27.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 390/5


Komunikazzjoni mill-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

(2021/C 390/05)

Avviż ta’ applikazzjoni għal konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-metan li jinsab f’depożiti ta’ faħam iebes

TAQSIMA I: BAŻI ĠURIDIKA

1.

L-Artikolu 49ec(2) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2020, il-punt 1064, kif emendat)

2.

Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3; Edizzjoni speċjali bil-Pollakk: Kapitolu 6, Volum 2, p. 262)

TAQSIMA II: ENTITÀ LI QED ISSEJJAĦ GĦALL-OFFERTI

Isem: Ministerstwo Klimatu i Środowiska (il-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent)

Indirizz postali: ul. Wawelska 52/54, 00-922 Warszawa, Poland

Telefown +48 223692449; Faks +48 223692460

Sit web: www.gov.pl/web/klimat

TAQSIMA III: SUĠĠETT TAL-PROĊEDURA

1)   Informazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal konċessjoni

Ġiet sottomessa applikazzjoni għal konċessjoni lill-awtorità ta’ konċessjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-metan li jinsab fid-depożitu tal-faħam iebes ta’ “Moszczenica”.

2)   Tip ta’ attivitajiet li għalihom għandha tingħata l-konċessjoni

Il-prospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-metan li jinsab fid-depożitu tal-faħam iebes ta’ “Moszczenica”.

3)   Żona li fiha għandhom jitwettqu l-attivitajiet

Il-konfini taż-żona huma ddefiniti permezz tal-linji li jgħaqqdu l-punti bil-koordinati li ġejjin fis-sistema ta’ koordinati PL-2000/6:

Le

X [PL-2000/6]

Y [PL-2000/6]

1

5 536 182,45

6 537 555,02

2

5 534 963,32

6 537 566,01

3

5 533 784,92

6 539 829,49

4

5 536 110,36

6 541 152,15

5

5 535 734,19

6 543 029,12

6

5 535 025,70

6 542 901,33

7

5 533 132,22

6 542 559,80

8

5 532 938,01

6 539 390,94

9

5 532 375,43

6 538 685,84

10

5 532 812,68

6 536 464,02

11

5 533 787,24

6 536 946,60

12

5 534 806,71

6 537 055,29

Iż-żona tas-superfiċje tal-projezzjoni vertikali taż-żona hija 13,092081 km2.

Post amministrattiv:

 

Provinċja ta’ Śląskie;

 

Distretti: Jastrzębie-Zdrój (belt bi status ta’ distrett) u d-distrett ta’ Wodzisław;

 

Muniċipalitajiet: Jastrzębie-Zdrój, Mszana u Godów.

4)   Skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal konċessjoni minn entitajiet oħra interessati fl-attività li għaliha għandha tingħata l-konċessjoni, mhux inqas minn 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L-applikazzjonijiet ta’ konċessjoni jridu jiġu sottomessi lill-Ministeru għall-Klima sa mhux iktar tard min-nofsinhar (12:00) (CET/CEST) tal-aħħar jum tal-perjodu ta’ 180 jum li jibda mill-għada tad-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5)   Kriterji ta’ valutazzjoni għall-applikazzjonijiet għal konċessjoni u speċifikazzjoni tal-ponderazzjoni tagħhom stabbiliti b’kunsiderazzjoni xierqa tal-Artikolu 49k(1), (1a) u (3) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni

L-applikazzjonijiet li jaslu se jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

30 %

-

l-ambitu u l-iskeda tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew l-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni proposti;

20 %

-

l-ambitu u l-iskeda tal-ġbir obbligatorju ta’ kampjuni miksuba matul l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, inkluż l-massi ċilindriċi tat-tħaffir;

20 %

-

il-kapaċitajiet finanzjarji li joffru garanzija adegwata li l-attivitajiet marbuta rispettivament mal-prospettar u mal-esplorazzjoni tad-depożiti tal-idrokarburi u mal-estrazzjoni tal-idrokarburi se jitwettqu, u b’mod partikolari s-sorsi u l-metodi ta’ finanzjament tal-attivitajiet maħsuba, inkluż is-sehem tal-fondi proprji u l-finanzjament estern;

20 %

-

it-teknoloġija proposta għat-twettiq tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inklużi l-operazzjonijiet ġeoloġiċi jew l-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni;

5 %

-

il-kapaċitajiet tekniċi għall-prospettar u għall-esplorazzjoni, rispettivament, ta’ depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, u b’mod partikolari d-disponibbiltà tal-potenzjal tekniku, organizzattiv, loġistiku u tar-riżorsi umani xieraq (inkluż 2 % għall-kollaborazzjoni, fir-rigward tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-prospettar, għall-esplorazzjoni u għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi, flimkien ma’ korpi xjentifiċi inklużi fil-lista ta’ korpi xjentifiċi attivi msemmija fl-Artikolu 49ka(1) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni) u li huma attivi fir-riċerka tal-ġeoloġija tal-Polonja, u ta’ għodod, teknoloġiji u metodi analitiċi għall-prospettar ta’ depożiti tal-idrokarburi li jqisu l-ispeċifiċità tal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi Pollakki u li jistgħu jiġu applikati f’dawk il-kundizzjonijiet;

5 %

-

l-esperjenza fil-prospettar u fl-esplorazzjoni tad-depożiti tal-idrokarburi jew fl-estrazzjoni tal-idrokarburi, l-iżgurar ta’ operazzjoni sikura, il-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u l-protezzjoni tal-ambjent.

Jekk, wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji speċifikati hawn fuq, żewġ offerti jew aktar jiksbu l-istess riżultat, l-ammont tat-tariffa għall-istabbiliment ta’ drittijiet ta’ użufrutt minerarju dovuti matul il-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni se jintuża bħala kriterju addizzjonali li jippermetti li ssir għażla finali bejn l-offerti kkonċernati.

TAQSIMA IV: INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

IV.1)   Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jintbagħtu fl-indirizz li ġej

Ministerstwo Klimatu i Środowiska (il-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent)

Departament Geologii i Koncesji Geologicznych (id-Dipartiment tal-Ġeoloġija u tal-Konċessjonijiet Ġeoloġiċi)

Wawelska 52/54

00-922 Warsaw

POLAND

IV.2)   L-informazzjoni tista’ tinkiseb

mis-sit web tal-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent: https://www.gov.pl/web/klimat: https://www.gov.pl/web/klimat

mid-Dipartiment tal-Ġeoloġija u tal-Konċessjonijiet Ġeoloġiċi

Ministerstwo Klimatu i Środowiska (il-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent)

ul. Wawelska 52/54

00-922 Warsaw

POLAND

Tel. +48 225792449, Faks +48 225792460

Indirizz Elettroniku: sekretariat.dgk@klimat.gov.pl

IV.3)   Deċiżjoni ta’ kwalifika

L-applikazzjonijiet għall-konċessjoni jistgħu jiġu sottomessi minn entitajiet li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet deċiżjoni li tikkonferma r-riżultat pożittiv ta’ proċedura ta’ kwalifika, kif previst fl-Artikolu 49a(17) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni.

IV.4)   Tariffa minima għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju

L-ammont minimu tat-tariffa għall-istabbiliment ta’ drittijiet ta’ użufrutt minerarju għaż-żona ta’ “Moszczenica” tul il-perjodu ta’ bażi ta’ ħames snin għall-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni hu ta’ PLN 6 000,00 (sitt elef zloty) kull sena. It-tariffa annwali għall-istabbiliment ta’ drittijiet ta’ użufrutt minerarju għall-fini ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni ta’ minerali huwa indiċizzat mal-indiċijiet tal-prezzijiet annwali medji tal-konsumatur stabbiliti b’mod kumulattiv għall-perjodu mill-konklużjoni tal-ftehim sas-sena ta’ qabel id-data għall-ħlas tat-tariffa, kif imħabbar mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika Monitor Polski” (Il-Gazzetta Uffiċjali Pollakka).

IV.5)   L-għoti tal-konċessjonijiet u l-istabbiliment ta’ użufrutt minerarju

L-awtorità ta’ konċessjoni, wara li tkun kisbet l-opinjonijiet jew il-ftehimiet meħtieġa skont l-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni, se tagħti konċessjoni għall-prospettar u l-esplorazzjoni tad-depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi:

1)

lill-entità li l-applikazzjoni għal konċessjoni tagħha tkun ingħatat l-ogħla punteġġ, jew

2)

meta applikazzjoni għal konċessjoni ppreżentata b’mod konġunt minn diversi entitajiet tingħata l-ogħla punteġġ, lill-partijiet fil-ftehim ta’ kooperazzjoni – ladarba dak il-ftehim ikun ġie sottomess lill-awtorità ta’ konċessjoni

– u, fl-istess ħin, se tirrifjuta li tagħti konċessjonijiet lil entitajiet oħra (l-Artikolu 49ee (1) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni).

L-awtorità ta’ konċessjoni se tikkonkludi kuntratt ta’ użufrutt minerarju mal-entità li l-applikazzjoni għal konċessjoni tagħha tkun ingħatat l-ogħla punteġġ; u, fejn applikazzjoni għal konċessjoni sottomessa b’mod konġunt minn entitajiet diversi tingħata l-ogħla punteġġ, mal-entitajiet kollha li ppreżentaw l-applikazzjoni konġunta (l-Artikolu 49ee(2) tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni). Sabiex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet li jinvolvu l-prospettar u l-esplorazzjoni tad-depożiti tal-idrokarburi u l-estrazzjoni tal-idrokarburi fil-Polonja, operatur irid ikollu d-drittijiet ta’ użufrutt minerarju u konċessjoni.

IV.6)   Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-applikazzjonijiet għal konċessjoni u d-dokumenti meħtieġa mill-applikanti

L-Artikolu 49eb tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni jispeċifika l-partijiet komponenti tal-applikazzjoni għal konċessjoni.

L-età ġeoloġika tal-formazzjonijiet fejn se jitwettqu xogħlijiet ġeografiċi (skop ġeoloġiku) għandha tiġi indikata bħala l-għan tax-xogħlijiet, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi.

IV.7)   Kategorija minima tal-esplorazzjoni tad-depożiti

Il-Kategorija C hija l-kategorija minima ta’ esplorazzjoni għall-metan li jinsab fid-depożitu tal-faħam iebes ta’ “Moszczenica”.