Brussell, 23.3.2022

COM(2022) 133 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel


1.Introduzzjoni

L-invażjoni Russa mhux ipprovokata tal-Ukrajna kompliet tiddestabbilizza s-swieq agrikoli diġà fraġli. Il-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima qed ipoġġu pressjoni fuq l-agrikoltura madwar id-dinja kollha. L-aħħar rapport tal-IPCC jispeċifika kif it-theddid għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni bħala kawża tan-nixfiet, l-għargħar u l-mewġ ta’ sħana kif ukoll iż-żieda fil-livell tal-baħar diġà qed jimmaterjalizza u huwa mistenni li jikber minħabba t-tisħin globali, li jaffettwa b’mod partikolari r-reġjuni vulnerabbli 1 .

Qabel l-invażjoni, is-swieq tal-komoditajiet diġà kienu qed jaraw żieda sinifikanti fil-prezzijiet, li s-swieq agrikoli ħassew permezz taż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti, u ż-żieda konsegwenti fil-prezzijiet tal-azjendi agrikoli. Il-prezzijiet tal-ikel tal-UE żdiedu b’5,6 % meta mqabbla ma’ Frar li għadda.

Il-provvista tal-ikel mhijiex fil-periklu fl-UE llum. L-UE hija fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għall-prodotti agrikoli ewlenin, peress li hija esportatur ewlieni tal-qamħ u tax-xgħir u fil-biċċa l-kbira tista’ tkopri l-konsum tagħha għal għelejjel bażiċi oħra bħall-qamħirrum jew iz-zokkor. L-UE hija fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti wkoll għall-prodotti tal-annimali, inkluż il-ħalib u l-laħam, bl-eċċezzjoni notevoli tal-frott tal-baħar.

Madankollu, l-invażjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ splużjoni globali fil-prezzijiet tal-komoditajiet qed jgħollu l-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli u tal-frott tal-baħar u qed jesponu l-vulnerabbiltajiet tas-sistema tal-ikel tagħna: id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet, pereżempju, tal-enerġija, il-fertilizzant u l-għalf tal-annimali. Dan iżid il-kostijiet għall-produtturi u jaffettwa l-prezz tal-ikel, filwaqt li jqajjem tħassib fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi, u l-introjtu tal-produtturi.

It-tfixkil fil-kummerċ ukoll iqajjem tħassib serju dwar is-sigurtà globali tal-ikel li jirriżulta mill-impatt fuq terminu qasir tal-gwerra u l-inċertezzi fuq terminu itwal relatati magħha. Fl-ibliet assedjati tal-Ukrajna, qed jiġi esperjenzat nuqqas ta’ ikel drammatiku. Il-flussi kummerċjali importanti taċ-ċereali u ż-żrieragħ taż-żejt mill-Baħar l-Iswed prattikament waqfu.

Il-gwerra fl-Ukrajna biddlet l-aspettattivi tas-suq b’mod drammatiku, filwaqt li affettwat il-prezzijiet tal-komoditajiet kollha, inkluż għall-prodotti agroalimentari primarji. It-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel huwa prinċipalment ikkonċentrat fis-suq globali tal-qamħ. Il-prezzijiet fis-swieq futuri tal-qamħ żdiedu b’70 % mill-invażjoni ’l hawn. L-output globali tal-qamħ qiegħed f’riskju kemm minħabba x-xokk fil-provvista li jirriżulta mid-daqs tas-sehem tal-Ukrajna u tar-Russja fis-swieq tal-qamħ kif ukoll mix-xokk fil-kostijiet tal-produzzjoni, speċjalment fil-gass naturali, il-fertilizzant tan-nitroġenu u l-ossiġenu. Se jkun meħtieġ li jiġu sostitwiti sa 25 miljun tunnellata sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ikel fuq livell dinji f’dan l-istaġun u f’dak li jmiss 2 .

Issa, aktar minn qatt qabel, wasal iż-żmien li nuru solidarjetà. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-istedina tal-Kunsill Ewropew fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, biex tippreżenta l-alternattivi biex jiġu indirizzati l-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew u l-kwistjoni tas-sigurtà globali tal-ikel. Hija bbażata fuq valutazzjoni tas-sitwazzjoni (l-Anness 1) u tibni fuq il-viżjoni tagħha għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tagħha. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-miżuri fuq terminu qasir biex jiġu appoġġati s-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura fl-Ukrajna, is-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll il-produtturi u l-konsumaturi fl-UE. Din tappella wkoll biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet żvelati mill-kriżi li qed tiżviluppa b’modi li jsaħħu t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, reżiljenti u ġusti fl-UE u globalment.

2.Sigurtà globali tal-ikel

Hemm ir-riskju li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna se jkollha konsegwenzi serji fuq is-sigurtà globali tal-ikel, kemm fl-Ukrajna iżda kif ukoll f’ħafna pajjiżi b’nuqqas ta’ ikel fl-Afrika (inkluż l-Afrika sub-Saħarjana), fil-Lvant Nofsani, u fil-Balkani tal-Punent. Flimkien maż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, dan aktarx iżid il-faqar u l-instabbiltà f’dawn il-pajjiżi.

Is-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna mifnija mill-gwerra hija ta’ tħassib kbir, partikolarment peress li jidher li r-Russja qiegħda deliberatament timmira lejn il-ħażniet u l-postijiet tal-ħżin tal-ikel u teqridhom. L-Appell tan-NU jistma li se jiġu affettwati sa 18-il miljun persuna fl-Ukrajna, inkluż sa 6.7 miljun persuna li se jiġu spostati internament għall-ewwel darba. In-nuqqas ta’ ikel fl-ibliet flimkien ma’ miljuni ta’ refuġjati u persuni spostati jappellaw għal għajnuna alimentari urġenti fl-Ukrajna. L-atturi umanitarji, bħall-Programm Dinji tal-Ikel, qed jipprovdu l-assistenza għall-ikel u jżidu l-operazzjonijiet. L-UE qed timmobilizza l-għajnuna kemm permezz tal-protezzjoni ċivili kif ukoll permezz tal-mekkaniżmi umanitarji tagħha. L-għajnuna umanitarja tal-UE, li diġà hija operattiva, tammonta għal EUR 93 miljun għall-Ukrajna u għall-Moldova, u tinkludi l-assistenza għall-ikel u l-appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi.

Il-ħsad tal-2022 fl-Ukrajna, magħrufa bħala l-matmura tal-qamħ tal-Ewropa, se jiġi affettwat b’mod sostanzjali mill-gwerra u mit-taqlib ġenerali. Il-bdiewa Ukreni jeħtieġu ż-żrieragħ, id-diżil, il-fertilizzanti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biex jiżguraw il-produzzjoni. Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-Ukrajna biex tiżviluppa u timplimenta strateġija għas-sigurtà tal-ikel fuq terminu qasir u medju biex jiġi żgurat li fejn possibbli, l-inputs jaslu fl-azjendi agrikoli u li l-faċilitajiet tat-trasport u tal-ħżin jinżammu sabiex l-Ukrajna tkun tista’ titma’ liċ-ċittadini tagħha u eventwalment terġa’ tikseb is-swieq tal-esportazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni taħdem mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) fuq il-post fil-Punent tal-Ukrajna biex tappoġġa l-azjendi agrikoli żgħar u tiżgura l-produzzjoni agrikola. Barra minn hekk, fuq talba tal-awtoritajiet agrikoli Ukreni, il-Kummissjoni se tiżgura li l-aċċess għas-swieq tal-UE jiġi ppreservat u ffaċilitat b’mod flessibbli kemm għall-importazzjonijiet lejn is-swieq Ukreni kif ukoll għall-esportazzjonijiet minnhom. Il-gvern Ukren qed jippjana li jiffinanzja l-imgħax tas-self għall-bdiewa fil-qafas ta’ programm b’valur ta’ 25 biljun hryvnias (EUR 760 miljun) bħala parti minn sensiela ta’ miżuri ġodda biex jittaffa x-xokk ekonomiku tal-gwerra. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-UE qed jipprovdu l-assistenza u l-appoġġ lill-bdiewa Ukreni.

Il-gwerra taffettwa direttament il-provvisti globali tal-ikel (b’mod partikolari il-qamħ, il-qamħirrum, ix-xgħir u ż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol), kif ukoll il-prezzijiet tal-fertilizzant u dawk tal-enerġija. Iż-żidiet attwali fil-prezzijiet jiżdiedu ma’ sitwazzjoni soċjoekonomika diġà diffiċli, minħabba l-COVID-19, in-nixfiet u kunflitti oħra. F’Settembru 2021, aktar minn 161 miljun persuna fi 42 pajjiż kienu diġà qed jesperjenzaw insigurtà tal-ikel akuta. Kważi persuna minn kull tlieta fid-dinja ma għandhiex aċċess għal ikel adegwat u għal madwar 3 biljun persuna, il-kostijiet ta’ dieta tajba għas-saħħa ma kinux affordabbli. Hemm riskju li dawn in-numri jkomplu jogħlew u b’hekk ma jintlaħqux l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030. Skont l-analiżi inizjali tal-FAO, in-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ nutrizzjoni globalment huwa mbassar li jiżdied b’7.6 miljun persuna (f’xenarju ta’ xokk moderat) sa 13.1-il miljun persuna (f’xenarju ta’ xokk qawwi).

Għal ħafna pajjiżi b’introjtu baxx u saħansitra għall-pajjiż b’introjtu medju inferjuri, dawn iċ-ċirkostanzi jimplikaw żieda fil-kont tal-importazzjoni (tal-ikel), fi żmien fejn id-dejn żdied u r-rati tal-kambju qegħdin taħt stress. Il-pajjiżi li jimportaw parti kbira mill-ikel tagħhom mir-Russja u mill-Ukrajna, b’mod partikolari l-qamħ, li huwa komodità bażika importanti (eż. fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fil-Balkani tal-Punent) huma milquta ħafna u jistgħu jaraw żieda fit-tensjonijiet li jwasslu għall-inkwiet soċjali, ir-radikalizzazzjoni u l-instabbiltà. Il-pajjiżi li jiddependu fuq l-importazzjoni tal-fertilizzanti għal parti sinifikanti mill-produzzjoni agrikola tagħhom, li wħud minnhom jiddependu wkoll fuq l-importazzjoni tal-qamħ, se jiffaċċjaw żieda fil-kostijiet, li tista’ ma tibqax sostenibbli f’ċirku vizzjuż, li jhedded il-produzzjoni tal-ikel għall-ħsad li jmiss.

Aktarx jiżdiedu l-ħtiġijiet u l-kostijiet umanitarji u b’hekk titpoġġa pressjoni addizzjonali fuq l-għajnuna umanitarja. Pereżempju, il-Programm Dinji tal-Ikel jistma li l-kostijiet operazzjonali tiegħu se jiżdiedu b’EUR 26.1 miljun fix-xahar meta mqabbla mal-livelli attwali, permezz tal-effett ikkombinat taż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil. Meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, dawn il-kostijiet addizzjonali huma ta’ EUR 63.8 miljun fix-xahar.

L-UE, bħala attur umanitarju u tal-iżvilupp ewlieni fis-sigurtà nutrizzjonali u tal-ikel, tipprovdi appoġġ finanzjarju u politiku sostanzjali. Mill-2015, l-UE nefqet minimu ta’ EUR 350 miljun fuq l-assistenza umanitarja tal-ikel fis-sena. Barra minn hekk, fil-perjodu 2014-2020, l-UE impenjat aktar minn EUR 10 biljun fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex ittejjeb is-sigurtà tal-ikel għal dawk l-aktar foqra u vulnerabbli, tgħin biex jinqered il-ġuħ, u tindirizza aħjar il-forom kollha ta’ malnutrizzjoni. Għall-perjodu 2021 – 2024, l-UE qed twiegħed mill-inqas EUR 2.5 biljuni (EUR 1.4 biljun għall-iżvilupp u EUR 1.1 biljun għall-għajnuna umanitarja) għall-kooperazzjoni internazzjonali bl-objettiv tan-nutrizzjoni. Fil-programm ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-2021-2027, l-UE se tappoġġa s-sistemi tal-ikel f’madwar 70 pajjiż sieħeb.

Il-qabża asimmetrika fil-prezzijiet futuri mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna ’l hawn turi li t-tħassib dwar is-sigurtà globali tal-ikel huwa kkonċentrat l-aktar fis-suq tal-qamħ. Mill-perspettiva ġeostrateġika huwa fundamentali li l-UE tikkontribwixxi biex tkopri d-diskrepanza fil-produzzjoni biex tindirizza n-nuqqas globali mistenni fil-qamħ. L-UE mhijiex biss esportatur ewlieni nett tal-qamħ, iżda dak bl-ogħla rendimenti globalment 3 . Mis-sajf li għadda, l-UE esportat 19-il miljun tunnellata ta’ qamħ, bi 13-il miljun tunnellata addizzjonali mistennija sa tmiem Ġunju. Din iċ-ċifra tista’ tiżdied bi ftit b’reazzjoni għall-prezzijiet għoljin li jħeġġu l-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-prospetti għall-ħsad tal-qamħ tax-xitwa tal-2022 tal-UE huma tajbin, peress li ż-żoni żdiedu b’1 % meta mqabbla mas-sena l-oħra u l-għelejjel ma sofrewx minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp matul ix-xitwa fl-Istati Membri produtturi ewlenin.

Fuq terminu qasir, il-Kummissjoni ssegwi u tanalizza l-prezzijiet tal-ikel u tal-insigurtà tal-ikel b’mod regolari, biex tkun konsistenti ma’ atturi globali oħra inkluż il-livelli tal-ħażniet fil-livell reġjonali u tal-pajjiżi abbażi tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS), fejn possibbli. Din timmonitorja l-ħtiġijiet għal dawk il-komoditajiet fejn il-livelli globali tal-ħażniet ikunu baxxi sabiex tipprovdi s-sinjali t-tajba tas-suq biex tingħata spinta lill-produzzjoni bl-użu ta’ prattiki sostenibbli. Għandha tiżdied l-assistenza umanitarja li tindirizza l-pajjiżi b’nuqqas ta’ ikel kif ukoll il-pajjiżi affettwati mill-kunflitt fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u fl-Afrika sub-Saħarjana. Fejn rilevanti, l-assistenza għandu jkollha approċċ ta’ rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi u tespandi l-ħidma tan-Network Globali kontra l-Kriżijiet tal-Ikel għal-livell nazzjonali u lokali. Barra minn hekk, waqt l-ewwel Forum Umanitarju Ewropew (21-23 ta’ Marzu 2022), tnediet sejħa għal azzjoni biex l-atturi jaħdmu flimkien bħala Tim Ewropa biex jindirizzaw il-kriżi umanitarja globali dwar is-sigurtà tal-ikel. Bl-ingranaġġ tal-azzjoni kollettiva tagħhom, l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jistgħu jżidu l-għajnuna umanitarja għall-għajnuna u r-riabilitazzjoni.

Il-Programm ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza tal-UE propost favur l-Ukrajna (EUR 330 miljun) għandu l-għan li jikkontribwixxi biex itaffi t-tbatija tal-popolazzjoni Ukrena kkawżata mill-invażjoni Russa billi jiżgura l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi bażiċi kif ukoll il-protezzjoni. L-Azzjoni se tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiż u r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu billi żżid il-kapaċità tal-gvern, l-atturi ekonomiċi, il-media u s-soċjetà ċivili biex ikunu jifilħu għall-impatt tal-kriżi u jikkontribwixxu għall-irkupru tal-pajjiż. L-enfasi se titqiegħed ukoll fuq ir-rikostruzzjoni tal-infrastruttura ċivili fuq skala żgħira u l-ippjanar strateġiku tagħha kif ukoll fuq is-sigurtà tal-enerġija.

Dan jista’ jiġi kkomplementat minn appoġġ makroekonomiku, f’każijiet fejn jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà, għall-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġu appoġġati dawk il-gruppi l-aktar affettwati miż-żieda fil-prezzijiet (tal-ikel), u billi jiġu elaborati mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali. L-UE tista’ tkompli tintegra wkoll is-serħan mid-dejn fi djalogu ta’ politika usa’, filwaqt li tiffinanzja l-istrateġiji u l-azzjonijiet, sabiex issostni l-irkupru ekoloġiku.andhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi antiċipatorji biex jipprevjenu x-xokkijiet futuri qabel ma jseħħu u jnaqqsu l-impatt tagħhom fejn dawn iseħħu, aktar milli jirreaġixxu għall-konsegwenzi tagħhom.

Barra minn hekk, l-UE se tkompli targumenta bil-qawwa, inkluż fil-fora internazzjonali, kontra r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni peress li r-rekord ta’ dawn huwa diżastruż kif muri tajjeb mill-kriżi tal-2007-2008 f’diversi partijiet tad-dinja. Il-koordinazzjoni tad-WTO se tkun essenzjali. Sabiex tiżdied ir-reżiljenza, il-pajjiżi importaturi huma mħeġġa jiżguraw diversifikazzjoni aħjar tas-sorsi tal-provvisti tal-ikel. Barra minn hekk, ktajjen tal-provvista globali li jiffunzjonaw tajjeb u l-loġistika huma essenzjali għas-sigurtà globali tal-ikel.

Fuq terminu medju, l-UE se tkompli tappoġġa lill-pajjiżi fit-trasformazzjoni lejn sistemi tal-ikel agrikoli u akkwatiċi reżiljenti u sostenibbli. Dan jinkludi appoġġ analitiku u ta’ politika, elaborat fil-kuntest tas-segwitu għas-Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021 u s-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir. F’dan il-kuntest, l-UE se żżid il-kooperazzjoni internazzjonali tagħha dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-ikel, inkluż billi tieħu rwol ta’ tmexxija fil-Grupp Konsultattiv dwar ir-Riċerka Agrikola Internazzjonali (CGIAR), b’referenza partikolari għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni u l-protezzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-applikazzjoni ta’ approċċi bħall-agroekoloġija, il-ġestjoni tal-pajsaġġ u l-agroforestrija, id-diversifikazzjoni tal-flussi kummerċjali u s-sistemi ta’ produzzjoni, u t-tnaqqis tat-telf u l-ħela ta’ ikel. Barra minn hekk, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali tagħha dwar in-nutrizzjoni u d-dieti tajbin għas-saħħa, inkluż permezz tal-għajnuna umanitarja, kif ukoll permezz tal-ktajjen ta’ valur reżiljenti u inklużivi. Għall-Afrika, l-Aġenda ta’ Azzjoni għat-Trasformazzjoni Rurali bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE maqbula fl-2019 toffri bażi għal kooperazzjoni msaħħa.

L-UE hija lesta li tidentifika, flimkien mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali u fil-kuntest tal-proċess kontinwu tal-G7, id-domandi tal-pajjiżi importaturi netti tal-ikel u tirrispondi, jekk meħtieġ, permezz ta’ appoġġ allinjat immirat għall-aġendi li huma proprjetà tal-pajjiż (allinjati mal-perkorsi nazzjonali tas-Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel u mal-pjanijiet tal-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura fl-Afrika (CAADP) fl-Afrika, pereżempju).

L-UE qed timmobilizza l-komunità internazzjonali b’mod attiv biex b’mod urġenti żżid l-azzjoni multilaterali lil hinn mill-assistenza umanitarja. Dan jinkludi l-iżgurar li l-korpi tan-NU bil-mandati rilevanti għas-sigurtà tal-ikel ikunu jistgħu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Pereżempju, is-sigurtà tal-ikel hija ċentrali għall-mandat tal-FAO. Din għandha rwol ewlieni x’taqdi fl-analiżi u l-indirizzar tal-impatti li qed ikollha l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq is-sistemi tal-ikel internazzjonali u fil-prevenzjoni ta’ aktar deterjorament, b’enfasi partikolari fuq il-protezzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. L-UE qed taħdem ukoll biex tiżgura li s-sigurtà tal-ikel tiġi integrata fl-isforzi tas-sistema sħiħa tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, biex jiġu affermati mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Il-Kummissjoni tipproponi u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

·Juru solidarjetà mal-Ukrajna billi jipprovdu għajnuna alimentari, assistenza umanitarja u appoġġ għas-settur agrikolu u tas-sajd tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali

·Ikomplu jintegraw is-serħan mid-dejn fid-djalogu ta’ politika usa’, fl-istrateġiji u l-azzjonijiet ta’ finanzjament, sabiex isostnu l-irkupru ekoloġiku. 

·Jiżguraw segwitu u analiżi regolari tal-prezzijiet tal-ikel u tal-insigurtà tal-ikel, li għandhom jiġu kkoordinati ma’ atturi globali oħra inkluż il-livelli tal-ħażniet fil-livell reġjonali u tal-pajjiżi u li l-ħażniet isiru disponibbli għall-pajjiżi fil-bżonn.

·Ikomplu jappoġġaw lill-pajjiżi fit-trasformazzjoni lejn sistemi tal-ikel agrikoli u akkwatiċi reżiljenti u sostenibbli

·Iżidu l-assistenza umanitarja fir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar milquta mill-insigurtà tal-ikel

·Iqisu l-appoġġ makroekonomiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’introjtu baxx u b’nuqqas ta’ ikel, f’każijiet fejn jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà, għall-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jappoġġaw lil dawk il-gruppi l-aktar milquta miż-żidiet fil-prezzijiet (tal-ikel)

·Jargumentaw, inkluż fil-fora internazzjonali, kontra r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ikel u jippromwovu suq uniku li jiffunzjona tajjeb

3.Is-sigurtà tal-ikel fl-UE

3.1.Id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel

Għall-UE, id-disponibbiltà tal-ikel mhijiex fil-periklu, iżda l-affordabbiltà tal-ikel għall-persuni b’introjtu baxx qiegħda fil-periklu.

L-UE hija fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għal ħafna prodotti agrikoli u esportatur nett tal-qamħ. Madankollu, l-UE hija importatur nett konsiderevoli ta’ prodotti speċifiċi li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu sostitwiti (malajr), bħall-proteini tal-għalf, iż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol jew il-frott tal-baħar. Ma hemm l-ebda riskju ta’ nuqqas mifrux għall-konsumaturi. Filwaqt li l-provvista stabbli tal-ikel fl-UE mhijiex ipperikolata, dawn il-vulnerabbiltajiet flimkien ma’ kostijiet tal-input dejjem akbar fil-katina tal-provvista tal-ikel qed ikomplu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel. Jekk il-kostijiet tal-produzzjoni ferm ogħla fil-livell tal-azjendi agrikoli ma jiġux ikkumpensati minn prezzijiet ogħla, dan jista’ jaffettwa ċ-ċertezzi tal-provvista.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni reċentement stabbiliet Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM) 4 li għandu l-għan li jtejjeb l-isforzi ta’ koordinazzjoni mill-amministrazzjonijiet Ewropej u nazzjonali kif ukoll mill-pajjiżi rilevanti mhux tal-UE u l-partijiet ikkonċernati privati biex tiġi żgurata l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta’ kriżi. Il-Mekkaniżmu, li beda l-ħidma tiegħu fid-9 ta’ Marzu 2022, se jwettaq immappjar bir-reqqa tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE, segwit mir-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji xierqa.

Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb huwa l-pedament għas-sigurtà tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel tal-UE, anke fil-kriżi attwali. Il-ktajjen tal-provvista tagħna huma interdipendenti u kwalunkwe restrizzjoni mhux ġustifikata fis-Suq Uniku jista’ jkollha konsegwenzi mhux intenzjonati, li jistgħu jheddu l-provvista ta’ ikel sikur tagħna. Il-Kummissjoni topponi bil-qawwa l-miżuri tal-Istati Membri biex jipproteġu l-provvista domestika tal-ikel billi jipprevjenu l-esportazzjonijiet. Tali miżuri li jfixklu l-kummerċ huma a priori inkompatibbli mas-Suq Uniku u fl-aħħar mill-aħħar, se jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel. Huwa importanti li l-Istati Membri jikkoordinaw il-miżuri bil-għan li jittejbu l-flussi kummerċjali u li l-komoditajiet u l-ikel jaslu fil-postijiet fejn huma l-aktar meħtieġa. L-istabbiliment tal-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza se jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet koordinattivi u ta’ tħejjija tal-Unjoni u jnaqqas ir-riskji ta’ restrizzjoni mhux ġustifikata. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jiskrinjaw l-Investiment Dirett Barrani (FDI) fil-qafas tar-Regolament (UE) 2019/452, li skontu jistgħu jqisu l-effett potenzjali tal-FDI fuq il-provvista ta’ inputs kritiċi, kif ukoll is-sigurtà tal-ikel. Każijiet ġodda se jkunu soġġetti għal valutazzjoni profonda fid-dawl tal-impatt possibbli tagħhom fuq il-provvista tal-ikel u l-prezzijiet tal-ikel.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż ir-refuġjati mill-Ukrajna kif ukoll il-persuni b’introjtu baxx li diġà huma affettwati mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija u li għadhom qed ibatu mix-xokk soċjoekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID. L-istudji wrew li wara ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tal-2008, bħala medja, l-unitajiet domestiċi xtraw inqas frott u ħaxix u qalbu għal ikel orħos li għandu t-tendenza li jkun għoli fl-ammont ta’ kaloriji u nieqes min-nutrijenti (jiġifieri b’nuqqas ta’ vitamini, minerali u fibra li huma essenzjali għas-saħħa).

Fil-kuntest ta’ prezzijiet tal-ikel dejjem ogħla, il-miżuri ta’ politika soċjali huma importanti kemm biex iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli jiġu protetti mill-insigurtà tal-ikel kif ukoll biex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jaffordja ammonti suffiċjenti ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv, speċjalment il-gruppi vulnerabbli bħall-familji bit-tfal, il-persuni akbar fl-età u dawk b’introjtu baxx. Dawn iridu jiġu inkorporati f’approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tipprovdi gwida għall-Istati Membri biex jiggarantixxu l-aċċess effettiv għal nutrizzjoni suffiċjenti u tajba għas-saħħa għat-tfal fil-bżonn, inkluż mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kuljum fl-iskola.

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi tal-UE bħall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) li jappoġġa l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu assistenza tal-ikel u/jew materjali lil dawk l-aktar fil-bżonn, li jilħaq aktar minn 15-il miljun persuna bl-għajnuna alimentari. L-Istati Membri jistgħu jżidu r-riżorsi tagħhom billi jimmobilizzaw l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) u jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tal-flessibbiltajiet addizzjonali għall-programmi tal-FEAD tagħhom ipprovdut mill-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE), kif propost reċentement mill-Kummissjoni.

Biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-ikel fuq dawk l-aktar vulnerabbli, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw rati mnaqqsa għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u jħeġġu lill-operaturi ekonomiċi jnaqqsu l-prezz għall-konsumaturi. F’Diċembru 2021, il-Kunsill qabel dwar riforma tar-rati tal-VAT fil-livell tal-UE, li tippermetti lill-Istati Membri jkomplu jnaqqsu r-rati tagħhom, sa 0 %, fuq ċerti prodotti u servizzi li jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi, b’mod partikolari l-ikel. L-Istati Membri jistgħu diġà jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, kif ukoll jistgħu jagħmlu trasferimenti ta’ somom f’daqqa lill-unitajiet domestiċi bħala soluzzjoni effiċjenti u effettiva biex jindirizzaw l-affordabbiltà.

3.2.L-istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli tal-UE u l-appoġġ għall-produtturi

Id-dinamika tas-suq qed tinfluwenza l-għażliet tal-produtturi. Sabiex tittaffa l-pressjoni mill-prezzijiet għoljin, l-aġġustamenti fuq terminu qasir jistgħu jnaqqsu d-domanda għall-użu tal-fjuwil u l-għalf u jżidu l-provvista billi jinċentivaw aktar taħwil tal-qamħ fir-rebbiegħa. Il-bdiewa qegħdin dejjem aktar jadottaw prattiki sostenibbli, li jistħoqqilhom aktar inkoraġġiment.

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) jipprevedu firxa ta’ miżuri, inkluż xibka ta’ sikurezza tal-prezzijiet u l-possibbiltà li jittieħdu miżuri eċċezzjonali. Dawn il-miżuri jistgħu jintużaw biex jiġu żgurati swieq stabbli u jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-appoġġ immirat għall-produtturi li qed jiffaċċjaw żieda fil-kostijiet tal-input huwa meħtieġ iżda dan ma għandux jimmina l-objettivi fuq terminu twil ta’ sistema tal-ikel aktar reżiljenti u sostenibbli.

Il-Kummissjoni qiegħda timmonitorja bir-reqqa s-sitwazzjoni attwali abbażi tal-għodod ta’ informazzjoni dwar is-suq żviluppati mill-2008 5 . Biex il-livelli tal-ħażniet jiġu mmonitorjati aħjar f’dan l-ambjent ta’ prezzijiet għoljin u l-inċertezza perċepita dwar il-provvisti, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Istati Membri li jikkomunikaw kull xahar id-data dwar il-ħażniet privati tal-komoditajiet essenzjali għall-ikel u l-għalf biex tkun tista’ tingħata stampa f’waqtha u preċiża tad-disponibbiltà tagħhom.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni eċċezzjonali attwali, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ appoġġ ta’ EUR 500 miljun, inkluż billi għamlet użu mir-riżerva għall-kriżijiet, biex tappoġġa lill-produtturi l-aktar affettwati mill-konsegwenzi serji tal-gwerra fl-Ukrajna. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-bdiewa biex jikkontribwixxu għas-sigurtà globali tal-ikel jew jindirizzaw it-tfixkil fis-suq minħabba kostijiet tal-input ogħla jew restrizzjonijiet kummerċjali. L-appoġġ għall-bdiewa involuti fi prattiki sostenibbli għandu jingħata prijorità filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-miżuri jkunu mmirati lejn is-setturi u l-bdiewa li huma l-aktar milquta mill-kriżi. Sabiex jiġu indirizzat l-isfidi possibbli tal-fluss tal-flus din il-ħarifa, il-Kummissjoni se tippermetti lill-Istati Membri jħallsu livelli ogħla ta’ avvanzi ta’ pagamenti diretti u miżuri ta’ żvilupp rurali marbuta maż-żona u mal-annimali għall-bdiewa mis-16 ta’ Ottubru 2022.

Ir-rispons tal-provvista tal-UE huwa limitat mid-disponibbiltà tal-art fertili. Sabiex tkabbar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-UE, illum, il-Kummissjoni adottat att ta’ implimentazzjoni biex b’mod eċċezzjonali u temporanju tippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw minn ċerti obbligi ta’ ekoloġizzazzjoni. B’mod partikolari, dawn jistgħu jippermettu l-produzzjoni tal-għelejjel kollha għall-ikel u l-għalf fuq l-art mistrieħa li hi parti miż-Żoni ta’ Konċentrazzjoni Ekoloġika fl-2022, filwaqt li jżommu l-livell sħiħ tal-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni. Din il-flessibbiltà temporanja se tippermetti lill-bdiewa jaġġustaw u jespandu l-pjanijiet tat-tkabbir tal-għelejjel tagħhom din is-sena

Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu tal-possibbiltajiet biex inaqqsu l-proporzjon ta’ taħlit tal-bijofjuwils, li jista’ jwassal għal tnaqqis tal-art agrikola tal-UE użata għall-produzzjoni tal-materja prima tal-bijofjuwils, u b’hekk tittaffa l-pressjoni fuq is-swieq tal-komoditajiet tal-ikel u l-għalf.

Fir-rigward tal-operaturi tas-settur tas-sajd, il-Kummissjoni qed tqis l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu għall-kriżijiet tal-FEMSA 6 , li huwa mfassal għal avvenimenti eċċezzjonali li jikkawżaw tfixkil sinifikanti tas-swieq. Dan jippermetti lill-Istati Membri jagħtu kumpens lill-operaturi għall-introjtu mitluf u t-telf ekonomiku tagħhom, u lill-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, li jaħżnu l-prodotti tas-sajd 7 .

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrimedjaw it-tfixkil serju fl-ekonomija li jirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju ta’ Kriżi ġdid u awtonomu fit-23 ta’ Marzu 2022. Dan il-qafas jippermetti l-appoġġ għall-impriżi milquta direttament jew indirettament mill-kriżi, inkluż il-bdiewa u s-sajjieda, fil-forma ta’ appoġġ ta’ likwidità u għajnuna għaż-żieda fil-kostijiet tal-gass u l-elettriku. Dan il-qafas jippermetti l-għajnuna, inkluż għotjiet diretti, għall-produtturi affettwati mill-kriżi (bħal dawk affettwati minn żidiet sinifikanti fil-kostijiet tal-input, b’mod partikolari l-għalf u l-fertilizzant) kif ukoll l-għajnuna għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (bħall-manifatturi tal-fertilizzanti u l-industrija tal-ipproċessar).

Fuq terminu qasir, id-disponibbiltajiet tal-għalf tal-annimali huma ta’ tħassib ukoll. Il-produtturi tal-bhejjem u tal-akkwakultura diġà qed ifittxu sorsi ta’ provvista alternattivi biex jissostitwixxu l-provvisti mitlufa minħabba l-gwerra. Xi Stati Membri ddeċidew li jagħmlu użu mill-flessibbiltà eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE 8 għall-importazzjonijiet f’każijiet debitament ġustifikati, fuq bażi eċċezzjonali u temporanja, li ma jikkompromettux is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-konsumatur. Il-Kummissjoni timmonitorja dawn il-miżuri nazzjonali. Fl-aħħar, ġew varati il-miżuri ta’ xibka ta’ sikurezza fis-suq biex jappoġġaw is-suq tal-laħam tal-majjal, fid-dawl tad-diffikultajiet speċifiċi għal dak is-settur.

Il-prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti jinkoraġġixxu użu aktar effiċjenti u jixprunaw l-innovazzjoni fl-użu ta’ alternattivi aktar sostenibbli li jikkontribwixxu għall-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li jnaqqsu t-telf tan-nutrijenti b’50 % sal-2030. Il-biedja organika, pereżempju, tuża ammonti limitati ta’ fertilizzant minerali u għalhekk hija inqas esposta għaż-żidiet fil-prezzijiet. Madankollu, fuq terminu qasir, il-kost u d-disponibbiltà tal-fertilizzanti minerali jridu jkomplu jkunu prijorità, sakemm issir it-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ tipi ta’ fertilizzanti jew metodi ta’ fertilizzar sostenibbli. L-industrija tal-fertilizzanti fl-UE trid tkun tista’ taċċessa l-importazzjonijiet meħtieġa, inkluż il-gass għall-produzzjoni tal-fertilizzanti fl-UE nnifisha. Il-prezzijiet u l-provvisti tal-fertilizzanti għall-bdiewa se jiġu mmonitorjati biex jiġi żgurat li l-prospetti għall-ħsad tal-UE ma jiġux ipperikolati.

4.L-iżgurar tar-reżiljenza tas-sistema tal-ikel

4.1.Sistemi tal-ikel sostenibbli

Filwaqt li l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza fuq terminu ta’ żmien qasir huma importanti, dawn ma jissostitwux l-importanza li maż-żmien, is-settur tal-ikel jiġi ffukat mill-ġdid fuq is-sostenibbiltà u r-reżiljenza.

Is-sostenibbiltà tal-ikel hija fundamentali għas-sigurtà tal-ikel. Mingħajr tranżizzjoni stabbilita fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel se tkun f’riskju serju fuq terminu medju u twil, b’impatti globali irriversibbli. Fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji, il-Kummissjoni hija ħerqana li tiżgura li l-produttività ġenerali tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ħut u tal-frott tal-baħar tal-UE ma tiġix imminata.

Il-Kummissjoni, konxja ħafna tal-interrelazzjonijiet bejn saħħitna, l-ekosistemi, il-ktajjen tal-provvista, ix-xejriet tal-konsum u l-limiti planetarji tagħna, stabbiliet il-viżjoni tagħha għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. F’din l-istrateġija, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tar-reżiljenza tas-sistema tal-ikel tal-UE, biex jiġi żgurat l-aċċess għal provvista suffiċjenti ta’ ikel affordabbli għaċ-ċittadini fiċ-ċirkostanzi kollha u biex issir tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli b’mod ġust u demokratiku, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-kriżi attwali tikxef id-dipendenza tas-sistema tal-ikel tal-UE fuq l-inputs importati, bħall-fjuwils fossili, il-fertilizzant, l-għalf u l-materja prima, filwaqt li tikkonferma l-ħtieġa ta’ orjentazzjoni fundamentali mill-ġdid tal-agrikoltura tal-UE u tas-sistemi tal-ikel tal-UE lejn is-sostenibbiltà, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-PAK riformata u ffaċilitata mill-azzjonijiet proposti fil-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali 9 .

L-użu mtejjeb u mnaqqas tal-inputs (nutrijenti, pestiċidi) u l-biedja organika (li tiddependi inqas fuq dawn l-inputs) huma pilastri tat-tranżizzjoni lejn l-agrikoltura sostenibbli. It-tmiem tal-ħela mir-rimi fil-baħar u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat se jġib l-istokkijiet tal-ħut f’livelli sostenibbli. Il-kriżi attwali tenfasizza wkoll il-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni, inkluż l-urġenza li jiġu indirizzati l-isfidi f’termini ta’ produttività agrikola u l-konsegwenzi ambjentali tat-tibdil indirett fl-użu tal-art, inkluż fil-pajjiżi terzi.

L-innovazzjoni permezz tar-riċerka, l-għarfien, it-teknoloġija, l-agroekoloġija u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki tista’ ttaffi l-pressjoni fuq il-kostijiet tal-input mingħajr ma tagħmel ħsara lill-kapaċità tal-produzzjoni, u twassal għall-progress fuq terminu twil fil-produttività biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika. Aktar importanti minn hekk, din se tgħin biex tinkiseb bidla fundamentali fis-soċjetà billi tnaqqas il-ħela tal-ikel, tħeġġeġ aktar dieti bbażati fuq il-pjanti u tibni s-sħubijiet mal-pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli. Informazzjoni mtejba dwar is-sostenibbiltà tal-ikel tagħna se tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu l-għażla sostenibbli. Il-ġlieda kontra t-telf u l-ħela tal-ikel tnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali limitati u ġġib magħha l-iffrankar u r-ridistribuzzjoni tal-ikel żejjed lil dawk fil-bżonn. 

L-azzjonijiet li jżidu r-rendimenti b’mod sostenibbli kemm permezz tal-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll permezz ta’ dik agroekoloġika, jeħtieġ li jingħataw prijorità. Il-Kummissjoni se tipproponi regoli ġodda biex tiffaċilita t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi bijoloġiċi. Din qed tivvaluta wkoll l-għażliet għal regoli ġodda dwar tekniki ġenomiċi ġodda, li għandhom il-potenzjal li joħolqu varjetajiet ta’ pjanti li huma inqas suxxettibbli għat-temperaturi u t-theddid klimatiku li qed jinbidlu, aktar reżistenti għall-pesti tal-pjanti u aktar effiċjenti fl-użu tal-fertilizzanti. Biex tiġi ssalvagwardjata l-fertilità tal-ħamrija, il-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa”, għandha l-għan li tistabbilixxi 100 laboratorju ħaj u inizjattiva fanal biex imexxu t-tranżizzjoni lejn ħamrija b’saħħitha.

Il-kriżi attwali u drammatika tikkonferma li jeħtieġ li nħaffu t-tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel lejn is-sostenibbiltà biex inħejju aħjar għal kriżijiet futuri. Bħala segwitu għas-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi tmien koalizzjonijiet 10 li kollha huma mmirati lejn it-trasformazzjoni u r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel u t-tkabbir sostenibbli tal-produttività.

Ir-rwol tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK għall-perjodu 2023-2027 se jkunu kruċjali fl-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn prattiki agrikoli sostenibbli u sistemi ta’ produzzjoni reżiljenti, aktar partikolarment permezz tal-kombinazzjoni ta’ qafas ta’ politika aktar orjentat lejn ir-riżultati u sett ta’ strumenti u mekkaniżmi ta’ politika aktar effettivi. Dan se jkun il-fokus tal-osservazzjonijiet li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw distribuzzjoni aktar ġusta tal-appoġġ għall-introjtu biex isaħħu b’mod partikolari r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, li huma vulnerabbli għall-volatilità tas-swieq li tista’ thedded il-kontinwità. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri wkoll biex jagħmlu aktar użu mill-fond għall-iżvilupp rurali biex jiffinanzjaw l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju, jgħinu lill-bdiewa jlaħħqu mat-telf tad-dħul u tal-introjtu, u biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u tipi oħra ta’ diversifikazzjoni tal-introjtu mill-azjendi agrikoli. Bl-istess mod, tilqa’ l-pjanijiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa, biex ikunu jistgħu jinvestu f’metodi ta’ produzzjoni sostenibbli, inkluż pereżempju l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tistenna wkoll li l-Istati Membri jiddefinixxu u jimplimentaw il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ kundizzjonalità b’tali mod li jimmassimizza l-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jimminimizza l-impatt potenzjali tiegħu fuq terminu qasir fuq il-kapaċità tal-produzzjoni. Pereżempju, is-sehem minimu ta’ raba’ li jinħadem li għandu jiġi allokat għall-bijodiversità għandu jiffoka aktar fuq iż-żamma u l-istabbiliment tal-karatteristiċi mhux produttivi bħall-karatteristiċi tal-pajsaġġ (eż. is-sisien tal-arbuxelli u s-siġar) milli fuq ir-raba’ mistrieħ (li jillimita l-potenzjal tal-produzzjoni tal-UE).

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrevedu l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom bil-għan li jappoġġaw lill-bdiewa fl-adozzjoni ta’ prattiki li jottimizzaw l-effiċjenza tal-fertilizzanti, u b’hekk inaqqsu l-użu tagħhom. Dan jista’ jsir speċifikament permezz tal-biedja ta’ preċiżjoni, iżda l-biedja organika, l-agroekoloġija u użu aktar effiċjenti permezz ta’ pariri u taħriġ dwar il-ġestjoni tan-nutrijenti wkoll jaqdu rwol importanti. L-Istati Membri għandhom jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet tal-Pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom f’dan ir-rigward kif ukoll jottimizzaw u jnaqqsu l-użu ta’ inputs oħra bħall-antibijotiċi u l-pestiċidi u jinvolvu ruħhom fis-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola.

4.2.It-tisħiħ tar-reżiljenza permezz tat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-inputs importati

Ir-reżiljenza tas-settur tal-ikel tal-UE teħtieġ sorsi ta’ importazzjoni diversifikati u swieq disponibbli permezz ta’ politika kummerċjali ambizzjuża u robusta, kemm b’mod multilaterali kif ukoll permezz tal-ftehimiet kummerċjali. Il-ħtieġa li tiġi indirizzata d-dipendenza tas-setturi Ewropej tal-agrikoltura u tas-sajd fuq l-enerġija u l-importazzjonijiet intensivi fl-enerġija nkixfet permezz tal-gwerra fl-Ukrajna u r-reazzjoni tas-swieq.

It-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fertilizzant minerali prodott bil-fjuwils fossili, hija objettiv partikolarment importanti. Il-fertilizzant tan-nitroġenu huwa prinċipalment prodott bil-gass naturali (kemm bħala sors ta’ enerġija kif ukoll bħala sustanza reattiva). L-investimenti fil-bijoekonomija ċirkolari jikkontribwixxu għas-sostituzzjoni tal-prodotti, il-materjali u l-enerġija bbażati fuq il-fossili, u b’hekk jgħinu għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija 11 . Il-produzzjoni tal-fertilizzant minerali bit-teknoloġija nadifa hija qasam ta’ innovazzjoni importanti. Il-Kummissjoni qed tappoġġa t-tranżizzjoni lejn l-ammonijaka ekoloġika 12 , eż. għall-produtturi tal-fertilizzanti permezz tal-varar tal-idroġenu nadif kif stabbilit fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Idroġenu 13 u appoġġat mill-Alleanza għall-Idroġenu Nadif u EUR 800 miljun f’investiment.

Il-fosfat u l-potassa huma nutrijenti ewlenin fl-iżgurar ta’ rendimenti tajbin ta’ għelejjel li jinħartu, ta’ kwalità għolja. Hemm dipendenza akuta fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ nutrijenti peress li l-biċċa l-kbira tar-riżervi jinsabu fil-pajjiżi terzi, inkluż ir-Russja, iċ-Ċina, il-Marokk u l-Belarussja. L-esportazzjonijiet tal-potassa mir-Russja u l-Belarussja jammontaw għal 40 fil-mija tal-kummerċ globali. Bħala riżultat tas-sanzjonijiet adottati reċentement, se jkun meħtieġ li l-UE tissostitwixxi s-sehem tal-importazzjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, għal 60 % għall-potassa u 35 % għall-fosfati rispettivament, minn sorsi oħra. Il-ftehim ta’ kummerċ ħieles diġà fis-seħħ jista’ jiffaċilita l-akkwist ta’ dawn l-inputs minn oriġini oħra. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa s-sitwazzjoni sabiex tantiċipa n-nuqqasijiet possibbli u jekk meħtieġ, tieħu azzjoni rimedjali temporanja biex tiffaċilita dan l-akkwist.

L-Unjoni, permezz ta’ Orizzont Ewropa, se tkompli tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex tissostitwixxi l-użu ta’ fertilizzanti sintetiċi u biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, ċirkolari, u effiċjenti fir-riżorsi fl-UE. Fil-qafas ta’ wieħed mill-programmi ta’ ħidma għall-2021-2022, se jiġi allokat baġit sostanzjali ta’ EUR 268.5 miljun għas-settur ċirkolari u dak tal-bijoekonomija. Barra minn hekk, is-Sħubija Ewropea għal Ewropa Ċirkolari b’bażi bijoloġika se tkun mogħnija b’ammont massimu ta’ EUR 1 biljun għal perjodu ta’ seba’ snin, fejn se tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji. Din tappoġġa l-perkorsi promettenti identifikati fl-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija, bħaż-żieda fl-użu sostenibbli tal-bijomassa, l-irkupru ta’ nutrijenti prezzjużi (inkluż il-fosfati 14 u n-nutrijenti mid-demel tal-bhejjem) u l-produzzjoni tal-alternattivi b’bażi bijoloġika (inkluż billi jintużaw il-prodotti inċidentali, ir-residwi u l-flussi tal-iskart) biex jingħalaq iċ-ċiklu tan-nutrijenti, filwaqt li jiġu protetti l-kwalità tal-ilma, tal-arja u tal-ħamrija. L-aċċess għas-suq intern tal-prodotti maħruġa mill-ekonomija ċirkolari se jiġi ffaċilitat 15 . Il-Kummissjoni se tkompli tqis aktar passi regolatorji sikuri biex tippermetti possibbiltajiet usa’ għall-użu tan-nutrijenti rkuprati mid-demel tal-bhejjem. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjan ta’ azzjoni integrat għall-ġestjoni tan-nutrijenti mal-Istati Membri biex tindirizza t-tniġġis minn nutrijenti f’ras il-għajn u żżid is-sostenibbiltà tas-settur tal-bhejjem.

L-użu tal-enerġija fl-agrikoltura u fil-produzzjoni tal-frott tal-baħar diġà qed jonqos fil-pajjiżi industrijalizzati minħabba t-titjib fl-effiċjenza 16 . Hemm ambitu għal aktar titjib permezz ta’ effiċjenza akbar fl-użu tan-nitroġenu, il-valorizzazzjoni tal-bijomassa u t-tnaqqis fil-ħela tal-ikel. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mmirati se jkollhom l-għan li jtejbu aktar l-effiċjenza tal-applikazzjoni tal-fertilizzanti fil-livell tal-azjendi agrikoli, fost l-oħrajn billi jintużaw it-tekniki tal-biedja ta’ preċiżjoni. Barra minn hekk, il-finanzjament tal-UE jippromwovi r-riċerka dwar is-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel, inkluż il-biedja mħallta, l-agroekoloġija jew dik organika. L-għelejjel leguminużi, li jiffissaw in-nitroġenu u jużaw inqas fertilizzanti tan-nitroġenu, jaqdu rwol ewlieni f’dawk is-sistemi ta’ produzzjoni u se jingħataw attenzjoni speċifika. Jista’ jinkiseb nuqqas fl-użu tad-diżil għat-tratturi permezz tal-innovazzjoni li tnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-tnaqqija mekkanika.

Il-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut flimkien ma’ bastimenti tas-sajd aktar effiċjenti fl-enerġija se jikkontribwixxu wkoll għal tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-frott tal-baħar.

It-tħaffif tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli huwa prijorità oħra li jikkontribwixxu għaliha l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, il-FEMSA 17 , kif ukoll il-finanzjament tan-NextGenerationEU. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-parks permezz tal-enerġija mir-riħ, dik solari jew il-bijogass mhux biss se ssaħħaħ ir-reżiljenza ta’ dawk il-parks partikolari, iżda se tikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija Ewropea. F’din il-kriżi, irridu nevitaw li jiżdied l-użu tal-għelejjel tal-ikel u tal-għalf bħala materja prima tal-bijofjuwil. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-investimenti fil-bijogass minn sorsi rinnovabbli abbażi tal-azjendi agrikoli jew tal-kooperattivi agrikoli, inkluż b’mod partikolari l-iskart u r-residwi mill-agrikoltura u l-akkwakultura, biex jiġi ankrat il-ħolqien tal-valur fl-ekonomija rurali.

It-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għalf huwa parti mit-trasformazzjoni akbar tas-sistema tal-ikel tal-UE, inkluż bidla lejn aktar dieti bbażati fuq il-pjanti u l-iżgurar ta’ sistema tal-ikel aktar reżiljenti u awtonoma. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tiegħu, il-Kunsill Ewropew appella biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-proteina tal-pjanti tal-UE.

Mill-inqas 19-il Stat Membru biħsiebhom jagħmlu użu mill-possibbiltajiet biex jipprovdu “appoġġ akkoppjat” għall-għelejjel li fihom il-proteini fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-2023-2027. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri wkoll biex jagħmlu użu minn possibbiltajiet oħra biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-proteina tal-pjanti, inkluż interventi settorjali ddedikati, bħala parti mis-sistemi ta’ biedja sostenibbli bbażati fuq sorsi tal-għalf iddiversifikati. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċifika lill-għelejjel li fihom il-proteini fil-valutazzjoni fil-qosor tagħha tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK 18 tal-Istati Membri, filwaqt li se tirrieżamina wkoll l-politika identifikata fir-rapport tal-2018 tagħha dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-UE 19 .

Il-Kummissjoni se:

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Tappoġġa, permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu assistenza tal-ikel u/jew materjali lil dawk l-aktar fil-bżonn.

·Twassal pakkett ta’ appoġġ ta’ EUR 500 miljun biex tappoġġa lill-bdiewa l-aktar milquta.

·Tvara miżuri ta’ xibka ta’ sikurezza fis-suq biex tappoġġa lis-swieq speċifiċi u tippermetti livelli ogħla ta’ avvanzi ta’ pagamenti diretti aktar tard din is-sena.

·Tapplika Qafas Temporanju ta’ Kriżi (TCF) awtonomu ġdid għall-għajnuna mill-Istat.

·Tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn ċerti obbligi tal-ekoloġizzazzjoni fl-2022 biex aktar raba’ tinbidel għall-produzzjoni.

·Jużaw il-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK biex jagħtu prijorità lill-investimenti li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-gass u l-fjuwil u inputs bħall-pestiċidi u l-fertilizzanti, eż.:

oL-investimenti fil-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass, li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-gass Russu.

oL-investimenti fil-biedja ta’ preċiżjoni, li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fertilizzanti sintetiċi u minerali kif ukoll fuq il-pestiċidi kimiċi.

oL-appoġġ għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jipprovdi introjtu aħjar għall-bdiewa.

oL-appoġġ għall-prattiki agroekoloġiċi, li jnaqqas id-dipendenza fuq l-inputs kimiċi u jiżgura sigurtà tal-ikel dejjiema.

·L-iżgurar tal-effettività u l-kopertura tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-aċċess għas-servizzi essenzjali għal dawk fil-bżonn

5.Kummenti konklużivi

Gwerra mhux ipprovokata fuq il-kontinent Ewropew ġabet mill-ġdid l-insigurtà tal-ikel fl-Ukrajna, pajjiż b’uħud mill-aktar ħamriji fertili fl-Ewropa.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-Kunsill Ewropew tappella lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni urġenti biex tippreżenta l-għażliet biex jiġu indirizzati l-prezzijiet tal-ikel u l-kwistjoni tas-sigurtà globali tal-ikel malajr kemm jista’ jkun. Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-azzjonijiet immedjati u kontinwi biex tiġi appoġġata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ukrajna kif ukoll tiġi appoġġata s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi b’nuqqas ta’ ikel. Din tindirizza l-affordabbiltà tal-ikel fl-UE u l-isfidi speċifiċi fuq terminu qasir għall-produtturi li qed jiffaċċjaw kostijiet tal-input għoljin. Il-Komunikazzjoni tfakkar fl-impenn li ħadet Kummissjoni fil-Patt Ekoloġiku u fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u tistabbilixxi l-azzjonijiet fuq terminu medju biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv u jimplimentaw malajr l-azzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw it-tħassib urġenti u l-vulnerabbiltajiet fuq terminu twil. L-Istati Membri huma f’pożizzjoni li jimplimentaw ħafna minn dawn il-miżuri mingħajr qafas regolatorju ieħor fil-livell tal-UE. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrevedu l-pjanijiet tal-PAK tagħhom fejn meħtieġ biex jiżguraw ir-reżiljenza tas-sistema tal-ikel.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi tagħha u żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjoni u ma’ atturi ewlenin oħra biex tindirizza fil-ħin u b’mod effettiv il-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq is-sigurtà globali tal-ikel.

(1)   Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability | Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability (ipcc.ch) .
(2)    Huwa stmat li madwar 5 miljun tunnellata ta’ qamħ ma jistgħux jiġu esportati mill-Ukrajna sa tmiem Ġunju 2022. Barra minn hekk, fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2022/2023, kienu mistennija 20 miljun tunnellata oħra ta’ esportazzjonijiet tal-qamħ mill-Ukrajna u jista’ jkun li dawn ma jimmaterjalizzawx. Dawn iċ-ċifri ma jqisu l-ebda effett fuq l-esportazzjonijiet tal-qamħ mir-Russja.
(3)    Ir-rendimenti tal-qamħ fl-UE għandhom medja ta’ 5.3 tunnellati/ettari, meta mqabbla ma’ 4.3 t/ha fl-Ukrajna u kważi jew inqas minn 3 t/ha fi bnadi oħra tad-dinja.
(4)    COM(2021) 689 tat-12.11.2021 “Pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta’ kriżi”.
(5)    L-osservatorji tas-suq agroalimentari tal-UE: https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/facts-and-figures/markets/overviews/market-observatories_en .
L-Osservatorju tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura tal-Unjoni Ewropea (EUMOFA): https://www.eumofa.eu/.

Il-prospettiva fuq terminu qasir għall-prodotti agrikoli, il-ħarġa li jmiss skedata għall-4 ta’ April 2022:
https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/facts-and-figures/markets/outlook/short-term_en#arablecrops .
(6)    Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139
(7)    F’konformità mal-mekkaniżmu ta’ ħżin tal-Artikolu 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.
(8)    Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE
(9)    Viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE - Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040, COM/2021/345 final.
(10)    It-tmien koalizzjonijiet li l-Kummissjoni se tipparteċipa fihom huma: L-ikel qatt mhu ħela, Dieti Tajbin għas-Saħħa minn Sistemi tal-Ikel Sostenibbli għat-Tfal u għal Kulħadd, Il-Koalizzjoni tal-Ikliet fl-Iskola, L-Ikel Akkwatiku u l-Ikel Blu, L-Agroekoloġija, Ebda Ġuħ, Il-Ġlieda kontra l-kriżijiet tal-ikel tul ir-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi, It-Tkabbir tal-Produttività Sostenibbli. Aktar informazzjoni: https://foodsystems.community/coalitions/.
(11)    https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/food-farming-fisheries/farming/documents/factsheet-agri-value-chains_en.pdfhttps://ec.europa.eu/info/sites/default/files/food-farming-fisheries/farming/documents/factsheet-agri-water-nutrients-waste_en.pdf.
(12)    Il-proġetti b’ammont ta’ bejn EUR 30-35 biljun jistgħu jsiru operattivi fuq terminu qasir sa medju, eż. fi Spanja, fin-Netherlands, fl-Awstrija u fl-Iżvezja.
(13)    COM(2020)301 final.
(14)    Pereżempju: “Phos4You: deploying phosphorus recycling from wastewater in North-West Europe”  Phos4You - PHOSphorus Recovery from waste water FOR YOUr Life | Interreg NWE (nweurope.eu)
(15)    Wara d-dħul fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2022 tar-Regolament (UE) 1009/2019 dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE.
(16)    Crippa et al. (2021) Nature Food. http://www.nature.com/articles/s43016-021-00225-9 .
(17)    Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura.
(18)    L-Artikolu 141(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
(19)    COM(2018) 757 final.

Brussell, 23.3.2022

COM(2022) 133 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel




Anness 1

Is-sigurtà globali tal-ikel u l-katina agroalimentari tal-UE

Is-sitwazzjoni fl-UE

L-UE hija fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għal prodotti tal-ikel ewlenin. L-UE hija esportatur ewlieni tal-qamħ u tax-xgħir u fil-biċċa l-kbira tkopri l-konsum tagħha għal għelejjel bażiċi oħra bħall-qamħirrum jew iz-zokkor. L-UE hija wkoll fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għall-prodotti tal-annimali, kemm għall-prodotti tal-ħalib kif ukoll għall-prodotti tal-laħam (minbarra l-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u l-frott tal-baħar), għall-frott tal-baħar, għall-frott u għall-ħxejjex (il-ħawħ, in-nuċiprisk, it-tuffieħ, it-tadam, il-larinġ).

Madankollu, għal xi prodotti speċifiċi, l-UE hija importatur nett konsiderevoli. F’xi każijiet, il-prodotti importati huma diffiċli li jiġu sostitwiti, kemm f’termini ta’ volum, ta’ sorsi ta’ importazzjoni, ta’ kwalità jew ta’ kost. Dan huwa l-każ għall-prodotti tropikali (il-frott tropikali, il-kafè, il-kawkaw), għall-prodotti tal-ħut, għall-għalf u għal varjetà ta’ addittivi, bħall-vitamini u l-aċidi amminiċi li huma essenzjali għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-għalf tal-annimali jew tal-ikel. B’mod partikolari, 22 % tal-proteina tal-għalf hija ta’ oriġini mhux tal-UE fl-2021/22, iżda dan il-proporzjon jilħaq 75 % għall-pasta taż-żrieragħ żejtnija 1 (prinċipalment is-sojja).

L-impatt taż-żieda globali fil-prezzijiet tal-komoditajiet

Iż-żieda fil-prezz ġenerali attwali tal-komoditajiet għandha xi similaritajiet maż-żieda qawwija fil-komoditajiet tal-ikel tal-2008 f’termini tan-natura ġeneralizzata tagħha ta’ livell għoli, il-moviment konġunt u l-volatilità għolja fil-prezzijiet kollha tal-komoditajiet. Issa, bħal dakinhar, iż-żieda fil-prezzijiet tal-input għall-prodotti agrikoli hija multiplu taż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, u għal darba oħra turi l-problema tal-konġestjonijiet u d-dewmien fit-trażmissjoni tal-prezzijiet tal-katina alimentari li jiffaċċjaw il-produtturi, filwaqt li xorta tirriżulta f’żidiet b’saħħithom fil-prezzijiet tal-ikel.

Graff 1. Mewġiet tal-prezzijiet tal-komoditajiet

Madankollu, hemm xi differenzi kbar bejn iż-żewġ episodji. Il-livelli tal-ħażniet relattivi tal-komoditajiet agrikoli ewlenin huma ogħla llum. Minkejja li l-ħażniet tal-komoditajiet ewlenin naqsu bi ftit matul l-aħħar erba’ snin, il-proporzjonijiet tal-istokkijiet għall-użu mhuma bl-ebda mod qrib il-livell li ppreċeda ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-2008–10, anke meta jitqies li l-Ukrajna u r-Russja mhux se jfornu kompletament is-swieq din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Ir-regolamentazzjoni u t-trasparenza tas-swieq tal-komoditajiet ġew imsaħħa b’mod konsiderevoli minn żmien il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa tal-2008 2 ,li ġiet prodotta wara ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fl-2007/l-2008. Dak iż-żmien il-Kummissjoni rrakkomandat il-promozzjoni tal-kompetittività tal-katina tal-provvista tal-ikel, l-infurzar vigoruż tar-regoli tal-kompetizzjoni u regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ir-rieżami u fejn meħtieġ it-titjib tar-regolamentazzjoni dwar il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, it-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur u l-iskoraġġiment tal-ispekulazzjoni fis-swieq tal-komoditajiet agrikoli u tad-derivattivi. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kollha ġew tradotti f’azzjoni leġiżlattiva u politika (ara l-Anness 2), li tipprovdi punt tat-tluq sod biex jiġu affaċċjati l-problemi tal-lum.

L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-agrikoltura u s-sajd tal-UE

Minbarra l-esponiment dirett għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, is-settur tal-ikel huwa espost għall-effetti inflazzjonarji ta’ serje ta’ prodotti u servizzi. Huwa l-konsumatur ewlieni ta’ fertilizzanti u prodotti fitosanitarji, iżda wkoll tal-makkinarju, tal-materjali tal-imballaġġ tal-ikel, u huwa affettwat miż-żieda fil-kostijiet tat-trasport.

L-impatt miż-żieda fil-kostijiet tal-fertilizzanti kien partikolarment akut. Il-fertilizzanti jirrappreżentaw 18 % tal-kostijiet tal-input tal-azjendi agrikoli tal-għelejjel li jinħartu (medja tal-2017–19). Il-gass naturali huwa l-fattur determinanti ewlieni għall-prezz tal-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu. Dan jirrappreżenta 60-80 % tal-kostijiet tal-input varjabbli tagħhom. Il-prezzijiet għoljin tal-gass naturali bl-ingrossa jissarrfu fi prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti (għall-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu bħall-urea, il-prezzijiet laħqu l-ogħla livelli simili għal-livelli osservati matul il-kriżi finanzjarja tal-2007–2008). Xi produtturi tal-fertilizzanti fl-UE waqqfu l-produzzjoni tagħhom temporanjament peress li l-kostijiet tal-enerġija kienu għoljin wisq. Il-prezzijiet tal-fertilizzanti bbażati fuq il-blat (il-fosfat u aktar u aktar il-potassju) huma inqas korrelatati mal-prezzijiet tal-enerġija, għalkemm jinsabu wkoll taħt pressjoni minħabba s-saħħa tar-Russja u tal-Belarussja fil-produzzjoni dinjija.

Għalkemm l-UE timporta EUR 3 biljun ta’ fertilizzant mir-Russja, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu għadha limitata, b’aktar minn 90 % tal-konsum tal-UE pprovdut mill-industrija domestika tal-UE. Madankollu, l-industrija tiddependi ħafna fuq il-gass ta’ oriġini Russa.

Is-settur tas-sajd huwa milqut ħafna wkoll miż-żieda fil-prezz tal-fjuwil marin. Il-prezz tal-fjuwil marin bħalissa jinsab f’livell rekord għal dawn l-aħħar żewġ deċennji hekk kif żdied b’100 % meta mqabbel mal-prezz medju fl-2021. F’dan il-livell ta’ prezzijiet tal-fjuwil, il-maġġoranza tas-segmenti tal-flotta tal-UE huma taħt il-punt ta’ ekwilibriju tad-dħul tagħhom u ma jkoprux il-kostijiet operattivi tagħhom. Iż-żieda fil-kostijiet tal-elettriku hija ta’ tħassib kbir għas-settur tal-akkwakultura (l-ippumpjar u ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma) u s-setturi tal-ipproċessar (il-linji ta’ produzzjoni u l-faċilitajiet ta’ ħżin/iffriżar).

Is-sitwazzjoni tal-introjtu tal-azjendi agrikoli

Livelli ta’ produzzjoni u prezzijiet tajbin għall-agrikoltura tal-UE rriżultaw f’titjib fl-introjtu tal-azjendi agrikoli tal-UE għall-2021 għal kull ħaddiem meta mqabbel mal-medja tal-2017–19. Iż-żieda qawwija ħafna fil-kostijiet tal-input titfa’ pressjoni fuq il-marġini, b’mod partikolari għall-bhejjem, notevolment il-laħam tal-majjal, u l-produtturi tal-akkwakultura, li diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ferm ogħla tal-għalf. L-introjtu medju tal-azjendi agrikoli għal kull ħaddiem huwa għalhekk mistenni li jonqos fl-2022 u l-2023, u b’hekk jitħassar il-qligħ li sar matul l-2020 u l-2021, bi tnaqqis aktar qawwi għall-produtturi tal-bhejjem.

Żieda fil-kostijiet tal-loġistika u ta’ inputs oħra

Il-manifatturi tal-ikel, in-negozjanti u l-bejjiegħa bl-imnut jiffaċċjaw kostijiet akbar għat-trasport u l-loġistika, (bl-ingrossa, bil-kontejners jew bl-ajru). Ir-riżultati tal-COVID u l-irkupru ekonomiku qawwi li segwa ħolqu konġestjoni fil-kapaċitajiet tal-merkanzija marittima. B’aktar tfixkil fil-Baħar l-Iswed, il-merkanzija marittima se tkun taħt aktar stress. Inputs oħra jaraw ukoll żieda fil-kostijiet tagħhom: dan huwa l-każ pereżempju għall-kostijiet tal-imballaġġ (il-kontenituri tal-injam +37 %, il-karta u l-polpa +26 %, il-plastik +13 %) 3 . In-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diffikultajiet ta’ reklutaġġ fl-industrija tal-manifattura tal-ikel tal-UE huma rrapportati wkoll li għandhom rwol (+62 % fir-rata ta’ postijiet tax-xogħol battala fil-manifattura).

Prezzijiet tal-ikel tal-UE li qed jogħlew

Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, mis-sajf tal-2021, il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur żdiedu , u laħqu 5.6 % fuq bażi annwali fi Frar 2022, l-ogħla rata mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. L-ikel huwa komponent importanti fir-rata ta’ inflazzjoni ġenerali (HICP 4 ), b’sehem ta’ medja ta’ 16 % fl-UE-27, li miegħu jistgħu jiżdiedu 6 % addizzjonali għall-catering. B’paragun, il-kostijiet tal-enerġija għall-akkomodazzjoni u t-trasport jirrappreżentaw sehem ta’ 10 % fil-basket medju tal-unitajiet domestiċi.

L-Istati Membri huma affettwati b’mod differenti, skont il-kuntest ekonomiku nazzjonali rispettiv tagħhom, fuq l-istruttura tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħhom, u fuq ix-xejriet nazzjonali tad-domanda tal-konsumaturi.

Graff 2: Inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel skont l-Istat Membru

Sors: Eurostat (Stati Membri magħżula).

L-Ukrajna, ir-Russja u s-sigurtà globali tal-ikel

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna kompliet iżżid mas-swieq tal-komoditajiet (tal-enerġija) diġà mimlija tensjoni u l-pressjonijiet inflazzjonarji 5 . Barra minn hekk, għandha impatt fuq is-sigurtà globali tal-ikel: L-Ukrajna u r-Russja huma atturi ewlenin fis-suq globali taż-żrieragħ u ż-żrieragħ żejtnin. L-Ukrajna tirrappreżenta 10 % tas-suq dinji tal-qamħ, 13 % tas-suq tax-xgħir, 15 % tas-suq tal-qamħirrum, u hija l-aktar attur importanti fis-suq taż-żejt tal-ward tax-xemx (aktar minn 50 % tal-kummerċ dinji). F’dak li għandu x’jaqsam mar-Russja, dawn iċ-ċifri huma rispettivament 24 % (qamħ), 14 % (xgħir) u 23 % (żejt tal-ward tax-xemx). Ir-Russja hija wkoll esportatur ewlieni ta’ ħut abjad, b’mod partikolari l-Merluzz tal-Alaska għall-industrija tal-ipproċessar (16 % tal-provvista).

L-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani jimportaw aktar minn 50 % tal-ħtiġijiet taċ-ċereali tagħhom mill-Ukrajna u mir-Russja. Il-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant jimportaw 72 % taċ-ċereali tagħhom mir-Russja u 18 % mill-Ukrajna. L-Ukrajna hija wkoll fornitur importanti tal-qamħirrum (għall-għalf) lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina.

L-Ukrajna hija r-raba’ l-akbar fornitur agroalimentari tal-UE u sors ewlieni ta’ ċereali (52 % tal-importazzjonijiet tal-qamħirrum tal-UE, 19 % tal-qamħ artab), żjut veġetali (23 % tal-importazzjonijiet tal-UE) u żrieragħ taż-żejt (22 % tal-importazzjonijiet tal-UE, speċjalment iż-żerriegħa tal-kolza li tammonta għal 72 % tal-importazzjonijiet tal-UE). Ir-Russja tesporta inqas lejn l-UE.

Minħabba s-saħħa tal-Ukrajna fil-kummerċ internazzjonali, it-tfixkil tal-produzzjoni agrikola u fil-loġistika tal-Ukrajna, flimkien maż-żieda fil-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija u l-assigurazzjoni, għandu riperkussjonijiet kbar fuq is-swieq dinjija, u għalhekk fuq il-prezzijiet taċ-ċereali. Mill-bidu tal-kunflitt, diġà ġiet irreġistrata żieda qawwija fil-prezzijiet dinjija taċ-ċereali, ogħla mill-prezzijiet tal-2007/2008. Din is-sitwazzjoni mhux biss tpoġġi f’riskju l-provvista tal-ikel lill-popolazzjoni tal-Ukrajna, iżda wkoll is-sigurtà tal-ikel ta’ dawk il-pajjiżi mhux tal-UE dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta’ komoditajiet mill-Ukrajna.

Il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola tal-Ukrajna huwa affettwat ħafna mill-invażjoni Russa tal-pajjiż. Minbarra l-prezz uman, il-qerda u l-perikli tal-gwerra, hemm nuqqas ta’ ħaddiema biex jaħdmu l-azjendi agrikoli u l-għelieqi inkluż fi Stati Membri ġirien. L-inputs essenzjali huma skarsi u diffiċli jew impossibbli li jinkisbu. Fl-Ukrajna, il-kapaċità li jinżergħu għelejjel tar-rebbiegħa u li jinħasdu kemm l-għelejjel tar-rebbiegħa kif ukoll dawk tax-xitwa fl-2022 se tkun deċiżiva u l-impatt tal-gwerra x’aktarx li jestendi fuq diversi snin, mhux l-anqas minħabba ħsara tal-gwerra fuq l-infrastruttura u l-faċilitajiet loġistiċi. Fir-Russja, filwaqt li l-produzzjoni ma ġarrbitx ħsara mill-gwerra, għad hemm inċertezza dwar il-kapaċità tagħha li tesporta kwantitajiet kbar mill-Baħar l-Iswed.

Is-sigurtà tal-ikel f’kuntest globali

Is-sigurtà tal-ikel għadha ta’ tħassib dejjem akbar fil-pjaneta. In-Nazzjonijiet Uniti enfasizzaw li t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità jirrappreżentaw it-theddida globali ewlenija għas-sigurtà tal-ikel 6 . Il-FAO tirrapporta li 811 miljun persuna għadhom isofru minn nuqqas ta’ nutrizzjoni kroniku u hemm taħlita ta’ fatturi li qed tisfida l-progress lejn l-ilħuq tal-għan ta’ żvilupp sostenibbli Nru 2 “Inxejnu l-Ġuħ”. It-tibdil fil-klima huwa mistenni li jaggrava s-sitwazzjoni fin-nuqqas ta’ miżuri effettivi ta’ mitigazzjoni u adattament. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel għandha effett immedjat fuq iċ-ċittadini fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fuq dawk l-anqas żviluppati li jiddependu fuq ix-xiri tal-ikel. L-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Ikel tal-FAO, li jsegwi l-bidliet ta’ kull xahar fil-prezzijiet internazzjonali tal-komoditajiet, jindika sitwazzjoni dejjem aktar diffiċli: dan kellu medja ta’ 140.7 punt fi Frar 2022, l-ogħla punt li qatt kellu, 3.1 punt aktar mill-ogħla livell preċedenti ta’ Frar 2011.

Filwaqt li huwa rrappurtat li l-klijenti ewlenin tal-qamħ Ukren u Russu għandhom ħażniet għal xi xhur, iż-żidiet fil-prezzijiet diġà qed jinħassu f’pajjiżi li jinsabu f’sitwazzjoni prekarja bħas-Sirja u l-Libanu, kif ukoll l-Alġerija.

Fl-2021, in-nuqqas ta’ sigurtà globali tal-ikel laħaq livelli mingħajr preċedent, b’aktar minn 161 miljun persuna li jeħtieġu assistenza alimentari urġenti, u kważi 0.6 miljun ruħ esperjenzaw kundizzjonijiet simili għall-karestija. Din is-sitwazzjoni tista’ tkompli tiddeterjora jekk il-prezzijiet tal-ikel ikomplu jiżdiedu.



Anness 2

Segwitu tal-Komunikazzjoni tal-2008 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (KUMM/2008/0821 finali)

Rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-2008

Segwitu

Il-promozzjoni tal-kompetittività tal-katina tal-provvista tal-ikel

Ir-Riformi suċċessivi tal-PAK (2008, 2013, 2021)

Il-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel (2010–2019).

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (eż. il-Ġappun, il-Vjetnam, Singapor, il-Kanada, il-Messiku, SADC-FSE) li jirriżultaw fi ftuħ tas-suq u tnaqqis ta’ ostakli mhux tariffarji għall-esportazzjonijiet agroalimentari.

Is-sorveljanza tas-Suq u l-istabbiliment tat-Task Force għall-Infurzar tas-Suq Uniku.

InvestEU: appoġġ lill-SMEs agroalimentari permezz tan-network EEN u aċċess għal strumenti finanzjarji.

L-Isħubija tal-UE għall-Ħiliet fis-settur agroalimentari

Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar prattiki responsabbli ta’ negozju u kummerċjalizzazzjoni tal-ikel.

L-iżgurar ta’ nfurzar qawwi u koerenti tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur fis-swieq tal-provvista tal-ikel mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni u l-Konsumatur

Il-Kummissjoni intervjeniet u ssanzjonat ir-restrizzjonijiet tal-kummerċ parallel f’għadd ta’ każijiet fis-swieq agroalimentari.

Il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni waqqfu għadd ta’ inizjattivi protezzjonisti nazzjonali dwar il-prodotti tal-ikel.

Il-Kummissjoni awtorizzat xi fużjonijiet fl-inputs agrikoli (eż. prodotti għall-protezzjoni tal-għelejjel) u f’xi prodotti tal-ikel u x-xorb (eż. prodotti tal-ħalib, birra) soġġetti għal rimedji li jipproteġu l-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-għażla u l-innovazzjoni.

Studju komprensiv tal-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjoni tas-settur modern tal-bejgħ bl-imnut u dwar kif l-għażla u l-innovazzjoni disponibbli għall-konsumaturi fuq l-ixkafef tal-ħwienet evolvew matul l-2004–2012. I  

Rieżami fil-livell nazzjonali u/jew f’dak tal-UE, kif xieraq, ta’ regolamenti li ġew identifikati bħala potenzjalment problematiċi għall-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

Ir-Rapport tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli Improving market outcomes – enhancing the position of farmers in the supply chain (2016) II

Kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni fir-Regolament dwar l-OKS III (Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq), 2018, 2021.

Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari.

Is-simplifikazzjoni tar-regolamenti dwar is-sikurezza tal-ikel inkluż il-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel.

L-għoti ta’ tagħrif aħjar lill-konsumaturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi tas-suq permezz tat-twaqqif ta’ sorveljanza Ewropea permanenti tal-prezzijiet tal-ikel u l-katina ta’ provvista

L-istabbiliment ta’ sitt Osservatorji tas-Suq Agrikolu IV  u portal tad-data AGRIFOOD.

Il-pubblikazzjoni ta’ rapporti regolari ta’ Prospettiva fuq Terminu Qasir V .

L-istabbiliment tal-Għodda ta’ Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel tal-Eurostat VI

Dispożizzjonijiet imtejba f’termini ta’ trasparenza tas-suq għall-prodotti agrikoli (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1746; L-Emendi tal-OKS tal-2021 1).

L-istabbiliment tas-Sistema Internazzjonali ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS - ara t-taqsima 3): Data tal-Eurostat dwar il-prezzijiet tal-ikel

L-eżaminar tal-miżuri biex titnaffar l-ispekulazzjoni għad-detriment tal-operaturi kummerċjali fis-swieq tal-komoditajiet agrikoli

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri u ttejjeb il-funzjonament tas-swieq finanzjarji u tagħmilhom aktar effiċjenti, reżiljenti u trasparenti.

Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill temenda d-Direttiva 2014/65/UE, biex tgħin l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19.

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq.

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet japplika għal firxa wiesgħa ta’ derivattivi OTC, inklużi ċerti derivattivi ta’ komoditajiet li jżidu t-trasparenza ta’ derivattivi ta’ komoditajiet OTC negozjati .

(1)      Il-karta tal-bilanċ tal-għalf tal-proteini tal-UE, DĠ AGRI.
(2)      COM (2008)821 final.
(3)       https://www.fooddrinkeurope.eu/wp-content/uploads/2022/03/Economic-Bulletin-on-Input-Costs-NovDec-2021-FINAL-public-version.pdf
(4)      Indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur.
(5)    Analiżi estensiva tista’ tinstab fin-nota ta’ informazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti “The importance of Ukraine and the Russian Federation for global agricultural markets and the risks associated with the current conflict”, 11 ta’ Marzu 2022,   https://www.fao.org/3/cb9013en/cb9013en.pdf , jew fi “The Ukraine Conflict and Global Food Price scares, R. Vos, J. Glauber, M. Hernandez, u D. Laborde, l-1 ta’ Marzu 2022, https://www.foodsecurityportal.org/node/1921.
(6)     https://www.ipcc.ch/srccl/chapter/chapter-5/ , https://www.fao.org/documents/card/en/c/ca3129en/ .
(I)

     https://ec.europa.eu/competition/sectors/agriculture/retail_study_report_en.pdf .

(II)

     https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/food-farming-fisheries/farming/documents/amtf-report-improving-markets-outcomes_en.pdf

(III)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli

(IV)   https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/facts-and-figures/markets/overviews/market-observatories_mt  
(V)

      https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/farming/facts-and-figures/markets/outlook/short-term_mt  

(VI)

      https://ec.europa.eu/growth/sectors/food-and-drink-industry/competitiveness-european-food-industry/european-food-prices-monitoring-tool_mt