14.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/32


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 417/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”

Nru tal-UE: PGI-FR-02431 – 17 ta’ Awwissu 2018

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem (Ismijiet)

“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” għandu għamla pjuttost ċilindrika. It-tfettit taz-zalzett juri li dan huwa mimli bejn wieħed u ieħor bl-ikkapuljat u bix-xaħam.

L-affumikar jagħtih il-kulur tipiku tiegħu, li jvarja minn ambra għal kannella u ma huwiex neċessarjament konsistenti mal-prodott kollu. Il-budellat naturali jista’ jkun miksi bi flora naturali li tkun bajdanija jew ħadra tagħti fil-griż lewn l-irmied.

Il-biċċiet żgħar kannella jagħtu fl-aħmar fil-vjola tal-mili joħolqu kuntrast mal-biċċiet żgħar bojod li wieħed jista’ jara mxerrda mal-biċċa kollha.

Fil-bidu, l-aroma tkun taħlita qawwija ta’ affumikar u bżar. Din tiġi segwita minn noti ta’ laħam staġjonat fin-niexef.

L-ebusija tal-biċċiet żgħar tal-laħam u s-sawra lixxa u kremuża tax-xaħam jagħtu lill-prodott sawra varjata fil-ħalq. Karatteristika waħda ta’ dan il-prodott hija li dan joħloq bilanċ tajjeb bejn l-imluħa, il-laħam staġjonat fin-niexef u x-xaħam, ikkumplimentat minn nota qawwija ta’ bżar u minn togħma ta’ affumikar li, għalkemm iddum u hija persistenti, ma titfix it-taħlita ta’ togħmiet.

Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi:

kontenut ta’ ndewwa fuq bażi mingħajr xaħam ≤ 52 % (56 % jekk id-dijametru jaqbeż is-70 mm);

lipidi (b’77 % indewwa fuq bażi mingħajr xaħam): ≤ 25 %

proporzjon ta’ kollaġen-proteina: ≤ 15 %

karboidrati solubbli fl-ilma (b’77 % indewwa fuq bażi mingħajr xaħam): ≤ 2 %

Tul, dijametru u piż kif jidher fit-tabella li ġejja:

Budellat

Piż xott

Dijametru tal-budellat

Tul tal-budellat

Kolon dekrexxenti

200 sa 300 g

50-60 mm

25-30 cm

> 300 g

> 60 mm

> 30 cm

Musrana ż-żgħira

200 sa 300 g

45-60 mm

25-30 cm

> 300 g

> 60 mm

> 30 cm

Musrana l-kbira

300 sa 600 g

40-60 mm

30-40 cm

> 600 g

> 60 mm

> 40 cm

Il-prodott jinbiegħ jew sħiħ jew imqatta’.

Meta jkun sħiħ, dan jinqafel bi spaga f’kull tarf u jinbiegħ mingħajr ippakkjar jew imgeżwer f’film, f’vakwu jew f’atmosfera modifikata. Iz-zliezet ta’ aktar minn 600 g jintrabtu bl-ispag jew jitqiegħdu f’xibka.

Iz-zalzett imqatta’ jinbiegħ imgeżwer f’rita, f’vakwu jew f’atmosfera modifikata.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima użata biex isir is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” tinkiseb mill-majjali tas-simna jew mill-majjali nisa (sa massimu ta’ 50 % tal-piż tal-materja prima) li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

l-ebda ħanżir ma jista’ jkun affettwat mill-allel Rn- u r-rata ta’ suxxettibbiltà għall-alotan trid tkun inqas minn 3 %;

ir-razzjon tal-għalf mogħti lill-majjali tas-simna fl-istadji tat-tkabbir/finali u lill-majjali nisa tqal wara l-ħalib irid ikollu kontenut ta’ aċidu linolejku ta’ inqas minn 1,9 %;

il-majjali nisa jridu jkunu bla ħalib għal mill-inqas 15-il ġurnata wara li l-qżieqeż tagħhom jinfatmu qabel jiġu skarnati;

il-ħnieżer iridu jkunu straħu għal mill-inqas sagħtejn wara li jaslu l-biċċerija qabel jiġu skarnati;

il-majjali tas-simna jrid ikollhom piż sħun tal-karkassa ta’ ≥ 75 kg;

il-majjali nisa jrid ikollhom piż sħun tal-karkassa (mingħajr ras u driegħ) ta’ ≥ 120 kg;

il-pH aħħari jrid ikun bejn 5,50 u 6,20;

ma jista’ jkun hemm l-ebda wieħed mid-difetti viżwali li ġejjin: tebgħat tad-demm, axxessi, tebgħat tar-rawt jew lubrikant tal-conveyors, difetti serji fil-kulur jew fil-konsistenza;

ix-xaħam irid ikun sod u abjad;

il-laħam irid ikollu kulur jagħti fir-roża u fl-aħmar.

Il-biċċiet tal-karkassa mqattgħa li jistgħu jintużaw biex isir dan il-prodott huma l-għonq, il-lojn, il-koxxa, iż-żaqq, l-ispalla, ix-xaħam tad-dahar u l-biċċiet żgħar tad-dgħif. Il-ġilda tal-biċċiet tal-majjal trid titneħħa sew.

It-taħlita taz-zalzett hija magħmula minn bejn 15 u 35 % xaħam u bejn 65 u 85 % dgħif.

Il-qatgħat tal-majjal iridu jaslu friski jew iffriżati.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess kollu tal-produzzjoni tas-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”, mill-ikkapuljar tal-laħam sal-ikkurar fin-niexef, irid iseħħ fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Ladarba l-prodott ikun tfettet, dan irid jiġi ppakkjat (iz-zalzett imqatta’ jkun mingħajr il-budellat) permezz tat-tgeżwir f’rita, f’vakwu jew f’atmosfera modifikata.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika għall-indikazzjoni ġeografika protetta “Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” tikkonsisti fiż-żewġ départements ta’ Corse-du-Sud u Haute-Corse.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u s-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq għarfien espert tradizzjonali u karatteristiċi speċifiċi.

“Ile de Beauté” (“Gżira tas-Sbuħija”) huwa laqam li spiss jintuża għar-reġjun amministrattiv Franċiż ta’ Korsika, gżira muntanjuża fil-Mediterran.

Korsika għandha klima Mediterranja, ikkaratterizzata minn sjuf sħan u xotti u xtiewi moderati u bix-xita. Il-gżira hija maħkuma minn żewġ irjieħ dominanti: billejl a tramuntana jġib miegħu ljieli bierda, u binhar u maestrale jwassal għal ġranet xotti.

Il-ħamrija u l-klima lokali flimkien joħolqu kundizzjonijiet ideali għat-tkabbir forestali. Għalhekk, Korsika hija reġjun forestali, b’siġar b’weraq wesgħin – partikolarment il-qastan, il-ballut u l-fagu – partikolarment komuni mal-gżira kollha. Żona msaġġra ta’ 401 817 ha tagħti lil Korsika rata ta’ kopertura forestali ġenerali ta’ 46 %, ferm ogħla mill-medja nazzjonali ta’ 26,9 %. L-aktar siġar komuni b’weraq wiesgħa huma s-siġar tal-ballut, partikolarment l-ilċi, li jammontaw għal 22 % tal-kopertura msaġġra tal-gżira. Il-ballut tas-sufra jista’ jinstab l-aktar fiċ-ċentru u fin-naħa t’isfel tal-gżira, u jammonta għal 15 % tal-foresti tagħha. Żona ta’ aktar minn 200 000 ettaru hija koperta minn art moxa bl-arbuxelli, li spiss jikbru sa 5 jew 6 metri għoli u jiffurmaw “foresta” minnhom infushom. Is-siġar tal-fagu jistgħu jinstabu f’għoljiet ta’ 1 000 m jew aktar, u s-siġra tal-qastan, li hija partikolarment adattata għall-ambjent naturali ta’ Korsika, tista’ tinstab mal-gżira kollha, minn fuq il-kosta stess sa 1 200 m ’il fuq mil-livell tal-baħar.

Il-kundizzjonijiet tal-ħajja fuq il-gżira wasslu lin-nies ta’ Korsika biex jiżviluppaw modi biex jagħmlu charcuterie li huwa adattat għall-klima lokali u għar-riżorsi forestali.

Huwa minħabba l-klima xotta u mirjieħa ta’ Korsika li l-metodu tat-tmelliħ fin-niexef għall-ikkurar tal-majjal ingħata preferenza fuq is-sajran tax-charcuterie pprattikat fin-naħa ta’ fuq ta’ Franza.

Il-produzzjoni tas-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” hija waħda mill-eqdem tradizzjonijiet tal-preservazzjoni tal-majjal u tiġi pprattikata ma’ Korsika kollha. Dan huwa wieħed mill-prodotti li jittiekel f’perjodu medju wara li l-ħanżir jiġi skarnat. Il-laħmijiet staġjonati dejjem kellhom rwol importanti fid-dieta ta’ Korsika u, b’riżultat ta’ dan, fil-kultura tagħha.

Il-laħam użat biex isir is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” jiġi kkapuljat mingħajr reqqa, u dan huwa simili għar-riżultat tal-metodu tradizzjonali tat-tqattigħ b’sikkina.

Il-laħam ikkapuljat imbagħad jitħallat mal-melħ fin u jista’ jitħawwar ukoll bl-inbid jew bil-ħwawar.

L-użu ta’ ammonti kbar ta’ bżar iswed (bejn 4 u 9 g għal kull kg) juri kif il-proċess tal-ikkurar ġie influwenzat mill-fatt li t-temperaturi huma għoljin fil-biċċa l-kbira tas-sena: il-bżar oriġinarjament kien jintuża bħala ripellant naturali tal-insetti u maż-żmien sar wieħed mill-karatteristiċi ewlenin tas-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”.

Dawn huma zliezet affumikati bl-injam iebes, u dan jiddistingwihom minn prodotti oħrajn fejn it-tendenza hija li jintuża njam artab għall-affumikar. L-injam jiġi minn siġar lokali b’weraq wesgħin, bl-aktar speċijiet użati b’mod komuni jkunu dawk li jkunu l-eqreb u l-aktar disponibbli: il-ballut, il-qastan, il-fagu, is-siġra tal-frawli u x-xagħri. Din hija prattika tradizzjonali li fil-passat kienet ġeneralment marbuta mat-tkabbir tal-qastan, li kellu rwol importanti fl-agrikoltura tal-gżira. L-injam iebes lokali dejjem kien jintuża biex jiġi affumikat ix-charcuterie minħabba li dawn l-ispeċijiet jistgħu jinstabu mal-gżira kollha u minħabba li l-injam iebes huwa aktar reżistenti għan-nar u jħalli ħafna inqas residwu mill-injam artab meta jinħaraq. Dan jirriżulta fi proċess tal-affumikar “moderat” u sottili ħafna, u b’hekk tiġi evitata s-saturazzjoni tat-togħma li tista’ tirriżulta mill-użu tal-injam artab. L-affumikar jagħmilha wkoll possibbli li jiġu ppreservati z-zliezet u jtemm il-protezzjoni esterna tagħhom mill-insetti. L-affumikar tal-laħam huwa drawwa li tinstab partikolarment f’żoni fejn it-tribujiet Ġermaniżi stabbilew irwieħhom f’numri kbar. Għalhekk, Korsika hija post kemxejn mhux tas-soltu fil-baċir Mediterran għal din it-tradizzjoni tal-affumikar tal-laħam.

Fl-aħħar nett, tintuża ventilazzjoni naturali meta z-zliezet jiġu staġjonati fin-niexef. Dan l-istadju joħroġ il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

Is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” huwa wieħed mill-aqwa prodotti ta’ Korsika, ir-riżultat ta’ għarfien espert lokali li jirrifletti l-gżira, il-kultura tagħha u d-drawwiet tagħha. L-użu ta’ metodi speċifiċi tal-produzzjoni li ntirtu minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni jiddistingwih minn prodotti oħrajn. Dan l-għarfien espert huwa dak li jagħtih il-karatteristiċi tiegħu:

il-lewn ambra jagħti fil-kannella tiegħu, li ma huwiex neċessarjament konsistenti mal-prodott kollu;

sawra varja fil-ħalq minħabba l-ebusija tal-biċċiet żgħar tal-laħam u s-sawra lixxa u kremuża tax-xaħam;

aroma intensa fil-bidu li tikkombina l-affumikar u l-bżar, segwita minn noti ta’ laħam staġjonat fin-niexef;

bilanċ tajjeb bejn l-imluħa, il-laħam staġjonat fin-niexef u x-xaħam;

nota qawwija ta’ bżar li ttawwal l-attakk fuq il-palat, filwaqt li ssaħħaħ u testendi t-togħmiet l-oħrajn;

togħma ta’ affumikar li, għalkemm iddum u hija persistenti, ma titfix it-taħlita ta’ togħmiet.

Il-metodu speċifiku użat biex isir is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté” ġie żviluppat abbażi ta’ prattiki tradizzjonali – bħall-ikkapuljar mingħajr reqqa tal-laħam. Dan huwa wkoll marbut mal-klima u mar-riżorsi naturali tal-gżira: l-użu tal-bżar iswed fi kwantitajiet kbar, l-affumikar bl-injam iebes bl-użu ta’ njam minn siġar lokali, u l-użu ta’ ventilazzjoni naturali fil-proċess tal-ikkurar fin-niexef huma kollha prattiki li ssawru mill-klima xotta u mirjieħa ta’ Korsika, mill-kundizzjonijiet tal-ħajja fuq il-gżira, u mill-firxa tal-kopertura forestali tal-gżira.

Il-prodott għandu sawra varja minħabba li l-mili jiġi kkapuljat pjuttost mingħajr reqqa f’biċċiet żgħar iebsin ta’ laħam u xaħam.

L-użu ta’ kwantitajiet kbar ta’ bżar iswed jagħti lill-prodott in-nota qawwija ta’ bżar li hija karatteristika li tiddistingwi is-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”.

L-affumikar bl-injam iebes fuq injam minn siġar lokali (qastan, ballut, fagu, eċċ.) jagħti lill-prodott palat kumpless ħafna ta’ noti aromatiċi (togħma twila u persistenti ta’ affumikar fil-ħalq), u dan huwa karatteristika ewlenija oħra tas-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”. Dan jagħti wkoll lill-prodott l-aroma kontinwa ta’ affumikar u l-kulur ambra tipiku tiegħu.

L-użu ta’ ventilazzjoni naturali fil-kamra tat-tnixxif matul il-proċess tal-ikkurar fin-niexef jgħin biex jiġi stabbilizzat u ppreservat il-prodott u biex jissawru l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu (filwaqt li jinħoloq bilanċ tajjeb bejn l-imluħa, il-laħam imnixxef u x-xaħam).

L-għarfien espert intiret minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, megħjun mill-fatt li Korsika hija gżira, fattur li ppermetta wkoll li jiġu ppreservati l-karatteristiċi tas-“Saucisson sec de l’Ile de Beauté” / “Salciccia de l’Ile de Beauté”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-SaucissonSecIdB-RepCOM2.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.