22.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/21


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

(Il-Każ M.8713 — Tata Steel/ThyssenKrupp/JV)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 24/11)

1.   

Fil-25 ta’ Settembru 2018 il-Kummissjoni rċeviet notifika dwar konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha Tata Steel Limited (“Tata”) u Thyssenkrupp AG (“ThyssenKrupp”) jakkwistaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3 (4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta li għadha kemm inħolqot (it-“Tranżazzjoni”). Minn issa ’l quddiem Tata u ThyssenKrupp se jiġu indikati bħala l-“Partijiet”.

2.   

Abbażi tal-eżitu tal-investigazzjoni tas-suq fil-Fażi I, il-Kummissjoni qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u fit-30 ta’ Ottubru 2018 adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fid-19 ta’ Novembru 2018 il-Partijiet ippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar id-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c).

3.   

Fit-13 ta’ Novembru 2018, fid-19 ta’ Marzu 2019 u fil-25 ta’ April 2019, it-tieni fażi tal-perjodu għar-rieżami tat-Tranżazzjoni ġie estiż b’total ta’ 20 jum ta’ xogħol f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.   

Fil-5 ta’ Diċembru 2018 il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet indirizzati rispettivament lil Tata u lil ThyssenKrupp, f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li talbu l-għoti ta’ ċerti dokumenti sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2019 u li ssospendew il-limitu ta’ żmien tar-rieżami tal-fużjoni sakemm il-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni sħiħa u korretta (“deċiżjonijiet dwar talba għal informazzjoni”). Fil-11 ta’ Diċembru 2018, il-Partijiet indirizzaw ittra lill-Uffiċjal tas-Seduta, fejn esprimew l-iskuntentizza dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar talba għal informazzjoni, u essenzjalment saħqu li t-talbiet kienu ġenerali wisq, li l-iskadenza li ngħatat inizjalment lill-Partijiet biex iwieġbu kienet qasira ħafna u li s-sospensjoni tal-iskeda ta’ żmien tar-rieżami tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kienet sproporzjonata, u la kienet la ġustifikata u lanqas raġonevoli. Il-Partijiet ilmentaw li d-deċiżjoni dwar talba għal informazzjoni (u s-sospensjoni konsegwenti tal-limitu ta’ żmien tar-rieżami tal-fużjoni li saret pubblika) wasslet għal konsegwenzi negattivi sinifikanti, pereż. fir-rigward ta’ mistoqsijiet mill-istampa u reazzjonijiet tal-borża. Bħala l-ewwel punt, ninnota li d-Deċiżjoni 2011/695/UE ma tippermettix lill-Uffiċjal tas-Seduta jieħu azzjoni speċifika fir-rigward tat-tħassib tal-Partijiet (2). Meta jitqiesu l-ispjegazzjonijiet li ngħataw mid-DĠ Kompetizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar talba għal informazzjoni, ir-reazzjonijiet fil-pront li ttieħdu sussegwentement mill-Partijiet fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar talba għal informazzjoni (3) u n-nuqqas tal-preżentazzjoni ta’ ilmenti oħra quddiemi min-naħa tal-Partijiet dwar id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-talba għal informazzjoni, nikkunsidraw li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar it-talba għal informazzjoni ma ħalliet ebda impatt fuq l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali min-naħa tal-Partijiet.

5.   

Fit-13 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fid-DO, il-Kummissjoni kkonkludiet b’manjiera preliminari li t-Tranżazzjoni x’aktarx li timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet minħabba (i) effetti orizzontali mhux koordinati billi telimina restrizzjoni kompetittiva importanti fis-suq għall-produzzjoni u l-forniment ta’ azzar galvanizzat f’banju sħun għall-industrija awtomobilistika (“HDG awtomobilistiku”) fiż-ŻEE; (ii) il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti, jew tal-anqas minħabba l-effetti orizzontali mhux koordinati li jirriżultaw mill-eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva importanti fis-swieq tal-produzzjoni u l-forniment ta’ prodotti tal-azzar laminati u miksijin bil-metall (jiġifieri, pjanċi tal-landa u azzar elettrolitiku miksi bil-kromu) għal skopijiet ta’ mballaġġ fiż-ŻEE; u (iii) effetti koordinati mhux orizzontali bl-eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva importanti fis-suq tal-produzzjoni u l-forniment ta’ azzar elettriku bil-granijiet orjentati fiż-ŻEE. Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet, għalhekk, li l-konċentrazzjoni notifikata ma tkunx kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.

6.   

Il-Partijiet ingħataw aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 2019 u mbagħad fl-1 ta’ Marzu, fil-21 ta’ Marzu, fis-17 ta’ April, fit-3 ta’ Mejju u fis-17 ta’ Mejju 2019. Bejn l-14 ta’ Frar u l-21 ta’ Frar 2019 ġiet organizzata kamra tad-data, li ppermettiet li l-konsulenti ekonomiċi tal-Partijiet jivverifikaw informazzjoni kunfidenzjali ta’ natura kwantitattiva, li kienet tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni. Fil-21 ta’ Frar 2019 il-Partijiet ingħataw rapport mhux kunfidenzjali tal-kamra tad-data u fit-22 ta’ Frar 2019 il-Partijiet ingħataw verżjoni riveduta ta’ dan ir-rapport. It-tieni kamra tad-data ġiet organizzata mill-21 ta’ Marzu sal-25 ta’ Marzu 2019. Fis-26 ta’ Marzu 2019 l-Partijiet ingħataw rapport mhux kunfidenzjali ieħor tal-kamra tad-data.

7.   

Il-Partijiet ippreżentaw it-tweġiba tagħhom għad-DO fis-27 ta’ Frar 2019. Il-Partijiet l-oħra ma talbux biex jinstemgħu oralment.

8.   

Ħames impriżi (ArcelorMittal, Ardagh, IG Metall, IndustriAll u Salzgitter AG) ġew inklużi bħala persuni terzi interessati fil-proċedimenti. Il-partijiet interessati kollha ngħataw verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u Ardagh Group u Salzgitter AG ressqu kummenti bil-miktub għad-DO, b’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 802/2004.

9.   

Fl-20 ta’ Marzu, il-Kummissjoni indirizzat Ittra tal-Fatti (Letter of Facts, “LOF”) lill-partijiet kollha. Il-Partijiet ippreżentaw it-tweġiba tagħhom għall-LoF fil-25 ta’ Marzu 2019.

10.   

Fl-1 ta’ April 2019, il-Partijiet ippreżentaw impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. L-impenji sarilhom eżami tas-suq mit-2 ta’ April 2019. Fit-23 ta’ April 2019, il-Partijiet ippreżentaw impenji riveduti (l- “Impenji Riveduti”). Fil-25 ta’ April 2019, il-Kummissjoni nediet test tas-suq ta’ dawn l-Impenji Riveduti.

11.   

Fl-abbozz tad-deċiżjoni l-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern fir-rigward ta’ (i) il-produzzjoni u l-forniment ta’ HDG awtomobilistiku fiż-ŻEE u (ii) il-produzzjoni u l-forniment ta’ prodotti tal-azzar laminati u miksijin bil-metall (jiġifieri, pjanċi tal-landa u azzar elettrolitiku miksi bil-kromu) għal skopijiet ta’ mballaġġ fiż-ŻEE. L-oġġezzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-forniment ta’ azzar elettriku bil-granijiet orjentati fiż-ŻEE ma nżammewx fl-abbozz tad-deċiżjoni. L-abbozz tad-deċiżjoni jikkonkludi wkoll li l-impenji ppreżentati mill-Partijiet ma jeliminawx bis-sħiħ l-impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva li nħoloq mit-Tranżazzjoni.

12.   

Irrevedejt l-abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li dan jittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

13.   

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali, f’dan il-każ, ġie rrispettat.

Brussell, id-29 ta’ Mejju 2019.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Filwaqt li l-Uffiċjal tas-Seduta għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-iskadenza fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) 1/2003, id-Deċiżjoni 2011/695/UE ma tinkludi ebda dispożizzjoni simili b’rabta ma’ deċiżjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar it-talba għal informazzjoni ġew soġġetti għal applikazzjonijiet ta’ annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

(3)  Tata u ThyssenKrupp wieġbu għad-deċiżjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni fl-4 u fid-9 ta’ Jannar 2019 rispettivament.