Brussell, 21.6.2021

COM(2021) 314 final

2021/0147(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (“il-Ftehim”), b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

Il-Ftehim jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u l-Vjetnam. L-għanijiet tiegħu huma li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet. Dawn l-għanijiet huma parti mid-determinazzjoni usa’ tal-Partijiet li jsaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u tal-investiment tagħhom, f’konformità mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli u biex jippromwovu l-kummerċ u l-investiment skont il-Ftehim b’mod li jirrikonoxxi l-livelli għoljin tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ħaddiema u l-istandards u l-ftehimiet internazzjonalment rikonoxxuti rilevanti. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2020.

2.2.Il-Kumitat għall-Kummerċ

L-Artikolu 17.1 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat għall-Kummerċ. L-Artikolu 17.2 tal-Ftehim jistabbilixxi ħames kumitati speċjalizzati: il-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti, il-Kumitat dwar id-Dwana, , il-Kumitat dwar l-Investiment, il-Kummerċ ta’ Servizzi, il-Kummerċ Elettroniku u l-Akkwist Pubbliku u l-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli. L-Artikolu 17.3 jistabbilixxi wkoll żewġ gruppi ta’ ħidma: dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, inklużi Indikazzjonijiet Ġeografiċi; u dwar il-Vetturi bil-Mutur u l-Partijiet tagħhom.

Il-Kumitat għall-Kummerċ huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet u jiltaqa’ darba fis-sena, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat, jew f’każijiet urġenti fuq talba ta’ Parti. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jkun kopresedut mill-Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ tal-Vjetnam u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ.

Il-Kumitat għall-Kummerċ, il-kumitati speċjalizzati u l-gruppi ta’ ħidma huma responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma rispettivi tagħhom.

2.3.L-att previst tal-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (l- “att previst”), f’konformità mal-Artikolu 17.1, il-paragrafu 4, il-punt (f) tal-Ftehim.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni timmira li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, kif previst fil-Ftehim.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat għall-Kummerċ huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

Id-deċiżjoni li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta tikkostitwixxi att b’effetti legali.

L-att previst huwa vinkolanti, u la jissupplementa u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mal-politika kummerċjali komuni u mat-trasport internazzjonali.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 (1), 100(2) u 207(4), l-ewwel subparagrafu, tiegħu.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 91(1), 100(2) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Huwa previst li d-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ tiġi ppubblikata ladarba tiġi adottata.

2021/0147 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91(1), 100(2), u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/753 2 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2020. 

(2)Skont l-Artikolu 17.1, il-paragrafu 4, il-punt (f) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(3)Il-Kumitat għall-Kummerċ, waqt l-ewwel laqgħa tiegħu , għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, kif previst fil-Ftehim. 

(4)Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ abbażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu mehmuża sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-Kumitat għall-Kummerċ, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F’isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(2)    ĠU L 186, 12.6.2020, p. 1.

Brussell, 21.6.2021

COM(2021) 314 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ






HEMŻA

DEĊIŻJONI Nru […/2021] 
TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

ta’...

li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, u b’mod partikolari l-Artikolu 17.1 (4) (f) tiegħu,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 17.1, il-paragrafu 4, il-punt (f) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

2.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [id-data għad trid tinftiehem].

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kopresidenti



ANNESS

IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

stabbilit mill-Artikolu 17.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra

ARTIKOLU 1

Rwol u isem tal-Kumitat għall-Kummerċ

1.    Il-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 17.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 17.1 tal-Ftehim.

2.    Il-Kumitat imsemmi hawn fuq għandu jissemma fid-dokumenti tal-Kumitat, inklużi d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, bħala l-Kumitat għall-Kummerċ.

ARTIKOLU 2

Kompożizzjoni u presidenza

1.    Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 17.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

2.    Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Kummerċ u mill-Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ tal-Vjetnam jew id-delegati rispettivi tagħhom.

3.    Fil-każ li l-Kumitat għall-Kummerċ ikun kopresedut mid-delegati rispettivi, kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal delegat li jkun inkarigat li jikkopresjedi l-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dan l-uffiċjal delegat jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta l-Parti sad-data li l-Parti tkun innotifikat kopresident ġdid lill-Parti l-oħra.

ARTIKOLU 3

Segretarjat

1.    L-uffiċjali mis-servizzi responsabbli għall-Kummerċ għal kull Parti għandhom jaġixxu flimkien bħala s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ.

2.    Is-Segretarjat se jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt u faċilitatur għall-organizzazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, kif speċifikat f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

3.    Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dan l-uffiċjal jitqies li jkompli jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tavża lill-Parti l-oħra dwar membru ġdid.

ARTIKOLU 4

Laqgħat

1.    Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiltaqa’, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 17.1 tal-Ftehim. B’mod partikolari, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiltaqa’ darba fis-sena, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat għall-Kummerċ, jew f’każijiet urġenti fuq talba ta’ Parti.

2.    Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3.    Laqgħa tista’ ssir wiċċ imb wiċċ, b’vidjokonferenza, jew bi kwalunkwe mezz ieħor.

ARTIKOLU 5

Delegazzjonijiet

Il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal kull Parti għandu jinforma lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Vjetnam, rispettivament, mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħa, jekk ikun possibbli. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

ARTIKOLU 6

Aġenda tal-laqgħat

1.    Is-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jħejji aġenda proviżorja għal kull laqgħa abbażi ta’ proposta magħmula mill-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, bi skadenza biex il-Parti l-oħra tkun tista’ tipprovdi l-kummenti. L-aġenda proviżorja għandha titħejja 30 jum qabel il-laqgħa jekk ikun possibbli u mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-laqgħa.

2.    L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti li ma jidhrux fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda b’kunsens.

ARTIKOLU 7

Minuti

1.    L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mill-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 15-il jum minn tmiem il-laqgħa, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra.

2.    Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jiġbru fil-qosor kull punt fl-aġenda, u fejn japplika jispeċifikaw:

(a)    id-dokumenti kollha sottomessi lill-Kumitat għall-Kummerċ;

(b)    kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-kopresidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; u

(c)    id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3.    Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha li l-Kumitat għall-Kummerċ ikun ħa bil-proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 8(2) mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat.

4.    Anness għall-minuti għandu jinkludi wkoll lista tal-ismijiet, it-titli tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u f’liema kapaċità għamlu dan.

5.    Il-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tospita l-laqgħa għandu jimmodifika l-abbozz tal-minuti abbażi tal-kummenti li jaslulu u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew sa kwalunkwe data oħra maqbula mill-kopresidenti. Ladarba approvati, is-Segretarjat għandu jistabbilixxi żewġ kopji oriġinali tal-minuti, u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali tal-minuti.

6.    Meta r-regoli preżenti japplikaw għal-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati, il-minuti tal-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat għall-Kummerċ.

ARTIKOLU 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.    Il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet rigward kull kwistjoni prevista fil-Ftehim. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet b’kunsens reċiproku, kif previst fl-Artikolu 17.4 tal-Ftehim.

2.    Fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub.

3.    It-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn kopresident lill-kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill għall-Kummerċ. Il-parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta, biex tesprimi l-qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Jekk il-Parti l-oħra ma tesprimix il-qbil tagħha, id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill għall-Kummerċ. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-qbil tagħha u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat skont l-Artikolu 7(2).

4.    Meta l-Kumitat għall-Kummerċ jingħata s-setgħa skont il-Ftehim li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, tali atti għandhom jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jagħti lil tali deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet numru tas-serje progressiv, id-data tal-adozzjoni, u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji, awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi lil kull Parti.

ARTIKOLU 9

Trasparenza

1.    Il-Partijiet jistgħu jaqblu, b’kunsens, li jiltaqgħu fil-pubbliku.

2.    Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.    Id-dokumenti kollha sottomessi minn Parti għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali, sakemm dik il-Parti ma tiddeċidix mod ieħor.

4.    L-aġendi proviżorji tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi qabel issir il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ. Il-minuti tal-laqgħat miftiehma skont l-Artikolu 7 għandhom isiru pubbliċi.

5.    Il-pubblikazzjoni u l-iżvelar tad-dokumenti msemmija fil-paragrafi minn 2 sa 4 għandhom isiru f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli ta’ kull Parti u f’konformità mal-Artikolu 17.15 tal-Ftehim.

ARTIKOLU 10

Lingwi

1.    Il-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tkun l-Ingliż.

2.    Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet dwar l-emenda jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim, fil-lingwi tat-testi awtentiċi tal-Ftehim. Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha tal-Kumitat għall-Kummerċ, inkluż dik li permezz tagħha jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura preżenti, għandhom jiġu adottati fil-lingwa ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1.

3.    Kull Parti għandha tkun responsabbli għat-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet u dokumenti oħra fil-lingwa(i) uffiċjali tagħha, jekk meħtieġ skont dan l-Artikolu, u għandha ġġarrab in-nefqa assoċjata ma’ tali traduzzjonijiet.

ARTIKOLU 11

Spejjeż

1.    Kull Parti għandha tkopri n-nefqa li ġġarrab b’riżultat tas-sehem tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa għas-sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa fuq vidjokonferenzi jew telekonferenzi, u fuq il-posta u t-telekomunikazzjoni.

2.    In-nefqa b’rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha tiġġarrab mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

3.    In-nefqa marbuta mal-forniment tas-servizzi tal-interpretazzjoni minn u lejn il-lingwa ta’ ħidma matul il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tiġġarrab mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

ARTIKOLU 12

Kumitati speċjalizzati u gruppi ta’ ħidma

1.    Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt maħtura mill-kumitati speċjalizzati jew minn gruppi ta’ ħidma oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim. Il-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ kull kumitat speċjalizzat u grupp ta’ ħidma rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ simultanjament.

2.    Skont l-Artikolu 17.2, il-paragrafu 6 tal-Ftehim, kumitat speċjalizzat għandu jirrapporta lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet minn kull laqgħa tiegħu.

ARTIKOLU 13

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub permezz ta’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ f’konformità mal-Artikolu 8.

ARTIKOLU 14

Informazzjoni għall-Kumitat Konġunt

Skont l-Artikolu 17.1, il-paragrafu 5, tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jinforma lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bħala parti mill-qafas istituzzjonali komuni dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-kumitati speċjalizzati tiegħu, kif rilevanti, fil-laqgħat regolari tal-Kumitat Konġunt.