17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/4


P9_TA(2021)0039

Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020 (2020/2123(INI))

(2021/C 465/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2019,

wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018,

wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 123, 127(1), (2) u (5), 130, 132 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro u l-miżuri adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-4 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-BĊE dwar l-aċċess tal-intrapriżi għall-finanzjament fiż-żona tal-euro għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Marzu 2020, ippubblikat fit-8 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ppubblikati fl-10 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tas-6 ta' Frar u t-8 ta' Ġunju 2020 u tat-28 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (1),

wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 247 tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi ta' Settembru 2020 bit-titolu “Stablecoins: Implications for monetary policy, financial stability, market infrastructure and payments, and banking supervision in the euro area” (Stablecoins: Implikazzjonijiet għall-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja, l-infrastruttura tas-suq u l-pagamenti, u s-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE ta' Ottubru 2020 dwar euro diġitali,

wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 201 tal-BĊE ta' Novembru 2017 bit-titolu “The use of cash by households in the euro area” (L-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro),

wara li kkunsidra l-aġġornament tal-2020 tad-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-BĊE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0002/2021),

A.

billi t-Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis ix-xokkijiet ekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, jipprevedi li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tonqos bi 8,7 % fl-2020 u se tikber b'6,1 % fl-2021, u li l-ekonomija tal-UE-27 se tonqos bi 8,3 % fl-2020 u se tikber b'5,8 % fl-2021;

B.

billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2020, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tkun, bħala medja, 0,3 % fl-2020, 1,0 % fl-2021 u 1,3 % fl-2022, filwaqt li l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjanza sostanzjali fiż-żona tal-euro;

C.

billi, skont l-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2020 kienet 7,4 % fl-UE u 8,1 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad mistennija tiżdied; billi r-rata tal-qgħad mhijiex uniformi madwar l-Unjoni; billi l-inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad għadhom jippersistu kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

D.

billi d-data tal-BĊE dwar l-HICP għall-2020 turi impatt deflazzjonarju minħabba l-kriżi tal-COVID-19 f'bosta Stati Membri;

E.

billi l-projezzjonijiet ta' Settembru tal-BĊE għall-PDG globali reali (eskluża ż-żona tal-euro) huma tnaqqis ta' 3,7 % fl-2020, segwit minn irkupru ta' 6,2 % fl-2021 u ta' 3,8 % fl-2022;

F.

billi, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Parlament Ewropew biex jirċievi lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri ta' mill-inqas żewġ ismijiet għall-karigi fuq il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-lista ristretta għall-ħatra ta' membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv biex jieħu post Yves Mersch kienet magħmula minn irġiel biss; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati ħafna fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

G.

billi fl-2019 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR 2,366 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,575 biljun fl-2018; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll tad-dollaru Amerikan u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

H.

billi, fi tmiem l-2019, id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq massimu ta' EUR 4 671 425 miljun, it-tieni l-ogħla livell bla preċedent wara dak tal-2018;

I.

billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J.

billi l-SMEs intlaqtu b'mod sever mill-kriżi tal-COVID-19; billi żviluppi fil-perspettiva ekonomika ġenerali affettwaw b'mod ħażin l-aċċess tagħhom għall-finanzi;

K.

billi t-TFUE jiddefinixxi l-mandat tal-BĊE bħala mandat biex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni;

L.

billi l-UE impenjat ruħha favur newtralità klimatika sal-2050 u l-missjoni tal-BĊE hi li tgħinha tilħaqha; billi l-missjoni tal-BĊE mhijiex limitata għall-istabbiltà tal-prezzijiet iżda tinkludi wkoll is-sikurezza u s-solidità tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

M.

billi, skont l-istħarriġ ta' Novembru 2019 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika waħda, jiġifieri l-euro, kien ta' 62 % fl-2019;

N.

billi fit-18 ta' Marzu 2020, il-BĊE ħabbar Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP) bħala programm temporanju u ġdid għax-xiri ta' assi tas-settur pubbliku u privat b'pakkett ta' EUR 750 biljun, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19;

O.

billi fl-4 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżid il-pakkett tal-PEPP għal EUR 1,35 triljun, sabiex jestendi l-perjodu ta' xiri nett tal-PEPP tal-inqas sal-aħħar ta' Ġunju 2021, u li l-pagamenti tal-kapital li jimmaturaw fl-ambitu tal-PEPP se jiġu investiti mill-ġdid tal-inqas sal-aħħar tal-2022; jinnota, barra minn hekk, li x-xiri nett fl-ambitu tal-APP se jkompli b'rata ta' EUR 20 biljun fix-xahar, flimkien max-xiri fl-ambitu tal-pakkett temporanju addizzjonali ta' EUR 120 biljun sal-aħħar tal-2020;

P.

billi ttieħdu miżuri ta' politika oħra sabiex tiġi pprovduta l-likwidità, bħall-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) u PELTRO, faċilità ta' likwidità speċifika għall-pandemija;

Q.

billi l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti ttardjat konsiderevolment, minkejja l-proposti tal-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-ħtieġa urġenti li d-depożiti jiġu protetti fil-livell tal-UE;

Ħarsa ġenerali

1.

Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilit fit-Trattati, hija prerekwiżit kemm għat-twettiq tal-mandat tiegħu kif ukoll għas-salvagwardja tal-leġittimità demokratika tiegħu; jinnota li l-indipendenza tirrikjedi li l-BĊE ma jridx ifittex jew jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor; jenfasizza li din l-indipendenza ma tridx tiġi miksura, u jissottolinja, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-bank ċentrali għandha dejjem tkun ikkomplementata minn livell korrispondenti ta' akkontabbiltà; jisħaq li t-TFUE jiddikjara li, minbarra l-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE jrid jappoġġja wkoll il-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, dment li dawn ma jkunux f'kunflitt mal-mandat primarju; jissottolinja li, skont kif definit fl-Artikolu 3 TFUE, l-iżvilupp sostenibbli, il-konverġenza, l-okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali huma objettivi ġenerali tal-Unjoni;

2.

Jilqa' t-twaqqif ta' ċentru għat-tibdil fil-klima bħala unità ġdida fil-BĊE;

3.

Jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jenfasizza li l-euro mhuwiex biss proġett monetarju iżda huwa wkoll wieħed politiku;

4.

Huwa mħasseb dwar il-kriżi soċjali, ekonomika u tal-kura tas-saħħa bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li kkawżat kontrazzjoni qawwija tal-ekonomija taż-żona tal-euro u kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw b'mod rapidu, inkluża ż-żieda fil-qgħad; jinnota li l-attività taż-żona tal-euro mistennija tirkupra, iżda l-veloċità u l-iskala tal-irkupru għadhom inċerti ħafna u mhumiex uniformi madwar l-Istati Membri;

5.

Huwa mħasseb, barra minn hekk, li l-bilanċ tar-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir għadu negattiv f'kuntest ta' inċertezza eċċezzjonali fejn il-livell tal-kontrazzjoni u dak tal-irkupru se jiddependu mit-tul u l-effettività tal-miżuri ta' konteniment, is-suċċess tal-politiki fiskali u monetarji għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv fuq id-dħul u l-impjiegi, u l-punt sa fejn il-kapaċità tal-provvista, id-domanda domestika u l-ktajjen tal-provvista internazzjonali huma affettwati b'mod permanenti;

6.

Jitlob evalwazzjoni mill-ġdid urġenti tar-riskju sistemiku fis-settur finanzjarju b'segwitu għall-pandemija; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' bord ta' ħidma relatat mal-pandemija fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku; jagħti l-parir li tiġi inkluża valutazzjoni kwalitattiva tar-riskju idjosinkratiku fit-testijiet tal-istress futuri;

7.

Jilqa' l-isforzi tal-BĊE favur iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jinnota li l-mira għall-inflazzjoni ma nkisbitx b'mod sistematiku u li hija meħtieġa viġilanza ulterjuri; jenfasizza li ż-żona tal-euro rreġistrat deflazzjoni f'dawn l-aħħar xhur; jenfasizza li d-deflazzjoni toħloq riskji sinifikanti għall-ekonomiji taż-żona tal-euro, u dan jaf jirrikjedi intervent b'saħħtu min-naħa tal-BĊE;

8.

Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed jiddiskuti l-adattament tal-kejl tal-inflazzjoni tiegħu; jinnota li l-HICP huwa kunċett ristrett ħafna tal-kejl tal-inflazzjoni li jissottovaluta l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro minħabba sehem inadegwat tal-kost tal-abitazzjoni fil-basket tal-HICP (3); jitlob aġġustament mill-ġdid tal-basket biex jiġi rifless il-fatt li l-unitajiet domestiċi Ewropej jonfqu 24 % tad-dħul tagħhom fuq infiq relatat mal-abitazzjoni; iħeġġeġ lill-BĊE jqis ukoll l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi kkawżata inter alia minn rati tal-imgħax baxxi; jirrikonoxxi l-isfidi għat-trażmissjoni tal-politika monetarja;

9.

Jirrikonoxxi s-sejħa qawwija tal-President Lagarde għall-allinjament sħiħ tal-politiki fiskali u monetarji kif ukoll l-impenn li jintużaw l-għodod kollha li jipproduċu l-aktar eżitu effettiv, effiċjenti u proporzjonat biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomika taż-żona tal-euro; jenfasizza li hemm komplementarjetajiet qawwija bejn il-politiki fiskali u monetarji; jilqa' l-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija tal-BĊE biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro;

Politika monetarja

10.

Jilqa' r-rispons rapidu u sostanzjali tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19 f'kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv ta' dan ir-rispons fuq is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro; jistenna li l-BĊE jżomm l-appoġġ tiegħu sakemm dan ikun meħtieġ; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-membru tal-Bord Superviżorju tal-BĊE Yves Mersch li tali flessibbiltà mhux se tiġi estiża għal operazzjonijiet oħra;

11.

Jenfasizza li l-politika monetarja waħedha mhux se tkun biżżejjed biex jinkiseb irkupru ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li huma neċessarji riformi li jsaħħu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali biex jiġi rrestawrat u msaħħaħ it-tkabbir ekonomiku madwar l-Unjoni; jemmen li l-potenzjal tal-politika monetarja waħedha li tiffaċilita l-irkupru huwa limitat u, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, jistieden lill-BĊE jistudja l-possibbiltà li jsir rikors għal miżuri ta' politika oħra bil-potenzjal li jistimolaw l-ekonomija, fil-limiti tal-mandat tiegħu; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali ta' politika monetarja akkomodanti ħafna, bħall-impatt fuq min ifaddal jew ir-riskju ta' inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi; iwissi lill-Istati Membri biex ma jqisux l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi bħala xi ħaġa li mhux se tinbidel, għax żieda fir-rati tal-imgħax jista' jkollha impatt negattiv fuq is-servizzjar tad-dejn pubbliku;

12.

Iwissi, madankollu, kontra r-riskju ta' valutazzjonijiet eċċessivi fuq is-swieq tal-bonds, li jaf ikun diffiċli biex jiġu ġestiti jekk ir-rati tal-imgħax jerġgħu jibdew jogħlew, b'mod partikolari għall-pajjiżi involuti fi proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jew dawk b'livelli għoljin ta' dejn;

13.

Jinnota l-importanza ta' politika monetarja attiva biex tittaffa l-pressjoni tar-restrizzjonijiet finanzjarji fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jirrikonoxxi li l-perċentwal ta' SMEs li jiffaċċjaw restrizzjonijiet finanzjarji naqas minn 18 % fl-2009–12 għal 8 % fl-2016–19; jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt qawwi fuq l-SMEs; jirrikonoxxi l-importanza tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fl-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa r-riformi kif ukoll l-investimenti privati u pubbliċi, u jitlob, għalhekk, aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

14.

Jitlob lill-BĊE jimmonitorja l-proporzjonalità tat-taffija kwantitattiva għar-riskji fil-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi u l-allokazzjoni ħażina potenzjali tar-riżorsi;

15.

Jinnota l-impatt tar-rati tal-imgħax baxxi fit-tul; jissottolinja li, minn naħa, ir-rati tal-imgħax baxxi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u kostijiet tas-self aktar baxxi; jirrikonoxxi l-konsegwenzi distributtivi diverġenti tal-politiki tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jeżamina l-impatt tal-politiki tiegħu fuq l-inugwaljanza fil-ġid; jiddispjaċih, min-naħa l-oħra, għaż-żieda ta' negozji mhux vijabbli u b'dejn għoli, it-tnaqqis fl-inċentiv għall-gvernijiet biex isegwu riformi li jsaħħu t-tkabbir u s-sostenibbiltà, kif ukoll l-effetti detrimentali fuq l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet, u jenfasizza l-piż finanzjarju li dan iqiegħed fuq ħafna ċittadini madwar l-Unjoni;

16.

Jinnota r-rabta bejn il-politika monetarja u ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar fiż-żona tal-euro; jenfasizza li r-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni persistentement għolja ta' 9,6 % fl-2018 mistennija tiżdied minħabba l-pandemija, u jitlob lill-BĊE jevalwa l-impatt reġjonali u settorjali kif ukoll l-ekwità interġenerazzjonali tal-programm ta' taffija kwantitattiva tiegħu fuq l-għoli tal-ħajja madwar l-Unjoni;

17.

Jifhem li s-severità tal-kriżi ġiegħlet lill-BĊE jċaqlaq l-attenzjoni lil hinn mir-rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja tiegħu; jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde matul id-djalogu monetarju tat-28 ta' Settembru 2020 li tinteraġixxi mill-qrib mal-Parlament u li tiżgura djalogi regolari;

18.

Jisħaq li kwalunkwe rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja għandu jqis fil-fond in-natura tal-ekonomija Ewropea, li qed issir dejjem aktar marbuta mas-servizzi u diġitalizzata, u għandu jivvaluta sa liema punt dan ixekkel it-trażmissjoni tal-politiki monetarji fl-ekonomija reali;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

19.

Jinnota, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq id-dinamika tal-inflazzjoni u r-riskji tat-trażmissjoni fil-politika monetarja; ifakkar fir-rwol tal-BĊE fiż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni Ewropea, huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi;

20.

Jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde li teżamina bidliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima fl-operazzjonijiet tal-BĊE u li tesplora kull perkors disponibbli sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jallinja l-qafas kollaterali tiegħu mar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u jiżvela l-livell ta' allinjament tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, u jeżamina wkoll dan l-allinjament fis-settur bankarju;

21.

Jitlob approċċ proattiv u kwalitattiv għall-ġestjoni tar-riskju li jintegra r-riskji sistemiċi relatati mat-tibdil fil-klima;

22.

Jilqa' l-fatt li x-xiri ta' bonds ekoloġiċi u s-sehem tagħhom fil-portafoll tal-BĊE qed ikomplu jiżdiedu;

23.

Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' riċerka rigward l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà finanzjarja u ż-żona tal-euro;

Aspetti oħra

24.

Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għal kull kontinġenza possibbli b'rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

25.

Jesprimi tħassib dwar id-diverġenza li qed tiżdied b'mod kostanti tal-bilanċi TARGET2 fl-ambitu tas-SEBĊ; jinnota li l-interpretazzjoni ta' dawn id-diverġenzi hija kkontestata;

26.

Jieħu nota tal-eżiti tal-analiżi tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi; jistieden lill-BĊE jindirizza r-riskji ta' ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jistieden lill-BĊE jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptoassi, inklużi l-istablecoins, u r-riskji akbar għaċ-ċibersigurtà;

27.

Jilqa' l-analiżi u l-ħidma preparatorja tal-BĊE b'rabta mal-introduzzjoni ta' euro diġitali; jinnota li euro diġitali ma jikkostitwix kriptoassi; jissottolinja li euro diġitali jkollu jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi fosthom ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jisħaq li euro diġitali ma jridx jipperikola l-flus kontanti bħala mezz ta' pagament; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-BĊE li l-ħruġ ta' euro diġitali għandu jkun aċċessibbli barra ż-żona tal-euro, b'tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Eurosistema, sabiex tiġi stimolata d-domanda għall-euro fost l-investituri barranin, u b'hekk jitrawwem rwol aktar b'saħħtu għall-euro fuq livell internazzjonali; jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ adegwat bejn li jingħata lok għal innovazzjoni finanzjarja regolatorja fil-qasam tal-FinTech u l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja;

28.

Jikkondividi t-tħassib tal-BĊE rigward it-tkabbir rapidu tas-settur finanzjarju mhux bankarju, magħruf ukoll bħala attività kreditizja mhux bankarja; jenfasizza l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni adegwata f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-BĊE jnaqqas ir-riskju sistemiku li jinħoloq minħabba l-għadd dejjem jiżdied ta' entitajiet regolati mhux bankarji raggruppati madwar il-banek għall-aċċess għas-sistema ta' pagamenti tagħhom;

29.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-rispons u l-kapaċitajiet ta' rkupru tiegħu fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess; jinnota bi tħassib il-problemi tekniċi reċenti tas-sistema ta' saldu TARGET2 f'Ottubru u Novembru 2020; jilqa' l-investigazzjoni sussegwenti ta' dawn il-problemi mill-BĊE u jitlob id-divulgazzjoni tar-riżultati lill-Parlament;

30.

Jirrikonoxxi s-suċċess tal-BĊE fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, kif evidenzjat mis-sehem kontinwament baxx ta' karti tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni totali; jilqa' l-introduzzjoni ta' karti modernizzati tal-EUR 100 u tal-EUR 200 b'karatteristiċi ta' sigurtà mtejba fl-2019; jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE ma jkomplix inaqqas l-ammont ta' karti tal-flus differenti fiċ-ċirkolazzjoni;

31.

Jistieden lill-BĊE jesplora modi kif jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, peress li dan iżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis potenzi globali oħra u huwa element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea; jinnota li jekk l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva dan ikompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea; jilqa' t-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-ikkompletar tal-unjoni bankarja; jenfasizza li l-ħolqien ta' assi Ewropew sikur imfassal tajjeb jista' jiffaċilita l-integrazzjoni finanzjarja u jgħin biex jittaffew iċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani u s-setturi bankarji domestiċi;

32.

Jilqa' d-dħul tal-Bulgarija u tal-Kroazja fl-ERM II f'Lulju 2020; jappoġġja terminu ta' żmien rapidu għall-adozzjoni tal-euro fiż-żewġ pajjiżi; jilqa' l-iskrinjar komprensiv tal-banek Kroati u Bulgari mill-BĊE f'Lulju u Awwissu 2019; jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, ħlief id-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht;

33.

Jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Akkontabbiltà

34.

Jingħaqad mal-President Lagarde fl-appell tagħha għal djalogu akbar u jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ ulterjuri tal-arranġamenti ta' akkontabbiltà u trasparenza tal-BĊE; jenfasizza l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif jista' jissaħħaħ l-iskrutinju tal-BĊE permezz tal-Parlament Ewropew kif ukoll permezz tad-djalogu mal-parlamenti nazzjonali; jitlob li jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali formali biex il-prattiki ta' akkontabbiltà eżistenti rigward funzjonijiet monetarji jiġu formalizzati u mtejba;

35.

Jesprimi tħassib kbir li 2 biss mill-25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament u minn persuni li jokkupaw kariga għolja fil-BĊE, fosthom il-President tiegħu Christine Lagarde, biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE; jenfasizza li n-nomini tal-Membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri għal kwalunkwe post vakanti futur u jikkondividiha mal-Parlament, biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li s'issa ma sar l-ebda progress sodisfaċenti; ifakkar li t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa prinċipju kostituzzjonali li jrid jiġi rrispettat b'mod strett;

36.

Ifakkar li tnejn biss mis-sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huma nisa; jirrimarka li minkejja d-diversi talbiet li għamel il-Parlament lill-Kunsill biex jirrimedja n-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-Kunsill ma ħax din it-talba bis-serjetà; ifakkar fl-impenn tal-Parlament li ma jikkunsidrax listi ta' kandidati li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jaħdmu attivament favur bilanċ bejn is-sessi fi kwalunkwe proposta ta' listi mqassra u ħatriet;

37.

Jilqa' l-feedback dettaljat, taqsima b'taqsima u sostanzjali mogħti mill-BĊE għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018; jistieden lill-BĊE jkompli dan l-impenn favur l-akkontabbiltà u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

38.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-5 ta' Mejju 2020 dwar il-BĊE, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-istess ġurnata; jirrikonoxxi l-valutazzjoni kontinwa tal-proporzjonalità tal-programmi kollha min-naħa tal-BĊE; jinnota d-deċiżjoni sussegwenti tal-BĊE li jiżvela dokumenti mhux pubbliċi relatati mal-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) lill-Parlament Ewropew, lill-Gvern Federali Ġermaniż, lill-Bundestag u lill-Bundesbank;

39.

Jirrikonoxxi, u jifraħ lill-BĊE u lill-President Lagarde għall-isforzi kontinwi favur it-tisħiħ tal-komunikazzjoni u t-trasparenza mal-Parlament; Jaqbel, barra minn hekk, mal-President Lagarde li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu; jissuġġerixxi, min-naħa l-oħra, djalogu regolari bil-magħluq bejn il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament u r-rappreżentanti rilevanti tal-BĊE b'segwitu għall-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport disponibbli tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv biex jiġu vvalutati d-deċiżjonijiet tal-BĊE qabel id-djalogi monetarji u b'mod parallel magħhom;

40.

Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE għal każijiet ta' kunflitti ta' interess u impjieg bi ħlas wara l-mandat minn membri tal-Bord Eżekuttiv, tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jiżgura l-indipendenza tal-membri tal-Kumitat tal-Awditjar Intern tiegħu, jiżgura li l-Kumitat tal-Etika ma jkunx presedut minn ex President jew membri preċedenti oħra tal-Kunsill Governattiv, jew minn xi ħadd li jista' jkollu kunflitt ta' interess, u jirreplika din it-trasparenza fir-rigward tal-kunflitti ta' interess potenzjali u l-impjieg bi ħlas wara l-mandat;

41.

Jinnota li l-BĊE qed “jirrevedi” l-politika tiegħu li jippermetti lill-Ekonomista Prinċipali jagħmel telefonati privati ma' investituri ewlenin wara laqgħat fejn jittieħdu deċiżjonijiet ta' natura politika, iżda jqis li din il-prattika għandha tintemm immedjatament għax hija nieqsa mit-trasparenza;

42.

Jirrinforza l-appell tiegħu għall-adozzjoni ta' politika msaħħa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u reviżjoni tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE allinjata, bħala minimu, mal-istandards u l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-informaturi (4), sabiex l-informaturi jiġu kemm protetti kif ukoll megħjuna jqajmu t-tħassib tagħhom b'mod kunfidenti mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni, inkluż billi tiġi pprovduta l-anonimità fejn ikun meħtieġ;

43.

Jitlob divulgazzjoni aktar dettaljata kemm tal-kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati kif ukoll tal-affarijiet ta' governanza f'konformità mad-Direttiva 2014/95/UE dwar ir-rapportar mhux finanzjarju (5);

o

o o

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0325.

(2)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.

(3)  Ara: “Persistent low inflation in the euro area: Mismeasurement rather than a cause for concern?” (Inflazzjoni baxxa persistenti fiż-żona tal-euro: żball fil-kejl jew kawża ta' tħassib?) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2018/614214/IPOL_IDA(2018)614214_EN.pdf).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(5)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar. (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).