Brussell, 17.5.2021

COM(2021) 240 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE
It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE
It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli

1.It-tranżizzjoni mit-“tkabbir blu” għal “ekonomija blu sostenibbli”

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 jitlob trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna biex issir ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jitneħħew gradwalment u l-kapital naturali tal-UE jiġi protett. Il-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa 2  għandu l-għan li jagħti spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u li jagħmel l-ekonomija tal-Ewropa aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-ekonomija blu tal-Unjoni Ewropea tista’ tgħin biex tinkiseb din l-isfida doppja: jekk titqiegħed f’perkors aktar sostenibbli, din issir fonti ta’ azzjoni u ideat għall-ħolqien tal-innovazzjoni, l-ixprunar ta’ rkupru rapidu u dejjiemi u l-ħarsien tal-pjaneta tagħna.

Jekk l-ekonomija blu globali titqabbel ma’ ekonomija nazzjonali, din tkun is-seba’ l-akbar fid-dinja, u l-oċean bħala entità ekonomika jkun membru tal-G7. Hija topera fl-ekosistema l-aktar vasta tal-pjaneta: l-oċeani għandhom 97 % tal-ilma kollu tagħna u 80 % tal-forom kollha tal-ħajja. L-oċean jinsab madwarna u jsostnina, u jipprovdi biżżejjed ossiġenu għal kull nifs li nieħdu, ikel għal kważi nofs l-umanità, u riżorsi kritiċi għas-saħħa tal-bniedem, biex ma nsemmux xibka ta’ interazzjonijiet ekonomiċi.

L-ekonomija blu tal-Ewropea tipprovdi 4,5 miljun impjieg dirett 3 , bosta f’reġjuni fejn hemm ftit alternattivi. Hija tinkludi l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, mal-ibħra u mal-kosti, kemm jekk ikunu bbażati fl-ambjent tal-baħar (eż. it-tbaħħir, is-sajd, il-ġenerazzjoni tal-enerġija) kif ukoll fuq l-art (eż. il-portijiet, it-tarzni, l-akkwakultura bbażata fuq l-art u l-produzzjoni tal-alga, it-turiżmu kostali). Din hija segment wiesa’ b’pass mgħaġġel tal-ekonomija tagħna, li matul l-aħħar għaxar snin għamel passi sinifikanti biex jimmodernizza u jiddiversifika. Flimkien mas-setturi tradizzjonali, is-setturi innovattivi qed jevolvu u qed jikbru, bħall-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, il-bijoekonomija blu, il-bijoteknoloġija u d-desalinazzjoni, u b’hekk jipprovdu prospetti ġodda u joħolqu l-impjiegi.

Dawn l-attivitajiet ekonomiċi u oħrajn għandhom impatt kumulattiv fuq l-ambjent tal-baħar, mit-tniġġis viżibbli bħall-iskart tal-plastik u t-tixrid taż-żejt sat-tniġġis inviżibbli bħall-mikroplastiċi, l-istorbju taħt l-ilma, is-sustanzi kimiċi u n-nutrijenti. L-effetti tat-tibdil fil-klima u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma devastanti fuq l-oċeani, il-kosti u n-nies tagħna li jgħixu f’dawk iż-żoni, u jvarjaw minn tibdil fit-temperatura tal-ilma, għal aċidifikazzjoni, żieda fil-livell tal-baħar, u għargħar u erożjoni aktar frekwenti u intensi. Flimkien mat-theddida kbira minħabba t-telfien tal-bijodiversità dovut għat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tar-riżorsi u l-qerda tal-ħabitats naturali, dawn l-impatti se joħolqu sfida għar-reżiljenza tal-ekonomija blu u tas-soċjetà kollha kemm hi.

Din il-komunikazzjoni hija tal-fehma sistemika li tintegra l-politika tal-oċeani fil-politika ekonomika Ewropea l-ġdida tagħna. L-oċean tagħna, u l-“ekonomija blu” li hija tappoġġa, huma indispensabbli biex tinkiseb it-trasformazzjoni stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Eżempji prominenti huma l-kontributi tal-oċeani għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport, u għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel. Il-kontribut ta’ oċean b’saħħtu huwa essenzjali għal ekonomija sostenibbli. Irridu ngħaqqdu aħjar il-politiki ekoloġiċi u dawk blu, filwaqt li nestendu l-approċċ tagħna lil hinn mill-fruntieri tal-UE u nkunu minn ta’ quddiem fil-governanza internazzjonali tal-oċeani.

Ekonomija blu sostenibbli se toħloq opportunitajiet tanġibbli għal impjiegi u negozji ġodda. Dawn se jinħolqu permezz ta’ ħidma biex jittaffew l-impatti fuq l-oċeani u l-kosti għall-bini ta’ mudell ekonomiku reżiljenti bbażat fuq l-innovazzjoni, ekonomija ċirkolari u attitudni ta’ rispett lejn l-oċean. Dan ifisser li n-negozji li jużaw jew li jiġġeneraw ir-riżorsi rinnovabbli, jippreservaw l-ekosistemi tal-baħar, inaqqsu t-tniġġis u jżidu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima se jiġi inċentivati, filwaqt li oħrajn se jkollhom inaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom. Dan huwa importanti kemm għan-nies kif ukoll għall-pjaneta. L-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli 4 , tirrikonoxxi li mingħajr oċeani b’saħħithom, il-ħajja fuq din il-pjaneta tkun f’riskju; mingħajr ir-riżorsi tal-oċean, is-soċjetajiet umani madwar il-pjaneta jitilfu l-kapaċità li jsostnu lilhom infushom.

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi aġenda dettaljata u realistika sabiex l-ekonomija blu jkollha rwol ewlieni fl-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bis-saħħa tad-dinamiżmu u tal-potenzjal ta’ innovazzjoni tiegħu, is-settur jinsab f’pożizzjoni tajba biex jixpruna t-tranżizzjoni ekoloġika, u b’hekk jissostitwixxi l-espansjoni mhux ikkontrollata b’attivitajiet nodfa, reżiljenti għall-klima u sostenibbli li jirrispettaw l-ambjent tal-baħar. Il-kunċett antikwat li l-protezzjoni tal-ambjent tmur kontra l-ekonomija qed jagħti lok għar-realizzazzjoni li, b’mod speċjali fl-industrija marittima, l-ambjent u l-ekonomija huma marbutin ma’ xulxin b’mod intrinsiku. Irridu nċaqilqu l-enfasi minn “tkabbir blu għal ekonomija blu sostenibbli.

L-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa huma alleati naturali u essenzjali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità. Irid jitnaqqas id-distakk konsiderevoli fl-implimentazzjoni sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-baħar mill-kopertura attwali ta’ 11 % għal 30 % sal-2030 5 ), jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ tindif mit-tniġġis fl-ibħra tagħna u jsir l-aħjar użu mill-assi naturali u marittimi tal-Ewropa biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa għall-2030 u l-ambizzjoni tan-newtralità klimatika. Din il-Komunikazzjoni, flimkien mal-missjoni ppjanata ta’ riċerka dwar l-oċeani 6 , se twitti t-triq biex dawk l-għanijiet isiru realtà.

Din il-komunikazzjoni titlob li l-operaturi tal-ekonomija blu japprovaw il-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Matul dawn l-aħħar 15-il sena, l-UE stabbiliet pedament sod għal politika marittima integrata u sinerġetika fl-Ewropa billi involviet lill-Istati Membri tagħha, lir-reġjuni u lill-partijiet ikkonċernati lokali u l-ekonomija bbażata fuq l-art. Il-bidla lejn il-ħolqien ta’ ekonomija blu sostenibbli se tiddependi fuq l-involviment eqreb mal-partijiet ikkonċernati, minn negozji kbar u żgħar sa gruppi lokali, sa żgħażagħ b’passjoni għas-saħħa tal-oċeani tagħna u l-pubbliku ġenerali. Din trid tgħaqqad il-gruppi u s-setturi kollha madwar viżjoni komuni. Filwaqt li tikkomplementa inizjattivi attwali oħrajn tal-Kummissjoni, din il-komunikazzjoni tippreżenta (fil-kapitolu 2) l-aġenda għall-ekonomija blu dwar id-dekarbonizzazzjoni, il-konservazzjoni tal-kapital naturali tagħna, l-ekonomija ċirkolari u l-produzzjoni responsabbli tal-ikel. Għalkemm mhijiex eżawrjenti, din tħabbar xi inizjattivi ġodda u tiddeskrivi xi wħud mill-għodod (il-kapitolu 3) u l-faċilitaturi (il-kapitolu 4) biex tinkiseb it-tranżizzjoni.

2. It-trasformazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-ekonomija blu

2.1    L-ilħuq tal-objettivi tan-newtralità klimatika u tat-tniġġis żero

Ekonomija blu sostenibbli toffri bosta soluzzjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ħafna mill-attivitajiet attwali jeħtieġ li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom, filwaqt li attivitajiet ġodda u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju jridu jieħdu x-xena prinċipali. L-ekonomija blu tista’ tikkontribwixxi għan-newtralità karbonika billi tiżviluppa enerġija rinnovabbli offshore u billi tagħmel it-trasport marittimu u l-portijiet aktar ekoloġiċi.

L-UE qed taspira li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % tal-livelli tal-1990 sal-2030 u ssir newtrali għall-klima sal-2050. L-enerġija rinnovabbli offshore tista’ tgħin biex jintlaħqu dawn il-miri u jiġi ġġenerat kwart tal-elettriku tal-UE fl-2050, prinċipalment (għalkemm mhux esklussivament) permezz tal-enerġija mir-riħ offshore. Taħlita sostenibbli tal-enerġija mill-oċeani jenħtieġ li tinkludi (minbarra enerġija mir-riħ offshore fissa mal-qiegħ) enerġija mir-riħ galleġġanti, termali, mill-mewġ u mill-marea - teknoloġiji emerġenti li huma mistennija jilħqu l-istadju kummerċjali fi żmien għaxar snin. Sabiex jitħaffef l-iżvilupp tagħhom, fl-2020 il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli offshore 7 li għandha l-għan li timmultiplika b’ħames darbiet il-kapaċità għall-enerġija rinnovabbli offshore sal-2030 u bi 30 darba sal-2050.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-modi kollha tat-trasport, u dan jinkludi t-trasport marittimu. Ir-rotot tal-baħar tagħna huma rabta ewlenija mas-sistema kummerċjali globali. Għalkemm jiġġenera komparattivament inqas emissjonijiet mit-trasport bit-triq jew bl-ajru, it-trasport marittimu jiġġenera kemm emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll emissjonijiet oħra li jniġġsu minħabba l-volumi kbar u d-dipendenza qawwija fuq il-fjuwils fossili. Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu (u l-operazzjonijiet tas-sajd) mhux biss se tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iżda wkoll it-tniġġis tal-arja u tal-ilma u l-istorbju taħt l-ilma, filwaqt li toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda.

Il-komunikazzjoni tal-2020 dwar strateġija għal mobilità sostenibbli u intelliġenti 8  għandha l-għan li sal-2030 jitqiegħdu fis-suq l-ewwel bastimenti b’emissjonijiet żero u jiġi dekarbonizzat it-trasport marittimu permezz ta’ sett artikulat ta’ miżuri. Dawn jinkludu l-estensjoni possibbli tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għat-trasport marittimu u l-allinjar tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima meta tirrevedi d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 9 . Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll l-inkorporazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ propulsjoni fir-rieżami attwali tad-Direttiva dwar id-Dgħajjes li jintużaw għar-Rikreazzjoni 10 , u r-reviżjoni tad-direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti. Sadanittant, l-inizjattiva Fuel EU 11 se tagħti spinta lill-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (bħall-idroġenu u l-fjuwils mill-idroġenu, il-bijofjuwils, il-fjuwils sintetiċi, l-elettriku u enerġiji sostenibbli oħra bħar-riħ), kif ukoll l-użu ta’ provvista tal-enerġija fuq l-art għall-bastimenti rmiġġati. Kemm ir-Regolament TEN-T kif ukoll id-Direttivi dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi se jiġu riveduti u allinjati f’dan is-sens, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korrispondenti ta’ infrastruttura adegwata għar-riforniment tal-fjuwil. It-tarzni tal-UE jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw mis-swieq li qed jikbru malajr ta’ bastimenti tas-servizz effiċjenti fl-użu tal-enerġija u innovattivi li għandhom inaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2.

Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero, il-Kummissjoni tippjana li tibni fuq is-suċċess taż-żoni eżistenti ta’ kontroll tal-emissjonijiet fl-ilmijiet tal-UE billi tmexxi l-isforzi biex jiġu deżinjati żoni ġodda fil-Baħar Mediterran (u b’hekk potenzjalment jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-arja tal-SO2 u l-NOx mit-tbaħħir internazzjonali b’massimu ta’ 80 % u 20 % rispettivament fi żmien għaxar snin) u tibda ħidma simili fil-Baħar l-Iswed.

Il-portijiet huma kruċjali għall-konnettività u għall-ekonomija tar-reġjuni u tal-pajjiżi. Hekk kif il-pajsaġġ industrijali tal-Ewropa jinbidel (pereżempju bl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli offshore), ir-rwol tal-portijiet se jevolvi wkoll. Il-Kummissjoni tqis li, lil hinn mit-trasbord u l-loġistika, il-futur tagħhom jinsab fl-iżvilupp tar-rwol ewlieni tagħhom bħala ċentri tal-enerġija (għal sistemi integrati tal-elettriku, tal-idroġenu 12 u sistemi oħra ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju), għall-ekonomija ċirkolari (għall-ġbir, għat-trasbord u għar-rimi tal-iskart mill-bastimenti u minn industriji portwarji oħra, u għad-dekummissjonar tal-bastimenti), għall-komunikazzjoni (għall-kejbils sottomarini), u għall-industrija (bħala raggruppamenti industrijali). Aspett ieħor li jgħin biex jinkisbu d-dekarbonizzazzjoni u t-tniġġis żero huwa l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u sistemi awtonomi, peress li dawn jottimizzaw il-flussi tat-traffiku u l-maniġġ ta’ merkanzija fil-portijiet u madwarhom. L-adozzjoni ta’ dawn ir-rwoli l-ġodda se ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-operaturi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-komunitajiet tal-madwar. Il-portijiet ta’ divertiment u l-portijiet tas-sajd speċjalizzati jenħtieġ ukoll li jagħmlu l-operazzjonijiet tagħhom aktar ekoloġiċi.

Sabiex tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni u t-tindif mit-tniġġis tal-produzzjoni tal-enerġija, tat-trasport marittimu u tal-portijiet, il-Kummissjoni se:

-toħloq Forum Blu għall-utenti tal-baħar biex jikkoordina djalogu bejn l-operaturi offshore, il-partijiet ikkonċernati u x-xjenzjati involuti fis-sajd, fl-akkwakultura, fit-tbaħħir, fit-turiżmu, fl-enerġija rinnovabbli u f’attivitajiet oħra. Dan se jiżviluppa sinerġiji bejn l-attivitajiet tagħhom u jirrikonċilja l-użi konkorrenti tal-baħar;

-tippromwovi l-użu tal-fondi tal-UE għat-trasport marittimu ekoloġiku billi

a)żżid l-użu tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra minflok tuża modi li jniġġsu aktar;

b)tirrinova l-flotta marittima tal-UE (eż. bastimenti tal-passiġġieri u bastimenti ta’ servizz għal installazzjonijiet offshore) biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tagħhom; u

c)tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-manifattura u dawk teknoloġiċi avvanzati ħafna tal-UE;

-timmira li tuża l-Fond il-ġdid Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, l-Akkwakultura u s-Sajd biex tappoġġa l-flotot tas-sajd fl-adozzjoni ta’ magni u tekniki aktar nodfa, sakemm dawn ir-rinnovazzjonijiet ma joħolqux kapaċità żejda u sajd eċċessiv;

-issegwi l-objettiv tal-portijiet b'emissjonijiet żero, kif enfasizzat fl-istrateġija għal mobilità sostenibbli u intelliġenti, inkluż permezz tal-ħidma tagħha mas-sottogrupp għall-portijiet sostenibbli tal-Forum Ewropew tal-Portijiet, biex tiddiskuti mal-partijiet ikkonċernati u taqsam u tippromowovi l-aħjar prattiki u l-inizjattivi minn isfel għal fuq fis-servizzi portwarji ekoloġiċi 13 ;

-tappoġġa lill-Istati Membri, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni rinforzat għall-Protezzjoni Ċivili u tal-miżuri kontra t-tniġġis tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, biex tħejji u twieġeb għall-aċċidenti tat-tniġġis tal-baħar.

2.2    L-ekonomija ċirkolari u l-prevenzjoni tal-iskart

It-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar huwa responsabbiltà kollettiva. L-ekonomija blu jista’ jkollha rwol essenzjali f’ħafna aspetti tal-ħidma fil-ġlieda kontra t-tniġġis u tista’ tibbenefika minn opportunitajiet ġodda li jirriżultaw minn dik il-ħidma.

Kull sena madwar 27 000 tunnellata ta’ makroplastik (l-aktar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi u skart li jintrema mill-bastimenti) jidħlu fl-ibħra Ewropej 14 . Wara azzjoni estensiva mwettqa skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 15 , l-Istati Membri tal-UE qablu li bajja jenħtieġ li jkollha inqas minn 20 oġġett ta’ skart għal kull 100 metru ta’ kosta. L-impenn sinifikanti biex l-ibħra tal-Ewropa jinżammu nodfa se jkun sostnut mid-Direttiva dwar il-Plastik Li Jintuża Darba Biss 16 , li timmira lejn il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd li bħalissa jirrappreżentaw 70 % tal-iskart fil-baħar fl-UE. Qed issir ħidma biex isir l-istess għall-iskart f’qiegħ il-baħar u l-mikroplastiċi. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tiżviluppa standards għad-disinn ċirkolari tal-irkaptu tas-sajd li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà meta l-irkaptu jkun fi tmiem il-ħajja tiegħu. Miżuri biex titnaqqas il-ħsara minn irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat huma inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament rivedut dwar il-Kontroll tas-Sajd 17 . Ir-Regolament il-ġdid tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura 18 se jkompli jipprovdi appoġġ finanzjarju għas-sajjieda biex jirkupraw u jiġbru l-iskart u l-irkaptu tas-sajd mitluf 19 u jiffinanzja l-ipproċessar xieraq fil-portijiet u fil-postijiet tal-ħatt l-art, kif stipulat mid-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet 20 . L-UE tapprezza r-rwol tas-sajjieda bħala amministraturi tal-baħar u tħeġġeġ li dan ir-rwol jiġi mħeġġeġ aktar fil-livell nazzjonali kif ukoll mill-industrija nnifisha.

Madankollu, il-qofol huwa li l-ewwel l-iskart jiġi evitat milli jsib ruħu fil-baħar. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar it-tniġġis żero joffri opportunità unika biex tiżdied l-azzjoni dwar it-tniġġis min-nutrijenti (li jwassal għall-ewtrofikazzjoni), mill-kontaminanti, minn skart (magħmul l-aktar minn plastik) u mill-istorbju taħt l-ilma.

Flimkien mat-tnaqqis tat-tniġġis, se jkun kruċjali li jiġu żviluppati mudelli u soluzzjonijiet ċirkolari. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari għall-2020 21 jistabbilixxi aġenda ambizzjuża għaż-żamma tal-materjali u r-riżorsi fl-ekonomija kemm jista’ jkun fit-tul u għall-minimizzazzjoni tal-iskart, u b’hekk tiżdied iċ-ċirkolarità. Għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti kbar, l-UE għandha sett uniku u ambizzjuż ta’ standards fir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti 22 , li l-Kummissjoni qed tippjana li tirrevedi sal-2023 biex possibbilment testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u ssaħħaħ ir-reġim eżistenti. Għall-immaniġġar ambjentalment san u t-trattament ottimali tal-pjattaformi dekummissjonati taż-żejt u l-gass offshore, l-UE ssegwi l-ħidma tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal u se tikkunsidra li tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Sabiex jiġu indirizzati s-sorsi ewlenin tat-tniġġis fl-ibħra tagħna u biex jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ riċiklaġġ, il-Kummissjoni se:

-tieħu azzjoni biex tnaqqas bin-nofs l-iskart tal-plastik fil-baħar, it-telf ta’ nutrijenti fil-baħar, u l-użu u r-riskju minn pestiċidi kimiċi sal-2030;

-tieħu azzjoni biex tirrestrinġi l-mikroplastiċi miżjuda b’mod intenzjonat u tiżviluppa tikkettar, standardizzazzjoni, ċertifikazzjoni u miżuri regolatorji dwar ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi, inkluż miżuri biex jiżdied il-qbid tal-mikroplastiċi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott;

-tiżgura li l-iskart li jinqabad fl-operazzjonijiet tas-sajd jiġi rrappurtat fil-port, u li l-irkaptu tas-sajd magħmul mill-plastik jinġabar u jiġi rriċiklat wara li jintuża. Il-Kummissjoni se tħejji l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti u talbet lill-korpi ta’ standardizzazzjoni tal-industrija biex jiżviluppaw standards għall-irkaptu tas-sajd riċiklabbli;

-tipproponi r-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti 23 u tar-rekwiżiti tal-UE għad-dekummissjonar tal-pjattaformi offshore biex tiżgura protezzjoni xierqa tal-ambjent tal-baħar.

2.3    Il-bijodiversità u l-investiment fin-natura

Il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-bijodiversità jenħtieġ li jitqiesu bħala prinċipji fundamentali tal-attività ekonomika marittima. Il-bijodiversità tal-baħar mhijiex biss il-prerekwiżit għal attivitajiet ekonomiċi bħas-sajd, il-bijoteknoloġija u t-turiżmu. Il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità jippreżentaw ukoll opportunitajiet ekonomiċi.

Kif enfasizzat fl-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, l-espansjoni tal-protezzjoni għal 30 % taż-żona tal-baħar tal-UE u l-ħolqien ta’ kurituri ekoloġiċi se jreġġgħu lura t-telfien tal-bijodiversità, jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u r-reżiljenza tal-klima u fl-istess ħin jiġġeneraw benefiċċji finanzjarji u soċjali sinifikanti. Intwera li l-investmenti fiż-żoni tal-baħar protetti, b’mod partikolari ż-żoni strettament protetti, jiġġeneraw redditu ekonomiku qawwi u jimmultiplikaw l-ammont ta’ ħut u ta’ ħajja tal-baħar fejn il-protezzjoni tkun effettiva.

Il-preservazzjoni u r-restawr tas-sistemi ta’ veġetazzjoni kostali bħall-bwar mareali, il-mangrovji u l-alga – li jakkumulaw “karbonju blu” 24 fil-pjanti, fil-ħamrija u fis-sedimenti tagħhom – jistgħu jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-miri ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-preservazzjoni tas-sekwestru tal-karbonju blu timxi wkoll id f’id mal-preservazzjoni tal-bijodiversità kostali. Bl-istess mod, it-tfassil ta’ skollijiet artifiċjali, ir-restawr ta’ ħabitats importanti ta’ qiegħ il-baħar (skollijiet tal-qroll, foresti tal-makroalgi u oħrajn), u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għat-tindif mit-tniġġis taż-żoni jew il-ġlieda kontra l-ewtrofikazzjoni huma kruċjali għall-bini mill-ġdid tal-bijodiversità u għalhekk għar-reżiljenza tal-ekosistemi kostali u tal-baħar. Dawn l-attivitajiet kollha jistgħu jiffurmaw parti minn settur ekonomiku fih innifsu. B’mod ċar, l-impatti potenzjali kollha jridu jiġu indirizzati b’mod olistiku biex ikunu verament sostenibbli. Il-bijoteknoloġiji blu joffru wkoll soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta’ materjali, enzimi, supplimenti tal-ikel u farmaċewtiċi.

It-teħid ta’ approċċ għall-ġestjoni li jħares ’il quddiem u bbażat fuq l-ekosistema skont il-leġiżlazzjoni tal-UE 25 se jnaqqas l-impatti negattivi tas-sajd, tal-estrazzjoni tal-minerali u ta’ attivitajiet umani oħra fuq l-ekosistemi tal-baħar, b’mod partikolari fuq speċijiet sensittivi u ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Sabiex jiġu minimizzati l-impatti ambjentali tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar, il-Kummissjoni ressqet miżuri bħal speċifikazzjonijiet għall-irkaptu tas-sajd u għad-daqsijiet tal-malji, żoni ta’ protezzjoni u staġuni magħluqa. Issa qed tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u se tippubblika pjan ta’ azzjoni ġdid bl-għan li s-sajd jiġi rrikonċiljat aktar – inkluż is-sajd ta’ kuntatt mal-qiegħ – mal-għanijiet tal-bijodiversità. Dan jinkludi l-introduzzjoni ta’ miżuri, fejn meħtieġ, biex jiġi limitat l-użu tal-irkaptu tas-sajd li jagħmel l-aktar ħsara lill-bijodiversità, inkluż l-użu ta’ rkaptu tas-sajd tal-kuntatt mal-qiegħ, li issa huwa l-attività li tagħmel l-aktar ħsara lill-qiegħ il-baħar. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, l-Akkwakultura u s-Sajd se jappoġġa wkoll it-tranżizzjoni għal tekniki tas-sajd aktar selettivi u inqas dannużi.

Sabiex tippreserva u tirrestawra l-bijodiversità tal-baħar, il-Kummissjoni se:

-tressaq proposta għal miri tal-UE legalment vinkolanti biex jiġu rrestawrati l-ekosistemi degradati, b’mod partikolari żoni ewlenin ta’ riproduzzjoni u ta’ tkabbir tal-ħut u żoni bl-akbar potenzjal għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju u għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tad-diżastri naturali;

-tipproponi pjan ta’ azzjoni ġdid għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar sa tmiem l-2021, li b’mod partikolari se jeżamina l-azzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi;

-taħdem mal-Istati Membri, mar-reġjuni u mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tidentifika u tiddeżinja żoni tal-baħar protetti addizzjonali u biex tiddefinixxi protezzjoni stretta sa tmiem l-2021;

-tippromwovi u tappoġġa inizjattivi parteċipattivi lokali (bħal gruppi ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità, gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd, eċċ.) li jikkombinaw ir-riġenerazzjoni tar-riżorsi tal-baħar mal-preservazzjoni tal-għajxien lokali.

2.4    Ir-reżiljenza kostali

Il-protezzjoni tal-assi u tal-infrastruttura naturali u ekonomiċi tagħna tfisser adattament għall-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima. Bħala alternattiva għall-bini ta’ infrastruttura saħansitra aktar “griża” (digi, imbankmenti jew ostakli tal-konkrit), l-adattament għat-tibdil fil-klima jenħtieġ li jkun ibbażat fuq soluzzjonijiet naturali u bbażati fuq in-natura – artijiet mistagħdra bħal marġi salmastri, għelieqi tal-alga, mangrovji u għaram, pereżempju. Fir-reġjuni kostali, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ekoloġika se jgħin biex jiġu ppreservati l-bijodiversità, l-ekosistemi kostali u l-pajsaġġi, u b’hekk jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu u tal-ekonomija tar-reġjuni kostali. Dawn l-attivitajiet ta’ adattament se jsiru settur ġdid tal-ekonomija blu fiha nnifisha.

Madwar terz tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f’distanza ta’ 50 km mill-kosta. Aktar minn 200 miljun ċittadin jgħixu f’reġjuni kostali jew f’waħda mill-ħafna gżejjer tal-Ewropa. Fl-2018 l-IPCC indika li sal-2100 il-livelli tal-baħar x’aktarx li jiżdiedu bejn 0,4 u 0,8m u, jekk l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra jissoktaw bix-xejra attwali tagħhom, x’aktarx li jiżdiedu sa 1,1m 26 . Wara l-2100, il-livelli tal-baħar se jkomplu jogħlew għal sekli sħaħ, minħabba l-assorbiment kontinwu tas-sħana u t-telf tas-silġ tal-Artiku u tal-Antartiku. Barra minn hekk, minħabba t-tibdil fil-klima, il-probabbiltà ta’ avvenimenti estremi tat-temp li jirriżultaw mill-ibħra u mill-oċeani u li jikkawżaw ħsara serja lill-popolazzjonijiet, lill-assi ekonomiċi u lill-infrastrutturi se tiżdied b’ordnijiet tad-daqs. 

In-nefqa pubblika tal-UE fuq il-protezzjoni tal-kosti mir-riskju ta’ erożjoni u għargħar hija stmata għal aktar minn EUR 5 biljun fis-sena għall-1990-2020 27 . Min-naħa l-oħra, il-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni jammonta għal EUR 340-360 biljun fis-sena f’termini ta’ servizzi tal-ekosistema mitlufin tul il-kosti tal-UE. Hija meħtieġa qabża kbira fl-investigazzjoni u fl-ippjanar ta’ rispons komuni. L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima 28 tistabbilixxi qafas ta’ rispons permezz ta’ adattament aktar intelliġenti, aktar rapidu u aktar sistemiku fl-UE u azzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha għar-reżiljenza għall-klima. Billi tapplika l-linji gwida ta’ dik l-istrateġija, il-Kummissjoni se:

-taħdem biex jingħalqu l-lakuni fl-għarfien u biex tingħata spinta lill-innovazzjoni għal aktar reżiljenza klimatika għaż-żoni kostali; inkluż permezz ta’ analiżi komparattiva ġdida ta’ soluzzjonijiet tradizzjonali u bbażati fuq in-natura;

-taħdem biex tingħata spinta lill-kapaċità għall-osservazzjoni, l-immudellar u t-tbassir tal-Copernicus u tal-EMODNet biex jiġu antiċipati aħjar l-effetti tal-avvenimenti estremi tat-temp (eż. l-għargħar u l-mareġġati) u ż-żieda fil-livell tal-baħar fil-livell reġjonali;

-tistimola l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni kostali u l-gżejjer li għandhom ħtiġijiet komuni fl-istess baċir tal-baħar għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament u approċċi konġunti għall-ġestjoni taż-żona kostali 29 , tinvesti f’difiżi kostali sostenibbli u tadatta l-attivitajiet ekonomiċi kostali;

-tassisti lill-Istati Membri fl-ippjanar fit-tul biex jiġu introdotti gradwalment l-investimenti, b’appoġġ mill-fondi tal-UE.

2.5    Sistemi responsabbli tal-ikel

B’użu aħjar tar-riżorsi tal-baħar u bl-għażla ta’ sorsi alternattivi tal-ikel u tal-għalf, l-ekonomija blu tista’ tgħin biex ittaffi l-pressjoni fuq il-klima u fuq ir-riżorsi naturali tagħna għall-produzzjoni tal-ikel.

Wieħed mis-setturi responsabbli għall-emissjonijiet tal-karbonju, għat-tniġġis u għat-telfien tal-bijodiversità huwa s-sistema attwali tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ikel. L-għan tal-istrateġija tal-Kummissjoni “Mill-Għalqa sal-Platt” 30 huwa li tqiegħed is-sistema f’perkors sostenibbli, b’approċċ komprensiv li jestendi għal ħafna aspetti tal-ekonomija blu. Dan jinkludu s-sajd responsabbli biex l-istokkijiet jinġiebu f’livelli sostenibbli, l-akkwakultura sostenibbli biex tikkomplementa l-limiti naturali tal-qbid selvaġġ u l-produzzjoni tal-alaga bħala alternattiva għall-agrikoltura.

Is-sajd Ewropew għamel passi konsiderevoli biex l-istokkijiet ta’ ħut tal-Ewropa jinġiebu lura għal livelli sostenibbli u biex jintlaħaq l-istandard ta’ sostenibbiltà tal-politika komuni tas-sajd 31 , partikolarment fl-Atlantiku tal-Grigal. Iżda għad hemm sfidi kbar, inkluż it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa u ta’ dawk skartati permezz ta’ tekniki tas-sajd aktar selettivi. Il-qbid skartat jiġġenera skart sostanzjali u jimmina kemm l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif ukoll il-vijabilità tas-sajd. Ir-reviżjoni li għaddejja tar-regolament tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd, id-dibattitu assoċjat dwar in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-obbligu ta’ ħatt l-art, u l-ħtieġa li s-sajd u l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi jiġu ddokumentati bis-sħiħ, jikkorroboraw kemm huwa importanti li ssir it-tranżizzjoni mill-metodi ta’ kontroll tradizzjonali għal sistemi diġitali ġodda.

Id-diġitalizzazzjoni u l-għodod avvanzati għas-sajd (bħas-sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod, ir-rapportar tal-qabdiet bl-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli, l-immudellar tal-ekosistemi u l-għodod ta’ intelliġenza artifiċjali) jistgħu jottimizzaw l-operazzjonijiet tas-sajd u fl-istess ħin jippermettu l-ġbir u l-analiżi tad-data, itejbu l-kontroll u l-monitoraġġ, inaqqsu l-piż amministrattiv u fl-aħħar mill-aħħar jappoġġaw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika. Sistemi ta’ teknoloġija avvanzata bħal dawn jistgħu jsiru karatteristiċi standard tal-industrija tas-sajd. Il-promozzjoni tal-għarfien diġitali bbażat fl-UE għall-industrija tas-sajd toħloq ġenerazzjoni ġdida ta’ impjiegi.

Meta tiġi ġestita b’mod sostenibbli, l-akkwakultura hija sors ta’ valur u ta’ impatt baxx tal-ikel u tal-għalf. L-akkwakultura tal-UE tissodisfa standards għoljin f’termini ta’ kwalità tal-prodott u tas-saħħa tal-annimali, iżda għad hemm marġni għal titjib f’termini ta’ diversifikazzjoni 32 , kompetittività u prestazzjoni ambjentali. L-akkwakultura b’impatt baxx (bħall-akkwakultura b’livelli trofiċi baxxi, multitrofika u organika), u s-servizzi ambjentali mill-akkwakultura jistgħu, jekk jiġu żviluppati aktar, jikkontribwixxu ħafna għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, għall-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u għal ekonomija blu sostenibbli. Il-linji gwida strateġiċi l-ġodda għall-akkwakultura tal-UE 33 jistabbilixxu l-viżjoni u perkors operazzjonali biex tinkiseb din it-trasformazzjoni. Dawn jappoġġaw l-aħjar prattika biex tiġi żgurata prestazzjoni ambjentali tajba u jiġu mħeġġa prattiki ċirkolari fl-akkwakultura, pereżempju permezz tal-monitoraġġ ambjentali tas-siti u l-ġestjoni tal-iskart. Il-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tas-settur tal-ikel organiku 34 fih għadd ta’ inizjattivi mmirati b’mod speċifiku biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-akkwakultura organika fl-UE.

Minbarra l-potenzjal tagħha li tipproduċi l-bijoprodotti u l-bijofjuwils, l-alga tista’ tipprovdi materjali tal-ikel u tal-għalf alternattivi vijabbli u sostenibbli. L-ikel ibbażat fuq l-alga jista’ jtaffi l-pressjonijiet ambjentali eżerċitati mill-agrikoltura, l-akkwakultura u s-sajd. L-investiment fil-mikroalga bħala sors ġdid ta’ għalf tal-annimali jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-qabdiet ta’ ħut selvaġġ għall-għalf tal-annimali. Għalkemm il-ġlieda kontra l-ewtrofikazzjoni primarjament teħtieġ it-tnaqqis tat-tniġġis fis-sors, il-produzzjoni tal-alga fil-baħar tista’ tgħin biex jitneħħew il-karbonju, in-nitroġenu u l-fosforu żejjed mill-ilma. L-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf ġodda bbażati fuq l-alga u fuq il-baħar, hija opportunità kbira biex jiġi żviluppat settur tal-ikel sostenibbli. Għalkemm diversi prodotti diġà jinsabu fis-suq, l-introduzzjoni ta’ ikel ġdid ibbażat fuq l-alga tista’ tkun soġġetta għar-rekwiżiti tar-Regolament dwar Ikel Ġdid 35 u għal awtorizzazzjoni ta’ qabel it-tqegħid fis-suq. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-potenzjal tal-frott tal-baħar ibbażat fuq iċ-ċelloli bħala alternattiva innovattiva u sostenibbli.

Id-domanda tal-konsumaturi għal impronta ambjentali baxxa u għal ktajjen tal-provvista qosra qed tikber. Fl-istess ħin, l-isforzi dejjem akbar li qed isiru mis-sajjieda u mill-pixxikulturi biex tinkiseb il-kwalità tal-prodott iridu jiġu kkumpensati mis-suq. Il-pjan ta’ azzjoni mill-Għalqa sal-Platt jinkludi inizjattivi dwar qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel li jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. Se jiġi stabbilit kodiċi ta’ kondotta tal-UE għall-prattiki tan-negozji u tal-kummerċjalizzazzjoni responsabbli fil-katina tal-provvista tal-ikel, bl-għan li jinkisbu, mill-parti tan-nofs tal-katina, impenji ambizzjużi li jirrispettaw l-isforzi ta’ sostenibbiltà tas-sajjieda u tal-pixxikulturi u fl-aħħar mill-aħħar jinfurzaw is-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-valur tal-frott tal-baħar. Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u biex jiġi żgurat li s-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jkun ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE għall-frott tal-baħar se jiġu mmodernizzati.

Sabiex jinbnew sistemi tal-ikel sostenibbli fl-ekonomija blu, il-Kummissjoni se:

-tressaq sal-2023 proposta leġiżlattiva għal qafas li jinkludi prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, sabiex titħaffef u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli;

-tressaq fl-2022 proposta leġiżlattiva għal standards tal-kummerċjalizzazzjoni moderni u sostenibbli għall-frott tal-baħar biex tingħata informazzjoni komparabbli lill-konsumaturi u lill-operaturi fil-katina tal-provvista dwar is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tal-frott tal-baħar u dwar l-impronta tal-karbonju tiegħu;

-tadotta inizjattiva ddedikata dwar l-algi fl-2022 36 biex tappoġġa l-iżvilupp tal-industrija tal-algi tal-UE. L-inizjattiva se tiffaċilita l-awtorizzazzjoni tal-alga bħala ikel ġdid billi tnaqqas l-ispejjeż tal-applikazzjoni, tiffaċilita l-aċċess għas-suq, iżżid l-għarfien tal-konsumatur dwar il-prodotti tal-alga u l-aċċettazzjoni tagħhom, u tagħlaq il-lakuni fl-għarfien, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

-tappoġġa t-tranżizzjoni diġitali tal-kontroll tas-sajd u tippromwovi l-infurzar tar-regoli tas-sajd billi tirrevedi s-sistema ta’ kontroll tas-sajd sabiex toqrob lejn mekkaniżmi ta’ kontroll diġitali avvanzati għas-sajd;

-tivvaluta l-potenzjal u l-ħtiġijiet ta’ riċerka u investiment fir-rigward tal-frott tal-baħar ibbażat fuq iċ-ċelloli;

-fl-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd, issaħħaħ il-ġestjoni tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, billi taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-implimentazzjoni fil-pront tal-pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd fil-Mediterran tal-Punent.

3.L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli

3.1 Għarfien dwar l-oċeani

Data affidabbli, ta’ kwalità għolja u armonizzata dwar l-oċeani hija l-prerekwiżit għal trasformazzjoni sostenibbli tal-ekonomija blu. Għarfien aħjar tal-oċean u tal-ekosistemi tiegħu, flimkien ma’ aċċess liberu għad-data, se jippermettu lill-industrija, lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-soċjetà ċivili jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Permezz ta’ standards komuni u prinċipji ta’ aċċess miftuħ, l-EMODnet 37 jiġbor il-kejl ta’ mijiet ta’ istituzzjonijiet biex jagħmel lill-UE mudell tal-aħjar prattika fil-kondiviżjoni tad-data tal-baħar u tal-osservazzjonijiet tal-oċeani. Is-servizz tal-ambjent tal-baħar Copernicus jipprovdi data satellitari u servizzi ta’ tbassir fil-baċiri tal-baħar tal-UE u fid-dinja. Għaddejja ħidma biex tittejjeb id-diġitalizzazzjoni tal-oċean, ir-riżoluzzjoni u l-użu tad-data u biex din id-data tiġi ttrasformata f’għarfien u f’għodod għall-benefiċċju ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Din il-ħidma, b’mod partikolari l-iżvilupp tat-Tewmi Diġitali tal-Oċean 38 bħala komponent tal-inizjattiva Destinazzjoni d-Dinja, tinvolvi diversi istituzzjonijiet internazzjonali u se tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil ambjentali u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tiegħu billi timmonitorja u tissimula l-iżviluppi tal-oċeani. Se tkun ukoll kontribut tanġibbli għad-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti tax-Xjenza tal-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli 39 .

Id-data soċjoekonomika hija input importanti għal dawk li jfasslu l-politika u għan-negozji, li jridu jieħdu deċiżjonijiet rapidi f’ambjent li qed jevolvi malajr, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. Mill-2018, ir-Rapport dwar l-Ekonomija Blu mmappja l-ekonomija blu fl-UE. Għodda ta’ Indikaturi tal-Ekonomija Blu faċli għall-utent 40 tintraċċa l-progress ekonomiku. L-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura 41 u r-Rapport dwar il-Bijoekonomija Blu ġabru, għażlu u xerrdu data dwar is-swieq tas-sajd u tal-akkwakultura u dwar l-użi innovattivi tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Mill-bidu tal-pandemija, analiżijiet ġodda u aktar frekwenti vvalutaw l-impatti fuq is-settur f’ħin reali, li jippermettu lill-operaturi jantiċipaw il-bidliet fir-regoli u fix-xejriet tal-konsum, jadattaw u jirkupraw aktar malajr. Dan jikkontribwixxi għall-għan tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li tinbena katina tal-provvista tal-ikel aktar reżiljenti.

Sabiex toħloq l-għarfien meħtieġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija blu sostenibbli, il-Kummissjoni se:

-tħejji sal-2022 Inizjattiva ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani biex tistruttura u tarmonizza l-ġbir tad-data fl-oċeani għal skopijiet differenti, bħall-monitoraġġ ambjentali, il-ġestjoni tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-riċerka, in-navigazzjoni sikura;

-tistabbilixxi fl-2021 Osservatorju tal-Ekonomija Blu permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni li se jippubblika rapporti annwali dwar l-ekonomija blu u jipprovdi aġġornamenti dwar il-progress fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija blu;

-tirrilaxxa metodoloġija stabbli għall-integrazzjoni tal-kunċett ta’ “kapital naturali” fid-deċiżjonijiet ekonomiċi. Dan jimplika l-valutazzjoni u l-kwantifikazzjoni kemm tal-valur ekonomiku tas-servizzi tal-ekosistema tal-baħar kif ukoll tal-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw miż-żamma tal-ambjent tal-baħar b’saħħtu;

-twessa’ s-servizz tal-baħar ta’ Copernicus bħala referenza tal-UE għat-tbassir tal-oċeani u għal ċentru tal-klima tal-oċeani għas-servizzi kostali globali u pan-Ewropej;

-tkompli tinvesti fl-immudellar biex timmonitorja aħjar l-ekosistemi ħajjin u r-riżorsi tas-sajd fiż-żmien u fl-ispazju.

L-inizjattivi kollha ta’ hawn fuq huma konformi mal-Istrateġija Ewropea għad-Data tal-Kummissjoni Ewropea 42 billi jagħmlu d-data tas-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid u jippermettu li d-data tiġi ttrasferita b’mod liberu fl-UE u bejn is-setturi, għall-benefiċċju tan-negozji, tar-riċerkaturi u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

3.2 Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-baħar u dawk marittimi huma essenzjali biex tinkiseb l-ambizzjoni tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050, għall-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u biex l-ekonomija blu ssir font ta’ ideat u azzjoni biex tiġi ġġenerata innovazzjoni sostenibbli.

Teknoloġiji innovattivi bħall-big data, l-intelliġenza artifiċjali, l-immudellar avvanzat, is-sensuri sofistikati u s-sistemi awtonomi x’aktarx li jittrasformaw l-ekonomija blu fil-futur immedjat. It-teknoloġiji ġodda jistgħu jippermettu lis-setturi tradizzjonali bħat-tbaħħir, is-sajd u t-turiżmu biex itejbu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tagħhom; is-setturi emerġenti bħall-bijoteknoloġiji blu, l-enerġiji rinnovabbli offshore u s-sigurtà marittima jiddependu mill-innovazzjoni għall-eżistenza tagħhom stess. Permezz tal-innovazzjoni, il-komunitajiet kostali jistgħu jibnu mill-ġdid jew ifasslu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom u jsiru xprunaturi lokali tas-sostenibbiltà. L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, iffinanzjat permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, l-Akkwakultura u s-Sajd, huwa għodda b’saħħitha biex jiġi xprunat dan il-proċess 43 .

Ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ixprunar tat-trasformazzjoni meħtieġa għall-kisba tal-Patt Ekoloġiku ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed. L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni taħt Orizzont Ewropa se jappoġġa l-proċess ta’ trasformazzjoni biex jinħolqu ktajjen tal-valur tal-ekonomija blu sostenibbli u jippermetti t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji. Il-missjonijiet il-ġodda u s-sħubi Ewropej taħt il-programm Orizzont Ewropa se jkollhom rwol kritiku billi jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lill-prattikanti (l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-akkademiċi, ir-riċerkaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri) biex ifasslu u jimplimentaw flimkien is-soluzzjonijiet.

F’allinjament mill-qrib ma’ Orizzont Ewropa, l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti jgħinu biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-inizjattiva l-ġdida għall-Investiment Interreġjonali fl-Innovazzjoni se tappoġġa proġetti interreġjonali li jiżviluppaw ktajjen ta’ valur Ewropej, filwaqt li l-Fond tal-UE għall-Innovazzjoni fl-Azzjoni Klimatika se jappoġġa proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fl-ambjent tal-baħar.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa ekosistema tal-innovazzjoni pan-Ewropea għal ekonomija blu sostenibbli permezz tal-inizjattivi li ġejjin:

-Il-missjoni kandidata “Oċeani, ibħra, ilmijiet kostali u interni b’saħħithom” se jkollha l-għan li tnaqqas id-disturb tal-ekosistemi tal-baħar, tirriġenera l-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu, tindirizza t-telfien tal-bijodiversità u t-tniġġis u tippromwovi soluzzjonijiet tal-ekonomija blu biex issir newtrali għall-klima;

-Is-sħubija Ewropea l-ġdida għal ekonomija blu newtrali għall-klima, sostenibbli u produttiva, li għandha tibda fl-2023, se tieħu l-għamla ta’ inizjattiva pubblika kkofinanzjata mill-UE, mill-gvernijiet nazzjonali u mill-aġenziji nazzjonali ta’ finanzjament tar-riċerka.

3.3 L-investiment

L-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jirrikjedi li jsiru investimenti kbar. Sal-2030, terz tal-investimenti fl-ekonomija blu xorta jistgħu ma jkunux sostenibbli. Huwa kruċjali li l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà deskritti hawn fuq (il-kapitolu 2) issa jiġu integrati fid-deċiżjonijiet kollha ta’ investiment, ikun xi jkun is-sors tagħhom.

F’termini ta’ kapital privat, il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u d-WWF, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji privati u pubbliċi, iddefinixxew sett ta’ prinċipji u standards sostenibbli speċifiċi għall-oċeani. S’issa, aktar minn 50 istituzzjoni finanzjarja ngħaqdu mal-Inizjattiva volontarja ta’ Finanzjament għal Ekonomija Blu Sostenibbli 44 . Għodda importanti biex jiġu definiti l-attivitajiet ekonomiċi marittimi sostenibbli se tkun it-tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli li bħalissa qed jiġu żviluppati.

Il-finanzjament pubbliku tal-UE jibqa’ kruċjali għal teknoloġiji u proġetti inqas maturi li jeħtieġ li jattiraw l-investituri, inaqqsu l-kostijiet u l-inċertezzi, u jaċċelleraw id-dħul fis-suq. Il-programm InvestEU l-ġdid se jkun rilevanti ferm għat-trasport marittimu, għall-portijiet u għall-enerġiji rinnovabbli offshore, kif ukoll għall-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, għall-akkwakultura sostenibbli u għall-osservazzjoni tal-oċeani. Għat-trasport, pereżempju, it-tiġdid jew il-modifika retroattiva ta’ bastimenti b’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi u żero jsostnu industrija tal-manifattura li jagħti vantaġġ strateġiku lill-Ewropa. Għal proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli offshore, it-tneħħija tar-riskji u t-tnaqqis tal-kost tal-kapital jistgħu jipproduċu katina ta’ reazzjonijiet pożittiva li tinċentiva l-kapital privat u investiment ġdid.

Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni se jkomplu jappoġġaw il-proġetti li jgħinu t-tranżizzjoni b’soluzzjonijiet ekoloġiċi u ta’ newtralità karbonika fit-trasport marittimu, jiddekarbonizzaw l-infrastrutturi tal-port u jużaw enerġiji rinnovabbli, kif ukoll inizjattivi fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u miżuri lokali għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Minbarra dan, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġa lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi, kompetittiva u reżiljenti. Il-pjanijiet nazzjonali rilevanti huma mistennija jappoġġaw ir-riformi u l-investimenti fit-teknoloġiji u l-kapaċitajiet blu, u l-Faċilità se teskludi miżuri li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-ambjent jew jimminaw l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

Sabiex iżżid l-investiment pubbliku u privat fi prijoritajiet ewlenin taħt din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tikkoopera mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej:

-Il-Kummissjoni se taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tallinja l-isforzi biex jitnaqqas it-tniġġis fl-ibħra Ewropej, b’mod partikolari fil-Baħar Mediterran. Iż-żewġ istituzzjonijiet se jqisu mezzi biex jinċentivaw lill-investituri privati u lill-banek pubbliċi għall-iżvilupp biex jingħaqdu f’dan l-isforz;

-Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Fond Ewropew tal-Investiment biex tesplora qafas li jiffaċilita l-użu tal-istrumenti finanzjajri ta’ ġestjoni kondiviża għal ekonomija blu sostenibbli;

-Sabiex tgħin lin-negozji iżgħar li għandhom ideat trasformattivi iżda li għandhom aċċess diffiċli għall-kapital privat, il-pjattaforma BlueInvest 45 tal-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ personalizzat, viżibbiltà, aċċess għall-investituri u pariri dwar il-prontezza għall-investiment. F’dan il-kuntest, il-garanzija baġitarja tal-UE taħt InvestEU, flimkien mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE għall-programmi settorjali, se tingrana l-kapital privat biex jiffinanzja l-kapital ta’ riskju għall-kumpaniji fi stadju bikri u għan-negozji ġodda tat-“teknoloġija blu”;

-Ir-reviżjoni li jmiss tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli se jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex tiġi appoġġata l-introduzzjoni tal-enerġija nadifa, inkluża l-enerġija rinnovabbli offshore, b’mod ekoloġiku u kosteffettiv.

3.4 Il-ħiliet u l-impjiegi blu

Minkejja tnaqqis ġeneralizzat fis-suq tax-xogħol minħabba l-pandemija, it-tranżizzjoni doppja toffri potenzjal kbir ta’ impjiegi. Sabiex jinkiseb dan il-potenzjal, huwa importanti ħafna li l-kumpaniji li jaħdmu fuq it-teknoloġija mill-aktar avvanzata jkunu jistgħu jibbażaw fuq forza tax-xogħol ikkwalifikata. Jeħtieġ ukoll li ntejbu l-perċezzjoni pubblika tal-karrieri fl-ekonomija blu.

Fis-suq tax-xogħol tal-ekonomija blu, it-tranżizzjoni diġà qed tagħti lok għal postijiet tax-xogħol vakanti - sa 30 % tal-kumpaniji tal-enerġija rinnovabbli offshore, pereżempju, jilmentaw jew li l-ħiliet li jeħtieġu mhumiex disponibbli jew li hemm nuqqas fil-ħiliet eżistenti (eż. tekniċi). Fis-settur tal-enerġija mir-riħ offshore biss, l-għadd ta’ impjiegi jista’ jittrippla sal-2030.

L-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 46   tgħin lin-negozji u lill-individwi jadattaw għall-proċessi diġitalizzati u għat-teknoloġiji l-ġodda permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Bħala parti mill-“Pjanijiet iddettaljati għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet” 47 , l-alleanza marittima għall-iżvilupp tal-ħiliet għat-teknoloġija tal-baħar 48  imnedija taħt Erasmus+ se tindika sa tmiem l-2021 kif għandhom jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet fl-industriji tal-enerġija rinnovabbli offshore u tal-bini tal-bastimenti u se tipproponi strateġija tal-ħiliet li għandha tiġi introdotta fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

Il-programm tal-Karrieri Blu, li mill-2016 ipprovda għotjiet għat-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-ekonomija blu, issa se jitwessa’ biex ikopri l-ħtiġijiet tat-taħriġ li jkunu ġejjin mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mill-kriżi sanitarja. Sabiex tippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-professjonijiet marittimi, il-Kummissjoni se tinvesti fil-ġbir, fil-konsolidazzjoni u fl-analiżi tad-data dwar in-nisa li jaħdmu fis-settur marittimu.

Fl-2021, il-Kummissjoni ressqet pjan ta’ azzjoni ambizzjuż biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-20 prinċipju tiegħu madwar l-UE. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, l-Akkwakultura u s-Sajd jappoġġa b’mod speċifiku t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet għas-sajjieda, kif ukoll inizjattivi oħra biex isir investiment fin-nies, fit-titjib tal-ħiliet, u fid-djalogu soċjali. Diversi fondi oħra tal-UE (eż. il-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku) ukoll jinvestu fin-nies, fl-impjiegi u fil-ħiliet. L-UE hija impenjata li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq il-baħar billi taħdem kemm fuq it-taħriġ tal-ħaddiema fl-impjiegi blu kif ukoll fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara u tas-sajjieda 49 .

Il-Kummissjoni għandha l-għan li:

-tħeġġeġ u tiffaċilita l-ħolqien ta’ sħubiji tal-ħiliet taħt il-Patti għall-Ħiliet fl-ekosistemi industrijali rilevanti għall-ekonomija blu kif identifikati fl-Istrateġija Industrijali tal-UE (bħal fl-enerġija rinnovabbli offshore jew fil-bini tal-bastimenti);

-tniedi fl-2022, taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, l-Akkwakultura u s-Sajd, sejħa ġdida għal proposti dwar il-karrieri blu u sejħa speċifika għal proposti dwar in-nisa maħsuba biex iżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jagħtuhom importanza akbar fil-governanza formali tal-ekonomija blu;

-tippromwovi t-traspożizzjoni jew l-adozzjoni tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tarmonizza r-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-membri tal-ekwipaġġ u b’hekk tgħolli l-immaġni tal-professjoni.

4.Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal governanza sostenibbli

L-oċeani u l-ibħra joħolqu benefiċċji għal kulħadd iżda jirriskjaw li jiġu sfruttati żżejjed, mingħajr ma jitqiesu l-konsegwenzi. Dan joħloq il-ħtieġa għal regoli u konvenzjonijiet aċċettati b’mod wiesa’ dwar l-ippjanar tal-ispazju, l-involviment taċ-ċittadini, il-kooperazzjoni reġjonali, is-sigurtà marittima u l-politika internazzjonali.

4.1    L-ippjanar tal-ispazju marittimu

Aktar ma tkun kbira d-domanda għall-użu tal-ispazju marittimu, aktar ikun kruċjali li jkun hemm ippjanar tal-ispazju. L-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa għodda essenzjali għall-prevenzjoni tal-kunflitt bejn il-prijoritajiet ta’ politika u għar-rikonċiljazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura mal-iżvilupp ekonomiku. Il-konsultazzjoni pubblika li tinvolvi kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati hija parti fundamentali mill-proċess tal-ippjanar tal-ispazju marittimu.

L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu rwol ċentrali fit-twettiq tal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni u tal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-Ewropa. L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità tiddikjara b’mod ċar li, sabiex jiġi applikat approċċ għall-ġestjoni bbażat fuq l-ekosistema, il-pjanijiet nazzjonali tal-ispazju marittimu jenħtieġ li jimmiraw li jkopru s-setturi u l-attivitajiet marittimi kollha, kif ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni bbażati fuq iż-żona. L-ippjanar itejjeb ukoll il-livell ta’ ċertezza u prevedibbiltà tal-investimenti privati u jista’ jippromwovi sinerġiji bejn is-setturi ekonomiċi. Id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu 50 tiżgura li l-impatti negattivi potenzjali fuq l-ambjent naturali jiġu identifikati u evitati fi stadju bikri ħafna fil-proċess tal-ippjanar u li l-pjanijiet nazzjonali tal-ispazju marittimu jkunu koerenti mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, kif ukoll ma’ status ambjentali tajjeb kif definit fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

Il-Kummissjoni se:

-tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu fl-2022, wara l-adozzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-ispazju marittimu f’Marzu 2021, u tħejji proposti dwar kif il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw l-objettivi tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli offshore fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom tal-ispazju;

-tibda rieżami tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marittima fl-2021 u, abbażi tal-eżitu, possibbilment tirrevedi d-Direttiva sal-2023;

-tħejji gwida dwar approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ippjanar tal-ispazju marittimu u tippromwovi l-użu multiplu tal-ispazju tal-baħar billi tikkombina attivitajiet differenti fl-istess post (pereżempju, il-marikultura u s-sistemi tal-enerġija rinnovabbli offshore).

4.2 L-involviment taċ-ċittadini u l-għarfien dwar l-oċeani

Il-politika għal ekonomija blu sostenibbli se tħeġġeġ kif ukoll tittejjeb permezz tal-involviment taċ-ċittadini.

Iċ-ċittadini Ewropej u speċjalment iż-żgħażagħ japprezzaw ħafna s-saħħa tal-ibħra u tal-oċeani u jappoġġaw approċċ sostenibbli għalihom. It-tħassib pubbliku għall-iskart tal-plastik fl-oċeani juri dan, għalkemm għadu kruċjali li tiġi estiża s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-importanza tal-ibħra u tal-oċeani għall-ħajja fuq il-pjaneta. L-applikazzjonijiet mobbli moderni jippermettu liċ-ċittadini jittraċċaw, jimmonitorjaw jew jirrappurtaw dwar il-ħsara ambjentali osservata. Wieħed mill-kompiti tal-missjoni kandidata tal-oċeani huwa li tuża modi ġodda biex tinvolvi u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tal-UE. Dan se jgħin biex tiġi żgurata l-integrità ambjentali ta’ impriżi futuri, u se jappoġġa direttament il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

-Il-koalizzjoni EU4Ocean 51 , inizjattiva li twaqqfet dan l-aħħar mill-Kummissjoni, se toħloq networks għall-iskejjel Ewropej, li se jwasslu l-kwistjoni tal-oċeani fil-klassijiet. B’dan il-mod l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-konservazzjoni tal-oċeani se jkunu jistgħu jmexxu proġetti konġunti biex jinvolvu liċ-ċittadini u jamplifikaw l-impatt u s-sensibilizzazzjoni.

-Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO, mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali biex tikkontribwixxi għall-programm ta’ għarfien dwar l-oċeani tad-Deċennju tax-Xjenza tal-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli 2021-2030.

4.3 Il-baċiri tal-baħar, il-kooperazzjoni reġjonali u l-appoġġ għar-reġjuni kostali

Ir-reġjuni kostali u l-gżejjer huma atturi ewlenin fl-ekonomija blu. Minħabba li spiss jikkondividu l-istess baċir tal-baħar, hemm valur miżjud ċar fl-indirizzar ta’ sfidi komuni u fil-protezzjoni ta’ oġġetti komuni permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali. L-UE se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni, tiżviluppa strateġiji mfassla apposta għal kull baċir tal-baħar Ewropew u testendi l-istess approċċ kooperattiv għall-pajjiżi ġirien li mal-UE jikkondividu baċir, riżorsi ħajjin tal-baħar u karatteristiċi ġeoekonomiċi. 

L-istrateġiji tal-baċiri tal-baħar qed juru li huma effettivi billi jlaqqgħu flimkien firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati (gvernijiet nazzjonali, reġjuni kostali, bliet, istituti tar-riċerka, networks tal-edukazzjoni u negozju) u jippermettulhom jidderieġu l-ħidma fuq proġetti u azzjonijiet speċifiċi li jappoġġaw ekonomija blu sostenibbli, bħal, pereżempju, offerti ta’ turiżmu sostenibbli. Il-Kummissjoni tappoġġa l-oqfsa tal-baċiri tal-baħar u dawk makroreġjonali għall-kooperazzjoni, jiġifieri l-pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2020 52 ; l-istrateġija marittima tal-Mediterran tal-Punent 53 ; l-aġenda marittima komuni għall-Baħar l-Iswed 54 , l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku 55  u l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku 56 ;

Aktar minn nofs l-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistika tal-UE jinsabu f’żoni kostali u 30% tal-iljieli jitqattgħu f’resorts ħdejn il-baħar. It-turiżmu marittimu u kostali, li huwa pilastru tal-ekonomija blu u interkonness sew ma’ ħafna mis-setturi l-oħra tiegħu, ġarrab effetti severi minħabba l-pandemija. Il-lockdowns affettwaw l-impjiegi u l-għajxien u naqqsu b’mod sinifikanti l-kapaċità tas-settur li jinvesti fl-iżvilupp ta’ servizzi u ta’ ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti u sostenibbli. L-investimenti huma meħtieġa biex joħolqu reżiljenza soċjali u jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi għall-komunitajiet kostali. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni stabbiliet qafas biex tippermetti mill-ġdid turiżmu sikur u twitti t-triq għal settur aktar reżiljenti u sostenibbli 57 .

Jekk l-esperjenzi tal-ivvjaġġar sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-klima kienu qed jiżdiedu fost l-aspettattivi tal-vjaġġaturi f’dawn l-aħħar snin, il-pandemija kompliet tagħti spinta lid-domanda għal “turiżmu mingħajr għaġla” u għal destinazzjonijiet fuq barra li jiffavorixxu l-ispazji naturali. Is-sostenibbiltà mistennija li ssir aktar prominenti fl-għażliet tat-turiżmu, bid-destinazzjonijiet reġjonali u lokali jixprunaw l-irkupru 58 . Dawn l-ambizzjonijiet u x-xejriet lejn ekosistema tat-turiżmu aktar sostenibbli jenħtieġ li jiggwidaw l-użu tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment fil-livell Ewropew, dak nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jimpenja ruħu li jagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, filwaqt li jqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali u l-assi uniċi tagħhom tal-bijodiversità u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. 

Sabiex tappoġġa l-irkupru fir-reġjuni kostali, il-Kummissjoni għandha l-għan li:

-tgħin lill-bliet u lir-reġjuni jimmaniġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fil-livell lokali u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi u l-inċentivi tal-UE. Il-Kummissjoni se tiżviluppa pakkett ta’ appoġġ (“Blueprint għall-Patti Ekoloġiċi Lokali”) kif ukoll gwida strateġika (eż. l-“Isfida Għal Bliet Intelliġenti”). Se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw l-istrateġiji tal-baċiri tal-baħar u dawk makroreġjonali fil-programmazzjoni tal-fondi tal-UE 59 ;

-tippromwovi u tappoġġa, permezz tal-fondi tal-UE, l-iżvilupp tal-ekoturiżmu tal-baħar u dak kostali. L-appoġġ tal-UE se jimmira li juri d-diversità tal-wirt marittimu tal-kontinent, jimmaniġġja l-flussi turistiċi b’mod intelliġenti, jiddiversifika l-offerta u jestendi t-turiżmu barra mill-istaġun;

-tkompli tappoġġa lir-reġjuni ultraperiferiċi, f’konformità mal-Komunikazzjoni 60  tagħha tal-2017, biex jaħtfu l-opportunitajiet offruti miż-żoni ekonomiċi esklużivi kbar tagħhom, jipproteġu l-ekosistemi eċċezzjonalment diversi tagħhom, jiżviluppaw l-istrateġiji tal-ekonomija blu sostenibbli tagħhom stess u jiskambjaw l-aħjar prattiki biex jindirizzaw l-isfidi komuni tagħhom għall-adattament għall-klima;

-tkompli tinvesti f’relazzjoni speċjali mal-pajjiżi tal-viċinat u tat-tkabbir biex jiġu żviluppati ktajjen tal-provvista tal-ekonomija blu li jtejbu r-rabtiet mal-UE (f’konformità mal-Komunikazzjoni ta’ Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali). L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u fondi oħra tal-UE se jipprovdu appoġġ kontinwu għal inizjattivi ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari biex tiġi implimentata t-Tieni Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ekonomija Blu Sostenibbli 61 mill-Unjoni għall-Mediterran, is-sħubija mġedda mal-viċinat tan-Nofsinhar 62 u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent.

4.4 Is-sigurtà marittima

Spazju marittimu sikur u sigur huwa l-prerekwiżit biex jiġu ppreservati l-interessi strateġiċi tal-UE bħal-libertà tan-navigazzjoni, il-kontroll fil-fruntieri esterni jew il-provvista ta’ materjali essenzjali u għall-protezzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u taċ-ċittadini, kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.

L-istrateġija tal-UE dwar is-sigurtà marittima u l-pjan ta’ azzjoni relatat stabbilew rispons kooperattiv għall-isfidi interni u esterni għas-sigurtà marittima ta’ żminijietna. Sfida bħal din hija s-sigurtà ambjentali, li tinvolvi l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-rimi illegali, ir-rimi tal-iskart, l-aċċidenti u riskji ambjentali oħra. L-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż data in situ, mill-ajru u mis-satellita, huwa fattur kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi għas-sigurtà, fil-prevenzjoni tal-attivitajiet illegali fuq il-baħar u fl-infurzar tal-liġi. Il-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardakosta bejn tliet aġenziji ewlenin tal-UE 63 tiġġenera ekonomiji ta’ skala sinifikanti billi tnaqqas il-konverġenzi, tiżviluppa operazzjonijiet bi skopijiet multipli u tikkondividi inġenji tal-ajru u bastimenti għal operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, rispons għat-tniġġis miż-żejt eċċ. Biex jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat ambjent komuni għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni għad-dominju marittimu (CISE) 64 .

Is-CISE se jippermetti lil awtoritajiet minn bosta setturi ċivili u militari (is-sikurezza tat-trasport marittimu, il-kontroll tas-sajd, it-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis tal-baħar, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, id-dwana, il-kontroll fuq il-fruntiera, l-infurzar ġenerali tal-liġi u tad-difiża) u bejn il-fruntieri biex jiskambjaw informazzjoni f’ħin reali dwar kwalunkwe okkorrenza fuq il-baħar. Is-CISE huwa volontarju. Il-fażi tranżitorja attwali tiegħu, li se ddum sal-2023, hija ġestita mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima bl-involviment mill-qrib tal-Istati Membri u ta’ korpi oħra tal-UE. L-Aġenzija hija wkoll l-entità fdata biex twassal prodotti satellitari taħt is-Servizz ta’ Sorveljanza Marittima ta’ Copernicus.

Il-Kummissjoni se:

-tipproponi l-introduzzjoni tal-fażi operattiva tas-CISE fl-2024, soġġetta għar-riżultati tal-fażi ta’ tranżizzjoni, biex tinħoloq sistema sħiħa ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza marittima fl-UE.

4.5 Il-promozzjoni ta’ ekonomija blu sostenibbli barra mill-pajjiż

Il-promozzjoni ta’ ekonomija blu sostenibbli għall-Unjoni Ewropea ma tistax tieqaf fil-fruntieri tagħna. Ħafna ktajjen tal-valur tal-ekonomija blu huma globali u esposti għall-kompetizzjoni globali, u l-operaturi tal-UE jagħmlu n-negozju madwar id-dinja kollha. Għalhekk, għandna r-responsabbiltà mhux biss li niddefendu s-suq tal-UE minn prodotti u prattiki mhux sostenibbli, iżda wkoll li niżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji tal-UE fis-suq globali u li nippromwovu l-għarfien espert, l-azzjoni ambjentali u l-istat tad-dritt tal-UE.

F’konformità mal-Aġenda tal-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani adottata fl-2016 65 u mal-qafas legali stabbilit mill-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Kummissjoni se tkompli toħloq il-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli fil-livell internazzjonali. Din se tkompli timbotta għal ġestjoni bbażata fuq ix-xjenza tar-riżorsi naturali tal-oċeani, inkluż is-sajd, billi tappoġġa l-iżvilupp marittimu sostenibbli fi ħdan is-sħubiji u l-ftehimiet tal-UE, u billi tippromwovi s-sajd sostenibbli fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd. Il-Kummissjoni se tkompli l-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-ġlieda kontra l-frodi fil-prodotti tal-frott tal-baħar skont ir-regolamenti tal-UE. Permezz tal-Ftehimiet ta’ Sħubija tagħha dwar is-Sajd Sostenibbli, se tkompli ttejjeb il-governanza tas-sajd fil-pajjiżi sħab u se tgħin biex jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali.

Fin-negozjati internazzjonali, jenħtieġ li l-UE twassal il-messaġġ li l-minerali tal-baħar fiż-żona internazzjonali ta’ qiegħ il-baħar ma jistgħux jiġu sfruttati qabel ma l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem ikunu ġew riċerkati biżżejjed, ir-riskji jinftiehmu u t-teknoloġiji u l-prattiki operazzjonali jkunu jistgħu juru li ma hemm l-ebda ħsara serja għall-ambjent.

Il-Kummissjoni se:

-tippromwovi, fil-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, għal qafas tal-bijodiversità globali u ambizzjuż għal wara l-2020 li jipproteġi u jirrestawra l-ekosistemi u l-ħabitats tal-baħar u jinkludi ftehim globali biex jipproteġi mill-inqas 30 % taż-żona tal-baħar tad-dinja;

-tappoġġa l-konklużjoni ta’ ftehim ambizzjuż u legalment vinkolanti dwar il-bijodiversità tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fir-Raba’ Konferenza Intergovernattiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar bl-għan li jiġu promossi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi f’ibħra internazzjonali;

-tmexxi sforzi biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-plastik u tippromwovi l-adozzjoni tal-approċċ tal-ekonomija ċirkolari dwar il-plastik, li jistabbilixxi l-bażi għal rispons aktar b’saħħtu u aktar ikkoordinat għat-tniġġis tal-plastik fil-livell globali;

-tkompli taħdem biex jiġu konklużi n-negozjati multilaterali dwar is-sussidji tas-sajd fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ - billi jiġi implimentat l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 14.6 - biex jiġu pprojbiti ċerti forom ta’ sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, u biex jitneħħew is-sussidji li jikkontribwixxu għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

-tuża l-mezzi diplomatiċi u l-kapaċitajiet ta’ sensibilizzazzjoni kollha tagħha biex tgħin fl-ilħuq ta’ ftehim dwar id-deżinjazzjoni ta’ tliet żoni tal-baħar vasti u protetti fl-Oċean tan-Nofsinhar (l-Antartiku tal-Lvant, il-Baħar ta’ Weddell u l-Peniżola tal-Antartiku) fil-qafas tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku;

-tappoġġa lill-pajjiżi mhux tal-UE biex javvanzaw u jiddiversifikaw l-ekonomiji blu sostenibbli, inklużivi u ekwitabbli tagħhom. Se tiżgura appoġġ finanzjarju mill-bosta sorsi ta’ finanzjament disponibbli biex jiġi inkorporat l-approċċ tal-ekonomija blu sostenibbli f’kooperazzjoni dwar il-governanza tal-oċeani madwar id-dinja. Il-Kummissjoni se tqis l-istabbiliment ta’ task force blu bejn l-UE u l-Afrika;

-tappoġġa inizjattivi multilaterali bħad-Deċennju tan-NU dwar ir-Restawr tal-Ekosistema u d-Deċennju tan-NU għax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli 2021-2030, b’mod partikolari dwar l-osservazzjoni tal-oċeani, l-immudellar tal-oċeani u l-infrastruttura għall-kondiviżjoni tad-data;

-tippromwovi l-ippjanar tal-ispazju marittimu fil-livell internazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO 66 ;

-taġġorna l-aġenda internazzjonali tagħha dwar il-governanza tal-oċeani fid-dawl tal-konsultazzjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet riċenti mill-Forum Internazzjonali dwar il-Governanza tal-Oċeani. L-aġenda jenħtieġ li tiżgura li l-ekonomija blu tipproteġi u ma tagħmilx ħsara lill-ekosistema tal-baħar; jenħtieġ li tippromwovi teħid ta’ deċiżjonijiet aktar trasparenti u inklużiv u tgħolli l-istandards tas-sostenibbiltà soċjali.

5.Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni tressaq il-proposti tal-Kummissjoni għal politika marittima għal dan id-deċennju, biex it-tranżizzjoni prevista fil-Patt Ekoloġiku Ewropew issir realtà fl-ekonomija tal-oċeani. Il-Missjoni li jmiss dwar l-Oċeani, l-Ibħra u l-Ilmijiet se tikkomplementa din l-aġenda. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u ma’ Istituzzjonijiet oħra tal-UE, fejn xieraq, biex timplimenta l-aġenda u l-miżuri mressqa. Se titlob lill-partijiet ikkonċernati marittimi kollha biex jinvolvu ruħhom magħhom fit-tfassil ta’ ekonomija blu sostenibbli b’mod ġust u ekwu.

(1)

 COM(2019) 640 final.

(2)

COM(2020) 442 final.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Ir-Rapport dwar l-Ekonomija Blu tal-UE 2020.

(4)

L-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 - Jiġu kkonservati u użati b’mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli.

(5)

COM(2020) 380 final.

(6)

Il-missjoni kandidata tal-oċeani “Oċeani, ibħra, ilmijiet kostali u interni b’saħħithom”.

(7)

COM(2020) 741 final.

(8)

COM(2020) 789 final.

(9)

 Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

(10)

 Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE.

(11)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12312-FuelEU-Maritime- .

(12)

COM(2020) 301 final.

(13)

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għall-Atlantiku 2.0 jidentifika wkoll il-portijiet bħala portali u ċentri prijoritarji għall-ekonomija blu”, filwaqt li l-inizjattiva tal-WestMED stabbiliet grupp tekniku dwar it-trasport sostenibbli u t-tbaħħir ekoloġiku. 

(14)

SWD(2018) 254 final.

(15)

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina).

(16)

Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent.

(17)

COM(2018) 368 (proposta għal reviżjoni attwalment tinsab fl-ewwel qari mal-koleġiżlaturi).

(18)

 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (FEMS) - ftehim politiku mit-3 ta’ Diċembru 2020.

(19)

Bl-użu possibbli ta’ rkaptu konness mgħammar b’sensuri tal-internet tal-oġġetti.

(20)

Id-Direttiva (UE) 2019/883 li temenda d-Direttiva 2010/65/UE.

(21)

COM(2020) 98 final.

(22)

Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE.

(23)

 Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE.

(24)

Il-karbonju maħżun mill-ekosistemi kostali u tal-oċeani.

(25)

F’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tal-atti li ġejjin hija essenzjali: Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE), id-Direttiva dwar l-Għasafar (2009/147/KE), id-Direttivi dwar il-Ħabitats (92/43/KEE), id-Direttiva 2011/92/UE, id-Direttiva 2001/42/KE, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità (COM(2020) 380 final).

(26)

 Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, Special Report: Special Report on the Ocean and Cryosphere in a Changing Climate, Summary for Policy Makers, Taqsima B.3.1, https://www.ipcc.ch/srocc/chapter/summary-for-policymakers/ .

(27)

  https://www.eea.europa.eu/themes/water/europes-seas-and-coasts .

(28)

  SEC(2021) 89 final .

(29)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE tat-13 ta’ Settembru 2010 rigward il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran.

(30)

COM(2020) 381 final.

(31)

 Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE. 

(32)

L-UE għadha timporta aktar minn 70 % tal-frott tal-baħar li tikkonsma. Il-prodotti tal-akkwakultura jirrappreżentaw biss 25 % tal-konsum tal-frott tal-baħar tal-UE, u l-akkwakultura tal-UE inqas minn 2 % tal-produzzjoni globali tal-akkwakultura. Il-produzzjoni tal-akkwakultura għadha kkonċentrata ħafna f’termini kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-ispeċijiet imrobbija, u b’hekk il-potenzjal għoli għad-diversifikazzjoni.

(33)

COM(2021) 236 final.

(34)

https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12555-Organic-farming-action-plan-for-the-development-of-EU-org.

(35)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001.

(36)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12780-Towards-a-strong-and-sustainable-EU-Algae-sector.

(37)

https://emodnet.eu/en. L-EMODnet jiġbor flimkien aktar minn 120 organizzazzjoni biex jipprovdi data dwar l-ambjent tal-baħar f’seba’ oqsma dixxiplinari: il-batimetrija, il-ġeoloġija, il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar, il-kimika, il-bijoloġija, il-fiżika u l-attivitajiet tal-bniedem. Id-data tiġi pproċessata biex issir “FAIR” (faċli biex tinstab, faċli biex tiġi aċċessata, faċli biex tinġabar flimkien u faċli biex tintuża, jew Rintraċċabbli, Aċċessibbli, Interoperabbli, Li Tista’ Terġa’ Tintuża).

(38)

It-tewmi diġitali tematiku dwar l-oċeani se jkun programmat u miżjud mas-sistema Destinazzjoni d-Dinja mill-2023 ’il quddiem.

(39)

  https://www.oceandecade.org/ .

(40)

  https://blueindicators.ec.europa.eu/  

(41)

EUMOFA: https://www.eumofa.eu/ .

(42)

COM(2020) 66 final.

(43)

Jistgħu jinstabu diversi eżempji fin-network tagħhom: FARNET.

(44)

  https://www.unepfi.org/blue-finance/ .

(45)

  https://webgate.ec.europa.eu/maritimeforum/en/frontpage/1451 .

(46)

COM(2020) 274 final.

(47)

 Il-pjan iddettaljat jipproponi lill-partijiet ikkonċernati ewlenin (in-negozju, it-trade unions, l-istituti tar-riċerka, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-awtoritajiet pubbliċi) biex jiffurmaw sħubiji speċifiċi għas-settur, jiżviluppaw strateġiji ta’ ħiliet u programmi konkreti ta’ tagħlim u taħriġ biex inaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet fis-setturi tagħhom.

(48)

  https://www.projectmates.eu/ .

(49)

 F’konformità mal-prinċipji u l-oqfsa rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu.

(50)

 Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu.

(51)

  https://webgate.ec.europa.eu/maritimeforum/en/node/4484 .

(52)

  http://www.atlanticstrategy.eu/en .

(53)

  https://www.westmed-initiative.eu/ .

(54)

  https://blackseablueconomy.eu/206/common-maritime-agenda-black-sea .

(55)

  https://www.adriatic-ionian.eu/.  

(56)

  https://www.balticsea-region-strategy.eu/about/about .

(57)

B’mod partikolari, permezz tal-Komunikazzjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn, l-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini, il-Komunikazzjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid sikur, iċ-ċertifikat aħdar diġitali, u l-pjattaforma u l-app Re-open EU.

(58)

UNWTO “Principles for the transition to a green travel and tourism economy”.

(59)

SWD(2020) 206 final.

(60)

COM(2017) 623 final.

(61)

  https://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2021/02/Declaration-UfM-Blue-Economy-EN-1.pdf .

(62)

JOIN(2021) 2.

(63)

EMSA, EFCA u FRONTEX.

(64)

  http://emsa.europa.eu/cise.html .

(65)

SWD(2016) 352 final.

(66)

“Joint roadmap to accelerate Maritime/Marine Spatial Planning processes worldwide”, Marzu 2017.