29.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 524/20 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni fis-settur vitivinikulturali kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(2021/C 524/06)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1)
KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU
“Charentais”
PGI-FR-A1196-AM02
Data tal-komunikazzjoni: 28 ta’ Ottubru 2021
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Aċidità volatili
L-aċidità volatili għall-inbejjed bojod ġiet riveduta.
Għalhekk l-aċidità volatili tista’ titla’ sa 0,65 g/l f’H2SO4 għall-inbejjed bojod b’kontenut ta’ zokkor ta’ aktar minn 5 g/l.
Bit-tisħin globali, qed jiżdiedu l-livelli ta’ kontenut taz-zokkor u ta’ kontenut tal-aċidità volatili, u għalhekk dawn il-livelli ġew aġġustati.
Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punt 4 bħala riżultat ta’ din l-emenda.
2. Żona ġeografika
Iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew riveduti biex jiġu deskritti bil-lista tal-muniċipalitajiet, u ġew aġġornati bil-kodiċi ġeografiku uffiċjali.
Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punti 6 u 9 bħala riżultat ta’ din l-emenda.
3. Varjetajiet ta’ dwieli
Il-varjetajiet ta’ dwieli li ġejjin żdiedu mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:
Syrah N; Gros manseng B; Petit manseng B; Cabernet cortis N; Monarch N; Pinotin N; Prior N; Vidoc N; Artaban N; Bronner B; Johanniter B; Floreal B; Souvignier gris Rs; Solaris B u Soltis B.
Dawn il-varjetajiet ta’ dwieli żdiedu biex ikun hemm adattament aħjar għat-tibdil fil-klima u jitnaqqas l-użu ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jinżamm il-profil organolettiku tal-inbejjed.
Il-varjetà ta’ dwieli Ugni blanc tneħħiet mil-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli peress li ma għadhiex tikkorrispondi għall-profil organolettiku tal-inbejjed imfittex għall-IĠP. Qed tingħata miżura tranżitorja sal-ħsad tal-2022 għal din il-varjetà.
Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punt 7 bħala riżultat ta’ din l-emenda.
4. Miżuri agroambjentali
Il-miżuri agroambjentali li ġejjin ġew introdotti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:
It-tkabbir ta’ ħaxix permanenti fil-kontorn tal-irqajja’ tal-art (żoni ċirkolanti u spazji bejn l-irqajja’ mhux miżrugħa jew mhux ikkultivati) huwa obbligatorju. Dan l-obbligu ma għandux japplika fil-każ ta’ restawr taż-żoni ċirkolanti, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ erożjoni jew ta’ avvenimenti klimatiċi eċċezzjonali.
It-tnaqqija kimika totali tal-irqajja’ hija pprojbita.
Bejn ir-ringieli kollha, il-kontroll tal-veġetazzjoni, kemm miżrugħa kif ukoll spontanja, għandu jiġi żgurat b’mezzi mekkaniċi jew fiżiċi.
Il-bexxiexa mhux wiċċ imb wiċċ b’ġettijiet li mhumiex diretti (turbini tal-konvezzjoni tal-arja immuntati fuq tratturi jew pistoli li joxxillaw) huma pprojbiti. Meta jintużaw bexxiexa li jaħdmu bl-arja, huma awtorizzati biss iż-żennuni b’injezzjoni bl-arja rreġistrati, għat-trattament tal-vitikultura, fuq l-aħħar lista ta’ mezzi li jippermettu t-tnaqqis tat-titjir tal-bexx ta’ prodotti fitofarmaċewtiċi ppubblikata f’Il-Bullettin Uffiċjali tal-Ministeru għall-Agrikoltura.
L-użu ta’ nitroġenu minerali sintetiku huwa limitat għal 30 unità għal kull ettaru fis-sena.
Dawn l-emendi għandhom it-tendenza li jqisu aħjar id-domandi mis-soċjetà li jitnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li l-ambjent jittieħed inkunsiderazzjoni aktar.
Dawn l-emendi ma rriżultaw fl-ebda emenda għad-Dokument Uniku.
5. Rabta
Ir-rabta mal-oriġini ġiet riveduta biex jiġu aġġornati ż-żoni u l-volumi tal-produzzjoni.
Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punt 8 bħala riżultat ta’ din l-emenda.
6. Referenza għall-korp ta’ spezzjoni
Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet tal-Prodott ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi oħrajn. Din l-emenda hija purament editorjali.
Din l-emenda ma rriżultat fl-ebda emenda għad-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
Charentais
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
IĠP - Indikazzjoni ġeografika protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Inbejjed ħomor, rożè u bojod bla gass
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
L-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” huma nbejjed ħomor, rożè u bojod bla gass.
L-inbejjed ħomor ġeneralment ikollhom noti ta’ frott aħmar u ta’ frott misjur sew, li jistgħu jingħaqdu ma’ noti ta’ ħwawar. Dawn huma nbejjed ħfief li madankollu għandhom struttura tajba minħabba l-preżenza ta’ tannini rotob li jagħtuhom ċertu rotondità. Dawn huma nbejjed li jitħallew jimmaturaw għal żmien medju.
L-inbejjed bojod u rożè huma kkaratterizzati minn impatt vivaċi li mbagħad ġeneralment iċedi għal aktar bilanċ u għall-espressjoni ta’ noti ta’ frott. Huma vinifikati biex jiġu kkummerċjalizzati fiż-żmien prim tagħhom qabel jitqaddmu żżejjed.
Il-kontenut massimu ta’ aċidità volatili tal-inbejjed huwa ta’ 11,22 meq/l ħlief għall-inbejjed li temmew il-fermentazzjoni malolattika tagħhom, jew għall-inbejjed bojod b’zokkor residwu > 5g/l, li għalihom huwa ta’ 13,26 meq/l.
KARATTERISTIĊI ANALITIĊI
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
11 |
Aċidità totali minima |
f’milliekwivalenti għal kull litru |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): |
|
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
1. Prattika tal-kultivazzjoni
Il-vinji adattati għall-produzzjoni ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charenais”, imħawla mill-kampanja tal-2001-2002 ’il quddiem, għandu jkollhom densità tat-taħwil ta’ mill-inqas 4 000 dielja għal kull ettaru bi spazju massimu ta’ 2,50 metri bejn ir-ringieli.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
1. |
IĠP “Charentais” |
90 ettolitru għal kull ettaru
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed koperti bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” isiru fid-départements ta’ Charente u Charente Maritime.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
|
Alicante Henri Bouschet N |
|
Arinarnoa N |
|
Arriloba B |
|
Artaban N |
|
Bronner B |
|
Cabernet cortis N |
|
Cabernet franc N |
|
Cabernet-Sauvignon N |
|
Chardonnay B |
|
Chasan B |
|
Chenin B |
|
Colombard B |
|
Cot N - Malbec |
|
Egiodola N |
|
Floreal B |
|
Folle blanche B |
|
Gamay N |
|
Gros Manseng B |
|
Johanniter B |
|
Jurançon noir N - Dame noire |
|
Merlot N |
|
Monarch N |
|
Montils B |
|
Mourvèdre N - Monastrell |
|
Muscadelle B |
|
Négrette N |
|
Petit Manseng B |
|
Pinot noir N |
|
Pinotin N |
|
Prior N |
|
Sauvignon B - Sauvignon blanc |
|
Sauvignon gris G - Fié gris |
|
Semillon B |
|
Solaris B |
|
Souvignier gris Rs |
|
Syrah N - Shiraz |
|
Tannat N |
|
Trousseau gris G - Chauché gris |
|
Vidoc N |
|
Voltis B |
8. Deskrizzjoni tar-rabta/tar-rabtiet
Iż-żona ġeografika tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” tkopri d-départements kollha ta’ Charente u Charente Maritime. Tikkorrispondi għat-tarf tat-Tramuntana tal-baċir ta’ Aquitaine.
Il-vinja tal-IĠP “Charentais” għadha intrinsikament marbuta mal-istorja ta’ Cognac. Il-produzzjoni ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” setgħet tiżviluppa bis-saħħa tal-preżenza ta’ din il-vinja prestiġjuża. Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi li nqalgħu mill-1973 ’il quddiem, il-produzzjoni ta’ Cognac spiċċat ristretta u limitata, u dan ħeġġeġ lill-produtturi tal-inbid jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom. Għalhekk, dawn bdew jinvestu fil-produzzjoni ta’ nbejjed bla gass ta’ kwalità għolja, li ġew rikonoxxuti b’digriet bħala “Vin de Pays Charentais” fl-1981, b’2 000 ettaru ta’ dwieli allokati lilhom. Il-produtturi tal-inbid għall-bidu kkonċentraw fuq il-vinifikazzjoni tal-varjetajiet ta’ dwieli bojod l-aktar mifruxa bħal Ugni blanc u Colombard, iżda malajr daru għal għażla ta’ varjetajiet ta’ dwieli aktar aromatiċi, imħawlin lokalment, bħal Sauvignon, Chardonnay jew Chenin. Mill-1985, il-produzzjoni tal-“Vins de Pays Charentais” hija disponibbli fit-tliet kuluri. Dan l-iżvilupp ta’ nbejjed ħomor huwa akkumpanjat ukoll minn għażla ta’ varjetajiet ta’ dwieli aktar “nobbli” bħal Merlot, Cabernet-sauvignon, Cabernet-franc, Gamay u Pinot noir. Din l-għażla ta’ varjetajiet ta’ dwieli hija parti minn approċċ ta’ kwalità aktar globali li jinkludi għażla ta’ salvaġġ adattat aħjar, raġunament aħjar għat-tħawwil tad-dwieli u l-akkwist ta’ għarfien ġdid dwar il-produzzjoni tal-inbid mill-produtturi tal-inbid.
Id-denominazzjonijiet supplimentari “Ile de Ré” u “Saint-Sornin” ġew rikonoxxuti fl-istess ħin fl-1992. Il-vinja tal-île de Ré mbagħad bdiet tgawdi fama kbira.
Il-vinja tas-settur ta’ Saint-Sornin għandha l-karatteristika partikolari li hija ddedikata għalkollox għall-produzzjoni tal-inbejjed lokali, għall-kuntrarju tas-setturi l-oħra tad-denominazzjoni li jinvokaw ukoll Cognac u Pineau des Charentes. Din il-vinja tibbenefika wkoll minn koeżjoni b’saħħitha ta’ produtturi miġbura madwar il-kantina kooperattiva ta’ Saint-Sornin.
Id-denominazzjoni supplimentari “Ile d’Oléron” ġiet rikonoxxuta fl-1999. Din hija vinja storikament estensiva ħafna (kważi 1 000 ettaru fl-1950) u mmarkata ħafna mill-moviment kooperattiv, li jgawdi fama kbira lokalment.
L-inbejjed bojod u rożè huma kkaratterizzati mill-freskezza u n-noti tal-frott tagħhom, ġeneralment taċ-ċitru. Għandhom togħma b’impatt vivaċi li mbagħad ġeneralment iċedi għal aktar bilanċ u għall-espressjoni ta’ noti ta’ frott. Huma vinifikati biex jiġu kkummerċjalizzati fiż-żmien prim tagħhom qabel jitqaddmu żżejjed.
L-inbejjed ħomor ġeneralment ikollhom noti ta’ frott aħmar u ta’ frott misjur sew, li jistgħu jingħaqdu ma’ noti ta’ ħwawar. Dawn huma nbejjed ħfief li madankollu għandhom struttura tajba minħabba l-preżenza ta’ tannini rotob li jagħtuhom ċertu rotondità. Dawn huma nbejjed soġġetti għal tqaddim medju.
L-inbejjed prodotti fil-gżejjer ta’ Ré u Oléron huma ħfief u vivaċi u spiss ikollhom noti ta’ jodju, filwaqt li l-inbejjed prodotti fis-settur ta’ Saint-Sornin għandhom noti aktar pikkanti, assoċjati ma’ struttura aktar kumplessa.
L-IĠP “Charentais” tirrappreżenta 1 500 ettaru u l-produzzjoni hija ta’ bejn 70 000 u 90 000 ettolitru, skont is-sena.
Ix-xogħol importanti li sar fuq l-għażla tal-varjetajiet ta’ dwieli u l-ksib ta’ għarfien enoloġiku ġdid għamluha possibbli li l-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” isiru produzzjoni għaliha nnifisha fil-pajsaġġ vitikulturali reġjonali. Il-preżenza ta’ kundizzjonijiet pedoklimatiċi adattati, assoċjata mal-għażla tal-ħamrija l-aktar favorevoli biex jinkisbu rendimenti moderati, ippermettiet ukoll l-iżvilupp tal-produzzjoni ta’ nbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Charenais”.
Il-kombinament ta’ dan l-isfruttar raġunat tal-ambjent naturali, il-ksib ta’ għarfien mill-produtturi tal-inbid, l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli aktar aromatiċi flimkien ma’ dawk tradizzjonali u l-iżvilupp tal-operaturi ekonomiċi u kummerċjali għamluha possibbli li tittejjeb il-kwalità tal-inbejjed u li dawn jadattaw għall-iżvilupp tas-swieq. L-inbejjed għalhekk għandhom profili sensorji u aromatiċi li jinftiehmu faċilment mill-konsumaturi u li huma mfittxija, b’mod partikolari mill-konsumaturi turisti.
Illum, il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed bl-IĠP “Charentais” hija partikolarment attiva fil-livell reġjonali u tibbenefika mill-attrazzjoni turistika taż-żona kostali fil-perjodu tas-sajf. Barra minn hekk, dawn l-inbejjed għandhom network ta’ distribuzzjoni żviluppat sew li huwa maqsum bejn is-supermarkets, ir-restoranti u l-bejgħ fil-proprjetà.
Flimkien, dawn l-elementi żguraw li tibqa’ r-reputazzjoni tar-reġjun Charentes u l-inbejjed li huma kkummerċjalizzati taħt din id-denominazzjoni.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Żona fil-viċinanza immedjata
Qafas ġuridiku:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Iż-żona fil-viċinanza immedjata definita b’deroga għall-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed hija magħmula mill-arrondissements li jmissu maż-żona ġeografika li ġejjin: Fontenay-le-Comte, Niort, Montmorillon, Rochechouart, Bellac, Nontron, Périgueux, Blaye u Libourne.
Dikjarazzjonijiet għal fuq it-tikkettar
Qafas ġuridiku:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” tista’ tiġi supplimentata bl-isem ta’ waħda mill-unitajiet ġeografiċi iżgħar li ġejjin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:
“Ile de Ré”
“Saint-Sornin”
“Ile d’Oléron”
“Charente”
“Charente-Maritime”
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” tista’ tiġi ssupplimentata bil-kliem “primeur” jew “nouveau”.
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Charentais” tista’ tiġi ssupplimentata bl-indikazzjoni ta’ waħda jew aktar mill-varjetajiet ta’ dwieli previsti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, bl-eċċezzjoni ta’ Alicante H.-Bouschet N du mouvèdre N (Balzac noir) u Jurançon noir N (Folle noire).
Huwa obbligatorju li l-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea jidher fuq it-tikketta meta l-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jiġi sostitwit bil-kliem tradizzjonali “Vin de pays”.
Link għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-d607839b-69a8-4575-80f5-0f6490e9ea52