Brussell, 1.12.2021

COM(2021) 735 final

2021/0388(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil Franza sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, huwa u jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2021, Franza talbet awtorizzazzjoni għal deroga mill-Artikoli 218, 178 u 232 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tkun tista’ timponi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja lill-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju ta’ Franza. L-awtorizzazzjoni ntalbet mill-1 ta’ Diċembru 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Barra minn hekk, permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Settembru 2021, Franza talbet li l-awtorizzazzjoni għal deroga testendi biss għall-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva tal-VAT u li din tkun tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba ta’ Franza b’ittra datata d-29 ta’ Settembru 2021. Permezz tal-ittra datata t-30 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil Franza li kellha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tikkunsidra t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Franza ippreżentat talba għal deroga bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi awtorizzata timplimenta obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi għal tranżazzjonijiet domestiċi bejn persuni taxxabbli għall-VAT stabbiliti fi Franza abbażi tal-Artikoli 153 tal-Liġi dwar il-Finanzi għall-2020 u 195 tal-Liġi dwar il-Finanzi għall-2021. Dan l-obbligu se jkun akkumpanjat mill-obbligu li dawk il-persuni taxxabbli jibagħtu ċerta data addizzjonali lill-awtorità tat-taxxa.

Franza tqis li l-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika se jtejjeb il-ġlieda kontra l-frodi filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji. Se jżid ukoll l-għarfien f’ħin reali tal-attività kummerċjali sabiex jagħmilha possibbli li l-politika ekonomika tiġi ggwidata kemm jista’ jkun mill-qrib tar-realtà ekonomika tal-atturi. Dan l-obbligu se jippermetti wkoll is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-VAT tan-negozji billi jintroduċi l-mili minn qabel tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

L-Artikolu 218 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi obbligu għall-Istati Membri sabiex jaċċettaw bħala fatturi d-dokumenti jew il-messaġġi kollha kemm f’forma stampata kif ukoll f’forma elettronika. Għalhekk, Franza tixtieq tikseb deroga minn dan l-Artikolu tad-Direttiva tal-VAT sabiex il-fatturi elettroniċi f’format imħallat jew strutturat biss ikunu jistgħu jitqiesu bħala fatturi mill-awtorità tat-taxxa Franċiża.

L-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-VAT jeħtieġ li l-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika fi Franza teħtieġ deroga minn dan l-Artikolu sabiex l-emittent ma jibqax ikollu għalfejn jikseb il-kunsens tar-riċevitur sabiex jibgħat fattura f’format mingħajr l-użu ta’ karti.

Franza tqis li l-introduzzjoni ta’ obbligu ġeneralizzat ta’ fatturazzjoni elettronika tipprovdi benefiċċji f’termini tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li tiffaċilita l-konformità volontarja mal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa. Tabilħaqq, l-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi, flimkien mat-trażmissjoni ta’ data addizzjonali dwar it-tranżazzjonijiet, permezz ta’ skema li tinvolvi pjattaformi privati ċċertifikati u pjattaforma pubblika ċentralizzata, se jippermetti lill-awtorità tat-taxxa tivverifika f’ħin reali l-konsistenza bejn il-VAT iddikjarata u miġbura u l-fatturi maħruġa u riċevuti. Għalhekk, il-kapaċità tal-amministrazzjoni li tipprevjeni u tiġġieled il-frodi tal-VAT se tittejjeb b’mod sinifikanti.

L-obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika se jkopri biss tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli (B2B). Id-data tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-konsumaturi finali (B2C) se tiġi rrapportata permezz ta’ mekkaniżmu differenti. Fil-każ ta’ akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji, il-persuni taxxabbli se jżommu d-dritt tagħhom li jirċievu fatturi fuq karta. Ta’ min jinnota li l-obbligu li tintuża l-fatturazzjoni elettronika għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-gvern (B2G) daħal fis-seħħ gradwalment fi Franza bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-1 ta’ Jannar 2020. Għalhekk, il-kumpaniji li diġà ħarġu fatturi elettroniċi permezz tal-pjattaforma tal-fatturazzjoni elettronika B2G Chorus Pro żviluppata mill-Aġenzija tal-Istat tal-Kompjuterizzazzjoni Finanzjarja (AIFE) diġà huma mgħammra u mħejjija għall-estensjoni tal-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika għar-relazzjonijiet B2B. Franza tistqarr li l-maġġoranza tal-persuni Franċiżi taxxabbli għall-VAT diġà jibagħtu jew jirċievu fatturi f’format elettroniku. Skont Franza, fl-2017, 31 % biss tan-negozji Franċiżi b’aktar minn 10 persuni użaw il-fatturazzjoni fuq karta, u dan il-proporzjon x’aktarx li naqas minn dak iż-żmien. It-tranżizzjoni għal format elettroniku se telimina b’mod permanenti l-format stampat fl-ipproċessar tal-fatturi, u b’hekk tiġġenera ffrankar sinifikanti għan-negozji.

Franza tqis li l-fatturazzjoni elettronika se tipprovdi vantaġġi lill-persuni taxxabbli, bħat-tnaqqis fiż-żmien għall-ħlas għall-fornitur, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-istampar u tal-posta, it-tnaqqis fil-kostijiet u fid-dewmien fl-ipproċessar tad-data dwar il-kontijiet, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-ħżin u t-tnaqqis fil-kostijiet tat-taħriġ u tal-iżvilupp tas-sistemi.

Franza tipprevedi introduzzjoni gradwali tal-obbligu sabiex tippermetti tranżizzjoni u appoġġ għas-sistema l-ġdida, adattati għal kull tip ta’ kumpanija. Mill-2024, se japplika obbligu għan-negozji kollha li jirċievu l-fatturi elettroniċi. L-introduzzjoni progressiva tal-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi hija ppjanata skont id-daqs tal-kumpaniji: l-2024 għall-intrapriżi kbar, l-2025 għall-kumpaniji li għandhom bejn 250 u 4 999 impjegat u b’fatturat ta’ anqas minn EUR 1,5 biljun u l-2026 għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi żgħar ħafna, inklużi persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva tal-VAT.

Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-iskambji, il-pjattaformi li jipprovdu servizzi ta’ fatturazzjoni elettronika, kemm privati kif ukoll pubbliċi, jenħtieġ li joffru lill-persuni taxxabbli sett minimu ta’ formati strutturati jew imħallta, mingħajr preġudizzju għal-libertà tagħhom li joffru formati alternattivi.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, huwa importanti li jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas ta’ din id-deroga u b’mod partikolari l-impatt tal-miżura fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli. Jekk Franza tkun tixtieq testendi l-miżura ta’ deroga, hija mitluba tipprovdi rapport dwar il-funzjonament tal-miżura flimkien mat-talba ta’ estensjoni tad-data ta’ skadenza. F’dan ir-rapport, jenħtieġ li ssir valutazzjoni tal-miżura dwar l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tal-piżijiet amministrattivi u tal-kostijiet ta’ konformità tagħhom.

Qiegħed jiġi propost li tingħata awtorizzazzjoni għad-deroga għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Artikolu 218 tad-Direttiva tal-VAT ipoġġi fl-istess livell il-fatturi fuq karta u dawk elettroniċi billi jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi. Skont l-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-VAT, l-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja kif prevista minn Franza tassew tidderoga minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

Id-deroga tista’ tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Franza talbet il-miżura ta’ deroga sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll sabiex tissimplifika l-ġbir tat-taxxa. Abbażi tal-elementi li pprovdiet Franza, id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika.

Awtorizzazzjoni simili li tippermetti lill-Italja tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva tal-VAT sabiex timplimenta fatturazzjoni elettronika obbligatorja ngħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 2 .

Fl-aħħar nett, fl-2020, il-Kummissjoni adottat il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 3 . Waħda mill-azzjonijiet previsti f’dan il-pjan ta’ azzjoni hija l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta leġiżlattiva għall-modernizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-VAT. Il-ħtieġa li l-e-fatturazzjoni tiġi estiża aktar se tiġi eżaminata f’dan il-kuntest. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga hija allinjata mal-objettivi segwiti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni. Wieħed mill-għanijiet tal-proposta futura tal-Kummissjoni se jkun li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi ta’ rapportar eżistenti u futuri għat-tranżazzjonijiet domestiċi, inkluż dak awtorizzat b’din il-miżura ta’ deroga.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja se tinvolvi għadd ta’ bidliet għall-persuni taxxabbli. Madankollu, dawn il-bidliet huma antiċipati minn Franza u t-tħejjija għalihom diġà bdiet. L-obbligu li tintuża l-fatturazzjoni elettronika għat-tranżazzjonijiet B2G wassal sabiex ħafna kumpaniji diġà huma mgħammra u mħejjija għall-estensjoni tal-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika għar-relazzjonijiet B2B.

Il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura. Madankollu, l-implimentazzjoni gradwali tal-miżura se tagħtihom biżżejjed żmien sabiex iħejju ruħhom. Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji se jkunu liberi li jużaw jew pjattaforma privata jew il-pjattaforma ta’ fatturazzjoni pubblika operata mill-AIFE (Chorus Pro). Din tal-aħħar se tipproponi servizz minimu bla ħlas, inkluż l-immaniġġjar ta’ formati PDF (bl-irkupru tad-data f’format strutturat) u offerta ta’ arkivjar għal 10 snin (li tikkorrispondi għad-durata legali tal-obbligu ta’ arkivjar għal skopijiet kummerċjali fi Franza). Skont id-data sottomessa minn Franza, l-iffrankar u l-vantaġġi li dawn il-persuni taxxabbli se jiksbu mill-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika fil-biċċa l-kbira tagħhom se jassorbu l-investiment inizjali li se jkollhom iġarrbu sabiex jadattaw is-sistemi tagħhom.

Id-deroga hija wkoll limitata fiż-żmien u għandu jitħejja rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura f’każ li Franza tkun tixtieq ittawwal il-miżura ta’ deroga.

Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u li jiġi ssimplifikat il-ġbir tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT tista’ tingħata biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjoni tal-impatt

Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja se jkollha impatt kemm fuq l-awtorità tat-taxxa kif ukoll fuq il-persuni taxxabbli.

Franza tistenna li l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja se tgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluża l-evażjoni mhux intenzjonata tat-taxxa marbuta man-nuqqas ta’ dikjarazzjoni jew id-dikjarazzjoni inkompluta u, b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT. Lil hinn mill-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet kummerċjali se tippermetti l-identifikazzjoni tal-intensità tar-rabtiet kummerċjali bejn il-kumpaniji. Għalhekk se ssaħħaħ l-analiżi tat-tranżazzjonijiet konklużi bejn kumpaniji relatati sabiex jiġu identifikati tranżazzjonijiet anormali, li jistgħu jaħbu tnaqqis possibbli fil-bażijiet tat-taxxa korporattiva jew distribuzzjonijiet moħbija tal-profitti. Barra minn hekk, l-iskema se tippermetti l-ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ persuni taxxabbli. Tali data tista’ tikkontribwixxi għall-analiżijiet ekonomiċi mwettqa minn, pereżempju, l-INSEE (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika) jew id-Direttorat Ġenerali għat-Teżor, sabiex jiġi żgurat li l-politiki pubbliċi jkunu jistgħu jiġu ggwidati kemm jista’ jkun mill-qrib.

Franza tistqarr li l-fatturazzjoni elettronika se twassal għal kisbiet sinifikanti għall-kumpaniji f’termini tad-diġitalizzazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, filwaqt li tassigura r-relazzjonijiet bejn in-negozji sabiex tagħmilhom aktar kompetittivi. Dan se jiġġenera ffrankar, bil-kost sħiħ tal-ħruġ ta’ fattura elettronika stmat mill-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi għal anqas minn euro wieħed, meta mqabbel ma’ aktar minn għaxar euro għal fattura fuq karta.

Il-qligħ mistenni se jkun differenti fin-natura tagħhom skont jekk in-negozji diġà jużawx il-fatturazzjoni elettronika jew le. Għan-negozji li għadhom ma humiex qegħdin jużaw il-fatturazzjoni elettronika, l-aktar l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-qligħ se jkun ta’ madwar EUR 10 għal kull fattura riċevuta. Għal dawk il-persuni taxxabbli li diġà qegħdin jagħmlu użu estensiv minnhom, l-aktar il-kumpaniji b’250 impjegat jew aktar, il-miżura se ttejjeb l-ipproċessar tal-katina tal-fatturazzjoni tagħhom, peress li l-maġġoranza tal-fatturi li bħalissa qegħdin jiġu skambjati b’mod elettroniku għadhom fil-format PDF, u b’hekk għadhom jinvolvu kostijiet għall-ipproċessar.

Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-qligħ minimu għall-kumpaniji se jkun ta’ madwar EUR 4,5 biljun fis-sena. Madwar EUR 1,5 miljun għan-negozji żgħar li joħorġu biss fatturi f’format stampat. Minħabba li dawn il-kumpaniji joħorġu anqas minn 2 000 fattura fis-sena (65 % minnhom joħorġu anqas minn 500 fattura fis-sena) il-volum tal-fatturi kkonċernati huwa stmat għal 450 miljun. It-tneħħija tal-fatturi fuq karta kieku tiġġenera ffrankar fil-kostijiet tal-ipproċessar ta’ EUR 10 għal kull fattura, li jirriżulta fi qligħ totali ta’ EUR 4,5 biljun għal dawn il-kumpaniji.

Skont Franza, din l-evalwazzjoni ma tqisx il-qligħ f’termini tal-assigurazzjoni tal-flussi tat-tranżazzjonijiet u t-tnaqqis fiż-żmien għall-ħlas, li, skont l-Osservatorju tal-iskadenzi għall-ħlas, jaffettwaw il-fluss tal-flus ta’ persuni taxxabbli b’madwar EUR 15-il biljun kull sena, b’mod partikolari ta’ dawk żgħar.

Peress li l-kost tal-akkwist tas-software meħtieġ jista’ jkun sinifikanti, mhux se jiġi impost l-obbligu li jiġi installat software tal-fatturazzjoni. Franza se tħalli l-possibbiltà li l-persuni taxxabbli jibagħtu l-fatturi tagħhom jew direttament lill-pjattaforma pubblika, li tgħaddihom lir-riċevituri tagħhom, jew lil pjattaformi privati li se jkunu responsabbli li jittrażmettu l-fatturi lill-awtorità tat-taxxa u lill-kumpanija riċeventi, sabiex jevitaw kostijiet addizzjonali. Barra minn hekk, sabiex jiġu minimizzati l-kostijiet inizjali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-awtorità tat-taxxa se toffri l-possibbiltà li jiġi sottomess fajl PDF sabiex tiġi ġġenerata fattura elettronika għal perjodu ta’ żmien.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma hi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

2021/0388 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil Franza sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tal-ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2021 u fl-20 ta’ Settembru 2021, Franza talbet awtorizzazzjoni sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”) sabiex tintroduċi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja lill-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju ta’ Franza. Dan l-obbligu se jkopri l-fatturi maħruġa fi tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli. L-awtorizzazzjoni ġiet mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(2)Il-Kummissjoni għaddiet it-talba li saret minn Franza lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri datati d-29 ta’ Settembru 2021. Permezz tal-ittra datata t-30 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil Franza li kellha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tikkunsidra t-talba.

(3)Franza tiddikjara li l-introduzzjoni ta’ obbligu ġeneralizzat ta’ fatturazzjoni elettronika se tipprovdi benefiċċji fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi, flimkien mat-trażmissjoni ta’ data addizzjonali dwar it-tranżazzjonijiet, jippermetti lill-awtorità tat-taxxa tivverifika f’ħin reali l-konsistenza bejn il-VAT iddikjarata u miġbura u l-fatturi maħruġa u riċevuti, sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjoni li tipprevjeni u tiġġieled il-frodi tal-VAT. Se jżid ukoll l-għarfien f’ħin reali tal-attività kummerċjali sabiex jagħmilha possibbli li l-politika ekonomika tiġi ggwidata kemm jista’ jkun mill-qrib tar-realtà ekonomika tal-atturi.

(4)Franza tqis li l-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi se jiffaċilita l-konformità volontarja mal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa. Se jippermetti s-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-VAT tal-persuni taxxabbli billi jintroduċi l-mili minn qabel tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Il-fatturazzjoni elettronika se tipprovdi vantaġġi oħra lill-persuni taxxabbli, bħat-tnaqqis fiż-żmien għall-ħlas, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-istampar u tal-posta, it-tnaqqis fil-kostijiet u d-dewmien fl-ipproċessar tad-data dwar il-kontijiet jew it-tnaqqis fil-kostijiet tal-ħżin. L-iffrankar u l-vantaġġi li l-persuni taxxabbli se jiksbu mill-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika fil-biċċa l-kbira tagħhom se jassorbu l-investiment inizjali li se jkollhom iġarrbu sabiex jadattaw is-sistemi tagħhom.

(5)Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u n-natura ġdida tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tal-miżura speċjali fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli. Għalhekk, jekk Franza tqis li l-estensjoni tal-miżura speċjali hija neċessarja, jenħtieġ li hija tippreżenta lill-Kummissjoni, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport li jinkludi l-valutazzjoni tal-miżura speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa.

(6)Jenħtieġ li din il-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-persuni taxxabbli li jirċievu fatturi fuq karta f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

(7)Jenħtieġ li l-miżura speċjali mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva fid-dawl tal-objettivi tagħha.

(8)Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti peress li hija limitata fiż-żmien u se tiġi implimentata gradwalment. Mill-2024, għandu japplika obbligu għan-negozji kollha li jirċievu l-fatturi elettroniċi. L-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi għandu japplika fl-2024 għall-intrapriżi kbar, fl-2025 għall-kumpaniji li għandhom bejn 250 u 4 999 impjegat u b’fatturat ta’ anqas minn EUR 1,5 biljun u fl-2026 għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(9)Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, Franza hija awtorizzata taċċetta fatturi li jkunu nħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Franċiż fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi biss jekk dawk id-dokumenti jew il-messaġġi jiġu ttrasferiti f’format elettroniku.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, Franza hija awtorizzata tipprovdi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġin minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Franċiż ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur tal-użu tal-fatturi elettroniċi.

Artikolu 3

Franza għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri speċjali għad-derogi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Jekk Franza tqis li l-estensjoni tal-miżuri speċjali għad-derogi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 tkun neċessarja, Franza għandha tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport li jivvaluta kemm il-miżuri nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet amministrattivi u l-kostijiet tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14.
(3)     https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2020-07/2020_tax_package_tax_action_plan_en.pdf  
(4)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.