10.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 456/47 |
P9_TA(2021)0010
Ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għan-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) (2019/2192(INI))
(2021/C 456/05)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (1) (ir-Regolament TEN-T), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) (2), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq (3), (Ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali) |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (6), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari (7), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (8), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Infrastrutturi tat-trasport tal-UE: tinħtieġ aktar rapidità fl-implimentazzjoni ta' megaproġetti biex l-effetti tan-network jitwasslu fil-ħin” (9), |
— |
wara li kkunsidra r-Reviżjoni Nru 09/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-6 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati” (10), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu “Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?” (11), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0251/2020), |
A. |
billi l-infrastruttura tat-trasport multimodali aġġornata, sostenibbli u aċċessibbli u l-loġistika orjentata lejn il-futur huma fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-konnessjoni u l-kompetittività tal-UE, u bħala fattur li jagħmel possibbli mobbiltà sostenibbli, affordabbli, intelliġenti, effiċjenti, interoperabbli u sikura; |
B. |
billi n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandu jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll aċċessibbiltà madwar l-UE u r-reġjuni tagħha, inklużi dawk rurali, remoti, muntanjużi u skarsament popolati, periferali, insulari u ultraperiferiċi u b'hekk jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-inugwaljanzi, filwaqt li jrawwem id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, jindirizza t-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-adattabbiltà u r-reżiljenza; |
C. |
billi t-TEN-t jagħti kontribut vitali biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE fil-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat, speċjalment permezz ta' proġetti transfruntiera, u billi ż-żamma u t-tisħiħ tar-rabtiet tat-trasport mill-qrib ma' pajjiżi terzi, fi ħdan it-TEN-T, u l-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant huma ta' importanza sinifikanti għall-UE; |
D. |
billi t-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) hija kruċjali biex isir progress lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli, bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni, l-użu ta' fjuwils alternattivi f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; |
E. |
billi huwa meħtieġ żvilupp ibbilanċjat tal-kurituri tat-trasport madwar l-Ewropa, li jiżgura l-konnettività bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u l-Lvant u l-Punent fl-Ewropa kollha, sabiex tissaħħaħ aktar il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali; |
F. |
billi n-negozjati li għaddejjin dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) matul is-snin li ġejjin għandhom iqisu b'mod xieraq l-impenn tal-Istati Membri li jlestu n-network ewlieni tat-TEN-T sal-2030 u n-network komprensiv sal-2050; |
G. |
billi t-tlestija f'waqtha tan-network tat-TEN-T tidher li, bil-pass attwali, ġiet kompromessa, b'mod partikoalri b'dewmien sinifikanti fir-rigward tal-proġetti transfruntiera u l-konnessjonijiet neqsin u l-konnessjonijiet taċ-ċirkwit lokali minħabba d-diffikultajiet finanzjarji, operazzjonali u amministrattivi li ltaqgħu magħhom il-promoturi tal-proġetti; billi r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jindika li n-nuqqasijiet fil-qafas ta' sorveljanza tal-Kummissjoni u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali, u l-impetu dgħajjef ta' xi Stati Membri u l-interess muri minnhom fit-TEN-T huma fatturi ewlenin fid-dewmien; |
H. |
billi r-riżorsi allokati għat-tlestija tat-TEN-T fil-qafas tal-programm tal-FNE huma mhedda li jonqsu b'mod sinifikanti, speċjalment wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew kif adottati f'Lulju 2020, b'ammont previst għall-pakkett ġenerali tat-trasport li huwa evidentement insuffiċjenti; |
I. |
billi l-implimentazzjoni tan-network tat-TEN-T għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kurituri ewlenin tan-network, mingħajr ma tiffavorixxi xi wħud għad-detriment ta' oħrajn; |
J. |
billi l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi l-użu madwar l-UE kollha tas-soluzzjonijiet għal trasport innovattiv u aċċessibbli, bidla modali, mobbiltà b'emissjonijiet baxxi jew żero, sistemi ta' trasport intelliġenti (pereżempju ITS, Sistema ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS)), infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil u fjuwils alternattivi; billi l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-TEN-T jirrikjedu investiment addizzjonali; |
K. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa wriet l-importanza eżistenzjali tas-settur tat-trasport u l-loġistika u tal-ħaddiema tiegħu għall-ekonomija, li jiddependi minn networks li jiffunzjonaw mingħajr xkiel għat-trasport tal-passiġġieri u l-oġġetti bħala l-arterji tiegħu, u huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista; billi l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport effiċjenti u reżiljenti għandu jkun fil-qalba tal-pjanijiet u l-isforzi Ewropej u nazzjonali kollha għall-irkupru, b'enfasi partikolari fuq il-konnessjonijiet tat-trasport multimodali bejn il-portijiet, l-ajruporti, il-ferroviji u t-toroq; |
L. |
billi s-Sena Ewropea tal-Ferrovija fl-2021 hija opportunità biex jingħata bidu għal bidla li tagħmel il-ferrovija s-sinsla tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija madwar l-Unjoni u biex jiġi stabbilit ir-rwol deċiżiv tan-networks tat-TEN-T fl-avvanz tal-koeżjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiċi, filwaqt li jissaħħaħ is-suq intern u jiġu promossi modi tat-trasport sostenibbli aktar kompetittivi u effiċjenti bil-għan li tiżdied il-bidla modali lejn il-ferroviji u titlesta ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea sal-2030; |
TEN-T tajjeb għall-futur
1. |
Jisħaq fuq il-valur miżjud tal-kurituri multimodali tan-network ewlieni li jkopru l-flussi ewlenin tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn u fl-Istati Membri; iqis li l-valur miżjud Ewropew ta' dawn il-proġetti huwa fattur ewlieni li jiġġenera l-appoġġ pubbliku; huwa tal-fehma li t-tlestija fil-ħin tagħhom sal-2030 hija imperattiva, filwaqt li trid tingħata prijorità lill-eliminazzjoni tal-punti ta' konġestjoni u l-konnessjonijiet neqsin, kif ukoll it-tlestija tas-sezzjonijiet transfruntiera, flimkien mal-modernizzazzjoni u t-titjib tas-sezzjonijiet eżistenti tan-network fil-kurituri; |
2. |
Ifakkar li l-politika tat-TEN-T għandha tippromwovi networks interoperabbli; jinnota li r-reġjuni tal-fruntieri tal-art interni madwar l-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u fihom jgħixu terz tal-popolazzjoni tagħha; itenni li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jagħtu attenzjoni partikolari li jiffaċilitaw il-konnessjonijiet transfruntiera, itejbu l-interoperabbiltà u jikkontribwixxu għall-integrazzjoni multimodali tal-infrastruttura tat-trasport madwar l-Unjoni kollha; |
3. |
Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma allinjawx biżżejjed il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar it-trasport mal-objettivi tat-TEN-T biex jindirizzaw dan in-nuqqas mingħajr dewmien żejjed, bil-għan li japplikaw u jirrispettaw l-iskadenzi, il-miri u l-perjodi ta' żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; ifakkar ukoll li, minħabba l-karattru tan-network tat-TEN-T, in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' operabbiltà ta' segment żgħir jista' jfixkel l-effiċjenza u l-kompetittività tas-sistema kollha kemm hi; jitlob, għalhekk, li jiġu identifikati u kkompletati b'mod urġenti dawk il-hotspots u s-segmenti strateġiċi; |
4. |
Iqis li r-reviżjoni tar-regolament dwar it-TEN-T hija opportunità importanti biex in-network isir b'tali mod li jibqa' validu fil-futur sabiex jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE u t-twettiq ulterjuri taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, kif ukoll il-kompetittività globali tal-UE għad-deċennji li ġejjin u biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tagħha lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, effiċjenti u sikura; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li n-network jiġi aġġornat biex jitqiesu r-realtajiet ġodda tas-suq, il-bidliet fil-klima, fl-ambjent u fis-soċjetà u l-ħtiġijiet diġitali, li tiżdied l-effiċjenza tan-network eżistenti u li jiġi aċċellerat l-użu ta' fjuwils alternattivi għat-trasport; |
5. |
Iqis li huwa importanti li t-TEN-T jiġi żviluppat aktar biex jiffoka fuq l-interkonnettività bejn in-networks ewlenin u dawk komprensivi inkluż fir-reġjuni rurali, periferiċi, skarsament popolati, insulari u ultraperiferiċi u fis-sezzjonijiet bl-akbar potenzjal li jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi; jisħaq li ma għandha ssir l-ebda bidla kbira fil-mapep sakemm jitlesta n-network ewlieni; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jsiru aġġustamenti limitati fit-TEN-T sabiex jiġi rifless l-iżvilupp tan-networks tat-trasport u bil-għan li tittejjeb il-konnettività bejn kurituri differenti u reġjuni periferiċi, inkluż li jissaħħu l-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera lil hinn mill-assi ewlenin, b'mod partikolari l-konnessjonijiet neqsin fuq skala iżgħar b'valur miżjud Ewropew għoli fir-reġjuni transfruntiera u billi tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn it-TEN-T u l-politiki reġjonali, u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu; jistieden lill-Kummissjoni tieħu f'idejha l-aġġustamenti kollha msemmija fir-reviżjoni tal-FNE (12), kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar miżuri ta' razzjonalizzazzjoni għall-avvanz tat-twettiq tat-TEN-T (COM(2018)0277); |
6. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità fl-ambitu tat-TEN-T lill-użu sħiħ ta' fjuwils alternattivi għall-modi kollha ta' trasport, speċjalment il-fjuwils rinnovabbli, fid-dawl tad-dekarbonizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' teknoloġiji rilevanti, infrastruttura għall-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil (jiġifieri faċilitajiet ta' ċċarġjar elettroniku u faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u tal-idroġenu), l-istandards ta' interoperabbiltà, sikurezza u sigurtà, u l-qafas regolatorju għall-fjuwils alternattivi sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u tiġi żgurata d-diversità teknoloġika; jitlob li jiġi stabbilit pjan direzzjonali tal-UE għall-infrastruttura tat-toroq li jkun allinjat mal-pjan direzzjonali tal-industrija tal-karozzi sabiex jiġi żgurat li l-investimenti fl-infrastruttura jimxu id f'id mal-produzzjoni tal-vetturi fuq il-perjodu ta' żmien qasir u dak medju; |
7. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar il-konnessjonijiet tat-trasport fin-nodi urbani u magħhom, fl-istazzjonijiet u l-hubs ferrovjarji, fil-portijiet interni u marittimi, fl-ajruporti, fil-hubs tal-loġistika u fil-pjattaformi multimodali, inkluż permezz tat-tlestija u t-titjib tal-konnessjonijiet magħhom, kemm fin-networks ċentrali kif ukoll dawk komprensivi, biex tiġi żgurata sistema ta' mobilità bla xkiel, effiċjenti, aċċessibbli, integrata, intelliġenti, sikura, interkonnessa, mgħammra tajjeb u sostenibbli għat-trasport tal-passiġġieri u l-loġistika tal-merkanzija, kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta' biljetti globali, biex b'hekk tiġi promossa bidla modali effiċjenti, b'mod partikolari billi jissaħħu s-sistemi tat-trasport pubbliku u tiżdied il-konnettività tan-nodi urbani u ż-żoni rurali; |
8. |
Jisħaq, għalhekk, li r-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida tat-TEN-T timxi id f'id mar-reviżjonijiet imħabbra tad-direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (13), tar-regolament dwar it-TEN-E (14) u tar-Regolament dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv (15); |
9. |
Jissottolinja li r-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tat-trasport waqt li tiġi indirizzata ż-żieda fil-volumi tat-trasport kemm f'termini ta' passiġġieri kif ukoll ta' merkanzija, it-titjib tal-interoperabbiltà multimodali u l-fatt li t-trasport isir aktar sikur, effiċjenti u reżiljenti, f'konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-TEN-T jagħti spinta lill-applikazzjonijiet diġitali innovattivi fil-modi kollha, inklużi s-sistemi ta' trasport intelliġenti, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), is-sistemi għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti, is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, is-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) u s-sistemi ta' monitoraġġ għas-saħħa strutturali tal-infrastruttura; itenni f'dan il-kuntest l-importanza tat-tlestija tal-proġett Galileo; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi fost l-Istati Membri l-finanzjament ta' dawn is-sistemi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
10. |
Jirrimarka li s-soluzzjonijiet ta' mobbiltà intelliġenti u awtonoma qed isiru kummerċjalment vijabbli u li l-aġġornament tat-trasport u tal-infrastruttura diġitali rilevanti fit-TEN-T jeħtieġ li jiġi aċċelerat filwaqt li jiġu żgurati l-interoperabbiltà transfruntiera, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà, sabiex jiġi ffaċilitat it-tħaddim sikur ta' vetturi awtomatizzati u konnessi konformi mar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali li għadu kif jiġi adottat; |
11. |
Jenfasizza li l-appoġġ Ewropew għar-riċerka u l-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' trasport huwa meħtieġ ħafna, bħal, pereżempju, għall-iżvilupp ta' vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ u t-teknoloġija maglev; jisħaq li s-sħubijiet Ewropej fil-modi differenti tat-trasport jista' jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq l-użu sikur, effiċjenti u intelliġenti tat-TEN-T; |
12. |
Huwa tal-fehma li standards tal-infrastruttura man-network kollu u armonizzati jippermettu Żona Unika Ewropea tat-Trasport reali; iqis li huwa importanti li tinżamm u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura eżistenti, b'mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera, fid-dawl tal-progress teknoloġiku, it-tibdil fl-istandards tas-sikurezza, iż-żieda fl-effiċjenza, il-prestazzjoni ta' kwalità għolja, iż-żieda fil-kapaċità, funzjonijiet ġodda, it-titjib fl-affidabbiltà u l-interoperabbiltà transfruntiera u l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ta' ċiklu tal-ħajja u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura għall-impatti ta' kriżijiet bħall-pandemiji u t-tibdil fil-klima; jinnota, madankollu, li l-finanzjament tal-FNE mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha; jirrimarka li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija kruċjali biex jiġu ġestiti l-kriżijiet u jiġu żgurati l-fluss kontinwu tal-merkanzija u l-forniment tal-oġġetti essenzjali lill-popolazzjoni tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv biex jittejbu l-ġestjoni tar-riskji, ir-reżiljenza u l-adattament għall-klima tal-infrastruttura tat-trasport fin-network ewlieni, inklużi l-modi kollha; |
13. |
Iqis li manutenzjoni fqira tal-infrastruttura tat-trasport tista' taffettwa l-kontinwità, is-sostenibbiltà, il-prestazzjoni, is-sikurezza u b'hekk ir-reżiljenza tat-TEN-T; jindika l-importanza li ssir manutenzjoni regolari u standardizzata tal-infrastruttura tat-TEN-T, b'mod partikolari l-pontijiet u l-mini, biex tiġi żgurata infrastruttura ta' kwalità għolja dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi punt ta' riferiment ċar għar-rekwiżiti dwar il-kwalità għall-infrastruttura, b'mod partikolari għall-pontijiet u l-mini, u tiżviluppa approċċ Ewropew komuni għall-ispezzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tal-kwalità tal-infrastruttura tat-TEN-T; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' monitoraġġ tan-network ewlieni dwar il-manutenzjoni fil-livell Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs), jistudjaw skemi ta' finanzjament ġodda biex jiffaċilitaw investimenti fil-manutenzjoni tan-network; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali speċifiċi għall-finanzjament ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja; |
Iffinanzjar, governanza u sorveljanza
14. |
Jisħaq li sabiex jiġi żgurat biżżejjed investiment fl-infrastruttura tat-TEN-T, huwa essenzjali li l-fondi rilevanti kollha tal-UE (l-FNE, InvestEU, il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Orizzont Ewropa, eċċ.) u s-self mill-BEI jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tat-trasport u li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal finanzjament suffiċjenti; jesprimi dispjaċir kbir għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jipproponi tnaqqis fil-baġit għal programmi orjentati lejn il-futur bħall-FNE u l-InvestUE, speċjalment meta jitqies ir-rwol ta' abilitazzjoni ewlieni li għandu l-programm tal-FNE fit-tlestija tan-network TEN-T; jinnota li, sabiex tirnexxi, l-aġenda ta' dekarbonizzazzjoni ambizzjuża ħafna tal-UE jeħtieġ li tkun appoġġjata minn finanzjament u strumenti ta' finanzjament korrispondenti, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tas-setturi involuti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji u l-koerenza tal-politiki bejn l-istrumenti rilevanti tal-UE lil hinn mill-FNE (eż. il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u, barra minn hekk, biex ittejjeb l-użu tat-taħlit ta' għodod sabiex jiġu attirati investituri privati u jiġi ġġenerat il-finanzjament pubbliku; jindika li strumenti rilevanti orjentati għall-klima u l-ambjent fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom isiru disponibbli għall-investimenti fin-network tat-TEN-T li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-settur b'mod effikaċi; |
15. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-proposta l-ġdida tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u fil-pjan ta' rkupru, l-Istati Membri għad mhumiex qed jagħtu sinjal qawwi lejn l-investimenti fl-infrastruttura u lanqas mhuma qed jagħtu prijorità lit-tlestija tat-TEN-T; jisħaq, għalhekk, li r-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-fond ta' Next Generation EU jipprovdu opportunità unika biex jiġi ggarantit l-iżvilupp tan-networks ewlenin tat-TEN-T sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni biex, ta' kull sena, taġġorna lill-Parlament dwar il-progress tal-kostruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, matul in-negozjati mal-Istati Membri, tirriżerva ammont xieraq mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-politiki tat-trasport tal-UE u tippreżenta rapport finali lill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi nazzjonali li jimplimentaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jagħtu rwol prominenti lill-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport moderna, diġitali, sostenibbli u sikura; |
16. |
Ifakkar li t-tlestija tal-ERTMS maġenb il-binarji u abbord il-ferroviji hija prerekwiżit fundamentali għall-ħolqien ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, u biex is-suq ferrovjarju jkun jista' jiffunzjona tajjeb fil-kurituri tat-TEN-T; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li madwar EUR 15-il biljun huma meħtieġa għat-tlestija tal-ERTMS fin-networks ewlenin, u li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol prominenti fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' skjerament; |
17. |
Jisħaq li għandha titqies il-konformità mal-iskadenza mogħtija fid-direttiva proposta dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T (16) meta jkunu qed jiġu evalwati l-proġetti f'termini tal-kriterji ta' maturità tal-għażla tal-proġetti stabbiliti mill-FNE; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe dewmien li jseħħ għandu jiġġustifika investigazzjoni dwar l-istat tal-progress tal-proġett u reviżjoni tal-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni fl-ambitu tal-FNE, kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 (17), li jistgħu jirriżultaw fit-tnaqqis jew l-irtirar tal-għotja; |
18. |
Jisħaq li għalkemm in-Network tat-TEN-T qed jiġi implimentat fi stadji u t-tlestija tan-network ewlieni hija l-prijorità fuq terminu qasir, peress li dan jikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp ta' network tat-trasport multimodali sostenibbli u jistimula l-iżvilupp tan-network komprensiv kollu kemm hu, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għan-network komprensiv mhux kopert min-network ewlieni sabiex jiġu evitati disparitajiet dejjem akbar; jenfasizza f'dan ir-rigward li ż-żewġ livelli tat-TEN-T huma kruċjali għall-konnettività u l-integrazzjoni tal-loġistika tal-UE; |
19. |
Iqis li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk allokati fl-ambitu tal-FNE, għandhom jikkontribwixxu b'mod flessibbli u effettiv għat-tlestija ta' proġetti transfruntiera u konnessjonijiet neqsin b'mod korrettiv, fejn id-diskrepanzi jew l-iżbilanċi pperċepiti bejn il-piż tal-ispejjeż li għandhom jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mistennija f'kull naħa tal-fruntiera u minn perspettiva Ewropea usa' jpoġġu f'riskju l-progress lejn it-tlestija fil-ħin tal-proġett; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu approċċ aktar immirat billi tapplika rati ogħla ta' kofinanzjament għal proġetti bl-ogħla valur miżjud Ewropew sabiex jiġu żblukkati l-investimenti nazzjonali; |
20. |
Huwa mħasseb ħafna dwar id-dewmien biex jitlestew il-proġetti, b'mod partikolari l-proġetti transfruntiera, li jxekkel l-istabbiliment fil-ħin ta' kurituri kontinwi tan-network ewlieni tat-TEN-T bla xkiel u li jirriżulta fi spejjeż akbar tal-proġetti; jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-partijiet tagħhom tan-network u jiżguraw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji effettivi u f'waqthom b'rispett sħiħ għal-liġi Ewropea u dik nazzjonali, u jħeġġiġhom iżidu d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji; ifakkar lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' Stati Membri oħra fi proġetti transfruntiera, pereżempju billi tiġi stabbilita awtorità konġunta bi ftehim reċiproku, b'mod partikolari bil-għan li jiġu kkoordinati l-iskedi u l-iskadenzi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw id-direttiva l-ġdida dwar ir-razzjonalizzazzjoni tat-TEN-T mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu klawżoli sostantivi ta' preklużjoni – f'konformità mad-dritt tal-Unjoni – li jistgħu jħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali b'mod sinifikanti; |
21. |
Jenfasizza li l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni tal-UE fil-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, fil-proċeduri ta' akkwist transfruntier u fi proċeduri amministrattivi oħra hija kruċjali biex jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi u l-piż amministrattiv, u b'hekk id-dewmien possibbli u ż-żieda fl-ispejjeż tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T; jinnota li dan huwa ta' importanza partikolari f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' aktar ċertezza lill-promuturi tal-proġetti u lill-investituri privati potenzjali (18); jistieden lill-Kummissjoni żżid kapitolu dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux iġġustifikati fir-rapport ta' progress tat-TEN-T; |
22. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sorveljanza tagħha tal-implimentazzjoni tat-TEN-T billi tuża s-setgħat diġà mogħtija lilha mir-regolament, filwaqt li tirrinforza l-istrumenti rilevanti biex l-Istati Membri jkunu mitluba jissodisfaw l-obbligi tagħhom u ssaħħaħ ir-rwol tal-koordinaturi Ewropej fil-governanza tal-kurituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet transfruntiera, kif ukoll ir-rwol tal-“punt uniku ta' kuntatt” tal-awtorità maħtura fil-proċedura tal-għoti tal-permessi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 fir-reviżjoni tagħha tal-linji gwida tat-TEN-T bil-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-ippjanar u t-tlestija tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara kif ir-regoli u r-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati għall-finijiet ta' evalwazzjoni, rappurtar u valutazzjonijiet tal-eliġibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u tippromwovi dawn fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; |
23. |
Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-koerenza bejn il-pjanijiet nazzjonali tat-trasport u n-networks tat-TEN-T, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tar-regolament dwar it-TEN-T; |
24. |
Huwa tal-fehma li l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA) għandha tingħata rwol aktar prominenti fl-implimentazzjoni tat-TEN-T, b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera, it-titjib tas-sikurezza, iż-żieda fil-kompetittività u l-implimentazzjoni tal-ERTMS; jitlob li jkun hemm żieda fil-baġit 2021 tal-ERA, biex din tiġi mgħammra b'mezzi finanzjarji adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari peress li l-2021 ġiet iddeżinjata bħala s-sena Ewropea tal-Ferrovija; |
Modi ta' trasport
25. |
Jindika l-importanza li tittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq fit-TEN-T madwar l-Unjoni kollha; |
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu aktar miżuri biex iżżid l-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u l-varar ta' punti tal-iċċarġjar elettriku u ta' pompi tar-riforniment tal-idroġenu, filwaqt li tqis soluzzjonijiet futuri possibbli ta' fjuwils alternattivi u b'rispett sħiħ tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; |
27. |
Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ aktar is-sikurezza fit-toroq u biex tinżamm u tittejjeb is-sikurezza operattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-infrastruttura kritika, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti tat-trasport mhux motorizzat u bil-għan li jiġu protetti l-utenti vulnerabbli tat-triq; ifakkar fl-importanza li jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti għas-sikurezza fit-toroq sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku tal-UE tal-Viżjoni Żero; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda tas-sikurezza tad-Direttiva (UE) 2019/1936 u jirrimarka li, għal dan il-għan, hemm bżonn u għandu jiġi żgurat aktar investiment fl-adattament u l-manutenzjoni tal-infrastruttura; jisħaq li kwalunkwe simplifikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji għall-proċeduri tal-proġetti fir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T ma għandhiex issir għad-detriment tal-ogħla standards tas-sikurezza; |
28. |
Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jipprovdu biżżejjed żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet tul it-TEN-T biex jiżdiedu kemm is-sikurezza fit-toroq kif ukoll il-benessri tal-utenti tan-network, b'mod partikolari l-ħaddiema tat-trasport; |
29. |
Jenfasizza li sezzjonijiet iċċertifikati speċjali tan-network TEN-T, kif ukoll fin-network tal-awtostradi, għandhom jiġu introdotti u adattati sabiex jissodisfaw l-istandards minimi ta' prestazzjoni għall-vetturi awtomatizzati u semiawtomatizzati u biex jikkonformaw mal-istandards tal-prestazzjoni tal-infrastruttura fir-rigward tal-viżibbiltà, l-istat tas-sinjali tat-traffiku, is-sinjali tat-toroq u l-immarkar tat-toroq; |
30. |
Jirrimarka l-potenzjal ta' modi ġodda u attivi ta' mobbiltà konnessa fit-trasport urban u lokali tal-persuni u l-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet, b'mod partikolari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, biex isaħħu u jlestu l-infrastruttura taċ-ċirkwit lokali u l-konnessjonijiet intermodali u transfruntiera rilevanti neqsin madwar it-TEN-T kollu, biex b'hekk ikun jista' jsir l-użu aktar effiċjenti u mingħajr xkiel tal-infrastruttura u s-servizzi li min-naħa tiegħu jipprevjeni l-konġestjoni u jnaqqas l-emissjonijiet; |
31. |
Itenni r-rwol kruċjali tat-trasport ferrovjarju fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jfakkar fl-importanza li jiġi implimentat bis-sħiħ ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, sabiex is-settur ferrovjarju jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu; jitlob li l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja jkun akkumpanjat minn miżuri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar il-progress f'dan il-qasam; iqis li l-promozzjoni ta' bidliet modali u trasport effiċjenti bil-ferrovija u trasport ikkombinat, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera u fejn hemm konnessjonijiet nieqsa f'sezzjonijiet li jintużaw b'mod intensiv, trid tkun prijorità għat-TEN-T u għandha titwettaq billi tintuża bis-sħiħ l-ERTMS, filwaqt li jitneħħew l-ostakoli regolatorji, operattivi u tekniċi fin-network u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-operaturi ferrovjarji, tiġi aċċellerata l-elettrifikazzjoni, jiġu żgurati l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà, inkluż permezz tal-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura u l-modernizzazzjoni tat-tagħmir tal-vetturi ferrovjarji, jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni inkluża l-impriża konġunta Shift2Rail u jiġu ottimizzati l-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija f'konformità mad-domanda, b'mod partikolari f'hubs tal-loġistika bħall-portijiet u l-ajruporti; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu ddefiniti nodi ta' tranżitu u terminali fin-network, filwaqt li n-nodi ewlenin jiġu mgħammra bi pjattaformi għat-tranżitu biex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-passiġġieri u tal-merkanzija; jissottolinja l-importanza ta' proġetti li jtejbu l-aċċessibbiltà, speċjalment għall-persuni b'diżabilità u għall-persuni anzjani; |
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni tadotta b'mod regolari miri perjodiċi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, sabiex titlesta l-introduzzjoni tagħha fi ħdan in-network ewlieni tat-TEN-T, mistennija sal-2030; iqis li l-ERA għandha taġixxi bħala awtorità effiċjenti u effettiva tas-sistema u tissodisfa r-rwol u r-responsabilitajiet imsaħħa tagħha dwar l-ERTMS skont ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju; jitlob li pjan direzzjonali tal-implimentazzjoni tal-ERTMS dwar il-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jiġi ffinanzjat permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jirrimarka l-importanza tal-istabbiltà regolatorja fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà bħala mezz biex jiġu żblokkati l-investimenti fl-ERTMS u jitlob lill-Kummissjoni tanalizza b'attenzjoni bidliet ulterjuri meta tkun qed taġġorna t-TSI għall-2030 u tiżgura l-kompatibbiltà; |
33. |
Jissottolinja li l-infrastruttura ferrovjarja Ewropea trid tiżgura kapaċità suffiċjenti kemm għall-ferroviji tal-merkanzija kif ukoll għall-ferroviji tal-passiġġieri, filwaqt li tipprevedi użu akbar tal-infrastruttura u tiġġenera redditu akbar fuq l-investimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-konnettività ferrovjarja transfruntiera sabiex issaħħaħ il-bidla modali fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-potenzjal tal-ferroviji ta' billejl għal vjaġġar kompetittiv u li ma jagħmilx ħsara lill-klima; huwa tal-fehma li t-trasport ferrovjarju transfruntier mingħajr interruzzjonijiet fuq in-network tat-TEN-T u tul il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija Ewropej jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera mandatarja fost il-maniġers tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri vinkolanti għall-maniġers tal-infrastruttura bħala parti mir-rieżami tat-TEN-T; |
34. |
Jissottolinja li l-iżvilupp ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ta' veloċità għolja u ta' kwalità għolja fin-networks ewlenin kollha tat-TEN-T irid jirrappreżenta prijorità kbira fis-snin li ġejjin, bil-għan li jinħoloq network mifrux ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja bejn il-bliet ewlenin Ewropej li bħalissa ma għandhomx aċċess għal tali servizzi u li tiżdied b'mod sostanzjali l-kompetittività tal-modi tat-trasport sostenibbli fuq l-art; |
35. |
Jisħaq fuq l-importanza tat-trasport fl-ilmiijiet navigabbli interni bħala mod ta' trasport sostenibbli u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati infrastruttura ta' kapaċità għolja valida għall-futur, u l-affidabbiltà, il-kwalità u n-navigabbiltà tajba tal-passaġġi fuq l-ilma, b'mod partikolari fl-isfond tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-portijiet bħala nodi strateġiċi kemm fin-networks ewlenin kif ukoll f'dawk komprensivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konnessjonijiet mingħajr interruzzjoni bejn il-portijiet interni u dawk marittimi u n-networks tal-ferroviji u tat-toroq, kemm ewlenin u kemm komprensivi, sabiex tiġi ffaċilitata l-multimodalità; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat il-varar transfruntier armonizzat tas-Sistema tal-RIS u biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, effiċjenti u sostenibbli fis-settur; |
36. |
Jitlob li jiġi ffinanzjat pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-passaġġi fuq l-ilma interni permezz ta' Proġett ta' Interess Komuni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
37. |
Jenfasizza r-rwol li l-konnessjonijiet marittimi ta' kwalità għolja għandhom, mhux biss għall-kummerċ internazzjonali tal-UE, iżda wkoll għall-kummerċ fi ħdan l-UE; jissottolinja r-rwol importanti tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar tat-TEN-T u t-tbaħħir fuq distanzi qosra bħala modi sostenibbli ta' trasport f'dan il-kuntest; iqis li l-iskop tal-pilastru tal-Awtostradi tal-Baħar huwa li jiffaċilita l-konnessjonijiet u s-servizzi bil-baħar fuq distanzi qosra skont il-ħtiġijiet, li huma integrati bla interruzzjoni mat-trasport fuq l-art u li jikkomplementawh, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-portijiet marittimi u li jagħti spinta lill-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni tal-pajjiż tagħhom, u li jippromwovi l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' fjuwils nodfa u alternattivi, soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt, u soluzzjonijiet ta' effiċjenza enerġetika għat-trasport marittimu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa liema punti aħħarin tal-kuritur ewlieni għandhom ikunu disponibbli bħala konnessjonijiet marittimi għal kurituri ewlenin oħra u fejn il-mapep tat-TEN-T għandhom jiġu aġġornati skont is-sejbiet ta' dik l-evalwazzjoni; |
38. |
Jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-portijiet marittimi u interni bħala nodi strateġiċi tan-network tat-trasport, li jgħaqqdu t-trasport marittimu fuq distanzi qosra u t-trasport marittimu fil-baħar miftuħ mal-ferroviji, it-toroq, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-pipelines u li jinsabu f'salib it-toroq tal-ktajjen tal-provvista tal-loġistika; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-portijiet tat-TEN-T għall-akbar bastimenti permezz ta' miżuri ta' garanzija tal-kapaċità; jenfasizza d-dimensjoni transfruntiera tal-portijiet marittimi u jisħaq li l-portijiet mhumiex biss komponent tat-trasport marittimu, iżda qed isiru dejjem aktar raggruppamenti tal-modi kollha tat-trasport, kif ukoll huma parti mill-ekonomiji tal-enerġija, tal-industrija u tal-ekonomija blu; jinnota l-importanza u ż-żieda fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni u r-raggruppament tal-portijiet; jemmen li t-TEN-T għandu għalhekk jiffaċilita proġetti maħsuba biex iżidu s-sinerġiji fil-portijiet bejn it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi diġitali u jipprevedi azzjonijiet biex jittejbu l-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq mal-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiġi appoġġjata l-bidla modali u tittejjeb il-loġistika sostenibbli; |
39. |
Jenfasizza l-importanza ta' konnessjonijiet bil-baħar fuq distanzi qosra għall-konnettività reġjonali, b'mod partikolari għar-reġjuni periferiċi u l-gżejjer; iqis li r-rekwiżiti tal-Awtostradi tal-Baħar fir-Regolament jeskludu l-konnessjonijiet nazzjonali bil-baħar fuq distanzi qosra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika dawn ir-rekwiżiti fir-regolament dwar it-TEN-T, sabiex il-konnessjonijiet marittimi jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-konnessjonijiet ibbażati fuq l-art, filwaqt li tqis, b'mod partikolari, il-konnessjonijiet mal-portijiet fin-network komprensiv; |
40. |
Jenfasizza l-potenzjal li jeżisti biex l-emissjonijiet tal-industrija tat-trasport bil-baħar jitnaqqsu b'mod sinifikanti permezz ta' investimenti fl-infrastruttura tal-portijiet li jappoġġjaw l-użu ta' fjuwils alternattivi u t-tranżizzjoni għall-iċċarġjar tal-batteriji u l-provvista tal-elettriku waqt li l-bastimenti jkunu rmiġġati; jirrimarka li tali investimenti għandhom jingħataw prijorità partikolari bħala mod kif jiġi promoss it-trasport multimodali bbażat fil-portijiet; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-istrumenti finanzjarji li huma disponibbli biex jagħtu spinta lill-investimenti għal dak il-għan u tkompli tappoġġja l-iżvilupp kontinwu ta' teknoloġiji nodfa differenti billi tistimula r-riċerka; |
41. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol usa' tal-portijiet, lil hinn mill-funzjonijiet purament tat-trasport, f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni, b'mod l-aktar partikolari l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta; |
42. |
Jissottolinja li t-trasport bl-ajru u l-infrastrutturi relatati miegħu, bħall-ajruporti, huma essenzjali biex l-UE tiġi konnessa globalment u internament, inklużi r-reġjuni rurali, skarsament popolati, periferiċi, insulari u ultraperiferiċi tagħha, u biex tiġi żgurata l-multimodalità, pereżempju permezz tal-interoperabbiltà b'mod partikolari mat-trasport ferrovjarju, kif ukoll biex jinħolqu sinerġiji bejn l-aġenziji relatati tal-UE; iqis it-TEN-T bħala għodda importanti biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta' fjuwils alternattivi fis-settur, kif ukoll tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment tagħhom, billi tiġi pprovduta l-kapaċità meħtieġa fl-ajruporti fin-network ewlieni u komprensiv; iqis li l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew II+ huwa urġenti u kruċjali biex ikun hemm konnettività tal-infrastruttura aktar effiċjenti u sostenibbli; ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-valur tat-trasport bl-ajru għall-ekonomija kif ukoll għall-konnettività tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu fil-konfront ta' riskji u kriżijiet ġodda; |
43. |
Iqis li għandhom jiġu promossi s-sinerġiji u l-komplementaritajiet tat-TEN-T u tat-TEN-E, filwaqt li jiġu żgurati bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti u futuri u l-livelli ta' finanzjament għall-iżvilupp tat-TEN-T; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-pipelines ma jitqisux biss bħala parti mill-infrastruttura tal-enerġija, iżda wkoll bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni lejn trasport aktar sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol tal-pipelines bħala konnessjoni bejn ir-raggruppamenti tal-industrija u l-hubs tat-trasport u bħala mezz ta' trasport għall-komoditajiet, u jissottolinja l-importanza tagħhom għall-implimentazzjoni ta' ċerti teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni; |
44. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network tat-TEN-T żviluppat sew, intelliġenti, sikur u sostenibbli li jiffaċilita l-mobbiltà, il-konnettività u l-aċċessibbiltà territorjali fl-UE kollha, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi, ir-reġjuni insulari u dawk ultraperiferiċi, sabiex jiġi promoss u msaħħaħ it-turiżmu Ewropew u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora s-sinerġiji possibbli ma' EuroVélo u s-16-il kuritur tagħha, b'mod partikolari billi żżid l-appoġġ finanzjarju, sabiex jiġi promoss iċ-ċikloturiżmu lokali u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fl-Ewropa; |
Orjentazzjoni strateġika
45. |
Jenfasizza l-valur strateġiku għall-UE li żżomm fit-TEN-T konnessjonijiet mill-qrib tat-trasport ma' pajjiżi terzi u li tintegra aktar lill-pajjiżi sħab taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-Komunità tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk, u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u li tippromwovi konnettività aħjar maż-żoni periferiċi tal-UE; iqis ukoll li jkun prattiku, fid-dawl tal-investimenti strateġiċi u ż-żieda qawwija fl-influwenza minn pajjiżi terzi f'dan ir-reġjun, li l-konnessjonijiet tat-trasport tat-TEN-T tiegħu jiġu estiżi għall-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar u dawk tas-Sħubija tal-Lvant, u għall-Asja, abbażi tal-istandards tal-UE u assigurazzjonijiet ta' reċiproċità; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza strateġika tal-Baħar Mediterran għall-Unjoni u l-ħtieġa li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tar-reġjuni insulari tal-UE; |
46. |
Jirrimarka l-importanza li jinżammu l-konnessjonijiet tat-TEN-T mar-Renju Unit, l-ewwel billi dan jiġi rikonoxxut bħala “pajjiż ġar” kif iddefinit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament dwar it-TEN-T, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-implimentazzjoni u t-tlestija ta' proġetti infrastrutturali tat-TEN-T maqbula b'mod konġunt u jiġi żgurat li r-Renju Unit jipparteċipa fil-finanzjament ta' din il-konnessjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-fruntieri esterni tal-UE u tissorvelja l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq ir-reġjuni tal-fruntieri; ifakkar fir-rwol ewlieni tar-Renju Unit u l-hekk imsejjaħ pont tal-art bħala parti min-network tat-TEN-T u jirrikonoxxi l-impatt negattiv tal-Brexit fuq il-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-koeżjoni ekonomika bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali, kif ukoll madwar il-gżira kollha tal-Irlanda; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konnessjoni effettiva tal-Irlanda mal-Ewropa kontinentali, b'attenzjoni partikolari lir-rotot marittimi, permezz tan-network ewlieni u komprensiv, tkun xi tkun il-forma tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit; |
47. |
Jissottolinja li t-TEN-T, bil-hubs ewlenin tiegħu, għandu funzjoni strateġika għall-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjanijiet biex tipproteġi l-infrastruttura strateġika u t-TEN-T kollu kemm hu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-interess strateġiku tal-UE, il-projbizzjoni tad-dumping tal-prezzijiet, ir-rispett sħiħ ta' standards tax-xogħol Ewropej għoljin u l-prinċipju tar-reċiproċità fir-rigward tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jiġu applikati bis-sħiħ matul il-proċeduri tal-offerti għall-proġetti tat-TEN-T; |
48. |
Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu s-sinerġiji bejn in-networks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u bejn il-kurituri rispettivi tagħhom sabiex jiġi żgurat aċċess għas-suq bla xkiel u d-distribuzzjoni ta' fjuwils alternattivi għat-trasport u biex jitqiesu l-ħtiġijiet diġitali li qed jevolvu tas-settur tat-trasport u tal-utenti tiegħu; |
49. |
Jenfasizza li l-politika tal-infrastruttura tat-trasport toffri opportunità ċara biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u t-TEN-T, bil-għan ġenerali li tittejjeb il-mobbiltà militari madwar l-Unjoni, filwaqt li jitqies il-bilanċ ġeografiku u jiġu kkunsidrati l-benefiċċji potenzjali għall-protezzjoni ċivili; jinsisti li l-infrastruttura tat-trasport fis-sezzjonijiet tan-network trans-Ewropew li ġew identifikati bħala xierqa għal użu doppju għandhom jiġu adattati b'mod strett skont il-prinċipju tal-użu doppju biex jiġu indirizzati kemm il-ħtiġijiet ċivili kif ukoll dawk tad-difiża; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta oriġinali tagħha għall-finanzjament tal-mobbiltà militari fl-ambitu tal-QFP 2021-2027; |
o
o o
50. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0420.
(3) ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1.
(4) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0169.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 152.
(7) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 22.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(9) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_10/SR_Transport_Flagship_Infrastructures_MT.pdf
(10) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/LR_TRANSPORT/LR_TRANSPORT_MT.pdf
(11) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR17_13/SR_ERTMS_RAIL_MT.pdf
(12) B'mod partikolari, l-aġġustamenti stipulati fil-Parti III tal-Anness (mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)).
(13) Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).
(15) Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).
(16) Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (COM(2018)0277), inbidlet għal proposta għal direttiva skont in-nota tal-Kunsill 8726/20 tat-12 ta' Ġunju 2020 (2018/0138(COD)).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010. ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(18) Kif iddikjarat fil-ftehim provviżorju tas-17 ta' Ġunju 2020 li jirriżulta min-negozjati interistituzzjonali dwar ir-regolament dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta' miżuri li jmexxu 'l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport.