Brussell, 26.3.2021

COM(2021) 145 final

2021/0072(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (“il-Kumitat Konġunt”) stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“Regoli ta’ Proċedura”).

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1 Il-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi jwaqqaf il-Kumitat Konġunt.

Dan l-att jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura ta’ dan il-kumitat. Regoli ġusti u ċari jwasslu biex jirnexxu d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt UE-Ċilì dwar il-Prodotti Organiċi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Hija l-ewwel darba li ġie stabbilit Kumitat Konġunt bejn sħab kummerċjali ta’ prodotti organiċi; madankollu, din hija prattika komuni fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra. Il-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì huwa l-ewwel ftehim internazzjonali li qatt ġie ffirmat dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

3.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

4.Bażi ġuridika

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/436 1 , il-Ftehim kien ġie ffirmat fis-27 ta’ April 2017, u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2307 2 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, il-ftehim ġie approvat u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018 3 .

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa sede imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri bi ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst għandu objettivi u komponenti fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin u l-ebda wieħed mhu inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.PUBBLIKAZZJONI TAL-ATT PREVIST

Mhux applikabbli.

2021/0072 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2307 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018.

(2)L-Artikolu 8 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (“il-Kumitat Konġunt”) biex imexxi l-Ftehim u jieħu deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni u l-funzjonament tajjeb tiegħu.

(3)Skont l-Artikolu 8.5 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, peress li dawk ir-regoli se jkunu vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

   

(1)    ĠU L 67, 14.3.2017, p. 33.
(2)    ĠU L 331, 14.12.2017, p. 1.
(3)    ĠU L 331, 14.12.2017, p. 4.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2307 tad-9 ta’ Ottubru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 1).

Brussell, 26.3.2021

COM(2021) 145 final

ANNESS

għal

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu


Anness

DEĊIŻJONI Nru 1 tal-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi

ta’... 2021

fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT DWAR IL-PRODOTTI ORGANIĊI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi 1 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 8.5 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(2)Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura jiġu adottati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT DWAR IL-PRODOTTI ORGANIĊI

Artikolu 1

Kompożizzjoni u Presidenza

1.Il-Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (“il-Kumitat Konġunt”) stabbilit skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u r-Repubblika taċ-Ċilì (“iċ-Ċilì) għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 8.3 tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu żewġ kopresidenti, wieħed mill-UE u ieħor miċ-Ċilì.

3.Kull kopresident jista’ jiddelega kull jew kwalunkwe funzjoni ta' kopresident lil deputat innominat, f’liema każ ir-referenzi kollha għall-kopresident minn hawn ’il quddiem japplikaw bl-istess mod għad-deputat innominat.

4.Kull kopresident għandu jaħtar persuna li għandha tkun il-persuna ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-Kumitat Konġunt. Il-persuni ta’ kuntatt maħtura mill-kopresidenti għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għad-dmirijiet segretarjali tal-kumitat konġunt.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ darba fis-sena, jew fiżikament fl-UE u fiċ-Ċilì b’mod li jalterna, jew inkella elettronikament permezz ta’ vidjokonferenza jew telekonferenza. Il-post u l-mod kif dan isir għandhom jiġu miftiehma b’mod reċiproku mill-Partijiet, iżda mhux aktar tard minn 90 jum minn meta xi Parti minnhom tressaq it-talba biex jiltaqgħu.

Artikolu 3

Segretarjat

L-uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u l-uffiċjal tas-segretarjat tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali taċ-Ċilì għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala s-segretarjati tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Korrispondenza

1.Għandha tintbagħat kopja tal-korrispondenza kollha relatata mal-Kumitat Konġunt liż-żewġ segretarjati.

2.Il-korrispondenza tista’ ssir permezz ta’ kwalunkwe mezz bil-miktub, inkluża l-posta elettronika.

Artikolu 5

Aġendi għal-laqgħat

1.Għandu jitfassal abbozz ta’ aġenda mis-segretarjati qabel kull laqgħa. L-abbozz ta’ aġenda għandu jinkludi kwalunkwe punt kopert mill-Artikolu 8.3 tal-Ftehim. L-abbozz ta’ aġenda għandu jintbagħat lill-kopresidenti mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol qabel tibda l-laqgħa.

2.Għandha tiġi ċċirkolata aġenda finali lill-kopresidenti mill-inqas ħamest ijiem qabel tibda l-laqgħa.

3.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-kopresidenti b’mod konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kwalunkwe punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-kopresidenti jaqblu dwar dan.

Artikolu 6

Modifika tal-Anness I jew tal-Anness II tal-Ftehim

1.Kull Parti tista’ titlob li żżid, tneħħi jew taġġorna l-prodotti fil-lista ta’ prodotti fl-Anness I jew fl-Anness II tal-Ftehim.

2.It-talba għandha tintbagħat lill-kopresidenti mhux aktar tard minn 10 jiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.It-talba għandha tinkludi fajl komplut li jkun fih l-argumenti ewlenin biex jiżdiedu, jitneħħew jew jiġu aġġornati l-prodotti fil-lista.

4.Kull Parti għandha teżamina t-talba tal-Parti l-oħra soġġett għar-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’konsensus kif previst fl-Artikolu 8.5 tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta Deċiżjoni biex jimmodifika l-Anness I jew l-Anness II tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim jekk l-ekwivalenza tkun rikonoxxuta mill-Parti l-oħra.

3.Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt biex isir rieżami tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 11.2 tal-Ftehim għandhom jiġu indirizzati lill-Partijiet u għandhom juru l-firem tal-kopresidenti.

Artikolu 8

Minuti

1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mis-segretarjati fi żmien 30 jum minn tmiem il-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet u/jew id-deċiżjonijiet meħuda u jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra li tintlaħaq.

2.Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien 60 jum mid-data tal-laqgħa jew minn kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Hekk kif jiġu approvati, iż-żewġ kopji oriġinali għandhom jiġu ffirmati mill-kopresidenti. Għandha tinżamm kopja oriġinali tal-minuti minn kull kopresident.

Artikolu 9

Spejjeż

1.Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż li toħroġ biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.

2.In-nefqa b’rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

Artikolu 10

Pubbliċità u Kunfidenzjalità

1.Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu kunfidenzjali.

2.Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi.

3.Meta Parti tissottometti informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet tagħha, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali kif previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim.

4.Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

(1)    ĠU L 331, 14.12.2017, p. 4.