li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess kull sena 42 kif ukoll kwalunkwe suspett ta’ kunflitt ta’ interess irrapportat lilu. L-obbligu mill-atturi kollha li jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u mid-DIAI li jwettaq kontrolli ilu japplika mill-15 ta’ Novembru 2022.

(95)Id-Digrieti emendati jistabbilixxu li għandhom jiġu żgurati sorveljanza regolari u effettiva u rotazzjoni regolari tal-persunal f’pożizzjonijiet sensittivi, b’mod partikolari dawk li jittrattaw il-ġestjoni tal-irregolaritajiet, il-kontroll jew il-valutazzjoni tar-riskju. Dan se jiġi żviluppat aktar f’metodoloġija dedikata 43 . Il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn fil-prattika. Barra minn hekk, f’konformità mal-impenn li jiġi żgurat il-ġbir xieraq tad-data u mal-miżura rimedjali dwar Arachne (ara valutazzjoni aktar dettaljata hawn taħt), id-Digrieti emendati jinkludu dispożizzjonijiet biex jiżguraw it-trażmissjoni tad-data lil Arachne u jistabbilixxu fl-annessi tagħhom il-kampijiet tad-data rilevanti li jeħtieġ li jiġu trażmessi lil Arachne 44 . Barra minn hekk, id-Digrieti emendati għandhom dispożizzjonijiet biex japplikaw b’mod konsistenti, sistematiku u estensiv u jqisu l-funzjonijiet kollha ta’ Arachne fit-tħejjija u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet rigward il-finanzjament tal-UE 45 .

(96)It-Taqsima 81 dwar l-Emenda għall-Att CXLIII tal-2015 dwar l-akkwist pubbliku tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, li ġiet adottata fl-10 ta’ Ottubru 2022 u li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2022 tistabbilixxi dispożizzjoni biex tipprevjeni lill-offerenti milli jipparteċipaw f’offerti fi proċeduri tal-offerti jekk ikunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess rilevanti fl-offerta speċifika.

(97)F’konformità mal-miżura rimedjali, il-leġiżlazzjoni dwar id-DIAI tiddeskrivi r-rwol kompletament indipendenti tad-DIAI, b’garanziji rilevanti (pereż. fir-rigward tal-proċedura tas-sensja). Hija tiddeskrivi wkoll il-kompetenza tiegħu relatata mal-atturi involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE ta’ kwalunkwe fond (it-Taqsima 29/B (3) tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-amministrazzjoni tal-gvern). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni rilevanti tistabbilixxi b’mod ċar li d-direttur għandu jwettaq il-kompiti mingħajr ebda interferenza minn xi istituzzjoni, korp, partit politiku, entità ekonomika, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika jew fiżika oħra (it-Taqsima 29/B (5)). L-impjegati tad-DIAI se jintgħażlu fuq il-bażi ta’ sett oġġettiv ta’ kriterji li se jiġu approvati mill-Awtorità tal-Integrità. L-Awtorità se tikkontrolla wkoll il-proċess ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali tal-gvern u tal-impjegati tad-Direttorat (it-Taqsima 29/B (6)). Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Integrità se tikkontrolla l-funzjonament tad-Direttorat, kif ukoll il-konformità mar-regoli ta’ proċedura u mal-linji gwida (it-Taqsima 29/B (9)). L-Awtorità se tkun kompetenti biex tivverifika dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u dikjarazzjonijiet ta’ interess tad-direttur tad-DIAI u tal-impjegati tiegħu (it-Taqsima 29/B (9c)). F’każ ta’ kwistjonijiet ta’ konformità serji jew rikorrenti, l-Awtorità tal-Integrità se tkun tista’ tawditja lid-DIAI (it-Taqsima 29/B (9)). Id-DIAI huwa obbligat bil-liġi li jipprovdi lill-Awtorità tal-Integrità b’talba tagħha b’aċċess sħiħ għal kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess u ta’ interess ġestit mid-Direttorat. Jenħtieġ li d-DIAI jipprovdi wkoll id-dokumenti kollha ġestiti mid-Direttorat li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Awtorità (it-Taqsima 29/B (9b) b)). Id-Direttorat se jippreżenta rapport annwali lill-Awtorità tal-Integrità li jinforma dwar l-attivitajiet tiegħu u b’mod partikolari r-riżultati tal-kontrolli mwettqa, il-miżuri meħuda, l-għadd ta’ rapporti riċevuti u l-każijiet investigati (it-Taqsima 29/B (10)). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Ungerija qablet 46 li l-Awtorità tal-Integrità ma tkunx meħtieġa tagħti prova tal-intenzjoni tad-dikjarant f’każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew mimlija ħażin. Dan ġie kkonfermat fl-emendi adottati bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi fit-22 ta’ Novembru 2022.

(98)Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ liġi li jikkonċerna l-bidla fl-istatus tal-EUTAF, bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi. L-abbozz ta’ liġi ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022. L-EUTAF se jiġi ttrasformat mill-istatus attwali tiegħu bħala organizzazzjoni baġitarja ċentrali li topera taħt l-awtorità tal-Ministru responsabbli għall-finanzi pubbliċi f’organu awtonomu tal-amministrazzjoni tal-istat mill-1 ta’ Jannar 2023 (it-Taqsima 1 (1) u t-Taqsima 35 (1)). L-EUTAF se jkollu intestatura separata fl-istruttura tal-baġit ċentrali. Huwa se jippreżenta l-proposta għall-baġit tiegħu, li l-Gvern għandu jittrażmetti mingħajr tibdil lill-Assemblea Nazzjonali bħala parti mill-proposta leġiżlattiva dwar il-baġit ċentrali u l-implimentazzjoni tiegħu. Il-baġit tiegħu jista’ jiġi mmodifikat biss bil-kunsens tad-Direttorat Ġenerali jekk il-modifika tkun debitament u pubblikament iġġustifikata u ma tipperikolax il-prestazzjoni effettiva u f’waqtha tal-kompiti tad-Direttorat Ġenerali (it-Taqsima 2). Ir-remunerazzjoni tad-Direttur Ġenerali u tad-Deputat Direttur Ġenerali għandha tkun ugwali għal 8.4 darbiet u 7.4 darbiet rispettivament il-qligħ gross medju fix-xahar fl-ekonomija nazzjonali (it-Taqsima 30). Id-Direttur Ġenerali għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji tal-politika ta’ remunerazzjoni tad-Direttorat Ġenerali u l-benefiċċji mhux relatati mal-paga (it-Taqsima 31). L-indipendenza funzjonali u professjonali tal-EUTAF se tinżamm. Il-persunal tal-EUTAF se jkompli ma jfittixx jew ma jaċċettax struzzjonijiet rigward il-ħidma tal-awditjar tiegħu. Il-Kummissjoni tilqa’ l-bidliet ta’ hawn fuq għall-qafas regolatorju li jirregola l-EUTAF, li effettivament jimplimentaw l-impenn ippreżentat mill-Ungerija fl-Ittra ta’ Settembru.

(99)Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni u li t-testi leġiżlattivi rilevanti jissodisfaw l-impenji stabbiliti mill-miżura rimedjali.

VII.Tnaqqis tas-sehem ta’ proċeduri tal-offerti b’offerti waħdiena ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni

(100)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jnaqqas is-sehem ta’ proċeduri tal-offerti ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni u li ngħalqu fis-sena 2022 b’offerti waħdiena ta’ inqas minn 15 %, kif imkejjel bil-metodoloġija tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, sal-31 ta’ Diċembru 2022. Huwa impenja ruħu li jissodisfa din il-mira bla kundizzjonijiet u jżommha bla limitu ta’ żmien. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jieħu miżuri addizzjonali fi żmien erba’ xhur, f’każ li s-sehem ta’ offerti waħdiena jaqbeż il-15 % fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari, biex jiffaċilita t-tnaqqis tal-akkwisti b’offerti waħdiena u jreġġagħhom lura taħt il-limitu ta’ 15 %. F’tali każ, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jinforma lill-Awtorità tal-Integrità u lill-Kummissjoni kif xieraq. 

(101)Il-Pass Ewlieni tal-Implimentazzjoni għal din il-miżura kien il-prestazzjoni tal-ewwel awditu mill-EUTAF dwar il-konformità mal-metodoloġija tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku (u dwar il-forniment ta’ data individwali lill-Kummissjoni u lill-pubbliku, jekk applikabbli) sat-30 ta’ Settembru 2022.

(102)Fis-7 ta’ Ottubru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni r-rapport tal-awditjar dwar l-adegwatezza tal-metodoloġija b’offerti waħdiena maħruġ mill-EUTAF. Wara kummenti mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-EUTAF emenda r-rapport tiegħu u ħareġ rapport tal-awditjar finali rivedut fit-3 ta’ Novembru 2022. L-awditu kkonkluda li l-metodoloġija użata kienet adegwata u f’konformità mal-metodoloġija użata mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, b’eċċezzjoni waħda li għaliha l-EUTAF ifformula rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja s-segwitu tar-rakkomandazzjoni tal-EUTAF bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq.

(103)Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni tal-Implimentazzjoni u rċeviet aċċertament suffiċjenti mir-rapport tal-awditjar tal-EUTAF li l-metodoloġija użata hija f’konformità mal-metodoloġija użata mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, kif meħtieġ mill-miżura rimedjali. Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kisba tal-limitu ta’ 15 % stabbilit f’konformità mal-paragrafu (100) ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura rimedjali bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq. 

VIII.Tnaqqis tas-sehem ta’ proċeduri tal-offerti b’offerti waħdiena ffinanzjati mill-baġit nazzjonali

(104)B’mod simili għall-miżura rimedjali preċedenti (vii.), il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jnaqqas fi tliet stadji s-sehem ta’ proċeduri tal-offerti ffinanzjati mill-baġit nazzjonali u li ngħalqu f’sena kalendarja b’offerti waħdieni ta’ inqas minn 15 %, kif imkejjel bil-metodoloġija tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, sal-31 ta’ Diċembru 2024. Huwa impenja ruħu li jissodisfa din il-mira bla kundizzjonijiet u jżommha bla limitu ta’ żmien. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jipproponi miżuri addizzjonali fi żmien erba’ xhur f’każ li s-sehem ta’ offerti waħdieni jaqbeż il-15 % fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari, biex jiffaċilita t-tnaqqis tal-akkwisti b’offerti waħdiena u jreġġagħhom lura taħt il-limitu ta’ 15 %. F’tali każ, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jinforma lill-Awtorità tal-Integrità u lill-Kummissjoni kif xieraq.

(105)F’konformità mal-Anness tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni ta’ implimentazzjoni għal din il-miżura ta’ rimedju. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura rimedjali bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq.

IX.L-iżvilupp ta’ għodda ta’ rapportar ta’ offerta waħda għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar akkwisti pubbliċi magħluqa b’offerti uniċi

(106)Minbarra l-miżuri ta’ rimedju relatati mat-tnaqqis tal-proċeduri ta’ offerta waħda deskritti hawn fuq (vii. u viii.), il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jiżviluppa għodda ġdida ta’ monitoraġġ u rapportar għall-kejl tas-sehem tal-proċeduri ta’ akkwist li jirriżultaw f’offerti uniċi ffinanzjati minn riżorsi nazzjonali jew minn appoġġ tal-UE jew mit-tnejn li huma sat-30 ta’ Settembru 2022. Huwa daħal għall-impenn li jżommha għal perjodu ta’ żmien illimitat. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jippubblika rapport annwali bil-miktub ibbażat fuq l-informazzjoni miġbura mill-għodda ta’ rapportar ta’ offerta unika, li għandu jitħejja mill-Ministeru responsabbli għall-akkwist pubbliku u li jiġi ppubblikat sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena fis-sit web tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku (Electronic Public Procurement System, EPS).

(107)Il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) l-iżvilupp ta’ għodda ġdida ta’ monitoraġġ u rapportar ibbażata fuq data miksuba mill-EPS sat-30 ta’ Settembru 2022 u (ii) il-konferma mill-EUTAF li l-għodda tkun kompletament funzjonali u operazzjonali sat-30 ta’ Settembru 2022.

(108)Fis-7 ta’ Ottubru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni r-rapport tal-awditjar tal-għodda ta’ monitoraġġ u rapportar dwar akkwisti b’offerta waħda maħruġa mill-EUTAF. Wara kummenti mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-EUTAF ħarġet rapport tal-awditjar finali rivedut fit-3 ta’ Novembru 2022. Ir-rapport jikkostata li l-għodda ta’ rapportar ta’ offerta waħda hija fis-seħħ, operattiva, funzjonali u kapaċi timmonitorja l-proporzjon ta’ proċeduri ta’ akkwist b’offerta waħda. Ir-rapport jikkostata li l-konsistenza mad-data tal-EPS tista’ fil-prinċipju tiġi stabbilita. F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-għodda ta’ rapportar għandha tiġi żviluppata ulterjorment sal-31 ta’ Diċembru 2022 biex tinkludi data dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi. L-ewwel rapport għandu jiġi preżentat sa l-15 ta’ Frar 2023. 

(109)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni rilevanti u li ġiet żviluppata l-għodda ta’ rapportar ta’ offerta waħda. L-operabbiltà u l-funzjonalità tagħha ġew ikkonfermati mir-rapport tal-EUTAF, kif meħtieġ mill-miżura ta’ rimedju rilevanti. Din il-valutazzjoni hija bla ħsara għall-iżviluppi ulterjuri u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport, li fil-prattika se jissostanzja l-miżura ta’ rimedju, li jirrikjedu data ta’ implimentazzjoni itwal f’konformità mal-miżura ta’ rimedju.

X.L-iżvilupp tas-Sistema Elettronika tal-Akkwist Pubbliku (EPS) biex tiżdied it-trasparenza

(110)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li joħloq u jippubblika fis-sit web tal-EPS bażi ta’ data, li jkun fiha informazzjoni dwar l-avviżi kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’forma strutturata, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija u l-ismijiet ta’ kull membru individwali tal-konsorzji u s-sottokuntratturi. Din il-bażi tad-data tiġi aġġornata regolarment (mill-inqas kull tliet xhur) u tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Dan ikollu jkun adattat biex jiġi pproċessat b’mezzi awtomatiċi u b’mod partikolari jippermetti riċerka strutturata u esportazzjoni massiva ta’ data relatata mal-proċeduri ta’ akkwist. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżviluppa l-EPS u jiżgura li l-funzjonijiet żviluppati ġodda jkunu kompletament operattivi sat-30 ta’ Settembru 2022. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jżomm l-EPS u l-funzjonijiet rilevanti mingħajr kundizzjonijiet u għal perijodu ta’ żmien illimitat.

(111)Il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kien li tiġi żgurata l-operabbiltà sħiħa ta’ funzjonijiet żviluppati ġodda li jippermettu t-tfittxija strutturata u l-esportazzjoni ta’ data fl-EPS, f’format li jista’ jiġi pproċessat b’mezzi awtomatiċi, sat-30 ta’ Settembru 2022.

(112)Fis-7 ta’ Ottubru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li l-funzjoni l-ġdida tal-EPS li tippermetti t-tfittxija strutturata u l-esportazzjoni tad-data tal-avviż tal-għoti ta’ kuntratt fl-EPS f’format li jista’ jiġi pproċessat b’mezzi awtomatiċi, tlestiet sat-30 ta’ Settembru 2022 u hija disponibbli għall-pubbliku fuq https://ekr.gov.hu/portal/kozbeszerzes/eredmeny-tajekoztato-hirdetmenyek .

(113) Il-funzjoni l-ġdida tal-EPS tippermetti t-tfittxija strutturata u l-esportazzjoni tal-massa tad-data kollha tal-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt disponibbli fl-EPS (inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni tal-kumpanija) f’format li jista’ jiġi pproċessat b’mezzi awtomatiċi (.csv jew.xlsx). Il-bażi ta’ data fiha data dwar il-membri tal-konsorzji 47 u s-sottokuntratturi, u dawn tal-aħħar bħalissa huma disponibbli biss f’format ta’ test liberu. F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, il-funzjoni se tiġi żviluppata aktar biex tinkludi data strutturata dwar is-sottokuntratturi sat-30 ta’ Novembru 2022. Id-data tiġi aġġornata darbtejn fix-xahar; il-funzjoni l-ġdida hija disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas u mingħajr reġistrazzjoni. Id-data tkun disponibbli minn April 2018 ’il quddiem, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju; id-data minn Jannar 2014 għandha tkun disponibbli sal-31 ta’ Marzu 2023. Barra minn hekk, fil-5 ta’ Novembru 2022, b’talba tal-Kummissjoni, l-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni l-istruzzjoni interna maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-kumpanija li topera u taġġorna l-bażi ta’ data, iċ-ċertifikati ISO tal-kumpanija u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Grupp ta’ Appoġġ għall-Klijenti, li jikkonfermaw il-perjodiċità tal-pubblikazzjoni u l-proċess għar-rettifika tal-informazzjoni. 

(114)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni. Il-funzjoni l-ġdida tal-EPS ġiet żviluppata u tippermetti t-tfittxija b’mod strutturat u l-esportazzjoni bl-ingrossa ta’ data tal-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt fl-EPS, f’format li jista’ jiġi pproċessat b’mezzi awtomatiċi, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju. Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi ulterjuri fir-rigward tal-EPS, li jeħtieġu data ta’ implimentazzjoni itwal f’konformità mal-miżura ta’ rimedju (ara wkoll il-paragrafu(113) hawn fuq).

XI.L-iżvilupp ta’ qafas għall-kejl tal-prestazzjoni li jivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi

(115)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jiżviluppa qafas għall-kejl tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi sat-30 ta’ Settembru 2022. Il-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni għandu jkun operattiv sat-30 ta’ Novembru 2022. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jżomm mingħajr kundizzjonijiet l-użu regolari tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-riżultati tiegħu għal perjodu ta’ żmien illimitat.

(116)Il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kien l-iżvilupp tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni nnifsu, inkluża l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Gvern rilevanti sat-30 ta’ Settembru 2022.

(117)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni.

(118)Fil-5 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta u ppubblika d-Deċiżjoni tal-Gvern 1425/2022 dwar l-iżvilupp ta’ qafas għall-kejl tal-prestazzjoni li jivvaluta l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-akkwisti pubbliċi.

(119)Id-Deċiżjoni tal-Gvern 1425/2022 tistabbilixxi l-obbligu tal-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali rigward il-ġbir tad-data u l-eżami tar-raġunijiet possibbli għal akkwisti pubbliċi b’offerta waħda. Il-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali huwa responsabbli biex jagħżel organizzazzjonijiet mhux governattivi (non-governmental organisations, NGOs) u esperti tal-akkwist pubbliku biex jieħdu sehem fl-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni. Il-proposti u l-opinjonijiet ta’ dawn l-NGOs u l-esperti jridu jitqiesu matul it-twaqqif u t-tħaddim tal-qafas. Skont id-Deċiżjoni tal-Gvern, il-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni se jippermetti b’mod partikolari l-analiżi annwali (i) tal-livell tal-proċessi tal-akkwist pubbliku li ma rnexxewx u r-raġunijiet tagħhom, (ii) is-sehem (l-għadd u l-valur) tal-kuntratti kkanċellati matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, (iii) is-sehem tal-okkorrenza ta’ dewmien fit-tlestija tal-kuntratt, (iv) is-sehem tal-okkorrenza ta’ spejjeż żejda, (v) is-sehem tal-kuntratti ta’ akkwist mogħtija li fihom jitqiesu l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja jew taċ-ċiklu tal-ħajja, (vi) is-sehem tal-parteċipazzjoni b’suċċess tal-intrapriżi mikro u żgħar (madwar u għal kull settur), (vii) il-valur tal-proċeduri b’offerti uniċi ffinanzjati mir-riżorsi nazzjonali u mill-fondi tal-Unjoni separatament u/jew mit-tnejn u kif dak il-valur jitqabbel mal-valur totali tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku ffinanzjati mir-riżorsi nazzjonali u mill-fondi tal-Unjoni separatament u/jew mit-tnejn. F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, il-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni għandu jkun operattiv sat-30 ta’ Novembru 2022. Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, ir-riżultati tal-kejl tal-prestazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. 

(120)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni u ssodisfat l-impenji relatati mal-qafas operazzjonali li fih għandha tiġi stabbilita u implimentata l-miżura ta’ rimedju. Din il-valutazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-istabbiliment attwali tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport, li fil-prattika se jissostanzja l-miżura ta’ rimedju u li jirrikjedi perjodu ta’ implimentazzjoni itwal (ara wkoll il-paragrafu (119) hawn fuq).

(121)Il-Kummissjoni tinnota li s-sejħa għall-applikazzjoni għall-NGOs u l-esperti, li l-abbozz tat-test tagħha ntbagħat lill-Kummissjoni, tħabbret fl-11 ta’ Ottubru 2022 bl-iskadenza tas-26 ta’ Ottubru 2022. Waslu 15-il applikazzjoni, li minnhom tnejn minn organizzazzjonijiet u 13 minn individwi. Għalhekk, filwaqt li tliet postijiet kienu riżervati għall-organizzazzjonijiet, tnejn biss setgħu jimtlew mill-organizzazzjonijiet. Għat-tielet kariga, intgħażel applikant individwali wieħed minn università; madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, dik il-persuna ma tidhirx li wriet esperjenza relatata mal-akkwist pubbliku. B’żieda ma’ dan, intgħażlu erba’ esperti indipendenti.

XII.Adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiżdied il-livell ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku

(122)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jadotta, sal-31 ta’ Marzu 2023, pjan ta’ azzjoni komprensiv bil-għan li jtejjeb il-livell ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku bi skadenzi ċari u ambizzjużi għall-implimentazzjoni ta’ kull waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni. Jenħtieġ li l-pjan ta’ azzjoni jqis, fost affarijiet oħra, l-ewwel riżultati tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni, li għandu jkun operattiv sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(123)F’konformità mal-Anness tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni ta’ implimentazzjoni għal din il-miżura ta’ rimedju. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura rimedjali bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq.

XIII.Taħriġ li jrid jiġi pprovdut għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju dwar il-prattiki tal-akkwist pubbliku

(124)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jipprovdi, sal-31 ta’ Marzu 2024, taħriġ mingħajr ħlas fl-akkwist pubbliku għal mill-inqas 1 000 impriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju (b’enfasi partikolari fuq intrapriżi mikro u żgħar) bl-għan li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkwist pubbliku. Sat-30 ta’ Ġunju 2026, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jipprovdi tali okkażjonijiet ta’ taħriġ għal mill-inqas 1 200 impriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju addizzjonali (għalhekk, total ta’ mill-inqas 2 200 intrapriża). Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jimmonitorja u jevalwa l-effiċjenza u l-valur miżjud tat-taħriġ.

(125)F’konformità mal-Anness tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni ta’ implimentazzjoni għal din il-miżura ta’ rimedju. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura rimedjali bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq.

XIV.Tiġi stabbilita skema ta’ appoġġ għall-kumpens tal-ispejjeż assoċjati mal-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju

(126)Minbarra l-miżura ta’ rimedju preċedenti (xiii.), il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jniedi skema ta’ appoġġ għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fir-rigward tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, sal-31 ta’ Marzu 2023. Din l-iskema jenħtieġ li tipprovdi kumpens ta’ somma f’daqqa, fuq il-bażi ta’ kriterji tal-għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti, għal mill-inqas 1 800 impriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju eliġibbli, b’enfasi fuq l-impriżi mikro u żgħar. Din l-iskema tkun tkopri l-ispejjeż tagħhom assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkwist pubbliku u jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul tagħhom. Jenħtieġ li ssir evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu sat-30 ta’ Settembru 2024 u jenħtieġ li titlesta evalwazzjoni finali sa tmiem il-programm ta’ appoġġ fil-31 ta’ Lulju 2026.

(127)F’konformità mal-Anness tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, ma kien hemm l-ebda Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni ta’ implimentazzjoni għal din il-miżura ta’ rimedju. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura rimedjali bħala parti mir-rapportar mill-Gvern Ungeriż f’konformità mal-paragrafu (17) ta’ hawn fuq.

XV. Applikazzjoni ta’ Arachne

(128)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li japplika proċeduri għall-użu sistematiku u estiż tal-funzjonalitajiet kollha tal-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju Arachne, li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ tal-Unjoni u għall-perjodi kollha ta’ programmazzjoni, biex tipprevjeni u tidentifika b’mod effettiv il-kunflitt ta’ interess, il-frodi, il-korruzzjoni, il-finanzjament doppju u irregolaritajiet oħra. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jżomm mingħajr kundizzjonijiet l-applikazzjoni sħiħa u effettiva tal-għodda Arachne għal perjodu ta’ żmien illimitat. Il-korpi tal-awditjar u tal-kontroll rilevanti kollha għandu jkollhom ukoll aċċess sħiħ għas-settijiet tad-data mtella’ f’Arachne. Il-Kummissjoni tinnota li hija tifhem li dan l-impenn japplika wkoll għas-sistemi suċċessuri potenzjali ta’ Arachne.

(129)Il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kien l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-użu sistematiku u effettiv ta’ Arachne sat-30 ta’ Settembru 2022.

(130)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni.

(131)Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Gvern Ungeriż adotta d-Digriet tal-Gvern 373/2022 u li jemenda d-digriet 374/2022, li daħal fis-seħħ fl-istess jum, b’ċerti eċċezzjonijiet skont il-miżura ta’ rimedju.

(132)Id-Digrieti tal-Gvern emendati jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata t-trażmissjoni tad-data lil Arachne fuq bażi ta’ darbtejn fix-xahar u fl-annessi tagħhom jistabbilixxu l-oqsma tad-data rilevanti li jeħtieġ li jiġu trażmessi 48 . Barra minn hekk, id-Digrieti emendati jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex tiġi żviluppata u rieżaminata regolarment metodoloġija għall-użu ta’ Arachne u r-riżultati tagħha 49 u biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw b’mod konsistenti, sistematiku u estensiv u jqisu l-funzjonijiet kollha ta’ Arachne fit-tħejjija u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE 50 . Id-Digrieti tal-Gvern jiżguraw ukoll aċċess għall-funzjonalitajiet u d-data ta’ Arachne għall-atturi rilevanti, inklużi l-awtoritajiet tal-awditjar rilevanti 51 . L-ewwel pakkett ta’ data ġie trażmess lill-għodda Arachne fit-30 ta’ Settembru 2022. Arachne issa tinkludi data minn kważi 65 000 proġett fl-Ungerija b’aktar minn 41 000 benefiċjarju u kważi 6 000 kuntratt. Aktar data issa mistennija li tittella’ mill-Ungerija sat-30 ta’ Novembru 2022, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-prestazzjoni f’waqtha ta’ kwalunkwe upload tad-data.

(133)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni u d-Digrieti tal-Gvern rilevanti jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-użu sistematiku u effettiv ta’ Arachne, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju.

XVI.Tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-OLAF

(134)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ att dwar l-emenda għall-Att CXXII tal-2010 dwar l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana (Nemzeti Adó- és Vámhivatal), li għandu jiġi adottat sat-30 ta’ Settembru 2022 u għandu jinnomina l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tassisti lill-OLAF fit-twettiq ta’ kontrolli fil-post fl-Ungerija u meta operatur ekonomiku soġġett għal dawk il-verifiki jirrifjuta li jikkoopera. Huwa impenja ruħu wkoll li jippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta’ att dwar l-emenda għall-Att XXIX tal-2004 biex jintroduċi sanzjoni finanzjarja dissważiva li għandha tiġi imposta f’każ li operatur ekonomiku jirrifjuta li jikkoopera mal-OLAF għall-finijiet ta’ kontrolli u spezzjonijiet fil-post.

(135)Il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kien l-adozzjoni taż-żewġ atti msemmija hawn fuq sat-30 ta’ Settembru 2022.

(136)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni.

(137) Fl-4 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att XXIX tal-2022 li jemenda ċerti Atti li jikkonċernaw il-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku li jwettqu dmirijiet pubbliċi, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana u l-kontrolli tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward tal-kontroll tal-użu tal-fondi tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, li ġie ppromulgat fl-10 ta’ Ottubru 2022. Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-OLAF daħlu fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 2022.

(138)F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-Att CXXII tal-2010 ġie emendat biex jaħtar l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana (Nemzeti Adó- és Vámhivatal) bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tassisti lill-OLAF fit-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet fil-post fl-Ungerija u meta operatur ekonomiku soġġett għal dawk il-verifiki jirrifjuta li jikkoopera. L-Att jiddeskrivi wkoll il-proċedura li għandha tiġi segwita. Hija introduċiet ukoll il-possibbiltà tal-preżenza ta’ gwardja finanzjarja b’talba tal-OLAF. L-Att XXIX tal-2004 ġie emendat biex jintroduċi tip dissważiv finanzjarju ta’ sanzjoni li għandha tiġi imposta f’każ li operatur ekonomiku jirrifjuta li jikkoopera mal-OLAF għall-finijiet ta’ kontrolli u spezzjonijiet fil-post.

(139)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni, u li l-emendi introdotti bl-Att imsemmi hawn fuq jissodisfaw l-impenji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju.

XVII.Adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jiżgura trasparenza mtejba tal-infiq pubbliku

(140)Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali att leġiżlattiv li jistabbilixxi obbligu għall-korpi pubbliċi kollha li jippubblikaw b’mod proattiv sett definit minn qabel ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi f’reġistru ċentrali, u li l-att jiġi adottat mill-Assemblea Nazzjonali, sal-31 ta’ Ottubru 2022. Il-Gvern Ungeriż impenja ruħu wkoll li jipprovdi informazzjoni dwar is-subappaltaturi fir-reġistru ċentrali. Barra minn hekk, huwa impenja ruħu li jżomm fis-seħħ bla kundizzjonijiet l-Att imsemmi hawn fuq għal perjodu ta’ żmien illimitat. Huwa impenja ruħu wkoll li jara li dan ikun infurzat, u b’mod partikolari li l-korpi pubbliċi jtellgħu d-data rilevanti kollha b’mod sħiħ u f’waqtu fir-reġistru.

(141)Il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni għal din il-miżura kienu (i) li jintbagħat lill-Kummissjoni l-abbozz avvanzat tal-att leġiżlattiv li jistabbilixxi obbligu għall-korpi pubbliċi kollha li jippubblikaw b’mod proattiv sett definit minn qabel ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi sat-30 ta’ Settembru 2022, u (ii) l-adozzjoni ta’ dan l-att leġiżlattiv sal-31 ta’ Ottubru 2022.

(142)L-Ungerija ħadet il-passi li ġejjin biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni.

(143)Fil-15 ta’ Settembru, il-Gvern Ungeriż bagħat lill-Kummissjoni l-abbozz tat-test tal-Att biex jistabbilixxi obbligu għall-korpi pubbliċi biex jippubblikaw b’mod proattiv sett definit minn qabel ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi għall-konsultazzjoni.

(144)Fit-8 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att XL tal-2022 li jemenda l-Att CXII tal-2011 dwar id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-informazzjoni u dwar il-libertà tal-informazzjoni, li ġie ppromulgat fl-14 ta’ Novembru 2022 u li se jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 2022, b’ċerti eċċezzjonijiet. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Gvern Ungeriż ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali żewġ abbozzi ta’ liġi emendatorji li jikkonċernaw l-Att XL tal-2022 u l-Att CXII tal-2021, bħala parti mill-pakkett ta’ servizzi. Il-biċċa l-kbira tal-emendi mill-Gvern Ungeriż ġew introdotti fil-parti tal-pakkett ta’ servizzi li fuqha saret il-votazzjoni finali fit-22 ta’ Novembru 2022. L-emendi li jikkonċernaw ir-regoli l-ġodda għall-infurzar tal-obbligu li jiġi ppubblikat b’mod proattiv sett definit minn qabel ta’ informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi, inklużi sanzjonijiet (“proċedura amministrattiva għat-trasparenza”), iddaħħlu fil-parti tal-pakkett ta’ servizz b’votazzjoni finali stabbilita għas-6 ta’ Diċembru 2022. Wara l-preżentazzjoni tal-pakkett ta’ servizzi lill-Assemblea Nazzjonali, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni test legali rivedut tal-Att XL li jemenda l-Att CXII tal-2011 dwar id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-informazzjoni u dwar il-libertà tal-informazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2022. Dak it-test legali kien jinsab ukoll fl-Ittra ta’ Novembru. L-att emendatorju rigward il-biċċa l-kbira tal-emendi ġie adottat fit-22 ta’ Novembru 2022 u jirrifletti l-bidliet inklużi fit-test legali li rċeviet il-Kummissjoni. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-emendi rigward il-proċedura amministrattiva għat-trasparenza, skedata għall-votazzjoni fl-Assemblea Nazzjonali għas-6 ta’ Diċembru 2022. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija għalhekk ibbażata fuq it-test legali li wasal fid-19 ta’ Novembru 2022.

(145)L-Att XL tal-2022 jistabbilixxi obbligu għall-organi baġitarji skont l-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi li jippubblikaw, fuq bażi ta’ darbtejn fix-xahar u b’mod li jiżgura d-disponibbiltà għal mill-inqas għaxar snin mill-pubblikazzjoni, data relatata mal-użu ta’ fondi pubbliċi fuq il-pjattaforma tar-Reġistru Ċentrali tal-Informazzjoni tad-Data Pubblika. Dan ir-reġistru ċentrali huwa disponibbli għal kulħadd mingħajr ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jinħolqu kontijiet għall-aċċess għad-data u f’format li jinqara mill-magni, li jippermetti li t-tniżżil bil-massa u d-data jiġu magħżula, imfittxija, estratti u mqabbla. Referenza se tindika jekk akkwist huwiex iffinanzjat, kompletament jew parzjalment, mill-appoġġ tal-Unjoni. Għal akkwisti li ma jaqbżux il-limitu nazzjonali skont l-Att dwar l-Akkwist Pubbliku, l-Ungerija għandha tindika dan għall-akkwisti li jibdew mill-31 ta’ Marzu 2023, f’konformità mal-miżura ta’ rimedju. Il-pjattaforma għandha tiġi stabbilita mill-mantenitur tal-pjattaforma sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022 u tippubblika l-iskeda tad-data meħtieġa għall-pubblikazzjoni fuq il-pjattaforma. L-entitajiet li huma meħtieġa jippubblikaw fuq il-pjattaforma għandhom jippubblikaw id-data fuq il-pjattaforma kontinwament. L-ewwel pubblikazzjoni għandha ssir mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2023, f’konformità wkoll mal-miżura ta’ rimedju. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, se jinħolqu regoli ġodda għall-infurzar tal-obbligu, inklużi s-sanzjonijiet, permezz ta’ proċedura amministrattiva ġdida għat-trasparenza li għandha titwettaq mill-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni biex tinvestiga każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, li tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2023. Fl-14 ta’ Novembru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu wkoll lis-servizzi tal-Kummissjoni l-abbozz tad-Digriet tal-Gvern li jistabbilixxi regoli dettaljati għar-Reġistru Ċentrali tal-Informazzjoni tad-Data Pubblika, li fih l-iskeda tad-data meħtieġa għall-pubblikazzjoni fuq il-pjattaforma.

(146)Il-Kummissjoni tinnota li mhux l-awtoritajiet kontraenti kollha definiti fit-Taqsima 5(1) tal-Att CXLIII tal-2015 dwar l-akkwist pubbliku (PPA) huma soġġetti għall-obbligu li jippubblikaw informazzjoni skont l-Att. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li d-data għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku mwettqa mill-entitajiet imsemmija fit-Taqsima 5(1) tal-PPA, inklużi l-fondazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku, tintwera fis-sistema tal-EPS li tissodisfa r-rekwiżit tat-trasparenza. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-test legali pprovdut mill-Ungerija mhuwiex konformi mal-miżura ta’ rimedju, peress li ma jinkludix data pprovduta mill-korpi pubbliċi kollha fis-sett minimu ta’ data li għandha tittella’ fis-sistema ċentrali inkluż dwar l-awtorità kontraenti jew il-fornituri tas-servizzi, il-fornituri, u l-fornituri tal-kapaċità fis-sett minimu ta’ data li għandu jittella’ fir-reġistru ċentrali. Din id-data minflok għandha tkun disponibbli, skont l-Ungerija, fuq bażi ta’ kuntratt b’kuntratt biss. In-nuqqas ta’ dan l-element jirriskja implimentazzjoni mhux kompluta tal-miżura ta’ rimedju, li tista’ ddgħajjef l-effettività tagħha.

(147)Il-Kummissjoni tikkostata li l-Ungerija ħadet il-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni, minkejja d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Pass Ewlieni ta’ Implimentazzjoni relatat mal-adozzjoni tal-Att u li l-qafas legali dwar it-trasparenza mtejba tal-infiq pubbliku kif stabbilit fl-Att XL tal-2022 u l-Att CXII tal-2021 jissodisfa l-impenji stabbiliti mill-miżura ta’ rimedju, bl-eċċezzjoni tal-elementi msemmija fil-paragrafu (145) hawn fuq. Il-Kummissjoni se tibqa’ żżomm ruħha viġilanti fuq il-kwistjonijiet imfissra fil-paragrafu (146) hawn fuq fil-każ tal-implimentazzjoni fil-futur, u se timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib fuq il-bażi tar-rappurtar kull kwart mill-Ungerija li ssir referenza għaliha fil-paragrafu (17), jew kwalunkwe informazzjoni li tista’ tikseb b’xi mod ieħor.

Konklużjoni

(148)Fil-premessa 38 tal-Proposta tad-DIK, il-Kummissjoni sabet li l-miżuri ta’ rimedju proposti mill-Ungerija fil-prinċipju jkunu kapaċi jindirizzaw il-kostatazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati fin-Notifika, dment li l-miżuri kollha msemmija jkunu ġew implimentati b’mod korrett u effettiv.

(149)Il-premessa 39 żiedet li r-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni għall-miżuri ta’ rimedju għad iridu jiġu ddeterminati, b’mod partikolari kif l-elementi ewlenin tal-miżuri jiġu trasposti fit-testi legali attwali li għandhom jiġu adottati għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju. Dik il-premessa fakkret ukoll li, minħabba li bosta mill-kwistjonijiet identifikati fl-Ungerija mhumiex biss dwar bidliet fil-qafas legali, iżda b’mod aktar prominenti dwar l-implimentazzjoni konkreta tal-bidliet fil-prattika, dan tal-aħħar jirrikjedi perjodu ta’ żmien aktar estiż biex jipproduċi riżultati konkreti, sakemm jiġu implimentati mill-inqas l-elementi ewlenin ta’ wħud mill-miżuri ta’ rimedju f’dak l-istadju, kif indikat fl-iskedi ta’ żmien tal-miżuri ta’ rimedju ppreżentati mill-Gvern Ungeriż fit-22 ta’ Awwissu, baqa’ riskju għall-baġit tal-Unjoni. Sakemm jidħlu fis-seħħ it-testi leġiżlattivi ewlenin li jimplimentaw ħafna mill-miżuri ta’ rimedju u b’kont meħud tal-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, kif ukoll il-possibbiltà li l-miżuri jistgħu ma jiġux implimentati b’mod korrett, jew li l-effettività tagħhom tiddgħajjef fid-dettalji tal-miżuri, l-istima raġonevoli tal-Kummissjoni tal-livell ta’ riskju għall-baġit tal-Unjoni kienet tikkorrispondi għal 65 % tal-programmi kkonċernati, jiġifieri 5 punti perċentwali inqas mir-riskju stmat fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ rimedju.

(150)Il-Kummissjoni tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta’ rimedju fid-dawl tal-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni kif ukoll id-dettalji tal-atti legali proposti jew li daħlu fis-seħħ u proċeduri u miżuri ulterjuri stabbiliti mill-Ungerija biex timplimenta l-miżuri ta’ rimedju, fejn applikabbli, u kif innotifikat mill-Ungerija lill-Kummissjoni sad-19 ta’ Novembru 2022.

(151)Il-Kummissjoni tinnota li l-Ungerija ħadet għadd ta’ passi biex tindirizza l-Passi Ewlenin ta’ Implimentazzjoni (leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi) elenkati fl-Anness tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, u, kif stabbilit f’din il-valutazzjoni, ħafna mill-impenji meħuda mill-Ungerija fil-miżuri ta’ rimedju jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati.

(152)Madankollu, għad hemm dgħufijiet, riskji u nuqqasijiet importanti fil-miżuri ta’ rimedju ewlenin, inkluż fir-rigward tal-aspetti ċentrali ta’ dawk il-miżuri ta’ rimedju, li kif stabbilit hawn fuq, jistgħu jimminaw serjament l-effettività tagħhom.

(153)Il-Kummissjoni identifikat dgħufijiet importanti li fir-rigward tagħhom l-Ungerija ma introduċietx il-bidliet li kienu meħtieġa fit-testi legali rilevanti biex tiżgura li l-miżuri jkunu adegwati skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità. Dawn huma:

(I)il-possibbiltà li l-Awtorità tal-Integrità ma żżommx awtomatikament il-kompetenza tagħha ladarba proġett jiġi rtirat mill-finanzjament tal-Unjoni (ara l-paragrafu (30)hawn fuq);

(II)id-dgħufijiet tas-sistema għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tal-Integrità;

(III)id-dgħufijiet tal-proċedura ta’ tkeċċija għall-membri tal-Awtorità tal-Integrità;

(IV)in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ kompetenza lill-Awtorità tal-Integrità għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-eżekuttivi politiċi għolja (jiġifieri l-Prim Ministru, il-ministri, id-diretturi politiċi tal-Prim Ministru, is-segretarji tal-istat, kif kopert mit-Taqsima 183 tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-Amministrazzjoni tal-Gvern) u n-nuqqas ta’ ċarezza fit-test legali fir-rigward tas-setgħa tal-Awtorità tal-Integrità li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-assi pubbliċi tal-uffiċjali kollha b’riskju għoli (ara l-paragrafu (35)hawn fuq);

(V)il-possibbiltà li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jwarrbu deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni ma jkunux vinkolanti fuq il-prosekutur (il-paragrafu (83)hawn fuq);

(VI)L-inklużjoni ta’ xi pass mhux meħtieġ mill-qorti li fiha jsir il-proċess (“filtering”), fil-kontest tal-proċedura l-ġdida għall-istħarriġ ġudizzjarju tas-servizz ta’ prosekuzzjoni jew tal-awtorità investigattiva biex jitwarrab rapport ta’ kriminalità jew it-terminazzjoni ta’ proċedimenti kriminali (ara l-paragrafu(85) hawn fuq), u n-nuqqas ta’ regoli ċari li jikkonfermaw il-possibbiltà li tiġi applikata l-proċedura l-ġdida anki fil-każ ta’ offiżi kriminali (mhux preskritti) li twettqu fl-1 ta’ Jannar 2023 (ara l-paragrafu (86)hawn fuq);

(VII)in-nuqqas ta’ obbligu għall-awtoritajiet kontraenti kollha li jippubblikaw informazzjoni fin-nuqqas ta’ data dwar il-“korp responsabbli” għan-nefqa pubblika, l-awtorità kontraenti jew il-fornituri tas-servizzi, il-fornituri, u l-fornituri tal-kapaċità fis-sett minimu ta’ data li għandu jittella’ fir-reġistru ċentrali (ara l-paragrafu (146)hawn fuq).

(154)Barra minn hekk, għad hemm riskji importanti fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet oħra, jiġifieri:

(I)in-nuqqas ta’ ċarezza u ċertezza legali relatati mal-obbligi ta’ divulgazzjoni għal proprjetà immobbli inkluż barra mill-ġurisdizzjoni tal-Ungerija (ara l-paragrafu (57) hawn fuq);

(II)in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni personali, materjali u temporali tad-dikjarazzjoni tal-assi, tal-introjtu u tal-interessi ekonomiċi ta’ ċerti eżekuttivi, uffiċjali u Membri tal-Assemblea Nazzjonali, u għall-konjuġi jew il-koabitanti u t-tifel (tfal) tagħhom li jgħixu fl-istess unità domestika (ara l-paragrafu (57)hawn fuq);

(III)il-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni elettronika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Assemblea Nazzjonali u tal-persuni fdati b’funzjonijiet politiċi għolja f’bażi tad-data li tista’ titfittex pubblikament (li l-aċċess tagħhom irid ikun mingħajr ħlas u mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni) (ara l-paragrafu (59)hawn fuq);

(IV)in-nuqqas ta’ impenn ċar għal rieżami dwar il-funzjonament tal-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-prosekutur sal-31 ta’ Diċembru 2023, u, jekk meħtieġ, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ emendi għall-qafas leġiżlattiv wara konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024 (ara l-paragrafu (81)hawn fuq);

(V)dispożizzjonijiet dwar “proċedura amministrattiva għat-trasparenza”, li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw l-infurzar tar-rekwiżiti ta’ trasparenza u korrettezza tad-data li għandha tiġi ppubblikata skont il-miżura ta’ rimedju dwar it-trasparenza msaħħa tal-infiq pubbliku, u l-adozzjoni tagħhom fis-6 ta’ Diċembru 2022, għad-dħul fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2023 (ara l-paragrafu (144)hawn fuq);

(VI)il-faċilitazzjoni ulterjuri, wara l-valutazzjoni ta’ Settembru mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ rimedju proposta, tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-ogħla livell fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ interess pubbliku li l-għan tagħhom huwa li jiżborżaw ammonti kbar ta’ fondi pubbliċi.

(155)Fil-qosor, il-valutazzjoni ġenerali ppreżentata hawn fuq ma tippermettix lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ rimedju nnotifikati mill-Ungerija, meqjusa globalment, kif adottati u fid-dawl tad-dettalji tagħhom, u l-inċertezza li tirriżulta dwar l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika, itemmu l-ksur rilevanti tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u/jew l-impatti jew ir-riskji għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa aggravat mit-tħassib dwar il-prattiki amministrattivi fl-Ungerija. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament jibqgħu.

(156)Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq u r-riskju kontinwu għall-baġit, minkejja l-passi li ttieħdu mill-Ungerija, u minħabba n-natura strutturali u orizzontali tal-miżuri ta’ rimedju li għad iridu jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni żżomm il-proposta tagħha għal miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tistieden lill-Kunsill jipproċedi fuq din il-bażi.

(1)

     COM(2022) 485 final, 2022/0295 (NLE).

(2)

     ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 1.

(3)

     Il-Kummissjoni tikkonferma li rċeviet l-ittra tal-Ministru għall-Ġustizzja Varga mibgħuta lill-Kummissarju Hahn fis-26 ta’ Novembru 2022. Il-kontenut tal-ittra ma jikkonċernax din il-valutazzjoni.

(4)

     Il-Kummissjoni tinnota li kien hemm xi diskrepanzi fin-numerazzjoni u fil-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità kif jidher fl-Abbozz ta’ Liġi T/2033 u fl-Abbozz tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità ppreżentat lis-servizzi tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2022. Madankollu, dawn id-diskrepanzi ma jikkonċernawx kwistjonijiet sostantivi.

(5)

     L-opinjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, pereżempju, indikat tħassib relatat ma’ sett limitat ta’ dispożizzjonijiet għall-proċessi ta’ awditjar estern, l-arranġamenti ta’ rappurtar u l-obbligu ta’ rendikont, inkluż li r-rapport annwali dwar l-integrità analitika jiġi ppreżentat lill-Assemblea Nazzjonali għall-informazzjoni biss. L-Ungerija wieġbet li din is-soluzzjoni ntgħażlet b’mod konxju, sabiex jiġi ggarantit li l-Awtorità tal-Integrità tkun kompletament indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

(6)

     Lil hinn mill-konsultazzjonijiet uffiċjali, il-Kummissjoni tinnota wkoll xi valutazzjonijiet kritiċi esterni speċjalizzati dwar it-tfassil tal-awtorità tal-integrità, pereżempju mill-Kumitat Ungeriż ta’ Ħelsinki, K-Monitor u Transparency International Hungary https://transparency.hu/en/news/the-eu-comm-should-to-stop-systemic-corruption-in-hungary-joint-analysis-by-ngos/.

(7)

     Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, ir-riżultat u informazzjoni rilevanti oħra huma ppubblikati fis-sit web tal-EUTAF, fuq https://eutaf.kormany.hu/alkalmassagi-bizottsag .

(8)

     Wara li kien hemm riżenja, fil-21 ta’ Ottubru 2022 id-Direttur Ġenerali tal-EUTAF biddel wieħed mit-tliet membri tal-Kumitat tal-Eliġibbiltà b’persuna maħtura oħra.

(9)

     Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni, l-istess bħal dawk għall-Kumitat tal-Eliġibbiltà, jeżiġu li l-kandidati ma jkollhomx ċerti karigi jew mandati politiċi, li ma jkunux membri ta’ partit politiku jew fondazzjoni ta’ partit jew li jkunu impjegati tagħhom u, barra minn hekk, li ma jkollhom l-ebda rabta ta’ ġestjoni jew ta’ sjieda ma’ kumpanija. Is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess u l-kandidati eliġibbli wara l-iskrinjar tal-Kumitat tal-Eliġibbiltà huma ppubblikati fis-sit web tal-EUTAF, fuq https://eutaf.kormany.hu/integritas-hatosag-igazgatosag .

(10)

     Ara https://www.aszhirportal.hu/hirek/az-allami-szamvevoszek-elnokenek-kozlemenye .

(11)

     Ara https://www-aszhirportal-hu.translate.goog/hu/sajtokozlemenyek/az-allami-szamvevoszek-elnokenek-kozlemenye-2022-11-03-20-39-00?_x_tr_sl=auto&_x_tr_tl=en&_x_tr_hl=en-US&_x_tr_pto=wapp . F’konformità mal-miżura ta’ rimedju, l-applikanti eliġibbli kienu aktar mid-doppju tal-karigi fil-bord (ħames applikanti għall-pożizzjoni ta’ President u 13-il applikant għall-pożizzjoni ta’ Viċi President).

(12)

     Dr Kálmán Dabóczi, innominat mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat u maħtur bħala Viċi President, kellu punteġġ ta’ 102 punti, filwaqt li kandidati oħra kienu kisbu aktar punti. Ara https://www.aszhirportal.hu/hu/sajtokozlemenyek/az-allami-szamvevoszek-elnokenek-kozlemenye-2022-11-03-20-39-00 . L-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat spjega lis-servizzi tal-Kummissjoni li l-kandidati ġew ikklassifikati fuq il-bażi tal-punti li kisbu u li, barra minn hekk, f’każ ta’ punti indaqs, l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat ikkunsidra l-ħiliet ta’ tmexxija tal-kandidati u jekk il-Kumitat tal-Eliġibbiltà kienx irrakkomandahom għan-nomina. Il-persuna nominata għall-kariga ta’ President tal-Awtorità tal-Integrità ngħatat l-opportunità li tintervista lill-kandidati bl-ogħla punteġġi rakkomandati mill-Kumitat tal-Eliġibbiltà għan-nomina.

(13)

     In-numerazzjoni tal-Kapitoli, is-Sottotitoli u t-Taqsimiet tirreferi għall-verżjoni konsolidata tal-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità li l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw lis-servizzi tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2022.

(14)

     Fl-ambitu tal-miżura ta’ rimedju (vi.) dwar it-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-awditjar u tal-kontroll biex jiġi ggarantit l-użu tajjeb tal-appoġġ tal-UE, il-Gvern Ungeriż impenja ruħu li jobbliga lid-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Integrità (Directorate of Internal Audit and Integrity, DIAI) li għadu kif inħoloq biex jagħti lill-Awtorità tal-Integrità, b'talba, aċċess sħiħ għad-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess jew għall-fajls tad-DIAI mingħajr dewmien. Dan l-impenn ġie implimentat f’att legali (ara l-valutazzjoni fit-Taqsima vi. hawn taħt).

(15)

     L-introduzzjoni ta’ proċedura speċifika fil-każ ta’ reati speċjali relatati mat-tħaddim ta’ awtorità pubblika jew il-ġestjoni ta’ proprjetà pubblika

(16)

     Il-limiti ta’ żmien biex il-PPAB jieħu deċiżjoni huma stabbiliti mit-Taqsima 164 tal-Att CXLIII tal-2015 dwar l-Akkwist Pubbliku, kif ġej: (1) meta ma ssir l-ebda seduta ta’ smigħ fil-każ, il-PPAB għandu jkun meħtieġ itemm il-każ fi żmien 15-il jum mit-tnedija tal-proċediment, ħlief għall-każ speċifikat fil-paragrafu 2.

   (2) jekk il-PPAB ikun organizza seduta ta’ smigħ fil-każ, għandu jkun meħtieġ itemm il-każ fi żmien 25 jum mit-tnedija tal-proċediment, ħlief għall-każ speċifikat fil-paragrafu 3.

   (3) Il-PPAB għandu jikkonkludi l-każ li jikkonċerna emenda jew prestazzjoni li tikser dan l-Att tal-kuntratt konkluż abbażi tal-proċedura ta’ akkwist u li tikkonċerna l-bypass tal-proċedura tal-akkwist fi żmien 60 jum mit-tnedija tal-proċedura.

   (5) Il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 jista’ jiġi estiż sa għaxart (10) ijiem f’okkażjoni waħda, f’każijiet ġustifikati. Il-partijiet għandhom jiġu nnotifikati.

   (7) Il-limitu ta’ żmien għall-arranġament tal-paragrafi 1-3 għandu jibda mill-jum li fih id-dokumenti kollha kienu disponibbli (jekk intalbu).

(17)

     Eż. President u Viċi President tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ungeriża, membru tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, President u Viċi President tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat, President, Viċi President u membru tal-Kunsill taħt l-Awtorità tal-Akkwist Pubbliku, persuna fdata b’funzjoni politika għolja li ma għandhiex mandat bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali (jiġifieri Prim Ministru, ministri, id-diretturi politiċi tal-Prim Ministru, segretarji tal-istat).

(18)

     Eż. President tar-Repubblika, membri tal-Assemblea Nazzjonali, imħallfin.

(19)

     Ara n-nota 50 f’qiegħ il-paġna fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.

(20)

     Minkejja d-dispożizzjonijiet deskritti fil-paragrafu (34)hawn fuq u l-kummenti tas-servizzi tal-Kummissjoni deskritti f’dan il-paragrafu, fi tweġiba bil-miktub tad-19 ta’ Novembru 2022 lill-Kummissjoni rigward il-kummenti dwar il-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi mill-Awtorità tal-Integrità, il-Gvern Ungeriż ikkonferma fil-livell tas-Segretarju tal-Istat li ‘l-Awtorità se jkollha s-setgħa li tivverifika direttament id-dikjarazzjonijiet tal-assi sottomessi mill-persuni elenkati fit-Taqsima 5 (6)’.

(21)

     B’mod partikolari, is-Servizz Protettiv Nazzjonali li għandu l-mandat li jħejji l-Istrateġija tal-gvern kontra l-korruzzjoni u jippreżentaha lill-Ministeru tal-Intern u huwa responsabbli wkoll għall-armonizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-integrità tal-organizzazzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika.

(22)

   F’dan ir-rigward, l-Ittra ta’ Settembru ssemmi proprjetajiet immobiljari; proprjetajiet oħra ta’ valur (vetturi, bastimenti, antikitajiet ta’ valur u xogħol tal-arti, eċċ.); tfaddil f’depożiti bankarji u fi flus kontanti; assi fi stokks, titoli u fondi ta’ ekwità privata; poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja; it-trusts, u s-sjieda benefiċjarja tal-intrapriżi.

(23)

     Skont it-Taqsimiet 183 u 184 tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-amministrazzjoni tal-gvern.

(24)

   F’dan ir-rigward, l-emendi rilevanti ġew introdotti fl-Att LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki tas-suq inġusti u restrittivi, l-Att CLXXXV tal-2010 dwar is-servizzi tal-media u l-komunikazzjoni tal-massa, l-Att LXVI tal-2011 dwar l-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat, l-Att CX tal-2011 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-President tar-Repubblika, l-Att CXI tal-2011 dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, l-Att CXII tal-2011 dwar id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-informazzjoni u dwar il-libertà tal-informazzjoni, l-att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, l-Att CLXIV tal-2011 dwar l-istatus legali tal-Prosekutur Ġenerali, il-prosekuturi u impjegati oħra tas-servizz tal-prosekuzzjoni u l-karriera tal-prosekutur, l-Att CXCIV tal-2011 dwar l-istabbiltà ekonomika tal-Ungerija, l-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, l-Att XXXVI tal-2013 dwar il-proċedura tal-elezzjoni, l-Att CXXXIX tal-2013 dwar il-Bank Nazzjonali Ungeriż, l-Att CCXLI tal-2013 dwar il-Kumitat tat-Tifkira Nazzjonali, l-Att CXLIII tal-2015 dwar l-akkwist pubbliku, u l-Att CXXV tal-2018 dwar l-amministrazzjoni tal-gvern.

(25)

     Dan huwa wkoll konformi mad-dispożizzjonijiet fl-Att dwar l-Awtorità tal-Integrità, li jistipula li l-Awtorità tista’ tidħol fi ftehimiet ma’ entitajiet barranin biex tikseb informazzjoni għall-kompiti ta’ verifika tagħha.

(26)

   Ara l-atti taħt in-noti f’qiegħ il-paġna 23.

(27)

     Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(28)

     ĠU C 121, 9.4.2021, p. 1.

(29)

      L-Att CLXXXIX tal-2011 dwar il-Gvernijiet Lokali fl-Ungerija (it-Taqsimiet 6 u 7), l-Att CXCIX tal-2011 dwar l-Uffiċjali Pubbliċi (it-Taqsimiet 9 u 10), l-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali (it-Taqsima 12), l-Att CXXV tal-2018 dwar l-amministrazzjoni tal-gvern (it-Taqsimiet 15, 16 u 17), l-Att CVII tal-2019 dwar korpi bi status legali speċjali u l-istatus tal-impjegati tagħhom (it-Taqsimiet 18 u 19).

(30)

     It-Taqsima 182 (3a) tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-Amministrazzjoni tal-Gvern.

(31)

     It-Taqsima 182 (1) tal-Att CXXV tal-2018 dwar l-Amministrazzjoni tal-Gvern.

(32)

     Eżekuttivi politiċi għolja mhumiex membri ex officio iżda jkunu fuq il-bordijiet ta’ trustees fil-kapaċità personali tagħhom; filwaqt li fondazzjonijiet għall-amministrazzjoni ta’ assi ta’ interess pubbliku huma entitajiet privati mingħajr ebda kontroll mill-istat.

(33)

     Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.

(34)

     Is-servizzi tal-Kummissjoni kkummentaw dwar l-Att rivedut dwar l-Istħarriġ Ġudizzjarju fis-16 ta’ Novembru 2022, qabel ma rċevew mill-Ungerija l-informazzjoni u l-atti tal-pakkett ta’ servizzi.

(35)

Id-Deċiżjoni I/2252/2022, jinsab bl-Ingliż fuq  https://hunconcourt.hu/uploads/sites/3/2022/11/sz_i_2252_2022_eng_final.pdf .

(36)

     Madankollu, l-Awtorità tal-Integrità tista’ tirrapporta informazzjoni li hija rilevanti biex jinbdew investigazzjonijiet rigward reati kriminali lis-servizz tal-prosekuzzjoni.

(37)

     Fil-premessa (95) tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li l-abbozz ta’ liġi jkun jirrikjedi wkoll b’mod partikolari li l-qorti tal-prim’istanza ma tiddeċidix dwar il-merti tal-att ta’ akkuża mingħajr ma tkun ikkunsidrat l-evidenza.

(38)

     Is-servizz tal-prosekuzzjoni jew l-awtorità investigattiva għandhom jeżaminaw, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol wara li jirċievu r-rapport dwar reat, jekk għandhiex tiġi ordnata investigazzjoni fil-każ, jekk ir-rapport dwar reat għandux jiġi ssupplimentat jew imwaqqa’, jew jekk għandux jiġi ttrasferit il-każ.

(39)

     Ara l-Kapitolu VI dwar il-Kunflitt ta’ Interess tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, il-Kapitolu IV dwar ir-Regoli rigward l-operat tas-sistema istituzzjonali tal-politika għall-iżvilupp, inkluż dwar il-kunflitt ta’ interess, tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u s-subkapitolu 15 dwar il-kunflitt ta’ interess tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(40)

     Ara t-Taqsima 39 (6) tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 52/A (1) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 34 (1) tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(41)

     Ara t-Taqsima 39 (8) tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 52/A (6) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 34 (6) tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(42)

     Ara t-Taqsima 39 (7) tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 52/A (2) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 34 (2) tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(43)

     Ara t-Taqsima 8 (3) 13. tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 7 (1) m) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 5 21 tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(44)

     Ara t-Taqsima 22 (1) 22. tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 19 (2) c) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 9 (1) i) tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(45)

     Ara t-Taqsima 10(2)9. u l-Anness 7 tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 13(1)h) u l-Anness 4 tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 5 23. u l-Anness 2 tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(46)

     Permezz tal-email tat-18 ta’ Novembru 2022.

(47)

     B’talba tal-Kummissjoni, fid-29 ta’ Ottubru 2022, l-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew kjarifika ulterjuri dwar l-ipproċessar permezz ta’ metodi mekkaniċi ta’ data rilevanti għad-data li tista’ titniżżel mill-EPS meta konsorzju jirbaħ akkwist pubbliku.

(48)

     Ara t-Taqsima 10(2)9. u l-Anness 7 tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 13(1)h) u l-Anness 4 tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 5 23. u l-Anness 2 tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(49)

     Ara t-Taqsima 10(2)3. tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 13(1)c) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 5 22. tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(50)

     Ara t-Taqsima 20 (1) 22. (e) tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 19(2)c) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 9(1)i) tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.

(51)

     Ara t-Taqsima 10(2)10. tad-Digriet tal-Gvern 272/2014, it-Taqsima 13(1)i) tad-Digriet tal-Gvern 256/2021 u t-Taqsima 5 24. tad-Digriet tal-Gvern 373/2022.