IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 6.7.2021
COM(2021) 390 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY
Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli
{SWD(2021) 180 final}
Introduzzjoni – Tisħiħ tal-qafas tal-UE għall-finanzi sostenibbli
It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qed jiddefinixxu l-isfidi globali ta’ żmienna. Il-pajjiżi madwar id-dinja jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, kif muri mill-appoġġ tagħhom għall-Ftehim ta’ Pariġi u għall-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, u qed jistabbilixxu miri ambizzjużi. Abbażi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE għamlet għadd ta’ impenji ambizzjużi, b’mod partikolari li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. L-UE għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għat-tibdil fil-klima, li treġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni usa’ tal-ambjent u li ma teskludi lil ħadd fil-proċess. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, jeħtieġ li jkun hemm l-allinjament tas-sorsi kollha ta’ finanzi – pubbliċi u privati, nazzjonali u multilaterali. L-UE jeħtieġ li tikkoopera globalment u taħdem ma’ pajjiżi bi dħul baxx u medju fit-tranżizzjoni tagħhom.
Il-qafas tal-UE għall-finanzi sostenibbli se jkollu rwol kruċjali fl-ilħuq ta’ dawn il-miri u fl-appoġġ ta’ rkupru sostenibbli mill-pandemija tal-COVID. L-Ewropa se tkun teħtieġ madwar EUR 350 biljun f’investiment addizzjonali fis-sena matul dan id-deċennju biex tilħaq il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 fis-sistemi tal-enerġija biss, flimkien mal-EUR 130 biljun li se tkun teħtieġ għal għanijiet ambjentali oħrajn. L-investiment f’attivitajiet u f’assi mhux sostenibbli huwa dejjem aktar probabbli li ma jibqax rekuperabbli, hekk kif l-isfidi klimatiċi u ambjentali jsiru dejjem aktar materjali. L-integrazzjoni insuffiċjenti ta’ dawn ir-riskji xxekkel ir-riallokazzjoni tar-riżorsi u tirriskja li twassal għal riaġġustamenti ta’ tfixkil fil-futur, b’implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni ambjentali trid tiġi kkomplementata minn qafas għall-finanzi sostenibbli li jidderieġi l-finanzi għal investiment li jnaqqas l-esponiment għal dawn ir-riskji klimatiċi u ambjentali.
Il-qafas għall-finanzi sostenibbli jista’ jagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet pubbliċi biex iżidu l-kapital sostenibbli. L-UE diġà qed tieħu passi sinifikanti f’dan ir-rigward. Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u n-Next-Generation-EU (NGEU), l-Unjoni għandha l-għan li tonfoq sa EUR 605 biljun fuq proġetti li jindirizzaw il-kriżi klimatika u EUR 100 biljun fi proġetti li jappoġġaw il-bijodiversità. Mill-EUR 750 biljun allokati għan-Next-Generation-EU, 30 % se jinġabru permezz tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi tal-NGEU. Bħala l-“bank klimatiku tal-UE”, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment ħa wkoll passi importanti biex jappoġġa t-tranżizzjoni.
Peress li l-iskala tal-investiment meħtieġa hija ferm lil hinn mill-kapaċità tas-settur pubbliku, l-objettiv ewlieni tal-qafas għall-finanzi sostenibbli huwa li l-flussi finanzjarji privati jiġu diretti f’attivitajiet ekonomiċi rilevanti. L-interess privat fl-investiment sostenibbli kiber b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin, iżda jirrikjedi qafas għall-finanzi sostenibbli li jkun ċar, konsistenti u robust. L-UE qed tistabbilixxi dak il-qafas.
Il-qafas għall-finanzi sostenibbli u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jsaħħu lil xulxin, filwaqt li joħolqu aktar opportunitajiet għan-negozji u għall-investituri. Jenħtieġ li s-swieq kapitali integrati sew u effiċjenti jaġixxu bħala katalizzatur għal mobilizzazzjoni u allokazzjoni effettivi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli. Min-naħa tiegħu, il-momentum tal-aġenda ta’ politika dwar il-finanzi sostenibbli jagħti spinta lill-importanza u lill-urġenza tal-isforzi biex jinbena suq verament uniku u sostenibbli għall-kapital fl-Unjoni Ewropea.
Fl-2018, il-Kummissjoni adottat l-ewwel pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli. Abbażi ta’ dak il-pjan, l-UE stabbiliet it-tliet elementi kostitwenti għal qafas għall-finanzi sostenibbli
. Dawn l-elementi kostitwenti huma: 1) sistema ta’ klassifikazzjoni, jew “tassonomija”, tal-attivitajiet sostenibbli, 2) qafas ta’ divulgazzjoni għall-kumpaniji mhux finanzjarji u finanzjarji, u 3) għodod ta’ investiment, inkluż parametri referenzjarji, standards u tikketti
.
L-ewwel element kostitwenti huwa t-Tassonomija tal-UE. Ir-Regolament dwar it-Tassonomija għandu l-għan li jipprovdi sistema ta’ klassifikazzjoni robusta u bbażata fuq ix-xjenza, li tippermetti lill-kumpaniji mhux finanzjarji u finanzjarji jaqsmu definizzjoni komuni ta’ sostenibbiltà u b’hekk jipprovdu protezzjoni kontra l-greenwashing.
It-tieni element kostitwenti huwa reġim ta’ divulgazzjoni obbligatorju kemm għall-kumpaniji mhux finanzjarji kif ukoll għal dawk finanzjarji, li jipprovdi lill-investituri b’informazzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment sostenibbli. Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jinkludu l-impatt tal-attivitajiet ta’ kumpanija fuq l-ambjent u s-soċjetà, kif ukoll ir-riskji finanzjarji u ta’ negozju li tiffaċċja kumpanija minħabba l-esponimenti tagħha għas-sostenibbiltà (il-kunċett tal-“materjalità doppja”). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni llum adottat att delegat skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija li jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi finanzjarji u mhux finanzjarji dwar il-prestazzjoni ambjentali tagħhom abbażi tat-Tassonomija tal-UE.
Reġim ta’ divulgazzjoni tas-sostenibbiltà tal-UE għall-kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji
|
Strument
|
Il-Proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD)
|
Ir-Regolament dwar id-Divulgazzjoni ta’ Finanzi Sostenibbli (SFDR)
|
Ir-Regolament dwar it-Tassonomija
|
Kamp ta’ Applikazzjoni
|
Il-kumpaniji kbar kollha tal-UE u l-kumpaniji elenkati kollha (għajr il-mikrointrapriżi elenkati)
|
Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li joffru prodotti ta’ investiment, u l-konsulenti finanzjarji
|
Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji;
il-kumpaniji kollha soġġetti għas-CSRD
|
Divulgazzjoni
|
Jirrapporta abbażi ta’ standards ta’ rappurtar formali u soġġett għal awditu estern
|
Divulgazzjoni fil-livell tal-entità u tal-prodott dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà u l-impatti avversi prinċipali
|
Il-fatturat, il-kapital u n-nefqiet operattivi fis-sena ta’ rappurtar minn prodotti jew attivitajiet assoċjati mat-Tassonomija
|
Status
|
Qed jiġu negozjati; mistenni li japplika mill-2023
|
Japplika mill-10 ta’ Marzu 2021
|
Japplika minn Jannar 2022
|
Sabiex jiġu kkomplementati dawn ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni, il-preferenzi ta’ sostenibbiltà jridu jiġu inklużi fil-pariri dwar l-investiment u l-assigurazzjoni
.
It-tielet element kostitwenti huwa sett ta’ għodod ta’ investiment, inkluż parametri referenzjarji, standards u tikketti. Dawn jagħmluha aktar faċli għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji biex jallinjaw l-istrateġiji ta’ investiment tagħhom mal-għanijiet klimatiċi u ambjentali tal-UE. Dawn jipprovdu trasparenza akbar lill-parteċipanti fis-suq. Dawn huma l-objettivi kemm tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE kif ukoll tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, maħluqa mir-Regolament tal-UE dwar il-Parametri Referenzjarji Klimatiċi. Illum, il-Kummissjoni qed tadotta proposta leġiżlattiva għal standard dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej. Din il-proposta se toħloq standard volontarju ta’ kwalità għolja, disponibbli għall-emittenti kollha, biex tgħin tattira investimenti sostenibbli. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti finanzjarji, se tipprovdi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b’tikketta kredibbli, affidabbli u rikonoxxuta b’mod wiesa’ għall-prodotti finanzjarji għall-konsumatur.
Fi ftit snin, sar progress kbir fl-istabbiliment tas-sisien għall-qafas għall-finanzi sostenibbli. It-tliet elementi kostitwenti jinsabu għaddejjin, iżda għad fadal xogħol xi jsir. Il-Kummissjoni hija impenjata li tlesti l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ambizzjuż tagħha tal-2018. Madankollu, mill-2018, il-fehim tagħna ta’ dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà evolva, u l-kuntest globali nbidel. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li jkun hemm fażi ġdida tal-istrateġija tal-UE għall-finanzi sostenibbli.
Din l-istrateġija tidentifika erba’ oqsma ewlenin fejn huma meħtieġa azzjonijiet addizzjonali biex is-sistema finanzjarja tappoġġa bis-sħiħ it-tranżizzjoni tal-ekonomija lejn is-sostenibbiltà.
Sabiex tikkontribwixx għal din l-istrateġija, il-Kummissjoni talbet parir mill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli u wettqet konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati fl-2020
. Din l-istrateġija tikkomplementa wkoll inizjattivi oħrajn tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”.
I.Finanzjament tat-tranżizzjoni tal-ekonomija reali lejn is-sostenibbiltà
It-tranżizzjoni lejn l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE tirrikjedi sforzi mingħajr preċedent biex jittaffa t-tibdil fil-klima u jkun hemm adattament għalih, jerġa’ jinbena l-kapital naturali, u jissaħħu r-reżiljenza u l-kapital soċjali usa’, kollha bħala parti minn irkupru sostenibbli mill-kriżi tal-COVID-19. Il-perkorsi ta’ tranżizzjoni tal-atturi ekonomiċi se jvarjaw b’mod konsiderevoli, b’punti tat-tluq differenti u bi strateġiji ta’ negozju differenti, iżda l-perkorsi kollha fl-aħħar mill-aħħar jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE.
L-isforzi tal-UE ffukaw l-aktar fuq l-appoġġ tal-flussi ta’ investiment lejn attivitajiet ekonomiċi li diġà huma ambjentalment sostenibbli u lejn pjanijiet biex dawn isiru ambjentalment sostenibbli. Jeħtieġ li jkun hemm qafas aktar ta’ appoġġ biex tiġi indirizzata l-isfida li jiġu ffinanzjati passi interim fit-tranżizzjoni urġenti tal-attivitajiet lejn l-objettivi tan-newtralità klimatika u dawk ambjentali tal-UE. Il-Kummissjoni talbet il-parir tal-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli dwar għażliet li jħeġġu u jirrikonoxxu l-investimenti f’attivitajiet ekonomiċi għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà
.
Rikonoxximent tal-isforzi ta’ tranżizzjoni
Filwaqt li l-kumpaniji, l-emittenti u l-investituri jistgħu jużaw it-Tassonomija tal-UE biex jekoloġizzaw l-attivitajiet u l-portafolli tagħhom, il-qafas attwali jista’ jiġi żviluppat biex jiġu rikonoxxuti aħjar l-investimenti għal passi intermedjarji fil-perkors lejn is-sostenibbiltà. Dawn l-investimenti jistgħu jnaqqsu l-impatti klimatiċi u ambjentali ta’ ħsara, jekk ma jwasslux għal lock-in ta’ teknoloġiji b’użu intensiv ta’ karbonju.
Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikonoxxi u tappoġġa l-finanzjament ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, primarjament fis-settur tal-enerġija, inkluż il-gass, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika matul id-deċennju attwali, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2021.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet għal estensjoni tal-qafas tat-Tassonomija lil hinn minn attivitajiet ambjentalment sostenibbli biex possibbilment jirrikonoxxi attivitajiet b’livell intermedju ta’ prestazzjoni ambjentali. Dan jista’ jgħin biex tingħata spinta lit-trasparenza u biex jiġu mmobilizzati l-finanzi għall-attivitajiet ekonomiċi li jinsabu f’perkors kredibbli lejn is-sostenibbiltà, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjali. Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tippubblika rapport li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġu koperti attivitajiet ekonomiċi li ma għandhomx impatt sinifikanti fuq is-sostenibbiltà ambjentali u attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lis-sostenibbiltà ambjentali
.
Inklużjoni ta’ attivitajiet sostenibbli addizzjonali fit-Tassonomija tal-UE
Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata f’April 2021, il-Kummissjoni se tadotta Att Delegat komplementari dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima li jkopri attivitajiet li għadhom ma ġewx koperti fl-ewwel Att Delegat dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima, bħall-agrikoltura u ċerti setturi tal-enerġija, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar it-Tassonomija. L-Att Delegat se jkopri wkoll l-attivitajiet tal-enerġija nukleari, soġġett għal u konsistenti mal-proċess speċifiku ta’ rieżami espert li l-Kummissjoni stabbiliet għal dan il-fini
. Il-Kummissjoni se tadotta dan l-Att Delegat komplementari malajr kemm jista’ jkun wara t-tmiem tal-proċess speċifiku ta’ rieżami fis-sajf tal-2021. Dan l-Att Delegat komplementari se jkopri wkoll il-gass naturali u t-teknoloġiji relatati bħala attività tranżizzjonali sakemm dawn jaqgħu fil-limiti tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE. Il-merti ta’ klawsola ta’ estinzjoni għall-attivitajiet tranżizzjonali se jitqiesu f’dan il-kuntest.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tadotta kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-erba’ objettivi ambjentali li jifdal skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija: l-ilma, l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-bijodiversità. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi kriterji għal dawn l-objettivi f’att delegat kif previst mir-Regolament dwar it-Tassonomija, li għandu jiġi adottat fl-ewwel nofs tal-2022, u li mbagħad se japplika mill-2023. Dan se jiffaċilita investimenti ambjentalment sostenibbli lil hinn mill-klima.
Estensjoni tal-qafas għall-istandards u t-tikketti għall-finanzi sostenibbli
L-istandards u t-tikketti jistgħu jgħinu biex jidderieġu l-finanzi lejn il-kumpaniji, l-emittenti u l-investituri fit-tranżizzjoni tagħhom lejn attivitajiet u mudelli tan-negozju aktar sostenibbli. Dawn jistgħu jgħinu wkoll lill-investituri billi joħolqu qafas trasparenti u kredibbli għall-prevenzjoni tal-greenwashing. Sabiex tiffaċilita flussi tal-kapital addizzjonali għal sforzi ta’ tranżizzjoni interim, il-Kummissjoni se taħdem fuq tikketti tal-bonds oħrajn, bħal tikketti tal-bonds marbuta mat-tranżizzjoni jew mas-sostenibbiltà.
B’ħarsa ’l quddiem, qafas aktar ġenerali għat-tikketti għall-istrumenti finanzjarji jista’ jgħin biex iġib ċarezza, trasparenza u koerenza fis-swieq tal-finanzi sostenibbli. Dan il-qafas jippermetti u jkopri l-innovazzjoni futura tas-suq, filwaqt li jiżgura livell minimu ta’ trasparenza u kredibbiltà fir-rigward tal-fatturi ta’ sostenibbiltà tat-tikketti żviluppati mis-suq. Lil hinn mill-istrumenti finanzjarji, il-Kummissjoni se tikkunsidra tikketti għall-parametri referenzjarji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) u kriterji minimi ta’ sostenibbiltà għall-prodotti finanzjarji li jippromovu karatteristiċi ambjentali jew soċjali. Fl-aħħar nett, l-aġġustamenti għar-Regolament dwar il-Prospett jistgħu jitqiesu li joħolqu rekwiżiti minimi għall-komparabbiltà, it-trasparenza u l-armonizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli għat-titoli kollha tal-ESG.
Azzjoni 1: Sabiex tiżviluppa qafas aktar komprensiv u tgħin fil-finanzjament ta’ passi intermedjarji lejn is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni se:
a)tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni biex tappoġġa l-finanzjament ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, l-aktar fis-settur tal-enerġija, li jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;
b)tikkunsidra għażliet għall-estensjoni tal-qafas tat-Tassonomija tal-UE biex possibbilment jirrikonoxxi attivitajiet ekonomiċi li jagħtu prestazzjoni f’livell intermedju;
c)tadotta Att Delegat Komplementari dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima li jkopri setturi ġodda inkluż l-agrikoltura u ċerti attivitajiet tal-enerġija;
d)tadotta att delegat skont it-Tassonomija tal-UE li jkopri l-erba’ għanijiet ambjentali li jifdal, jiġifieri l-ilma, il-bijodiversità, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-ekonomija ċirkolari sat-tieni trimestru tal-2022; u
e)tikkunsidra qafas ġenerali għat-tikketti għall-istrumenti finanzjarji, taħdem fuq tikketti tal-bonds oħrajn bħal bonds marbuta mat-tranżizzjoni jew mas-sostenibbiltà, tikketta tal-Parametri Referenzjarji ESG, u kriterji minimi ta’ sostenibbiltà għall-prodotti finanzjarji li jippromovu karatteristiċi ambjentali jew soċjali, u tintroduċi divulgazzjoni immirata tal-prospetti.
II.Lejn qafas għall-finanzi sostenibbli aktar inklużiv
Għoti ta’ setgħa lill-investituri fil-livell tal-konsumatur u lill-SMEs biex jaċċessaw opportunitajiet ta’ finanzi sostenibbli
Iċ-ċittadini, bħala investituri fil-livell tal-konsumatur jew konsumaturi, u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Ħafna proġetti sostenibbli se jkunu żgħar u żviluppati fil-livell lokali – iżda essenzjali għall-appoġġ tal-irkupru ekoloġiku. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-qafas għall-finanzi sostenibbli flimkien se jkollhom l-għan li jipprovdu lill-SMEs b’aktar opportunitajiet ta’ finanzjament u jħeġġu parteċipazzjoni akbar mill-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali.
L-individwi u l-unitajiet domestiċi jista’ jkollhom rwol importanti fit-trasformazzjoni tal-ekonomija billi jaċċessaw l-finanzi sostenibbli. Pereżempju, is-self ekoloġiku jista’ jgħin lill-unitajiet domestiċi u lill-SMEs itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini tagħhom jew jaqilbu għal vetturi b’emissjonijiet żero. Sabiex tħeġġeġ is-self ekoloġiku fil-livell tal-konsumatur, il-Kummissjoni se titlob lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għal opinjoni dwar id-definizzjoni u l-għodod ta’ appoġġ possibbli għal self ekoloġiku fil-livell tal-konsumatur u ipoteki ekoloġiċi. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll modi kif tappoġġa l-adozzjoni ta’ ipoteki effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-qafas tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju.
Il-konsulenti finanzjarji huma l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. Dawn jeħtieġ li jkunu kkwalifikati biex jappoġġaw l-adozzjoni tal-finanzi sostenibbli. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ involviment akbar mill-investituri fil-livell tal-konsumatur billi tfittex titjib fil-livell ta’ għarfien espert dwar is-sostenibbiltà tal-konsulenti finanzjarji, soġġett għal valutazzjoni ulterjuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-OECD u n-Network Internazzjonali tagħha dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja, qed jaħdmu biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju taċ-ċittadini. Dawn se jippubblikaw oqfsa konġunti ta’ kompetenza finanzjarja għall-adulti u ż-żgħażagħ li jirriflettu l-ħiliet u l-għarfien li l-individwi jeħtieġu biex jappoġġaw il-benessri finanzjarju tagħhom u biex ikomplu jaċċessaw il-finanzi sostenibbli.
L-ekonomija tal-UE tinkludi 23 miljun SME, li jenħtieġ li jibbenefikaw minn aċċess akbar għas-servizzi ta’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-kriżi tal-COVID-19 għamlitha aktar diffiċli għall-SMEs biex jattiraw il-finanzjament li dawn jeħtieġu għall-isforzi ta’ tranżizzjoni tagħhom. L-SMEs spiss ikunu nieqsa mill-kapaċitajiet u mill-għarfien biex jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-għodod tal-finanzi sostenibbli.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu bini tal-kapaċitajiet u pariri tekniċi dwar kif l-SMEs jistgħu jirrapportaw b’mod volontarju dwar ir-riskji għas-sostenibbiltà u l-impatti fuqha
. Għal dak il-għan, u f’konformità mas-CSRD proposta, il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) se jħejji standard simplifikat tar-rappurtar volontarju dwar is-sostenibbiltà li se jipprovdi lill-SMEs b’għodda proporzjonata. Barra minn hekk, il-Programm InvestEU se jipprovdi mekkaniżmi ta’ tneħħija tar-riskji filwaqt li l-pilastru tal-SMEs tal-Programm tas-Suq Uniku se jipprovdi servizzi ta’ konsulenza għall-SMEs permezz tan-Network Enterprise Europe u tal-Inizjattiva ta’ Raggruppamenti Konġunti.
Ingranaġġ tal-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji diġitali għall-finanzi sostenibbli
It-teknoloġiji diġitali jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet essenzjali għaċ-ċittadini, għall-investituri u għall-SMEs biex iwettqu t-tranżizzjoni tagħhom lejn is-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se tippermetti u tħeġġeġ soluzzjonijiet innovattivi biex tgħin lill-SMEs jużaw għodod tal-finanzi sostenibbli diġitali u biex tappoġġa l-fehim tal-investituri fil-livell tal-konsumatur dwar l-impatt tal-prodotti finanzjarji fuq is-sostenibbiltà. L-innovazzjoni teknoloġika, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, il-big data, u l-Internet tal-oġġetti, għandha rwol sinifikanti x’taqdi fil-finanzi sostenibbli. Aktar inizjattivi tal-UE, bħall-inklużjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà fil-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) u fil-Qafas għall-Finanzi Miftuħa, se jgħinu biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal.
Filwaqt li t-teknoloġiji diġitali huma abilitanti importanti fit-tranżizzjoni, hemm tħassib dwar l-impatt ambjentali u ż-żieda fil-ħtiġijiet tal-enerġija taċ-ċentri tad-data u tat-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit, b’mod partikolari għall-kriptoassi. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt tat-teknoloġiji tal-finanzi diġitali fuq is-sostenibbiltà. L-UE jenħtieġ li tieħu l-inizjattiva biex tagħmel dawn l-infrastrutturi newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tal-enerġija sal-2030. L-Att Delegat dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima diġà jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għaċ-ċentri tad-data u soluzzjonijiet diġitali li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-objettivi tat-Tassonomija tal-UE u jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi aktar attivitajiet għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali sostenibbli u għall-użu ta’ kriptoassi sostenibbli.
Assigurazzjoni: offerta ta’ protezzjoni akbar mir-riskji klimatiċi u ambjentali
Billi żżid il-kopertura tal-assigurazzjoni, is-sistema finanzjarja tista’ tipproteġi aħjar l-ekonomija u lis-soċjetà kontra ċerti riskji relatati mal-klima u riskji ta’ diżastri naturali. Żieda żgħira fil-kopertura tal-assigurazzjoni tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-kost ekonomiku tad-diżastri relatati mal-klima għall-kontribwenti u għall-gvernijiet. L-istrateġija dwar l-Adattament għall-Klima li ġiet adottata reċentement se toħloq il-kundizzjonijiet abilitanti biex tiġi appoġġata r-reżiljenza tas-soċjetà għat-tibdil fil-klima u jitnaqqsu r-riskji. Dashbord għall-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) se tindika diskrepanzi potenzjali fil-kopertura tal-assigurazzjoni fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tibda Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima bejn l-assiguraturi, ir-riassiguraturi, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħrajn biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġu identifikati modi biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-protezzjoni tal-klima, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet jew permezz ta’ impenji volontarji.
Appoġġ ta’ investimenti soċjali kredibbli
L-irkupru mill-pandemija enfasizza l-ħtieġa ta’ tranżizzjoni ġusta li tappoġġa lill-ħaddiema u lill-komunitajiet tagħhom affettwati mit-tranżizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi. Iż-żieda qawwija fil-ħruġ ta’ bonds soċjali turi li l-investituri qed ifittxu dejjem aktar opportunitajiet ta’ investiment b’eżiti soċjali pożittivi u qed jippromovu d-drittijiet tal-bniedem. Din it-tendenza tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji jintensifikaw l-involviment tagħhom mal-kumpaniji biex jgħinuhom jintegraw id-drittijiet tal-bniedem u l-fatturi soċjali fl-istrateġiji u fl-attivitajiet tagħhom.
Ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni tal-finanzi sostenibbli għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji diġà jinkludu ċerti fatturi soċjali, iżda jeħtieġu passi ulterjuri. Qabel Diċembru 2022, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex tirrieżamina l-istandards tekniċi regolatorji skont l-SFDR, filwaqt li tiċċara l-indikaturi kemm għall-impatti avversi prinċipali relatati mal-klima u mal-ambjent kif ukoll għall-impatti avversi prinċipali fil-qasam tal-kwistjonijiet soċjali u ta’ dawk tal-impjegati, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u tal-kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim. Barra minn hekk, sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar id-dispożizzjonijiet meħtieġa għal tassonomija soċjali, kif meħtieġ mir-Regolament dwar it-Tassonomija
.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq proposta dwar il-Governanza Korporattiva Sostenibbli biex tiżgura li l-kumpaniji jiġġestixxu r-riskji għas-sostenibbiltà u jibbenefikaw minn opportunitajiet dderivati mill-perkors lejn is-sostenibbiltà.
Ibbaġitjar ekoloġiku u mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tar-riskju
Filwaqt li l-fondi pubbliċi waħedhom ma jistgħux jiffinanzjaw il-ħtiġijiet kollha ta’ investiment, dawn għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, flimkien mal-finanzjament privat.
Il-Kummissjoni qed tkompli ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-klima u tal-bijodiversità fil-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni diġà qed tuża għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku fiċ-ċiklu baġitarju annwali tal-UE. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u tal-ftehim interistituzzjonali relatat mal-impenji tagħha dwar l-infiq fuq il-klima u l-bijodiversità, din il-ħidma se tkompli tissaħħaħ. Il-Kummissjoni hija impenjata li tipproduċi metodoloġiji ta’ traċċar aġġornati u msaħħa kemm dwar il-klima kif ukoll dwar il-bijodiversità. Dawk il-metodoloġiji ta’ traċċar se jkunu kruċjali biex jiġi mmonitorjat li l-infiq fuq il-klima u l-bijodiversità skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 jallinja mal-ambizzjoni tal-UE.
Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri biex iżżid l-użu ta’ għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll qafas ta’ referenza għall-ibbaġitjar ekoloġiku u twettaq stħarriġiet annwali dwar il-prattiki eżistenti fl-ibbaġitjar ekoloġiku fl-UE biex tappoġġa lill-ħafna Stati Membri li jridu jerġgħu jidderieġu l-baġit nazzjonali tagħhom lejn prijoritajiet ekoloġiċi. Il-ħidma analitika, l-appoġġ tekniku u t-taħriġ kif ukoll konferenza annwali jippromovu proċess ta’ tagħlim reċiproku biex tiġi żgurata l-konformità tal-politiki u l-infiq baġitarji mal-impenji ambjentali.
Il-kondiviżjoni tar-riskju bejn l-investituri pubbliċi u privati tista’ tindirizza b’mod effettiv il-fallimenti tas-suq li jxekklu l-finanzjament ta’ tranżizzjoni xprunata mill-infrastruttura sostenibbli u mill-innovazzjoni. Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, il-pilastru tal-investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandu l-għan li jimmobilizza mill-inqas EUR 1 triljun f’investimenti sostenibbli matul id-deċennju li jmiss minn atturi privati u pubbliċi. Il-programm InvestEU se jipprovdi kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji u appoġġ għal inizjattivi ta’ konsulenza relatati lill-Grupp tal-BEI, lill-banek promozzjonali nazzjonali u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn. Il-Kummissjoni se torganizza Summit annwali inawgurali dwar l-Investiment Sostenibbli qabel il-COP 26 biex tqis il-progress fl-inizjattivi tal-UE kollha inkluż fil-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli.
Azzjoni 2: Sabiex ittejjeb l-inklużività tal-finanzi sostenibbli, il-Kummissjoni se:
a)titlob lill-EBA għal opinjoni dwar id-definizzjoni ta’ self u ipoteki ekoloġiċi u l-appoġġ għalihom, tesplora għażliet biex tiffaċilita l-adozzjoni tagħhom sal-2022, u żżid l-aċċess taċ-ċittadini u tal-SMEs għal servizzi ta’ konsulenza dwar finanzi sostenibbli;
b)tintegra data relatata mal-finanzi sostenibbli fl-ispazji tad-data skont l-Istrateġija Ewropea għad-Data u tirrifletti, flimkien mal-Pjattaforma għall-Finanzi Diġitali, dwar azzjonijiet ulterjuri possibbli li jippermettu u jħeġġu soluzzjonijiet innovattivi bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-investituri fil-livell tal-konsumatur; u
c)tidentifika diskrepanzi fil-protezzjoni tal-assigurazzjoni permezz tad-dashbord għad-diżastri naturali tal-EIOPA u tibda Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (2022);
d)tippubblika rapport dwar tassonomija soċjali sa tmiem l-2021; u
e)ssaħħaħ il-metodoloġiji ta’ traċċar għall-infiq fuq il-klima u l-bijodiversità, tappoġġa lill-Istati Membri li jridu jerġgħu jidderieġu l-baġit nazzjonali tagħhom lejn prijoritajiet ekoloġiċi u torganizza Summit annwali inawgurali dwar l-Investiment Sostenibbli qabel il-COP 26.
III.Titjib fir-reżiljenza u fil-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għas-sostenibbiltà: il-perspettiva tal-materjalità doppja
Sabiex jallinja mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, is-settur finanzjarju nnifsu jeħtieġ li jkun aktar reżiljenti għar-riskji maħluqa mit-tibdil fil-klima u mid-degradazzjoni ambjentali u jtejjeb ukoll il-kontribuzzjoni tiegħu għas-sostenibbiltà. Dan jirrikjedi approċċ komprensiv li jikkonsisti fl-integrazzjoni sistematika kemm tar-riskji għas-sostenibbiltà finanzjarjament materjali (minn barra għal ġewwa) kif ukoll tal-impatti fuq is-sostenibbiltà finanzjarjament materjali (minn ġewwa għal barra) fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet finanzjarji. Huwa kruċjali li ż-żewġ angoli tal-kunċett tal-materjalità jiġu integrati b’mod xieraq fis-settur finanzjarju biex jikkontribwixxu b’mod proattiv u bis-sħiħ għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u finanzjarja għar-riskji għas-sostenibbiltà
Ir-riskji għas-sostenibbiltà huma diġà materjali, u se jkollhom impatti avversi fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-finanzjament tal-ekonomija reali. L-impatt fiżiku tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità joħolqu riskji li jistgħu jkunu sistemiċi u li jistgħu ma jkunux viżibbli fil-livell tal-assi individwali. Ir-riskji jistgħu jirriżultaw ukoll minn reazzjoni mhux ikkontrollata u f’daqqa għat-tranżizzjoni. Għalhekk, huwa vitali li wieħed jifhem in-natura u l-grad ta’ dawn l-esponimenti u kif dawn jinteraġixxu u jevolvu maż-żmien. Jeħtieġ li jkun hemm passi komplementari biex tiġi żgurata integrazzjoni konsistenti tal-fatturi tas-sostenibbiltà fil-valutazzjoni u fil-ġestjoni tar-riskju fis-settur finanzjarju.
Riflessjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fl-istandards tar-rappurtar finanzjarju u fil-kontabilità
Il-Kummissjoni tappoġġa bil-qawwa l-ħidma internazzjonali dwar l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fir-rappurtar finanzjarju u fil-kontabilità u se tfittex l-ogħla livell ta’ ambizzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u mal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) biex tivvaluta jekk l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju (IFRS) jintegrawx kif xieraq ir-riskji għas-sostenibbiltà. Peress li l-istandards u l-prattiki tar-rappurtar finanzjarju jiddeterminaw il-valur tal-investimenti, dawn huma element kruċjali għall-inkorporazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-swieq finanzjarji. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi vvalutat kif għandhom jiġu rikonoxxuti u rrapportati r-riskji klimatiċi u ambjentali rilevanti fir-rapporti finanzjarji b’mod adegwat u fil-ħin.
Sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards għall-valutazzjoni tal-kapital naturali fl-UE u globalment, il-Kummissjoni qed tintensifika wkoll l-involviment tagħha mal-industrija dwar il-bijodiversità u l-kontabilità tal-kapital naturali.
Titjib fit-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-prospettivi ta’ klassifikazzjoni
L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom rwol importanti fis-sistema finanzjarja billi jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu tal-emittenti finanzjarji u mhux finanzjarji. Il-partijiet ikkonċernati jkomplu jesprimu tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza dwar kif l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jinkorporaw fatturi tas-sostenibbiltà fil-metodoloġiji tagħhom, fid-dawl tal-użu wiesa’ tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Soġġett għal valutazzjoni ulterjuri tal-effettività tal-miżuri eżistenti mill-ESMA, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex ittejjeb it-trasparenza u tiżgura l-inklużjoni ta’ fatturi ESG rilevanti fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-prospettivi ta’ kreditu, filwaqt li tiżgura trasparenza metodoloġika.
Identifikazzjoni u ġestjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà mill-banek u mill-assiguraturi
Il-kapaċità tal-banek u tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jidentifikaw u jiġġestixxu r-riskji għas-sostenibbiltà u jassorbu t-telf finanzjarju li jirriżulta minnhom hija kruċjali għall-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza tal-ekonomija reali matul it-tranżizzjoni. Filwaqt li l-entitajiet u s-superviżuri tas-settur finanzjarju qed jagħmlu sforzi biex jinkludu l-fatturi klimatiċi u ambjentali fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u fir-rekwiżiti kapitali prudenzjali, għadu ma sarx biżżejjed progress.
-Il-Kummissjoni se tipproponi emendi fil-qafas prudenzjali għall-banek biex tiżgura li l-fatturi ESG jiġu inklużi b’mod konsistenti fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u fis-superviżjoni. Sabiex jinkiseb dan, se jiġu stabbiliti rekwiżiti ċari biex jiġu identifikati, imkejla, ġestiti u mmonitorjati r-riskji għas-sostenibbiltà fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-ittestjar tal-istress mit-tibdil fil-klima għall-banek. Sabiex dan jiġi kkomplementat u bħala parti mill-valutazzjoni superviżorja annwali, ir-rwol tas-superviżuri fil-valutazzjoni ta’ dawn ir-riskji se jiġi ċċarat u msaħħaħ. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tipproponi li l-Awtorità Bankarja Ewropea tressaq il-valutazzjoni kontinwa tagħha tat-trattament prudenzjali ta’ esponimenti relatati ma’ assi jew ma’ attivitajiet assoċjati b’mod sostanzjali mal-objettivi ambjentali u/jew soċjali b’sentejn sal-2023.
-Il-Kummissjoni se tintegra b’mod konsistenti r-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u s-superviżjoni tal-assiguraturi. Se jiġu proposti emendi fid-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II
, inkluż analiżi tax-xenarju tat-tibdil fil-klima mill-assiguraturi. Simili għall-approċċ meħud fis-settur bankarju, l-EIOPA se tivvaluta d-differenzjali fir-riskju bejn esponimenti ambjentalment u/jew soċjalment sostenibbli u esponimenti oħrajn fl-assigurazzjoni.
Ġestjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-livell tas-sistema
Iż-żieda fir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja għax-xokkijiet tirrikjedi l-identifikazzjoni, il-kejl u l-ġestjoni tar-riskji fil-livell tas-sistema. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mas-superviżuri Ewropej u mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bil-għan li jiġu inklużi, immonitorjati u mmitigati r-riskji sistemiċi kollha għas-sostenibbiltà li jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja fit-tul. Sabiex jinkiseb dan, se tiġi intensifikata l-ħidma biex jiġu żviluppati metodoloġiji u xenarji koerenti u rilevanti biex jiġu kkwantifikati r-riskji għas-sostenibbiltà u biex tiġi ttestjata għall-istress ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, li jkopru s-setturi finanzjarji rilevanti. Il-Kummissjoni se tagħti mandat għal ittestjar tal-istress immirat tas-sistema finanzjarja fuq il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”.
L-istituzzjonijiet finanzjarji huma dejjem aktar esposti għad-degradazzjoni li qed taċċellera tal-ekosistemi u għat-telfien tal-bijodiversità, għat-tnaqqis fir-riżorsi naturali u għal-livelli ta’ tniġġis fl-ilma, fl-arja u fil-ħamrija tagħna. Sabiex tavvanza l-isforzi fil-kejl tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn telfien sinifikanti tal-bijodiversità u minn degradazzjoni tal-ekosistema, il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar il-kejl u l-preżenza ta’ dawn ir-riskji fl-UE. Ir-rapport tal-Kummissjoni se jħares ukoll lejn l-approċċi u l-metodi biex jitkejlu dawk ir-riskji u jiġu deskritti l-passi li jmiss f’dan il-qasam.
Fl-aħħar nett, l-indirizzar u l-ġestjoni tar-riskji sistemiċi jirrikjedu għodod xierqa għall-awtoritajiet makroprudenzjali. Bl-appoġġ mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u mill-BĊE, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk l-għodod makroprudenzjali humiex kapaċi jindirizzaw ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja relatati mat-tibdil fil-klima bħala parti minn rieżami li jmiss tal-qafas makroprudenzjali bankarju. Fit-terminu medju, se ssir aktar ħidma dwar it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għal setturi mhux bankarji u għar-riskji ambjentali abbażi ta’ parir mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mill-BERS u mill-BĊE.
Azzjoni 3: Sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u finanzjarja għar-riskji għas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni se:
a)taħdem mal-EFRAG, mal-ESMA u mal-IASB dwar kif l-istandards tar-rappurtar finanzjarju jistgħu jinkludu bl-aħjar mod ir-riskji rilevanti għas-sostenibbiltà;
b)tieħu azzjoni biex tiżgura li r-riskji ESG rilevanti jiġu inklużi sistematikament fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-prospettivi ta’ klassifikazzjoni b’mod trasparenti, filwaqt li tqis valutazzjoni ulterjuri mill-ESMA (2023);
c)tipproponi emendi fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital biex tiġi żgurata l-integrazzjoni konsistenti tar-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-banek, inkluż it-testijiet tal-istress mit-tibdil fil-klima mill-banek (2021);
d)tipproponi emendi fid-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II biex tintegra b’mod konsistenti r-riskji għas-sostenibbiltà fil-ġestjoni tar-riskju tal-assiguraturi, inkluż l-analiżi tax-xenarju tat-tibdil fil-klima mill-assiguraturi (2021); u
e)ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fit-tul permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar il-valutazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, testijiet tal-istress regolari, valutazzjoni tal-għodod makroprudenzjali u studju ddedikat għar-riskji li jirriżultaw mid-degradazzjoni ambjentali u mit-telfien tal-bijodiversità.
Aċċellerazzjoni tal-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għall-isforzi ta’ tranżizzjoni
Lil hinn mill-ġestjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà mill-istituzzjonijiet finanzjarji, is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jiddependi fuq il-kontribuzzjoni tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi kollha u fuq l-inċentivi tagħhom biex jintlaħqu l-miri tagħna. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jesprimu l-għanijiet tas-sostenibbiltà tal-UE fl-istrateġiji ta’ finanzjament fit-tul tagħhom u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan jinkludi kejl, monitoraġġ u divulgazzjoni aħjar tal-progress fuq bażi regolari.
Titjib fl-iffissar tal-miri bbażati fuq ix-xjenza, fid-divulgazzjoni u fil-monitoraġġ tal-impenji tas-settur finanzjarju
L-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jiżvelaw il-pjanijiet tagħhom stess għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-dekarbonizzazzjoni, inkluż miri intermedji u fit-tul u kif qed jippjanaw li jnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom. Trasparenza akbar dwar il-miri, l-indikaturi, id-definizzjonijiet u l-metodoloġiji se tkun kruċjali għall-monitoraġġ tal-effettività tal-azzjonijiet maż-żmien. Il-proposta tas-CSRD se tirrikjedi li l-kumpaniji kbar tal-UE u l-kumpaniji elenkati inkluż banek, assiguraturi u investituri jiżvelaw il-miri ta’ sostenibbiltà u l-progress lejn l-ilħuq tagħhom. Barra minn hekk, u filwaqt li tibni fuq l-istandard tekniku regolatorju skont l-SFDR, il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-divulgazzjoni u l-effettività tal-azzjoni ta’ dekarbonizzazzjoni mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-prodotti ta’ investiment kollha.
F’dan ir-rigward, il-wegħdiet volontarji mill-istituzzjonijiet finanzjarji b’mod globali biex jadottaw miri strateġiċi dwar il-klima u s-sostenibbiltà bbażati fuq ix-xjenza huma wkoll ta’ min ifaħħarhom bħala l-ewwel pass. Sakemm ikun hemm azzjoni ta’ politika ulterjuri possibbli f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se teżamina sa liema punt aktar gwida tista’ tiżgura li dawn il-wegħdiet volontarji jkunu kredibbli u se timmonitorja l-progress maż-żmien madwar l-UE. F’dan l-istadju, l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jużaw it-Tassonomija tal-UE u għodod tal-finanzi sostenibbli oħrajn biex jagħmlu progress lejn il-kisba tal-pjanijiet tagħhom fil-livell tal-entità u tal-portafoll.
Kjarifika tad-dmirijiet fiduċjarji u tar-regoli ta’ intendenza tal-investituri biex jirriflettu l-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għall-miri tal-Patt Ekoloġiku
L-allinjament tal-flussi finanzjarji mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikjedi kunsiderazzjoni ulterjuri tal-impatti fuq is-sostenibbiltà fl-istrateġiji u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment tal-investituri. Fil-21 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppubblikat sitt atti delegati emendatorji, li jirrikjedu li d-ditti finanzjarji, bħall-konsulenti, il-maniġers tal-assi u l-assiguraturi, jinkludu r-riskji għas-sostenibbiltà finanzjarjament materjali fil-proċeduri tagħhom u jqisu l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-klijenti tagħhom. Dan se jeħtieġ li jiġi kkomplementat b’azzjoni ulterjuri għall-125 000 fond tal-pensjoni fl-UE li jiġġestixxu skemi kollettivi f’isem madwar 75 miljun Ewropew. Sabiex itejbu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-miri tal-Patt Ekoloġiku, huwa kritiku li d-dmirijiet fiduċjarji tal-investituri u tal-fondi tal-pensjoni lejn il-membri u l-benefiċjarji jirriflettu wkoll ir-riskji ESG minn ġewwa għal barra tal-investimenti bħala parti mill-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment.
-Il-Kummissjoni se titlob lill-EIOPA tivvaluta l-ħtieġa potenzjali li jitwessa’ l-kunċett tal-“aħjar interess fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji” u tintroduċi l-obbligu li jitqiesu l-impatti fuq is-sostenibbiltà fil-qafas tal-investiment fil-pensjonijiet. L-għan ikun li jiġi żgurat li l-qafas jirrifletti aħjar il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-membri u tal-benefiċjarji u l-għanijiet soċjetali u ambjentali usa’. F’kollaborazzjoni mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni se tikkunsidra u tivvaluta aktar miżuri biex tippermetti lill-parteċipanti u lill-konsulenti rilevanti kollha fis-swieq finanzjarji jqisu l-impatti pożittivi u negattivi fuq is-sostenibbiltà mid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, u mill-prodotti li dwarhom jagħtu pariri fuq bażi sistematika.
-Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-oqfsa rilevanti relatati mal-attivitajiet ta’ intendenza u ta’ involviment tal-investituri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tesplora kif id-Direttiva II dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti
tista’ tirrifletti aħjar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE u tallinja mal-aħjar prattiki globali fil-linji gwida dwar l-intendenza.
Titjib fid-disponibbiltà, fl-integrità u fit-trasparenza tar-riċerka tas-suq u tal-klassifikazzjonijiet ESG
Sabiex iwettqu l-isforzi ta’ tranżizzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet finanzjarji se jeħtieġu firxa wiesgħa ta’ informazzjoni biex jidentifikaw ir-riskji għas-sostenibbiltà, l-opportunitajiet u l-impatti tal-kumpaniji destinatarji ta’ investiment u tal-klijenti tagħhom. Għal dak il-għan, il-proposta tas-CSRD se tirrikjedi li l-kumpaniji kbar u elenkati tal-UE jiżvelaw data sinifikanti, komparabbli u prospettiva dwar is-sostenibbiltà tul il-katina tal-valur tal-finanzi
. Barra minn hekk, il-proposta li jmiss għal Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew se toħloq mekkaniżmu madwar l-UE kollha li joffri bażijiet tad-data aċċessibbli faċilment, komparabbli u li jistgħu jintużaw b’mod diġitali dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar pubbliku tal-kumpaniji, inkluż l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà.
Soġġett għal konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex ittejjeb l-affidabbiltà, il-komparabbiltà u t-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet ESG. Il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom impatt dejjem aktar importanti fuq it-tħaddim tas-swieq kapitali u fuq il-kunfidenza tal-investituri fi prodotti sostenibbli. Azzjoni bħal din se tibni fuq l-istudju tal-Kummissjoni ppubblikat f’Jannar 2021, li jidentifika nuqqas ta’ trasparenza fl-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, il-livell baxx ta’ komparabbiltà bejn il-klassifikazzjonijiet ESG u kunflitti potenzjali ta’ interess. Id-domanda dejjem akbar għall-investimenti sostenibbli tiffoka wkoll fuq il-ħtieġa ta’ riċerka ESG imparzjali u affidabbli, ibbażata fuq metodoloġiji trasparenti u komparabbli.
Azzjoni 4: Sabiex iżżid il-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għas-sostenibbiltà, il-Kummissjoni se:
a)ttejjeb id-divulgazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji dwar il-miri ta’ sostenibbiltà u l-ippjanar tat-tranżizzjoni, teżamina sa liema punt gwida ulterjuri tista’ tiżgura li l-wegħdiet volontarji jkunu kredibbli u timmonitorja l-progress;
b)titlob lill-EIOPA tivvaluta l-ħtieġa li jiġu rieżaminati d-dmirijiet fiduċjarji tal-fondi tal-pensjoni u tal-investituri biex jirriflettu l-impatti fuq is-sostenibbiltà bħala parti mill-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment, inkluż l-attivitajiet ta’ intendenza u ta’ involviment sal-2022; u
c)tieħu azzjoni biex ittejjeb l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG u tivvaluta aktar ċerti aspetti tar-riċerka ESG, biex tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ intervent.
Indirizzar tal-greenwashing
L-UE ħadet passi importanti biex tindirizza l-greenwashing fis-suq finanzjarju. It-tentattivi ta’ greenwashing jistgħu jiġġeneraw riskji għar-reputazzjoni għall-atturi involuti u jiskattaw telf ta’ fiduċja fi prodotti tal-finanzi sostenibbli u fis-sistema finanzjarja. Sabiex jiġi evitat l-greenwashing, l-UE introduċiet rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-kumpaniji u għall-investituri u ħolqot għodod biex iżżid it-trasparenza u tgħin lill-investituri finali jidentifikaw opportunitajiet ta’ investiment kredibbli
. Madankollu, l-effettività tal-politiki għall-finanzi sostenibbli tiddependi wkoll fuq livell adegwat ta’ infurzar madwar l-UE. Is-superviżuri għandhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-konformità mar-regolament dwar il-finanzi sostenibbli, u biex jagħmlu użu sħiħ mill-mandati u mis-setgħat legali tagħhom biex jiżguraw li l-investituri u l-konsumaturi jiġu protetti kontra dikjarazzjonijiet ta’ sostenibbiltà mhux sostanzjati.
Bl-appoġġ mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk is-setgħat superviżorji, il-kapaċitajiet u l-obbligi humiex adattati għall-iskop tagħhom. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji ta’ greenwashing mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni se tikkunsidra passi biex tiżgura livell suffiċjenti u konsistenti ta’ infurzar u superviżjoni biex jiġi indirizzat il-greenwashing.
Monitoraġġ ta’ tranżizzjoni ordnata tas-sistema finanzjarja tal-UE
L-ilħuq tal-objettivi klimatiċi tal-UE se jirrikjedi azzjoni kollaborattiva fost l-Istati Membri, is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti biex jimmonitorjaw il-progress fit-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli, se tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ robust biex jitkejlu l-flussi tal-kapital għall-investimenti sostenibbli. Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fil- valutazzjoni tad-diskrepanza fl-investiment u fil-kejl tal-progress li sar mis-setturi finanzjarji biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u ambjentali tagħna
.
Is-superviżuri Ewropej jista’ jkollhom rwol importanti biex jgħinu fl-integrazzjoni konsistenti tal-perspettiva tal-materjalità doppja fis-sistema finanzjarja kollha. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha, inkluż is-superviżuri, biex tgħin fid-definizzjoni ta’ miri intermedji għas-settur finanzjarju, tifhem aħjar jekk il-progress huwiex biżżejjed, u b’hekk twitti t-triq biex tittieħed azzjoni ta’ politika aktar kollaborattiva mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum ta’ Riċerka dwar il-Finanzi Sostenibbli biex issaħħaħ ir-rwol tax-xjenza u tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-finanzi sostenibbli bejn l-akkademja u l-industrija. Dan il-forum ikun inkarigat biż-żieda fl-għarfien dwar l-użu tar-riċerka dwar il-finanzi sostenibbli u bit-trawwim tal-iskambju tal-għarfien bejn ir-riċerkaturi u l-komunità finanzjarja.
Azzjoni 5: Sabiex timmonitorja tranżizzjoni ordnata u tiżgura l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE, il-Kummissjoni se:
a)timmonitorja r-riskji ta’ greenwashing, u tivvaluta u tirrieżamina s-sett ta’ għodod superviżorji u ta’ infurzar attwali disponibbli għall-Awtoritajiet Kompetenti, biex tiżgura li s-setgħat superviżorji, il-kapaċitajiet u l-obbligi jkunu adattati għall-iskop tagħhom, bl-appoġġ tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej;
b)tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ robust biex jitkejlu l-flussi tal-kapital u tassisti lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tad-diskrepanza fl-investiment u fil-kejl tal-progress li sar mis-setturi finanzjarji tagħhom sal-2023;
c)issaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha, inkluż l-Istati Membri, il-BĊE, il-BERS, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, biex taħdem lejn approċċ komuni għall-monitoraġġ ta’ tranżizzjoni ordnata u tiżgura li l-perspettiva tal-materjalità doppja tkun integrata b’mod konsistenti fis-sistema finanzjarja kollha tal-UE (sal-2022); u
d)tistabbilixxi Forum ta’ Riċerka dwar il-Finanzi Sostenibbli biex jitrawwem l-iskambju tal-għarfien bejn ir-riċerkaturi u l-komunità finanzjarja.
IV.Trawwim ta’ ambizzjoni globali
L-isfidi globali jitolbu azzjoni globali. Madankollu, ġuriżdizzjonijiet differenti għandhom punti tat-tluq, livelli ta’ ambizzjoni u objettivi differenti. Il-fora u n-networks internazzjonali qed jikkoordinaw dejjem aktar inizjattivi għall-finanzi sostenibbli biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal globali tal-finanzi sostenibbli
. Filwaqt li tibni fuq il-kisbiet domestiċi tagħha, l-UE stabbiliet lilha nnifisha bħala mexxejja fil-finanzi sostenibbli internazzjonalment u qed tikkontribwixxi b’mod attiv għall-isforz globali. Din it-tmexxija tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għal ġuriżdizzjonijiet oħrajn madwar id-dinja u tiġġenera opportunitajiet ta’ negozju għas-settur finanzjarju tal-UE b’mod globali. L-atturi tal-UE huma l-akbar emittenti ta’ bonds ekoloġiċi u tfaċċaw bħala investituri sostenibbli ewlenin. Is-swieq ekoloġiċi dinamiċi jgħinu biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u jagħmlu lill-UE ċ-ċentru globali ewlieni għall-finanzi sostenibbli.
Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa ta’ arkitettura internazzjonali ambizzjuża u robusta għall-finanzi sostenibbli li tħaddan il-kunċett tal-materjalità doppja u tappoġġa lill-pajjiżi sħab tal-UE. Din l-arkitettura trid tinkludi governanza internazzjonali robusta, ġabra ta’ regoli soda u qafas ta’ monitoraġġ. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) jespandi l-mandat tiegħu biex ikopri l-kontribuzzjoni tas-sistema finanzjarja għall-objettivi klimatiċi u ambjentali globali.
Il-Kummissjoni tistieden lis-sħab internazzjonali kollha biex japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar il-finanzi sostenibbli b’mod bilaterali u multilaterali, b’mod partikolari biex jippromovu l-konverġenza tal-approċċi u biex jipprovdu lis-settur privat b’għodod u b’metriċi li jistgħu jintużaw, bħat-tassonomiji. B’mod partikolari, bħala parti mill-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Finanzi Sostenibbli (SFWG) tal-G20, il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza li ssir ħidma lejn l-allinjament tal-flussi finanzjarji mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà.
Promozzjoni ta’ kunsens ambizzjuż f’fora internazzjonali
L-UE se tappoġġa fora internazzjonali u lil dawk li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Fondazzjoni IFRS, biex jiġu żviluppati standards u prinċipji ambizzjużi għad-divulgazzjoni, filwaqt li tibni fejn ikun xieraq fuq ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima u inizjattivi internazzjonali oħrajn
. L-istandards internazzjonali tad-divulgazzjoni jistgħu jikkoinċidu, ikunu inkonsistenti u jvarjaw fl-ambizzjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi għal standard ta’ rappurtar globali bażi għas-sostenibbiltà u tappoġġa standards komprensivi ta’ rappurtar dwar is-sostenibbiltà li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha tas-sostenibbiltà u jinkludu l-perspettiva tal-materjalità doppja, f’konformità mal-proposta għal CSRD.
L-UE se tkompli tikkoopera mas-sħab tagħha f’fora internazzjonali biex taqbel dwar objettivi u prinċipji komuni għat-tassonomiji u biex, fil-futur, iżżid il-komparabbiltà u l-konsistenza tal-metriċi u l-limiti tat-tassonomiji. L-UE qed tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-G20 u fil-Pjattaforma Internazzjonali dwar Finanzi Sostenibbli biex jiġu evitati approċċi frammentati, li jwasslu għal żieda fil-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, flussi tal-kapital transfruntiera insuffiċjenti u pressjoni fuq l-innovazzjoni finanzjarja.
L-isforzi globali huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tar-riskji klimatiċi u ambjentali. L-UE tistieden lill-FSB biex jindirizza kwistjonijiet tas-sostenibbiltà usa’ u biex iqis li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom impatt fuq il-klima u l-ambjent u għalhekk jikkontribwixxu għar-riskji li dawn għandhom l-għan li jkejlu. Fl-aħħar nett, l-UE tappoġġa b’mod attiv il-ħidma tat-Task Force dwar ir-Riskji Finanzjarji relatati mal-Klima fil-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja biex jiġu identifikati u indirizzati diskrepanzi potenzjali fil-qafas ta’ Basel u l-ħidma tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni biex jiġu integrati r-riskji relatati mal-klima fis-superviżjoni tal-assigurazzjoni.
Avvanz u approfondiment tal-ħidma tal-IPSF
Sabiex trawwem il-kooperazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea u seba’ ġuriżdizzjonijiet oħrajn nedew il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli (IPSF) f’Ottubru 2019
. L-IPSF tippromwovi swieq integrati għall-finanzi sostenibbli u taħdem fuq għodod u metriċi li jistgħu jintużaw. Issa għandha 17-il membru u hija rikonoxxuta bħala inizjattiva internazzjonali ewlenija għall-finanzi sostenibbli
.
L-IPSF se tirrapporta dwar il-ħidma tagħha fuq “tassonomija b’bażi komuni” ibbażata fuq it-tassonomiji l-ġodda żviluppati mill-membri tagħha, u dwar id-divulgazzjoni tas-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-kunċett tal-materjalità doppja fil-IPSF. Barra minn hekk, se tipproponi li ttejjeb il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar oqsma ta’ finanzi sostenibbli ewlenin, bħas-sinerġiji bejn il-finanzi għall-klima u għall-bijodiversità u t-tranżizzjoni tas-sistema finanzjarja lejn għanijiet ta’ sostenibbiltà kondiviżi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll it-tkabbir tas-sħubija tal-IPSF, struttura ta’ governanza msaħħa u se tipproponi pjan ta’ ħidma ġdid sal-ħarifa tal-2021. L-IPSF hija rikonoxxuta wkoll bħala sieħba tal-għarfien għall-SFWG tal-G20 stabbilit mill-ġdid u bħala kontributur ewlieni għall-ħidma dwar l-allinjament tal-investimenti mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà.
Appoġġ lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju biex iżidu l-aċċess tagħhom għall-finanzi sostenibbli
Il-Kummissjoni se tiżviluppa strateġija komprensiva biex tgħin iżżid il-finanzi sostenibbli fil-pajjiżi sħab tal-UE. Il-pajjiżi bi dħul baxx u medju jiffaċċjaw ħtiġijiet enormi ta’ investiment biex jiffinanzjaw l-iżvilupp sostenibbli tagħhom. L-aċċellerazzjoni tal-flussi finanzjarji privati lejn il-pajjiżi sħab tagħna se tkun kruċjali biex titwettaq b’mod kollettiv l-aġenda globali tagħna dwar is-sostenibbiltà. Madankollu, din se tirrikjedi appoġġ dedikat. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi biex jiżdiedu l-istrumenti finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà fil-pajjiżi sħab tagħna u se tgħin biex jerġgħu jinbnew aħjar globalment, b’mod partikolari permezz tal-“Ewropa Globali” - l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).
Azzjoni 6: Sabiex tistabbilixxi livell għoli ta’ ambizzjoni fl-iżvilupp ta’ inizjattivi u standards internazzjonali għall-finanzi sostenibbli u biex tappoġġa lill-pajjiżi sħab tal-UE, il-Kummissjoni se:
a)tfittex kunsens ambizzjuż fil-fora internazzjonali, tintegra l-kunċett tal-materjalità doppja, tisħaq fuq l-importanza tal-oqfsa ta’ divulgazzjoni, u taqbel dwar objettivi u prinċipji għat-tassonomiji;
b)tipproponi li tespandi l-ħidma tal-IPSF għal suġġetti ġodda u ssaħħaħ il-governanza tagħha; u
c)tappoġġa lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju biex iżidu l-aċċess tagħhom għall-finanzi sostenibbli billi tiżviluppa strateġija komprensiva u billi tippromwovi strumenti finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà.
Konklużjoni – Implimentazzjoni u t-triq ’il quddiem
Abbażi tal-pjan ta’ azzjoni għall-2018 dwar il-finanzi sostenibbli, il-Kummissjoni ħadet passi mingħajr preċedent biex tistabbilixxi s-sisien għall-finanzi sostenibbli. Dan il-qafas ambizzjuż jeħtieġ li jiġi ffinalizzat u kkonsolidat sabiex inkunu nistgħu nilħqu l-ħtiġijiet enormi ta’ investiment tat-tranżizzjoni, niżguraw li t-tranżizzjoni tkun ġusta u naġġustaw għall-kuntest globali. Din l-istrateġija tindirizza dawn l-isfidi u tagħmel il-qafas fattibbli u koerenti.
Din l-istrateġija tistabbilixxi kif l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jiġu espressi fis-sistema finanzjarja kollha u tiżgura li l-atturi fis-setturi kollha tal-ekonomija jkunu jistgħu jiffinanzjaw it-tranżizzjoni tagħhom irrispettivament mill-punt tat-tluq tagħhom. Dawn il-politiki jikkomplementaw il-bidliet kritiċi fil-politiki klimatiċi u ambjentali stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din tibni fuq il-kollaborazzjoni u s-sħubijiet tal-Kummissjoni ma’ inizjattivi privati u pubbliċi esterni biex titrawwem it-tmexxija tas-settur finanzjarju lejn l-ilħuq tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija sa tmiem l-2023 u se tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom.
Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, mill-banek ċentrali u s-superviżuri sal-Istati Membri, iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u l-kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji, biex jieħdu azzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom u jimmassimizzaw l-impatt ta’ din l-istrateġija.