7.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 491/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 491/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Nocciola Romana”

Nru tal-UE: PDO-IT-0573-AM01 – 15 ta’ Settembru 2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Ecolazio società cooperativa

Piazza san paolo della crice, 6

01038 Soriano del Cimino (VT), L-Italja

Il-kooperattiva “Ecolazio” għandha d-dritt tissottometti applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru tal-Politika tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

☐ Isem il-prodott

☒ Deskrizzjoni tal-prodott

☐ Żona ġeografika

☐ Prova tal-oriġini

☒ Metodu ta’ produzzjoni

☒ Rabta

☒ Tikkettar

☒ Oħrajn [korp ta’ kontroll; regoli dwar il-prodotti pproċessati]

4.   Tip ta’ emenda/i

☒ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

☐ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

5.   Emenda/i

5.1.   Deskrizzjoni tal-prodott:

1.a.   L-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott – il-paragrafu 1:

Il-paragrafu li ġej:

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Nocciola Romana” tapplika għal ġellewż tal-ispeċi Corylus avellana mkabbar fiż-żona ġeografika ddefinita fl-Artikolu 3, sakemm il-varjetajiet imnissla “Tonda Gentile Romana” u/jew “Nocchione” – u/jew kwalunkwe għażla magħmula minn dawk il-varjetajiet imnissla – jirrappreżentaw 90 % tal-ġellewż imkabbar fl-azjenda. Il-varjetajiet imnissla “Tonda di Giffoni” u “Barrettona” jistgħu jirrappreżentaw sa 10 %.

ġie emendat biex jaqra kif ġej:

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Nocciola Romana” tapplika għal ġellewż tal-ispeċi Corylus avellana mkabbar fiż-żona ġeografika ddefinita fl-Artikolu 3, sakemm il-varjetajiet imnissla “Tonda Gentile Romana” u/jew “Nocchione” – u/jew kwalunkwe għażla magħmula minn dawk il-varjetajiet imnissla – jirrappreżentaw 80 % tal-ġellewż imkabbar fl-azjenda. Il-varjetajiet imnissla “Tonda di Giffoni”, “Barrettona” u “Mortarella” jistgħu jirrappreżentaw sa 20 %.

1.b.   Punt 3.2 tad-Dokument Uniku:

Il-paragrafu li ġej:

In-“Nocciola Romana” hija frotta tal-ispeċi Corylus avellana li minnha l-varjetajiet imnissla “Tonda Gentile Romana”, “Nocchione” għandhom jirrappreżentaw tal-anqas 90 % tas-selezzjonit li tinstab fuq il-farm. Il-varjetajiet imnissla “Tonda di Giffoni” u “Barrettona” jistgħu jirrappreżentaw sa 10 %.

ġie emendat biex jaqra kif ġej:

“Nocciola Romana” tirreferi għal ġellewż tal-ispeċi Corylus avellana, sakemm il-varjetajiet imnissla “Tonda Gentile Romana” u/jew “Nocchione” – u/jew kwalunkwe għażla magħmula minn dawk il-varjetajiet imnissla – jirrappreżentaw 80 % tal-ġellewż imkabbar fl-azjenda. Il-varjetajiet imnissla “Tonda di Giffoni”, “Barrettona” u “Mortarella” jistgħu jirrappreżentaw sa 20 %.

Il-perċentwal meħtieġ tal-varjetajiet “Tonda Gentile Romana” u “Nocchione” – li għadhom varjetajiet ta’ referenza għall-prodott tad-DOP u dawk li jagħtuh il-karatteristiċi tiegħu – tnaqqas minn 90 % għal 80 %. B’riżultat ta’ dan, il-perċentwal tal-varjetajiet addizzjonali – użati l-iżjed bħala pollinizzaturi – żdied, u issa l-“Mortarella” hija permessa wkoll flimkien maż-żewġ varjetajiet li diġà kienu elenkati. Iż-żieda fil-perċentwal ta’ dawn il-varjetajiet addizzjonali tfisser li jista’ jkun hemm preżenti numru akbar ta’ pollinizzaturi, li jżidu l-probabbiltà li fjura tifforma frotta u b’hekk jippermettu rendimenti akbar. Barra minn hekk, iż-żieda ta’ “Mortarella” mal-lista ta’ varjetajiet addizzjonali twessa’ l-firxa tal-perjodi tal-fjoritura biex ikopru l-perjodu kollu meta fjura tista’ tifforma frotta għall-varjetajiet ewlenin, “Tonda Gentile Romana” u “Nocchione”.

2.a.   L-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott – il-paragrafi 3 u 4:

“TONDA GENTILE ROMANA”

Il-qoxra: ta’ ħxuna medja, ta’ kulur kannella lewn il-ġellewż, bilkemm tleqq, miksija bis-suf fil-ponta u b’diversi strixxi viżibbli;

Il-qalba: minn daqs medju sa żgħir, varjabbli u ta’ forma kważi sferika, b’lewn qrib ħafna dak tal-qoxra, prinċipalment miksija bil-fibri, b’wiċċ immewweġ u bi xquq ta’ prominenza varjabbli, b’qisien inqas regolari mill-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra;

Rita rqiqa: ta’ ħxuna medja, ma tistax titneħħa kompletament wara l-inkaljar.

“NOCCHIONE”

Daqs medju tal-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra: 14-25 mm;

Il-qoxra: ħoxna, ta’ kulur kannella ċar, bi strixxi u mingħajr ħafna suf;

Il-qalba: ta’ daqs medju sa żgħir, bi preżenza medja sa għolja ta’ fibri.

ġie emendat biex jaqra:

“TONDA GENTILE ROMANA”

Il-qoxra: ta’ kulur kannella lewn il-ġellewż, miksija bis-suf fil-ponta u b’diversi strixxi viżibbli;

Il-qalba: varjabbli u ta’ forma kważi sferika, ta’ kulur qrib ħafna dak tal-qoxra, prinċipalment miksija bil-fibri, b’wiċċ immewweġ u bi xquq ta’ prominenza varjabbli, b’qisien inqas regolari mill-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra;

Rita rqiqa: ma tistax titneħħa kompletament wara l-inkaljar.

“NOCCHIONE”

Daqs tal-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra: 14-25 mm;

Il-qoxra: ħoxna, ta’ kulur kannella ċar, bi strixxi u mingħajr ħafna suf;

Il-qalba: bil-fibri.

2.b.   Punt 3.2 tad-Dokument Uniku:

Il-paragrafi li ġejjin:

“Tonda gentile romana”: il-forma tal-ġellewża bil-qoxra: subsferika bil-parti ta’ fuq kemxejn ippuntata; id-daqsijiet ivarjaw bejn 14-il mm u 25 mm; il-qoxra ta’ ħxuna medja, tal-kulur kannella, kemxejn tleqq u miksija bis-suf fil-ponta u viżibbilment irrigata; il-ġewża hija ta’ daqs bejn żgħir u medju, f’forma subsferika varjabbli, u tal-kulur simili għal dak tal-qoxra, mgħottija fil-biċċa l-kbira bil-fibri, b’wiċċ immewweġ u bi xquq pjuttost evidenti, ta’ dimensjonijiet anqas regolari mill-ġellewża fil-qoxra; ir-rita rqiqa hija ta’ ħxuna medja u meta tinxtewa ma tinqalax għalkollox; ta’ konsistenza solida u tqarmeċ; b’togħma u aroma fina u persistenti.

“Nocchione”: forma ta’ ġellewża bil-qoxra: sferika, subelissojdali; ta daqs bejn 14 u 25 mm; qoxra ħoxna: tal-kulur kannella ċar, bi strixxi, mingħajr ħafna suf; il-ġewża ta’ ġewwa; bejn medja u żgħira, b’ħafna fibri; rita rqiqa: tinqala’ kemxejn meta l-ġewża tinxtewa; b’togħma u aroma fina u persistenti.

ġie emendat biex jaqra:

“Tonda gentile romana”: il-forma tal-ġellewża bil-qoxra: subsferika bil-parti ta’ fuq kemxejn ippuntata; id-daqsijiet ivarjaw bejn 14-il mm u 25 mm; qoxra ta’ kulur kannella lewn il-ġellewż, miksija bis-suf fil-ponta u b’diversi strixxi viżibbli; qlub ta’ daqs varjabbli, ta’ forma kważi sferika, ta’ kulur qrib ħafna dak tal-qoxra, prinċipalment miksija bil-fibri, b’wiċċ immewweġ u bi xquq ta’ prominenza varjabbli, u b’qisien inqas regolari mill-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra; rita rqiqa li ma tistax titneħħa kompletament wara l-inkaljar; ta’ konsistenza solida u tqarmeċ; b’togħma u aroma fina u persistenti.

“Nocchione”: forma ta’ ġellewża bil-qoxra: sferika, subelissojdali; ta daqs bejn 14 u 25 mm; qoxra ħoxna: tal-kulur kannella ċar, bi strixxi, mingħajr ħafna suf; il-ġewża ta’ ġewwa; il-qalba għandha l-fibri; rita rqiqa: tinqala’ kemxejn meta l-ġewża tinxtewa; b’togħma u aroma fina u persistenti.

Termini bħal “medju”, “bilkemm”, “għolja”, u “żgħir” tneħħew billi ma jistgħux jitkejlu b’mod oġġettiv u għalhekk huma kkunsidrati li ma humiex meħtieġa għall-iskopijiet tal-karatterizzazzjoni jew id-deskrizzjoni tal-prodott.

3.   Iddaħħlet is-silta li ġejja:

Id-DOP “Nocciola Romana” tista’ tiġi ppreżentata bħala:

ġellewż ta’ ġewwa l-qoxra sħiħ;

ġellewż ta’ ġewwa l-qoxra sħiħ inkaljat;

ġellewż bla qoxra;

ġellewż bla qoxra inkaljat u/jew imqaxxar.

It-test issa jispeċifika t-tipi differenti ta’ prodotti (ġewwa l-qoxra/ġewwa l-qoxra inkaljat/bla qoxra/bla qoxra imbagħad inkaljat u/jew imqaxxar). Hija esklużivament il-materja prima (il-ġellewż) li tagħti lill-prodott il-karatteristiċi tiegħu, u l-ġewż jista’ jiġi soġġett biss għal proċessi fiżiċi u/jew mekkaniċi (tnixxif, inkaljar, tqaxxir) li ma jibdlux il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, bħal kemm iqarmeċ, il-konsistenza soda tiegħu u n-nuqqas ta’ toqob ġewwa l-qalba. Din il-lista ta’ tipi ta’ prodotti speċifiċi hija meħtieġa peress li s-suq u l-konsumaturi jixtiequ jaraw firxa usa’ ta’ prodotti tad-DOP magħmula disponibbli. Dawn it-tipi ta’ prodott ilhom isiru fiż-żona tal-produzzjoni tad-DOP għal aktar minn 30 sena, imma ma setgħux jiġu kkumerċjalizzati bħala “Nocciola Romana” peress li ma humiex koperti b’mod espliċitu mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

4.   Is-sentenza li ġejja mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

Il-ġellewż ma għandux ikollu togħma jew riħa ta’ xi ħaġa oħra għajr ġellewż frisk.

ġiet emendata biex taqra:

Il-ġellewż ma għandux ikollu togħma jew riħa ta’ xi ħaġa oħra għajr ġellewż frisk jew inkaljat.

Din is-sentenza ġiet adattata biex tirrifletti l-emenda numru 3.

5.   Iddaħħlet is-silta li ġejja:

Sakemm ikollu l-karatteristiċi l-oħra tal-prodott deskritti hawn fuq, il-ġellewż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-daqs jista’ jintuża esklussivament għall-ipproċessar taħt l-isem “Nocciola Romana” DOP. Ma jistax jinbiegħ direttament lill-konsumatur aħħari.

Din l-emenda tagħmilha possibbli li jintuża l-isem “Nocciola Romana” DOP għall-ġellewż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-daqs stabbiliti għal kull varjetà mnissla u li jintużaw esklussivament għall-ipproċessar.

Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

5.2.   Metodu ta’ produzzjoni

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

6.   Il-paragrafu li ġej:

Id-distanzi tat-tħawwil u t-tekniki tat-tkabbir użati jridu jkunu dawk li huma prattika komuni. Fi kwalunkwe każ, il-ġellewż jista’ jitkabbar bħala arbuxxelli b’ħafna zkuk jew siġar b’zokk prinċipali wieħed (dawn tal-aħħar jistgħu wkoll jinżabru f’forma ta’ vażun miftuħ). Id-densità tat-tħawwil tvarja minn 150 siġra għal kull ettaru fil-ġonna l-qodma għal 650 f’dawk ġodda.

ġiet emendata biex taqra:

Id-distanzi tat-tħawwil u t-tekniki tat-tkabbir użati jridu jkunu dawk li huma prattika komuni. Fi kwalunkwe każ, il-ġellewż jista’ jitkabbar bħala arbuxxelli b’ħafna zkuk jew siġar b’zokk prinċipali wieħed (dawn tal-aħħar jistgħu wkoll jinżabru f’forma ta’ vażun miftuħ). Id-densità tat-tħawwil tvarja minn 150-650 siġra għal kull ettaru fil-ġonna l-qodma u titla’ sa 800 f’dawk ġodda.

It-test issa jagħti n-numru ta’ siġar għal kull ettaru fil-ġonna l-qodma bħala firxa (150-650), filwaqt li n-numru massimu ta’ 800 siġra għal kull ettaru għall-ġonna l-ġodda jirrifletti l-użu ta’ mudelli ta’ tħawwil b’inqas spazju bejn it-tħawwil, li jistgħu jintużaw bil-kundizzjoni li r-rendiment għal kull ettaru jibqa’ fi ħdan il-limiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

7.   Il-paragrafu li ġej:

In-“Nocciola Romana” trid tinħażen f’bini b’ventilazzjoni tajba (twieqi jew ventilazzjoni mekkanika) li jiżgura l-preżervazzjoni tal-prodott b’kontenut ta’ ndewwa ta’ mhux aktar minn 6 %.

ġiet emendata biex taqra:

In-“Nocciola Romana” trid tinħażen f’bini xieraq li jiżgura li l-prodott jiġi ppreżervat kif xieraq. Il-kontenut ta’ ndewwa tal-prodott, ladarba titneħħielu l-qoxra, ma għandux jaqbeż is-6 % (soġġett għal tolleranza massima ta’ 10 %).

Issa ġie speċifikat li l-prodott irid jinħażen f’post “xieraq”, li mhux bilfors għadu jfisser li jrid ikun hemm jew “twieqi” jew “ventilazzjoni mekkanika”, kif kien il-każ fil-passat, biex jiġi permess l-użu ta’ faċilitajiet aktar moderni (kmamar tal-ħażna awtomatizzati, eċċ.), li wkoll jippermettu kontrolli regolari tat-temperatura u tal-indewwa.

Ġie ċċarat li r-rekwiżit tal-indewwa jirreferi għall-ġewż bla qoxra. L-inklużjoni ta’ tolleranza ta’ ± 10% fir-rigward ta’ dan il-kontenut ta’ ndewwa ta’ 6 % hija minħabba l-firxa tat-tolleranza tal-istrumenti tal-kejl, li hija affettwata minn kundizzjonijiet ambjentali esterni.

8.   Il-paragrafu li ġej:

Għandha tiġi pprattikata sikurezza tal-ikel xierqa meta jinħażen, titneħħa l-qoxra, jiġi kklassifikat u jiġi mdaqqas il-ġellewż.

ġiet emendata biex taqra:

Għandha tiġi pprattikata sikurezza tal-ikel xierqa meta titneħħa l-qoxra, jiġi kklassifikat, jiġi mdaqqas, jiġi mnixxef, jiġi nkaljat u jiġi mqaxxar il-ġellewż.

Minbarra dawk diġà mniżżlin, it-test issa jniżżel ukoll il-proċessi l-oħra (jiġifieri t-tnixxif, l-inkaljar u t-tqaxxir) li fihom trid tiġi pprattikata sikurezza tal-ikel xierqa.

9.   Il-paragrafu li ġej:

Biex jiġi evitat telf tal-kwalità tal-prodott, it-tneħħija tal-qoxra, il-klassifikazzjoni u l-kejl tad-daqs – jew sempliċiment il-kejl tad-daqs fil-każ tal-ġewż mibjugħ fil-qoxra – iridu jsiru sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

ġiet emendata biex taqra:

Biex jiġi evitat telf tal-kwalità tal-prodott, it-tneħħija tal-qoxra, il-klassifikazzjoni, il-kejl tad-daqs u t-tnixxif – jew sempliċiment il-kejl tad-daqs fil-każ tal-ġewż mibjugħ fil-qoxra – iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fl-Artikolu 3 u sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

It-tnixxif, stadju neċessarju għall-preżervazzjoni u l-prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-prodott, għandu jkun limitat għaż-żona ddefinita fl-Artikolu 3 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dan il-proċess għandu jsir ukoll sal-istess data bħall-oħrajn, jiġifieri sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara l-ħsad.

10.   Il-Punt 3.4 tad-Dokument Uniku:

Ix-xogħol tal-ġbir, tal-ħażna, tal-għażla u tal-kalibrazzjoni għandu jsir fiż-żona tal-produzzjoni.

ġie emendat għall-konformità mal-kontenut tal-emenda 9:

It-tneħħija tal-qoxra, il-klassifikazzjoni, il-kejl tad-daqs u t-tnixxif iridu jitwettqu fi ħdan iż-żona tal-produzzjoni.

5.3.   Rabta

11.   Is-sentenza li ġejja mill-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

Il-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-prodott – it-tqarmiċ u l-konsistenza soda tiegħu mingħajr toqob fil-qalba, li jibqgħu l-istess irrispettivament minn jekk il-prodott ikunx frisk jew ippreżervat – huma marbuta mill-qrib mal-ambjent taż-żona tal-produzzjoni, u l-varjetajiet tas-siġra tal-ġellewż huma adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet tal-ħamrija taż-żona ddefinita fl-Artikolu 3.

ġiet emendata biex taqra:

Il-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-prodott – it-tqarmiċ u l-konsistenza soda tiegħu mingħajr toqob fil-qalba, li jibqgħu l-istess irrispettivament minn jekk il-prodott ikunx frisk, inkaljat u/jew imqaxxar jew ippreżervat – huma marbuta mill-qrib mal-ambjent taż-żona tal-produzzjoni, u l-varjetajiet tas-siġra tal-ġellewż huma adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet tal-ħamrija taż-żona ddefinita fl-Artikolu 3.

u

dan li ġej mill-punt 5.2 tad-Dokument Uniku:

Fil-fatt, meta wieħed jogħmodhom, dan il-ġellewż tant iqarmeċ li jinqasam mal-ewwel gidma mingħajr ma jirtab. u din il-karatteristika teżisti kemm fl-istat frisk kif ukoll ippreżervat.

ġie emendat kif ġej:

Fil-fatt, meta wieħed jogħmodhom, dan il-ġellewż tant iqarmeċ li jinqasam mal-ewwel gidma mingħajr ma jirtab. Din il-karatteristika hija preżenti kemm meta jkun frisk, inkaljat u/jew imqaxxar kif ukoll meta jkun ippreżervat.

Din l-emenda tagħmel l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u d-Dokument Uniku konformi mal-emenda numru 3.

5.4.   Tikkettar

L-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

12.   Is-silta li ġejja:

In-“Nocciola Romana” trid tiġi ppakkjata u kkumerċjalizzata:

a)

f’boroż jew pakketti tal-ġuta u tar-raffja xierqa għal-livelli differenti tal-bejgħ, li jiżnu 25 g, 50 g, 250 g, 500 g, 1 kg, 5 kg, 10 kg, 25 kg, 50 kg, 500 kg, 800 kg jew 1 000 kg għall-ġellewż ġewwa l-qoxra;

b)

f’pakketti jew kontenituri tal-ġuta jew tar-raffja, boroż issiġillati bil-vakwu, boroż tal-fojl issiġillati bil-vakwu jew kartun li jista’ jmiss mal-ikel li jiżnu 10 g, 15 g, 20 g, 25 g, 50 g, 100 g, 150 g, 250 g, 500 g, 1 kg, 2 kg, 4 kg, 5 kg, 10 kg, 25 kg, 50 kg, 500 kg, 800 kg, jew 1 000 kg għall-ġellewż bla qoxra.

ġiet emendata biex taqra:

In-“Nocciola Romana” trid tiġi ppakkjata u kkumerċjalizzata:

a)

f’boroż taċ-ċarruta jew materjali jew kontenituri oħra li jistgħu jmissu mal-ikel fil-każ tal-ġellewż ġewwa l-qoxra, inkluż il-ġellewż ġewwa l-qoxra nkaljat;

b)

kwalunkwe ppakkjar li jista’ jmiss mal-ikel għall-ġellewż bla qoxra, inkluż ġellewż inkaljat u/jew imqaxxar.

F’din l-emenda, tneħħew ir-rekwiżiti dwar il-piż tal-pakkett u materjali speċifiċi tal-ippakkjar, u żdied it-tip ta’ prodott “inkaljat u/jew imqaxxar”.

Id-domanda tas-suq tvarja ħafna f’termini kemm tal-piż tal-pakkett kif ukoll tal-materjali tal-ippakkjar. Sabiex in-“Nocciola Romana” DOP tkun tista’ tibqa’ tikkompeti fis-suq, l-operaturi għandhom jitħallew jagħżlu l-ippakkjar li jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq bl-aħjar mod.

Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

13.   Is-sentenza li ġejja:

Il-kliem “NOCCIOLA ROMANA” u “DENOMINAZIONE DI ORIGINE PROTETTA” [“DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA”] irid jiġi stampat fuqhom, bil-karattri kollha tal-istess daqs. Irid jiġu ttikkettati wkoll bl-isem u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar, bis-sena li fiha tkabbar il-ġellewż, bil-piż gross u nett fis-sors u bil-logo.

ġiet emendata biex taqra:

Il-kliem “NOCCIOLA ROMANA” u “DENOMINAZIONE DI ORIGINE PROTETTA” [“DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA”] jew l-akronimu DOP [“DOP”] irid jiġi stampat fuqhom, bil-karattri kollha tal-istess daqs. Irid jiġu ttikkettati wkoll bl-isem u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar, bis-sena li fiha tkabbar il-ġellewż, bil-piż gross u nett fis-sors u bil-logo.

Din l-emenda tagħmilha ċara li s-simbolu tal-UE huwa wkoll rekwiżit tat-tikkettar u li l-akronimu “DOP” jista’ jintuża minflok ma tinkiteb DENOMINAZIONE DI ORIGINE PROTETTA sħiħa.

Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

14.   Il-paragrafu li ġej żdied ma’ dan l-Artikolu:

Fil-każ uniku ta’ ġellewż eliġibbli biex juża d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Nocciola Romana” li jiġi akkwistat direttament mingħand il-kultivatur jew minn ċentru tal-ħsad ta’ kooperattiva tal-produtturi mill-ewwel xerrej li għandu faċilità tal-ipproċessar u/jew tal-ippakkjar, jista’ jinbiegħ bl-ingrossa f’kontenituri xierqa.

It-test issa jispeċifika li l-prodott tad-DOP jista’ jinbiegħ bl-ingrossa bejn l-operaturi fil-katina tal-provvista iżda mhux lill-konsumatur aħħari, sabiex dan il-kummerċ jitħaffef. Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

15.   Il-paragrafu li ġej żdied ma’ dan l-Artikolu:

Ġellewż maħsub esklussivament għall-ipproċessar jista’ jinbiegħ bl-ingrossa f’kontenituri xierqa. Jistgħu wkoll jitgħabba direttament bl-ingrossa fil-kontenituri tal-vetturi tat-trasport apposta. Taħt l-ebda ċirkostanza ma jista jkun preżenti frott jew ġewż ieħor li ma huwiex “Nocciola Romana” DOP fil-kunsinna, u n-nota tat-trasport trid tiddikjara “Nocciola Romana DOP destinata alla trasformazione” [“Nocciola Romana” DOP għall-ipproċessar”] u tispeċifika l-varjetà, id-daqs u l-lott.

Għalhekk l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott issa se tiddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-ġellewż maħsub esklussivament għall-ipproċessar. Din l-emenda tapplika wkoll għall-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

5.5.   Oħrajn

Korp ta’ kontroll

16.   Kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, żdiedu d-dettalji tal-korp ta’ kontroll responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Regoli dwar il-prodotti pproċessati

17.   It-test li ġej mill-Artikolu 9 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 3.7 tad-Dokument Uniku:

Il-prodotti li għalihom tintuża l-preparazzjoni DPO Nocciola Romana wkoll wara l-proċessi tat-trattament u tal-ipproċessar, jistgħu jinħarġu għall-konsum f’pakketti li jkollhom referenza għad-denominazzjoni mingħajr il-logo Komunitarju sakemm:

il-prodott ta’ deonominazzjoni protetta, iċċertifikat b’tali mod, ikun jikkostitwixxi komponent esklużiv fil-kategorija tas-suq li huwa jappartjeni għaliha;

l-utenti tal-prodott ta’ denominazzjoni tal-oriġini protetta huma awtorizzati mill-Consorzio di Tutela tad-DPO Nocciola Romana li ngħata l-karigu superviżorju mill-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija skont ir-regoli nazzjonali (l-Artikolu 14 tal-Liġi 526/99 u d-Digriet Leġiżlattiv 297/2004).

Dan il-konsorzju għandu r-responsabbiltà tar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tal-użu korrett tad-denominazzjoni protetta. Fl-assenza ta’ konsorzju superviżorju inkarigat dawn il-funzjonijiet jitwettqu mill-MIPAAF bħala l-awtorità nazzjonali proposta skont ir-Regolament (KE) Nru 510/2006.

tħassar.

Din is-silta sħiħa dwar il-prodotti pproċessati tħassret għaliex ma kinitx rilevanti għall-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif deskritt fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-użu ta’ “Nocciola Romana” DOP fi prodotti oħra huwa soġġetti għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti (2010/C 341/03) u l-linji gwida mill-Ministeru nazzjonali.

DOKUMENT UNIKU

“Nocciola Romana”

Nru tal-UE: PDO-IT-0573-AM01 – 15 ta’ Settembru 2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Nocciola Romana”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Nocciola Romana” tirreferi għal ġellewż tal-ispeċi Corylus avellana, sakemm il-varjetajiet imnissla “Tonda Gentile Romana” u/jew “Nocchione” – u/jew kwalunkwe għażla magħmula minn dawk il-varjetajiet imnissla – jirrappreżentaw 80 % tal-ġellewż imkabbar fl-azjenda. Il-varjetajiet imnissla “Tonda di Giffoni”, “Barrettona” u “Mortarella” jistgħu jirrappreżentaw sa 20 %.

In-“Nocciola Romana” jrid ikollha l-karatteristiċi li ġejjin:

“Tonda gentile romana”: il-forma tal-ġellewża bil-qoxra: subsferika bil-parti ta’ fuq kemxejn ippuntata; id-daqsijiet ivarjaw bejn 14-il mm u 25 mm; qoxra ta’ kulur kannella lewn il-ġellewż, miksija bis-suf fil-ponta u b’diversi strixxi viżibbli; qlub ta’ daqs varjabbli, ta’ forma kważi sferika, ta’ kulur qrib ħafna dak tal-qoxra, prinċipalment miksija bil-fibri, b’wiċċ immewweġ u bi xquq ta’ prominenza varjabbli, u b’qisien inqas regolari mill-ġellewża ta’ ġewwa l-qoxra; rita rqiqa li ma tistax titneħħa kompletament wara l-inkaljar; ta’ konsistenza solida u tqarmeċ; b’togħma u aroma fina u persistenti.

“Nocchione”: forma ta’ ġellewża bil-qoxra: sferika, subelissojdali; ta daqs bejn 14 u 25 mm; qoxra ħoxna: tal-kulur kannella ċar, bi strixxi, mingħajr ħafna suf; il-ġewża ta’ ġewwa; il-qalba għandha l-fibri; rita rqiqa: tinqala’ kemxejn meta l-ġewża tinxtewa; b’togħma u aroma fina u persistenti.

Iż-żewġ varjetajiet għandhom proporzjon ta’ qalba mqabbla mal-ġewża ta’ bejn 28 u 50 %.

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Nocciola Romana” tista’ tiġi ppreżentata bħala:

ġellewż ta’ ġewwa l-qoxra sħiħ;

ġellewż ta’ ġewwa l-qoxra sħiħ inkaljat;

ġellewż bla qoxra;

ġellewż bla qoxra inkaljat u/jew imqaxxar.

Ma għandux ikun hemm ħjiel ta’ żejt imranġat, moffa jew ħaxix fit-togħma jew fl-aroma tal-ġellewż. Irid ikun iqarmeċ, jiġifieri l-ġewż jinqasam meta jingidem għall-ewwel darba u ma tistax tomogħdu. Il-konsistenza tiegħu trid tkun kumpatta, mingħajr toqob fil-qalba. Il-ġellewż ippreżervat irid iżomm l-istess karatteristiċi.

Sakemm ikollu l-karatteristiċi l-oħra tal-prodott deskritti hawn fuq, il-ġellewż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-daqs jista’ jintuża esklussivament għall-ipproċessar taħt l-isem “Nocciola Romana” DOP. Ma jistax jinbiegħ direttament lill-konsumatur aħħari.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-tneħħija tal-qoxra, il-klassifikazzjoni, il-kejl tad-daqs u t-tnixxif iridu jitwettqu fi ħdan iż-żona tal-produzzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

In-“Nocciola Romana” trid tiġi ppakkjata u kkumerċjalizzata:

a)

f’boroż taċ-ċarruta jew materjali jew kontenituri oħra li jistgħu jmissu mal-ikel fil-każ tal-ġellewż ġewwa l-qoxra, inkluż il-ġellewż ġewwa l-qoxra nkaljat;

b)

kwalunkwe ppakkjar li jista’ jmiss mal-ikel għall-ġellewż bla qoxra, inkluż ġellewż inkaljat u/jew imqaxxar.

Fil-każ uniku ta’ ġellewż eliġibbli biex juża d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Nocciola Romana” li jiġi akkwistat direttament mingħand il-kultivatur jew minn ċentru tal-ħsad ta’ kooperattiva tal-produtturi mill-ewwel xerrej li għandu faċilità tal-ipproċessar u/jew tal-ippakkjar, jista’ jinbiegħ bl-ingrossa f’kontenituri xierqa.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-pakketti, il-kontenituri u l-boroż iridu jkunu ssiġillati b’tali mod li l-kontenut tagħhom ma jkunx jista’ jitneħħa mingħajr ma jinkiser is-siġill.

Il-kliem “NOCCIOLA ROMANA” u “DENOMINAZIONE DI ORIGINE PROTETTA” [“DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA”] jew l-akronimu DOP [“DOP”] irid jiġi stampat fuqhom, bil-karattri kollha bl-istess daqs. Irid jiġu ttikkettati wkoll bl-isem u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar, bis-sena li fiha tkabbar il-ġellewż, bil-piż gross u nett fis-sors u bil-logo. Mhux permess l-użu ta’ kwalunkwe denominazzjoni jew deskrittur addizzjonali ieħor. Ġellewż maħsub esklussivament għall-ipproċessar jista’ jinbiegħ bl-ingrossa f’kontenituri xierqa. Jistgħu wkoll jitgħabba direttament bl-ingrossa fil-kontenituri tal-vetturi tat-trasport apposta. Taħt l-ebda ċirkostanza ma jista jkun preżenti frott jew ġewż ieħor li ma huwiex “Nocciola Romana” DOP fil-kunsinna, u n-nota tat-trasport trid tiddikjara “Nocciola Romana DOP destinata alla trasformazione” [“Nocciola Romana” DOP għall-ipproċessar”] u tispeċifika l-varjetà, id-daqs u l-lott.

Il-logo tad-DOP huwa tond, u jikkonsisti fi sfond beige u isfar b’bordura kannella u l-kliem “Nocciola Romana” b’ittri suwed f’nofs ċirku fuq nett, u l-kliem “Denominazione Origine Protetta” [“denominazzjoni ta’ oriġini protetta”] b’ittri suwed f’nofs ċirku fil-qiegħ. Fiċ-ċentru taċ-ċirku hemm tliet weraq ħodor rranġati f’forma ta’ mrewħa, jippuntaw ’il fuq, u fuq il-weraq hemm ġellewża kannella, b’bordura sewda, bil-Palazz Papali ta’ Viterbo mpinġi bil-beige u l-isfar li jikkuntrasta mal-kannella ċar tal-ġewża.

Image 1

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tan-“Nocciola Romana” tikkonsisti fil-muniċipalitajiet li ġejjin fil-Provinċji ta’ Viterbo u Ruma:

a)

Barbarano Romano, Bassano in Teverina, Bassano Romano, Blera, Bomarzo, Calcata, Canepina, Capranica, Caprarola, Carbognano, Castel Sant’Elia, Civita Castellana, Corchiano, Fabrica di Roma, Faleria, Gallese, Monterosi, Nepi, Oriolo Romano, Orte, Ronciglione, Soriano nel Cimino, Sutri, Vallerano, Vasanello, Vejano, Vetralla, Vignanello, Villa San Giovanni in Tuscia, Vitorchiano u Viterbo fil-Provinċja ta’ Viterbo;

b)

Bracciano, Canale Monterano, Manziana, Rignano Flaminio, Sant’Oreste u Trevignano fil-Provinċja ta’ Ruma.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tan-“Nocciola Romana” hija kkaratterizzata minn ħamrija u kundizzjonijiet klimatiċi li huma favorevoli ħafna għat-tkabbir tal-ġellewż: il-ħamrija tal-għoljiet Cimini u Sabatini huma kkaratterizzati minn formazzjonijiet vulkaniċi, b’terren tat-tufu, rikk fis-sustanzi essenzjali, fil-lewċite u l-lavas tat-trakite, b’depożiti klastiċi ta’ ħafna tipi. Il-ħamrija hija fonda u ħafifa, b’kontenut baxx ta’ kalċju u fosfru iżda kontenut għoli ta’ potassju u mikroelementi, ġeneralment aċiduża jew kemxejn aċiduża. Il-klima taż-żona ddefinita fil-punt 3 għandha temperaturi minimi medji ta’ 4-6 °C, temperaturi massimi medji ta’ 22-23 °C, u xita annwali ta’ 900-1 200 mm. Peress li l-istadju delikat tal-fjoritura tal-ġellewż jasal bejn Jannar u Frar, ix-xtiewi ħfief huma fattur partikolarment importanti.

Il-karatteristiċi partikolari li jagħmlu n-“Nocciola Romana” tip uniku u speċjali ta’ ġellewż huma t-tqarmiċ u l-konsistenza soda, mingħajr toqob fil-qalba. Fil-fatt, meta wieħed jogħmodhom, dan il-ġellewż tant iqarmeċ li jinqasam mal-ewwel gidma mingħajr ma jirtab. Din il-karatteristika hija preżenti kemm meta jkun frisk, inkaljat u/jew imqaxxar kif ukoll meta jkun ippreżervat.

Il-karatteristiċi tan-“Nocciola Romana” huma strettament marbutin mal-ambjent ġeografiku li fih jitkabbar il-ġewż.

Din l-ispeċi tiffavorixxi ħamrija essenzjalment ħafifa b’pH minn newtrali sa aċiduż u b’inqas minn 8 % karbonat tal-kalċju, temperatura medja annwali ta’ bejn 10 u 16 °C u xita annwali ta’ mill-inqas 800 mm. Dawn il-fatturi ambjentali kollha jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni tan-“Nocciola Romana”.

Minn dawn il-fatturi naturali, l-importanza tat-tip ta’ ħamrija – b’mod partioklari l-kompożizzjoni ta’ minerali tagħha – hija indiskutibbli. L-oriġini vulkanika tal-ħamrija u l-konċentrazzjonijiet għoljin ta’ potassju u ta’ mikroelementi għandhom rwol deċiżiv fit-tiswir tal-kwalità tal-ġellewż u l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, u għalhekk ukoll it-tqarmiċ tiegħu.

It-tekniki tat-tkabbir u tal-preżervazzjoni wkoll jinfluwenzaw il-kwalità ta’ dan il-prodott agrikolu. Dawn it-tekniki ġew żviluppati tul ħafna snin fejn ġiet prijoritizzata l-kwalità fuq il-kwantità. Illum jiġi pprattikat il-kontroll tal-pesti integrat, bil-għan li jitkabbar ġellewż b’kemm jista’ jkun ftit ħsara mill-parassiti filwaqt li jiġi żgurat li jkunu tajbin biex jittieklu u ħielsa minn residwi u tossini naturali.

B’mod simili, ġew żviluppati t-tekniki tal-ħsad bil-għan li jiġi żgurat li l-isforz li jsir tul iċ-ċiklu veġetattiv ma jkunx għalxejn.

Ta’ min jinnota li l-ġellewż jinħasad mill-art, u jekk jitħalla fl-art għal wisq żmien jista’ jikkomprometti għalkollox it-tjubija tiegħu, għalhekk f’dawn l-aħħar snin il-kultivaturi għamlu sforz kbir biex jimminimizzaw il-ħin li l-ġewż idum fl-art billi jużaw tekniki li jinvolvu l-mogħdija mill-ġonna aktar spiss.

Kien hemm ukoll żvilupp kontinwu fis-sistemi għat-trattament inizjali u l-ħażna tal-ġewż. It-tnixxif bix-xemx li kien jintuża fil-passat – meta ma kienx rari li tara btieħi u pjazez miksija bil-ġellewż li jitħalla barra biex jinxef – ġie sostitwit bi dryers mekkaniċi (li huma tal-azjendi agrikoli individwali u/jew tal-kooperattivi), ir-riċiklaġġ tal-qxur bħala fjuwil u il-ħażna tal-ġewż fi mħażen u/jew silos bit-temperatura kkontrollata, jew fi kmamar speċjali fil-każ tal-ġewż bla qoxra. Il-ġellewż ilu jitkabbar fiż-żona ġeografika ddefinita minn “[...] madwar l-1412, meta l-ġellewż oriġinarjament kien arbuxell taħt is-siġar, forma li għadhom jidhru fiha llum, b’mod partikolari fl-imsaġar tal-qastan” (Martinelli, Carbognano illustra). Fl-1513, in-nocchie apparentament kienu jisservew fuq il-mejda tal-Papa Leo X (Clementi, Storia del Carnevale Romano [“L-Istorja tal-Karnival Ruman”]). Is-siġar jistgħu jinsabu f’reġistri tal-art li jmorru lura sal-1870, meta diversi tużżani ta’ ettari ta’ msaġar tal-ġellewż kienu rrekordjati bħala “Bosco di Nocchie” f’Caprarola. Sal-1946, il-ġellewż kien l-unika għalla f’2 463 ettaru ta’ art u kien qed jitkabbar f’1 300 ettaru ieħor flimkien ma’ għelejjel oħra. Illum il-ġonna tal-ġellewż jokkupaw aktar minn 16 000 ettaru ta’ art u l-industrija għandha aktar minn 3 500 operatur.

Matul is-sekli, l-isforzi paċenzjużi, persistenti u kapaċi tal-kultivaturi kellhom rwol ewlieni fil-preżervazzjoni tat-tradizzjonijiet relatati mal-ġellewż. Dan huwa muri wkoll mill-fatt li hemm tant festivitajiet rurali relatati mal-ġellewż kull sena u mill-ħafna platti tradizzjonali magħmula mill-ġellewż, bħall-istuffat tal-fenek (spezzatino di coniglio in umido), firxa wiesgħa ta’ kejkijiet u gallettini (tozzetti, cazzotti, ciambelle, ossetti da morto, mostaccioli, amaretti, bruttibuoni, duri-morbidi, crucchi di Vignanello u morette) jew meringi tal-ġellewż. Dan kollu huwa prova ta’ kemm hija tradizzjonali u importanti l-kultivazzjoni ta’ dan il-prodott għall-ekonomija lokali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jista’ jiġi kkonsultat billi żżur: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.