Brussell, 19.1.2021

COM(2021) 32 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza








1.Introduzzjoni

Il-“Kummissjoni ġeopolitika” tal-President von der Leyen għandha l-għan li tagħti spinta lill-Unjoni Ewropea (UE) fix-xena dinjija. Matul l-aħħar deċennji, il-kuntest ġeopolitiku ċċaqlaq minn kif kien u seħħew bidliet teknoloġiċi u soċjetali kbar. L-ekonomija globali kulma jmur qed issir dejjem aktar multipolari u l-kisba fuq terminu qasir tal-interessi unilaterali minn atturi speċifiċi tista’ tikkomprometti l-kooperazzjoni multilaterali effettiva.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2020 “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” 1 enfasizzat il-ħtieġa li l-UE, f’dan il-kuntest, tibni u żżomm l-“awtonomija strateġika miftuħa” tagħha. L-UE għandha rwol fundamentali fit-tiswir tas-sistema ta’ governanza globali u fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li tipproteġi lilha nnifisha minn prattiki inġusti u abbużivi. Dan jimxi id f’id mal-impenn tal-UE vis-à-vis ekonomija globali aktar reżiljenti u miftuħa, swieq finanzjarji internazzjonali li jaħdmu sew, u s-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif l-UE tista’ tirrinforza l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha fl-oqsma makroekonomiċi u finanzjarji billi tippromwovi r-rwol internazzjonali tal-euro, issaħħaħ l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju tal-UE, ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-reġimi tal-UE għas-sanzjonijiet, u żżid ir-reżiljenza tal-UE għall-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali u miżuri oħra minn pajjiżi terzi 2 . Il-Komunikazzjoni hija parti minn sett usa’ ta’ azzjonijiet biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa u r-reżiljenza tal-UE 3 .

L-ewwel nett, rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro jkun ta’ rpar għall-ekonomija minn xokkijiet tal-kambju u jnaqqas id-dipendenza fuq muniti oħra, kif ukoll jiżgura kostijiet aktar baxxi għat-tranżazzjoni, il-finanzjament u l-ġestjoni tar-riskju. Jgħin ukoll biex jintlaħqu għanijiet kondiviżi fuq livell globali bħar-reżiljenza tas-sistema monetarja internazzjonali, sistema tal-munita globali aktar stabbli u diversifikata u għażla usa’ għall-operaturi tas-suq, li kollha jagħmlu l-ekonomija globali anqas vulnerabbli.

Is-suċċess tal-euro bħala munita stabbli u kredibbli jfisser li l-munita tal-euro diġà għandha rwol importanti lil hinn mill-fruntieri tal-UE u ż-żona tal-euro. L-euro hija t-tieni l-aktar munita użata f’termini tas-sehem tagħha fost il-pagamenti fuq livell globali. Is-sehem tal-euro fost il-pagamenti fuq livell globali ammonta għal madwar 38 % f’Novembru 2020 4 . Is-sehem tal-euro f’holdings globali tar-riżervi tal-muniti barranin bħalissa huwa ta’ madwar 20 % 5 .

It-tieni, settur finanzjarju li jaħdem sew mhux biss huwa essenzjali biex jipprovdi finanzjament u investimenti għall-ekonomija Ewropea; huwa imbuttatura importanti biex in-negozji u ċ-ċittadini tal-UE jipprogredixxu fuq livell globali. Fundamentalment, huwa wkoll strumentali biex jipprovdi inċentivi b’saħħithom għall-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali, u biex jixpruna t-tranżizzjoni ekoloġika, kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 6 . Barra minn hekk, il-ħruġ tar-Renju Unit bħala ċentru finanzjarju kbir mill-UE jsaħħaħ il-ħtieġa ta’ approfondiment ulterjuri tas-swieq tal-kapital tal-Unjoni. It-tielet, implimentazzjoni u infurzar aktar veloċi, robusti u effettivi tas-sanzjonijiet tal-UE 7 , kif ukoll politika aktar b’saħħitha biex tiġi indirizzata l-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali u miżuri oħra minn pajjiżi terzi se jkunu ta’ benefiċċju għall-għan tal-UE ta’ awtonomija strateġika miftuħa u reżiljenza. It-tisħiħ tas-sett ta’ għodod tal-politika barranija tal-UE jimxi id f’id mar-rwol internazzjonali tal-euro u settur finanzjarju reżiljenti, billi jippermetti lill-UE tiddefendi l-interessi tagħha fuq livell internazzjonali u taqbeż għall-valuri tagħha, billi tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha.

Il-kriżi tal-COVID-19 ġabet magħha għadd ta’ konsegwenzi. L-ewwel nett, xeħtet lenti fuq il-benefiċċji potenzjali ta’ sistema finanzjarja internazzjonali multivalutarja li tilqa’ aħjar għat-tensjonijiet finanzjarji u r-riskji għall-istabbiltà. It-tieni, id-deġenerazzjoni tal-valwazzjonijiet tal-kumpaniji tal-UE matul il-kriżi żiedet ir-riskju ta’ akkwiżizzjoni predatorja ta’ xi ditti strateġiċi tal-UE, bis-sogru ta’ telf ta’ għarfien espert teknoloġiku u tfixkil f’għadd ta’ katini tal-valur.

Madankollu, il-pandemija ħarġet fil-beraħ ukoll il-lati b’saħħithom tal-UE. L-UE implimentat rispons koordinat għall-kriżi u r-riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi tagħha. Bis-saħħa tal-baġit fuq terminu twil u l-inizjattiva Next Generation EU, l-UE provdiet l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt kellha biex tagħti spinta lill-irkupru u biex tistabbilixxi s-sisien għal UE moderna u aktar sostenibbli. Ir-rispons għall-kriżi jirrinforza r-reżiljenza tal-UE, jipprovdi serħan il-moħħ qawwi lis-swieq u lill-atturi ekonomiċi, u jixpruna l-fiduċja tal-investituri fl-UE u fl-euro.

Ir-rispons għall-kriżi qed iwassal ukoll biex l-UE tkun attur sinifikanti fis-swieq finanzjarji. Sa Novembru 2020, mit-total previst ta’ EUR 100 biljun, il-Kummissjoni diġà ħarġet EUR 39,5 biljun f’bonds soċjali fi tliet rawnds fl-ambitu tal-istrument SURE tal-UE biex tgħin fis-salvagwardja tal-impjiegi u biex in-nies jibqgħu jaħdmu. L-interess tal-investituri f’dawn l-istrumenti kien wieħed tassew qawwi, li jirrifletti wkoll il-klassifikazzjoni tal-kreditu b’saħħtu tal-bonds tal-Unjoni. Sabiex tiffinanzja n-Next Generation EU, il-Kummissjoni se tissellef sa massimu ta’ EUR 750 biljun mis-swieq tal-kapital għan-nom tal-Unjoni matul il-perjodu 2021-2026. Dan il-ħruġ jipprovdi opportunità biex jiġi stabbilit punt ta’ referenza globali (kurva tar-rendiment) għall-investituri internazzjonali interessati li jinvestu f’assi b’denominazzjoni bl-euro.

2.Is-sisien għal UE aktar b’saħħitha

Suq intern integrat u kbir, ibbażat fuq prinċipji ekonomiċi sodi, sistema ġuridika affidabbli u prevedibbli u l-istat tad-dritt huma s-sisien ta’ UE reżiljenti. Fl-istess waqt, l-UE għandha bżonn issir aktar effettiva biex tuża favuriha l-vantaġġi komparattivi tagħha f’dawn l-oqsma u tipproġettahom fuq il-kumplament tad-dinja.

Objettiv ewlieni tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE huwa li tissalvagwardja u tapprofondixxi s-Suq Uniku, li fuqu jissejsu l-euro u l-livell ta’ ftuħ tal-UE għall-kummerċ u l-investiment mal-bqija tad-dinja. Kull politika li ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku, issaħħaħ il-profondità u l-likwidità tas-swieq finanzjarji, tippromwovi t-tkabbir ekonomiku u tiżgura l-istabbiltà finanzjarja u fiskali, issaħħaħ ukoll l-influwenza ġeostrateġika u ekonomika tal-UE. Dan jinkludi politiki biex l-UE tkun ippreparata għal sfidi fil-futur, u b’mod partikolari biex tiffavorixxi l-ekonomija diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, biex in-negozji u l-individwi jingħataw opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli u jkollhom titjib fl-effiċjenza, fl-UE u lil hinn.

Sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku, l-ekonomija Ewropea teħtieġ konnettività tal-internet li trendi aħjar kif ukoll preżenza industrijali u teknoloġika aktar qawwija f’oqsma strateġiċi bħall-intelliġenza artifiċjali, is-supercomputing u l-cloud. L-Unjoni Ewropea teħtieġ ukoll taħtaf l-opportunitajiet għall-ekonomija billi tibni spazji komuni Ewropej tad-data, u infrastruttura u servizzi tal-cloud. It-trasformazzjoni diġitali tal-finanzi hija komponent ewlieni tar-reżiljenza tagħha u tiddependi fuq il-qafas regolatorju tal-UE li jiffaċilita l-innovazzjoni, jippromwovi finanzi xprunati mid-data u jtejjeb ir-reżiljenza ċibernetika. Fl-istess waqt, il-ħidma tal-UE fuq l-ekoloġizzazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-iżgurar ta’ finanzjament aktar sostenibbli, inkluż permezz ta’ aktar trasparenza tat-tassonomija tal-UE għall-investimenti sostenibbli, se tkun strumentali biex jiġu pprovduti inċentivi aktar qawwija għas-settur finanzjarju.

Sa mill-kriżi finanzjarja globali tal-2008 u l-kriżi sussegwenti tad-dejn sovran, l-UE għamlet progress sostanzjali fit-titjib tal-istruttura istituzzjonali tagħha, billi għamlet iż-żona tal-euro aktar attraenti għall-investituri internazzjonali. Kompliet issaħħaħ u tapprofondixxi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) abbażi ta’ qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika li jaħdem sew, u sistema finanzjarja effiċjenti u stabbli. Din tal-aħħar tinvolvi: Unjoni Bankarja (UB), it-tisħiħ u l-unifikazzjoni tas-superviżjoni tal-banek u l-ġestjoni tal-kriżijiet fiż-żona tal-euro; Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK), it-twessigħ tal-aċċess għall-kapital fl-UE kollha u l-mobbiltà tiegħu; u t-twaqqif u t-tisħiħ sussegwenti tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro bil-ħsieb li jiġu evitati kriżijiet fiż-żona tal-euro. Sar progress sinifikanti fuq dawn il-fronti kollha. Madankollu, il-potenzjal sħiħ ta’ integrazzjoni ulterjuri f’dawn l-oqsma kruċjali għadu ma ġiex żviluppat. Partijiet neqsin importanti huma, pereżempju, il-ħolqien ta’ Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, is-simplifikazzjoni tal-aċċess għas-swieq tal-ekwità għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, l-iffaċilitar ta’ investimenti ta’ terminu twil u l-konverġenza ta’ oqfsa tal-insolvenza madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni rapida tal-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-iżviluppar ta’ strumenti għall-forniment ta’ likwidità f’riżoluzzjoni jtejbu l-kredibbiltà tal-qafas ta’ riżoluzzjoni.

Azzjoni ewlenija 1: It-tlestija tal-Unjoni Bankarja u progress sinifikanti ulterjuri fir-rigward tal-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital bħala mezz ta’ appoġġ għar-reżiljenza tal-UE u l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Feġġew sfidi ġodda. Il-pandemija tal-COVID-19 hija l-ewwel u qabel kollox traġedja umana, b’impatt dejjiemi fuq in-nies u s-soċjetà. Jaf ukoll tħalli marki persistenti fuq l-ekonomiji Ewropej u globali. Għaldaqstant, l-UE tappoġġa mudell ekonomiku ġdid, aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli. Bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, hemm ħtieġa qawwija u opportunità biex jiġu żviluppati l-infrastrutturi tas-suq domestiku. L-għodod li għandhom jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet iridu jkunu bbażati fuq politiki għat-titjib tat-tkabbir u l-effiċjenza u tal-oqfsa li jappoġġawhom.

B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE nediet pjan ta’ rkupru mingħajr preċedent “Next Generation EU”. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-akbar programm tal-pjan ta’ rkupru b’massimu ta’ EUR 672,5 biljun f’self u għotjiet finanzjarji għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw ir-riformi u l-investimenti. L-investimenti u r-riformi inkorporati fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza se jgħinu lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin li ġew identifikati permezz tal-qafas tal-UE għall-governanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-ħruġ ta’ bonds denominati bl-euro ta’ kwalità għolja taħt Next Generation EU se jżid profondità u likwidità sinifikanti fis-swieq tal-kapital tal-UE filwaqt li jagħmel lilhom u l-euro aktar attraenti għall-investituri. Il-ħruġ tal-bonds mill-UE jista’ wkoll isostni skopertura akbar ta’ investituri internazzjonali vis-à-vis l-UE billi jipprovdi l-komponent ta’ riskju baxx tal-portafolli bbilanċjati u munita ta’ riżerva 8 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll aġġornament tal-pjan ta’ azzjoni tal-USK 9 , strateġija dwar il-pagamenti bl-imnut għall-UE 10 u strateġija dwar il-finanzi diġitali 11 . Se tadotta Strateġija mġedda għall-Finanzi Sostenibbli kmieni fl-2021. Il-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq tal-Kapital 12 emenda r-regoli tas-swieq tal-kapital tal-UE biex jgħin lill-kumpaniji tal-UE jiġġeneraw kapital fis-swieq pubbliċi, isostni l-kapaċità ta’ self tal-banek u jixpruna l-investiment matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-Pakkett bankarju 13 għandu wkoll l-għan li jiffaċilita s-self lill-ekonomija.

Is-swieq finanzjarji jaqdu wkoll rwol kruċjali fl-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-UE. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-miri enerġetiċi u klimatiċi tal-UE 14 se jwasslu għal bidliet kbar fil-kummerċ tal-UE fil-prodotti enerġetiċi, li jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ swieq emerġenti, bħall-idroġenu, u jżidu l-bżonn ta’ katini ta’ provvista strateġiċi robusti għall-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji oħra li huma kritiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Din it-trasformazzjoni ekonomika se tkun tirrikjedi investimenti pubbliċi u privati sinifikanti u r-ridirezzjonar tal-flussi tal-investiment għall-proġetti sostenibbli.

Filwaqt li timxi fil-passi ta’ dawn il-politiki, l-UE għandha bżonn tara li twettaq azzjonijiet immirati addizzjonali, taħt it-tliet pilastri li ġejjin:

issaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, permezz ta’ djalogu ma’ pajjiżi terzi sħab biex jiġi promoss l-użu tal-euro, strumenti u parametri referenzjarji denominati bl-euro, biex jingħelbu l-ostakli għall-użu globali tiegħu, u biex jitrawwem l-istatus tiegħu bħala munita ta’ referenza internazzjonali fis-setturi tal-enerġija u l-komoditajiet;

tiżviluppa ulterjorment l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji tal-UE u żżid ir-reżiljenza tagħhom, inkluż għal kull applikazzjoni extraterritorjali ta’ sanzjonijiet u miżuri oħra minn pajjiżi terzi;

tippromwovi ulterjorment l-implimentazzjoni u l-infurzar uniformi tas-sanzjonijiet tal-UE stess.

3.It-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro

L-euro huwa simbolu ewlieni u strument tal-integrazzjoni u l-awtonomija tal-UE. Fuq l-euro jissejsu l-pagamenti għall-oġġetti u s-servizzi, il-kambju, is-self u t-tranżazzjonijiet tas-swieq tal-kapital. L-euro jservi wkoll bħala munita tal-fatturazzjoni, bħala riżerva ta’ valur barra miż-żona tal-euro, u bħala valuta ta’ riżerva. Il-Komunikazzjoni ta’ Diċembru 2018 ‘Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro” 15 stipulat azzjonijiet ewlenin biex jitrawwem ir-rwol internazzjonali tal-munita unika. Kienet akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro fil-qasam tal-enerġija 16 u segwita minn ħames konsultazzjonijiet settorjali dwar ir-rwol tal-euro fis-swieq tal-kambju, fis-settur tal-enerġija, fis-swieq tal-materja prima, fil-kummerċ tal-agrikoltura u l-komoditajiet alimentari u fis-settur tat-trasport 17 .

Mill-perspettiva tat-twettiq tal-politika monetarja, użu akbar tal-euro jista’ jwassal għal benefiċċji, bħad-dħul mis-sinjoraġġ iġġenerat mill-ħruġ tal-munita, awtonomija monetarja akbar, trażmissjoni globali aktar qawwija tal-politika monetarja. Użu akbar inaqqas ukoll il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-finanzjament, u jnaqqas l-impatt tax-xokkijiet fil-prezzijiet tal-munita barranija 18 . Jidher li dawn il-benefiċċji jisbqu l-kostijiet, bħall-pressjoni fuq l-apprezzament tal-munita fi żminijiet ta’ stress. Rwol aktar b’saħħtu tal-euro jikkontribwixxi wkoll għal stabbiltà sistemika akbar peress li jiddiversifika r-reġim tal-muniti globali u jtaffi l-effetti tax-xokkijiet asimmetriċi, b’mod partikolari dawk marbuta mal-politiki monetarji tal-pajjiżi terzi. Il-funzjonament bla intoppi tal-arranġamenti tal-likwidità, bħall-faċilitajiet ta’ swaps u repo ma’ pajjiżi terzi, jgħin lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jissodisfa objettiv tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet, jevita li n-nuqqasijiet ta’ likwidità tal-euro jittrasformaw f’riskji għall-istabbiltà finanzjarja u jista’ jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-pożizzjonament tal-euro fil-livell globali. Fi żminijiet ta’ stress tal-likwidità, dawn l-arranġamenti jnaqqsu r-riskju ta’ effetti kollaterali fuq is-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro u jikkostitwixxu garanzija ta’ kontinġenza importanti għal-likwidità għall-pajjiżi terzi li jużaw l-euro b’mod estensiv għat-tranżazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali. Xenarju monetarju globali xi ftit aktar divers itejjeb ukoll ir-rispons kumplessiv tal-kummerċ internazzjonali għall-aġġustamenti fir-rati tal-kambju, speċjalment għall-ekonomiji emerġenti 19 .. 

Rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro jista’ mbagħad ikun parti minn xejra usa’ fejn id-diversifikazzjoni tal-munita fl-ipprezzar u l-finanzjament tikkontribwixxi għar-rwol ta’ stabbilizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ riekwilibriju estern u aġġustamenti tar-rati tal-kambju.

Abbażi tal-proposti msemmija fit-taqsima preċedenti, il-Kummissjoni qed taħdem fuq miżuri addizzjonali biex tippromwovi l-użu tal-euro fuq livell globali.

Kummerċ li qed jiżdied denominat bl-euro f’titoli ta’ dejn, komoditajiet u strumenti finanzjarji relatati

L-UE hija l-akbar kummerċjant dinji li tirrappreżenta aktar minn kwart tal-kummerċ dinji 20 . Fl-2018, l-euro kienet l-aktar munita użata fl-esportazzjonijiet tal-UE, filwaqt li d-dollaru Amerikan kien l-aktar użat għall-importazzjonijiet tal-UE. Filwaqt li l-kummerċjanti għandhom il-libertà li jagħżlu l-munita għall-kummerċ abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tas-suq, hemm lok li jiġi promoss l-użu tal-euro fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. L-ikkompletar tal-Ftehim ta’ wara Cotonou 21 se jippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku jħeġġu użu aktar wiesa’ tal-muniti rispettivi tagħhom, u l-Kummissjoni se tistħarreġ aktar opportunitajiet biex tippromwovi l-użu tal-euro fir-reġjun. Il-Kummissjoni se tqis ukoll li tindirizza kull lakuna fl-informazzjoni li tiġi identifikata mill-kummerċjanti fir-rigward tal-pagamenti bl-euro. Id-delegazzjonijiet tal-UE jistgħu jiġu mobilizzati għal dak l-għan u tista’ tingħata informazzjoni addizzjonali permezz tal-bażi tad-data għall-aċċess għas-suq, “Access2Markets” 22 .

Is-swieq tal-komoditajiet jikkostitwixxu wieħed mill-aspetti ewlenin tal-kummerċ globali. Mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro ’l hawn, fil-qasam tal-enerġija sar progress sinifikanti fl-użu tal-euro fis-swieq tal-gass tal-UE. Il-proporzjon tal-kuntratti tal-gass naturali ffirmati bl-euro żdied minn 38 % fl-2018 għal 64 % fl-2020 23 . Il-parametri referenzjarji denominati bl-euro wkoll qegħdin kulma jmur jiġu rikonoxxuti u użati madwar id-dinja. Sabiex iżżid aktar l-użu tal-euro fil-kummerċ tal-komoditajiet, il-Kummissjoni se tkompli tiddiskuti mal-atturi ewlenin f’setturi strateġiċi ewlenin, inklużi l-komoditajiet, l-inġenji tal-ajru, il-kura tas-saħħa u l-materja prima kritika għall-enerġija rinnovabbli.

Is-swieq finanzjarji tal-UE wkoll jeħtieġu li jibqgħu kompetittivi u attraenti għall-parteċipanti tas-swieq internazzjonali. Fil-kuntest tal-Pakkett usa’ għall-Irkupru tas-Swieq tal-Kapital, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ miżuri skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (Markets in Financial Instruments Directive - MiFID II) 24 biex tħeġġeġ aktar investimenti u negozjar. Dawn kienu jinkludu t-tnaqqis ta’ wħud mir-rekwiżiti li huma wisq ingumbranti jew jostakolaw l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li temenda r-regoli tal-MiFID II li japplikaw għas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija. Dan huwa maħsub biex jgħin l-iżvilupp tas-swieq tal-enerġija denominati bl-euro u jippermetti lill-kumpaniji tal-UE jkollhom ġestjoni tar-riskji tagħhom, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-swieq tal-komoditajiet 25 .

Abbażi tar-riforma li rnexxiet tad-derivattivi tal-komoditajiet għall-enerġija, b’mod partikolari l-elettriku u l-gass, miksuba fil-kuntest tal-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq tal-Kapital, il-Kummissjoni se twettaq rieżami tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji 26 fl-2022. Dan ir-rieżami se jkollu l-għan li jiffaċilita t-tfeġġija ta’ indiċijiet denominati bl-euro li jkopru setturi ewlenin tal-ekonomija, inklużi swieq tal-enerġija emerġenti, bħall-idroġenu. Il-Kummissjoni se tuża wkoll dan ir-rieżami biex tivvaluta jekk hijiex meħtieġa riforma ulterjuri biex tissaħħaħ ir-robustezza tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax denominati bl-euro. Skont l-isforzi ta’ riforma internazzjonali tar-rati kritiċi tas-self interbankarju (IBOR), il-Kummissjoni se twettaq rieżami fuq bażi regolari tal-affidabbiltà tal-parametri referenzjarji kritiċi jew sistemiċi kollha, speċjalment meta jkunu denominati bl-euro.

Il-Kummissjoni se twettaq ukoll rieżami ulterjuri tal-MiFID/MiFIR fl-2021. Bħala parti minn dan ir-rieżami, il-Kummissjoni se tipproponi li ttejjeb, tissimplifika u tarmonizza ulterjorment il-qafas tat-trasparenza tas-swieq tat-titoli biex jiżdiedu l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju fi strumenti ta’ dejn denominati bl-euro. Dan se jinkludi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ tape konsolidat tan-negozjar, b’mod partikolati għall-ħruġ tal-bonds korporattivi - bażi tad-data ċentrali, li tamalgama d-diversi sorsi tad-data ta’ wara n-negozjar f’lemħa waħda. Tape konsolidat se jiżgura li aktar negozjar iseħħ fuq pjattaformi regolati trasparenti, u b’hekk tiżdied il-profondità tas-suq u l-attraenza tat-titoli denominati bl-euro kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri.

Azzjoni ewlenija 2: Il-Kummissjoni se tappoġġa ulterjorment l-iżvilupp ta’ derivattivi ta’ komoditajiet denominati bl-euro għall-enerġija u l-materja prima u se tagħmilha faċli li jfeġġu indiċijiet użati bħala parametri referenzjarji denominati bl-euro u postijiet tan-negozjar li jkopru s-setturi ewlenin, inklużi s-swieq tal-enerġija emerġenti, bħall-idroġenu.

Il-ħruġ tal-UE u s-sensibilizzazzjoni tal-investituri u l-emittenti tal-pajjiżi terzi

Bl-implimentazzjoni tan-“Next Generation EU” u l-“Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE)”, l-UE se ssir fost l-akbar emittenti tad-dejn madwar id-dinja. Is-suċċess tal-ewwel ħruġ fl-ambitu tas-SURE wera bil-provi d-domanda tal-investituri internazzjonali għall-bonds maħruġa mill-UE, b’mod partikolari minħabba l-kwalità għolja tal-kreditu tagħha 27 . L-UE se toħroġ qrib it-EUR 1 triljun 28 f’dejn ġdid sal-2026. Permezz ta’ dawn il-programmi, il-Kummissjoni se toħroġ bonds b’maturitajiet differenti, inklużi titoli b’terminu qasir.

Abbażi ta’ dan, se jiġu organizzati kuntatti ta’ livell għoli mal-parteċipanti fis-suq, speċjalment barra mill-UE, biex issir promozzjoni għall-bonds denominati bl-euro. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-banek promozzjonali nazzjonali u lill-banek multilaterali biex jimmassimizzaw l-użu tal-euro fl-attivitajiet tagħhom u fil-ħruġ rispettiv ta’ bonds.

Il-munita tad-denominazzjoni tal-investimenti u tal-fatturazzjoni tal-kummerċ internazzjonali hija l-ewwel u qabel kollox għażla tas-suq, xprunata minn fatturi li jinkludu l-istabbiltà u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, id-daqs u l-profondità tas-swieq tal-kapital u l-integrazzjoni fil-katini tal-valur globali fil-kummerċ internazzjonali 29 . Il-Kummissjoni se tkun involuta fi djalogu mas-sħab pubbliċi u privati fil-pajjiżi terzi biex tifhem aħjar l-ostakli għal użu usa’ tal-euro fir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u kif tindirizzahom. Inizjattivi biex jippromwovu l-kapaċità tal-Ewropa li titkellem b’vuċi waħda fix-xena internazzjonali se jgħinu biex tinfirex il-portata tal-euro fuq livell globali.

Il-Kummissjoni se torganizza djalogi makroekonomiċi mmirati u workshops mal-pajjiżi tal-viċinat, b’attenzjoni speċjali fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Viċinat tan-Nofsinhar, minħabba l-viċinanza ġeografika tagħhom u l-importanza tal-UE għal bosta minnhom bħala sieħeb kummerċjali, investitur u sors ta’ rimessi u ta’ assistenza makrofinanzjarja. Se tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-kuntatti mas-settur privat, ladarba l-ostakli u l-opportunitajiet fir-rigward tal-użu tal-euro jaf ikunu differenti f’dan il-każ. In-network tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) se jkunu importanti f’dan ir-rigward.

Azzjoni ewlenija 3: Il-Kummissjoni se tagħti bidu għal sensibilizzazzjoni biex tippromwovi l-investimenti denominati bl-euro, tiffaċilita l-użu tal-euro bħala munita tal-fatturazzjoni u ta’ denominazzjoni u trawwem komprensjoni aħjar tal-ostakli għall-użu usa’ tal-euro. Din is-sensibilizzazzjoni se ssir fl-għamla ta’ djalogi, workshops u sondaġġi mas-settur pubbliku u privat, l-aġenziji regolatorji finanzjarji u l-investituri istituzzjonali f’pajjiżi sħab reġjonali u xi pajjiżi sħab tal-UE fuq livell dinji.

Ir-rwol tal-euro fit-tranżizzjoni “ekoloġika”

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 30 iwitti t-triq għan-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali fl-UE. Jinkludi dimensjoni globali għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-komunità internazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE se jkollha bżonn timmobilizza investimenti fuq skala massiva biex tilħaq il-miri tal-UE għall-enerġija u l-klima għall-2030, u biex issir newtrali għall-klima sal-2050, kif ukoll biex tikseb objettivi oħra tal-Patt Ekoloġiku, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità u l-qabża għal ekonomija ċirkolari. Flimkien mal-pjan ta’ rkupru, il-promozzjoni ta’ finanzi sostenibbli hija opportunità biex is-swieq finanzjarji tal-UE jiġu żviluppati f’ċentru dinji ta’ “finanzi ekoloġiċi”, li jippromwovi l-euro bħala l-munita standard għad-denominazzjoni ta’ prodotti finanzjarji sostenibbli. Fl-2019, kważi nofs il-ħruġ tal-bonds ekoloġiċi fuq livell globali, inklużi dawk li joriġinaw minn barra ż-żona tal-euro, ġie denominat bl-euro 31 . Dan il-proporzjon huwa mistenni li jikber, b’mod partikolari minħabba l-objettiv li 30 % tal-investimenti ta’ Next Generation EU jridu jkunu ffinanzjati minn bonds ekoloġiċi, li se jinħarġu għal kull nefqa eliġibbli, prinċipalment skont il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri. L-Istandard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi li hemm ippjanat, it-tassonomija tal-UE għall-finanzi sostenibbli u l-obbligi tad-divulgazzjoni u r-rappurtar tal-finanzi sostenibbli se jappoġġaw ulterjorment l-investimenti ekoloġiċi tal-UE.

Barra minn hekk, pjattaformi ta’ negozjar immirati għal strumenti finanzjarji sostenibbli denominati bl-euro, bħal dawk għas-swieq emerġenti tal-enerġija bħall-idroġenu, għandhom jiġu żviluppati aktar fl-UE u lil hinn minnha.

Permezz tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS - Emissions Trading System), l-UE topera l-akbar suq tal-karbonju fid-dinja, u l-fatturat u l-likwidità tiegħu qegħdin bil-mod il-mod jiżdiedu. L-EU ETS uriet bil-provi li hija għodda effettiva bbażata fuq is-suq li tinċentiva t-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mod kosteffettiv. L-emissjonijiet mill-entitajiet koperti mill-ETS naqsu b’madwar 35 % bejn l-2005 u l-2019. Il-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza u r-reżiljenza tal-EU ETS, filwaqt li tqis l-iżviluppi bħall-ħolqien tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. Il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ il-ħin kollu tal-iżviluppi fin-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet, inkluż l-impatt tal-eżenzjoni tal-attività anċillari rilevanti, b’mod partikolari bħala parti mir-rieżami MiFID sa tmiem l-2021, biex taċċerta li s-swieq tal-ETS jilħqu l-ogħla standards. Il-Kummissjoni tippretendi li l-parteċipanti fis-suq jinnegozjaw il-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE skont ir-reġim regolatorju u superviżorju tal-UE. Il-Pjattaforma l-ġdida tal-Irkant Komuni għall-kwoti tal-emissjonijiet se tkun tinsab fl-UE, bħal dik ta’ qabilha.

F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi biex tilħaq il-mira tal-UE ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ minn tal-anqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-1990 (il-pakkett Fit for 55) 32 . Fost dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi li tespandi l-EU ETS sabiex tinkludi l-emissjonijiet mit-trasport marittimu. Barra minn hekk, qed tikkunsidra li tespandi l-użu tan-negozjar ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-emissjonijiet mill-binjiet, it-trasport bit-triq jew l-emissjonijiet l-oħra kollha mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili f’dik il-proposta ġuridika. Dan jista’ jżid b’mod sinifikanti l-kopertura tas-sistema f’termini ta’ setturi u emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Azzjoni ewlenija 4: Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta’ bonds ekoloġiċi bħala għodod għall-finanzjament ta’ investimenti u proġetti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ 30 % tal-bonds totali maħruġa taħt Next Generation EU f’għamla ta’ bonds ekoloġiċi.

Azzjoni ewlenija 5: Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltajiet li tespandi r-rwol tal-EU ETS biex timmassimizza r-riżultati ambjentali tagħha u se tappoġġa attività ulterjuri tan-negozjar tal-ETS fl-UE.

L-euro fl-era diġitali

L-ispinta lill-finanzi diġitali, filwaqt li jiġu indirizzati r-riskji relatati, se ssostni l-irkupru ekonomiku tal-UE u t-trasformazzjoni ekonomika usa’. Żvilupp ulterjuri tas-settur finanzjarju diġitali Ewropew se jsaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fis-servizzi finanzjarji u l-kapaċità li jiġu protetti l-valuri u l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

Għadd dejjem jikber ta’ banek ċentrali fid-dinja qed jiflu l-possibbiltà li jintroduċu muniti diġitali tal-bank ċentrali (CBDC - central bank digital currencies). Filwaqt li l-banek diġà għandhom aċċess għall-flus tal-bank ċentrali f’għamla diġitali permezz tar-riżervi tagħhom, it-teknoloġija ġdida tiftaħ il-possibbiltà ta’ CBDC fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li tkun aċċessibbli direttament għall-unitajiet domestiċi u n-negozji. Il-Kummissjoni u l-BĊE qed ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw settur Ewropew tal-finanzi diġitali b’saħħtu u vibranti u settur tal-pagamenti integrat sew biex iwieġeb għal ħtiġijiet ġodda ta’ pagament fl-UE. Meta jqis id-diġitalizzazzjoni, il-bidliet f’qasir żmien fix-xenarju tal-pagamenti u t-tfaċċar tal-kriptoassi, il-BĊE qed jistħarreġ il-possibbiltà li joħroġ euro diġitali, bħala komplement għal soluzzjonijiet f’kontanti u ta’ pagament provduti mis-settur privat.

F’Ottubru 2020, il-BĊE ppubblika rapport tat-Task Force ta’ Livell Għoli tal-Eurosistema dwar l-euro diġitali 33 u nieda konsultazzjoni pubblika. Din tal-aħħar għalqet fit-12 ta’ Jannar 2021 u qajmet interess kbir. Fost il-benefiċċji potenzjali tiegħu, euro diġitali jista’ jkun ta’ appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE u l-awtonomija strateġika tagħha. Meta kkombinat ma’ soluzzjonijiet privati tal-munita diġitali, euro diġitali jista’ wkoll itaffi parzjalment l-isfidi fir-rigward tat-tnaqqis osservat fir-relazzjonijiet bankarji korrispondenti fi tranżazzjonijiet transfruntiera kaġun tar-razzjonalizzazzjoni tal-kostijiet mill-banek, l-aspettattivi regolatorji 34 , u bidliet fil-mod ta’ kif jiġi pprovdut dan is-servizz. Sabiex wieħed jaħsad il-benefiċċji ta’ euro diġitali pubbliku, huwa wkoll kruċjali li tiġi indirizzata kull sfida potenzjali għall-politiki tal-UE, bħal dawk relatati mal-intermedjazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja, mal-esklużjoni tas-soluzzjonijiet ta’ pagament tas-settur privat, mal-inklużjoni finanzjarja, mal-ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u mal-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu, mal-privatezza tad-data u mat-twettiq tal-politika monetarja. Fit-3 ta’ Novembru 2020, il-Grupp tal-Euro kellu l-ewwel diskussjoni strateġika dwar euro diġitali u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi potenzjali li tali innovazzjoni tista’ ġġib magħha.

Is-servizzi tal-Kummissjoni u tal-BĊE se jirrieżaminaw b’mod konġunt fil-livell tekniku firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet politiċi, legali u tekniċi li jirriżultaw mill-introduzzjoni possibbli ta’ euro diġitali, filwaqt li jqisu l-mandati rispettivi tagħhom previsti fit-Trattati tal-UE.

B’mod parallel, fil-kuntest tal-Istrateġija tagħha dwar il-Finanzi Diġitali 35 , il-Kummissjoni pproponiet regolament ġdid dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA) 36 . Dan għandu l-għan li jiżgura li l-kriptoassi b’funzjoni ta’ pagament, b’mod partikolari l-“istablecoins”, ma joħolqu l-ebda kwistjoni għall-istabbiltà finanzjarja, il-politika monetarja, it-trażmissjoni tal-politika monetarja u s-sovranità monetarja. Dan huwa konformi mal-Komunikat ta’ Ottubru 2020 37 tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali. L-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ pagament dirett bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti bl-imnut 38 , se jtaffi wkoll it-tnaqqis osservat fis-servizzi bankarji korrispondenti. Kif ġie miftiehem mill-G20, l-ebda “stablecoin globali” ma għandha tibda topera sakemm jiġu indirizzati r-rekwiżiti legali, regolatorji u ta’ sorveljanza kollha kemm permezz ta’ tfassil xieraq kif ukoll billi jiġu osservati l-istandards applikabbli.

Azzjoni ewlenija 6: Il-Kummissjoni u l-BĊE se jwettqu rieżami konġunt ta’ firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet politiċi, legali u tekniċi li jfeġġu mill-introduzzjoni possibbli ta’ euro diġitali.

4.Iż-żieda tar-reżiljenza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji tal-UE u tal-fornituri ta’ servizzi kritiċi relatati

L-UE hija miftuħa għas-swieq finanzjarji globali iżda hija lesta li tħares l-interessi tagħha. F’dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza fis-servizzi finanzjarji huma ta’ benefiċċju reċiproku għall-UE u għall-pajjiżi terzi, u jikkontribwixxu għall-objettiv tal-UE li tippromwovi l-integrazzjoni internazzjonali tas-swieq finanzjarji filwaqt li tippreserva l-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni ħadet aktar minn 280 deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għal aktar minn 30 pajjiż.

Dan huwa partikolarment importanti għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, li huma punti strateġiċi fis-sistema finanzjarja. Għandhom il-funzjoni ta’ punti ta’ aċċess għas-swieq finanzjarji barranin u l-livell ta’ ftuħ tagħhom huwa ta’ benefiċċju għan-negozji u l-investituri tal-UE, u l-ġestjoni u s-superviżjoni tagħhom trid issir skont standards għoljin, abbażi tax-xogħol li sar mill-entitajiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards. Apparti minn hekk, huwa essenzjali li jiġi ppreservat il-forniment tal-funzjonijiet kritiċi matul il-kriżijiet. Huwa interess ewlieni tal-UE li tiżviluppa l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji tagħha u żżid ir-reżiljenza tagħhom sabiex tevita li għall-forniment ta’ tali servizzi kritiċi jkollha tiddependi mill-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

It-tisħiħ tar-reżiljenza operazzjonali tal-infrastrutturi tas-suq jinkludi li s-settur ikun protett mit-theddid u l-vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà li qegħdin kulma jmur isiru dejjem aktar mifruxa, immirati u jħallu impatt 39 . Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppubblikat proposti speċifiċi 40 li jfittxu li jiksbu diġitizzazzjoni sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjetali tal-UE permezz ta’ livell għoli ta’ reżiljenza operazzjonali diġitali u ta’ sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni li fuqhom tiddependi l-UE.

It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji

Għadd ta’ infrastrutturi tas-swieq finanzjarji bbażati fl-UE jipprovdu servizzi globali depożitarji u ta’ messaġġi. L-operazzjonijiet internazzjonali tagħhom jagħmluhom soġġetti għal liġijiet u politiki barranin. Dan jagħmilhom ukoll vulnerabbli għal azzjonijiet ta’ xkiel minn pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima ta’ sanzjonijiet unilaterali. Huwa importanti għall-UE li tippreserva l-portata globali ta’ dawn l-infrastrutturi, filwaqt li tissalvagwardja l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE.

L-UE għandha tiżviluppa miżuri biex tipproteġi lill-operaturi tal-UE fl-eventwalità li pajjiż terz iġiegħel infrastrutturi tas-swieq finanzjarji bbażati fl-UE jikkonformaw mas-sanzjonijiet tiegħu adottati b’mod unilaterali, jew permezz ta’ mezzi oħra li jinterferixxu ma’ operazzjonijiet leġittimi tal-UE. L-ewwel pass ikun, fl-ambitu ta’ rispons usa’ tal-UE għall-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima ta’ sanzjonijiet unilaterali minn pajjiż terz li jaffettwaw attivitajiet leġittimi tal-UE, li jiġu vvalutati l-vulnerabbiltajiet b’mod strutturat permezz tal-ittestjar u l-iżvilupp tal-mudelli tan-negozju tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji. It-tieni pass ikun li jiġu żviluppati għodod biex jiġġieldu l-effetti fuq l-operaturi tal-UE tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tal-miżuri unilaterali minn pajjiż terz. Pereżempju, meta tali miżuri ta’ pajjiż terz iwasslu għal esklużjoni mhux ġustifikata minn infrastrutturi tas-swieq finanzjarji jew għal multa kontra operatur ibbażat fl-UE, l-UE tista’ tikkontrobatti din l-interferenza bla bżonn bl-azzjonijiet proposti hawnhekk. L-azzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 5 se jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħaq dan l-għan.

L-ammonti kbar ta’ kuntratti denominati bl-euro kklirjati u saldati minn kontropartijiet ċentrali barra l-UE wkoll iqajmu tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja fil-każ ta’ kriżi fil-ġejjieni li tirrikjedi likwidità bl-euro jew muniti oħra tal-Unjoni. F’dan l-isfond, id-deċiżjoni temporanja reċenti dwar l-ekwivalenza fir-rigward tal-qafas tar-Renju Unit għall-kontropartijiet ċentrali turi biċ-ċar li l-volum tal-iskoperturi attwali tal-membri tal-ikklirjar tal-Unjoni vis-à-vis l-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs - Central Counterparties) tar-Renju Unit iġib miegħu riskji għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u għat-trażmissjoni u t-twettiq tal-politika monetarja tal-Unjoni. Għaldaqstant, hemm stennija evidenti li l-membri tal-ikklirjar tal-Unjoni jnaqqsu l-iskoperturi tagħhom għas-CCPs tar-Renju Unit li huma sistemikament importanti għall-Unjoni, b’mod partikolari skoperturi derivattivi barra l-Borża (OTC - Over-the-Counter) li huma denominati bl-euro u muniti oħra tal-Unjoni. Apparti minn hekk, il-Kumitat Superviżorju tas-CCPs stabbilit reċentement fl-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA - European Securities and Markets Authority) se jwettaq rieżami komprensiv tal-importanza sistemika tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi u l-attivitajiet u s-servizzi tal-ikklirjar tagħhom fl-Unjoni 41 , u l-ESMA se tieħu kull miżura xierqa biex tindirizza r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja skont ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR - European Market Infrastructure Regulation 42 ).

Il-parteċipanti fis-suq tal-UE jeħtieġu li jnaqqsu l-iskoperturi eċċessivi tagħhom għas-CCPs sistemiċi f’pajjiżi terzi, u s-CCPs tal-UE jridu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom għall-ikklirjar. B’hekk, l-iskoperturi se jkunu aktar ibbilanċjati għall-benefiċċju tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA - European Banking Authority) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), beħsiebha għalhekk taħdem mal-industrija biex tivvaluta l-kwistjonijiet tekniċi possibbli relatati mat-trasferiment tal-kuntratti denominati bl-euro jew muniti oħra tal-UE lil kontropartijiet ċentrali b’sede fl-UE bl-għan li tiffaċilita tali trasferimenti. L-impatt fuq l-ekonomija reali se jiġi kkunsidrat ukoll. Huma mistennija li jinħarġu rakkomandazzjonijiet sa nofs l-2021.

Azzjoni ewlenija 7: Il-Kummissjoni se tkun involuta flimkien mal-kumpaniji tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji biex twettaq analiżi bir-reqqa tal-vulnerabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima ta’ sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni beħsiebha tinvolvi lill-BĊE u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti f’dan ir-rigward skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li jinħarġu rakkomandazzjonijiet relatati u se tikkontribwixxi għall-firxa ta’ għodod tal-UE biex tipprevjeni u tiġġieled b’mod effettiv l-interferenza bla bżonn fl-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji bbażati fl-UE.

Azzjoni ewlenija 8: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ ħidma biex tivvaluta l-kwistjonijiet tekniċi possibbli relatati mat-trasferiment tal-kuntratti finanzjarji denominati bl-euro jew muniti oħra tal-UE kklirjati barra l-UE lill-kontropartijiet ċentrali b’sede fl-UE.

It-tnaqqis tad-dipendenza eċċessiva fuq istituzzjonijiet finanzjarji barranin u fuq il-finanzjament b’muniti barranin

Is-sovradipendenza fuq is-servizzi bankarji mhux tal-UE tista’ toħloq problemi fi żminijiet ta’ tfixkil fis-swieq finanzjarji. Is-sehem mis-suq tal-banek tal-investiment tal-UE ilu jonqos matul dawn l-aħħar 15-il sena, kemm fuq livell globali kif ukoll fl-UE. Fi żminijiet ta’ kriżi finanzjarja, il-banek mhux tal-UE jistgħu jagħżlu li jkollhom preżenza ridotta fl-UE u jiffukaw fuq is-suq domestiku tagħhom. Dan jista’ jostakola l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Membri għall-finanzjament tas-swieq tal-kapital, għas-soluzzjonijiet b’rabta mal-ġestjoni tar-riskju jew għal servizzi finanzjarji oħra, u jista’ jikkomprometti l-likwidità jew saħansitra s-solvenza tal-kontropartijiet finanzjarji tal-UE.

Sors ta’ riskju relatat huwa d-dipendenza eċċessiva tal-banek tal-UE fuq is-swieq tal-iswaps tal-valuti skont ir-rata tal-kambju. Fl-2011, il-BERS 43 diġà kien irrakkomanda li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jwettqu monitoraġġ tal-finanzjament u l-likwidità f’dollaru Amerikan u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE jipprevedu pjanijiet ta’ finanzjament ta’ kontinġenza. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġew introdotti rekwiżiti ġodda ta’ likwidità għall-banek li jkopru wkoll muniti barranin sinifikanti, u sar qbil dwar linji ta’ swaps mill-BĊE ma’ banek ċentrali oħra biex tiġi pprovduta likwidità f’dollari Amerikani lis-sistema bankarja u lill-ekonomija meta jkun hemm stress fis-suq. Dawn il-miżuri taffew sa ċertu punt it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja.

Kemm il-kriżi finanzjarja tal-2008 kif ukoll ix-xkiel tas-swieq f’Marzu 2020 ħarġu fil-beraħ dawn ir-riskji 44 . B’mod ġenerali, il-finanzjament transfruntiera jiffaċilita l-fluss tal-kreditu fl-ekonomija dinjija. Madankollu, il-flussi transfruntiera jsiru aktar volatili fi kriżi, billi l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ħabta jkun għaġġelin biex jiffinanzjaw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom, iżidu l-parteċipazzjonijiet tal-likwidità tagħhom u jnaqqsu r-riskju tal-kreditu tal-kontroparti. Meta feġġet il-pandemija tal-COVID-19, minħabba r-rwol tad-dollaru Amerikan bħala munita dinjija, it-tellieqa għad-dollaru u l-ispostament fis-suq tar-riakkwist tal-Istati Uniti għamluha ferm aktar diffiċli u għalja biex istituzzjonijiet finanzjarji mhux fl-Istati Uniti jiffinanzjaw mill-ġdid l-operazzjonijiet tagħhom bid-dollaru Amerikan.

Użu akbar tal-euro fi tranżazzjonijiet internazzjonali, aktar attraenza u opportunitajiet ta’ investimenti bl-euro, u t-tfaċċar u l-konsolidazzjoni tal-parametri referenzjarji bl-euro jaf inaqqsu ulterjorment il-vulnerabbiltajiet finanzjarji tan-negozji. L-ewwel pass biex dan it-tħassib jiġi indirizzat ikun dak li tiġi studjata f’aktar dettall id-dipendenza fuq operaturi finanzjarji mhux fl-UE u fuq il-finanzjament b’muniti barranin, il-fatturi determinanti u l-vulnerabbiltajiet għas-sistema finanzjarja tal-UE. Fl-2021, il-Kummissjoni se tikkonferixxi mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex twettaq studju dwar id-dipendenza tal-UE fuq operaturi finanzjarji mhux fl-UE u d-dipendenza tal-banek fuq il-finanzjament b’munita barranin.

L-aċċertament tal-fluss tal-kapital u tas-servizzi finanzjarji mal-pajjiżi terzi

L-applikazzjoni extraterritorjali ta’ sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi affettwat serjament il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jmexxu ’l quddiem objettivi ta’ politika barranija, li jonoraw il-ftehimiet internazzjonali u li jġestixxu r-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi soġġetti għal sanzjonijiet. Minn daqqiet, l-azzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi kkompromettew il-kummerċ u l-investiment b’mod leġittimu tan-negozji tal-UE ma’ pajjiżi oħra. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit stabbilew, b’sostenn tekniku u finanzjarju mis-servizzi tal-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Iskambji ta’ Kummerċ (INSTEX - Instrument in Support of Trade Exchanges), entità bi skop speċjali bl-għan li tiffaċilita l-pagamenti għall-kummerċ leġittimu bejn l-UE u l-Iran. L-istrument tnieda f’Jannar 2019, u minn dak iż-żmien ’l hawn ħames Stati Membri oħra (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Netherlands u l-Iżvezja) u n-Norveġja ssieħbu bħala azzjonisti.

Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”), se tirrifletti dwar l-aktar mod xieraq biex tipproteġi l-politika barranija tal-UE kif ukoll l-interessi strateġiċi tagħha, kif ukoll lill-kumpaniji u l-individwi tal-UE, mill-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali adottati minn pajjiżi terzi. Bħala parti minn din id-diskussjoni, il-Kummissjoni se tistħarreġ, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE, l-opzjonijiet biex tiżgura l-fluss mingħajr interruzzjoni u sigur tas-servizzi finanzjarji essenzjali bejn l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha u biex tipproteġi l-operazzjonijiet leġittimi tal-operaturi tal-UE, f’konformità sħiħa mal-ftehimiet internazzjonali multilaterali u mal-qafas tas-sanzjonijiet tal-UE stess. F’dan il-kuntest, se jiġu mistħarrġa modi kif tista’ tittejjeb l-effettività ta’ strumenti bħall-INSTEX.

Azzjoni ewlenija 9: Il-Kummissjoni se tistħarreġ modi kif tiżgura l-fluss mingħajr interruzzjoni tas-servizzi finanzjarji essenzjali, inklużi l-pagamenti, mal-persuni jew l-entitajiet tal-UE li jkunu l-oġġett tal-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi.

5.It-tisħiħ tal-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE

Is-sanzjonijiet tal-UE huma strument ewlieni użat biex jippromwovi l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), li permezz tiegħu l-UE tista’ tintervjeni, b’mod partikolari biex tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Għaldaqstant dawn għandhom rwol kritiku biex jiddefendu l-valuri tal-UE u jipproġettaw l-influwenza tagħha internazzjonalment. Implimentazzjoni u infurzar aktar veloċi u robusti tas-sanzjonijiet tal-UE, kif ukoll politika protettiva kontra l-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi għall-operaturi tal-UE, se jkunu ta’ benefiċċju għall-ftuħ, is-saħħa u r-reżiljenza tal-UE.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, għandhom prerogattivi komplementari u differenti rigward it-tfassil, l-implimentazzjoni, u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE 45 , b’rispett sħiħ għad-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali. Il-Kunsill jiddeċiedi dwar l-adozzjoni, it-tiġdid jew it-tneħħija ta’ sanzjonijiet, abbażi ta’ proposti mir-Rappreżentant Għoli. Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, tagħti effett lil dawn id-deċiżjonijiet fid-dritt tal-UE permezz ta’ proposti konġunti għal regolamenti tal-Kunsill. Fir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni twettaq sorveljanza tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet mill-Istati Membri skont it-TFUE. Madankollu, l-implimentazzjoni fl-UE kollha mhijiex uniformi daqs kemm suppost tkun. Dan joħloq distorsjonijiet fis-Suq Uniku peress li l-kumpaniji tal-UE, inklużi s-sussidjarji tal-UE ta’ kumpaniji barranin, jistgħu jiżgiċċaw mill-projbizzjonijiet. Dan joħloq ukoll inċertezza fost l-operaturi. L-inkonsistenza fl-infurzar tikkomprometti l-effikaċja tas-sanzjonijiet u l-kapaċità tal-UE li titkellem b’vuċi waħda.

L-implimentazzjoni kompluta u uniformi tas-sanzjonijiet tal-UE, flimkien ma’ sforzi addizzjonali biex tiġi miġġielda l-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi għall-operaturi tal-UE, se jsaħħu aktar il-piż strateġiku tal-UE billi: (i) iżidu l-kredibbiltà tal-UE bħala potenza regolatorja u (ii) jippreżervaw l-integrità u l-kundizzjonijiet ekwi tas-Suq Uniku tal-UE.

Jittejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE

Is-sanzjonijiet tal-UE jridu jkunu mmirati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE, filwaqt li jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati. Il-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni inkarigata mill-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE skont it-TFUE, mill-2021 se tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-effettività tas-sanzjonijiet tal-UE. Din se tkun tikkonsisti minn analiżi tal-impatt ekonomiku tas-sanzjonijiet fuq l-entitajiet soġġetti għalihom, fuq ix-xejriet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat, fuq in-negozji tal-UE u fuq il-forniment ta’ għajnuna umanitarja. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tikkoordina mar-Rappreżentant Għoli biex tipproponi titjib fl-effettività tar-regolamenti tas-sanzjonijiet tal-UE.

Fl-2021, il-Kummissjoni se twettaq ukoll rieżami tal-prattiki li jiżgiċċaw mis-sanzjonijiet u jikkompromettuhom, inkluż l-użu ta’ kriptovaluti u stablecoins. Dak li joħroġ minnu se jservi ta’ bażi għall-proposti leġiżlattivi jew linji gwida ta’ implimentazzjoni possibbli mill-2022.

Is-sanzjonijiet tal-UE jkunu l-aktar effettivi meta jkun hemm informazzjoni dwar l-impatt tagħhom disponibbli fil-pront. Fl-2021, il-Kummissjoni se tiżviluppa bażi tad-data, ir-Repożitorju tal-Iskambju tal-Informazzjoni dwar is-Sanzjonijiet. Dan se jagħti lok għal rappurtar u skambju fil-pront tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet. Il-Kummissjoni se tifli l-possibbiltà li tikseb informazzjoni speċjalizzata, inkluża data miġbura mill-aġenziji u l-korpi tal-UE. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli kif xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tivvaluta l-bżonn li twettaq rieżami tal-obbligi ta’ rappurtar li diġà jeżistu għall-Istati Membri.

B’mod parallel mal-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed twaqqaf grupp ta’ esperti ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri dwar is-sanzjonijiet u l-extraterritorjalità. Ir-rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jiġu mistiedna jassistu fil-laqgħat tal-Grupp. Il-mandat tal-grupp se jkopri kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni teknika tas-sanzjonijiet tal-UE u tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 (Statut ta’ Mblukkar) 46 . Barra minn hekk, il-grupp se jservi bħala forum biex titwettaq aktar ħidma dwar ir-reżiljenza tal-UE għall-effetti tal-applikazzjoni illeġittima tas-sanzjonijiet extraterritorjali unilaterali adottati minn pajjiżi terzi. L-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs - Non-governmental organisations) u s-soċjetà ċivili jistgħu jiġu mistiedna kif xieraq biex jiġi żgurat li l-aspetti umanitarji jingħataw prominenza.

Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni ulterjuri dwar ċerti kwistjonijiet relatati mas-sanzjonijiet transfruntiera. Bħalissa, l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jittrattaw talbiet għal awtorizzazzjonijiet min-negozji jew operaturi umanitarji tal-UE li huma attivi f’diversi Stati Membri ta’ sikwit ma jkunux mgħarrfa bir-rikjesti paralleli lill-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, jew bid-deċiżjonijiet maħruġa minnhom. Dan jista’ jirriżulta fl-infurzar mhux ikkoordinat tas-sanzjonijiet tal-UE u l-għażla opportunistika tal-lok l-aktar vantaġġjuż (forum shopping). Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi sistema għaċ-ċentralizzazzjoni tan-notifiki u t-tqassim tal-informazzjoni fost l-Istati Membri, u biex tgħin fil-koordinazzjoni tat-tweġibiet tal-Istati Membri, f’konformità sħiħa mal-qsim tal-kompetenzi fit-trattati.

Il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE mal-Istati Membri biex tiżgura approċċ armonizzat f’dan ir-rigward. Fil-grupp tal-esperti msemmi aktar ’il fuq, jistgħu jiġu diskussi wkoll l-istandards applikabbli u l-aħjar prattiki rispettivi.

Fl-aħħar nett, l-UE hija fornitur ewlieni ta’ assistenza lill-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali tagħha biex tiggarantixxi ulterjorment l-ogħla livelli ta’ diliġenza dovuta biex jiġi aċċertat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-UE, inklużi l-garanziji, jintużaw f’konformità sħiħa mas-sanzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli taħdem mas-sħab tagħha li għandhom bżonn iżidu l-kapaċità f’dan il-qasam.

Azzjoni ewlenija 10: Fl-2021, il-Kummissjoni se tiżviluppa bażi tad-data, ir-Repożitorju tal-Iskambju tal-Informazzjoni dwar is-Sanzjonijiet, għar-rappurtar u l-iskambju tal-informazzjoni f’waqthom bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet.

Azzjoni ewlenija 11: Fl-2021, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi punt ta’ kuntatt uniku għall-kwistjonijiet tal-infurzar u tal-implimentazzjoni li għandhom dimensjonijiet transfruntiera.

Azzjoni ewlenija 12: Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura ulterjorment li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-UE pprovduti lill-pajjiżi terzi, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ma jintużawx bi ksur tas-sanzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari, billi tibqa’ ssib qbil dwar dispożizzjonijiet legalment vinkolanti mas-sħab li jimplimentaw il-fondi tal-UE biex tiġi żgurata l-konformità, u billi twettaq segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom.

Is-superviżjoni tal-infurzar armonizzat tas-sanzjonijiet tal-UE

Fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-trattati, il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u tiġbor informazzjoni dwar ksur possibbli tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri. Biex tindirizza n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE u l-implikazzjonijiet potenzjali għal dawk li jirrapportaw attivitajiet illeċiti, il-Kummissjoni se toħloq għodda apposta biex tiffaċilita r-rappurtar anonimu.

Fl-ewwel nofs tal-2022, il-Kummissjoni se tfassal pjan direzzjonali (inklużi l-kriterji u skeda taż-żmien) bil-passi li jridu jittieħdu biex mill-individwazzjoni tan-nonkonformità sistematika mas-sanzjonijiet tal-UE tgħaddi għal azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, inkluż fil-qafas tal-grupp tal-esperti dwar is-sanzjonijiet u l-extraterritorjalità, biex tiżgura li l-penali nazzjonali għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Azzjoni ewlenija 13: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sistema apposta biex tippermetti r-rappurtar anonimu tal-evażjoni tas-sanzjonijiet, inkluż l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta. Is-sistema se tipprovdi l-garanziji ta’ kunfidenzjalità meħtieġa.

It-tisħiħ tal-għodod eżistenti biex tiġi miġġielda l-extraterritorjalità u l-kunsiderazzjoni ta’ għodod ġodda

Matul dawn l-aħħar snin, ċerti pajjiżi terzi żiedu l-użu tagħhom ta’ sanzjonijiet jew miżuri regolatorji oħra biex jiddeterminaw l-aġir tal-operaturi tal-UE, kemm jekk individwi kif ukoll jekk kumpaniji. L-UE hija tal-fehma li l-applikazzjoni extraterritorjali minn pajjiżi terzi ta’ miżuri kontra l-operaturi tal-UE tmur kontra d-dritt internazzjonali. Dawn il-miżuri jheddu l-integrità tas-Suq Uniku u s-sistemi finanzjarji tal-UE, inaqqsu l-effettività tal-politika barranija tal-UE u jpoġġu pressjoni fuq il-kummerċ u l-investiment b’mod leġittimu fi ksur tal-prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali.

Koordinazzjoni sfieqa u mill-qrib mal-alleati u sħab tal-istess fehma, sabiex ir-reġim tas-sanzjonijiet isir kemm jista’ jkun allinjat, tipprevjeni parzjalment l-adozzjoni tas-sanzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jvarjaw fl-ambitu jew fis-sustanza meta mqabbla ma’ dawk tal-UE u li jiġu applikati wkoll b’mod extraterritorjali għall-operaturi tal-UE. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jfittxu li jkollhom djalogu regolari u kooperazzjoni dwar sanzjonijiet mal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari mas-sħab tal-G-7, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw allinjament aħjar tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ sanzjonijiet u implimentazzjoni, u biex iqajmu kull tħassib potenzjali dwar l-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-pajjiżi terzi.

Azzjoni ewlenija 14: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sanzjonijiet, b’mod partikolari mas-sħab tal-G-7.

L-Istatut ta’ Mblukkar huwa r-rispons b’vuċi waħda tal-UE għall-applikazzjoni extraterritorjali tal-miżuri tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari sanzjonijiet sekondarji, fuq l-operaturi tal-UE 47 . Biex jilħaq il-milja tiegħu, l-Istatut ta’ Mblukkar irid ikun parti minn politika tal-UE aktar komprensiva kontra l-extraterritorjalità, li għaliha l-Kummissjoni se timplimenta l-miżuri li ġejjin biex tagħmel użu aħjar mill-għodod eżistenti u toħloq għodod ġodda, kif xieraq, permezz ta’:

(I)proċeduri u regoli aktar ċari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 (b’mod partikolari, biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-assi tal-konvenuti fl-UE kollha);

(II)miżuri nazzjonali msaħħa għall-imblukkar tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi barranin abbażi tal-miżuri extraterritorjali elenkati (l-Artikolu 4);

(III)ipproċessar simplifikat għal talbiet għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, inkluż rieżami tal-informazzjoni mitluba;

(IV)involviment possibbli fi proċedimenti barranin biex jiġu appoġġati l-kumpaniji u l-individwi tal-UE.

Il-Kummissjoni, meta tiġi biex tivvaluta l-impatt tal-investimenti diretti barranin fl-UE fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku 48 , se tqis ukoll il-probabbiltà li t-tranżazzjoni tirriżulta fl-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet adottati minn kwalunkwe pajjiż terz fuq il-mira Ewropea. Pereżempju, il-Kummissjoni, meta tkun qed twettaq rieżami tal-akkwiżizzjoni tal-kontroll fuq ċerti kumpaniji tal-UE minn investitur barrani, jaf ikollha bżonn tivvaluta, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, jekk dan jagħmilx lill-kumpanija tal-UE fil-mira aktar suxxettibbli li tirrispetta tali sanzjonijiet extraterritorjali, irrispettivament mill-pajjiż li jkun imponihom. Eżitu bħal dan jista’ b’hekk jipperikola l-kapaċità tal-kumpanija tal-UE fil-mira li żżomm infrastruttura kritika fl-UE, jew li tiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista tal-inputs kritiċi fl-UE. 

Storikament, l-Istatut ta’ Mblukkar ippreveda rispons b’vuċi waħda mill-UE għall-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet. Madankollu, il-proliferazzjoni ta’ tali sanzjonijiet teħtieġ dibattitu aktar fil-fond dwar miżuri addizzjonali possibbli biex jiżdied l-effett ta’ deterrent u, jekk ikun hemm bżonn, biex jiġu miġġielda. Il-Kummissjoni se tniedi riflessjoni ġenerali dwar l-opzjonijiet ta’ politika biex timmodernizza s-sett ta’ għodod għad-dispożizzjoni tal-UE biex tiġġieled l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi fuq l-individwi u l-entitajiet tal-UE. Il-Kummissjoni, apparti milli tirrifletti fuq emenda bl-għan li tirrinforza l-Istatut ta’ Mblukkar li tixħet il-lenti fuq il-miżuri ta’ ritaljazzjoni mhux relatati mal-kummerċ, se tqis għodod ulterjuri biex tipproteġi l-operazzjonijiet leġittimi tal-operaturi tal-UE skont id-dritt tal-Unjoni. Il-partijiet ikkonċernati se jkunu involuti kif xieraq.

Parallelament, il-Kummissjoni qed twettaq rieżami tal-politika kummerċjali tagħha 49 u se tressaq proposta biex tnaffar u tiġġieled azzjonijiet koerċittivi minn pajjiżi terzi, sa mhux aktar tard mir-raba’ trimestru tal-2021 (jew qabel, jekk ikun hemm bżonn) 50 .

Azzjoni ewlenija 15: Il-Kummissjoni se tikkunsidra opzjonijiet ta’ politika addizzjonali biex tkompli tnaffar u tiġġieled l-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tas-sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi fuq l-operaturi tal-UE, inkluża l-possibbiltà ta’ emenda tar-Regolament (KE) Nru 2271/96.

6.Konklużjoni

Il-Kummissjoni qed tieħu sett konsistenti ta’ azzjonijiet biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE biex iżżid il-kapaċità tagħha li tippromwovi u tiddefendi multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli u tiżviluppa relazzjonijiet bilaterali ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li tipproteġi lilha nnifisha minn prattiki inġusti u abbużivi.

Il-Kummissjoni se tara li tikseb l-azzjonijiet kollha msemmija hawn fuq sabiex iżżid ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE u tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni se tkun f’kuntatt mal-pajjiżi terzi sħab biex tippromwovi l-użu tal-euro, tħeġġeġ l-istatus tal-euro bħala munita ta’ referenza internazzjonali fis-setturi tal-kummerċ, l-enerġija u l-komoditajiet, issaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE u tipproteġi lill-operaturi tal-UE mill-applikazzjoni extraterritorjali illeġittima tal-miżuri tal-pajjiżi terzi.

Dawn l-oqsma ta’ azzjoni huma interrelatati u komplementari, u s-suċċess fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma se jiddependi fuq diversi partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-BĊE. Il-Kummissjoni tistieden lil dawn l-atturi kollha biex jingħaqdu f’din l-istrateġija għall-benefiċċju tal-effettività tal-Unjoni fix-xena dinjija u s-settur ekonomiku u finanzjarju tagħha b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ ta’ dawn l-azzjonijiet fuq bażi kontinwa, u fl-2023, se twettaq rieżami tal-istat tar-riżultati ta’ implimentazzjoni miksuba.

(1)      COM(2020) 456, “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
(2)      Il-miżuri leġiżlattivi jew regolatorji bl-għan li japplikaw lil hinn mit-territorju ta’ sovran, u mingħajr rabta suffiċjenti ma’ dak il-pajjiż, normalment jitqiesu bħala miżuri “extraterritorjali”.
(3)      Dawn jinkludu rieżami tal-politika kummerċjali, Komunikazzjoni konġunta dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, strateġija industrijali aġġornata u strateġiji diġitali u aġenda ġdida bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-bidla globali. Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika għall-2021 tal-Kummissjoni se jipprovdi perspettiva fuq terminu twil u trażversali dwar it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa.
(4)      Swift RMB Tracker, Diċembru 2020: f’ħin reali u konsenjati, MT 103 u MT 202 (Pagamenti mibdija mill-klijent u pagamenti istituzzjonali), Esklużi l-pagamenti fiż-żona tal-euro
(5)      Il-Bank Ċentrali Ewropew, “19th Annual review of the international role of the euro” (Ġunju 2020), disponibbli hawnhekk https://www.ecb.europa.eu/pub/ire/html/ecb.ire202006~81495c263a.en.html  
(6)      COM(2019) 640, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
(7)      Imsejħa “miżuri restrittivi” fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(8)      Ara wkoll: SWD(2020) 276, “Analysis of the euro area economy”, il-Kapitolu 5, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja COM(2020) 746 (Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro).
(9)      COM(2020) 590: “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:
(10)      COM(2020) 592: “Strateġija dwar il-Pagamenti bl-Imnut għall-UE”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
(11)      COM(2020) 591: “Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
(12)      Dan il-pakkett jagħmilha aktar faċli biex is-swieq tal-kapital jappoġġaw lin-negozji Ewropej biex jirkupraw mill-kriżi. Il-pakkett jinkludi r-regolamenti li ġejjin li jwasslu għal bidliet immirati għar-regoli tas-swieq tal-kapital, b’mod partikolari għar-Regolament (UE) 2017/2401, ir-Regolament (UE) 2017/2402, ir-Regolament (UE) 2017/1129, id-Direttiva 2014/65/UE.
(13)      L-għan ta’ dan il-pakkett huwa li jiżgura li l-banek jistgħu jkomplu jsellfu l-flus biex jappoġġaw l-ekonomija u jgħinu biex jittaffa l-impatt ekonomiku sinifikanti tal-Coronavirus. Jinkludi COM(2020) 169, Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali, kif ukoll emendi mmirati ta’ “soluzzjoni ta’ malajr” għar-regoli bankarji tal-UE, b’mod partikolari għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012.
(14)      F’Settembru 2020, il-Kummissjoni stabbiliet proposta biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’minn tal-anqas 55 % sal-2030, u tibdel il-mogħdija ta’ bħalissa fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex tilħaq newtralità klimatika sal-2050. Il-proposta tinsab f’COM(2020) 562: “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030. Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”. Għal aktar informazzjoni, ara https://ec.europa.eu/clima/policies/eu-climate-action_mt  
(15)      COM(2018) 796 “Lejn rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew (is-Summit taż-Żona tal-Euro), lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, disponibbli hawnhekk:  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/communication_-_towards_a_stronger_international_role_of_the_euro.pdf  
(16)       C(2018) 8111, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro fil-qasam tal-enerġija, akkumpanjata minn SWD(2018) 483, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Promoting the international role of the euro in the field of energy”.
(17)      Sar riassunt tar-riżultati tal-ħames konsultazzjonijiet immirati fi SWD(2019) 600 “Strengthening the International Role of the Euro. Results of the Consultations”, Dokument tal-Persunal tal-Kummissjoni .  
(18)      Il-Bank Ċentrali Ewropew “8th Annual review of the international role of the euro” (Ġunju 2019), disponibbli hawnhekk https://www.ecb.europa.eu/pub/ire/html/ecb.ire201906~f0da2b823e.en.html#toc1
(19)      Boz, E., Gopinath, G. u Plagborg-Møller, M. (2017) “Global Trade and the Dollar,” Dokumenti ta’ Ħidma tal-FMI, vol 17(239).
(20)      Bl-esklużjoni tal-kummerċ intra-UE, fl-2019, is-sehem mill-esportazzjonijiet fuq livell dinji tal-EU-27 kien 15,6 % għall-oġġetti u 22,5 % għas-servizzi, filwaqt li s-sehem tal-EU-27 mill-importazzjonijiet fuq livell dinji kien ta’ 13,9 % għall-oġġetti u 21,0 % għas-servizzi. https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/10934584/KS-EX-20-001-EN-N.pdf/8ac3b640-0c7e-65e2-9f79-d03f00169e17  
(21)      Fit-3 ta’ Diċembru 2020, l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OACPS - Organisation of African, Caribbean and Pacific States) laħqu ftehim politiku dwar it-test għal Ftehim ta’ Sħubija ġdid li se jieħu post il-Ftehim ta’ Cotonou. Ladarba jiġi approvat, iffirmat u ratifikat mill-partijiet, il-Ftehim se jkopri għadd kbir ta’ oqsma, li jvarjaw mit-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli sad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi u s-sigurtà u se jkun attrezzat biex jirresponsabbilizza kull reġjun. Ladarba jidħol fis-seħħ, il-Ftehim se jservi ta’ qafas ġuridiku l-ġdid u se jmexxi r-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u d-79 membru tal-OACPS għall-għoxrin sena li ġejjin. Aktar informazzjoni tinsab disponibbli hawnhekk https://trade.ec.europa.eu/access-to-markets/mt/content/merhba-faccess2markets-ghall-utenti-tal-helpdesk-tal-kummerc .
(22)      Acces2Markets hija bażi tad-data li tipprovdi lill-esportaturi u lill-importaturi tal-UE informazzjoni dwar it-tariffi, it-taxxi u d-dazji, ir-regoli tal-oriġini kif ukoll il-proċeduri u l-formalitajiet. Aktar informazzjoni tinsab disponibbli hawnhekk https://trade.ec.europa.eu/access-to-markets/mt/content/dwar-access2markets .
(23)      Iċ-ċifri huma bbażati fuq kalkolu mill-persunal tal-Kummissjoni bl-użu ta’ sorsi ta’ data disponibbli.
(24)      Id-Direttiva 2014/65/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE.
(25)      COM(2020) 280, Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta’ pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19. L-emendi proposti jirrikalibraw bir-reqqa r-reġim tal-limitu ta’ pożizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-hedging sabiex jiżguraw li s-swieq emerġenti denominati bl-euro jkunu jistgħu jiffjorixxu u jippermettu lill-produtturi u lill-manifatturi jagħmlu hedging tar-riskji tagħhom filwaqt li jissalvagwardjaw l-integrità tas-swieq tal-komoditajiet, ħlief għall-komoditajiet agrikoli, b’mod partikolari dawk tal-ikel għall-konsum mill-bniedem bħala sottostanti.
(26)      Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014.
(27)      Fi tmiem l-2020, l-UE kienet ikklassifikata kif ġej mill-Aġenziji l-kbar tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu: Il-klassifikazzjonijiet ta’ Fitch: AAA (Prospetti stabbli); Moody’s: Aaa (Prospetti stabbli); S&P: AA (Prospetti pożittivi); DBRS: AAA (Prospetti stabbli); Ambitu: AAA (Prospetti stabbli). Ara European Union: Investor Presentation (Diċembru 2020) disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/info/strategy/eu-budget/eu-borrower/investor-relations_en.
(28)      L-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) ġie stabbilit mill-Unjoni biex jgħin lill-Istati Membri jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tat-tifqigħa tal-coronavirus fit-territorju tagħhom. Jista’ jipprovdi assistenza finanzjarja sa massimu ta’ EUR 100 biljun f’għamla ta’ self mill-UE lill-Istati Membri milquta biex jindirizzaw żidiet f’salt fin-nefqa pubblika għaż-żamma tal-impjiegi. Għal aktar dettalji, ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19.L-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea (“Next Generation EU”) huwa strument ta’ rkupru temporanju ta’ EUR 750 biljun biex jgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus. Se jipprovdi finanzjament għall-miżuri u l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu kif deskritt fil-Pjan ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea, COM(2020) 456 “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”. Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/2094 jipprevedi l-allokazzjoni ta’:-    appoġġ sa massimu ta’ EUR 390 biljun fi prezzijiet tal-2018 f’għamla ta’ appoġġ mhux ripagabbli u appoġġ ripagabbli permezz ta’ strumenti finanzjarji u għall-proviżjonament għall-garanziji baġitarji; -    sa massimu ta’ EUR 360 biljun fi prezzijiet tal-2018 f’self lill-Istati Membri għal programm li jiffinanzja l-irkupru u r-reżiljenza ekonomika u soċjali permezz ta’ appoġġ għar-riformi u l-investimenti.
(29)      Il-Bank Ċentrali Ewropew (Ġunju 2020), ara hawn fuq.
(30)      COM(2019) 640, ara hawn fuq.
(31)      Ara “Unleashing the euro’s untapped potential at global level”, diskors ta’ F. Panetta, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, Laqgħa mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Disponibbli hawnhekk https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2020/html/ecb.sp200707~3eebd4e721.en.html  
(32)      COM(2020) 562, “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030. Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; COM(2020) 690, “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021. Unjoni ta’ vitalità f’dinja ta’ fraġilità”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
(33)      Il-Bank Ċentrali Ewropew “Report on a digital euro”, (Ottubru 2020) .
(34)      B’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT).
(35)       COM(2020) 591, ara hawn fuq.
(36)      Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2020)593)
(37)      Għal aktar informazzjoni ara: http://www.g20.utoronto.ca/2020/2020-g20-finance-1014.html  
(38)      COM(2020) 592, ara hawn fuq.
(39)      ENISA Threat Landscape - 2020, disponibbli hawnhekk: https://www.enisa.europa.eu/topics/threat-risk-management/threats-and-trends .
(40)      JOIN(2020) 18, “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali”, Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Diċembru 2020; COM(2020) 823, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (“id-Direttiva NIS”); il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014.
(41)    Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi.
(42)      Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet .  
(43)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-BERS dwar il-finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ddenominat f’dollaru Amerikan (BERS/2011/2)
(44)      “US dollar funding tensions and central bank swap lines during the COVID-19 crisis”, ippubblikat bħala parti mill-Bullettin Ekonomiku tal-BĊE, il-Ħarġa 5/2020.
(45)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta sanzjonijiet tal-UE permezz ta’ deċiżjoni meħuda b’unanimità, skont l-Artikolu 29 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u regolament adottat b’maġġoranza kwalifikata skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(46)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha. (ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1-6).
(47)      L-aktar dispożizzjonijiet importanti tiegħu jannullaw kull effett fl-UE ta’ kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal u ta’ kull deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva abbażi ta’ dawk is-sanzjonijiet extraterritorjali (l-Art. 4); jipprojbixxu lill-persuni tal-UE milli jikkonformaw ma’ għadd ta’ sanzjonijiet extraterritorjali, sakemm ma jkunux awtorizzati jagħmlu dan (l-Art. 5); u jħallu lill-persuni tal-UE jirkupraw bil-qorti d-danni mġarrba minn dawk is-sanzjonijiet extraterritorjali (id-dispożizzjoni ta’ rkupru) (l-Art. 6).
(48)      Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1-14) (ir-“Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI”).
(49)      A renewed trade policy for a stronger Europe, Nota għall-Konsultazzjoni tas-16 ta’ Ġunju 2020. Disponibbli hawnhekk https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/june/tradoc_158779.pdf
(50)      L-Ittra ta’ Intenzjoni lill-President David Maria Sassoli u lill-Kanċillier Angela Merkel, is-16 ta’ Settembru 2020, disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/state_of_the_union_2020_letter_of_intent_mt.pdf .
Ara wkoll il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021, disponibbli hawnhekk:
https://ec.europa.eu/info/publications/2021-commission-work-programme-key-documents_mt