1.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 398/28


Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid

(2021/C 398/17)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

Dehesa Peñalba

PDO-ES-02592

Data tal-applikazzjoni: 18 ta’ Novembru 2019

1.   Isem għar-reġistrazzjoni

Dehesa Peñalba

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

INBID AĦMAR

Dehra viżiva: Ċar, b’intensità ta’ kulur medja sa baxxa, bi sfumaturi li jvarjaw minn aħmar lewn il-briks għal aħmar jagħti fil-vjola.

Aroma: Intensità medja sa baxxa, b’noti varjetali kkaratterizzati mill-frott (aħmar u/jew iswed) u/jew fjuri u/jew balsamiċi, kif ukoll noti miksuba mill-proċess at-tqaddim fil-każ tal-inbejjed imqaddma fl-injam (elementi ta’ vanilla u/jew ta’ injam u/jew mixwija u/jew karamelizzati u/jew imħawra).

Togħma: L-inbejjed għandhom ikunu bbilanċjati u b’riħa ta’ frott (aħmar u/jew iswed) u/jew fjuri u/jew balsamiċi, flimkien ma’ noti miksuba mill-proċess tat-tqaddim fil-każ tal-inbejjed imqaddma fl-injam (elementi ta’ vanilla u/jew ta’ injam u/jew mixwija u/jew karamelizzati u/jew imħawra). Għandhom palat sħiħ b’togħma li tibqa’ fil-ħalq għal ħin medju sa twil.

(*)

Kwalunkwe valur mhux muri hawn jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12,5

Aċidità totali minima

4,0 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

20,00

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

Prattika ta’ kultivazzjoni

1.

Id-dwieli jitħarrġu bil-kannizzati.

2.

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 2 000 pjanta għal kull ettaru.

Prattika enoloġika speċifika

1)

Kundizzjonijiet tal-vinifikazzjoni

Inbejjed ħomor mhux imqaddma:

L-għeneb jinħasad bl-idejn, jitqiegħed f’kaxxi u mbagħad jinħażen f’tagħmir li jkessaħ biex titbaxxa t-temperatura tiegħu għal bejn 5 °C u 10 °C.

Jiġi magħżul bl-idejn fil-mejda tal-għażla u jinġarr lejn it-tankijiet biċ-ċinga trasportatriċi (ma jintuża l-ebda tagħmir tal-ippumpjar biex jintrefa’ l-għeneb).

Jiġi pprattikat t-tgħaddis kiesaħ qabel il-fermentazzjoni (5-10 °C) għal ħames-tmient ijiem.

Qabel il-fermentazzjoni malolattika, l-inbejjed jitqaddmu fuq il-karfa għal mill-inqas 15-il jum.

Il-mikroossiġenazzjoni titwettaq b’rata ta’ dożaġġ ta’ 15-il ml għal kull litru kull xahar għal tlett ijiem u ta’ sitt ml għal kull litru kull xahar għal tmient ijiem.

Il-fermentazzjoni alkoħolika spontanja ssir f’tankijiet tal-azzar inossidabbli.

Hija pprattikata maċerazzjoni estiża matul u wara l-fermentazzjoni għal mill-inqas 21 jum.

Inbejjed ħomor maturi:

L-għeneb jinħasad bl-idejn, jitqiegħed f’kaxxi u mbagħad jinħażen f’tagħmir li jkessaħ biex titbaxxa t-temperatura tiegħu għal bejn 5 °C u 10 °C.

Jiġi magħżul bl-idejn fil-mejda tal-għażla u jinġarr lejn it-tankijiet biċ-ċinga trasportatriċi (ma jintuża l-ebda tagħmir tal-ippumpjar biex jintrefa’ l-għeneb).

Jiġi pprattikat t-tgħaddis kiesaħ qabel il-fermentazzjoni (5-10 °C) għal ħames-tmient ijiem.

Il-fermentazzjoni alkoħolika spontanja ssir f’tankijiet tal-azzar inossidabbli.

Hija pprattikata maċerazzjoni estiża matul u wara l-fermentazzjoni għal mill-inqas 21 jum.

Qabel il-fermentazzjoni malolattika, l-inbejjed jitqaddmu fuq il-karfa għal mill-inqas 15-il jum.

Il-mikroossiġenazzjoni titwettaq b’rata ta’ dożaġġ ta’ 15-il ml għal kull litru kull xahar għal tlett ijiem u ta’ sitt ml għal kull litru kull xahar għal tmient ijiem.

Prattika enoloġika speċifika

2)

Kundizzjonijiet ta’ tqaddim

Il-kundizzjonijiet tat-tqaddim ivarjaw skont it-tip ta’ nbid, kif ġej:

Inbejjed ħomor monovarjetali:

Imqaddma fi btieti tal-ballut ta’ 225 litru għal 12-24 xahar

Inbejjed ħomor multivarjetali:

Imqaddma fi btieti tal-ballut ta’ 225 u/jew 500 litru u/jew f’tankijiet tal-injam ta’ 5 000 litru għal 6-24 xahar

Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

Il-most jista’ jiġi estratt biss b’sistemi mekkaniċi li mhumiex ta’ ħsara għall-partijiet solidi tal-għanqud, bi proporzjon medju massimu ta’ għeneb għal inbid ta’ 72 %. Għal inbid aħmar li se jitqaddem, ma għandhomx jintużaw pompi biex jittrasportaw il-polpa lejn it-tankijiet.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Inbejjed ħomor mhux imqaddma

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Inbejjed ħomor mhux imqaddma

57,60 ettolitru għal kull ettaru

Inbejjed ħomor imqaddma

6 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Inbejjed ħomor imqaddma

43,20 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona ġeografika għad-DOP “Dehesa Peñalba” tinsab fil-muniċipalità ta’ Villabáñez (Valladolid). Dan huwa porzjon kontinwu ta’ art fuq firxa ta’ 91,4287 ettaru, identifikata mir-referenzi tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) li ġejjin:

Il-parcelas [irqajja’] 5 121, 5 122, 5 123, 5 124 u 5 125, u r-recinto [plott] 3 tal-parcela 9 003 (kanal tat-tisqija), ilkoll fil-polígono [poligonu] 6 tal-muniċipalità.

L-inbejjed tad-DOP “Dehesa Peñalba” jridu jiġu prodotti u mqaddma fiż-żona definita hawn fuq.

(*)

Minħabba li l-LPIS hija soġġetta għall-aġġornamenti, jekk jogħġbok innota li dawn huma referenzi għall-verżjoni tal-2020.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

CABERNET SAUVIGNON

MERLOT

SYRAH

TEMPRANILLO

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

a)   Żona ġeografika (fatturi naturali u umani)

a.1)   Fatturi naturali

Iż-żona ġeografika definita fil-punt 1.6 għandha l-karatteristiċi uniċi proprji tagħha tal-art, tal-ħamrija u tal-klima. Dawn il-karatteristiċi huma uniformi fiż-żona kollha u, kif se jiġi spjegat hawn taħt, jiddistingwuha miż-żoni tal-madwar. Iż-żona hija eżempju ta’ dak li tradizzjonalment huwa magħruf bħala pago: porzjon kontinwu wieħed ta’ art, li tradizzjonalment jintuża għat-tkabbir tad-dwieli, bil-karatteristiċi tal-ħamrija u dawk mikro klimatiċi tiegħu stess li jiddistingwuh miż-żoni tal-madwar. In-natura unika ta’ pago ġeneralment tiġi ffurmata mill-elementi fiżiċi ta’ madwaru – bħal xmajjar, pjanuri, boskijiet, eċċ. – li jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet speċifiċi. F’din iż-żona demarkata, dan huwa r-riżultat tal-fatturi li ġejjin:

1.

Ix-Xmara Duero fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli għat-topografija mimlija għoljiet tar-reġjun, billi ffurmat diversi strutturi permezz tal-erożjoni u s-sedimentazzjoni, inklużi terrazzi tal-pjanura tax-xmara – li fuqhom hemm ħafna materjal residwu (l-aktar ramel u żrar) – u l-qiegħ tal-wied. B’riżultat ta’ dan, iż-żona demarkata hija żona ta’ kampanja kemxejn imżerżqa (bi gradjent kostanti ta’ inqas minn 5 %) fuq il-qiegħ tal-wied u mdawra b’żewġ pjanuri ogħla (iż-żona demarkata tinsab f’altitudni ta’ 720 m u l-pjanuri jinsabu fi 800-840 m, b’inklinazzjoni ta’ 5-15 %) li jisseparaw iż-żona kemm lejn it-Tramuntana kif ukoll lejn in-Nofsinhar. Ix-Xmara Duero tirrappreżenta wkoll il-fruntiera taż-żona fit-Tramuntana. Iż-żona lil hinn mix-xmara għadha magħrufa bħala Dehesa Peñalba, iżda hekk kif l-inklinazzjoni ssir aktar wieqfa (fuq l-għoljiet li jwasslu għall-pjanuri għoljin u l-pjanuri nfushom), l-art ma tibqax adattata għat-tkabbir tad-dwieli. Lejn in-Nofsinhar, il-fruntiera taż-żona hija foresta tal-arżnu. Dawn iż-żewġ elementi – il-pjanuri għoljin u l-foresta tal-arżnu – għandhom effett ta’ lqugħ, billi jipprovdu kenn għaż-żona minn kundizzjonijiet tat-temp ħżiena.

2.

Iż-żona demarkata tinsab fuq terrazza ta’ art iffurmata minn depożiti tax-xmara taż-żrar, b’saff ta’ ramel fuq nett fuq sodda ta’ blat tal-franka tal-lom. Il-ħamrija hija magħrufa għaċ-ċagħaq, iż-żrar u kontenut medju ta’ ramel ta’ 78 %, meta mqabbla mal-ħamrija inqas ramlija (madwar 60 %) li tinsab fiż-żoni lejn il-Punent u l-ħamrija aktar taflija b’depożiti tal-lom u tal-franka li tinsab fuq il-pjanuri għoljin u fuq l-għoljiet li jwasslu għalihom, fejn l-inklinazzjoni hija akbar.

B’riżultat ta’ dan, iż-żona demarkata toffri ħamrija b’saff ta’ fuq xott u ramli bi proprjetajiet ta’ filtrazzjoni: żona ta’ art sħuna iżda b’bażi friska u riżervi ta’ ilma tajbin. Hija nieqsa kemm mill-materja organika kif ukoll min-nutrijenti.

3.

Il-fatt li l-elementi madwar iż-żona jaġixxu bħala lqugħ ifisser li hija kemxejn protetta minn kundizzjonijiet avversi bħal temperaturi estremi, livelli baxxi ta’ umdità, irjieħ kiefra, eċċ. B’riżultat ta’ dan, iż-żona għandha l-mikroklima tagħha stess, b’temperaturi aktar moderati (medja annwali ta’ 12 °C, bejn wieħed u ieħor nofs grad aktar sħuna miż-żona tal-madwar), partikolarment fir-rebbiegħa u l-ħarifa. Għandha ammont tajjeb ta’ riħ (mill-Punent għal-Lvant) u hija ħielsa mill-ġlata għal żmien itwal miż-żona tal-madwar (206 ijiem fis-sena meta mqabbla ma’ 200).

Fil-qosor, iż-żona demarkata magħrufa bħala Dehesa Peñalba tinsab f’baċir idrografiku fuq il-qiegħ tal-wied, fejn l-art hija lixxa u l-art omoġenja. L-orjentazzjoni tagħha lejn il-Majjistral/Lbiċ hija ideali għall-vitikultura, u l-ħamrija tista’ tiġi deskritta bħala sħuna u fqira fid-dawl tal-livell għoli ta’ ramel u elementi raffi (ċagħaq u żrar). Dawn min-naħa tagħhom jagħmluha permeabbli ħafna u tirrifletti r-raġġi tax-xemx, protetta kif inhi minn par pjanuri tal-franka tal-lom lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li jipproteġuha u jagħlquha bis-saħħa tad-differenza fl-altitudni. Iż-żona demarkata hija influwenzata wkoll mill-foresta tal-arżnu li hemm tul il-fruntieri tan-Nofsinhar u tal-Punent tagħha, filwaqt li x-Xmara Duero tmiss mat-truf tat-Tramuntana u tal-Lvant tagħha. Analiżi tal-ambjent fiżiku turi li ż-żona demarkata magħrufa bħala Dehesa Peñalba hija sit definit b’mod ċar bil-ħamrija uniformi u bil-kundizzjonijiet klimatiċi proprji tagħha li jiddistingwuha miż-żoni tal-madwar. Dan huwa r-riżultat ta’ proċessi ta’ formazzjoni ġeomorfoloġika, litoloġika u orografika u l-preżenza ta’ barrieri naturali, bħal xmara, boskijiet, għoljiet u pjanuri għoljin.

a.2)   Fatturi umani

L-esperjenza miksuba fil-vinji taż-żona demarkata matul l-aħħar 18-il sena wasslet għall-introduzzjoni ta’ numru ta’ varjetajiet ta’ dwieli li huma partikolarment adattati għall-ambjent lokali, li rriżultaw f’għeneb b’konċentrazzjoni għolja ta’ polifenoli – b’mod partikolari f’termini tal-kontenut totali ta’ antoċjanini u tannini.

Tempranillo: Din hija l-varjetà l-aktar importanti mkabbra fil-vinja ta’ Dehesa Peñalba. Bis-saħħa tal-kopertura veġetali fir-ringieli u l-ħamrija fonda qrib iz-zkuk prinċipali, ikkomplementati minn kannizzati metikulużi, tinsab f’armonija perfetta maż-żona lokali.

Syrah: Din hija t-tieni l-aktar varjetà karatteristika. Biċ-ċiklu veġetattiv itwal tagħha, tgawdi kundizzjonijiet ideali f’din iż-żona (rebbiegħat u ħarifiet aktar moderati), li jippermettu l-espressjoni sħiħa tal-kwalitajiet varjetali tagħha.

Cabernet Sauvignon: Bħal fil-każ ta’ Syrah, il-mikroklima fiż-żona demarkata tippermetti lil din l-għenba tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, għalkemm fl-istess ħin tillimita r-rendiment tagħha.

Merlot: Billi din l-għenba għandha t-tendenza li tbati minn ammont insuffiċjenti ta’ ilma fiż-żoni tal-madwar, is-sottoswol fiż-żona demarkata joffri biżżejjed riżervi ta’ ilma biex din timmatura b’mod ottimali u bbilanċjat.

Sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet li fihom jitkabbru u jsiru dawn il-varjetajiet, it-tekniki tal-vitikultura pprattikati matul iċ-ċiklu veġetattiv tad-dwieli huma dawk li għandhom it-tendenza li jagħtu rendiment aktar baxx għal kull ettaru, li jirriżulta fi kwalità ogħla ta’ materja prima bi grad konsistenti ta’ tisjir.

Jintużaw prattiki ta’ vitikultura sostenibbli, biex jiġi żgurat l-akbar rispett għall-ambjent. L-irqajja’ tal-vinja huma ċċertifikati bħala organiċi.

Wara dan il-proċess mimli ħsieb fil-vinja, jiġu applikati prattiki ta’ produzzjoni b’ħafna reqqa fil-kantina tal-inbid. Il-passi li ġejjin huma l-aktar importanti:

L-għeneb jinħasad bl-idejn, jitqiegħed f’kaxxi u mbagħad jinħażen f’tagħmir li jkessaħ biex titbaxxa t-temperatura tiegħu għal bejn 5 °C u 10 °C. L-għeneb jiġi magħżul bl-idejn fil-mejda tal-għażla u merfugħ biċ-ċinga trasportatriċi (ma jintużawx pompi) biex ma jkunx hemm ossidazzjoni qabel jaslu fit-tankijiet u biex il-maċerazzjoni tkun tista’ sseħħ fl-aqwa kundizzjonijiet.

Hija pprattikata maċerazzjoni matul u wara l-fermentazzjoni għal mill-inqas 21 jum.

Qabel il-fermentazzjoni malolattika, l-inbejjed jitqaddmu fuq il-karfa, li jirriżulta f’mikroossiġenazzjoni

b)   Il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott dovuti prinċipalment jew unikament għaż-żona ġeografika

L-inbejjed tad-DOP “Dehesa Peñalba” huma nbejjed ħomor b’kulur sostnut skur (intensità qawwija tal-kulur, bi sfumatura ta’ aħmar jagħti fil-blu u stabbiltà tajba). Huma aromatiċi ħafna, bi predominanza ta’ frott aħmar u iswed misjur , speċjalment meta ma jkunux imqaddma. Għandhom struttura konsistenti minħabba l-kontenut għoli stabbli tagħhom ta’ polifenol, b’tannini ħfief u dejjiema. Dan jirriżulta fi nbejjed eleganti ħafna b’palat medju għal sħiħ u mimlija togħma u volum, b’togħma li ddum fil-ħalq.

c)   Deskrizzjoni tar-rabta – interazzjoni bejn il-fatturi naturali u umani u l-karatteristiċi tal-prodott

Iż-żona demarkata għad-DOP “Dehesa Peñalba” tokkupa medda ta’ art mingħajr interruzzjoni li, kif deskritt hawn fuq, tgawdi minn ħamrija uniformi u karatteristiċi tal-mikroklima tagħha stess li jiddistingwuha minn żoni oħra fil-viċinat. Dawn il-kundizzjonijiet naturali, flimkien mal-għażla ta’ varjetajiet, prattiki sostenibbli fil-vinja u metodu ta’ produzzjoni bir-reqqa, jagħmluha possibbli li jinkiseb prodott (inbid) b’karatteristiċi speċifiċi. Din id-dikjarazzjoni hija murija mill-karatteristiċi li ġejjin:

1.

Il-ħamrija, definita bħala art fqira iżda sħuna b’livell għoli ta’ ramel u elementi raffi (ċagħaq u żrar) li jagħmluha permeabbli ħafna u tirrifletti r-raġġi tax-xemx, tagħti spinta lill-maturazzjoni tal-għeneb u tippromwovi fenomeni bħall-pigmentazzjoni tal-qoxra, li tirriżulta f’għeneb b’kontenut ogħla ta’ polifenol, b’mod partikolari antoċjanini u tannini.

2.

Peress li hija żona lixxa b’orjentazzjoni tajba, protetta minn żewġ formazzjonijiet ta’ pjanuri ogħla u minn foresta tal-arżnu, u delimitata fit-Tramuntana mix-Xmara Duero, iż-żona demarkata hija mdawra minn barrieri naturali. Dan ifisser li l-għeneb jista’ jsir misjur perfett, peress li jirċievi aktar intensità tad-dawl rifless mill-art, u d-dwieli huma offruti protezzjoni minn kundizzjonijiet tat-temp estremi, li tfisser li l-kundizzjonijiet huma aktar moderati f’żewġ żminijiet essenzjali għaċ-ċiklu tad-dwieli: ir-rebbiegħa, meta jagħmlu l-fjuri u l-frott, u l-ħarifa, meta l-għeneb ikun fl-istadju finali tal-proċess ta’ sajran. Dan jippermetti ċiklu veġetattiv itwal għad-dwieli. Iż-żona hija ħielsa mill-ġlata għal żmien itwal – allura d-dwieli għandhom aktar ġranet biex jiżviluppaw u jimmaturaw – u għandha temperatura annwali medja ogħla miż-żoni tal-madwar. Flimkien, dan kollu jippermetti maturazzjoni aktar ibbilanċjata, billi jagħti spinta lil fenomeni bħall-pigmentazzjoni tal-qxur tal-għeneb aħmar u jipproduċi għeneb b’kontenut ogħla ta’ polifenol, li min-naħa tiegħu jagħti lill-inbejjed aktar polifenol u jtawwal ħajjithom bis-saħħa tal-istruttura miżjuda u l-konċentrazzjoni akbar tal-antoċjanini u t-tannini totali tagħhom.

3.

Il-ħamrija sħuna u ramlija u l-klima aktar moderata (rebbigħat u ħarifiet aktar moderati) ifissru li l-varjetà Tempranillo u – b’mod partikolari – il-varjetajiet mhux nattivi b’ċikli ta’ tkabbir itwal (il-varjetajiet Franċiżi Cabernet Sauvignon, Merlot u Syrah) adattaw rwieħhom tajjeb ħafna, u b’hekk l-għeneb jista’ jsir u d-dwieli jistgħu jlestu ċ-ċiklu veġetattiv tagħhom b’mod aktar ibbilanċjat u komprensiv, li jfisser li ċerti komponenti (l-antoċjanini totali u l-aromi) jinstabu f’konċentrazzjonijiet akbar milli fl-għeneb imkabbar fiż-żona tal-madwar.

4.

L-għażla tal-varjetajiet, flimkien ma’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-vinja, tagħmilha possibbli li tinkiseb materja prima ottima li biha jsiru nbejjed tad-DOP “Dehesa Peñalba”:

It-Tempranillo tipprovdi struttura, aromi ta’ frott aħmar u frott tal-foresta, u kulur skur sostnut;

Il-Cabernet Sauvignon tipprovdi volum, tul u tannini dejjiema, kif ukoll noti qawwija ta’ frott misjur u ta’ ħwawar;

Il-Merlot tagħti eleganza, tannini ħfief ħafna, frott aħmar u bilanċ tajjeb bejn l-aċidità u l-pH;

Is-Syrah tipprovdi tannini fini, frott iswed, u livelli ta’ pH u aċidità li jipprovdu ammont tajjeb ta’ freskezza.

Fil-qosor, il-varjetajiet Tempranillo u Cabernet irendu nbejjed dejjiema, bis-saħħa tal-volum, l-istruttura u t-tul tagħhom, filwaqt li s-Syrah u l-Merlot jagħtu l-freskezza, l-aċidità, l-intensità aromatika, l-eleganza u l-finezza.

5.

Il-ħsad tal-għeneb bl-idejn, it-tqegħid tagħhom f’kaxex u mbagħad il-ħżin tagħhom f’tagħmir li jkessaħ biex titbaxxa t-temperatura tagħhom għal bejn 5 °C u 10 °C jipprevjenu l-ossidazzjoni u jipproteġu l-kulur (komposti ta’ antoċjanini). L-għażla tal-għeneb bl-idejn fil-mejda tal-għażla u l-irfigħ tagħhom biċ-ċinga trasportatriċi (mingħajr ippumpjar) ifissru li ma jkun hemm l-ebda ossidazzjoni qabel ma jaslu fit-tankijiet u li l-maċerazzjoni tista’ sseħħ taħt l-aqwa kundizzjonijiet. Dan kollu jfisser li t-tgħaddis kiesaħ jibda bl-għeneb intatt, li jtejjeb il-potenzjal aromatiku u l-estrazzjoni tal-kulur.

6.

Il-proċess ta’ maċerazzjoni waqt u wara l-fermentazzjoni huwa twil biżżejjed (mill-inqas 21 jum) biex jinkisbu konċentrazzjonijiet ogħla ta’ komposti tal-kulur (antoċjanini u tannini), biex jintreħew l-aromi ħielsa, u biex jiġu pprovduti nbejjed aktar strutturati u potenzjalment aktar dejjiema.

7.

It-tqaddim fuq il-karfa qabel il-fermentazzjoni malolattika – li tikkawża mikroossiġenazzjoni – jippromwovi aktar estrazzjoni u jtawwal il-ħajja tal-inbejjed billi jżid l-ammont ta’ komposti fenoliċi, bħal tannini u antoċjanini, peress li jippromwovi l-formazzjoni ta’ piranoantoċjanini, antoċjanini u flavanoli, li jeħtieġu l-formazzjoni ta’ aċetaldeid biex ikunu jistgħu jinħolqu addotti marbutin bl-etil (huwa meħtieġ l-ossiġenu għall-formazzjoni tal-aċetaldeid). Għalhekk, il-prattika tal-mikroossiġenazzjoni qabel il-fermentazzjoni malolattika ttejjeb il-karatteristiċi kromatiċi u l-istabbiltà tal-kulur tal-inbejjed. Is-sensazzjoni fil-ħalq tittejjeb ukoll f’termini tal-palat u tal-astrinġenza. Effett pożittiv ieħor tal-mikroossiġenazzjoni huwa li ttejjeb l-aroma tal-inbid billi tnaqqas il-kwalitajiet veġetali. Il-mikroossiġenazzjoni tippermetti li jitnaqqsu komposti bħall-pirażini u t-tijoli, li huma ossidizzati bl-ossiġenu.

Kif diġà ġie spjegat, l-ittestjar wera li l-għeneb imkabbar fiż-żona demarkata għandu konċentrazzjonijiet ogħla ta’ antoċjanini, kif ukoll kompożizzjoni ta’ tannini. Dawn jiġu ttrasferiti fil-proċess tal-vinifikazzjoni: il-maċerazzjoni tippermetti lil dawn is-sustanzi jidħlu fl-inbid, biex jagħtu lill-inbejjed aktar intensità u sfumatura ħamra tagħti fil-blu qabel ma jitqaddmu, kif ukoll ħajja itwal bis-saħħa tal-formazzjoni ta’ koloranti aktar stabbli. B’riżultat ta’ dan, l-inbejjed tad-DOP “Dehesa Peñalba” għandhom intensità tajba ta’ kulur, ġeneralment b’noti ta’ frott aħmar u/jew iswed misjur. Huma nbejjed mimlija, b’palat medju sa sħiħ, li huma maturi u b’togħma li ddum fil-ħalq, b’konċentrazzjoni għolja ta’ pigmenti polifenoliċi, li jagħtu nbejjed aktar strutturati, b’kulur aktar stabbli. B’riżultat ta’ dan idumu aktar u huma aktar adattati għat-tqaddim, inkluż it-tqaddim fil-flixkun, minn inbejjed prodotti fiż-żona tal-madwar.

B’mod aktar speċifiku, skont riċerka mill-Grupp tal-Enoloġija fl-Istitut Reġjonali tar-Riċerka Xjentifika Applikata (parti mill-Qasam tat-Teknoloġija tal-Ikel tal-Università ta’ Kastilja-La Mancha), huwa bażikament possibbli li ssir distinzjoni bejn l-inbejjed tad-DOP “Dehesa Peñalba” u l-inbejjed magħmula fiż-żoni li jmissu magħha li ġew imqaddma għal tul ta’ żmien simili (inbejjed tad-DOP “Ribera del Duero” u tal-IĠP “Castilla y León”) peress li tal-ewwel għandhom kwantitajiet akbar ta’ antoċjanini monomeriċi u dawn b’mod inerenti huma aktar stabbli (b’konċentrazzjoni ogħla ta’ malvidin-3-glukosid u proporzjon akbar tal-antoċjanini aktar stabbli, bħal antoċjanini p-Coumaroylated u antoċjanini caffooylated).

Filwaqt li ż-żona ġeografika demarkata għad-DOP “Dehesa Peñalba” tinsab fiż-żona għall-IĠP “Castilla y León” u hija qrib id-DOP “Ribera del Duero”, u għalkemm l-inbejjed għandhom il-karatteristiċi ġenerali tal-IĠP, għandhom ukoll xi kwalitajiet sostanzjalment differenti u xi karatteristiċi oħra li ma jinstabux fl-inbejjed tad-DOP “Ribera del Duero”.

Hawn taħt qed jitqabblu d-DOP “Dehesa Peñalba”, l-IĠP “Castilla y León” u d-DOP “Ribera del Duero”:

Qawwa alkoħolika ogħla

IĠP “Castilla y León”

“Dehesa Peñalba”

> 11,0

> 12,5

Rendiment aktar baxx għal kull ettaru

IĠP “Castilla y León”

“Dehesa Peñalba”

16 000 kg

8 000  kg għal inbejjed ħomor mhux imqaddma

 

6 000  kg għal inbejjed ħomor imqaddma

Aċidità volatili ogħla

IĠP “Castilla y León”

“Dehesa Peñalba”

< 13,36 meq/l

< 20 meq/l

Qawwa alkoħolika ogħla

DOP “Ribera del Duero”

“Dehesa Peñalba”

> 11,0 għall-bojod

 

> 11,5 għall-ħomor

> 12,5

Rendiment aktar baxx għal kull ettaru

DOP “Ribera del Duero”

“Dehesa Peñalba”

7 000  kg

6 000  kg għal inbejjed ħomor imqaddma

Aċidità volatili ogħla

DOP “Ribera del Duero”

“Dehesa Peñalba”

< 8,33 meq/l

< 20 meq/l

Skont riċerka mill-Università ta’ Kastilja-La Mancha, għandhom ukoll konċentrazzjoni akbar ta’ antoċjanini monomeriċi:

DOP “Ribera del Duero”

“Dehesa Peñalba”

< 59 mg/l

< 223 mg/l

Filwaqt li xi partijiet taż-żona demarkata (ir-recintos 1 u 2 tal-parcela 5121, u r-recinto 3 tal-parcela 5122) għandhom sidien oħra, l-applikazzjoni ġiet sottomessa mill-unika kantina tal-inbid attwalment preżenti fiż-żona demarkata. Fil-futur, produtturi oħra jkunu jistgħu jissieħbu fil-proġett jekk ikunu jixtiequ.

d)   Interazzjoni informali

“Dehesa Peñalba” ilha sit imfittex fost il-markiżi, l-isqfijiet u n-nobbli, li għarfu l-potenzjal ta’ din l-art fuq ix-xtajta tax-Xmara Duero sa mill-qedem.

Bosta sorsi bil-miktub u bibljografiċi jixhdu l-istorja twila tar-raħal ta’ Peñalba de Duero u l-lokalitajiet li jaqgħu fil-limiti tiegħu, kif ukoll il-kultivazzjoni tad-dwieli u l-għanijiet kummerċjali tagħha jew l-obbligi dovuti lejn is-sidien tal-art fewdali fil-forma ta’ dieċmi ta’ most miksuba minn din l-art.

Fis-seklu erbatax, ġie kkumpilat il-Libro Becerro de las Behetrías de Castilla [“Il-Ktieb tal-Vellum tal-Irħula Ħielsa ta’ Kastilja”] fuq ordni ta’ Pedro I ta’ Kastilja, li jelenka d-diversi kontej u rħula ħielsa li minnhom kien magħmul ir-Renju ta’ Kastilja. Dan fih rakkonti tal-irħula differenti ggvernati taħt is-sistema ta’ “belt ħielsa” [behetría], l-istatus legali tagħhom, l-intitolament ekonomiku tar-re u d-drittijiet tas-sidien tal-art. Għadhom jeżistu numru ta’ kopji tal-manuskritt, għalkemm il-Kanċellerija Rjali f’Valladolid għandha waħda mill-eqdem.

Fi ħdan id-dominju tal-prinċipat ta’ Valladolid (il-“Merindad del Infantado de Valladolid” jew, bl-Ispanjol Qadim, il-“Merindat del infantazgo de vallit”), jissemmew kemm Villabáñez (“Villa hanes”) kif ukoll Peñalba (“Peñalva”).

“Fl-1751, ir-raħal ta’ Villabáñez kien jaqa’ taħt tliet ġurisdizzjonijiet” fi ħdan id-distrett amministrattiv ta’ Portillo fil-Provinċja ta’ Madrid: kienet iggvernata mill-Cabildo [“Kunsill”] tal-Katidral ta’ Valladolid u mill-Markiżina ta’ Camarasa u l-Markiż ta’ Revilla, it-tnejn residenti f’Valladolid. Dak iż-żmien il-muniċipalità ta’ Villabáñez kienet tinkludi 11 423 plott jew obradas [kejl agrikolu antik] ta’ art, li minnhom 600 kienu vinji, li jammontaw għal 1 200 aranzadas [kejl agrikolu antik ieħor]... .”

“Il-muniċipalità ta’ Peñalba de Duero kienet tikkonsisti f’1 923 obradas ta’ art, li 560 minnhom kienu bwar, 6 mergħat (4 minnhom komuni), 7 rqajja’ għat-tħawwil (komuni), 500 f’art muntanjuża bil-ballut u l-liċi (komuni), 650 vinji f’Dehesa de Peñalba la Verde [‘il-Ħdura’] ... .”

Għalkemm jintużaw diversi ismijiet differenti fid-dokumenti storiċi – “Dehesa”, “La Dehesa”, “Dehesa de Peñalba” u “Peñalba La Verde” – dawn kollha jirreferu għall-istess post, li ilu magħruf bħala Dehesa Peñalba għal dan l-aħħar 30 sena. Dan juri wkoll li f’dan il-kuntest it-terminu “Dehesa” huwa toponimu u ma għandu x’jaqsam xejn mal-bhejjem (il-kelma Spanjola dehesa tirreferi għal forma tradizzjonali ta’ trobbija tal-bhejjem fuq art fqira jew mhux agrikola).

Fl-1995 ittieħdet id-deċiżjoni li terġa’ tinbeda l-kultivazzjoni, billi tħawlu sett ta’ varjetajiet ta’ dwieli b’ċiklu veġetattiv medju sa twil, u nbniet kantina tal-inbid bl-aktar teknoloġija avvanzata tal-vinifikazzjoni. Dan jagħmilha possibbli li l-potenzjal tal-għenba jiġi sfruttat b’mod sħiħ u ttrasformat fi nbejjed ta’ fama internazzjonali.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Is-sena tal-ħsad trid tiġi ddikjarata fuq it-tikketti tal-inbejjed protetti.

L-inbejjed tad-DOP Dehesa Peñalba jistgħu jużaw it-terminu roble jew “ballut” fuq it-tikketta, sakemm jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni applikabbli attwali.

L-inbejjed tad-DOP Dehesa Peñalba jistgħu jużaw it-termini tradizzjonali “Crianza”, “Reserva” u “Gran Reserva” fuq it-tikketta, sakemm jissodisfaw it-termini tal-użu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli attwali.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

www.itacyl.es/documents/20143/342640/PPTA+PCC+VP+DEHESA+PE%C3%91ALBA+Rev+0+%281%29.docx/3066f78c-4629-ae2d-ea64-1c0f64b265e9


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.