Brussell, 20.4.2021

COM(2021) 194 final

2021/0100(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi tal-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (il-Konvenzjoni) daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004. Din ġiet approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (2006/730/KE b’effett retroattiv mid-19 ta’ Diċembru 2002) 1 u daħlet fis-seħħ għall-Komunità Ewropea fl-24 ta’ Frar 2004. L-għan tal-Konvenzjoni huwa li tippromwovi r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi bejn il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti mill-ħsara potenzjali u sabiex isir kontribut għall-użu ambjentalment tajjeb tagħhom. Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ ċerti sustanzi kimiċi, għal proċess nazzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom u għat-tixrid ta’ dawk id-deċiżjonijiet lill-Partijiet.

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 2 jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni.

Stabbilita skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet hi l-korp governattiv tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam. Dan il-korp normalment jiltaqa’ kull sentejn biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Dan jirrieżamina wkoll is-sustanzi kimiċi mressqa għall-kunsiderazzjoni tiegħu mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika (CRC).

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet huma meħtieġa jissottomettu notifiki tal-azzjoni regolatorja finali li tkun ittieħdet biex l-użu ta’ sustanza kimika fil-livell nazzjonali jiġi pprojbit jew ristrett strettament. Wara li s-Segretarjat jirċievi żewġ notifiki bħal dawn dwar l-istess sustanza kimika minn żewġ Partijiet li jagħmlu parti minn żewġ reġjuni tal-PIC differenti, dawk in-notifiki se jiġu ppreżentati lis-CRC. Is-CRC għandu jirrieżamina dawk in-notifiki skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness II tal-Konvenzjoni. Abbażi tar-riżultat ta’ dak ir-rieżami, is-CRC irrakkomanda l-elenkar tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fl-Anness III tal-Konvenzjoni peress li nstab li ġew issodisfati l-kriterji kollha. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-emendi għall-Annessi hija regolata mill-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni, kull parti għandha vot wieħed. Madankollu, organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali bħall-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħhom li huma partijiet għall-Konvenzjoni.

Fl-għaxar laqgħa ordinarja, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġu elenkati l-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fl-Anness III tal-Konvenzjoni.

L-elenkar fl-Anness III għandu l-effett li s-sustanzi kimiċi jiġu soġġetti għall-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel meta jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali. Dan se jirrikjedi li l-Partijiet jissottomettu tweġibiet dwar l-importazzjoni lis-Segretarjat sabiex is-Segretarjat ikun jista’ jagħmel dawk it-tweġibiet dwar l-importazzjoni disponibbli għall-Partijiet kollha. Il-Partijiet esportaturi se jkunu meħtieġa jirrispettaw it-tweġibiet dwar l-importazzjoni waqt l-esportazzjoni ta’ dawk is-sustanzi kimiċi.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 22(5)(c) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “Deċiżjoni biex jiġi emendat l-Anness III għandha tiġi kkomunikata fil-pront lill-Partijiet mid-Depożitarju. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha f’data li għandha tiġi speċifikata fid-deċiżjoni.”

L-użu tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), u l-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, huma pprojbiti fl-Unjoni mil-leġiżlazzjoni rispettiva. L-użu tal-etere tad-dekabromodifenil u tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA huwa ristrett mir-Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-pollutanti organiċi persistenti 3 , peress li ż-żewġ sustanzi kimiċi huma soġġetti għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar materjal organiku persistenti li jniġġes.

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet biex jiġi emendat l-Anness III billi jiġu elenkati l-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

Il-proposta hija koerenti u tikkomplementa l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 649/2012, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni. Din hija kompletament konformi mal-objettiv tal-Konvenzjoni li tiġi promossa r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi bejn il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti mill-ħsara potenzjali u sabiex isir kontribut għall-użu ambjentalment tajjeb tagħhom.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija koerenti mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 peress li ma tinterferixxi mal-ebda deċiżjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi kimiċi fl-Unjoni Ewropea.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li hija l-bażi xierqa għal att li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali, f’dan il-każ il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam.

Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 192 tat-TFUE, il-paragrafu 1, peress li l-miżuri maqbula skont il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fil-biċċa l-kbira jsegwu objettiv ambjentali (jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent permezz tal-kontroll tal-kummerċ internazzjonali f’ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi).

Konsegwentement, il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-ħsara potenzjali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi u l-kontribut għall-użu ambjentalment tajjeb tagħhom hija ta’ tħassib globali u l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 649/2012. Peress li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni, huwa xieraq li l-Unjoni tipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Konferenza tal-Partijiet.

Proporzjonalità

Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-ħsara potenzjali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi u l-kontribut għall-użu ambjentalment tajjeb tagħhom hija ta’ tħassib globali u teħtieġ sforz globali. L-elenkar tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fl-Anness III ġie rrakkomandat mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika tal-Konvenzjoni peress li nstab li s-sustanzi kimiċi jissodisfaw il-kriterji f’konformità mal-Anness II tal-Konvenzjoni. Għalhekk, huwa proporzjonat li jiġi appoġġat l-elenkar ta’ dawk is-sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni xierqa fil-livell globali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma twettqitx konsultazzjoni sistematika mal-partijiet ikkonċernati peress li mhu se jkun hemm l-ebda konsegwenza għall-partijiet ikkonċernati fl-Unjoni Ewropea, ħlief li għandhom jiġu segwiti ċerti regoli meta jiġu esportati dawk is-sustanzi kimiċi. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati matul ir-rieżami tan-notifiki dwar dawk is-sustanzi kimiċi li sar mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika tal-Konvenzjoni, u l-kummenti tagħhom ġew indirizzati.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt peress li d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati skont il-Konvenzjoni mhu se jkollhom l-ebda impatt fuq l-użu ta’ dawk is-sustanzi kimiċi fl-Unjoni Ewropea.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta jista’ jkollha impatt żgħir fuq l-attività kummerċjali peress li s-sustanzi kimiċi mhumiex f’użu kummerċjali fl-Unjoni iżda jistgħu jiġu prodotti għall-esportazzjoni u, għalhekk, ma teżentax lill-mikrointrapriżi u ma tinkludix regoli speċjali għall-SMEs. Il-proposta jista’ jkollha impatt żgħir fuq il-kompetittività settorjali tal-UE jew fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi peress li jkollhom jiġu segwiti ċerti regoli meta dawk is-sustanzi kimiċi jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Pjan ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar mhumiex meqjusa neċessarji.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tagħti lill-Kummissjoni l-mandat li tappoġġa l-elenkar tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam f’isem l-Unjoni Ewropea.

2021/0100 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi tal-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (2006/730/KE) 4 .

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni 5 .

(3)Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi jekk għandhiex telenka s-sustanzi kimiċi fl-Anness III.

(4)L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar sustanzi kimiċi fl-Anness III.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, peress li d-deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(6)Sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi importaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni ta’ Rotterdam u peress li l-kriterji rilevanti kollha skont il-Konvenzjoni huma ssodisfati, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika, korp sussidjarju tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA. L-użu ta’ dawk is-sustanzi diġà huwa pprojbit jew ristrett strettament fl-Unjoni u l-biċċa l-kbira tagħhom huma soġġetti għal rekwiżiti tal-esportazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam skont ir-Regolament (UE) Nru 649/2012,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija li l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward tal-inklużjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos krisotil, l-etere tad-dekabromodifenil, il-fentijon (formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), il-formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat f’livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat f’livell ta’ 200 g/L jew aktar, u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imluħa tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).