21.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 241/3


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar tisħiħ tal-governanza f'diversi livelli fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet

(2021/C 241/03)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL

WAQT LI JFAKKRU LI:

1.

L-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi azzjoni tal-Unjoni Ewropea maħsuba biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

2.

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li "l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi". L-Artikolu 10(3) jagħraf id-dritt ta' kull ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea.

3.

L-Artikoli 11 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjaraw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni. L-Artikolu 24 jiddikjara li t-tfal jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament u jistipula li dawk il-fehmiet għandhom jiġu kkunsidrati f'materji li jirrigwardawhom skont l-età u l-maturità tagħhom.

4.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (1) tirreferi għall-importanza tal-appoġġ għall-impenn soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jieħdu sehem fis-soċjetà. Ir-Riżoluzzjoni tagħraf ukoll il-parteċipazzjoni (2) u d-dimensjonijiet globali, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali (3).

5.

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (4) tan-Nazzjonijiet Uniti tidentifika ż-żgħażagħ bħala aġenti attivi tal-iżvilupp sostenibbli; il-Programm ta' Azzjoni Dinji għaż-Żgħażagħ tan-Nazzjonijiet Uniti (5) jħeġġeġ parteċipazzjoni sħiħa u effettiva għaż-żgħażagħ fil-ħajja tas-soċjetà.

6.

Il-Karta Ewropea dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali (6) tal-Kunsill tal-Ewropa tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-aċċess taż-żgħażagħ għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom, b'mod partikolari b'rabta mal-parteċipazzjoni.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (7) jagħrfu li ż-żgħażagħ kollha għandhom jingħataw il-kapaċità li jipparteċipaw b'mod sinifikattiv fid-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom. Huma għandhom id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, u li jkunu protetti mid-diskriminazzjoni.

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-bini ta' soċjetà sikura, koeżiva u armonjuża fl-Ewropa (8) isemmu li ż-żgħażagħ huma innovaturi u aġenti tal-bidla u li l-kontributi tagħhom għandhom jiġu attivament appoġġati, inkoraġġuti u meqjusa bħala essenzjali fil-bini ta' soċjetà paċifika u fl-appoġġ tal-governanza demokratika.

9.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (9) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment ta' forom ġodda u effettivi ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (10) jsaħħu d-dimensjoni ġenerali taż-żgħażagħ u jenfasizzaw l-importanza tal-promozzjoni ta' parteċipazzjoni attiva u responsabbli taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' politiki li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ.

10.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash tal-2019 dwar iż-żgħażagħ (11) jindika li ż-żgħażagħ huma attivi ħafna fil-ħajja demokratika, u li l-livelli ta' parteċipazzjoni qed jiżdiedu, bi tliet kwarti taż-żgħażagħ li ħadu sehem fl-istħarriġ iwieġbu li kienu impenjati f'xi forma ta' moviment organizzat.

11.

L-istudju dwar ix-xenarju tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ fl-UE (12) jissuġġerixxi li s-settur taż-żgħażagħ tal-UE qed jikber, u li l-istrutturi tradizzjonali taż-żgħażagħ bħall-NGOs u n-networks għad għandhom rwol importanti; jidentifika wkoll il-ħtieġa għal spazji aktar varjati u flessibbli għall-parteċipazzjoni.

WAQT LI JAGĦRFU LI:

12.

Għalkemm sar progress sinifikanti, iż-żgħażagħ għad għandhom inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw, huma sottorappreżentati fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ sfidi li ġew aċċentwati mill-pandemija tal-COVID-19. L-isfidi ewlenin (13) li żdiedu fost iż-żgħażagħ f’pożizzjonijiet vulnerabbli jinkludu riskju ogħla ta’ qgħad, prekarjetà tax-xogħol, faqar, esklużjoni, marġinalizzazzjoni, diskriminazzjoni u inugwaljanza, investiment insuffiċjenti fl-iżvilupp tal-ħiliet, u l-impatti fuq is-saħħa mentali tagħhom.

13.

Il-vulnerabbiltà li qed tiżdied taż-żgħażagħ hija marbuta ma’ nuqqas ta’ ugwaljanza fl-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ formali rawwima, tagħlim u opportunitajiet mhux formali u informali, sovrarappreżentanza f’xogħol mhux standard u aċċess insuffiċjenti għal protezzjoni soċjali, li għandhom effett strutturali fuq il-ħajja, l-emanċipazzjoni u t-tranżizzjoni għall-awtonomija taż-żgħażagħ, b’mod partikolari fejn jidħol aċċess għall-akkomodazzjoni, kundizzjonijiet tal-għajxien ġusti, kura tas-saħħa u impjiegi deċenti.

14.

Hemm ħtieġa urġenti li ż-żgħażagħ jingħataw edukazzjoni ta’ kwalità dwar iċ-ċittadinanza li rawwim valuri demokratiċi u li jissaħħu b’ħiliet ta’ litteriżmu fl-informazzjoni u fil-media sabiex ikunu kapaċi jifhmu l-kuntesti politiċi u tas-soċjetà, jagħrfu t-theddidiet tad-diżinformazzjoni, il-polarizzazzjoni u l-propaganda kif ukoll li jkunu informati b’mod sħiħ u liberu biex jagħmlu l-għażliet u jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti.

15.

L-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-Kunsill Ewropew għall-2019-2024 (14) u l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 (15) jagħrfu r-rwol taż-żgħażagħ fil-bini ta’ Ewropa b’impatt newtrali fuq il-klima, ekoloġika, ġusta, diġitali u soċjali, fil-promozzjoni ta’ xejriet sostenibbli ta’ konsum u produzzjoni, u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

16.

It-tagħlim mhux formali u t-tagħlim informali għandhom rwol importanti, pereżempju fi kwistjonijiet ċiviċi u fil-parteċipazzjoni; huma integrati fl-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (16); u għandhom l-għan li jsaħħu u jiżviluppaw il-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi involuti fil-ħidma fost iż-żgħażagħ f’għadd ta’ oqsma, f’konformità mal-“Proċess ta’ Bonn” u l-implimentazzjoni ta’ qafas strateġiku għall-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (17).

IQISU LI:

17.

Iż-żgħażagħ jagħtu kontributi essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà. Deċiżjonijiet meħuda llum jaffettwawlhom ħajjithom kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni. Iż-żgħażagħ huma affettwati minn kwistjonijiet li huma transsettorjali u marbuta mal-aġenda politika kollha, u għalhekk l-impenn u l-involviment tagħhom biex jinstabu tweġibiet għall-isfidi tas-soċjetà, ambjentali, diġitali, ekonomiċi, kulturali u politiċi huma essenzjali sabiex jitrawwem il-prinċipju demokratiku tar-rappreżentanza. Dan għandu jippermetti liż-żgħażagħ jieħdu ħsieb ħajjithom stess, jitgħallmu, ikollhom vuċi fil-bini ta' soċjetajiet reżiljenti, koeżivi, inklużivi, b'impatt newtrali fuq il-klima, għonja, ġusti u sostenibbli, u jikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa fil-kuntest ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi kbira, bħall-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika.

18.

Għal approċċ effettiv għall-governanza f'diversi livelli (18) fil-qasam taż-żgħażagħ, u b'mod partikolari l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, huwa importanti li jingħata appoġġ għall-istabbiliment u l-iżvilupp tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-livelli kollha (19), li jingħaraf id-dritt taż-żgħażagħ li jorganizzaw lilhom infushom u jipparteċipaw u li jingħataw il-kapaċità li jagħmlu dan. Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet u l-istrutturi taż-żgħażagħ u l-appoġġ għalihom, li jiżguraw ambjent favorevoli fil-livelli kollha, huma indispensabbli għall-parteċipazzjoni effettiva, sinifikattiva u sostenibbli taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

19.

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (20) tirreferi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-impenn soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jieħdu sehem fis-soċjetà, filwaqt li tenfasizza t-twettiq tal-viżjoni u l-għanijiet taż-żgħażagħ għall-Ewropa permezz tal-mobilizzazzjoni ta' strumenti ta' politika fil-livell tal-UE kif ukoll azzjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali mill-partijiet konċernati kollha.

20.

Il-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ (21) jiffukaw fuq il-viżjoni taż-żgħażagħ għall-Ewropa, jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ, u jirriflettu prijoritajiet li huma importanti għalihom, inkluż il-parteċipazzjoni stess taż-żgħażagħ fl-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ #9, "Spazju u parteċipazzjoni għal kulħadd".

21.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tfisser li jeżerċitaw drittijiet u jkollhom opportunitajiet, aċċess ugwali, appoġġ u responsabbiltà sabiex jipparteċipaw u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet, u li jkunu involuti sistematikament f'azzjonijiet u attivitajiet li jgħinu biex tissaħħaħ soċjetà bbażata fuq il-valuri tal-UE.

22.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tfisser ukoll li ma jibqax jiċkien l-ispazju għas-soċjetà ċivili, li għandu impatt sostanzjali fuq il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u joħloq aktar sfidi għaż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet u l-istrutturi taż-żgħażagħ, u min jaħdem maż-żgħażagħ.

23.

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (22) kien strumentali matul l-aħħar 10 snin biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, permezz tal-involviment ta' kunsilli taż-żgħażagħ, gruppi ta' ħidma nazzjonali u partijiet konċernati oħra b'rabta maż-żgħażagħ, filwaqt li ppromwova djalogu strutturali ma' atturi rilevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-partijiet konċernati tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi taż-żgħażagħ u l-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, taw kontribut siewi lir-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, fost oħrajn permezz tal-Konferenzi tal-Unjoni Ewropea dwar iż-Żgħażagħ.

24.

Il-governanza tal-politika dwar iż-żgħażagħ tvarja fost l-Istati Membri tal-UE, minħabba l-kuntesti politiċi, kulturali, storiċi, soċjetali u ġeografiċi differenti tagħhom. Dawn għandhom oqfsa differenti (eż. il-qafas legali għall-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ, ir-rwol tal-korpi eletti / l-istrutturi leġiżlattivi, jew is-suġġetti koperti mill-politiki dwar iż-żgħażagħ), kif ukoll mudelli differenti ta' implimentazzjoni (eż. koordinazzjoni orizzontali, vertikali jew transsettorjali, setgħat ta' implimentazzjoni f'livelli differenti ta' amministrazzjoni pubblika) (23).

25.

Iż-żgħażagħ, bil-modi tagħhom ta' espressjoni f'firxa wiesgħa u varjata ta' forom u kuntesti ġeografiċi, huma s-sisien li fuqhom huma bbażati r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Dawn il-forom jinkludu organizzazzjonijiet u gruppi mhux formali, minn ambjenti urbani sa żoni rurali u remoti (24), strutturi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, kunsilli taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, kif ukoll individwi żgħażagħ li mhumiex parti minn strutturi jew organizzazzjonijiet eżistenti.

JENFASIZZAW LI:

26.

Huwa essenzjali li ż-żgħażagħ kollha jkollhom opportunitajiet indaqs għall-parteċipazzjoni, l-involviment u l-awtonomizzazzjoni fil-proċessi rilevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Dik il-parteċipazzjoni hija importanti mhux biss għall-kwalità tal-politika dwar iż-żgħażagħ, iżda wkoll għall-politiki trasversali l-oħra kollha li jaffettwaw liż-żgħażagħ. Tikkonċerna l-iżvilupp personali, soċjali, kulturali u intellettwali taż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta (25).

27.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tiġġenera sens ta' appartenenza, ċittadinanza u solidarjetà, u tirrendi l-proċessi tal-politiki aktar trasparenti u responsabbli fir-rigward taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tagħtihom is-setgħa u tgħinhom jiżviluppaw fiduċja fihom infushom u sens ta' inizjattiva, sjieda u responsabbiltà, u b'hekk tippermettilhom jiksbu u jiżviluppaw l-esperjenza u l-ħiliet rilevanti għall-ħajja demokratika u professjonali tagħhom, f'oqsma bħall-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni, in-negozjar u l-ispirtu ta' tim.

28.

L-integrazzjoni tal-governanza f'diversi livelli waqt il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet trawwem soċjetajiet inklużivi u reżiljenti, issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ċivika u territorjali, u ttejjeb ir-rabtiet bejn il-politiki fil-livell Ewropew u dak lokali b'inizjattivi konkreti bħall-Belt Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ u l-proġett taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni ta' Erasmus+ "Europe goes local" (26). Fl-istess ħin, tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ billi toħolqilhom opportunitajiet biex idaħħlu fil-prattika u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet li jeħtieġu biex jipparteċipaw bis-sħiħ f'soċjetajiet diversi u biex ikunu ppreparati għall-isfidi futuri.

29.

It-trasformazzjoni diġitali tad-demokraziji tagħna (27) ġġib magħha l-ħtieġa li jiġu esplorati u promossi forom innovattivi u alternattivi ta' parteċipazzjoni bħal pereżempju għodod tad-demokrazija diġitali, filwaqt li jingħarfu l-isfidi tal-parteċipazzjoni fl-ispazju diġitali u l-aċċess limitat ta' xi żgħażagħ għall-internet jew għat-teknoloġiji diġitali, jew in-nuqqas tal-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex jużawhom. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu pprovduti aċċess u soluzzjonijiet imfassla apposta biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika b'mezzi diġitali u jinvolvu liż-żgħażagħ b'mod inklużiv.

30.

Għandu jkompli jingħata aktar appoġġ lil politiki li joħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà. F'dan il-kuntest, irid jissaħħaħ ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, tat-tagħlim mhux formali u informali u tad-djalogu effettiv maż-żgħażagħ kollha, fil-qafas ta' approċċ transsettorjali għal oqsma bħall-politika soċjali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-kultura u l-ambjent.

31.

Għall-parteċipazzjoni effettiva taż-żgħażagħ (28) fis-soċjetà, iridu jitqiesu xi aspetti importanti, pereżempju: mappa tal-governanza tal-politika dwar iż-żgħażagħ; tagħlim komparattiv (29) dwar il-mekkaniżmi tal-politika dwar iż-żgħażagħ fil-livelli kollha; taħriġ ta' uffiċjali pubbliċi dwar kwistjonijiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ; u l-identifikazzjoni tar-rwol u r-responsabbiltajiet taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki.

JIEĦDU NOTA TA':

32.

L-ideat u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ kondiviżi fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Marzu 2021, li fiha ż-żgħażagħ iddeskrivew għadd ta' inizjattivi li jipprovdu ispirazzjoni siewja għal azzjoni lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u liż-żgħażagħ infushom, sabiex tiġi promossa d-demokrazija fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Dawn l-ideat u l-opinjonijiet jikkonċernaw:

l-istabbiliment ta' mekkaniżmi fil-livelli rilevanti biex iż-żgħażagħ jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet ta' politika nazzjonali, reġjonali u lokali;

l-organizzazzjoni ta' tagħlim mhux formali u taħriġ fir-rappreżentanza ta' interessi għaż-żgħażagħ, inkluż għal dawk b'inqas opportunitajiet;

it-tnaqqis tal-età u d-drittijiet tal-vot għal 16-il sena, flimkien mal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, sabiex iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa u jingħataw is-setgħa biex jipparteċipaw b'mod attiv fl-elezzjonijiet;

l-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-użu ta' spazji pubbliċi disponibbli għaż-żgħażagħ, kif ukoll is-simplifikazzjoni ta' dik l-informazzjoni;

l-iżvilupp konġunt u l-adozzjoni ta' linji gwida u tikketti ta' kwalità tal-UE sabiex jiġi żgurat aċċess għaż-żgħażagħ kollha għal spazji diġitali adattati għalihom, sikuri u inklużivi;

il-ħolqien ta' pjattaformi biex tingħata assistenza lill-inizjattivi minn isfel għal fuq immexxija miż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali u reġjonali;

l-espansjoni tal-kurrikulu skolastiku u d-diversifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati permezz tal-inklużjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jitrawwem l-iżvilupp tal-ħsieb kreattiv, iċ-ċittadinanza attiva u l-prattika tat-teħid ta' deċiżjonijiet permezz tal-edukazzjoni mhux formali.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FIL-LIVELLI XIERQA, BIEX:

33.

Jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ kollha permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, informazzjoni orjentata lejn iż-żgħażagħ, feedback, it-tagħlim mhux formali u informali, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u prattiki oħra li jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni infurmata u kritika fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f'diversi livelli.

34.

Jippromwovu u jappoġġaw b'mod adegwat l-istabbiliment jew it-titjib ta' strutturi ta' governanza sostenibbli f'diversi livelli, sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fit-tfassil tal-aġendi, filwaqt li jinkoraġġixxu varjetà ta' soluzzjonijiet parteċipattivi mhux formali. Dan jeħtieġ ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-professjonisti żgħażagħ, il-mexxejja taż-żgħażagħ (30), l-iskejjel, l-għalliema, il-kowċis, il-ħarrieġa u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, l-appoġġ favurihom u l-involviment sħiħ tagħhom. Għandhom isiru sforzi speċifiċi biex isir kuntatt maż-żgħażagħ li mhumiex involuti fi strutturi u organizzazzjonijiet formali u biex dawn jingħataw is-setgħa.

35.

Jippromwovu u jappoġġaw, speċjalment fi kwartieri żvantaġġati u f'żoni rurali u remoti, soluzzjonijiet fiżiċi, diġitali u ibridi aċċessibbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment effettivi taż-żgħażagħ kollha fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha, b'mod li jkopri diversi setturi, sabiex dawn jingħataw spazji miftuħa u sikuri, kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp personali, soċjali, kulturali u professjonali.

36.

Jipprovdu opportunitajiet indaqs u ġusti, li jappoġġaw il-forom kollha ta' parteċipazzjoni u involviment taż-żgħażagħ fil-livelli kollha. Dan l-approċċ japplika għall-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw liż-żgħażagħ, pereżempju l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjiegi deċenti, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima, id-drittijiet tal-bniedem, l-ekwità u s-solidarjetà interġenerazzjonali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-impatt tad-diġitalizzazzjoni, f'konformità mal-impenn li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura" (31).

37.

Fejn xieraq, jistabbilixxu jew iżommu sinerġiji u kooperazzjoni bejn is-setturi u l-programmi ta' politika relatati maż-żgħażagħ, b'mod partikolari bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u r-riċerkaturi li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, sabiex jitrawwem il-ħsieb kritiku, tingħata informazzjoni komprensiva dwar il-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u jiżdiedu l-fehim, l-impenn u l-parteċipazzjoni effettiva u sinifikanti taż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FL-OQSMA TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U FIL-LIVELLI XIERQA, B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

38.

Jintegraw u jappoġġaw strutturi attivi u sostenibbli għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' politiki għaż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, filwaqt li jingħataw aċċess għal data affidabbli, evidenza, u proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet responsabbli u rieżaminati regolarment, billi jibnu fuq proċessi ta' parteċipazzjoni bħad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u arranġamenti oħra fid-diversi oqsma ta' politika li għandhom l-għan li jrawmu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

39.

Jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri u r-rieżami ta' approċċi mmirati biex iżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Dan jista' jibni fuq kunċetti u mekkaniżmi eżistenti, kif ukoll fuq il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'dan il-qasam. Dawn l-approċċi għandhom jinvolvu liż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ (li jinkludu l-kunsilli lokali taż-żgħażagħ), il-prattikanti, ir-riċerkaturi fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ u dawk li jfassluha, fil-livelli kollha u mis-setturi rilevanti kollha.

40.

Jisfruttaw bis-sħiħ il-programmi rilevanti tal-UE (fost l-oħrajn l-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà) biex jippromwovu u jappoġġaw l-għarfien, l-iskambju ta' prattiki, u l-attivitajiet ta' tagħlim reċiproku, kif ukoll it-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ abbażi ta' approċċ ta' governanza f'diversi livelli.

41.

Fejn rilevanti, jużaw b'mod effettiv id-dashboard tal-politika dwar iż-żgħażagħ tal-UE (32) u jqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet tal-impatt li, fost l-oħrajn, iqabblu l-ambitu tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-karatteristiċi reġjonali u lokali f'termini tad-demografija, il-benesseri, l-impenn demokratiku u l-iżvilupp sostenibbli.

42.

Ikomplu jrawmu d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-gruppi ta' ħidma nazzjonali mwaqqfa fl-Istati Membri u, fejn xieraq, jirriżervaw rwol ewlieni għall-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, sabiex jisfruttaw dan il-qafas fi proċessi konsultattivi oħra, bħal dawk relatati mal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u l-inizjattiva Bauhaus Ewropew Ġdid.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

43.

Torganizza attività ta' tagħlim bejn il-pari fil-qasam taż-żgħażagħ bl-objettiv li jiġu skambjati l-għarfien u l-esperjenza dwar kif tiġi promossa l-parteċipazzjoni effettiva taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha ta' politika, biex b'hekk jinħoloq fehim komuni tal-kunċett ta' governanza f'diversi livelli.

44.

Tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-għarfien u tal-kapaċitajiet b'rabta mal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet f'diversi livelli, inkluż, fejn possibbli, permezz tal-Wiki taż-Żgħażagħ, in-networks ta' riċerka taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti u l-OECD u korpi rilevanti oħra.

45.

Fejn xieraq, tuża l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biex tikkomunika maż-żgħażagħ permezz ta' djalogi u konsultazzjonijiet online.

JISTIEDNU LILL-ATTURI KOLLHA INVOLUTI FL-ATTIVITAJIET TA' KOOPERAZZJONI EWROPEA FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTINKAW BIEX:

46.

Jistabbilixxu proċeduri trasparenti li jippermettu liż-żgħażagħ ikunu direttament involuti fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, kemm individwalment, fil-każ ta' mexxejja taż-żgħażagħ, kif ukoll permezz ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, għalliema, riċerkaturi, ġurnalisti jew strutturi jew gruppi mhux formali oħra relatati maż-żgħażagħ. Din il-parteċipazzjoni għandha tindirizza l-kwistjonijiet kollha li jħallu impatt fuq il-ħajja taż-żgħażagħ, fuq bażi transsettorjali, filwaqt li tippromwovi s-sinerġiji u l-kooperazzjoni fi proċessi konġunti tat-teħid ta' deċiżjonijiet, responsabbiltajiet kondiviżi u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet.

47.

Iwessgħu l-ambitu u l-firxa ta' opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni formali u t-tagħlim informali u mhux formali biex jaġixxu flimkien biex iżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u biex jappoġġaw diversi forom ta' "kif wieħed jitgħallem jipparteċipa" minn età bikrija, peress li dan iżid il-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni tul il-ħajja (33).

(1)  ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

(2)  "Ir-rikonoxximent li ż-żgħażagħ kollha huma riżors għas-soċjetà, il-politiki u l-attivitajiet kollha li jikkonċernaw iż-żgħażagħ għandhom iżommu d-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politiki li jaffettwawhom permezz ta' parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. F'dan il-kuntest, il-politiki għandhom jitfasslu b'rikonoxximent tal-bidliet li ġabet magħha l-komunikazzjoni diġitali li taffettwa l-parteċipazzjoni demokratika u ċivika."

(3)  "Sabiex jiġi żgurat impatt sostenibbli fuq iż-żgħażagħ, huwa importanti li l-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ tiġi implimentata bil-ħsieb tal-interkonnessjonijiet mal-livelli reġjonali u lokali u li l-attivitajiet jitmexxew biex jappoġġaw politiki dwar iż-żgħażagħ fil-livell lokali. Fl-istess ħin, l-ilħna taż-żgħażagħ għandhom jitqiesu kull meta jkunu indirizzati kwistjonijiet globali."

(4)  https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

(5)  https://www.un.org/development/desa/youth/world-programme-of-action-for-youth.html

(6)  1992, Karta Ewropea riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali, 2003 u 2015.

(7)  ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16.

(8)  ĠU C 195, 7.6.2018, p. 13.

(9)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10.

(10)  ĠU C 169, 9.6.2011, p. 1.

(11)  Ewrobarometru Flash 478: Kif nibnu Ewropa aktar b'saħħitha u aktar magħquda? Il-fehmiet taż-żgħażagħ, https://data.europa.eu/euodp/fr/data/dataset/S2224_478_ENG

(12)  Study on the landscape of youth representation in the EU (Studju dwar ix-xenarju tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ fl-UE), 2019, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/57e87ca0-900d-11ea-812f-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-search

(13)  Partnership between the EU and the CoE in the field of youth, "Towards a better understanding of the impact of Covid-19 on the youth sector" (Sħubija bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ, "Lejn fehim aħjar tal-impatt tal-Covid-19 fuq is-settur taż-żgħażagħ"), https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/72351197/Summary+13+Oct+2020.pdf/c8808ff7-25be-f7f9-3504-b2a189a64bd0 ; Parlament Ewropew, "COVID-19: MEPs ask to prevent lasting damage on youth and on sport" (COVID-19: il-membri tal-PE jitolbu biex ma titħalliex issir ħsara dejjiema liż-żgħażagħ u lill-isport) (Jannar 2021) https://www.europarl.europa.eu/news/en/press-room/20210122IPR96224/covid-19-meps-ask-to-prevent-lasting-damage-on-youth-and-on-sport; OECD Policy Responses to Coronavirus (COVID-19) (Risposti Strateġiċi tal-OECD għall-Coronavirus), "Youth and COVID-19: Response, recovery and resilience" (Iż-żgħażagħ u l-COVID-19: Rispons, irkupru u reżiljenza) (Ġunju 2020), https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/youth-and-covid-19-response-recovery-and-resilience-c40e61c6/; ILO, Youth employment (Impjieg taż-żgħażagħ), https://www.ilo.org/global/topics/youth-employment/lang--en/index.htm.

(14)  https://www.consilium.europa.eu/media/39914/a-new-strategic-agenda-2019-2024.pdfhttps://www.consilium.europa.eu/media/39914/a-new-strategic-agenda-2019-2024.pdf

(15)  https://ec.europa.eu/info/publications/2021-commission-work-programme-key-documents_en

(16)  Resolution on the Framework for establishing a European Youth Work Agenda (2020/C415/01), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT&toc=OJ%3AC%3A2020%3A415%3ATOC

(17)  It-Tielet Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, Dikjarazzjoni Finali

https://www.eywc2020.eu/downloads/doctrine/WebforumVeranstaltungenWebsiteBundle:Media-file-54/EN_3rd%20EYWC_final%20Declaration.pdf

(18)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(19)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(20)  ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

(21)  Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, Anness 3, ibid.

(22)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1.

(23)  "Insights into youth policy governance" (Tagħrif dwar il-governanza tal-politika għaż-żgħażagħ), Sħubija għaż-Żgħażagħ, 2018,

https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261953/122018-Insights_web.pdf/99400a12-31e8-76e2-f062-95abec820808

(24)  ĠU C 193, 9.6.2020, p. 3.

(25)  Id-Dikjarazzjoni Finali ta' Lisboa+21.

(26)  https://www.europegoeslocal.eu/about/

(27)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija,

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2020%3A790%3AFIN&qid=1607079662423

(28)  "Insights into youth policy governance", Sħubija għaż-Żgħażagħ, 2018,

https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261953/122018-Insights_web.pdf/99400a12-31e8-76e2-f062-95abec820808

(29)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(30)  Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet, il-mexxejja taż-żgħażagħ jinkludu wkoll żgħażagħ li jieħdu rwoli ta' tmexxija mingħajr ma jkunu jagħmlu parti minn organizzazzjoni jew struttura formali.

(31)  Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(32)  Kif żviluppat mill-grupp ta' esperti stabbilit fl-2019, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2027) u l-Pjan ta' Ħidma tagħha għall-2019-2021.

(33)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).


ANNESS

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet:

"Governanza f'diversi livelli" tirreferi għal strutturi u proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, f'kuntesti formali u mhux formali, li jeżistu f'livelli territorjali differenti (minn dak lokali għal dak reġjonali, nazzjonali u Ewropew), bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu f'konformità mal-qbil bejn l-atturi kollha, b'mod orizzontali u/jew vertikali, abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet u jiġu implimentati politiki fl-aktar livelli istituzzjonali u territorjali xierqa.

"Livelli kollha" tirreferi għal-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u globali, kif xieraq.

"Tagħlim komparattiv" huwa proċess li bih organizzazzjoni tkun tista' tqabbel il-prestazzjoni tagħha ma' dik ta' organizzazzjonijiet oħra. L-għan huwa li organizzazzjoni tislet tagħlimiet mill-punti b'saħħithom ta' organizzazzjonijiet oħra u minn dak li jagħmlu tajjeb, li tfittex ispirazzjoni għall-ħidma tagħha stess u li titgħallem ukoll mill-iżbalji. Dan hu proċess attiv u kontinwu u mhux biss tqabbil tal-indikaturi, il-fatti u l-miżuri.

Referenzi

Fl-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill jieħdu nota ta' dan li ġej:

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2020.415.01.0016.01.ENG&toc=OJ%3AC%3A2020%3A415%3ATOC

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (ĠU C 415, 1.12.2020, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2020.415.01.0001.01.ENG&toc=OJ%3AC%3A2020%3A415%3ATOC

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-ħolqien ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ f'żoni rurali u remoti (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 3)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XG0609%2801%29&qid=1609185718999

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2019.189.01.0001.01.ENG&toc=OJ%3AC%3A2019%3A189%3AFULL

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-bini ta' soċjetà sikura, koeżiva u armonjuża fl-Ewropa (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 13)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52018XG0607%2802%29

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1601482182235&uri=CELEX:42018Y1218(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A42015Y1215%2802%29&qid=1609181989853

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2018.189.01.0001.01.ENG

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32012H1222(01)&from=EN

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-inkoraġġiment ta' forom ġodda u effettivi ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika fl-Ewropa (ĠU C 169, 9.6.2011, p. 1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A42011Y0609%2801%29

Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024, Kunsill Ewropew

https://www.consilium.europa.eu/media/39914/a-new-strategic-agenda-2019-2024.pdf

Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2021

https://ec.europa.eu/info/publications/2021-commission-work-programme-key-documents_en

Eurofound (2020), Living, working and COVID-19, COVID-19 series (Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19, serje COVID-19),

https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef20059en.pdf

COM(2020) 790 final - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2020%3A790%3AFIN&qid=1607079662423

It-Tielet Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, Dikjarazzjoni Finali

https://www.eywc2020.eu/downloads/doctrine/WebforumVeranstaltungenWebsiteBundle:Media-file-54/3rdEYWC_finaldeclaration.pdf

L-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-AĠNU A/RES/70/1, adottata fil-25 ta' Settembru 2015

https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989

https://treaties.un.org/pages/ViewDetails.aspx?src=IND&mtdsg_no=IV-11&chapter=4&lang=enhttps://ec.europa.eu/anti-trafficking/sites/default/files/un_convention_on_the_rights_of_the_child_1.pdf

Il-Programm Dinji ta' Azzjoni għaż-Żgħażagħ tan-Nazzjonijiet Uniti

https://www.un.org/esa/socdev/unyin/documents/wpay2010.pdf

"Revised European Charter on the Participation of Young People in Local and Regional Life, 'Have Your Say!'" (Karta Ewropea riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali, "Semma' Leħnek!"), Kunsill tal-Ewropa

https://rm.coe.int/1680702379

"Revised European Charter on the Participation of Young People in Local and Regional Life, Congress of Local and Regional Authorities" (Karta Ewropea riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali, Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali), Kunsill tal-Ewropa

https://rm.coe.int/168071b4d6

Kunsill tal-Ewropa, "Recommendation CM/Rec(2012)2 of the Committee of Ministers to member States on the participation of children and young people under the age of 18" (Rakkomandazzjoni CM/Rec(2012)2 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati membri dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ taħt l-età ta' 18-il sena)

https://rm.coe.int/168046c478

"Youth Participation in Democratic Life" (Il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Demokratika), EACEA, 2013

https://www.lse.ac.uk/business-and-consultancy/consulting/assets/documents/youth-participation-in-democratic-life.pdf

COM(2018) 269 final - SWD(2018) 168 final - Riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ 2010-2018, li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52018SC0168

"Insights into youth policy governance" (Tagħrif dwar il-governanza tal-politika għaż-żgħażagħ), Sħubija għaż-Żgħażagħ, 2018

https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261953/122018-Insights_web.pdf/99400a12-31e8-76e2-f062-95abec820808

"New and innovative forms of youth participation in decision-making processes" (Forom ġodda u innovattivi ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet), Kunsill tal-Ewropa, Ottubru 2017

https://rm.coe.int/new-and-innovative-forms-of-youth-participation-in-decision-making-pro/1680759e6a

Dokument analitiku dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, "Young people political participation in Europe: What do we mean by participation?" (Il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fl-Ewropa: X'nifhmu b'parteċipazzjoni?), Sħubija għaż-Żgħażagħ

https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261980/What+is+youth+participation.pdf/223f7d06-c766-41ea-b03c-38565efa971a

Partnership between the EU and the CoE in the field of youth (Sħubija bejn l-UE u l-KtE fil-qasam taż-żgħażagħ), 2020

https://pjp-eu.coe.int/en/web/youth-partnership

https://pjp-eu.coe.int/en/web/youth-partnership/covid-19

https://pjp-eu.coe.int/en/web/youth-partnership/latest-update-and-analysis

Parlament Ewropew, "COVID-19: MEPs ask to prevent lasting damage on youth and on sport" (COVID 19: Il-membri tal-PE jitolbu għall-prevenzjoni ta' ħsara dejjiema liż-żgħażagħ u lill-isport) (27 ta' Jannar 2021)

https://www.europarl.europa.eu/news/en/press-room/20210122IPR96224/covid-19-meps-ask-to-prevent-lasting-damage-on-youth-and-on-sport

OECD Policy Responses to Coronavirus (COVID-19) (Risposti Strateġiċi tal-OECD għall-Coronavirus), "Youth and COVID-19: Response, recovery and resilience" (Iż-żgħażagħ u l-COVID-19: Rispons, irkupru u reżiljenza" (11 ta' Ġunju 2020)

https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/youth-and-covid-19-response-recovery-and-resilience-c40e61c6/#endnotea0z6

ILO, Youth employment (Impjieg taż-żgħażagħ)

https://www.ilo.org/global/topics/youth-employment/lang--en/index.htm

"Seven key findings from the Youth Governance Survey" (Seba' sejbiet ewlenin mill-Istħarriġ dwar il-Governanza taż-Żgħażagħ), OECD

http://www.oecd.org/mena/governance/seven-key-findings-from-the-youth-governance-survey.pdf

Id-dikjarazzjoni ta' Lisboa+21 dwar il-Politiki u l-Programmi dwar iż-Żgħażagħ, 2019

https://www.lisboa21.gov.pt/en/content/declaracao/declaration.html

Inizjattiva Bauhaus Ewropew Ġdid

https://europa.eu/new-european-bauhaus/index_mt