9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 124/1


POŻIZZJONI (UE) Nru 3/2021 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240

Adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Marzu 2021

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 124/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 172 u l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm Ewropa Diġitali (il-‘Programm’) għall-perjodu 2021-2027, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (4), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(2)

Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (5).

(3)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ jagħti prova tal-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, matul perijodu limitat ta’ żmien fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, u f’każijiet debitament ġustifikati biss, tkun prevista l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-ispejjeż sottostanti mill-bidu tas-sena finanzjarja 2021, anki jekk dawn ġew implimentati u mġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

(5)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u (UE) 2017/1939 (10), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(6)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2013/755/UE) …/… (12), persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut. Jenħtieġ li l-effettività tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm tkun immonitorjata u evalwata b’mod regolari mill-Kummissjoni.

(7)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13), il-Programm jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet eżistenti u li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament u tal-Kunsill (14), filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda u b’konsiderazzjoni tal-kejl u tal-oqfsa ta’ evalwazzjoni komparattiva eżistenti fil-qasam diġitali. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fil-prattika.

(8)

Jenħtieġ li l-Programm jiżgura l-ogħla livell ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont ta’ strumenti u mekkaniżmi finanzjarji innovattivi li jinvolvu l-baġit tal-Unjoni, fir-rigward tal-kontribut tagħhom lejn il-ksib tal-objettivi tal-Unjoni, kemm fir-rigward tal-aspettattivi inizjali kif ukoll tar-riżultati finali.

(9)

Is-Summit Diġitali ta’ Tallinn ta’ Settembru 2017 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2017 indikaw il-ħtieġa għall-Unjoni li tinvesti fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħha u li tindirizza id-diskrepanza fil-ħiliet biex iżżomm u tarrikkixxi l-kompetittività u l-innovazzjoni Ewropea, il-kwalità tal-ħajja u n-nisġa soċjali. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li t-trasformazzjoni diġitali toffri opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi, ser tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tagħna, u ser ittejjeb il-kreattività u d-diversità kulturali. Biex jiġu sfruttati dawk l-opportunitajiet jeħtieġ li jiġu ttrattati b’mod kollettiv uħud mill-isfidi li ġġib magħha t-trasformazzjoni diġitali u jiġu rieżaminati l-politiki affettwati mit-trasformazzjoni diġitali.

(10)

Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda b’mod partikolari li l-Unjoni jenħtieġ li tindirizza b’mod urġenti t-tendenzi emerġenti, inklużi kwistjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) u teknoloġiji tar-reġistru distribwit (eż. blockchain), filwaqt li fl-istess ħin jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679, id-drittijiet diġitali, id-drittijiet fundamentali u l-istandards etiċi. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tressaq approċċ Ewropew għall-IA sal-bidu tal-2018 u talab lill-Kummissjoni biex tressaq l-inizjattivi meħtieġa għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet qafas bil-għan li l-Unjoni tkun tista’ tesplora swieq ġodda permezz ta’ innovazzjonijiet radikali bbażati fuq ir-riskju u tafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-industrija tagħha.

(11)

Il-bini ta’ ekonomija u soċjetà diġitali Ewropej sodi jkun imsaħħaħ permezz tal-implimentazzjoni adatta tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi stabbilit bid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(12)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Frar 2018, intitolataQafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-għażliet għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, tiddelinja programm għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa li jwassal progress qawwi lejn it-tkabbir intelliġenti f’oqsma bħalma huma data ta’ kwalità għolja tal-infrastruttura, il-konnettività u ċ-ċibersigurtà. Il-Programm ifittex li jiżgura t-tmexxija Ewropea fis-supercomputing, l-Internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-IA, ir-robotika u l-big data. Huwa jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u n-negozju fl-Ewropa fl-ekonomija diġitali kollha u jkollu impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tad-diskrepanza tal-ħiliet fl-Unjoni kollha biex iċ-ċittadini jkollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex jiffaċċjaw it-trasformazzjoni diġitali.

(13)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ April 2018, intitolata “Għal spazju komuni Ewropew tad-data”, tindirizza l-miżuri ġodda li jridu jittieħdu bħala pass fundamentali lejn spazju komuni tad-data fl-Unjoni, qasam diġitali bla xkiel bi skala li tippermetti l-iżvilupp u l-innovazzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq id-data.

(14)

L-objettivi ġenerali tal-Programm jenħtieġ li jkunu li jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u li jrawwmu l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki dwar innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji madwar l-Unjoni, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha u r-reġjuni ekonomikament żvantaġġati tagħha. Il-Programm jenħtieġ li jkun strutturat f’ħames objettivi speċifiċi li jirriflettu oqsma ta’ politika ewlenin, jiġifieri: il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja; l-Intelliġenza Artifiċjali; iċ-Ċibersigurtà u l-Fiduċja; il-Ħiliet Diġitali Avvanzati; u l-Implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà. Għal dawk l-oqsma ta’ politika ewlenin kollha, jenħtieġ li l-Programm ikollu l-għan ukoll li jallinja aħjar il-politiki tal-Unjoni, tal-Istati Membri u dawk reġjonali, u li jiġbor flimkien riżorsi privati u industrijali sabiex jiżdied l-investiment u jiġu żviluppati sinerġiji aktar b’saħħithom. Barra minn hekk, il-Programm jenħtieġ li jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħha.

(15)

Il-ħames objettivi speċifiċi huma distinti iżda interdipendenti. Pereżempju, l-IA teħtieġ li ċ-ċibersigurtà tkun affidabbli, il-kapaċitajiet tal-computing ta’ prestazzjoni għolja (HPC) huma fundamentali għall-appoġġ għat-tagħlim fil-kuntest tal-IA, u t-tliet kapaċitajiet kollha jeħtieġu ħiliet diġitali avvanzati. Minkejja li l-azzjonijiet individwali taħt il-Programm jikkonċernaw objettiv speċifiku uniku, jenħtieġ li l-objettivi ma jitqisux minn perspettiva waħda, iżda aktar bħala li jiffurmaw il-qalba ta’ pakkett koerenti.

(16)

Jeħtieġ li jingħata appoġġ lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jkollhom l-intenzjoni li jużaw it-trasformazzjoni diġitali fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom. Tali appoġġ jippermetti lill-SMEs jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea permezz ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi.

(17)

Rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jingħata lill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej, li jenħtieġ li jistimolaw l-adozzjoni wiesgħa ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati mill-industrija, b’mod partikolari mill-SMEs u minn entitajiet oħra li jimpjegaw sa 3 000 persuna (‘mid-caps’), mill-organizzazzjonijiet pubbliċi u mill-komunità akkademika. Sabiex tkun iċċarata d-distinzjoni bejn il-hubs ta’ innovazzjoni diġitali li jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà skont il-Programm u l-hubs ta’ innovazzjoni diġitali stabbiliti wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 intitolata“Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea– Ingawdu l-benefiċċji kollha ta’ Suq Uniku Diġitali” u ffinanzjati minn sorsi oħra, il-hubs iffinanzjati taħt il-Programm jenħtieġ li jissejħu Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Jenħtieġ li l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej iservu ta’ punti ta’ aċċess għall-aħħar kapaċitajiet diġitali, inkluż l-HPC, l-IA, iċ-ċibersigurtà, kif ukoll għal teknoloġiji innovattivi oħra eżistenti bħat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, disponibbli wkoll f’fablabs jew citylabs. Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali jenħtieġ li jaġixxu bħala punti uniċi ta’ kuntatt biex jaċċessaw teknoloġiji ttestjati u validati u jenħtieġ li jippromwovu innovazzjoni miftuħa. Jenħtieġ li huma jipprovdu wkoll appoġġ fil-qasam tal-ħiliet diġitali avvanzati, pereżempju billi ssir koordinazzjoni mal-fornituri tal-edukazzjoni għall-provvediment ta’ taħriġ fuq terminu qasir għall-ħaddiema u internships għall-istudenti. In-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jenħtieġ li jiżguraw kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa u jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-Suq Uniku Diġitali.

(18)

Matul l-ewwel sena tal-Programm, jenħtieġ li jiġi stabbilit network inizjali tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv minn fost entitajiet maħtura mill-Istati Membri. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jipproponu kandidati skont il-proċeduri nazzjonali u l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ l-opinjoni ta’ kull Stat Membru qabel ma tagħżel Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. L-entitajiet li diġà qed iwettqu funzjonijiet bħala hubs ta’ innovazzjoni diġitali fil-kuntest tal-Inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea jistgħu jinħatru mill-Istati Membri bħala kandidati bħal riżultat ta’ proċess miftuħ u kompetittiv. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tinvolvi esperti esterni indipendenti fil-proċess tal-għażla. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw id-duplikazzjoni bla bżonn tal-kompetenzi u l-funzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm flessibbiltà adegwata meta jinħatru l-hubs u meta jiġu determinati l-attivitajiet u l-kompożizzjoni tagħhom. Sabiex tiġi żgurata kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa, kif ukoll bilanċ tal-kopertura tat-teknoloġiji u tas-setturi, in-network jista’ jitkabbar aktar permezz ta’ proċess sussegwenti li jkun miftuħ u kompetittiv.

(19)

Jenħtieġ li l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jiżviluppaw sinerġiji xierqa b’azzjonijiet rilevanti ffinanzjati mill- Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (*1) (‘Orizzont Ewropa’) jew minn programmi oħra ta’ riċerka u innovazzjoni, mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) stabbilit permezz ta’ Regolament riformulat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tiegħu (KICs), kif ukoll ma’ networks stabbiliti bħan-Network Enterprise Europe, jew il-Hub ta’ Konsulenza InvestEU stabbilit f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) (*2).

(20)

Jenħtieġ li l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jaġixxu bħala faċilitaturi li jlaqqgħu flimkien l-industriji, lin-negozji u lill-amministraturi pubbliċi li jkollhom bżonn soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, ma’ negozji, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs, li jkollhom soluzzjonijiet lesti għas-suq.

(21)

Jista’ jintgħażel konsorzju ta’ entitajiet legali bħala l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju li jippermetti lil entitajiet li ma jkollhomx personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali applikabbli jipparteċipaw f’sejħiet għall-proposti, dment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità li jwettqu obbligi legali f’isem dawk l-entitajiet u li dawk l-entitajiet jagħtu garanziji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija minn persuni ġuridiċi.

22.

Jenħtieġ li l-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej ikunu jistgħu jirċievu kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi parteċipanti, inkluż minn awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri u f’dawk il-pajjiżi terzi, kontribuzzjonijiet minn korpi jew istituzzjonijiet internazzjonali, u kontribuzzjonijiet mis-settur privat, b’mod partikolari minn membri, azzjonisti jew sħab tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jenħtieġ li jitħallew ukoll jirċievu dħul iġġenerat mill-assi u l-attivitajiet tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej stess, legati, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn individwi u finanzjament mill-Programm u minn programmi oħra tal-Unjoni, inkluż fil-forma ta’ għotjiet.

(23)

Jenħtieġ li l-Programm jiġi implimentat permezz ta’ proġetti li jsaħħu u jwessgħu l-użu tal-kapaċitajiet diġitali essenzjali. Jenħtieġ li tali implimentazzjoni tinvolvi kofinanzjament mal-Istati Membri u, fejn meħtieġ, mas-settur privat. Jenħtieġ li r-rata ta’ kofinanzjament tkun stabbilita fil-programm ta’ ħidma. B’deroga mir-regola ġenerali, jenħtieġ li l-finanzjament tal-Unjoni jkun jista’ jkopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. B’mod partikolari, jenħtieġ li tali finanzjament jirrikjedi li jilħaq massa kritika fl-akkwist biex jikseb valur aħjar għall-flus u biex jiggarantixxi li l-fornituri fl-Ewropa jibqgħu fuq quddiem nett tal-avvanzi teknoloġiċi.

(24)

Jenħtieġ li l-objettivi ta’ politika tal-Programm jiġu indirizzati wkoll permezz ta’ strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji taħt il-Programm InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/… (*3).

(25)

Jenħtieġ li jintużaw l-azzjonijiet tal-Programm sabiex jitjiebu aktar il-kapaċitajiet diġitali tal-Unjoni u sabiex jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment sub-ottimali, b’mod proporzjonat, mingħajr ma jidduplikaw jew jibdlu l-finanzjament privat, u jenħtieġ li jipprovdu valur miżjud Ewropew ċar.

(26)

Sabiex tinkiseb flessibbiltà massima matul il-ħajja tal-programm u sabiex jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-komponenti tal-Programm, jenħtieġ li jkun possibbli li kull wieħed mill-objettivi speċifiċi jiġi implimentat permezz ta’ kwalunkwe wieħed mill-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament Finanzjarju. Il-mekkaniżmi eżekuttivi li jridu jintużaw huma ġestjoni diretta u ġestjoni indiretta, fejn il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi kkombinat ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament jew fejn l-eżekuzzjoni tirrikjedi l-istabbiliment ta’ strutturi regolati b’mod komuni. Barra minn hekk, sabiex tirrispondi b’mod partikolari għal żviluppi u ħtiġijiet ġodda bħal teknoloġiji ġodda, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tiddevja mill-ammonti indikattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali u f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

(27)

Sabiex tkun żgurata l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi mill-baġit tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jkun żgurat il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha mwettqa skont il-Programm u l-komplementarjetà tagħhom mal-attivitajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jenħtieġ li jinstabu konsistenza, komplementarjetà u sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw oqsma ta’ politika b’rabtiet mill-qrib bejniethom. Għalkemm il-programmi ta’ ħidma rilevanti jipprovdu għodda li tiżgura konsistenza għall-azzjonijiet ġestiti direttament u indirettament, jenħtieġ li tiġi stabbilita kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti sabiex tkun żgurata konsistenza u kumplementarjetajiet bejn fondi ġestiti direttament jew indirettament u fondi li huma soġġetti għal ġestjoni kondiviża, filwaqt li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi (ir-“Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027”).

(28)

Il-kapaċitajiet tal-HPC u l-ipproċessar tad-data relatati fl-Unjonijenħtieġ li jippermettu l-użu usa’ tal-HPC mill-industrija u, b’mod aktar ġenerali, f’oqsma ta’ interess pubbliku, sabiex jaħtfu opportunitajiet uniċi li s-superkompjuters iġibu lis-soċjetà fir-rigward tas-saħħa, l-ambjent u s-sigurtà, kif ukoll il-kompetittività tal-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. L-akkwist ta’ superkompjuters tal-ogħla livell jiżgura s-sistema tal-provvista tal-Unjoni u jgħin biex iforni servizzi għas-simulazzjoni, il-viżwalizzazzjoni u l-ħolqien ta’ prototipi, filwaqt li jiżgura li s-sistemi ta’ HPC jikkonformaw mal-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni.

(29)

L-appoġġ għall-intervent tal-Unjoni fil-qasam tal-HPC ġie espress mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Barra minn hekk, bejn l-2017 u l-2018, 22 Stat Membru ffirmaw id-Dikjarazzjoni Europea dwar l-HPC, ftehim bejn ħafna gvernijiet fejn intrabtu li jikkollaboraw mal-Kummissjoni biex jibnu u jfornu infrastrutturi tal-HPC u infrastrutturi tad-data tal-ogħla livell fl-Ewropa li jkunu disponibbli għall-komunitajiet xjentifiċi u għas-sħab pubbliċi u privati madwar l-Unjoni.

(30)

Kif enfasizzat fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja lill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, sabiex jinkiseb l-Objettiv Speċifiku ‘Computing ta’ Prestazzjoni Għolja’, impriża konġunta titqies li hi l-iktar mezz ta’ implimentazzjoni adattat, b’mod partikolari biex tikkoordina l-istrateġiji u l-investimenti tal-Unjoni u dawk nazzjonali fl-infrastruttura tal-HPC, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp, biex tiġbor flimkien ir-riżorsi minn fondi pubbliċi u privati, u biex issalvagwardja l-interessi ekonomiċi u strateġiċi tal-Unjoni. Barra minn hekk, iċ-ċentri tal-kompetenzi tal-computing nazzjonali ta’ prestazzjoni għolja fit-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 (18) jipprovdu servizzi ta’ HPC lill-industrija, inkluż l-SMEs u n-negozji ġodda, lill-komunità akkademika u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

(31)

L-iżvilupp tal-kapaċità relatata mal-IA huwa xprun kruċjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija, tas-servizzi u tas-settur pubbliku. Fil-fabbriki, fl-applikazzjonijiet fil-fond tal-baħar, fid-djar, fl-ibliet u fl-isptarijiet, qegħdin jintużaw robots dejjem aktar awtonomi. Il-pjattaformi kummerċjali tal-IA, mill-ittestjar inbidlu għall-applikazzjonijiet reali fis-setturi tas-saħħa u tal-ambjent. Il-manifatturi ewlenin kollha tal-karozzi qegħdin jiżviluppaw karozzi mingħajr sewwieq, u tekniki ta’ apprendiment awtomatiku jinsabu fil-qalba tal-pjattaformi tal-web ewlenin kollha u fl-applikazzjonijiet tal-big data. Huwa essenzjali għall-Ewropa li tingħaqad fil-livelli kollha biex tkun kompetittiva internazzjonalment. L-Istati Membri rrikonoxxew dan permezz ta’ impenji konkreti għall-kollaborazzjoni fi pjan ta’ azzjoni kkoordinat.

(32)

Il-libreriji tal-algoritmi jistgħu jkopru sett kbir ta’ algoritmi, inkluż soluzzjonijiet sempliċi bħall-algoritmi ta’ klassifikazzjoni, l-algoritmi tan-network newrali u l-algoritmi tal-ippjanar jew tar-raġunar. Huma jistgħu jkopru wkoll soluzzjonijiet aktar kumplessi, bħall-algoritmi għall-għarfien tad-diskors, l-algoritmi tan-navigazzjoni integrati f’tagħmir awtonomu, bħad-droni jew karozzi awtonomi u r-robots bl-algoritmi tal-IA mibnija fihom li jippermettulhom l-interazzjoni mal-ambjent tagħhom u l-adattament għalih. Jenħtieġ li l-libreriji tal-algoritmi jkunu aċċessibbli faċilment għal kulħadd abbażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.

(33)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, il-Parlament Ewropew indika l-impatt tal-ostakli lingwistiċi fuq l-industrija u fuq id-diġitalizzazzjoni tal-industrija. F’dak il-kuntest, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-lingwa bbażati fuq l-IA fuq skala kbira, bħat-traduzzjoni awtomatika, ir-rikonoxximent tad-diskors, l-analitika tat-test tal-big data, is-sistemi ta’ djalogu u tat-tweġib tal-mistoqsijiet, huwa essenzjali biex tiġi ppreservata d-diversità lingwistika, biex tiġi żgurata l-inklużività u biex tiġi permessa l-komunikazzjoni bejn il-bnedmin u bejn il-bniedem u l-magni.

(34)

Jenħtieġ li l-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-IA jkunu faċli biex jintużaw, jenħtieġ li jikkonformaw mal-liġi b’mod awtomatiku u jenħtieġ li jagħtu aktar għażla u informazzjoni lill-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi.

(35)

Id-disponibbiltà ta’ settijiet tad-data fuq skala kbira u l-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni għandhom importanza kbira għall-iżvilupp tal-IA, inkluż it-teknoloġiji tal-lingwa.

(36)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza ta’ approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà u u rrikonoxxa l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza. Huwa jqis li r-reżiljenza ċibernetika bħala responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozju u għal dawk li jfasslu l-politika industrijali u dwar is-sigurtà nazzjonali u Ewropea, kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sigurtà u l-privatezza mill-fażi ta’ proġettazzjoni u b’mod awtomatiku.

(37)

Iċ-ċibersigurtà hija sfida għall-Unjoni kollha li ma tistax tiġi indirizzata biss b’inizjattivi nazzjonali. Il-kapaċità taċ-ċibersigurtà tal-Ewropa jenħtieġ li tissaħħaħ biex tagħti lill-Ewropa l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex tipproteġi liċ-ċittadini, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji tagħha minn theddid ċibernetiku. Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu protetti meta jużaw il-prodotti konnessi li jistgħu jiġu aċċessi b’mod illegali u li jistgħu jikkompromettu s-sikurezza tagħhom. Tali protezzjoni jenħtieġ li tinkiseb flimkien mal-Istati Membri u mas-settur privat billi jiġu żviluppati proġetti li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Ewropa fiċ-ċibersigurtà, billi tiġi żgurata koordinazzjoni bejn dawk il-proġetti u billi jiġi żgurat l-forniment wiesgħa tal-aħħar soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà fl-ekonomija kollha, inkluż proġetti, servizzi, kompetenzi u applikazzjonijiet ta’ użu doppju, kif ukoll permezz tal-aggregazzjoni tal-kompetenzi f’dan il-qasam biex jiġu żgurati l-massa kritika u l-eċċellenza.

(38)

F’Settembru 2017, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ inizjattivi li jistabbilixxu approċċ komprensiv tal-Unjoni għaċ-ċibersigurtà, bil-għan li jissaħħu l-kapaċità tal-Ewropa biex tilqa’ l-attakki ċibernetiċi u t-theddid ċibernetiku u biex jissaħħu t-teknoloġija u l-kapaċità industrijali f’dan il-qasam. Dak il-pakkett jinkludi r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(39)

Il-fiduċja hija prerekwiżit biex is-Suq Uniku Diġitali jiffunzjona. It-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà bħall-identitajiet diġitali, il-kriptografija u s-sejbien ta’ intrużjoni, u l-applikazzjoni tagħhom f’oqsma bħall-finanzi, l-industrija 4.0, l-enerġija, it-trasport, il-kura tas-saħħa, u l-gvern elettroniku huma essenzjali għas-salvagwardja tas-sigurtà u l-fiduċja tal-attivitajiet online u t-tranżazzjonijiet miċ-ċittadini, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u min-negożji.

(40)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew saħaq li biex tinbena b’suċċess Ewropa Diġitali, l-Unjoni teħtieġ swieq tax-xogħol, kif ukoll sistemi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni li jkunu adattati għall-era diġitali u li hemm il-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet diġitali sabiex tingħata s-setgħa u l-awtorità lill-Ewropej kollha.

(41)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-aġenda tas-Summit Soċjali ta’ Gothenburg ta’ Novembru 2017, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ u t-twettiq tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-Kunsill Ewropew talab ukoll lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jeżaminaw miżuri possibbli biex jindirizzaw l-isfidi tal-ħiliet marbuta mad-diġitalizzazzjoni, maċ-ċibersigurtà, mal-litteriżmu medjatiku u mal-IA u biex jindirizzaw il-ħtieġa ta’ approċċ għall-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun inklużiv, ibbażat fuq it-tagħlim tul il-ħajja u xprunat mill-innovazzjoni. B’rispons għal dan, fis-17 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta’ miżuri, li jindirizzaw l-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet diġitali, il-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva. F’Mejju 2018, tnieda t-tieni pakkett ta’ miżuri, li avvanza l-ħidma biex sal-2025 tinbena Żona Ewropea ta’ Taħriġ, li tenfasizza wkoll iċ-ċentralità tal-ħiliet diġitali. Il-litteriżmu medjatiku jinkludi kompetenzi essenzjali (għarfien, ħiliet u attitudnijiet) li jippermettu liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom b’mod effettiv mal-media u fornituri oħra tal-informazzjoni u jiżviluppaw ħsieb kritiku u ħiliet tat-tagħlim tul il-ħajja għas-soċjalizzazzjoni u jsiru ċittadini attivi.

(42)

Fid-dawl tal-bżonn ta’ approċċ olistiku, jenħtieġ li l-Programm iqis ukoll inklużjoni, kwalifiki, taħriġ u speċjalizzazzjoni, li, flimkien ma’ ħiliet diġitali avvanzati, huma deċiżivi għall-ħolqien ta’ valur miżjud fis-soċjetà tal-għarfien.

(43)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, il-Parlament Ewropew stqarr li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f’soċjetà diġitali. Barra minn hekk, huwa talab li l-perspettiva tal-bilanċ bejn is-sessi tkun inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn is-sessi fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa.

(44)

It-teknoloġiji diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm, bħall-HPC, iċ-ċibersigurtà u l-IA huma issa maturi biżżejjed biex jimxu lil hinn mill-fażi tar-riċerka u jiġu fornuti, implimentati u mkabbra fil-livell tal-Unjoni. Bl-istess mod kif il-forniment ta’ dawk it-teknoloġiji jirrikjedu rispons mill-Unjoni, hekk ukoll titlob id-dimensjoni tal-ħiliet diġitali avvanzati. Hemm bżonn li l-opportunitajiet ta’ taħriġ f’ħiliet diġitali avvanzati, inkluż il-kompetenzi tal-protezzjoni tad-data jaraw espansjoni, jiżdiedu u jsiru aċċessibbli fl-Unjoni kollha. Jekk dak ma jsirx, dan jista’ jimpedixxi l-forniment bla xkiel tat-teknoloġiji diġitali avvanzati u jista’ jfixkel il-kompetittività globali tal-ekonomija tal-Unjoni. L-azzjonijiet appoġġati mill-Programm huma komplimentari għal dawk appoġġati mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni (ir-“Regolament FEŻR-FK għall-2021-2027”), mill-Erasmus+ stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u mill- Orizzont Ewropa. Dawk l-azzjoniiiet ser jimmiraw il-forza tax-xogħol tal-Unjoni fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, b’mod partikolari professjonisti tal-ICT u professjonisti relatati oħra, kif ukoll studenti, trainees u ħarrieġa.. It-terminu ‘forza tax-xogħol’ jirreferi għall-popolazzjoni ekonomikament attiva, u tinkludi kemm ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom li huma f’impjieg u persuni qiegħda.

(45)

L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi b’mezzi diġitali huwa kruċjali biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, inkluż l-SMEs, u fuq iċ-ċittadini inġenerali billi jitħaffu aktar l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi, isiru aktar konvenjenti u irħas, kif ukoll billi tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kwalità tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini u lin-negozji, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Peress li għadd ta’ servizzi ta’ interess pubbliku diġà għandhom dimensjoni tal-Unjoni, l-appoġġ ipprovdut għall-attwazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess għal servizzi diġitali ta’ kwalità għolja fl-Unjonikollha, li huma, fejn possibbli, multilingwi. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-Unjoni f’dan il-qasam mistenni jinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku.

(46)

Id-diġitalizzazzjoni tista’ tiffaċilita u ttejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal kulħadd, inkluż il-persuni anzjani, il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jew b’diżabbiltajiet u l-persuni f’żoni remoti jew rurali.

(47)

It-trasformazzjoni diġitali tal-oqsma ta’ interess pubbliku bħalma huma l-kura tas-saħħa, il-mobbiltà, il-ġustizzja, il-monitoraġġ tad-dinja jew ambjentali, is-sigurtà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-infrastruttura tal-enerġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-kultura tirrikjedi l-kontinwazzjoni u l-espansjoni tal-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali, li jagħmlu possibbli l-iskambju sigur tad-data transfruntiera u li jrawmu l-iżvilupp nazzjonali. Il-koordinazzjoni bejn dawk l-infrastrutturi ta’ servizzi diġitali skont dan ir-Regolament tikseb bl-aħjar mod il-potenzjal għall-isfruttar ta’ sinerġiji.

(48)

L-implimentazzjoni tat-teknoloġiji diġitali neċessarji, partikolarment dawk skont l-Objettivi Speċifiċi ‘Computing ta’ Prestazzjoni Għolja’, ‘l-Iinelliġenza Artifiċjali’ u ‘ċ-Ċibersigurtà u l-Fiduċja’, hija essenzjali biex jitgawdew il-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali u tista’ tkun kumplementata minn teknoloġiji oħra avangardisti u futuri, bħat-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (pereżempju l-blockchain).

(49)

Jenħtieġ li t-trasformazzjoni diġitali tippermetti liċ-ċittadini jkollhom aċċess għal, jużaw u jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom b’mod sigur fuq livell transfruntier, irrispettivament minn fejn ikunu ċ-ċittadini jew minn fejn tinsab id-data.

(50)

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku tas-6 ta’ Ottubru 2017, il-Ministri inkarigati mill-politika u mill-koordinazzjoni tal-Gvern elettroniku mill-Istati Membri u mill-pajjiżi li huma membri tal-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Ħieles Ewropew ikkonkludew li l-progress diġitali qed jittrasforma l-qalba tas-soċjetatjiet u l-ekonomiji tagħhom, qed jisfida l-effikaċja tal-politiki li kienu ġew żviluppati qabel f’firxa wiesgħa ta’ oqsma kif ukoll ir-rwol u l-funzjoni tal-amministrazzjoni pubblika b’mod ġenerali, u li huwa d-dmir tagħhom li jantiċipaw u jmexxu dawk l-isfidi biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tan-negozji.

(51)

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-implimentazzjoni b’suċċess tas-Suq Uniku Diġitali. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali enfasizzat il-ħtieġa biex tissaħħaħ it-trasformazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess faċli, affidabbli, u bla xkiel għas-servizzi pubbliċi.

(52)

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2017 juri li l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej għandha impatt dirett fuq l-ambjent ekonomiku u għalhekk hija kruċjali għall-istimulazzjoni tal-produttività, tal-kompetittività, tal-kooperazzjoni ekonomika, tat-tkabbir sostenibbli, tal-impjiegi u tal-impjiegi ta’ kwalità għolja. B’mod partikolari, l-amministrazzjonijiet pubbliċi effiċjenti u trasparenti u s-sistemi ġudizzjarji effettivi huma meħtieġa biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u biex iwasslu servizzi ta’ kwalità għolja liċ-ċittadini u lin-negozji.

(53)

L-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi Ewropej tikkonċerna l-livelli kollha tal-amministrazzjoni: Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra t-tneħħija tal-ostakli għal funzjonament tas-suq intern, l-interoperabbiltà tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera, il-promozzjoni tal-istandards Ewropej u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki, u toffri potenzjal kbir biex jiġu evitati l-ostakli elettroniċi transfruntiera, tiżgura aktar l-apparizzjoni ta’ servizzi pubbliċi komuni ġodda, u l-konsolidazzjoni ta’ servizzi pubbliċi komuni li għadhom qed jiġu żviluppati fil-livell tal-Unjoni. Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni tas-servizzi pubbliċi Ewropej u biex jiġu sostnuti l-libertajiet fundamentali u r-rikonoxximent reċiproku operattiv fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi promoss approċċ olistiku transsettorjali u transfruntier lejn l-interoperabbiltà bl-aktar mod effettiv u bl-aktar mod responsiv għall-utenti finali. Tali approċċ jimplika li l-interoperabbiltà trid tinftiehem f’sens wiesa’, li jinfirex f’saffi tekniċi u saffi ġuridiċi u li jinkludi elementi ta’ politika f’dan il-qasam. Għaldaqstant, il-firxa ta’ attivitajiet imorru lil hinn miċ-ċiklu tal-ħajja normali ta’ soluzzjonijiet biex tinkludi l-elementi kollha ta’ intervent li jappoġġaw il-kundizzjonijiet ta’ qafas meħtieġa għall-interoperabilità sostnuta b’mod ġenerali. Jenħtieġ li l-Programm jiffaċilita wkoll l-iskambju ta’ ideat bejn l-inizjattivi nazzjonali differenti, li jwassal għall-iżvilupp ta’ soċjetà diġitali.

(54)

Jenħtieġ li l-Programm jinkoraġġixxi soluzzjonijiet ta’ sorsi miftuħa sabiex jippermetti użu mill-ġdid, iżid il-fiduċja u jiżgura t-trasparenza. Tali approċċ ser ikollu impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà ta’ proġetti ffinanzjati.

(55)

Il-baġit allokat għal azzjonijiet speċifiċi ddedikati għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ interoperabbiltà u l-interoperabbiltà ta’ soluzzjonijiet żviluppati huwa mistenni li jkun ta’ EUR 194 miljun.

(56)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea enfasizzat l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

(57)

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea biex tiżgura li kull industrija fl-Ewropa, ikun xi jkun is-settur tagħha, tinsab fejn tinsab, u irrispettivament mid-daqs tagħha, tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mill-innovazzjonijiet diġitali. Dan huwa partikolarment rilevanti għal SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi.

(58)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea u, flimkien mad-dokumenti ta’ akkumpanjament, ikkunsidraha bħala “l-ewwel pass fi programm ta’ ħidma Ewropew vast li għandu jitwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib u reċiproka bejn il-partijiet interessati kollha pubbliċi u privati”.

(59)

L-ilħuq tal-objettivi fil-mira jista’ jirrikjedi l-ingranaġġ tal-potenzjal ta’ teknoloġiji komplimentari f’oqsma ta’ networking u computing, kif ġie ddikjarat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, li tirrikonoxxi “id-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ networking u cloud ta’ klassi dinjija” bħala komponent essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

(60)

Billi jipprovdi sett wieħed ta’ regoli applikabbli direttament fl-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri, ir-Regolament (UE) 2016/679 jiggarantixxi l-fluss ħieles tad-data personali bejn l-Istati Membri u jsaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà tal-individwi, żewġ elementi indispensabbli għal Suq Uniku Diġitali reali. L-azzjonijiet kollha meħuda taħt il-Programm, li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ għalhekk li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni bla xkiel ta’ dak ir-Regolament, pereżempju fil-qasam tal-IA u fit-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. il-blockchain). Dawk l-azzjonijiet jenħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali li jikkonformaw mal-obbligi tal-protezzjoni tad-data mit-tfassil.

(61)

Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b’mod li jirrispetta b’mod sħiħ il-qafas tal-Unjoni u dak internazzjonali għall-protezzjoni u l-infurzar tal-proprjetà intellettwali. Il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tilgħab rwol ewlieni fl-innovazzjoni u, għalhekk, huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-Programm.

(62)

Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (20), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi Terzi jistgħu wkoll jieħdu sehem abbażi ta’ strumenti ġuridiċi oħrajn. Jenħtieġ li dawk l-istrumenti jkunu jistgħu jipprevedu assoċjazzjoni parzjali, jiġifieri assoċjazzjoni ma’ għadd limitat ta’ objettivi speċifiċi segwiti taħt il-Programm. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l–OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

(63)

Il-korpi fdati bl-implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-ġestjoni tal-informazzjoni, b’mod partikolari informazzjoni mhux klassifikata sensittiva u informazzjoni klassifikata tal-UE. Għall-Objettiv Speċifiku “Ċibersigurtà u Fiduċja”, raġunijiet ta’ sigurtà jistgħu jirrikjedu entitajiet ġuridiċi li huma kkontrollati minn pajjiżi terzi sabiex jiġu esklużi minn sejħiet għal proposti u għal offerti taħt dan il-Programm. F’każijiet eċċezzjonali, tali esklużjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa wkoll għall-Objettivi Speċifiċi “Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” u “Intelliġenza Artifiċjali”. Ir-raġunijiet ta’ sigurtà għal tali esklużjonijiet jeħtieġ li jkunu proporzjonati u jenħtieġ li jkunu ġustifikati debitament b’referenza għar-riskji li l-inklużjoni ta’ tali entitajiet tkun tirrappreżenta.

(64)

Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b’konformità mal-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (21), u fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba ta’ mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni b’appoġġ għall-objettivi klimatiċi u għall-ambizzjoni li 7,5 % tal-baġit jirrifletti n-nefqiet tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % fl-2026 u fl-2027 filwaqt li jitqiesu s-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn il-miri klimatiċi u tal-bijodiversità. L-azzjonijiet rilevanti jenħtieġ li jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta’ rieżami rilevanti.

(65)

Peress li l-Programm huwa ġdid, huwa utli li f’anness tingħata deskrizzjoni teknika tal-ambitu tal-azzjonijiet tal-Programm. Jenħtieġ li dik id-deskrizzjoni teknika inkluża f’tali anness titqies mill-Kummissjoni meta tkun qed tħejji l-programmi ta’ ħidma, filwaqt li l-programmi ta’ ħidma jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-objettivi speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(66)

Fil-prinċipju, il-programmi ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu adottati bħala programmi ta’ ħidma pluriennali, tipikament kull sentejn, jew, jekk dan ikun iġġustifikat minn ħtiġijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm, bħala programmi ta’ ħidma annwali. Il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-metodi ta’ implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Dik l-għażla jenħtieġ li tinkludi l-konsiderazzjoni tal-użu ta’ ammonti f’daqqa, finanzjament b’rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(67)

Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jeħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex temenda l-Anness I ta’ dan ir-Regolament biex jirrifletti l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq, fir-rigward tal-azzjonijiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u biex temenda l-Anness II tiegħu fir-rigward tal-indikaturi li jitkejlu fejn meqjus meħtieġ kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni.. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(68)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw is-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-entitajiet li jifformaw il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej inizjali u addizzjonali u tal-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma għall-Objettivi Speċifiċi 2, 4 u 5 u għall-azzjonijiet oħra possibbli taħt ġestjoni diretta għall-Objettivi Speċifiċi 1 u 3 sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm skont il-prijoritajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri filwaqt li jiġu żgurati l-konsistenza, it-trasparenza u l-kontinwità tal-azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri. Dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għall-azzjonijiet soġġetti għall-ġestjoni indiretta, il-programmi ta’ ħidma huma adottati skont ir-regoli tal-bordijiet ta’ tmexxija tal-korpi li huma ifdati bl-implimentazzjoni tal-Programm.

(69)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni tal-konsumatur u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dan ir-Regolament b’mod li jkun konsistenti ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(70)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni permezz ta’ għotjiet, premjijiet, akkwist u ġestjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(71)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jappoġġja u jaċċellera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà tal-Unjoni, li jġib benefiċċji liċ-ċttadini, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji madwar l-Unjoni, u li tjejjeb il-kompetittività tal-Ewropea fl-ekonomija diġitali globali filwaqt li jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk diġitali madwar l-Unjoni u li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(72)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza and jenħtieġ li japplika b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021.

(73)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) għalhekk jenħtieġ li titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali (“il-Programm”) għat-tul tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit tiegħu għall-perjodu 2021 sa -2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, inkluż dik fi ħdan faċilita’ ta’ taħlit jew pjattaforma kif definita fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom ta’ sostenn li mhumiex rimborsabbli jew, strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni b’forom ta’ sostenn rimborsabbli minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u minn investituri;

(2)

“entità ġuridika” tfisser persuna fiżika, jew persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma jkollhiex personalità ġuridika kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(3)

“pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li huwa parti minn ftehim mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Programm skont l-Artikolu 10;

(4)

“organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri jew li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Stat Membru;

(5)

“Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew” tfisser entità ġuridika magħżula skont l-Artikolu 16 sabiex twettaq il-kompiti taħt il-Programm, b’mod partikolari billi tipprovdi b’mod dirett, jew tiżgura aċċess għal, għarfien espert teknoloġiku u għall-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni, bħal tagħmir u għodod ta’ software li jippermettu t-trasformazzjoni diġitali ta’ industrija, kif ukoll billi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u hija tkun miftuħa għal negozji ta’ kull forma u daqs, b’mod partikolari għall-SMEs, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-kumpaniji li jkunu qed jespandu, u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-Unjoni;

(6)

“ħiliet diġitali avvanzati” tfisser dawk il-ħiliet u l-kompetenzi professjonali li jirrikjedu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa biex ikunu mifhuma, imfassla, żviluppati, amministrati, ittestjati, implimentati, użati u miżmuma t-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi appoġġati mill-Programm kif imsemmija fl-Artikolu 7;

(7)

“Sħubija Ewropea” tfisser inizjattiva kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/… (*4);

(8)

“intrapriża żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (24);

(9)

“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet meħtieġa biex jiġu mħarsa s-sistemi ta’networks u ta’ informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi, u persuni oħra milquta minn theddid ċibernetiku;

(10)

“infrastrutturi tas-servizzi diġitali” tfisser l-infrastrutturi li jippermettu li jingħataw servizzi f’network b’mod elettroniku, tipikament permezz tal-Internet;

(11)

“Siġill ta’ Eċċellenza” tfisser tfisser tikketta ta’ kwalità li turi li proposta ppreżentata wara sejħa għall-proposti skont il-Programm tkun għaddiet il-limiti kollha ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, imma ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għall-proposti fil-programm ta’ ħidma, u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni jew nazzjonali;

(12)

“skala eksa” tfisser, fil-kuntest ta’ sistemi tal-computing, li jkunu kapaċi jeżegzixxu operazzjonijiet li jżommu fil-wiċċ ta’ 1018 (10 mmultiplikat għal 18-il darba) għal kull sekonda.

Artikolu 3

Objettivi tal-programm

1.   L-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu li jappoġġa u jaċċelera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, tal-industrija u tas-soċjetà Ewropea, li jġib il-benefiċċji tagħha liċ-ċittadini, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji madwar l-Unjoni, u li jtejjeb il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija globali diġitali filwaqt li jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk diġitali madwar l-Unjoni u jsaħħaħ mill-ġdid l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, permezz ta’ appoġġ olistiku, transettorjali u transfruntier u kontribuzzjoni aktar b’saħħitha tal-Unjoni.

Il-Programm għandu jkun implimentat f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ programmi oħra tal-Unjoni kif japplikabbli, u għandu l-għan:

(a)

li jsaħħaħ u jippromwowi l-kapaċitajiet tal-Ewropa f’oqsma ta’ teknoloġija diġitali prinċipali permezz ta’ implimentazzjoni fuq skala kbira;

(b)

fis-settur privat u f’oqsma ta’ interess pubbliku, li jwessa’ t-tixrid u l-adozzjoni tat-teknoloġiji Ewropej f’oqsma diġitali ewlenin, billi jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali u l-aċċess għal teknoloġiji diġitali.

2.   Il-programm għandu jkollu ħames objettivi speċifiċi interrelatati:

(a)    L-Objettiv Speċifiku 1 : Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

(b)    L-Objettiv Speċifiku 2 : Intelliġenza Artifiċjali

(c)    L-Objettiv Speċifiku 3 : Ċibersigurtà u Fiduċja

(d)    L-Objettiv Speċifiku 4 : Ħiliet Diġitali Avvanzati

(e)    L-Objettiv Speċifiku 5 : L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċità Diġitali u l-Interoperabbiltà.

Artikolu 4

L-Objettiv Speċifiku 1- Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

timplimenta, tikkoordina fil-livell tal-Unjoni u tħaddem supercomputing integrat orjentat lejn id-domanda u mmexxi mill-applikazzjoni fuq skala eksa tal-ogħla livell u infrastruttura tad-data li jkunu aċċessibbli faċilment għall-utenti pubbliċi u privati, b’mod partikolari SMEs, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, u faċilment aċċessibbli għal skopijiet ta’ riċerka, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488;

(b)

timplimenta teknoloġija lesta biex tintuża u operattiva li tirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tinbena ekosistema integrata ta’ HPC tal-Unjoni, li tkopri diversi aspetti fis-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiċi u industrijali, inkluż il-hardware, is-software, l-applikazzjonijiet, is-servizzi, l-interkonnessjonijiet u l-ħiliet diġitali, b’livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni tad-data;

(c)

timplimenta u topera infrastruttura ta’ skala posteksa, inkluż l-integrazzjoni ma’ teknoloġiji ta’ quantum computing u infrastrutturi ta’ riċerka għax-xjenza tal-computing u tinkoraġġixxi l-iżvilupp fi ħdan l-Unjoni tal-hardware u s-software meħtieġa għal tali implimentazzjoni.

2.   L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 1 għandhom jiġu implimentati primarjament permezz tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018.

Artikolu 5

L-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 2 - L-Intelliġenza Artifiċjali għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

tibni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ IAu l-għarfien ewlenin fl-Unjoni, inkluż il-bini u t-tisħiħ tar-riżorsi tad-data ta’ kwalità u l-mekkaniżmi ta’ skambju korrispondenti, u libreriji tal-algoritmi, b’garanzija li jkun hemm approċċ inklużiv bil-bniedem fil-qofol tiegħu u li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni;

(b)

tagħmel il-kapaċitajiet msemmija fil-punt (a) aċċessibbli għan-negozji kollha, speċjalment l-SMEs u n-negozji ġodda, kif ukoll is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-universitajiet, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, sabiex jiġi mmassimizzat il-benefiċċju tagħhom għas-soċjetà u l-ekonomija Ewropea;

(c)

tirrinforza u tinnetworkja l-ittestjar tal-IA u l-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni fl-Istati Membri;

(d)

tiżviluppa u ssaħħaħ is-sistemi ta’ applikazzjoni u produzzjoni kummerċjali sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tat-teknoloġiji fil-ktajjen tal-valur u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju innovattivi u biex tqassar iż-żmien meħtieġ biex tgħaddi mill-innovazzjoni għall-isfruttament kummerċjali u titrawwem l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-soċjetà.

Soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA u d-data li tkun disponibbli għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-privatezza u s-sikurezza fid-disinn u għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Il-Kummissjoni, b’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, inkluż il-Karta, u b’konsiderazzjoni, fost l-oħrajn, tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, għandhom jistabbilixxu rekwiżiti etiċi fil-programmi ta’ ħidma taħt l-Objettiv Speċifiku 2. Sejħiet għall-proposti, sejħiet għall-offerti u ftehimiet ta’ għotja għandhom jinkludu r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dawk il-programmi ta’ ħidma.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli biex tiżgura l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti etiċi. Il-finanzjament għall-azzjonijiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti etiċi jista’ jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 2 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

Ir-rekwiżiti etiċi u legali msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollha tal-Objettiv Speċifiku2 irrispettivament mill-metodu ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 6

L-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 3 - Iċ-Ċibersigurtà u l-Fiduċja għandu jkollha l-objetttivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

tappoġġa l-akkumulazzjoni u l-akkwist ta’ tagħmir avvanzati għaċ-ċibersigurtà, għodod u infrastrutturi tad-data, flimkien mal-Istati Membri, sabiex jinkiseb livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà f’livell Ewropew, b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

(b)

tappoġġa l-akkumulazzjoni u l-aħjar użu tal-għarfien, tal-kapaċità u tal-ħiliet Ewropej relatati maċ-ċibersigurtà u l-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki;

(c)

tiżgura użu wiesa’ ta’ soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà effikaċi tal-aqwa kwalità madwar l-ekonomija Ewropea, b’attenzjoni speċjali għall-awtoritajiet pubbliċi u l-SMEs;

(d)

tirrinforza l-kapaċitajiet fl-Istati Membri u s-settur privat biex jgħinuhom jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) inkluż permezz ta’ miżuri li jappoġġaw l-adozzjoni tal-aħjar prattiki taċ-ċibersigurtà;

(e)

itejbu r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-għarfien dwar ir-riskji u l-għarfien tal-proċessi taċ-ċibersigurtà, jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fil-kisba tal-livelli bażiċi taċ-ċibersigurtà, pereżempju billi jużaw kriptaġġ minn tarf sa tarf tal-aġġornamenti tad-data u tas-software;

(f)

ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-isferi ċivili u ta’ difiża fir-rigward ta’ proġetti, servizzi, kompetenzi u applikazzjonijiet fiċ-ċibersigurtà li għandhom użu doppju, f’konformità mar-Regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (Ir-‘Regolament dwar iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà’).

2.   L-azzjonijiet skont l-Objettiv Speċifiku 3 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mar-Regolament dwar iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà.

Artikolu 7

L-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma koperti mill-programm sabiex jikkontribwixxu biex tikber il-ġabra ta’ talenti fl-Ewropa, jitnaqqas id-distakk diġitali u jitrawwem aktar professjonaliżmu, b’mod speċjali fir-rigward tal-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-cloud computing, l-analitika tal-big data, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit (pereżempju il-blockchain), it-teknoloġiji tal-kwantum, ir-robotika, l-IA filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bilanċ bejn is-sessi. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u biex tiġi mħeġġa l-ispeċjalizzazzjoni fit-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet diġitali, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha ssegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

tappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ fit-tul u korsijiet ta’ kwalità għolja, inkluż it-taħriġ imħallat, għall-istudenti u għall-forza tax-xogħol;

(b)

tappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ u korsijiet ta’ terminu qasir ta’ kwalità għolja għall-forza tax-xogħol, b’mod partikolari fl-SMEs u fis-settur pubbliku;

(c)

tappoġġa taħriġ ta’ kwalità għolja fuq il-post tax-xogħol u l-kollokamenti għall-istudenti, inkluż traineeships, u l-forza tax-xogħol, b’mod partikolari fl-SMEs u fis-settur pubbliku.

2.   L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 4 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

Artikolu 8

L-Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin filwaqt li jitnaqqas id-distakk diġitali:

(a)

tappoġġa lis-settur pubbliku u oqsma ta’ interess pubbliku, bħalma huma s-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni, il-ġudikatura, id-dwana, it-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija, l-ambjent, is-setturi kulturali u kreattivi, inkluż in-negozji rilevanti stabbiliti fi ħdan l-Unjoni, biex effettivament jużaw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-HPC, l-IA u ċ-ċibersigurtà;

(b)

timplimenta, tħaddem u żżomm infrastrutturi trans-Ewropej ta’ servizz diġitali interoperabbli tal-ogħla livell mal-Unjoni kollha, inkluż servizzi relatati, f’komplimentarjetà ma’ azzjonijiet nazzjonali u reġjonali;

(c)

tappoġġa l-integrazzjoni u l-użu ta’ infrastrutturi trans-Ewropej ta’ servizzi diġitali u ta’ standards diġitali Ewropej miftiehma fis-settur pubblliku u fl-oqsma ta’ interess pubbliku sabiex ikunu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà kosteffiċjenti;

(d)

tiffaċilita l-iżvilupp, l-aġġornament u l-użu ta’ soluzzjonijiet u oqfsa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, min-negozji u miċ-ċittadini, inkluż ta’ soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet u oqsfa ta’ interoperabbiltà;

(e)

toffri lis-settur pubbliku u lill-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari lill-SMEs, aċċess faċli għall-ittestjar u l-pilotaġġ tat-teknoloġiji diġitali użieda fl-użu tagħhom, inkluż l-użu transfruntier tagħhom;

(f)

tappoġġa t-teħid mis-settur pubbliku u l-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-SMEs u n-negozji ġodda, ta’ teknoloġiji avvanzati diġitali u dawk relatati, inkluż b’mod partikolari l-HPC, l-IA, iċ-ċibersigurtà, teknoloġiji futuri oħra fuq quddiem nett, bħat-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. il-blockchain);

(g)

tappoġġa t-tfassil, l-ittestjar, l-applikazzjoni, u l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, inkluż soluzzjonijiet diġitali tal-gvern, għas-servizzi pubbliċi fil-livell tal-Unjoni li jkunu mwassla permezz ta’ pjattaforma ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw u huma xprunati mid-data li jkollhom l-għan li jrawwmu l-innovazzjoni u li jistabbilixxu oqfsa komuni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għaċ-ċittadini u n-negozji;

(h)

tiżgura l-kapaċità kontinwa fil-livell tal-Unjoni biex tmexxi l-iżvilupp diġitali, kif ukoll li tosserva, tanalizza u tadatta x-xejriet diġitali li qed jevolvu malajr, u l-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki;

(i)

tappoġġa l-kooperazzjoni lejn il-kisba ta’ ekosistema Ewropea għall-infrastrutturi diġitali u ta’ qsim ta’ data li jgawdu l-fiduċja bl-użu, fost l-oħrajn, ta’ servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż blockchain), inkluż l-appoġġ għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni u bit-trawwim tal-użu tal-applikazzjonijiet transfruntiera tal-Unjoni bbażati fuq is-sigurtà u l-privatezza bid-disinn, filwaqt li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur u l-protezzjoni tad-data;

(j)

tibni u ssaħħaħ in-network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej u n-network tagħhom.

2.   L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 5 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

Artikolu 9

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 7 588 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a) EUR 2 226 914 000 għall-Objettiv Speċifiku 1

    il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

(b) EUR 2 061 956 000 għall-Objettiv Speċifiku 2

    l-Intelliġenza Artifiċjali;

(c) EUR 1 649 566 000 għall-Objettiv Speċifiku 3

    iċ-Ċibersigurtà u l-Fiduċja;

(d) EUR 577 347 000 għall-Objettiv Speċifiku 4

    il-Ħiliet Diġitali Avvanzati;

(e) EUR 1 072 217 000 għal Objettiv Speċifiku 5

    l-Implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, inkluż bl-użu ta’ sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

4.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

5.   Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru konċernat, jiġu ttrasferiti għall-Programm, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, inkluż biex jiġu kkomplementati għotjiet mogħtija lil azzjoni, sa 100 % tal-kost totali eliġibbli fejn possibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont il-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar ta’ sors rispettiv, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027.

7.   F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, fil-każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament u għal perijodu limitat, azzjonijiet appoġġati skont dan ir-Regolament u l-ispejjeż sottostanti jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk ikunu ġew implimentati u mġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

Artikolu 10

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.   Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin permezz ta’ assoċjazzjoni jew assoċjazzjoni parzjali, skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3:

(a)

il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew f’arranġamenti simili u b’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)

il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)

pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:

(i)

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii)

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii)

ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv)

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha;

Il-kontribuzzjonijiet msemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Assoċjazzjoni jew assoċjazzjoni parzjali ta’ pajjiżi terzi mal-Programm għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(5).

Artikolu 11

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   L-Unjoni tista’ tikkoopera ma’ pajjiżi terzi kif msemmija fl-Artikolu 10, ma’ pajjiżi terzi oħra u ma’ organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali stabbiliti f’dawk il-pajjiżi, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas tas-Sħubiji Ewro-Mediterranji u tal-Lvant u mal-pajjiżi fil-viċinat, speċjalment dawk tar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-Baħar l-Iswed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-kostijiet relatati mġarrba ma għandhomx jiġu koperti mill-Programm.

2.   Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-Objettivi Speċifiċi 1, 2 u 3 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 12.

Artikolu 12

Sigurtà

1.   L-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ sigurtà applikabbli, inkluż mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u b’mod partikolari fir-rigward tl-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata kontra divulgazzjoni mhux awtorizzata. Fil-każ tal-azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni li jużaw jew jiġġeneraw informazzjoni klassifikata, minbarra l-konformità mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, tali azzjonijiet imwettqa għandhom ikunu soġġetti għal ftehim ta’ sigurtà konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz li fih titwettaq l-attività.

2.   Fejn xieraq, il-proposti u l-offerti li jridu jiġu sottomessi mill-applikanti għandhom jinkludu awtovalutazzjoni tas-sigurtà li tidentifika kwalunkwe kwistjoni ta’ sigurtà u li tagħti dettalji dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet sabiex ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

3.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp fdat bl-implimentazzjoni tal-Programm għandhom iwettqu rieżami tas-sigurtà tal-proposti għal finanzjament sottomessi mill-applikanti li jqajmu kwistjonijiet ta’ sigurtà.

4.   Fejn xieraq, l-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (26), u r-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

5.   Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda li jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi ma jkunux eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew uħud minnhom taħt l-Objettiv Speċifiku 3 għal raġunijiet ta’ sigurtà debitament ġustifikati. F’każijiet bħal dawn, sejħiet għall-proposti u sejħiet għall-offerti għandhom ikunu ristretti għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollat mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri.

6.   Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u entitajiet legali li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f’xi wħud minnhom taħt l-Objettivi Speċifiċi 1 u 2 biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet legali biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni f’dokumenti kklassifikati. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.

7.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp fdat bl-implimentazzjoni tal-Programm għandu jwettaq, kontrolli tas-sigurtà. Il-finanzjament għal azzjonijiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti relatati ma’ kwistjonijiet tas-sigurtà msemmija f’dan l-Artikolu jista’ jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jippermetti sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni, kif deskritt fl-Anness III, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti għal finanzjament komplimentari minn programmi tal-Unjoni fejn l-arranġamenti tal-ġestjoni jippermettuh. Finanzjament minn programmi oħra jista’ jiġi implimentat f’sekwenza, f’mod li jalterna, jew permezz tal-kombinazzjoni ta’ fondi, inkluż il-finanzjament konġunt tal-azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kisba tal-objettivi speċifiċi ma tiġix imfixkla meta tissaħħaħ in-natura komplementari tal-Programm ma’ programmi oħra tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konsistenza u l-kumplementarjetà ġenerali tal-Programm mal-politiki rilevanti u l-programmi tal-Unjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-twaqqif ta’ mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u bejn tali awtoritajiet u l-Kummissjoni, u għandha tistabbilixxi għodod ta’ monitoraġġ xierqa sabiex b’mod sistematiku jiġu żgurati sinerġiji bejn il-Programm u kwalunkwe strument ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxi biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv tal-infiq.

Artikolu 14

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta, skont ir-Regolament Finanzjarju, jew b’ġestjoni indiretta billi ċerti kompitu ta’ implimentazzjoni jiġu fdati lill-korpi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8 ta’ dan ir-Regolament. Il-Korpi fdati bl-implimentazzjoni tal-Programm jistgħu jitbiegħdu mir-regoli dwar il-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament biss fejn tali tbegħid ikun previst fl-att legali li jistabbilixxi dawk il-korpi jew jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lilhom jew, għall-korpi msemmija fil-punti (c)(ii), (iii) jew (v) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, fejn tali tbegħid ikun ipprovdut fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni u l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ tali korpi jew in-natura tal-azzjoni tirrikjedi hekk.

2.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż b’mod partikolari permezz tal-akkwist bħala forma primarja jew għotjiet u premjijiet.

Fejn il-kisba tal-objettiv ta’ azzjoni teħtieġ l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi innovattivi, l-għotjiet jistgħu jingħataw biss lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE (27) u 2014/25/UE (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Fejn il-forniment ta’ oġġetti jew servizzi innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli fuq bażi kummerċjali fuq skala kbira huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ azzjoni, l-awtorita’ kontraenti jew l-entita’ kontraenti tista’ tawtorizza l-għoti ta’ diversi kuntratti fi ħdan l-istess proċedura ta’ akkwist.

Għal raġunijiet debitament ġustifikati ta’ sigurtà pubblika, l-awtorità kontraenti jew l-entita’ kontraenti tista’ teħtieġ li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun jinsab fit-territorju tal-Unjoni.

Il-Programm jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

3.   Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandu japplika l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/… (*5).

Artikolu 15

Sħubijiet Ewropej

Il-Programm jista’ jiġi implimentat permezz ta’ Sħubijiet Ewropej u fi ħdan l-ippjanar strateġiku bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/… (*5). Tali implimentazzjoni tista’ tinkludi kontribuzzjonijiet għal sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti jew ġodda fil-forma ta’ impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE. Għal dawk il-kontribuzzjonijiet, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament relatati mas-Sħubijiet Ewropej.

Artikolu 16

Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej

1.   Għandu jiġi stabbilit network inizjali tal-Hubs Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Programm. Dak in-netwek inizjali għandu jikkonsisti minn tal-inqas hub wieħed għal kull Stat Membru, sakemm ma jkun hemm ebda kandidat fi Stat Membru partikolari li jkun jista’ jiġi nnominat u magħżul f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

2.   Għall-fini li jiġi stabbilit in-network imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jinnomina entitajiet kandidati b’konformità mal-proċeduri u l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tiegħu permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kompetenzi xierqa relatati mal-attivitajiet tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u l-kompetenzi f’qasam wieħed jew aktar identifikati fl-Artikolu 3(2);

(b)

il-kapaċità ta’ ġestjoni xierqa, il-persunal u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

il-mezzi operattivi u legali biex jiġu applikati r-regoli ta’ ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta’ Unjoni; u

(d)

il-vijabbiltà finanzjarja xierqa, li tikkorrispondi għall-livell ta’ fondi tal-Unjoni li ser tkun imsejħa li tamministra u murija, fejn xieraq, permezz ta’ garanziji preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjoni dwar l-għażla tal-entitajiet li jiffurmaw in-network inizjali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ l-opinjoni ta’ kull Stat Membru qabel ma tagħżel Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju tiegħu.

L-entitajiet għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni minn fost l-entitajiet kandidati innominati mill-Istati Membri abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-kriterji addizzjonali li ġejjin:

(a)

il-baġit disponibbli għall-finanzjament tan-network inizjali; u

(b)

il-ħtieġa li n-network inizjali jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-industrija u l-oqsma ta’ interess pubbliku u li jiżgura kopertura ġeografika bbilanċjata u komprensiva biex itejjebil-konverġenza bejn l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit bir-Regolament FEŻR-FK għall-2021-2027 u l-Istati Membri l-oħra, pereżempju li jitnaqqas id-distakk diġitali f’termini ġeografiċi.

4.   Jekk meħtieġ, wara proċess miftuħ u kompetittiv, il-Kummissjoni, għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ entitajiet li jifformaw Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej addizzjonali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-Istat Membru qabel ma tagħżel Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew addizzjonali fit-territorju tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tagħżel Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej addizzjonali b’tali mod li tiżgura kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa. L-għadd ta’ entitajiet tan-network għandu jkun suffiċjenti biex jissodisfa d-domanda tas-servizzi tal-hubs fi Stati Membri partikolari. Biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet speċifiċi affaċċjati mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, jistgħu jiġu nominati entitajiet speċifiċi biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ tali reġjuni.

5.   Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali sabiex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom.

6.   Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Programm, il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandhom iwettqu l-attivitajiet li ġejjin għall-benefiċċju tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs u l-mid-caps, kif ukoll is-settur pubbliku:

(a)

jissensibilizzaw u jipprovdu jew jiżguraw l-aċċess, għall-għarfien espert, in-know-how u s-servizzi fit-trasformazzjoni diġitali, inkluż l-ittestjar u l-esperimentazzjoni tal-faċilitajiet;

(b)

jassistu lin-negozji, speċjalment lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda, lill-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar kompetittivi u sabiex itejbu l-mudelli kummerċjali tagħhom bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda koperti mill-Programm;

(c)

jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien espert u n-know-how bejn ir-reġjuni, b’mod partikolari permezz ta’ tqabbil għall-SMEs, in-negozji ġodda u l-mid-caps stabbiliti f’reġjun partikolari mal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej stabbiliti f’reġjuni oħra li huma l-aktar adattati biex jipprovdu servizzi rilevanti; jinkoraġġixxu l-iskambji ta’ ħiliet u għarfien, inizjattivi konġunti u prattiki tajbin;

(d)

jipprovdu, jew jiżguraw aċċess għal servizzi tematiċi, fosthom b’mod partikolari servizzi marbuta mal-IA, l-HPC u ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lill-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku, lill-SMEs jew lill-mid-caps;

(e)

jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-partijiet terzi taħt l-Objettiv Speċifiku 4.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jistgħu jispeċjalizzaw f’servizzi tematiċi speċifiċi u m’għandhomx għalfejn jipprovdu s-servizzi tematiċi kollha jew jipprovdu dawk is-servizzi lill-kategoriji kollha tal-entitajiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

7.   Fejn Hub tal-Innovazzjoni Diġitali Ewropew jirċievi finanzjament minll-Programm, il-finanzjament għandu jkun fil-forma ta’ għotjiet.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 17

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Huma biss l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi stabbliti fl-Artikoli 3 sa 8 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-twettiq ta’ azzjonijiet taħt il-Programm għandhom jiġu stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma.

Artikolu 18

Entitajiet ġuridiċi eliġibbli

1.   L-entitajiet ġuridiċi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Programm:

(a)

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi:

(i)

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut ma’ Stat Membru;

(ii)

pajjiż terz assoċjat mal-Programm skont l-Artikoli 10 u 12;

(b)

kwalunkwe entità ġuridika oħra maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni u kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw f’azzjonijiet speċifiċi fejn il-parteċipazzjoni tagħhom tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm. Tali entitajiet għandhom iġarrbu l-ispiża tal-parteċipazzjoni tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-programmi ta’ ħidma.

3.   Persuni fiżiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fil-Programm, ħlief għall-għotjiet mogħtija taħt l-Objettiv Speċifiku 4.

4.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 24 jista’ jipprovdi li l-parteċipazzjoni tkun limitata għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri biss, jew għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati speċifiċi jew pajiiżi terzi oħra, fejn ikun hemm raġunijiet ta’ sigurtà għal tali limitazzjoni jew fejn l-azzjonijiet jirrelataw direttament mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni. Kwalunkwe limitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi’pajjiżi assoċjati għandha tikkonforma mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim rilevanti.

KAPITOLU III

GĦOTJIET

Artikolu 19

Għotjiet

Għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju. Għotjiet bħal dawn għandhom jingħataw u jkunu ġestiti kif speċifikat għal kull objettiv speċifiku.

Artikolu 20

Kriterji tal-għotjiet

1.   Il-kriterji tal-għotijiet għandhom ikunu stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma u fis-sejħiet għall-proposti, filwaqt li, mill-inqas, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-maturità tal-azzjoni fl-iżvilupp tal-proġett;

(b)

is-solidità tal-pjan ta’ implimentazzjoni propost;

(c)

il-ħtieġa li jingħeleb xkiel finanzjarju bħal nuqqas ta’ finanzi fis-suq.

2.   Fejn applikabbli, il-kriterji tal-għotjiet, għandhom iqisu l-elementi li ġejjin:

(a)

l-effett stimolanti tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-investiment pubbliku u privat;

(b)

l-impatt ekonomiku, soċjali, fuq il-klima u dak ambjentali li mistenni jkun hemm;

(c)

l-aċċessibbiltà u l-faċilità ta’ aċċess għas-servizzi rispettivi;

(d)

dimensjoni trans-Ewropea;

(e)

distribuzzjoni ġeografika bilanċjata fl-Unjoni kollha, inkluż it-tnaqqis tad-distakk diġitali ġeografiku, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

(f)

il-preżenza ta’ pjan ta’ sostenibbiltà fit-tul;

(g)

il-libertà għall-użu mill-ġdid u l-adattament tar-riżultati tal-proġetti;

(h)

is-sinerġija u l-komplementarjetà ma’ programmi oħra tal-Unjoni.

Artikolu 21

Evalwazzjoni

B’konformità mal-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju, l-applikazzjonijiet għall-għotjiet għandhom ikunu evalwati minn kumitat tal-evalwazzjoni, li jista’ jkun kollu kemm hu jew parti minnu magħmul minn esperti esterni indipendenti.

KAPITOLU IV

OPERAZZJONIJIET TA’ TAĦLIT U FINANZJAMENT IMĦALLAT IEĦOR

Artikolu 22

Operazzjonijiet ta’ taħlit

L-operazzjonijiet ta’ taħlit skont il-Programm għandhom jitwettqu b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/… (*6) u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 23

Finanzjament kumulattiv, komplementarju u mħallat

1.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, inkluż fondi taħt ġestjoni kondiviża, tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni mill-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet totali eliġibbli tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-appoġġ.

2.   Sabiex jingħataw ċertifikazzjoni b’Siġill ta’ Eċċellenza taħt il-Programm, azzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti skont il-Programm;

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ din is-sejħa għal proposti;

(c)

ma humiex iffinanzjati fil-qafas ta’ dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, il-FEŻR jew il-FSE+ jistgħu jappoġġaw proposti ppreżentati wara sejħa għal proposti taħt il-Programm, li kienu ingħataw Siġill ta’ Eċċellenza f’konformità mal-Programm.

KAPITOLU V

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 24

Programmi ta’ ħidma

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma kif imsemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-programmi ta’ ħidma fil-prinċipju għandhom ikunu adottati bħala programmi pluriennali, tipikament kull sentejn, u jkopru l-objettivi ġenerali tal-Programm kif ukoll objettiv speċifiku, wieħed jew aktar. Jekk ikunu ġġustifikati bi ħtiġijiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi, huma jistgħu jiġu adottati wkoll bħala programmi annwali.

3.   Il-Programmi ta’ Ħidma għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi speċifiċi tal-Programm, kif stabbilit fl-Artikoli 4 sa 8, filwaqt li jqisu wkoll l-oqsma u t-tipi ta’ attivitajiet stabbiliti fl-Anness I. Għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati hemmhekk ma jeskludux il-finanzjament privat.

4.   Sabiex tirrifletti l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-attivitajiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi speċifiċi tal-Programm, kif stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8.

5.   Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.

6.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-programmi ta’ ħidma għall-Objettiv Speċifiku 2, 4 u 5 u għal azzjonijiet oħra possibbli taħt ġestjoni diretta għall-Objettivi Speċifiċi 1 u 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 25

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodoloġija biex tipprovdi indikaturi għall-valutazzjoni preċiża tal-progress miksub lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

3.   Sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu, fejn tqis li jkun meħtieġ, kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

4.   Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u f’waqtu sabiex ir-riżultati jkunu adattati għal analiżi fil-fond tal-progress miksub u d-diffikultajiet li jinqalgħu.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni u, fejn meħtieġ, fuq l-Istati Membri.

5.   L-istatistiċi uffiċjali tal-UE, bħall-istħarriġiet statistiċi regolari tal-ICT, għandhom jintużaw sal-massimu tagħhom bħala indikaturi tal-kuntest. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituti nazzjonali tal-istatistika u għandha tinvolvihom, flimkien mal-Eurostat fit-tfassil inizjali u l-iżvilupp ulterjuri tal-indikaturi statistiċi użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm u progress li jkun sar fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni.

Artikolu 26

Evalwazzjoni tal-Programm

1.   L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod f’waqtu. Dawn għandu jkun fihom valutazzjoni kwalitattiva tal-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Apparti l-monitoraġġ regolari tal-Programm, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm li għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programm. L-evalwazzjoni interim għandha tifforma l-bażi għall-aġġustament tal-implimentazzjoni tal-Programm, kif xieraq, b’kont meħud ukoll ta’ żviluppi teknoloġiċi rilevanti ġodda.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm.

L-evalwazzjoni finali għandha tivvaluta l-impatti fit-tul tal-Programm u s-sostenibbiltà tiegħu.

4.   Is-sistema ta’ rapportar dwar l-evalwazzjoni għandha tiżgura li r-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni jiġbru d-data għall-evalwazzjoni tal-programm b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu u f’livell xieraq ta’ granularità.

5.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 2 u l-evalwazzjoni finali msemmija fil-paragrafu 3 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 27

Awditi

1.   L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inkluż oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Is-sistema ta’ kontroll għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll, filwaqt li jitqiesu il-kostijiet amministrattivi u kostijiet oħrajn relatati mal-kontroll fil-livelli kollha.

3.   L-awditi tal-infiq għandhom jitwettqu b’mod konsistenti b’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.

4.   Bħala parti mis-sistema ta’ kontroll, l-istrateġija tal-awditu tista’ tkun ibbażata fuq l-awditu finanzjarju ta’ kampjun rappreżentattiv tal-infiq. Dak il-kampjun rappreżentattiv għandu jiġi kkomplementat b’għażla bbażata fuq valutazzjoni tar-riskji relatati mal-infiq.

5.   L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni għandhom jiġu awditjati darba biss, billi jiġu koperti l-programmi kollha kkonċernati u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 29

Informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità, appoġġ ta’ politika u disseminazzjoni

1.   Dawk li jirċievu l-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni integrata u li din tilħaq lill-applikanti potenzjali għall-finanzjament tal-Unjoni fis-settur diġitali.

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

3.   Il-Programm għandu jipprovdi appoġġ lill-iżvilupp tal-politika, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-tixrid ta’ azzjonijiet relatati mall-Programm u għandu jippromwovi kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

KAPITOLU VI

ATTI DELEGATI, ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI, DISPOŻIZZJONIJEIT TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 30

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Tħassir

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240.

3.   Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 9(4), biex tkun tista’ ssir l-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sat-tmien id-durata tal-Programm.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 272.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ Marzu 2021. Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(13)  (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU…, p. …).

(*1)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 7064/20 (2018/0224 (COD)).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L …, 26.3.2021, p. …).

(*2)  Ir-Regolament li jinsab fid-dokument PE CONS 74/20 (2020/0108 (COD)).

(*3)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 74/20 (2020/0108(COD)).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(20)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(21)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(23)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1).

(*4)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dok ST 7064/20 (2018/0224(COD)).

(24)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(25)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(27)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(28)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(*5)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST7064/20 (2018/0224(COD)).

(*6)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 74/20 (2020/0108(COD)).

(29)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).


ANNESS I

AZZJONIJIET

Deskrizzjoni teknika tal-Programm: l-ambitu tal-azzjonijiet

L-azzjonijietinizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti tal-Programm għandhom jiġu implimentati skont id-deskrizzjoni teknika li ġejja:

Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

Il-programm għandu jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-HPC bl-appoġġ ta’ ekosistema sħiħa tal-Unjoni li tipprovdi l-HPC u l-kapaċitajiet tad-data meħtieġa għall-Ewropa biex tikkompeti globalment. L-istrateġija għandha l-għan li tiskjera HPC u infrastruttura tad-data tal-ogħla livell b’kapaċitajiet fuq skala eksa bejn l-2022 u l-2023, u b’faċilitajiet fuq skala posteksa bejn l-2026 u l-2027 biex jagħnu lill-Unjoni bi provvista ta’ teknoloġija tal-HPC indipendenti u kompetittiva tagħha stess, tilħaq l-eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-HPC u twessa’ d-disponibbiltà u l-użu tal-HPC.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1.

Qafas ta’ akkwist konġunt li jippermetti approċċ kodisinnjat għall-akkwist ta’ network integrat ta’ HPC tal-ogħla livell, inkluż l-akkwist ta’ supercomputing u infrastruttura tad-data ta’ skala eksa. Dak in-network ser ikun faċilment aċċessibbli għall-utenti pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-SMEs, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, u ser ikunu aċċessibbli faċilment għal skopijiet ta’ riċerka, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488.

2.

Qafas ta’ akkwist konġunt għall-akkwist ta’ infrastruttura ta’ supercomputing ta’ skala posteksa inkluż l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ computing quantum.

3.

Il-koordinazzjoni u r-riżorsi finanzjarji xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp, l-akkwist u t-tħaddim ta’ din l-infrastruttura.

4.

In-networking tal-HPC ta’ Stati Membri u l-kapaċitajiet ta’ data u l-appoġġ għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ jaġġornaw jew jakkwistaw kapaċitajiet ġodda tal-HPC.

5.

In-networking taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, mill-anqas wieħed għal kull Stat Membru u assoċjati maċ-ċentri nazzjonali tas-supercomputing tagħhom biex jipprovdu servizzi ta’ HPC lill-industrija, b’mod partikolari lill-SMEs, il-komunità akkademika u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

6.

L-implimentazzjoni ta’ teknoloġija lesta biex tintuża operattiva, b’mod partikolari is-supercomputing bħala servizz li jirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni biex tinbena ekosistema tal-HPC Ewropea integrata, li tkopri s-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiku u industrijali (hardware, software, applikazzjonijiet, servizzi, interkonnessjonijiet u ħiliet diġitali avvanzati).

Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

Il-Programm għandu jibni u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-IA ewlenin fl-Ewropa, inkluż ir-riżorsi tad-data u r-repożitorji ta’ algoritmi, u jagħmilhom aċċessibbli għal-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji kollha, u għandu jsaħħaħ u jagħmel network ta’ faċilitajiet eżistenti u dawk stabbiliti reċentement tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni tal-IA fl-Istati Membri.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1.

Il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data li jagħmlu d-data madwar l-Ewropa aċċessibbli, inkluż informazzjoni miġbura mill-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, u jsiru sors ta’ input tad-data għal soluzzjonijiet tal-IA. L-ispazji jenħtieġ li jkunu miftuħa għas-setturi pubbliċi u privati. Għal aktar użu, id-data fi ħdan spazju trid issir interoperabbli, b’mod partikolari permezz ta’ formati ta’ data li huma miftuħa, jinqraw mill-magni, standardizzati u dokumentati, kemm fl-interazzjonijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll fi ħdan is-setturi u bejn is-setturi (l-interoperabbiltà semantika).

2.

L-iżvilupp ta’ libreriji jew interfaċċi komuni Ewropej għal libreriji ta’ algoritmi li jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-utenti Ewropej potenzjali kollha fuq il-bażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. In-negozji u s-settur pubbliku jridu jkunu jistgħu jidentifikaw u jakkwistaw kwalunkwe soluzzjoni li taħdem l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom.

3.

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’faċilitajiet ta’ referenza tal-ogħla livell għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni f’ambjent reali li jiffoka fuq l-applikazzjonijiet tal-IA f’setturi essenzjali bħas-saħħa, il-monitoraġġ tad-dinja jew tal-ambjent, it-trasport u l-mobbiltà, is-sigurtà, il-manifattura u l-finanzi, kif ukoll f’oqsma oħra ta’ interess pubbliku. Dawk il-faċilitajiet iridu jkunu miftuħa għall-atturi kollha madwar l-Ewropa u konnessi man-network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Dawk il-faċilitajiet iridu jiġu attrezzati bi jew konnessi ma’ faċilitajiet kbar ta’ computing u li jipproċessaw id-data, kif ukoll bl-aħħar teknoloġiji tal-IA, inklużi oqsma emerġenti bħall-computing newromorfiku, l-apprendiment profond u r-robotika.

Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

Il-Programm għandu jistimula t-tisħiħ, il-bini u l-kisba ta’ kapaċitajiet essenzjali biex jiġu żgurati l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tal-potenzjal industrijali taċ-ċibersigurtà u l-kompetittività tal-Unjoni, kif ukoll bit-titjib tal-kapaċitajiet kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku biex jiġu protetti ċ-ċittadini u n-negozji mit-theddidiet ċibernetiċi, inkluż permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

L-azzjonijiet inizjali u, fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1.

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’tagħmir avvanzat taċ-ċibersigurtà, l-infrastrutturi u l-know-how li huma essenzjali għall-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi u s-Suq Uniku Diġitali inġenerali. Tali koinvestiment jista’ jinkludi investimenti f’faċilitajiet quantum u riżorsi tad-data għas-ċibersigurtà, l-għarfien tas-sitwazzjoni fiċ-ċiberspazju kif ukoll għodod oħra li jridu jkunu disponibbli għas-settur pubbliku u dak privat madwar l-Ewropa.

2.

It-titjib tal-kapaċitajiet teknoloġiċi eżistenti u n-networking ta’ ċentri ta’ kompetenza fl-Istati Membri u li jiġi żgurat li dawk il-kapaċitajiet jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tal-industrija, inkluż permezz ta’ prodotti u servizzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali.

3.

Li jiġi żgurat l-użu wiesa’ taċ-ċibersigurtà u soluzzjonijiet ta’ fiduċja effettivi tal-ogħla livell fost l-Istati Membri. Tali użu jinkludi t-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza ta’ prodotti, mid-disinn sal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

4.

Appoġġ għall-għeluq tad-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà billi, pereżempju, jiġu allinjati l-programmi tal-ħiliet taċċibersigurtà, jiġu adattati għall-ħtiġijiet settorjali speċifiċi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-taħriġ speċjalizzat immirat.

Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet diġitali Avvanzati

Il-Programm għandu jappoġġa l-aċċess għal ħiliet diġitali avvanzati u opportunitajiet ta’ taħriġ dwar dawk il-ħiliet, b’mod partikolari, fil-HPC, fl-analitika tal-big data, fl-IA, fit-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain) u fiċ-ċibersigurtà għall-forza tax-xogħol attwali u futura, billi, fost l-oħrajn, l-istudenti, il-gradwati reċenti, il-ħaddiema attwali u ċ-ċittadini ta’ kull età bi bżonn ta’ titjib tal-ħiliet, ikunu fejn ikunu, jiġu offruti l-mezzi biex jakkwistaw u jiżviluppaw dawk il-ħiliet.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1.

Aċċess għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol bil-parteċipazzjoni f’apprendistati f’ċentri tal-kompetenza u f’negozji li jużaw teknoloġiji diġitali avvanzati.

2.

Aċċess għal korsijiet f’teknoloġiji diġitali avvanzati li jridu jiġu offruti mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, istituzzjonijiet ta’ riċerka u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni professjonali tal-industrija b’kooperazzjoni mal-korpi involuti fil-Programm (is-suġġetti mistennija jinkludu l-IA, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), il-HPC u t-teknoloġiji quantum).

3.

Parteċipazzjoni f’taħriġ professjonali speċjalizzat, għal terminu qasir li ġew preċertifikati, pereżempju fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

L-interventi għandhom jiffokaw fuq ħiliet diġitali avvanzati relatati ma’ teknoloġiji speċifiċi.

Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej previsti fl-Artikolu 16 għandhom jaġixxu bħala faċilitaturi għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, b’kollegament mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà

Proġetti li jipprevedu l-implimentazzjoni u l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali jew l-interoperabilità għandhom jikkostitwixxu proġetti ta’ interess komuni.

I.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali ta’ oqsma ta’ interess pubbliku għandhom jinkludu:

1.

L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi:

1.1.

Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku fl-oqsma kollha tal-politika, billi jinħolqu, fejn meħtieġ, ir-reġistri meħtieġa u l-interkonnessjoni tagħhom b’konformità sħiħa mar-Regolament(UE) 2016/679.

1.2.

Appoġġ għat-tfassil, il-pilotaġġ, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni, l-evoluzzjoni u l-promozzjoni ta’ ekosistema koerenti ta’ infrastruttura tas-servizzi diġitali transfruntiera u jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet u oqsfa komuni fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma mingħajr xkiel minn tarf sa tarf, siguri, interoperabbli, multilingwi, transfruntiera jew transsettorjali. Għandhom jiġu inklużi wkoll metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-benefiċċji.

1.3.

Appoġġ għall-valutazzjoni, l-aġġornament u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet u standards komuni eżistenti kif ukoll l-iżvilupp, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet ġodda komuni, speċifikazzjonijiet u standards miftuħa permezz tal-pjattaformi ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni u b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew internazzjonali kif xieraq.

1.4.

Kooperazzjoni lejn ekosistema Ewropea għal infrastrutturi affidabbli, possibbilment bl-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), li jinkludu l-appoġġ għal interoperabbiltà u standardizzazzjoni u li jrawmu l-użu ta’ applikazzjonijiet transfruntiera tal-Unjoni.

2.

Is-Saħħa

2.1.

Jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom u jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkondividu, jużaw u jiġġestixxu d-data personali tas-saħħa tagħhom bejn il-fruntieri b’mod sigur u b’mod li jiggarantixxi l-privatezza tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu jew fejn tinsab id-data, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Titlesta l-infrastruttura Ewropea ta’ servizzi diġitali tas-Saħħa elettronika u tiġi estiża permezz ta’ servizzi diġitali ġodda fir-rigward tal-prevenzjoni tal-mard, is-saħħa u l-kura u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ tali servizzi, li jibni fuq appoġġ wiesa’ mill-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari fin-Network tas-Saħħa elettronika skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

2.2.

Issir disponibbli data aħjar għar-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u s-saħħa u l-kura personalizzati. Jiġi żgurat li r-riċerkaturi tas-saħħa u prattikanti kliniċi Ewropej ikollhom aċċess għall-iskala meħtieġa ta’ riżorsi (spazji ta’ data kondiviża, inkluż il-ħżin tad-data u l-computing, għarfien espert u kapaċitajiet analitiċi) biex jinkisbu s-suċċessi rivoluzzjonarji f’mard ewlieni kif ukoll f’mard rari. Il-mira hija li jiġi żgurat koort ibbażat fuq il-popolazzjoni ta’ mill-inqas 10 miljun ċittadin.

2.3.

Isiru disponibbli għodod diġitali għat-tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u għall-kura ċċentrata fuq il-persuna billi jiġi appoġġat l-iskambju tal-aħjar prattiki u dawk innovattivi fis-saħħa diġitali, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b’mod partikolari għaċ-ċibersigurtà, l-IA u l-HPC.

3.

Il-ġudikatura

Ikun hemm komunikazzjoni elettronika bla xkiel u sigura bejn il-fruntieri fi ħdan il-ġudikatura u bejn il-ġudikatura u korpi oħra kompetenti oħra fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali. Jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja u għall-informazzjoni ġuridika u l-proċeduri għaċ-ċittadini, in-negozji, il-ġuristi u l-membri tal-ġudikatura billi jkunu pprovduti interkonnessjonijiet mal-bażijiet tad-data u r-reġistri kif ukoll bl-iffaċilitar ta’ soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarja online. Jiġu promossi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għall-qrati u l-professjoni legali bbażati, fost l-oħrajn, fuq soluzzjonijiet tal-IA li probabbilment jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri (pereżempju, applikazzjonijiet “tekniċi ġuridiċi”).

4.

It-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija u l-ambjent

Jiġu implimentati soluzzjonijiet deċentralizzati u infrastrutturi meħtieġa għal applikazzjonijiet diġitali fuq skala kbira bħal sewqan awtomatiku konness, vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord, kunċetti ta’ mobbiltà intelliġenti, bliet intelliġenti, żoni rurali intelliġenti jew reġjuni ultraperiferiċi, b’appoġġ għall-politiki tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent u f’koordinazzjoni mal-azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tas-setturi tat-trasport u l-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

5.

Edukazzjoni, kultura u midja

Jingħata aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-setturi kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-IA għall-computing avvanzat. Jiġi sfruttat il-wirt kulturali Ewropew, inkluż Europeana, biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni u r-riċerka u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-koeżjoni soċjali u s-soċjetà Ewropea. Jiġi appoġġat it-teħid ta’ teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, kif ukoll fl-istituzzjonijiet kulturali finanzjati privatament jew pubblikament.

6.

Azzjonijiet oħra li jappoġġaw is-Suq Uniku Diġitali

Jiġu appoġġati azzjonijiet bħat-trawwim tal-litteriżmu diġitali u tal-media u jiżdied l-għarfien fost il-minorenni, il-ġenituri u l-għalliema dwar ir-riskji li l-minuri jistgħu jiltaqgħu magħhom online u l-mezzi sabiex jipproteġuhom, l-indirizzar tal-intimidazzjoni elettronika u t-tixrid ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online permezz tal-appoġġ lil network pan-Ewropew ta’ Ċentri għal Internet aktar Sikur. Jiġu promossi miżuri mmirati lejn is-sejba u l-ġlieda kontra t-tixrid ta’ diżinformazzjoni intenzjonali, biex b’hekk iżidu r-reżiljenza globali tal-Unjoni; jiġi appoġġat osservatorju tal-Unjoni għall-ekonomija tal-pjattaforma diġitali kif ukoll għall-istudji u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-azzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 jistgħu jkunu parzjalment sostnuti mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz tal-istess kapaċitajiet żviluppati biex jgħinu lill-industrija fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom (ara l-punt II).

II.

L-azzjonijiet inizjali u, fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija għandhom jinkludu:

Il-kontribut għall-espansjoni tan-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej biex jiġi żgurat aċċess għall-kapaċitajiet diġitali għal kwalunkwe negozju, b’mod partikolari l-SMEs, fi kwalunkwe reġjun madwar l-Unjoni. Tali kontribuzzjonijietjinkludu:

1.

Aċċess għall-ispazji komuni Ewropej tad-data u l-pjattaformi tal-IA u għall-faċilitajiet tal-HPC Ewropej għall-analiżi tad-data u għall-applikazzjonijiet intensivi tal-computing

2.

Aċċess għall-faċilitajiet ta’ ttestjar tal-IA fuq skala kbira u għodod avvanzati taċ-ċibersigurtà

3.

Aċċess għall-ħiliet diġitali avvanzati

L-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ser ikunu kkoordinati ma’, u ser jikkomplementaw, l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni f’teknoloġiji diġitali appoġġati, b’mod partikolari, taħt Orizzont Ewropa, kif ukoll investimenti fil-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej appoġġati taħt il-FEŻR. Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet għar-replikazzjoni tas-suq mill-Programm, b’konformità mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat. Appoġġ għall-aċċess biex jiġu ffinanzjati aktar passi fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom ser jinkiseb bl-istrumenti finanzjarji li jagħmlu użu mill-Programm InvestEU.


(1)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).


ANNESS II

INDIKATURI LI JITKEJLU SABIEX JIMMONITORJAW L-IMPLIMENTAZZJONI U SABIEX JIRRAPPORTAW DWAR IL-PROGRESS TAL-PROGRAMM GĦALL-KISBA TAL-OBJETTIVI SPEĊIFIĊI

Objettiv speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC)

1.1.

L-għadd ta’ infrastrutturi tal-HPC akkwistati b’mod konġunt

1.2.

L-użu totali ta’ kompjuters fuq skala eksa u skala posteksa u minn diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati (universitajiet, SMEs eċċ.)

Objettiv speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

2.1.

L-ammont totali investit b’mod konġunt f’faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni

2.2.

L-użu ta’ libreriji jew interfaċċi Ewropej komuni għal-libreriji tal-algoritmi, l-użu ta’ spazji komuni Ewropej tad-Data u l-użu ta’ faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni marbut mal-azzjonijiet skont dan ir-Regolament

2.3.

L-għadd ta’ każijiet li għalihom l-organizzazzjonijiet jiddeċiedu li jintegraw l-IA fil-prodotti, il-proċessi jew is-servizzi tagħhom, bħala riżultat tal-Programm

Objettiv speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

3.1.

L-għadd ta’ infrastrutturi taċ-ċibersigurtà, jew għodod, jew it-tnejn li huma akkwistati b’mod konġunt (1).

3.2.

L-għadd ta’ utenti u ta’ komunitajiet ta’ utenti li qed jiksbu aċċess għall-faċilitajiet ta’ ċibersigurtà Ewropej

Objettiv speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati

4.1.

L-għadd ta’ persuni li rċevew taħriġ biex jiksbu ħiliet diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm

4.2.

L-għadd ta’ intrapriżi, speċjalment SMEs, li jkollhom diffikultà biex jirreklutaw speċjalisti tal-ICT

4.3.

L-għadd ta’ persuni li jirrappurtaw sitwazzjoni imtejba ta’ impjieg wara t-tmiem tat-taħriġ appoġġat mill-Programm

Objettiv speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċità Diġitali u l-Interoperabilità

5.1.

It-teħid tas-servizzi pubbliċi diġitali

5.2.

L-intrapriżi b’punteġġ għoli ta’ intensità diġitali

5.3.

Il-livell safejn sar l-allinjament tal-Qafas Nazzjonali ta’ Interoperabbiltà mal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà

5.4.

L-għadd ta’ negozji u entitajiet fis-settur pubbliku li użaw is-servizzi tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej

(1)  “Infrastrutturi” tipikament tfisser infrastruttura għar-riċerka jew l-esperimentazzjoni bħal faċilitajiet għall-ittestjar, ambjenti virtwali għat-taħriġ jew faċilitajiet ta’ computing/komunikazzjoni. Din tista’ tkun jew data u/jew software biss, jew tinvolvi faċilitajiet fiżiċi.

“Għodod” tfisser tipikament tagħmir fiżiku u/jew software/algoritmu użat biex iżid is-sigurtà tas-sistemi tal-ICT. Xi eżempji huma software li jintebaħ b’intrużjoni jew riżorsi tad-data li jippermettu għarfien tas-sitwazzjoni tal-infrastrutturi kritiċi.

Ir-Regolament dwar iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà jippermetti kull xorta ta’ akkwist, mhux biss l-akkwist konġunt: miċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà bħala korp tal-Unjoni; minn oħrajn bl-għajnuna ta’ għotja tal-Unjoni; jew minn diversi partijiet.


ANNESS III

SINERĠIJI MA’ PROGRAMMI OĦRA TAL-UNJONI

1.

Is-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a)

għalkemm diversi oqsma tematiċi indirizzati mill-Programm u minn Orizzont Ewropa jikkonverġu, it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati, l-outputs mistennija tagħhom u l-loġika ta’ intervent tagħhom huma differenti u komplimentari;

(b)

Orizzont Ewropa ser jipprovdi appoġġ estensiv għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni, il-pilotaġġ, il-prova tal-kunċett, l-ittestjar u l-innovazzjoni inkluż l-użu prekummerċjali ta’ teknoloġiji diġitali innovattivi, b’mod partikolari permezz ta’:

(i)

baġit iddedikat fil-pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” għar-raggruppament “Diġitali, Industrija u Spazju” biex jiżviluppa teknoloġiji abilitanti (l-IA u r-Robotika, l-Internet tal-Ġenerazzjoni li jmiss, l-HPC u l-Big Data, teknoloġiji diġitali ewlenin, li jikkombinaw it-teknoloġiji diġitali ma’ teknoloġiji oħra);

(ii)

appoġġ għall-Infrastrutturi tar-riċerka taħt il-pilastru “Xjenza Eċċellenti”;

(iii)

l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fl-Isfidi Globali kollha (is-saħħa, is-sigurtà, l-enerġija u l-mobbiltà, il-klima, eċċ.); u

(iv)

l-appoġġ għall-espansjoni tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji taħt il-pilastru “Ewropa Innovattiva” (li ħafna minnhom ser jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji diġitali u fiżiċi);

(c)

il-Programmser jinvesti:

(i)

fil-bini ta’ kapaċità diġitali fl-HPC, l-IA, it-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż il-blockchain), iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati; u

(ii)

fl-implimentazzjoni nazzjonali„ reġjonali u lokali f’qafas ta’ kapaċitajiet diġitali tal-Unjoni u l-aħħar teknoloġiji diġitali f’oqsma ta’ interess pubbliku (bħas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-edukazzjoni) jew il-falliment tas-suq (bħad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs);

(d)

il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Programm isiru disponibbli għall-komunità ta’ riċerka u innovazzjoni li jinkludu l-azzjonijiet appoġġati minn Orizzont Ewropa, inklużi l-ittestjar, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjonijiet fis-setturi u d-dixxiplini kollha;

(e)

billi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali ġodda jimmatura matul Orizzont Ewropa, dawk it-teknoloġiji ser jiġu akkwistati b’mod progressiv u implimentati mill-Programm;

(f)

l-inizjattivi ta’ Orizzont Ewropa għall-iżvilupp ta’ kurrikulu ta’ ħiliet u kompetenzi, inklużi dawk imwassla fiċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-KICs tal-EIT, jiġu kkomplimentati mill-bini tal-kapaċitajiet f’ħiliet diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm;

(g)

jiġu stabbiliti mekkaniżmi b’saħħithom ta’ koordinazzjoni għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, filwaqt li jiġu allinjati l-proċeduri kollha għaż-żewġ programmi sa fejn ikun possibbli. L-istrutturi ta’ governanza tagħhom ser jinvolvu s-servizzi kkonċernati kollha tal-Kummissjoni.

2.

Is-sinerġiji ma’ programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, inkluż il-FEŻR, il-FSE+, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajdu l-Akkwakultura, għandhom jiżguraw li:

(a)

arranġamenti għal finanzjament komplimentari minn programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża u l-Programm jintużaw biex jappoġġaw azzjonijiet li jipprovdu pont bejn l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropej;

(b)

il-FEŻR jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali u lokali, trasformazzjoni industrijali, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, biex b’hekk tiġi stimulata wkoll l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku. Dan jinkludi l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u t-teħid tar-riżultati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi. Il-Programm ser jikkomplementa u jappoġġa n-networking tranżnazzjonali u l-immappjar tal-kapaċitajiet diġitali biex jagħmluhom aċċessibbli għall-SMEs u biex jagħmlu s-soluzzjonijiet interoperabbli tal-IT aċċessibbli għar-reġjuni kollha tal-Unjoni.

3.

Is-sinerġiji mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a)

il-programm jiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-infrastruttura diġitali fuq skala kbira fl-oqsma tal-HPC, l-IA, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati, li jimmiraw lejn it-teħid u l-implimentazzjoni wesgħin madwar l-Ewropa tas-soluzzjonijiet innovattivi kritiċi eżistenti jew ttestjati f;qafas tal-Unjoni f’oqsma ta’ interess pubbliku jew falliment tas-suq. Il-Programm irid jiġi prinċipalment implimentat permezz ta’ investimenti kkoordinati u strateġiċi mal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ akkwist pubbliku konġunt, f’kapaċitajiet diġitali biex jiġu kondiviżi madwar l-Ewropa u f’azzjonijiet madwar l-Unjoni li jappoġġaw l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bħala parti mill-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali;

(b)

il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Programm iridu jsiru disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa- trid tappoġġa l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport;

(c)

iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni b’mod partikolari permezz ta’ strutturi xierqa ta’ governanza.

4.

Is-sinerġiji mal-Programm InvestEU għandhom jiżguraw li:

(a)

appoġġ permezz ta’ finanzjament ibbażat fis-suq, inkluż billi jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika taħt il-Programm ikun ipprovdut taħt ir-Regolament (UE) 2021/… (*1); tali finanzjament ibbażat fuq is-suq jista’ jiġi kkombinat mal-għotja ta’ sostenn;

(b)

aċċess għall-istrumenti finanzjarji min-negozji tkun iffaċilitata permezz tal-appoġġ ipprovdut mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej.

5.

Is-sinerġiji ma’ Erasmus+ għandhom jiżguraw li:

(a)

il-Programm jappoġġa l-iżvilupp u l-akkwist ta’ ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa għall-użu ta’ teknoloġiji avvanzati, bħalma huma l-IA jew l-HPC, f’kooperazzjoni mal-industriji rilevanti.

(b)

il-parti tal-ħiliet avvanzati tal-programm Erasmus+ tikkomplementa l-interventi tal- Programm, li jindirizzaw il-kisba ta’ ħiliet fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha permezz ta’ esperjenzi ta’ mobbiltà.

6.

Is-sinerġiji ma’ Ewropa Kreattiva stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiżguraw li:

(a)

il-fergħa MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva jappoġġa inizjattivi li jistgħu jiġġeneraw impatt reali fuq is-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa, u b’hekk jgħinhom jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali;

(b)

il-Programm, fost l-oħrajn, jipprovdi aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-settur kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-IA għall-computing avvanzat.

7.

Is-sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi oħra tal-Unjoni dwar il-kompetenzi u l-ħiliet għandhom ikunu żgurati.

(*1)  In-numru tar-Regolament li jinsab fid-dokument PE-CONS 74/20 (2020/0108(COD)).