16.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/24


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 463/20)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Zagorski bagremov med”

Nru tal-UE: PDO-HR-02612 – 1 ta’ Ġunju 2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Zagorski bagremov med”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Repubblika tal-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.    Tip ta’ prodott

Klassi 1.4 Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.2.    Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

3.2.1.   Definizzjoni tal-prodott

Iz-“Zagorski bagremov med” huwa prodott min-nektar tal-akaċja (Robinia pseudoacacia), bħala l-ispeċi predominanti tal-pjanti, u minn pjanti konkomitanti li jipproduċu l-għasel, u li jiġu mir-reġjun ta’ Hrvatsko Zagorje. Il-kundizzjonijiet ġeomorfoloġiċi u klimatiċi speċifiċi tar-reġjun influwenzaw il-feġġa tal-ispeċijiet ta’ pjanti konkomitanti, li flimkien mal-ispeċijiet ta’ pjanti ewlenin, jaffettwaw l-oriġini botanika tal-għasel. Il-prodott jitqiegħed fis-suq fl-għamla ta’ għasel estratt, għasel tax-xehda, jew għasel estratt bix-xehda maqtugħa.

3.2.2.   Karatteristiċi tat-trab tad-dakra

Minbarra t-trab tad-dakra tal-akaċja (Robinia pseudoacacia), it-trab tad-dakra tal-ispeċijiet tal-pjanti tan-nektar li ġejjin jista’ jkun preżenti wkoll fl-ispettru tat-trab tad-dakra taz-“Zagorski bagremov med”: cornus florida komuni (Cornus sanguinea), alnu iswed (Frangula alnus), loranth Ewropew (Loranthus europaeus), pjanti tal-familja komposta (Asteraceae), acer (Acer spp.), silla ħamra (Trifolium pratense), ċikwejra salvaġġa (Taraxacum officinale), pjanti tal-familja kruċifera (Brassicaceae), speċijiet tal-frott (Prunus spp.), pjanti tal-familja komposta tat-tip taċ-ċikwejra (Asteraceae: it-tip Taraxacum), pjanti tal-familja umbellifera (Apiaceae), mustarda (Sinapis spp.), ġir (Tilia spp.), għantqux (Lotus corniculatus), ċentawrja (Centaurea spp.), u t-trab tad-dakra ta’ speċijiet oħra ta’ pjanti fi proporzjonijiet iżgħar. It-trab tad-dakra tal-ispeċijiet tal-pjanti li ma humiex tan-nektar li ġejjin jista’ jkun preżenti wkoll fl-ispettru tat-trab tad-dakra: fraxxnu (Fraxinus spp.), dekkuka (Dactylis glomerata), pjanti tal-familja tal-ħaxix (Poaceae), pjantaġġini (Plantago spp.), spirea (Filipendula spp.), sogħda (Carex spp.), ballut (Quercus spp.) u peprin (Papaver spp.).

Meta l-kontenut tat-trab tad-dakra ta’ speċijiet ta’ pjanti li ma humiex tan-nektar fiz-“Zagorski bagremov med” jitnaqqas mill-ammont totali tat-trab tad-dakra, aktar minn 27 % irid ikun trab tad-dakra tal-akaċja (Robinia pseudoacacia).

3.2.3.   Karatteristiċi organolettiċi

Iz-“Zagorski bagremov med” għandu l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

Dehra

Kulur: ċar ħafna, li jvarja minn kważi bla kulur, għal isfar ċar u isfar lewn it-tiben, skont jekk il-kampjun tal-għasel ikunx magħmul minn tip wieħed ta’ fjura.

Ċarezza: ċar ħafna.

Kristallizzazzjoni: jibqa’ fi stat likwidu għal żmien twil, u rari jikkristallizza.

Riħa

Mhux qawwija, u jista’ jkollu riħa dixxernibbli ta’ fjuri tal-akaċja u ta’ xama’ friska, skont jekk il-kampjun tal-għasel ikunx magħmul minn tip wieħed ta’ fjura.

Togħma

Bejn ħelu medju u ħelu ħafna, b’aċidità baxxa.

Togħma

Togħma li ddum bejn ftit ħin u ħin medju, ta’ vanilla, ta’ fjuri tal-akaċja, ta’ xehda verġni u ta’ butir frisk.

3.2.4.   Parametri fiżikokimiċi

Kontenut ta’ ilma: mhux iżjed minn 18,0 %.

Konduttività elettrika: mhux iktar minn 0,25 mS/cm.

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 15 mg/kg ta’ għasel.

3.3.    Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Huwa pprojbit li l-kolonji tan-naħal jingħalfu waqt li n-naħal ikunu qed jirgħu.

3.4.    Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha fil-produzzjoni taz-“Zagorski bagremov med” (ragħa u estrazzjoni) iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

3.5.    Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott, iz-“Zagorski bagremov med” irid jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita. Matul it-trasport, it-temperaturi (għoljin) mhux xierqa jistgħu jibdlu l-parametri fiżikokimiċi u l-karatteristiċi organolettiċi taz-“Zagorski bagremov med”, jew jistgħu jwasslu biex l-għasel jieħu rwejjaħ barranin mhux mixtieqa jew jattira l-umdità mill-arja. Għal dik ir-raġuni, għall-ippakkjar tal-għasel jintużaw għotjien ermetiċi, u huwa rrakkomandat l-użu ta’ għotjien tal-metall.

Għall-ippakkjar tal-għasel, jintużaw pakketti ta’ daqsijiet differenti, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u jinżamm rekord korrispondenti.

3.6.    Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Qabel ma jitqiegħed fis-suq, l-ippakkjar kollu jrid ikollu l-logo speċjali “Zagorski bagremov med”, li jrid ikun akbar mill-iskrizzjonijiet l-oħra fuq l-ippakkjar. Ir-rappreżentazzjoni grafika tal-logo tikkonsisti fi sfond iswed, bit-test ZAGORSKI BAGREMOV MED fin-nofs, bil-kliem “zagorski” u “med” bl-abjad u bil-kelma “bagremov” bl-isfar. Lejn ix-xellug tat-test hemm tliet naħliet bojod stilizzati ta’ diversi qisien (Illustrazzjoni 1).

Image 1

Illustrazzjoni 1 Il-logo taz-“Zagorski bagremov med”

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni taz-“Zagorski bagremov med” tinkludi r-reġjun ta’ Hrvatsko Zagorje, b’mod aktar speċifiku: il-Kontea ta’ Krapina-Zagorje fl-intier tagħha; il-parti tal-Punent tal-Kontea ta’ Varaždin, li tinkludi l-bliet u l-muniċipalitajiet ta’ Bednja, Lepoglava, Ivanec, Novi Marof, Breznički Hum u Breznica; u t-tarf tal-Kontea ta’ Zagreb li tmiss mal-Kontea ta’ Krapina-Zagorje u mal-Kontea ta’ Varaždin, li tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Brdovec, Marija Gorica, Pušća, Dubravica, Luka, Jakovlje, Bistra u Bedenica u l-insedjamenti ta’ Kupljenovo, Bregovljana, Hruševec Kupljenski u Pojatno.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-veġetazzjoni naturali u l-agrikoltura estensiva jikkaratterizzaw il-maġġoranza tar-reġjun ta’ Hrvatsko Zagorje, li ftit għandu produzzjoni jew industrija agrikola intensiva. Għalhekk, iż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 toffri l-aħjar kundizzjonijiet għall-iżvilupp tat-trobbija tan-naħal.

L-ispeċifiċità taz-“Zagorski bagremov med” hija ddeterminata l-aktar minn fatturi topografiċi u klimatiċi u r-riżorsi florali taż-żona ġeografika ddefinita.

Iż-żona ġeografika ddefinita għandha klima umda tat-tip kontinentali. Ix-xitwa hija relattivament ħafifa, is-sajf moderatament sħun, il-ħarifa ftit aktar sħuna mir-rebbiegħa, u l-valuri medji taż-żewġ staġuni tranżizzjonali jaqbżu t-temperatura annwali medja. Matul l-aħħar tal-ħarifa u x-xitwa spiss tkun iktar sħana u xemx fuq l-għoljiet milli fuq il-pjanuri. Il-widien ta’ spiss jesperjenzaw il-ġlata, filwaqt li fuq l-għoljiet ma tagħmilx. Hrvavsko Zagorje għandu xejra ta’ preċipitazzjoni kontinentali, b’xita frekwenti u qawwija f’Mejju, f’Ġunju u f’Lulju, jiġifieri matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni. F’Novembru jkun hemm quċċata oħra fil-preċipitazzjoni, filwaqt li fi Frar u f’Marzu l-inqas li jkun hemm. Il-preċipitazzjoni annwali hija ta’ madwar 1 000 mm. L-irjieħ jiġu mmodifikati minħabba l-għoljiet. L-irjieħ mill-Punent huma l-aktar frekwenti, u jdumu 45 % tas-sena, segwiti mill-irjieħ tal-Lvant, li jdumu 29 % tas-sena, filwaqt li madwar 6 % tas-sena hija ħielsa mir-riħ. Il-qawwa massima tar-riħ tvarja minn forza sitta sa forza disgħa u l-aktar irjieħ qawwija jseħħu minn tmiem il-ħarifa sa kmieni fir-rebbiegħa (Crkvenčić et al, 1974b, fi: Geografija SR Hrvatske [Ġeografija tar-Repubblika Soċjalista tal-Kroazja], pp. 69-81).

Karatteristika partikolari speċifika u rikonoxxibbli ta’ Hrvatsko Zagorje hija l-għadd kbir ta’ għoljiet tiegħu, li jipproteġu l-popolamenti tal-akaċja minn kwalunkwe ġlata tard fir-rebbiegħa. L-għoljiet jippermettu wkoll li l-akaċja tagħmel il-fjuri għal tul ta’ żmien itwal, u b’konsegwenza ta’ dan, li n-naħal jirgħu għal aktar żmien, peress li l-akaċja l-ewwel tagħmel il-fjuri f’żoni protetti li jinsabu f’pożizzjoni aktar baxxi qabel ma tagħmel il-fjuri f’altitudnijiet ogħla. Filwaqt li n-naħal jirgħu fuq l-akaċja għal medja ta’ bejn 10 ijiem u 12-il jum fuq il-pjanuri tal-Kroazja, fiż-żona ġeografika ddefinita l-konfigurazzjoni tal-art testendi dan il-perjodu għal 20 jum (Šimić, 1980, fi: Naše medonosno bilje [Il-Pjanti Tagħna li Jipproduċu l-Għasel], p. 84 u 85).

Il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona ġeografika ddefinita jinfluwenzaw ħafna s-sekrezzjoni tan-nektar. Skont Farkas u Zajacz (2007) (Nectar Production for the Hungarian Honey Industry, p. 134), l-aħjar kundizzjonijiet għas-sekrezzjoni tan-nektar tal-akaċja huma l-ebda riħ, iljieli sħan (ta’ madwar 15-il °C) b’biżżejjed nida ta’ filgħodu, u jiem moderatament sħan b’temperatura ta’ matul il-jum ta’ 25 °C. Il-valuri approssimattivi fir-rigward tat-temperatura tal-arja ġew ikkonfermati fi studju minn Krušelj, li twettaq fuq perjodu ta’ tliet snin matul il-perjodu li l-akaċja tagħmel il-fjuri fil-Kontea ta’ Krapina-Zagorje (Teżi tal-2012 tad-dottorat Utjecaj vremenskih i proizvodnih uvjeta na kakvoću bagremova meda s područja Krapinsko-zagorske županije [L-Effett tat-Temp u tal-Kundizzjonijiet tal-Produzzjoni fuq il-Kwalità tal-Għasel tal-Akaċja mill-Kontea ta’ Krapina-Zagorje], p. 66, 77 u 81).

L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika ddefinita hija riflessa wkoll fir-riżorsi florali tagħha, jiġifieri l-preżenza ta’ popolamenti tal-akaċja, li l-maġġoranza tagħhom iseħħu fi gruppi jew jitħalltu ma’ speċijiet oħra ta’ siġar. Billi l-akaċja hija pjanta ferm riproduttiva, hija tinfirex faċilment, u tokkupa malajr ħamrija niedja u fertili, u tista’ taġixxi bħala speċi pijuniera.

Iż-żona ġeografika ddefinita għandha tradizzjoni antika ħafna ta’ trobbija tan-naħal, li kienet waħda mill-attivitajiet agrikoli ewlenin fid-djar kbar tal-kampanja u l-artijiet tagħhom f’Zagorje. L-għasel u x-xama’ kienu wħud mill-aktar prodotti mfittxija fis-suq. Din hija r-raġuni għalfejn, sa mill-1626, il-Parlament Kroat (Petrić, 2011, f’ Samobor i okolica u ranom novom vijeku [Samobor u Environs matul il-Bidu tal-Perjodu Modern], p. 309-310 u F. Šišić, 1918, f’ Podatci o skladištima meda [Data dwar l-Imħażen tal-Għasel], Rekords Parlamentari Kroati, p. 458, 465) iddikjara li l-għasel seta’ jiġi esportat biss mill-bliet ta’ Krapina, Varaždin u Samobor (Mudrinjak, 2017, fi Hrvatska pčela [In-Naħla tal-Għasel Kroata], p. 203-205). L-għasel esportat mill-Kroazja kellu jintiżen, u għal kull 100 kg ta’ għasel li jintiżen kienu jitħallsu 2 Kreuzer.

Speċifiċità tal-prodott

Minħabba l-preżenza ta’ trab tad-dakra fl-ispeċijiet tal-pjanti preżenti fiż-żona ta’ produzzjoni, huwa possibbli li tiġi ddeterminata kemm l-oriġini ġeografika kif ukoll dik botanika tal-għasel. Skont ir-riżultati tal-analiżijiet tat-trab tad-dakra ta’ bosta studji, il-minimu ta’ 20 % ta’ trab tad-dakra tal-akaċja meħtieġ biex tiġi ddikjarata varjetà tal-għasel minn tip wieħed ta’ fjura, fil-każ taz“Zagorski bagremov med” jitla’ għal 27 %. Il-fatt li dan l-għasel huwa minn tip wieħed ta’ fjura huwa rifless fil-karatteristiċi fiżikokimiċi tiegħu (il-konduttività elettrika) u l-espressività tal-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, u dan jenfasizza l-ispeċifiċità u l-karattru distintiv tiegħu meta mqabbel ma’ kampjuni tal-istess tip ta’ għasel minn reġjuni oħra. Barra minn hekk, anke wara snin ta’ evalwazzjoni tal-għasel tal-akaċja miż-żona ġeografika ddefinita, il-monitoraġġ tal-oriġini botanika tal-kampjuni tiegħu ma wera l-ebda traċċa ta’ trab tad-dakra miż-żrieragħ tal-kolza. Dan jenfasizza l-ispeċifiċità tar-reġjun meta mqabbel mal-maġġoranza tal-partijiet l-oħra tal-Kroazja fejn jista’ jiġi prodott l-għasel tal-akaċja.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-fatturi topografiċi u klimatiċi, kif ukoll ir-riżorsi florali taż-żona ġeografika ddefinita għall-produzzjoni taz-“Zagorski bagremov med” jiddeterminaw l-ispeċifiċità tiegħu. Il-konfigurazzjoni tal-art (art mimlija bl-għoljiet) ta’ Hrvatsko Zagorje tinfluwenza t-tul tal-perjodu li l-akaċja tagħmel il-fjuri u, għalhekk, ir-ragħa tan-naħal, li hija testendi għal 20 jum. Fl-istess waqt, minħabba l-karatteristiċi tal-ħamrija (ħamrija aktar tqila u aċiduża), l-irqajja’ żgħar u frammentati ta’ art, u d-diffikultà fl-implimentazzjoni tat-tekniki agrikoli, ma hemm l-ebda tradizzjoni ta’ tkabbir taż-żrieragħ tal-kolza, li jagħmel iż-żona ġeografika ddefinita speċifikament adattata għall-produzzjoni taz-“Zagorski bagremov med” meta mqabbla ma’ partijiet oħra tal-Kroazja fejn l-għasel tal-akaċja jiġi prodott f’żoni mħawla biż-żrieragħ tal-kolza u huwa impossibbli li tiġi evitata l-preżenza tan-nektar (u, għalhekk, it-trab tad-dakra) taż-żrieragħ tal-kolza.

L-ispeċifiċità taz-“Zagorski bagremov med” hija bbażata fuq it-tradizzjoni tat-trobbija tan-naħal li ilha stabbilita, sabiex ir-rabta maż-żona ġeografika ddefinita tkun riflessa wkoll f’elementi storiċi, tradizzjonali u kulturali.

Waħda mir-rabtiet storiċi ewlenin mal-produzzjoni tal-għasel u x-xama’ fi Hrvatsko Zagorje hija l-produzzjoni ta’ liticar [gallettina ħelwa magħmula bl-għasel, bħall-gallettini tal-ġinġer] u xemgħat. L-artiġjanat tal-gallettini tal-ġinġer wasal f’dan ir-reġjun bejn l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17, permezz ta’ rotot kummerċjali, bħala parti mill-Korporazzjoni tal-Produtturi ta’ Liticar Stirjan, u dan għadu hawn sal-lum. Fl-2010, l-artiġjanat tal-gallettini tal-ġinġer fi Hrvatsko Zagorje ġie rikonoxxut u ddaħħal fil-Lista Rappreżentattiva tal-UNESCO tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità.

Il-kwalità għolja tal-produzzjoni taz-“Zagorski bagremov med” hija l-prodott tal-ħiliet miksuba minn dawk li jrabbu n-naħal fi Hrvatsko Zagorje, f’approċċi teknoloġiċi kontemporanji għat-trobbija tal-kolonji tan-naħal u fit-tħejjija tal-għasel għas-suq. Dawn il-persuni li jrabbu n-naħal jagħtu attenzjoni partikolari biex isibu l-aħjar postijiet kemm għall-miġbħa stazzjonarji kif ukoll għal dawk nomadiċi, kif ukoll għall-estrazzjoni f’waqtha, li hija prerekwiżit għall-produzzjoni ta’ għasel ta’ kwalità.

Għal dawn l-aħħar 16-il sena, il-Kontea ta’ Krapina-Zagorje u l-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tat-Trobbija tan-Naħal tal-Kontea ta’ Krapina-Zagorje organizzaw avveniment li jippromwovi l-kwalità taz-“Zagorski bagremov med” u ta’ dawk li jrabbu n-naħal minn Zagorje, fejn l-għasel mill-Kontea ta’ Krapina-Zagorje jintwera u jiġi ġġudikat.

Bħala prova tal-ispeċifiċità taz-“Zagorski bagremov med” meta mqabbel mal-għasel tal-akaċja minn partijiet oħra tal-Kroazja, kampjun tal-għasel tal-akaċja ta’ persuna partikolari li trabbi n-naħal minn Konjščina fi Hrvatsko Zagorje ġie ddikjarat l-aħjar fid-dinja fil-Forum tal-Apimedika u tal-Apikwalità li sar f’Ljubljana fl-2010. Minbarra dan is-suċċess, iz-“Zagorski bagremov med” miż-żona ġeografika ddefinita, kontinwament ikklassifika fil-għoli f’avvenimenti li jiġġudikaw l-għasel, li saru fil-Kroazja u fis-Slovenja għal ħafna snin issa.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://poljoprivreda.gov.hr/UserDocsImages/dokumenti/hrana/zoi-zozp-zts/dokumenti-zoi-zozp-zts/Specifikacija_proizvoda_Zagorski_bagremov_med.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.