6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/213


P9_TA(2022)0142

Tisħiħ tal-mandat tal-Europol: il-kooperazzjoni tal-Europol ma' partijiet privati, l-ipproċessar ta' data personali, u l-appoġġ fir-riċerka u fl-innovazzjoni ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Mejju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma' partijiet privati, tal-ipproċessar ta' data personali mill-Europol b'appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (COM(2020)0796 – C9-0401/2020 – 2020/0349(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 465/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0796),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0401/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-11 ta’ Frar 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0290/2021),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P9_TC1-COD(2020)0349

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Mejju 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2022/991.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għall-Europol biex tipproponi l-ħruġ ta’ allerti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

Bħala parti mill-evalwazzjoni li l-Kummissjoni se twettaq skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2016/794, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-impatt operazzjonali tal-mekkaniżmu l-ġdid stabbilit fl-Artikolu 4(1)(r) tar-Regolament (UE) 2016/794. Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, l-Europol tista’ tipproponi lill-Istati Membri, abbażi ta’ data li l-Europol irċeviet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex idaħħlu allerti ta’ informazzjoni fl-interess tal-Unjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen dwar persuni involuti fit-terroriżmu jew fil-kriminalità serja u organizzata. Il-Kummissjoni se twettaq din l-evalwazzjoni abbażi ta’ rapporti li l-Europol se tipprovdi dwar il-proposti magħmula għal allerti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u dwar l-allerti sussegwenti mdaħħla mill-Istati Membri fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Europol u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Europol u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), kif stabbiliti fl-Artikolu 20a tar-Regolament (UE) 2016/794, ma jistgħux jillimitaw l-obbligi fuq l-Europol li jirriżultaw mill-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, u għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità ma’ dan l-Artikolu tal-aħħar.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni tal-Europol ma’ pajjiżi terzi

Fir-rigward tar-regoli għall-kooperazzjoni tal-Europol ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tinnota li kwalunkwe trasferiment ta’ data personali mill-Europol għal pajjiż terz abbażi ta’ “strument legalment vinkolanti” jeħtieġ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-Trattat, kif diġà previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/794. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kwalunkwe trasferiment ta’ data personali mill-Europol għal pajjiż terz abbażi ta’ valutazzjoni tas-salvagwardji xierqa mill-Europol irid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza (2) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jirrikjedi li l-Europol tikkonkludi li l-livell ta’ protezzjoni tad-data personali fil-pajjiż terz jipprovdi ekwivalenza essenzjali f’termini ta’ protezzjoni tad-data. Il-possibbiltà ta’ trasferimenti ta’ data abbażi ta’ valutazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ qbil minn qabel mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif previst fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2016/794 se toħloq riskji ta’ intervent sussegwenti mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data abbażi ta’ valutazzjoni diverġenti tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data u tista’ taffettwa b’mod negattiv il-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni Europol-Interpol

Il-Kummissjoni tfakkar li fin-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (ICPO-INTERPOL), u f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati mogħtija mill-Kunsill (3), il-Kummissjoni tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Interpol, filwaqt li tqis l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata serja transfruntiera u transnazzjonali, kif ukoll il-ħtiġijiet operazzjonali attwali u l-mandat tal-Europol. Il-Kummissjoni tfittex li tiżgura, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati mogħtija mill-Kunsill (4), li l-ftehim jipprovdi l-bażi ġuridika għall-awtorizzazzjoni tal-Europol biex taċċessa l-bażijiet tad-data rilevanti tal-Interpol għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-avviżi ħomor tal-Interpol fil-qafas tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-UE u l-Interpol, il-Kunsill jilqa' l-progress li sar mill-Interpol fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi interni biex jiġi vvalutat, qabel il-pubblikazzjoni u d-diffużjoni ta' avviżi ħomor, kwalunkwe ksur tal-kostituzzjoni tal-Interpol. L-Istati Membri ser ikomplu jappoġġaw lill-Interpol f'dawn l-isforzi, u jilqgħu l-fatt li ngħatat informazzjoni minn rappreżentant tal-Interpol fil-livell ta' grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar dawn l-isforzi mwettqa fl-Interpol għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-avviżi ħomor għal raġunijiet politiċi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jappellaw għal skambju kontinwu u regolari dwar il-kwistjoni bejn l-Interpol u l-“Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali” tagħha, biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-Interpol. Il-Kunsill ser ikompli jappoġġa lill-Interpol fil-promozzjoni tal-istandards u l-proċeduri eżistenti tal-INTERPOL għall-kwalità u l-konformità tad-data u ser jistieden lill-Interpol biex tinforma regolarment lill-Kunsill fil-livell ta' grupp ta' ħidma.


(1)  Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 1).

(2)  L-Opinjoni 1/15, il-Ftehim PNR bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, EU:C:2017:592 (26.7.2017); is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C-362/14, EU:C:2015:650; is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, C-311/18, Schrems II, EU:C:2020:559.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1312 tad-19 ta’ Lulju 2021 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (ICPO-INTERPOL).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1312 tad-19 ta’ Lulju 2021 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (ICPO-INTERPOL).

(5)  Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 1).