Brussell, 14.7.2021

COM(2021) 552 final

2021/0207(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u li timplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq

{SEC(2021) 552 final} - {SWD(2021) 555 final} - {SWD(2021) 603 final} - {SWD(2021) 604 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Din il-proposta tintroduċi emendi għal-leġiżlazzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (EU ETS) fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-avjazzjoni biex jiġi żgurat li:

(1)l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030 f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

(2)l-EU ETS hija emendata kif xieraq fir-rigward tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju tal-ICAO għall-Avjazzjoni Internazzjonali; u

(3)l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet fir-rigward tal-avjazzjoni hija riveduta biex jiżdied l-irkant.

L-objettiv huwa li l-EU ETS tiġi riveduta fir-rigward tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni b’mod kosteffettiv u koerenti f’konformità mal-mira klimatika akbar tal-Unjoni, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta’ tranżizzjoni ġusta u l-ħtieġa li s-setturi kollha jikkontribwixxu għall-isforzi klimatiċi tal-UE.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 , adottat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2019, kif ukoll il-Liġi dwar il-Klima 2 u l-Pjan dwar il-Mira Klimatika (CTP) 3 , għandhom l-għan li jsaħħu l-impenn klimatiku tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi, b’mod konsistenti mal-objettiv tagħha li tilħaq in-newtralità klimatika fl-UE kollha sal-2050. L-UE qed iżżid l-impenn tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni fl-ekonomija kollha, minn tal-inqas 40 % għal tal-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030 mingħajr ma tuża krediti internazzjonali. Sabiex tintlaħaq il-mira klimatika akbar, is-setturi kollha, inkluża l-avjazzjoni, iridu jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-isforzi domestiċi meħtieġa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jittrasforma l-Unjoni f’soċjetà aktar ġusta u prosperuża, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkun hemm l-ebda emissjoni netta ta’ gassijiet serra sal-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. L-objettiv tan-newtralità klimatika ġie approvat mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament u huwa stabbilit b’mod legalment vinkolanti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima miftiehma politikament. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan ukoll li jipproteġi, jippreserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, din it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva.

Lil hinn miż-żieda fl-ambizzjoni tal-UE għall-2030 li tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra madwar l-UE kollha fuq livell domestiku b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-1990, il-komunikazzjoni tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 tissottolinja li “f’konformità mal-impenn internazzjonali tagħha għal azzjoni għall-ekonomija kollha skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE jenħtieġ li tkompli tirregola mill-inqas l-emissjonijiet tal-avjazzjoni intra-UE fl-EU ETS”. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta kif is-setturi ekonomiċi kollha jistgħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-mira tal-2030 u biex tressaq il-proposti meħtieġ, akkumpanjati minn eżami fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-livell tal-Istati Membri 4 .

L-emissjonijiet mill-avjazzjoni jammontaw għal bejn 2 u 3 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 u żdiedu b’mod sinifikanti mill-1990 kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fuq livell globali. Fil-livell tal-UE, fl-2018, l-avjazzjoni kienet responsabbli għal 3,7 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2, jew 15,7 % tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport49. Fl-2018, l-UE kienet responsabbli għal 15 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 mill-avjazzjoni 5 . Barra minn hekk, l-impatti klimatiċi mhux tas-CO2 tal-avjazzjoni huma stmati li huma mill-inqas importanti b’kollox bħal dawk tas-CO2 waħedhom 6 .

Minkejja t-tnaqqis reċenti fit-traffiku bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, l-impatti klimatiċi tal-avjazzjoni huma mistennija li jikbru aktar minħabba t-tkabbir storiku tas-settur ogħla mill-medja ta’ setturi ekonomiċi oħrajn. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-Eurocontrol kienet ipproġettat żieda annwali ta’ 53 % fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni Ewropea sal-2040 meta mqabbla mal-201753. Qabel il-kriżi tal-COVID-19, l-ICAO kienet stmat li, sal-2040, l-emissjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni jistgħu jiżdiedu b’sa 150 % meta mqabbla mal-202054.

Għodda ewlenija biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni fl-Ewropa hija l-EU ETS. Fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regoli aġġornati għall-ETS tal-avjazzjoni, 91 % tar-rispondenti jaqblu li l-avjazzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi aktar għall-azzjonijiet klimatiċi. 88 % tar-rispondenti jemmnu li l-miżuri bbażati fuq is-suq jistgħu jkunu mezzi effettivi kif jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni f’konformità mal-objettivi klimatiċi. Bejn l-2013 u l-2020, l-avjazzjoni kisbet tnaqqis nett stmat ta’ 193,4 Mt CO2 bl-EU ETS primarjament permezz tal-finanzjament tat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi oħrajn39. Dan jikkostitwixxi l-kontribut tal-avjazzjoni għall-objettiv klimatiku tal-UE għall-2020, u l-kontribut huwa previst li jkompli għall-2030.  

Meta jiġu kkunsidrati l-emissjonijiet attwali u mbassra mis-settur tal-avjazzjoni, u fil-kuntest ta’ titjib fl-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030, il-kontribut għall-klima jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod sinifikanti, anke bil-ħsieb li jkun jista’ jingħata l-kontribut meħtieġ għan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.  Ir-Rapport Ewropew dwar l-Ambjent tal-Avjazzjoni tal-2019 enfasizza wkoll din il-ħtieġa.

Il-Kummissjoni ħejjiet għadd ta’ valutazzjonijiet tal-impatt biex tappoġġa r-reviżjonijiet previsti ta’ strumenti leġiżlattivi ewlenin għall-pakkett ta’ politika “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tar-regoli tal-avjazzjoni tal-EU ETS tanalizza diversi għażliet li permezz tagħhom ir-reviżjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv u effiċjenti għat-twettiq tal-mira aġġornata bħala parti mill-pakkett usa’. Għalhekk, ir-reviżjoni tar-regoli tal-avjazzjoni trid tiġi indirizzata flimkien mar-reviżjoni tal-EU ETS għall-installazzjonijiet stazzjonarji u l-estensjoni tagħha għal setturi oħrajn. L-elementi tal-ETS fejn l-interkonnessjoni tar-reviżjonijiet hija partikolarment prominenti huma d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kwantità totali ta’ kwoti tal-avjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ fattur lineari ta’ tnaqqis għalihom kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq. L-għażliet rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EU ETS u ta’ CORSIA se jkollhom impatt fuq il-livell tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-settur tal-ETS, u d-domanda għall-kwoti tal-UE. L-għażliet rigward is-sehem tal-irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni se jkollhom impatt fuq l-ammont ta’ dħul mill-irkant disponibbli għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-elementi distributtivi.

Sabiex l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, jenħtieġ li ssir ukoll azzjoni globali usa’. L-UE appoġġat l-iskema CORSIA tal-ICAO, u qed taħdem ma’ oħrajn biex tħeġġeġ parteċipazzjoni u implimentazzjoni adegwati. Ir-rieżami tal-EU ETS għall-avjazzjoni jenħtieġ li jiżgura li CORSIA tiġi implimentata kif xieraq permezz tal-EU ETS u l-implimentazzjoni ta’ CORSIA jeħtieġ li tiżgura trattament ugwali tal-linji tal-ajru. Fl-istess ħin, kwalunkwe emenda tad-Direttiva tal-EU ETS trid tkun konsistenti mal-ambizzjoni tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050, mal-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2030 għall-ekonomija kollha u mal-għan li jiġu ppreservati l-integrità u l-effettività ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

Volum kbir ta’ kwoti ġie allokat bla ħlas lis-settur tal-avjazzjoni mill-2012. Il-Komunikazzjoni dwar Patt Ekoloġiku Ewropew70 ħabbret li se jkun hemm proposta biex jitnaqqsu l-kwoti bla ħlas allokati lil-linji tal-ajru. Dan huwa ddikjarat mill-ġdid fil-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030. Peress li l-allokazzjoni bla ħlas hija deroga mill-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-metodu prestabbilit fl-EU ETS huwa l-irkant. L-analiżi sottostanti tissuġġerixxi wkoll riskju baxx ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u impatt limitat ħafna fuq il-prezzijiet tal-konsumatur meta jiżdied l-irkant fir-rigward tal-avjazzjoni.

L-emendi legali ewlenin huma:

(1)li tiġi kkonsolidata l-kwantità totali ta’ kwoti tal-avjazzjoni fil-livelli attwali, u jiġi applikat il-fattur lineari ta’ tnaqqis f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-ETS;

(2)li jiżdied l-irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni;

(3)li titkompla l-applikazzjoni intra-Ewropea tal-EU ETS filwaqt li CORSIA tiġi applikata kif xieraq għal titjiriet barra mill-Ewropa; u

(4)li jiġi żgurat li l-linji tal-ajru jiġu ttrattati bl-istess mod fuq l-istess rotot fir-rigward tal-obbligi tagħhom b’impatti ekonomiċi.

B’mod parallel ma’ dawn l-emendi għad-Direttiva EU ETS, qed issir proposta separata biex tiġi implimentata n-notifika tal-Istati Membri lil-linji tal-ajru bbażati fl-UE ta’ kumpens żero għal CORSIA għas-sena 2021. Il-proposta separata hija relatata mal-aspetti relatati ma’ CORSIA li jenħtieġ li jkunu stabbiliti sa Novembru 2022, għan-notifika ta’ kumpens addizzjonali żero li għandha ssir sa dik id-data.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” huwa pass komprensiv fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex tiġi allinjata mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE. L-inizjattivi kollha fil-pakkett huma interkonnessi mill-qrib, u kull waħda tiddependi mit-tfassil tal-oħrajn.

Filwaqt li l-mandat politiku għat-tisħiħ tal-EU ETS għall-avjazzjoni huwa ċar, dan qed jiġi eżaminat flimkien ma’ inizjattivi relatati u rilevanti oħrajn, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, kif ukoll l-Inizjattiva ReFuelEU, li qed jiġu vvalutati separatament, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq id-dimensjoni u l-impatti tal-ETS.

Kif indikat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-tnaqqis tal-impatti tat-tibdil fil-klima mill-avjazzjoni jirrikjedi taħlita ta’ strumenti ta’ politika, peress li ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-EU ETS għall-avjazzjoni hija parti mill-hekk imsejħa “basket ta’ miżuri”, li jinkludi miżuri bbażati fuq is-suq bħall-EU ETS u CORSIA, it-tisħiħ tal-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (“SAF”), it-titjib fit-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru u t-titjib operazzjonali permezz ta’, pereżempju, l-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew.  

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

L-azzjonijiet u politiki kollha tal-UE jridu jkunu konsistenti mal-proposti tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” u jgħinu lill-UE tilħaq il-mira akbar tal-2030 u tranżizzjoni b’suċċess u ġusta lejn in-newtralità klimatika tal-2050, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Bħala tali, din l-inizjattiva hija marbuta ma’ ħafna oqsma ta’ politika oħrajn, inklużi l-politiki esterni tal-Unjoni, eż. permezz tal-UE li tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jimplimentaw ukoll l-iskema CORSIA, u appoġġ biex jgħin biex jiġi żgurat li l-linji tal-ajru joperaw fuq l-istess livell. Il-Kummissjoni ħabbret li se ttejjeb il-mod kif il-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-għodod ta’ appoġġ jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u innovazzjoni, bl-objettiv li l-inizjattivi kollha tal-UE jissodisfaw il-prinċipju ekoloġiku ta’ “la tagħmilx ħsara”. Din l-inizjattiva hija konsistenti wkoll mal-politika tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni u se ttejjeb is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ implimentazzjoni tal-UE b’mod partikolari l-Fond għall-Innovazzjoni u l-Programmi Qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni billi tinċentiva l-użu u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 ivvalutat bir-reqqa l-possibbiltà li jissaħħaħ u li jiġi estiż l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet bħala waħda mill-għodod biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell tal-UE.

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni hija żgurata wkoll permezz tal-koerenza tal-valutazzjonijiet tal-impatt għall-EU ETS mal-valutazzjonijiet magħmula għall-bqija tal-qafas tal-2030 dwar il-klima, l-enerġija u t-trasport, u ma’ miżuri oħrajn ippreżentati bħala parti mill-basket ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għad-Direttiva 2003/87/KE dwar l-EU ETS, kif ukoll il-leġiżlazzjoni sussegwenti kollha li temendaha u leġiżlazzjoni oħra li tirregola l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, hija l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan jenħtieġ li jibqa’ l-bażi ġuridika għal kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza l-impatti klimatiċi tal-avjazzjoni, peress li l-objettiv ewlieni tal-miżura huwa l-protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Is-sussidjarjetà

Id-Direttiva EU ETS hija strument ta’ politika tal-UE eżistenti. F’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-proposta li temenda dan l-istrument jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE.

Huwa meħtieġ att legali tal-UE għall-Istati Membri biex japplikaw l-iskema CORSIA kif xieraq għat-titjiriet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tad-Direttiva 2003/87/KE kif stabbilit fl-Anness I tagħha, jiġifieri titjiriet li jitilqu minn ajruporti fiż-ŻEE u li jaslu f’ajruporti oħrajn fiż-ŻEE jew f’pajjiżi terzi u, titjiriet li ġejjin lejn ajruporti fiż-ŻEE minn pajjiżi terzi. 

L-azzjoni fil-livell tal-UE, u fejn possibbli fil-livell globali, hija aktar effikaċi minn azzjoni fil-livell ta’ Stat Membru, minħabba l-effetti transfruntiera tat-tibdil fil-klima u n-natura fil-biċċa l-kbira transnazzjonali tal-avjazzjoni. L-azzjoni fil-livell tal-UE se twassal bl-aktar mod effettiv il-miri klimatiċi domestiċi u internazzjonali tal-UE u tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata u xierqa ta’ CORSIA fir-rigward tal-UE.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tal-implimentazzjoni tal-miri tal-UE għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 b’mod kosteffettiv filwaqt li jiġu żgurati l-ġustizzja, l-integrità ambjentali, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u l-implimentazzjoni ta’ CORSIA.

Il-Kunsill Ewropew approva tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha u fuq livell domestiku ta’ mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Din il-proposta tkopri parti kbira minn dawn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u tirrevedi d-Direttiva sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

L-għażla tal-istrument

L-objettivi ta’ din il-proposta huma segwiti bl-aħjar mod permezz ta’ Direttiva emendatorja. Din hija l-istrument legali l-aktar xieraq biex isiru emendi għad-Direttiva tal-EU ETS eżistenti, id-Direttiva 2003/87/KE. Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jilħqu l-objettivi tagħhom u jimplimentaw il-miżuri fis-sistemi legali sostantivi u proċedurali nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ma jfixklux l-innovazzjoni u jkunu teknoloġikament newtrali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iskema CORSIA, li jeżaminal-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali tagħha, inkluża l-ambizzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-miri fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-livell ta’ parteċipazzjoni, l-infurzabbiltà, it-trasparenza, il-penali għan-nuqqas ta’ konformità, il-proċessi għall-input pubbliku, il-kwalità tal-krediti ta’ kumpens, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, ir-responsabbiltà kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li ssir proposta biex jiġi emendat id-dritt tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA kif xieraq.

Barra minn hekk, l-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE jistipula li r-rapport tal-Kummissjoni jenħtieġ li jikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 28c(2) jenħtieġx li jiġu riveduti. L-Artikolu 28b(3) tad-Direttiva EU ETS jipprevedi li l-Kummissjoni takkumpanja r-rapport bi “proposta, fejn xieraq, biex temenda, tħassar, testendi jew tissostitwixxi” id-derogi previsti fl-Artikolu 28a (li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS għal titjiriet intra-ŻEE mill-2017-2023), dan huwa“konsistenti mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni għall-2030 bl-għan li jiġu ppreservati l-effettività u l-integrità ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni”. 

Ir-rapport huwa inkluż fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, u jibbaża fuq studju “Valutazzjoni tal-miżuri bbażati fuq is-suq globali tal-ICAO (CORSIA) skont l-Artikolu 28b u għall-istudju tat-trasferiment tal-kostijiet skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva tal-EU ETS” 7

L-Artikolu 3d(2) tad-Direttiva EU ETS jirrikjedi li l-Kummissjoni “tistudja l-ħila tas-settur tal-avjazzjoni li jgħaddi l-ispiża tas-CO2 lill-klijenti tiegħu kemm fil-miżura tal-EU ETS kif ukoll fil-miżura bbażata fuq is-suq tal-ICAO, billi tqabbel dan mal-industriji u mas-settur tal-enerġija, u bl-intenzjoni li jiġi propost li jiżdied il-perċentwal tal-irkant skont ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 28b(2).

L-istudju huwa inkluż fil-Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-Reviżjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet fir-rigward tal-avjazzjoni, u jibbaża fuq ir-rapport “Valutazzjoni tal-miżura globali tal-ICAO bbażata fuq is-suq (CORSIA) skont l-Artikolu 28b u għall-istudju tat-trasferiment tal-kostijiet skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva EU ETS”. 

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu bejn it-3 ta’ Lulju 2020 u t-28 ta’ Awwissu 2020. B’kollox , 54 entità ppreżentaw feedback.  Mir-rispondenti, l-Istati Membri tal-UE appoġġaw il-koeżistenza tal-EU ETS u CORSIA; pajjiżi mhux tal-UE esprimew tħassib dwar id-duplikazzjoni bejn l-EU ETS u CORSIA, l-implimentazzjoni parzjali ta’ CORSIA, it-trattament ta’ trasportaturi mhux tal-UE u l-esklużività ta’ CORSIA. Fir-rigward tal-għażliet ta’ implimentazzjoni ta’ CORSIA, il-maġġoranza l-kbira tal-NGOs ippreferew il-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tal-EU ETS jew għażliet li jżommu mill-inqas il-kamp ta’ applikazzjoni attwali jew l-għażliet ibridi bejniethom. Huma appoġġaw ukoll irkant sħiħ immedjat.

Il-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-kumpaniji ppreferew l-għażla ta’ politika ta’ CORSIA biss. Fir-rigward tal-irkant, il-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-kumpaniji ppreferew l-istatus quo jew it-tnaqqis bil-mod, u l-użu tad-dħul għall-industrija tal-avjazzjoni. Iċ-ċittadini tal-UE li wieġbu kienu favur aktar ambizzjoni klimatika mis-settur.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa mal-partijiet ikkonċernati saret bejn l-1 ta’ Ottubru 2020 u l-14 ta’ Jannar 2021, u rċeviet total ta’ 81 tweġiba. Fil-konsultazzjoni pubblika, 91 % tar-rispondenti jaqblu li s-settur tal-avjazzjoni jenħtieġ li jikkontribwixxi aktar għall-azzjonijiet klimatiċi. 88 % tar-rispondenti jemmnu li l-miżuri bbażati fuq is-suq jistgħu jkunu mezzi effettivi kif jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni f’konformità mal-objettivi klimatiċi. 82 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika qablu li l-miżuri bbażati fuq is-suq jiġu kkombinati ma’ politiki oħrajn bħall-appoġġ għal teknoloġiji innovattivi tal-avjazzjoni, it-titjib operazzjonali, it-tassazzjoni, u l-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. 

Għall-għażliet ta’ implimentazzjoni ta’ CORSIA, l-opinjonijiet varjaw bejn u fi ħdan il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-aktar għażliet preferibbli kienu l-għażla CORSIA BISS u TAĦLITA bi 33 % tal-voti għal kull għażla. L-għażliet l-inqas preferibbli kienu l-kamp ta’ applikazzjoni legali sħiħ tal-ETS u T-TAĦLITA BIS bi 33 % tal-voti għal kull għażla. Għall-awtoritajiet pubbliċi, 30 % sabu li CORSIA BISS hija l-aktar għażla preferibbli, u 40 % sabu li CORSIA BISS hija l-inqas għażla preferibbli. Għall-NGOs, il-kamp ta’ applikazzjoni legali sħiħ tal-EU ETS kien l-aktar għażla preferibbli b’89 % tal-voti, u CORSIA BISS hija l-għażla l-inqas preferibbli b’44 % tal-voti.

Għaż-żieda fis-sehem tal-irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati ppreferew it-tneħħija gradwali immedjata, filwaqt li ż-żamma tal-istatus quo hija l-għażla l-inqas ippreferuta tagħhom. Il-fehmiet tar-rispondenti kienu maqsuma b’mod ċar bejn l-għażliet ta’ żieda fl-ishma tal-irkant. 53 % tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jippreferu l-istatus quo u ddikjaraw tneħħija gradwali immedjata bħala l-għażla l-inqas ippreferuta (74 %). 56 % tal-NGOs ippreferew it-tneħħija gradwali immedjata, u 63 % iddikjaraw l-istatus quo bħala l-għażla l-inqas ippreferuta tagħhom. 60 % tal-awtoritajiet pubbliċi ppreferew t-tneħħija gradwali bil-mod tal-allokazzjoni bla ħlas.

Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkunsidraw li ż-żieda fl-irkant tista’ żżid il-kost tat-titjir, filwaqt li l-maġġoranza qablu wkoll li din il-miżura tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. 

Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat id-diversi għażliet li permezz tagħhom reviżjoni tal-EU ETS fir-rigward tal-avjazzjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv u effiċjenti għat-twettiq tal-mira aġġornata bħala parti minn pakkett ta’ politika “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” usa’. Il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza għażliet differenti għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA permezz tal-EU ETS u għal żieda fis-sehem tal-irkant. 

L-għażliet għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA jvarjaw fil-punt sa fejn tinżamm, titnaqqas jew tiġi estiża l-kopertura eżistenti tal-EU ETS. It-tqabbil tal-għażliet juri li filwaqt li l-inċentivi tal-prezzijiet tal-ETS huma ordnijiet ta’ daqs akbar mill-prezz tal-kumpensi tal-kwalità ta’ CORSIA, l-impatt ambjentali ġenerali fil-livell globali fl-għażliet ta’ politika huwa limitat minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku limitat tal-EU ETS. Madankollu, hemm differenzi sinifikanti bejn l-għażliet fir-rigward tal-kontribut għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE. Hemm ukoll differenzi konsiderevoli f’termini ta’ dħul li jirriżulta mill-kombinamenti differenti ta’ għażliet ta’ politika, peress li CORSIA, skont id-disinn, ma tiġġenera l-ebda dħul pubbliku mil-linji tal-ajru. L-għażla ppreferuta hija li tinżamm il-kopertura attwali tal-EU ETS (titjiriet intra-ŻEE, inklużi titjiriet li jitilqu lejn l-Iżvizzera u lejn ir-Renju Unit) u li jiġu introdotti dispożizzjonijiet xierqa relatati ma’ CORSIA għal titjiriet li bħalissa ma humiex koperti mill-EU ETS (titjiriet lejn/minn pajjiżi terzi, u minn linji tal-ajru bbażati fl-UE bejn żewġ pajjiżi terzi).

L-għażliet għaż-żieda fis-sehem tal-irkant fl-allokazzjoni tal-kwoti tal-avjazzjoni jvarjaw fil-veloċità taż-żieda. It-tqabbil tal-għażliet analizzati juri każ b’saħħtu biex wieħed jaqleb għal irkant sħiħ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni riveduta. Filwaqt li ġew allokati kwoti bla ħlas b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi potenzjali fuq il-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, dawn jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. L-analiżi tissuġġerixxi riskju baxx ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju meta jiżdied is-sehem tal-irkant. Il-bidla għal irkant sħiħ timplika l-istabbilizzazzjoni tal-limitu massimu għall-avjazzjoni fil-livelli attwali peress li l-irkant bħalissa huwa perċentwal fiss ta’ allokazzjonijiet bla ħlas. Dan iżomm il-livell attwali ta’ integrità ambjentali għal-limitu massimu tal-avjazzjoni, u l-limitu massimu jkun soġġett għall-fattur lineari ta’ tnaqqis, kif diġà meħtieġ mill-koleġiżlaturi u kif inhu l-każ għall-operaturi l-oħrajn kollha fl-EU ETS. It-tneħħija tal-allokazzjoni bla ħlas fl-EU ETS issaħħaħ l-integrità ambjentali tagħha. L-għażla ppreferuta hija ż-żieda fl-irkant mid-dħul fis-seħħ tal-emenda. 

Id-drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, hija tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Skont l-ETS eżistenti, il-biċċa l-kbira tad-dħul mill-irkant huwa dovut lill-Istati Membri, u għalhekk hemm impatti pożittivi fuq il-baġits nazzjonali. L-aġġustamenti għall-qafas baġitarju tal-UE se jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett li jmiss dwar ir-Riżorsi Proprji inkluża proposta biex jiġi emendat il-qafas finanzjarju pluriennali.

Għall-kopertura eżistenti tal-EU ETS, ma hemm l-ebda impatt amministrattiv addizzjonali fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali. L-impatti tal-implimentazzjoni ta’ CORSIA jenħtieġ li jkunu limitati bl-użu tal-istess infrastrutturi. 

L-iżvilupp tal-IT u l-għażliet ta’ akkwist se jkunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 3c huma emendati biex jikkonsolidaw il-kwantità totali ta’ kwoti għall-avjazzjoni fil-livell ta’ allokazzjoni/irkant għal titjiriet intra-Ewropej u titjiriet li jitilqu minn ajruporti taż-ŻEE lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit. L-allokazzjoni għas-sena 2024 se tkun ibbażata fuq l-allokazzjoni totali lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru attivi fl-2023, imnaqqsa bil-fattur lineari ta’ tnaqqis kif speċifikat fid-Direttiva dwar l-ETS. L-allokazzjoni għandha tiżdied bil-livell ta’ allokazzjoni li kien isir kieku r-rotot bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi, u stati oħrajn minbarra l-Istat Membru li fih jinsab ir-reġjun ultraperiferiku, kienu koperti mill-ETS fl-2023. Id-deroga temporanja mill-obbligi tal-EU ETS għal dawn ir-rotot tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023. Il-limitu massimu miżjud għandu jitnaqqas bil-fattur lineari ta’ tnaqqis kif speċifikat fid-Direttiva dwar l-ETS.

Qed tiġi proposta deroga limitata biż-żmien mill-EU ETS għall-emissjonijiet minn titjiriet bejn ajrudrom li jinsab f’reġjun ultraperiferiku ta’ Stat Membru u ajrudrom li jinsab fl-istess Stat Membru.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3d huwa sostitwit biex jiġi stabbilit irkant akbar ta’ kwoti għall-avjazzjoni minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda. L-emenda hija għat-tranżizzjoni lejn irkant sħiħ mill-2027.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3d jitħassar għax ma għadux validu.

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 3d, hija emendata biex tirrifletti li l-atti delegati li għandhom jiġu adottati biex jissupplimentaw din id-Direttiva dwar l-arranġamenti dettaljati għall-irkantar mill-Istati Membri ta’ kwoti tal-avjazzjoni jenħtieġ li jinkludu l-modalitajiet għat-trasferiment ta’ sehem ta’ dħul għall-baġit tal-Unjoni.

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 3d huwa sostitwit biex jirrifletti rakkomandazzjoni aktar b’saħħitha li l-Istati Membri jużaw id-dħul mill-irkant tal-ETS biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u li sehem minn dak id-dħul huwa attribwit għall-baġit tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji.  

L-Artikoli 3e u 3f huma mħassra peress li r-regoli dwar l-allokazzjoni bla ħlas għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma għadhomx meħtieġa wara t-tranżizzjoni għal irkantar sħiħ.

Il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 11a huma sostitwiti biex jipprevedu li l-linji tal-ajru bbażati fl-UE jużaw krediti internazzjonali xierqa għall-konformità għal titjiriet lejn jew minn pajjiżi terzi li qed japplikaw l-iskema CORSIA. Sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta’ CORSIA tal-UE tappoġġa l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u tagħti inċentivi għal parteċipazzjoni wiesgħa lill-CORSIA, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: il-krediti ta’ konformità joriġinaw minn stati li huma Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi u li jipparteċipaw fl-iskema CORSIA, u jiġi evitat għadd doppju ta’ krediti.

Jiżdied paragrafu 8 ġdid mal-Artikolu 11a, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika l-krediti li ġew ikkunsidrati aċċettabbli mill-Kunsill tal-ICAO biex jintużaw għall-konformità ta’ CORSIA.

Jiżdied paragrafu 6 ġdid mal-Artikolu 12, li jimplimenta CORSIA għall-kumpaniji tal-UE għal titjiriet lejn, minn u barra ż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. L-obbligi ta’ ċediment tal-linji tal-ajru għal dawn it-titjiriet jitnaqqsu mill-ammont sħiħ ta’ emissjonijiet għas-sehem tagħhom ta’ emissjonijiet kollettivi tal-avjazzjoni skont il-linja bażi ta’ CORSIA.

Il-paragrafi ġodda 3 sa 9 jiżdiedu mal-Artikolu 25a.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta u żżomm att ta’ implimentazzjoni li jelenka l-istati (għajr iż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit) li huma kkunsidrati li qed japplikaw l-iskema CORSIA għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni.

Il-verifika ta’ CORSIA tal-konformità tal-linji tal-ajru mhux ibbażati fl-UE hija maħsuba li tappartjeni biss għall-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-linji tal-ajru. Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ CORSIA għal titjiriet barra mill-Ewropa tfisser l-eżenzjoni ta’ linji tal-ajru mhux Ewropej mill-obbligi tal-EU ETS għat-titjiriet bejn l-Ewropa u pajjiżi terzi li qed jimplimentaw l-iskema CORSIA.

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fuq ir-rotot, it-titjiriet lejn u minn pajjiżi li ma humiex qed jimplimentaw l-iskema CORSIA jkunu eżentati mill-obbligi tal-EU ETS jew ta’ CORSIA.

It-titjiriet lejn u mill-biċċa l-kbira tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw li ma jimplimentawx l-iskema CORSIA jkunu eżentati mill-obbligi tal-EU ETS jew ta’ CORSIA mingħajr data ta’ tmiem għall-eżenzjoni.

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jipprojbixxi lil-linji tal-ajru bbażati fl-UE mir-rekwiżiti ta’ ċediment fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet fejn isseħħ distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-linji tal-ajru bbażati fl-UE minħabba implimentazzjoni jew infurzar inqas strett ta’ CORSIA fil-pajjiż terz. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkawżata minn approċċ inqas strett għall-krediti ta’ kumpens eliġibbli jew dispożizzjonijiet ta’ għadd doppju.

2021/0207 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u li timplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 8 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 9 ,

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 stabbiliet sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-gassijiet serra b’mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti. L-attivitajiet tal-avjazzjoni ġew inklużi fis-sistema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet bid-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 .

(2)Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat f’Diċembru 2015 fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) daħal fis-seħħ f’Novembru 2016 (“il-Ftehim ta’ Pariġi”) 12 . Il-partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, is-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali.

(3)Il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (l-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago) fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Ġunju 2018. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġaw l-iskema CORSIA u huma impenjati li jimplimentawha mill-bidu tal-fażi pilota 2021-2023 13 .

(4)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 14 , l-Istati Membri nnotifikaw lis-Segretarjat tal-ICAO dwar id-differenzi bejn l-iskema CORSIA u l-EU ETS. L-objettiv kien li jiġu ppreservati l-acquis tal-Unjoni u l-ispazju ta’ politika futur, kif ukoll il-livell tal-Unjoni ta’ ambizzjoni klimatika u r-rwoli esklużivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fid-deċiżjoni tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Wara l-adozzjoni ta’ din l-emenda għad-Direttiva 2003/87/KE, in-notifika tad-differenzi bejn l-iskema CORSIA u l-EU ETS lis-Segretarjat tal-ICAO jenħtieġ li tiġi aġġornata biex tirrifletti r-reviżjonijiet magħmula lid-dritt tal-Unjoni.

(5)L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi huma fil-qalba tal-Komunikazzjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, adottata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2019 15 .

(6)L-Unjoni intrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra madwar l-ekonomija kollha tagħha b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030 fl-impenn għal tnaqqis determinat fuq livell nazzjonali aġġornat tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sottomess lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta’ Diċembru 2020 16 .

(7)L-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni l-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 . Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll impenn vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030.

(8)Din l-emenda għad-Direttiva 2003/87/KE għandha l-għan li timplimenta l-kontributi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi għall-avjazzjoni, u tal-qafas regolatorju biex tintlaħaq il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-klima għall-2030 ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fuq livell domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030 stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/ … .

(9)L-avjazzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet meħtieġa għall-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030. Għalhekk, il-kwantità totali ta’ kwoti għall-avjazzjoni jenħtieġ li tiġi kkonsolidata u soġġetta għall-fattur lineari ta’ tnaqqis.

(10) Il-kisba taż-żieda fl-ambizzjoni klimatika se tkun tirrikjedi li jiġu diretti kemm jista’ jkun riżorsi għat-tranżizzjoni klimatika. B’riżultat ta’ dan, id-dħul kollu mill-irkant li ma jkunx attribwit għall-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jintuża għal finijiet relatati mal-klima.

(11)F’konformità mal-Artikolu 28b(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Unjoni għandha tivvaluta l-iskema CORSIA tal-ICAO u timplimentaha kif xieraq, u b’mod li jkun konsistenti mal-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 fl-ekonomija kollha.

(12)Il-kwantità totali ta’ kwoti għall-avjazzjoni jenħtieġ li tiġi konsolidata fil-livell ta’ allokazzjoni għal titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit. L-allokazzjoni għas-sena 2024 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-allokazzjoni totali lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru attivi fis-sena 2023, imnaqqsa bil-fattur lineari ta’ tnaqqis kif speċifikat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-livell ta’ allokazzjoni jenħtieġ li jiżdied biex jitqiesu r-rotot li ma kinux koperti mill-EU ETS fis-sena 2023 iżda li huma koperti mill-EU ETS mis-sena 2024 ’il quddiem. 

(13)Żieda fl-irkant mis-sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda għad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tkun ir-regola għall-allokazzjoni tal-kwoti tas-settur tal-avjazzjoni, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-settur li jgħaddi l-kost miżjud tas-CO2.

(14)Id-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tiġi emendata wkoll fir-rigward ta’ unitajiet ta’ konformità aċċettabbli, biex jitqiesu l-Kriterji tal-Eliġibbiltà tal-Unitajiet ta' Emissjoni adottati mill-Kunsill tal-ICAO fil-216-il sessjoni tiegħu f’Marzu 2019 bħala element essenzjali ta’ CORSIA. Il-linji tal-ajru bbażati fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw krediti internazzjonali għall-konformità għal titjiriet lejn jew minn pajjiżi terzi li jitqiesu li qed jipparteċipaw fl-iskema CORSIA. Sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta’ CORSIA tal-Unjoni tappoġġa l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u tagħti inċentivi għal parteċipazzjoni wiesgħa lill-CORSIA, il-krediti jenħtieġ li joriġinaw minn Stati li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi u li jipparteċipaw fl-iskema CORSIA, u jenħtieġ li jiġi evitat għadd doppju ta’ krediti.

(15)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ krediti internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta lista tal-krediti li jkunu ġew ikkunsidrati aċċettabbli mill-Kunsill tal-ICAO biex jintużaw għall-konformità ta’ CORSIA, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ hawn fuq. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 .

(16)Biex jiġi żgurat li jkunu stabbiliti arranġamenti meħtieġa għall-awtorizzazzjoni mill-partijiet parteċipanti, aġġustamenti f’waqthom għar-rapportar tal-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u assorbimenti minn bjar koperti mill-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tal-partijiet parteċipanti, u l-evitar tal-għadd doppju u ta’ żieda netta fl-emissjonijiet globali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għal tali arranġamenti. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 .

(17)Għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA fuq titjiriet għajr titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, l-obbligi ta’ ċediment jenħtieġ li jitnaqqsu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni li joperaw dawn it-titjiriet. L-obbligi ta’ ċediment tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għal dawn it-titjiriet jenħtieġ li jitnaqqsu biss għas-sehem tagħhom ta’ emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali kollettivi ogħla mil-livelli kollettivi tal-2019, fir-rigward tal-emissjonijiet matul l-2021-2023, u ogħla mil-livelli kollettivi tal-2019-2020 għas-snin sussegwenti tal-applikazzjoni ta’ CORSIA.

(18)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-elenkar ta’ pajjiżi li huma kkunsidrati li qed japplikaw l-iskema CORSIA għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87/KE skont l-Artikolu 25a(3) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta u żżomm il-lista ta’ Stati għajr pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit, li huma kkunsidrati li qed jipparteċipaw fl-iskema CORSIA għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(19)Peress li l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ CORSIA għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati barra mill-Unjoni huma maħsuba li jappartjenu biss għall-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-implimentazzjoni ta’ CORSIA għal titjiriet għajr titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit tfisser li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati barra mill-Unjoni jiġu eżentati mill-obbligi tal-EU ETS għal dawn it-titjiriet.

(20)Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fuq ir-rotot, it-titjiriet lejn u minn pajjiżi li ma humiex qed jimplimentaw l-iskema CORSIA jenħtieġ li jkunu eżentati mill-obbligi tal-EU ETS jew ta’ CORSIA. Sabiex tiġi inċentivata l-implimentazzjoni sħiħa ta’ CORSIA mill-2027, l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika biss għall-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(21)Titjiriet lejn u mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u mill-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw, kif iddefiniti min-Nazzjonijiet Uniti, li ma jimplimentawx l-iskema CORSIA, għajr dawk l-Istati li l-PDG per capita tagħhom huwa daqs jew jaqbeż il-medja tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligi tal-EU ETS jew ta’ CORSIA mingħajr data tat-tmiem għall-eżenzjoni.

(22)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-eżenzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mir-rekwiżiti ta’ ċediment kif stabbilit fl-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet lejn u minn pajjiżi li japplikaw l-iskema CORSIA b’mod inqas strett fil-liġi domestika tagħha, jew in-nuqqas ta’ infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ CORSIA b’mod ugwali għall-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 25a(7) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex teżenta lil-linji tal-ajru bbażati fl-Unjoni mir-rekwiżiti ta’ ċediment fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet fejn isseħħ distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-linji tal-ajru bbażati fl-Unjoni minħabba implimentazzjoni jew infurzar inqas strett ta’ CORSIA fil-pajjiż terz. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkawżata minn approċċ inqas strett għall-krediti ta’ kumpens eliġibbli jew dispożizzjonijiet ta’ għadd doppju. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(23)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi fir-rotot bejn żewġ pajjiżi differenti li japplikaw l-iskema CORSIA fejn dawk il-pajjiżi jippermettu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw unitajiet oħrajn minbarra dawk fil-lista adottata skont l-Artikolu 11a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, skont l-Artikolu 25a(8) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tippermetti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fi Stat Membru jużaw tipi ta’ unitajiet addizzjonali għal-lista adottata skont l-Artikolu 11a(8) jew li ma jkunux marbuta bil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11a(2) u (3). Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(24)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fir-rotot bejn żewġ pajjiżi terzi li jimplimentaw l-iskema CORSIA, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ krediti oħrajn fuq dawk ir-rotot. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 20 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jindirizzaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(25)Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-promozzjoni tal-aċċessibbiltà għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi pprovduta deroga mill-EU ETS għall-emissjonijiet minn titjiriet bejn ajrudrom li jinsab f’reġjun ultraperiferiku ta’ Stat Membru u ajrudrom li jinsab fl-istess Stat Membru.

(26)Approċċ komprensiv għall-innovazzjoni huwa importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Dan huwa ta’ importanza partikolari għal setturi bħall-avjazzjoni u t-tbaħħir li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati u fejn hemm bżonn li jintuża kombinament ta’ titjib operazzjonali, fjuwils alternattivi newtrali għall-klima u soluzzjonijiet teknoloġiċi. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ma jfixklux l-innovazzjonijiet u jkunu teknoloġikament newtrali. Fil-livell tal-UE, l-isforzi meħtieġa għar-riċerka u l-innovazzjoni, huma appoġġati fost l-oħrajn, permezz tal-Programm Qafas Orizzont Ewropa, li jinkludi finanzjament sinifikanti u strumenti ġodda għas-setturi li jaqgħu taħt l-ETS.

(27)Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(28)Id-Direttiva 2003/87/KE għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 3c huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 jitħassar,

(b)jiżdiedu l-paragrafi 5, 6 u 7 li ġejjin:

“5.    Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-sena 2024 abbażi tal-allokazzjoni totali tal-kwoti fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li kienu qed iwettqu attivitajiet tal-avjazzjoni li jaqgħu fl-Anness I fis-sena 2023, imnaqqsa bil-fattur lineari ta’ tnaqqis speċifikat fl-Artikolu 9, u għandhom jippubblikaw dik il-kwantità, kif ukoll il-kwantità ta’ allokazzjoni bla ħlas li kienet isseħħ fl-2024 li kieku r-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas ma kinux aġġornati.

6.    Fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, li ma kinux koperti mill-EU ETS fl-2023, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tiżdied bil-livelli tal-allokazzjonijiet, inklużi l-allokazzjoni bla ħlas u l-irkant, li kien isir kieku kienu koperti mill-EU ETS f’dik is-sena, imnaqqsa mill-fattur lineari ta’ tnaqqis speċifikat fl-Artikolu 9.

7.    B’deroga mill-Artikoli 12(2a), 14(3) u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati u ma għandhom jieħdu l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward tal-emissjonijiet li jseħħu sal-2030 minn titjiriet bejn ajrudrom li jinsab f’reġjun ultraperiferiku ta’ Stat Membru u ajrudrom li jinsab f’dak l-ajrudrom fl-istess Stat Membru barra minn dak ir-reġjun ultraperiferiku.”;

(2)L-Artikolu 3d huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fl-2024, 25 % tal-kwantità tal-kwoti li fir-rigward tagħhom tkun seħħet allokazzjoni bla ħlas kif ippubblikata f’konformità mal-Artikolu 3c għandhom jiġu rkantati.”,

(b)jiżdiedu l-paragrafi 1a, 1b, 1c u 1d li ġejjin:

“1a. Fl-2025, 50 % tal-kwantità tal-kwoti li fir-rigward tagħhom tkun seħħet allokazzjoni bla ħlas f’dik is-sena, ikkalkolata mill-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3c għandha tiġi rkantata.

1b. Fl-2026, 75 % tal-kwantità tal-kwoti li fir-rigward tagħhom tkun seħħet allokazzjoni bla ħlas f’dik is-sena, ikkalkolata mill-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3c għandha tiġi rkantata.

1c. Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-kwantità kollha ta’ kwoti li fir-rigward tagħhom tkun seħħet l-allokazzjoni bla ħlas f’dik is-sena għandha tiġi rkantata.”,

1.d. Il-kwoti li jiġu allokati bla ħlas għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru b’mod proporzjonali għas-sehem tagħhom ta’ emissjonijiet ivverifikati mill-attivitajiet tal-avjazzjoni rrapportati fl-2023. Dan il-kalkolu għandu jqis ukoll l-emissjonijiet ivverifikati mill-attivitajiet tal-avjazzjoni rrapportati fir-rigward ta’ titjiriet li huma koperti biss mill-EU ETS mill-1 ta’ Jannar 2023.”,

(c)il-paragrafu 2 jitħassar,

(d)l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva dwar l-arranġamenti dettaljati għall-irkantar mill-Istati Membri ta’ kwoti tal-avjazzjoni f’konformità mal-paragrafi 1, 1a, 1b, 1c u 1d ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-modalitajiet għat-trasferiment ta’ sehem ta’ dħul minn tali rkant għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.”,

(e)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu ta’ dħul iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, ħlief għad-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f’konformità mal-Artikolu 311(3) tat-Trattat u mdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti f’konformità mal-Artikolu 10(3).”;

(3)l-Artikoli 3e u 3f jitħassru;

(4)Fl-Artikolu 6(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tal-istallazzjoni kull sena kalendarja, kif ivverifikati f’konformità mal-Artikolu 15, fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ dik is-sena.”;

(5)L-Artikolu 11a huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1 sa 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Soġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew li jkun irreġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu jistgħu jużaw l-unitajiet li ġejjin biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom kif stabbiliti fl-Artikolu 12 fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet lejn u minn pajjiżi li huma elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3):

(a)krediti awtorizzati mill-partijiet li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu stabbilit skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim ta’ Pariġi;

(b)krediti awtorizzati mill-partijiet li jipparteċipaw fi programmi ta’ kreditu li jkunu ġew ikkunsidrati eliġibbli mill-Kunsill tal-ICAO kif identifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 8;

(c)krediti awtorizzati minn ftehimiet tal-partijiet skont il-paragrafu 5;

(d)krediti maħruġa fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 24a.

2.    L-unitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, jistgħu jintużaw jekk ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)joriġinaw minn pajjiż li huwa parti għall-Ftehim ta’ Pariġi fil-ħin tal-użu;

(b)joriġinaw minn pajjiż li huwa elenkat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) bħala li qed jipparteċipa fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). Din il-kundizzjoni ma għandhiex tapplika fir-rigward tal-emissjonijiet qabel l-2027, u lanqas ma għandha tapplika fir-rigward tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u tal-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw, kif definit min-Nazzjonijiet Uniti, ħlief għal dawk il-pajjiżi li l-PDG per capita tagħhom huwa daqs jew jaqbeż il-medja tal-Unjoni.

3.    L-unitajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, jistgħu jintużaw jekk ikun hemm arranġamenti stabbiliti għall-awtorizzazzjoni mill-partijiet parteċipanti, isiru aġġustamenti f’waqthom għar-rapportar tal-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u tal-assorbiment minn bjar koperti mill-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tal-partijiet parteċipanti, u li l-għadd doppju u ż-żieda netta fl-emissjonijiet globali jiġu evitati.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti aktar dettaljati għall-arranġamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, li jistgħu jinkludu rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ reġistru, u għall-elenkar tal-Istati jew tal-programmi li japplikaw dawn l-arranġamenti. L-arranġamenti għandhom iqisu l-flessibbiltajiet mogħtija lill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u lill-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”,

(c)il-paragrafu (4) jitħassar,

(d)jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8.    Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jelenka l-krediti li ġew ikkunsidrati eliġibbli mill-Kunsill tal-ICAO u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3. Il-Kummissjoni għandha temenda dik il-lista kif xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”;

(6)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. F’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 7, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-kumpens kull sena għas-sena kalendarja preċedenti skont it-tifsira tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati tal-ICAO dwar il-Protezzjoni Ambjentali għall-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, għajr dawk li japplikaw fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, u sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena jinformaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin tal-livell ta’ kumpens:

(a)l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkollu ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikun reġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru;

(b)jipproduċu emissjonijiet annwali tas-CO2 ta’ aktar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta’ inġenji tal-ajru b’massa massima ċċertifikata waqt it-tlugħ mill-art ta’ aktar minn 5 700 kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I, għajr dawk li jitilqu u li jaslu fl-istess Stat Membru (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru), mill-1 ta’ Jannar 2019.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-tipi ta’ titjiriet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu:

(i) titjiriet Statali;

(ii) titjiriet umanitarji;

(iii) titjiriet mediċi;

(iv) titjiriet militari;

(v) titjiriet ta’ tifi tan-nar.”,

(b)jiżdiedu l-paragrafi 7, u 8 li ġejjin:

“7. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tar-responsabbiltajiet ta’ kumpens għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

8. Fir-rigward ta’ titjiriet lejn, minn u bejn il-pajjiżi li huma elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3), l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew li huwa rreġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru, għandhom jikkanċellaw l-unitajiet imsemmija fl-Artikolu 11a biss fir-rigward tal-kwantità nnotifikata minn dak l-Istat Membru fir-rigward tas-sena kalendarja rilevanti. Il-kanċellazzjoni għandha ssir sal-31 ta’ Jannar 2025 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2021 sal-2023, sal-31 ta’ Jannar 2028 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2024 sal-2026, sal-31 ta’ Jannar 2031 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2027 sal-2029, sal-31 ta’ Jannar 2031 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2027 sal-2029, sal-31 ta’ Jannar 2034 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2030 sal-2032 u sal-31 ta’ Jannar 2037 għall-emissjonijiet fil-perjodu mill-2033 sal-2035,”;

(7)Fl-Artikolu 18a, il-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) mill-2024, mill-inqas kull sentejn, taġġorna l-lista biex tinkludi l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li sussegwentement wettqu attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I.”;

(8)L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 12(7), it-tielet subparagrafu, 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-8 ta’ April 2018.

3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 12(7), it-tielet subparagrafu, 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”,

(b)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 3d(3), 10(4), 10a(1) u (8), 10b(5), 12(6), it-tielet subparagrafu, 19(3), l-Artikolu 22, l-Artikoli 24(3), 24a(1), 25a(1) u l-Artikolu 28c għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(9)Fl-Artikolu 25a, jiżdiedu l-paragrafi 3 sa 9 li ġejjin:

“3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jelenka pajjiżi għajr pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit, li huma kkunsidrati li qed japplikaw l-iskema CORSIA għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, b’linja bażi tal-2019 għall-2021 sal-2023 u linja bażi tal-2019-2020 għal kull sena wara dik id-data. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

4.    Fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet lejn jew minn pajjiżi li huma elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn pajjiż jew li jkun irreġistrat f’pajjiż li jkun elenkat fih ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkanċellaw l-unitajiet fir-rigward ta’ dawk l-emissjonijiet.

5.    Fir-rigward tal-emissjonijiet li jseħħu sal-31 ta’ Diċembru 2026 minn titjiriet bejn iż-ŻEE u pajjiżi li ma humiex elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3, għajr titjiriet lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkanċellaw l-unitajiet.

6.    Fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet lejn u minn Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw kif iddefiniti min-Nazzjonijiet Uniti, minbarra dawk elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkanċellaw l-unitajiet.

7.    Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li hemm distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni li hija ta’ detriment għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew li huwa rreġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex teżenta lil dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru mir-rekwiżiti ta’ ċediment kif stabbilit fl-Artikolu 12(8) fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet lejn u minn tali pajjiżi. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkawżata minn pajjiż terz li japplika CORSIA b’mod inqas strett fil-liġi domestika tiegħu, jew li jonqos milli jinforza d-dispożizzjonijiet ta’ CORSIA b’mod ugwali għall-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

8.    Meta operatur tal-inġenji tal-ajru li jkollu ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikun irreġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru, jopera titjiriet bejn żewġ pajjiżi differenti elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3, inklużi titjiriet li jseħħu bejn l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-pajjiżi elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3, u dawk il-pajjiżi jippermettu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw unitajiet oħrajn għajr dawk fil-lista adottata skont l-Artikolu 11a(8), il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jippermettu lil dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw tipi ta’ unitajiet addizzjonali għal dik il-lista jew li ma jkunux marbuta bil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11a(2) u (3) fir-rigward tal-emissjonijiet minn tali titjiriet. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).”;

(10)Fl-Anness I, fit-tabella, jiddaħħal it-test li ġej wara l-ewwel paragrafu tal-entrata “Avjazzjoni” tal-kolonna “Attivitajiet”:

“Titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti li huma elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkollu ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikun reġistrat fi Stat Membru, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru;

(b)jipproduċu emissjonijiet annwali tas-CO2 ta’ aktar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta’ inġenji tal-ajru b’massa massima ċċertifikata waqt it-tlugħ mill-art ta’ aktar minn 5 700 kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I, għajr dawk li jitilqu u li jaslu fl-istess Stat Membru (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru), mill-1 ta’ Jannar 2019. Għall-finijiet ta’ dan il-punt, l-emissjonijiet mit-tipi ta’ titjiriet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu: (i) titjiriet Statali; (ii) titjiriet umanitarji; (iii) titjiriet mediċi; (iv) titjiriet militari; (v) titjiriet ta’ tifi tan-nar.”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2023. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   COM(2019)640 final

(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(3)    COM(2020)562 final
(4)     https://www.consilium.europa.eu/media/47335/1011-12-20-euco-conclusions-mt.pdf  
(5)    L-avjazzjoni fiż-ŻEE kienet tirrappreżenta 7,5 % u t-titjiriet li jitilqu lejn pajjiżi terzi kienu jirrappreżentaw 7,5 % oħra. It-titjiriet li jitilqu huma koperti fl-NDC tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi u fl-inizjattiva Destinazzjoni 2050 tal-industrija tal-avjazzjoni.
(6)    COM(2020)777 tikkwantifika dawn l-impatti, filwaqt li COM(2020)747 u d-dokumenti assoċjati janalizzaw dawn l-effetti fid-dettall.
(7)    SWD [il-link għandha tiġi inkluża saż-żmien tal-adozzjoni]
(8)    ĠU C , , p. .
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(11)    Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għan-negozjar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3).
(12)    Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023 (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 14).
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).
(15)    COM(2019)640 final.
(16)    https://www4.unfccc.int/sites/ndcstaging/PublishedDocuments/European%20Union%20First/EU_NDC_Submission_December%202020.pdf
(17)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(18)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(19)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(20)    ĠU L 123 12.5.2016, p.1.