Brussell, 22.12.2021

COM(2021) 823 final

2021/0433(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni

{SWD(2021) 580 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2020 ikkonfermaw l-appoġġ kontinwu tal-Kunsill għall-ħidma fil-Qafas Inklużiv (IF) tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS, Base Erosion and Profit Shifting) bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni globali bbażata fuq il-kunsens filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li l-korporazzjonijiet kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxa fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom fl-UE.

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ tassazzjoni korporattiva effettiva ta’ gruppi multinazzjonali kbar u ta’ gruppi purament domestiċi fuq skala kbira li joperaw fis-Suq Uniku, li huma konsistenti mal-ftehim milħuq mill-IF fit-8 ta’ Ottubru 2021, u jsegwu mill-qrib ir-Regoli Mudell tal-OECD miftehmin mill-IF u ppubblikati fl-20 ta’ Diċembru 2021.

Bħala estensjoni għall-proġett dwar il-BEPS tal-OECD tal-2015, l-IF ħadem fuq soluzzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq żewġ flussi ta’ ħidma: Il-Pilastru 1, li jipproponi riallokazzjoni parzjali tad-drittijiet tal-intaxxar lejn ġuriżdizzjonijiet tas-suq u l-Pilastru 2, li jipproponu li tiġi introdotta tassazzjoni effettiva minima għall-gruppi multinazzjonali l-kbar. Iż-żewġ pilastri għandhom l-għan li jindirizzaw kwistjonijiet differenti iżda relatati marbutin maż-żieda fil-globalizzazzjoni u fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. L-għanijiet ta’ politika doppji tal-Pilastri 1 u 2 huma li jiġu indirizzati l-isfidi li fadal relatati mal-BEPS u li jitqiegħed minimu fuq il-kompetizzjoni eċċessiva fil-qasam tat-taxxa bejn il-ġuriżdizzjonijiet.

Il-Pilastru 2 jikkonsisti f’żewġ regoli maħsubin għall-introduzzjoni fil-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa domestika, u regola bbażata fuq it-trattat. Iż-żewġ regoli tat-taxxa domestika, ir-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR, Income Inclusion Rule) u l-garanzija ta’ kontinġenza tagħha, ir-Regola dwar il-Pagamenti Sottontaxxati (UTPR, Under Taxed Payments Rule), flimkien magħrufin bħala r-regoli Globali kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa (GloBE, Global anti-Base Erosion). Ir-Regola ta’ Soġġett għat-Taxxa (STTR, Subject to Tax Rule) hija regola bbażata fuq it-trattat li tippermetti lill-ġuriżdizzjonijiet tas-sors jimponu tassazzjoni limitata mis-sors fuq ċerti pagamenti ta’ partijiet relatati li huma soġġetti għal taxxa anqas minn rata minima. Ir-Regoli Mudell tal-OECD fihom biss dispożizzjonijiet fir-rigward tar-Regoli Mudell tal-GloBE.

Il-pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat inkluż fid-dikjarazzjoni tal-IF ta’ Ottubru 2021 jiddikjara li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali għar-Regoli Mudell tal-GloBE jkunu operazzjonali u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023.

Peress li l-Unjoni Ewropea b’Suq Uniku hija ekonomija integrata mill-qrib, huwa importanti li jiġi żgurat li l-ftehim b’żewġ Pilastri jiġi implimentat b’mod koerenti u konsistenti madwar l-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat dan il-livell ta’ implimentazzjoni fi ħdan l-UE u l-kompatibbiltà mad-dritt tal-UE, il-metodu ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru 2 fl-UE huwa permezz ta’ Direttiva. Id-Direttiva timplimenta r-Regoli Mudell tal-GloBE biss. L-STTR hija adattata sabiex tiġi indirizzata fi trattati bilaterali dwar it-taxxa. Id-Direttiva tirrifletti l-ftehim globali tal-OECD, b’xi aġġustamenti neċessarji, sabiex tiggarantixxi l-konformità mad-dritt tal-UE.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din id-Direttiva tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21” ippreżentata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Mejju 2021 1 .

L-implimentazzjoni tar-Regoli Mudell tal-GloBE fl-UE jista’ jkollha implikazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD, Anti-tax Avoidance Directive) 2 u speċifikament għar-regoli dwar il-Kumpaniji Barranin Kontrollati (CFC, Controlled Foreign Company), li jistgħu jinteraġixxu mar-regola primarja tal-Pilastru 2 – l-IIR. Il-Kummissjoni esplorat kif tista’ takkomoda bl-aħjar mod l-interazzjoni bejn is-CFC tal-ATAD u l-IIR, u kkonkludiet li ma huwiex neċessarju li l-ATAD tiġi emendata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa konsistenti mar-Regoli Mudell tal-OECD li titkompla l-applikazzjoni tar-regola dwar is-CFC tal-ATAD b’mod parallel mar-Regoli Mudell tal-GloBE. Fil-prattika, ir-regoli dwar is-CFC tal-ATAD se jkunu japplikaw l-ewwel, u kwalunkwe taxxa addizzjonali mħallsa minn kumpanija omm skont reġim tas-CFC f’sena fiskali partikolari se titqies fir-Regoli Mudell tal-GloBE billi dawk jiġu attribwiti lill-entità rilevanti b’taxxa baxxa għall-fini tal-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva ġuriżdizzjonali.

It-tieni, jenħtieġ li t-traspożizzjoni tar-Regoli Mudell tal-GloBE fl-UE twitti t-triq sabiex jintlaħaq qbil dwar il-proposta pendenti għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties (IRD)  3 , li ilha fil-Kunsill mill-2011. L-għan tad-Direttiva riformulata kien li tagħmel il-benefiċċji tad-Direttiva (li telimina l-ostakli tat-taxxa minn ras il-għajn għall-pagamenti transfruntiera tal-imgħax u tar-royalties fi ħdan grupp ta’ kumpaniji) kundizzjonali għall-fatt li l-imgħax ikun soġġett għat-taxxa fl-istat tad-destinazzjoni. Xi Stati Membri kienu tal-fehma li jenħtieġ li l-IRD tmur lil hinn minn dan u tistabbilixxi livell minimu ta’ taxxa fl-istat tad-destinazzjoni bħala kundizzjoni sabiex wieħed jibbenefika min-nuqqas ta’ taxxa minn ras il-għajn. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tar-Regoli Mudell tal-GloBE fl-UE ssolvi l-kwistjoni li qed tiġi diskussa għar-riformulazzjoni tal-IRD.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi ġuridika għal inizjattivi leġiżlattivi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Għalkemm ma ssir l-ebda referenza espliċita għat-tassazzjoni diretta, l-Artikolu 115 jirreferi għal direttivi għall-approssimizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali bħala dawk li jaffettwaw direttament l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern. Sabiex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, huwa neċessarju li l-leġiżlazzjoni proposta tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni diretta jkollha l-għan li tirrettifika inkonsistenzi eżistenti fil-funzjonament tas-suq intern. Fix-xenarju attwali, in-nuqqas ta’ regoli li jiżguraw tassazzjoni korporattiva effettiva minima madwar is-Suq Uniku huwa eżempju ta’ inkonsistenza eżistenti. L-Artikolu 115 jistipula li l-miżuri legali tal-approssimizzazzjoni skont dak l-artikolu għandhom jingħataw il-forma legali ta’ Direttiva.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). In-natura tas-suġġett teħtieġ inizjattiva komuni fis-suq intern.

Din id-Direttiva tintroduċi tassazzjoni effettiva minima primarjament għall-profitti kbar tal-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fis-suq intern u lil hinn minnu. Tipprovdi qafas komuni għall-implimentazzjoni tar-Regoli Mudell tal-OECD fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri b’mod koordinat u aġġustat għar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE.

Hija neċessarja azzjoni fil-livell tal-UE, peress li huwa essenzjali li tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tar-Regoli Mudell tal-OECD fl-UE. L-ewwel nett, ir-Regoli Mudell tal-OECD huma “approċċ komuni”, u, għalhekk, ikun importanti li jkun hemm sett wieħed ta’ regoli uniformi u livell minimu komuni ta’ protezzjoni fis-suq intern. Fl-UE, suq ta’ ekonomiji integrati ħafna, hemm bżonn ta’ approċċi strateġiċi komuni u ta’ azzjoni kkoordinata, sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv tat-tassazzjoni effettiva minima tal-profitti tan-negozji. Dan jista’ jinkiseb biss jekk il-leġiżlazzjoni tiġi promulgata ċentralment u tiġi trasposta b’mod uniformi.

Barra minn hekk, peress li l-gruppi multinazzjonali normalment ikunu preżenti f’diversi Stati Membri tal-UE u r-Regoli Mudell tal-GloBE għandhom dimensjoni transfruntiera, huwa essenzjali li ma jkunx hemm disparitajiet fl-operat tar-regoli, pereżempju, fil-metodu għall-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva jew tal-obbligazzjoni ta’ taxxa kumplimentari. Diverġenzi bħal dawn jistgħu joħolqu diskrepanzi u jfixklu l-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern. Għaldaqstant, huwa kruċjali li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern inġenerali u dawn jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni.

Inizjattiva tal-UE żżid il-valur, meta mqabbla ma’ dak li jistgħu jiksbu numru kbir ta’ metodi ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Peress li r-Regoli Mudell tal-GloBE għandhom dimensjoni transfruntiera b’saħħitha, azzjoni fil-livell tal-UE tkun tibbilanċja l-interessi diverġenti fi ħdan is-suq intern u tikkunsidra l-istampa sħiħa, sabiex tidentifika objettivi u soluzzjonijiet komuni. Fl-aħħar nett, il-miżuri għall-implimentazzjoni tar-Regoli Mudell tal-OECD għandhom jiġu promulgati f’konformità mad-dritt primarju u jsegwu linja komuni madwar l-Unjoni, sabiex jipprovdu lill-kontribwenti b’ċertezza legali li l-qafas legali l-ġdid ikun kompatibbli mal-libertajiet fundamentali tal-UE, inkluża l-libertà tal-istabbiliment.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE.

Ir-Regoli Mudell tal-OECD japplikaw għal Intrapriżi Multinazzjonali b’fatturat ikkombinat ta’ grupp ta’ mill-inqas EUR 750 miljun ibbażat fuq rapporti finanzjarji konsolidati. Il-miżuri previsti ma jmorrux lil hinn mill-iżgurar ta’ tassazzjoni effettiva minima ta’ tali entitajiet li joperaw fis-suq intern u huma konsistenti mar-Regoli Mudell tal-OECD kif ukoll mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE. L-estensjoni tar-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR) għal gruppi domestiċi fuq skala kbira (b’fatturat ikkombinat ta’ grupp ta’ mill-inqas EUR 750 miljun) hija mistennija li tinvolvi lil numru limitat ta’ kontribwenti u hija limitata għall-minimu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-regoli tad-Direttiva mad-dritt tal-UE. Għalhekk, id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-objettivi tagħha u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Il-proposta hija għal Direttiva, li hija l-uniku strument disponibbli skont il-bażi ġuridika tal-Artikolu 115 tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma membri tal-OECD u pparteċipaw f’diskussjonijiet tekniċi dettaljati dwar il-fluss ta’ ħidma tal-Pilastru 2 bejn l-2019 u l-2021. Barra minn hekk, l-esperti tal-OECD taw aġġornamenti regolari u wieġbu mistoqsijiet mill-Kunsill dwar il-proġett.

L-OECD organizzat konsultazzjonijiet pubbliċi dwar xi elementi tat-tfassil tal-Pilastru 2 f’Diċembru 2019 u f’Jannar 2021, li rriżultaw f’konferenzi pubbliċi online għaż-żewġ avvenimenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddiskutiet internament, ma’ xi Stati Membri u ma’ esperti tal-OECD, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni kellha dubji dwar ċerti aspetti tekniċi tas-soluzzjonijiet proposti.

Barra minn hekk, fis-6 ta’ Novembru 2019, id-DĠ TAXUD organizza laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma IV u l-Istati Membri kellhom l-opportunità li jiddibattu: l-objettivi u l-prinċipji għall-modernizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-intrapriżi internazzjonali, l-aspetti legali u l-implikazzjonijiet għall-ġurisprudenza tal-QĠUE għall-approċċi possibbli għall-modernizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-intrapriżi internazzjonali u opzjonijiet speċifiċi ta’ disinn għall-modernizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-intrapriżi internazzjonali.

Peress li d-Direttiva tal-Pilastru 2 se timplimenta standard miftiehem internazzjonalment sabiex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva minima tal-profitti korporattivi ta’ gruppi multinazzjonali kbar u l-OECD ikkonsultat pubblikament b’mod pjuttost estensiv dwar dan is-suġġett, fid-dawl ta’ skeda ta’ żmien stretta ħafna għall-implimentazzjoni ta’ tali standard, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi b’din il-proposta għal Direttiva mingħajr ma twettaq konsultazzjoni pubblika.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

Fis-12 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarjat tal-OECD ippubblika Valutazzjoni tal-Impatt Ekonomiku, li tħejjiet sabiex tappoġġa d-diskussjonijiet mill-Qafas Inklużiv dwar kwistjonijiet ta’ disinn assoċjati mal-proposti tal-Pilastri 1 u 2. Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ekonomiku ġiet prodotta mis-Segretarjat tal-OECD f’konsultazzjoni mal-membri tal-Qafas Inklużiv, mal-Grupp ta’ Ħidma Nru 2 tal-OECD, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, mal-komunità akkademika u partijiet ikkonċernati oħrajn.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma produċietx valutazzjoni tal-impatt kompluta proprja. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu l-istima preliminari tagħhom stess tal-impatt ta’ Pilastru 2 tar-riformi internazzjonali proposti tat-taxxa korporattiva tal-OECD/IF, li ġiet ippreżentata fil-Kunsill fil-25 ta’ Ottubru 2019.

Fi ftit kliem, id-deċiżjonijiet importanti ta’ politika diġà ttieħdu mill-Qafas Inklużiv u fl-ogħla livell politiku (il-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u l-Kapijiet ta’ Stat tal-G20). L-Istati Membri kollha tal-UE li huma membri tal-Qafas Inklużiv 4 diġà qablu dwar l-aspetti ewlenin tal-Pilastru 2 u ħadu impenn li japplikaw ir-Regoli Mudell tal-OECD. L-UE ma jkollhiex opzjonijiet ta’ politika minn xiex tagħżel peress li l-elementi ewlenin tal-qafas, bħall-kamp ta’ applikazzjoni jew ir-rati u l-bażi tat-taxxa, diġà ġew stipulati u ntlaħaq qbil dwarhom.

Barra minn hekk, hemm urġenza politika estrema li l-proġett javvanza – jiġifieri li jiġu applikati r-Regoli Mudell tal-OECD fl-UE sa mill-bidu tal-2023, kif maqbul fil-Qafas Inklużiv. Dan ifisser li huwa essenzjali li l-Istati Membri tal-UE jkollhom proċess ta’ implimentazzjoni u ta’ adattament rapidu għall-inizjattiva.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta għal Direttiva ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi regoli sabiex tiżgura livell minimu ta’ tassazzjoni għal intrapriżi multinazzjonali kbar u għal gruppi domestiċi fuq skala kbira, f’termini konsistenti mal-ftehim globali milħuq mill-IF fit-8 ta’ Ottubru 2021 u b’segwitu għar-Regoli Mudell tal-OECD maqbulin mill-IF u ppubblikati fl-20 ta’ Diċembru 2021, f’ċirkostanzi li fihom Stat Membru jkun meħtieġ li japplika r-Regoli Mudell tal-GloBE.

Arkitettura ġenerali tal-Pilastru 2

Il-Pilastru 2 jikkonsisti f’żewġ regoli maħsubin għall-introduzzjoni fil-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa domestika, u regola bbażata fuq it-trattat. Iż-żewġ regoli tat-taxxa domestika, ir-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR) u l-garanzija ta’ kontinġenza tagħha, ir-Regola dwar il-Pagamenti Sottontaxxati (UTPR), huma magħrufin flimkien bħala r-Regoli Mudell tal-GloBE. Ir-Regola ta’ Soġġett għat-Taxxa (STTR) hija regola bbażata fuq it-trattat li tippermetti lill-ġuriżdizzjonijiet tas-sors jimponu tassazzjoni limitata mis-sors fuq ċerti pagamenti ta’ partijiet relatati li huma soġġetti għal taxxa anqas minn rata minima. Madankollu, peress li hija responsabbiltà tal-ġuriżdizzjonijiet jimplimentawha individwalment, ma huwiex se jkun hemm azzjoni tal-UE fir-rigward tal-STTR, u din il-proposta ma tikkonċernax l-STTR.

Il-Pilastru 2 japplika għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali (MNEs, multinational enterprises) u għal gruppi domestiċi fuq skala kbira li għandhom fatturat annwali kkombinat ta’ mill-inqas EUR 750 miljun ibbażat fuq rapporti finanzjarji konsolidati. Dan is-soll ġie deċiż mill-IF sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-politiki internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa korporattiva bħar-regoli dwar ir-Rapportar għal Kull Pajjiż (CbCR, Country-by-Country Reporting). L-entitajiet tal-gvern, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, il-fondi ta’ pensjoni u l-fondi ta’ investiment li huma Entitajiet Omm Apikali (UPEs, Ultimate Parent Entities) ta’ Grupp MNE ma humiex soġġetti għar-Regoli Mudell tal-GloBE.

L-IIR taħdem billi timponi taxxa kumplimentari fuq entità omm fir-rigward tal-introjtu b’taxxa baxxa ta’ entitajiet tal-grupp (li jissejħu entitajiet kostitwenti). L-IIR tapplika fuq bażi minn fuq għal isfel, li jfisser li tiġi applikata mill-entità li tinsab fil-quċċata tal-katina tas-sjieda, jew qrib tagħha, fil-Grupp MNE li normalment tkun l-UPE. Madankollu, f’każ li fih l-UPE ma tapplikax l-IIR, entità omm intermedja waħda jew aktar (IPE, intermediate parent entities) ikollha tapplika l-IIR għall-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha. L-IIR hija soġġetta għal regola ta’ sjieda maqsuma għal parteċipazzjonijiet azzjonarji taħt it-80 %. Dan ifisser li l-IIR tiġi applikata minn entità omm posseduta parzjalment (POPE, partially-owned parent entity) għas-sussidjarji kkontrollati tagħha ta’ subsett tal-Grupp MNE bi prijorità għall-UPE meta t-tali POPE tkun aktar minn 20 % proprjetà ta’ azzjonisti barra mill-grupp MNE. F’każ li jkun hemm diversi POPEs fi grupp MNE, l-IIR tiġi applikata mill-POPE l-aktar qrib fil-katina tas-sjieda għall-entità kostitwenti b’taxxa baxxa.

Il-UTPR taġixxi bħala garanzija ta’ kontinġenza għall-IIR u tapplika f’sitwazzjonijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda IIR kwalifikanti fil-ġuriżdizzjoni tal-UPE jew fejn tirriżulta rata baxxa ta’ tassazzjoni fil-ġuriżdizzjoni tal-UPE. Il-UTPR taħdem billi talloka taxxa kumplimentari għal ġuriżdizzjoni sa fejn l-introjtu b’rata baxxa ta’ taxxa ta’ entità kostitwenti ma jkunx soġġett għat-taxxa skont IIR. Il-UTPR talloka taxxa kumplimentari għal ġuriżdizzjonijiet fuq il-bażi ta’ formula b’żewġ fatturi – valur kontabilistiku ta’ assi tanġibbli fil-ġuriżdizzjoni u fin-numru ta’ impjegati fil-ġuriżdizzjoni. Filwaqt li l-ftehim globali jagħmel ħiltu sabiex l-IIR ikun operazzjonali fil-1 ta’ Jannar 2023, huwa meħtieġ li l-UTPR tiġi implimentata sena wara.

Ir-Regoli Mudell tal-GloBE joperaw billi jimponu t-taxxa kumplimentari fuq bażi ġuriżdizzjonali bl-użu ta’ test tar-Rata tat-Taxxa Effettiva (ETR, Effective Tax Rate). Jekk l-ETR tal-entitajiet kostitwenti ta’ grupp MNE b’komputazzjoni flimkien bħala waħda f’ġuriżdizzjoni taqa’ taħt ir-rata tat-taxxa minima ta’ 15 %, it-taxxa kumplimentari tkun dovuta fir-rigward ta’ kull waħda mill-entitajiet kostitwenti f’din il-ġuriżdizzjoni, sabiex l-ETR ta’ dik il-ġuriżdizzjoni tinġieb għar-rata minima. L-ETR għal perjodu tiġi kkomputata billi t-taxxi korporattivi u ekwivalenti attribwibbli għal dak il-perjodu għal dik il-ġuriżdizzjoni (magħrufin bħala taxxi koperti aġġustati) jiġu diviżi bl-introjtu aġġustat ta’ dak il-Grupp MNE għal din il-ġuriżdizzjoni. It-test tal-ETR huwa kemm skattatur għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Pilastru 2 kif ukoll miżura ta’ kemm taxxa addizzjonali tkun dovuta mill-Grupp MNE.

Ir-Regoli Mudell tal-GloBE jipprevedu wkoll esklużjoni ta’ sustanza bbażata fuq formula, li għandha l-għan li tnaqqas l-impatt tal-Pilastru 2 fuq il-gruppi MNE f’ġuriżdizzjoni, fejn ikunu qegħdin iwettqu attivitajiet ekonomiċi reali.

Implimentazzjoni fl-UE – opzjonijiet tat-tfassil u għażliet oħrajn

Id-Direttiva timplimenta r-Regoli Mudell tal-GloBE fl-UE bbażati fuq ir-Regoli Mudell tal-OECD u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-UE u tas-suq Uniku. Peress li d-Direttiva timplimenta standard miftiehem internazzjonalment sabiex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva minima għal gruppi multinazzjonali kbar, kienu disponibbli biss opzjonijiet u għażliet limitati fit-tfassil tad-Direttiva.

Filwaqt li d-Direttiva, b’mod ġenerali, issegwi mill-qrib ir-Regoli Mudell tal-OECD, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal gruppi purament domestiċi fuq skala kbira, sabiex tiżgura l-konformità mal-libertajiet fundamentali. Barra minn hekk, id-Direttiva tagħmel użu minn opzjoni offruta fil-Kummentarju għar-Regoli Mudell li permezz tagħha l-Istat Membru ta’ entità kostitwenti li japplika l-IIR, li normalment tkun il-ġuriżdizzjoni tal-UPE, ikun meħtieġ jiżgura tassazzjoni effettiva fil-livell minimu miftiehem mhux biss ta’ sussidjarji barranin iżda wkoll tal-entitajiet kostitwenti kollha residenti f’dak l-Istat Membru u tal-istabbilimenti permanenti (PES) tal-grupp MNE stabbilit f’dak l-Istat Membru. Ir-Regoli Mudell tal-OECD jipprevedu li l-ġuriżdizzjoni li tapplika l-IIR tqis l-ETR ta’ entitajiet kostitwenti barranin biss.

Kapitolu I Dispożizzjonijiet Ġenerali

Il-Kapitolu I tad-Direttiva jittratta dispożizzjonijiet ġenerali, jiġifieri s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet, u l-post ta’ entità kostitwenti.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa ddefinit b’referenza għall-entitajiet kostitwenti li jinsabu fl-Unjoni li huma parti mill-gruppi MNE jew minn gruppi domestiċi fuq skala kbira (li jikkonsistu f’Entitajiet Kostitwenti bħala membri) bi dħul tal-grupp konsolidat ta’ mill-inqas EUR 750 miljun f’tal-anqas tnejn mill-erba’ snin preċedenti. Għal diversi raġunijiet ta’ politika, bħal sabiex jiġi ppreservat il-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa u f’konformità mar-Regoli Mudell tal-OECD, l-entitajiet li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva: entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, fondi ta’ pensjoni u, sakemm ikunu fil-quċċata tal-istruttura tal-grupp, entitajiet ta’ investiment u veikoli ta’ investiment immobiljari. Entitajiet li jkunu posseduti tal-anqas 95 % minn entitajiet esklużi, huma esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

B’rabta mal-post ta’ entità kostitwenti, inkluża PE, id-Direttiva tqis li entità kostitwenti, minbarra PE jew entità passarella (flow-through), tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn titqies bħala residenti għal finijiet tat-taxxa. Meta l-post ta’ tali entità kostitwenti ma jkunx jista’ jiġi aċċertat fuq il-bażi ta’ din ir-regola, allura titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot. Id-Direttiva tiddetermina wkoll il-post ta’ entità kostitwenti li tkun PE, u tinkludi klawżoli ta’ regola deċiżiva tal-konvenzjoni tat-taxxa għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

Kapitolu II Applikazzjoni tar-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu u tar-Regola dwar il-Pagamenti Sottontaxxati

Il-Kapitolu II jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-IIR u tal-UTPR mill-Istati Membri.

Ir-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR)

Skont ir-regoli tad-Direttiva, l-IIR tapplika fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(1)UPE fl-UE

Jekk l-UPE tinsab fl-UE, din tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha fl-istess Stat Membru u fi Stati Membri oħrajn tal-UE kif ukoll f’ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

(2)IPE/POPE fl-UE b’UPE barra mill-UE;

Jekk ma jkun hemm l-ebda UPE fl-UE, l-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tal-grupp MNE fl-UE effettivament jitqiesu mill-UPE ta’ pajjiżi terzi tal-Grupp jekk dan japplika l-IIR. Madankollu, jekk ikun hemm tal-anqas POPE waħda jew IPE waħda (jekk il-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-UPE ma tapplikax IIR) fl-UE, l-IPE/il-POPE tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha direttament jew indirettament proprjetà tagħha fil-ġuriżdizzjonijiet tal-UE u ta’ pajjiżi terzi.

(3)POPE fl-UE b’UPE fl-UE

Għalkemm UPE li tinsab fl-UE normalment tintalab it-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti tagħha b’rata baxxa ta’ tassazzjoni (ara 1) aktar ’il fuq), hemm ukoll il-possibbiltà li d-dritt primarju ta’ intaxxar ikun f’idejn l-Istat Membru ta’ POPE. F’dawn il-każijiet, wieħed irid isegwi metodu “minn isfel għal fuq” fl-identifikazzjoni tal-POPE li tkun obbligata tħallas it-taxxa. Wieħed ikollu jibda mill-entitajiet kostitwenti proprjetà sħiħa tal-aktar livell baxx u jibqa’ tiela’ sal-ewwel POPE, li tkun soġġetta għal taxxa kumplimentari skont l-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha. Il-POPEs l-oħra li jibqgħu telgħin sal-UPE wkoll ikunu soġġetti għall-IIR iżda bi dritt li jirċievu kreditu għat-taxxa kumplimentari minħabba POPE oħra aktar ’l isfel fil-katina.

Id-Direttiva tiddetermina kemm mit-taxxa kumplimentari ta’ entità kostitwenti entità tkun intitolata tiġbor permezz tal-IIR. B’mod ġenerali, dan is-sehem allokabbli huwa bbażat fuq il-proporzjon tal-interess tal-entità omm fl-introjtu tal-entità kostitwenti b’rata baxxa ta’ taxxa.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ gruppi domestiċi fuq skala kbira, l-entità omm apikali li tinsab fi Stat Membru tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha.

Taxxa Kumplimentari Domestika

Sabiex tiġi ppreservata s-sovranità tal-Istati Membri, id-Direttiva tipprevedi li Stat Membru jista’ jagħżel li japplika t-taxxa kumplimentari domestika għal entitajiet kostitwenti li jinsabu fit-territorju tiegħu (Taxxa Kumplimentari Domestika). Din l-elezzjoni tippermetti li t-taxxa kumplimentari tiġi imposta u tinġabar f’ġuriżdizzjoni li fiha seħħet rata baxxa ta’ tassazzjoni, minflok ma tinġabar it-taxxa addizzjonali kollha fil-livell tal-UPE. Meta tiġi eżerċitata din l-elezzjoni, l-entità omm li tapplika l-IIR tkun obbligata tagħti kreditu għat-taxxa kumplimentari domestika kwalifikata meta tikkalkola t-taxxa kumplimentari l-eċċess fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni rilevanti.

Ir-Regola dwar il-Pagamenti Sottonttaxxati (UTPR)

Id-Direttiva tipprevedi li f’ċirkostanzi li fihom il-UPE tkun tinsab barra mill-UE f’ġuriżdizzjoni li ma tapplikax IIR kwalifikanti, l-entitajiet kostitwenti kollha tagħha f’ġuriżdizzjonijiet b’qafas xieraq tal-UTPR ikunu soġġetti għall-UTPR. F’din iċ-ċirkostanza, l-entitajiet kostitwenti ta’ tali grupp MNE li jinsabu fi Stat Membru jiġu assenjati, u jkollhom iħallsu fl-Istat Membru tagħhom, sehem mit-taxxa kumplimentari marbuta mas-sussidjarji b’taxxa baxxa tal-grupp MNE.

Id-Direttiva tipprevedi li l-UTPR se tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom il-ġuriżdizzjoni tal-UPE topera IIR kwalifikanti iżda l-UPE, flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu f’dik l-istess ġuriżdizzjoni, ikunu b’taxxa baxxa. It-taxxa kumplimentari li tikkorrispondi għall-UPE b’taxxa baxxa u għas-sussidjarji domestiċi tagħha tiġi imposta permezz tal-UTPR lill-entitajiet eliġibbli kollha madwar il-Grupp MNE, inklużi għal entitajiet li jinsabu fi Stat Membru. Jenħtieġ li dan iseħħ biss meta l-UPE tkun tinsab barra mill-UE minħabba li UPE li tinsab fl-UE tapplika l-prinċipji tal-IIR għaliha nnifisha u għas-sussidjarji domestiċi tagħha jew tirrikonoxxi li t-taxxa kumplimentari ġiet imposta lokalment permezz tat-Taxxa kumplimentari domestika. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda taxxa kumplimentari allokata skont il-UTPR meta l-UPE tkun tinsab fl-UE.

F’konformità mar-Regoli Mudell tal-OECD, il-kalkolu u l-allokazzjoni tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR fid-Direttiva huma bbażati fuq żewġ fatturi: in-numru ta’ impjegati u l-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli.

Kapitolu III Kalkolu tal-Introjtu jew tat-Telf Kwalifikanti

Il-Kapitolu III fih regoli għad-determinazzjoni ta’ “introjtu kwalifikanti”, jiġifieri l-introjtu aġġustat li se jitqies għall-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva. Sabiex nikkalkolaw dan l-introjtu, nibdew bl-introjtu jew bit-telf kontabilistiku finanzjarju nett tal-entità kostitwenti għas-sena fiskali, kif iddeterminat għall-finijiet tat-tħejjija tar-rapporti finanzjarji konsolidati. Imbagħad isiru aġġustamenti għal dan l-introjtu jew telf kif iddefinit fl-Artikolu 15.

F’konformità mar-Regoli Mudell tal-OECD, id-Direttiva teskludi l-introjtu tat-tbaħħir internazzjonali u l-introjtu tat-tbaħħir internazzjonali parzjalment anċillari mill-applikazzjoni tar-Regoli Mudell tal-GloBE. Din l-esklużjoni ssegwi l-prinċipju li bih fis-sistemi nazzjonali tat-taxxa, l-introjtu mit-tbaħħir spiss jiġi ntaxxat skont sett separat ta’ regoli minn dawk tas-sistema ġenerali tat-taxxa korporattiva.

Dan il-Kapitolu jinkludi wkoll regoli speċifiċi għall-entitajiet kostitwenti li huma PE jew entità passarella . F’dawn il-każijiet, huma meħtieġa regoli speċjali sabiex jiġi evitat għadd doppju jew l-ebda għadd tal-introjtu attribwibbli għal dawn l-entitajiet. Dawn ir-regoli speċjali jillimitaw ukoll l-opportunitajiet ta’ evitar tat-taxxa.

Kapitolu IV Il-Komputazzjoni tat-Taxxi Koperti Aġġustati

Il-Kapitolu IV jiddefinixxi t-taxxi koperti u jiddeskrivi r-regoli għall-kalkolu ta’ “taxxi koperti aġġustati” ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali. Il-prinċipju ewlieni fl-allokazzjoni tat-taxxi koperti huwa li jiġu assenjati lill-ġuriżdizzjoni fejn ikunu nkisbu l-profitti sottostanti soġġetti għal dawn it-taxxi.

Sabiex jiġi żgurat dan il-prinċipju, id-Direttiva tipprovdi wkoll regoli speċjali fir-rigward ta’ taxxi jew ta’ flussi ta’ introjtu transfruntiera fil-każ ta’ PE, ta’ entità trasparenti, ta’ kumpanija barranija kontrollata, ta’ entità ibrida, jew fir-rigward ta’ taxxi fuq id-dividendi.

Kapitolu V Kalkolu tar-Rata tat-Taxxa Effettiva u tat-Taxxa Kumplimentari

Il-Kapitolu V fih regoli għall-kalkolu tar-rata tat-taxxa effettiva ta’ grupp MNE f’ġuriżdizzjoni għal sena fiskali. Ir-rata effettiva tiġi kkomputata billi t-taxxi koperti aġġustati tal-grupp jiġu diviżi bl-introjtu aġġustat iggwadanjat mill-grupp, f’ġuriżdizzjoni speċifika għas-sena fiskali.

F’konformità mal-ftehim globali, id-Direttiva tistabbilixxi r-rata minima effettiva tat-taxxa għall-finijiet tar-Regoli Mudell tal-GloBE għal 15 %.

Il-Kapitolu V jittratta wkoll il-kalkolu u l-allokazzjoni tat-taxxa kumplimentari. L-ewwel nett, il-perċentwal tat-taxxa kumplimentari jiġi kkomputat għal ġuriżdizzjoni bħala differenza bejn ir-rata tat-taxxa effettiva minima ta’ 15 % u l-ETR tal-ġuriżdizzjoni. Imbagħad, dan il-perċentwal tat-taxxa kumplimentari jiġi mmultiplikat bl-introjtu għall-finijiet tal-GloBE ta’ dik il-ġuriżdizzjoni għas-sena inkwistjoni.

L-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza (jekk ikun hemm) titnaqqas ukoll minn dan l-ammont sabiex tinkiseb it-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali. F’konformità mar-Regoli Mudell tal-GloBE, id-Direttiva tipprevedi esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza fuq il-bażi tal-kostijiet tal-pagi u tal-assi tanġibbli. L-entità dikjaranti ta’ grupp MNE tista’ teleġġi li ma tapplikax l-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza għal ġuriżdizzjoni.

Fl-aħħar nett, it-taxxa kumplimentari għal kull entità kostitwenti f’ġuriżdizzjoni tinkiseb billi tiġi allokata t-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali fost l-entitajiet kostitwenti f’dik il-ġuriżdizzjoni fuq il-bażi tal-introjtu għall-finijiet tal-GloBE ta’ kull entità kostitwenti f’dik il-ġuriżdizzjoni.

Id-Direttiva tipprevedi li meta, bħala riżultat ta’ aġġustament li jsir fit-taxxi koperti jew fl-introjtu jew telf kwalifikanti għal sena fiskali preċedenti, ikun hemm taxxa kumplimentari addizzjonali x’tinġabar, jenħtieġ li t-tali taxxa kumplimentari tiġi ttrattata bħala taxxa kumplimentari għas-sena fiskali li tkun qed tiġi rieżaminata.

Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet tal-konformità f’sitwazzjonijiet ta’ riskju baxx, tapplika esklużjoni għal ammonti minimi ta’ profitt: l-esklużjoni tal-introjtu de minimis . Dan huwa meta l-profitti tal-entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE f’ġuriżdizzjoni jkunu anqas minn EUR 1 miljun u d-dħul ikun anqas minn EUR 10 miljun. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li tintuża l-elezzjoni ta’ esklużjoni tal-introjtu de minimis, it-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti f’din il-ġuriżdizzjoni titqies bħala żero għal finijiet tal-GloBE.

Kapitolu VI Regoli Speċjali għall-Fużjonijiet u għall-Akkwiżizzjonijiet

Dan il-kapitolu fih regoli speċjali fir-rigward tal-fużjonijiet, tal-akkwiżizzjonijiet, tal-impriżi konġunti, u tal-gruppi MNE b’aktar minn entità omm waħda. Jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ soll tad-dħul konsolidat għall-membri tal-grupp f’sitwazzjoni ta’ fużjoni jew defużjoni. Meta entità kostitwenti tiġi akkwistata jew tinbiegħ minn grupp MNE fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli, jenħtieġ li t-tali entità kostitwenti tiġi ttrattata bħala parti miż-żewġ gruppi matul is-sena, b’ċerti aġġustamenti għall-valuri tal-attributi użati għall-operat tar-Regoli Mudell tal-GloBE (taxxi koperti, pagi eliġibbli, assi tanġibbli eliġibbli, assi ta’ taxxa differita tal-GloBE). Hemm regoli għar-rikonoxximent ta’ gwadann jew ta’ telf, u valuri kontabilistiċi fi trasferiment ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet, inklużi r-riorganizzazzjonijiet. Hemm dispożizzjoni speċjali sabiex jiġu inklużi impriżi konġunti, li altrimenti ma jkunux inklużi fid-definizzjoni ta’ grupp MNE għall-finijiet tal-GloBE. Fl-aħħar nett, hemm regola speċifika għall-gruppi MNE b’aktar minn entità omm waħda b’mod li l-entitajiet tal-grupp jiġu ttrattati bħala parti minn grupp MNE wieħed.

Kapitolu VII Newtralità Fiskali u Reġimi ta’ Distribuzzjoni

Il-Kapitolu VII fih regoli fir-rigward tar-reġimi tan-newtralità fiskali u tas-sistemi tat-taxxa ta’ distribuzzjoni.

Sabiex jiġu evitati eżiti mhux intenzjonati, bħal obbligazzjoni tat-taxxa kumplimentari sproporzjonata tal-UTPR fi Grupp MNE, id-Direttiva tipprevedi regoli speċjali għall-komputazzjoni tal-introjtu tal-entità omm apikali, meta tali entità tkun passarella jew soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli.

Fir-rigward tal-entitajiet ta’ investiment, hemm regoli speċifiċi għad-determinazzjoni tal-ETR, tat-taxxa kumplimentari, ta’ elezzjoni li jiġu ttrattati bħala entitajiet trasparenti fir-rigward tat-taxxa, u ta’ elezzjoni sabiex jiġi applikat metodu ta’ distribuzzjoni taxxabbli.

Fir-rigward tas-sistemi tat-taxxa fuq id-distribuzzjoni 5 , id-Direttiva tipprevedi li, fuq elezzjoni annwali mill-entità dikjaranti fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti li jkunu soġġetti għal sistema tat-taxxa fuq id-distribuzzjoni eliġibbli, taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta tiġi inkluża fil-kalkolu tat-taxxi koperti aġġustati tal-entitajiet kostitwenti rilevanti. Dan jinvolvi ż-żamma ta’ kont ta’ rikopertura tat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għal kull sena fiskali li għaliha ssir l-elezzjoni. Jekk, f’perjodu ta’ erba’ snin, ma titħallas l-ebda taxxa bir-rata minima fuq tali distribuzzjoni preżunta, u l-entità kostitwenti ma tkunx ġarrbet telf ammissibbli, allura t-taxxa kumplimentari tkun pagabbli fuq il-bażi tal-bilanċ pendenti tal-kont ta’ rikopertura għas-sena inkwistjoni.

Kapitolu VIII Dispożizzjonijiet Amministrattivi

Il-Kapitolu VIII fih dispożizzjonijiet amministrattivi, inklużi obbligi ta’ preżentazzjoni.

Id-Direttiva tobbliga entità kostitwenti ta’ grupp MNE li jinsab fi Stat Membru sabiex jissottometti dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari, sakemm id-dikjarazzjoni ma tiġix sottomessa mill-grupp MNE f’ġuriżdizzjoni oħra, li magħha l-Istat Membru jkollu ftehim ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Id-dikjarazzjoni meħtieġa tista’ tiġi sottomessa jew mill-entità kostitwenti jew minn entità lokali deżinjata oħra li tinsab fl-Istat Membru f’isimha.

Jekk l-entità kostitwenti tiġi eżentata milli tippreżenta r-ritorn, hija xorta jeħtiġilha tinnotifika lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħha dwar l-identità u l-post tal-entità kostitwenti li tippreżenta d-dikjarazzjoni għall-grupp MNE.

Id-dikjarazzjonijiet iridu jiġu sottomessi fi żmien 15-il xahar wara t-tmiem tas-sena fiskali li jkunu relatati magħha.

Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll penali għal meta grupp MNE jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva.

Kapitolu IX Regoli Tranżizzjonali

Il-Kapitolu IX fih regoli tranżizzjonali. Dawn ir-regoli jiddeskrivu kif għandhom jiġu ddeterminati xi aspetti tar-Regoli Mudell tal-GloBE meta grupp ikollu japplikahom għall-ewwel darba [sabiex jitnaqqas il-piż tal-konformità]. Il-Kapitolu jkopri wkoll ir-regoli ta’ tranżizzjoni għall-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza; il-parametri għat-tnaqqis tal-introjtu ggwadanjat domestikament mill-IIR u mill-UTPR għal gruppi domestiċi fuq skala kbira u għal gruppi MNE, rispettivament, fil-fażi inizjali tal-attività tagħhom; eżenzjoni tranżizzjonali għall-preżentazzjoni ta’ obbligi u ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’portafoll.

Kapitolu X Applikazzjoni speċifika tal-IIR għal gruppi domestiċi fuq skala kbira

Dan il-Kapitolu jestendi l-applikazzjoni tal-IIR għal gruppi purament domestiċi li jinsabu fi Stat Membru jekk jissodisfaw is-soll ta’ EUR 750 miljun. Dan l-aspett speċifiku tar-regoli tal-UE huwa maħsub sabiex jevita kwalunkwe riskju ta’ diskriminazzjoni fi Stat Membru bejn entità li tappartjeni għal grupp b’attivitajiet transfruntiera u grupp b’attivitajiet purament domestiċi. Dawn il-gruppi domestiċi fuq skala kbira jikkalkolaw l-ETR tagħhom u, fejn rilevanti, jintalbu jħallsu kwalunkwe taxxa kumplimentari dovuta skont l-IIR.

Sabiex jinżamm trattament ugwali fir-rigward tal-gruppi MNE li jinsabu fl-ewwel stadji tal-attivitajiet internazzjonali tagħhom, dan il-Kapitolu jagħti wkoll lill-gruppi domestiċi fuq skala kbira perjodu tranżizzjonali ta’ 5 snin li matulu l-attivitajiet domestiċi tagħhom b’taxxa baxxa jkunu esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli.

Kapitolu XI Dispożizzjonijiet Finali

Il-membri tal-Qafas Inklużiv huma mistennijin jimplimentaw ir-Regoli Mudell li jintegraw il-ftehim dwar livell minimu globali ta’ tassazzjoni għall-gruppi MNE fl-Unjoni sa tmiem l-2022. Sussegwentement, u fi żmien xieraq, il-Qafas Inklużiv tal-OECD huwa mistenni li jirrieżamina bejn il-pari r-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-membri parteċipanti tal-Qafas Inklużiv, sabiex jiddetermina jekk dawn ir-regoli nazzjonali jistgħux jiġu ttrattati bħala “kwalifikati”; jiġifieri, jekk jikkonformawx mal-ittra u mal-ispirtu tar-Regoli Mudell.

Barra minn hekk, fi proċess separat, il-Qafas Inklużiv tal-OECD jistabbilixxi kundizzjonijiet li fihom ir-reġim GILTI tal-Istati Uniti se jeżisti flimkien mar-regoli tal-GloBE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Dan isegwi t-talba mistennija mill-Istati Uniti sabiex il-qafas legali tagħhom li bħalissa jinsab fil-proċess li jiġi rivedut jitqies bħala ekwivalenti għall-kontenut tal-ftehim globali u, b’mod partikolari, għar-regola primarja, “Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu”. Id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li se jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ pajjiżi terzi u tinkludi l-ġuriżdizzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti f’lista annessa mad-Direttiva. Il-Kummissjoni se tiġi assenjata wkoll il-funzjoni li timmodifika l-lista annessa bħala riżultat ta’ valutazzjoni sussegwenti wara li ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz timmodifika l-qafas legali tagħha. L-emenda tal-Anness se jkollha titwettaq f’konformità mar-regoli dwar l-atti delegati.

Dan il-Kapitolu jirreferi wkoll għall-bidu tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva, li hija stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2023, bl-eċċezzjoni tal-UTPR li għaliha l-applikazzjoni se tiġi differita għall-1 ta’ Jannar 2024.

Illustrazzjoni 1. Dijagramma sekwenzjali tal-operat tar-regoli fl-UE



2021/0433 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 6 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni adottat miżuri storiċi sabiex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fi ħdan is-suq intern. Id-direttivi kontra l-evitar tat-taxxi stabbilew regoli kontra l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa fis-suq intern u t-trasferiment tal-profitti ’l barra mis-suq intern. Dawk ir-regoli kkonverġew fid-dritt tal-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt (BEPS, Base Erosion and Profit Shifting) sabiex jiġi żgurat li l-profitti tal-intrapriżi multinazzjonali (MNEs, multinational enterprises) jiġu ntaxxati fejn isiru u fejn jinħoloq il-valur.

(2)Fi sforz kontinwu sabiex jintemmu l-prattiki tat-taxxa tal-MNEs li jippermettulhom iċaqilqu l-profitti lejn ġuriżdizzjonijiet fejn huma soġġetti għal ebda tassazzjoni jew għal rata ta’ tassazzjoni baxxa ħafna, l-OECD żviluppat ukoll sett ta’ regoli internazzjonali dwar it-taxxa sabiex tiżgura li l-MNEs iħallsu sehem ġust tat-taxxa kull fejn joperaw. Din ir-riforma ewlenija għandha l-għan li tpoġġi limitu minimu fuq il-kompetizzjoni fir-rati tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu permezz tal-istabbiliment ta’ livell globali minimu ta’ tassazzjoni. Bit-tneħħija ta’ parti sostanzjali mill-vantaġġi tat-trasferiment tal-profitti lejn ġuriżdizzjonijiet mingħajr tassazzjoni jew b’rata ta’ tassazzjoni baxxa ħafna, ir-riforma globali tat-taxxa minima se twassal għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar id-dinja u tippermetti lill-ġuriżdizzjonijiet jipproteġu aħjar il-bażijiet tat-taxxa tagħhom.

(3)Dan l-objettiv politiku ġie tradott fir-Regoli Mudell Globali Kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa (Regoli Mudell tal-GloBE - Global Anti-Base Erosion Model Rules) approvati fl-14 ta’ Diċembru 2021 mill-Qafas inklużiv tal-OECD/tal-G20 dwar il-BEPS li l-Istati Membri ħadu impenn li jirrispettaw. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2021 8 , il-Kunsill tenna l-appoġġ sod tiegħu għar-riforma tat-taxxa minima globali u ħa impenn favur implimentazzjoni rapida tal-ftehim permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-Istati Membri jimplimentaw b’mod effettiv l-impenn tagħhom sabiex jiksbu livell globali minimu ta’ tassazzjoni.

(4)F’Unjoni ta’ ekonomiji integrati mill-qrib, huwa kruċjali li r-riforma globali tat-taxxa minima tiġi implimentata b’mod koerenti u kkoordinat biżżejjed. Meta jitqiesu l-iskala, id-dettall u t-teknikalitajiet ta’ dawk ir-regoli internazzjonali ġodda tat-taxxa, qafas komuni tal-Unjoni biss jipprevjeni frammentazzjoni tas-suq intern fl-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, qafas komuni, imfassal sabiex ikun kompatibbli mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, ikun jipprovdi lill-kontribwenti b’ċertezza legali meta jimplimentaw ir-regoli.

(5)Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi stabbilit qafas effiċjenti u koerenti għal-livell minimu globali ta’ tassazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-qafas joħloq sistema ta’ żewġ regoli minsuġin flimkien, imsejħin f’daqqa bħala r-regoli tal-GloBE, li permezz tagħhom jenħtieġ li jinġabar ammont addizzjonali ta’ taxxa msejjaħ taxxa kumplimentari kull darba li r-rata tat-taxxa effettiva (ETR, effective tax rate) ta’ MNEs f’ġuriżdizzjoni partikolari tkun anqas minn 15 %. F’każ bħal dan, il-ġuriżdizzjoni titqies li għandha rata baxxa ta’ tassazzjoni. Dawk iż-żewġ regoli jissejħu r-Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu (IIR, Income Inclusion Rule) u r-Regola dwar il-Pagamenti Sottontaxxati (UTPR, Undertaxed Payment Rule). Skont din is-sistema, l-entità omm ta’ MNE li tinsab fi Stat Membru għandha l-obbligu li tapplika l-IIR għas-sehem tagħha ta’ taxxa kumplimentari relatata ma’ kwalunkwe entità tal-grupp li għandha rata ta’ tassazzjoni baxxa, kemm jekk tinsab fl-Unjoni kif ukoll jekk barra minnha. Jenħtieġ li l-UTPR taġixxi bħala garanzija ta’ kontinġenza għall-IIR permezz ta’ riallokazzjoni ta’ kwalunkwe ammont residwu ta’ taxxa kumplimentari f’każijiet li fihom ma jkunx jista’ jinġabar l-ammont kollu ta’ taxxa kumplimentari relatata ma’ entitajiet b’taxxa baxxa mill-entitajiet omm permezz tal-applikazzjoni tal-IIR.

(6)Huwa neċessarju li jiġu implimentati r-Regoli Mudell tal-GloBE miftehmin mill-Istati Membri b’mod li jibqa’ kemm jista’ jkun qrib il-ftehim globali. Din id-Direttiva ssegwi mill-qrib il-kontenut u l-istruttura tar-Regoli Mudell tal-GloBE. Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod aktar preċiż mal-libertà ta’ stabbiliment, jenħtieġ li r-regoli ta’ din id-Direttiva japplikaw għal entitajiet residenti fi Stat Membru kif ukoll għal entitajiet mhux residenti ta’ entità omm li tinsab f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika wkoll għal gruppi purament domestiċi fuq skala kbira ħafna. B’dan il-mod, il-qafas legali jkun imfassal sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ diskriminazzjoni bejn sitwazzjonijiet transfruntiera u domestiċi. L-entitajiet kollha, inkluża l-entità omm li tapplika l-IIR, li jinsabu fi Stat Membru li jkollu rata baxxa ta’ tassazzjoni, ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari. Bl-istess mod, l-entitajiet kostitwenti tal-istess entità omm li jinsabu fi Stat Membru ieħor, li jkollu rata baxxa ta’ tassazzjoni, ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari.

(7)Filwaqt li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prattiki tal-evitar tat-taxxa jiġu skoraġġuti, jenħtieġ li jiġu evitati impatti negattivi fuq MNEs iżgħar fis-suq intern. Għal dan l-għan, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal entitajiet li jinsabu fl-Unjoni li huma membri ta’ gruppi MNE jew ta’ gruppi domestiċi fuq skala kbira li jilħqu s-soll annwali ta’ mill-inqas EUR 750 000 000 ta’ dħul konsolidat. Dan is-soll ikun konsistenti mas-soll tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa bħar-regoli ta’ rapport għal kull pajjiż 9 . L-entitajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jissejħu entitajiet kostitwenti. Jenħtieġ li ċerti entitajiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni fuq il-bażi tal-iskop u tal-istatus partikolari tagħhom. L-entitajiet esklużi jkunu dawk li ma jkunux xprunati mill-profitt u jwettqu attivitajiet fl-interess ġenerali u li, għal dawn ir-raġunijiet, x’aktarx ma jkunux soġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu. Sabiex jiġu protetti dawk l-interessi speċifiċi, huwa neċessarju li entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u fondi ta’ pensjoni jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li anke l-fondi ta’ investiment u l-veikoli ta’ investiment immobiljari jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni meta jkunu fil-quċċata tal-katina tas-sjieda, peress li, għal dawk hekk imsejħin entitajiet passarella, l-introjtu miksub jiġi ntaxxat fil-livell tas-sidien.

(8)L-entità omm apikali (UPE, ultimate parent entity) ta’ grupp MNE jew ta’ grupp domestiku fuq skala kbira, li direttament jew indirettament għandhom interess kontrollanti fl-entitajiet kostitwenti l-oħrajn kollha tal-grupp MNE jew tal-grupp domestiku fuq skala kbira, tinsab fil-qalba tas-sistema. Peress li l-UPE normalment tkun meħtieġa tikkonsolida l-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet kollha tal-grupp MNE jew tal-grupp domestiku fuq skala kbira jew, jekk dan ma jkunx il-każ, tkun meħtieġa tagħmel dan skont standard ta’ kontabilità finanzjarja aċċettabbli, hija jkollha informazzjoni kritika u tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiżgura li l-livell ta’ tassazzjoni għal kull ġuriżdizzjoni għall-grupp jikkonforma mar-rata minima miftiehma. Għalhekk, meta l-UPE tkun tinsab fl-Unjoni, jenħtieġ li ġġarrab l-obbligu primarju skont din id-Direttiva li tapplika l-IIR għas-sehem allokabbli tagħha tat-taxxa kumplimentari relatata mal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa kollha tal-grupp MNE kemm jekk ikunu jinsabu fl-Unjoni kif ukoll jekk ikunu barra minnha. Il-UPE fil-quċċata ta’ grupp domestiku fuq skala kbira tapplika l-IIR għall-ammont kollu ta’ taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti tagħha b’taxxa baxxa.

(9)F’ċerti ċirkostanzi, dan l-obbligu jkollu jgħaddi għal entitajiet kostitwenti oħrajn tal-grupp MNE li jinsabu fl-Unjoni. L-ewwel nett, meta l-UPE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li ma tkunx implimentat ir-Regoli Mudell tal-GloBE jew regoli ekwivalenti u, b’hekk, ma jkollhiex IIR kwalifikata, l-entitajiet omm intermedji (IPE, intermediate parent entity) li jinsabu taħt il-UPE fil-katina tas-sjieda u li jinsabu fl-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-obbligu skont id-Direttiva li japplikaw l-IIR sas-sehem allokabbli tagħhom tat-taxxa kumplimentari, sakemm IPE li tkun meħtieġa tapplika l-IIR ma jkollhiex interess kontrollanti f’IPE oħra, f’liema każ jenħtieġ li l-IIR tiġi applikata minn din tal-aħħar.

(10)It-tieni, irrispettivament minn jekk il-UPE tkunx tinsab f’ġuriżdizzjoni li għandha IIR kwalifikata jew le, l-entitajiet omm posseduti parzjalment (POPE, partially-owned parent entity) li jinsabu fl-Unjoni li jkunu aktar minn 20 % proprjetà ta’ detenturi ta’ interessi barra mill-grupp MNE jenħtieġ li jkollhom l-obbligu skont din id-Direttiva li japplikaw l-IIR sas-sehem allokabbli tagħhom tat-taxxa kumplimentari. Madankollu, jenħtieġ li t-tali POPE ma tapplikax l-IIR meta tkun kompletament proprjetà ta’ POPE oħra li tkun meħtieġa tapplika l-IIR. It-tielet, meta l-UPE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni mingħajr IIR kwalifikata, jenħtieġ li l-entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE japplikaw il-UTPR għal kwalunkwe ammont residwu ta’ taxxa kumplimentari li ma kienx soġġett għall-IIR bi proporzjon ma’ formula ta’ allokazzjoni bbażata fuq in-numru ta’ impjegati u ta’ assi tanġibbli tagħhom. Ir-raba’, meta l-UPE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz b’IIR kwalifikata, jenħtieġ li l-entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE japplikaw il-UTPR għall-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz, f’każijiet li fihom dik il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz ikollha rata baxxa ta’ tassazzjoni fuq il-bażi tal-ETR tal-entitajiet kostitwenti kollha f’dik il-ġuriżdizzjoni, inkluża dik tal-UPE.

(11)F’konformità mal-objettivi tal-politika tar-riforma globali minima tat-taxxa fir-rigward tal-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa fost il-ġuriżdizzjonijiet, jenħtieġ li l-kalkolu tal-ETR jsir f’livell ġuriżdizzjonali. Għall-fini tal-kalkolu tal-ETR, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi sett komuni ta’ regoli speċifiċi għall-komputazzjoni tal-bażi għat-taxxa, imsejħa introjtu jew telf kwalifikanti, u għat-taxxi mħallsin, imsejħin taxxi koperti. Il-punt tat-tluq huwa l-kontijiet finanzjarji użati għal finijiet ta’ konsolidazzjoni li mbagħad ikunu soġġetti għal serje ta’ aġġustamenti, inkluża l-akkomodazzjoni tad-differenzi fit-twaqqit, sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet. Barra minn hekk, l-introjtu jew telf kwalifikanti u t-taxxi koperti ta’ ċerti entitajiet jistgħu jiġu allokati għal entitajiet rilevanti oħrajn fi ħdan il-grupp MNE sabiex tiġi żgurata n-newtralità fit-trattament tat-taxxa tal-introjtu jew telf kwalifikanti li jista’ jkun soġġett għal taxxi koperti f’diversi ġuriżdizzjonijiet, jew minħabba n-natura tal-entitajiet (entitajiet passarella, entitajiet ibridi jew stabbiliment permanenti) jew minħabba t-trattament tat-taxxa speċifiku tal-introjtu (pagament tal-imgħax jew reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati).

(12)Jenħtieġ li l-ETR ta’ grupp MNE f’kull ġuriżdizzjoni fejn iwettaq attivitajiet jew ta’ grupp domestiku fuq skala kbira titqabbel mar-rata minima miftiehma tat-taxxa ta’ 15 % sabiex jiġi ddeterminat jekk il-grupp MNE jew il-grupp domestiku fuq skala kbira jkunx obbligat iħallas taxxa kumplimentari u, konsegwentement, jenħtieġx li japplika l-IIR jew il-UTPR. Ir-rata minima tat-taxxa ta’ 15 % miftiehma mill-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS tirrifletti bilanċ bejn ir-rati tat-taxxa korporattiva madwar id-dinja. F’każijiet li fihom l-ETR ta’ grupp MNE taqa’ taħt ir-rata minima tat-taxxa f’ġuriżdizzjoni partikolari, jenħtieġ li t-taxxa kumplimentari tiġi allokata lill-entitajiet fil-grupp MNE li huma obbligati jħallsu t-taxxa f’konformità mal-applikazzjoni tal-IIR u tal-UTPR, sabiex tikkonforma mar-rata effettiva minima miftiehma globalment ta’ 15 %. F’każijiet li fihom l-ETR ta’ grupp domestiku fuq skala kbira taqa’ taħt ir-rata minima tat-taxxa, jenħtieġ li l-UPE fil-quċċata tal-grupp domestiku fuq skala kbira tapplika l-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha, sabiex jiġi żgurat li t-tali grupp ikun obbligat iħallas it-taxxa b’rata minima effettiva ta’ 15 %.

(13)Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dħul mit-taxxa kumplimentari miġbur mill-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħhom li jinsabu fit-territorju tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema domestika tat-taxxa kumplimentari. Jenħtieġ li l-entitajiet kostitwenti ta’ grupp MNE li jinsabu fi Stat Membru li jkun iddeċieda li jimplimenta regoli ekwivalenti għall-IIR u għall-UTPR fis-sistema domestika tat-taxxa tiegħu stess iħallsu t-taxxa kumplimentari lil dan l-Istat Membru. Filwaqt li tħalli lill-Istati Membri xi flessibbiltà fl-implimentazzjoni teknika tas-sistema domestika tat-taxxa kumplimentari, jenħtieġ li sistema bħal din tiżgura t-tassazzjoni effettiva minima tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti bl-istess mod, jew b’mod ekwivalenti, għall-IIR u għall-UTPR ta’ din id-Direttiva.

(14)Sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat, jenħtieġ li dan l-eżerċizzju jqis ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom jitnaqqsu r-riskji tal-BEPS. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva tinkludi esklużjoni ta’ sustanza bbażata fuq il-kostijiet assoċjati mal-impjegati u fuq il-valur tal-assi tanġibbli f’ġuriżdizzjoni partikolari. Dan ikun jippermetti li jiġu indirizzati, sa ċertu punt, sitwazzjonijiet li fihom grupp MNE jew grupp domestiku fuq skala kbira jwettaq attivitajiet ekonomiċi li jeħtieġu preżenza materjali f’ġuriżdizzjoni b’taxxa baxxa peress li f’tali każ il-prattiki tal-BEPS x’aktarx ma jiffjorixxux. Jenħtieġ li l-każ speċifiku tal-gruppi MNE li jinsabu fl-ewwel stadji tal-attività internazzjonali tagħhom jitqies ukoll sabiex ma jiġix skoraġġut l-iżvilupp ta’ attivitajiet transfruntiera għall-gruppi MNE li jibbenefikaw minn tassazzjoni baxxa fil-ġuriżdizzjoni domestika tagħhom fejn ikunu qed joperaw b’mod predominanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-attivitajiet domestiċi b’taxxa baxxa ta’ tali gruppi jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli għal perjodu tranżizzjonali ta’ ħames snin, u dment li l-grupp MNE ma jkollux entitajiet kostitwenti f’aktar minn sitt ġuriżdizzjonijiet oħrajn. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għal gruppi domestiċi fuq skala kbira, jenħtieġ li l-introjtu mill-attivitajiet ta’ tali gruppi jiġi eskluż ukoll għal perjodu tranżizzjonali ta’ ħames snin.

(15)Minħabba n-natura volatili ħafna ta’ din l-industrija u ċ-ċiklu ekonomiku twil tiegħu, is-settur tat-tbaħħir huwa tradizzjonalment soġġett għal reġimi alternattivi jew supplimentari ta’ tassazzjoni fl-Istati Membri. Sabiex jiġi evitat li jiġi mminat dak ir-raġunament tal-politika u sabiex l-Istati Membri jitħallew ikomplu japplikaw trattament tat-taxxa speċifiku għas-settur tat-tbaħħir f’konformità mal-prattika internazzjonali u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li l-introjtu mit-tbaħħir jiġi eskluż mis-sistema.

(16)Sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-objettivi tar-riforma globali tat-taxxa minima u l-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u għall-kontribwenti, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi esklużjoni de minimis għall-gruppi MNE jew għall-gruppi domestiċi fuq skala kbira li għandhom dħul medju ta’ anqas minn EUR 10 000 000 u introjtu jew telf kwalifikanti medju ta’ anqas minn EUR 1 000 000 f’ġuriżdizzjoni. Jenħtieġ li tali gruppi MNE jew gruppi domestiċi fuq skala kbira ma jħallsux taxxa kumplimentari anke jekk l-ETR tagħhom ikun taħt ir-rata minima tat-taxxa f’dik il-ġuriżdizzjoni.

(17)L-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva għall-gruppi MNE u għall-gruppi domestiċi fuq skala kbira li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-ewwel darba tista’ twassal għal distorsjonijiet li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ attributi tat-taxxa, inkluż telf minn snin finanzjarji preċedenti, jew minn differenzi fit-twaqqit, u teħtieġ regoli tranżizzjonali sabiex jiġu eliminati distorsjonijiet bħal dawn. Jenħtieġ li japplika wkoll tnaqqis gradwali tar-rati għall-pagi u għall-esklużjonijiet marbuta mal-assi tanġibbli fuq għaxar snin sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema tat-taxxa l-ġdida.

(18)Għal applikazzjoni effiċjenti tas-sistema, huwa kruċjali li l-proċeduri jiġu kkoordinati fil-livell ta’ grupp. Se jkun neċessarju li titħaddem sistema li tiżgura l-fluss mhux ostakolat ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp MNE u lejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa fejn jinsabu l-entitajiet kostitwenti. Jenħtieġ li r-responsabbiltà primarja tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni tkun tal-entità kostitwenti nnifisha. Madankollu, jenħtieġ li tapplika rinunzja ta’ tali responsabbiltà meta l-grupp MNE jkun iddeżinja entità oħra sabiex tissottometti u tikkondividi d-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni. Tista’ tkun jew entità lokali jew entità minn ġuriżdizzjoni oħra li jkollha ftehim ta’ awtorità kompetenti fis-seħħ mal-Istat Membru tal-entità kostitwenti. Fl-ewwel tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina din id-Direttiva f’konformità mal-ftehim milħuq mill-Qafas Inklużiv dwar ir-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni skont il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-GloBE. Meta jitqiesu l-aġġustamenti ta’ konformità li teħtieġ din is-sistema, jenħtieġ li l-gruppi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba jingħataw perjodu ta’ 18-il xahar sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni.

(19)Meta jitqiesu l-benefiċċji tat-trasparenza fil-qasam tat-taxxa, huwa inkoraġġanti li se jiġi sottomess ammont sinifikanti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-ġuriżdizzjonijiet parteċipanti kollha. Jenħtieġ li l-gruppi MNE fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkunu obbligati jipprovdu informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar il-profitti tagħhom u r-rata tat-taxxa effettiva f’kull ġuriżdizzjoni fejn ikollhom entitajiet kostitwenti. Tali rapportar estensiv jista’ jkun mistenni jżid it-trasparenza.

(20)L-effettività u l-ġustizzja tar-riforma globali minima tat-taxxa jiddependu ħafna fuq l-implimentazzjoni tagħha madwar id-dinja. Għalhekk, se jkun vitali li s-sħab kummerċjali ewlenin kollha tal-Unjoni japplikaw jew IIR kwalifikata jew sett ekwivalenti ta’ regoli dwar it-tassazzjoni minima. F’dan il-kuntest, u b’appoġġ għaċ-ċertezza legali u għall-effiċjenza tar-regoli globali tat-taxxa minima, huwa importanti li jiġu ddelineati aktar il-kundizzjonijiet li fihom ir-regoli implimentati f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li mhux se jittrasponu r-regoli tal-ftehim globali jistgħu jingħataw ekwivalenza għal IIR kwalifikata. Għal dan l-għan, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi valutazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kriterji ta’ ekwivalenza bbażati fuq ċerti parametri flimkien ma’ elenkar ta’ ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ ekwivalenza. Din il-lista tiġi mmodifikata, permezz ta’ att delegat, wara kwalunkwe valutazzjoni sussegwenti tal-qafas legali implimentat minn ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fid-dritt domestiku tiegħu.

(21)Sabiex jiġu emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-għan ikun li, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-modifiki tal-Anness li jelenka l-ġuriżdizzjonijiet b’qafas legali domestiku li jista’ jitqies ekwivalenti għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni ta’ introjtu.

(22)Jenħtieġ li r-regoli għall-applikazzjoni tal-UTPR japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024 sabiex jippermettu lill-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi japplikaw l-IIR fl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tar-Regoli Mudell tal-GloBE.

(23)L-objettiv ta’ din id-Direttiva, li jinħoloq qafas komuni għal livell minimu globali ta’ tassazzjoni fl-Unjoni abbażi tal-approċċ komuni li jinsab fir-Regoli Mudell tal-GloBE, ma jistax jintlaħaq biżżejjed minn kull Stat Membru li jaġixxi waħdu. Azzjoni indipendenti mill-Istati Membri tkompli tirriskja li toħloq frammentazzjoni tas-suq intern. Peress li huwa kritiku li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern kollu kemm hu, dan l-objettiv jista’, minħabba l-iskala tar-riforma globali tat-taxxa minima, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(24)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 10 Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll ir-Regolament 2016/679/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 japplika għall-proċessar ta’ data personali li jsir fi ħdan il-qafas ta’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri komuni għat-tassazzjoni effettiva minima tal-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali (MNE, multinational entity) fil-forma ta’:

(a)regola ta’ inklużjoni tal-introjtu (IIR, income inclusion rule) li, f’konformità magħha, entità omm ta’ grupp MNE jew grupp domestiku fuq skala kbira jikkalkola u jiġbor is-sehem allokat tiegħu tat-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tal-grupp; u

(b)regola dwar il-pagamenti sottontaxxati (UTPR, undertaxed payments rule) li f’konformità magħha entità kostitwenti ta’ grupp MNE tiġbor sehem allokabbli tat-taxxa kumplimentari kkalkolata mill-entità omm apikali tal-grupp li ma kinitx imposta skont l-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tal-grupp.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet kostitwenti li jinsabu fl-Unjoni li huma membri ta’ grupp MNE jew ta’ grupp domestiku fuq skala kbira li għandu dħul annwali ta’ EUR 750 000 000 jew aktar fir-rapporti finanzjarji konsolidati tiegħu f’tal-anqas tnejn mill-aħħar erba’ snin finanzjarji konsekuttivi.

2.Meta waħda jew aktar mill-erba’ snin finanzjarji msemmijin fil-paragrafu 1 tkun itwal jew iqsar minn 12-il xahar, id-dħul annwali msemmi f’dak il-paragrafu għandu jiġi aġġustat proporzjonalment għal kull waħda minn dawk is-snin finanzjarji.

3.Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-entitajiet li ġejjin (“entitajiet esklużi”) sakemm l-entità kostitwenti dikjaranti ma tkunx għamlet elezzjoni sabiex ma tittrattax tali entitajiet, kif esklużi f’konformità mal-Artikolu 43(1), bħala:

(a)entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, fond ta’ pensjoni, entità ta’ investiment li tkun entità omm apikali u veikolu ta’ investiment immobiljari li tkun entità omm apikali; jew

(b)entità li tkun tal-anqas 95 % proprjetà ta’ entità waħda jew aktar imsemmijin fil-punt (a), direttament jew permezz ta’ diversi entitajiet bħal dawn, minbarra entitajiet tas-servizzi tal-pensjoni, u li:

(i)topera esklużivament, jew kważi esklużivament, sabiex iżżomm assi jew fondi ta’ investiment għall-benefiċċju tal-entità jew tal-entitajiet imsemmijin fil-punt (a); jew

(ii)twettaq esklużivament attivitajiet anċillari għal dawk imwettqin mill-entità jew mill-entitajiet imsemmijin fil-punt (a); jew

(c)entità li hija tal-anqas 85 % proprjetà ta’ entità waħda jew aktar fost dawk imsemmijin fil-punt (a), direttament jew permezz ta’ waħda jew aktar minn tali entitajiet, dment li sostanzjalment l-introjtu kollu tagħha jkun derivat minn dividendi jew minn gwadann jew telf ta’ ekwità li jkun eskluż mill-komputazzjoni tal-introjtu kwalifikanti f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 15(2).

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“entità” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali li jħejji kontijiet finanzjarji separati;

(2)“entità kostitwenti” tfisser entità jew stabbiliment permanenti li jkun parti minn grupp MNE jew minn grupp domestiku fuq skala kbira;

(3)“grupp” tfisser:

(a)ġabra ta’ entitajiet li huma relatati permezz ta’ sjieda jew kontroll kif iddefinit mill-qafas kontabilistiku aċċettabbli għat-tħejjija ta’ rapporti finanzjarji konsolidati mill-entità omm apikali, inkluża kwalunkwe entità li setgħet ġiet eskluża mir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali bbażata biss fuq id-daqs żgħir tagħha, ir-raġunijiet ta’ materjalità jew fuq il-bażi li tinżamm għall-bejgħ; u

(b)entità li għandha stabbiliment permanenti wieħed jew aktar, dment li ma tkunx parti minn grupp ieħor kif iddefinit fil-punt (a);

(4)“grupp MNE” tfisser kwalunkwe grupp li jinkludi tal-anqas entità waħda jew stabbiliment permanenti wieħed li ma jkunx jinsab fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali;

(5)“grupp domestiku fuq skala kbira” tfisser kwalunkwe grupp li l-entitajiet kollha tiegħu jinsabu fl-istess Stat Membru;

(6)“rapporti finanzjarji konsolidati” tfisser:

(a)ir-rapporti finanzjarji mħejjin minn entità f’konformità ma’ standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja, li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus ta’ dik l-entità u ta’ kwalunkwe entità li tikkontrolla jiġu ppreżentati bħala dawk ta’ unità ekonomika waħda;

(b)għall-gruppi kif iddefiniti fil-punt 3(b), ir-rapporti finanzjarji mħejjin minn entità ewlenija f’konformità ma’ standard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli;

(c)ir-rapporti finanzjarji li ma jkunux imħejjin minn entità omm apikali f’konformità ma’ standard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli u li jkunu ġew sussegwentement aġġustati sabiex jipprevjenu kwalunkwe distorsjoni kompetittiva materjali; jew

(d)meta l-entità omm apikali ma tħejjix ir-rapporti finanzjarji kif deskritti fil-punt (a), (b) jew (c), ir-rapporti finanzjarji li kienu jitħejjew li kieku l-entità omm apikali kienet meħtieġa tħejji tali rapporti finanzjarji f’konformità ma’:

(i)standard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli; jew

(ii)standard ieħor tal-kontabilità finanzjarja u dment li tali rapporti finanzjarji jkunu ġew aġġustati sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni materjali tal-kompetizzjoni;

(7)“sena fiskali” tfisser il-perjodu kontabilistiku li fir-rigward tiegħu:

(a)l-entità omm apikali ta’ grupp MNE jew ta’ grupp domestiku fuq skala kbira tħejji r-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha jew, jekk l-entità omm apikali ma tħejjix ir-rapporti finanzjarji konsolidati, is-sena kalendarja; u

(b)jiġu kkomputati r-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari;

(8)“entità kostitwenti dikjaranti” tfisser entità li tissottometti dikjarazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari f’konformità mal-Artikolu 42 ta’ din id-Direttiva;

(9)“entità passarella” tfisser entità li titqies bħala entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa fir-rigward tal-introjtu, tan-nefqa, tal-profitt jew tat-telf tagħha fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot u li ma tkunx residenti tat-taxxa u soġġetta għal taxxa koperta fuq l-introjtu jew fuq il-profitt tagħha f’ġuriżdizzjoni oħra;

Għall-fini ta’ din id-definizzjoni, entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa tfisser entità li l-introjtu, in-nefqa, il-profitt jew it-telf tagħha jiġi ttrattat mil-liġijiet ta’ ġuriżdizzjoni bl-istess mod daqslikieku kien derivat jew imġarrab direttament mis-sid ta’ dik l-entità;

(10)“stabbiliment permanenti” tfisser:

(a)post tan-negozju jew post preżunt tan-negozju li jinsab f’ġuriżdizzjoni fejn jiġi ttrattat bħala stabbiliment permanenti f’konformità ma’ trattat dwar it-taxxa applikabbli fis-seħħ dment li tali ġuriżdizzjoni tintaxxa l-introjtu attribwibbli għaliha f’konformità ma’ dispożizzjoni simili għall-Artikolu 7 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital 12 ;

(b)jekk ma jkun hemm l-ebda trattat tat-taxxa applikabbli fis-seħħ, post tan-negozju jew post preżunt tan-negozju li jinsab f’ġuriżdizzjoni li tintaxxa l-introjtu attribwibbli għal tali post tan-negozju fuq bażi netta b’mod simili għal dak li bih tintaxxa lir-residenti tat-taxxa tagħha stess;

(c)jekk ġuriżdizzjoni ma jkollha l-ebda sistema ta’ taxxa korporattiva, post tan-negozju jew post preżunt tan-negozju li jinsab fiha li jiġi ttrattat bħala stabbiliment permanenti f’konformità mal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital, dment li tali ġuriżdizzjoni kien ikollha d-dritt ta’ intaxxar tal-introjtu li kien ikun attribwibbli għall-post tan-negozju f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dik il-konvenzjoni; jew

(d)post ieħor tan-negozju jew post preżunt tan-negozju li permezz tiegħu l-operazzjonijiet jitwettqu barra mill-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità ewlenija jekk tali ġuriżdizzjoni teżenta l-introjtu attribwibbli għal tali operazzjonijiet;

(11)“entità omm apikali” tfisser:

(a)entità li tkun is-sid, b’mod dirett jew indirett, ta’ interess kontrollanti fi kwalunkwe entità oħra u li ma tkunx proprjetà, b’mod dirett jew indirett, ta’ entità oħra b’interess kontrollanti fiha; jew

(b)entità ewlenija;

(12)“rata minima tat-taxxa” tfisser ħmistax fil-mija (15 %);

(13)“taxxa kumplimentari” tfisser it-taxxa kumplimentari kkomputata għal ġuriżdizzjoni jew għal entità kostitwenti skont l-Artikolu 26;

(14)“reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati” tfisser sett ta’ regoli tat-taxxa li permezz tagħhom azzjonist dirett jew indirett ta’ entità barranija jkun soġġett għal tassazzjoni fuq is-sehem tiegħu ta’ parti mill-introjtu jew tal-introjtu kollu ggwadanjat minn dik l-entità barranija, irrispettivament minn jekk dak l-introjtu jiġix distribwit lill-azzjonist;

(15)“regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu” (“IIR kwalifikata”) tfisser sett ta’ regoli li huwa implimentat fid-dritt domestiku ta’ ġuriżdizzjoni u li:

(a)huwa ekwivalenti għar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li f’konformità magħhom l-entità omm ta’ Grupp MNE tikkomputa u tiġbor is-sehem allokat tagħha tat-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tal-grupp;

(b)huwa implimentat u amministrat b’mod li jkun konsistenti mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u ma jippermettix lill-ġuriżdizzjoni tipprovdi xi benefiċċju li jkun relatat ma’ dawk ir-regoli;

(16)“entità kostitwenti b’taxxa baxxa” tfisser:

(a)entità kostitwenti ta’ grupp MNE li tinsab f’ġuriżdizzjoni b’rata baxxa ta’ tassazzjoni; jew

(b)entità kostitwenti mingħajr stat li, fir-rigward ta’ sena fiskali, ikollha rata tat-taxxa effettiva li tkun aktar baxxa mir-rata tat-taxxa minima effettiva;

(17)“entità omm intermedja” tfisser entità kostitwenti li jkollha, direttament jew indirettament, interess proprjetarju f’entità kostitwenti oħra fl-istess grupp MNE u li ma tikkwalifikax bħala entità omm apikali, entità omm posseduta parzjalment, stabbiliment permanenti jew entità ta’ investiment;

(18)“interess kontrollanti” tfisser interess proprjetarju f’entità li bih id-detentur tal-interess ikun meħtieġ, jew kien ikun meħtieġ, jikkonsolida l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tal-entità fuq bażi linja b’linja, f’konformità ma’ standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja;

Entità ewlenija titqies li jkollha l-interessi kontrollanti tal-istabbilimenti permanenti tagħha.

(19)“entità omm posseduta parzjalment” tfisser entità kostitwenti li tkun is-sid, b’mod dirett jew indirett, ta’ interess proprjetarju f’entità kostitwenti oħra tal-istess grupp MNE, aktar minn 20 % tal-interess proprjetarju tagħha fil-profitti tagħha jkun miżmum, b’mod dirett jew indirett, minn persuni li ma jkunux entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE u li ma tikkwalifikax bħala entità omm apikali, stabbiliment permanenti jew entità ta’ investiment;

(20)“interess proprjetarju” tfisser kwalunkwe dritt għall-profitti, għall-kapital jew għar-riżervi ta’ entità, jew ta’ stabbiliment permanenti;

(21)“entità omm” tfisser entità omm apikali, li ma hijiex entità eskluża, entità omm intermedja, jew entità omm posseduta parzjalment;

(22)“standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja” tfisser standards internazzjonali ta’ rapportar finanzjarju (IFRS u IFRS kif adottati mill-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002) u l-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati tal-Awstralja, tal-Brażil, tal-Kanada, tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, ta’ Hong Kong (iċ-Ċina), tal-Ġappun, tal-Messiku, ta’ New Zealand, tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tar-Repubblika tal-Indja, tar-Repubblika tal-Korea, tar-Russja, ta’ Singapore, tal-Iżvizzera, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tal-Amerka;

(23)“taxxa kumplimentari domestika kwalifikata” tfisser taxxa kumplimentari li tiġi implimentata fid-dritt domestiku ta’ ġuriżdizzjoni u li:

(a)tipprovdi għad-determinazzjoni tal-profitti żejda tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u l-applikazzjoni tar-rata minima tat-taxxa għal dawk il-profitti eċċessi għall-ġuriżdizzjoni u għall-entitajiet kostitwenti f’konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva; u

(b)hija implimentata u amministrata b’mod li jkun konsistenti mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u ma jippermettix lill-ġuriżdizzjoni tipprovdi xi benefiċċju li jkun relatat ma’ dawk ir-regoli;

(24)“entità ta’ investiment” tfisser:

(a)fond ta’ investiment jew veikolu ta’ investiment fil-proprjetà immobbli;

(b)entità li tkun tal-anqas 95 % proprjetà, b’mod dirett jew indirett, ta’ entità msemmija fil-punt (a) jew permezz ta’ waħda jew aktar minn dawn l-entitajiet, u li topera esklużivament jew kważi esklużivament sabiex iżżomm assi jew fondi ta’ investiment għall-benefiċċju tagħhom;

(c)entità li tkun proprjetà ta’ minimu ta’ 85 % minn entità msemmija fil-punt (a) dment li sostanzjalment l-introjtu kollu tagħha jkun derivat minn dividendi jew minn gwadann jew telf ta’ ekwità li jkun eskluż mill-komputazzjoni tal-introjtu kwalifikanti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva;

(25)“fond ta’ investiment” tfisser entità jew arranġament li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)huwa mfassal sabiex jiġbor assi finanzjarji jew mhux finanzjarji minn numru ta’ investituri fil-biċċa l-kbira mhux relatati;

(b)jinvesti f’konformità ma’ politika ta’ investiment definita;

(c)jippermetti lill-investituri jnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, tar-riċerka u dawk analitiċi jew li jferrxu r-riskju b’mod kollettiv;

(d)huwa primarjament imfassal sabiex jiġġenera introjtu jew gwadann mill-investiment, jew protezzjoni kontra event jew eżitu partikolari jew ġenerali;

(e)l-investituri tiegħu għandhom dritt għal redditu mill-assi tal-fond jew mill-introjtu miksub minn dawk l-assi, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni li jkunu għamlu;

(f)huwa, jew il-maniġment tiegħu, ikun soġġett għar-reġim regolatorju għall-fondi ta’ investiment fil-ġuriżdizzjoni li fiha jkun stabbilit jew ġestit; u

(g)huwa ġestit minn professjonisti tal-ġestjoni tal-fondi ta’ investiment f’isem l-investituri;

(26)“veikolu ta’ investiment immobiljari” tfisser entità taħt parteċipazzjoni azzjonarja wiesgħa li jkollha parteċipazzjoni predominanti fi proprjetà immobbli u li tkun soġġetta għal livell wieħed ta’ tassazzjoni, jew f’idejha jew f’idejn id-detenturi tal-interess tagħha, b’differiment ta’ mhux aktar minn sena;

(27)“fond ta’ pensjoni” tfisser:

(a)entità li hija stabbilita u operata f’ġuriżdizzjoni esklużivament jew kważi esklużivament sabiex tamministra jew tipprovdi benefiċċji tal-irtirar u benefiċċji anċillari jew inċidentali lill-individwi u li hija:

(i)regolata f’dik il-ġuriżdizzjoni; jew

(ii)miżmuma permezz ta’ arranġament fiduċjarju jew trustor u li jipprovdi dawk il-benefiċċji f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(b)entità tas-servizzi tal-pensjonijiet;

(28)“entità tas-servizzi tal-pensjonijiet” tfisser entità li hija stabbilita u operata esklużivament jew kważi esklużivament sabiex tinvesti fondi għall-benefiċċju tal-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 27 jew sabiex twettaq attivitajiet regolati li huma anċillari għall-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 27, meta l-entità tas-servizzi tal-pensjonijiet tkun tifforma parti mill-istess grupp bħall-entitajiet li jwettqu dawn l-attivitajiet;

(29)“ġuriżdizzjoni b’rata baxxa ta’ tassazzjoni” tfisser Stat Membru jew ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li fiha, f’sena fiskali partikolari, grupp MNE jkollu rata tat-taxxa effettiva li tkun aktar baxxa mir-rata tat-taxxa minima;

(30)“introjtu jew telf kwalifikanti” tfisser l-introjtu jew it-telf tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti aġġustat f’konformità mar-regoli ddefiniti fil-Kapitolu III u fil-Kapitoli VI u VII ta’ din id-Direttiva;

(31)“taxxa tal-imputazzjoni rimborżabbli skwalifikata” tfisser kwalunkwe taxxa, minbarra taxxa tal-imputazzjoni kwalifikata, dovuta lil, jew imħallsa minn, entità kostitwenti li tkun:

(a)rimborżabbli lis-sid benefiċjarju ta’ dividend distribwit minn tali entità kostitwenti fir-rigward ta’ dak id-dividend jew kreditabbli mis-sid benefiċjarju kontra obbligazzjoni ta’ taxxa għajr obbligazzjoni ta’ taxxa fir-rigward ta’ tali dividend; jew

(b)rimborżabbli lill-kumpanija distribwenti mad-distribuzzjoni ta’ dividend lil azzjonist.

Għall-fini ta’ din id-definizzjoni, taxxa tal-imputazzjoni kwalifikata tfisser taxxa koperta dovuta lil, jew imħallsa minn, entità kostitwenti jew stabbiliment permanenti, li tkun rimborżabbli jew kreditabbli, rispettivament, lir-riċevitur tad-dividend distribwit mill-entità kostitwenti jew mill-entità ewlenija, dment li r-rifużjoni tkun pagabbli, jew li l-kreditu jiġi pprovdut:

(a)minn ġuriżdizzjoni għajr il-ġuriżdizzjoni li tkun imponiet it-taxxi koperti;

(b)lil sid benefiċjarju korporattiv tad-dividend li jkun soġġett għat-taxxa b’rata nominali li tkun ugwali jew taqbeż ir-rata minima tat-taxxa fuq id-dividend riċevut skont id-dritt domestiku tal-ġuriżdizzjoni li tkun imponiet it-taxxi koperti fuq l-entità kostitwenti;

(c)lil individwu li jkun is-sid benefiċjarju tad-dividend u tat-taxxa residenti fil-ġuriżdizzjoni li tkun imponiet it-taxxi koperti fuq l-entità kostitwenti u li jkun soġġett għat-taxxa b’rata nominali li tkun ugwali jew taqbeż ir-rata tat-taxxa standard applikabbli għall-introjtu ordinarju; jew

(d)lil entità governattiva, lil organizzazzjoni internazzjonali, lil organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, lil fond ta’ pensjoni, lil entità ta’ investiment li ma hijiex parti mill-grupp MNE jew lil kumpanija tal-assigurazzjoni tal-ħajja sal-punt li d-dividend jiġi riċevut b’rabta mal-attivitajiet tal-fond ta’ pensjoni li jkun soġġett għat-taxxa bl-istess mod bħal fond ta’ pensjoni;

(32)“kreditu ta’ taxxa rimborżabbli kwalifikat” tfisser:

(a)kreditu ta’ taxxa rimborżabbli mfassal b’tali mod li jkun pagabbli bħala ħlas fi flus jew ekwivalenti ta’ flus għal entità kostitwenti fi żmien erba’ snin mid-data meta l-entità kostitwenti tkun intitolata tirċievi l-kreditu ta’ taxxa rimborżabbli skont il-liġijiet tal-ġuriżdizzjoni li tagħti l-kreditu; jew

(b)jekk il-kreditu ta’ taxxa jkun parzjalment rimborżabbli, il-porzjon tal-kreditu ta’ taxxa rimborżabbli li jkun pagabbli bħala ħlas fi flus jew ekwivalenti ta’ flus lil entità kostitwenti fi żmien erba’ snin mid-data meta l-entità kostitwenti tkun intitolata tirċievi l-kreditu ta’ taxxa rimborżabbli parzjali;

(33)“entità ewlenija” tfisser entità li tinkludi l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ stabbiliment permanenti fir-rapporti finanzjarji tagħha;

(34)“entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa” tfisser:

(a)entità passarella (flow-through) li titqies fiskalment trasparenti fil-ġuriżdizzjoni li fiha jinsab is-sid tagħha.

(b)entità li ma hijiex residenti tat-taxxa u li ma hijiex soġġetta għal taxxa koperta jew għal taxxa kumplimentari domestika kwalifikata fuq il-bażi tal-post ta’ ġestjoni tagħha, tal-post ta’ ħolqien tagħha jew ta’ kriterji simili sal-punt li, fir-rigward tal-introjtu, tan-nefqa, tal-profitt jew tat-telf tagħha:

(i)is-sidien tagħha jkunu jinsabu f’ġuriżdizzjoni li tittratta lill-entità bħala fiskalment trasparenti;

(ii)ma jkollhiex post tan-negozju fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot; u

(iii)l-introjtu, in-nefqa, il-profitt jew it-telf ma jkunx attribwibbli għal stabbiliment permanenti;

(35)“sid ta’ entità kostitwenti” tfisser entità kostitwenti li tkun is-sid, b’mod dirett jew indirett, ta’ interess proprjetarju f’entità kostitwenti oħra tal-istess grupp MNE;

(36)“sistema tat-taxxa ta’ distribuzzjoni eliġibbli” tfisser sistema tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu li:

(a)timponi taxxa fuq l-introjtu fuq il-profitti biss meta dawk il-profitti jiġu ddistribwiti jew preżunti li jkunu distribwiti lill-azzjonisti, jew meta l-kumpanija ġġarrab ċerti spejjeż mhux tan-negozju;

(b)timponi taxxa b’rata ugwali għar-rata tat-taxxa minima jew ogħla minnha; u

(c)kienet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021 jew qabel;

(37)“regola kwalifikata dwar il-pagamenti sottontaxxati” (“UTPR kwalifikata”) tfisser sett ta’ regoli li huwa implimentat fid-dritt domestiku ta’ ġuriżdizzjoni li:

(a)huwa ekwivalenti għar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li f’konformità magħha ġuriżdizzjoni tiġbor is-sehem allokabbli tagħha tat-taxxa kumplimentari ta’ grupp MNE li ma kienx impost skont l-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa ta’ tali grupp;

(b)huwa implimentat u amministrat b’mod li jkun konsistenti mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u ma jippermettix lill-ġuriżdizzjoni tipprovdi xi benefiċċju li jkun relatat ma’ dawk ir-regoli;

(38)“entità dikjaranti deżinjata” tfisser l-entità kostitwenti, minbarra l-entità omm apikali, li tkun inħatret mill-grupp MNE sabiex twettaq l-obbligi ta’ preżentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 42 f’isem il-grupp MNE.

Artikolu 4
Il-post ta’ entità kostitwenti

1.Entità kostitwenti minbarra entità passarella għandha titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn titqies li hija residenti għal finijiet tat-taxxa fuq il-bażi tal-post ta’ ġestjoni tagħha, tal-post ta’ ħolqien tagħha jew ta’ kriterji simili.

Meta l-post ta’ entità kostitwenti minbarra entità passarella ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu, għandu jitqies li hija tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot.

2.Entità passarella għandha titqies bħala mingħajr stat, sakemm ma tkunx l-entità omm apikali ta’ grupp MNE jew ma tkunx meħtieġa tapplika regola ta’ inklużjoni tal-introjtu f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 7, f’liema każ l-entità passarella għandha titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot.

3.Stabbiliment permanenti kif iddefinit fil-punt (10)(a) tal-Artikolu 3 għandu jitqies li jinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn jiġi ttrattat bħala stabbiliment permanenti u soġġett għat-taxxa skont it-trattat dwar it-taxxa applikabbli fis-seħħ.

Stabbiliment permanenti kif iddefinit fil-punt (10)(b) tal-Artikolu 3 għandu jitqies li jinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn ikun soġġett għal tassazzjoni fuq l-introjtu fuq il-bażi tal-preżenza kummerċjali tiegħu.

Stabbiliment permanenti kif iddefinit fil-punt (10)(c) tal-Artikolu 3 għandu jitqies li jinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn jinsab.

Stabbiliment permanenti kif iddefinit fil-punt (10)(d) tal-Artikolu 3 għandu jitqies mingħajr stat.

4.Meta entità kostitwenti tista’ titqies li tinsab f’żewġ ġuriżdizzjonijiet u dawk il-ġuriżdizzjonijiet ikollhom trattat dwar it-taxxa applikabbli, l-entità kostitwenti għandha titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn titqies bħala residenti għall-finijiet tat-taxxa skont dak it-trattat dwar it-taxxa.

Meta t-trattat dwar it-taxxa applikabbli jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jilħqu ftehim reċiproku dwar ir-residenza preżunta għall-finijiet tat-taxxa tal-entità kostitwenti, u ma jintlaħaq l-ebda ftehim, għandu japplika l-paragrafu 5.

Meta ma jkun hemm l-ebda ħelsien minn taxxa doppja skont it-trattat dwar it-taxxa applikabbli, minħabba l-fatt li entità kostitwenti tkun residenti għal finijiet tat-taxxa fiż-żewġ ġuriżdizzjonijiet li jkunu partijiet kontraenti għalih, għandu jkun japplika l-paragrafu 5.

5.Meta entità kostitwenti tkun tista’ titqies li tinsab f’żewġ ġuriżdizzjonijiet u dawk il-ġuriżdizzjonijiet ma jkollhomx trattat dwar it-taxxa applikabbli, l-entità kostitwenti għandha titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjonili tkun imponiet l-ogħla ammont ta’ taxxi koperti għas-sena fiskali.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ taxxi koperti msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ammont ta’ taxxa mħallsa f’konformità ma’ reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati ma għandux jitqies.

Jekk l-ammont ta’ taxxi koperti dovuti fiż-żewġ ġuriżdizzjonijiet ikun l-istess jew żero, l-entità kostitwenti għandha titqies li tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn ikollha l-ogħla ammont ta’ esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza kkomputat fuq bażi ta’ entità f’konformità mal-Artikolu 27.

Jekk l-ammont tal-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza fiż-żewġ ġuriżdizzjonijiet ikun l-istess jew żero, l-entità kostitwenti għandha titqies bħala mingħajr stat, sakemm ma tkunx entità omm apikali, f’liema każ għandha titqies li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot.

6.Meta, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5, entità omm titqies li tinsab f’ġuriżdizzjoni fejn ma tkunx soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu, hija għandha titqies li tkun soġġetta għar-regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu tal-ġuriżdizzjoni l-oħra, sakemm trattat dwar it-taxxa applikabbli fis-seħħ ma jipprojbixxix l-applikazzjoni ta’ tali regola.

7.Meta entità kostitwenti tbiddel il-post tagħha matul sena fiskali, għandha titqies li tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun tqieset li tinsab skont dan l-Artikolu fil-bidu ta’ dik is-sena fiskali.

KAPITOLU II
REGOLA TA’ INKLUŻJONI TAL-INTROJTU U REGOLA DWAR IL-PAGAMENTI SOTTONTAXXATI

Artikolu 5
Entità omm apikali fl-Unjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità omm apikali li tinsab fi Stat Membru tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari (it-“taxxa kumplimentari tal-IIR”) fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz għas-sena fiskali.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta entità omm apikali li tinsab fi Stat Membru tkun entità kostitwenti b’taxxa baxxa, hija tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR flimkien mal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha li jinsabu fl-istess Stat Membru għas-sena fiskali.

Artikolu 6
Entità omm intermedja fl-Unjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità omm intermedja li tinsab fi Stat Membru u miżmuma minn entità omm apikali li tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz għas-sena fiskali.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta entità omm intermedja li tinsab fi Stat Membru u miżmuma minn entità omm apikali li tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz tkun entità kostitwenti b’taxxa baxxa, hija tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR flimkien mal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha li jinsabu fl-istess Stat Membru għas-sena fiskali.

3.Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta:

(a)l-entità omm apikali tkun soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu għas-sena fiskali fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab; jew

(b)entità omm intermedja oħra li tinsab fi Stat Membru jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fejn tkun soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu għas-sena fiskali tkun is-sid, direttament jew indirettament, ta’ interess kontrollanti fl-entità omm intermedja.

Artikolu 7
Entità omm posseduta parzjalment fl-Unjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità omm posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha għas-sena fiskali.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta entità omm posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru tkun entità kostitwenti b’taxxa baxxa, hija tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR flimkien mal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha li jinsabu fl-istess Stat Membru għas-sena fiskali.

3.Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-interessi proprjetarji tal-entità omm posseduta parzjalment ikunu miżmumin kompletament, direttament jew indirettament, minn entità omm oħra posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz u tkun soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu għas-sena fiskali.

Artikolu 8
Allokazzjoni tat-taxxa kumplimentari skont ir-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu

1.It-taxxa kumplimentari tal-IIR dovuta minn entità omm fir-rigward ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa skont l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tkun ugwali għat-taxxa kumplimentari tal-entità kostitwenti b’taxxa baxxa, kif ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 26, immultiplikata bis-sehem allokabbli tal-entità omm f’tali taxxa kumplimentari għas-sena fiskali.

2.Is-sehem allokabbli ta’ entità omm mit-taxxa kumplimentari fir-rigward ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa għandu jkun il-proporzjon tal-interess tal-entità omm mill-introjtu tal-entità kostitwenti b’taxxa baxxa.

3.Minbarra l-ammont allokat lil entità prinċipali f’konformità mal-paragrafu 1, it-taxxa kumplimentari tal-IIR dovuta minn entità omm skont l-Artikoli 5(2), 6(2) u 7(2) għandha tinkludi l-ammont sħiħ ta’ taxxa kumplimentari l-introjtu kkomputat għal dik l-entità omm f’konformità mal-Artikolu 26.

Artikolu 9
Mekkaniżmu ta’ kumpens għar-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu

1.Meta entità omm intermedja li tinsab fi Stat Membru jkollha interess proprjetarju f’entità kostitwenti b’taxxa baxxa permezz ta’ entità omm intermedja oħra li tinsab fi Stat Membru jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fejn tkun soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu għas-sena fiskali, it-taxxa kumplimentari dovuta skont l-Artikolu 6(1) għandha titnaqqas b’ammont ugwali għall-porzjon tas-sehem allokabbli tal-entità omm intermedja mit-taxxa kumplimentari dovuta mill-entità omm intermedja l-oħra.

2.Meta entità omm li tinsab fi Stat Membru jkollha interess proprjetarju f’entità kostitwenti b’taxxa baxxa permezz ta’ entità omm posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fejn tkun soġġetta għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu għas-sena fiskali, it-taxxa kumplimentari dovuta skont l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 7(1) għandha titnaqqas b’ammont ugwali għall-porzjon tas-sehem allokabbli tal-entità omm mit-taxxa kumplimentari dovuta mill-entità omm posseduta parzjalment.

Artikolu 10
Elezzjoni għall-applikazzjoni ta’ taxxa kumplimentari domestika kwalifikata

1.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw taxxa kumplimentari domestika kwalifikata.

Jekk Stat Membru fejn ikunu jinsabu l-entitajiet kostitwenti ta’ Grupp MNE jiddeċiedi li japplika taxxa kumplimentari domestika kwalifikata, kwalunkwe entità kostitwenti b’taxxa baxxa tal-Grupp MNE f’dak l-Istat Membru għandha tkun soġġetta għal dik it-taxxa kumplimentari domestika għas-sena fiskali.

2.Meta entità omm ta’ Grupp MNE tkun tinsab fi Stat Membru, u l-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha miżmumin direttament jew indirettament li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz ikunu soġġetti għal taxxa kumplimentari domestika kwalifikata għas-sena fiskali f’dik il-ġuriżdizzjoni, l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa kumplimentari kkomputat f’konformità mal-Artikolu 26 dovut mill-entità omm skont l-Artikoli 5, 6 u 7 għandu jitnaqqas, sa żero, bl-ammont ta’ taxxa kumplimentari dovuta minn dawk l-entitajiet kostitwenti.

3.Meta l-ammont ta’ taxxa kumplimentari domestika kwalifikata kkunsidrata fil-komputazzjoni tat-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali f’konformità mal-Artikolu 26 għal sena fiskali ma jkunx tħallas kompletament fit-tliet snin finanzjarji ta’ wara, l-ammont tat-taxxa kumplimentari domestika li ma tkunx tħallset għandu jiżdied mat-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali kkomputata f’konformità mal-Artikolu 26(3).

4.L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw taxxa kumplimentari domestika għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’din id-deċiżjoni fi żmien erba’ xhur wara l-adozzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom li jkunu neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 11
Applikazzjoni ta’ UTPR għall-grupp MNE kollu

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li ma tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħha li jinsabu fl-Unjoni jkunu soġġetti, fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, għal taxxa kumplimentari għas-sena fiskali (“taxxa kumplimentari tal-UTPR”) għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13.

L-entitajiet kostitwenti li huma entitajiet ta’ investiment u fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari tal-UTPR.

Artikolu 12
Applikazzjoni ta’ UTPR fil-ġuriżdizzjoni tal-UPE

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni b’taxxa baxxa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħhom li jinsabu fi Stat Membru jkunu soġġetti għal taxxa kumplimentari tal-UTPR għas-sena fiskali u għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13 fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali, irrispettivament minn jekk dik il-ġuriżdizzjoni tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu.

L-entitajiet kostitwenti li huma entitajiet ta’ investiment u fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari tal-UTPR.

Artikolu 13
Komputazzjoni u allokazzjoni tal-ammont tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR

1.L-ammont tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR allokat lil Stat Membru għandu jiġi kkomputat billi t-taxxa kumplimentari totali tal-UTPR, kif iddeterminata f’konformità mal-paragrafu 2, tiġi mmultiplikata bil-perċentwal tal-UTPR tal-Istat Membru kif iddeterminat f’konformità mal-paragrafu 5.

2.It-taxxa kumplimentari tal-UTPR totali għal sena fiskali għandha tkun is-somma tat-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti kollha b’taxxa baxxa tal-grupp MNE għal dik is-sena fiskali, kif iddeterminata f’konformità mal-Artikolu 26, soġġetta għall-aġġustamenti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4.

3.It-taxxa kumplimentari tal-UTPR ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa għandha tkun ugwali għal żero meta, għas-sena fiskali, tali entità kostitwenti b’taxxa baxxa tinżamm kompletament direttament mill-entità omm apikali, jew indirettament permezz ta’ entità omm waħda jew aktar, li tkun tinsab jew:

(a)fi Stat Membru; jew

(b)f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fejn ikun meħtieġ li tiġi applikata regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu fir-rigward tal-entità kostitwenti tagħha b’taxxa baxxa għas-sena fiskali.

4.Meta ma jkunx japplika l-paragrafu 3, it-taxxa kumplimentari tal-UTPR ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa għandha titnaqqas bl-ammont ta’ taxxa kumplimentari allokata lil entità omm li tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li tkun meħtieġa tapplika regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu fir-rigward tal-entità kostitwenti.

5.Il-perċentwal tal-UTPR ta’ Stat Membru għandu jiġi kkomputat, għal kull sena fiskali u għal kull grupp MNE, skont il-formula li ġejja:

fejn:

(a)in-numru ta’ impjegati fl-Istat Membru huwa n-numru totali ta’ impjegati tal-entitajiet kostitwenti kollha tal-grupp MNE li jinsabu f’dak l-Istat Membru;

(b)in-numru ta’ impjegati fil-ġuriżdizzjonijiet kollha b’UTPR kwalifikata huwa n-numru totali ta’ impjegati tal-entitajiet kostitwenti kollha tal-grupp MNEs li jinsabu f’ġuriżdizzjoni li għandha UTPR kwalifikata fis-seħħ għas-sena fiskali;

(c)il-valur totali tal-assi tanġibbli fl-Istat Membru huwa s-somma tal-valur nett tal-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti kollha tal-grupp MNE li jinsabu f’dak l-Istat Membru;

(d)Il-valur totali tal-assi tanġibbli fil-ġuriżdizzjonijiet kollha b’UTPR kwalifikata huwa s-somma tal-valur nett tal-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti kollha tal-grupp MNE li jinsabu f’ġuriżdizzjoni li jkollha UTPR kwalifikata fis-seħħ għas-sena fiskali.

6.In-numru ta’ impjegati għandu jkun in-numru ta’ impjegati fuq bażi ta’ ekwivalenti għal full time tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni rilevanti, inklużi kuntratturi indipendenti dment li jipparteċipaw fl-attivitajiet operatorji ordinarji tal-entità kostitwenti.

L-assi tanġibbli għandhom jinkludu l-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni rilevanti iżda ma għandhomx jinkludu flus jew ekwivalenti ta’ flus, assi intanġibbli jew finanzjarji.

7.Stabbiliment permanenti għandu jiġi allokat lill-impjegati li l-kostijiet tal-pagi tagħhom jkunu inklużi, u assi tanġibbli li jkunu inklużi, fil-kontijiet finanzjarji separati tiegħu skont l-Artikolu 17(1) aġġustati f’konformità mal-Artikolu 17(2).

In-numru ta’ impjegati u l-valur kontabilistiku nett tal-assi tanġibbli miżmumin minn entità ta’ investiment għandhom jiġu esklużi mill-elementi tal-formula.

In-numru ta’ impjegati u l-valur kontabilistiku nett tal-assi tanġibbli ta’ entità passarella għandhom jiġu esklużi mill-elementi tal-formula, sakemm ma jkunux allokati għal stabbiliment permanenti jew, fin-nuqqas ta’ stabbiliment permanenti, għall-entitajiet kostitwenti li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun inħolqot l-entità passarella.

8.B’deroga mill-paragrafu 5, il-perċentwal tal-UTPR ta’ Stat Membru għal grupp MNE għandu jitqies bħala żero għal sena fiskali meta dak l-Istat Membru ma jkunx ġabar mill-entitajiet kostitwenti rilevanti l-ammont tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR li jkun ġie allokat f’sena fiskali preċedenti.

In-numru ta’ impjegati u l-valur nett tal-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti ta’ grupp MNE li jinsab fi Stat Membru b’perċentwal tal-UTPR ta’ żero għal sena fiskali għandhom jiġu esklużi mill-elementi tal-formula għall-allokazzjoni tat-taxxa kumplimentari totali tal-UTPR għall-grupp MNE għal dik is-sena fiskali.

KAPITOLU III
KOMPUTAZZJONI TAL-INTROJTU JEW TELF KWALIFIKANTI

Artikolu 14
Determinazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti

1.L-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ kull entità kostitwenti għandu jiġi kkomputat billi jsiru l-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikoli 15, 16, 17 u 18 għall-introjtu jew għat-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità kostitwenti għas-sena fiskali qabel kwalunkwe aġġustament ta’ konsolidazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp, kif iddeterminat skont l-istandard kontabilistiku użat fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali.

2.Meta ma jkunx raġonevolment fattibbli li jiġi ddeterminat l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti fuq il-bażi tal-istandard kontabilistiku użat fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità kostitwenti għas-sena fiskali jista’ jiġi ddeterminat, b’deroga mill-paragrafu 1, bl-użu ta’ standard aċċettabbli ieħor tal-kontabilità finanzjarja jew ta’ standard awtorizzat tal-kontabilità finanzjarja dment li:

(a)il-kontijiet finanzjarji tal-entità kostitwenti jinżammu fuq il-bażi ta’ dak l-istandard kontabilistiku l-ieħor;

(b)l-informazzjoni li tinsab fil-kontijiet finanzjarji hija affidabbli; u

(c)differenzi ta’ terminu twil ta’ aktar minn EUR 1 000 000 li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ prinċipju jew ta’ standard partikolari għal entrati ta’ introjtu jew ta’ spiża jew għal tranżazzjonijiet, li jvarja mill-istandard finanzjarju użat fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali, għandhom jiġu aġġustati sabiex jikkonformaw mat-trattament meħtieġ għal dik l-entrata skont l-istandard kontabilistiku użat fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji konsolidati.

Standard tal-kontabilità finanzjarja awtorizzat ifisser, fir-rigward ta’ entità, sett ta’ prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettabbli permessi minn korp tal-kontabilità awtorizzat fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab dik l-entità. Għall-fini ta’ dan, korp tal-kontabilità awtorizzat tfisser il-korp b’awtorità legali f’ġuriżdizzjoni li jippreskrivi, jistabbilixxi jew jaċċetta standards kontabilistiċi għal finijiet ta’ rapportar finanzjarju.

3.Meta entità omm apikali ma tkunx ħejjiet ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha f’konformità ma’ standard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli msemmi fil-punt (6) tal-Artikolu 3, ir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali għandhom jiġu aġġustati sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni materjali fil-kompetizzjoni.

Meta entità omm apikali ma tħejjix rapporti finanzjarji konsolidati, ir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali għandhom ikunu dawk li kienu jitħejjew li kieku l-entità omm apikali kienet meħtieġa tħejji dawn ir-rapporti finanzjarji konsolidati f’konformità ma’:

(a)standard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli; jew

(b)standard tal-kontabilità finanzjarja ieħor dment li tali rapporti finanzjarji konsolidati jiġu aġġustati sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni materjali tal-kompetizzjoni.

Meta l-applikazzjoni ta’ prinċipju jew ta’ proċedura speċifika skont sett ta’ prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati tirriżulta f’distorsjoni materjali tal-kompetizzjoni, it-trattament kontabilistiku ta’ kwalunkwe entrata jew tranżazzjoni soġġetta għal dak il-prinċipju jew dik il-proċedura għandu jiġi aġġustat sabiex jikkonforma mat-trattament meħtieġ għall-entrata jew għat-tranżazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju.

Distorsjoni materjali tal-kompetizzjoni tfisser, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ prinċipju jew ta’ proċedura speċifika skont sett ta’ prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettabbli, applikazzjoni li tirriżulta f’varjazzjoni ta’ aktar minn 10 % tad-dħul jew ta’ EUR 75 000 000 meta mqabbel mal-ammont li kien jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tal-prinċipju jew tal-proċedura korrispondenti.

Artikolu 15
Aġġustamenti sabiex jiġi ddeterminat l-introjtu jew telf kwalifikanti

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“spiża tat-taxxa netta” tfisser l-ammont nett tal-entrati li ġejjin:

(i)it-taxxi koperti dovuti bħala spiża;

(ii)l-assi ta’ taxxa differita attribwibbli għal telf għas-sena fiskali;

(iii)it-taxxi kumplimentari domestiċi kwalifikati dovuti bħala spiża;

(iv)it-taxxi li jirriżultaw skont ir-regoli ta’ din id-Direttiva; u

(v)it-taxxi tal-imputazzjoni rimborżabbli skwalifikati dovuti bħala spiża;

(b)“dividend eskluż” tfisser dividend jew distribuzzjoni oħra riċevuta jew dovuta fir-rigward ta’ interess proprjetarju, ħlief dividend jew distribuzzjoni oħra riċevuta jew dovuta fir-rigward ta’:

(i)interess proprjetarju f’entità ta’ anqas minn 10 % (“parteċipazzjoni azzjonarja f’portafoll”) li fir-rigward tagħha entità kostitwenti tkun intitolata għad-drittijiet kollha jew għad-drittijiet sostanzjalment kollha għall-profitti, għall-kapital jew għar-riżervi, irrispettivament minn jekk l-entità kostitwenti jkollhiex is-sjieda legali ta’ tali portafoll, għal anqas minn sena fid-data tad-distribuzzjoni; u

(ii)interess proprjetarju f’entità ta’ investiment li tkun soġġetta għal elezzjoni skont l-Artikolu 41;

(c)“gwadann jew telf ta’ ekwità eskluż” tfisser gwadann jew telf nett, inkluż fl-introjtu jew telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità kostitwenti, li jirriżulta minn:

(i)gwadanji u telf li jirriżultaw mill-bidliet fil-valur ġust ta’ interess proprjetarju, ħlief għal parteċipazzjoni azzjonarja f’portafoll;

(ii)profitti jew telf fir-rigward ta’ interess proprjetarju li huwa inkluż taħt il-metodu kontabilistiku tal-ekwità; u

(iii)il-gwadanji u t-telf mid-disponiment ta’ interess proprjetarju, ħlief għad-disponiment ta’ parteċipazzjoni azzjonarja f’portafoll;

(d)“gwadann jew telf tal-metodu ta’ rivalwazzjoni inkluż” tfisser gwadann jew telf, miżjud jew imnaqqas bi kwalunkwe taxxa koperta assoċjata għas-sena fiskali, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ metodu jew ta’ prattika kontabilistika li, fir-rigward ta’ proprjetà, ta’ impjant u ta’ tagħmir:

(i)taġġusta perjodikament il-valur kontabilistiku ta’ tali proprjetà għall-valur ġust tagħha;

(ii)tirreġistra l-bidliet fil-valur f’introjtu komprensiv ieħor; u

(iii)sussegwentement ma tirrapportax il-gwadann jew it-telf dovut f’introjtu komprensiv ieħor permezz ta’ profitt u telf;

(e)“gwadann jew telf asimetriku tal-kambju” tfisser gwadann jew telf tal-kambju li huwa:

(i)inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew tat-telf taxxabbli ta’ entità kostitwenti u li huwa attribwibbli għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-munita funzjonali kontabilistika u l-munita funzjonali tat-taxxa tal-entità kostitwenti;

(ii)inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew tat-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti u li huwa attribwibbli għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-munita funzjonali kontabilistika u l-munita funzjonali tat-taxxa tal-entità kostitwenti;

(iii)inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew tat-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti u li huwa attribwibbli għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn munita barranija u l-munita funzjonali kontabilistika tal-entità kostitwenti; u

(iv)attribwibbli għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn munita barranija u l-munita funzjonali tat-taxxa tal-entità kostitwenti;

(f)“spiża inammissibbli mill-politika” tfisser:

(i)spiża dovuta mill-entità kostitwenti għal pagamenti illegali, inklużi tixħim u kickbacks; u

(ii)spiża dovuta mill-entità kostitwenti għal multi u għal penali li jkunu ugwali għal EUR 50 000 jew aktar jew ammont ekwivalenti fil-munita funzjonali li biha jiġi kkomputat l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità kostitwenti;

(g)“errur jew bidla fil-prinċipji kontabilistiċi fil-perjodu preċedenti” tfisser bidla fl-ekwità tal-ftuħ ta’ entità kostitwenti fil-bidu ta’ sena fiskali li tkun attribwibbli għal:

(i)korrezzjoni ta’ errur fid-determinazzjoni tal-introjtu jew tat-telf nett tal-kontabilità finanzjarja f’sena fiskali preċedenti li affettwa l-introjtu jew l-ispejjeż inklużi fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti f’dik is-sena fiskali preċedenti, ħlief jekk tali korrezzjoni tirriżulta fi tnaqqis materjali għal obbligazzjoni għat-taxxi koperti soġġetti għall-Artikolu 24; u

(ii)bidla fil-prinċipji kontabilistiċi jew fil-politika li affettwat l-introjtu jew l-ispejjeż inklużi fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti;

(h)“spiża tal-pensjoni dovuta” tfisser id-differenza bejn l-ammont ta’ spiża inkluż fl-introjtu jew fit-telf nett tal-kontabilità finanzjarja u l-ammont ikkontribwit għal fond ta’ pensjoni għas-sena fiskali.

2.L-introjtu jew it-telf tal-kontabilità finanzjarja nett ta’ entità kostitwenti għandu jiġi aġġustat bl-ammont tal-entrati li ġejjin sabiex jiġi ddeterminat l-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha:

(a)l-ispejjeż netti tat-taxxi;

(b)id-dividendi esklużi;

(c)il-gwadanji jew it-telf ta’ ekwità esklużi;

(d)inkluż il-gwadanji jew it-telf tal-metodu ta’ rivalwazzjoni;

(e)il-gwadanji jew it-telf mid-disponiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 33;

(f)il-gwadanji u t-telf asimetriċi tal-kambju;

(g)l-ispejjeż inammissibbli mill-politika;

(h)erruri u bidliet fil-prinċipji kontabilistiċi fil-perjodu preċedenti; u

(i)l-ispejjeż tal-pensjoni dovuti.

3.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, l-ammont ta’ spiża ta’ kumpens ibbażata fuq l-istokk li jkun ġie permess bħala tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa minn entità kostitwenti għal sena fiskali jista’ jitnaqqas mill-introjtu jew mit-telf tal-kontabilità finanzjarja nett ta’ dik l-entità kostitwenti għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha għall-istess sena fiskali.

Meta ma tkunx ġiet eżerċitata l-opzjoni li jintużaw l-opzjonijiet ta’ stokk, l-ammont ta’ spiża tal-kumpens ibbażata fuq l-istokk li jkun tnaqqas mill-introjtu jew mit-telf tal-kontabilità finanzjarja nett tal-entità kostitwenti għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha għal sena fiskali għandu jerġa’ jiżdied fis-sena fiskali li fiha tkun skadiet l-opzjoni.

Meta parti mill-ammont tal-ispiża tal-kumpens ibbażata fuq l-istokk tkun dovuta fil-kontijiet finanzjarji tal-entità kostitwenti fis-snin finanzjarji qabel is-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni, ammont ugwali għad-differenza bejn l-ammont totali tal-ispiża tal-kumpens ibbażata fuq l-istokkijiet li tnaqqas għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha f’dawk is-snin finanzjarji preċedenti u l-ammont totali tal-ispiża tal-kumpens ibbażata fuq l-istokkijiet li kien jitnaqqas għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha f’dawk is-snin finanzjarji preċedenti li kieku l-elezzjoni saret f’dawn is-snin finanzjarji, għandu jiġi inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità kostitwenti għal dik is-sena fiskali.

L-elezzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 43(1) u għandha tapplika b’mod konsistenti għall-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni għas-sena li fiha ssir l-elezzjoni u għas-snin finanzjarji sussegwenti kollha.

Fis-sena fiskali li fiha tiġi rrevokata l-elezzjoni, l-ammont ta’ spiża ta’ kumpens ibbażata fuq l-istokkijiet mhux imħallsa li jaqbeż l-ispiża tal-kontabilità finanzjarja dovuta għandu jiġi inkluż għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità kostitwenti.

4.It-tranżazzjonijiet bejn l-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’ġuriżdizzjonijiet differenti għandhom ikunu dovuti għall-istess ammont fil-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet kostitwenti u għal ammont konsistenti mal-prinċipju ta’ distakkament.

Telf minn bejgħ jew minn trasferiment ieħor ta’ assi bejn entitajiet kostitwenti li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni għandu jkun dovut f’ammont konsistenti mal-prinċipju ta’ distakkament.

5.Il-krediti tat-taxxa rimborżabbli kwalifikati għandhom jiġu ttrattati bħala introjtu għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti. Il-krediti tat-taxxa rimborżabbli li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ kreditu tat-taxxa rimborżabbli kwalifikat kif stabbilit fil-punt (32) tal-Artikolu 3 ma għandhomx jiġu ttrattati bħala introjtu għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti.

6.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, il-gwadann u t-telf fir-rigward tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li huma soġġetti għall-kontabilità abbażi tal-valur ġust jew tal-indeboliment fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali jistgħu jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-prinċipju tar-realizzazzjoni għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti minn dik l-entità kostitwenti għall-istess sena fiskali.

Il-gwadann jew it-telf li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kontabilità abbażi tal-valur ġust jew tal-indeboliment fir-rigward ta’ assi jew ta’ obbligazzjoni għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti skont l-ewwel subparagrafu.

Il-valur kontabilistiku ta’ assi jew ta’ obbligazzjoni għall-fini tad-determinazzjoni ta’ gwadann jew ta’ telf skont l-ewwel subparagrafu għandu jkun il-valur kontabilistiku fiż-żmien li l-assi jkun ġie akkwiżit jew li tkun iġġarrbet l-obbligazzjoni, jew fl-ewwel jum tas-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni, skont liema data tkun l-aktar tard.

L-elezzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 43(1) u għandha tapplika għall-assi u għall-obbligazzjonijiet tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu f’ġuriżdizzjoni, sakemm l-entità kostitwenti dikjaranti ma tagħżilx li tillimita l-elezzjoni għall-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti jew għall-entitajiet ta’ investiment.

Fis-sena fiskali li fiha l-elezzjoni tiġi rrevokata, ammont ugwali għad-differenza bejn il-valur ġust tal-assi jew tal-obbligazzjoni fl-ewwel jum tas-sena fiskali li fiha ssir ir-revoka u l-valur kontabilistiku tal-assi jew tal-obbligazzjoni ddeterminat skont l-elezzjoni għandu jiġi inkluż għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti.

7.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, l-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti li tinsab f’ġuriżdizzjoni li jirriżulta mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dik il-ġuriżdizzjoni minn tali entità kostitwenti lil partijiet terzi għal sena fiskali jista’ jiġi aġġustat bil-mod li ġej.

Il-gwadann nett li jinħoloq mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fis-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni għandu jiġi paċut kontra kwalunkwe telf nett li jinħoloq mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni u fl-erba’ snin finanzjarji qabel dik is-sena fiskali (il-“perjodu ta’ ħames snin”). Il-gwadann nett l-ewwel għandu jiġi paċut kontra t-telf nett, jekk ikun hemm, li jkun irriżulta fl-aktar sena fiskali bikrija tal-perjodu ta’ ħames snin. Kwalunkwe ammont residwu ta’ gwadann nett għandu jiġi riportat u paċut kontra kwalunkwe telf nett li jirriżulta fis-snin finanzjarji sussegwenti tal-perjodu ta’ ħames snin.

Kwalunkwe ammont residwu ta’ gwadann nett li jifdal wara l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu għandu jinfirex b’mod ugwali matul il-perjodu ta’ ħames snin għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ kull entità kostitwenti f’dik il-ġuriżdizzjoni li tkun għamlet gwadann nett mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fis-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni. L-ammont residwu ta’ gwadann nett allokat lil entità kostitwenti għandu jkun ammont ugwali għall-gwadann nett ta’ dik l-entità kostitwenti diviż bil-gwadann nett tal-entitajiet kostitwenti kollha.

Meta l-ebda entità kostitwenti f’ġuriżdizzjoni ma tkun għamlet gwadann nett mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fis-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni, l-ammont residwu ta’ gwadann nett kif imsemmi fit-tielet subparagrafu għandu jiġi allokat b’mod ugwali għal kull entità kostitwenti f’dik il-ġuriżdizzjoni u jinfirex b’mod ugwali fuq il-perjodu ta’ ħames snin għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ kull waħda minn dawk l-entitajiet kostitwenti.

Kwalunkwe gwadann jew telf għas-snin finanzjarji ta’ qabel is-sena tal-elezzjoni għandu jkun soġġett għal aġġustamenti f’konformità mal-Artikolu 28(1). L-elezzjoni għandha ssir kull sena f’konformità mal-Artikolu 43(2).

8.Kwalunkwe spiża relatata ma’ arranġament ta’ finanzjament li bih membru wieħed jew aktar ta’ grupp MNE jipprovdi kreditu lil membru wieħed jew aktar ieħor tal-istess grupp (l-“arranġament ta’ finanzjament intragrupp”) ma għandhiex titqies fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti jekk iseħħu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-entità kostitwenti tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni b’taxxa baxxa jew f’ġuriżdizzjoni li kienet tkun b’taxxa baxxa li kieku l-ispiża ma kinitx dovuta lill-entità kostitwenti;

(b)jista’ jkun raġonevolment mistenni li, matul id-durata tal-arranġament ta’ finanzjament intragrupp, ikun jiżdied l-ammont ta’ spejjeż li jkollhom jitqiesu għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti, mingħajr ma jirriżulta f’żieda sinifikanti fl-introjtu taxxabbli tal-entità kostitwenti;

(c)l-entità kostitwenti hija kontroparti għal arranġament ta’ finanzjament intragrupp li jinsab f’ġuriżdizzjoni b’taxxa għolja jew f’ġuriżdizzjoni li ma kinitx tkun b’taxxa baxxa li kieku l-ispiża ma kinitx dovuta lill-entità kostitwenti.

9.Entità omm apikali tista’ teleġġi li tapplika t-trattament kontabilistiku konsolidat tagħha għall-introjtu, għall-ispiża, għall-gwadann u għat-telf minn tranżazzjonijiet bejn entitajiet kostitwenti li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni u inklużi fi grupp ta’ konsolidazzjoni tat-taxxa għall-fini tal-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti nett ta’ dawk l-entitajiet kostitwenti.

L-elezzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 43(1).

Fis-sena fiskali li fiha ssir jew tiġi rrevokata l-elezzjoni, għandhom isiru aġġustamenti xierqa sabiex l-entrati ta’ introjtu jew telf kwalifikanti ma jitqisux aktar minn darba jew jitħallew barra bħala riżultat ta’ tali elezzjoni jew tar-revoka.

10.Kumpanija tal-assigurazzjoni għandha teskludi mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha kwalunkwe ammont mitlub lid-detenturi tal-poloz għat-taxxi mħallsin mill-kumpanija tal-assigurazzjoni fir-rigward tar-redditi lid-detenturi tal-poloz. Kumpanija tal-assigurazzjoni għandha tinkludi fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha kwalunkwe redditu lid-detenturi tal-poloz li ma jkunx rifless fl-introjtu jew fit-telf tal-kontabilità finanzjarja nett tagħha sal-punt li ż-żieda jew it-tnaqqis korrispondenti fl-obbligazzjoni għad-detenturi tal-poloz ikun rifless fl-introjtu jew fit-telf tal-kontabilità finanzjarja nett tagħha.

11.Ammont li huwa dovut bħala tnaqqis fl-ekwità ta’ entità kostitwenti u huwa r-riżultat ta’ distribuzzjonijiet magħmulin jew dovuti fir-rigward ta’ strument maħruġ minn dik l-entità kostitwenti skont ir-rekwiżiti regolatorji prudenzjali (il-“kapital tal-ewwel livell addizzjonali”) għandhom jiġu ttrattati bħala spiża fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħhom.

Kwalunkwe ammont li huwa rikonoxxut bħala żieda fl-ekwità ta’ entità kostitwenti u huwa r-riżultat ta’ distribuzzjonijiet riċevuti jew li għandhom jiġu riċevuti fir-rigward ta’ kapital tal-ewwel livell addizzjonali miżmum mill-entità kostitwenti għandu jiġi inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha.

Artikolu 16
Esklużjoni tal-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“introjtu mit-tbaħħir internazzjonali” tfisser introjtu nett miksub minn entità kostitwenti mill-attivitajiet li ġejjin:

(i)it-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija b’bastiment fit-traffiku internazzjonali, meta tali trasport ma jitwettaqx permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fl-istess ġuriżdizzjoni, kemm jekk il-bastiment ikun proprjetà, meħud b’lokazzjoni jew b’xi mod ieħor imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entità kostitwenti;

(ii)il-lokazzjoni ta’ bastiment użat għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fit-traffiku internazzjonali b’noleġġ mgħammar, ipprovdut bl-ekwipaġġ u fornit bis-sħiħ;

(iii)il-lokazzjoni ta’ bastiment użat għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fit-traffiku internazzjonali, fuq bażi ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ, lil entità kostitwenti oħra;

(iv)il-parteċipazzjoni f’pula, f’negozju konġunt jew f’aġenzija operatorja internazzjonali għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija b’bastiment fit-traffiku internazzjonali; u

(v)il-bejgħ ta’ bastiment imsemmi fil-punt (a) dment li l-bastiment ikun inżamm għall-użu mill-entità kostitwenti għal minimu ta’ sena;

(b)“introjtu anċillari kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali” tfisser introjtu nett miksub minn entità kostitwenti mill-attivitajiet li ġejjin, dment li tali attivitajiet jitwettqu primarjament b’rabta mat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija minn bastimenti fit-traffiku internazzjonali:

(i)il-lokazzjoni ta’ bastiment, fuq bażi ta’ noleġġ mingħajr ekwipaġġ, lil intrapriża oħra tat-tbaħħir li ma tkunx entità kostitwenti, sakemm in-noleġġ ma jaqbiżx it-tliet snin;

(ii)l-arranġamenti tan-noleġġar ta’ slots;

(iii)il-bejgħ ta’ biljetti maħruġin minn intrapriżi oħrajn tat-tbaħħir għall-parti domestika ta’ vjaġġ internazzjonali;

(iv)il-lokazzjoni u l-ħżin għal terminu qasir ta’ kontejners jew imposti ta’ detenzjoni għar-ritorn tard ta’ kontejners;

(v)il-forniment ta’ servizzi lil intrapriżi oħrajn tat-tbaħħir minn inġiniera, minn persunal tal-manutenzjoni, minn maniġers tal-merkanzija, minn persunal tal-catering, u minn persunal tas-servizzi tal-klijenti; u

(vi)l-introjtu mill-investiment, meta l-investiment li jiġġenera l-introjtu jsir bħala parti integrali mit-twettiq tan-negozju tal-operat tal-bastimenti fit-traffiku internazzjonali.

2.L-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali u l-introjtu anċillari kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali ta’ entità kostitwenti għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha, dment li l-entità kostitwenti turi li l-ġestjoni strateġika jew kummerċjali tal-bastimenti kollha kkonċernati effettivament titwettaq minn ġewwa l-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità kostitwenti.

3.Meta l-komputazzjoni tal-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali u tal-introjtu anċillari kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali ta’ entità kostitwenti tirriżulta f’telf, tali telf għandu jiġi eskluż mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità kostitwenti.

4.Meta l-introjtu anċillari kwalifikat totali mit-tbaħħir internazzjonali tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’ġuriżdizzjoni jaqbeż 50 % tal-introjtu totali tagħhom mit-tbaħħir internazzjonali, l-introjtu eċċessiv għandu jiġi inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħhom.

5.Il-kostijiet imġarrbin minn entità kostitwenti li jirriżultaw direttament mill-attivitajiet internazzjonali tagħha tat-tbaħħir u mill-attivitajiet internazzjonali anċillari tat-tbaħħir kwalifikati msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għal tali attivitajiet għall-fini tal-komputazzjoni tal-introjtu nett mit-tbaħħir internazzjonali u tal-introjtu nett kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali tal-entità kostitwenti.

Il-kostijiet imġarrbin minn entità kostitwenti li indirettament jirriżultaw mill-attivitajiet internazzjonali tagħha tat-tbaħħir u mill-attivitajiet anċillari kwalifikati tat-tbaħħir internazzjonali msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għal tali attivitajiet għall-fini tal-komputazzjoni tal-introjtu nett mit-tbaħħir internazzjonali u tal-introjtu nett kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali tal-entità kostitwenti fuq il-bażi tad-dħul tagħha minn tali attivitajiet b’mod proporzjonat għad-dħul totali tagħha.

6.Il-kostijiet diretti u indiretti kollha mġarrbin minn entità kostitwenti li huma allokati għall-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali tagħha jew għall-introjtu anċillari kwalifikat mit-tbaħħir internazzjonali f’konformità mal-paragrafu 5 ma għandhomx jitqiesu fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha.

Artikolu 17
Allokazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti bejn entità ewlenija u stabbiliment permanenti

1.Meta entità kostitwenti tkun stabbiliment permanenti kif iddefinit fil-punt (10)(a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha għandu jkun l-introjtu jew it-telf nett rifless fil-kontijiet finanzjarji separati tagħha.

Meta stabbiliment permanenti ma jkollux kontijiet finanzjarji separati, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha għandu jkun l-ammont li kien ikun rifless fil-kontijiet finanzjarji separati tagħha li kieku tħejjew fuq bażi awtonoma u f’konformità mal-istandard kontabilistiku użat fit-tħejjija tal-kontijiet finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali.

2.Meta entità kostitwenti tissodisfa d-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti fil-punt (10)(a) jew (b) tal-Artikolu 3, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha għandu jiġi aġġustat sabiex jirrifletti biss l-entrati tal-introjtu u tal-ispiża li jkunu attribwibbli għaliha skont it-trattat dwar it-taxxa applikabbli jew id-dritt domestiku tal-ġuriżdizzjoni fejn tkun tinsab, irrispettivament mill-ammont tal-introjtu soġġett għat-taxxa u mill-ammont ta’ spejjeż deduċibbli f’dik il-ġuriżdizzjoni.

Meta entità kostitwenti tissodisfa d-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti fil-punt (10)(c) tal-Artikolu 3, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha għandu jiġi aġġustat sabiex jirrifletti biss l-entrati tal-introjtu u tal-ispiża li kienu jkunu attribwibbli għaliha f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD 13 .

3.Meta entità kostitwenti tissodisfa d-definizzjoni ta’ stabbiliment permanenti fil-punt (10)(d) tal-Artikolu 3, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-entrati tal-introjtu li jkunu eżentati fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità ewlenija u attribwibbli għall-operazzjonijiet imwettqin barra minn dik il-ġuriżdizzjoni u l-entrati ta’ spiża li ma jkunux deduċibbli għal finijiet tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tkun tinsab l-entità ewlenija u li jkunu attribwibbli għal tali operazzjonijiet barra minn dik il-ġuriżdizzjoni.

4.L-introjtu jew it-telf tal-kontabilità finanzjarja nett ta’ stabbiliment permanenti ma għandux jitqies fid-determinazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità ewlenija.

5.Meta telf kwalifikanti ta’ stabbiliment permanenti jiġi ttrattat bħala spiża tal-entità ewlenija fil-komputazzjoni tal-introjtu taxxabbli domestiku tagħha u ma jiġix paċut kontra l-introjtu taxxabbli domestiku tal-istabbiliment permanenti u tal-entità ewlenija, tali telf kwalifikanti għandu jiġi ttrattat bħala spiża tal-entità ewlenija għall-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha.

L-introjtu kwalifikanti li sussegwentement jinkiseb mill-istabbiliment permanenti għandu, b’deroga mill-paragrafu 4, jiġi ttrattat bħala introjtu kwalifikanti tal-entità ewlenija sal-ammont tat-telf kwalifikanti li qabel kien ittrattat bħala spiża tal-entità ewlenija skont l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 18
Allokazzjoni u komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità passarella

1.L-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti li tkun entità passarella għandu jitnaqqas bl-ammont allokat lis-sidien tagħha li ma jkunux parti mill-grupp MNE u li għandhom l-interess proprjetarju tagħhom f’tali entità passarella direttament jew permezz ta’ entità trasparenti waħda jew aktar fir-rigward tat-taxxa, ħlief jekk:

(a)l-entità passarella tkun entità omm apikali; jew

(b)l-entità passarella tkun taħt parteċipazzjoni azzjonarja, direttament jew permezz ta’ entità trasparenti waħda jew aktar fir-rigward tat-taxxa, minn entità omm apikali.

2.L-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja ta’ entità kostitwenti li tkun entità passarella għandu jitnaqqas mill-introjtu jew mit-telf nett tal-kontabilità finanzjarja li jiġi allokat lil entità kostitwenti oħra.

3.Meta entità passarella twettaq negozju kompletament jew parzjalment permezz ta’ stabbiliment permanenti, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha li jifdal wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għal dak l-istabbiliment permanenti f’konformità mal-Artikolu 17.

4.Meta entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa ma tkunx l-entità omm apikali, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità passarella li jifdal wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 għandu jiġi allokat lis-sidien tal-entità kostitwenti tagħha f’konformità mal-interessi proprjetarji tagħhom fl-entità passarella.

5.Meta entità ibrida bil-maqlub jew entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa tkun l-entità omm apikali, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tal-entità passarella li jifdal wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 għandu jiġi allokat lill-entità ibrida bil-maqlub jew lill-entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa.

Entità ibrida bil-maqlub tfisser entità passarella li ma titqiesx fiskalment trasparenti fil-ġuriżdizzjoni li fiha jkun jinsab is-sid tagħha.

6.Il-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu applikati separatament fir-rigward ta’ kull interess proprjetarju fl-entità passarella.

KAPITOLU IV
KOMPUTAZZJONI TAT-TAXXI KOPERTI AĠĠUSTATI

Artikolu 19
Taxxi koperti

1.It-taxxi koperti ta’ entità kostitwenti għandhom jinkludu:

(a)it-taxxi dovuti fil-kontijiet finanzjarji ta’ entità kostitwenti fir-rigward tal-introjtu jew tal-profitti tagħha, jew is-sehem tagħha mill-introjtu jew mill-profitti ta’ entità kostitwenti li fiha jkollha interess proprjetarju;

(b)it-taxxi fuq il-profitti distribwiti, id-distribuzzjonijiet tal-profitti preżunti, u l-ispejjeż mhux tan-negozju imposti skont sistema tat-taxxa tad-distribuzzjoni eliġibbli;

(c)it-taxxi imposti minflok taxxa korporattiva fuq l-introjtu applikabbli b’mod ġenerali; u

(d)it-taxxi imposti b’referenza għall-qligħ imfaddal u għall-ekwità korporattiva, inklużi t-taxxi fuq komponenti multipli bbażati fuq l-introjtu u fuq l-ekwità.

2.It-taxxi koperti ta’ entità kostitwenti ma għandhomx jinkludu:

(a)it-taxxa kumplimentari akkumulata minn entità prinċipali taħt regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu;

(b)it-taxxa kumplimentari akkumulata minn entità kostitwenti taħt taxxa kumplimentari domestika kwalifikata;

(c)it-taxxi attribwibbli għal aġġustament magħmul minn entità kostitwenti bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ UTPR kwalifikata;

(d)it-taxxa tal-imputazzjoni rimborżabbli skwalifikata; u

(e)it-taxxi mħallsin minn kumpanija tal-assigurazzjoni fir-rigward tar-redditi għad-detenturi tal-poloz.

3.It-taxxi koperti fir-rigward ta’ kwalunkwe gwadann jew telf nett li jirriżulta mid-disponiment ta’ proprjetà immobbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(7) fis-sena fiskali li fiha ssir l-elezzjoni għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjoni tat-taxxi koperti aġġustati.

Artikolu 20
Taxxi koperti aġġustati

1.It-taxxi koperti aġġustati ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali għandhom jiġu ddeterminati billi tiġi aġġustata s-somma tal-ispiża tat-taxxa dovuta fl-introjtu jew fit-telf nett tal-kontabilità finanzjarja tagħha fir-rigward tat-taxxi koperti għas-sena fiskali, billi:

(a)l-ammont nett taż-żidiet u tat-tnaqqis tagħha għat-taxxi koperti għas-sena fiskali kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3;

(b)l-ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita kif stabbilit fl-Artikolu 21; u

(c)kwalunkwe żieda jew tnaqqis fit-taxxi koperti dovuti f’ekwità jew f’introjtu komprensiv ieħor b’rabta mal-ammonti inklużi fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti li se jkunu soġġetti għat-taxxa.

2.Iż-żidiet mat-taxxi koperti ta’ entità kostitwenti għas-sena fiskali għandhom jinkludu:

(a)l-ammont ta’ taxxi koperti dovuti bħala spiża fil-profitt qabel it-tassazzjoni fil-kontijiet finanzjarji;

(b)l-ammont ta’ assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti li jkun intuża skont l-Artikolu 22(3);

(c)l-ammont ta’ taxxi koperti relatati ma’ pożizzjoni tat-taxxa inċerta preċedentement eskluża skont il-punt (d) tal-paragrafu 3 li jitħallsu għas-sena fiskali; u

(d)l-ammont ta’ kreditu jew ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ kreditu tat-taxxa rimborżabbli kwalifikat li kien dovut bħala tnaqqis għall-ispiża tat-taxxa.

3.It-tnaqqis għat-taxxi koperti ta’ entità kostitwenti għas-sena fiskali għandu jinkludi:

(a)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa fir-rigward tal-introjtu eskluż mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti skont il-Kapitolu III;

(b)l-ammont ta’ kreditu jew ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ kreditu tat-taxxa rimborżabbli li ma huwiex kreditu tat-taxxa rimborżabbli kwalifikat li ma kienx dovut bħala tnaqqis għall-ispiża tat-taxxa;

(c)l-ammont ta’ taxxi koperti rimborżati jew kreditati lil entità kostitwenti li ma ġietx ittrattata bħala aġġustament għall-ispiża tat-taxxa, sakemm ma jkunx relatat ma’ kreditu tat-taxxa rimborżabbli kwalifikat;

(d)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa, li huwa relatat ma’ pożizzjoni tat-taxxa inċerta; u

(e)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa li ma huwiex mistenni li jitħallas fi żmien tliet snin wara t-tmiem tas-sena fiskali.

4.Għall-finijiet tal-komputazzjoni ta’ taxxi koperti aġġustati, fejn ammont ta’ taxxa koperta huwa deskritt f’aktar minn punt wieħed fil-paragrafi 1 sa 3, dan għandu jitqies darba biss.

5.Fejn, għal sena fiskali, ikun hemm telf kwalifikanti nett f’ġuriżdizzjoni u l-ammont ta’ taxxi koperti aġġustati għal dik il-ġuriżdizzjoni jkun negattiv u anqas minn ammont ugwali għat-telf kwalifikanti nett immultiplikat bir-rata minima tat-taxxa (it-“taxxi koperti aġġustati mistennijin”), l-ammont ugwali għad-differenza bejn l-ammont ta’ taxxi koperti aġġustati u l-ammont ta’ taxxi koperti aġġustati mistennija għandu jiġi ttrattat bħala taxxa kumplimentari addizzjonali għal dik is-sena fiskali. L-ammont ta’ taxxa kumplimentari addizzjonali għandu jiġi allokat lil kull entità kostitwenti fil-ġuriżdizzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(3).

Artikolu 21
Ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“dovuti inammissibbli” tfisser il-moviment fl-ispiża tat-taxxa differita dovuta fil-kontijiet finanzjarji ta’ entità kostitwenti li huwa relatat ma’ pożizzjoni tat-taxxa inċerta u ma’ distribuzzjonijiet minn entità kostitwenti;

(b)“dovuti mhux mitluba” tfisser iż-żieda f’obbligazzjoni tat-taxxa differita dovuta fil-kontijiet finanzjarji ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali li ma hijiex mistennija li titħallas fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 7 li l-entità kostitwenti dikjaranti teleġġi li ma tinkludix fl-ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita għat-tali sena fiskali.

2.Meta r-rata tat-taxxa domestika f’ġuriżdizzjoni tkun anqas mir-rata minima effettiva tat-taxxa, l-ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita li għandu jiżdied mat-taxxi koperti aġġustati ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(1) għandu jkun l-ispiża tat-taxxa differita dovuta fil-kontijiet finanzjarji tagħha fir-rigward tat-taxxi koperti, soġġett għall-aġġustamenti skont il-paragrafi 3 sa 6.

Meta r-rata tat-taxxa domestika f’ġuriżdizzjoni tkun ogħla mir-rata minima tat-taxxa, l-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differita li għandu jiżdied mat-taxxi koperti aġġustati ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(1) għandu jkun l-ispiża tat-taxxa differita dovuta fil-kontijiet finanzjarji tagħha fir-rigward tat-taxxi koperti riformulata skont ir-rata minima tat-taxxa, soġġetta għall-aġġustamenti skont il-paragrafi 3 sa 6.

3.L-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differita għandu jiżdied b’dawn:

(a)l-ammont ta’ dovuti inammissibbli jew ta’ dovuti mhux mitlubin imħallsin matul is-sena fiskali; u

(b)l-ammont ta’ obbligazzjoni ta’ taxxa differita rikoperta ddeterminata f’sena fiskali preċedenti, li jkun tħallas matul is-sena fiskali.

4.Meta, għal sena fiskali, assi ta’ taxxa differita tat-telf ma jkunx dovut fil-kontijiet finanzjarji minħabba li ma jiġux issodisfati l-kriterji tar-rikonoxximent, l-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differita għandu jitnaqqas bl-ammont li kien inaqqas l-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differita li kieku kien sar dovut assi ta’ taxxa differita tat-telf għas-sena fiskali.

5.L-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differita ma għandux jinkludi:

(a)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa differita fir-rigward tal-entrati esklużi mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti skont il-Kapitolu III;

(b)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa differita fir-rigward tad-dovuti inammissibbli u tad-dovuti mhux mitlubin;

(c)l-impatt tal-ammont ta’ aġġustament tal-valwazzjoni jew ta’ aġġustament tar-rikonoxximent tal-kontabilità fir-rigward ta’ assi ta’ taxxa differita;

(d)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa differita li tirriżulta minn kejl mill-ġdid fir-rigward ta’ bidla fir-rata tat-taxxa domestika applikabbli; u

(e)l-ammont ta’ spiża tat-taxxa differita fir-rigward tal-ġenerazzjoni u tal-użu ta’ krediti tat-taxxa.

6.Meta assi ta’ taxxa differita, li jkun attribwibbli għal telf kwalifikanti ta’ entità kostitwenti, ikun sar dovut għal sena fiskali b’rata aktar baxxa mir-rata minima, dan jista’ jiġi rriformulat bir-rata minima fl-istess sena fiskali.

Meta assi ta’ taxxa differita jiżdied skont l-ewwel subparagrafu, l-ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita għandu jitnaqqas kif xieraq.

7.Obbligazzjoni ta’ taxxa differita li ma titħallasx jew li titreġġa’ lura fil-ħames snin finanzjarji sussegwenti għandha tiġi rikoperta sa fejn tkun ġiet ikkunsidrata fl-ammont totali ta’ aġġustament tat-taxxa differita ta’ entità kostitwenti.

L-ammont tal-obbligazzjoni ta’ taxxa differita rikoperta ddeterminat għas-sena fiskali għandu jiġi ttrattat bħala tnaqqis għat-taxxa koperta tal-ħames sena fiskali preċedenti u r-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari ta’ tali sena fiskali għandhom jerġgħu jiġu kkomputati f’konformità mal-Artikolu 28(1).

8.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 7, meta obbligazzjoni ta’ taxxa differita li ma titħallasx fil-ħames sena sussegwenti tkun dovuti ta’ eċċezzjoni ta’ rikopertura, din ma għandhiex tiġi rikoperta. Dovuti ta’ eċċezzjoni ta’ rikopertura għandhom ikunu ammont ta’ spiża tat-taxxa dovuta li jkun attribwibbli għal bidliet fl-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita assoċjati, fir-rigward tal-entrati li ġejjin:

(a)provvedimenti għall-irkupru tal-kostijiet fuq assi tanġibbli;

(b)il-kost ta’ liċenzja jew ta’ arranġament simili minn gvern għall-użu ta’ proprjetà immobbli jew għall-isfruttament ta’ riżorsi naturali li jinvolvi investiment sinifikanti f’assi tanġibbli;

(c)l-ispejjeż tar-riċerka u tal-iżvilupp;

(d)l-ispejjeż ta’ dekummissjonar u ta’ rimedju;

(e)il-kontabilità abbażi tal-valur ġust fuq gwadann nett mhux realizzat;

(f)il-gwadann nett mill-kambju tal-muniti barranin;

(g)ir-riżervi tal-assigurazzjoni u l-kostijiet tal-akkwiżizzjoni differiti tal-polza tal-assigurazzjoni;

(h)il-gwadann mill-bejgħ ta’ proprjetà tanġibbli li tinsab fl-istess ġuriżdizzjoni bħall-entità kostitwenti li jiġi investit mill-ġdid fi proprjetà tanġibbli fl-istess ġuriżdizzjoni; u

(i)l-ammonti addizzjonali dovuti bħala riżultat tal-bidliet fil-prinċipju kontabilistiku fir-rigward tal-entrati elenkati taħt il-punti (a) sa (h).

Artikolu 22
Elezzjoni ta’ telf kwalifikanti

1.B’deroga mill-Artikolu 21, entità kostitwenti dikjaranti tista’ tagħmel elezzjoni ta’ telf kwalifikanti għal ġuriżdizzjoni li skont din assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti għandu jiġi ddeterminat għal kull sena fiskali li fiha jkun hemm telf nett kwalifikanti fil-ġuriżdizzjoni. Għal dak l-għan, l-assi tat-taxxa differita tat-telf kwalifikanti għandu jkun ugwali għat-telf nett kwalifikanti għal sena fiskali għall-ġuriżdizzjoni mmultiplikat bir-rata minima.

Elezzjoni ta’ telf kwalifikanti ma tistax issir għal ġuriżdizzjoni b’sistema ta’ taxxa ta’ distribuzzjoni eliġibbli kif definita fl-Artikolu 38.

2.L-assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti ddeterminat skont il-paragrafu 1 għandu jintuża fi kwalunkwe sena fiskali sussegwenti li fiha jkun hemm introjtu kwalifikanti nett għall-ġuriżdizzjoni f’ammont ugwali għall-introjtu kwalifikanti nett immultiplikat bir-rata minima jew, jekk ikun aktar baxx, f’ammont ta’ assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti li jkun disponibbli.

3.L-assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti għandu jitnaqqas bl-ammont li jintuża għal sena fiskali u l-bilanċ għandu jiġi riportat għas-snin finanzjarji sussegwenti.

4.Meta elezzjoni ta’ telf kwalifikanti tiġi revokata, kwalunkwe assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti li jifdal għandu jitnaqqas għal żero mill-ewwel jum tal-ewwel sena fiskali li fiha l-elezzjoni ta’ telf kwalifikanti ma tibqax applikabbli.

5.L-elezzjoni ta’ telf kwalifikanti għandha tiġi sottomessa mal-ewwel dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari tal-grupp MNE li tinkludi l-ġuriżdizzjoni li għaliha ssir l-elezzjoni.

6.Meta entità passarella li tkun l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tagħmel elezzjoni ta’ telf kwalifikanti skont dan l-Artikolu, l-assi ta’ taxxa differita ta’ telf kwalifikanti għandu jiġi kkomputat b’referenza għat-telf kwalifikanti tal-entità passarella wara t-tnaqqis skont l-Artikolu 36(3).

Artikolu 23
Allokazzjoni speċifika tat-taxxi koperti mġarrbin minn ċerti tipi ta’ entitajiet kostitwenti

1.Stabbiliment permanenti għandu jiġi allokat l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa koperta li hija inkluża fil-kontijiet finanzjarji ta’ entità kostitwenti u li tirrigwarda l-introjtu jew telf kwalifikanti tal-istabbiliment permanenti.

2.Sid ta’ entità kostitwenti għandu jiġi allokat l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa koperta li tkun inkluża fil-kontijiet finanzjarji ta’ entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa u li tkun relatata ma’ introjtu jew telf kwalifikanti allokat lil sid ta’ entità kostitwenti f’konformità mal-Artikolu 18(4).

3.Entità kostitwenti għandha tiġi allokata l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa koperta inkluża fil-kontijiet finanzjarji tas-sidien ta’ entità kostitwenti diretti jew indiretti tagħha taħt reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati, sal-punt li dawk it-taxxi koperti jkunu relatati ma’ introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità kostitwenti.

4.Entità kostitwenti li tkun entità ibrida għandha tiġi allokata l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa koperta inkluża fil-kontijiet finanzjarji tas-sid tal-entità kostitwenti tagħha u li hija relatata mal-introjtu kwalifikanti tal-entità ibrida.

Entità ibrida tfisser entità ttrattata bħala persuna separata għall-finijiet tat-taxxa fuq l-introjtu fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab iżda bħala fiskalment trasparenti fil-ġuriżdizzjoni li fiha jinsab is-sid tagħha;

5.Entità kostitwenti li tkun għamlet distribuzzjoni matul is-sena fiskali għandha tiġi allokata l-ammont ta’ kwalunkwe taxxa koperta dovuta fil-kontijiet finanzjarji tas-sidien tal-entità kostitwenti diretta tagħha fuq tali distribuzzjonijiet.

6.Entità kostitwenti, li tkun ġiet allokata taxxi koperti skont il-paragrafi 3 u 4 fir-rigward tal-introjtu passiv, għandha tinkludi tali taxxi koperti f’ammont ugwali għat-taxxi koperti allokati fir-rigward ta’ tali introjtu passiv.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-entità kostitwenti għandha tinkludi l-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-perċentwal tat-taxxa kumplimentari għall-ġuriżdizzjoni bl-ammont tal-introjtu passiv tal-entità kostitwenti li jkun inkluż taħt reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati jew regola dwar it-trasparenza fiskali meta r-riżultat ikun anqas minn dak l-ammont iddeterminat skont l-ewwel subparagrafu. Għall-fini ta’ dan is-subparagrafu, il-perċentwal tat-taxxa kumplimentari għall-ġuriżdizzjoni għandu jiġi ddeterminat mingħajr ma jitqiesu t-taxxi koperti mġarrba fir-rigward ta’ tali introjtu passiv mis-sid tal-entità kostitwenti.

Kwalunkwe taxxa koperta tas-sid tal-entità kostitwenti mġarrba fir-rigward ta’ tali introjtu passiv li jifdal wara l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tiġi allokata skont il-paragrafi 3 u 4.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, introjtu passiv ifisser l-entrati ta’ introjtu li ġejjin sa fejn kienu soġġetti għat-taxxa taħt reġim tat-taxxa għal kumpaniji barranin kontrollati jew minħabba li l-entità li tħallas tali introjtu tiġi ttrattata bħala entità ibrida:

(a)dividend jew ekwivalenti ta’ dividend;

(b)imgħax jew ekwivalenti ta’ mgħax;

(c)kera;

(d)royalty;

(e)annwalità; jew

(f)gwadann nett mill-proprjetà ta’ tip li tipproduċi introjtu deskritt fil-punti (a) sa (e).

7.Meta l-introjtu kwalifikanti ta’ stabbiliment permanenti jiġi ttrattat bħala introjtu kwalifikanti tal-entità ewlenija f’konformità mal-Artikolu 17(5), kwalunkwe taxxa koperta li tirriżulta fil-ġuriżdizzjoni fejn jinsab l-istabbiliment permanenti u assoċjata ma’ tali introjtu għandha tiġi ttrattata bħala taxxa koperta tal-entità ewlenija għal ammont li ma jaqbiżx tali introjtu mmultiplikat bl-ogħla rata tat-taxxa domestika fuq introjtu ordinarju fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità ewlenija.

Artikolu 24
Aġġustamenti u bidliet fir-rata tat-taxxa ta’ wara l-preżentazzjoni

1.Meta entità kostitwenti tirreġistra aġġustament għat-taxxi koperti tagħha fil-kontijiet finanzjarji tagħha għal sena fiskali preċedenti, tali aġġustament għandu jiġi ttrattat bħala aġġustament għat-taxxi koperti fis-sena fiskali li fiha jsir l-aġġustament, sakemm l-aġġustament ma jkunx relatat ma’ sena fiskali li fiha jkun hemm tnaqqis fit-taxxi koperti għall-ġuriżdizzjoni.

Meta jkun hemm tnaqqis fit-taxxi koperti li huma inklużi fit-taxxi koperti aġġustati tal-entità kostitwenti għal sena fiskali preċedenti, ir-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari għal tali sena fiskali għandhom jiġu kkomputati mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 28(1) billi jitnaqqsu t-taxxi koperti aġġustati bl-ammont tat-tnaqqis fit-taxxi koperti. L-introjtu kwalifikanti għas-sena fiskali u kwalunkwe sena fiskali rilevanti għandhom jiġu aġġustati kif xieraq.

Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, tnaqqis fit-taxxi koperti li jkun immaterjali jista’ jiġi ttrattat bħala aġġustament fit-taxxi koperti fis-sena fiskali li fiha jsir l-aġġustament. Tnaqqis immaterjali fit-taxxi koperti għandu jkun tnaqqis ta’ anqas minn EUR 1 000 000 fit-taxxi koperti aġġustati ddeterminati għall-ġuriżdizzjoni għas-sena fiskali.

2.Meta r-rata tat-taxxa domestika applikabbli titnaqqas taħt ir-rata minima tat-taxxa u tali tnaqqis jirriżulta fi spiża tat-taxxa differita, l-ammont ta’ dik l-ispiża tat-taxxa differita għandu jiġi ttrattat bħala aġġustament għall-obbligazzjoni tal-entità kostitwenti għat-taxxi koperti li jitqiesu skont l-Artikoli 19 u 20 għal sena fiskali preċedenti.

3.Meta spiża tat-taxxa differita tkun ġiet ikkunsidrata b’rata aktar baxxa mir-rata tat-taxxa effettiva minima u, sussegwentement, ir-rata tat-taxxa applikabbli tiżdied, l-ammont tal-ispiża tat-taxxa differita li jirriżulta minn tali żieda għandu jiġi ttrattat mal-pagament bħala aġġustament għall-obbligazzjoni ta’ entità kostitwenti għat-taxxi koperti mitlub għal sena fiskali preċedenti f’konformità mal-Artikoli 19 u 20.

L-aġġustament skont l-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż ammont ugwali għall-ispiża tat-taxxa differita riformulata bir-rata minima.

4.Meta aktar minn EUR 1 000 000 tal-ammont dovut minn entità kostitwenti bħala spiża tat-taxxa u inkluż f’taxxi koperti aġġustati għal sena fiskali ma jitħallasx fi żmien tliet snin wara t-tmiem ta’ dik is-sena fiskali, ir-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari għas-sena fiskali li fiha l-ammont mhux imħallas intalab bħala taxxa koperta għandhom jiġu kkomputati mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 28(1) billi dak l-ammont mhux imħallas jiġi eskluż mit-taxxi koperti aġġustati.

KAPITOLU V
KOMPUTAZZJONI TAR-RATA TAT-TAXXA EFFETTIVA U TAT-TAXXA KUMPLIMENTARI

Artikolu 25
Determinazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva

1.Ir-rata tat-taxxa effettiva ta’ grupp MNE għandha tiġi kkomputata, għal kull sena fiskali u għal kull ġuriżdizzjoni dment li jkun hemm introjtu nett kwalifikanti, f’konformità mal-formula li ġejja:

meta t-taxxi koperti aġġustati tal-entitajiet kostitwenti jkunu s-somma tat-taxxi koperti aġġustati tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni ddeterminata f’konformità mal-Kapitolu IV.

2.L-introjtu nett kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti fil-ġuriżdizzjoni għal sena fiskali għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-formula li ġejja:

fejn:

(a)l-introjtu kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti huwa s-somma tal-introjtu kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni ddeterminata f’konformità mal-Kapitolu III, filwaqt li titqies, fejn applikabbli, l-esklużjoni tal-introjtu mit-tbaħħir internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 16;

(b)it-telf kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti huwa s-somma tat-telf kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni ddeterminata f’konformità mal-Kapitolu III.

3.It-taxxi koperti aġġustati u l-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entitajiet kostitwenti li jkunu entitajiet ta’ investiment huma esklużi mill-kalkolu tar-rata tat-taxxa effettiva f’konformità mal-paragrafu 1 u mill-kalkolu tal-introjtu kwalifikanti nett f’konformità mal-paragrafu 2.

4.Ir-rata tat-taxxa effettiva tal-entitajiet kostitwenti mingħajr stat li jinsabu f’ġuriżdizzjoni għandha tiġi kkomputata, għal kull sena fiskali, separatament mir-rata tat-taxxa effettiva tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni.

Artikolu 26
Komputazzjoni tat-taxxa kumplimentari

1.Meta r-rata tat-taxxa effettiva ta’ ġuriżdizzjoni li fiha jinsabu l-entitajiet kostitwenti tkun taħt ir-rata minima tat-taxxa għal sena fiskali, il-grupp MNE għandu jikkalkola t-taxxa kumplimentari għal kull waħda mill-entitajiet kostitwenti tiegħu li jkollha introjtu kwalifikanti inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu nett kwalifikanti ta’ dik il-ġuriżdizzjoni separatament. It-taxxa kumplimentari għandha tiġi kkomputata fuq bażi ġuriżdizzjonali.

2.Il-perċentwal tat-taxxa kumplimentari għal ġuriżdizzjoni għal sena fiskali għandu jiġi kkomputat f’konformità mal-formula li ġejja:

meta r-rata tat-taxxa effettiva tkun ir-rata kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 25.

3.It-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali għal sena fiskali għandha tiġi kkomputata f’konformità mal-formula li ġejja:

fejn:

(a)it-taxxa kumplimentari addizzjonali hija l-ammont ta’ taxxa kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 28;

(b)it-taxxa kumplimentari domestika hija l-ammont ta’ taxxa kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 10.

4.L-eċċess tal-profitt għall-ġuriżdizzjoni għas-sena fiskali msemmija fil-paragrafu 3 għandu jiġi kkalkolat f’konformità mal-formula li ġejja:

fejn:

(a)l-introjtu nett kwalifikanti huwa l-introjtu ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 25(2);

(b)l-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza hija l-ammont iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 27.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, eċċess tal-profitt ifisser ammont ugwali għad-differenza bejn l-introjtu nett kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti kkalkolat fil-livell tal-ġuriżdizzjoni li fiha jinsabu l-entitajiet kostitwenti u l-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza ta’ tali entitajiet kostitwenti f’dik il-ġuriżdizzjoni.

5.It-taxxa kumplimentari ta’ entità kostitwenti għal sena fiskali għandha tiġi kkomputata f’konformità mal-formula li ġejja:

fejn:

(a)l-introjtu kwalifikanti ta’ entità kostitwenti huwa l-introjtu ddeterminat f’konformità mal-Kapitolu III;

(b)l-introjtu kwalifikanti totali tal-entitajiet kostitwenti kollha huwa s-somma tal-introjtu kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti.

6.Jekk it-taxxa kumplimentari ġuriżdizzjonali tirriżulta minn kalkolu mill-ġdid skont l-Artikolu 28(1) u jkun hemm telf kwalifikanti nett fil-ġuriżdizzjoni għas-sena fiskali, it-taxxa kumplimentari għandha tiġi allokata lil kull entità kostitwenti bl-użu tal-formula stabbilita fil-paragrafu 5, fuq il-bażi tal-introjtu kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti fis-snin finanzjarji li għalihom jitwettqu l-kalkoli mill-ġdid skont l-Artikolu 28(1).

7.It-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti mingħajr stat li jinsabu f’ġuriżdizzjoni għandha tiġi kkomputata, għal kull sena fiskali, separatament mit-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti l-oħrajn kollha li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni.

Artikolu 27
Esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“impjegati eliġibbli” tfisser impjegati full-time jew part-time ta’ entità kostitwenti u ta’ kuntratturi indipendenti li jipparteċipaw fl-attivitajiet operatorji ordinarji tal-grupp MNE taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll tal-Grupp MNE;

(b)“kostijiet eliġibbli tal-pagi” tfisser nefqiet ta’ kumpens lill-impjegati, inklużi salarji, pagi u nefqiet oħrajn li jipprovdu benefiċċju personali dirett u separat lill-impjegat, bħall-assigurazzjoni tas-saħħa u l-kontribuzzjoni tal-pensjoni, il-pagi u t-taxxi fuq l-impjiegi, u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur;

(c)“assi tanġibbli eliġibbli” tfisser:

(i)proprjetà, impjanti u tagħmir li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni;

(ii)ir-riżorsi naturali li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni;

(iii)dritt ta’ użu mil-lokatarju ta’ assi tanġibbli li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni; u

(iv)liċenzja jew arranġament simili minn gvern għall-użu ta’ proprjetà immobbli jew għall-isfruttament ta’ riżorsi naturali li jinvolvi investiment sinifikanti f’assi tanġibbli.

2.Sakemm entità dikjaranti ta’ grupp MNE ma teleġġix li tapplika l-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza, l-introjtu kwalifikanti nett għal ġuriżdizzjoni għandu jitnaqqas, għall-fini tal-kalkolu tat-taxxa kumplimentari, b’ammont ugwali għas-somma tal-esklużjoni marbuta mal-pagi u tal-esklużjoni marbuta mal-assi tanġibbli għal kull entità kostitwenti li tinsab fil-ġuriżdizzjoni.

3.L-esklużjoni marbuta mal-pagi ta’ entità kostitwenti li tinsab f’ġuriżdizzjoni għandha tkun ugwali għal 5 % tal-kostijiet tal-pagi eliġibbli tagħha tal-impjegati eliġibbli li jwettqu attivitajiet għall-grupp MNE f’tali ġuriżdizzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kostijiet tal-pagi eliġibbli li jkunu:

(a)kapitalizzati u inklużi fil-bażi tal-konċessjoni tal-assi tanġibbli eliġibbli; u

(b)attribwibbli għal introjtu li jkun eskluż f’konformità mal-Artikolu 16.

L-impjegati eliġibbli għandhom jitqiesu li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni fejn iwettqu attivitajiet għall-grupp MNE.

4.L-esklużjoni marbuta mal-assi tanġibbli ta’ entità kostitwenti li tinsab f’ġuriżdizzjoni għandha tkun ugwali għal 5 % tal-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli eliġibbli li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni, bl-eċċezzjoni ta’:

(a)il-valur kontabilistiku tal-proprjetà, inklużi l-art u l-bini, li tinżamm għall-bejgħ, għal-lokazzjoni jew għall-investiment;

(b)il-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli użati sabiex jiġi dderivat l-introjtu li huwa eskluż f’konformità mal-Artikolu 16.

5.Għall-finijiet tal-paragrafu 4, il-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli eliġibbli għandu jkun il-medja tal-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli eliġibbli fil-bidu u fit-tmiem tas-sena fiskali, kif akkumulat fir-rapporti finanzjarji tal-entità omm apikali, imnaqqas bi kwalunkwe deprezzament akkumulat, amortizzament u tnaqqis u żieda bi kwalunkwe ammont attribwibbli għall-kapitalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-pagi.

6.Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 4, il-kostijiet tal-pagi u eliġibbli l-assi tanġibbli eliġibbli ta’ entità kostitwenti li tkun stabbiliment permanenti għandhom ikunu dawk li jkunu inklużi fil-kontijiet finanzjarji separati tagħha f’konformità mal-Artikolu 17(1) u 17(2) dment li jkunu jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni bħall-istabbiliment permanenti.

Il-kostijiet tal-pagi eliġibbli u l-assi tanġibbli eliġibbli ta’ stabbiliment permanenti ma għandhomx jitqiesu mill-entità ewlenija.

Meta l-introjtu ta’ stabbiliment permanenti jkun ġie eskluż skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 36(5), il-kostijiet tal-pagi eliġibbli u l-assi tanġibbli eliġibbli ta’ tali stabbiliment permanenti għandhom jiġu esklużi bl-istess proporzjon mill-komputazzjoni skont dan l-Artikolu għall-grupp MNE.

7.Il-kostijiet tal-pagi eliġibbli tal-impjegati eliġibbli mħallsin minn entità passarella, u l-assi tanġibbli eliġibbli li huma proprjetà ta’ din, li ma jiġux allokati skont il-paragrafu 6 għandhom jiġu allokati lil:

(a)is-sidien kostitwenti tal-entità passarella, fi proporzjon mal-ammont allokat lilhom skont l-Artikolu 18(4), dment li l-impjegati eliġibbli u l-assi tanġibbli eliġibbli jkunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tas-sidien tal-entità kostitwenti; u

(b)l-entità passarella, jekk tkun l-entità omm apikali, imnaqqsa b’mod proporzjonat mal-introjtu eskluż mill-komputazzjoni tal-introjtu kwalifikanti tal-entità passarella skont l-Artikolu 36(1) u 36(2), dment li l-impjegati eliġibbli u l-assi tanġibbli eliġibbli jkunu jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tal-entità passarella.

Il-kostijiet tal-pagi eliġibbli l-oħrajn kollha u l-assi tanġibbli eliġibbli tal-entità passarella għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjonijiet tal-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza tal-Grupp MNE.

8.L-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza tal-entitajiet kostitwenti mingħajr stat li jinsabu f’ġuriżdizzjoni għandha tiġi kkomputata, għal kull sena fiskali, separatament mill-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza tal-entitajiet kostitwenti l-oħra kollha li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni.

9.L-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza kkalkolata skont dan l-Artikolu ma għandhiex tinkludi l-esklużjoni marbuta mal-pagi u l-esklużjoni marbuta mal-assi tanġibbli tal-entitajiet ta’ investiment.

Artikolu 28
Taxxa kumplimentari addizzjonali

1.Meta, skont l-Artikoli 15(7), 21(7), 24(1), 24(4) u 38(5), aġġustament għat-taxxi koperti jew l-introjtu jew telf kwalifikanti jirriżulta fil-kalkolu mill-ġdid tar-rata tat-taxxa effettiva u tat-taxxa kumplimentari tal-grupp MNE għal sena fiskali preċedenti, ir-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari għandhom jerġgħu jiġu kkomputati f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 25 sa 27. Kwalunkwe ammont ta’ taxxa kumplimentari inkrimentali li jirriżulta minn tali kalkolu mill-ġdid għandu jiġi ttrattat bħala taxxa kumplimentari addizzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 25(3) għas-sena fiskali li matulha jsir il-kalkolu mill-ġdid.

2.Meta l-kalkolu mill-ġdid li jsir skont il-paragrafu 1 jirriżulta f’taxxa kumplimentari addizzjonali, u jkun hemm telf nett kwalifikanti għall-ġuriżdizzjoni, l-introjtu kwalifikanti ta’ kull entità kostitwenti li tinsab fil-ġuriżdizzjoni għandu jkun ammont ugwali għat-taxxa kumplimentari allokat lil tali entitajiet kostitwenti skont l-Artikoli 26(5) u 26(6) diviż bir-rata minima tat-taxxa.

3.Meta, skont l-Artikolu 20(5), tkun dovuta taxxa kumplimentari addizzjonali, l-introjtu kwalifikanti ta’ kull entità kostitwenti li tinsab fil-ġuriżdizzjoni għandu jkun ammont ugwali għat-taxxa kumplimentari allokata lil tali entità kostitwenti diviża bir-rata minima tat-taxxa. L-allokazzjoni għandha ssir pro rata, għal kull entità kostitwenti, fuq il-bażi tal-formula li ġejja:

It-taxxa kumplimentari addizzjonali għandha tiġi allokata biss lill-entitajiet kostitwenti li jirreġistraw ammont ta’ taxxa koperta aġġustata li jkun anqas minn żero u anqas mill-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ tali entitajiet kostitwenti mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa.

4.Meta entità kostitwenti tiġi allokata taxxa kumplimentari addizzjonali f’konformità ma’ dan l-Artikolu, għandha tiġi ttrattata bħala entità kostitwenti b’taxxa baxxa għall-fini tal-Kapitolu II.

Artikolu 29
Esklużjoni de minimis

1.B’deroga mill-Artikoli 25 sa 28, skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, it-taxxa kumplimentari dovuta għall-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’ġuriżdizzjoni għandha tkun żero għal sena fiskali jekk, għal tali sena fiskali:

(a)id-dħul kwalifikanti medju tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni jkun anqas minn EUR 10 000 000; u

(b)l-introjtu jew telf kwalifikanti medju ta’ dik il-ġuriżdizzjoni jkun telf jew ikun anqas minn EUR 1 000 000.

L-elezzjoni għandha ssir annwalment f’konformità mal-Artikolu 43(2).

2.Id-dħul kwalifikanti medju jew l-introjtu jew telf kwalifikanti medju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun il-medja tad-dħul kwalifikanti jew tal-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni għas-sena fiskali u għas-sentejn finanzjarji preċedenti.

Jekk ma jkun hemm l-ebda entità kostitwenti bi dħul kwalifikanti jew b’telf kwalifikanti li tinsab fil-ġuriżdizzjoni fl-ewwel jew fit-tieni sena fiskali preċedenti, tali snin finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tad-dħul kwalifikanti medju jew tal-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ dik il-ġuriżdizzjoni.

3.Id-dħul kwalifikanti tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’ġuriżdizzjoni għal sena fiskali għandu jkun is-somma tad-dħul tal-entitajiet kostitwenti li jinsabu f’dik il-ġuriżdizzjoni, imnaqqas jew miżjud bi kwalunkwe aġġustament imwettaq f’konformità mal-Kapitolu III.

4.L-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ ġuriżdizzjoni li tinsab f’ġuriżdizzjoni għal sena fiskali għandu jkun l-introjtu jew telf kwalifikanti nett ta’ dik il-ġuriżdizzjoni kif ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 25(2).

5.L-esklużjoni de minimis ma għandhiex tkun applikabbli għal entitajiet mingħajr stat u għal entitajiet ta’ investiment. Id-dħul u l-introjtu kwalifikanti ta’ tali entitajiet għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjoni tal-esklużjoni de minimis.

Artikolu 30
Entitajiet kostitwenti posseduti b’minoranza

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“entità kostitwenti posseduta b’minoranza” tfisser entità kostitwenti li fiha l-entità omm apikali jkollha interess proprjetarju dirett jew indirett ta’ 30 % jew anqas;

(b)“entità omm b’sjieda minoritarja” tfisser entità kostitwenti b’sjieda minoritarja li jkollha, direttament jew indirettament, l-interessi kontrollanti ta’ entità kostitwenti oħra b’sjieda minoritarja, ħlief meta l-interessi kontrollanti tal-entità preċedenti jkunu miżmumin, direttament jew indirettament, minn entità kostitwenti oħra b’sjieda minoritarja;

(c)“sottogrupp b’sjieda minoritarja” tfisser entità omm b’sjieda minoritarja u s-sussidjarji b’sjieda minoritarja tagħha; u

(d)“sussidjarja b’sjieda minoritarja” tfisser entità kostitwenti b’sjieda minoritarja li l-interessi kontrollanti tagħha jkunu miżmumin, direttament jew indirettament, minn entità omm b’sjieda minoritarja.

2.Il-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva u tat-taxxa kumplimentari għal ġuriżdizzjoni f’konformità mal-Kapitoli III sa VII fir-rigward ta’ sottogrupp b’sjieda minoritarja għandha tapplika daqslikieku kull sottogrupp b’sjieda minoritarja kien grupp MNE separat.

It-taxxi koperti aġġustati u l-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ membri ta’ sottogrupp b’sjieda minoritarja għandhom jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-ammont residwu tar-rata tat-taxxa effettiva tal-grupp MNE kkomputat f’konformità mal-Artikolu 25(1) u mill-introjtu nett kwalifikanti kkomputat f’konformità mal-Artikolu 25(2).

3.Ir-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari ta’ entità kostitwenti b’sjieda minoritarja li ma hijiex membru ta’ sottogrupp b’sjieda minoritarja għandhom jiġu kkomputati fuq bażi ta’ entità f’konformità mal-Kapitoli III sa VII.

It-taxxi koperti aġġustati u l-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità kostitwenti b’sjieda minoritarja għandhom jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-ammont residwu tar-rata tat-taxxa effettiva tal-grupp MNE kkomputat f’konformità mal-Artikolu 25(1) u mill-introjtu nett kwalifikanti kkomputat f’konformità mal-Artikolu 25(2).

Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal entità kostitwenti b’sjieda minoritarja li tkun entità ta’ investiment.

KAPITOLU VI
REGOLI SPEĊJALI GĦAL STRUTTURI KORPORATTIVI TA’ RISTRUTTURAR U TA’ PARTEĊIPAZZJONI

Artikolu 31
Applikazzjoni tas-soll tad-dħul konsolidat għal fużjonijiet u defużjonijiet ta’ gruppi

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“fużjoni” tfisser kwalunkwe arranġament li fih:

(i)l-entitajiet kollha jew sostanzjalment kollha ta’ żewġ gruppi separati jiddaħħlu taħt kontroll komuni b’mod li jikkostitwixxu entitajiet ta’ grupp ikkombinat; jew

(ii)entità li ma tkunx membru ta’ grupp tinġieb taħt kontroll komuni ma’ entità jew ma’ grupp ieħor b’mod li flimkien jikkostitwixxu entitajiet ta’ grupp kombinat;

(b)“defużjoni” tfisser kwalunkwe arranġament li bih l-entitajiet ta’ grupp wieħed jiġu sseparati f’żewġ gruppi differenti jew aktar li ma jkunux għadhom konsolidati mill-istess entità omm apikali.

2.Meta żewġ gruppi jew aktar jidħlu f’fużjoni sabiex jifformaw grupp wieħed fi kwalunkwe waħda mill-aħħar erba’ snin finanzjarji konsekuttivi, is-soll tad-dħul konsolidat tal-grupp MNE kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) għandu jitqies li ġie ssodisfat għal dik is-sena jekk is-somma tad-dħul inkluża f’kull wieħed mir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom għal dik is-sena fiskali tkun ta’ EUR 750 000 000 jew aktar.

3.Meta entità li ma tkunx membru ta’ grupp (il-“bersal”) tiffużjona ma’ entità jew ma’ grupp (l-“akkwirent”) fis-sena fiskali, u la l-bersal u lanqas l-akkwirent ma jkollhom rapporti finanzjarji konsolidati fi kwalunkwe waħda mill-aħħar erba’ snin finanzjarji konsekuttivi, is-soll tad-dħul konsolidat tal-grupp MNE għandu jitqies li ġie ssodisfat għal dik is-sena jekk is-somma tad-dħul inkluża f’kull wieħed mir-rapporti finanzjarji jew mir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom għal dik is-sena tkun ta’ EUR 750 000 000 jew aktar.

4.Meta grupp MNE uniku jiddefużjona u jinqasam f’żewġ gruppi jew aktar (kull wieħed “grupp defużjonat”), is-soll tad-dħul konsolidat għandu jitqies li ġie ssodisfat minn kull grupp defużjonat, jekk jirrapporta:

(a)dħul annwali ta’ EUR 750 000 000 jew aktar fl-ewwel sena fiskali wara d-defużjoni; u

(b)dħul annwali ta’ EUR 750 000 000 jew aktar f’tal-anqas sentejn mit-tieni sar-raba’ snin finanzjarji konsekuttivi wara d-defużjoni.

Artikolu 32
Entitajiet kostitwenti li jingħaqdu u jitilqu minn grupp MNE

1.Meta entità (il-“bersal”) issir jew ma tibqax entità kostitwenti ta’ grupp MNE bħala riżultat ta’ trasferiment ta’ interessi proprjetarji diretti jew indiretti fil-bersal matul sena fiskali (is-“sena tal-akkwiżizzjoni”), l-entità bersal għandha tiġi ttrattata bħala membru tal-grupp MNE għall-fini ta’ din id-Direttiva dment li porzjon tal-assi, tal-obbligazzjonijiet, tal-introjtu, tal-ispejjeż u tal-flussi tal-flus tagħha jkun inkluż fuq bażi ta’ linja linja fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali fis-sena tal-akkwiżizzjoni.

Ir-rata tat-taxxa effettiva u t-taxxa kumplimentari tal-entità bersal għandhom jiġu kkomputati f’konformità mal-paragrafi 2 sa 8.

2.Fis-sena tal-akkwiżizzjoni, l-introjtu jew it-telf nett tal-kontabilità finanzjarja u t-taxxi koperti aġġustati tal-bersal għandhom jiġu inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali.

3.Fis-sena tal-akkwiżizzjoni, u f’kull sena fiskali sussegwenti, l-introjtu jew telf kwalifikanti u t-taxxi koperti aġġustati tal-bersal għandhom ikunu bbażati fuq il-valur kontabilistiku storiku tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tagħha.

4.Fis-sena tal-akkwiżizzjoni, il-komputazzjoni tal-kostijiet eliġibbli tal-pagi tal-bersal skont l-Artikolu 27(3) għandha tqis il-kostijiet li jkunu riflessi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali.

5.Il-komputazzjoni tal-valur kontabilistiku tal-assi tanġibbli eliġibbli tal-bersal skont l-Artikolu 27(4) għandha tiġi aġġustata, fejn applikabbli, fi proporzjon mal-perjodu ta’ żmien li fih il-bersal kien membru tal-grupp MNE matul is-sena tal-akkwiżizzjoni.

6.Bl-eċċezzjoni tal-assi ta’ taxxa differita tat-telf kwalifikanti, tal-assi ta’ taxxa differita u tal-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita ta’ bersal li jiġu ttrasferiti bejn il-gruppi MNE għandhom jitqiesu mill-grupp MNE akkwirenti bl-istess mod u sal-istess punt bħallikieku l-grupp MNE akkwirenti kien qed jikkontrolla l-entità kostitwenti meta rriżultaw dawn l-assi u l-obbligazzjonijiet;

7.L-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita tal-bersal li qabel kienu inklużi fl-ammont totali tal-aġġustament tat-taxxa differitagħandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 21(7) kif imnaqqas mill-grupp MNE tad-disponiment u kif miżjud mill-grupp MNE akkwirenti fis-sena tal-akkwiżizzjoni, ħlief li kwalunkwe tnaqqis sussegwenti tat-taxxi koperti għandu jkollu effett fis-sena li fiha l-ammont jiġi rikopert.

8.Meta l-bersal ikun entità omm f’żewġ gruppi MNE jew aktar matul is-sena tal-akkwiżizzjoni, hija għandha tapplika separatament ir-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu għall-ishma allokabbli tagħha tat-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa ddeterminati għal kull grupp MNE.

9.L-akkwiżizzjoni jew id-disponiment ta’ interess kontrollanti f’bersal għandhom jiġu ttrattati bħala akkwiżizzjoni jew disponiment ta’ assi u obbligazzjonijiet dment li l-ġuriżdizzjoni li fiha jinsab il-bersal, jew fil-każ ta’ entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa, il-ġuriżdizzjoni li fiha jinsabu l-assi, tittratta l-akkwiżizzjoni jew id-disponiment ta’ dak l-interess kontrollanti bl-istess mod, jew b’mod simili, bħala akkwiżizzjoni jew disponiment ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet, u timponi taxxa koperta fuq il-bejjiegħ fuq il-bażi tad-differenza bejn il-bażi tat-taxxa u l-korrispettiv imħallas bi skambju għall-interess kontrollanti jew il-valur ġust tal-assi u tal-obbligazzjonijiet.

Artikolu 33
Trasferiment ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “riorganizzazzjoni” tfisser trasformazzjoni jew trasferiment ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet bi skambju għall-ħruġ ta’ ishma jew, jekk applikabbli, metodu ieħor ta’ ħlas li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali ta’ dawk l-ishma, mill-entità kostitwenti akkwirenti jew minn persuna relatata mal-entità kostitwenti akkwirenti, meta l-gwadann jew it-telf li jirriżulta mit-trasferiment ma jkunx intaxxat, kompletament jew parzjalment, u meta l-entità kostitwenti akkwirenti tkun meħtieġa tuża l-valur storiku tal-assi ttrasferiti, aġġustat bi kwalunkwe gwadann jew telf taxxabbli mit-trasferiment sabiex tikkomputa l-introjtu taxxabbli wara t-trasferiment skont ir-regoli lokali.

2.Entità kostitwenti li tiddisponi minn assi u minn obbligazzjonijiet (l-“entità trasferenti”) għandha tinkludi l-gwadann jew it-telf li jirriżulta minn tali disponiment fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha.

Entità kostitwenti li takkwista assi u obbligazzjonijiet (l-“entità akkwirenti”) għandha tiddetermina l-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku tagħha tal-assi u tal-obbligazzjonijiet akkwiżiti ddeterminati skont l-istandard tal-kontabilità finanzjarja aċċettabbli tal-entità omm apikali.

3.B’deroga mill-paragrafu 2, meta jsir disponiment jew akkwiżizzjoni ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni:

(a)l-entità trasferenti għandha teskludi kwalunkwe gwadann jew telf li jirriżulta minn tali disponiment mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha; u

(b)l-entità akkwirenti għandha tiddetermina l-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku tal-assi u tal-obbligazzjonijiet akkwiżiti mat-trasferiment.

4.B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, meta t-trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet jitwettaq fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni li tirriżulta, għall-entità trasferenti, fi gwadann jew f’telf taxxabbli:

(a)l-entità trasferenti għandha tinkludi l-gwadann jew it-telf li jirriżulta minn tali disponiment fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha sal-porzjon tal-gwadann li jkun soġġett għat-taxxa jew sal-porzjon tat-telf li jnaqqas il-bażi taxxabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-entità trasferenti; u

(b)l-entità akkwirenti għandha tiddetermina l-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha fuq il-bażi tal-valur kontabilistiku tal-assi u tal-obbligazzjonijiet akkwiżiti mat-trasferiment imnaqqas bil-porzjon tal-gwadann li huwa soġġett għat-taxxa jew miżjud bil-porzjon tat-telf li jnaqqas il-bażi taxxabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-entità trasferenti.

5.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, meta entità kostitwenti li tkun meħtieġa jew permessa taġġusta l-bażi tal-assi tagħha u l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha għal valur ġust għal fini tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab, tali entità kostitwenti tista’:

(a)tinkludi, fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha, ammont ta’ gwadann jew ta’ telf fir-rigward ta’ kull assi u obbligazzjonijiet tagħha, li għandha tkun ugwali għad-differenza bejn il-valur riportat għall-finijiet ta’ kontabilità finanzjarja tal-assi jew tal-obbligazzjoni immedjatament qabel id-data tal-event li skatta għall-aġġustament tat-taxxa (l-“event skattatur”) u l-valur ġust tal-assi jew tal-obbligazzjoni immedjatament wara l-event skattatur;

(b)tuża l-valur ġust għall-finijiet tal-kontabilità finanzjarja tal-assi jew tal-obbligazzjoni immedjatament wara l-event skattatur sabiex tikkalkola l-introjtu jew telf kwalifikanti fis-snin finanzjarji wara l-event skattatur;

(c)tinkludi t-total nett tal-ammonti ddeterminati skont (a) fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti billi tinkludi l-ammonti totali netti fis-sena fiskali tal-event skattatur jew inkella billi tinkludi għoxrin fil-mija tat-total nett ta’ dawn l-ammonti fis-sena fiskali mill-event skattatur u fl-erba’ snin finanzjarji segwenti.

L-ammont iddeterminat skont il-punt (a) għandu jiġi aġġustat bi kwalunkwe gwadann jew telf taxxabbli mit-trasferiment għall-kalkolu tal-introjtu taxxabbli wara t-trasferiment skont ir-regoli lokali, jekk ikun hemm, li jirriżulta b’rabta mal-event skattatur.

Jekk l-entità kostitwenti tħalli l-grupp MNE f’sena fiskali qabel ma l-ammont sħiħ iddeterminat skont il-punt (a) ikun ġie inkluż fil-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti tagħha, l-ammont li jifdal għandu jiġi inkluż f’dik is-sena fiskali.

Artikolu 34
Impriżi konġunti

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“impriża konġunta” tfisser entità li ma hijiex entità omm apikali ta’ Grupp MNE li r-riżultati finanzjarji tagħha jkunu rrapportati skont il-metodu tal-ekwità fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità omm apikali dment li l-entità omm apikali tkun is-sid, b’mod dirett jew indirett, ta’ mill-inqas 50 % tal-interess proprjetarju tagħha;

(b)“affiljat ta’ impriża konġunta” tfisser:

(i)entità li l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tagħha jkunu kkonsolidati fir-rapporti finanzjarji ta’ impriża konġunta skont standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja jew li kienet tiġi kkonsolidata li kieku l-impriża konġunta kienet meħtieġa tikkonsolida dawn l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus skont standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja; jew

(ii)stabbiliment permanenti li l-entità ewlenija tiegħu tkun impriża konġunta jew entità msemmija fil-punt (a).

2.Entità omm li jkollha interess proprjetarju dirett jew indirett f’impriża konġunta jew f’affiljat ta’ impriża konġunta (flimkien imsejħa grupp ta’ impriża konġunta) għandha tapplika r-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu fir-rigward tas-sehem allokabbli tagħha tat-taxxa kumplimentari ta’ kull membru tal-grupp tal-impriża konġunta f’konformità mal-Artikoli 5 sa 9.

3.Il-komputazzjoni tat-taxxa kumplimentari tal-impriża konġunta u tal-affiljati tal-impriża konġunta tagħha, għandha ssir f’konformità mal-Kapitoli III sa VII, daqslikieku kienu entitajiet kostitwenti ta’ grupp MNE separat u l-impriża konġunta kienet l-entità omm apikali ta’ dak il-grupp.

4.It-taxxa kumplimentari dovuta mill-grupp ta’ impriżi konġunti għandha titnaqqas mis-sehem allokabbli ta’ kull entità omm tat-taxxa kumplimentari ta’ kull membru tal-grupp tal-impriża konġunta li jiġi involut skont il-paragrafi 2 u 3. Kwalunkwe ammont li jifdal ta’ taxxa kumplimentari għandu jiżdied mal-ammont totali tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR skont l-Artikolu 13.

Artikolu 35
Gruppi MNE b’aktar minn omm waħda

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“grupp MNE b’aktar minn omm waħda” tfisser żewġ gruppi jew aktar li fihom l-entitajiet omm apikali ta’ dawk il-gruppi jidħlu f’arranġament li jkun struttura stapled jew arranġament b’elenkar doppju li jinkludi tal-anqas entità waħda jew stabbiliment permanenti wieħed li jkun jinsab f’ġuriżdizzjoni differenti;

(b)“struttura stapled” tfisser arranġament li fih:

(i)50 % jew aktar tal-interessi proprjetarji fl-entitajiet omm apikali ta’ gruppi separati li, jekk jiġu elenkati, jiġu kkwotati bi prezz wieħed, u jkunu, minħabba l-forma ta’ sjieda, restrizzjonijiet fuq it-trasferiment, jew termini jew kundizzjonijiet oħrajn, kombinati ma’ xulxin, u ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew innegozjati b’mod indipendenti; u

(ii)waħda mill-entitajiet omm apikali tħejji rapporti finanzjarji konsolidati li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tal-entitajiet fil-gruppi kollha kkonċernati jiġu ppreżentati flimkien bħala dawk ta’ unità ekonomika waħda; u

(c)“arranġament b’elenkar doppju ” tfisser arranġament konkluż bejn żewġ entitajiet omm apikali jew aktar ta’ gruppi separati li skontu:

(i)l-entitajiet omm apikali jaqblu li jikkombinaw in-negozju tagħhom b’kuntratt biss;

(ii)l-attivitajiet tal-entitajiet omm apikali huma ġestiti bħala unità ekonomika waħda skont arranġamenti kuntrattwali filwaqt li jinżammu l-entitajiet ġuridiċi separati ta’ kull entità omm apikali;

(iii)l-interessi proprjetarji tal-entitajiet omm apikali li jinkludu l-ftehim jiġu kkwotati, innegozjati jew ittrasferiti b’mod indipendenti fi swieq kapitali differenti; u

(iv)l-entitajiet omm apikali huma meħtieġa jħejju rapporti finanzjarji konsolidati li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tal-entitajiet fil-gruppi kollha jiġu ppreżentati flimkien bħala dawk ta’ unità ekonomika waħda.

2.Meta l-entitajiet kostitwenti jkunu jifformaw parti minn grupp MNE b’aktar minn omm waħda, l-entitajiet u l-entitajiet kostitwenti ta’ kull grupp għandhom jiġu ttrattati bħala membri ta’ grupp MNE b’aktar minn omm waħda.

Entità, minbarra entità eskluża, għandha tiġi ttrattata bħala entità kostitwenti jekk tkun konsolidata fuq bażi linja b’linja mill-grupp MNE b’aktar minn omm waħda jew jekk l-interessi kontrollanti tagħha jkunu miżmumin minn entitajiet fil-grupp MNE b’aktar minn omm waħda.

3.Ir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda għandhom ikunu r-rapporti finanzjarji konsolidati kombinati msemmijin fid-definizzjonijiet ta’ struttura stapled jew ta’ arranġament b’elenkar doppju fil-paragrafu 1, imħejjin skont standard aċċettabbli tal-kontabilità finanzjarja, li jitqies bħala l-istandard kontabilistiku tal-entità omm apikali.

4.L-entitajiet omm apikali tal-gruppi separati li jikkomponu l-grupp MNE b’aktar minn omm waħda għandhom ikunu l-entitajiet omm apikali tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda.

Meta tiġi applikata din id-Direttiva fir-rigward ta’ grupp MNE b’aktar minn omm waħda, għandha tapplika kwalunkwe referenza għal entità omm apikali, kif meħtieġ, daqslikieku dawn ikunu referenzi għal entitajiet omm multipli.

5.L-entitajiet omm tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda li jinsabu fi Stat Membru, inkluża kull entità omm apikali, għandhom japplikaw ir-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu f’konformità mal-Artikoli 5 sa 9 fir-rigward tas-sehem allokabbli tagħhom tat-taxxa kumplimentari tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa.

6.L-entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda li jinsabu fi Stat Membru għandhom japplikaw il-UTPR f’konformità mal-Artikoli 11, 12 u 13, filwaqt li jqisu t-taxxa kumplimentari kull entità kostitwenti b’taxxa baxxa li tkun membru tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda.

7.L-entitajiet omm apikali tal-grupp MNE b’aktar minn omm waħda għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari f’konformità mal-Artikolu 42(2) sakemm ma jaħtrux entità dikjaranti deżinjata unika. Dik id-dikjarazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull wieħed mill-gruppi li jsawwar il-grupp MNE b’aktar minn omm waħda.

KAPITOLU VII
NEWTRALITÀ TAT-TAXXA U REĠIMI TA’ DISTRIBUZZJONI

Artikolu 36
Entità omm apikali li hija entità passarella

1.L-introjtu kwalifikanti ta’ entità passarella li hija entità omm apikali għandu jitnaqqas, għas-sena fiskali, bl-ammont ta’ introjtu kwalifikanti li jiġi allokat lid-detentur ta’ interess proprjetarju (id-“detentur tas-sjieda”) fl-entità passarella, dment li:

(a)l-introjtu jkun soġġett għat-taxxa fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem ta’ din is-sena fiskali b’rata nominali li tkun daqs jew akbar mir-rata minima tat-taxxa; jew

(b)jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-ammont totali ta’ taxxi koperti u ta’ taxxi mħallsin mid-detentur tas-sjieda fuq l-introjtu jkun daqs jew jaqbeż ammont ugwali għal dak l-introjtu mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa.

2.L-introjtu kwalifikanti ta’ entità passarella li hija entità omm apikali għandu jitnaqqas, għas-sena fiskali, bl-ammont ta’ introjtu kwalifikanti li jiġi allokat lid-detentur ta’ interess proprjetarju fl-entità passarella dment li d-detentur tas-sjieda jkun:

(a)persuna fiżika li tkun resident tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas tal-profitti u tal-assi tal-entità omm apikali; jew

(b)entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni minbarra entità tas-servizzi tal-pensjonijiet li hija resident tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas tal-profitti u tal-assi tal-entità omm apikali.

3.It-telf kwalifikanti ta’ entità passarella li tkun entità omm apikali għandu jitnaqqas, għas-sena fiskali, bl-ammont ta’ telf kwalifikanti li jiġi allokat lid-detentur tas-sjieda ta’ interess fl-entità passarella.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta d-detentur tas-sjieda ma jkunx permess juża tali telf għall-komputazzjoni tal-introjtu taxxabbli tiegħu fil-ġuriżdizzjoni fejn ikun resident tat-taxxa.

4.It-taxxi koperti ta’ entità passarella li tkun entità omm apikali għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonali għall-ammont ta’ introjtu kwalifikanti mnaqqas f’konformità mal-paragrafu 1. 

5.Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom japplikaw għal stabbiliment permanenti li permezz tiegħu entità passarella li tkun entità omm apikali twettaq kompletament jew parzjalment in-negozju tagħha jew li permezz tiegħu jitwettaq kompletament jew parzjalment in-negozju ta’ entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa dment li l-interess proprjetarju tal-entità omm apikali f’dik l-entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa jinżamm direttament jew permezz ta’ entità waħda jew aktar trasparenti fir-rigward tat-taxxa.

Artikolu 37
Entità omm apikali soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“reġim ta’ dividendi eżerċitabbli” tfisser reġim tat-taxxa li japplika livell uniku ta’ tassazzjoni fuq l-introjtu tas-sidien jew tal-benefiċjarji ta’ entità billi jitnaqqsu jew jiġu esklużi mill-introjtu tal-entità l-profitti distribwiti lis-sidien jew lill-benefiċjarji jew billi tiġi eżentata kooperattiva mit-tassazzjoni;

(b)“dividend deduċibbli” tfisser, fir-rigward ta’ entità kostitwenti li tkun soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli:

(i)distribuzzjoni tal-profitti lid-detentur ta’ interess proprjetarju fl-entità kostitwenti li tkun deduċibbli mill-introjtu taxxabbli tal-entità kostitwenti skont il-liġijiet tal-ġuriżdizzjoni fejn tkun tinsab; jew

(ii)dividend ta’ patroċinju lil membru ta’ kooperattiva; u

(c)“kooperattiva” tfisser entità li b’mod kollettiv tikkummerċjalizza jew takkwista oġġetti jew servizzi f’isem il-membri tagħha u li tkun soġġetta għal reġim tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab li jiżgura n-newtralità fiskali fir-rigward ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jinbiegħu jew jiġu akkwistati mill-membri permezz tal-kooperattiva.

2.Entità omm apikali ta’ grupp MNE li tkun soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli għandha tnaqqas, sa żero, għas-sena fiskali, l-introjtu kwalifikanti tagħha bl-ammont li hija tiddistribwixxi bħala dividend deduċibbli fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena fiskali, dment li:

(a)id-dividend ikun soġġett għat-taxxa f’idejn ir-riċevitur għal perjodu taxxabbli li jintemm fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena fiskali b’rata nominali li tkun daqs jew akbar mir-rata minima tat-taxxa; jew

(b)jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-ammont totali ta’ taxxi koperti u ta’ taxxi mħallsin mir-riċevitur fuq tali dividend ikun daqs jew jaqbeż l-ammont ugwali għal dak l-introjtu mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa.

3.Entità omm apikali ta’ grupp MNE li tkun soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli għandha tnaqqas ukoll, sa żero, għas-sena fiskali, l-introjtu kwalifikanti tagħha bl-ammont li hija tiddistribwixxi bħala dividend deduċibbli fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena fiskali, dment li r-riċevitur ikun:

(a)persuna fiżika, u d-dividend riċevut ikun dividend ta’ patroċinju minn kooperattiva tal-provvista;

(b)persuna fiżika li tkun resident tat-taxxa fl-istess ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u li jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas mill-profitti u mill-assi tal-entità omm apikali; jew

(c)entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni minbarra entità tas-servizzi tal-pensjonijiet li hija resident tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u li jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas tal-profitti u tal-assi tal-entità omm apikali.

4.It-taxxi koperti ta’ entità omm apikali, minbarra t-taxxi li għalihom kien permess it-tnaqqis tad-dividendi, għandhom jitnaqqsu proporzjonalment għall-ammont ta’ introjtu kwalifikanti mnaqqas f’konformità mal-paragrafu 2.

5.Meta l-entità omm apikali jkollha interess proprjetarju f’entità kostitwenti oħra li tkun soġġetta għal reġim ta’ dividendi deduċibbli, direttament jew permezz ta’ entità kostitwenti waħda jew aktar, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw għal kwalunkwe entità kostitwenti oħra li tinsab fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali li tkun soġġetta għar-reġim tad-dividendi deduċibbli, sa fejn l-introjtu kwalifikanti tagħha jkompli jiġi ddistribwit mill-entità omm apikali lir-riċevituri li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2.

6.Għall-finijiet tal-paragrafu 4, dividend distribwit b’patroċinju ta’ distribuzzjoni ta’ kooperattiva tal-provvista għandu jiġi ttrattat bħala soġġett għat-taxxa f’idejn ir-riċevitur sa fejn tali dividend inaqqas spiża jew kost deduċibbli fil-komputazzjoni tal-introjtu jew tat-telf taxxabbli tar-riċevitur.

Artikolu 38
Sistemi tat-taxxa tad-distribuzzjoni eliġibbli

1.entità kostitwenti dikjaranti tista’ tagħmel elezzjoni fir-rigward ta’ entità kostitwenti li tkun soġġetta għal sistema tat-taxxa fuq id-distribuzzjoni eliġibbli sabiex tinkludi l-ammont iddeterminat bħala taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fit-taxxi koperti aġġustati tal-entità kostitwenti għas-sena fiskali.

L-elezzjoni għandha ssir kull sena f’konformità mal-Artikolu 43(2) u għandha tapplika għall-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu f’ġuriżdizzjoni.

2.L-ammont ta’ taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għandu jkun l-anqas wieħed fost:

(a)l-ammont ta’ taxxi koperti aġġustati neċessarji sabiex tiżdied ir-rata tat-taxxa effettiva kif ikkomputata f’konformità mal-Artikolu 26(2) għall-ġuriżdizzjoni għas-sena fiskali għar-rata minima tat-taxxa; jew

(b)l-ammont ta’ taxxa li kien jitħallas li kieku l-entitajiet kostitwenti kienu ddistribwew l-introjtu totali tagħhom skont is-sistema tat-taxxa tad-distribuzzjoni eliġibbli matul is-sena fiskali.

3.Meta ssir elezzjoni skont il-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit kont ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għal kull sena fiskali li fiha tapplika tali elezzjoni. L-ammont ta’ taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta mħallsa fil-ġuriżdizzjoni għandu jiżdied mal-kont ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għas-sena fiskali li fiha jkun ġie stabbilit.

Fi tmiem kull sena fiskali sussegwenti, l-ammont fil-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta stabbiliti għas-snin finanzjarji preċedenti għandu jitnaqqas, sa żero, mit-taxxi mħallsin mill-entitajiet kostitwenti matul is-sena fiskali fir-rigward ta’ distribuzzjonijiet reali jew preżunti.

Kwalunkwe ammont residwu fil-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta li jifdal wara l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas, sa żero, b’ammont ugwali għat-telf nett kwalifikanti għal ġuriżdizzjoni mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa.

4.Kwalunkwe ammont residwu ta’ telf nett kwalifikanti li jifdal wara l-applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jiġi riportat għas-snin finanzjarji segwenti u jitnaqqas kwalunkwe ammont residwu fil-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta li jifdal wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 3.

5.Il-bilanċ pendenti, jekk ikun hemm, tal-kont ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta fi tmiem ir-raba’ sena fiskali wara li jkun ġie stabbilit it-tali kont, għandu jiġi ttrattat bħala tnaqqis fit-taxxi koperti aġġustati f’konformità mal-Artikolu 28(1) għas-sena fiskali li fiha jkun ġie stabbilit it-tali kont.

6.It-taxxi li jitħallsu matul is-sena fiskali fir-rigward ta’ distribuzzjonijiet reali jew preżunti ma għandhomx jiġu inklużi f’taxxi koperti aġġustati sa fejn inaqqsu kont ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta f’konformità mal-paragrafu 3.

7.Meta entità kostitwenti li tkun soġġetta għal elezzjoni skont il-paragrafu 1 tħalli l-grupp MNE jew sostanzjalment l-assi kollha tagħha jiġu ttrasferiti lil persuna li ma tkunx entità kostitwenti tal-istess grupp MNE li tinsab fl-istess ġuriżdizzjoni, kwalunkwe bilanċ pendenti tal-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta fis-snin finanzjarji preċedenti li fihom ikun ġie stabbilit it-tali kont għandu jiġi ttrattat bħala tnaqqis fit-taxxi koperti aġġustati għal kull waħda minn dawk is-snin finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 28(1).

Kwalunkwe ammont addizzjonali ta’ taxxa kumplimentari dovut għandu jiġi mmultiplikat bil-proporzjon li ġej sabiex tiġi ddeterminata t-taxxa kumplimentari addizzjonali dovuta għall-ġuriżdizzjoni:

fejn:

(a)l-introjtu kwalifikanti tal-entità kostitwenti għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Kapitolu III għal kull sena fiskali li fiha jkun hemm bilanċ pendenti tal-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għall-ġuriżdizzjoni; u

(b)l-introjtu kwalifikanti nett għall-ġuriżdizzjoni għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 25(2) għal kull sena fiskali li fiha jkun hemm bilanċ pendenti tal-kontijiet ta’ rikopertura għat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta għall-ġuriżdizzjoni.

Artikolu 39
Determinazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva u tat-taxxa kumplimentari ta’ entità ta’ investiment

1.Meta entità kostitwenti ta’ grupp MNE tkun entità ta’ investiment li ma tkunx entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa u li ma tkunx għamlet elezzjoni f’konformità mal-Artikoli 40 u 41, ir-rata tat-taxxa effettiva ta’ tali entità ta’ investiment għandha tiġi kkomputata separatament mir-rata tat-taxxa effettiva tal-ġuriżdizzjoni li fiha tkun tinsab.

2.Ir-rata tat-taxxa effettiva tal-entità ta’ investiment kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ugwali għat-taxxi koperti aġġustati tagħha diviżi b’ammont ugwali għas-sehem allokabbli tal-grupp MNE mill-introjtu jew telf kwalifikanti tal-entità ta’ investiment.

Meta aktar minn entità ta’ investiment waħda tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni, ir-rata tat-taxxa effettiva ta’ dawn għandha tiġi kkalkolata billi jiġu kkombinati t-taxxi koperti aġġustati tagħhom kif ukoll is-sehem allokabbli tal-grupp MNE mill-introjtu jew telf kwalifikanti tagħhom.

3.It-taxxi koperti aġġustati ta’ entità ta’ investiment kif imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu t-taxxi koperti aġġustati li jkunu attribwibbli għas-sehem allokabbli tal-grupp MNE mill-introjtu kwalifikanti tal-entità ta’ investiment u t-taxxi koperti allokati lill-entità ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 23.

4.It-taxxa kumplimentari ta’ entità ta’ investiment kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ammont ugwali għall-perċentwal tat-taxxa kumplimentari tal-entità ta’ investiment immultiplikat bl-ammont ugwali għad-differenza bejn is-sehem allokabbli tal-Grupp MNE fl-introjtu kwalifikanti tal-entità ta’ investiment u l-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza kkalkolata għall-entità ta’ investiment.

Meta aktar minn entità ta’ investiment waħda tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni, it-taxxa kumplimentari tagħha għandha tiġi kkalkolata billi jiġu kkombinati l-ammonti tal-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza tagħhom kif ukoll is-sehem allokabbli tal-grupp MNE mis-sehem allokabbli tagħhom mill-introjtu jew telf kwalifikanti tal-grupp MNE mill-introjtu jew telf kwalifikanti.

Il-perċentwal tat-taxxa kumplimentari ta’ entità ta’ investiment għandu jkun ammont ugwali għad-differenza bejn ir-rata minima tat-taxxa u r-rata tat-taxxa effettiva ta’ tali entità ta’ investiment.

5.L-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza ta’ entità ta’ investiment għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikoli 27(1) sa 27(7). L-assi tanġibbli eliġibbli u l-kostijiet tal-pagi eliġibbli tal-impjegati eliġibbli kkunsidrati għal tali entità għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonat mas-sehem allokat tal-grupp MNE fl-introjtu kwalifikanti tal-entità ta’ investiment diviż bl-introjtu kwalifikanti totali ta’ tali entità ta’ investiment.

6.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, is-sehem allokabbli tal-grupp MNE mill-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità ta’ investiment għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 40
Elezzjoni sabiex entità ta’ investiment tiġi ttrattata bħala entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa

1.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni tfisser entità li tissodisfa d-definizzjonijiet ta’ fond ta’ investiment stabbiliti fil-punt (25) tal-Artikolu 3, jew veikolu ta’ investiment immobiljari stabbilit fil-punt (26) tal-Artikolu 3, li kieku ma kinitx ġiet stabbilita fir-rigward tal-obbligazzjonijiet taħt kuntratt ta’ assigurazzjoni jew ta’ vitalizju u proprjetà sħiħa ta’ entità li tkun soġġetta għal regolamentazzjoni fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab bħala kumpanija tal-assigurazzjoni.

2.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, entità ta’ investiment jew entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni tista’ tiġi ttrattata bħala entità trasparenti fir-rigward tat-taxxa jekk is-sid tal-entità kostitwenti jkun soġġett għat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni li fiha jinsab b’valur tas-suq ġust jew b’reġim simili bbażat fuq il-bidliet annwali fil-valur ġust tal-interessi proprjetarji tiegħu fit-tali entità u r-rata tat-taxxa applikabbli għas-sid tal-entità kostitwenti fuq tali introjtu tkun ugwali għar-rata minima tat-taxxa jew ogħla minnha.

3.Entità kostitwenti li indirettament ikollha interess proprjetarju f’entità ta’ investiment jew f’entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni direttament permezz ta’ entità ta’ investiment oħra jew entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni għandha titqies bħala soġġetta għat-taxxa skont reġim ta’ valur tas-suq ġust jew reġim simili fir-rigward tal-interess proprjetarju indirett tagħha fl-entità msemmija l-ewwel jew fl-entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni jekk tkun soġġetta għal reġim ta’ valur tas-suq ġust jew għal reġim simili fir-rigward tal-interess proprjetarju dirett tagħha fl-entità msemmija t-tieni jew fl-entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni.

4.L-elezzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 43(1).

Jekk l-elezzjoni tiġi revokata, kwalunkwe gwadann jew telf mid-disponiment ta’ assi jew ta’ obbligazzjoni miżmuma mill-entità ta’ investiment jew minn entità ta’ investiment fl-assigurazzjoni għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-valur ġust tas-suq tal-assi jew tal-obbligazzjoni fl-ewwel jum tas-sena li fiha ssir ir-revoka.

Artikolu 41
Elezzjoni għall-applikazzjoni ta’ metodu ta’ distribuzzjoni taxxabbli

1.Skont l-elezzjoni tal-entità kostitwenti dikjaranti, sid ta’ entità kostitwenti ta’ entità ta’ investiment jista’ japplika metodu ta’ distribuzzjoni taxxabbli fir-rigward tal-interess proprjetarju tiegħu fl-entità ta’ investiment, dment li s-sid tal-entità kostitwenti ma jkunx entità ta’ investiment u jkun raġonevolment mistenni li jkun soġġett għat-taxxa fuq id-distribuzzjonijiet mill-entità ta’ investiment b’rata tat-taxxa li tkun daqs ir-rata minima tat-taxxa jew ogħla minnha.

2.Skont metodu ta’ distribuzzjoni taxxabbli, id-distribuzzjonijiet u d-distribuzzjonijiet preżunti tal-introjtu kwalifikanti ta’ entità ta’ investiment għandhom jiġu inklużi fl-introjtu kwalifikanti tas-sid tal-entità kostitwenti li jkun irċieva d-distribuzzjoni.

L-ammont ta’ taxxi koperti mġarrbin mill-entità ta’ investiment li jkun kreditabbli kontra l-obbligazzjoni tat-taxxa tas-sid tal-entità kostitwenti li tirriżulta mid-distribuzzjoni għandu jiġi inkluż fl-introjtu kwalifikanti u fit-taxxi koperti aġġustati tas-sid tal-entità kostitwenti li jkun irċieva d-distribuzzjoni.

Is-sehem tas-sid tal-entità kostitwenti fl-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit tal-entità ta’ investiment li jirriżulta fit-tielet sena ta’ qabel is-sena fiskali (is-“sena ttestjata”) għandu jiġi ttrattat bħala introjtu kwalifikanti ta’ dik l-entità ta’ investiment għas-sena fiskali. L-ammont ugwali għal tali introjtu kwalifikanti mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa għandu jiġi ttrattat bħala taxxa kumplimentari ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa għas-sena fiskali għall-fini tal-Kapitolu II.

L-introjtu jew telf kwalifikanti ta’ entità ta’ investiment u t-taxxi koperti aġġustati attribwibbli għal tali introjtu għas-sena fiskali għandhom jiġu esklużi mill-komputazzjoni tar-rata tat-taxxa effettiva f’konformità mal-Kapitolu V u mal-Artikoli 39(1) sa 39(4), ħlief għall-ammont ta’ taxxi koperti kif imsemmi fit-tieni subparagrafu.

3.L-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ entità ta’ investiment għal sena fiskali għandu jkun l-ammont ta’ introjtu kwalifikanti ta’ dik l-entità ta’ investiment għas-sena ttestjata mnaqqas, sa żero, b’dawn:

(a)it-taxxi koperti tal-entità ta’ investiment;

(b)id-distribuzzjonijiet u d-distribuzzjonijiet preżunti lill-azzjonisti li ma jkunux entitajiet ta’ investiment matul il-perjodu li jibda mill-bidu tat-tielet sena ta’ qabel is-sena fiskali u tmiem is-sena fiskali (il-“perjodu ta’ ttestjar”);

(c)it-telf kwalifikanti li jinħoloq matul il-perjodu ta’ ttestjar; u

(d)kwalunkwe ammont residwu ta’ telf kwalifikanti li ma jkunx diġà naqqas l-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ dik l-entità ta’ investiment għal sena ttestjata preċedenti (ir-“riport tat-telf ta’ investiment”).

L-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ entità ta’ investiment ma għandux jitnaqqas b’distribuzzjonijiet jew b’distribuzzjonijiet preżunti li diġà naqqsu l-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ dik l-entità ta’ investiment għal sena ttestjata preċedenti b’applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ entità ta’ investiment ma għandux jitnaqqas bl-ammont ta’ telf kwalifikanti li diġà naqqas l-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit ta’ dik l-entità tal-investiment għal sena preċedenti ttestjata b’applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu.

4.Għall-fini ta’ dan l-artikolu, distribuzzjoni preżunta għandha titqies li tinħoloq meta interess proprjetarju dirett jew indirett fl-entità ta’ investiment jiġi ttrasferit lil entità li ma tkunx tappartjeni għall-grupp MNE u li tkun ugwali għas-sehem tal-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit attribwibbli għal tali interess proprjetarju fid-data ta’ tali trasferiment, iddeterminat mingħajr ma titqies id-distribuzzjoni preżunta.

5.L-elezzjoni għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 43(1).

Jekk l-elezzjoni tiġi rrevokata, is-sehem tas-sid tal-entità kostitwenti mill-introjtu kwalifikanti nett mhux distribwit tal-entità ta’ investiment għas-sena ttestjata ta’ qabel ir-revoka għandu jiġi ttrattat bħala introjtu kwalifikanti tal-entità ta’ investiment għas-sena fiskali. L-ammont ugwali għal tali introjtu kwalifikanti mmultiplikat bir-rata minima tat-taxxa għandu jiġi ttrattat bħala taxxa kumplimentari ta’ entità kostitwenti b’taxxa baxxa għas-sena fiskali għall-fini tal-Kapitolu II.

KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI

Artikolu 42
Obbligi ta’ preżentazzjoni

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“entità lokali deżinjata” tfisser l-entità kostitwenti ta’ grupp MNE li tinsab fi Stat Membru u li nħatret mill-entitajiet kostitwenti l-oħrajn tal-grupp MNE li jinsab fl-istess Stat Membru sabiex tissottometti d-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari u tissottometti n-notifiki f’konformità ma’ dan l-Artikolu f’isimhom;

(b)“ftehim kwalifikanti tal-awtoritajiet kompetenti” tfisser ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali bejn żewġ ġuriżdizzjonijiet jew aktar li jipprevedi l-iskambju awtomatiku ta’ dikjarazzjonijiet ta’ informazzjoni annwali.

2.Entità kostitwenti li tinsab fi Stat Membru għandha tissottometti dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħha f’konformità mal-paragrafu 5.

Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi sottomessa minn entità lokali deżinjata f’isem l-entità kostitwenti.

3.B’deroga mill-paragrafu 2, entità kostitwenti ma għandhiex tkun meħtieġa tissottometti dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħha jekk tali dikjarazzjoni tkun ġiet sottomessa, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5, minn din:

(a)l-entità omm apikali li tinsab f’ġuriżdizzjoni li jkollha fis-seħħ ftehim kwalifikanti tal-awtoritajiet kompetenti mal-Istat Membru li fih tinsab l-entità kostitwenti; jew

(b)l-entità dikjaranti deżinjata li tinsab f’ġuriżdizzjoni li jkollha fis-seħħ ftehim kwalifikanti tal-awtoritajiet kompetenti mal-Istat Membru li fih tinsab l-entità kostitwenti.

4.Meta jkun japplika l-paragrafu 3, l-entità kostitwenti, jew l-entità lokali deżinjata f’isimha, għandha tinnotifika lill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħha dwar l-identità tal-entità li tkun qed tippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari kif ukoll dwar il-ġuriżdizzjoni li fiha tkun tinsab.

5.Id-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-grupp MNE:

(a)l-identifikazzjoni tal-entitajiet kostitwenti, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tagħhom, jekk ikun hemm, il-ġuriżdizzjoni li fiha jkunu jinsabu u l-istatus tagħhom skont ir-regoli ta’ din id-Direttiva;

(b)informazzjoni dwar l-istruttura korporattiva ġenerali tal-grupp MNE, inklużi l-interessi kontrollanti fl-entitajiet kostitwenti miżmumin minn entitajiet kostitwenti oħrajn;

(c)l-informazzjoni li tkun neċessarja sabiex jiġu kkalkolati:

(i)ir-rata tat-taxxa effettiva għal kull ġuriżdizzjoni u t-taxxa kumplimentari ta’ kull entità kostitwenti;

(ii)it-taxxa kumplimentari il-post ta’ membru ta’ grupp ta’ impriża konġunta;

(iii)l-allokazzjoni ta’ taxxa kumplimentari skont ir-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu u l-ammont tat-taxxa kumplimentari tal-UTPR għal kull ġuriżdizzjoni; u

(d)rekord tal-elezzjonijiet magħmulin f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.

6.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 5, meta entità kostitwenti tkun tinsab fi Stat Membru b’entità omm apikali li tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li tapplika regoli li jkunu ġew ivvalutati bħala ekwivalenti għar-regoli ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 51, l-entità kostitwenti jew l-entità lokali deżinjata għandha tissottometti dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-informazzjoni kollha li tkun neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7, inklużi:

(i)l-identifikazzjoni tal-entitajiet kostitwenti kollha li fihom entità omm posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru jkollha, direttament jew indirettament, interess proprjetarju fi kwalunkwe żmien matul is-sena fiskali u l-istruttura tat-tali interessi proprjetarji;

(ii)l-informazzjoni kollha li tkun neċessarja sabiex tiġi kkomutata r-rata tat-taxxa effettiva tal-ġuriżdizzjonijiet li fihom entità omm posseduta parzjalment li tinsab fi Stat Membru jkollha entitajiet kostitwenti identifikati taħt (i) u t-taxxa kumplimentari dovuta; u

(iii)l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti għal dak l-għan f’konformità mal-Artikolu 8, 9 jew 10;

(b)l-informazzjoni kollha li tkun neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12, inklużi:

(i)l-identifikazzjoni tal-entitajiet kostitwenti kollha li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali u l-istruttura tat-tali interessi proprjetarji;

(ii)l-informazzjoni kollha li tkun neċessarja sabiex tiġi kkalkolata r-rata tat-taxxa effettiva tal-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali u tat-taxxa kumplimentari dovuta; u

(iii)l-informazzjoni kollha neċessarja għall-allokazzjoni ta’ taxxa kumplimentari bħal din ibbażata fuq il-formula ta’ allokazzjoni tal-UTPR stabbilita fl-Artikolu 13.

7.Id-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari msemmija fil-paragrafi 5 u 6 u kwalunkwe notifika rilevanti għandha tiġi sottomessa lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru li fih tinsab l-entità kostitwenti mhux aktar tard minn 15-il xahar wara l-aħħar jum tas-sena fiskali.

Artikolu 43
Elezzjonijiet

1.L-elezzjoni msemmija fl-Artikoli 2(3), 15(3), 15(6), 15(9), 40(4) u 41(5) għandha tkun valida għal perjodu ta’ ħames snin, li jibda mis-sena li fiha ssir l-elezzjoni. L-elezzjoni għandha tiġġedded awtomatikament sakemm l-entità kostitwenti dikjaranti ma tirrevokax l-elezzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Revoka tal-elezzjoni għandha tkun valida għal perjodu ta’ ħames snin, li jibda mis-sena li fiha ssir ir-revoka.

2.L-elezzjoni msemmija fl-Artikoli 15(7), 29(1) u 38(1) għandha tkun valida għal perjodu ta’ sena. L-elezzjoni għandha tiġġedded awtomatikament sakemm l-entità kostitwenti dikjaranti ma tirrevokax l-elezzjoni fi tmiem is-sena.

3.L-elezzjoni għandha ssir fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru li fih tinsab l-entità kostitwenti dikjaranti.

Artikolu 44
Penali

1.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tar-regoli nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li jiġu applikati b’mod effettiv. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.    Entità kostitwenti li ma tikkonformax mar-rekwiżit li tissottometti dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari skont l-Artikolu 42 għal sena tat-taxxa fi żmien l-iskadenza stipulata jew li tagħmel dikjarazzjoni falza għandha tiġi soġġetta għal penali pekunarja amministrattiva li tammonta għal 5 % tal-fatturat tagħha f’sena fiskali rilevanti. Din il-penali għandha tapplika biss wara li l-entità kostitwenti ma tkunx ipprovdiet id-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari skont l-Artikolu 42, wara kwalunkwe tfakkira maħruġa, f’perjodu ta’ 6 xhur.

KAPITOLU IX
REGOLI TA’ TRANŻIZZJONI

Artikolu 45
Attributi tat-taxxa fi tranżizzjoni

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, sena ta’ tranżizzjoni tfisser l-ewwel sena fiskali li fiha grupp MNE jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, l-attributi tat-taxxa għandhom ikunu:

(a)l-assi ta’ taxxa differita;

(b)l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita; u

(c)l-assi trasferiti.

3.Meta tiġi ddeterminata r-rata tat-taxxa effettiva għal ġuriżdizzjoni f’sena ta’ tranżizzjoni, u għal kull sena fiskali sussegwenti, il-grupp MNE għandu jqis l-assi ta’ taxxa differita u l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita riflessi jew iddivulgati fil-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet kostitwenti f’ġuriżdizzjoni għas-sena ta’ tranżizzjoni.

L-assi ta’ taxxa differita u l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita għandhom jitqiesu fl-aktar livell baxx tar-rata minima tat-taxxa u tar-rata tat-taxxa domestika applikabbli. Madankollu, assi ta’ taxxa differita li jkun sar dovut b’rata tat-taxxa aktar baxxa mir-rata minima tat-taxxa jista’ jitqies bir-rata minima tat-taxxa jekk il-kontribwent ikun jista’ juri li l-assi ta’ taxxa differita jkun attribwibbli għal telf kwalifikanti.

L-impatt ta’ kwalunkwe aġġustament fil-valwazzjoni jew aġġustament fir-rikonoxximent kontabilistiku fir-rigward ta’ assi ta’ taxxa differita ma għandux jitqies.

4.Assi ta’ taxxa differita li jirriżultaw minn entrati esklużi mill-komputazzjoni tal-introjtu jew telf kwalifikanti f’konformità mal-Kapitolu III għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu msemmi fil-paragrafu 3 meta t-tali assi ta’ taxxa differita jiġu ġġenerati fi tranżazzjoni li sseħħ wara l-15 ta’ Diċembru 2021.

5.Fil-każ ta’ trasferiment ta’ assi bejn entitajiet kostitwenti wara l-15 ta’ Diċembru 2021 u qabel il-bidu ta’ sena ta’ tranżizzjoni, il-valur tal-assi akkwiżiti għandu jkun ibbażat fuq il-valur kontabilistiku tal-assi ttrasferiti tal-entità trasferenti fil-mument tat-trasferiment.

Artikolu 46
Ħelsien ta’ tranżizzjoni għall-esklużjoni tal-introjtu bbażata fuq is-sustanza

1.Għall-fini tal-Artikolu 27(3), il-valur ta’ 5 % għandu jiġi ssostitwit bil-valuri stabbiliti fit-tabella li ġejja:

2023

10 %

2024

9,8 %

2025

9,6 %

2026

9,4 %

2027

9,2 %

2028

9,0 %

2029

8,2 %

2030

7,4 %

2031

6,6 %

2032

5,8 %

2.Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27(4), il-valur ta’ 5 % għandu jiġi ssostitwit bil-valuri stabbiliti fit-tabella li ġejja:

2023

8 %

2024

7,8 %

2025

7,6 %

2026

7,4 %

2027

7,2 %

2028

7,0 %

2029

6,6 %

2030

6,2 %

2031

5,8 %

2032

5,4 %

Artikolu 47
Esklużjoni mill-IIR u mill-UTPR tal-gruppi MNE fil-fażi inizjali tal-attività internazzjonali tagħhom

1.It-taxxa kumplimentari dovuta minn entità omm apikali li tinsab fi Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 5(2) għandha titnaqqas għal żero fl-ewwel ħames snin tal-fażi inizjali tal-attività internazzjonali tal-grupp MNE minkejja r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu V.

2.Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz, it-taxxa kumplimentari dovuta minn entità kostitwenti li tinsab fi Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 13(2) għandha titnaqqas għal żero fl-ewwel ħames snin tal-fażi inizjali tal-attività internazzjonali ta’ dak il-grupp MNE minkejja r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu V.

3.Grupp MNE għandu jitqies li jkun fil-fażi inizjali tal-attività internazzjonali tiegħu jekk:

(a)ikollu entitajiet kostitwenti f’mhux aktar minn sitt ġuriżdizzjonijiet; u

(b)is-somma tal-valur nett tal-assi tanġibbli tal-entitajiet kostitwenti kollha tal-grupp MNE għajr l-entitajiet kostitwenti li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni ta’ referenza ma taqbiżx il-EUR 50 000 000.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-ġuriżdizzjoni ta’ referenza tfisser il-ġuriżdizzjoni li fiha l-entitajiet kostitwenti tal-grupp MNE ikollhom l-ogħla somma tal-valur nett tal-assi tanġibbli fis-sena fiskali li fiha l-grupp MNE jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba.

4.Il-perjodu ta’ ħames snin finanzjarji msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jibda mill-bidu tas-sena fiskali li fiha l-grupp MNE jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba.

Għall-gruppi MNE li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta tidħol fis-seħħ, il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2023.

Għall-gruppi MNE li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta tidħol fis-seħħ, il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2024.

5.L-entità omm apikali għandha tinforma lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru li tinsab fih dwar il-bidu tal-fażi inizjali tal-attività internazzjonali tagħha.

Artikolu 48
Eżenzjoni ta’ tranżizzjoni għall-preżentazzjoni tal-obbligi

Minkejja l-Artikolu 42(7), id-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari u n-notifiki msemmijin fl-Artikolu 42 għandhom jiġu sottomessi lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istati Membri mhux aktar tard minn 18-il xahar wara l-aħħar jum tas-sena fiskali li tkun is-sena ta’ tranżizzjoni.

KAPITOLU X
APPLIKAZZJONI SPEĊIFIKA TAL-IIR GĦAL GRUPPI DOMESTIĊI FUQ SKALA KBIRA

Artikolu 49
Gruppi domestiċi fuq skala kbira

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità omm apikali ta’ grupp domestiku fuq skala kbira li jkun jinsab fi Stat Membru tkun soġġetta għat-taxxa kumplimentari tal-IIR skont l-Artikolu 5(2), kif ikkomputata f’konformità mal-Kapitoli III, IV u V, fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tagħha għas-sena fiskali.

Artikolu 50
Regoli ta’ tranżizzjoni

1.It-taxxa kumplimentari dovuta minn entità omm apikali li tinsab fi Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 49 għandha titnaqqas għal żero fl-ewwel ħames snin finanzjarji, mill-ewwel jum tas-sena fiskali li fiha l-grupp domestiku fuq skala kbira jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba.

2.Għal gruppi domestiċi fuq skala kbira li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta tidħol fis-seħħ, il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi hawn fuq għandu jibda fl-1 ta’ Jannar 2023.

KAPITOLU XI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 51
Valutazzjoni tal-ekwivalenza

1.Il-qafas legali implimentat fid-dritt domestiku ta’ ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz għandu jitqies bħala ekwivalenti għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu li hija stabbilita fil-Kapitolu II jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)jinforza sett ta’ regoli li f’konformità magħhom l-entità omm ta’ grupp MNE għandha tikkomputa u tiġbor is-sehem allokabbli tagħha tat-taxxa kumplimentari fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa tal-grupp MNE;

(b)jistabbilixxi rata tat-taxxa effettiva minima ta’ mill-inqas 15 % li taħtha entità kostitwenti titqies li jkollha rata baxxa ta’ tassazzjoni;

(c)għall-finijiet tal-komputazzjoni tar-rata minima effettiva tat-taxxa, jippermetti biss it-taħlit tal-introjtu ta’ entitajiet li jinsabu fl-istess ġuriżdizzjoni; u

(d)jipprevedi eżenzjoni għal kwalunkwe taxxa kumplimentari mħallsa fi Stat Membru b’applikazzjoni tar-regola ta’ inklużjoni tal-introjtu stabbilita f’din id-Direttiva.

2.Il-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu implimentaw qafas legali fid-dritt domestiku tagħhom, li jkun jista’ jitqies ekwivalenti għal regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu f’konformità mal-paragrafu 1, huma inklużi f’lista stabbilita fl-Anness.

3.Din il-lista tista’ tiġi mmodifikata bħala riżultat ta’ valutazzjoni sussegwenti tal-qafas legali implimentat minn ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz fid-dritt domestiku tiegħu. Il-valutazzjoni għandha titwettaq mill-Kummissjoni u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Wara t-tali valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 52 sabiex temenda l-Anness.

Artikolu 52
Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 51(3) għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 51(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik l-elezzjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 51(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Kunsill jinforma lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjona. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.

Artikolu 53
Notifika lill-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni, dwar kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom, u dwar ir-revoka ta’ delega tas-setgħat mill-Kunsill.

Artikolu 54
Ftehim bilaterali dwar l-obbligi ta’ rapportar simplifikati

L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet ma’ ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness, bil-ħsieb li torganizza qafas għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 42(6).

Artikolu 55
Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Sussegwentement, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2023.

Madankollu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 11, 12 u 13 mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew referenza bħal din għandha tissemma fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

Artikolu 56
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 57
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    COM(2021) 251 final.
(2)

   Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1–14.

(3)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (riformulazzjoni), COM/2011/0714 final - 2011/0314 (CNS).
(4)    Dan ifisser l-Istati Membri kollha minbarra Ċipru. Madankollu, Ċipru ddikjara li ma jopponix il-kontenut tad-Dikjarazzjoni mill-Qafas Inklużiv.
(5)    F’termini sempliċi, is-sistemi tat-taxxa korporattiva bbażati fuq distribuzzjoni jfissru li t-tassazzjoni tal-profitti tiġi posposta sakemm il-profitti jiġu ddistribwiti permezz ta’ dividendi jew b’mod ieħor.
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    ĠU C , , p. .
(8)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 14767/21 tas-7 ta’ Diċembru 2021
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, ĠU L 146/8 (3 Ġun. 2016) [DAC 4].
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(11)    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(12)    Model Tax Convention on Income and on Capital, tal-OECD, kif emendat
(13)    Model Tax Convention on Income and on Capital tal-OECD, kif emendat

Brussell, 22.12.2021

COM(2021) 823 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni

{SWD(2021) 580 final}


ANNESS: Lista ta’ ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi mogħtija ekwivalenza skont l-Artikolu 51(2)

Il-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li ġejjin ġew ivvalutati biex jakkomodaw qafas legali li jista’ jitqies bħala ekwivalenti għal regola ta’ inklużjoni tal-introjtu kwalifikata:

1.[L-Istati Uniti tal-Amerka]