Brussell, 9.3.2021

COM(2021) 118 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali


1.Niġbdu ħabel wieħed: trasformazzjoni diġitali għar-reżiljenza tal-Ewropa

Fi żmien sena, il-pandemija tal-COVID-19 irnexxielha tbiddel mill-qiegħ ir-rwol u l-perċezzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-soċjetajiet u fl-ekonomiji tagħna, u żiedet il-pass tagħha. It-teknoloġiji diġitali issa huma essenzjali għax-xogħol, għat-tagħlim, għad-divertiment, għas-soċjalizzazzjoni, għall-bejgħ u x-xiri, u biex jinkiseb aċċess għal kollox, mis-servizzi tas-saħħa għall-kultura. Ħarġet fid-dieher ukoll ir-rwol deċiżiv li tista’ taqdi l-innovazzjoni 1 . Il-pandemija kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet tal-ispazju diġitali tagħna, id-dipendenzi tiegħu fuq teknoloġiji mhux Ewropej, u l-impatt tad-diżinformazzjoni fuq is-soċjetajiet demokratiċi tagħna.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, l-ambizzjoni ddikjarata tagħna saret aktar u aktar rilevanti: li nwettqu politiki diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ futur diġitali sostenibbli, aktar prosperuż, u bil-bniedem fiċ-ċentru tiegħu. L-Ewropa trid tibni fuq il-potenzjal tagħha – suq uniku miftuħ u kompetittiv, regoli sodi li jħaddnu l-valuri Ewropej, attur assertiv f’dinja kummerċjali internazzjonali ġusta u bbażata fuq ir-regoli, bażi industrijali soda, ċittadini b’livell għoli ta’ ħiliet, u soċjetà ċivili b’saħħitha. Fl-istess ħin, l-Ewropa jeħtieġ tistħarreġ u tindirizza bir-reqqa kull dgħufija strateġika, vulnerabbiltà jew dipendenza ta’ riskju għoli li jissograw il-kisba tal-ambizzjonijiet tagħha u jeħtieġ tħaffef l-investiment assoċjat 2 .

Dan hu l-approċċ biex l-Ewropa tkun sovrana diġitalment f’dinja interkonnessa billi tibni u tuża kapaċitajiet teknoloġiċi b’mod li jagħtu setgħa lin-nies u lin-negozji ħalli jisfruttaw il-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali, u tgħinhom jibnu soċjetà aktar b’saħħitha u ekoloġika 3 .

Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2020, il-President von der Leyen ħabbret li l-Ewropa jenħtieġ tiżgura s-sovranità diġitali b’viżjoni komuni tal-UE fl-2030, skont objettivi u prinċipji ċari. Il-President għamlet enfasi speċjali fuq Cloud Ewropea, tmexxija f’intelliġenza artifiċjali etika, identità diġitali sigura għal kulħadd, u infrastruttura mtejba ħafna tad-data, tas-supercomputers u tal-konnettività. Bi tweġiba għal dan, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Kumpass Diġitali komprensiv sa Marzu 2021, li jistabbilixxi ambizzjonijiet diġitali għall-2030, li jwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ u li jiddeskrivi it-tappi ewlenin u l-mezzi biex jinkisbu dawn l-ambizzjonijiet.

Dan l-impetu politiku jeħtieġ intensifikazzjoni tal-ħidma li bdiet fl-aħħar għaxar snin biex titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa – abbażi tal-progress lejn Suq Uniku Diġitali 4 li jiffunzjona bis-sħiħ, u jissaħħu l-azzjonijiet definiti fl-istrateġija biex Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa 5 . L-istrateġija fasslet programm ta’ riforma politika 6 , li diġà bdiet bl-Att dwar il-Governanza tad-Data, bl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, bl-Att dwar is-Swieq Diġitali u bl-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà. Hemm bosta strumenti baġitarji tal-Unjoni li se jappoġġaw l-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali, fosthom il-Programmi ta’ Koeżjoni, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, u l-Programm Ewropa Diġitali. Il-koleġiżlaturi qablu li mill-anqas 20 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkunu allokati għat-tranżizzjoni diġitali u jirfdu din l-aġenda ta’ riforma, b’finanzjament biex jissawwar Deċennju Diġitali tal-Ewropa fuq pedamenti sodi.

2.Il-Viżjoni għall-2030: awtonomizzazzjoni liċ-ċittadini u lin-negozji

L-approċċ Ewropew għal ekonomija u għal soċjetà diġitalizzati hu marbut mas-solidarjetà, mal-prosperità u mas-sostenibbiltà, hu msejjes fuq l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji tagħha, filwaqt li jiżgura s-sigurtà u r-reżiljenza tal-ekosistema diġitali u tal-ktajjen tal-provvista tagħha.

Waħda mit-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-pandemija hi li d-diġitalizzazzjoni tista’ tgħaqqad lin-nies flimkien anki jekk ma jkunux fiżikament fl-istess post. Bl-infrastruttura diġitali u b’konnettività rapida, in-nies ikollhom opportunitajiet ġodda. Id-diġitalizzazzjoni tista’ ssir faċilitatur deċiżiv tad-drittijiet u tal-libertajiet, għax tippermetti lin-nies jimirħu lil hinn minn territorji, pożizzjonijiet soċjali jew gruppi komunitarji speċifiċi, u toffri possibbiltajiet ġodda biex wieħed jitgħallem, jiddeverti, jaħdem, jesplora u jissodisfa l-ambizzjonijiet tiegħu. Din se toħloq soċjetà li tiffunzjona irrispettivament mid-distanza ġeografika għax in-nies ikunu jistgħu jaħdmu, jitgħallmu, jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jimmaniġġjaw il-finanzi u l-pagamenti tagħhom, jużaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa, is-sistemi tat-trasport awtomatizzati, jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jiddevertu jew jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ persuni fi kwalunkwe post fl-UE, inkluż f’żoni rurali u mbiegħda.

Iżda l-kriżi kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet tal-ispazju diġitali tagħna, id-dipendenza akbar tiegħu fuq teknoloġiji kritiċi, li ħafna drabi ma jkunux ibbażati fl-UE, ħarġet fid-dieher id-dipendenza fuq ftit kumpaniji kbar tat-teknoloġija, rat żieda fl-influss ta’ prodotti kontrafatti u fis-serq ċibernetiku, u amplifikat l-impatt tad-diżinformazzjoni fuq is-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Feġġ ukoll distakk diġitali ġdid, mhux biss bejn iż-żoni urbani konnessi ħafna u t-territorji rurali u mbiegħda, iżda anki bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn spazju diġitali arrikkit, aċċessibbli u sigur b’firxa sħiħa ta’ servizzi, u dawk li ma jistgħux. Feġġ distakk simili bejn dawk in-negozji li diġà kapaċi jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-ambjent diġitali u dawk li għadhom mhumiex kompletament diġitalizzati. F’dan is-sens, il-pandemija tal-COVID-19 esponiet “faqar diġitali” ġdid, u għalhekk hu essenzjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha fl-Ewropa jkunu jistgħu jisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali għal ħajja aħjar u aktar prosperuża. Il-viżjoni Ewropea għall-2030 hi soċjetà diġitali li ma tħalli warajha lil ħadd.

Soluzzjonijiet tas-saħħa attivati b’mod diġitali 

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-potenzjal u wittiet it-triq għal użu ġeneralizzat ta’ soluzzjonijiet innovattivi tat-telemediċina, tat-telekura u tar-robotika għall-protezzjoni tal-persunal mediku u biex il-pazjenti jkunu jistgħu jingħataw il-kura mill-bogħod fi djarhom. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jimmonitorjaw l-istatus tas-saħħa tagħhom, jadattaw l-istil ta’ ħajja tagħhom, jappoġġaw l-għajxien indipendenti, jipprevjenu mard mhux komunikabbli, u jipprovdu effiċjenza lill-fornituri tas-saħħa u tal-kura u lis-sistemi tas-saħħa. Flimkien ma’ ħiliet diġitali adegwati, iċ-ċittadini se jkunu qed jużaw għodod li jgħinuhom ikomplu ħajja professjonali attiva anki meta jikbru fl-età, u l-professjonisti tas-saħħa u l-persuni li jindukraw se jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa attivati b’mod diġitali biex jimmonitorjaw u jittrattaw lill-pazjenti tagħhom.

Id-diġitalizzazzjoni tipprovdi sorsi ġodda ta’ prosperità lin-nies 7 , tippermetti lill-intraprendituri jinnovaw, jistabbilixxu u jkabbru n-negozju tagħhom kull fejn jgħixu, li jiftħu swieq u investimenti madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, u li joħolqu impjiegi ġodda fi żmien meta aktar Ewropej qed iħossuhom mhedda fejn jidħlu s-sigurtà jew l-ambjent ekonomiku tagħhom.

It-teknoloġiji diġitali jistgħu jikkontribwixxu ferm biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali u l-użu tad-data se jgħinu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità klimatika, ċirkolari u aktar reżiljenti. Is-sostituzzjoni tal-ivvjaġġar fuq xogħol b’vidjokonferenzi tnaqqas l-emissjonijiet filwaqt li t-teknoloġiji diġitali jippermettu proċessi aktar ekoloġiċi fl-agrikoltura, fl-enerġija, fil-bini, fl-industrija jew fl-ippjanar tal-bliet u fis-servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għan propost tal-Ewropa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 u protezzjoni aħjar tal-ambjent tagħna. L-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali nfushom iridu jsiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Bl-innovazzjoni u b’ekostandards ambizzjużi, in-negozji, fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom, se jkunu jistgħu jadottaw teknoloġiji diġitali b’inqas impronta ambjentali u b’aktar effiċjenza enerġetika u tal-materjali.

Soluzzjonijiet ekoloġiċi attivati b’mod diġitali – Passaport tal-Prodotti Diġitali

It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli teħtieġ ġestjoni aktar intelliġenti tad-data relatata mal-prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Ħafna minn din l-informazzjoni teżisti, iżda mhix disponibbli għal min jista’ jużaha bl-aħjar mod. It-teknoloġiji diġitali jipprovdu l-possibbiltà li d-data relatata mal-prodotti tiġi tteggjata, traċċata, lokalizzata u kondiviża tul il-ktajjen tal-valur, sal-livell tal-komponenti u l-materjali individwali. Billi jibda mill-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-applikazzjonijiet industrijali, il-passaport Ewropew tal-prodotti diġitali (bħala parti mill-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli) se jtejjeb l-informazzjoni disponibbli għan-negozji, jixpruna l-effiċjenza fir-riżorsi u jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet sostenibbli.

Infrastrutturi u teknoloġiji reżiljenti, siguri u affidabbli huma indispensabbli biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli u l-valuri Ewropej. Suq uniku b’saħħtu, kompetizzjoni ġusta, u kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u li jiffunzjona huma assi kritiċi għas-suċċess ekonomiku u għar-reżiljenza tal-UE.

Fl-istess ħin, it-teknoloġiji diġitali huma fil-biċċa l-kbira żviluppati barra mill-UE 8 u l-konverġenza tal-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni għadha limitata, u b’hekk qed jixxekklu l-ekonomiji ta’ skala 9 . L-UE se ssir sieħeb internazzjonali aktar b’saħħtu billi ssaħħaħ il-potenzjal u l-kapaċitajiet interni tagħha. Jeħtieġ iżżid l-investimenti, permezz tal-fondi rilevanti kollha tal-UE u ta’ nfiq nazzjonali, inkluż bl-ingranaġġ ta’ investimenti privati sinifikanti, biex l-UE tkun tista’ tiżviluppa teknoloġiji kritiċi b’mod li jrawwem it-tkabbir tal-produttività u l-iżvilupp ekonomiku tagħha b’koerenza sħiħa mal-valuri u mal-objettivi soċjetali tagħha.

3.    Erba’ punti fundamentali għal immappjar tal-perkors tal-UE

Il-Kummissjoni tipproponi li jitwaqqaf Kumpass Diġitali biex issarraf l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f’miri konkreti u biex tiżgura li jintlaħqu dawn l-objettivi. Il-Kumpass se jkun ibbażat fuq sistema ta’ monitoraġġ imtejba 10 li ssegwi l-perkors tal-UE rigward il-pass ta’ trasformazzjoni diġitali, il-lakuni fil-kapaċitajiet diġitali strateġiċi Ewropej, u l-implimentazzjoni tal-prinċipji diġitali. Dan se jinkludi l-mezzi biex titwettaq il-viżjoni u biex jiġu stabbiliti tappi ewlenin tul l-erba’ punti fundamentali. L-ewwel tnejn huma ffokati fuq il-kapaċitajiet diġitali fl-infrastrutturi u fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet, u t-tnejn l-oħra huma ffokati fuq it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u fuq is-servizzi pubbliċi.

3.1.    Popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti b’livell għoli ta’ kwalifiki diġitali

Fid-dinja ta’ għada, jekk irridu nkunu l-mexxejja tad-destin tagħna stess, kunfidenti fil-mezzi, fil-valuri u fl-għażliet tagħna, irridu niddependu fuq ċittadini li għandhom is-setgħa u l-kapaċitajiet diġitali, fuq forza tax-xogħol b’ħiliet diġitali u fuq ferm aktar esperti diġitali mil-lum. Dan jenħtieġ jitrawwem bl-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u b’politika effettiva li tippromwovi rabtiet u tattira talent minn madwar id-dinja kollha.

Il-ħiliet diġitali huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħna bħala soċjetà. Il-ħiliet diġitali bażiċi għaċ-ċittadini kollha u l-opportunità li jinkisbu ħiliet diġitali speċjalizzati ġodda għall-forza tax-xogħol huma prerekwiżit biex wieħed jieħu sehem b’mod attiv fid-Deċennju Diġitali, kif spjegat fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 11 .

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipproġetta l-mira ta’ 80 % għall-adulti li mill-inqas ikollhom ħiliet diġitali bażiċi sal-2030 12 . Biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ġid li toħloq soċjetà diġitali inklużiva, kif propost fil-kapitolu dwar il-prinċipji diġitali (it-Taqsima 4), l-aċċess għal edukazzjoni li tippermetti l-kisba ta’ ħiliet diġitali bażiċi jenħtieġ ikun dritt għaċ-ċittadini kollha tal-UE, filwaqt li t-tagħlim tul il-ħajja jenħtieġ isir realtà.

Il-ħiliet diġitali mifruxa jenħtieġ ukoll jibnu soċjetà li tista’ tafda l-prodotti diġitali u s-servizzi online, li tidentifika d-diżinformazzjoni u t-tentattivi ta’ frodi, li tħares lilha nnifisha mill-attakki ċibernetiċi, minn scams u minn frodi online, u li toffri l-opportunità biex it-tfal jitgħallmu jgħarblu u jesploraw il-massa kbira ta’ informazzjoni li jsibu online.

Il-ħiliet diġitali avvanzati jeħtieġu iżjed minn ħakma tal-ikkowdjar jew bażi fix-xjenza tal-kompjuters. It-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali jenħtieġ jappoġġaw forza tax-xogħol li toffri l-opportunità biex in-nies jiksbu ħiliet diġitali speċjalizzati ħalli jkollhom impjiegi ta’ kwalità u karrieri ta’ sodisfazzjon. Mill-2019 ’l hawn, kellna 7,8 miljun speċjalist fl-ICT b’rata ta’ tkabbir annwali preċedenti ta’ 4,2 %. Jekk din ix-xejra tissokta, l-UE se tkun ferm ’il bogħod mill-ħtieġa prevista ta’ 20 miljun espert, fost l-oħrajn, f’oqsma ewlenin bħaċ-ċibersigurtà jew l-analiżi tad-data. Aktar minn 70 % tan-negozji jqisu l-iskarsezzi tal-persunal b’ħiliet diġitali adegwati bħala xkiel għall-investiment. Hemm ukoll żbilanċ serju bejn il-ġeneri, għax waħda biss minn kull sitt speċjalisti fl-ICT u waħda biss minn kull tliet gradwati fl-iSTEM huma nisa 13 . Dan ikompli jiggrava bin-nuqqas ta’ kapaċità mil-lat ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ speċjalizzati f’oqsma bħall-Intelliġenza Artifiċjali, il-kwantum, u ċ-ċibersigurtà, u bin-nuqqas ta’ integrazzjoni biżżejjed tas-suġġetti diġitali u tal-għodod edukattivi tal-multimedia fid-dixxiplini l-oħra. Din l-isfida tista’ tingħeleb b’investiment massiv fit-taħriġ tal-ħaddiema tal-ġenerazzjonijiet futuri, u fit-titjib tal-ħiliet u fil-ħiliet ġodda tal-forza tax-xogħol.

Minbarra l-azzjonijiet fl-Ewropa jenħtieġ jingħata appoġġ biex jissaħħaħ il-litteriżmu diġitali madwar id-dinja, ħalli jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-programm Erasmus+ se jiftaħ ukoll opportunitajiet għall-inġiniera u l-ispeċjalisti diġitali ta’ pajjiżi terzi, u jżid b’mod ġenerali l-ambjenti tat-tagħlim diġitali. Fl-Afrika, il-koalizzjonijiet nazzjonali tal-ħiliet diġitali u tal-impjiegi jistgħu jiżviluppaw kurrikuli komuni dwar il-ħiliet diġitali u jappoġġaw lill-gvernijiet b’għarfien espert u bi proġetti li jwasslu lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet edukattivi fl-era diġitali. Bl-istess mod, il-ħiliet u l-litteriżmu diġitali qed isiru element ċentrali fil-bini tal-kapaċitajiet diġitali, fir-relazzjonijiet tagħna mar-reġjun tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

Fl-2030, il-kompetizzjoni dinjija għat-talent se tkun ħarxa għax l-għarfien espert se jibqa’ skars u jkun fattur kritiku tal-innovazzjoni, tat-tkabbir fil-produttività u tal-prosperità għall-pajjiżi kollha. It-trawwim tal-attraenza tal-UE u l-iskemi ta’ appoġġ għat-talent diġitali se jaqdu rwol ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali tal-UE.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:

-    Minbarra l-mira dwar il-ħiliet diġitali bażiċi stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-UE timpjega 20 miljun speċjalist fl-ICT b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel.



3.2.    Infrastrutturi diġitali sostenibbli, siguri u effettivi

L-Ewropa jirnexxilha biss tikseb it-tmexxija diġitali, jekk din tibnieha fuq infrastruttura diġitali sostenibbli fejn jidħlu l-konnettività, il-mikroelettronika u l-abbiltà li tipproċessa ammont vast ta’ data, għax dawn iservu ta’ faċilitaturi għal żviluppi teknoloġiċi oħrajn u jappoġġaw il-vantaġġ kompetittiv tal-industrija tagħna. Jeħtieġ isiru investimenti sinifikanti f’dawn l-oqsma kollha, u dawn jeħtieġu l-koordinazzjoni biex tinkiseb skala Ewropea.

Konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa hi prerekwiżit biex is-soċjetà tinfetaħ għal parteċipazzjoni sħiħa tan-negozji u taċ-ċittadini kollha. Il-kisba tal-konnettività tal-Gigabits sal-2030 hi essenzjali. Għalkemm din l-ambizzjoni tista’ tintlaħaq bi kwalunkwe taħlita ta’ teknoloġiji, l-enfasi jenħtieġ tkun fuq l-aktar konnettività fissa, mobbli u satellitari tal-ġenerazzjoni li jmiss sostenibbli, bl-iskjerament ta’ Networks b’Kapaċità Għolja Ħafna fosthom il-5G, abbażi ta’ allokazzjoni rapida u effiċjenti tal-ispettru u r-rispett tas-sett ta’ għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G 14 , u bi pjan għal żvilupp tas-6G fis-snin li ġejjin 15 .

Matul l-għaxar snin li ġejjin, l-unitajiet domestiċi se jżidu l-adozzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji tan-network u dan jixhed il-ħtiġijiet dejjem akbar għal konnettività b’kapaċità għolja ħafna. Sa tmiem dan id-deċennju, ċerti karatteristiċi u kapaċitajiet ġodda tal-komunikazzjoni diġitali bħall-midja olografika ta’ preċiżjoni kbira u s-sensi diġitali bin-networks, mistennija jipprovdu perspettiva għalkollox ġdida għal soċjetà attivata diġitalment li teżiġi konnettività tal-Gigabits. Ferm qabel jintemm id-deċennju, in-negozji se jkunu jeħtieġu konnessjonijiet tal-Gigabits u infrastrutturi tad-data ddedikati għall-cloud computing u għall-ipproċessar tad-data, bl-istess mod kif l-iskejjel u l-isptarijiet se jkunu jeħtieġu dan għall-edukazzjoni elettronika u għas-saħħa elettronika. Il-computing ta’ prestazzjoni għolja (HPC) jeħtieġ konnessjonijiet tat-Terabits biex ikun jista’ jsir ipproċessar tad-data f’ħin reali.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:

L-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jkunu koperti b’network tal-Gigabits, biż-żoni kollha popolati koperti bil-5G 16 .

It-tmexxija diġitali u l-kompetittività dinjija tal-Ewropa jiddependu fuq konnettività interna u esterna b’saħħitha u jenħtieġ jinfurmaw ukoll l-involviment internazzjonali tagħna, b’mod partikolari fiż-żoni tal-ħin Ewropej, filwaqt li jqisu l-ħolqien ta’ gateways tad-data fil-periferija tal-UE. L-UE għandha programm komprensiv ta’ involviment, inkluż l-iskjerament tal-broadband mas-sħab fil-Balkani tal-Punent u fis-Sħubija tal-Lvant. L-Ewropa se tkun ikkollegata mas-sħab tagħha fil-Viċinat u fl-Afrika, inkluż b’kejbils terrestri u sottomarini u b’kostellazzjoni sigura ta’ satelliti. Barra minn hekk, l-UE se żżid l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja permezz ta’ Sħubijiet ta’ Konnettività ġodda mal-Indja u mal-ASEAN. Is-Sħubija Diġitali mal-Amerka Latina u mal-Karibew se tikkumplimenta t-tnedija tal-komponent tal-konnettività tal-Alleanza Diġitali mal-Amerka Latina u mal-Karibew, abbażi tal-BELLA Cable.

Jekk il-konnessjoni tkun prekundizzjoni għat-trasformazzjoni diġitali, il-mikroproċessuri huma l-bidu ta’ ħafna mill-ktajjen ta’ valur strateġiċi ewlenin, bħall-karozzi konnessi, it-telefowns, l-Internet tal-Oġġetti, il-kompjuters ta’ prestazzjoni għolja, l-edge computers u l-Intelliġenza Artifiċjali. Filwaqt li l-Ewropa tfassal u timmanifattura ċ-ċipep ta’ livell għoli, hemm distakki importanti, l-aktar fit-teknoloġiji tal-manifattura mill-aktar avvanzati u fid-disinn taċ-ċipep, u dan jesponi lill-Ewropa għal għadd ta’ vulnerabbiltajiet 17 .

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:

Il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa, inkluż il-proċessuri, tkun mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija bħala valur (jiġifieri kapaċitajiet tal-manifattura inqas min-nodi tal-5nm, li jimmiraw għal 2nm, u 10 darbiet aktar effiċjenti fl-enerġija mil-lum) 18 .

Infrastrutturi diġitali li jaqdu liċ-ċittadini, lill-SMEs, lis-settur pubbliku u lill-kumpaniji l-kbar teħtieġ computing ta’ prestazzjoni għolja u infrastrutturi komprensivi tad-data. Illum, id-data ġġenerata fl-Ewropa, ħafna drabi tinħażen u tiġi pproċessata barra mill-Ewropa, u l-valur tagħha jiġi estratt ukoll barra mill-Ewropa 19 . Filwaqt li n-negozji li jiġġeneraw u jużaw id-data jenħtieġ iżommu għażla libera f’dan ir-rigward, dan jista’ joħloq riskji mil-lat ta’ ċibersigurtà, vulnerabbiltajiet tal-provvista, possibbiltajiet ta’ qlib, u aċċess illeċitu għad-data minn pajjiżi terzi. 20 Il-fornituri tal-cloud ibbażati fl-UE għandhom biss sehem żgħir mis-suq tal-cloud, u dan iħalli lill-UE esposta għal dawk ir-riskji u jillimita l-potenzjal ta’ investiment għall-industrija diġitali Ewropea fis-suq tal-ipproċessar tad-data. Barra minn hekk, minħabba l-impatt taċ-ċentri tad-data u tal-infrastrutturi tal-cloud fuq il-konsum tal-enerġija, l-UE jenħtieġ tkun pijunier f’dawn l-infrastrutturi b’newtralità klimatika u effiċjenti fl-enerġija sal-2030, filwaqt li tuża l-enerġija żejda tagħhom biex tgħin fit-tisħin tad-djar, tan-negozji u tal-ispazji pubbliċi. Bħala parti mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) mtejjeb, il-Kummissjoni se tintroduċi mekkaniżmi biex tkejjel l-effiċjenza enerġetika taċ-ċentri tad-data u tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika użati mill-kumpaniji Ewropej.

Kif tenfasizza l-istrateġija Ewropea tad-data, il-volum tad-data ġġenerata qed jiżdied ħafna u proporzjon dejjem akbar tad-data hu mistenni jiġi pproċessat fl-edge, eqreb tal-utenti u jkun fejn tiġi ġġenerata d-data. Din il-bidla teħtieġ l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji fundamentalment ġodda tal-ipproċessar tad-data, li jinkludu l-edge u li jmorru lil hinn mill-mudelli ta’ infrastruttura ċentralizzata bbażata fuq il-cloud. Biex tindirizza dawn ix-xejriet lejn żieda fid-distribuzzjoni u fid-deċentralizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data, u biex ixxejjen id-distakk tal-provvista tal-cloud xierqa li tissodisfa l-ħtiġijiet tan-negozji Ewropej u tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, l-Ewropa jeħtieġ issaħħaħ l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tal-cloud tagħha stess 21 .

Edge computing intelliġenti – applikazzjonijiet

-Għal monitoraġġ ta’ intersezzjonijiet perikolużi għall-vetturi awtonomi biex dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr perikli.

-Fl-hekk imsejħa “biedja intelliġenti”, bl-iskjerament ta’ kapaċità edge konnessa mal-makkinarju fl-azjendi agrikoli tkun tista’ tinġabar data agrikola f’ħin reali, jingħataw servizzi avvanzati lill-bdiewa bħat-tbassir tal-ħsad jew il-ġestjoni tal-azjendi agrikoli, u jiġu ottimizzati l-ktajjen tal-provvista tal-ikel.

-Fil-manifattura bħala servizz, il-kumpaniji tal-manifattura – l-aktar l-SMEs – ikun jista’ jkollhom aċċess lokali għal pjattaformi ta’ servizzi industrijali innovattivi bbażati fuq il-cloud, u għal swieq li jżidu l-viżibbiltà tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom.

-Data dwar is-saħħa u rekords tas-saħħa: ikunu jistgħu jsiru ġbir u aggregazzjoni tad-data dwar is-saħħa fil-livell lokali ferm aktar malajr (eż. fil-kuntest tal-pandemija).

-B’modernizzazzjoni tas-settur pubbliku, l-iskjerament tal-edge jipprovdi kapaċità tal-ipproċessar tad-data lill-amministrazzjoni pubblika lokali.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030: 

-Fl-UE jinfirxu 10,000 nodu tal-edge sigur ħafna b’newtralità klimatika 22 u b’mod li jiżgura aċċess għal servizzi tad-data b’latenza baxxa (fi ftit millisekondi) kull fejn ikunu jinsabu n-negozji.

Fil-fatt, l-ekosistemi tal-cloud u tal-edge ma jipprovdux il-benefiċċji kollha tagħhom lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej jekk ma tkunx disponibbli kapaċità tal-computing tal-aqwa livell. F’dan ir-rigward, se titħaffef il-kooperazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropea diġà stabbilita, biex tiġi skjerata infrastruttura tad-data tas-supercomputing u tal-computing kwantistiku federata fost l-aqwa fid-dinja.

Fl-istess ħin, l-UE trid tinvesti f’teknoloġiji kwantistiċi ġodda. L-UE jenħtieġ tkun fost l-aqwa fid-dinja fejn jidħol l-iżvilupp tal-kompjuters kwantistiċi li jkunu programmabbli u aċċessibbli għalkollox minn kullimkien fl-Ewropa, li jkunu effiċjenti ħafna fl-enerġija u li jkunu kapaċi jsolvu fi ftit sigħat dak li bħalissa jissolva f’mijiet ta’ ġranet, jekk mhux fi snin.

Ir-rivoluzzjoni tal-kwantum fl-għaxar snin li ġejjin se tkun bidla kbira fl-introduzzjoni u fl-użu tat-teknoloġiji diġitali. Fost l-eżempji tal-applikazzjonijiet possibbli hemm:

-    Is-saħħa: Bil-kompjuters kwantistiċi jsir żvilupp aktar mgħaġġel u effiċjenti tal-mediċini, bħal pereżempju s-simulazzjoni tal-ġisem tal-bniedem (“it-tewmi diġitali”) biex isiru provi virtwali tal-mediċini, jiġu żviluppati trattamenti personalizzati għall-kanċer; isir sekwenzar ġenomiku ferm aktar mgħaġġel, u oħrajn.

-    Żieda fis-sigurtà tal-komunikazzjoni u t-trasferimenti tad-data: Is-sistemi siguri kwantistiċi tal-komunikazzjoni jistgħu jipproteġu l-komunikazzjonijiet sensittivi, is-sistemi tal-votazzjoni online u t-tranżazzjonijiet finanzjarji, jiżguraw il-ħżin fit-tul ta’ data sensittiva relatata mas-saħħa u mas-sigurtà nazzjonali, u jipproteġu l-infrastruttura kritika tal-komunikazzjoni.

-    Monitoraġġ aħjar tar-riżorsi: Is-sensuri tal-gravità kwantistiċi bbażati fid-dinja jew installati f’satelliti fl-ispazju se jkejlu l-kampijiet gravitazzjonali u b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati ostakli, ċedimenti tal-art u riżorsi tal-ilma taħt l-art u li jiġu mmonitorjati l-fenomeni naturali bħall-attività volkanika.

-    In-negozji/l-ambjent: Il-kompjuters kwantistiċi se jottimizzaw l-użu tal-algoritmi li jsolvu problemi kumplessi ħafna ta’ loġistika u skedar, u dawn jiffrankaw il-ħin u l-fjuwil, jew isibu l-orħos kombinament ta’ sorsi rinnovabbli għall-forniment ta’ grilja enerġetika.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2025:

L-Ewropa jkollha l-ewwel kompjuter b’aċċellerazzjoni kwantistika li jwitti t-triq biex l-Ewropa tkun mill-aktar avvanzata fil-kapaċitajiet kwantistiċi sal-2030.

3.3.    Trasformazzjoni diġitali tan-negozji

Tul il-pandemija tal-COVID-19, bosta negozji bdew jużaw ċertu teknoloġiji diġitali. Sal-2030, aktar minn sempliċi faċilitaturi, it-teknoloġiji diġitali inkluż il-5G, l-Internet tal-Oġġetti, l-edge computing, l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika u r-realtà awmentata se jkunu fil-qalba tal-prodotti ġodda, tal-proċessi ġodda tal-manifattura u tal-mudelli kummerċjali ġodda, abbażi ta’ kondiviżjoni ġusta tad-data fl-ekonomija tad-data. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni mingħajr dewmien tal-proposti tal-Kummissjoni għas-Suq Uniku Diġitali u l-istrateġiji biex Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa 23 se jsaħħu t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u se jiżguraw ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva. Dan jeħtieġ jitqabbel b’ekwità ma’ barra mill-Unjoni.

It-trasformazzjoni tan-negozji se tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li jadottaw teknoloġiji diġitali ġodda malajr u b’mod estensiv, inkluż fl-ekosistemi industrijali u tas-servizzi li għadhom lura. L-appoġġ tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-Suq Uniku, l-Ewropa Diġitali u l-programmi ta’ Koeżjoni, se jippromwovi l-iskjerament u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali, fosthom spazji tad-data industrijali, qawwa komputazzjonali, standards miftuħa, u faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni.

In-negozji jenħtieġ jitħeġġu jadottaw teknoloġiji u prodotti diġitali b’inqas impronta ambjentali u b’aktar effiċjenza enerġetika u tal-materjali. It-teknoloġiji diġitali jridu jiġu skjerati malajr ħalli jsir użu aktar intensiv u effiċjenti tar-riżorsi. B’hekk, it-tisħiħ tal-produttività materjali tal-Ewropa se jnaqqas il-kostijiet tal-input tal-manifattura u anki l-vulnerabbiltà tagħna għal xokkijiet fil-provvista.

Il-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali għal ħames ekosistemi ewlenin 24

-Il-manifattura: bis-saħħa tal-konnettività tal-5G, l-apparati fil-fabbriki se jkunu ferm aktar konnessi u jiġbru d-data industrijali. L-Intelliġenza Artifiċjali se tagħti struzzjonijiet lir-robots f’ħin reali u b’hekk dawn se jkunu dejjem aktar kollaborattivi, u jtejbu l-impjiegi, is-sikurezza, il-produttività u l-benesseri tal-ħaddiema. Il-manifatturi se jkunu jistgħu jtejbu l-manutenzjoni mbassra u jipproduċu skont id-domanda u skont il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, mingħajr ħażniet, bis-saħħa tat-tewmin diġitali, materjali ġodda u l-istampar 3D.

-Is-saħħa: aktar interazzjoni online, b’servizzi “mingħajr karti”, bi trażmissjoni elettronika u b’aċċess għal data minflok għal reġistrazzjonijiet stampati, u l-awtomatizzazzjoni jistgħu joħolqu benefiċċji sa EUR 120 biljun fis-sena fl-Ewropa.

-Il-kostruzzjoni: bl-inqas żvilupp fil-produttività minn fost is-setturi ewlenin kollha fl-aħħar 20 sena. 70 % tal-eżekuttivi tal-kostruzzjoni semmew it-teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni u d-diġitalizzazzjoni bħala l-fatturi tal-bidla fis-settur.

-L-agrikoltura: Bit-teknoloġiji tal-biedja diġitali, is-settur agrikolu jkun jista’ jipproduċi b’mod aktar effiċjenti u skont il-ħtieġa, u b’hekk jissaħħu l-prestazzjoni fis-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur. L-agrikoltura ssemmiet fost is-setturi ewlenin partikolari li, permezz tas-soluzzjonijiet diġitali, jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet dinjin tal-gassijiet serra u l-użu tal-pestiċidi.

-Il-mobbiltà: is-soluzzjonijiet diġitali għal mobilità konnessa u awtomatizzata għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku, itejbu l-kwalità tal-ħajja, u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport, fosthom fir-rigward tal-impronta ambjentali tagħhom.

Jenħtieġ tingħata attenzjoni speċifika lill-aktar innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela. L-Ewropa diġà qed tikkrea negozji ġodda daqs l-Istati Uniti, iżda jeħtieġ toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli u Suq Uniku li jiffunzjona tassew għal tkabbir u espansjoni rapidi 25 . L-Ewropa għandha bosta għodod 26 għad-dispożizzjoni tagħha, iżda d-distakk fl-investiment għal finanzjament tat-tkabbir ta’ negozji ġodda bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa u anki bejn l-UE u ċ-Ċina għadhom konsiderevoli. L-UE diġà ħolqot għadd ta’ “unicorns” iżda hemm lok għal titjib. L-iżvilupp ta’ Standard ta’ Eċċellenza tan-Nazzjonijiet għan-Negozji l-Ġodda jista’ jgħin biex jiġi ffaċilitat it-tkabbir transfruntier, inkluż iż-żieda fl-aċċess għal finanzjament lin-negozji li qed jespandu 27 .

L-SMEs jaqdu rwol ċentrali f’din it-tranżizzjoni, mhux biss għax jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-UE iżda anki għax huma sors kritiku ta’ innovazzjoni 28 . Bl-appoġġ lil aktar minn 200 Ċentru tal-Innovazzjoni Diġitali u raggruppament industrijali, sal-2030, l-SMEs ikollhom l-opportunità jaċċessaw faċilment it-teknoloġiji diġitali jew d-data, u skont termini ġusti, permezz ta’ regolamentazzjoni xierqa, u jibbenefikaw minn appoġġ adegwat biex jiddiġitalizzaw. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li aktar minn 200 Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni Diġitali u raggruppament industrijali madwar l-UE jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs innovattivi u anki tal-SMEs mhux diġitali, u li jikkollegaw lill-fornituri diġitali mal-ekosistemi lokali. L-objettiv hu li jinkiseb livell għoli ta’ intensità diġitali, u li ma jitħalla ħadd barra. Il-Kummissjoni se taġġorna l-Istrateġija Industrijali tagħha, anki bil-għan li tħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-ekosistemi industrijali b’appoġġ għall-miri tal-2030.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:

-    75 % tal-intrapriżi Ewropej ħadu servizzi tal-cloud computing, tal-Big Data u tal-Intelliġenza Artifiċjali;

-    Aktar minn 90 % tal-SMEs Ewropej jilħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali 29 ;

-    L-Ewropa żżid il-firxa tan-negozji innovattivi tagħha li qed jespandu u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, biex jirdoppja l-għadd ta’ unicorns 30 fl-Ewropa.

3.4.    Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Sal-2030, l-objettiv tal-UE hu li tiżgura li l-ħajja demokratika u s-servizzi pubbliċi online jkunu aċċessibbli għalkollox għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà, u jinkiseb ambjent diġitali tal-aqwa kwalità li jipprovdi servizzi u għodod faċli biex jintużaw, effiċjenti u personalizzati bi standards għoljin ta’ sigurtà u privatezza. Votazzjoni elettronika sigura tħeġġeġ aktar parteċipazzjoni pubblika fil-ħajja demokratika. B’servizzi faċli għall-utenti, iċ-ċittadini ta’ kull età u n-negozji ta’ kull daqs ikunu jistgħu jinfluwenzaw id-direzzjoni u l-eżiti tal-attivitajiet governattivi b’aktar effiċjenza u jtejbu s-servizzi pubbliċi. Il-gvern bħala pjattaforma, bħala mod ġdid kif jingħataw is-servizzi pubbliċi diġitali, jipprovdi aċċess ħolistiku u faċli għas-servizzi pubbliċi b’interazzjoni bla xkiel ta’ kapaċitajiet avvanzati, bħall-ipproċessar tad-data, l-IA u r-realtà virtwali. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiżdied il-gwadann fil-produttività tan-negozji Ewropej, bis-saħħa ta’ servizzi aktar effiċjenti li jkunu diġitali b’mod awtomatiku 31 u jservi wkoll ta’ mudell li jinċentiva lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs, favur aktar diġitalizzazzjoni.

Iżda d-distakk biex titwettaq din il-viżjoni għadu sinifikanti. Minkejja li żdied l-użu tas-servizzi pubbliċi online, is-servizzi diġitali pprovduti ħafna darbi jkunu bażiċi eż. il-mili tal-formoli. L-Ewropa trid tisfrutta d-diġitalizzazzjoni biex tixpruna bidla fundamentali fil-mod kif iċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet demokratiċi jinteraġixxu flimkien, filwaqt li tiżgura l-interoperabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern u fis-servizzi pubbliċi 32 .

It-telemediċina

Tul il-pandemija, il-konsultazzjonijiet tat-telemediċina żdiedu f’xahar aktar milli żdiedu f’għaxar snin, u għaldaqstant dan għen biex jonqsu l-kjuwijiet fl-isptarijiet u l-pazjenti jibqgħu f’saħħithom 33 . Il-possibbiltà li ċ-ċittadini Ewropej jaċċessaw ir-rekords elettroniċi tas-saħħa (EHR) tagħhom madwar l-UE u li jikkontrollaw l-aċċess għalihom jenħtieġ tittejjeb ħafna sal-2030, abbażi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa, interoperabbiltà, l-iżvilupp tal-infrastruttura sigura, u bit-teħid ta’ azzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni pubblika tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar is-saħħa mal-komunità medika.

L-identità diġitali Ewropea: il-gvern fil-pala ta’ idejk

Jenħtieġ li sal-2030, il-qafas tal-UE jirnexxilu jwettaq skjerament wiesa’ ta’ identità affidabbli u kkontrollata mill-utent ħalli kull ċittadin ikun jista’ jikkontrolla l-interazzjonijiet u l-preżenza online tiegħu stess. L-utenti jkunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-servizzi online faċilment u madwar l-UE filwaqt li jħarsu l-privatezza tagħhom.

Xi komunitajiet tal-UE qed jiżviluppaw ukoll pjattaformi tad-data intelliġenti li jintegraw id-data f’setturi u fi bliet differenti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħhom. Fi żmienna, ħafna mis-servizzi diġitali offruti fuq dawn il-pjattaformi huma limitati għal servizzi bażiċi, bħall-parkeġġ intelliġenti, it-tidwil intelliġenti jew it-telematika tat-trasport pubbliku. Id-diġitalizzazzjoni taqdi rwol ewlieni wkoll fl-iżvilupp tal-hekk imsejħa “irħula intelliġenti”, jiġifieri komunitajiet f’żoni rurali li jużaw soluzzjonijiet innovattivi biex itejbu r-reżiljenza tagħhom abbażi tal-potenzjal u tal-opportunitajiet lokali.

Il-pjattaformi fil-komunitajiet rurali u urbani se jitħaddmu b’teknoloġiji diġitali u joffru servizzi bħal sistemi tat-trasport intelliġenti multimodali, assistenza ta’ emerġenza f’każ ta’ inċidenti, soluzzjonijiet aktar immirati għall-immaniġġjar tal-iskart, il-ġestjoni tat-traffiku, l-ippjanar urban, l-enerġija intelliġenti u soluzzjonijiet tat-tidwil, l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi, u oħrajn. L-użu tal-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku 34 jista’ jagħti spinta lid-domanda għal trasformazzjoni diġitali ekoloġika.

It-trasformazzjoni diġitali jenħtieġ tippermetti wkoll sistemi ġudizzjarji moderni u effiċjenti 35 , infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi u aktar effettività tal-azzjoni pubblika, inkluż tal-infurzar tal-liġi u tal-kapaċitajiet tal-investigazzjoni 36 – dak li hu illegali offline hu illegali wkoll online, u l-infurzar tal-liġi jrid ikun attrezzat bl-aqwa mod biex jittratta reati kriminali diġitali aktar u aktar sofistikati.

Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:

·Forniment online tas-servizzi pubbliċi ewlenin kollha disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

·Iċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess għar-rekords mediċi (rekords elettroniċi);

·80 % taċ-ċittadini se jużaw soluzzjoni tal-ID diġitali.

4.    Ċittadinanza Diġitali

L-użu ta’ infrastrutturi, ħiliet u kapaċitajiet diġitali u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi waħedhom mhux biżżejjed biex jiġi definit l-approċċ tal-UE għall-futur diġitali tagħha; dan hu meħtieġ ukoll biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet u t-teknoloġiji diġitali. Fl-ispazju diġitali, jeħtieġ niżguraw li d-drittijiet li japplikaw offline ikunu jistgħu jiġu eżerċitati bis-sħiħ online.

Għal awtonomizzazzjoni sħiħa, in-nies qabelxejn jenħtieġ ikollhom aċċess għal konnettività affordabbli, sigura u ta’ kwalità għolja, ikunu jistgħu jiksbu ħiliet diġitali bażiċi – li jenħtieġ isiru dritt għal kulħadd – u jkollhom mezzi oħra li flimkien jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjetali tal-lum u tal-ġejjieni. Jeħtieġ ukoll ikollhom aċċess faċli għas-servizzi pubbliċi diġitali, abbażi ta’ identità diġitali universali, u aċċess għas-servizzi tas-saħħa diġitali. In-nies jenħtieġ ikollhom aċċess nondiskriminatorju għas-servizzi online u tħaddim fil-prattika ta’ ċerti prinċipji, bħal spazji diġitali siguri u fdati, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f’ambjent tax-xogħol remot, il-protezzjoni tal-minorenni, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiku etiku.

Barra minn hekk, it-teknoloġiji u s-servizzi diġitali li jużaw in-nies iridu jkunu konformi mal-qafas ġuridiku applikabbli u jirrispettaw id-drittijiet u l-valuri li huma parti intrinsika mill-“mod Ewropew”. Barra minn hekk, l-ambjent diġitali sigur u miftuħ, u bil-bniedem fiċ-ċentru tiegħu, jenħtieġ jikkonforma mal-liġi iżda jippermetti wkoll li n-nies jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, bħad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-konsumaturi.

Il-prinċipji diġitali huma minquxa fil-liġi primarja tal-UE, b’mod partikolari fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġuriżprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni sekondarja 37 .

Dan l-approċċ Ewropew għas-soċjetà diġitali jenħtieġ jirfed u jappoġġa wkoll inizjattivi ta’ demokrazija miftuħa billi jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ politika inklużiva, jippermetti l-involviment wiesa’ tan-nies u jistimula azzjoni fil-livell taċ-ċittadini biex jitwettqu inizjattivi lokali li jservu ta’ mutur għal titjib fl-aċċettazzjoni soċjali u fl-appoġġ pubbliku għal deċiżjonijiet demokratiċi.

Dan l-approċċ Ewropew għas-soċjetà diġitali hu bbażat ukoll fuq l-iżgurar tar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-UE:

·Il-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għal informazzjoni diversa, affidabbli u trasparenti;

·Il-libertà li jiġi stabbilit u jitwettaq negozju online;

·Il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, u d-dritt ta’ tnessija;

·Il-protezzjoni tal-ħolqien intellettwali tal-individwi fl-ispazju online.

Hu daqstant ieħor importanti li jiġi stabbilit sett komprensiv ta’ prinċipji diġitali li jippermettu l-għarfien lill-utenti u li jservu ta’ gwida għal dawk li jfasslu l-politika u għall-operaturi diġitali fosthom:

·Aċċess universali għal servizzi tal-internet;

·Ambjent online sigur u affidabbli;

·Edukazzjoni u ħiliet diġitali universali għan-nies biex jieħdu sehem attiv fis-soċjetà u fil-proċessi demokratiċi;

·Aċċess għal sistemi u apparati diġitali li jirrispettaw l-ambjent;

·Amministrazzjoni u servizzi pubbliċi diġitali li jkunu aċċessibbli u bil-bniedem fiċ-ċentru tagħhom;

·Prinċipji etiċi għal algoritmi bil-bniedem fiċ-ċentru tagħhom;

·Protezzjoni u awtonomizzazzjoni tat-tfal fl-ispazju online;

·Aċċess għal servizzi tas-saħħa diġitali.

Il-Kummissjoni se tipproponi li tinkludi sett ta’ prinċipji u drittijiet diġitali bħal dan f’dikjarazzjoni solenni interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni Ewropea, u li tibni fuq l-esperjenza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikkumplimentaha.

Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq eżerċizzju annwali tal-Ewrobarometru ddedikat b’mod speċifiku għall-monitoraġġ tal-perċezzjoni tal-Ewropej fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet u tal-valuri tagħhom, u sa liema punt iħossu li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tagħna qed isservihom.

5.    Kumpass biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-2030

Biex titwettaq l-ambizzjoni mġedda tal-UE għad-diġitalizzazzjoni, hemm bżonn qafas sod. Dan jenħtieġ jinkludi l-viżjoni tagħna msejsa fuq l-erba’ punti fundamentali, il-prinċipji diġitali u l-indirizzar tal-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi.

Kumpass Diġitali
Struttura ta’ governanza b’rapportar u b’segwitu annwali

Il-kisba tal-objettivi konkreti fl-erba’ punti fundamentali 38

It-tiswir u t-tnedija ta’ proġetti multinazzjonali 39

Monitoraġġ tal-Prinċipji Diġitali

Segwiti b’KPIs kwantitattivi, b’rapportar dwar l-azzjonijiet imwettqa u b’rakkomandazzjonijiet

Il-monitoraġġ tal-infrastruttura u tal-lakuni tal-kapaċitajiet kritiċi. Il-ħolqien ta’ kunsens / it-trawwim ta’ ftehim dwar proġetti komuni u ffaċilitar tal-implimentazzjoni tagħhom

Rapportar u tabelli ta’ valutazzjoni

Ewrobarometru Annwali

5.1.Governanza

Mil-lat operazzjonali, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi Kumpass Diġitali fl-għamla ta’ programm ta’ politika diġitali 40 li jrid jiġi adottat permezz ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex issir enfasi fuq it-twettiq u l-impenn kostanti tal-għanijiet diġitali komuni. Il-programm ikollu l-aspetti li ġejjin:

-Sett ta’ objettivi konkreti għal kull wieħed mill-erba’ punti fundamentali kif propost fit-Taqsima 3.

-Sistema ta’ monitoraġġ li tkejjel il-progress tal-UE skont il-miri ewlenin għall-2030 (it-Taqsima 3 u l-Anness) u l-prinċipji diġitali (it-Taqsima 4), li tivvaluta wkoll l-oqsma b’nuqqas ta’ żvilupp biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri, inkluż pereżempju nuqqas ta’ azzjoni jew implimentazzjoni mhux kompluta ta’ proposti regolatorji ewlenin 41 . L-indikaturi sottostanti għall-monitoraġġ tal-miri fil-livell tal-UE u x-xejriet tad-diġitalizzazzjoni fil-livell nazzjonali se jkunu parti minn rapportar imtejjeb tad-DESI biex jiġu allinjati u sfruttati l-proċessi u l-metodoloġiji eżistenti 42 .

-Il-Kummissjoni Ewropea se tkun responsabbli għall-analiżi u għar-rapportar ġenerali dwar il-progress fil-livell Ewropew. Dan ir-rapportar se jipprovdi ħarsa ġenerali u analiżi tas-sitwazzjoni u juri d-distakk li jkun għad fadal lejn il-miri tad-deċennju diġitali (ara bħala eżempju l-graff hawn taħt). L-għan aħħari hu li jiġu identifikati l-oqsma li għadhom lura u kif in-nuqqasijiet identifikati jistgħu jiġu indirizzati b’miżuri u b’rakkomandazzjonijiet fil-livell Ewropew u/jew nazzjonali.

Kemm ninsabu ’l bogħod mill-miri tal-2030 li jippermettu soċjetà diġitali inklużiva u sostenibbli?

Skont l-analiżi, il-Kummissjoni se tippubblika r-Rapport dwar l-Istat Ewropew tad-Deċennju Diġitali kull sena lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, biex tirrapporta dwar il-progress lejn il-viżjoni tal-2030 u l-punti, il-miri u l-prinċipji fundamentali korrispondenti, u dwar l-istat aktar ġenerali tal-konformità ma’ dawn l-objettivi, b’punteġġ bl-għamla ta’ “dwal tat-traffiku”. Ir-rapport se jgħarrafna dwar id-devjazzjonijiet mill-għanijiet u l-prinċipji diġitali komuni tal-UE għall-2030 u jidentifika distakki fl-investiment. Ir-Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali, bħala rapport uniku dwar il-progress fis-settur diġitali, se jikkontribwixxi wkoll għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, u se jkun allinjat mal-proċess tal-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza.

Ir-Rapport se jixpruna analiżi kollaborattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġu identifikati soluzzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqasijiet u biex jiġu proposti azzjonijiet immirati għal rimedji effettivi. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa biex b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri twettaq segwitu operazzjonali u tipprovdi rakkomandazzjonijiet. Dawn jistgħu jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni regolatorja 43 jew il-ħtieġa għal intervent pubbliku biex jitrawmu investimenti addizzjonali fit-teknoloġiji u fil-kapaċitajiet diġitali, eż. permezz tal-iżvilupp ta’ Proġetti Multinazzjonali.

Il-programm ta’ politika se jistabbilixxi mekkaniżmu li permezz tiegħu, il-Kummissjoni tkun tista’ tinvolvi ruħha b’kooperazzjoni u b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex isiru impenji konġunti u jitwettqu miżuri possibbli fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, filwaqt li titqies ukoll l-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi diġitali oħra. Barra minn hekk, il-programm ta’ politika se jkun opportunità għall-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha mal-Istati Membri ħalli jinħolqu u jissoktaw Proġetti Multinazzjonali, kif deskritt hawn taħt.

Filwaqt li l-enfasi tkun fuq il-kooperazzjoni u fuq il-koordinazzjoni mal-Istati Membri, biex il-governanza tkun effettiva, l-atturi ekonomiċi u soċjetali kollha jeħtieġ ikollhom fiduċja profonda sew fit-twettiq. Din hi kundizzjoni ewlenija biex tirnexxi l-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-UE, u għalhekk il-Kumpass se jkun soġġett għal konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonernati rilevanti.

5.2.Proġetti Multinazzjonali

Biex titwettaq il-viżjoni Ewropea għad-Deċennju Diġitali, neħtieġu kapaċitajiet diġitali fl-erba’ oqsma tal-Kumpass Diġitali, li jistgħu jitwettqu biss jekk l-Istati Membri u l-UE jikkondividu r-riżorsi. Għall-proġetti teknoloġiċi l-kbar li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa, hemm bżonn jitħaddem approċċ Ewropew għall-bini tal-kapaċitajiet diġitali. Għal kapaċitajiet Ewropej mill-aktar avvanzati neħtieġu massa kritika ta’ finanzjament u allinjament mill-atturi kollha.

Il-Kunsill Ewropew appella li jissaħħu iżjed is-sinerġiji bejn l-użu tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali fir-rigward ta’ proġetti teknoloġiċi ewlenin bħal dawn. Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jirrikonoxxu l-opportunità li jinħolqu Proġetti Multinazzjonali li jlaqqgħu investimenti minn diversi pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Barra minn hekk, jenħtieġ titħejja azzjoni għal perjodu itwal ta’ żmien, biex tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni tal-investimenti mill-baġit tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija.

Id-direzzjonijiet possibbli għall-Proġetti Multinazzjonali diġà ġew diskussi mal-Istati Membri bħala parti mit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, permezz tal-inizjattivi ewlenin Konnessjoni, Espansjoni, Modernizzazzjoni u Taħriġ mill-ġdid u Titjib tal-ħiliet. Il-Kummissjoni offriet appoġġ operazzjonali u ħeġġet lill-Istati Membri biex jużaw finanzjament mill-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiġbdu ħabel wieħed u jappoġġaw Proġetti Multinazzjonali bħal dawn.

Proġetti diġitali multinazzjonali diskussi s’issa mal-Istati Membri permezz tal-RRF 44 :

-Nibnu infrastruttura tal-ipproċessar tad-data interkonnessa pan-Ewropea komuni u bi skopijiet multipli, li tintuża f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali biex jiġu żviluppati kapaċitajiet edge f’ħin reali (latenza baxxa ħafna) li jaqdu l-ħtiġijiet tal-utenti finali qrib fejn tiġi ġġenerata d-data (jiġifieri fit-truf tan-networks tat-telekomunikazzjoni), jitfasslu pjattaformi tal-middleware siguri, b’konsum baxx tal-enerġija u interoperabbli għal użi settorjali, u li jippermettu skambju u kondiviżjoni faċli tad-data, b’mod partikolari għall-Ispazji Komuni Ewropej tad-Data;

-L-UE tikseb kapaċitajiet fid-disinn u fl-iskjerament tal-elettronika ta’ proċessuri fdati tal-ġenerazzjoni li jmiss b’konsum baxx tal-enerġija u b’komponenti elettroniċi oħra li huma meħtieġa biex iħaddmu l-infrastruttura diġitali kritika, is-sistemi tal-IA u n-networks tal-komunikazzjoni tagħha;

-L-iskjerament pan-Ewropew ta’ kurituri tal-5G għal operazzjonijiet ferrovjarji diġitali avvanzati u għal Mobbiltà Konnessa u Awtomatizzata, li jikkontribwixxu għall-objettivi tas-sikurezza fit-toroq u tal-patt ekoloġiku;

-L-akkwiżizzjoni ta’ supercomputers u kompjuters kwantistiċi, konnessi man-network tal-komunikazzjoni EuroHPC b’wisa’ estrema tal-banda, investiment u kooperazzjoni fi pjattaformi tal-applikazzjoni fuq skala kbira li jeħtieġu superkomputazzjoni (eż. fis-saħħa, fit-tbassir tad-diżastri) u fiċ-ċentri ta’ kompetenza nazzjonali tal-HPC, u ħiliet fl-HPC u Kwanitistiċi;

-L-iżvilupp u l-iskjerament ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni kwantistika ultrasigura li tkopri lill-UE kollha, biex tiżdied b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-komunikazzjoni u tal-ħżin ta’ assi tad-data sensittiva madwar l-UE kollha, inkluż ta’ infrastrutturi kritiċi;

-L-iskjerament ta’ network ta’ Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà, li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali u li jkun kapaċi jidentifika sinjali ta’ attakk ċibernetiku minn kmieni biżżejjed, u li jippermetti azzjoni proattiva, biex jitjiebu t-tħejjija u r-rispons konġunti għar-riskji fil-livell nazzjonali u tal-UE;

-Amministrazzjoni Pubblika Konnessa: mibnija b’mod kumplimentari u f’sinerġija mal-qafas tal-eIDAS u li toffri Identità Diġitali Ewropea volontarja għal aċċess u użu tas-servizzi diġitali online mis-setturi pubbliċi u privati, b’mod li jtejjeb il-privatezza u f’konformità sħiħa mal-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data; Tinbena sistema ta’ darba biss li tippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali jiskambjaw data u evidenza bejn il-fruntieri, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali u d-drittijiet fundamentali;

-Infrastruttura għas-Servizzi Ewropej tal-Blockchain: bl-iżvilupp, bl-iskjerament u bit-tħaddim ta’ infrastruttura pan-Ewropea bbażata fuq il-blockchain li hija ekoloġika, sigura, f’konformità sħiħa mal-valuri tal-UE u mal-qafas ġurifiku tal-UE, li tagħmel il-fornimenti transfruntieri u nazzjonali/lokali tas-servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u affidabbli u tippromwovi mudelli kummerċjali ġodda;

-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea bit-tlestija ta’ network madwar l-UE ta’ “Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali” (EDIHs), li jkunu “punti uniċi ta’ servizz” biex l-SMEs ikollhom għarfien espert tekniku, opportunitajiet biex “jittestjaw qabel jinvestu”, pariri ta’ finanzjament, taħriġ u aktar;

-Sħubijiet ta’ teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali permezz tal-Patt għall-Ħiliet: fl-ekosistemi industrijali, fir-reġjuni u fl-Istati Membri kollha hemm skarsezzi dejjem akbar ta’ speċjalisti fl-ICT. Biex jixxejnu dawn in-nuqqasijiet, tista’ tiġi stabbilita sħubija tal-ħiliet fuq skala kbira bejn diversi partijiet ikkonċernati ħalli jinbena pont bejn id-domanda u l-provvista, jitrawwem investiment privat u pubbliku akbar, tiżdied il-kwantità u l-kwalità tal-offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ speċjalizzati u tingħata spinta lill-eċċellenza fl-edukazzjoni ogħla u fl-istituzzjonijiet tal-VET, biex isiru aktar attraenti u jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol f’termini diġitali.

Il-Kummissjoni impenjata li tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali, inkluż permezz tal-RRF, u bi djalogu msaħħaħ mal-Istati Membri, inkluż permezz ta’ qafas ta’ governanza flessibbli. 

S’issa ntużaw varjetà ta’ mekkaniżmi 45 għal proġetti u investimenti differenti, li wrew diskrepanza fis-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni li jikkombina l-finanzjament tal-Istati Membri, il-baġit tal-UE u l-investiment privat għall-finijiet tal-iskjerament u tat-tħaddim ta’ infrastrutturi u servizzi ta’ interess komuni, barra mill-qasam tar-riċerka.

B’mod partikolari, biex ikollna mekkaniżmu effiċjenti għall-iskjerament u t-tħaddim tal-proġetti multinazzjonali diġitali (u possibbilment anki għal proġetti f’oqsma oħra), hemm bżonn jiġu kkombinati għadd ta’ elementi:

·il-possibbiltà li dawn jiġu stabbiliti malajr u b’mod flessibbli, filwaqt li jkun żgurat li jibqgħu miftuħin għall-Istati Membri interessati kollha;

·arranġamenti standard li jirregolaw kwistjonijiet komuni bħas-sjieda u l-ġestjoni tad-data, inkluż ir-rwol tal-Kummissjoni li tiżgura ftuħ, allinjament mal-prijoritajiet u r-regolamenti miftiehma tal-UE, inkluż regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, u l-koordinazzjoni mal-programmi u l-politiki tal-UE;

·l-iffaċilitar tal-kombinament tal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali, u l-kumplimentarjetà u l-kombinament tad-diversi sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li jinħolqu inċentivi biex jiġu attirati investimenti privati;

·il-kapaċità legali ta’ akkwist u tħaddim ta’ infrastrutturi multinazzjonali u servizzi pan-Ewropej ta’ interess pubbliku, li jmorru lil hinn mir-riċerka u li jiffaċilitaw in-newtralità tal-bejjiegħa.

Biex toffri soluzzjoni effiċjenti u tinċentiva lill-Istati Membri jaħdmu flimkien fi Proġetti Multinazzjonali, filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet miksuba, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti permezz tal-RRF, il-Kummissjoni qed tivvaluta alternattivi, bħall-fattibbiltà u l-karatteristiċi ta’ strument speċifiku għal Proġetti Multinazzjonali, bħala parti minn proposta futura għall-Programm ta’ Politika Diġitali.

Il-Kumpass Diġitali: għodda ġdida biex tidderieġi d-Deċennju Diġitali

Il-Kummissjoni se tipproponi Kumpass Diġitali fil-forma ta’ programm ta’ politika li jrid jiġi adottat permezz ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan il-Kumpass Diġitali se jinkludi:

(I)miri konkreti biex titwettaq il-viżjoni tagħna tal-erba’ punti fundamentali mkejla fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni abbażi ta’ DESI imtejjeb,

(II)struttura ta’ governanza li tinkludi rapportar annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn id-Deċennju Diġitali li jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu limitati devjazzjonijiet mill-kisba tal-għanijiet,

(III)monitoraġġ tal-prinċipji diġitali approvati fid-dikjarazzjoni interistituzzjonali, u

(IV)mekkaniżmu biex jiġu organizzati Proġetti Multinazzjonali mal-Istati Membri skont il-ħtieġa biex titwettaq it-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa f’oqsma kritiċi.

6.    Sħubijiet Internazzjonali għad-Deċennju Diġitali

Għarafna li l-grad tad-diġitalizzazzjoni ta’ ekonomija jew ta’ soċjetà mhux biss hu bażi kritika tar-reżiljenza ekonomika u soċjetali, iżda hu wkoll fattur fl-influwenza dinjija. Il-pandemija ħarġet fid-dieher kemm il-politika diġitali qatt mhi newtrali fir-rigward tal-valuri, u għalhekk issa, fil-kuntest ta’ bosta mudelli kompetituri offruti, l-UE tista’ tippromwovi l-viżjoni pożittiva tagħha, bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, għal ekonomija u soċjetà diġitali.

Biex jirnexxi d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa, se nibnu sħubijiet diġitali internazzjonali sodi li jaqblu mal-erba’ pilastri tal-Kumpass tagħna: il-ħiliet, l-infrastrutturi, it-trasformazzjoni tan-negozji u t-trasformazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Dawn se jsaħħu l-kapaċità tal-UE li tafferma l-interessi tagħha stess u tipprovdi soluzzjonijiet ġenerali filwaqt li tiġġieled kontra prattiki inġusti u abbużivi u tiżgura s-sigurtà u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista diġitali tal-UE.

Il-punt tat-tluq tal-UE hu ekonomija diġitali miftuħa, u bbażata fuq il-fluss tal-investimenti u fuq l-innovazzjoni bħala xprun tal-prosperità. Fl-istess ħin, l-UE se tippromwovi bis-sħiħ l-interessi u l-valuri ewlenin tagħna, permezz ta’ tliet prinċipji ġenerali: kundizzjonijiet ekwi fis-swieq diġitali, spazju ċibernetiku sigur, u ż-żamma tad-drittijiet fundamentali online.

Il-politika u l-ftehimiet kummerċjali se jaqdu rwol vitali f’dan ir-rigward billi jistabbilixxu r-regoli ġenerali u bilaterali għall-kummerċ diġitali b’mod miftuħ iżda assertiv, abbażi tal-valuri Ewropej. Bħala parti ċentrali mir-relazzjoni transatlantika mġedda, l-UE pproponiet li jiġi stabbilit Kunsill ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, biex tkompli tissaħħaħ is-sħubija tagħna fil-kummerċ u fl-investiment, tiżdied it-tmexxija teknoloġika u industrijali konġunta tagħna, jinħolqu standards kompatibbli, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tar-riċerka, titħeġġeġ kompetizzjoni ġusta u tkun żgurata s-sigurtà ta’ ktajjen tal-provvista kritiċi.

L-UE hi attur ewlieni f’fora multilaterali u promotur ta’ multilateraliżmu inklużiv fejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja u partijiet ikkonċernati oħra jaħdmu flimkien. Fora bħal dawn jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-ekonomija diġitali madwar id-dinja, bħal fil-każ tan-negozjati dwar regoli ġodda tal-kummerċ elettroniku fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-UE se taħdem b’mod attiv u assertiv fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali biex tippromwovi l-viżjoni tagħha ta’ diġitalizzazzjoni bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha u ma’ sħab tal-istess fehma. Dan l-approċċ ikkoordinat jenħtieġ jiddefendi b’mod speċjali l-użu ta’ teknoloġija li jkun jaqbel għalkollox mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Is-sħubijiet diġitali internazzjonali tal-UE se jkunu sostnuti b’sett ta’ għodod imsejjes fuq il-kombinament ta’ kooperazzjoni regolatorja li tindirizza l-bini tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet, investiment f’kooperazzjoni internazzjonali u sħubijiet ta’ riċerka. Għal dak il-għan se jintuża programm dejjem akbar ta’ djalogi bilaterali:

·Is-sħubijiet diġitali internazzjonali tal-UE se jippromwovu allinjament jew konverġenza man-normi u mal-istandards regolatorji tal-UE fuq kwistjonijiet bħall-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-flussi tad-data, l-użu etiku tal-IA, iċ-ċibersigurtà u l-fiduċja, l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-kontenut illegali online, l-iżgurar tal-governanza tal-internet, u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ finanzi diġitali u gvernijiet elettroniċi. L-UE se tikkontribwixxi wkoll għal soluzzjonijiet komuni bħall-ħidma li qed issir fil-G20 u fl-OECD għal soluzzjoni dinjija b’konsensus biex tiġi indirizzata t-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.

·Biex issostni s-sħubijiet diġitali tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mal-pajjiżi emerġenti, il-Kummissjoni se tfassal u tipproponi pakketti ta’ ekonomija diġitali bbażati fuq is-sett ta’ għodod. Dawn se jiġu ffinanzjati bl-Inizjattivi ta’ Team Europe (TEIs) li jikkombinaw ir-riżorsi tal-UE 46 u tal-Istati Membri tagħha, filwaqt li jaħdmu ma’ kumpaniji Ewropej ewlenin fid-dinja, inkluż bl-iżvilupp u bin-networking ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali. Dawn il-pakketti se jitfasslu b’mod li l-punti fundamentali jibqgħu kollegati u indirizzati b’mod komprensiv, ħalli tkun żgurata l-promozzjoni ta’ mudell tal-iżvilupp diġitali bbażat fuq il-bniedem. It-trawwim tal-konnettività diġitali biex titnaqqas il-qasma diġitali jeħtieġ investimenti importanti u għalhekk kooperazzjoni finanzjarja komprensiva, inkluż ma’ sħab tal-istess fehma u ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Team Ewropa se jindirizza dan id-distakk diġitali fil-pajjiżi sħab, b’fokus partikolari fuq l-Afrika, u fl-istess ħin se jippromwovi t-teknoloġija u l-valuri tal-UE. Dan jista’ jitwieżen bil-ħolqien ta’ Fond għall-Konnettività Diġitali b’approċċ ta’ Team Europe. Il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà tiegħu, flimkien mas-sħab tagħna, fix-xhur li ġejjin.

·Is-Sħubijiet Diġitali se joffru l-opportunità biex jitwettqu attivitajiet tar-riċerka konġunti, inkluż permezz ta’ Impriżi Konġunti dwar kwistjonijiet industrijali, li se jappoġġaw it-tmexxija tal-UE f’teknoloġiji li qed jevolvu bħas-6G, il-Kwantum jew l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali.

Sħubijiet Internazzjonali: il-kumpass diġitali fl-azzjoni

Fl-2020, l-UE proponiet sħubija għal transformazzjoni diġitali, mal-Afrika, b’enfasi fuq il-ħiliet b’opportunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, investiment f’infrastruttura sostenibbli abilitanti ewlenin, kooperazzjoni regolatorja u konvergenza, inkluż b’tisħiħ tal-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll b’aktar flussi siguri tad-data u b’kooperazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali u d-digitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni publika. Din tappoġġa l-iżvilupp ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali u l-estensjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u tappoġġa s-Suq Uniku Diġitali Afrikan. Iċ-Ċentru Digital4Development imniedi f’Diċembru 2020 se jlaqqa’ l-għarfien espert Ewropew għall-iżvilupp ta’ programm u assistenza teknika.

Is-sħubijiet diġitali komprensivi huma ugwalment ċentrali għar-relazzjonijiet tagħna mal-Balkani tal-Punent u mal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Il-Kumpass hu rifless ukoll fl-impenn diġitali tagħna lil hinn miż-żoni tal-ħin Ewropej, inkluż is-sħab Asjatiċi tagħna, kif ukoll l-Amerka Latina u l-Karibew.

Filwaqt li tibni fuq relazzjoni transatlantika mġedda bħala pilastru sod tal-impenn internazzjonali diġitali tagħna, l-UE jenħtieġ tmexxi t-triq lejn koalizzjoni usa’ ta’ sħab tal-istess fehma, li tkun miftuħa u żviluppata flimkien ma’ dawk kollha li għandhom l-istess viżjoni għal trasformazzjoni diġitali bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha. Flimkien se niddefendu l-internet miftuħ u deċentralizzat, ibbażat fuq world wide web uniku, u l-użu ta’ teknoloġija li tirrispetta l-libertajiet individwali u tippromwovi kundizzjonijiet ekwi diġitali. Koalizzjoni bħal din teħtieġ ħidma flimkien biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni, jinħolqu standards f’fora multilaterali – bħal dwar l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali – u jiġu promossi flussi tal-kummerċ diġitali bi ktajjen tal-provvista interdipendenti u reżiljenti, u spazju ċibernetiku sigur. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu mal-Istati Membri tal-UE biex jiżviluppaw approċċ komprensiv u kkoordinat għall-bini ta’ koalizzjoni diġitali u sensibilizzazzjoni diplomatika, inkluż permezz tan-network tad-delegazzjonijiet tal-UE.

Sal-2030, is-sħubijiet diġitali internazzjonali jenħtieġ joħolqu opportunitajiet akbar għall-kumpaniji Ewropej, aktar kummerċ diġitali permezz ta’ networks siguri, rispett tal-istandards u tal-valuri Ewropej, u ambjent internazzjonali li jappoġġa aktar it-tip ta’ trasformazzjoni diġitali, bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, li rridu nwettqu aħna u sħab oħrajn.

7.    Konklużjoni: it-triq ’il quddiem

Il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tfassal perkors ċar lejn viżjoni u azzjonijiet komuni għall-Ewropa biex tirnexxi fid-Deċennju Diġitali, fi ħdan l-Unjoni u fid-dinja.

L-involviment u l-impenn tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha huma kruċjali biex tinkiseb trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, ftit wara din il-Komunikazzjoni, se tibda proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-prinċipji diġitali. Tul 2021, se taħdem mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mas-sħab reġjonali u ekonomiċi, man-negozji u maċ-ċittadini, fuq elementi speċifiċi tal-Komunikazzjoni, fosthom il-qafas tal-kumpass b’miri u b’governanza speċifiċi. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi forum għall-partijiet ikkonċernati li jkun assoċjat ma’ xi aspetti tal-ħidma tal-Kumpass Diġitali tal-2030.

Il-Kummissjoni se tibni fuq dawn il-passi ta’ konċertazzjoni biex tipproponi l-Programm ta’ Politika Diġitali lill-koleġiżlaturi sat-tielet kwart tal-2021, u tittama li sal-aħħar tal-2021 tikseb progress deċiżiv mal-istituzzjonijiet l-oħra dwar Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji Diġitali.

(1)

   L-iżvilupp ta’ tipi kompletament ġodda ta’ vaċċini (eż.. Moderna, BioNTtech) wriena biċ-ċar il-benefiċċji tal-innovazzjoni fixkiela li permezz tagħha setgħu jiġu żviluppati vaċċini f’inqas minn sena, b’tant effiċjenza u b’metodi li qatt ma ntużaw qabel, u wriena wkoll l-importanza li jkun hemm ħakma ta’ dawn it-teknoloġiji.

(2)

     Analiżi mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-irkupru tistma li biex jixxejjen id-distakk mal-kompetituri ewlenin fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina, hemm bżonn investiment ta’ EUR 125 biljun fis-sena fil-ħtiġijiet għall-investiment u l-ħiliet fl-ICT. Il-Bank Ewropew tal-Investiment wera r-riskju li wara l-kriżi tal-COVID-19, 45 % tal-impriżi se jnaqqsu l-investimenti tagħhom, minflok se jżiduhom.

(3)

     Din il-Komunikazzjoni hi parti minn sett ta’ azzjonijiet maħsuba biex isaħħu l-awtonomija u r-reżiljenza strateġiċi miftuħa tal-UE. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu l-Komunikazzjoni dwar it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza tas-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea, ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, u l-istrateġija industrijali aġġornata futura għall-Ewropa u r-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika għall-2021.

(4)

   Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, is-6 Mejju 2015. Minn fost 30 proposta leġiżlattiva, il-koleġiżlaturi qablu fuq 28.

(5)

   Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, id-19 ta’ Frar 2020.

(6)

     Fl-2021 hu skedat li jiġu adottati tmien proposti leġiżlattivi u tliet proposti mhux leġiżlattivi, fosthom din il-Komunikazzjoni. Ara: Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea tal-2020.

(7)

   Biex l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) jilħaq punteġġ ta’ 90 sal-2027, u b’hekk jiżdied il-PDG għal kull ras ta’ 7,2 % madwar l-UE. Deloitte, February 2021, “Digitalisation: an opportunity for Europe” (Id-diġitalizzazzjoni: opportunità għall-Ewropa).

(8)

     Il-pożizzjoni tal-atturi Ewropej hi ferm inqas mill-kontribut ekonomiku dinji tal-UE f’oqsma teknoloġiċi ewlenin bħall-proċessuri, il-pjattaformi tal-web u l-infrastruttura tal-cloud; ngħidu aħna 90 % tad-data tal-UE titmexxa minn kumpaniji tal-Istati Uniti, inqas minn 4 % tal-pjattaformi online ewlenin huma Ewropej, il-mikroċipep magħmulin fl-Ewropa jirrappreżentaw inqas minn 10 % tas-suq Ewropew.

(9)

     Id-DESI juri li l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, li huma inqas mill-medja tal-UE fil-livell tad-diġitalizzazzjoni, ftit li xejn avvanzaw fl-aħħar ħames snin, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-economy-and-society-index-desi  

(10)

   Abbażi tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) stabbilita mill-Kummissjoni fl-2014, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-economy-and-society-index-desi . Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika għall-2020 iħabbar it-tlestija tad-dashboards tar-reżiljenza, fosthom wieħed għad-dimensjoni diġitali li se jipprovdi għarfien kumplimentari dwar il-vulnerabbiltajiet u l-kapaċitajiet diġitali tal-UE.

(11)

   L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali.

(12)

     Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, COM (2021) 102. Adottat fl-4 ta’ Marzu 2021.

(13)

     Ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2020 dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/women-digital-scoreboard-2020 .

(14)

   Il-Kummissjoni se tiżgura li l-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE fid-dominji rilevanti tat-teknoloġija se tkun bil-kundizzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà speċifikati fil-programmi rispettivi tal-UE, inkluż il-programmi ta’ finanzjament estern u l-istrumenti finanzjarji tal-UE, u tkun taqbel mal-approċċ fis-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għan-Networks tal-5G.

(15)

     Biex tikkontribwixxi għal dan l-objettiv, il-Kummissjoni adottat proposta li tniedi Impriża Konġunta dwar Networks u Servizzi Intelliġenti ħalli tikkoordina attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni fuq it-teknoloġija tas-6G permezz ta’ Orizzont Ewropa kif ukoll inizjattivi ta’ skjerament tal-5G permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa Diġitali u programmi oħra. https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/europe-puts-forward-proposal-joint-undertaking-smart-networks-and-services-towards-6g .

(16)

     Din l-ambizzjoni ssegwi r-rotta proposta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” u l-miri tal-2025 stabbiliti fiha.

(17)

   Biex tikkontribwixxi għal dan l-objettiv, il-Kummissjoni adottat proposta li tniedi Impriża Konġunta dwar it-Teknoloġiji Diġitali Ewlenin ħalli tikkoordina l-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni dwar it-teknoloġiji ta’ semikondutturi u proċessuri permezz ta’ Orizzont Ewropa u nediet Alleanza Ewropea fuq il-mikroproċessuri.

(18)

   Aktar ma jkun żgħir in-nodu tat-teknoloġija, aktar ikun żgħir id-daqs tal-element, u b’hekk jiġu manifatturati tranżisturi iżgħar li jkunu aktar veloċi u effiċjenti.

(19)

     Skont data tal-Eurostat, għalkemm sar xi titjib meta mqabbel mal-2018, fl-2020 36 % biss tal-intrapriżi tal-UE użaw is-servizzi tal-cloud, l-aktar għal servizzi sempliċi bħall-emails u l-ħżin tal-fajls, u 19 % biss tal-intrapriżi użaw servizzi tal-cloud avvanzati.

(20)

     L-UE qed taħdem biex jonqos dan it-tħassib, u dan b’kooperazzjoni internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku, bħall-Ftehim propost bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li jiffaċilita l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika, inaqqas ir-riskju ta’ liġijiet kunfliġġenti u jitwaqqfu salvagwardji ċari għad-data taċ-ċittadini u tal-kumpaniji tal-UE.

(21)

     Id-dikjarazzjoni dwar il-federazzjoni u l-alleanza tal-cloud se tikkontribwixxi għal dan l-objettiv.

(22)

     Nodu tal-edge hu kompjuter li jaġixxi bħala portal tal-utent finali (jew “gateway”) għall-komunikazzjoni ma’ nodi oħra fil-cluster computing, fejn il-komponenti ta’ sistema tas-software jiġu kondiviżi bejn diversi kompjuters.

(23)

     Pereżempju l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-Identità Diġitali Ewropea, il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, l-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali, l-Istrateġiji għad-data u għall-IA, ir-Regolament dwar il-Pjattaforma għal Negozju u r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.

(24)

     Sors: Rapport ta’ McKinsey, Shaping the digital transformation in Europe, Settembru 2020.

(25)

     Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, COM/2016/0733 final.

(26)

   L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE, it-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat, u l-finanzjament minn Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u InvestEU se jkunu importanti.

(27)

    https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/startup-europe

(28)

     Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, COM/2020/103 final.

(29)

   L-Indiċi tal-Intensità Diġitali (DII) ikejjel l-użu ta’ teknoloġiji diġitali differenti fil-livell tal-intrapriżi. Il-punteġġ tad-DII (0-12) ta’ intrapriża hu ddeterminat minn kemm din tuża t-teknoloġiji diġitali magħżula. Intrapriża tikseb livell bażiku ta’ intensità diġitali meta ġġib punteġġ ta’ 4 jew aktar.

(30)

     Unicorn hawnhekk jirreferi kemm għal: (1) unicorn realizzat, jiġifieri kumpaniji stabbiliti wara l-1990 li kellhom IPO jew bejgħ kummerċjali li jaqbeż il-biljun dollaru, u (2) unicorn mhux realizzat, jiġifieri kumpaniji b’valwazzjoni ta’ biljun dollaru jew iżjed fl-aħħar ċiklu ta’ finanzjament tar-riskju privat tagħhom (jiġifieri l-valwazzjoni ma ġietx ikkonfermata fi tranżazzjoni sekondarja).

(31)

     Filwaqt li s-servizzi pubbliċi jibqgħu aċċessibbli fiżikament, trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess twassal biex in-nies jippreferu jaċċessawhom b’mod diġitali.

(32)

   Ara b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u l-Gvern Diġitali bbażat fuq il-Valur, Diċembru 2020. L-isforz tad-diġitalizzazzjoni msemmi fil-Gateway Diġitali Unika tal-UE jenħtieġ jiġi estiż għal setturi oħra ħalli ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jinteraġixxu b’mod diġitali mal-partijiet kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

(33)

     Fi Franza, fil-bidu ta’ Marzu 2020, saru 10 000 telekonsultazzjoni kuljum, u dan in-numru żdied għal miljun kuljum sal-aħħar ta’ Marzu – skont is-Sħubija dwar is-Saħħa Diġitali.

(34)

      https://ec.europa.eu/environment/gpp/eu_gpp_criteria_en.htm

(35)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea – Strumentarju ta’ opportunitajiet, COM(2020) 710 final.

(36)

     85 % tal-investigazzjonijiet kriminali jiddependu fuq evidenza elettronika.

(37)

     Dan hu l-każ tal-leġiżlazzjoni eżistenti, eż. id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika jew l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, kif ukoll leġiżlazzjoni li ġiet proposta u li jenħtieġ tiġi adottata malajr mill-koleġiżlaturi tal-UE u ratifikata mill-parlamenti nazzjonali bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali.

(38)

     Ara l-paragrafu 5.1 hawn taħt

(39)

     Ara l-paragrafu 5.2 hawn taħt

(40)

     Aktarx simili għall- Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPP) approvat fl-14 ta’ Marzu 2012 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Din id-Deċiżjoni ħolqot pjan direzzjonali komprensiv, stabbiliet prinċipji ġenerali u talbet għal azzjonijiet konkreti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki tal-UE għall-użu tal-ispettru tar-radju.

(41)

     Filwaqt li l-miri ewlenin tal-erba’ punti fundamentali se jiġu definiti fil-programm ta’ politika diġitali, il-prinċipji diġitali se jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni solenni interistituzzjonali msemmija hawn fuq.

(42)

     Bħalissa, l-Istati Membri diġà qed jipprovdu informazzjoni rilevanti għall-indiċi tad-DESI, u għalhekk mhux se jkun hemm żieda sinifikanti fit-talbiet tar-rapportar, u fl-istess ħin id-DESI se jsir strument uffiċjali u miftiehem. L-Istati Membri se jaqdu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-mira u tal-indikaturi rilevanti, kif ukoll fil-mekkaniżmu tal-infurzar.

(43)

     Din tista’ tinkludi, pereżempju, aktar armonizzazzjoni tal-politiki tal-ispettru.

(44)

   Il-lista ta’ proġetti multinazzjonali pprovduta hija indikattiva. L-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ kull wieħed minn dawn il-proġetti tiddependi fuq konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(45)

     Eżempju, Impriżi Konġunti, Konsorzji għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka, Assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni.

(46)

     B’mod partikolari bl-Istrument tal-Viċinat, tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u tal-Kooperazzjoni Internazzjonali, iżda anki bil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tagħha.


Brussell, 9.3.2021

COM(2021) 118 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali


Proposta għal Miri komuni għall-mobilizzazzjoni ta’ atturi pubbliċi u privati

Meta għażlet il-miri, il-Kummissjoni ħarset lejn l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) eżistenti, u riedet tiżgura li l-miri jkunu jistgħu jitkejlu biex isir monitoraġġ. Għal kull mira, nippreżentaw ix-xenarju bażi u s-sors tad-data. L-għażla tal-KPIs ewlenin minn hawn ’il quddiem saret parzjalment abbażi tal-KPIs eżistenti li huma monitorjati eż. fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) stabbilita mill-Kummissjoni mill-2014. Iżda hemm ukoll KPIs potenzjali li jeħtieġu studji (kontinwi jew futuri) jew sorsi oħrajn, hemm metodoloġiji li għad iridu jiġu żviluppati jew hemm data rilevanti li għad trid tinkiseb. Barra minn hekk, jixraq jitfakkar li anke jekk xi KPI partikolari ma jkunx imniżżel fil-lista ta’ hawn taħt tal-KPIs ewlenin, ma jfissirx li dan mhux qed jiġi monitorjat. Ħafna KPIs oħra se jibqgħu jiġu monitorjati u rappurtati permezz tad-DESI msaħħaħ 1 .

Miri tal-punt fundamentali 1: Popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti diġitali kwalifikati ħafna

Objettiv tal-UE għall-2030: “Kontinent midħla tat-teknoloġija li jagħti setgħa diġitali lil kulħadd”

Dimensjoni

Mira tal-UE għall-2030 vs ix-xenarju bażi

Sors

L-ispeċjalisti fl-ICT 2

20 miljun speċjalist fl-ICT impjegati, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel 3 (ix-xenarju bażi tal-2019: 7,8 miljun)

Id-DESI, l-ESTAT

Mira tal-punt fundamentali 2: Infrastrutturi diġitali sostenibbli, siguri u effettivi

Objettiv tal-UE għall-2030: “Infrastrutturi diġitali affidabbli u siguri mill-aktar avvanzati”

Dimensjoni

Mira tal-UE għall-2030 vs ix-xenarju bażi

Sors

Il-konnettività

L-unitajiet domestiċi Ewropej kollha se jiġu koperti minn network tal-Gigabits, biż-żoni popolati kollha koperti mill-5G 4 .

Xenarju bażi:

- Kopertura tal-Gigabits (ix-xenarju bażi tal-2020 5 : 59 %)

- Kopertura tal-5G f’żoni popolati 6 (ix-xenarju bażi tal-2021: 14 %)

Id-DESI

Studju dwar il-kopertura tal-broadband fl-Ewropa minn Omdia

Is-semikondutturi

Il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa, inkluż il-proċessuri, hi mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija bħala valur 7 .

(ix-xenarju bażi tal-2020: 10 %)

Is-sors tad-data se jiġi kkonfermat fil-programm tal-politika diġitali

Edge/cloud

Fl-UE jintużaw 10,000 nodu tat-tarf sigur ħafna u newtrali għall-klima, li ġew distribwiti b’mod li jiżguraw aċċess għal servizzi tad-data b’latenza baxxa (ftit millisekondi), irrispettivament minn fejn jinsabu n-negozji 8

(ix-xenarju bażi tal-2020: 0)

Studju annwali dwar l-iskjerament tat-tarf skont is-CEF2 (mill-2022)

Il-computing kwantistiku

Sal-2025, l-Ewropa se jkollha l-ewwel kompjuter tagħha b’ħeffa kwantistika li jwitti t-triq biex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fil-kapaċitajiet kwantistiċi sal-2030. 

(ix-xenarju bażi tal-2020: 0)

Is-sors tad-data se jiġi kkonfermat fil-programm tal-politika diġitali

Mira tal-punt fundamentali 3: Trasformazzjoni diġitali tan-negozji

Objettiv tal-UE għall-2030: “Il-kontinent b’sehem qawwi ta’ negozji diġitalizzati”

Dimensjoni

Mira tal-UE għall-2030 vs ix-xenarju bażi

Sors

L-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali

75% tal-intrapriżi Ewropej adottaw:

- Servizzi tal-cloud computing (ix-xenarju bażi tal-2020: 26 %)

- Big Data (ix-xenarju bażi tal-2020: 14 %)

- Intelliġenza Artifiċjali (IA) (ix-xenarju bażi tal-2020: 25 %)

L-ESTAT, l-IPSOS

“Utenti diġitali tard”

Inqas minn 90 % tal-SMEs Ewropej jilħqu mill-anqas livell bażiku ta’ intensità diġitali 9

(ix-xenarju bażi tal-2019: 60,6 %)

Id-DII, l-ESTAT

Negozji innovattivi/negozji li qed jespandu

L-Ewropa se żżid l-għadd ta’ kumpaniji innovattivi li qed jespandu u se ttejbilhom l-aċċess għall-finanzjament, biex b’hekk jirdoppja l-għadd ta’ unicorns 10

(ix-xenarju bażi tal-2021: 122)

Dealroom (użata minn Atomico fl-istat tagħha tat-teknoloġija Ewropea)

Miri tal-punt fundamentali 4: Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi

Objettiv tal-UE għall-2030: “Servizzi pubbliċi modernizzati li jwieġbu l-ħtiġijiet tas-soċjetà”

Dimensjoni

Mira tal-UE għall-2030 vs ix-xenarju bażi

Sors

Gvern bħala pjattaforma

- forniment 100 % online tas-servizzi pubbliċi ewlenin 11 disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej

- 100 % taċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għar-rekords mediċi (rekords elettroniċi)

- 80 % taċ-ċittadini se jużaw soluzzjoni tal-ID diġitali

ix-xenarji bażi tal-2020:

- servizzi pubbliċi diġitali ewlenin: 75/100 (ċittadini), 84/100 (negozji)

- ċittadini b’aċċess għar-rekords mediċi: N/A 12

- ID diġitali: bħalissa ma jeżistix xenarju bażi għall-adozzjoni tal-ID diġitali 13

Indikatur tat-tlestija tas-servizz online,

il-parametru referenzjarju tal-gvern elettroniku 14  

(1)

     Id-DESI hu indiċi kompost li jiġbor fil-qosor għexieren ta’ indikaturi rilevanti dwar il-prestazzjoni diġitali tal-Ewropa u jsegwi l-evoluzzjoni tal-Istati Membri tal-UE, f’ħames dimensjonijiet ewlenin: il-Konnettività, il-Kapital Uman, l-Użu tal-Internet, l-Integrazzjoni tat-Teknoloġija Diġitali u s-Servizzi Pubbliċi Diġitali. Id-DESI ilu għaddej minn evoluzzjoni kontinwa sa mill-ewwel pubblikazzjoni tiegħu fl-2014. Dan hu l-għodda analitika ewlenija żviluppata mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi kontribut ibbażat fuq l-evidenza għall-valutazzjoni tal-iżvilupp diġitali fl-UE kollha kemm hi kif ukoll fl-Istati Membri. Id-data inkluża fid-DESI tinġabar l-aktar mingħand l-Istati Membri permezz tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Eurostat u d-DĠ Connect u permezz ta’ studji ad hoc imnedija mis-servizzi tal-Kummissjoni. Id-DESI hu indiċi dinamiku. L-indikaturi kostitwenti tiegħu huma estiżi u jinbidlu biex ikunu jirriflettu prijoritajiet ġodda u xejriet li qed jinbidlu. Il-lista ta’ indikaturi tiġi rieżaminata u mtejba kull sena biex tlaħħaq mal-aħħar teknoloġiji u prijoritajiet ta’ politika.

(2)

     Minbarra l-mira dwar il-ħiliet diġitali bażiċi stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li 80 % taċ-ċittadini ta’ bejn is-16 u d-79 sena jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi (ix-xenarju bażi tal-2020: 58,3 %).

(3)

     Indikatur tad-DESI “2b1”. Bħalissa s-sehem tan-nisa fost l-ispeċjalisti fl-ICT impjegati hu 18 % biss.

(4)

     Il-kontinwazzjoni u l-estensjoni tal-miri tas-soċjetà tal-Gigabits għall-2025, jiġifieri li l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha, fiż-żoni urbani jew rurali, ikollhom aċċess għal konnettività tal-internet ta’ mill-inqas 100 Mbps li tkun tista’ tiżdied għal Gigabit u “konnettività tal-Gigabits għall-muturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha (...) u għall-intrapriżi intensivi diġitalment”. Kull żona urbana u kull rotta ewlenija tat-trasport terrestri jkollhom kopertura tal-5G mingħajr interruzzjonijiet sal-2025.

(5)

     Innota li l-kejl attwali tad-DESI hu permezz tal-indikatur tad-DESI “1b2” (Kopertura tal-unitajiet domestiċi koperti minn Networks ta’ Kapaċità Għolja Ħafna (VHCN)). It-teknoloġiji, fl-istat attwali tal-iżvilupp, li ġew ikkunsidrati għall-VHCNs huma “Fibra sad-Dar” (FTTH), “Fibra sal-binja” (FTTB) u Cable “Docsis 3.1”, għax dawk it-teknoloġiji kollha jistgħu jwasslu downlink ta’ 1Gbps. L-assi bbażati fl-ispazju jistgħu jkunu kontributur importanti lejn il-mira ta’ 100 % billi jkopru ż-żoni remoti u/jew b’popolazzjoni baxxa li diffiċli jintlaħqu mod ieħor. Għal definizzjoni legali tal-VHCN, ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972: “network b’kapaċità kbira ħafna” tfisser network tal-komunikazzjoni elettronika li jikkonsisti għalkollox minn elementi tal-fibra ottika tal-inqas sal-ewwel punt tad-distribuzzjoni fil-post fejn qed iservi jew li fl-istess kundizzjonijiet waqt il-ħinijiet intensivi (peak-time) ikun kapaċi jagħti prestazzjoni tan-network simili mil-lat ta’ meded tal-baned tad-downlink u tal-uplink disponibbli, reżiljenza, parametri relatati mal-erruri, u latenza u l-varjazzjoni tagħha; il-prestazzjoni tan-network tista’ titqies simili irrispettivament minn jekk l-esperjenza tal-utent finali tvarjax minħabba l-karatteristiċi minnhom innifishom differenti tal-mezz li bih in-network fl-aħħar jikkonnettja mal-punt tat-terminazzjoni tan-network.

(6)

     Persentaġġ taż-żoni popolati (i.e. persentaġġ ta’ postijiet kollha fejn jinsabu l-unitajiet domestiċi, inkluż iż-żoni remoti) bil-kopertura tal-5G – imkejla bħala l-kopertura totali tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni f’kull pajjiż.

(7)

     Jiġifieri kapaċitajiet ta’ manifattura inqas min-nodi ta’ 5 nm, li jimmiraw lejn 2 nm u effiċjenti 10 darbiet aktar fl-enerġija mil-lum. Aktar ma jkun żgħir in-nodu tat-teknoloġija, iżgħar ikun id-daqs tal-karatteristika li tipproduċi tranżisters iżgħar li jkunu aktar veloċi u aktar effiċjenti.

(8)

   Il-mira hi li titwettaq fil-prattika l-viżjoni stabbilita fl-istrateġija tad-data li 80 % tal-ipproċessar tad-data jsir bl-edge computing sal-2025. Ħafna mis-servizzi tad-data u l-applikazzjonijiet tal-5G futuri, bħas-sewqan awtomatizzat konness, il-biedja intelliġenti, il-ġestjoni intelliġenti tal-grilji tal-enerġija, il-manifattura intelliġenti jeħtieġu latenza ta’ ftit millisekondi. Min-naħa l-oħra, biex tinkiseb din il-latenza hemm bżonn nodu tat-tarf f’kull 100 km. 8-10,000 nodu tat-tarf jikkorrispondu għal dan l-użu ta’ xibka b’nodu kull 100 km. Din id-densità tan-nodi tat-tarf se tistimula d-domanda mill-industrija tal-utenti Ewropea għal servizzi diġitali ġodda u innovattivi bbażati fuq l-ipproċessar lokali tad-data, u se tippermetti lil dawn l-utenti jkunu aktar f’pożizzjoni li jikkontrollaw id-data tagħhom. Ix-xenarju bażi attwali hu 0 għax it-teknoloġija għadha emerġenti u kien hemm biss ftit proġetti pilota (studju ta’ IDATE tal-2019 identifika 62 implimentazzjoni fl-Ewropa).

(9)

     L-Indiċi tal-Intensità Diġitali (DII) hu indiċi bbażat fuq il-mikro li jkejjel id-disponibbiltà fil-livell tal-kumpaniji ta’ 12-il teknoloġija diġitali differenti: internet lil mill-inqas 50 % tal-persuni impjegati, l-użu ta’ speċjalisti fl-ICT, broadband veloċi (30 Mbps jew aktar), apparati tal-internet mobbli lil mill-inqas 20 % tal-persuni impjegati, sit web, sit web b’funzjonijiet sofistikati, midja soċjali, pagamenti għal reklamar fuq l-internet; ix-xiri ta’ servizzi avvanzati tal-cloud computing; il-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi, il-fatturat tal-kummerċ elettroniku jammonta għal aktar minn 1 % tal-fatturat totali, u l-bejgħ bl-internet min-negozji għall-konsumatur (B2C) li jaqbeż l-10 % tal-bejgħ totali fuq l-internet. Għalhekk, il-valur għall-indiċi jvarja minn 0 sa 12. Il-lista tat-12-il indikatur hawn imsemmija hija rieżaminata u mtejba kull sena biex tlaħħaq mal-aħħar teknoloġiji u prijoritajiet ta’ politika.

(10)

   Unicorn ifisser xi wieħed minn dawn it-tnejn: (1) unicorn realizzat, jiġifieri kumpaniji mwaqqfa wara l-1990 li kellhom IPO jew bejgħ kummerċjali ta’ aktar minn $1 biljun, u (2) unicorn mhux realizzat, jiġifieri kumpaniji vvalutati għal $1 biljun jew aktar fl-aħħar ċiklu ta’ finanzjament tar-riskju privat tagħhom (jiġifieri l-valutazzjoni ma ġietx ikkonfermata fi tranżazzjoni sekondarja). Fl-2019, kien hemm 703 unicorn fl-Istati Uniti u 206 fiċ-Ċina (https://blog.dealroom.co/uk-unicorn-tech-update-for-london-tech-week/).

(11)

     “servizzi pubbliċi ewlenin” huma servizzi relatati ma’ dawn “l-avvenimenti tal-ħajja”: Operazzjonijiet Kummerċjali Regolari, ic-Ċaqliq, is-Sjieda u s-Sewqan ta’ Karozza, il-Bidu ta’ Proċedura għal Talbiet Żgħar, il-Ftuħ ta’ Negozju Ġdid, il-Ħajja tal-Familja, it-Telf u s-Sejbien ta’ Impjieg, u l-Istudju. (sors: il-parametru referenzjarju tal-gvern elettroniku).

(12)

     Jista’ jiġi żviluppat bil-parametru referenzjarju tal-gvern elettroniku jew b’sorsi amministrattivi.

(13)

     Fir-rigward tad-disponibbiltà, ix-xenarju bażi attwali għall-persentaġġ ta’ servizzi ewlenin attivati bl-eID hu 58 % (servizzi aċċessibbli domestikament) u 9 % (servizzi aċċessibbli b’mod transfruntier).

(14)

     Indikatur rivedut tat-tlestija tas-servizz online.